Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2922(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1084/2016

Testi mressqa :

B8-1084/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 06/10/2016 - 5.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0389

Testi adottati
PDF 270kWORD 50k
Il-Ħamis, 6 ta' Ottubru 2016 - Strasburgu
L-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti ta’ qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810
P8_TA(2016)0389B8-1084/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti ta' qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810 (MON-ØØ81Ø-6) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (D046169/00 – 2016/2922(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti ta' qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810 (MON-ØØ81Ø-6) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (D046169/00),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament(1), u b'mod partikolari l-Artikoli 11(3) u 23(3) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni(2),

–  wara li kkunsidra l-votazzjoni li saret fit-8 ta' Lulju 2016 fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali msemmija fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, mingħajr ma ngħatat ebda opinjoni,

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni Xjentifika tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel tas-6 ta' Diċembru 2012(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2279 tal-4 ta' Diċembru 2015 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat NK603 × T25 (MON-ØØ6Ø3-6 × ACS-ZMØØ3-2) jew li jikkonsistu jew li jkunu prodotti minnu skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti minn, qamħirrum modifikat ġenetikament MON 87705 × MON 89788 (MON-877Ø5-6 × MON-89788-1) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu minn, jew li jkunu prodotti minn, fażola tas-sojja modifikata ġenetikament MON 87708 × MON 89788 (MON-877Ø8-9 × MON-89788-1) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mis-sojja ġenetikament modifikata FG72 (MST-FGØ72-2) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × MIR162 × MIR604 × GA21, u qamħirrun ġenetikament modifikat li jgħaqqad tnejn jew tlieta mill-events Bt11, MIR162, MIR604 u GA21, u li tħassar id-Deċiżjonijiet 2010/426/UE, 2011/893/UE, 2011/892/UE u 2011/894/UE(8),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni mressqa mill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, fil-11 u t-18 ta' April 2007, Monsanto Europe S.A. ppreżentat tliet applikazzjonijiet lill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikoli 11 u 23 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ta' ikel, ingredjenti tal-ikel u għalf eżistenti prodotti minn qamħirrum MON 810, tal-awtorizzazzjoni ta' għalf li fih u jikkonsisti minn qamħirrum MON 810 u tal-awtorizzazzjoni tal-qamħirrum MON 810 fi prodotti li jikkonsistu minnu jew li fihom minnu għal użi li ma jinkludux l-ikel u l-għalf, bħal kwalunkwe qamħirrum ieħor, inkluża l-kultivazzjoni; billi wara d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, dawn il-prodotti ġew notifikati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 8(1)(a) u (b) u l-Artikolu 20(1)(b) tar-Regolament u ddaħħlu fir-Reġistru Komunitarju tal-ikel u l-għalf ġenetikament modifikati;

B.  billi, fid-9 ta' Marzu 2016, Monsanto Europe S.A. bagħtet ittra lill-Kummissjoni li fiha talbet li l-parti tal-applikazzjoni li tirrigwarda l-kultivazzjoni tiġi kkunsidrata separatament mill-kumplament tal-applikazzjoni;

C.  billi l-qamħirrum ġenetikament modifikat MON-ØØ81Ø-6, kif deskritt fl-applikazzjoni, għandu l-proteina Cry1Ab, li toriġina mill-Bacillus thuringiensis subsp. kurstaki u tagħti protezzjoni kontra ċerti insetti ta' ħsara lepidopterani, inklużi l-European corn borer (Ostrinia nubilalis) u l-pink borers (Sesamia spp);

D.  billi l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni ġie vvutat fil-Kumitat Permanenti fit-8 ta' Lulju 2016, mingħajr ma ngħatat ebda opinjoni;

E.  billi żewġ raġunijiet importanti għal vot negattiv jew astensjoni min-naħa tal-Istati Membri kienu n-nuqqas ta' studji fuq perjodu twil dwar l-ikel u t-tossiċità u valutazzjoni tar-riskji insuffiċjenti;

F.  billi l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni ġie vvutat fil-Kumitat ta' Appell fil-15 ta' Settembru 2016 u għal darb'oħra ma rċieva ebda opinjoni, fejn 12-il Stat Membru li jirrappreżentaw 38,74 % tal-popolazzjoni tal-UE vvutaw favur, 11-il Stat Membru li jirrappreżentaw 18,01 % tal-popolazzjoni tal-UE vvutaw kontra, 4 Stati Membri li jirrappreżentaw 43,08 % tal-popolazzjoni tal-UE astjenew filwaqt li Stat Membru wieħed li jirrappreżenta 0,17 % kien assenti għall-votazzjoni;

G.  billi, fit-22 ta' April 2015, il-Kummissjoni, fil-memorandum ta' spjegazzjoni tal-proposta leġiżlattiva tagħha li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003, iddeplorat il-fatt li mindu daħal fis-seħħ ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 d-deċiżjonijiet ta' awtorizzazzjoni kienu jiġu adottati mill-Kummissjoni, f'konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli, mingħajr l-appoġġ tal-opinjonijiet tal-kumitati tal-Istati Membri, u li r-rinviju tad-dossier lill-Kummissjoni għad-deċiżjoni finali, li kien tassew l-eċċezzjoni għall-proċedura kollha, sar in-norma għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar awtorizzazzjonijiet għal ikel u għalf ġenetikament modifikat (ĠM);

H.  billi l-proposta leġiżlattiva tat-22 ta' April 2015 li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 ġiet miċħuda mill-Parlament fit-28 ta' Ottubru 2015 minħabba li, filwaqt li l-kultivazzjoni sseħħ neċessarjament fit-territorju ta' Stat Membru, il-kummerċ tal-OĠM jaqsam il-fruntieri, u dan ifisser li l-proposta tal-Kummissjoni għal projbizzjoni nazzjonali fuq "il-bejgħ u l-użu" tista' tkun impossibbli li tiġi infurzata mingħajr ma jiġu introdotti mill-ġdid il-kontrolli fuq l-importazzjonijiet fil-fruntieri; billi l-Parlament ċaħad il-proposta leġiżlattiva li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u stieden lill-Kummissjoni tirtira l-proposta tagħha u tressaq waħda ġdida;

1.  Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jmur lil hinn mis-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fir-Regolament (KE) Nru 1829/2003;

2.  Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni mhuwiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni, billi mhuwiex kompatibbli mal-objettiv tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 li, skont il-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002, huwa li jipprovdi l-bażi biex, fir-rigward ta' ikel u għalf ġenetikament modifikati, jiżgura livell għoli ta' protezzjoni għall-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa u l-benessri tal-annimali, l-ambjent u l-interessi tal-konsumaturi, filwaqt li jiżgura l-funzjonament effikaċi tas-suq intern;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva ġdida abbażi tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003, u li tqis it-tħassib nazzjonali li ta' spiss jiġi espress u li mhuwiex marbut biss ma' kwistjonijiet relatati mas-sikurezza tal-OĠM għas-saħħa jew għall-ambjent;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1.
(2) ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.
(3) Il-Bord tal-EFSA dwar Organiżmi Ġenetikament Modifikati (OĠM), Opinjoni Xjentifika li taġġorna l-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tar-riskji u r-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskji fir-rigward tal-qamħirrum reżistenti għall-insetti u ġenetikament modifikat MON 810, Il-Ġurnal tal-EFSA 2012, 10(12):3017. [98 pp.] doi:10.2903/j.efsa.2012.3017.
(4) Testi adottati, P8_TA(2015)0456.
(5) Testi adottati, P8_TA(2016)0040.
(6) Testi adottati, P8_TA(2016)0039.
(7) Testi adottati, P8_TA(2016)0038.
(8) Testi adottati, P8_TA(2016)0271.

Avviż legali - Politika tal-privatezza