Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2816(DEA)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0974/2016

Testi mressqa :

B8-0974/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 14/09/2016 - 9.9
CRE 14/09/2016 - 9.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0347

Testi adottati
PDF 262kWORD 49k
L-Erbgħa, 14 ta' Settembru 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
Oġġezzjoni għall-att delegat: dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta’ investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni
P8_TA(2016)0347B8-0974/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Settembru 2016 dwar ir-regolament delegat tal-Kummissjoni tat-30 ta' Ġunju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta' investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs) billi jistabbilixxi standards tekniċi regolatorji fir-rigward tal-presentazzjoni, il-kontenut, ir-rieżami u r-reviżjoni tad-dokumenti bl-informazzjoni ewlenija u l-kundizzjonijiet għas-sodisfar tar-rekwiżiti biex jiġu pprovduti dawn id-dokumenti (C(2016)03999 – 2016/2816(DEA))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-regolament delegat tal-Kummissjoni (C(2016)03999) ("ir-regolament delegat"),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2014 dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta' investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs) u b'mod partikolari l-Artikoli 8(5), 10(2) u 13(5) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE, tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE, u tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE,

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-istandard tekniku regolatorju (RTS) ippreżentat fis-6 ta' April 2016 mill-Kumitat Konġunt tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej skont l-Artikoli 10 u 56 tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010,

–  wara li kkunsidra l-ittra mħabbra mill-Kummissjoni u mibgħuta mill-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji lill-Kummissjoni fit-30 ta' Ġunju 2016, u l-ittra mibgħuta mill-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji fit-12 ta' Lulju 2016,

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni mill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 105(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu;

A.  billi huwa essenzjali li l-informazzjoni għall-konsumaturi dwar prodotti ta' investiment tkun komparabbli sabiex tippromwovi kondizzjonijiet ekwivalenti fis-suq irrispettivament minn liema tip ta' intermedjarju finanzjarju jipproduċi jew jikkummerċjalizza dawn il-prodotti;

B.  billi t-tneħħija tar-riskju ta' kreditu mill-kalkolu ta' kategorizzazzjoni tar-riskju tal-prodotti tal-assigurazzjoni tista' tiżgwida lill-investituri;

C.  billi t-trattament ta' prodotti li joffru ħafna għażliet għad irid jiġi ċċarat, b'mod partikolari fir-rigward ta' eżenzjoni espliċita mogħtija lill-fondi tal-UCITS skont ir-Regolament (UE) Nru 1286/2014;

D.  billi l-att delegat adottat mill-Kummissjoni fih nuqqasijiet fil-metodoloġija għall-kalkolu ta' xenarji ta' prestazzjoni futura u għalhekk ma jissodisfax ir-rekwiżit skont ir-Regolament (UE) Nru 1286/2014 sabiex jipprovdi informazzjoni li hija "preċiża, ġusta, ċara u li ma tiżgwidax" u, b'mod partikolari, ma jurix għal ċerti PRIIPs, anki fix-xenarju negattiv, u anke għal prodotti li regolarment wasslu għal telfiet matul il-perjodu minimu ta' parteċipazzjoni rakkomandat, li l-investituri jistgħu jitilfu l-flus;

E.  billi n-nuqqas ta' gwida ddettaljata fir-regolament delegat dwar "allert ta' komprensjoni" joħloq riskju serju ta' implimentazzjoni inkonsistenti ta' dan l-element fid-dokument bl-informazzjoni ewlenija fis-suq uniku kollu;

F.  billi l-Parlament jibqa' tal-opinjoni li standardizzazzjoni ulterjuri tal-mument meta allert ta' komprensjoni se jintuża għandha tiġi introdotta bħala mandat addizzjonali tal-RTS;

G.  billi, jekk ma jinbidlux, hemm riskju li r-regoli stabbiliti fir-regolament delegat imorru kontra l-ispirtu u l-għan tal-leġiżlazzjoni, li huwa li tipprovdi informazzjoni ċara, komparabbli, li tinftiehem u mhux qarrieqa dwar il-PRIIPs lill-investituri fil-livell tal-konsumatur;

H.  billi fl-ittra tat-30 ta' Ġunju 2016 mibgħuta lill-Kummissjoni mill-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, it-tim tan-negozjar tal-Parlament talab lill-Kummissjoni biex tivvaluta jekk l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1286/2014 għandhiex tiġi posposta;

1.  Joġġezzjona għar-regolament delegat tal-Kummissjoni;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kumissjoni u jinnotifikaha li r-regolament delegat ma jistax jidħol fis-seħħ;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta att delegat ġdid li jikkunsidra t-tħassib imsemmi hawn fuq:

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra proposta li tipposponi d-data ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1286/2014, mingħajr ma tibdel kwalunkwe dispożizzjoni oħra tal-livell 1, biex tiżgura implimentazzjoni bla xkiel tar-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament u r-regolament delegat, u tevita l-applikazzjoni tal-livell 1 mingħajr id-dħul fis-seħħ qabel tal-RTS;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

Avviż legali