Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2911(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-1062/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 06/10/2016 - 5.2
CRE 06/10/2016 - 5.2

Testi adottati :

P8_TA(2016)0379

Testi adottati
PDF 277kWORD 55k
Il-Ħamis, 6 ta' Ottubru 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
Is-Sudan
P8_TA(2016)0379RC-B8-1062/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar is-Sudan (2016/2911(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sudan;

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tat-8 ta' Awwissu 2016 mill-UE, ir-rappreżentanti tat-Trojka (in-Norveġja, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti) u l-Ġermanja li tilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li s-"Sejħa tas-Sudan" iffirmat il-Pjan Direzzjonali tal-Grupp ta' Implimentazzjoni ta' Livell Għoli tal-Unjoni Afrikana dwar is-Sudan (AUHIP),

–  wara li kkunsidra r-"Rapport tal-Espert Indipendenti dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sudan" tat-28 ta' Lulju 2016 u r-"Rapport tar-Rapporteur Speċjali dwar l-impatt negattiv tal-miżuri koerċittivi unilaterali fuq it-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem, fil-missjoni tiegħu lejn is-Sudan" tal-4 ta' Awwissu 2016,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-27 ta' Ġunju 2016 mill-Kelliem tal-Viċi President / Rappreżentant Għoli (VP/RGħ) dwar it-tħabbira mill-Gvern Sudaniż ta' waqfien mill-ġlied unilaterali ta' erba' xhur,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2296 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar is-Sudan, adottata fis-7728 laqgħa tiegħu fid-29 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra l-komunikat tat-13 ta' Ġunju 2016 tal-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana dwar is-sitwazzjoni fid-Darfur,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 5 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Artikolu 7 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li t-tnejn jistipulaw li l-ebda persuna m'għandha tkun soġġetta għal tortura jew għal trattament jew kastig krudili, inuman jew degradanti,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-9 ta' April 2015 mir-Rappreżentant Għoli f'isem l-Unjoni Ewropea dwar in-nuqqas ta' ambjent favorevoli għall-elezzjonijiet Sudaniżi f'April 2015,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-"Sejħa tas-Sudan" dwar "L-istabbiliment ta' Stat ta' Ċittadinanza u Demokrazija",

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) tat-18 ta' Diċembru 1979,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-kunflitt fid-Darfur ilu għaddej 13-il sena u ħalla aktar minn 300 000 ruħ mejta, filwaqt li l-forzi tal-Gvern Sudaniż għadhom qed ikomplu jattakkaw liċ-ċivili, speċjalment f'Jebel Marra; billi l-ibbumbardjar indiskriminat kontinwu taċ-ċivili, inklużi attakki illegali mill-forzi Sudaniżi fuq irħula fil-Kordofan tan-Nofsinhar, fil-Blue Nile u fid-Darfur ħalla ħafna vittmi u qered l-infrastruttura ċivili;

B.  billi l-Att dwar is-Sigurtà Nazzjonali tal-2010 ta lill-gvern Sudaniż setgħat enormi li b'mod regolari jżomm lid-detenuti f'reklużjoni, mingħajr ma jiġu mixlija u għal perjodi twal, waqt li xi organizzazzjonijiet ġew magħluqa bil-forza u attakkati;

C.  billi, skont l-Eżami Perjodiku Universali tan-NU tal-21 ta' Settembru 2016, is-Sudan afferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jaderixxi mal-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti u l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tal-Persuni kollha mill-Għajbien Sfurzat;

D.  billi l-ksur u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem qegħdin jeskalaw fid-Darfur, b'mod partikolari fil-Kordofan tan-Nofsinhar u fil-Blue Nile, inklużi dawk li jinvolvu qtil extraġudizzjarju, l-użu eċċessiv tal-forza, il-ħtif ta' ċivili, atti ta' vjolenza sesswali u abbażi ta' sess kontra n-nisa, ksur u abbużi kontra t-tfal, u arresti u detenzjonijiet arbitrarji;

E.  billi l-ispazju ċiviku għal partiti politiċi tal-oppożizzjoni, is-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem huwa ristrett fis-Sudan; billi huwa rrappurtat li s-Servizz tal-Intelligence u s-Sigurtà Nazzjonali (NISS) kostantement jagħti fastidju, jattakka u jħarrek lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, lill-attivisti studenti u lid-dissidenti politiċi talli jwettqu l-attivitajiet leġittimi tagħhom; billi s'issa din is-sena għadd kbir ta' attivisti tas-soċjetà ċivili ġew arrestati b'mod arbitrarju, inklużi erba' rappreżentanti tas-soċjetà ċivili Sudaniża interċettati minn uffiċjali tas-sigurtà fl-Ajruport Internazzjonali ta' Khartoum fi triqithom lejn laqgħa ta' livell għoli dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' uffiċjali diplomatiċi li saret f'Ġinevra fl-31 ta' Marzu 2016;

F.  billi l-gruppi tad-drittijiet tal-bniedem żvelaw evidenza kredibbli ta' attakki b'armi kimiċi fuq ċivili mill-forzi tal-Gvern Sudaniż, waqt li persuni mir-reġjuni ta' Jebel Marra fid-Darfur żvelaw l-effetti tal-waħx tal-attakki b'armi kimiċi suspettati, li l-aktar wieħed reċenti minnhom sar fid-9 ta' Settembru 2016 fir-raħal ta' Gamarah; billi ġew irrappurtati wkoll attakki mill-Forzi ta' Appoġġ Rapidu (RSF), li hija unità militari Sudaniża komposta minn membri ta' exmilizja Sudaniża favur il-gvern taħt il-kmand tal-NISS;

G.  billi fid-29 ta' Frar 2016 l-NISS attakka brutalment iċ-Ċentru għat-Taħriġ u l-Iżvilupp tal-Bniedem ta' Khartoum (Centre for Training and Human Development (TRACKS)), organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili. Wara dan l-attakk, id-direttur Khalfálah Alafif Muktar u l-attivisti Arwa Ahmed Elrabie, Al-Hassan Kheiry, Imani-Leyla Raye, Abu Hureira Abdelrahman u Al-Baqir Al-Afif Mukhtar, Midhat Afifadeen u Mustafa Adam ġew arrestati u akkużati b'konfoffa kriminali u gwerra kontra l-Istat, akkużi li jġorru l-piena tal-mewt; billi huwa rrappurtat li d-direttur jinsab f'kundizzjoni ħażin tas-saħħa u ż-żjarat tal-qraba mhumiex permessi;

H.  billi l-awtoritajiet Sudaniżi jimponu restrizzjonijiet severi fuq il-libertà tar-reliġjon; billi t-theddidiet kontra mexxejja tal-knisja u l-intimidazzjoni tal-komunitajiet Insara komplew b'pass mgħaġġel f'dawn l-aħħar snin; billi l-ħaddiem Ċek tal-organizzazzjoni Christian Aid Petr Jašek, il-pastors Sudaniżi Hassan Abduraheem Kodi Taour, Kuwa Shamal u l-istudent gradwat mid-Darfur Abdulmonem Abdumawla Issa Abdumawla diġà ilhom disa' xhur detenuti mill-NISS u qegħdin jiffaċċjaw proċess fuq akkużi li tefgħu dawl fuq it-tbatija allegata tal-Insara fiż-żoni meqruda bil-gwerra tas-Sudan; billi f'dawn l-aħħar snin kien hemm żieda fl-għadd ta' proċessi fuq akkużi ta' apostasija u sussegwentement fl-għadd ta' sentenzi tal-mewt;

I.  billi l-Forzi ta' Appoġġ Rapidu (RSF) reċentement kienu mmobilizzati tul il-fruntiera tat-Tramuntana tas-Sudan sabiex jikkumbattu l-fluss ta' migranti irregolari; billi fil-31 ta' Awwissu 2016, il-Kmandant tal-RSF iddikjara li l-forzi tiegħu kienu qed jippatuljaw il-fruntiera mal-Eġittu u l-Libja, u fl-istess waqt qal li s-Sudan kien qed jiġġieled il-migrazzjoni illegali f'isem l-UE; billi d-Delegazzjoni tal-UE fis-Sudan ċaħdet dan l-appoġġ fis-6 ta' Settembru 2016;

J.  billi fl-24 ta' Awwissu 2016, 48 Sudaniż li potenzjalment kienu se jfittxu asil ġew iddeportati mill-Italja lejn is-Sudan; billi f'Mejju 2016 l-awtoritajiet Sudaniżi ddeportaw aktar minn 400 Eritrean li kienu ġew arrestati fi triqthom lejn il-Libja;

K.  billi l-awtoritajiet Sudaniżi jikkundannaw b'mod sproporzjonat lin-nisa u l-bniet għal delitti mhux definiti b'mod ċar; billi n-nisa jħabbtu wiċċhom ma' diskriminazzjoni sistemika u l-impożizzjoni ta' kastigi korporali u swat għall-ksur ta' kodiċijiet tal-ilbies definiti b'mod vag;

L.  billi l-kofirmatarji tas-"Sejħa tas-Sudan" (li jinkludu rappreżentanti tal-partiti tal-oppożizzjoni politika u armata, fosthom il-Partit tal-Umma Nazzjonali, il-Forzi ta' Konsensus Nazzjonali u l-Front Rivoluzzjonarju tas-Sudan) huma impenjati li jaħdmu lejn tmiem il-kunflitti li għaddejjin f'reġjuni differenti tas-Sudan u favur riformi ġuridiċi, istituzzjonali u ekonomiċi;

M.  billi żewġ mandati ta' arrest għall-President al-Bashir kienu maħruġa fl-2009 u fl-2010 mill-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI), li akkużatu b'responsabbiltà għal delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u atti ta' ġenoċidju; billi minkejja li s-Sudan mhuwiex Stat parti għall-Istatut ta' Ruma, ir-Riżoluzzjoni 1593 tal-Kunsill (2005) tas-Sigurtà tan-NU titolbu jikkoopera mal-QKI, u s-Sudan għaldaqstant jeħtieġlu jikkonforma mal-mandat ta' arrest tal-QKI;

N.  billi f'Ġunju 2008, fil-laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UE fi ħdan il-Kunsill Affarijiet Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni kkonkludew "li l-Kunsill jinsab lest li jikkunsidra miżuri kontra individwi responsabbli għal nuqqas ta' kooperazzjoni mal-Qorti Kriminali Internazzjonali";

O.  billi l-UE bħalissa qiegħda timplimenta proġett dwar "ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni" mas-Sudan;

1.  Jikkundanna l-użu ta' armi kimiċi kontra ċivili fiż-żona ta' Jebel Marra tad-Darfur mill-Gvern Sudaniż u jenfasizza li dan huwa ksur serju tan-normi internazzjonali u kif ukoll delitt tal-gwerra; ifakkar li s-Sudan huwa parti għall-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi u jitlob li ssir investigazzjoni internazzjonali mmexxija mill-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi dwar dawn l-allegazzjonijiet ; ifakkar lill-awtoritajiet Sudaniżi dwar ir-responsabbiltà tagħhom li jħarsu d-drittijiet tal-bniedem;

2.  Jibqa' mħasseb ħafna dwar il-qtil illegali, il-ħtif, il-vjolenza abbażi ta' sess u l-vjolenza sesswali li għaddejjin fiż-żoni ta' kunflitt, b'mod partikolari fid-Darfur, il-Kordofan tan-Nofsinhar u l-Blue Nile, kif ukoll l-emerġenza umanitarja serja relatata kkawżata mill-ispostamenti interni kbar; jitlob li jintemm immedjatament il-bumbardament taċ-ċivili mill-ajru mill-forzi Sudaniżi;

3.  Jikkundanna l-arrest arbitrarju u d-detenzjoni ta' attivisti u d-detenzjoni li għadha għaddejja ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u ġurnalisti fis-Sudan; iħeġġeġ lill-Gvern tas-Sudan jiggarantixxi l-eżerċizzju paċifiku tal-libertajiet tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni u tal-għaqda; jissottolinja li d-Djalogu Nazzjonali jirnexxi biss jekk jitwettaq f'atmosfera fejn il-libertajiet tal-espressjoni, tal-midja, tal-assoċjazzjoni u tal-għaqda jkunu ggarantiti;

4.  Jistieden lill-Unjoni Afrikana u lill-Gvern Sudaniż biex minnufih jinvestigaw l-allegazzjonijiet kollha ta' tortura, trattament ħażin, detenzjoni arbitrarja u użu eċċessiv tal-forza u biex dawk responsabbli jwieġbu għal għemilhom fi proċessi ġusti, bla rikors għall-piena tal-mewt; jistieden lill-Gvern tas-Sudan jippubblika moratorju immedjat fuq l-eżekuzzjonijiet kollha bil-għan li jabolixxi l-piena tal-mewt u l-forom kollha ta' kastigi korporali;

5.  Jesprimi tħassib partikolari dwar ir-restrizzjonijiet tal-aċċess li għadhom qed jiġu imposti fuq l-aġenziji u l-organizzazzjonijiet umanitarji internazzjonali; jitlob li l-Gvern Sudaniż jagħmel kull sforz possibbli biex itejjeb l-aċċess minn aġenziji umanitarji internazzjonali għal dawk kollha li qed ifittxu l-għajnuna umanitarja skont l-impenji tiegħu matul l-eżami perjodiku universali; iħeġġeġ lill-Gvern tas-Sudan jimpenja ruħu b'mod kostruttiv ma' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex mingħajr dewmien jippromwovi sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem fis-Sudan;

6.  Itenni li l-libertà ta' reliġjon, kuxjenza jew twemmin hija dritt tal-bniedem universali li jeħtieġ li jitħares kullimkien u għal kulħadd; jitlob li l-Gvern Sudaniż jirrevoka kwalunkwe dispożizzjoni ġuridika li tippenalizza jew tiddiskrimina kontra individwi minħabba t-twemmin reliġjuż tagħhom, speċjalment fil-każ tal-apostasija u speċjalment fir-rigward tal-ħaddiem Ċek tal-organizzazzjoni Christian Aid Petr Jašek, il-pastors Sudaniżi Hassan Abduraheem Kodi Taour, Kuwa Shamal u l-istudent gradwat mid-Darfur Abdulmonem Abdumawla Issa Abdumawla;

7.  Jesprimi t-tħassib tiegħu fir-rigward taż-żieda fir-ripressjoni mill-NISS fuq iċ-ċittadini li huma attivisti tas-soċjetà ċivili u jistieden lis-Sudan biex jeħles lill-priġunieri immedjatament u mingħajr kundizzjoni u biex iwaqqaf minnufih id-detenzjonijiet arbitrarji, biex iwaqqa' l-akkużi kollha li jirriżultaw minn attivitajiet paċifiċi tagħhom u biex l-NGOs, bħall-persunal ta' TRACK, l-affiljati tagħha u l-istudenti attivisti, jitħallew iwettqu xogħolhom mingħajr biża ta' rappreżalji;

8.  Jinnota l-aċċettazzjoni tas-Sudan tar-rakkomandazzjonijiet biex jirratifika l-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti u biex isaħħaħ l-isforzi għall-prevenzjoni tat-tortura u t-trattament inuman; jitlob, madankollu, lill-Gvern Sudaniż iwettaq eżami urġenti tal-Att tiegħu dwar is-Sigurtà Nazzjonali, li jippermetti d-detenzjoni ta' suspettati sa erba' xhur u nofs mingħajr ebda forma ta' stħarriġ ġudizzjarju, u jirriforma s-sistema ġuridika tiegħu bi qbil ma' standards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

9.  Jistieden lill-Gvern tas-Sudan iħassar l-immunitajiet estensivi li stipula fil-leġiżlazzjoni Sudaniża, jippubblika s-sejbiet tat-tliet kummissjonijiet ta' inkjesta statali, u pubblikament jirrikonoxxi l-iskala tal-qtil matul ir-ripressjoni tad-dimostranti kontra l-awsterità f'Settembru 2013 u jipprovdi ġustizzja lill-vittmi tagħha;

10.  Ifakkar fil-konklużjonijiet tal-GAERC ta' Ġunju 2008 li jindirizzaw in-nuqqas kontinwu tal-Gvern tas-Sudan li jikkoopera mal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) u jirrimarka li l-Gvern tas-Sudan għandu l-obbligu, u l-kapaċità, li jikkoopera u li kwalunkwe mandat ta' arrest maħruġ mill-QKI għandu jkun irrispettat; iħeġġeġ lill-Omar al-Bashir jikkonforma mad-dritt internazzjonali u jidher quddiem il-QKI għal delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u l-ġenoċidju;

11.  Jistieden lill-Istati Membri tal-Unjoni Afrikana, u b'mod partikolari dawk il-pajjiżi li ospitaw lill-President Bashir (ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, iċ-Chad, l-Afrika t'Isfel, l-Uganda u l-Djibouti), biex jikkonformaw mal-Istatut ta' Ruma u d-deċiżjonijiet tal-Qorti Kriminali Internazzjonali;

12.  Jistieden lill-UE tieħu passi biex timponi sanzjonijiet punittivi mmirati kontra dawk responsabbli għat-tkomplija tad-delitti tal-gwerra u għan-nuqqas ta' kooperazzjoni mal-Qorti Kriminali Internazzjonali; jitlob lis-SEAE jfassal lista ta' individwi għal sanzjonijiet bħal dawn mingħajr dewmien;

13.  Jinnota li l-Gvern tas-Sudan iffirma l-Pjan Direzzjonali miftiehem fis-16 ta' Marzu 2016, u sussegwentement iċċara l-impenji tiegħu rigward l-inklużjoni ta' partijiet ikkonċernati rilevanti oħra fid-Djalogu Nazzjonali u dwar it-tkomplija ta' ħarsien ta' kwalunkwe deċiżjoni milħuqa bejn il-firmatarji mill-oppożizzjoni u l-Mekkaniżmu 7+7, il-kumitat ta' tmexxija tad-Djalogu Nazzjonali; jinsisti dwar il-ħtieġa li l-partijiet kollha jirrispettaw l-impenji tagħhom u jitlob għal djalogu kontinwu lejn l-istabbiliment ta' waqfien mill-ġlied definit; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu l-impenn tagħhom għall-appoġġ tal-isforzi tal-Unjoni Afrikana biex iwasslu l-paċi lis-Sudan u lill-poplu Sudaniż fit-tranżizzjoni tagħhom għal demokrazija riformata internament;

14.  Jistieden lill-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti / Unjoni Afrikana fid-Darfur (UNAMID) tistabbilixxi preżenza permanenti ġewwa Jebel Marra; jistieden lill-UNAMID biex tinvestiga mingħajr dewmien u pubblikament tirrapporta dwar l-allegazzjonijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt internazzjonali minn membri tal-forzi tal-Gvern Sudaniż u l-forzi tal-oppożizzjoni f'Jebel Marra;

15.  Jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jissorveljaw mill-qrib l-għajnuna tal-UE għall-iżvilupp fis-Sudan sabiex jiġi evitat kwalunkwe appoġġ dirett jew indirett lill-milizji lokali, u biex jiġi żgurat li l-forzi tal-RSF li qed jagħmlu pattulja mal-fruntieri tas-Sudan mal-Eġittu u mal-Libja, ma jgħidux li qed jiġġieldu l-immigrazzjoni illegali f'isem l-UE;

16.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kkonċernati sabiex b'hekk jiżguraw trasparenza sħiħa dwar il-proġett "ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni" mas-Sudan, inklużi l-attivitajiet kollha ppjanati u l-benefiċjarji tal-UE u l-finanzjament nazzjonali, u biex iħejju rapport komprensiv dwar iż-żjara ta' delegazzjoni teknika tal-UE lejn is-Sudan f'Mejju 2016;

17.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżguraw li l-Parlament jinżamm infurmat bis-sħiħ dwar id-djalogu stabbilit taħt il-Proċess ta' Khartoum u li l-attivitajiet iffinanzjati permezz tal-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika, b'mod partikolari dawk li jimmiraw li jibnu l-kapaċitajiet tal-Gvern tas-Sudan, jitwettqu f'konformità sħiħa mal-ftehimiet eżistenti, biex jiżguraw li l-aderenza mal-obbligi u mal-liġijietinternazzjonali hija kompletament trasparenti għaċ-ċittadini u s-soċjetà ċivili fl-UE u fis-Sudan;

18.  Jinnota bi tħassib il-ksur kontinwu u frekwenti tad-drittijiet tan-nisa fis-Sudan, u b'mod partikolari l-Artikolu 152 tal-Kodiċi Kriminali, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Sudaniżi jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa malajr kemm jista' jkun;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvern tas-Sudan, lill-Unjoni Afrikana, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE u lill-Parlament Pan-Afrikan (PAP), u lill-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi.

Avviż legali