Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2084(IMM)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0279/2016

Testi mressqa :

A8-0279/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 04/10/2016 - 7.2
CRE 04/10/2016 - 7.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0364

Testi adottati
PDF 259kWORD 50k
It-Tlieta, 4 ta' Ottubru 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Giorgos Grammatikakis
P8_TA(2016)0364A8-0279/2016

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Ottubru 2016 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Giorgos Grammatikakis (2016/2084(IMM))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Giorgos Grammatikakis, imressqa fl-1 ta' April 2016 minn Viċi Prosekutur fil-Qorti Suprema tal-Greċja b'rabta mal-proċedimenti proposti mill-Prosekutur Pubbliku ta' Rethymno għal ksur ta' fiduċja waqt il-qadi ta' dmirijietu, imwettaq flimkien ma' oħrajn, f'Rethymno fi Kreta, matul il-perjodu 2000–2002 (ref: ABM:AB05/1956), u mħabbra fis-seduta plenarja fis-27 ta' April 2016,

–  wara li kkunsidra li Giorgos Grammatikakis rrinunzja għad-dritt tiegħu għal smigħ skont l-Artikolu 9(5) tar-Regoli ta' Proċedura,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,

–  wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta' Mejju 1964, fl-10 ta' Lulju 1986, fil-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011 u fis-17 ta' Jannar 2013(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni tal-Greċja, l-Artikolu 54 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili tal-Greċjau l-Artikolu 83 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament tal-Greċja,

–  wara li kkunsidra d-Digriet Nru 5181/18.11.2015 tal-Prosekutur tal-Qorti tal-Appell ta' Kreta,

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-7 ta' April 2015 dwar il-preżenza ta' Giorgos Grammatikakis, Membru tal-PE, flimkien mal-motiv ta' difiża tiegħu u d-dokumenti ta' sostenn,

–  wara li kkunsidra s-Sentenza Nru 104/2015 tal-Kunsill tal-Appell ta' Kreta,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2), 6(1) u l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0279/2016),

A.  billi l-Viċi Prosekutur Pubbliku tal-Qorti Suprema tal-Greċja talab it-tneħħija tal-immunità ta' Giorgos Grammatikakis, Membru tal-PE, b'rabta ma' proċedimenti dwar allegazzjoni ta' ksur;

B.  billi, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri tal-Parlament Ewropew fit-territorju tal-Istat tagħhom igawdu l-istess immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament ta' dak l-istat;

C.  billi, skont l-Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni tal-Greċja, matul il-mandat parlamentari, il-membri tal-parlament ma jistgħux jitħarrku, jiġu arrestati, jinżammu priġuniera jew jiġu ristretti b'xi mod ieħor mingħajr il-permess minn qabel tal-parlament;

D.  billi l-awtoritajiet Griegi qed jipproponu li jħarrku lil Giorgos Grammatikakis, flimkien ma' oħrajn, minħabba nuqqas ta' konformità ma' ċerti obbligi legali;

E.  billi l-proċedimenti proposti jikkonċernaw diskussjoni li saret fit-8 ta' Marzu 1996 dwar il-possibilità li tiġi konkluża polza kollettiva ġdida ta' assikurazzjoni privata, barra l-polza ta' assikurazzjoni obbligatorja, għall-impjegati kollha tal -Università ta' Kreta u dwar pagamenti allegatament illegali li saru f'pagamenti suċċessivi matul il-perjodu 2000–2002;

F.  billi proċediment preċedenti dwar l-istess każ kopra l-perjodu mill-2000 'il quddiem u rriżulta fl-assoluzzjoni tal-akkużati kollha;

G.  billi l-proċedimenti proposti huma manifestament bla ebda rabta mal-istatus ta' Membru tal-Parlament Ewropew ta' Giorgos Grammatikakis, peress li dawn huma relatati mal-pożizzjoni preċedenti tiegħu bħala Rettur tas-Senat tal-Università ta' Kreta;

H.  billi l-proċedimenti proposti ma jittrattawx xi opinjoni espressa jew vot mitfugħ mill-Membru kkonċernat fit-twettiq tad-doveri tiegħu bħala Membru tal-Parlament Ewropew, skont it-tifsira tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea;

I.  billi l-proċedimenti proposti ġew estiżi biex ikopru l-perjodu mill-1996 sal-2000 u jinkludu l-aħħar laqgħa tas-Senat tal-Università ta' Kreta maʼ Giorgos Grammatikakis bħala Rettur, fejn il-kwistjoni ġiet diskussa iżda ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni; billi ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-intenzjoni wara l-proċedimenti proposti hija li tikkawża dannu politiku lill-Membru tal-PE ikkonċernat;

J.  billi l-proċedimenti proposti ġew miċħuda b'mod permanenti għal ħafna membri tas-Senat tal-Università ta' Kreta u tal-Kumitat ELKE li kienu akkużati miegħu minħabba li għadda l-perjodu ta' preskrizzjoni ta' 15-il sena għar-reati allegati, filwaqt li oħrajn ġew assolti definittivament mill-akkużi kollha mill-Qorti f'Mejju 2016;

K.  billi ħaġa tal-iskantament li t-tneħħija tal-immunità qed tintalab xi 20 sena wara li seħħew l-avvenimenti, u li s-sistema ġudizzjarja Griega ma setgħetx tressaq proċedimenti kontra Giorgos Grammatikakis matul dan il-perjodu u għandha l-ħsieb li tagħmel dan issa meta huwa Membru tal-Parlament Ewropew;

L.  billi sistema ġudizzjarja li timxi bil-mod qatt m'hi se tkun verament ġusta għax in-nies involuti ma jkunux l-istess bħal kif kienu 20 sena ilu; billi jekk il-ġustizzja trid li jkun jixirqilha dan l-isem, din għandha ssir f'waqtha;

1.  Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Giorgos Grammatikakis, kif mitlub minnu stess, sabiex jintemm dan il-proċess ġuridizzjarju twil;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtoritajiet Griegi u lil Giorgos Grammatikakis.

(1) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Mejju 1964, Wagner vs Fohrmann u Krier, 101/63, ECLI:EU:C:1964:28; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Wybot vs Faure et., 149/85, ECLI:EU:C:1986:310; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/06, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C163/10, ECLI: EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23.

Avviż legali