Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2116(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0225/2016

Testi mressqa :

A8-0225/2016

Dibattiti :

PV 15/09/2016 - 6
CRE 15/09/2016 - 6

Votazzjonijiet :

PV 15/09/2016 - 11.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0360

Testi adottati
PDF 457kWORD 73k
Il-Ħamis, 15 ta' Settembru 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
L-applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi
P8_TA(2016)0360A8-0225/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Settembru 2016 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (‘Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi’ ) (2015/2116(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikoli 2 u 5 tiegħu, u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikoli 6, 8, 10, 19 u 153 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 20, 21, 23 u 26 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Karta Soċjali Ewropea adottata fil-Kunsill tal-Ewropa u d-drittijiet soċjali u tal-impjieg minquxa fiha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità,

–  wara li kkunsidra l-Osservazzjonijiet Konklużivi dwar ir-rapport inizjali tal-Unjoni Ewropea tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (Ottubru 2015),

–  wara li kkunsidra r-rapport interim dwar il-libertà ta' reliġjon u ta' twemmin tar-Rapporteur Speċjali tan-NU, Hans Bielefeldt, ippreżentat skont ir-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali 68/170 dwar il-libertà ta' reliġjon u ta' twemmin,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol(2)),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol ("id-Direttiva")(3),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2013 dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin,

–  wara li kkunsidra l-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri fir-rigward tar-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (COM(2015)0615),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Konġunt tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità ("id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali") u tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol ("id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi") (COM(2014)0002),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Strateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010-2020: Impenn mill-Ġdid għal Ewropa mingħajr Ostakoli" (COM(2010)0636),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali (COM(2008)0426),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu "Non-diskriminazzjoni u opportunitajiet ugwali għal kulħadd – Qafas ta' Strateġija" (COM(2005)0224),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet 2016 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Settembru 2015 dwar il-ħolqien ta' suq tax-xogħol kompetittiv tal-UE għas-seklu 21: it-tlaqqigħ tal-ħiliet u l-kwalifiki mad-domanda u l-opportunitajiet ta' impjieg, bħala mod kif nirkupraw mill-kriżi(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Settembru 2015 dwar l-intraprenditorija soċjali u l-innovazzjoni soċjali fil-ġlieda kontra l-qgħad(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2015 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea (2013-2014)(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2015 lejn approċċ integrat għall-wirt kulturali għall-Ewropa(7),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2015 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2015 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Aspetti Soċjali u tal-Impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2015(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2013 dwar l-impatt tal-kriżi fuq l-aċċess għall-kura tal-gruppi vulnerabbli(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar il-mobilità u l-inklużjoni ta' persuni b'diżabilità u l-Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabilità 2010-2020(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Novembru 2010 dwar l-isfida demografika u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2010 dwar il-promozzjoni tal-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol, it-tisħiħ tal-istejtus ta' min jitħarreġ, tal-internship u l-apprendistat(13),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Mejju 2009 dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol(14),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2008 dwar il-progress miksub fil-qasam tal-opportunitajiet ugwali u n-nuqqas ta' diskriminazzjoni fl-Unjoni Ewropea (it-traspożizzjoni tad-Direttivi 2000/43/KE u 2000/78/KE)(15),

–  wara li kkunsidra l-istudju tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2000/78/KE fir-rigward tal-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni fuq bażi ta' reliġjon jew twemmin,

–  wara li kkunsidra l-analiżi fil-fond tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew bit-titolu "Id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi – Evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tagħha",

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-Parlament Ewropew bit-titolu "Reasonable Accommodation and Sheltered Workshops for People with Disabilities: Costs and Returns of Investments",

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-Parlament Ewropew bit-titolu "Differential Treatment of Workers under 25 with a View to their Access to the Labour Market",

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri intitolat "Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ tal-UE: ittieħdu l-ewwel passi iżda hemm riskji fil-ġejjieni għall-implimentazzjoni",

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali dwar is-sitwazzjoni ta' ugwaljanza fl-Unjoni Ewropea 10 snin wara l-implimentazzjoni inizjali tad-direttivi dwar l-ugwaljanza,

–  wara li kkunsidra l-analiżi legali komparattiva tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali dwar il-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni fuq bażi tal-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru u l-karatteristiċi tas-sess fl-UE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0225/2016),

A.  billi, skont it-TUE, l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u għandha tiġġieled kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni;

B.  billi t-TFUE jiddikjara li fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politika u l-azzjonijiet tagħha, l-Unjoni għandu jkollha l-għan li tiġġieled kontra kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali.

C.  billi t-28 Stat Membru kollha ttrasponew id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi u, minkejja d-differenzi fit-traspożizzjoni u fl-implimentazzjoni tagħha, kisbu esperjenza siewja;

D.  billi d-direttivi dwar it-trattament ugwali jipprojbixxu kemm id-diskriminazzjoni diretta u indiretta, kif ukoll il-fastidju u l-istruzzjonijiet biex issir diskriminazzjoni;

E.  billi fit-tieni rapport ta' implimentazzjoni tagħha (COM(2014)0002) l-Kummissjoni semmiet li l-leġiżlazzjoni mhijiex biżżejjed biex tinkiseb ugwaljanza sħiħa, u li jeħtieġ li jiżdiedu s-sensibilizzazzjoni dwar il-protezzjoni eżistenti u l-użu tal-fondi tal-UE u li jissaħħu l-korpi nazzjonali tal-ugwaljanza;

F.  billi n-nondiskriminazzjoni fil-qasam tal-impjiegi u x-xogħol tkun biss effettiva jekk tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni b'mod komprensiv fl-oqsma kollha tal-ħajja flimkien ma' ostakli oħra li, billi jillimitaw il-libertà u l-ugwaljanza, ifixklu l-iżvilupp sħiħ ta' persuna u jipprevjenu lill-ħaddiema milli jipparteċipaw b'mod ġenwin fil-ħajja politika, soċjali u ekonomika tal-Istati Membri tagħhom;

G.  billi l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE) enfasizzat, fil-kawża Römer(16), li d-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi, fiha nnifisha ma tistabbilixxix il-prinċipju ta' trattament ugwali fil-qasam tal-impjiegi u x-xogħol, iżda tipprovdi qafas ġenerali għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq diversi raġunijiet;

H.  billi, għalkemm il-perċezzjoni tad-diskriminazzjoni żdiedet, numru kbir ta' vittmi ta' diskriminazzjoni għadhom mhumiex konxji mid-drittijiet tagħhom jew m'għandhomx il-kuraġġ li jieħdu azzjoni legali kontra prattiki diskriminatorji, minħabba diversi fatturi bħalma huma n-nuqqas ta' fiduċja fl-awtoritajiet tal-Istati Membri jew il-proċeduri legali kumplessi u twal;

I.  billi l-evidenza miġbura mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) turi li r-razziżmu, il-ksenofobija, l-omofobija, it-transfobija u forom ta' intolleranza relatati huma mifruxa, minkejja l-miżuri meħuda mill-gvernijiet u s-soċjetà ċivili madwar l-UE; billi l-klima soċjali u politika qed issir dejjem aktar tolleranti lejn aġendi estremisti, razzisti u ksenofobiċi li jisfruttaw il-biżgħat dwar il-qgħad, il-kriżi tar-rifuġjati, l-aljenazzjoni parzjalment minħabba flussi migratorji, u s-sigurtà quddiem t-terroriżmu u sfidi ġeopolitiċi oħra, li jdgħajfu l-valuri fundamentali tal-UE;

J.  billi l-istħarriġ tal-FRA dwar l-LGBT(17) u r-rapport tal-FRA bit-titolu "Being Trans in Europe"(18) jenfasizzaw id-diskriminazzjoni persistenti li jiffaċċjaw persuni LGBT meta jippruvaw jidħlu fis-suq tax-xogħol u waqt il-perkors professjonali tagħhom;

K.  billi d-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi tistipula biss rekwiżiti minimi, iżda l-Istati Membri jistgħu jipprevedu livell ogħla ta' protezzjoni u jadottaw miżuri pożittivi f'dan il-qasam fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom; billi l-leġiżlazzjoni waħedha mhijiex biżżejjed biex tiżgura ugwaljanza sħiħa u trid tiġi kkumbinata ma' azzjoni politika xierqa;

L.  billi n-nisa huma l-aktar milquta mill-qgħad u jsofru minn diskriminazzjoni negattiva f'termini ta' impjiegi, b'mod partikolari n-nisa tqal u l-ommijiet, inklużi l-ommijiet li qed ireddgħu;

M.  billi d-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi tkopri biss il-libertà ta' reliġjon u ta' twemmin, id-diżabilità, l-età u l-orjentazzjoni sesswali, iżda l-Istati Membri huma obbligati wkoll, skont id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali, li jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza u l-etniċità fl-impjiegi; billi r-reliġjon xi drabi tintuża bħala sostitut għar-razza f'dak li għandu x'jaqsam mad-diskriminazzjoni fl-impjiegi, fuq il-bażi tal-appartenenza reali jew perċepita ta' persuna għal reliġjon partikolari;

N.  billi r-rata ta' impjieg ta' persuni b'diżabilità fl-Istati Membri hija ferm anqas minn 50 %, b'paragun ma' aktar minn 70 % għall-popolazzjoni ġenerali, u r-rata ta' qgħad tal-persuni b'diżabilità (18.3 %) hija kważi d-doppju tar-rata tal-popolazzjoni ġenerali (9.9 %); billi l-medji tal-UE jaħbu differenzi qawwija fil-livell tal-pajjiżi;

O.  billi n-nisa huma fil-biċċa l-kbira dawk li għandhom ir-responsabilità primarja għall-kura tat-tfal, tal-anzjani u ta' persuni oħra dipendenti, għall-familja u d-dar, u billi din ir-responsabilità tkun akbar jekk ikollhom tfal b'diżabilità; billi dan għandu effett dirett fuq l-aċċess tan-nisa għall-impjiegi u għall-iżvilupp professjonali tagħhom u jista' jaffettwa b'mod negattiv il-kundizzjonijiet tal-impjieg tagħhom, pereżempju f'diversi każijiet fejn in-nisa huma ħaddiema part-time involontarji jew imġiegħla jaċċettaw forom prekarji ta' impjiegi, u billi dawn il-fatturi kollha joħolqu differenzi bejn il-pagi u l-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel;

P.  billi l-familji b'ġenitur wieħed, primarjament ommijiet mhux miżżewġin, huma ta' spiss aktar milquta mill-faqar minn kategoriji oħra ta' ħaddiema, u billi l-miżuri kollha adottati għandhom jiffukaw fuq il-ġenituri waħedhom;

Q.  billi l-firxa wiesgħa ta' ħiliet u kompetenzi miksuba min-nisa waqt il-qadi tar-responsabilitajiet tal-familja jsaħħu l-iżvilupp personali u professjonali tagħhom; billi dawn il-kompetenzi, għalhekk, għandhom jiġu rikonoxxuti mis-soċjetà u mill-impjegaturi;

R.  billi l-Unjoni Ewropea qed tiffaċċja kriżi ekonomika, finanzjarja u soċjali maġġuri li taffettwa partikolarment lin-nisa fis-suq tax-xogħol u fil-ħajja personali tagħhom, peress li huwa aktar probabbli li dawn ikollhom impjiegi mhux sikuri u li jkunu aktar esposti għar-riskju ta' sensja u li ma jkollhom ebda kopertura tas-sigurtà soċjali;

S.  billi n-nuqqas ta' liġijiet ġenwinament effettivi dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata qed iwassal għal diskriminazzjoni kontra l-ġenituri li jaħdmu;

T.  billi l-Parlament diġà adotta miżuri ta' politika, bħalma huma d-Direttiva dwar it-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi ta' kumpaniji elenkati f'borża u miżuri relatati, u billi miżuri bħal dawn għandhom il-potenzjal li jgħinu biex tinkiseb ugwaljanza akbar għan-nisa fil-qasam tal-impjiegi u biex jittejjeb l-aċċess tan-nisa għall-pożizzjonijiet maniġerjali; billi l-leġiżlazzjoni trid titqies bħala għodda kruċjali sabiex tinkiseb l-ugwaljanza bejn is-sessi, iżda trid tkun ikkombinata ma' proċeduri normativi u kampanji biex jimplimentaw l-ugwaljanza bejn is-sessi, mhux biss fil-leġiżlazzjoni, iżda wkoll fl-opinjoni pubblika;

U.  billi n-nisa għadhom vittmi ta' diskriminazzjoni multipla, diretta u indiretta, fis-suq tax-xogħol, minkejja l-implimentazzjoni teoretika tat-trattament ugwali fl-Istati Membri; billi jeżistu ħafna tipi differenti ta' diskriminazzjoni indiretta, li kollha kemm huma jridu jkunu koperti mid-definizzjoni standard li tgħid li d-diskriminazzjoni sseħħ meta jiġu applikati regoli differenti f'sitwazzjonijiet komparabbli jew meta l-istess regola tiġi applikata f'sitwazzjonijiet differenti; billi n-nisa mhux dejjem jiġu mgħarrfa bid-drittijiet tagħhom skont il-leġiżlazzjoni Ewropea u dik nazzjonali eżistenti dwar l-ugwaljanza u d-diskriminazzjoni, jew jiddubitaw mill-effettività tar-rappurtar ta' każijiet ta' diskriminazzjoni; jenfasizza, għalhekk, l-importanza ta' dokumenti ta' informazzjoni u ta' gwida, kampanji ta' sensibilizzazzjoni u portali ta' informazzjoni;

V.  billi l-inugwaljanzi soċjali, b'mod partikolari fir-rigward tal-ugwaljanza fl-impjiegi, tista' tiġi miġġielda biss permezz ta' politiki li jiggarantixxu tqassim aħjar tal-ġid, fuq il-bażi ta' żieda fil-pagi reali, azzjoni li tippromwovi x-xogħol u regolamentazzjoni dwar il-ħin tax-xogħol u l-protezzjoni tal-ħaddiema, b'mod partikolari permezz ta' negozjar kollettiv u garanzija ta' aċċess universali bla ħlas għall-kura tas-saħħa pubblika ta' kwalità għolja u servizzi tal-edukazzjoni;

W.  billi kważi żagħżugħ minn kull ħamsa fl-UE qed ifittex xogħol, u billi l-ispiża finanzjarja totali tal-qgħad fost iż-żgħażagħ ġiet stmata li hija EUR 153 biljun fis-sena(19), u l-ispejjeż soċjali addizzjonali huma allarmanti ħafna;

X.  billi d-data mis-sitt Stħarriġ Ewropew dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol (EWCS)(20) tal-Eurofound tikkonferma li ftit sar progress f'dawn l-aħħar 10 snin biex titnaqqas id-diskriminazzjoni awtodikjarata kontra l-ħaddiema;

Y.  billi d-data mis-sitt EWCS tal-Eurofound tindika li 7 % tal-ħaddiema rrappurtaw li ġew diskriminati fuq bażi ta' mill-inqas raġuni waħda u tikkonferma każijiet ta' ħaddiema li jirrappurtaw evidenza ta' diskriminazzjoni fuq bażi ta' raġunijiet multipli;

Z.  billi r-rata ta' impjieg tan-nisa b'diżabilità fl-UE (44 %) hija sinifikament aktar baxxa mir-rata ta' impjieg tal-irġiel b'diżabilità (52 %), u billi r-rata ta' impjieg tan-nisa fil-grupp ta' età 55-65 f'ċerti Stati Membri hija madwar 30 % jew anqas, u d-differenza bejn is-sessi fl-impjiegi hija l-ogħla (14.5 punt perċentwali) meta mqabbla mad-differenza għall-gruppi ta' età medja (30-54 sena - 12,4 punt perċentwali) u iżgħar (20-29 sena - 8,3 punt perċentwali); billi l-qgħad fit-tul huwa partikolarment prevalenti fost l-impjegati żgħażagħ u l-impjegati akbar fl-età, b'mod partikolari n-nisa, u billi l-applikazzjoni u t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2006/54/KE ġew ivvalutati u l-Parlament, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ Ottubru 2015(21), indika d-dubji serji tiegħu dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar it-tqegħid fil-prattika tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol;

AA.  billi l-ħaddiema akbar fl-età għadhom ta' spiss jiġu esposti għal diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, l-isterjotipi u l-ostakli; billi d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età tolqot lill-gruppi ta' età kollha, u li minħabba l-konsegwenzi tagħha, kull soċjetà umana li għandha l-għan li tikseb l-objettivi soċjali u ekonomiċi tagħha teħtieġ l-esperjenza, il-kontribut u r-rikkezza tal-ideat tal-ġenerazzjonijiet kollha, waqt li tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta' solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet;

1.  Jilqa' l-fatt li kważi l-Istati Membri kollha inkludew il-prinċipju ġenerali ta' trattament ugwali għal raġunijiet speċifiċi ta' diskriminazzjoni fil-kostituzzjoni tagħhom; jiddispjaċih, madankollu, li huma biss ftit l-Istati Membri li sistematikament żguraw li t-testi legali eżistenti kollha jkunu konformi mal-prinċipju ta' trattament ugwali, u saħansitra numru anqas minnhom jimplimentawhom sistematikament(22), filwaqt li d-diskriminazzjoni għadha parti mill-ħajja ta' kuljum ta' bosta Ewropej;

2.  Jittama li l-Istati Membri kollha se jneħħu l-ostakli naturali, soċjali u ekonomiċi li qed jipprevjenu l-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipju ta' ugwaljanza u li qed jillimitaw il-libertà taċ-ċittadini Ewropej;

3.  Jiddispjaċih għall-fatt li, bħala prinċipju ġuridiku, l-idea li d-drittijiet tal-bniedem huma universali, indiviżibbli u interrelatati għadha kwistjoni teoretika aktar milli waħda prattika, meta wieħed iqis li aspetti differenti tal-bniedem jiġu trattati separatament fl-istrumenti ġuridiċi eżistenti tal-UE;

4.  Jiddispjaċih dwar iż-żieda fl-esperjenzi ta' diskriminazzjoni u fastidju, anke fuq il-post tax-xogħol u speċjalment fir-rigward is-sess, in-nazzjonalità, l-isfond soċjali, id-diżabilità, id-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru, l-oriġini etnika u r-reliġjon, b'mod partikolari fil-konfront ta' nisa Musulmani u persuni LGBTI; jiddispjaċih, fl-istess ħin, dwar in-nuqqas ta' rappurtar ta' kull forma ta' diskriminazzjoni, speċjalment id-diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabilità u d-diskriminazzjoni kontra persuni LGBTI; jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni tinkludi enfasi speċifika fuq it-tipi kollha ta' diskriminazzjoni meta timmonitorja l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2000/78/KE li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjiegi u fix-xogħol, u jenfasizza l-ħtieġa li titqajjem kuxjenza fost il-persuni LGBTI dwar id-drittijiet tagħhom, pereżempju permezz ta' korpi tal-ugwaljanza, trade unions u organizzazzjonijiet tal-impjegaturi;

5.  Jenfasizza kemm huwa importanti li jintlaħaq ftehim kemm jista' jkun malajr, u jistieden lill-Kunsill jissupera l-perjodu ta' staġnar, sabiex isir progress lejn soluzzjoni pragmatika u titħaffef, mingħajr aktar dewmien, l-adozzjoni ta' direttiva orizzontali kontra d-diskriminazzjoni proposta mill-Kummissjoni fl-2008 u vvutata mill-Parlament; iqis id-direttiva prekundizzjoni biex jiġi żgurat qafas legali tal-UE konsolidat u koerenti kontra d-diskriminazzjoni, li jħares kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon u t-twemmin, id-diżabilità, l-età u l-orjentazzjoni sesswali barra mill-impjieg; jinnota li l-ebda restrizzjoni indebita tal-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva m'għandha tiġi aċċettata; iqis li l-konsolidazzjoni tal-qafas leġiżlattiv tal-UE dwar il-ġlieda kontra r-reati ta' mibegħda hija wkoll element kruċjali, meta jitqies li reati simili huma wkoll prevalenti fl-ambjent tax-xogħol;

6.  Jinnota li skont l-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali, il-forom kollha ta' diskriminazzjoni, inkluża d-diskriminazzjoni multipla u intersezzjonali, ifixklu ħafna l-użu tal-kapital uman u jikkostitwixxu ostaklu fl-iżvilupp tal-karriera; jenfasizza l-fatt li persuni b'diżabilità spiss jisfaw vittmi ta' dawn it-tipi ta' diskriminazzjoni;

7.  Jinnota bi tħassib in-nuqqas ta' ġurisprudenza li tagħti interpretazzjoni ta' "diskriminazzjoni indiretta" f'ċerti Stati Membri, kif ukoll id-diffikultà li d-definizzjoni tagħha ħolqot għat-traspożizzjoni tad-Direttiva f'ċerti Stati Membri; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha tagħti pariri lill-Istati Membri dwar tali diffikultajiet ta' interpretazzjoni;

8.  Jinnota li n-nondiskriminazzjoni fil-qasam tal-impjiegi u x-xogħol tkun effikaċi biss jekk id-diskriminazzjoni tiġi miġġielda b'mod komprensiv fl-oqsma kollha tal-ħajja, pereżempju, permezz ta' appoġġ komunitarju, leġiżlazzjoni u għodod ta' koordinament bħal strateġiji u oqfsa kemm fil-livell tal-Istati Membri kif ukoll f'dak tal-UE, inkluża l-possibilità li jiġu introdotti miżuri ta' azzjoni pożittiva;

Reliġjon u twemmin

9.  Jinnota li l-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin ġiet trasposta fl-Istati Membri kollha anki jekk id-Direttiva ma tiddefinixxix it-termini proprja(23);

10.  Jinnota l-intersezzjonalità bejn id-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon u t-twemmin u r-razza u l-etniċità, u jqis li xi gruppi ta' minoranzi reliġjużi huma partikolarment affettwati mid-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon fl-impjieg, kif iddokumentat minn riċerka nazzjonali u Ewropea, b'mod partikolari r-riċerka mwettqa mill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali;

11.  Huwa tal-fehma li l-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon u t-twemmin fl-Unjoni Ewropea hija attwalment ipprovduta kemm fid-dritt dwar id-drittijiet tal-bniedem kif ukoll fil-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni u li dawn it-tnejn jinfluwenzaw lil xulxin b'mod reċiproku;

12.  Jenfasizza li studji juru li l-aktar gruppi reliġjużi diskriminati fil-qasam tal-impjieg jinkludu l-Lhud, is-Sikhs u l-Musulmani (u speċjalment in-nisa); jirrakkomanda l-adozzjoni ta' oqfsa Ewropej għall-istrateġiji nazzjonali biex jiġu miġġielda l-anti-Semitiżmu u l-Iżlamofobija;

13.  Jirrikonoxxi l-ġurisprudenza konsiderevoli tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ECtHR) fil-qasam tan-nondiskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, jilqa' r-rwol li kellha permezz tad-deċiżjonijiet tagħha fl-interpretazzjoni tad-Direttiva kollha kemm hi, u jistenna b'interess l-ewwel deċiżjonijiet futuri dwar din il-kwistjoni meħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea; jesprimi dispjaċir dwar in-numru baxx ta' każijiet li ġew riferuti lil qrati, li jikkuntrasta man-numru għoli ta' okkorrenzi ta' diskriminazzjoni li ħareġ minn stħarriġ tal-vittimizzazzjoni iżda li ma jiġix segwit mill-ġustizzja;

14.  Iqis li l-applikazzjoni konsistenti tal-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni għandha titqies bħala element importanti fi strateġiji li jipprevjenu r-radikalizzazzjoni, b'kunsiderazzjoni tal-fatt li f'kuntest dejjem aktar ksenofobiku u Iżlamofobiku, id-diskriminazzjoni kontra komunitajiet reliġjużi, fosthom ir-rifuġjati u l-migranti, tista' tikkontribwixxi għar-radikalizzazzjoni reliġjuża tal-persuni, taffettwa l-inklużjoni b'suċċess ta' dawn tal-aħħar fis-suq tax-xogħol u jista' jkollha impatt fuq l-aċċess tagħhom għall-ġustizzja b'rabta mal-istatus ta' residenza tagħhom;

15.  Jemmen li l-qrati tal-ġustizzja għandhom jaħdmu aktar biex jiżguraw li dikjarazzjoni ta' twemmin reliġjuż issir in bona fede minflok biex jivvalutaw il-validità jew il-korrettezza ta' reliġjon jew twemmin;

16.  Iqis li hija meħtieġa armonizzazzjoni ulterjuri b'segwitu għad-deċiżjonijiet meħuda kemm mill-qrati nazzjonali kif ukoll mill-QEDB fl-ivvalutar tal-prinċipju tas-sekularità tal-istat mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi fir-rigward tal-ethos;

17.  Jemmen li, fuq il-bażi tal-ġurisprudenza disponibbli fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali, obbligu ta' akkomodazzjoni raġonevoli għar-raġunijiet kollha ta' diskriminazzjoni – inklużi, għaldaqstant, ir-reliġjon u t-twemmin – għandu jiġi stabbilit fil-liġi tal-UE u dik nazzjonali, sakemm dan ma jimponix piż sproporzjonat fuq l-impjegaturi u l-fornituri tas-servizz;

18.  Jistieden lill-Istati Membri jirrikonoxxu d-dritt fundamentali għal-libertà tal-kuxjenza;

19.  Huwa tal-fehma li għandu jiġi kkunsidrat li, f'konformità mal-ġurisprudenza tal-QEDB, id-Direttiva tipprovdi protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin tal-impjegatur;

20.  Jemmen li l-eċċezzjoni ġenerali fl-Artikolu 2(5) ġiet abbozzata b'mod wiesa' u li hemm bżonn li jsir progress fir-rigward tal-applikazzjoni tagħha, li hija ta' importanza partikolari fil-kuntest tal-kriżi tar-rifuġjati u l-migrazzjoni, u jittama li l-qrati tal-ġustizzja jevalwaw bir-reqqa l-limiti tiegħu f'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità;

21.  Jinsisti li l-libertà tar-reliġjon hija prinċipju importanti li għandu jiġi rrispettat minn min iħaddem; jenfasizza, madankollu, li l-implimentazzjoni ta' dan il-prinċipju hija kwistjoni ta' sussidjarjetà;

Diżabilità

22.  Jenfasizza li "d-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' diżabilità" tfisser kwalunkwe distinzjoni, esklużjoni jew restrizzjoni fuq il-bażi ta' diżabilità li għandha l-għan jew l-effett li tfixkel jew ixxejjen ir-rikonoxximent, it-tgawdija jew l-eżerċitar, fuq bażi ugwali ma' ħaddieħor, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali kollha fil-qasam politiku, ekonomiku, soċjali, kulturali, ċivili jew fi kwalunkwe qasam ieħor. jinnota li huma inklużi l-forom kollha ta' diskriminazzjoni, anke ċ-ċaħda ta' akkomodazzjoni raġonevoli(24);

23.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jinterpretaw il-liġi tal-UE b'tali mod li jipprovdu bażi għal kunċett ta' diżabilità f'konformità mal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD), li tgħaqqad dawk l-elementi li jipprovdu ugwaljanza għall-persuni b'diżabilità u li jirreferu għal ċaħda ta' akkomodazzjoni raġonevoli bħala forma ta' diskriminazzjoni kif preskritta mis-CRPD; jiddispjaċih li l-leġiżlazzjoni fis-seħħ ta' ċerti Stati Membri għadha teħtieġ limitu ta' inkapaċità ta' 50 % u taċċetta biss ċertifikazzjoni medika uffiċjali;

24.  Jinnota li d-Direttiva 2000/78/KE fiha nnifisha ma tipprovdi l-ebda definizzjoni tal-kunċett ta' diżabilità; jenfasizza li l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ntalbet tiddefinixxi l-kunċett ta' diżabilità b'mod indipendenti, għall-finijiet ta' Chacón Navas; ifakkar li kien hemm każijiet oħra li talbu kjarifika tal-kunċett ta' diżabilità kif ukoll tat-tifsira li għandha tingħata lill-kunċett ta' akkomodazzjoni raġonevoli għal persuni b'diżabilità li l-impjegaturi jridu jipprovdu skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva (HK Danmark (C-335/11 u C-337/11);

25.  Jiddeplora l-fatt li r-rata ta' impjieg fost in-nisa b'diżabilità hija anqas minn 50 %, ċifra li tenfasizza d-diskriminazzjoni doppja li jħabbtu wiċċhom magħha, u dan jagħmilha diffiċli għalihom li jkollhom rwol sħiħ fis-soċjetà,

26.  Iqis li marda terminali, jiġifieri marda jew kundizzjoni fiżika li tista' tkun raġonevolment mistennija li twassal għal mewt f'24 xahar jew inqas wara d-data taċ-ċertifikazzjoni minn tabib, tista' titqies bħala diżabilità f'każ li tfixkel il-parteċipazzjoni tal-persuna kkonċernata fil-ħajja professjonali tagħha;

27.  Jenfasizza l-obbligu tal-impjegaturi li jipprovdu akkomodazzjoni raġonevoli għall-ħaddiema kollha b'diżabilità, li jistgħu jinkludu ħaddiema b'mard terminali;

28.  Jenfasizza li n-natura ta' ċertu mard terminali tista' twassal għal varjazzjonijiet fl-indebboliment fiżiku, mentali u psikoloġiku u li, għaldaqstant, l-impjegaturi huma obbligati jeżaminaw mill-ġdid l-akkomodazzjonijiet raġonevoli fuq bażi regolari biex jiżguraw li jappoġġjaw bis-sħiħ lill-impjegati fir-rwol tagħhom;

29.  Jenfasizza l-importanza tal-protezzjoni tal-ħaddiema b'diżabilità, inklużi dawk b'mard terminali, minn kull forma ta' diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol; jenfasizza b'mod partikulari l-bżonn li dawn il-ħaddiema jiġu protetti minn sensji inġusti;

30.  Jinnota li l-evidenza turi li l-investimenti f'akkomodazzjoni raġonevoli għal persuni b'diżabilità huma ta' benefiċċju f'sens ta' spejjeż u jipprovdu redditu, mhux biss f'termini ta' inklużjoni soċjali, iżda wkoll f'termini ta' żieda fil-produttività u tnaqqis tal-assenteiżmu(25); jiddispjaċih li ħafna Stati Membri naqsu milli jipprovdu akkomodazzjoni raġonevoli xierqa;

31.  Jenfasizza l-importanza tax-xogħol għall-persuni b'diżabilità u għal persuni li jbatu minn mard serju, kroniku jew inkurabbli, u jappoġġja approċċi inklużivi għas-suq tax-xogħol li jiggarantixxu sigurtà u drittijiet liż-żewġ gruppi;

32.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jiżguraw li d-drittijiet u s-servizzi marbuta mal-impjiegi, inkluża akkomodazzjoni raġonevoli fil-kuntest tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi, ikunu portabbli u konformi mal-libertà ta' moviment għall-persuni b'diżabilità;

33.  Jilqa' l-fatt li l-Istati Membri kollha joffru għotjiet, sussidji jew vantaġġi fiskali, pereżempju, lill-impjegaturi li jipprovdu akkomodazzjoni raġonevoli, biex b'hekk jinċentivaw lill-impjegaturi sabiex jaġġustaw il-post tax-xogħol biex jadattaw u jiftħu s-suq tax-xogħol għall-persuni b'diżabilità u biex jiżguraw li l-persuni kollha jgawdu u jeżerċitaw d-drittijiet kollha tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fuq l-istess livell mal-oħrajn; jirrakkomanda li l-Istati Membri jipprovdu u li l-Kummissjoni tappoġġja, it-taħriġ għall-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali dwar l-akkomodazzjoni raġonevoli sabiex jippermettulhom li jipproponu linji gwida dwar l-akkomodazzjoni raġonevoli u dwar il-prevenzjoni tal-esklużjoni ta' gruppi vulnerabbli speċifiċi; jitlob li jsir djalogu mal-partijiet interessati rilevanti, bħalma huma t-trade unions u l-impjegaturi bl-objettiv li tiġi definita gwida għal prattiki ta' akkomodazzjoni raġonevoli li għandhom jiġu stabbiliti;

34.  Jenfasizza l-bżonn li l-klawżoli soċjali fil-proċeduri ta' akkwist pubbliku jiġu rikonoxxuti bħala l-għodda potenzjali għall-kisba tal-objettivi tal-politika soċjali; huwa tal-fehma li l-akkwist pubbliku soċjalment responsabbli jista' jintuża bħala strument biex jintegra l-persuni b'diżabilità u gruppi vulnerabbli oħra fis-suq tax-xogħol;

35.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jadottaw oqfsa ta' kwalità għat-traineeships bl-għan li jiżguraw aċċessibilità u akkomodazzjoni raġonevoli għall-persuni b'diżabilità;

36.  Jenfasizza l-importanza ta' standard ta' disinn universali għal spazji pubbliċi u ambjenti tax-xogħol li jqis il-bżonnijiet tal-persuni b'diżabilità, f'konformità mal-Kumment Ġenerali dwar l-aċċessibilità(26) adottat mill-Kumitat tan-NU fil-11 ta' April 2014, u jiġbed l-attenzjoni għall-impenji tal-UE dwar l-aċċessibilità sabiex jinkiseb titjib permanenti fil-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-ħaddiema Ewropej kollha;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħeġġu mudelli tax-xogħol intelliġenti li jippermettu lill-persuni b'diżabilità li jaħdmu mid-dar, bil-vantaġġi kollha li jirriżultaw f'termini ta' kwalità tal-ħajja u produttività;

38.  Jinnota li l-persuni b'diżabilità jagħtu kontribut prezzjuż lis-soċjetà b'mod ġenerali, u jistieden lill-Istati Membri jużaw il-fondi strutturali, b'mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew, biex jadattaw il-postijiet tax-xogħol u biex jipprovdu l-għajnuna meħtieġa għall-persuni b'diżabilità fuq il-post tax-xogħol u biex itejbu l-edukazzjoni u t-taħriġ bil-ħsieb li jżidu r-rata ta' impjieg tagħhom fis-suq tax-xogħol miftuħ u biex jiġġieldu kontra l-qgħad, il-faqar u l-esklużjoni soċjali ta' persuni b'diżabilità; jindika li l-Artikolu 7 u l-Artikolu 96(7) tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (CPR)(27) jippromwovu l-opportunitajiet indaqs, in-nondiskriminazzjoni u l-inklużjoni tal-persuni b'diżabilità fl-implimentazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (Fondi SIE) b'mod ġenerali, u fil-Programmi Operattivi b'mod partikolari, u jenfasizza li l-evalwazzjoni ex ante għandha tevalwa l-adegwatezza tal-miżuri ppjanati li jippromwovu l-opportunitajiet indaqs u li jevitaw kwalunkwe diskriminazzjoni; jikkunsidra li finanzjament Ewropew u nazzjonali jista' wkoll jiġi indirizzat, pereżempju, lejn l-SMEs li jinkoraġġixxu lill-ħaddiema jsegwu korsijiet sabiex ikunu jistgħu jibqgħu fl-impjieg;

39.  Jistieden lill-Istati Membri jeżaminaw mill-ġdid l-iskemi ta' assigurazzjoni tal-impjieg bl-għan li jipprevjenu d-diskriminazzjoni ta' persuni b'diżabilità;

40.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkunsidraw il-benefiċċji tal-introduzzjoni ta' miżuri ta' azzjoni pożittiva, pereżempju billi jikkombinaw politiki inattivi tas-suq tax-xogħol, bħall-ħelsien mit-taxxa u inċentivi f'forma ta' flus, ma' politiki attivi tas-suq tax-xogħol – jiġifieri, gwida u konsulenza, taħriġ u edukazzjoni, u kollokamenti tax-xogħol – biex jappoġġjaw l-impjieg ta' persuni b'diżabilità;

41.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw u jimplimentaw qafas globali għal miżuri li jippermettu l-aċċess għal impjiegi ta' kwalità għal persuni b'diżabilità, inkluża l-possibilità li jintużaw, pereżempju, multi imposti għal nuqqas ta' konformità ma' leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni biex jiffinanzjaw l-inklużjoni fis-suq tax-xogħol miftuħ u azzjonijiet oħra f'dan il-qasam;

42.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ kontinwu lill-impjegaturi li jirreklutaw persuni b'diżabilità sabiex joħolqu kundizzjonijiet favorevoli u jiżguraw appoġġ adegwat fil-fażijiet kollha tal-ħajja tax-xogħol: reklutaġġ, żamma u progress tal-karriera;

43.  Jistieden lill-atturi kollha involuti jagħtu attenzjoni partikolari lill-integrazzjoni tal-persuni b'diżabilità intellettwali u psikosoċjali, u jiżviluppaw kampanja komprensiva ta' sensibilizzazzjoni dwar il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità u jiġġieldu kontra l-preġudizzju fir-rigward ta' persuni b'diżabilità – speċjalment persuni b'diżabilità psikosoċjali, b'diżabilità intellettwali, persuni b'disturbi ġeneralizzati tal-awtiżmu u persuni akbar fl-età b'diżabilità fuq il-postijiet tax-xogħol; jitlob li l-materjal kollu relatat mal-bini tal-kapaċità, it-taħriġ, is-sensibilizzazzjoni u d-dikjarazzjonijiet pubbliċi, fost l-oħrajn, isiru disponibbli f'formati aċċessibbli;

44.  Jinsab imħasseb dwar id-dewmien fil-valutazzjoni ta' nofs it-terminu tal-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010-2020; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrevedi l-istrateġija fuq il-bażi tal-osservazzjonijiet konklużivi dwar ir-rapport inizjali tal-Unjoni Ewropea adottat mill-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità fis-7 ta' Settembru 2015, u tinkludi organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-persuni b'diżabilità f'dan il-proċess;

45.  Jiddispjaċih li, fl-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (UNCRPD) u l-Istrateġija dwar id-Diżabilità, il-Kummissjoni għadha ma indirizzatx l-inugwaljanzi fl-età; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tissensibilizza u tindirizza d-drittijiet tal-persuni b'diżabilità u d-diskriminazzjoni li jsofru

Età

46.  Jenfasizza l-kontributi importanti li l-ħaddiema akbar fl-età jagħtu lis-soċjetà u l-kompetittività tal-kumpaniji; jenfasizza l-importanza li jkun hemm persuni akbar fl-età fuq il-post tax-xogħol li jistgħu jgħaddu l-għarfien u l-esperjenza tagħhom lill-ħaddiema żgħażagħ fil-kuntest tat-tixjiħ attiv, u jiddispjaċih dwar il-fatt li l-età hija l-ewwel raġuni għal diskriminazzjoni fl-impjieg; jiddispjaċih li persuni akbar fl-età għadhom ta' spiss esposti għall-isterjotipi u l-ostakli fis-suq tax-xogħol u jitlob li sseħħ ġustizzja bejn il-ġenerazzjonijiet ibbażata fuq is-solidarjetà, ir-rispett reċiproku, ir-responsabilità u r-rieda li l-persuni jieħdu ħsieb xulxin;

47.  Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-aċċess għall-impjiegi u l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol tal-ħaddiema kollha, tkun xi tkun l-età tagħhom, u japplikaw miżuri biex jipproteġu l-ħaddiema kollha fuq il-post tax-xogħol f'termini ta' rimunerazzjoni, taħriġ, żvilupp tal-karriera, saħħa u sikurezza, eċċ.;

48.  Jinnota li tnaqqis unilaterali fl-età tal-forza tax-xogħol ma jwassalx għal aktar innovazzjoni, iżda jirrappreżenta ħela ta' esperjenza, għarfien u ħiliet;

49.  Jistieden lill-Istati Membri jħeġġu lill-impjegaturi biex jirreklutaw żgħażagħ, iżda fl-istess ħin jiżguraw u jirrispettaw it-trattament ugwali f'termini ta' rimunerazzjoni u protezzjoni soċjali, inkluż it-taħriġ neċessarju relatat max-xogħol;

50.  Jinnota bi tħassib li l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tidentifika s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet bħala l-aktar għan leġittimu uniku importanti li jiġġustifika d-differenzi ta' trattament ibbażat fuq l-età(28); billi dawk l-Istati Membri li juru rati ogħla ta' impjieg għall-ħaddiema akbar fl-età huma wkoll dawk li jaħdmu ħafna aktar biex jintroduċu ż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol;

51.  Ifakkar li l-leġiżlazzjoni tal-UE li tikkonċerna l-politiki dwar it-tixjiħ trid tiġi implimentata b'mod effettiv sabiex tiġi miġġielda u evitata d-diskriminazzjoni minħabba l-età;

52.  Jinnota li, permezz tal-politiki implimentati minn ħafna Stati Membri, persuni li għandhom bejn 55 u 64 sena jirrappreżentaw sehem akbar ta' ħaddiema madwar l-Istati Membri tal-UE; jiddispjaċih, madankollu, li r-rata ta' impjieg f'dan il-grupp żdiedet bil-mod wisq u tibqa' inqas minn 50 % fl-UE 28; jenfasizza għalhekk li d-diġitalizzazzjoni għandha impatt sostanzjali fuq is-suq tax-xogħol billi toħloq opportunitajiet ġodda ta' impjiegi kif ukoll kundizzjonijiet aktar flessibbli tax-xogħol bħat-telexogħol, li jista' jservi ta' għodda effettiva kontra l-esklużjoni ta' persuni li għandhom aktar minn 50 sena u għall-persuni ta' mezza età bla sengħa; jenfasizza f'dan il-kuntest li t-titjib kontinwu tal-ħiliet diġitali billi l-impjegati jiġu offruti opportunitajiet għat-taħriġ, taħriġ ulterjuri u taħriġ mill-ġdid tul il-karriera professjonali tagħhom huwa prerekwiżit biex jittieħdu l-benefiċċji mid-diġitalizzazzjoni; jemmen ukoll li l-opportunitajiet ta' ħolqien ta' impjiegi fil-futur fis-suq diġitali se jirrikjedu sforzi ulterjuri mill-Istati Membri biex jindirizzaw in-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet, b'mod partikolari għal persuni li jkunu qabżu l-50 sena;

53.  Jenfasizza li l-miżuri li jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età għandhom, bħala prinċipju, jevitaw li jagħmlu distinzjoni bejn it-tfal u l-anzjani, u li kwalunkwe forma ta' diskriminazzjoni mhux ġustifikata bbażata fuq l-età trid tiġi indirizzata b'mod xieraq;

54.  Jinnota li ħaddiema akbar fl-età b'mod partikolari jkollhom aktar kundizzjonijiet prekarji u jistieden lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, biex tistudja l-problema li dejjem qiegħda tikber tal-qgħad fost il-persuni li għandhom aktar minn 50 sena u biex tiżviluppa għodod effettivi, bħal taħriġ vokazzjonali u inċentivi jew sussidji għall-impjegaturi, biex jintegraw mill-ġdid ħaddiema akbar fl-età fis-suq tax-xogħol u jipproteġuhom mis-sensja inġusta;

55.  Jenfasizza l-ħtieġa li jitjiebu l-ħiliet diġitali fost il-popolazzjoni attiva, u jenfasizza li d-diġitalizzazzjoni se tikkontribwixxi għall-inklużjoni soċjali u tgħin lill-persuni akbar fl-età u lill-ħaddiema b'diżabilità biex jibqgħu għal żmien itwal fis-suq tax-xogħol, billi tippermettilhom li jibbenefikaw mill-opportunitajiet tal-intelliġenza artifiċjali; iqis li huwa importanti li tissawwar l-influwenza tas-suq diġitali fuq l-impjiegi b'mod soċjalment ġust u sostenibbli; jenfasizza l-fatt li ħafna impjegaturi ma jimpjegawx ħaddiema akbar fl-età minħabba l-isterjotipi dwar nuqqasijiet ta' ħiliet jew ħiliet mhux aġġornati; għaldaqstant jappella għall-inklużjoni tat-tagħlim tul il-ħajja u tal-edukazzjoni tal-adulti għall-ħaddiema ta' kull età fir-riflessjonijiet dwar l-Istrateġija tal-Ħiliet Ewropea, imħabbra mill-Kummissjoni Ewropea;

56.  Ifakkar li r-riżorsi umani jikkostitwixxu l-aktar riżorsa importanti fl-UE u fl-Istati Membri; huwa tal-fehma li l-ħiliet elettroniċi huma essenzjali għall-ħaddiema li jkunu qabżu l-55 sena sabiex tissalvagwardjahom mill-esklużjoni mis-suq tax-xogħol u tgħinhom isibu impjieg ġdid; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, f'kollaborazzjoni mas-sħab soċjali, biex jiżviluppaw strateġiji ta' ħiliet li jgħaqqdu l-edukazzjoni u x-xogħol, u għalhekk biex jinvestu u jippromwovu t-tagħlim tul il-ħajja u jipprovdu skemi ta' taħriġ aċċessibbli, affordabbli u komprensivi, kif ukoll it-taħriġ mill-ġdid għall-iżvilupp ta' ħiliet diġitali u ħiliet personali, inkluż l-adattament għall-ambjent virtwali (ir-realtà estiża), li jippermettu li l-popolazzjoni li qed tixjieħ tadatta aħjar għad-domanda li dejjem qiegħda tikber għal ħiliet elettroniċi f'ħafna setturi differenti; għalhekk jenfasizza li l-ħaddiema li jkunu qabżu l-55 sena, speċjalment in-nisa, għandu jkollhom aċċess kontinwu għal taħriġ tal-ICT; iħeġġeġ, ukoll, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jimplimentaw strateġiji biex inaqqsu d-distakk diġitali u jippromwovu aċċess ugwali għal teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni;

57.  Jilqa' l-programm ta' ħidma tas-sħab soċjali Ewropej għall-perjodu 2015-2017 li jiffoka fuq it-tixjiħ attiv; jistieden lis-sħab soċjali jindirizzaw bir-reqqa kwistjonijiet marbuta mad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, it-tagħlim tal-adulti, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u r-rikonċiljazzjoni bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja, sabiex jibnu qafas Ewropew li jappoġġja l-impjegabilità u s-saħħa tal-ħaddiema kollha;

58.  Jenfasizza li hemm bżonn statistika affidabbli dwar is-sitwazzjoni tal-anzjani u t-tibdil demografiku sabiex jiġu żviluppati strateġiji ta' tixjiħ attiv aktar immirati u effikaċi; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jkun hemm ġbir komprensiv ta' data ta' kwalità għolja dwar l-istatus soċjali tal-anzjani, is-saħħa, id-drittijiet u l-istandard ta' għajxien tagħhom;

59.  Jirrimarka li l-promozzjoni ta' ambjenti adatti għall-anzjani hi għodda essenzjali biex jiġu appoġġjati l-ħaddiema anzjani u dawk li qed ifittxu xogħol u biex jiġu promossi soċjetajiet inklużivi li joffru opportunitajiet indaqs għal kulħadd; jilqa', f'dan ir-rigward, il-proġett ta' ġestjoni konġunta tal-Kummissjoni mad-WHO bl-għan li tiġi adattata l-Gwida għall-Bliet Globali Xierqa għall-Anzjani tad-WHO għall-kuntest Ewropew;

60.  Jilqa' l-kampanja "Ambjenti tax-xogħol tajbin għas-saħħa għal kull età" immexxija mill-EU-OSHA; jenfasizza l-importanza tal-leġiżlazzjoni effettiva dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u inċentivi għall-kumpaniji biex jadottaw metodi ta' prevenzjoni; jappella sabiex il-kampanja tadotta komunikazzjoni b'saħħitha biex tilħaq lill-kumpaniji ta' kull daqs;

61.  Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-iskemi tal-pensjonijiet pubbliċi sabiex dawn jiggarantixxu introjtu deċenti wara l-irtirar;

62.  Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; jenfasizza li l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata huwa sfida wkoll għal ħaddiema akbar fl-età, billi 18 % tal-irġiel u 22 % tan-nisa ta' bejn il-55 u l-64 sena jieħdu ħsieb membri tal-familja li jkollhom bżonn il-kura, filwaqt li aktar minn nofs in-nanniet regolarment jieħdu ħsieb in-neputijiet tagħhom; jirrakkomanda li l-inizjattiva li jmiss dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tinkludi b'mod sħiħ miżuri ta' appoġġ għal min jagħti l-kura b'mod informali u għan-nanniet fl-età tax-xogħol kif ukoll għall-ġenituri żgħażagħ;

63.  Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu servizzi pubbliċi ta' kwalità għolja bla ħlas li jipprovdu l-kura u l-assistenza xierqa u neċessarji għat-tfal, għall-morda u għall-anzjani;

Orjentazzjoni sesswali

64.  Jinnota li l-qrati nazzjonali u l-QtĠ-UE semgħu biss numru limitat ta' każijiet dwar diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali;

65.  Ifakkar li, minkejja l-fatt li n-numru ta' Stati Membri li estendew il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali fl-oqsma kollha koperti mid-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali żdied minn 10 fl-2010 għal 13 fl-2014, il-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru għadha limitata(29);

66.  Ifakkar li l-kamp ta' applikazzjoni tal-protezzjoni mid-diskriminazzjoni disponibbli għal persuni trans, speċjalment fil-qasam tal-impjiegi, l-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa, għadu inċert f'ħafna Stati Membri; jitlob għal miżuri sabiex tiġi implimentata b'mod effettiv il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi; jirrimarka li tali miżuri għandhom jinkludu definizzjonijiet legali mtejba biex jiġi żgurat li l-protezzjonijiet jinkludu l-persuni transġeneri kollha u mhux biss il-persuni trans li qed jagħmlu jew għamlu diġà bidla fis-sess(30);

67.  Jinsab imħasseb li livelli ta' sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet fil-qasam tad-diskriminazzjoni, u ta' sensibilizzazzjoni dwar l-eżistenza ta' korpi u organizzazzjonijiet li joffru appoġġ lill-vittmi ta' diskriminazzjoni, huma baxxi, u r-rati ta' sensibilizzazzjoni fost il-persuni LGBTI huma ogħla; huwa tal-fehma li l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, flimkien mal-organizzazzjonijiet tal-partijiet interessati rilevanti kollha, għandhom jintensifikaw l-attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni b'mod sostanzjali kemm għall-vittmi kif ukoll għall-impjegaturi u għal gruppi oħrajn ukoll; jirrimarka li l-organizzazzjonijiet LGBTI nazzjonali huma sħab importanti f'dawn l-isforzi;

68.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw ir-rikonoxximent reċiproku tal-istatus ta' sħubija, reġimi matrimonjali u drittijiet tal-ġenituri; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jikkunsidraw id-diskriminazzjoni speċifika li jiffaċċjaw il-persuni intersesswali fl-impjiegi u jagħmlu rieżami tal-liġijiet u l-prattiki bl-għan li jipprevjenu d-diskriminazzjoni ta' persuni intersesswali;

Aspetti orizzontali u rakkomandazzjonijiet

69.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' ċarezza u ċertezza ġuridika fir-rigward tad-diskriminazzjoni multipla, sikwit bħala konsegwenza ta' standards u regoli differenti u frammentati li jeżistu minn Stat Membru għal ieħor; jinnota l-importanza tal-ħidma mwettqa mill-Equinet biex jgħin fl-iżvilupp ta' standards komuni, u jemmen li dan għandu jingħata appoġġ adegwat;

70.  Jiddeplora l-fatt li d-Direttiva 2000/78/KE ma fiha l-ebda dispożizzjoni speċifika dwar id-diskriminazzjoni multipla, allavolja tal-anqas tiddikjara li n-nisa huma ħafna drabi vittmi tagħha u jinnota, barra minn hekk, li l-kombinazzjoni ta' żewġ forom jew aktar ta' diskriminazzjoni tista' toħloq problemi li jirriżultaw minn diverġenzi fil-livell garantit ta' protezzjoni għal forom differenti; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiġġieldu kontra l-forom kollha tad-diskriminazzjoni multipla u jiżguraw l-applikazzjoni tal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni u tat-trattament indaqs fis-suq tax-xogħol u fl-aċċess għall-impjiegi; jirrakkomanda li l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, il-korpi tal-infurzar tal-liġi, inklużi l-ispetturi tax-xogħol, il-korpi nazzjonali tal-ugwaljanza u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, iżidu l-monitoraġġ tagħhom tal-intersezzjonalità bejn is-sessi u raġunijiet oħra f'każijiet u prattiki ta' diskriminazzjoni;

71.  Jenfasizza li n-nuqqas ta' data oġġettiva, komparabbli u diżaggregata dwar każijiet ta' diskriminazzjoni u inugwaljanza jagħmilha aktar diffiċli biex tiġi ppruvata l-eżistenza ta' diskriminazzjoni, partikolarment id-diskriminazzjoni indiretta; jirrimarka li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2000/78/KE jipprevedi bidla fil-piż tal-prova u t-treġġigħ lura tiegħu fejn ikun hemm fatti li minnhom wieħed jista' jassumi li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiġbru data dwar l-ugwaljanza fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva b'mod preċiż u sistematiku u bl-involviment tas-sħab soċjali, tal-korpi ta' ugwaljanza nazzjonali u tal-qrati nazzjonali;

72.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw – inkluż bħala parti mill-proċess ta' rappurtar nazzjonali u fir-Rapport Konġunt dwar il-Protezzjoni Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali – statistika armonizzata u omoġenja mfassla biex timla n-nuqqasijiet kollha fil-ġbir tad-data dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi; jistieden lill-Kummissjoni tieħu inizjattivi biex tippromwovi tali ġbir ta' data permezz ta' Rakkomandazzjoni lill-Istati Membri u billi tinkariga lill-Eurostat bl-iżvilupp ta' konsultazzjonijiet immirati lejn l-integrazzjoni ta' data diżaggregata għar-raġunijiet kollha ta' diskriminazzjoni fl-indikaturi tal-Istħarriġ Soċjali Ewropew, sabiex jittieħdu azzjoni u miżuri prattiċi kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni marbuta mar-reklutaġġ u s-suq tax-xogħol;

73.  Jirrakkomanda li, waqt il-ġbir ta' data statistika dwar kwistjonijiet relatati mal-impjieg, l-Istati Membri jinkludu mistoqsijiet fakultattivi fi stħarriġ dwar ix-xogħol sabiex jiskopru l-possibilità ta' diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età u l-orjentazzjoni sesswali;

74.  Jenfasizza li l-proċess leġiżlattiv fil-livelli kollha għandu jqis il-piż burokratiku fuq il-mikrointrapriżi u l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u li l-miżuri proposti għandhom jgħaddu minn valutazzjoni tal-proporzjonalità;

75.  Jinnota r-rwol importanti tal-korpi nazzjonali tal-ugwaljanza fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi, li jikkontribwixxu għas-sensibilizzazzjoni u l-ġbir tad-data, b'kooperazzjoni mas-sħab soċjali u ma' partijiet interessati oħra, filwaqt li jindirizzaw in-nuqqas ta' rappurtar u jieħdu rwol ewlieni fis-simplifikazzjoni u l-faċilitazzjoni tat-tressiq tal-ilmenti mill-vittmi ta' diskriminazzjoni; jitlob li r-rwol tal-korpi nazzjonali tal-ugwaljanza jissaħħaħ, l-imparzjalità tagħhom tiġi żgurata u li l-kapaċitajiet tagħhom jiżdiedu, inkluż permezz tal-għoti ta' finanzjament adegwat;

76.  Jistieden lill-Istati Membri juru impenn akbar fl-implimentazzjoni tal-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fil-politiki dwar l-impjieg; jitlob l-użu attiv tal-ibbaġittjar għall-perspettiva tal-ġeneri, anke permezz tal-promozzjoni ta' skambji tal-aħjar prattiki mill-Kummissjoni, u li jkun hemm miżuri li jinkoraġġixxu l-impjieg tan-nisa fuq bażi ġusta mingħajr forom mhux sikuri ta' impjieg, b'bilanċ san bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u t-tagħlim tul il-ħajja, kif ukoll miżuri li jnaqqsu d-differenzi bejn il-pagi u l-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel, u, b'mod ġenerali, itejbu l-pożizzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol;

77.  Jitlob lill-Istati Membri jiżviluppaw sistemi ta' evalwazzjoni u klassifikazzjoni tax-xogħol newtrali fir-rigward tas-sessi bħala miżuri indispensabbli sabiex jitħeġġeġ it-trattament ugwali;

78.  Jenfasizza l-fatt li l-politiki dwar it-trattament indaqs għandu jkollhom l-għan li jindirizzaw il-kwistjonijiet tal-isterjotipi fl-impjiegi u r-rwoli kemm tal-irġiel kif ukoll tan-nisa;

79.  Jenfasizza li s-sħab soċjali għandhom rwol ewlieni biex jinfurmaw kemm lill-ħaddiema kif ukoll lill-impjegaturi u sabiex jissensibilizzawhom dwar il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni;

80.  Iqis li jeħtieġ ikun hemm aktar enfasi fuq l-ibbilanċjar bejn id-drittijiet bħal-libertà tar-reliġjon u tat-twemmin u l-libertà tal-espressjoni f'każijiet ta' fastidju minħabba raġunijiet bħal dawn;

81.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw u jsaħħu lil korpi nazzjonali ta' spezzjoni tax-xogħol, u jipprovdulhom il-kundizzjonijiet u r-riżorsi finanzjarji u umani li jippermettuhom iżommu preżenza effettiva fil-post sabiex jiġġieldu kontra l-impjieg prekarju, l-impjieg mhux regolat u d-diskriminazzjoni fix-xogħol u fil-paga, b'mod partikolari mill-perspettiva tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa;

82.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali u tal-ħajja privata b'miżuri konkreti, bħal li jiġu proposti ġodda dwar il-Liv tal-Maternità biex jiggarantixxu d-dritt għar-ritorn għax-xogħol għan-nisa wara t-tqala u l-liv tal-maternità u l-liv tal-ġenituri, sabiex ikun iggarantit id-dritt tagħhom għal protezzjoni effettiva tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, biex jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-maternità tagħhom, u biex jieħdu miżuri biex jipprevjenu t-tkeċċija inġusta tal-impjegati matul it-tqala, eċċ., kif ukoll id-Direttiva dwar il-Liv tal-Indukraturi u t-tisħiħ tal-leġiżlazzjoni dwar il-liv tal-paternità;

83.  Jinnota li l-aċċess għall-ġustizzja huwa limitat f'ħafna każijiet ta' diskriminazzjoni; jenfasizza l-importanza tal-aċċess għall-informazzjoni għall-vittmi ta' diskriminazzjoni; iqis li huwa neċessarju li l-Istati Membri jieħdu l-passi xierqa biex jiżguraw li jiġu pprovduti konsulenza u assistenza legali raġonevoli, disponibbli u aċċessibbli lill-vittmi fl-istadji kollha tal-proċess legali, inklużi, pereżempju, konsulenza kunfidenzjali u personalizzata, u appoġġ emozzjonali, personali u morali, mill-korpi jew intermedjarji xierqa ta' ugwaljanza; barra minn hekk, jistieden lill-Istati Membri jiġġieldu kontra l-fastidju u l-vjolenza fuq il-post tax-xogħol li jmorru kontra d-dinjità tal-persuna u/jew joħolqu ambjent offensiv fuq il-post tax-xogħol;

84.  Jemmen li l-mekkaniżmi ta' lmenti għandhom jittejbu fil-livell nazzjonali permezz tat-tisħiħ tal-korpi nazzjonali tal-ugwaljanza biex jiżdied l-aċċess għal mekkaniżmi ġudizzjarji u mhux ġudizzjarji, u permezz taż-żieda fil-fiduċja fl-awtoritajiet, tal-għoti ta' appoġġ legali, tal-offerta ta' konsulenza u appoġġ legali u s-simplifikazzjoni tal-proċeduri legali li spiss ikunu twal u kumplessi; jistieden lill-Istati Membri joħolqu pjattaformi li jkunu jistgħu jirċievu lmenti u jipprovdu appoġġ bla ħlas dwar il-kuntest legali f'każijiet ta' diskriminazzjoni u fastidju fuq il-post tax-xogħol;

85.  jitlob, fir-rigward ta' każijiet ta' diskriminazzjoni u/jew fastidju psikoloġiku (mobbing) u/jew insegwiment fastidjuż (stalking) fuq il-post tax-xogħol, biex jiġu addottati regoli sabiex jipproteġu lill-informaturi u l-privatezza tagħhom;

86.  Ifakkar li t-tressiq ta' kawżi l-qorti, u l-iżgurar ta' rappreżentanza adegwata, għadhom problematiċi f'ċerti każijiet, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jsibu modi biex jgħinu lill-vittmi f'dan ir-rigward, inkluż permezz ta' eżenzjonijiet mit-taxxa, għajnuna legali u assistenza minn NGOs speċjalizzati, eċċ., u billi jiżguraw rimedju legali u rappreżentanza adegwata; jenfasizza l-importanza tal-pożizzjoni legali tal-NGOs li għandhom interess leġittimu fil-proċeduri ġudizzjarji u/jew amministrattivi rilevanti;

87.  Jilqa' l-fatt li s-sanzjonijiet previsti mil-liġijiet kontra d-diskriminazzjoni tal-Istati Membri huma ġeneralment konformi mad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi; jindika wkoll ir-rwol importanti tal-korpi pubbliċi speċjalizzati kontra d-diskriminazzjoni fis-soluzzjoni ta' problemi relatati mal-penali u l-appelli; jinsab imħasseb, madankollu, li, f'termini tal-livell u l-ammont ta' kumpens mogħti, il-qrati nazzjonali għandhom tendenza li japplikaw l-iżgħar skala tas-sanzjonijiet prevista mil-liġi(31); jenfasizza l-ħtieġa li l-Kummissjoni tagħti attenzjoni mill-qrib lir-regoli applikabbli għas-sanzjonijiet u r-rimedju fl-Istati Membri sabiex tiżgura li l-liġi nazzjonali ma tipprevedix, kif il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja rrappurtat, pieni purament simboliċi jew l-għoti ta' twissijiet biss f'każijiet ta' diskriminazzjoni.

88.  Jesprimi t-tħassib tiegħu għall-fatt li ftit huma dawk fil-komunità Rom li huma attivi fis-suq tax-xogħol; jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jissaħħaħ ir-rwol tal-NGOs involuti ma' din il-minorità etnika sabiex il-persuni Rom jitħeġġu jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol; jinnota wkoll li l-NGOs għandhom rwol importanti biex jinfurmaw lill-persuni Rom dwar id-drittijiet tagħhom jew jgħinuhom biex jirrappurtaw każijiet ta' diskriminazzjoni, li dan fl-aħħar mill-aħħar se jservi biex itejjeb il-ġbir tad-data;

89.  Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu mill-possibilità offruta mid-Direttiva li jintroduċu azzjoni pożittiva f'każ ta' gruppi li jbatu minn diskriminazzjoni gravi u strutturali bħar-Rom;

90.  Jilqa' l-fatt li l-maġġoranza kbira tal-Istati Membri qiesu xi forma ta' azzjoni pożittiva fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva;

91.  Jenfasizza l-ħtieġa għat-tixrid ta' deċiżjonijiet rilevanti tal-QtĠ-UE u għal skambju ta' deċiżjonijiet tal-qorti nazzjonali skont tal-Ġustizzja tal-UE u tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li għandhom x'jaqsmu mad-disposizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi;

92.  Għandu jiġi żgurat li jingħata appoġġ lill-persuni li jindukraw informali li jikkombinaw responsabilitajiet ta' xogħol u ta' kura (pereżempju sigħat ta' xogħol flessibbli, kura ta' serħan) sabiex dawn (fil-biċċa l-kbira nisa) ikollhom il-mezzi biex jipprovdu l-kura, jagħtu kontribuzzjoni kbira lill-familji tagħhom u lis-soċjetà u ma jkunux penalizzati għal dan il-kontribut issa jew aktar tard f'ħajjithom;

93.  Iqis li huwa neċessarju li jingħata taħriġ adegwat lill-impjegati tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali u l-korpi tal-infurzar tal-liġi u l-ispettorati tax-xogħol; jemmen li t-taħriġ għall-partijiet interessati rilevanti kollha, bħal imħallfin, prosekuturi, persunal ġudizzjarju, avukati u investigaturi, pulizija u persunal tal-ħabs dwar il-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni fl-impjiegi u fil-ġurisprudenza huwa ta' importanza kritika, flimkien ma' taħriġ dwar fehim kulturali u preġudizzju mhux konxju;

94.  Iqis li huwa neċessarju li l-Kummissjoni Ewropea tipprovdi lill-kumpaniji privati, inklużi l-SMEs u l-mikrointrapriżi, mudelli għall-oqfsa ta' ugwaljanza u diversità li jistgħu mbagħad ikunu replikati u adattati skont il-ħtiġijiet tagħhom; jistieden lill-partijiet interessati tan-negozju jmorru lil hinn milli jagħmlu l-wegħdiet fir-rigward tar-rispett għall-ugwaljanza u d-diversità, billi, fost l-oħrajn, jirrappurtaw fuq bażi annwali l-inizjattivi tagħhom f'dan ir-rigward bl-għajnuna tal-korpi tal-ugwaljanza, jekk ikunu jixtiequ;

95.  Jistieden lill-impjegaturi joħolqu ambjenti tax-xogħol antidiskriminatorji għall-impjegati tagħhom billi jirrispettaw u jimplimentaw id-direttivi attwali kontra d-diskriminazzjoni bbażati fuq il-prinċipju tat-trattament indaqs irrispettivament mis-sess, razza jew oriġini etnika, reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja l-implimentazzjoni tal-miżuri relatati;

96.  Ifakkar ir-rwol importanti tas-sħab soċjali, tal-NGOs u tas-soċjetà ċivili fl-għoti ta' assistenza lill-vittmi, u jenfasizza li ħafna drabi huwa aktar faċli għal persuni li jbatu minn diskriminazzjoni li jfittxu l-għajnuna tagħhom milli ta' atturi oħra; jitlob, għalhekk, li jiġi offrut appoġġ lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili attivi f'dan il-qasam;

97.  Jitlob għal edukazzjoni ċivika u dwar id-drittijiet tal-bniedem li trawwem is-sensibilizzazzjoni u l-aċċettazzjoni tad-diversità, u li tfittex li toħloq ambjent inklużiv billi tinkoraġġixxi d-definizzjoni mill-ġdid ta' normi u t-tneħħija ta' tikketti li jinsultaw;

98.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw l-istudju tal-edukazzjoni ċivika u tad-drittijiet tal-bniedem fl-iskejjel primarji u sekondarji;

99.  Iqis neċessarju li l-Kummissjoni tadotta qafas Ewropew għall-istrateġiji nazzjonali biex tiġġieled kontra l-anti-Semitiżmu, l-Iżlamofobija u forom oħra ta' razziżmu;

100.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu skemi adegwati li jippermettu lill-ħabsin li jkunu temmew il-priġunerija tagħhom biex jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol:

101.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-aċċess għall-finanzjament għal partijiet interessati rilevanti, inklużi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u korpi tal-ugwaljanza, għal kampanji ta' sensibilizzazzjoni u ta' edukazzjoni dwar id-diskriminazzjoni fl-impjiegi; jistieden lis-settur privat jagħti sehmu fil-ħolqien ta' ambjent tax-xogħol mingħajr diskriminazzjoni;

102.  Jistieden lill-Istati Membri jippruvaw joħolqu skambju tal-aħjar prattika biex jgħinu fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol;

103.  Jistieden lill-organizzazzjonijiet tas-sħab soċjali jiżviluppaw kuxjenza interna tal-inugwaljanza fl-impjiegi u joħorġu bi proposti biex jindirizzaw kwistjonijiet fil-livell tal-organizzazzjoni/kumpanija dwar negozjar kollettiv settorjali, taħriġ u kampanji mmirati lejn il-membri u l-ħaddiema;

104.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jinvolvu lis-sħab soċjali (trade unions u impjegaturi) u lis-soċjetà ċivili, inklużi korpi tal-ugwaljanza, fl-applikazzjoni effettiva tal-ugwaljanza fl-impjieg u fix-xogħol, bil-ħsieb li jitrawwem it-trattament indaqs; jistieden ukoll lill-Istati Membri jtejbu d-djalogu soċjali u l-iskambju tal-esperjenza u l-aħjar prattika;

o
o   o

105.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.
(2) ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.
(3) ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.
(4) Testi adottati, P8_TA(2015)0321.
(5) Testi adottati, P8_TA(2015)0320.
(6) Testi adottati, P8_TA(2015)0286.
(7) Testi adottati, P8_TA(2015)0293.
(8) Testi adottati, P8_TA(2015)0261.
(9) ĠU C 316, 30.8.2016, p. 83.
(10) ĠU C 75, 26.2.2016, p. 130.
(11) ĠU C 131 E, 8.5.2013, p. 9.
(12) ĠU C 74 E, 13.3.2012, p. 19.
(13) ĠU C 351 E, 2.12.2011, p. 29.
(14) ĠU C 212 E, 5.8.2010, p. 23.
(15) ĠU C 279 E, 19.11.2009, p. 23.
(16) Kawża tal-10 ta’ Mejju 2011, Römer, C-147/08, ECR, EU:C:2011:286.
(17) http://fra.europa.eu/en/publication/2014/eu-lgbt-survey-european-union-lesbian-gay-bisexual-and-transgender-survey-main.
(18) http://fra.europa.eu/en/publication/2014/being-trans-eu-comparative-analysis-eu-lgbt-survey-data
(19) http://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/SR15_03/SR15_03_MT.pdf.
(20) http://www.eurofound.europa.eu/sites/default/files/ef_publication/field_ef_document/ef1568en.pdf
(21) Testi adottati, P8_TA(2015)0351.
(22) EPRS, "Id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi – Evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tagħha".
(23) Ibid.
(24) Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità, it-13 ta' Diċembru 2006, Artikolu 2.
(25) Parlament Ewropew, Dipartiment Tematiku A: Politika Ekonomika u Xjentifika, "Reasonable Accommodation and Sheltered Workshops for People with Disabilities: Costs and Returns of Investments".
(26) Kumment ġenerali Nru 2 (2014) dwar l-Artikolu 9: Aċċessibilità https://documentsddsny. un.org/doc/UNDOC/GEN/G14/033/13/ PDF/G1403313.pdf?OpenElement
(27) Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013.
(28) Dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni: Annessi tar-Rapport Konġunt dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali (2000/43/KE) u tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi (2000/78/KE) (SWD(2014)0005).
(29) Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali (2015), "Protection against discrimination on grounds of sexual orientation, gender identity and sex characteristics in the European Union: Comparative legal analysis".
(30) Ibid.
(31) EPRS, op. cit.

Avviż legali