Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2110(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0284/2016

Testi mressqa :

A8-0284/2016

Dibattiti :

PV 24/10/2016 - 16
CRE 24/10/2016 - 16

Votazzjonijiet :

PV 25/10/2016 - 7.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0403

Testi adottati
PDF 520kWORD 71k
It-Tlieta, 25 ta' Ottubru 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
Ġlieda kontra l-korruzzjoni u segwitu għar-riżoluzzjoni CRIM
P8_TA(2016)0403A8-0284/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u segwitu għar-riżoluzzjoni CRIM (2015/2110(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 67, u l-Artikoli 82-89 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 5, 6, 8, 17, 32, 38 u 41, l-Artikoli 47-50 u l-Artikolu 52 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill ĠAI tas-16 ta' Ġunju 2015 dwar l-iżvilupp tal-istrateġija ta' sigurtà interna mġedda tal-Unjoni Ewropea 2015-2020,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25-26 ta' Ġunju 2015 rigward is-sigurtà,

–  wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet rilevanti tan-NU, b'mod partikolari l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni (UNCAC),

–  wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet tad-dritt kriminali u ċivili tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-korruzzjoni, miftuħa għall-firem fi Strasburgu fis-27 ta' Jannar 1999 u l-4 ta' Novembru 1999 rispettivament, u r-riżoluzzjonijiet (98)7 u (99)5, adottati mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fil-5 ta' Mejju 1998 u fl-1 ta' Mejju 1999 rispettivament, li jistabbilixxu l-Grupp ta' Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2014) 7 dwar il-protezzjoni tal-informaturi adottata mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fit-30 ta' April 2014,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni OECD dwar il-ġlieda kontra t-tixħim ta' uffiċjali pubbliċi barranin fit-tranżazzjonijiet kummerċjali internazzjonali, li nfetħet għall-firem f'Pariġi fis-17 ta' Diċembru 1997, ir-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fiha u l-aħħar rapporti ta' monitoraġġ skont il-pajjiż,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Awwissu 2013 dwar attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/222/ĠAI(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-3 ta' April 2014, dwar l-iffriżar u l-konfiska ta' mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar l-Ordni ta' Investigazzjoni Ewropew f'materji kriminali(3),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/62/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-protezzjoni tal-euro u muniti oħra kontra l-iffalsifikar permezz tal-liġi kriminali, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2000/383/ĠAI(4),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE(5),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2015/847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta' fondi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1781/2006(7),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 513/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tar-riskji u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/125/ĠAI(8),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2015/2219 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/681/ĠAI(9),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/845/ĠAI tas-6 ta' Diċembru 2007 dwar il-kooperazzjoni bejn l-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi tal-Istati Membri fil-qasam tar-rintraċċar u l-identifikazzjoni ta' rikavati mill-kriminalità, jew proprjetà oħra relatata magħha(10),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1142/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta' Ottubru 2014, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 966/2012 fir-rigward tal-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej(11),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI(12),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data)(13),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta' ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali(14),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (COM(2012)0363),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (COM(2013)0534),

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea fil-kawża C-105/14 (Taricco et al.)(15), fejn il-Qorti ddikjarat li l-kunċett ta' "frodi" kif definit fl-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej ikopri dħul li ġej mill-VAT.

–  wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) (COM(2013)0535),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' April 2015 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew(16),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u s-sostituzzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (COM(2015)0625),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI(17),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew – Rapport tal-UE kontra l-Korruzzjoni tat-3 ta' Frar 2014 (COM(2014)0038),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà, tat-28 ta' April 2015 (COM(2015)0185),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Europol "Serious and Organised Crime Threat Assessment"(SOCTA – Valutazzjoni dwar it-Theddida ta' Kriminalità Serja u Organizzata) ta' Marzu 2013, u r-rapport "Internet Organised Crime Threat Assessment" (IOCTA - Valutazzjoni tat-Theddida ta' Kriminalità Organizzata fuq l-Internet) tat-30 ta' Settembru 2015,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà(18),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus: rakkomandazzjonijiet dwar azzjonijiet u inizjattivi li għandhom jittieħdu (rapport finali)(19),

–  wara li kkunsidra l-istudji mmexxija mis-Servizz tar-Riċerka tal-Parlament Ewropew dwar l-ispiża tan-"non-Ewropa" fil-qasam tal-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits u l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0284/2016),

A.  billi l-kriminalità organizzata hija theddida dinjija u għalhekk teħtieġ rispons konġunt u kkoordinat mill-UE u mill-Istati Membri tagħha;

B.  billi llum xorta għadna ma nistgħux nifhmu għalkollox il-kwistjoni kumplessa tal-kriminalità organizzata u l-periklu li jirriżulta mill-infiltrazzjoni tal-assoċjazzjonijiet kriminali fin-nisġa soċjali, ekonomika, kummerċjali, politika u istituzzjonali tal-Istati Membri;

C.  billi l-gruppi kriminali organizzati wrew tendenza u ħila kbira li jiddiversifikaw l-attivitajiet tagħhom, billi jadattaw għal żoni ġeografiċi u kuntesti ekonomiċi u soċjali differenti u jisfruttaw id-dgħufijiet u l-vulnerabilitajiet tagħhom, joperaw b'mod simultanju f'diversi swieq u jieħdu vantaġġ mil-liġijiet differenti fl-Istati Membri individwali biex in-negozju tagħhom jirnexxi u jimmassimizzaw il-profitt;

D.  billi l-organizzazzjonijiet kriminali bidlu l-modus operandi tagħhom, u sfruttaw l-appoġġ ta' professjonisti, banek, impjegati taċ-ċivil u persunaġġi politiċi li għalkemm mhumiex membri ta' organizzazzjonijiet kriminali, jappoġġjaw l-attivitajiet tagħhom f'diversi livelli;

E.  billi l-organizzazzjonijiet kriminali wrew ukoll livell għoli ta' adattabilità fil-kapaċità tagħhom li jużaw għall-vantaġġ tagħhom il-benefiċċji tat-teknoloġiji l-ġodda;

F.  billi l-periklu tal-qawwa intimidatorja li tista' tiġi eżerċitata bis-sempliċi fatt ta' appartenenza għal assoċjazzjoni, mhuwiex ta' prijorità meta mqabbel mal-ġlieda kontra "reati fine", reati li huma objettiv ta' reat ieħor (ir-reati li l-assoċjazzjoni teżisti biex twettaq) u billi dan ħalla distakk regolatorju u operattiv fil-livell Ewropew, li ffaċilita l-operazzjonijiet transnazzjonali minn gruppi kriminali organizzati;

G.  billi, barra l-perikli l-aktar ovvji għall-politika pubblika u għas-sigurtà pubblika ppreżentati mill-forom ta' vjolenza li huma tipiċi fl-organizzazzjonijiet kriminali, il-kriminalità organizzata tikkawża problemi daqstant serji fil-forma ta' penetrazzjoni fl-ekonomija legali u mġiba assoċjata li tikkorrompi l-uffiċjali pubbliċi, bl-infiltrazzjoni konsegwenti tal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika;

H.  billi r-rikavat illeċitu ta' delitti mwettqa minn organizzazzjonijiet kriminali fil-parti l-kbira tagħhom huma riċiklati fl-ekonomija legali Ewropea; billi kapital bħal dan, ladarba jiġi investit mill-ġdid fl-ekonomija regolari, jikkostitwixxi theddida serja għall-impriża ħielsa u l-kompetizzjoni, għaliex ikollu impatt ta' distorsjoni serja;

I.  billi l-gruppi kriminali jiksbu aċċess għall-persuni politiċi u l-amministraturi sabiex jisfruttaw ir-riżorsi finanzjarji għad-dispożizzjoni tal-amministrazzjoni pubblika u biex jinfluwenzaw l-attivitajiet tagħha bil-kompliċità ta' persuni politiċi, uffiċjali u negozjanti; billi l-influwenza tagħhom fuq il-persuni politiċi u l-amministraturi tinħass l-iżjed fis-setturi tal-akkwist pubbliku u x-xogħlijiet pubbliċi, il-finanzjament pubbliku, ir-rimi tar-ruttam u tal-iskart u kuntratti diretti għall-akkwist ta' kull xorta ta' merkanzija u l-ġestjoni tas-servizzi;

J.  billi l-għan primarju tal-kriminalità organizzata huwa l-profitt; billi l-infurzar tal-liġi jeħtieġ għalhekk ikollu l-kapaċità li jiffoka fuq il-finanzjament tal-kriminalità organizzata, li ħafna drabi hu marbut b'mod inerenti mal-korruzzjoni, il-frodi, il-falsifikazzjoni u l-kuntrabandu;

K.  ifakkar li l-informaturi għandhom rwol ċentrali fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni għaliex jistgħu jiżvelaw każijiet ta' frodi li kieku kienu jinżammu sigrieti; billi l-iżvelar ta' informazzjoni protetta huwa wieħed mill-aktar modi effikaċi kif jitwaqqaf u jiġi evitat li jitwettqu atti illeċiti, jew li jinkixfu l-atti illeċiti li jkunu twettqu diġà;

L.  billi l-ebda leġiżlazzjoni Ewropea m'għandha tiġi interpretata li qed tirrestrinġi l-attività tal-iżvelar ta' informazzjoni protetta;

M.  billi l-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus huma ta' theddida serja għall-ekonomija tal-UE billi jnaqqsu b'mod sinifikanti d-dħul mit-taxxa tal-Istati Membri u tal-UE kollha, u għar-responsabilità tal-proġetti pubbliċi ffinanzjati mill-UE peress li organizzazzjonijiet kriminali qed joperaw f'bosta setturi, li ħafna minnhom huma soġġetti għall-kontroll mill-istat;

N.  billi fl-2014, 1 649 irregolarità kienu rrappurtati bħala frodulenti u li jaffettwaw il-baġit Ewropew bl-ammont ta' EUR 538,2 miljun, fir-rigward kemm tal-aspett tan-nefqa kif ukoll dak tad-dħul, iżda m'hemmx data uffiċjali dwar liema perċentwali ta' frodi huwa attribwibbli għall-kriminalità organizzata;

Introduzzjoni

1.  Itenni l-kontenut u r-rakkomandazzjonijiet espressi fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus; b'mod partikolari, itenni t-talba tiegħu għall-adozzjoni ta' Pjan ta' Azzjoni Ewropew kontra l-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus, li sabiex ikun effikaċi għandu jkollu riżorsi finanzjarji xierqa u persunal kwalifikat;

2.  Jilqa' l-programm ta' 18-il xahar tal-Kunsill tal-UE għall-Presidenzi tan-Netherlands, is-Slovakkja u Malta, li jqiegħed l-approċċ komprensiv u integrat rigward il-kriminalità organizzata fuq quddiem fl-aġenda tiegħu; jirrimarka li l-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus trid tkun prijorità politika għall-istituzzjonijiet tal-UE, u għalhekk, il-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja bejn l-Istati Membri hija kruċjali;

3.  Jixtieq jiffoka l-attenzjoni tiegħu fuq oqsma speċifiċi li jeħtieġu l-azzjoni bħala kwistjoni ta' prijorità fiċ-ċirkostanzi attwali;

Arranġament għat-transpożizzjoni korretta tar-regoli attwali, il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tagħhom u l-valutazzjoni tal-effikaċja tagħhom

4.  Jirrimarka li bħala parti mill-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus, l-Istati Membri għandhom jittrasponu u japplikaw l-istrumenti eżistenti internazzjonali u tal-UE;

5.  Jitlob lill-Kummissjoni tikkonkludi mill-aktar fis possibbli l-valutazzjoni tagħha tal-miżuri ta' traspożizzjoni ta' dawn l-istrumenti, tinforma lill-Parlament bis-sħiħ dwar ir-riżultati u, jekk meħtieġ, tagħti bidu għal proċeduri ta' ksur; jistieden lill-Kummissjoni biex, b'mod partikolari, tippreżenta rapport li jivvaluta t-traspożizzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru 2008/841/ĠAI dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u d-Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali;

6.  Jistieden lill-Istati Membri biex jittrasponu kif suppost id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Ordni ta' Investigazzjoni Ewropea f'materji kriminali, strument li għandu jkollu rwol ewlieni fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja fl-UE;

7.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jittrasponu malajr ir-Raba' Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus;

8.  Jirrakkomanda li l-UE ssir Membru tal-GRECO; jitlob li l-UE tipparteċipa fis-Sħubija ta' Gvern Miftuħ, tissodisfa l-obbligi tagħha ta' rapportaġġ skont il-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni, li hija parti għaliha, u tappoġġja l-assistenza teknika mogħtija mill-Uffiċċju tan-NU kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC) taħt l-imsemmija Konvenzjoni tan-NU; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tissottometti lill-Parlament mill-aktar fis possibbli rapport ta' progress dwar il-preparazzjonijiet għas-sħubija tal-UE mal-GRECO u biex f'dan ir-rapport tipprovdi stħarriġ dwar l-isfidi legali u s-soluzzjonijiet possibbli f'dan ir-rigward;

9.  Jiddispjaċih li l-Kummissjoni għadha ma ppubblikatx it-tieni Rapport tagħha Kontra l-Korruzzjoni, li kellu jkun lest fil-bidu tal-2016; jistieden lill-Kummissjoni tippreżentah kemm jista' jkun malajr; itenni li r-rapporti kontra l-korruzzjoni m'għandhomx ikunu limitati għas-sitwazzjoni fl-Istati Membri iżda għandhom jinkludu wkoll taqsima dwar l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex issib mod xieraq sabiex timmonitorja l-korruzzjoni fi ħdan l-Istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-possibilità li tikkombina d-diversi mekkaniżmi ta' monitoraġġ fil-livell tal-Unjoni, inkluż il-mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u Verifika, ir-Rapport tal-UE Kontra l-Korruzzjoni, it-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE, f'qafas ta' monitoraġġ tal-istat tad-dritt usa' li jkun jista' jiġi applikat għall-Istati Membri kollha u għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni Ewropea; f'dan ir-rigward, iqis li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għandhom jagħtu eżempju billi jippromwovu l-ogħla standards ta' trasparenza u jiżguraw li jkun hemm sanzjonijiet dissważivi u effikaċi għal min jikser il-liġi; jistieden lill-Kummissjoni tirregola l-illobjar u tissanzjona l-kunflitti ta' interess;

11.  Jindika l-ħtieġa ta' approċċ multidixxiplinari għall-prevenzjoni tal-kriminalità organizzata u l-ġlieda effettiva kontriha; jenfasizza f'dan ir-rigward ir-rwol tan-netwerk Ewropew għall-prevenzjoni tal-kriminalità u l-ħtieġa li dan jingħata appoġġ finanzjarju;

12.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni twettaq studju tal-korpi nazzjonali tal-liġi li huma l-aktar avvanzati f'termini tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni, sabiex tiġi żviluppata leġiżlazzjoni Ewropea li tkun effettiva u pijuniera; jistieden lill-Kummissjoni tfassal studju dwar il-prattiki investigattivi użati fl-Istati Membri biex tiġi miġġielda l-kriminalità organizzata, b'referenza partikolari għall-użu ta' għodda bħall-interċettazzjoni telefonika, l-interċettazzjoni ambjentali, il-proċeduri ta' tiftix, l-arrest pospost, is-sekwestru pospost, l-operazzjonijiet sigrieti u l-operazzjonijiet ta' konsenja kkontrollata u sorveljata;

13.  Jistieden lill-Istati Membri jinvestu aktar fit-trawwim ta' kultura ta' legalità, b'mod partikolari meta jitqies li l-ewwel u l-aktar forma effikaċi ta' prevenzjoni tikkonsisti fl-edukazzjoni ta' ġenerazzjonijiet ġodda ta' ċittadini tal-UE, b'mod partikolari bil-promozzjoni ta' azzjonijiet speċifiċi fl-iskejjel;

Prijoritajiet u struttura operattiva għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni

14.  Huwa tal-fehma li ċ-ċiklu politiku attwali tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata għandu jiffoka fuq il-ġlieda kontra l-kriminalità b'assoċjazzjoni (jiġifieri l-fatt ta' appartenenza f'organizzazzjoni kriminali) u mhux biss il-ġlieda tar-"reati fine", reati li huma objettiv ta' reat ieħor (jiġifieri reati li tali organizzazzjonijiet huma maħluqa biex iwettqu); b'mod partikolari, iqis li hu meħtieġ li s-sħubija ma' organizzazzjoni kriminali ssir reat kriminali, b'mod separat mit-twettiq ta' reati li huma objettiv ta' reat ieħor; itenni li dan iċ-ċiklu politiku għandu jinkludi wkoll il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, il-korruzzjoni u t-traffikar tal-bnedmin fost il-prijoritajiet tiegħu fi ħdan Strateġija Ewropea Kontra l-Korruzzjoni ġenwina;

15.  Jitlob li jiġu stabbiliti prijoritajiet li jkunu konsistenti mal-politiki tal-UE għall-prevenzjoni tal-kriminalità u mal-politiki ekonomiċi, soċjali, u mal-politiki tal-impjiegi u tal-edukazzjoni, filwaqt li l-Parlament Ewropew jiġi involut bis-sħiħ fil-proċess;

16.  Jitlob l-istabbiliment ta' unità speċjalizzata tal-Europol fil-ġlieda kontra gruppi kriminali organizzati li joperaw f'setturi differenti fl-istess ħin; iqis li l-Istati Membri jeħtieġ ikollhom mekkaniżmi sikuri u effikaċi fil-qafas istituzzjonali attwali biex jiżguraw li investigazzjonijiet fil-qasam tal-kriminalità organizzata jiġu kkoordinati kif jixraq u li titrawwem il-fiduċja reċiproka fost l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fl-Istati Membri;

Qafas leġiżlattiv aktar b'saħħtu

17.  Jitlob lill-Kummissjoni, fuq il-bażi tal-valutazzjoni tat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tar-regoli eżistenti, biex tipproponi leġiżlazzjoni biex tingħalaq kull lakuna li tista' teżisti fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni u biex ittejjeb il-kooperazzjoni ġudizzjarja transfruntiera; jistedinha, b'mod partikolari:

   (a) tirrevedi l-leġiżlazzjoni eżistenti biex jiġu introdotti pieni effettivi, proporzjonati u disswasivi u jiġu ċċarati d-definizzjonijiet komuni ta' reati, inkluża dik tas-sħubija f'organizzazzjoni jew assoċjazzjoni kriminali, li tista' tiġi deskritta bħala grupp strutturat li jeżisti għal perjodu ta' żmien u hu magħmul minn żewġ persuni jew aktar li jaħdmu flimkien bl-għan li jiksbu illegalment, direttament jew indirettament, kwalunkwe forma ta' gwadann finanzjarju u/jew materjali, u li jimmina serjament il-koeżjoni soċjali u ekonomika tal-UE u l-Istati Membri tagħha;
   (b) tippreżenta proposta leġiżlattiva riveduta għall-ġlieda kontra r-reati ambjentali bl-għan li ssaħħaħ ir-reazzjonijiet tal-liġi kriminali għall-inċinerazzjoni tal-iskart illegali u tikkunsidra r-rimi illegali ta' "inkwinanti emerġenti" bħala reat kriminali punibbli b'pieni kriminali, bl-istess mod kif previst fid-Direttiva 2008/99/KE;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tabbozza regoli minimi dwar id-definizzjoni ta' reati u pieni; jitlob, b'mod partikolari:

   (a) li jkunu applikabbli b'mod orizzontali definizzjonijiet ġenerali ta' "uffiċjal pubbliku", ir-reat ta' frodi u r-reat ta' korruzzjoni; ifakkar li fil-kuntest tan-negozjati dwar id-Direttiva PIF, id-definizzjonijiet ta' dawn it-termini jiġu inklużi iżda biss għall-finijiet ta' din id-Direttiva; jinnota li dawn in-negozjati huma attwalment imblukkati fil-Kunsill u jitlob li jerġgħu jinbdew mingħajr dewmien;
   (b) li ssir proposta leġiżlattiva ġdida dwar tip partikolari ta' organizzazzjoni kriminali li l-parteċipanti tagħha jiksbu vantaġġ mis-setgħa intimidanti ta' assoċjazzjoni u mill-kundizzjonijiet ta' sottomissjoni li jirriżultaw u mis-silenzju biex jitwettqu reati, li jmexxu jew li bi kwalunkwe mod jikkontrollaw, direttament jew indirettament, attivitajiet ekonomiċi, konċessjonijiet, awtorizzazzjonijiet, kuntratti u servizzi pubbliċi, jew biex jiksbu profitti illegali jew vantaġġi għalihom infushom jew kwalunkwe persuna oħra;
   (c) li ssir proposta leġiżlattiva li tistabbilixxi programm Ewropew għall-protezzjoni ta' xhieda u persuni li jikkooperaw mal-proċess ġudizzjarju billi jirrappurtaw organizzazzjonijiet kriminali u organizzazzjonijiet bħal dawk deskritti fil-paragrafu (b);
   (d) li ssir proposta leġiżlattiva li tiddefinixxi u tistabbilixxi regoli komuni għall-protezzjoni tal-informaturi; jitlob li tali proposta tinħareġ qabel l-aħħar tal-2017;
   (e) inizjattivi leġislattivi addizzjonali għat-tisħiħ tad-drittijiet ta' persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali, fir-rigward inter alia ta' detenzjoni qabel il-proċess, sabiex jiġi żgurat id-dritt għal proċess ġust, kif rikonoxxut fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Karta tal-UE dwar id-Drittijiet Fundamentali;
   (f) leġiżlazzjoni speċifika biex tiġġieled l-esportazzjoni ta' materjali radjuattivi u skart perikoluż u l-kummerċ illegali tal-fawna u l-flora, billi, skont assoċjazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent u NGOs, kemm il-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi kif ukoll mal-foresti u t-traffikar u l-esportazzjoni ta' materjali radjuattivi u skart perikoluż lejn pajjiżi terzi għandhom rwol serju fil-finanzjament tal-kriminalità organizzata;

Kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija aktar effiċjenti fil-livell Ewropew

19.  Jinnota li l-fenomeni tal-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus normalment ikollhom dimensjoni transfruntiera li teħtieġ kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-aġenziji rilevanti tal-UE;

20.  Jikkunsidra li hija essenzjali kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja permezz ta' skambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali sabiex jittieħdu miżuri effettivi biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni tniedi azzjonijiet speċifiċi biex ittejjeb il-kooperazzjoni Ewropea fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus u biex tqajjem kuxjenza dwar il-ħsara umana, soċjali u ekonomika kkawżata minn dawn l-attivitajiet;

22.  Jiddeplora l-fatt li l-kooperazzjoni transfruntiera tal-pulizija u dik ġudizzjarja huma kkaratterizzati minn proċeduri eċċessivament twal u burokratiċi li jfixklu l-effiċjenza u jikkompromettu l-effikaċja tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus fil-livell tal-UE; jistieden lill-Istati Membri jqawwu, itejbu l-effiċjenza u jżidu l-kooperazzjoni transfruntiera bejn il-pulizija u l-ġudikatura u l-iskambju ta' informazzjoni bejniethom u permezz tal-Europol u l-Eurojust, u biex jiżguraw taħriġ xieraq u appoġġ tekniku, inkluż permezz tas-CEPOL u n-Netwerk Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju, sabiex jiġi promoss ir-rikonoxximent reċiproku tal-provi bejn l-Istati Membri, u sabiex ikun żgurat li jsir użu akbar tal-Iskwadri ta' Investigazzjoni Konġunti;

23.  Jistieden lill-Istati Membri biex b'mod sistematiku, jużaw u jiskambjaw id-data kollha meqjusa meħtieġa u rilevanti dwar persuni misjuba ħatja b'reat marbut mal-kriminalità organizzata, miżmuma f'bażijiet ta' data Ewropej eżistenti u biex jistiednu lill-aġenziji tal-UE, l-Europol u l-Eurojust biex jiffaċilitaw dan l-iskambju ta' informazzjoni; f'dan ir-rigward, jitlob li l-infrastruttura tkun simplifikata bl-għan li tiggarantixxi komunikazzjoni sigura u l-użu effettiv tal-istrumenti eżistenti kollha tal-Europol, filwaqt li tiġi rispettata bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tad-data;

24.  Jenfasizza l-urġenza li tinħoloq sistema aktar effiċjenti għall-komunikazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji fl-UE, li tissostitwixxi l-istrumenti tradizzjonali ta' assistenza legali reċiproka għal kwistjonijiet kriminali, jekk ikun meħtieġ; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta l-ħtieġa għal azzjoni leġiżlattiva f'dan il-qasam u biex toħloq sistema tajba ta' skambju ta' informazzjoni tal-UE fost l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-UE;

25.  Jistieden lill-Istati Membri biex jiskambjaw b'mod sistematiku d-data tal-PNR kollha li titqies meħtieġa u rilevanti dwar persuni marbuta mal-kriminalità organizzata;

Is-sekwestru tal-assi ta' organizzazzjonijiet kriminali u l-faċilitazzjoni tal-użu mill-ġdid tagħhom għal skopijiet soċjali

26.  Huwa tal-fehma li l-użu ta' metodu komuni għas-sekwestru tal-assi ta' gruppi kriminali fl-UE tkun miżura dissważiva għall-persuni kriminali; jistieden lill-Istati Membri biex malajr kemm jista' jkun jittrasponu d-Direttiva 2014/42/UE dwar il-konfiska ta' assi mill-kriminalità; jistieden lill-Kummissjoni tressaq malajr kemm jista' jkun proposta leġiżlattiva biex tiżgura r-rikonoxximent reċiproku tal-mandati ta' sekwestru u konfiska marbuta mal-miżuri ta' protezzjoni tal-assi nazzjonali;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-miżuri tal-UE dwar:

   (a) it-traċċar, l-iffriżar u l-konfiska ta' rikavati tal-kriminalità, inter alia, permezz tal-kriminalizzazzjoni tat-trasferiment tas-sjieda tal-kapital jew proprjetà sabiex jiġu evitati miżuri ta' ffriżar jew ta' konfiska u l-aċċettazzjoni tas-sjieda jew id-disponibilità ta' dan il-kapital, jew billi jipprevedu l-konfiska fin-nuqqas ta' kundanna definittiva;
   (b) il-promozzjoni tal-ġestjoni tal-proprjetà ffriżata u kkonfiskata, u għall-użu mill-ġdid tagħha għal skopijiet soċjali u bħala kumpens għall-familji tal-vittmi u n-negozji affettwati ħażin mill-użura u r-rikattar organizzat;
   (c) l-iżvilupp tal-kooperazzjoni amministrattiva, tal-pulizija u dik ġudizzjarja għat-traċċar, is-sekwestru u l-konfiska ta' assi kriminali fl-Unjoni kollha u t-titjib tal-Uffiċċji Nazzjonali għall-Irkupru tal-Assi, li għandhom jingħataw riżorsi xierqa;

28.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-kooperazzjoni u jiskambjaw l-aħjar prattiki f'dan il-qasam fi ħdan il-pjattaformi ta' laqgħat eżistenti, bħalma huma l-Kumitat Konsultattiv għall-Koordinazzjoni tal-Prevenzjoni ta' Frodi (COCOLAF) u oħrajn;

Il-prevenzjoni tal-infiltrazzjoni tal-kriminalità organizzata u tal-korruzzjoni fl-ekonomija legali

29.  Jirrimarka li l-korruzzjoni, b'mod partikolari fil-kuntest tal-għoti ta' kuntratti pubbliċi jew sħubiji pubbliċi-privati, tiffaċilita l-infiltrazzjoni tal-kriminalità organizzata fl-ekonomija legali;

30.  Jitlob l-implimentazzjoni ta' sistema komprensiva mifruxa mal-UE kollha ta' "akkwist elettroniku" sabiex jitnaqqas ir-riskju ta' korruzzjoni fl-akkwisti pubbliċi;

31.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Istituzzjonijiet Ewropej jimplimentaw strumenti ta' monitoraġġ tal-akkwist pubbliku, sabiex ifasslu listi suwed ta' impriżi li wrew rabtiet mal-kriminalità organizzata u/jew kienu involuti fi prattiki korrotti u biex iwaqqfuhom milli jidħlu f'relazzjoni ekonomika ma' awtorità pubblika u milli jibbenefikaw minn fondi tal-UE; jistieden lill-Istati Membri joħolqu strutturi speċjalizzati fil-livell nazzjonali għad-detezzjoni ta' organizzazzjonijiet kriminali u l-esklużjoni minn offerti pubbliċi ta' entitajiet li huma involuti fi prattiki korrotti jew f'ħasil tal-flus; jenfasizza l-fatt li l-elenkar f' "listi suwed" jista' jkun effettiv biex jiskoraġġixxi lill-kumpaniji milli jinvolvu rwieħhom f'attivitajiet korrotti u jagħtihom inċentiv tajjeb biex itejbu u jsaħħu l-proċeduri interni ta' integrità tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jintroduċu ċertifikazzjoni kontra l-kriminalità organizzata tal-impriżi u jitlob li t-tagħrif rilevanti jiġi skambjat b'mod awtomatiku fil-livell tal-UE;

32.  Jindika li 21 Stat Membru għadhom ma ttrasponewx il-pakkett ta' direttivi dwar l-akkwist pubbliku; jikkunsidra li r-regoli dwar l-akkwist pubbliku huma essenzjali sabiex ikun hemm trasparenza u obbligu ta' rendikont f'wieħed mill-oqsma l-aktar vulnerabbli għall-korruzzjoni;

33.  Jirrimarka li regoli ta' kontabilità trasparenti soġġetti għal stħarriġ iridu jiġu garantiti mhux biss fi ħdan il-gvern ċentrali, iżda anke fil-livell reġjonali u lokali fl-Istati Membri kollha;

34.  Jinsab imħasseb dwar il-prattika rikorrenti ta' kumpaniji kriminali involuti fil-ħasil tal-flus li jissottomettu offerti bi prezzijiet baxxi aktar mill-kost fil-proċeduri ta' offerti għal proġetti kbar; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi valutazzjoni ekonomika tal-proposti fir-rigward ta' kumpaniji li jingħataw il-kuntratti u s-sottokuntratti;

35.  Ifakkar li l-ħasil tal-flus permezz ta' strutturi ta' kumpaniji kumplessi u l-integrazzjoni tagħhom f'attività ekonomika legali jista' jkun theddida għall-ordni pubbliku tal-Istat; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu miżuri, mingħajr ma jgħabbu bla bżonn lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, biex iżidu t-trasparenza ta' azzjonijiet monetarji u biex itejbu t-traċċabilità ta' tranżazzjonijiet lura għal persuni fiżiċi sabiex jitraċċaw il-finanzjament kriminali u terroristiku (il-prinċipju "segwi l-flus"); jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri li jagħmluha aktar diffiċli biex jinħolqu strutturi kumplessi u oskuri ta' kumpaniji interkonnessi li minħabba l-fatt li għandhom tendenza li ma jkunux trasparenti jistgħu jiġu abbużati għall-finanzjament tal-attivitajiet kriminali jew terroristiċi u reati serji oħra;

36.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jobbligaw lill-kuntratturi jiżvelaw l-istruttura korporattiva sħiħa u s-sidien benefiċjarji tagħhom qabel ma jagħtuhom kwalunkwe kuntratt, sabiex jiġi evitat l-appoġġ lil kumpaniji li jinvolvu ruħhom f'ippjanar aggressiv tat-taxxa, frodi u evażjoni tat-taxxa u korruzzjoni;

37.  Jinnota li x-xiri ta' proprjetà fl-Istati Membri tal-UE huwa mod kif jiġi riċiklat ir-rikavat ta' attività kriminali, fejn il-persuni kriminali jaħbu s-sjieda benefiċjarja aħħarija permezz ta' kumpaniji tal-isem barranin; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li kwalunkwe kumpanija barranija li jkollha l-ħsieb li żżomm titolu ta' proprjetà fit-territorju tagħhom tintalab li jkollha l-istess standards ta' trasparenza meħtieġa minn kumpaniji inkorporati fil-ġurisdizzjoni tagħhom;

38.  Jirrimarka li l-kriżi finanzjarja kompliet iżżid mal-pressjoni fuq il-gvernijiet Ewropej; fid-dawl tal-isfidi ekonomiċi attwali, jitlob li tingħata garanzija akbar ta' integrità u trasparenza fl-infiq pubbliku;

39.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jieħdu l-passi meħtieġa biex ikun hemm trasparenza fid-deċiżjonijiet dwar il-liċenzjar u l-permessi tal-ippjanar fil-livell reġjonali u lokali;

40.  Jinnota li l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom dmir legali li jiġġieldu l-frodi f'konformità mal-Artikolu 325 tat-TFUE, u jilqa' l-inklużjoni ta' klawżoli kontra l-frodi fi proposti leġiżlattivi b'impatt finanzjarju;

41.  Jinsab imħasseb dwar iż-żieda fil-frodi relatat mal-VAT, b'mod partikolari l-hekk imsejħa frodi karusell; jistieden lill-Istati Membri kollha jipparteċipaw f'kull wieħed mill-oqsma ta' attività tal-EUROFISC sabiex jiffaċilitaw l-iskambju ta' informazzjoni u jgħinu fil-ġlieda kontra din it-tip ta' frodi;

42.  Jistieden lill-Istati Membri jadottaw leġiżlazzjoni speċifika u jieħdu miżuri xierqa biex jikkumbattu l-attivitajiet ta' professjonisti, banek, uffiċjali u persuni politiċi li, għalkemm ma jkunux membri tal-organizzazzjonijiet kriminali, jappoġġjawhom f'diversi livelli; f'dan ir-rigward:

   (a) jirrakkomanda li l-Istati Membri u l-Istituzzjonijiet Ewropej iħeġġu rotazzjoni obbligatorja tal-uffiċjali pubbliċi biex jipprevjenu l-korruzzjoni u l-infiltrazzjoni mill-kriminalità organizzata;
   (b) jitlob regoli obbligatorji li jistabbilixxu li persuni li jkunu ġew ikkundannati jew li jkunu ħadu sehem fi kriminalità organizzata, ħasil tal-flus, korruzzjoni jew reati oħra serji, reati kontra l-amministrazzjoni pubblika, reati ta' assoċjazzjoni jew korruzzjoni ma għandhomx ikunu eliġibbli għall-kandidatura jew li jaħdmu fl-amministrazzjoni pubblika, inklużi fl-istituzzjonijiet, korpi u aġenziji tal-Unjoni Ewropea;
   (c) jitlob pieni kriminali għall-maniġers u banek f'każijiet ippruvati li fihom ġew maħsula ammonti kbar ta' flus; jistieden lill-Kummissjoni tfassal proposta sabiex tkun żgurata t-trasparenza sħiħa tal-flussi tal-banek, mhux biss għall-individwi, imma wkoll għal entitajiet legali u ta' trust;

43.  Iħoss il-ħtieġa li jkun hemm regoli fl-Ewropa kollha biex is-sorsi kollha ta' finanzjament għall-partiti politiċi jiġu ċċekkjati u mmonitorjati biex ikun żgurat li kienu legali;

44.  Iqis essenzjali li jissaħħu d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi mfassla li jiggarantixxu trasparenza u traċċar akbar tal-flussi finanzjarji, b'mod partikolari l-ġestjoni tal-fondi tal-UE, inkluż permezz ta' investigazzjonijiet minn qabel u b'verifika finali dwar jekk il-fondi ġewx użati b'mod korrett; u jistieden lill-Istati Membri jissottomettu dikjarazzjonijiet nazzjonali dwar is-sistemi ta' kontroll tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni:

   (a) tikkoreġi l-ħlasijiet fil-każ ta' rregolaritajiet mill-Istati Membri fl-użu tal-fondi tal-UE;
   (b) temporanjament tipprojbixxi l-aċċess għall-fondi tal-UE għal istituzzjonijiet u kumpaniji li jkunu nstabu ħatja ta' użu ħażin frodulenti tal-fondi tal-UE;
   (c) timmonitorja mill-qrib l-użu tal-fondi tal-UE u tirrapporta regolarment lill-Parlament Ewropew;

45.  Hu tal-fehma li l-Kummissjoni għandha timponi l-ogħla livelli ta' integrità fil-proċessi ta' akkwist għall-implimentazzjoni tal-proġetti ffinanzjati mill-UE; ifakkar li l-monitoraġġ tar-riżultati tal-proġetti bil-kooperazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u ż-żamma tal-awtoritajiet lokali responsabbli huma essenzjali biex jiġi determinat jekk il-fondi tal-UE humiex qed jintużaw kif xieraq u jekk hux qed tiġi indirizzata l-korruzzjoni;

46.  Jirrimarka li t-trasparenza hija l-aktar strument effikaċi biex jiġu miġġielda l-abbuż u l-frodi; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-leġiżlazzjoni f'dan ir-rigward, b'mod li tagħmel obbligatorja l-pubblikazzjoni tad-data relatata mal-benefiċjarji kollha ta' finanzjament mill-UE, inkluża d-data dwar is-sottokuntratti;

47.  Jitlob lill-Kummissjoni tieħu azzjoni leġiżlattiva bl-għan tas-simplifikazzjoni tal-proċeduri burokratiċi fil-livell amministrattiv u għaldaqstant biex it-trasparenza u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni jittejbu;

48.  Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea timmonitorja u tirrapporta lill-Parlament dwar il-perċentwal tal-użu ta' għoti dirett ta' kuntratti pubbliċi fl-Istati Membri, kif ukoll iċ-ċirkostanzi legali fejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali jagħmlu l-aktar użu minnhom;

49.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jagħmlu ħilithom biex jiżguraw mekkaniżmi effiċjenti ta' trasparenza, monitoraġġ u responsabilizzazzjoni fl-użu tagħhom tal-fondi tal-UE; billi l-impatt pożittiv tal-fondi tal-UE jiddependi fuq proċessi fil-livell nazzjonali u tal-UE biex tkun żgurata trasparenza, monitoraġġ effettiv u responsabilizzazzjoni, għandu jitqies kif il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni jistgħu jsiru proċessi kontinwi u mhux biss proċessi ex-post; jemmen li r-rwol tal-Qorti tal-Awdituri f'dan ir-rigward għandu jissaħħaħ;

50.  Jemmen li l-indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi għandhom jiġu stabbiliti u li għandhom ikunu komparabbli sabiex ikejlu l-impatt tal-fondi tal-UE u jgħinu fil-valutazzjoni ta' jekk dawk il-fondi jkunux laħqu l-objettivi tagħhom u li data kwantifikata għandha tiġi sistematikament miġbura u ppubblikata;

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE)

51.  Iqis li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) għandu jikkostitwixxi element ċentrali fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-Unjoni Ewropea; itenni t-talba tiegħu li jiġi stabbilit mill-aktar fis possibbli, bil-parteċipazzjoni tal-akbar numru ta' Stati Membri possibbli, ta' UPPE li jkun effiċjenti u indipendenti mill-gvernijiet nazzjonali u mill-istituzzjonijiet tal-UE u mħares mill-influwenza u l-pressjoni politika;

52.  Itenni l-importanza li jkun hemm responsabilitajiet u setgħat definiti b'mod ċar bejn il-prosekuturi nazzjonali u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew futur, kif ukoll mal-Eurojust u l-OLAF, sabiex jiġi evitat kwalunkwe kunflitt ta' kompetenzi; jitlob li jiġu allokati r-riżorsi finanzjarji u umani xierqa għall-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew futur, b'allinjament mal-kompiti tiegħu; iqis li l-UPPE għandu jkollu l-kompetenza biex jipproċedi kontra r-reati kollha tal-PIF inkluż il-frodi tal-VAT; f'dan il-kuntest, jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw is-sentenza mogħtija mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fil-kawża Taricco (C-105/14) u biex jiżblokkaw in-negozjati fil-Kunsill dwar id-Direttiva PIF mill-aktar fis possibbli;

53.  Jiddispjaċih li n-negozjati li għaddejjin fil-Kunsill qegħdin jimminaw il-premessa bażika ta' UPPE indipendenti u effettivi;

54.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-ħtieġa ta' rieżami tal-mandat tal-UPPE futur bl-għan li, ladarba jiġi stabbilit, tikkonferilu s-setgħat li jiġġieled il-kriminalità organizzata;

Oqsma speċifiċi ta' intervent

Falsifikazzjoni

55.  Jikkundanna l-użu dejjem aktar mifrux tal-falsifikazzjoni tal-prodotti, il-mediċini u l-prodotti agroalimentari fl-UE, li jinvolvi n-netwerks ta' distribuzzjoni ġestiti minn kriminalità organizzata transnazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jipprevjenu u jiġġieldu l-falsifikazzjoni tal-prodotti, il-mediċini u l-prodotti agroalimentari; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiġbru b'mod sistematiku data dwar każijiet ta' frodi u falsifikazzjoni sabiex jiksbu informazzjoni dwar l-iskala u l-inċidenza tagħhom u jiskambjaw l-aħjar prattiki sabiex jidentifikaw u jiġġieldu dawn il-fenomeni;

56.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw metodi oħra li jkollhom l-għan li jipprevjenu u jiskoraġġixxu l-frodi alimentari, bħal pereżempju permezz tad-divulgazzjoni pubblika tal-ismijiet ("naming and shaming") f'reġistru Ewropew ta' operaturi ta' negozji tal-ikel u tal-mediċini li jkunu nstabu ħatja ta' frodi;

57.  Jitlob l-estensjoni tar-reġimi attwali ta' traċċabilità u l-implimentazzjoni sistematika ta' traċċabilità kontinwa ("step-free") prevista fir-Regolament bażiku (KE) Nru 178/2002 li jkopri l-ikel u l-għalf, l-annimali li jservu għall-produzzjoni tal-ikel u s-sustanzi kollha li jintużaw għal dan l-għan jew li jista' jiġi mistenni li se jintużaw fil-produzzjoni tal-ikel jew l-għalf;

Traffikar tad-drogi

58.  Jirrimarka li t-traffikar tad-drogi huwa negozju kbir għall-gruppi kriminali u jrid jiġi miġġieled kemm permezz tal-infurzar tal-liġi kif ukoll permezz tal-prevenzjoni; jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet kompetenti biex jindirizzaw ir-rabtiet bejn is-suq tad-drogi u attivitajiet kriminali oħra u l-impatt li dawn għandhom fuq l-ekonomija legali u l-kummerċ legali, kif indikat mill-Europol u l-EMCDDA fir-rapport dwar is-suq tad-drogi fl-2016;

59.  Ifakkar lill-Kummissjoni li hi għandha tirrapporta dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drogi (2013-2016); jistieden lill-Kummissjoni tipproponi fuq din il-bażi pjan ta' azzjoni ġdid għall-perjodu 2017-2020;

60.  Jinnota li evalwazzjoni ta' politiki ġodda fir-rigward ta' drogi ħfief hi ta' prijorità, u jqis li l-istrateġiji ta' dekriminalizzazzjoni/legalizzazzjoni għandhom jiġu kkunsidrati bħala mezz li bih jiġu miġġielda b'mod effikaċi l-organizzazzjonijiet kriminali; jitlob li l-UE tintroduċi din il-kwistjoni fil-politiki interni kif ukoll esterni tagħha billi tinvolvi fid-dibattitu politiku l-aġenziji rilevanti kollha tal-UE u internazzjonali u l-istituzzjonijiet tal-pajjiżi kollha involuti;

Il-logħob tal-azzard u t-tbagħbis tal-logħob

61.  Ifakkar li l-organizzazzjonijiet kriminali sikwit jużaw iċ-ċirkwiti tal-logħob tal-azzard legali u illegali u t-tbagħbis tal-logħob għall-ħasil tal-flus; jikkundanna l-interessi kriminali li jduru madwar dawn il-fenomeni, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iżommu jew jintroduċu leġiżlazzjoni biex jiġġilduhom u jipprevjenuhom billi jagħmlu t-tbagħbis ta' avvenimenti sportivi reat kriminali; jistieden lill-Istati Membri jikkooperaw b'mod trasparenti u effettiv mal-organizzazzjonijiet tal-isport u biex iżidu l-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni mal-Eurojust u l-Europol għall-ġlieda kontra dawn il-fenomeni;

Rifuġji fiskali

62.  Jirrimarka li kull sena fl-UE jintilfu EUR 1 triljun f'evażjoni u evitar tat-taxxa; jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni speċjali lir-rifuġji fiskali u lill-pajjiżi li għandhom prezzijiet fiskali mhux trasparenti jew dannużi, li huma problema kbira li taffettwa kull ċittadin Ewropew;

63.  Jilqa' l-ftehim internazzjonali fi ħdan il-G20 sabiex jiġi applikat standard globali ġdid ta' trasparenza fiskali akbar, skont l-istandard għoli diġà applikat mill-UE; jitlob l-implimentazzjoni rapida tiegħu u l-monitoraġġ effettiv tal-frodi u l-evażjoni tat-taxxa fuq livell internazzjonali; jilqa' l-fatt li, fi Frar 2016, il-Kummissjoni ffirmat ftehimiet li jinvolvu l-iskambju ta' informazzjoni dwar it-taxxa ma' pajjiżi bħal Andorra u Monaco u li fl-2015, il-Kummissjoni kienet diġà ffirmat ftehimiet mal-Iżvizzera, il-Liechtenstein u San Marino;

64.  Ifakkar fir-responsabilità tal-UE fil-ġlieda kontra regoli fil-qasam tat-taxxa li jiffaċilitaw l-evitar tat-taxxa minn korporazzjonijiet transnazzjonali u minn individwi u biex tgħin pajjiżi terzi jirrimpatrijaw il-fondi illeċiti u biex l-awturi jiġu suġġetti għal proċedimenti kriminali; jenfasizza li l-UE għandha tippromwovi bħala prijorità, fil-fora internazzjonali rilevanti kollha, il-ġlieda kontra r-rifuġji fiskali, is-segretezza bankarja u l-ħasil tal-flus, it-tneħħija ta' segretezza professjonali eċċessiva, il-kisba ta' rapporti pubbliċi pajjiż b'pajjiż minn kumpaniji multinazzjonali u r-reġistri pubbliċi tas-sidien benefiċjarji ta' kumpaniji; jirrimarka li r-rifuġji fiskali huma postijiet ideali għall-ġbir u l-ħasil ta' profitti minn attivitajiet kriminali, u għaldaqstant jinsisti li jinħtieġ approċċ koordinat fil-livell tal-UE;

65.  Jistieden lill-Kummissjoni tqajjem kuxjenza dwar l-effetti serji tal-faċilitazzjoni tal-korruzzjoni, tqis il-possibilità ta' pjan komprensiv li jservi ta' deterrent għat-trasferimenti ta' assi lejn pajjiżi mhux membri tal-UE li jservu bħala protetturi tal-anonimità ta' individwi korrotti, u biex tqis mill-ġdid ir-rabtiet ekonomiċi u diplomatiċi tagħha ma' dawn il-pajjiżi;

Ir-reati ambjentali

66.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda fl-attivitajiet illegali relatati mal-ambjent konnessi ma' attivitajiet kriminali organizzati fuq stil Mafjuż jew li jirriżultaw minn tali attivitajiet, bħal traffikar u rimi illegali tal-iskart, inkluż skart tossiku, u l-qerda tal-wirt naturali; ifakkar fir-rakkomandazzjoni tiegħu għall-iżvilupp ta' pjan ta' azzjoni komuni biex jipprevjeni u jiġġieled dawn il-forom ta' kriminalità; jindika l-ħtieġa li jiġu infurzati r-regoli eżistenti dwar il-konservazzjoni tan-natura u l-ħarsien ambjentali, inkluż billi jwettqu spezzjonijiet kontra l-kriminalità tal-kuntratturi u s-sottokuntratturi li jkunu benefiċjarji ta' kuntratti għal proġetti kbar ta' infrastruttura ffinanzjati mill-baġit tal-UE;

67.  Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja u tevalwa l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali biex jiġi żgurat li l-Istati Membri jikkastigaw b'pieni kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi għal kull xorta ta' mġiba illegali li tħalli impatti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent; jistieden lin-Netwerk tal-UE għall-Implimentazzjoni u Infurzar tal-Liġi Ambjentali (IMPEL) biex perjodikament jinforma lill-Parlament dwar l-azzjonijiet tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/99/KE;

68.  Jirrimarka li l-kriminalità organizzata tuża kumpaniji ta' kostruzzjoni li jispeċjalizzaw f'ċaqliq ta' terrapien jew ħamrija għall-ħasil tal-flus u għar-rimi illegali ta' sustanzi tossiċi li jikkawżaw tniġġis ambjentali; jistieden lill-Kummissjoni twettaq spezzjonijiet kontra l-kriminalità fuq il-kuntratturi u s-sottokuntratturi li huma benefiċjarji ta' kuntratti għal proġetti kbar ta' infrastruttura ffinanzjati mill-baġit tal-UE sabiex jiġu evitati tali prattiki;

Iċ-Ċiberkriminalità

69.  Ifakkar li ċ-ċiberkriminalità ta' spiss tintuża bħala mezz ta' ħasil tal-flus u falsifikazzjoni; jirrimarka li dan jikkostitwixxi sors importanti ta' dħul għal ħafna organizzazzjonijiet kriminali u li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u mal-aġenziji tal-Unjoni f'dan ir-rigward għandhom jissaħħu; jinnota bi tħassib li, permezz tal-użu frodulenti tal-internet għal finijiet illegali bħalma huma l-promozzjoni tat-traffikar tad-droga u t-traffikar tal-bnedmin, l-organizzazzjonijiet kriminali rnexxielhom iżidu l-volum tat-traffikar illeċitu tagħhom;

Il-kriminalità organizzata u t-terroriżmu

70.  Ifakkar li l-konverġenza u r-relazzjoni dejjem jiżdiedu bejn il-kriminalità organizzata u t-terroriżmu, kif ukoll ir-rabtiet bejn gruppi kriminali u organizzazzjonijiet terroristiċi jikkostitwixxu theddida akbar għall-Unjoni; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-finanzjament u l-appoġġ tat-terroriżmu permezz tal-kriminalità organizzata jsiru punibbli u li l-interkonnessjoni tal-kriminalità organizzata u tal-attivitajiet terroristiċi u l-finanzjament tat-terroristi jitqiesu b'mod aktar espliċitu mill-awtoritajiet tal-Istati Membri involuti fil-proċedimenti kriminali;

71.  Jenfasizza li l-kummerċ illeċitu ta' armi tan-nar, żejt, drogi, annimali selvaġġi u l-faċilitazzjoni tad-dħul klandestin ta' migranti, sigaretti u oġġetti, xogħlijiet tal-arti u oġġetti kulturali oħra ffalsifikati minn netwerks tal-kriminalità organizzata saru sors ta' gwadann kbir biex gruppi terroristiċi jiksbu finanzjament; jinnota l-preżentazzjoni mill-Kummissjoni ta' pjan ta' azzjoni kontra t-traffikar illegali fl-armi tan-nar u splussivi u l-użu tagħhom; jinsisti dwar il-ħtieġa li jiġi implimentat dan il-pjan ta' azzjoni mingħajr dewmien; jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa, filwaqt li jevitaw piż amministrattiv bla bżonn għall-atturi ekonomiċi, biex jiżguraw li l-gruppi terroristiċi u n-netwerks kriminali ma jkunux jistgħu jibbenefikaw mill-kummerċ fil-merkanzija;

72.  Jirrimarka li l-parteċipazzjoni f'attivitajiet kriminali tista' tkun marbuta ma' reati terroristiċi; ifakkar li skont l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Drogi u l-Kriminalità (UNODC), it-traffikar tad-drogi, il-moviment tal-armi tan-nar illegali, il-kriminalità organizzata transnazzjonali u l-ħasil tal-flus saru parti integrali mit-terroriżmu; iqis li ġlieda effikaċi kontra t-terroriżmu titlob it-tisħiħ tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-ħasil tal-flus, anke meta jitqiesu r-rabtiet eżistenti bejn gruppi terroristiċi u gruppi ta' kriminalità organizzata, ibbażati fuq benefiċċju reċiproku;

Il-kriminalità organizzata u t-traffikar u l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' bnedmin

73.  Jinsab imħasseb dwar il-professjonalizzazzjoni li dejjem qed tikber tal-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' bnedmin u ż-żieda relatata fil-profitti għan-netwerks ta' faċilitazzjoni ta' dħul klandestin u traffikar minħabba l-flussi kontinwi ta' rifuġjati lejn l-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li jsir progress dwar il-kooperazzjoni internazzjonali fil-ġlieda kontra t-traffikar biex jinqered id-dħul klandestin ta' persuni u tiġi minimizzata l-influwenza tan-netwerks tat-traffikar;

74.  Ifakkar li fir-rigward tat-traffikar tal-bnedmin, l-Unjoni Ewropea stabbiliet qafas legali u politiku speċifiku biex ittejjeb il-kooperazzjoni u tagħmel it-traffikar prijorità għal korpi u aġenziji bħall-Europol u l-Eurojust; jilqa' l-konklużjonijiet tal-ewwel rapport dwar il-progress li sar fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin; jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal, fuq din il-bażi u mill-aktar fis possibbli, strateġija għall-perjodu ta' wara l-2016;

75.  Jikkundanna l-infiltrazzjonijiet tal-kriminalità organizzata fil-korpi responsabbli għall-ġestjoni tal-fondi intenzjonati għall-akkoljenza tal-immigranti u jitlob li jittieħdu miżuri speċifiċi għall-ġlieda kontra t-traffikar u l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' bnedmin, li jitwettqu minn netwerks kumplessi ta' gruppi kriminali li jinsabu fil-pajjiżi ta' oriġini, ta' tranżitu u ta' destinazzjoni tal-vittmi;

76.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jkun indirizzat l-isfruttament gravi tal-ħaddiema migranti fl-Unjoni; jirrikonoxxi li n-nuqqas ta' mezzi ta' migrazzjoni regolari u l-ostakli għall-aċċess għall-ġustizzja huma fost il-kawżi prinċipali tat-traffikar tal-bnedmin; jinnota wkoll li d-Direttiva dwar is-sanzjonijiet kontra min iħaddem tinkludi dispożizzjonijiet importanti li jindirizzaw l-isfruttament tax-xogħol ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment, imma li dawn id-dispożizzjonijiet jiddependu fuq l-eżistenza ta' mekkaniżmi ta' tressiq ta' lment ġusti, effikaċi u aċċessibbli fil-livell nazzjonali u li tali implimentazzjoni għadha minima;

Id-dimensjoni esterna

77.  Jistieden lill-UE tkompli tappoġġja l-konsolidament tal-amministrazzjoni pubblika u l-adozzjoni ta' oqfsa leġiżlattivi xierqa kontra l-korruzzjoni fil-pajjiżi kollha, partikolarment f'pajjiżi wara kunflitt u fi tranżizzjoni, fejn l-istituzzjonijiet statali huma dgħajfa; jinsisti fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ il-pulizija reġjonali u speċjalizzata u n-netwerks ġudizzjarji fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, dejjem skont il-parametri li jiggarantixxu standards xierqa ta' protezzjoni tad-data u tal-privatezza, u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u l-kompetenza tal-Europol, l-Eurojust u n-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew; jenfasizza l-bżonn li jitjiebu r-regolamentazzjoni u l-infurzar tal-liġi u li tiġi promossa l-protezzjoni tal-informaturi biex it-trasgressuri jinżammu responsabbli għar-reati tagħhom, u għandha tkun stabbilita sistema xierqa li tipproteġi l-informaturi kemm ġewwa kif ukoll barra l-UE; jenfasizza b'mod partikolari li jinħtieġ mekkaniżmu ta' rappurtar dirett għaċ-ċittadini fil-pajjiżi li jirċievu l-għajnuna mill-UE, biex jiġbdu l-attenzjoni għall-irregolaritajiet fil-programmi ta' għajnuna ffinanzjati mill-UE;

78.  Jinnota bi tħassib li bosta mill-konvenzjonijiet u l-inizjattivi internazzjonali ffokati fuq il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-flussi finanzjarji internazzjonali jonqsu milli jagħtu riżultati konkreti fl-istadju tal-implimentazzjoni tagħhom; ifakkar li l-iżvilupp ta' politika barranija għal strateġija kontra l-korruzzjoni hi essenzjali sabiex jiġu miġġielda l-korruzzjoni u l-kriminalità finanzjarja b'mod effikaċi; jistieden lill-UE biex fil-politiki esterni tagħha tippromwovi, bħala prijorità, it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni korretta tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali, u l-istrumenti internazzjonali rilevanti l-oħra kollha li huma intiżi li jiġġieldu l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus;

79.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura, permezz ta' monitoraġġ kontinwu, li l-għajnuna tal-UE ma tikkontribwixxix b'mod dirett jew indirett għall-korruzzjoni; hu tal-fehma li l-assistenza għall-għajnuna għandha tkun allinjata aktar mal-kapaċità ta' assorbiment tal-pajjiż ospitanti u mal-bżonnijiet tal-iżvilupp ġenerali tiegħu sabiex tiġi evitata l-ħela u l-korruzzjoni qawwija fir-riżorsi tal-għajnuna; jistieden lill-UE tindirizza l-korruzzjoni direttament permezz tal-programmazzjoni u d-dokumenti ta' strateġija tal-pajjiż u biex torbot l-appoġġ baġitarju ma' objettivi ċari kontra l-korruzzjoni; għal dan l-għan, jenfasizza l-ħtieġa li jinħolqu mekkaniżmi b'saħħithom għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija b'saħħitha, olistika u komprensiva għall-ġestjoni tar-riskju ta' korruzzjoni fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw biex jiġi evitat li l-għajnuna għall-iżvilupp tikkontribwixxi għall-korruzzjoni, u biex timplimenta bis-sħiħ l-istrateġija kontra l-frodi maħruġa fl-2013, b'mod partikolari fl-implimentazzjoni tal-għajnuna tal-UE fil-modalitajiet kollha tagħha, inklużi l-FEŻ u l-fondi fiduċjarji, u meta jiġu delegati proġetti ta' żvilupp lil partijiet terzi; jinnota bi tħassib li l-approċċ tal-UE rigward il-korruzzjoni fil-pajjiżi tal-AKP jipprovdi gwida strateġika dgħajfa dwar it-tisħiħ tas-sistemi tal-pajjiżi għall-prevenzjoni u l-kontroll tagħha; iqis li hemm bżonn ta' koordinazzjoni akbar bejn is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u d-Direttorat Ġenerali għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp fl-approċċ tagħhom biex itemmu b'mod effikaċi l-korruzzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

80.  Ifakkar l-importanza tal-koerenza bejn il-politiki interni u esterni tal-UE, u jinnota l-ħtieġa li l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata tiġi integrata fi strateġiji ta' żvilupp u ta' sigurtà bħala mezz biex terġa' tinġieb l-istabilità fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

81.  Jenfasizza li r-rispett tad-dritt tal-persuni u tal-gvernijiet li jiddeċiedu dwar is-sistemi ekonomiċi, alimentari u agrikoli tagħhom stess hi s-soluzzjoni għall-ġlieda kontra l-attivitajiet kriminali li jikkawżaw il-ġuħ u l-faqar; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali biex b'mod attiv tikkonfronta l-ispekulazzjoni finanzjarja fuq l-ikel, bħax-xiri bi prezzijiet baxxi f'żoni agrikoli vasti u l-ħtif tal-art min-naħa ta' kumpaniji multinazzjonali kbar tas-settur agrikolu, filwaqt li tqis l-impatt negattiv fuq il-produtturi ż-żgħar;

82.  Jistieden lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw iżidu t-trasparenza u r-responsabilità tal-kumpaniji f'kuntratti tar-riżorsi, tar-rappurtar u l-awditjar finanzjarju tal-kumpaniji, u l-ġbir u l-allokazzjoni tad-dħul, bħala parti mill-aġenda tagħhom kontra l-korruzzjoni;

83.  Jistieden lill-UE żżid l-appoġġ tagħha biex tgħin lill-pajjiżi għonja fir-riżorsi jimplimentaw il-prinċipji tal-Inizjattiva għat-trasparenza tal-industriji estrattivi (EITI) għal aktar trasparenza u responsabilità fis-setturi taż-żejt, gass u tat-tħaffir fil-minjieri; iħeġġeġ bil-qawwa l-istabbiliment ta' qafas ġuridiku effikaċi li jagħti appoġġ lill-implimentazzjoni xierqa tal-EITI minn kumpaniji involuti fil-katini ta' provvista tas-setturi taż-żejt, gass u tat-tħaffir fil-minjieri.

84.  Jagħti istruzzjonijiet lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tiegħu sabiex isegwi r-rakkomandazzjonijiet magħmula fir-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern jivvaluta, fi żmien sentejn, l-azzjonijiet leġiżlattivi meħuda mill-Kummissjoni f'dan il-qasam, fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet ta' hawn fuq;

o
o   o

85.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 218, 14.8.2013, p. 8.
(2) ĠU L 127, 29.4.2014, p. 39.
(3) ĠU L 130, 1.5.2014, p. 1.
(4) ĠU L 151, 21.5.2014, p. 1.
(5) ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73.
(6) ĠU L 328, 6.12.2008, p. 28.
(7) ĠU L 141, 5.6.2015, p. 1.
(8) ĠU L 150, 20.5.2014, p. 93.
(9) ĠU L 319, 4.12.2015, p. 1.
(10) ĠU L 332, 18.12.2007, p. 103.
(11) ĠU L 317, 4.11.2014, p. 28.
(12) ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89.
(13) ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.
(14) ĠU L 65, 11.3.2016, p. 1.
(15) ECLI:EU:C:2015:555.
(16) ĠU C 346, 21.9.2016, p. 27.
(17) ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53.
(18) Testi adottati, P8_TA(2015)0269.
(19) ĠU C 208, 10.6.2016, p. 89.

Avviż legali