Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2912(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-1068/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 06/10/2016 - 5.3

Testi adottati :

P8_TA(2016)0380

Testi adottati
PDF 269kWORD 52k
Il-Ħamis, 6 ta' Ottubru 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
It-Tajlandja, b'mod partikolari s-sitwazzjoni ta' Andy Hall
P8_TA(2016)0380RC-B8-1068/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar it-Tajlandja, b'mod partikolari s-sitwazzjoni ta' Andy Hall (2016/2912(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Tajlandja, b'mod partikolari dawk tal-20 ta' Mejju 2010(1), tas-6 ta' Frar 2014(2), tal-21 ta' Mejju 2015(3) u tat-8 ta' Ottubru 2015(4),

–  wara li kkunsidra t-tweġiba tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, tad-19 ta' Novembru 2015, f'isem il-Kummissjoni, dwar is-sitwazzjoni tas-Sur Andy Hall,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet maħruġa mid-Delegazzjoni tal-UE fit-Tajlandja, bi ftehim mal-Kapijiet tal-Missjoni tal-UE fit-Tajlandja tal-14 ta' Novembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-20 ta' Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' Maurizio Bussi, Direttur Nazzjonali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol għat-Tajlanda, il-Kambodja u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Laos tal-21 ta' Settembru 2016 dwar il-kundanna tal-attivist tad-drittijiet tax-xogħol, Andy Hall, fit-Tajlandja,

–  wara li kkunsidra l-Eżami Perjodiku Universali tat-Tajlandja li tressaq quddiem il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu, tal-11 ta' Mejju 2016,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Diċembru 1948,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-2014 dwar il-Migrazzjoni fit-Tajlandja mfassal mill-Grupp ta' Ħidma Tematiku tan-NU dwar il-Migrazzjoni,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1998 u r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU A/RES/70/161 tas-17 ta’ Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966, li t-Tajlandja hija Stat firmatarju tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-1984,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja tat-18 ta' Novembru 2012,

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi d-difensur tad-drittijiet tal-ħaddiema, is-Sur Andy Hall, li huwa ċittadin tal-UE, fl-20 ta' Settembru 2016 ingħata sentenza sospiża ta' tliet snin priġunerija u multa ta' THB 150 000 wara li kkontribwixxa għal rapport maħruġ mill-NGO Finlandiża, Finnwatch, li żvela ksur tad-drittijiet tal-ħaddiema f'impjant Tajlandiż tal-ipproċessar tal-ananas, Natural Fruit Company Ltd;

B.  billi Andy Hall kien formalment akkużat b'diffamazzjoni kriminali u bi kriminalità tal-informatika fir-rigward tal-pubblikazzjoni online tar-rapport, u billi ż-żewġ kawżi kriminali tas-Sur Hall tħallew jiġu pproċessati mis-sistema ġudizzjajra Tajlandiża;

C.  billi għadd ta' każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-ħaddiema mwettqa mill-kumpanija kienu ġew identifikati mill-Ministeru Tajlandiż għax-Xogħol u minn impjegati ta' Natural Fruit Company Ltd matul udjenzi ġudizzjarji preċedenti;

D.  billi, fit-18 ta' Settembru 2015, il-Qorti Prakanong ta' Bangkok, f'deċiżjoni favur is-Sur Hall, ikkonfermat iċ-ċaħda tal-proċedimenti l-oħra ta' diffamazzjoni kriminali miġjuba kontrih, li ġew appellati minn Natural Company Ltd u mill-Avukat Ġenerali Tajlandiż u li bħalissa jinstabu pendenti quddiem il-Qorti Suprema; billi ż-żewġ proċedimenti ċivili ġew sospiżi sakemm jiġu riżolti ż-żewġ proċedimenti kriminali;

E.  billi, skont rapporti fil-midja internazzjonali u Tajlandiża, il-Migrant Worker Rights Network (MWRN), organizzazzjoni li s-Sur Hall huwa l-konsulent tagħha, kif ukoll is-Sur Hall innifsu flimkien ma' 14-il ħaddiem ta' razzett tat-tiġieġ mill-Myanmar/Burma, qegħdin jiffaċċaw theddid ta' kawżi simili ta' diffamazzjoni kriminali u ta' kriminalità tal-informatika minn fornitur Tajlandiż tat-tiġieġ lejn is-suq Ewropew;

F.  billi, fit-28 ta' Settembru 2016, l-awtoritajiet Tajlandiżi ostakolaw il-preżentazzjoni u t-tnedija fil-pubbliku, minn għadd ta' esperti u riċerkaturi barranin tad-drittijiet tal-bniedem, tal-aħħar rapport ta' riċerka ta' Amnesty International, li jiddokumenta tortura jew abbuż regolari tal-avversarji politiċi, tal-ħaddiema migranti, tar-ribelli suspettati u ta' persuni oħrajn fil-bażijiet militari, fl-għases tal-pulizija u fil-faċilitajiet ta' detenzjoni;

G.  billi l-użu sproporzjonat tal-liġijiet dwar id-diffamazzjoni kriminali, li jġorru magħhom pieni ta' priġunerija, kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jirrapportaw allegat ksur tad-drittijiet tal-bniedem, jillimita l-libertà tal-espressjoni bi ksur tal-obbligi tat-Tajlandja skont il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li hija Stat firmatarju tiegħu;

H.  billi hemm kważi erba' miljun barrani jgħixu fit-Tajlandja, li 2,7 miljun minnhom ġejjin mill-Kambodja, mil-Laos jew mill-Myanmar/Burma; billi l-permessi tax-xogħol ilhom jinħarġu lill-migranti minn dawn il-pajjiżi sa mill-2001, iżda billi għad hemm aktar minn miljun ħaddiem migrant mhux reġistrat fil-pajjiż;

I.  billi, skont il-Human Rights Watch, fid-dikjarazzjoni tagħha tat-18 ta' Settembru 2016, id-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol tal-ħaddiema migranti fit-Tajlandja mill-Myanmar/Burma, mill-Kambodja, u mil-Laos li jaħdmu fit-Tajlanda ilhom jiġu miksura b'impunità matul is-snin, u l-ħaddiema migranti ta' spiss jirċievu ftit li xejn jew l-ebda protezzjoni mil-liġijiet Tajlandiżi tax-xogħol, minkejja dikjarazzjonijiet min-naħa tal-gvern li l-ħaddiema migranti kollha legalment reġistrati se jingħataw protezzjoni taħt dawn il-liġijiet;

J.  billi t-Tajlandja bdiet timplimenta Memorandum ta' Qbil dwar il-kooperazzjoni fl-impjieg ta' ħaddiema mal-Kambodja u l-Laos fl-2006, u mal-Myanmar/Burma fl-2009; billi, skont is-sistema tal-Memorandum ta' Qbil, il-ħaddiema jistgħu jiksbu offerti ta' impjieg u dokumenti ta' vvjaġġar qabel jemigraw lejn it-Tajlandja, iżda 5 % biss tal-ħaddiema minn dawn il-pajjiżi għaddew mill-proċess tal-Memorandum ta' Qbil;

1.  Jilqa' l-impenn qawwi tal-UE lejn il-poplu Tajlandiż, li miegħu l-UE għandha rabtiet politiċi, ekonomiċi u kulturali b'saħħithom u dejjiema;

2.  Jiddispjaċih dwar il-verdett ta' ħtija kontra Andy Hall, u jesprimi tħassib dwar il-proċess ġudizzjarju u dwar kif dan jista' jaffettwa l-libertà tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jagħmlu xogħolhom;

3.  Jistieden lill-Gvern Tajlandiż biex jieħu l-miżuri kollha meħtieġa ħalli jiżgura li d-drittijiet – inkluż id-dritt ta' proċess ġust – tas-Sur Hall u ta' difensuri oħra tad-drittijiet tal-bniedem jiġu rispettati u protetti, kif ukoll biex joħloq ambjent favorevoli għat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem, u b'mod partikolari, jiżgura li l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem ma jiġux kriminalizzati;

4.  Jistieden lill-awtoritajiet Tajlandiżi biex jiżguraw li l-liġijiet tal-pajjiż dwar id-diffamazzjoni jkunu konformi mal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li t-Tajlandja hija Stat firmatarju tiegħu, u biex jirrevedu l-Att dwar il-Kriminalità tal-Informatika, li d-diċitura attwali tiegħu hija vaga ħafna;

5.  Jifraħ lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għall-ħidma tiegħu fil-każ ta' Andy Hall, u jħeġġu jkompli jsegwi s-sitwazzjoni mill-qrib; jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tqajjem il-kwistjoni mal-Gvern Tajlandiż matul il-Laqgħa Ministerjali li jmiss tal-ASEAN-UE f'Bangkok;

6.  Jistieden lill-Gvern Tajlandiż u lill-istituzzjonijiet tal-Istat jikkonformaw mal-kostituzzjoni u l-obbligi internazzjonali tat-Tajlandja fir-rigward tal-indipendenza tal-ġudikatura, id-dritt għal proċess dovut tal-liġi u proċess ġust u d-drittijiet għal-libertà ta' espressjoni, assoċjazzjoni u għaqda paċifika;

7.  Jirrikonoxxi l-progress li għamel il-Gvern Tajlandiż fir-rigward tal-ġlieda kontra l-isfruttament tal-ħaddiema u l-protezzjoni tal-ħaddiema nazzjonali u migranti, kif evidenzjat, b'mod partikolari, minn sistema rinfurzata ta' spezzjoni tax-xogħol, leġiżlazzjoni li tkopri l-aġenziji tax-xogħol, miżuri li jimpedixxu l-jasar tad-dejn u t-traffikar tal-bnedmin, politika ta' sanzjonijiet aktar b'saħħitha dwar l-abbużi fil-qasam tax-xogħol, ir-ratifika tal-Konvenzjoni Nru 187 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u l-iffirmar f'Marzu 2016 tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu;

8.  Jistieden lill-awtoritajiet Tajlandiżi jadottaw u jimplimentaw, fil-liġi u fil-prattika, politika ta' immigrazzjoni li tkun olistika u li jkollha perspettiva fit-tul għall-ħaddiema migranti b'livell baxx ta' ħiliet skont il-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem u fl-istess ħin iqisu l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol; jissuġġerixxi, f'dan il-kuntest, li, bħala l-ewwel pass, jiġi rivedut l-Att dwar ir-Relazzjonijiet tax-Xogħol, bl-għan li jiġi żgurat li l-ħaddiema migranti jgawdu l-istess dritt għal-libertà ta' assoċjazzjoni bħaċ-ċittadini Tajlandiżi;

9.  Jappella għall-protezzjoni tal-ħaddiema migranti permezz ta' inċentivi aktar b'saħħithom għal dawk li jħaddmu sabiex jiġu involuti fil-proċess ta' regolarizzazzjoni, filwaqt li jingħataw multi għolja jew pieni oħra kontra dawk li jħaddmu li ma jinvolvux ruħhom fil-proċess ta' regolarizzazzjoni jew li jkunu fi ksur tal-liġi tax-xogħol;

10.  Jitlob lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lid-Delegazzjoni tal-UE f'Bangkok, kif ukoll lid-delegazzjonijiet tal-Istati Membri, biex ikomplu jimmonitorjaw is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-Tajlandja, u jkomplu bl-involviment tagħhom mal-gvern u s-soċjetà ċivili u jużaw kwalunkwe strument disponibbli biex jiżguraw ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u għall-istat tad-dritt fit-Tajlandja;

11.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżguraw li kumpaniji stabbiliti fit-territorji tagħhom li jagħmlu negozju fit-Tajlandja jirrispettaw l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, permezz ta' monitoraġġ u rapportar trasparenti, b'kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili, u jilqa' l-appoġġ li l-grupp kummerċjali Finlandiż, S Group, ta lil Andy Hall;

12.  Jemmen bil-qawwi li l-kumpaniji għandhom jinżammu responsabbli għal kwalunkwe ħsara ambjentali u għal kwalunkwe abbuż tad-drittijiet tal-bniedem li jkunu responsabbli għalihom, u li l-UE u l-Istati Membri għandhom jiddefendu dan bħala prinċipju bażiku;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, lill-Gvern u lill-Parlament tat-Tajlandja, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja.

(1) ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 152.
(2) Testi adottati, P7_TA(2014)0107.
(3) ĠU C 353, 27.9.2016, p. 52.
(4) Testi adottati, P8_TA(2015)0343.

Avviż legali