Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2923(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1088/2016

Testi mressqa :

B8-1088/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 06/10/2016 - 5.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0390

Testi adottati
PDF 272kWORD 52k
Il-Ħamis, 6 ta' Ottubru 2016 - Strasburgu
L-introduzzjoni fis-suq ta' qoton ġenetikament modifikat 281-24-236 × 3006-210-23 × MON 88913
P8_TA(2016)0390B8-1088/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn qoton ġenetikament modifikat 281-24-236 × 3006-210-23 × MON 88913 (DAS-24236-5×DAS-21Ø23-5×MON-88913-8) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (D046168/00 – 2016/2923(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn qotonġenetikament modifikat 281-24-236 × 3006-210-23 × MON 88913 (DAS-24236-5×DAS-21Ø23-5×MON-88913-8) skont ir-Regolament (UE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (D046168/00),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 7(3) u l-Artikolu 19(3) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni(2),

–  wara li kkunsidra l-votazzjoni li saret fit-8 ta' Lulju 2016 mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali msemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, mingħajr ma ngħatat ebda opinjoni,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) tad-9 ta' Marzu 2016(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2279 tal-4 ta' Diċembru 2015 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat NK603 × T25 (MON-ØØ6Ø3-6 × ACS-ZMØØ3-2) jew li jikkonsistu jew li jkunu prodotti minnu skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti minn, qamħirrum modifikat ġenetikament MON 87705 × MON 89788 (MON-877Ø5-6 × MON-89788-1) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu minn, jew li jkunu prodotti minn, fażola tas-sojja modifikata ġenetikament MON 87705 × MON 89788 (MON-877Ø8-9 × MON-89788-1) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mis-sojja ġenetikament modifikata FG72 (MST-FGØ72-2) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti milll-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × MIR162 × MIR604 × GA21, u qamħirrun ġenetikament modifikat li jgħaqqad tnejn jew tlieta mill-events Bt11, MIR162, MIR604 u GA21, u li tħassar id-Deċiżjonijiet 2010/426/UE, 2011/893/UE, 2011/892/UE u 2011/894/UE(8),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, fit-12 ta' Marzu 2009, Dow AgroSciences Europe ippreżentat applikazzjoni lill-awtorità kompetenti tan-Netherlands, skont l-Artikoli 5 u 17 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, għall-introduzzjoni fis-suq ta' ikel, ingredjenti tal-ikel, u għalf li għandhom fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qoton 281-24-236 x 3006-210-23 × MON 88913;

B.  billi l-qoton ġenetikament modifikat DAS-24236-5×DAS-21Ø23-5×MON-88913-8, kif deskritt fl-applikazzjoni, jesprimi l-proteina fosfinotriċinaċetiltransferażi (PAT) li tikkonferixxi t-tolleranza għall-erbiċidi tal-glufosinat tal-ammonju u sintażi modifikat tas-CP4 5-enolpiruvil-xikimat-3-fosfati (CP4EPSPS) li tagħti tolleranza lill-erbiċidi tal-glifosat u l-proteini Cry1F u Cry1Ac li jagħtu protezzjoni kontra ċerti insetti ta' ħsara lepidopterani, u billi l-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer – l-aġenzija speċjalizzata dwar il-kanċer tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa – ikklassifikat il-glifosat bħala x'aktarx karċinoġeniku għall-bniedem fl-20 ta' Marzu 2015(9);

C.  billi l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni ġiet ivvutata fil-Kumitat Permanenti fit-8 ta' Lulju 2016, mingħajr ma ngħatat ebda opinjoni;

D.  billi l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni ttieħed vot dwaru fil-Kumitat tal-Appell fil-15 ta' Settembru 2016 u għal darb'oħra ma ngħatat ebda opinjoni, bi 11-il Stat Membru li jirrappreżentaw 38.66 % tal-popolazzjoni tal-UE jivvutaw favur, 14-il Stat Membru li jirrappreżentaw 33.17 % tal-popolazzjoni tal-UE jivvutaw kontra, 2 Stati Membri li jirrappreżentaw 28 % tal-popolazzjoni tal-UE jastjenu u Stat Membru wieħed li jirrappreżenta 0.17 % tal-popolazzjoni tal-UE jkun assenti waqt il-votazzjoni;

E.  billi fit-22 ta' April 2015 il-Kummissjoni, fil-memorandum ta' spjegazzjoni tal-proposta leġiżlattiva tagħha li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003, iddeplorat il-fatt li mindu daħal fis-seħħ ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003, id-deċiżjonijiet ta' awtorizzazzjoni kienu ġew adottati mill-Kummissjoni, b'konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli, mingħajr l-appoġġ tal-opinjonijiet tal-kumitati tal-Istati Membri, u li r-ritorn tad-dossier lill-Kummissjoni għad-deċiżjoni finali, li kien tassew l-eċċezzjoni għall-proċedura kollha, kien sar in-norma għat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar awtorizzazzjonijiet għal ikel u għalf ġenetikament modifikat (ĠM);

F.  billi l-proposta leġiżlattiva tat-22 ta' April 2015 li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 ġiet miċħuda mill-Parlament fit-28 ta' Ottubru 2015(10) peress li, filwaqt li l-kultivazzjoni sseħħ neċessarjament fit-territorju ta' Stat Membru, il-kummerċ tal-OĠM jaqsam il-fruntieri, u dan ifisser li l-proposta tal-Kummissjoni għal projbizzjoni nazzjonali fuq "il-bejgħ u l-użu" tista' tkun impossibbli li tiġi infurzata mingħajr ma jiġu introdotti mill-ġdid il-kontrolli fuq l-importazzjonijiet fil-fruntieri; billi l-Parlament ċaħad il-proposta leġiżlattiva li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u stieden lill-Kummissjoni tirtira l-proposta tagħha u tressaq waħda ġdida;

1.  Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jisboq is-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fir-Regolament (UE) Nru 1829/2003;

2.  Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni mhuwiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni, billi mhuwiex kompatibbli mal-objettiv tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 li, skont il-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002, huwa li jipprovdi l-bażi biex, fir-rigward ta' ikel u għalf ġenetikament modifikati, jiżgura livell għoli ta' protezzjoni għall-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa u l-benessri tal-annimali, l-ambjent u l-interessi tal-konsumaturi, filwaqt li jiżgura l-funzjonament effikaċi tas-suq intern;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva ġdida abbażi tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003, u li tqis it-tħassib li ta' spiss jiġi espress fil-livell nazzjonali u li mhuwiex marbut biss ma' kwistjonijiet relatati mas-sikurezza tal-OĠM għas-saħħa jew għall-ambjent;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1.
(2) ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.
(3) Il-Bord tal-EFSA dwar Organiżmi Ġenetikament Modifikati (OĠM); Opinjoni xjentifika dwar applikazzjoni minn Dow Agrosciences LLC (EFSA-GMO-NL-2009-68) għall-introduzzjoni fis-suq ta' qoton 281-24-236 × 3006-210-23 × MON 88913 għall-użu ta' ikel u għalf, l-importazzjoni u l-ipproċessar skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003. EFSA Journal 2016; 14(4):4430 [21 pp.]; doi: 10.2903/j.efsa.2016.4430.
(4) Testi adottati, P8_TA(2015)0456.
(5) Testi adottati, P8_TA(2016)0040.
(6) Testi adottati, P8_TA(2016)0039.
(7) Testi adottati, P8_TA(2016)0038.
(8) Testi adottati, P8_TA(2016)0271.
(9) Il-Monografi tal-IARC, Volum 112: evalwazzjoni ta' ħames insettiċidi u erbiċidi organofosfati, 20 ta' Marzu 2015 http://www.iarc.fr/en/media-centre/iarcnews/pdf/MonographVolume112.pdf
(10) Testi adottati, P8_TA(2015)0379.

Avviż legali - Politika tal-privatezza