Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2880(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0990/2016

Dibattiti :

PV 15/09/2016 - 8.1
CRE 15/09/2016 - 8.1

Votazzjonijiet :

PV 15/09/2016 - 11.2

Testi adottati :

P8_TA(2016)0349

Testi adottati
PDF 269kWORD 54k
Il-Ħamis, 15 ta' Settembru 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-Filippini
P8_TA(2016)0349RC-B8-0990/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Settembru 2016 dwar il-Filippini (2016/2880(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Filippini, b'mod partikolari dik tat-8 ta' Ġunju 2016(1) dwar il-Ftehim Qafas ta' Sħubija u Kooperazzjoni UE-Filippini, dik tal-14 ta' Ġunju 2012(2) u dik tal-21 ta' Jannar 2010(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-3 ta' Settembru 2016 mill-kelliem tas-SEAE dwar l-attakk f'Davao,

–  wara li kkunsidra r-relazzjonijiet diplomatiċi bejn il-Filippini u l-UE (dak iż-żmien il-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE)), stabbiliti fit-12 ta' Mejju 1964 bil-ħatra tal-Ambaxxatur tal-Filippini għall-KEE,

–  wara li kkunsidra l-istatus tal-Filippini bħala membru fundatur tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN) wara l-iffirmar tad-Dikjarazzjoni ta' Bangkok fit-8 ta' Awwissu 1967,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Filippini, min-naħa l-oħra,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-8 ta' Ġunju 2016 mis-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon dwar l-approvazzjoni apparenti ta' każijiet ta' qtil extraġudizzjarju,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-3 ta' Awwissu 2016 mid-Direttur Eżekuttiv tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC) dwar is-sitwazzjoni fil-Filippini,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-4 ta' Settembru 2016 attribwibbli għall-Kelliem tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Filippini,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-4 ta' Settembru 2016 dwar l-attakki terroristiċi fil-Filippini,

–  wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Filippini u l-UE ilhom igawdu relazzjonijiet diplomatiċi, ekonomiċi, kulturali u politiċi bejniethom;

B.  billi d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u d-djalogu mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili dejjem kienu parti importanti mit-taħditiet bilaterali bejn l-UE u l-Filippini;

C.  billi l-Gvern tal-Filippini li ġie elett reċentement se jiffaċċa sfidi enormi fir-rigward tal-ġlieda kontra l-inugwaljanzi u l-korruzzjoni u biex imexxi l-proċess tal-paċi fil-pajjiż;

D.  billi l-kummerċ illegali tad-drogi fil-Filippini għadu kwistjoni ta' tħassib nazzjonali u internazzjonali serju; billi fl-2015, skont ir-rapport annwali tad-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti lill-Kungress, il-Philippine Drug Enforcement Agency (PDEA), l-aġenzija ewlenija tal-infurzar kontra n-narkotiċi fil-pajjiż, irrapportat li 8 629 raħal jew barangay (madwar 20 % tal-irħula tal-pajjiż) kienu rrappurtaw reati marbuta mad-drogi, u billi l-Filippini titqies li għandha l-ogħla rata ta' użu ta' metamfetamina fl-Asja tal-Lvant;

E.  billi wieħed mill-aspetti ewlenin tal-kampanja presidenzjali ta' Rodrigo Duterte kien impenn biex jintemmu l-livelli kollha ta' reati relatati mad-drogi fil-pajjiż; billi, matul il-kampanja elettorali tiegħu u l-ewwel jiem fil-kariga, il-President Duterte ħeġġeġ ripetutament lill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u lill-pubbliku biex joqtlu lill-persuni suspettati bi traffikar ta' drogi li ma jkunux ċedew, u lill-persuni li jikkunsmaw id-drogi;

F.  billi il-President Duterte ddikjara pubblikament li hu ma kienx se jressaq quddiem il-qrati lil uffiċjali tal-infurzar tal-liġi u ċittadini li joqtlu lit-traffikanti tad-drogi li jirreżistu l-arrest;

G.  billi ċifri maħruġa mill-Pulizija Nazzjonali tal-Filippini juru li bejn l-1 ta' Lulju u l-4 ta' Settembru 2016, il-pulizija qatlu aktar minn elf persuna suspettati li biegħu jew ikkonsmaw id-drogi, u billi statistiċi oħrajn tal-pulizija jattribwixxu l-qtil ta' aktar minn elf persuna allegatament traffikanti tad-drogi u persuni li jikkunsmaw id-drogi f'dawn l-aħħar xahrejn għal persuni armati mhux magħrufa; billi, skont Al Jazeera, aktar minn 15 000 persuna suspettati b'reati relatati mad-drogi ġew arrestati, l-aktar fuq il-bażi ta' għajdut u allegazzjonijiet magħmula minn ċittadini oħra, u billi kważi 700 000 taw ruħhom "volontarjament" f'idejn il-pulizija u rreġistraw għal trattament taħt il-programm Tokhang sabiex jevitaw li jkunu l-mira tal-pulizija jew viġilanti;

H.  billi fit-8 ta' Ġunju 2016, is-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon ikkundanna s-sensiela ta' eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji billi ddikjara li dawn huma illegali u jikkostitwixxu ksur tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali;

I.  billi fit-18 ta' Awwissu 2016, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji, Agnes Callamard, u r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-dritt għas-saħħa, Dainius Pūras, ħeġġew lill-Gvern tal-Filippini itemm il-mewġa attwali ta' eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji u qtil fil-kuntest ta' kampanja intensifikata kontra l-kriminalità u kontra d-drogi mmirata fuq it-traffikanti u fuq il-persuni li jikkunsmaw id-drogi;

J.  billi s-Senat u l-Kummissjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Filippini wettqu l-inkjesti indipendenti tagħhom stess dwar l-imwiet;

K.  billi l-Filippini kien wieħed mill-ewwel pajjiżi fl-Asja li abolixxew il-piena tal-mewt, fl-1987; billi, wara li kienet reġgħet iddaħħlet, il-piena tal-mewt ġiet abolita għat-tieni darba taħt il-President Arroyo fl-2006; billi matul il-kampanja elettorali tiegħu l-President Duterte talab li din terġa' tiddaħħal, b'mod partikolari fil-każ ta' kummerċ illegali ta' drogi, u billi abbozz ta' liġi qed jiġi eżaminat fil-Kungress;

L.  billi abbozz ta' liġi ieħor fil-Kungress hu mmirat biex titnaqqas l-età tar-responsabiltà kriminali minn ħmistax-il sena għal disa' snin;

M.  billi fit-2 ta' Settembru 2016 attakk bil-bombi, rivendikat minn Abu Sayyaf u l-affiljati tiegħu, f'suq fil-belt ta' Davao, wassal għal tal-anqas 14-il persuna mejta u 70 ruħ midruba; billi l-forzi armati tal-Filippini qed ikomplu offensiva militari kontra l-militanti ta' Abu Sayyaf, affiljati ta' IS, fil-provinċja ta' Nofsinhar ta' Sulu;

N.  billi, wara l-attakk, il-Gvern tal-Filippini ddikjara "stat ta' emerġenza nazzjonali minħabba l-atti ta' vjolenza illegali f'Mindanao";

O.  billi fis-26 ta' Awwissu 2016, taħt l-awspiċi tal-Gvern Norveġiż, ġie ffirmat waqfien mill-ġlied indefinit bejn il-Gvern tal-Filippini u l-NDFP (Front Demokratiku Nazzjonali tal-Filippini), li jirrappreżenta pass ewlieni tul 47 sena ta' gwerrilja li swiet il-ħajja ta' madwar 40 000 ruħ;

P.  billi l-Filippini se jkollha l-Presidenza tal-ASEAN fl-2017, u billi l-President Duterte ħabbar li "matul il-Presidenza tal-Filippini, aħna se nuru l-ASEAN bħala mudell ta' reġjonaliżmu u attur globali, li għandha fil-qalba tagħha l-interessi tal-persuni";

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-attakk fuq is-suq ta' billejl fil-belt ta' Davao fit-2 ta' Settembru 2016, u jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-qraba tal-vittmi; jenfasizza li l-atturi ta' dan il-qtil għandhom jinżammu responsabbli, iżda jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE timmonitorja bir-reqqa r-rikors għas-"sospensjoni tal-istat irregolat mill-istat tad-dritt"; iħeġġeġ lill-istati kollha, f'konformità mal-obbligi tagħhom li joħorġu mid-dritt internazzjonali u r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, jikkoperaw b'mod attiv mal-Gvern tal-Filippini u l-awtoritajiet rilevanti kollha f'dan ir-rigward;

2.  Jikkundanna bil-qawwa t-traffikar u l-abbuż tad-drogi fil-Filippini; jenfasizza li d-drogi illegali jikkostitwixxu theddida għaż-żgħażagħ fil-Filippini u waħda mill-aktar problemi serji fis-soċjetà;

3.  Huwa konxju tal-fatt li fil-Filippini miljuni ta' persuni huma milquta mil-livell għoli ta' dipendenza fuq id-drogi u l-konsegwenzi tagħha; jesprimi t-tħassib qawwi tiegħu, madankollu, dwar l-għadd straordinarjament għoli ta' persuni maqtula matul l-operazzjonijiet tal-pulizija u minn gruppi ta' viġilanza fil-kuntest ta' kampanja intensifikata kontra l-kriminalità u d-droga diretta lejn in-negozjanti u l-konsumaturi tad-drogi, u jħeġġeġ lill-Gvern tal-Filippini jtemm il-mewġa attwali ta' eżekuzzjonijiet u qtil extraġudizzjarji;

4.  Jilqa' l-intenzjoni tal-gvern li jnaqqas il-livelli għoljin ta' kriminalità u korruzzjoni fil-pajjiż, iżda jistieden lill-gvern jadotta politiki u programmi globali u speċifiċi, li għandhom jinkludu wkoll miżuri mmirati lejn il-prevenzjoni u r-riabilitazzjoni, mingħajr fokus esklussiv fuq ir-ripressjoni vjolenti;

5.  Jilqa' bil-qawwa l-inizjattiva tal-President Duterte biex jagħti saħħa ġdida lill-proċess ta' paċi mal-NDFP (Front Demokratiku Nazzjonali tal-Filippini) u qed jistenna bil-ħerqa li jintemm dan il-kunflitt fil-futur qrib, minħabba li, skont il-pjan tan-negozjati, il-ftehim finali biex jintemm il-kunflitt armat jista' jinkiseb fi żmien sena;

6.  Jenfasizza li r-rispons għall-kummerċ illeċitu tad-drogi għandu jitwettaq f'konformità sħiħa mal-obbligi nazzjonali u internazzjonali;

7.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali skont l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u l-istrumenti internazzjonali rratifikati mill-Filippini;

8.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet iniedu investigazzjoni immedjata dwar l-għadd straordinarjament għoli ta' persuni li nqatlu waqt operazzjonijiet tal-pulizija;

9.  Jinnota li l-UNODC jinsab lest li jinvolvi ruħu aktar mal-Filippini biex it-traffikanti tad-drogi jaffaċjaw il-ġustizzja bis-salvagwardji ġuridiċi xierqa f'konformità ma' standards u normi internazzjonali;

10.  Jirrakkomanda li jiġi stabbilit mingħajr dewmien mekkaniżmu nazzjonali għall-prevenzjoni tat-tortura, kif previst mill-Konvenzjoni kontra t-Tortura u l-Protokoll Fakultattiv tagħha;

11.  Iħeġġeġ lill-Gvern Filippin jikkundanna l-azzjonijiet tal-gruppi ta' viġilanti u jinvestiga r-responsabbiltà tagħhom fil-qtil; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Filippini jwettqu investigazzjoni immedjata, approfondita, effikaċi u imparzjali sabiex jiġu identifikati dawk kollha responsabbli, jitressqu quddiem qorti ċivili kompetenti u imparzjali u jingħatawlhom il-pieni previsti mil-liġi;

12.  Jistieden lill-Gvern tal-Filippini jiggarantixxi protezzjoni adegwata għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, it-trejdjunjonisti u l-ġurnalisti;

13.  Jilqa' l-impenn tal-President Duterte fir-rigward tal-programmi ta' riabilitazzjoni mid-dipendenza fuq id-drogi, u jitlob lill-UE tappoġġja lill-gvern fl-isforzi tiegħu biex jipprovdi lill-konsumaturi tad-drogi b'għajnuna adegwata ħalli jeħilsu mid-dipendenza tagħhom, u biex tkompli bl-appoġġ tagħha għar-riforma tas-sistema tal-ġustizzja kriminali fil-Filippini;

14.  Jirrakkomanda li l-Filippini tirratifika mingħajr dewmien il-Konvenzjoni għall-Ħarsien tal-Persuni kollha mill-Għajbien Sfurzat u li tikkriminalizza l-għajbien furzat u l-eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji fil-leġislazzjoni nazzjonali;

15.  Iħeġġeġ lill-Kungress tal-Filippini jastjeni milli jintroduċi mill-ġdid il-piena tal-mewt; u milli jbaxxi l-età minima tar-responsabilità kriminali;

16.  Jinnota li, abbazi tal-evidenza empirika kollha, il-piena tal-mewt ma tnaqqasx id-delinkwenza relatata mad-drogi u se teqred kisba kbira tas-sistema ġudizzjarja Filippina;

17.  Iħeġġeġ lill-UE tuża l-istrumenti kollha disponibbli biex tgħin lill-Gvern tal-Filippini jirrispetta l-obbligi internazzjonali tiegħu fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari permezz tal-Ftehim Qafas;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Filippini, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-istati membri tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN), lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

(1) Testi adottati, P8_TA(2016)0263.
(2) ĠU C 332E, 15.11.2013, p. 99.
(3) ĠU C 305E, 11.11.2010, p. 11.

Avviż legali