Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2326(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0262/2016

Testi mressqa :

A8-0262/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 06/10/2016 - 5.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0385

Testi adottati
PDF 279kWORD 54k
Il-Ħamis, 6 ta' Ottubru 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
Rapport Annwali 2014 dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni
P8_TA(2016)0385A8-0262/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE: Rapport Annwali 2014 (2015/2326(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-32 rapport annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE (2014) (COM(2015)0329),

–  wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni intitolat "Rapport ta' Evalwazzjoni tal-Proġett "EU Pilot"" (COM(2010)0070),

–  wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni intitolat "It-Tieni Rapport ta' Evalwazzjoni dwar l-EU Pilot" (COM(2011)0930),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Marzu 2002 dwar ir-relazzjonijiet mal-kwelerant fil-qasam tal-ksur tad-dritt Komunitarju (COM(2002)0141),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' April 2012 intitolata "L-aġġornament tal-immaniġġjar tar-relazzjonijiet mal-kwerelant rigward l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni" (COM(2012)0154),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali dwar tfassil aħjar tal-liġijiet bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, u l-Kummissjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Settembru 2015 dwar it-30 u l-31 rapport annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-Dritt tal-UE (2012-2013)(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 52 u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A8-0262/2016),

A.  billi l-Artikolu 17 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jiddefinixxi r-rwol fundamentali tal-Kummissjoni bħala "gwardjan tat-Trattati";

B.  billi, skont l-Artikolu 6(1) TUE, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-"Karta") għandha l-istess valur legali tat-Trattati, u hija intiża għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji tal-Unjoni u l-Istati Membri meta jkunu qed jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni (l-Artikolu 51(1) tal-Karta);

C.  billi, skont l-Artikolu 258 (1) u (2) TFUE, il-Kummissjoni għandha tagħti opinjoni motivata lil Stat Membru meta tqis li dan ikun naqas li jwettaq xi obbligu tiegħu fl-ambitu ta' dawn it-Trattati, u tista' tressaq il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Istat Membru kkonċernat ma jikkonformax mal-opinjoni fi żmien skadenza stabbilita mill-Kummissjoni;

D.  billi l-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea jipprevedi l-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar il-proċeduri ta' ksur kollha bbażati fuq ittri ta' avviż formali, iżda ma jkoprix il-proċedura informali tal-EU Pilot li tippreċedi l-ftuħ tal-proċedimenti ta' ksur formali;

E.  billi l-Kummissjoni invokat l-Artikolu 4(3) tat-TUE u l-prinċipju ta' kooperazzjoni sinċiera bejn l-Unjoni u l-Istati Membri sabiex tinforza l-obbligi tagħha biex teżerċita diskrezzjoni fir-rigward tal-Istati Membri matul il-proċeduri tal-EU Pilot;

F.  billi l-proċeduri tal-EU Pilot huma maħsuba għal kooperazzjoni eqreb u aktar koerenti bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex ikun hemm rimedju għall-ksur tad-dritt tal-UE fi stadju bikri sabiex, kulfejn ikun possibbli, tiġi evitata l-ħtieġa li jsiru proċedimenti ta' ksur formali;

G.  billi fl-2014 il-Kummissjoni rċeviet 3 715-il ilment li rrapporta dwar possibilitajiet ta' ksur tal-leġiżlazzjoni tal-UE, u l-Istati Membri li kontra tagħhom tressqu l-aktar ilmenti kienu Spanja (553), l-Italja (475) u l-Ġermanja (276);

H.  billi fl-2014 il-Kummissjoni nediet 893 proċedura ġdida ta' ksur, u l-Istati Membri li kellhom l-ikbar għadd ta' każijiet miftuħa kienu l-Greċja (89), l-Italja (89) u Spanja (86);

I.  billi l-Artikolu 41 tal-Karta jiddefinixxi d-dritt għal amministrazzjoni tajba bħala dritt ta' kull persuna li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b'mod imparzjali, ġust u fi żmien debitu min-naħa tal-istituzzjonijiet, u l-Artikolu 298 tat-TFUE jistipula li, fit-twettiq tal-missjonijiet tagħhom, l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni għandu jkollhom l-appoġġ ta' amministrazzjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti;

1.  Ifakkar li l-Kummissjoni, skont l-Artikolu 17 tat-TUE, għandha tissorvelja l-applikazzjoni tad-Dritt tal-Unjoni inkluża l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (Artikolu 6(1) TUE), li d-dispożizzjonijiet tagħha huma intiżi għall-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u għall-Istati Membri meta jkunu qed jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni;

2.  Jirrikonoxxi li r-responsabbiltà primarja għall-implimentazzjoni u l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-UE hija tal-Istati Membri, iżda jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li dan ma jeżonerax lill-istituzzjonijiet tal-UE mid-dmir tagħhom li jirrispettaw id-dritt primarju tal-UE meta jkunu qed jistabbilixxu d-dritt sekondarju tal-UE;

3.  Jisħaq fuq ir-rwol essenzjali tal-Kummissjoni li tissorvelja l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE u tissottometti r-rapport annwali tagħha lill-Parlament u lill-Kunsill; jistieden lill-Kummissjoni tkompli fir-rwol attiv tagħha fl-iżvilupp ta' diversi għodod biex jittejbu l-implimentazzjoni, l-infurzar u l-konformità tad-dritt tal-UE fl-Istati Membri, u tipprovdi data, flimkien ma' dik dwar l-implimentazzjoni tad-direttivi tal-UE, dwar l-implimentazzjoni tar-regolamenti tal-UE fir-rapport annwali tagħha li jmiss;

4.  Jirrikonoxxi li r-responsabbiltà primarja għall-implimentazzjoni u l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-UE hija tal-Istati Membri, jenfasizza li l-Istati Membri, meta jimplimentaw id-dritt tal-UE, iridu jirrispettaw bis-sħiħ il-valuri u d-drittijiet fundamentali li jinsabu fit-Trattati u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE; ifakkar li l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE hija tal-Kummissjoni; jappella ripetutament, għal dan l-għan, lill-Istati Membri biex jirrikorru sistematikament għat-tabelli ta' korrelazzjoni, iżda jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li dan ma jeżonerax lill-istituzzjonijiet tal-UE mid-dmir tagħhom li jirrispettaw id-dritt primarju tal-UE meta jkunu qed jistabbilixxu d-dritt sekondarju tal-UE; huwa mfakkar fil-bżonn li jagħmel użu mir-rapporti ta' implimentazzjoni tiegħu rigward il-leġiżlazzjonijiet settorjali;

5.  Jirrikonoxxi li l-Parlament għandu wkoll rwol kruċjali f'dan ir-rigward billi jeżerċita kontroll politiku fuq l-azzjonijiet ta' infurzar tal-Kummissjoni, iwettaq skrutinju tar-rapporti annwali dwar il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE u jadotta riżoluzzjonijiet parlamentari rilevanti; jissuġġerixxi li huwa jista' jikkontribwixxi ulterjorment għat-traspożizzjoni f'waqtha u preċiża tal-leġiżlazzjoni tal-UE billi jikkondividi l-għarfien espert li kiseb fil-proċess deċiżjonali leġiżlattiv permezz ta' kollegamenti prestabbiliti mal-parlamenti nazzjonali;

6.  Jinnota li t-traspożizzjoni f'waqtha u korretta tad-dritt tal-UE fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u qafas leġiżlattiv nazzjonali ċar għandhom ikunu prijorità għall-Istati Membri bl-għan li jiġi evitat ksur tad-dritt tal-UE filwaqt li l-individwi u n-negozji jingħataw il-benefiċċji maħsuba li saru possibbli minħabba l-applikazzjoni effiċjenti u effikaċi tad-dritt tal-UE;

7.  Jenfasizza r-rwol importanti tas-sħab soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati oħra fil-ħolqien ta' leġiżlazzjoni u fil-monitoraġġ u fir-rappurtar ta' nuqqasijiet fit-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE mill-Istati Membri; jinnota r-rikonoxximent tal-Kummissjoni tar-rwol tal-partijiet ikkonċernati bit-tnedija ta' strumenti ġodda fl-2014 li jiffaċilitaw dan il-proċess; jinkoraġġixxi lill-partijiet ikkonċernati jibqgħu attenti f'dan ir-rigward fil-futur;

8.  Jirrikonoxxi l-impatt ta' applikazzjoni effikaċi tad-dritt tal-UE fuq it-tisħiħ tal-kredibilità tal-istituzzjonijiet tal-UE; japprezza l-importanza mogħtija fir-rapport annwali tal-Kummissjoni lill-petizzjonijiet imressqa minn ċittadini, negozji u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, dritt fundamentali stabbilit fit-Trattat ta' Lisbona, li jikkostitwixxi element importanti taċ-ċittadinanza Ewropea u mezz sekondarju importanti ta' monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE, u ta' identifikazzjoni ta' lakuni possibbli f'dan id-dritt permezz tal-espressjoni diretta taċ-ċittadini tal-fehmiet u l-esperjenzi tagħhom, flimkien mal-elezzjonijiet u r-referenda li jibqgħu l-mezzi primarji tagħhom għall-espressjoni demokratika;

9.  Iqis li l-iskadenzi mhux realistiċi għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni jistgħu jwasslu għal nuqqas ta' kapaċità min-naħa tal-Istati Membri biex jikkonformaw, ħaġa li tapprova b'mod taċitu l-applikazzjoni tardiva; jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej jiftehmu skadenzi aktar realistiċi għall-implimentazzjoni tar-regolamenti u d-direttivi, b'kont meħud kif xieraq tal-perjodi neċessarji għal skrutinju u konsultazzjoni; jemmen li l-Kummissjoni għandha tagħti rapporti, rieżamijiet u reviżjonijiet leġiżlattivi dwar id-dati miftiehma mill-koleġiżlaturi u kif stipulat fil-leġiżlazzjoni rilevanti;

10.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Ftehim Interistituzzjonali il-ġdid dwar tfassil aħjar ta' liġijiet fih dispożizzjonijiet li għandhom l-għan li jtejbu l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE u jinkoraġġixxu kooperazzjoni aktar strutturata f'dan ir-rigward; jappoġġja l-appell, espress fil-ftehim, għal identifikazzjoni aħjar ta' miżuri nazzjonali li mhumiex strettament relatati mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni (prattika magħrufa bħala "gold plating"); jenfasizza l-importanza tat-tisħiħ tat-traspożizzjoni, u l-bżonn għall-Istati Membri li jipprovdu notifika ta' miżuri nazzjonali li jikkumplimentaw id-direttivi Ewropew, u jindikawhom b'mod ċar; jenfasizza li l-Istati Membri, meta japplikaw il-leġiżlazzjoni tal-UE, għandhom jevitaw li jżidu piżijiet mhux meħtieġa mal-leġiżlazzjoni tal-UE, peress li dan iwassal għal kunċett żbaljat tal-attività leġiżlattiva tal-UE u jżid xettiċiżmu mhux ġustifikat dwar l-UE fost iċ-ċittadini; jirrimarka, madankollu, li dan bl-ebda mod ma jaffettwa l-prerogattiva tal-Istati Membri li jadottaw standards soċjali u ambjentali ogħla fil-livell nazzjonali minn dawk miftiehma fil-livell tal-UE:

11.  Jenfasizza li l-Parlament għandu jaqdi rwol aktar b'saħħtu fl-analiżi dwar kif il-pajjiżi ta' adeżjoni u l-pajjiżi bi ftehim ta' assoċjazzjoni mal-Unjoni Ewropea qed jikkonformaw mad-dritt tal-UE; jipproponi f'dan ir-rigward li dawk il-pajjiżi jiġu provduti b'għajnuna xierqa, fil-forma ta' kooperazzjoni kontinwa mal-parlamenti nazzjonali tagħhom fil-qasam tal-osservanza u l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE;

12.  Jissuġġerixxi li l-Parlament għandu jabbozza rapporti xierqa u mhux sempliċement riżoluzzjonijiet dwar il-pajjiżi kandidati kollha bi tweġiba għar-rapporti ta' progress annwali maħruġa mill-Kummissjoni, sabiex tingħata l-possibbiltà li l-kumitati kkonċernati kollha jagħtu l-opinjonijiet rilevanti. jemmen li l-Kummissjoni għandha tkompli toħroġ rapporti ta' progress għall-Pajjiżi Ewropej tal-Viċinat kollha li ffirmaw ftehimiet ta' assoċjazzjoni biex il-Parlament jipproċedi b'valutazzjoni serja u sistematika tal-progress li sar minn dawk il-pajjiżi għall-implimentazzjoni tal-acquis tal-UE relatata mal-aġenda ta' assoċjazzjoni;

13.  Jilqa' b'sodisfazzjon it-32 "rapport annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE" tal-Kummissjoni, u jinnota li l-ambjent, it-trasport u s-suq intern u s-servizzi kienu fl-2013 l-oqsma ta' politika li fihom l-aktar każijiet ta' ksur fl-2014 baqgħu pendenti; jinnota wkoll li fl-2014, l-ambjent, is-saħħa u l-protezzjoni tal-konsumatur, il-mobbiltà u t-trasport kienu mill-ġdid l-oqsma ta' politika li kellhom l-ogħla numri ta' proċedimenti ta' ksur ġodda; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fl-interess li tiġi żgurata t-trasparenza interistituzzjonali, tagħti lill-Parlament aċċess aħjar għal każijiet li jinvolvu ksur tad-dritt tal-UE;

14.  Jinnota li skont ir-Rapport Annwali, "[l]-għadd ta' proċeduri ta' ksur formali [...] naqas f'dawn l-aħħar ħames snin" u li, skont il-Kummissjoni, dan jirrifletti l-effikaċja tad-djalogu strutturat mal-Istati Membri permezz tal-EU Pilot; iqis, madankollu, li t-tnaqqis fis-snin riċenti u t-tnaqqis mistenni li jseħħ fis-snin li ġejjin huma prinċipalment ikkawżati mit-tnaqqis kontinwu fin-numru ta' proposti leġiżlattivi ġodda mill-Kummissjoni; jinnota li l-Kummissjoni ma twettaq l-ebda proċedura tal-EU Pilot meta d-direttivi jkunu ġew trasposti tard;

15.  Ifakkar li din l-evalwazzjoni ex post m'għandhiex teżonera lill-Kummissjoni mid-dmir li twettaq monitoraġġ effikaċi u f'waqtu tal-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE, u jinnota li l-Parlament jista' jgħin fir-reviżjoni tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni permezz tal-iskrutinju tiegħu fuq il-Kummissjoni;

16.  Jirrimarka li ż-żieda fin-numru ta' fajls ġodda tal-EU Pilot tul il-perjodu eżaminat u t-tnaqqis fin-numru ta' każijiet ta' ksur pendenti juru, skont ir-rapport annwali, li s-sistema tal-EU Pilot uriet kemm hija utli u kellha impatt pożittiv fuq infurzar aktar effiċjenti tad-dritt tal-UE; itenni, madankollu, li l-infurzar tad-dritt tal-UE la hija trasparenti biżżejjed u lanqas hija soġġetta għal kontroll reali min-naħa tal-persuni li jilmentaw u l-partijiet interessati, u jiddispjaċih li, minkejja t-talbiet imtennija tiegħu, il-Parlament għad ma għandux aċċess adegwat għall-informazzjoni dwar il-proċedura tal-EU Pilot u l-każijiet pendenti; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tiżgura trasparenza akbar fir-rigward tal-informazzjoni dwar il-proċedura tal-EU Pilot, u dwar każijiet pendenti;

17.  Huwa tal-fehma li l-penalitajiet finanzjarji għal nuqqas ta' konformità mad-dritt tal-UE għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi, jikkunsidraw nuqqas ripetut fl-istess qasam u li d-drittijiet ġuridiċi tal-Istati Membri għandhom jiġu rrispettati;

18.  Jirrimarka li, f'Unjoni Ewropea msejsa fuq l-istat tad-dritt u fuq iċ-ċertezza u l-prevedibbiltà tal-liġijiet, iċ-ċittadini tal-UE jeħtiġilhom, bi dritt, ikunu l-ewwel li jsiru jafu, b'mod ċar, aċċessibbli, trasparenti u f'waqtu (permezz tal-internet u ta' mezzi oħrajn) jekk hemmx liġijiet nazzjonali li ġew adottati permezz tat-traspożizzjoni tal-liġijiet tal-UE, u jekk iva, liema huma, kif ukoll liema awtoritajiet nazzjonali għandhom ir-responsabbiltà li jiżguraw l-implimentazzjoni korretta tagħhom;

19.  Jappella lill-Kummissjoni toħloq kollegamenti bejn il-portali, il-punti ta' aċċess u s-siti ta' informazzjoni fuq l-internet differenti kollha f'portal uniku li jipprovdi liċ-ċittadini b'aċċess faċli għall-formoli għall-ilmenti fuq l-internet u għal informazzjoni faċilment komprensibbli għall-utenti rigward il-proċeduri ta' ksur; jappella, barra minn hekk, lill-Kummissjoni biex, fir-rapport ta' monitoraġġ tagħha li jmiss, tinkludi informazzjoni aktar dettaljata rigward l-użu ta' dawn il-portali;

20.  Jirrimarka li kooperazzjoni sinċiera bejn il-Kummissjoni u l-Parlament hija obbligu impost fuqhom it-tnejn; jitlob, għaldaqstant, li l-Ftehim Qafas dwar ir-Relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea jiġi rivedut sabiex l-informazzjoni dwar proċeduri tal-EU Pilot ikunu jistgħu jingħataw fil-forma ta' dokument (kunfidenzjali) mill-kumitat parlamentari responsabbli għall-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni;

21.  Ifakkar li, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2013(2), il-Parlament talab l-adozzjoni ta' regolament tal-UE dwar liġi Ewropea tal-proċedura amministrattiva, fis-sens tal-Artikolu 298 TFUE, iżda li, minkejja l-fatt li r-riżoluzzjoni ġiet adottata b'maġġoranza kbira ħafna (572 favur, 16 kontra, 12-il astensjoni), it-talba tal-Parlament ma ġietx segwita minn proposta tal-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni biex terġa' teżamina r-riżoluzzjoni tal-Parlament bil-għan li titressaq proposta għal att leġiżlattiv fir-rigward tal-liġi ta' proċedura leġiżlattiva;

22.  Jiddeplora, b'mod aktar speċifiku, il-fatt li ma kien hemm l-ebda segwitu għas-sejħa tiegħu għal regoli vinkolanti fil-forma ta' regolament li jistabbilixxi l-aspetti varji tal-proċedura tal-ksur u l-proċedura ta' qabel dan – inkluż in-notifiki, il-limiti ta' żmien obbligatorji, id-dritt tas-smigħ, l-obbligu li jingħataw ir-raġunijiet, u d-dritt ta' kull persuna li jkollha aċċess għall-fajl tagħha – sabiex jissaħħu d-drittijiet taċ-ċittadini u tiġi ggarantita t-trasparenza;

23.  Ifakkar, f'dan il-kuntest, li l-Kumitat għall-Affarijiet Legali stabbilixxa Grupp ta' Ħidma ġdid dwar id-dritt amministrattiv li ddeċida li jħejji abbozz ta' regolament dwar il-proċedura amministrattiva tal-amministrazzjoni tal-Unjoni bħala "sors ta' ispirazzjoni" għall-Kummissjoni, mhux biex jikkontesta d-dritt ta' inizjattiva tal-Kummissjoni, iżda biex jintwera li tali regolament ikun utli u fattibbli li jiġi promulgat;

24.  Jemmen li l-iskop ta' dan l-abbozz ta' regolament mhuwiex li jissostitwixxi l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE, iżda pjuttost li jikkompleta dan meta lakuni jew problemi jinqalgħu rigward l-interpretazzjoni, u biex ikun hemm aktar aċċessibbiltà, ċarezza u koerenza tal-interpretazzjoni tar-regoli eżistenti, għall-benefiċċju taċ-ċittadini u n-negozji u tal-amministrazzjoni u l-uffiċjali tagħha;

25.  Jitlob, għalhekk, għal darb' oħra lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva dwar liġi Ewropea tal-proċedura amministrattiva, filwaqt li tqis il-passi li ttieħdu s'issa mill-Parlament f'dan il-qasam;

26.  Ifakkar li l-istituzzjonijiet tal-UE, anki meta jaġixxu bħala membri ta' gruppi ta' kredituri internazzjonali ('trojkas'), huma marbuta mit-Trattati u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel il-konformità mad-dritt tal-UE prijorità politika reali li trid tiġi segwita b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-Parlament, li għandu d-dmir (a) li jżomm lill-Kummissjoni politikament responsabbli u (b), bħala koleġiżlatur, li jiżgura li huwa stess ikun informat għal kollox sabiex itejjeb b'mod kostanti l-ħidma leġiżlattiva tiegħu;

28.  Jappoġġja l-ħolqien ta' proċess fi ħdan il-Parlament għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE fl-Istati Membri li huwa kapaċi janalizza l-kwistjoni ta' nuqqas ta' konformità b'mod li huwa speċifiku għal kull pajjiż u jikkunsidra l-fatt li l-kumitati permanenti rilevanti fil-Parlament jimmonitoraw l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE fi ħdan l-oqsma rispettivi tagħhom ta' kompetenza;

29.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-parlamenti nazzjonali.

(1) Testi adottati, P8_TA(2015)0322.
(2) ĠU C 440, 30.12.2015, p. 17.

Avviż legali