Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2093(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0234/2016

Testi mressqa :

A8-0234/2016

Dibattiti :

PV 24/10/2016 - 20
CRE 24/10/2016 - 20

Votazzjonijiet :

PV 25/10/2016 - 7.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0407

Testi adottati
PDF 386kWORD 61k
It-Tlieta, 25 ta' Ottubru 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
Kif narmonizzaw il-kontrolli fuq is-sajd fl-Ewropa
P8_TA(2016)0407A8-0234/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar kif narmonizzaw il-kontrolli fuq is-sajd fl-Ewropa (2015/2093(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jipprevedi l-ħtieġa għal impenn favur "l-iżvilupp sostenibbli tal-Ewropa", inkluża d-dispożizzjoni ta' "livell għoli ta' protezzjoni u titjib tal-ambjent", u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 11, 43 u 191 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (ir-‘Regolament dwar il-Kontroll’),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, u b'mod partikolari l-Artikoli 15 u 36 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 768/2005 li jistabbilixxi Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1010/2009 li jistipula regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2015/812 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-obbligu tal-ħatt, u b'mod partikolari l-Artikoli 7 u 9 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tal-5 ta' Frar 2014 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd(1),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tas-6 ta’ Lulju 2016 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 768/2005 li jistabbilixxi Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Mejju 2016 dwar it-traċċabilità ta' prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura fir-restorazzjoni u l-bejgħ bl-imnut(3),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A8–0234/2016),

A.  billi l-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll huwa l-Unjoni Ewropea;

B.  billi l-forom ta' spezzjoni fil-mudell differenti ta' rapporti tal-ispezzjoni fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011 mhumiex armonizzati bejniethom, peress li jużaw ismijiet differenti għall-istess suġġetti, u b'hekk joħolqu diffikultajiet operattivi fit-trasferiment tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet;

C.  billi l-aħħar protokolli ta' skambju ta' data, li huma essenzjali għall-implimentazzjoni tal-ġurnali ta' abbord elettroniċi, tlestew f'Lulju 2010, u billi l-ġurnali ta' abbord elettroniċi ilhom obbligatorji minn Jannar 2010;

D.  billi hemm inugwaljanza reali, jew jinħass nuqqas ta' ekwità mis-sajjieda, fir-rigward tar-regolarità, il-frekwenza, id-durata, is-severità, ir-reqqa, l-effikaċja u l-metodi tal-kontroll tas-sajd fl-Ewropa, u jenħtieġ trattament ugwali u mhux diskriminatorju;

E.  billi l-isforzi ta' kontroll tas-sajd għandhom neċessarjament jiddependu fuq il-parteċipazzjoni sħiħa u attiva tas-settur tas-sajd;

F.  billi sistema bbażati fuq il-punti tippenalizza lill-bastimenti tas-sajd, u mhux lis-sidien tal-bastimenti, lis-sajjieda jew lil persuni oħra tul il-katina kollha tal-produzzjoni;

G.  billi s-settur tas-sajd huwa attur ewlieni fil-ġestjoni sostenibbli tal-ibħra u l-oċeani;

H.  billi, indipendentement mill-varjazzjonijiet reġjonali possibbli, jeżistu differenzi sostanzjali fl-applikazzjoni tar-regolamenti Ewropej fl-Istati Membri, b'mod partikolari dawk li jirriżultaw mir-‘Regolament dwar il-Kontroll’, u billi kull Stat Membru għandu s-sistema legali distinta tiegħu kif ukoll strutturi amministrattivi u ġudizzjarji differenti, li huma inevitabbilment riflessi fis-sistemi ta' penalitajiet amministrattivi u/jew kriminali għan-nuqqas ta' osservanza tar-regoli tal-PKS u fil-fatt li dawn is-sistemi jwasslu għal diskrepanzi u inġustizzja minn Stat Membru għal ieħor;

I.  billi ġew identifikati riskji fil-fatt li l-awtoritajiet nazzjonali ta' spezzjoni mhux dejjem ikollhom aċċess għal data rilevanti sabiex jispezzjonaw il-bastimenti barranin b'mod effettiv, u billi l-approċċi differenti għall-kontrolli u s-sanzjonijiet joħolqu problemi għall-Istati Membri meta dawn isegwu l-ksur misjub mal-istati tal-bandiera;

J.  billi hemm bżonn ta' kontrolli aktar stretti fuq il-prodotti li jidħlu fl-UE minn sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat u hemm bżonn li jiġi garantit livell ekwivalenti ta' kontroll fuq tali sajd fl-Istati Membri kollha;

K.  billi l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u tas-sanzjonijiet korrispondenti hija r-responsabilità tal-Istati Membri;

L.  billi xi Stati Membri m'għandhomx unitajiet speċjalizzati ta' spetturi tas-sajd;

M.  billi l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA), li ġiet stabbilita biex tippromwovi l-ogħla standards ta' kontroll komuni taħt il-politika komuni tas-sajd, taqdi rwol effikaċji fl-implimentazzjoni uniformi tas-sistema ta' kontroll, minkejja r-riżorsi limitati għad-dispożizzjoni tagħha;

N.  billi l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) jista' jikkontribwixxi għat-titjib u l-modernizzazzjoni tal-kontroll tas-sajd, b'mod partikolari permezz tal-linji baġitarji tiegħu 11 06 62 02 (kontroll u infurzar tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) u tal-Politika Marittima Integrata (PMI)) u 11 06 64 (Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd);

O.  billi l-projbizzjoni ta' rimi ta' ħut ġiet implimentata u, fil-prattika, hija ħarxa b'mod inġust għall-operaturi tas-sajd peress li, minkejja li l-operaturi jużaw għodod u strumenti li huma permessi skont il-liġi tal-UE u jużaw kull mezz possibbli biex jevitaw il-qabdiet inċidentali, huma jaf jiġu kkastigati minħabba s-sempliċi fatt li dawn il-qabdiet jaqbżu l-ammont massimu permess mil-liġijiet tal-UE u dawk nazzjonali;

P.  billi t-tekniki u t-tagħmir użat għas-sajd inbidlu u evolvew, u s-sistemi u t-tekniki użati għall-monitoraġġ jeħtieġ ukoll li jiġu aġġornati sabiex ikunu effiċjenti; ifakkar li l-FEMS jista' jintuża għal dan il-għan;

Q.  billi l-obbligu ta' ħatt huwa kwistjoni ewlenija fir-rigward tal-kontroll, kwistjoni li għandha tingħata attenzjoni partikolari mil-leġiżlatur u l-awtoritajiet responsabbli għall-kontroll;

R.  billi t-teknoloġiji tat-traċċar mill-bogħod bi ftit spejjeż, bħas-sistema ta' identifikazzjoni awtomatika (AIS), jippermettu kontroll volontarju u jikkontribwixxi biex jiffaċilitatw il-monitoraġġ u s-sigurtà tas-sajjieda;

S.  billi s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, u l-kummerċ tal-qabdiet li jirriżultaw minnu, jikkostitwixxu attività kriminali fuq skala globali;

T.  billi l-irkanti tal-ħut jaqdu rwol vitali fl-industrija tal-frott tal-baħar, u għandhom rwol ċentrali fil-kontroll tal-ħut li jinħatt;

U.  billi l-Istati Membri għandhom sistemi legali differenti, u billi l-evidenza miġbura għandha tkun ammissibbli u li tista' tintuża f'dawn is-sistemi differenti, li huma speċifiċi għal kull Stat Membru li jipprosegwixxi;

V.  billi l-aħjar alleati biex jiġi implimentat ir-Regolament dwar il-Kontroll huma sajjieda mħarrġa sew u mħeġġa, li jifhmu l-benefiċċji ta' dawn il-kontrolli u jirrispettawhom b'mod attiv;

I – Diżinċentivi għall-uniformità

1.  Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat kontroll effettiv tal-attivitajiet tas-sajd, sabiex ikun garantit sfruttar sostenibbli tar-riżorsi ħajjin tal-baħar u jinżammu kundizzjonijiet ekwi fost il-flotot tal-UE; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tar-Regolament dwar il-Kontroll;

2.  Jenfasizza li l-ġlieda ambizzjuża tal-UE kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat mad-dinja kollha għandha timxi id f'id ma' applikazzjoni effettiva tar-Regolament dwar il-Kontroll fl-ibħra tagħna stess;

3.  Jenfasizza d-diversità tal-kampijiet ta' applikazzjoni tal-kontrolli u d-disparità bejn il-postijiet ta' spezzjoni, u n-natura diskriminatorja tal-kontrolli tas-sajd li tirriżulta, billi xi Stati Membri jorganizzaw kontrolli matul il-katina kollha tal-sajd filwaqt li oħrajn jiffukaw biss fuq ċerti punti tal-katina u jeskludu aspetti relatati mat-trasport tal-qabdiet jew mal-forniment tal-ikel, pereżempju;

4.  Jirrikonoxxi t-titjib sinifikanti fis-sistema ta' kontroll li ġab miegħu r-Regolament dwar il-Kontroll attwali, flimkien mar-regolamentazzjoni dwar sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, f'termini ta' konsolidazzjoni ta' bosta regolamenti preċedenti separati, l-introduzzjoni tal-possibilità li jintużaw teknoloġiji ġodda, passi preliminari lejn l-armonizzazzjoni tas-sanzjonijiet, kjarifika tar-rwoli tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri, titjib fit-traċċabilità u avvanzi oħra;

5.  Ifakkar li l-aċċettazzjoni tar-regolamenti min-naħa tas-sajjieda hija influwenzata minn jekk l-effetti ta' implimentazzjoni jitqiesux ġusti, jekk ir-regolamenti imposti jitqiesux li jagħmlu sens u jekk hemmx kompatibilità bejn ir-regolamentazzjoni u x-xejriet u l-prattiki tradizzjonali tas-sajd;

6.  Iqis li hemm bżonn li jiġu ċċarati, ikklassifikati u stabbiliti standards għas-sajd fiż-żoni marittimi differenti;

7.  Jinnota d-diversità fl-organizzazzjoni tal-kontrolli, billi xi Stati Membri jaqsmuhom bejn amministrazzjonijiet differenti waqt li oħrajn iħalluhom f'idejn korp wieħed, u jinnota wkoll id-diversità tal-istrumenti, l-għodda u r-riżorsi umani, loġistiċi u finanzjarji li jintużaw biex jitwettqu tali kontrolli; jinnota wkoll li dawn iċ-ċirkustanzi jagħmluha diffiċli li tiġi żgurata t-trasparenza fil-ġestjoni u l-aċċess għall-informazzjoni;

8.  Jinnota li l-effettività tal-kontrolli tvarja wkoll minħabba d-diversità immensa taż-żoni tas-sajd fl-UE, li jibdew minn żoni dojoq u limitati, fejn ir-riżorsi tas-sajd huma essenzjalment kondiviżi ma' Stati Membri ġirien, sa żoni remoti u mbiegħda ħafna; iqis li l-karatteristiċi speċifiċi tar-reġjuni ultraperiferiċi, li ż-żoni ekonomiċi esklużivi vasti u eminentement oċeaniċi tagħhom, flimkien mat-tip ta' stokkijiet ta' ħut sfruttati (l-aktar speċijiet tal-baħar fond u ħut pelaġiku migratorju ħafna) u n-nuqqas ta' riżorsi alternattivi, jixirqilhom b'mod ċar miżuri ta' kontroll aktar stretti f'dawk ir-reġjuni, peress li dawn jiddependu ħafna fuq is-sajd u huma vulnerabbli ħafna għall-ħsara estrema kkawżata mill-flotot li hu magħruf li jiksru r-regoli tal-PKS;

9.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ u sew ir-Regolament dwar il-Kontroll, sabiex ikollhom stampa ċara ta' liema partijiet jeħtieġ li jittejbu fir-reviżjoni li jmiss u biex b'hekk jiżguraw Regolament dwar il-Kontroll li jkun funzjonali u applikabbli faċilment għall-ġejjieni wkoll;

10.  Jinnota differenza fl-approċċ bejn il-kontrolli bbażati fuq il-valutazzjoni tar-riskju u l-kontrolli aleatorji fuq l-attività tas-sajd u fuq il-kanali tal-kummerċjalizzazzjoni għall-qabdiet;

11.  Jinnota li l-kumplessità attwali tal-miżuri tekniċi u l-għadd kbir ta' dispożizzjonijiet, possibilment kontradittorji wkoll, li jinkludi diversi derogi u eċċezzjonijiet kif ukoll dispożizzjonijiet mxerrda fuq firxa ta' testi legali differenti, tagħmilha diffiċli mhux biss biex dawn jinftiehmu, iżda wkoll biex jiġu kkontrollati u infurzati;

12.  Ifakkar li l-biċċa l-kbira tal-kontrolli aleatorji jitwettqu fil-ħin tal-ħatt, filwaqt li l-ispezzjonijiet fuq il-baħar apparentement juru rata ta' ksur ogħla minn dawk li jitwettqu fuq l-art, peress li dawn huma bbażati fuq il-valutazzjoni tar-riskju;

13.  Ifakkar li, minħabba li l-obbligu tal-ħatt għas-sajd jikkostitwixxi bidla fundamentali, ir-Regolament Omnibus ((UE) 2015/812) jipprevedi perjodu ta' adattament ta' sentejn qabel ma l-ksur tal-obbligu tal-ħatt jitqies bħala ksur serju; jitlob li dak il-perjodu jiġi estiż jekk ikun meħtieġ;

14.  Jinnota li l-Istati Membri, u xi kultant anke r-reġjuni, jittrasponu r-regoli fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u reġjonali b'modi differenti minħabba l-għadd kbir ta' dispożizzjonijiet fakultattivi fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009; jenfasizza d-diffikultajiet fl-infurzar fil-prattika ta' wħud mid-dispożizzjonijiet tiegħu, jew minħabba l-fatt li r-regolamenti ma tantx jistgħu jiġu adattati għar-realtà, pereżempju minħabba l-karatteristiċi li jiddefinixxu s-settur tas-sajd (il-flotta, it-tagħmir tas-sajd, iż-żoni tas-sajd u l-ispeċijiet fil-mira), li jvarjaw konsiderevolment bejn baċir tal-baħar, Stat Membru jew żona tas-sajd u ieħor/oħra, jew minħabba l-kontradizzjonijiet li jistgħu jwasslu għal diversi interpretazzjonijiet differenti mill-ispetturi;

15.  Jinnota li l-livell ta' ksur ivarja minn Stat Membru għal ieħor u li, għall-istess ksur, is-sanzjoni tista' tkun jew ta' natura amministrattiva jew waħda penali; isostni li s-sistema ta' liċenzja tas-sajd ibbażata fuq il-punti, fejn jitnaqqsu punti għal nuqqas ta' osservanza, hija rilevanti bħala strument Ewropew li jista' jipprovdi qafas għas-sanzjonijiet għal ksur serju, iżda li mingħajr l-uniformità neċessarja taggrava sitwazzjoni diġà inugwali li tinvolvi inekwitajiet fost l-operaturi fl-Istati Membri; jitlob li tali differenzi fis-sanzjonijiet jiġu evitati;

16.  Jinnota li n-nuqqas ta' fiduċja u trasparenza bejn l-Istati Membri huwa waħda mill-kwistjonijiet ewlenin għan-nuqqas ta' kondiviżjoni tad-data fir-rigward tar-regolamentazzjoni; iħeġġeġ li tinstab soluzzjoni għal din is-sitwazzjoni sabiex ikunu żgurati u provduti kundizzjonijiet ugwali għas-sajjieda kollha;

17.  Ifakkar li l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd tiżgura l-applikazzjoni ta' standards komuni ta' kontroll, spezzjoni u sorveljanza, u tiffaċilita l-kooperazzjoni operattiva bejn l-Istati Membri permezz ta' pjanijiet konġunti ta' tnedija; itenni l-importanza li jissaħħaħ il-mandat tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd sabiex jiġu stabbiliti operazzjonijiet konġunti għall-kontroll tas-sajd li jagħmluha possibbli li tittieħed azzjoni koordinata effiċjenti minn bosta awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali, u mill-aġenziji tal-UE li jwettqu dmirijiet tal-gwardja tal-kosta fil-livell tal-UE; jitlob li l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd tiddedika aktar riżorsi għal dan il-kompitu;

18.  Iqis li l-implimentazzjoni min-naħa tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd ta' "kurrikulu ewlieni" tat-taħriġ għall-ispetturi tas-sajd hija punt ta' tluq essenzjali għall-istandardizzazzjoni tal-proċeduri ta' taħriġ u kontroll u jistieden lill-Istati Membri kollha jużawh; jinnota li l-Istati Membri, jekk mhux b'mod volontarju, m'għandhomx l-istess standards ta' taħriġ, jiġifieri l-kontenut tal-kwalifiki, ir-reklutaġġ u l-objettivi huma differenti;

19.  Jinnota li s-sajjieda jitħarrġu u jiġu infurmati b'mod differenti minn Stat Membru għal ieħor u li ma ġiet applikata l-ebda għodda li tissimplifika l-miri u s-sustanza tar-Regolament dwar il-Kontroll jew li tagħmlu aktar aċċessibbli; huwa tal-fehma li din is-sitwazzjoni twassal għal nuqqas ta' kuxjenza li huwa diżinċentiv kbir għall-applikazzjoni uniformi mixtieqa ta' din il-leġiżlazzjoni; jinkoraġġixxi bil-qawwa l-implimentazzjoni ta' dawn l-għodda malajr kemm jista' jkun;

20.  Jinnota li anke jekk il-konsumaturi, matul is-snin, saru aktar konxji dwar l-oriġini u l-identifikazzjoni ta' dak li jixtru, bis-saħħa ta' kampanja mifruxa ta' sensibilizzazzjoni mill-Kummissjoni, dawk l-istess konsumaturi ma jistgħux jiksbu informazzjoni xierqa dwar il-prodotti tal-ħut li jservuhom fir-ristoranti, peress li m'hemm l-ebda rekwiżit mandatorju għal din l-aħħar ħolqa fil-katina kummerċjali;

21.  Jenfasizza li l-użu ta' teknoloġiji ġodda ta' monitoraġġ u ta' trażmissjoni u komunikazzjoni ta' informazzjoni f'ħin reali huwa essenzjali għat-titjib tas-sorveljanza marittima; jitlob li l-istrumenti użati mill-Istati Membri jsiru teknikament kompatibbli, u li jiġu kondiviżi parzjalment il-bażijiet tad-data relatati mal-kontroll u li d-disparità u t-telf ta' effiċjenza li jirriżultaw jiġu skoraġġuti;

22.  Jinnota li ma saret l-ebda valutazzjoni dwar in-nuqqas ġenwin ta' eżegwibilità ta' ċerti regoli li jirriżulta mil-livelli teknoloġiċi differenti tal-bastimenti, mil-loġistika fil-post u mill-organizzazzjoni tas-settur f'portijiet differenti;

23.  Jenfasizza r-rwol tal-FEMS, b'mod partikolari permezz tal-baġit tiegħu dedikat għall-kontroll tal-objettivi tal-PKS, li jammonta għal EUR 580 miljun għall-perjodu 2014–2020;

24.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li s-suq uniku jkun uniformi u li r-rekwiżiti ta' kontroll jiġu osservati b'mod ekwivalenti fl-Istati Membri, b'livell uniformi ta' kwalità fil-kontrolli interni u esterni fl-Istati Membri u bl-ebda varjazzjoni fuq il-bażi tal-fruntiera minn fejn il-prodotti jidħlu fl-UE;

II – Proposti għal titjib

25.  Huwa favur is-simplifikazzjoni u t-titjib tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, kif ukoll it-tnaqqis fil-piż amministrattiv bil-ħsieb li jinkiseb "leġiżlar aħjar", b'mod partikolari permezz ta' reviżjoni limitata u mmirata tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, li hija skedata għall-2017 u mistennija sa mhux aktar tard minn din id-data, filwaqt li jinżammu regoli effettivi li jkunu jistgħu jevitaw, jidentifikaw u jissanzjonaw ksur tal-PKS, u li primarjament jiffokaw fuq implimentazzjoni aħjar tan-normi bejn l-Istati Membri differenti, permezz tar-riċerka dwar, b'mod partikolari, armonizzazzjoni akbar, dment li din is-simplifikazzjoni tkun ibbażata fuq il-qafas ta' kontroll b'saħħtu eżistenti u ma tinvolvix tnaqqis fl-ogħla standards ta' protezzjoni fir-rigward tax-xogħol, l-ambjent, it-trejdjunjins u s-soċjetà;

26.  Iqis li hija meħtieġa sistema ta' kontroll soda u armonizzata għar-reġjonalizzazzjoni prevista fil-PKS il-ġdida; jopponi bil-qawwa li r-Regolament dwar il-Kontroll jiddgħajjef, u jemmen li l-Istati Membri diġà jistgħu jużaw il-flessibilità li jipprovdi l-qafas eżistenti;

27.  Jitlob li l-istituzzjonijiet Ewropej jaħdmu flimkien mas-settur tas-sajd f'din ir-reviżjoni, b'mod partikolari fil-qasam tas-sajd kostali tradizzjonali fuq skala żgħira, li kwalunkwe leġiżlazzjoni ġdida għandha tfittex li tissalvagwardja u tippromwovi;

28.  Jenfasizza l-ħtieġa li jsiru diskussjonijiet mad-diversi awtoritajiet nazzjonali, tar-reġjuni ultraperiferiċi u dawk reġjonali fil-ħolqien jew ir-reviżjoni ta' strumenti legali;

29.  Jiddikjara li kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-Istati Membri tkun mezz lejn aktar armonizzazzjoni tal-kontrolli; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-grupp ta' esperti dwar l-osservanza tal-obbligi skont is-sistema ta' kontroll tas-sajd tal-Unjoni;

30.  Ifakkar lill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li jinħoloq l-ambjent legali u operattiv qabel ma jiġu implimentati regoli obbligatorji, biex b'hekk jiġu evitati sitwazzjonijiet paradossali;

31.  Iqis li l-Kummissjoni trid tara li jkun hemm traspożizzjoni uniformi u preċiża u tivverifika l-istat tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti, pereżempju billi tistabbilixxi perċentwal minimu ta' konsenji li għandhom jiġu kkontrollati minn kull Stat Membru; jemmen, barra minn hekk, li l-proċeduri ta' kontroll għandhom ikunu trasparenti, imparzjali u standardizzati, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jitqiegħdu fuq livell ugwali fir-rigward tal-kontrolli tas-sajjieda tagħhom, u li r-regoli dwar il-kontroll għandhom ikunu aktar sempliċi, u aktar komprensivi u konsistenti;

32.  Jirrakkomanda tisħiħ tal-kontrolli sabiex ma jitħalliex li jiġi importat ħut minn sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat permezz ta', fost miżuri oħra, l-istabbiliment ta' timijiet nazzjonali ta' intelliġenza magħmula minn spetturi tas-sajd speċjalizzati, li huma l-aħjar nies kwalifikati biex jindividwaw ir-riskji, u l-istabbiliment ta' perċentwal minimu ta' konsenji li għandhom jiġu kkontrollati;

33.  Jemmen li hemm bżonn tal-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta' data ta' kwalità tajba fir-rigward tal-obbligu tal-ħatt, sabiex tiġi kkontrollata u vvalutata l-effettività tal-implimentazzjoni tal-obbligu tal-ħatt u sabiex il-ġbir tad-data jsir konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-PKS reveduta;

34.  Jitlob li l-Istati Membri u l-awtoritajiet tal-kontroll tas-sajd tal-baħar rispettivi tagħhom jistabbilixxu timijiet ta' spetturi tas-sajd speċjalizzati; jappoġġja u jitlob li jkun hemm kooperazzjoni miżjuda bejn l-Istati Membri permezz ta' skambji ta' spetturi, ta' metodi u ta' data dwar il-kontrolli, il-kondiviżjoni tal-analiżijiet tar-riskju u l-iskambju ta' informazzjoni dwar il-kwoti ta' bastimenti bil-bandiera;

35.  Ifakkar li l-Istati Membri huma responsabbli għall-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Kontroll; jistieden lill-Istati Membri josservaw l-obbligi tagħhom u jikkooperaw mill-qrib ma' xulxin sabiex jiskambjaw il-prattiki tajba u d-data u jagħmlu possibbli l-interoperabilità tas-sistemi ta' kontroll;

36.  Iqis li applikazzjoni uniformi u prevedibbli tat-tipi differenti ta' spezzjonijiet possibbli, permezz ta' definizzjoni sħiħa, armonizzazzjoni u spjegazzjoni ta' dawn l-ispezzjonijiet, għandha tgħin biex ikun hemm il-kundizzjonijiet ekwi neċessarji fost l-attivitajiet tas-sajd tal-UE kollha;

37.  Jinnota li f'ċerti reġjuni il-baċiri jiġu ġestiti b'mod konġunt ma' pajjiżi barra l-UE, u jitlob li l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi mhux membri tiġi intensifikata;

38.  Jemmen li l-Istati Membri, l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd u l-Kummissjoni jeħtieġ li jaħdmu f'kooperazzjoni u koordinazzjoni aktar mill-qrib;

39.  Jitlob lill-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd u lill-istituzzjonijiet ta' taħriġ fl-Istati Membri jimplimentaw kurrikulu Ewropew uniformi ta' taħriġ għall-ispetturi tas-sajd, imsejjes fuq sillabu komuni u regoli standardizzati, u li parti mill-fondi għalih tista' tiġi mill-FEMS;

40.  Jitlob li l-kurrikulu ewlieni tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd jiġi tradott u jitqassam b'mod wiesa', pereżempju permezz ta' taħriġ dwar l-applikazzjonijiet għall-awtoritajiet nazzjonali, bl-għajnuna tal-FEMS; jipproponi li dan il-manwal jiġi ssupplimentat b'eżempji ta' prattiki tajba mill-ispetturi;

41.  Jenfasizza l-importanza li jiġu vvalutati u ċertifikati l-inizjattivi ta' taħriġ dwar il-kontroll provduti minn partijiet terzi;

42.  Jipproponi li jittejbu t-taħriġ u l-informazzjoni għas-sajjieda, li t-tnejn li huma jistgħu jiġu inkorporati fl-organizzazzjonijiet professjonali tagħhom u fil-gruppi ta' azzjoni kostali, bil-għan li jitjieb il-fehim tagħhom tal-iskop u l-importanza ġenerali tar-regolamenti u b'hekk tissawwar kultura ta' fehim u osservanza ta' dawn ir-regoli; jirrakkomanda konsultazzjoni effettiva mal-kunsilli konsultattivi għal dan il-għan; jipproponi li jinħolqu bażijiet ta' data onlajn għad-dokumenti u l-informazzjoni relevanti għas-sajd (inkluż dwar is-sistema ta' punti ta' penalità), safejn dan huwa permess mid-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar il-protezzjoni tad-data, sabiex ir-regolamenti jkunu aċċessibbli biex jinqraw u jinftiehmu minn kulħadd; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta il-korsijiet ta' taħriġ eżistenti għas-sajjieda futuri fl-Ewropa u biex tinforma dwar il-konklużjonijiet tagħha permezz ta' komunikazzjoni;

43.  Jissuġġerixxi li l-idea ta' reġistru elettroniku tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (is-'single desk') tiġi eżaminata, flimkien ma' mudelli lesti biex jiġu stampati jew mudelli elettroniċi għall-ispezzjonijiet u għaċ-ċentralizzazzjoni tar-rapporti tal-ispezzjonijiet; jinnota li dan ir-reġistru elettroniku tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd jista' jintuża wkoll għar-riċeviment u ċ-ċentralizzazzjoni ta' ċertifikati tal-qbid maħruġa mill-Istati Membri u minn pajjiżi terzi;

44.  Jipproponi li jittejbu s-sistemi pubbliċi ta' komunikazzjoni użati mill-aġenziji ta' kontroll, u jenfasizza l-importanza li l-ħidma mwettqa u r-riżultati miksuba jitqassmu perjodikament u li tiġi provduta informazzjoni fuq bażi permanenti dwar ir-regoli applikati għar-riżorsi tal-ħut, bħal daqsijiet minimi u għeluq temporali u spazjali;

45.  Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ ir-rwol tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd, b'mod partikolari l-baġit tagħha, il-kompetenzi u r-riżorsi umani tagħha; jissuġġerixxi li jiġu reveduti l-kundizzjonijiet ta' intervent imsemmija fl-Artikoli 94 u 95 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u, b'mod partikolari, li l-Aġenzija tingħata d-dritt li tintervjeni fir-rigward tar-riżorsi tas-sajd li jkunu qed jiġu sfruttati żżejjed u dawk li jkunu għadhom ma laħqux r-rendiment massimu sostenibbli;

46.  Jenfasizza l-importanza li jiġu nfurzati u jissaħħu l-kontrolli, speċjalment fl-Istati Membri li s'issa wrew implimentazzjoni dgħajfa tar-Regolament dwar il-Kontroll, sabiex jiġi miġġieled is-sajd illegali, jiġu osservati r-regoli tal-PKS u tissaħħaħ il-kwalità tad-data miksuba;

47.  Ifakkar fl-importanza tal-kapaċità li jiġu skambjati data fil-ħin reali, speċjalment matul l-operazzjonijiet ta' kontroll li jsiru mill-Aġenzija flimkien mal-Istati Membri u kkoordinati mill-Aġenzija permezz ta' pjanijiet konġunti ta' tnedija;

48.  Jenfasizza l-importanza li tiżdied il-preżenza tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd qrib l-Istati Membri, inklużi r-reġjuni ultraperiferiċi;

49.  Jissuġġerixxi li mill-anqas żewġ rappreżentanti tal-Parlament Ewropew jiddaħħlu fil-bord ta' tmexxija tal-Aġenzija, li fih diġà hemm sitt rappreżentanti mill-Kummissjoni u wieħed minn kull Stat Membru, li din ir-rappreżentanza jkollha parità ta' kompożizzjoni (l-istess numru ta' nisa u rġiel) u li dawn jinħatru mill-Kumitat għas-Sajd tal-Parlament minn fost il-membri tiegħu;

50.  Jirrakkomanda li jiżdiedu l-kontrolli – pereżempju billi jiġi estiż il-monitoraġġ – sabiex tkun koperta l-katina sħiħa tal-produzzjoni, u li r-responsabilità għall-kontroll fuq il-baħar tiġi assenjata lil korp amministrattiv wieħed, sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-kontrolli, ħaġa li taħli r-riżorsi umani, loġistiċi u finanzjarji u toħloq konfużjoni u pressjoni bla bżonn fuq dawk li joperaw fis-settur tas-sajd; jitlob, barra minn hekk, li jkun hemm kollaborazzjoni formali bejn l-istituzzjonijiet tal-Istati Membri sabiex il-katina kollha tal-produzzjoni tal-ħut tkun tista' tiġi kkontrollata b'mod effettiv;

51.  Jitlob lill-Kummissjoni tiddetermina jekk hux xieraq li l-punti ta' penalità jiġu marbuta mal-liċenzji tas-sajd; jenfasizza li b'din is-sistema, il-punti jiġu trasferiti mal-liċenzja meta l-bastiment jinbiegħ, ħaġa li tista' tnaqqas il-valur tal-bastimenti f'xi każijiet u tista' għalhekk timpedixxi l-bejgħ mill-ġdid tagħhom, pereżempju għal sajjieda żgħażagħ li jkunu jixtiequ jibdew fin-negozju;

52.  Jirrakkomanda l-adozzjoni ta' miżuri speċifiċi bil-għan li jinkiseb konsum aktar konxju u responsabbli fir-ristoranti, mingħajr ma jiġi eskluż rekwiżit obbligatorju li min imexxi r-ristoranti jagħtu minimu ta' informazzjoni dwar il-prodotti, filwaqt li l-konsumaturi jkunu jistgħu jeżerċitaw kontroll indirett;

53.  Jipproponi spezzjonijiet komunitarji jew reġjonali awtonomi għall-ilmijiet interni, spezzjonijiet nazzjonali għas-sajd fil-baħar sa 12-il mil nawtiku u spezzjonijiet tal-UE għall-ilmijiet l-oħra kollha;

54.  Huwa tal-fehma li l-kontrolli bbażati fuq il-valutazzjoni tar-riskji għandhom ikunu bbażati fuq lista ta' kriterji minimi trasparenti, speċifiċi u miżurabbli li jiġu definiti fil-livell Ewropew;

55.  Jitlob li s-sanzjonijiet jiġu standardizzati filwaqt li jinżammu f'livell li jkun proporzjonat u nondiskriminatorju u li jaġixxi ta' deterrent; jippreferi sanzjonijiet ekonomiċi, inklużi sospensjonijiet temporanji tal-attività, milli sanzjonijiet penali, iżda jqis ukoll li, kif previst fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, għandha tingħata preferenza għall-inċentivi lis-sajjieda li josservaw ir-regoli tal-PKS sabiex jiġi evitat il-ksur;

56.  Ifakkar li huma l-Istati Membri li huma responsabbli għas-sanzjonijiet u li l-Unjoni Ewropea m'għandhiex il-kompetenza legali biex timponi l-istandardizzazzjoni tagħhom permezz tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009; jiġbed l-attenzjoni, madankollu, lejn l-importanza tas-sistema ta' punti biex jiġi provdut qafas għas-sanzjonijiet, u jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-inizjattiva għal standardizzazzjoni estensiva tas-sanzjonijiet, b'mod partikolari ta' dawk penali, sabiex jintemmu l-inugwaljanzi li jeżistu bħalissa;

57.  Huwa tal-fehma li s-sistema tal-qabdiet inċidentali fil-verità twassal għal responsabilità oġġettiva u totali għall-operaturi tas-sajd, li jinżammu responsabbli anke jekk dawn ikunu aġixxew b'osservanza sħiħa tal-liġi u bl-akbar diliġenza biex jevitatw il-qabdiet inċidentali;

58.  Jemmen li l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea huma inkompatibbli ma' sistema fejn individwu jinżamm responsabbli oġġettivament għal xi ħaġa li huwa ma jkun għamel la b'negliġenza u lanqas b'intenzjoni;

59.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu l-iżvilupp ta' penalità armonizzata ta' livell minimu applikabbli għal ksur serju u/jew imġiba illegali repetuta;

60.  Jirrakkomanda li jiġu imposti sanzjonijiet eħrex għas-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat;

61.  Jitlob li jinħolqu mekkaniżmi li jissotolinjaw l-eżempji tajba sabiex tiżdied l-osservanza;

62.  Iqis li l-interpretazzjoni ta' xi dispożizzjonijiet, li twassal għal penalità għall-qbiż tal-limitu għall-qabdiet inċidentali mingħajr lanqas ma tqis in-nuqqas ta' negliġenza jew intenzjoni meta wieħed ikun qed jaġixxi b'mod leċitu, b'mod ċar tmur kontra l-prinċipji fundamentali tal-Unjoni Ewropea, minquxa fl-Artikolu 6 tat-Trattat UE bħala dritt primarju;

63.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi linji gwida li jistgħu jiġu applikati u mifhuma faċilment sabiex ikun evitat it-trattament inugwali bejn l-Istati Membri, speċjalment meta, billi jirrapportaw il-qabdiet inċidentali b'mod volontarju, l-operaturi tas-sajd ikunu qed juru li huma aġixxew b'bona fede u li l-qabdiet kienu kompletament imprevedibbli;

64.  Hu tal-fehma li l-fatt li l-atturi jingħataw għajnuna biex jinvestu f'teknoloġija u tagħmir moderni u kompatibbli minn Stat Membru għal ieħor u li jistgħu jiġu aġġornati faċilment se jagħmel il-kontrolli aktar ġusti, aktar ibbilanċjati u aktar effiċjenti;

65.  Jinkoraġġixxi t-twaqqif ta' mekkaniżmi ta' finanzjament biex jiżdied l-użu ta' teknoloġiji li ma jiswewx ħafna flus sabiex ikun possibbli kontroll volontarju u jiżdiedu l-monitoraġġ u s-sikurezza tas-sajjieda, partikolarment fis-sajd artiġjanali fuq skala żgħira;

66.  Jenfasizza l-importanza tat-teknoloġiji elettroniċi (ir-rappurtar elettroniku u s-sistemi ta' monitoraġġ elettroniku) li jirrappreżentaw mezz potenzjalment ekonomiku biex titwessa' l-osservazzjoni tal-attivitajiet fuq il-baħar;

67.  Jiddikjara l-oppożizzjoni tiegħu għal kwalunkwe sistema obbligatorja ta' vidjosorveljanza abbord;

68.  Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-fatt li l-użu ta' teknoloġiji ġodda ta' osservazzjoni tad-dinja, bħas-satelliti Sentinel, ikun ta' benefiċċju fil-kontroll tas-sajd;

69.  Jirrakkomanda li jiġu applikati kontrolli ekwivalenti għall-prodotti importati tas-sajd, għas-sajd mal-kosta u għas-sajd rikreattiv, kif ukoll għall-flotta tas-sajd tal-UE li tistad f'ilmijiet mhux tal-UE u għall-flotot ta' pajjiżi mhux tal-UE li jistadu fl-ilmijiet tal-UE, sabiex jiġi żgurat li s-suq Ewropew kollu jkollu livell ekwivalenti ta' aċċess; jipproponi li l-iskambju tad-data jsir obbligatorju fir-rigward tas-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat;

70.  Isostni li l-mezzi baġitarji disponibbli, b'mod partikolari fil-qafas tal-FEMS, għandhom ikunu realistiċi, konsistenti, u suffiċjenti biex jinkisbu l-objettivi tal-kontrolli;

71.  Jirrakkomanda li tiġi żgurata l-eżistenza kontinwa, notevolment permezz tal-finanzjament mill-FEMS, tal-irkanti tal-ħut li huwa vitali għat-territorji, peress li dan jikkontribwixxi għat-trasparenza u t-traċċabilità, u jiffaċilita l-kontroll tas-sajd;

72.  Jappoġġja l-inklużjoni tal-impatt tas-sajd rikreattiv fil-verżjoni reveduta tar-Regolament dwar il-Kontroll;

73.  Jitlob li tiġi żviluppata sistema ta' monitoraġġ, trażmissjoni ta' informazzjoni u analiżi ta' data li tkun kompatibbli fl-Unjoni kollha; jitlob, barra minn hekk, li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tistabbilixxi l-qafas għall-iskambju tad-data u tal-informazzjoni, bi qbil mad-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar il-protezzjoni tad-data; jenfasizza li qafas trasparenti għall-iskambju tad-data u l-informazzjoni huwa kruċjali biex jiġi aċċertat jekk hemmx kundizzjonijiet ekwivalenti;

74.  Jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-obbligu tal-ħatt għandu jkun akkumpanjat minn livell xieraq ta' flessibilità fir-rigward tal-kontroll tiegħu, peress li l-bidliet fundamentali imposti minn dan l-obbligu fuq is-sajd għandhom jitqiesu, b'mod partikolari fir-rigward tas-sajd għal speċijiet differenti; itenni l-importanza li s-sanzjonijiet u s-sistema tal-punti jiġu applikati progressivament f'każ ta' ksur serju marbut man-nuqqas ta' osservanza tal-obbligu tal-ħatt, f'konformità mar-Regolament (UE) 2015/812 dwar l-obbligu tal-ħatt;

75.  Jisħaq li l-informazzjoni dwar jekk l-Istati Membri hux qed jissanzjonaw tipi differenti ta' ksur, kif qed jagħmlu dan, u jekk is-sanzjonijiet humiex qed jiġu applikati b'mod konsistenti, irrispettivament mill-bandiera tal-bastiment, trid tkun disponibbli għall-partijiet konċernati u għall-pubbliku, filwaqt li trid tiġi rrispettata bis-sħiħ il-privatezza ta' dawk involuti;

o
o   o

76.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P7_TA(2014)0083.
(2) Testi adottati, P8_TA(2016)0307.
(3) Testi adottati, P8_TA(2016)0222.

Avviż legali