Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2881(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0989/2016

Dibattiti :

PV 15/09/2016 - 8.2
CRE 15/09/2016 - 8.2

Votazzjonijiet :

PV 15/09/2016 - 11.3

Testi adottati :

P8_TA(2016)0350

Testi adottati
PDF 280kWORD 55k
Il-Ħamis, 15 ta' Settembru 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
Is-Somalja
P8_TA(2016)0350RC-B8-0989/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Settembru 2016 dwar is-Somalja (2016/2881(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Somalja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar l-attakki fis-Somalja tas-27 ta' Frar 2016, tat-2 ta' Ġunju 2016, tas-26 ta' Ġunju 2016, tas-26 ta' Lulju 2016 u tal-21 ta' Awwissu 2016,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Somalja tat-18 ta' Lulju 2016 u tal-15 ta' Frar 2016,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà Federica Mogherini, dwar id-deċiżjoni dwar mudell elettorali għas-Somalja fl-2016,

–  wara li kkunsidra l-"Kumpatt ta' Patt Ġdid" adottat fis-16 ta' Settembru 2013 fi Brussell,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE għas-Sigurtà u l-Iżvilupp fir-reġjun tas-Saħel ta' Settembru 2011,

–  wara li kkunsidra r-rapport tan-NU dwar il-libertà ta' espressjoni fis-Somalja, li nħareġ fl-4 ta' Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2297 (2016) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tas-7 ta' Lulju 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapporti dwar is-Somalja tas-Segretarju Ġenerali tan-NU lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-8 ta' Jannar 2016 u tad-9 ta' Mejju 2016,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-Eżami Perjodiku Universali tat-13 ta' April 2016,

–  wara li kkunsidra l-kundanna espressa mir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU fis-Somalja, Michael Keating, tal-ibbumbardjar ta' lukanda f'Mogadishu fit-30 ta' Awwissu 2016,

–  wara li kkunsidra l-aħħar Eżami Perjodiku Universali dwar is-Somalja quddiem il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU f'Jannar 2016,

–  wara li kkunsidra s-sejħa tal-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM) tat-2 ta' Settembru 2016 għall-għajnuna kontra l-użu ta' apparat esplożiv improvviżat (IED) fis-Somalja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-AMISOM tas-26 ta' Lulju 2016 li tikkundanna l-attakki terroristiċi f'Mogadishu,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Speċjali tal-President tal-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana (SRCC) għas-Somalja, l-Ambaxxatur Francisco Caetano Madeira, tat-30 ta' Awwissu 2016, fejn ifaħħar lill-forzi tas-sigurtà Somali b'rabta mal-attakk fuq lukanda f'Mogadishu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou bejn l-AKP u l-UE,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana fl-455 laqgħa tiegħu tat-2 ta' Settembru 2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti fl-Afrika,

–  wara li kkunsidra l-mandat tal-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli biex tippromwovi u tħares id-drittijiet tal-bniedem u tal-popli taħt il-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni tal-Unità Afrikana dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra t-Terroriżmu, adottata fl-1999,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-Somalja, wara għoxrin sena ta' gwerra ċivili, nuqqas ta' kontroll mill-Istat u terroriżmu, tinsab f'perjodu ta' tranżizzjoni kruċjali; billi mill-2012 'il hawn, meta gvern ġdid appoġġat fuq livell internazzjonali ngħata l-poter, is-Somalja qed tersaq bil-mod il-mod lejn l-istabilità, iżda l-awtoritajiet il-ġodda għadhom qed iħabbtu wiċċhom ma' sfida min-naħa ta' ribelli ta' Al-Shabaab allinjati ma' Al-Qaeda;

B.  billi, minkejja li ġew osservati impenji u żviluppi ta' politika pożittivi tal-gvern tas-Somalja, bħalma huma l-ħolqien ta' Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem indipendenti, in-nuqqas ta' sigurtà u l-ġlied politiku intern għadhom qed ixekklu l-progress konkret fuq il-ġustizzja u r-riforma tas-settur tas-sigurtà;

C.  billi, fin-nuqqas ta' ġudikatura ċivili li tiffunzjona, il-Gvern tas-Somalja jiddependi mill-qrati militari biex jipproċessa u jikkundanna lil membri tal-popolazzjoni ċivili, u dan ma jiggarantixxix id-drittijiet tal-imputati ċivili; billi jingħataw setgħat wesgħin ta' stħarriġ lill-National Intelligence and Security Agency (NISA - Aġenzija Nazzjonali tal-Intelligence u s-Sigurtà), li bħalissa ma għandhiex mandat ta' infurzar tal-liġi, li jwassal għal ksur sostanzjali tad-drittijiet għal proċess ġust tal-persuni arrestati miżmuma minn NISA;

D.  billi l-poplu tas-Somalja qed jiffaċċja problemi u jbati l-konsegwenzi ta' attakki brutali kontinwi minn kmandanti militari u terroristi; billi fit-30 ta' Awwissu 2016 mill-inqas 10 persuni, inklużi suldati u persuni ċivili, sfaw maqtula f'Mogadishu quddiem il-Palazz Presidenzjali; billi fis-26 ta' Lulju 2016, Al-Shabaab immira għall-bażi tal-Unjoni Afrikana f'Mogadishu, fejn inqatlu mill-inqas 13-il persuna, inkluż persunal tan-NU, u attakki oħrajn sparati bil-bus ġew irrappurtati fix-xhur preċedenti, li matulhom inqatlu aktar minn 100 persuna; billi Al-Shabaab għadu wkoll attiv fil-pajjiż ġar tal-Kenja, fejn iwettaq attakki terroristiċi regolari;

E.  billi l-AMISOM, il-missjoni tal-Unjoni Afrikana għaż-żamma tal-paċi ta' 22 000 ruħ, ngħatat il-mandat, inter alia, li tnaqqas it-theddida maħluqa minn Al-Shabaab u gruppi armati oħrajn tal-oppożizzjoni, li tipprovdi sigurtà sabiex ikun jista' jseħħ il-proċess politiku fil-livelli kollha, kif ukoll sforzi għall-istabbilizzazzjoni, ir-rikonċiljazzjoni u l-konsolidazzjoni tal-paċi fis-Somalja, u li tiffaċilita t-trasferiment gradwali tar-responsabilitajiet tas-sigurtà mill-AMISOM għall-forzi tas-sigurtà Somali, li jiddependi mill-kapaċitajiet ta' dawn tal-aħħar; billi l-mandat tal-AMISOM ġie estiż sal-31 ta' Mejju 2017, mossa li tintlaqa' tajjeb mill-Parlament;

F.  billi l-Uganda, l-akbar kontributur ta' truppi, ħabbret li ser tirtira aktar minn 6 000 mit-truppi tagħha mis-Somalja sa tmiem l-2017; billi l-Unjoni Afrikana ħabbret il-pjanijiet tagħha li tirtira l-forzi kompletament sa tmiem l-2020, u qalet li r-responsabilitajiet ta' sigurtà se jiġu ttrasferiti gradwalment lill-militar Somalu, sa mill-2018;

G.  billi l-forzi tal-AMISOM ġew akkużati f'diversi okkażjonijiet li wettqu abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż qtil indiskriminat u xi każijiet ta' sfruttament u abbuż sesswali;

H.  billi l-proċess elettorali li se jsir dalwaqt fis-Somalja huwa pass importanti għall-poplu tas-Somalja u se jkollu implikazzjonijiet fit-tul għas-sigurtà, l-istabilità u l-iżvilupp tas-Somalja u tar-reġjun usa';

I.  billi l-votazzjoni għall-membri tal-Kamra Superjuri tal-Parlament Federali tas-Somalja għandha sseħħ fil-25 ta' Settembru 2016, u l-votazzjoni għall-membri tal-Kamra tal-Poplu tal-Parlament Federali tas-Somalja se sseħħ bejn l-24 ta' Settembru u l-10 ta' Ottubru 2016; billi l-President għandu jiġi elett miż-żewġ kmamar fit-30 ta' Ottubru 2016;

J.  billi l-proċess elettorali ser ikun kruċjali għal elezzjoni universali demokratika fl-2020, li ser tiġi organizzata mill-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali Indipendenti;

K.  billi Omar Mohammed Abdulle, il-President tal-Federal Indirect Electoral Implementation Team (FIEIT - Tim Federali ta' Implimentazzjoni Elettorali Indiretta), ikkonferma mill-ġdid li l-proċess elettorali tal-2016 se jseħħ fil-ħin u li se jkun trasparenti u kredibbli;

L.  billi l-libertà ta' espressjoni, li taqdi rwol ċentrali fil-bini ta' stati demokratiċi, għadha limitata b'mod sinifikanti; billi rapport reċenti tan-NU dwar il-libertà ta' espressjoni fis-Somalja juri l-ambjent diffiċli li għadhom qed iħabbtu wiċċhom miegħu l-ġurnalisti, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-mexxejja politiċi, inklużi qtil - l-aktar mill-Al-Shabaab - arresti, intimidazzjoni u għeluq ta' mezzi tax-xandir kritiċi; billi l-awtoritajiet rarament jinvestigaw dawn il-każijiet jew iħarrku lill-awturi ta' tali delitti;

M.  billi setgħat wesgħin ta' stħarriġ huma mogħtija lill-National Intelligence and Security Agency (NISA - Aġenzija Nazzjonali tal-Intelligence u s-Sigurtà), li attwalment ma għandhiex mandat ta' infurzar tal-liġi, u b'hekk dan qed jirriżulta fi ksur sinifikanti tad-drittijiet għal proċess ġust tal-persuni arrestati miżmuma minn NISA;

N.  billi, skont ir-rapport tan-NU, jistgħu jiġu identifikati 120 każ ta' arrest u detenzjoni arbitrarji ta' persuni li jaħdmu fil-midja bejn Jannar 2014 u Lulju 2016; billi, minn Jannar 2015, huma biss għaxra mit-48 ġurnalist u ħaddiem tal-midja li kienu ġew arrestati li tressqu quddiem qorti;

O.  billi s-Somalja għadha wieħed mill-pajjiżi bl-akbar u l-aktar komunitajiet spustati fit-tul madwar id-dinja, b'1,1 miljun ruħ spustati internament, inkluż madwar 400 000 li jgħixu f'Mogadishu biss, u kważi miljun rifuġjat fir-reġjun tal-Qarn tal-Afrika; billi f'Lulju 2016 biss, il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR) irrapporta li evizzjonijiet furzati u nuqqas ta' sigurtà minħabba l-offensiva militari li għadha għaddejja rriżultaw fi kważi 28 000 spustament ġdid;

P.  billi hemm 420 000 rifuġjat mis-Somalja f'kampijiet fil-Kenja, bi 350 000 fil-kamp ta' Dadaab, u l-gvernijiet tas-Somalja u tal-Kenja u l-UNHCR qablu li jiffaċilitaw ir-ritorn volontarju ta' 10 000 rifuġjat lejn is-Somalja, lejn żoni li huma ħielsa mill-kontroll ta' Al-Shabaab; billi l-Gvern Kenjan iddikjara f'Mejju 2016 li l-kamp tar-rifuġjati ta' Dadaab fil-Grigal tal-Kenja se jingħalaq sa tmiem is-sena;

Q.  billi t-tfal għadhom qed jinqatlu, jiġu detenturi b'mod arbitrarju, u reklutati fil-forzi armati, minkejja li s-Somalja rratifikat il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal f'Jannar 2015, u minkejja li approvat id-Dikjarazzjoni dwar Skejjel Sikuri f'Novembru 2015, billi ħadet l-impenn li tieħu passi konkreti biex tipproteġi lill-istudenti u lill-istituzzjonijiet edukattivi;

R.  billi l-UE pprovdiet EUR 286 miljun permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (2014-2020), filwaqt li ffukat fuq l-implimentazzjoni tal-"Kumpatt" u b'mod partikolari fuq il-bini tal-istat u l-bini tal-paċi, is-sigurtà tal-ikel, ir-reżiljenza u l-edukazzjoni; billi l-UE hija impenjata wkoll li tappoġġa lill-AMISOM permezz tal-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika;

1.  Jesprimi s-solidarjetà profonda tiegħu mal-vittmi tal-attakki terroristiċi reċenti fis-Somalja u mal-familji tagħhom, u jiddispjaċih b'mod profond għat-telf ta' ħajjiet; fl-istess ħin, jikkundanna bil-qawwa l-awturi ta' dawn l-attakki, attribwiti lill-gruppi ribelli Al-Shabaab;

2.  Jitlob li jissaħħu l-arkitettura tas-sigurtà nazzjonali u l-protezzjoni tal-popolazzjoni, kif ukoll li jingħata appoġġ addizzjonali mill-komunità internazzjonali lill-AMISOM u lill-Gvern tas-Somalja fil-ħidma tagħhom biex jibnu l-paċi u l-istabilità;

3.  Ifakkar li l-istabilità u l-paċi dejjiema jistgħu jinkisbu biss permezz tal-inklużjoni soċjali, l-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba bbażati fuq il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt li fihom id-dinjità u d-drittijiet tal-popli huma rispettati bis-sħiħ;

4.  Jesprimi l-ħtieġa ta' djalogu komprensiv bejn is-setturi soċjali tal-pajjiż, inklużi l-klannijiet u t-tribujiet li jikkomponu n-nazzjon tas-Somalja, biex jitħalla jkun hemm fehim reċiproku u jiġi stabbilit kunsens għal paċi dejjiema u stabbli;

5.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-approvazzjoni min-naħa tal-gvern u tal-mexxejja reġjonali ta' Politika ta' Sigurtà Nazzjonali ġdida, filwaqt li jappella lill-gvern biex jaċċelera l-implimentazzjoni tagħha minħabba t-theddida li għadha teżisti minn Al-Shabaab;

6.  Jistieden lill-UE u lis-sħab internazzjonali tagħha jibqgħu impenjati bil-qawwa li jikkooperaw mas-Somalja fil-bini ta' istituzzjonijiet leġittimi u settur tas-sigurtà taħt sjieda Somala biex jiġġieldu kontra t-terroriżmu u jipprovdu protezzjoni għan-nies kollha; jenfasizza li dan huwa ta' importanza ewlenija għall-iżvilupp kostruttiv tas-Somalja u għas-sigurtà tar-reġjun;

7.  Jistieden lill-Unjoni Afrikana (UA) tiżgura li l-pajjiżi kollha li qed jikkontribwixxu truppi jikkondividu informazzjoni mas-CCTARC (iċ-Ċellola tal-Insegwiment, l-Analiżi u r-Rispons ta' Diżgrazzji Ċivili tal-AMISOM) fir-rigward ta' rapporti ta' diżgrazzji ċivili jew investigazzjonijiet dwar diżgrazzji ċivili mill-pajjiżi li qed jikkontribwixxu truppi, u li din l-informazzjoni tiġi kondiviża wkoll man-NU, skont ir-riżoluzzjoni 2297 (2016) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u tiddaħħal fil-pjanijiet operattivi tal-AMISOM;

8.  Jistieden lill-gvern u lill-UE, bħala parti mill-attivitajiet tagħha rigward l-istat tad-dritt fis-Somalja, jiżguraw li n-NISA hija regolata b'mekkaniżmi effikaċi ta' sorveljanza u jibnu l-għarfien espert tekniku tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali (CID) tas-Somalja biex iwettqu investigazzjonijiet bir-reqqa, effettivi u li jirrispettaw id-drittijiet;

9.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-investigazzjoni tal-UA ta' allegazzjonijiet ta' vjolenza sesswali mit-truppi tal-AMISOM, jappella għall-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet tar-rapport, u, f'konformità mar-riżoluzzjoni 2272 (2016) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, iħeġġeġ lill-UA u lill-pajjiżi li qed jikkontribwixxu truppi jiżguraw li l-allegazzjonijiet jiġu investigati kif għandu jkun u bir-reqqa, u li dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja;

10.  Jappella għal monitoraġġ aħjar u għal bini tal-kapaċità aħjar min-naħa tal-UE biex jiġi żgurat l-obbligu ta' rendikont għall-abbużi mill-AMISOM, speċjalment minħabba l-fatt li l-UE hija responsabbli għall-biċċa l-kbira tal-finanzjament tiegħu;

11.  Jenfasizza l-progress inkoraġġanti li sar lejn elezzjonijiet aktar inklussivi u lejn gvern b'obbligu akbar ta' rendikont mill-2012; jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Forum Nazzjonali ta' Tmexxija li jippromwovi l-istabbiliment u r-reġistrazzjoni tal-partiti politiċi fis-sentejn li ġejjin, b'antiċipazzjoni tal-elezzjonijiet tal-2020, abbażi tal-prinċipju "persuna waħda, vot wieħed", kif ukoll it-tentattiv biex jinbnew mill-ġdid l-istituzzjonijiet tal-Istat u l-adozzjoni ta' liġijiet ġodda importanti dwar il-partiti politiċi u dwar il-ħolqien ta' Kummissjoni Nazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem indipendenti; jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjonijiet meħuda biex tiżdied ir-rappreżentanza tan-nisa; jenfasizza kemm hu tal-akbar importanza li jkun hemm proċess elettorali kredibbli, inklussiv, trasparenti u bl-obbligu ta' rendikont li jiżgura tal-leġittimità meħtieġa għat-tmexxija eletta;

12.  Jirrikonoxxi l-kontributi pożittivi li għamel l-Uffiċċju ta' Appoġġ tan-NU fis-Somalja (UNSOS) fl-appoġġ tiegħu tal-kisbiet li għamlu l-AMISOM u l-Missjoni ta' Assistenza tan-NU fis-Somalja (UNSOM) billi kkontribwixxa truppi, riżorsi finanzjarji u riżorsi materjali sabiex jiggarantixxi l-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili fis-Somalja;

13.  Iħeġġeġ lill-Armata Nazzjonali tas-Somalja u lill-AMISOM jieħdu l-azzjoni kollha meħtieġa biex iwaqqfu kull attentat mill-grupp ribelli militanti Al-Shabaab biex jisfratta l-proċess elettorali li se jsir dalwaqt; jenfasizza li l-iżgurar tal-proċess elettorali għandu jkun il-prijorità ewlenija;

14.  Jikkundanna r-reklutaġġ u l-użu tat-tfal mill-forzi tas-sigurtà bħala suldati u bħala informaturi, inkluż l-użu ta' suldati tfal maqbuda jew diżerturi; jistieden lill-Gvern Somalu jwaqqaf għalkollox din il-prattika;

15.  Jappella għal miżuri aktar qawwija għall-ħarsien tat-tfal milquta mill-kunflitt armat u mir-reklutaġġ u l-użu minn forzi u gruppi armati; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jittrattaw lit-tfal li jkunu ssuspettati b'assoċjazzjoni ma' Al-Shabaab primarjament bħala vittmi, u jikkunsidraw l-aħjar interess tat-tfal u l-istandards ta' protezzjoni internazzjonali bħala l-prinċipji ta' gwida;

16.  Ifakkar li ma jistax ikun hemm sigurtà mingħajr żvilupp, jew żvilupp mingħajr sigurtà; jitlob li jkun hemm aktar koerenza bejn l-azzjonijiet ta' żvilupp u dawk ta' sigurtà, li jissaħħu l-programmi kemm għall-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali u kemm biex jiġu miġġielda s-sottożvilupp u l-kawżi u l-bażi tat-terroriżmu; ifakkar fil-ħtieġa li jiġu pprovduti s-servizzi bażiċi u appoġġ għall-persuni meħlusa, b'mod partikolari biex tiġi żgurata r-riintegrazzjoni sostenibbli tar-rifuġjati li jirritornaw lejn il-pajjiż; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi aċċelerata l-konsolidazzjoni tal-istruttura amministrattiva tal-Istat Somalu u tal-istituzzjonijiet li jipprovdu dawn is-servizzi;

17.  Iħeġġeġ lill-pajjiżi li jospitaw rifuġjati mis-Somalja jibqgħu realistiċi dwar is-sitwazzjoni tas-sigurtà f'partijiet kbar tas-Somalja meta jkunu qed jibagħtu rifuġjati lura lejn is-Somalja;

18.  Jinsab serjament imħasseb dwar l-attakki kontra l-atturi umanitarji fis-Somalja; itenni l-importanza essenzjali li għandha l-għajnuna umanitarja biex twassal dak li hemm bżonn, taħt il-prinċipji tal-indipendenza u n-newtralità, lill-persuni fil-bżonn;

19.  Ifakkar li l-libertà ta' espressjoni taqdi rwol ċentrali fil-bini ta' stat demokratiku, speċjalment fi żminijiet ta' trasformazzjoni politika; jistieden lill-Gvern Somalu jeżamina mill-ġdid il-kodiċi penali, il-liġi l-ġdida dwar il-midja u leġiżlazzjoni oħra, bil-għan li jġibhom konformi mal-obbligi internazzjonali tas-Somalja fir-rigward tal-libertà ta' espressjoni u l-midja;

20.  Jikkundanna bil-qawwa l-għadd kbir ta' qtil u arresti u l-intimidazzjoni mifruxa, l-għeluq tal-mezzi kritiċi tax-xandir, il-konfiska ta' tagħmir u l-imblukkar ta' siti web; jitlob li tittieħed azzjoni urġenti mill-awtoritajiet Somali biex jiżguraw li l-vjolazzjonijiet kollha tad-dritt għal-libertà ta' espressjoni jiġu investigati bis-sħiħ, u li l-awturi ta' tali vjolazzjonijiet jitressqu quddiem il-ġustizzja;

21.  Ifaħħar lill-UNSOM u lill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU talli ppubblikaw ir-rapport fl-4 ta' Settembru 2016 dwar id-dritt għal-libertà ta' espressjoni fis-Somalja, li kien l-ewwel rapport pubbliku dwar id-drittijiet tal-bniedem li qatt sar min-NU dwar is-Somalja; jistieden lin-NU tagħmel aktar rappurtar pubbliku;

22.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet jadottaw u jimplimentaw oqfsa legali xierqa u jwettqu r-riformi ġudizzjarji meħtieġa sabiex jirrispondu għall-bżonn li n-nies għandhom tal-ġustizzja u l-protezzjoni, peress li l-impunità ma tistax tiġi ttollerata;

23.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-għadd dejjem jikber ta' evizzjonijiet furzati tan-nies spustati minn infrastruttura pubblika u privata fil-bliet ewlenin tas-Somalja; ifakkar li dawn l-espulsjonijiet għandhom jikkonformaw ma' oqfsa nazzjonali u internazzjonali rilevanti; jistieden lill-Gvern Federali tas-Somalja u lill-atturi kollha involuti jsibu soluzzjonijiet konkreti għall-problemi tal-persuni spustati; jitlob lill-Gvern tas-Somalja joħloq, bl-appoġġ tas-sħab tiegħu, il-kundizzjonijiet għar-ritorn volontarju tar-rifuġjati b'dinjità, ladarba s-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-pajjiż tkun tippermetti li dan isir;

24.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni, lill-Unjoni Afrikana, lill-President, lill-Prim Ministru u lill-Parlament tas-Somalja, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.

Avviż legali