Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2211(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0273/2016

Testi mressqa :

A8-0273/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 04/10/2016 - 7.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0366

Testi adottati
PDF 435kWORD 54k
It-Tlieta, 4 ta' Ottubru 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: applikazzjoni EGF/2016/001 FI/Microsoft
P8_TA(2016)0366A8-0273/2016
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Ottubru 2016 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni ppreżentata mill-Finlandja – EGF/2016/001 FI/Microsoft ) (COM(2016)0490 – C8-0348/2016 – 2016/2211(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2016)0490 – C8-0348/2016),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (ir-Regolament dwar il-FEG),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali (FII) tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0273/2016),

A.  billi, peress li l-globalizzazzjoni toħloq tkabbir ekonomiku, dan it-tkabbir għandu jintuża sabiex itaffi s-sitwazzjoni ta' persuni li jaffaċċjaw effetti negattivi tal-globalizzazzjoni;

B.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tagħti appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tassistihom fir-reintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;

C.  billi l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandha tkun għajnuna dinamika u disponibbli b'mod effiċjenti u malajr kemm jista' jkun,

D.  billi l-Finlandja ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2016/001 FI/Microsoft għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG skont il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG, wara 2161 sensja minn Microsoft Mobile Oy u 8 fornituri u produtturi downstream tagħha fil-Finlandja, li joperaw fid-Diviżjoni 62 tan-NACE Reviżjoni 2 (Programmar tal-kompjuter, konsulenza u attivitajiet relatati);

E.  billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibbiltà stabbiliti mir-Regolament dwar il-FEG;

F.  billi l-kontroll finanzjarju tal-azzjonijiet appoġġati mill-FEG jinkombi għall-Istat Membru kkonċernat, kif stabbilit fl-Artikolu 21(1) tar-Regolament dwar il-FEG;

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG huma sodisfatti, u li għalhekk il-Finlandja għandha dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 5 364 000 skont dan ir-Regolament, li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 8 940 000;

2.  Jinnota li l-Finlandja ppreżentat l-applikazzjoni għall-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fil-11 ta' Marzu 2016, u li b'segwitu għal informazzjoni addizzjonali li pprovdiet il-Finlandja, il-valutazzjoni tagħha ġiet iffinalizzata mill-Kummissjoni fid-29 ta' Lulju 2016, b'hekk il-Kummissjoni rrispettat l-iskadenza ta' 12-il ġimgħa minn mindu tasal l-applikazzjoni, u kkonkludiet li l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ġew issodisfati;

3.  Jinnota li r-raġuni prinċipali għat-tnaqqis fil-forza tax-xogħol fil-Microsoft hija li s-sehem tas-suq tat-telefowns tagħha li jużaw is-sistema operattiva Microsoft Windows naqas b'aktar minn 50 % fl-2009 għal 0,6 % fit-tieni kwart tal-2016;

4.  Ifakkar li s-sehem tal-Unjoni fis-settur globali tal-impjiegi fl-ICT naqas f'dawn l-aħħar snin, u li l-ICT għandha rwol ewlieni fl-ekonomija Finlandiża, 6,7 % tal-ħaddiema jaħdmu fis-settur tal-ICT fl-2014, l-ogħla persentaġġ fost l-Istati Membri kollha; iqis li s-sensji fil-Microsoft huma marbuta max-xejra li qiegħda taffettwa lill-industrija tal-elettronika Finlandiża b'mod globali minħabba t-tinqis tan-Nokia fil-pajjiż ta' oriġini tagħha u li b'riżultat ta' dan ġew ippreżentati erba' applikazzjonijiet preċedenti; jikkonkludi li dawn l-avvenimenti huma marbuta direttament ma' bidliet strutturali fl-andament kummerċjali dinji minħabba l-globalizzazzjoni;

5.  Ifakkar li l-industrija tas-software hija ferm internazzjonali, u l-kompetizzjoni f'dan is-settur hija globali, li jfisser li l-atturi kollha tas-suq jistgħu jikkompetu għall-istess klijenti, u l-post u l-isfond kulturali tal-persunal għandhom sinifikat limitat;

6.  Jirrikonoxxi li l-applikazzjoni ssegwi serje ta' każijiet dwar it-tinqis tan-Nokia fil-Finlandja u li huma mistennija żewġ applikazzjonijiet oħra fir-rigward ta' ħaddiema li ngħataw is-sensja fis-settur tal-ICT;

7.  Jinnota li s-sensji huma miġbura flimkien f'reġjuni NUTS 2, Helsinki-Uusimaa (FI1B), Etelä-Suomi (FI1C) u Länsi-Suomi (FI197), u jirrigwardaw ħaddiema b'kompetenzi li jvarjaw ħafna, b'89 % minnhom fl-età ta' bejn it-30 u l-54 sena; jinsab imħasseb dwar is-sitwazzjoni tal-qgħad diġà diffiċli ta' persuni li għandhom livell għoli ta' ħiliet u edukazzjoni, li l-prospettivi tagħhom ta' impjieg kieku jkunu tradizzjonalment tajbin, b'mod speċjali n-nisa, li jaffaċċjaw sfida akbar biex isibu impjieg, meta jitqies li huma jirrappreżentaw kważi nofs il-benefiċjarji fil-mira;

8.  Jinnota li, sal-lum, is-settur "Ipprogrammar tal-kompjuter, konsulenza u attivitajiet relatati" kien is-suġġett ta' żewġ applikazzjonijiet preċedenti tal-FEG, it-tnejn li huma bbażati fuq il-kriterju tal-globalizzazzjoni (EGF/2013/001 FI/Nokia u EGF/2015/005 FI/Computer programming);

9.  Jenfasizza l-importanza tas-settur tal-ICT għall-impjieg fir-reġjuni ta' Ħelsinki-Uusimaa, Etelä-Suomi u Länsi-Suomi u l-potenzjal tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja li jikkontribwixxu għall-industrija jekk huma jirċievu biżżejjed appoġġ permezz ta' aktar edukazzjoni, taħriġ u pjanijiet biex jidħlu fil-qasam tal-intraprenditorija;

10.  Jilqa' l-fatt li l-awtoritajiet Finlandiżi bdew jagħtu s-servizzi personalizzati lill-ħaddiema affettwati fil-11 ta' Settembru 2015, ferm qabel l-applikazzjoni għal appoġġ mill-FEG għall-pakkett koordinat propost, peress li azzjonijiet bħal dawn huma eliġibbli għall-kofinanzjament mill-FEG;

11.  Jilqa' l-persentaġġ għoli (qrib it-80 %) tal-pakkett kumplessiv li qiegħed jintuża għas-servizzi personalizzati;

12.  Jinnota li l-Finlandja qiegħda tippjana sitt tipi ta' miżuri għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja koperti minn din l-applikazzjoni: (i) miżuri ta' coaching u miżuri preparatorji oħrajn; (ii) impjiegi u servizzi tan-negozju; (iii) taħriġ vokazzjonali fis-suq tax-xogħol; (iv) sussidju tal-pagi; (v) għotja għal negozji ġodda; u (vi) allowances għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar, l-akkomodazzjoni billejl u l-ġarr; jinnota li hemm biżżejjed fondi allokati għall-kontroll u r-rapportar;

13.  Jinnota li s-sussidju tal-pagi msemmi fil-paragrafu 12 huwa ta' bejn 30 % u 50 % tal-ispejjeż tal-pagi tal-ħaddiema u se jingħata għal perjodu ta' bejn 6 xhur u 24 xahar; jistieden lill-Istati Membri joqogħdu ħafna attenti meta jużaw sussidji tal-pagi biex jiżguraw li ħaddiema li ngħataw is-sensja li jiġu reklutati b'sussidju ma jkunux qegħdin jokkupaw totalment jew parzjalment kariga li kienet ta' ħaddiem ieħor fil-kumpanija kkonċernata; jinsab sodisfatt li l-awtoritajiet Finlandiżi taw il-garanziji f'dan is-sens;

14.  Jinnota li l-miżuri ta' appoġġ għad-dħul jammontaw għal 16,64 % tal-pakkett kumplessiv ta' miżuri personalizzati, li huwa ferm inqas mil-limitu massimu ta' 35 % stabbilit fir-Regolament dwar il-FEG, u li dawn l-azzjonijiet jiddependu mill-parteċipazzjoni attiva min-naħa tal-benefiċjarji fil-mira fl-attivitajiet ta' tiftix ta' impjieg jew ta' taħriġ;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa u tipprovdi informazzjoni dwar l-impatt ta' dawn il-miżuri ta' appoġġ għad-dħul fuq perjodu ta' diversi snin, sabiex tiżgura li dawn qegħdin jappoġġaw impjiegi ta' kwalità għolja u li mhumiex jintużaw biex jissussidjaw kuntratti għal żmien qasir bi prezz baxx;

16.  Jinnota li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati tfassal b'konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-benefiċjarji fil-mira kif ukoll ma' sħab soċjali, nazzjonali u reġjonali;

17.  Ifakkar fl-importanza li titjieb l-impjegabbiltà tal-ħaddiema kollha; jistenna li t-taħriġ offrut ikun adattat għall-bżonnijiet, ħiliet u kompetenzi tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, kif ukoll għall-ambjent kummerċjali reali;

18.  Jinnota li l-każ ta' Microsoft se jikkoopera ma' Labour Mobility in Europe 2014-2020, li huwa proġett nazzjonali ta' żvilupp tas-servizzi tal-EURES; jinnota li avvenimenti ta' reklutaġġ internazzjonali se jiġu organizzati b'mod reġjonali b'kooperazzjoni mas-servizzi tal-FEG u tal-EURES; jilqa' pożittivament miżuri bħal dawn, u l-fatt li l-awtoritajiet Finlandiżi qegħdin iħeġġu lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja biex jibbenefikaw bis-sħiħ mid-dritt tagħhom ta' libertà ta' moviment;

19.  Jinnota li pakkett ta' miżuri nazzjonali bit-titolu "Mudelli bejn il-kumpanija tar-reklutaġġ u l-kumpanija li qed tnaqqas l-investiment" tnieda fi ħdan l-Fond Soċjali Ewropew; jinnota li dan il-pakkett ta' miżuri se jkun qed jipproduċi riżultati li jistgħu jkunu utli għall-implimentazzjoni ta' proġetti taħt din l-applikazzjoni tal-FEG; jilqa' l-isforzi tal-awtoritajiet Finlandiżi biex ifittxu sinerġiji ma' azzjonijiet oħra li huma ffinanzjati minn fondi nazzjonali jew tal-Unjoni;

20.  Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jitfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi u l-ħiliet li ser ikun hemm bżonn fil-futur fis-suq tax-xogħol, u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi;

21.  Jinnota li f'każijiet preċedenti tal-FEG is-servizz dirett għal ħaddiema li ngħataw is-sensja wera kemm huwa ferm utli;

22.  Jinnota li l-awtoritajiet Finlandiżi kkonfermaw li l-azzjonijiet proposti mhumiex se jirċievu appoġġ finanzjarju minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni, li mhu se jitħalla jsir l-ebda finanzjament doppju, u li dawn l-azzjonijiet huma komplementari għall-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva annwali ta' dik id-data bil-ħsieb li jiġi żgurat ir-rispett sħiħ tar-regolamenti eżistenti u li ma jkunx hemm duplikazzjoni tas-servizzi ffinanzjati mill-Unjoni;

23.  Jilqa' l-assigurazzjoni tal-Finlandja li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mhux se tissostitwixxi azzjonijiet li l-intrapriża kkonċernata għandha tagħmel skont id-dritt nazzjonali jew skont ftehimiet kollettivi;

24.  Japprezza l-proċedura mtejba stabbilita mill-Kummissjoni, b'segwitu għat-talba mill-Parlament għall-aċċelerazzjoni fir-rilaxx tal-għotjiet; jinnota l-pressjoni mil-lat ta' ħin li jġib miegħu l-kalendarju l-ġdid u l-impatt potenzjali fuq l-effikaċja tal-eżami tal-każijiet;

25.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

26.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

27.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-Anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (wara applikazzjoni mill-Finlandja – EGF/2016/001 FI/Microsoft)

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2016/1857.)

Avviż legali