Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2347(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0282/2016

Testi mressqa :

A8-0282/2016

Dibattiti :

PV 24/10/2016 - 21
CRE 24/10/2016 - 21

Votazzjonijiet :

PV 25/10/2016 - 7.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0408

Testi adottati
PDF 414kWORD 67k
It-Tlieta, 25 ta' Ottubru 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
Intejbu l-konnessjoni u l-aċċessibilità tal-infrastruttura tat-trasport fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant
P8_TA(2016)0408A8-0282/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar it-titjib fil-konnessjoni u l-aċċessibilità tal-infrastruttura tat-trasport fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant (2015/2347(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 dwar l-Implimentazzjoni tal-White Paper dwar it-Trasport tal-2011: it-teħid tal-kont u t-triq 'il quddiem lejn mobilità sostenibbli(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Diċembru 2015 dwar il-mobilità urbana sostenibbli(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Mejju 2012 dwar il-futur tal-ajruporti reġjonali u tas-servizzi tal-ajru fl-UE(3),

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 170 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1315/2013(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1316/2013(5),

–  wara li kkunsidra r-rapport bit-titolu ''is-Sikurezza Stradali fl-Unjoni Ewropea'', ippubblikat mill-Kummissjoni f'Marzu 2015(6),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Ministri tad-Danubju tat-3 ta' Diċembru 2014 dwar ir-rijabilitazzjoni u l-manutenzjoni effikaċi tal-infrastruttura tal-passaġġi fuq l-ilma tad-Danubju u t-tributarji navigabbli tagħha(7),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Łańcut tat-3 ta' Marzu 2016 dwar it-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-qasam tat-trasport fil-Karpazji u l-kontinwazzjoni tal-iżvilupp ta' Via Carpatia(8),

–  wara li kkunsidra l-"Proċess ta' Berlin" u l-Konferenza tal-Istati tal-Balkani tal-Punent tal-2014, is-Summit ta' Vjenna tal-2015 u l-Konferenza ta' Pariġi tal-2016,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tad-Danubju (SEC(2010)1489),

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku (SWD(2015)0177),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A8-0282/2016),

A.  billi l-konnettività u l-aċċessibilità tal-infrastruttura tat-trasport għandhom impatt qawwi fuq it-tkabbir ekonomiku, l-impjieg u l-koeżjoni territorjali tal-UE u r-reġjuni tagħha; billi l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant huma parti essenzjali mis-suq uniku Ewropew li għandhom il-potenzjal li jattiraw investiment u jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku fl-UE kollha, u l-mezzi kollha tat-trasport, mingħajr eċċezzjoni, għandhom jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-kompetittività, l-intermodalità u t-tranżizzjoni ekoloġika sabiex jaqdu aħjar l-iżvilupp tas-suq uniku;

B.  billi t-titjib tal-konnettività u tal-aċċessibilità tal-infrastruttura tat-trasport fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant huwa mezz biex jinkisbu l-objettivi tal-politika ta' koeżjoni, speċjalment fir-rigward tal-iżvilupp ekonomiku mixtieq ta' reġjuni mal-fruntieri;

C.  billi l-infrastruttura tat-trasport f'ħafna mir-reġjuni tal-partijiet ċentrali u tal-Lvant tal-UE baqgħet sottożviluppata meta mqabbla ma' dik ta' reġjuni oħra Ewropej, u billi l-infrastruttura tat-trasport żviluppata ħażin fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant teżisti flimkien mal-aktar netwerks densi u żviluppati fid-dinja, fiċ-ċentru tal-Ewropa; billi ċ-ċittadini jistennew li l-Istati Membri, bl-appoġġ tal-UE, ser jaħdmu flimkien biex itejbuha;

D.  billi l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (Fondi SIE) kienu s-sors ewlieni ta' investimenti fit-trasport pubbliku fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, u billi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) tikkostitwixxi strument ta' finanzjament importanti fl-iżvilupp ulterjuri tal-infrastruttura tat-trasport fir-reġjun bħala parti mill-kurituri tan-netwerk ewlieni TEN-T; billi n-nuqqas ta' kapaċità amministrattiva fl-amministrazzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali jista' jwassal għal assorbiment baxx tal-fondi tal-UE u għalhekk l-Istati Membri fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, bħal f'partijiet oħra tal-UE, mhux dejjem immassimizzaw l-użu tagħhom ta' finanzjament mill-UE għal raġunijiet varji, inkluż nuqqas ta' preparazzjoni u effiċjenza; billi l-bini tal-kapaċità u l-assistenza teknika għandhom ikunu mobilizzati sabiex jissaħħaħ l-iżvilupp ta' aktar proġetti tajba u jiġu appoġġati l-amministrazzjonijiet pubbliċi fil-ġestjoni tal-fondi tal-UE;

E.  billi l-intensifikazzjoni tal-ħidma fuq proġetti importanti bħall-Via Carpatia u Rail Baltica, kif ukoll l-iżvilupp tal-kurituri tan-netwerk ewlieni Orjent/Lvant tal-Mediterran u Baltiku-Adrijatiku, il-Kuritur Adrijatiku-Joniku u TRACECA, se jipprovdu stimolu importanti għat-titjib tal-konnettività u l-aċċessibilità tal-infrastruttura tat-trasport f'din il-parti tal-UE; billi bl-għoti ta' appoġġ għat-titjib tal-komunikazzjoni bejn pajjiżi terzi ġirien tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, inkluż fil-qasam tat-trasport ferrovjarju u l-infrastruttura ferrovjarja, l-Istati Membri tal-UE se jgħinu biex jitjiebu r-rabtiet bejn l-Unjoni Ewropea, pajjiżi u reġjuni ġirien, u l-Asja;

F.  billi l-konnessjonijiet tat-trasport transfruntier żviluppati tajjeb huma essenzjali għall-kompetittività reġjonali u biex titrawwem l-espansjoni ta' SMEs f'żoni tal-fruntiera u, fir-rigward tat-trasport pubbliku b'mod partikolari, biex jappoġġaw l-inklużjoni soċjali ta' popolazzjonijiet vulnerabbli ekonomikament; billi konnessjonijiet tajba tat-trasport, b'mod partikolari konnessjonijiet bil-ferrovija, li jaqsmu l-fruntieri nazzjonali għadhom nieqsa f'bosta Stati Membri tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant; billi konnessjonijiet ineffiċjenti bejn il-mezzi differenti tat-trasport u n-nuqqas ta' faċilitajiet ta' netwerks bejn it-trasport bażiku u dak ġenerali jfissru li hemm nuqqas ta' interoperabilità bejn il-mezzi differenti tat-trasport, filwaqt li tali interoperabilità mhux biss tnaqqas il-prezzijiet tat-trasport għall-passiġġieri u l-merkanzija u ttejjeb il-flessibilità tas-servizzi tat-trasport, iżda tgħin ukoll biex jiġi indirizzat it-tħassib ekoloġiku u soċjali;

G.  billi t-titjib ikkoordinat tal-infrastruttura tat-trasport jista' jkollu impatti pożittivi fuq l-ambjent u l-effiċjenza enerġetika tat-trasport;

Aspetti orizzontali

1.  Jenfasizza l-ħtieġa li jittejbu l-konnettività u l-aċċessibilità tal-infrastruttura għat-trasport lejn, minn u ġewwa ż-żoni ċentrali u dawk tal-Lvant tal-UE, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet tal-ekonomija u l-prinċipji tal-iżvilupp sostenibbli; itenni l-objettivi TEN-T ta' bini ta' konnessjonijiet nieqsa, eliminazzjoni ta' konġestjonijiet u żgurar ta' konnessjonijiet mingħajr xkiel għat-trasport fuq distanza twila u reġjonali, b'mod partikolari f'reġjuni transfruntiera, għall-passiġġieri u għall-merkanzija; iqis li l-użu tal-fondi tal-UE għandu jirrifletti l-ħtiġijiet reali tal-investiment għat-tlestija tan-netwerk ewlieni TEN-T sal-2030 fir-reġjun; jinnota li minbarra li toħloq infrastruttura ġdida, l-UE jeħtieġ tinvesti biex timmodernizza u tikkompleta l-infrastruttura tat-trasport attwali;

2.  Jenfasizza l-importanza ta' ppjanar ikkoordinat tal-proġetti min-naħa u fost l-Istati Membri, u li jittieħed kont kemm jista' jkun tal-pjanijiet nazzjonali prinċipali tat-trasport u l-koordinazzjoni ma' pajjiżi kandidati, waqt li jitwettqu valutazzjonijiet realistiċi tal-bżonnijiet tat-trasport, skont il-White Paper tal-UE dwar it-trasport u billi tiġi inkluża analiżi tal-ispejjeż u tal-benefiċċji u konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati; jinnota li l-kundizzjonalità ex ante għall-abbozzar ta' pjanijiet ġenerali għat-trasport għenet lill-Istati Membri jipprijoritizzaw l-investimenti ta' trasport tagħhom; iqis li s-servizzi responsabbli tal-Kummissjoni għandhom jivvalutaw u jipprevedu segwitu ta' dawn il-pjanijiet ewlenin sabiex jiġi żgurat li dawn il-pjanijiet jikkonformaw ukoll mal-għanijiet u l-prijoritajiet tal-UE;

3.  Jirrakkomanda bil-qawwa l-użu aħjar ta' politiki u strumenti eżistenti għal kooperazzjoni reġjonali, bħall-kooperazzjoni territorjali Ewropea (ETC), Interreg u b'mod partikolari r-Raggruppamenti Ewropej ta' Kooperazzjoni Territorjali (REKT), biex jissaħħaħ it-trasport transfruntier bejn ir-reġjuni u jitneħħew il-konġestjonijiet;

4.  Iqis li l-istrateġiji makroreġjonali tal-UE, bħal dawk diġà stabbiliti għar-reġjuni tal-Baltiku, id-Danubju u l-Adrijatiku-Jonju u strateġija futura possibbli għar-Reġjun tal-Karpazji u r-reġjun tal-Baħar l-Iswed, joffru qafas ta' governanza innovattiv biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-politika tat-trasport li ma jistgħux jiġu solvuti mill-Istati Membri waħidhom, biex jiġu żgurati kundizzjonijiet tat-trasport imtejba;

5.  Jilqa' b'sodisfazzjon it-tlestija tal-pjanijiet ta' ħidma inizjali tal-kurituri ewlenin TEN-T tal-2015 u l-adozzjoni ta' mapep ġodda fejn ikompli jiġi estiż in-netwerk TEN-T għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent; jenfasizza li l-implimentazzjoni tan-netwerk ewlieni għandha wkoll tħeġġeġ l-iżvilupp tan-netwerk komprensiv, b'mod partikolari għal konnessjonijiet li għandhom rilevanza transfruntiera u jaffettwaw il-konsolidazzjoni tal-kurituri; jenfasizza l-importanza tan-nodi urbani u r-rwol tagħhom fit-titjib tal-flussi tat-trasport, kemm għall-passiġġieri kif ukoll għall-merkanzija;

6.  Jenfasizza li d-differenzi f'termini ta' żviluppi infrastrutturali u kwalità tal-infrastruttura bejn ir-reġjun tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant u l-kumplament tal-Ewropa jistgħu jitnaqqsu permezz ta' strateġija ċara, konkreta u integrata madwar l-UE;

7.  Ifakkar lill-Kummissjoni fl-impenn tagħha fis-sens tal-White Paper tal-2011 dwar it-Trasport sal-2020, li fiha adottat pjan ta' implimentazzjoni ta' 40 miżura speċifika dwar l-iżvilupp ta' sistema Ewropea tat-trasport kompetittiva u sostenibbli; ifakkar li waħda mill-għanijiet fit-tul tagħha hija li 30 % tat-trasport bit-triq 'il fuq minn 300 km jiġi trasferit għat-trasport bil-ferrovija jew għat-trasport fuq l-ilma sal-2030, u aktar minn 50 % sal-2050, biex b'hekk jitnaqqas b'mod sinifikanti t-traffiku fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant;

8.  Iqis li l-iżvilupp ta' ċentri tat-trasport huwa element kruċjali biex ikun hemm konnessjoni bejn it-trasport fuq distanza twila, reġjonali u urban, u b'hekk jiġu promossi l-effiċjenza, l-intermodalità u l-iżvilupp tan-negozju reġjonali, b'kont meħud ukoll tal-opportunitajiet vasti li d-diġitalizzazzjoni tista' tipprovdi biex titjieb il-prestazzjoni tal-katina loġistika kollha kemm hi, inkluż li d-data ssir disponibbli għall-partijiet ikkonċernati kollha (skambju ta' data) għall-iżvilupp ta' servizzi u prattiki ġodda;

9.  Jenfasizza li l-kostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tal-infrastruttura tat-toroq fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant għandhom jikkunsidraw il-ħtiġijiet taċ-ċiklisti, fejn xieraq; jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp ta' infrastruttura taċ-ċikliżmu fil-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, li se jżidu s-sikurezza, inaqqsu l-għadd ta' vittmi ta' inċidenti tat-traffiku, u jtejbu l-kwalità tal-ħajja u s-saħħa tal-persuni fl-UE; jenfasizza li netwerks taċ-ċikliżmu EuroVelo, b'mod partikolari r-Rotta Nru 13 (Rotta tal-Purtiera tal-Ħadid), ir-Rotta tal-Ewropa tal-Lvant u r-Rotta Atlantiku-Baħar l-Iswed, flimkien ma' konnessjonijiet ferrovjarji, joffru potenzjal interessanti għal SMEs relatati mat-turiżmu fil-makroreġjuni tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, u għalhekk għandhom jiġu promossi;

10.  Jirrimarka li t-titjib tal-koerenza tal-iżvilupp ekonomiku tal-Istati Membri tal-UE tal-Punent, Ċentrali u tal-Lvant jeħtieġ investimenti kbar; jenfasizza l-ħtieġa għal koordinazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet Ewropej u dawk nazzjonali, speċjalment fir-rigward tar-realizzazzjoni tal-parti ewlenija tan-netwerk TEN-T; ifakkar, madankollu, li l-koordinazzjoni meħtieġa fil-livell Ewropew għandha tqis l-isfidi speċifiċi fl-Istati Membri kif ukoll id-differenzi fl-ekonomiji tagħhom, is-sistemi tas-sigurtà soċjali u l-kwalità tal-infrastruttura, kif ukoll il-bidla demografika; jenfasizza l-potenzjal ta' impjiegi f'settur ferrovjarju li jiffunzjona aħjar; jitlob li jitneħħa kull xkiel arbitrarju għall-moviment ħieles ta' oġġetti u servizzi, u jinsisti li l-pajjiżi għandhom joqogħdu lura milli jintroduċu ostakli bħal dawn;

11.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw sinerġiji u komplementarjetà reċiproka tal-finanzjament taħt is-CEF, il-fondi tal-SIE, l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni u l-istrumenti tal-BEI u tal-BERŻ fl-implimentazzjoni ta' proġetti ta' infrastruttura tat-trasport fil-parti tal-UE ċentrali u tal-Lvant, sabiex jitjiebu b'mod sinifikanti l-użu tagħhom u d-diversifikazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa għal skambju u tixrid ta' esperjenza u għarfien għat-tħejjija u l-użu tal-proġetti meta dawn jiġu ffinanzjati permezz ta' strumenti differenti (l-hekk imsejħa "fund blending"); ifakkar fl-importanza tal-użu tal-mezzi tal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS) fil-ħin biex javvanzaw proġetti kummerċjalment vijabbli bbażati fuq is-suq; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-BEI u liċ-Ċentru ta' Konsulenza Ewropew għall-Investiment biex jintensifikaw il-ħidma tagħhom mal-promoturi tal-proġetti fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant sabiex jiġi żgurat li l-FEIS jintuża għal proġetti ta' infrastruttura ta' kwalità f'mezzi ta' trasport innovattivi u sostenibbli; jenfasizza l-importanza tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi għall-iżvilupp ta' proġetti ta' infrastruttura tat-trasport ta' kull tip; jinnota li, s'issa, il-biċċa l-kbira tal-proġetti ta' infrastruttura ppjanati biex jiġu ffinanzjati mill-FEIS jinsabu fl-Ewropa tal-Punent; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni biex, b'rabta mal-FEIS, tħeġġeġ lill-investituri jappoġġaw pjattaformi ta' proġetti iffokati fuq proġetti ta' infrastruttura ta' trasport fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant; jenfasizza l-importanza li l-finanzjament tal-politika ta' koeżjoni għandha fl-iżvilupp tal-infrastruttura tat-trasport f'pajjiżi fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, li l-kwalità tagħhom spiss għadha ferm lura minn dik tan-netwerks tat-trasport fl-Ewropa tal-Punent, u fid-dawl ta' dan, jitlob li jiġu garantiti r-riżorsi u livell ta' finanzjament meħtieġa fil-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss;

12.  Ifakkar li EUR 11 305 500 000 ġew ittrasferiti mill-Fond ta' Koeżjoni lill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa biex jintefqu fis-settur tat-trasport fl-Istati Membri li jibbenefikaw minn appoġġ mill-Fond ta' Koeżjoni; jenfasizza li l-użu ta' dan il-finanzjament kollu, disponibbli immedjatament, għandu jingħata prijorità, speċjalment fil-kuntest tar-rata ta' assorbiment attwali, pjuttost milli l-parteċipazzjoni għall-investiment minn terzi jekk dan l-investiment ikun motivat minn kunsiderazzjonijiet politiċi aktar milli minn interessi kummerċjali;

13.  Jistieden l-Istati Membri tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant jiżguraw livell għoli ta' trasparenza u skrutinju mill-qrib fir-rigward tal-użu tal-fondi ta-UE u jippubblikaw id-dettalji tal-allokazzjoni tagħhom mill-aktar fis;

14.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-possibilitajiet li joffru proġetti ta' sħubija pubblika-privata mħallta, billi tinħoloq rabta bejn is-sorsi ta' finanzjament tal-investiment fl-infrastruttura mill-għotjiet tal-UE (sa 85 % tal-ispejjeż totali eliġibbli), il-finanzjament pubbliku fil-forma ta' kofinanzjament li l-benefiċjarju huwa meħtieġ jipprovdi u l-flus minn intrapriża privata; jenfasizza, fl-istess ħin, li l-fondi tal-UE u r-riżorsi baġitarji huma fattur li jżid l-affidabilità tal-investimenti, peress li jitnaqqas ir-riskju għas-settur privat; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, fl-istess ħin, is-settur privat jibbenefika minn kuntratti stabbli u fuq perjodu ta' żmien twil li mhumiex dipendenti fuq ċaqliq ekonomiku, politiku u baġitarju fi ħdan il-pajjiżi; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Istati Membri jagħmlu użu mis-sħubiji bejn il-pubbliku u l-privat, fejn xieraq, li jistgħu jkunu mod vantaġġjuż ta' investiment fl-infrastruttura, b'mod partikolari fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' proġetti infrastrutturali kumplessi li jeħtieġu nfiq estensiv u li jiġġeneraw livell baxx ta' ritorn, fuq naħa waħda, u xewqa li tiġi garantita l-provvista effikaċi ta' servizz pubbliku ta' kwalità għolja, min-naħa l-oħra; f'dan il-kuntest, jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Istati Membri fir-reġjun tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant b'assistenza teknika, fid-dawl tal-fatt li xi wħud minn dawn il-pajjiżi ftit għandhom esperjenza ta' ħidma ma' strumenti finanzjarji u ta' involviment tas-settur privat fi proġetti kbar; jitlob ukoll lill-Kummissjoni biex, f'kooperazzjoni ma' amministrazzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali, tippreżenta ħarsa ġenerali regolari tal-proġetti tat-trasport bl-ammonti korrispondenti kofinanzjati minn fondi differenti tal-UE;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jissimplifikaw u jottimizzaw il-proċeduri ta' akkwist, joħorġu linji gwida għal sħubija pubblika-privata, jiżguraw qafas xieraq ta' għajnuna mill-Istat u jissimplifikaw il-proċeduri ta' awtorizzazzjoni, sabiex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta' proġetti tat-trasport, b'mod partikolari proġetti transfruntiera;

16.  Jenfasizza li l-Fondi SIE jistgħu jintużaw għall-iżvilupp ta' konnessjonijiet nieqsa fiż-żoni mal-fruntieri fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, u fil-konsolidazzjoni tal-infrastruttura eżistenti, sabiex ikun żgurat aċċess sħiħ għas-suq uniku u bil-għan li jiġi promoss aktar it-tkabbir ekonomiku; jenfasizza f'dan ir-rigward li, peress li t-trasport huwa essenzjali għall-iżvilupp reġjonali, infrastruttura lokali adegwata u ffinanzjata sew hija rekwiżit bażiku u inevitabbli sabiex tinkiseb koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;

17.  Ifakkar li l-Fondi SIE jistgħu jintużaw ukoll biex tiżdied il-kapaċità amministrattiva tal-korpi intermedji u tal-benefiċjarji, peress li n-nuqqas tagħhom jista' jdgħajjef l-appoġġ tal-UE għal investimenti fit-trasport fir-reġjun; jinnota li l-mekkaniżmu ta' assistenza JASPERS, b'mod partikolari, irriżulta utli f'dan ir-rwol s'issa u jista', għalhekk, apparti minn sempliċiment jitkompla, jitqies ukoll fil-kuntest ta' ambjent istituzzjonali aktar permanenti; jirrimarka li l-għajnuna teknika offruta miċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti għandha tgħin lill-promoturi tal-proġetti pubbliċi u privati biex joħolqu sensiela stabbli ta' proġetti perfezzjonati u strutturati sew sabiex jibbenefikaw mill-istrumenti finanzjarji fit-tul; ifakkar li l-koordinaturi Ewropej għall-kurituri tan-netwerk prinċipali għandhom mandat politiku, iżda li m'għandhomx biżżejjed kapaċitajiet amministrattivi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu passi biex jissimplifikaw il-ġestjoni pubblika ta' dawn ir-riżorsi sabiex tiġi evitata burokrazija żejda;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-BEI jikkooperaw aktar u jikkoordinaw l-isforzi tagħhom biex jiżguraw konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet ikkonċernati kollha dwar il-finanzjament tal-infrastruttura tat-trasport, l-iskambju tal-aħjar prattiki, il-promozzjoni ta' strumenti finanzjarji u l-inventarju bikri ta' proġetti potenzjali, u jipprovdu lill-Parlament b'informazzjoni fuq bażi regolari dwar dan; jenfasizza li kwalunkwe miżura li tikkonċerna proġetti intiżi biex itejbu l-konnettività u l-aċċessibilità tal-infrastruttura għandha titqies bħala kwistjoni tal-akbar urġenza;

19.  Jinkoraġġixxi lir-reġjuni u lill-Istati Membri jadottaw jew isegwu miżuri li huma intiżi li jistabbilixxu mezzi ta' trasport aktar favur l-ambjent; jinkoraġġixxi l-użu tal-Fondi SIE għall-proġetti intiżi biex jiġġeneraw domanda għal trasport pubbliku aktar sostenibbli, pereżempju permezz ta' sistema simplifikata għal ħruġ ta' biljetti transfruntiera u investiment f'sistemi ta' punti tal-iċċarġjar għall-karozzi elettroniċi;

20.  Jenfasizza li għandha tingħata l-istess attenzjoni lill-kurituri ta' trasport Lvant-Punent u Tramuntana-Nofsinhar fi ħdan in-netwerk Ewropew tat-TEN-T, li jista' jikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiżi parteċipanti permezz tal-ħolqien ta' opportunitajiet ġodda ta' impjiegi f'SMEs, negozji li jkunu għadhom kemm jiftħu, kummerċ, xjenza, riċerka u teknoloġija, kif ukoll biex tittejjeb is-sikurezza fit-toroq u jitnaqqsu l-ispejjeż tat-trasport; jenfasizza l-importanza tal-multimodalità u tal-innovazzjoni tat-trasport għall-iżvilupp tal-kummerċ u t-turiżmu, kif ukoll għall-ħarsien tal-ambjent, u jappoġġa l-integrazzjoni ta' passaġġi fuq l-ilma interni fil-katina multimodali tal-loġistika, minħabba li l-konnessjoni bejn il-modi kollha tat-trasport se tiżgura l-iżvilupp ekonomiku taż-żona u tnaqqas ukoll il-konġestjonijiet fis-sistema tat-trasport;

21.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-estensjoni tan-netwerk tat-TEN-T għall-pajjiżi tal-Punent tal-Balkani; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-integrazzjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent li applikaw għall-adeżjoni fin-netwerk tat-TEN-T u l-kooperazzjoni dwar konnessjonijiet tat-trasport mal-Ukrajna, il-Moldova u pajjiżi ġirien oħra, inklużi dawk li huma parti mill-kuritur TRACECA; jenfasizza l-importanza li jiġu adattati l-kriterji finanzjarji sabiex il-pajjiżi kandidati u dawk fil-fażi ta' adeżjoni jkunu jistgħu jibbenefikaw minn strumenti finanzjarji tal-UE fuq skala usa', speċjalment għal proġetti transfruntiera; jenfasizza li l-investimenti, b'mod partikolari permezz tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) u l-Qafas ta' Investiment tal-Balkani tal-Punent, u miżuri għall-ottimizzazzjoni tat-traffiku, għandhom jiġu kkoordinati fil-livell reġjonali biex jikkontribwixxu għall-estensjoni tan-netwerk ewlieni fir-reġjun;

22.  Jemmen li t-titjib tal-infrastruttura tat-trasport u tal-konnettività fiċ-Ċentru u l-Lvant tal-UE huma għodda importanti biex jissaħħu l-istabilità, l-iżvilupp ekonomiku, il-kooperazzjoni reġjonali u s-sigurtà fil-fruntiera tal-Lvant tal-Unjoni u fil-Balkani tal-Punent u biex tiżdied il-konverġenza 'l fuq fil-kundizzjonijiet tat-trasport fis-suq intern; jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza tal-passaġġ Orjent/Mediterran tal-Lvant;

23.  Jenfasizza l-ħtieġa assoluta ta' preservazzjoni taż-żona Schengen għal sistema tat-trasport effiċjenti u kosteffikaċi fl-UE bbażata fuq il-moviment liberu tal-merkanzija, servizzi u persuni minn naħa għal oħra ta' fruntieri interni miftuħa; ifakkar li, f'Ġunju 2011, il-Kummissjoni kienet diġà ħeġġet lill-Istati Membri kollha jieħdu d-deċiżjoni u jkabbru ż-żona ta' Schengen sabiex tinkludi l-Bulgarija u r-Rumanija;

24.  Jenfasizza l-ħtieġa li jittejbu l-konnettività u l-aċċessibilità tal-infrastruttura tat-trasport sabiex jiġi promoss l-iżvilupp tas-settur tat-turiżmu fl-UE; jenfasizza li netwerk tat-trasport Ewropew imkabbar u effiċjenti huwa element importanti għas-settur tat-turiżmu, li jgħin biex ir-reġjuni jsiru aktar attraenti għat-turisti; huwa tal-fehma li l-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant għandhom potenzjal enormi f'dak li għandu x'jaqsam mal-iżvilupp tas-settur tagħhom tat-turiżmu, li jista' jiġi sfruttat aħjar billi jkun hemm aktar żvilupp tal-infrastruttura tat-trasport;

25.  Jirrimarka l-aspetti ekonomiċi u ambjentali favorevoli tas-sinerġiji ta' interkonnessjoni ta' modi differenti ta' trasport biex isir użu aħjar mill-vantaġġi inerenti ta' kull wieħed minnhom;

26.  Jenfasizza li l-iżvilupp ta' trasport kombinat fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant jeħtieġ li jittejbu l-karatteristiċi ta' kurituri ferrovjarji tal-merkanzija u tiġi appoġġata l-kostruzzjoni ta' terminals intermodali li jkunu aċċessibbli għall-pubbliku;

27.  Jara potenzjal enormi fi proġetti ta' infrastruttura internazzjonali bħar-Rotta tal-Ħarir Ġdida fir-rigward tal-għajnuna biex l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant tagħmel użu aħjar mill-potenzjal tal-ekonomija globali; huwa tal-fehma li minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħha, l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant tista' ssir ċentru importanti tal-loġistika u l-komunikazzjoni bejn l-Ewropa u l-Asja;

28.  Jenfasizza li ż-żieda tal-aċċessibilità tat-trasport fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant u l-investiment meħtieġ sabiex isir dan għandhom jipprovdu impetu għall-iżvilupp ta' intrapriżi u negozji lokali; jirrimarka li proċeduri ta' sejħiet għall-offerti u l-implimentazzjoni ta' proġetti għandhom ikunu favorevoli għall-SMEs; jistieden lill-Kummissjoni tagħti aktar attenzjoni lill-problema ta' kuntratturi u sottokuntratturi ewlenin involuti fi proġetti li jagħmlu użu minn kooperazzjoni żleali, li l-vittmi tagħha huma ħafna drabi l-ħaddiema bl-aktar livell baxx ta' ħiliet;

29.  Isostni li jeħtieġ li jittieħed kont tal-ħtiġijiet tal-persuni li jgħixu f'reġjuni b'popolazzjoni baxxa jew b'aċċess diffiċli, bħal pereżempju ż-żoni muntanjużi, fl-ippjanar ta' soluzzjonijiet infrastrutturali fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant; isostni li n-nuqqas ta' aċċess għat-trasport jista' jwassal għall-esklużjoni soċjali, u jistieden lill-Kummissjoni tieħu kont tal-ħtiġijiet ta' dawk li jużaw rotot ta' trasport lokali; jenfasizza li l-profitabilità tal-konnessjonijiet tat-trasport ma tistax tkun l-uniku kriterju fl-evalwazzjoni tal-utilità tagħhom;

Trasport bit-triq

30.  Ifakkar li l-iżvilupp ta' toroq transfruntiera huwa essenzjali biex jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn il-popolazzjonijiet u l-intrapriżi fir-reġjuni tal-fruntieri; jistieden lill-Istati Membri jkomplu jimmodernizzaw it-toroq, ikomplu jiżviluppa konnessjonijiet nieqsa, jibnu postijiet tal-parkeġġ sikuri u aċċessibbli u jssaħħu l-konnettività reġjonali u lokali għan-netwerk tat-TEN-T, billi għaqda man-netwerk tat-TEN-T hija bażi importanti għat-tkabbir ekonomiku ta' ċentri reġjonali;

31.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati sistemi ta' tariffi stradali ġusti fl-UE; jirrimarka li ċerti flessibiltajiet għandhom jinżammu għal Stati Membri, minħabba l-karatteristiċi partikolari tagħhom, meta jiġu stabbiliti dawn is-sistemi filwaqt li tiġi żgurata l-interoperabilità teknika f'livell xieraq; isostni li dawn is-sistemi għandhom ikunu mfassla f'kooperazzjoni mal-komunità tan-negozju u dawk li jużaw it-toroq kummerċjalment, u li dawn tal-aħħar m'għandhomx ikunu meħtieġa jħallsu ħlas addizzjonali jew ħlas sproporzjonat li jwassal biex l-attivitajiet tan-negozju tagħhom ikunu inqas profittabbli;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw il-ħtieġa urġenti għat-titjib tan-netwerk tal-infrastruttura tat-toroq tul il-fruntiera tal-Lvant tal-UE, li jibda fl-Estonja, u jgħaddi mil-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, is-Slovakkja, l-Ungerija, ir-Rumanija u l-Bulgarija u jispiċċa fil-Greċja; iqis li tali sforzi għandhom jibnu fuq l-ippjanar fit-tul li diġà sar fil-kuntest tal-proġett Via Carpatia, li dwaru rappreżentanti tal-pajjiżi kkonċernati ffirmaw dikjarazzjoni f'Varsavja fit-3 ta' Marzu 2016 dwar aktar kooperazzjoni dwar l-iżvilupp tal-kuritur u aġġornament tar-rotta; huwa tal-fehma li, bil-bini tal-Via Carpatia, reġjuni periferiċi tal-UE se jkollhom l-opportunità ta' żvilupp mgħaġġel u se jkunu kapaċi jlaħħqu aktar malajr ma' żoni aktar żviluppati tal-UE; jindika li l-kostruzzjoni tar-rotta se tistimula l-investiment u t-tkabbir tan-negozju, u ttejjeb is-sigurtà għall-UE inġenerali, b'mod partikolari fil-kuntest tal-kunflitt armat fl-Ukrajna; jemmen li l-possibilità li l-Kuritur Renu-Danubju jinfetaħ għat-Tramuntana tal-UE permezz tal-Via Carpatia għandha tiġi sfruttata, u jemmen li l-Via Carpatia għandha tirċievi allokazzjoni baġitarja adegwata; jitlob għalhekk biex il-proġett "Via Carpatia" jiġi inkorporat fin-netwerk ewlieni tat-TEN-T sabiex jiġi żgurat finanzjament xieraq min-naħa tal-UE; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex iwaqqfu wkoll finanzjament għal dan il-proġett permezz ta' kull strument finanzjarju possibbli, bħall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi;

33.  Itenni li l-kwalità tal-infrastruttura tat-toroq għandha impatt dirett fuq is-sikurezza fit-toroq; iqis, għalhekk, li s-sikurezza fit-toroq għandha tiġi vvalutata wkoll meta tinbena l-infrastruttura tat-toroq; huwa mħasseb li l-imwiet fit-toroq u l-għadd ta' persuni midruba b'mod gravi jibqgħu relattivament għoljin f'bosta Stati Membri tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant; jissottolinja li l-miżuri biex itejbu s-sigurtà fit-toroq għandhom jiġu promossi aktar fil-livell tal-Istati Membri u tal-UE; iqis li għandu jkun ipprovdut finanzjament adegwat għal proġetti ta' riabilitazzjoni tal-infrastruttura fl-Istati Membri tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant;

34.  Jenfasizza li s-sigurtà u s-sostenibilità tas-settur tat-trasport huma prijoritajiet ewlenin fl-iżvilupp tal-infrastruttura; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ikomplu jinkoraġġixxu d-diġitalizzazzjoni u l-awtomatizzazzjoni fil-mezzi kollha tat-trasport; jitlob biex proġetti ta' investiment tal-infrastruttura ikunu jinkludu soluzzjonijiet tat-trasport li jnaqqsu r-riskju ta' mewt jew korriment serju f'inċidenti tat-traffiku, u biex jitqiesu l-bżonnijiet tan-nies li jgħixu qrib rotot b'volum kbir ta' traffiku;

Trasport ferrovjarju

35.  Jenfasizza l-prijorità ta' bini, immodernizzar u żamma tal-linji ferrovjarji għal tkabbir koerenti u sostenibbli tat-trasport ferrovjarju u koeżjoni fil-partijiet Ċentrali u fil-Lvant tal-UE; jenfasizza li l-ferroviji għandhom rwol importanti biex jitnaqqas l-impatt fuq il-klima, it-tniġġis tal-arja u l-inċidenti fit-toroq, u jistenna li sforzi bħal dawn ikollhom impatti pożittivi fuq l-iżvilupp industrijali, il-loġistika tal-merkanzija, is-servizzi pubbliċi ta' kwalità u mobilità affidabbli tal-passiġġieri; jistieden lill-Istati Membri jeliminaw l-ostakli transfruntiera u nazzjonali u jespandu l-kapaċitajiet operazzjonali bl-għan li tintlaħaq il-miri b'rabta ma' bidla modali tal-2030 u l-2050 stabbiliti fil-White Paper tal-2011 dwar it-trasport;

36.  Jenfasizza li wħud mir-reġjuni tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant għandhom netwerk ferrovjarju sinifikanti, li madankollu jeħtieġ urġentement modernizzazzjoni tal-infrastruttura bil-għan li jitwaqqaf id-deterjorament ulterjuri li minħabba fih in-netwerk ferrovjarju jaf jieqaf jopera; jikkritika n-nuqqas ta' investiment f'linji ferrovjarji transfruntiera u l-livell baxx ta' servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri f'ħafna żoni tal-fruntiera; jistieden lill-Istati Membri (jerġgħu) jistabbilixxu l-konnessjonijiet nieqsa u jneħħu l-ostakli; jissuġġerixxi li n-netwerk ferrovjarju għandu jiġi analizzat, bl-użu tal-metodoloġija ta' ppjanar tan-netwerk komprensiv u ewlieni tat-TEN-T, biex jiġu identifikati opportunitajiet potenzjali oħra ta' konnessjonijiet nieqsa, partikolarment konnessjonijiet transfruntiera, kemm bejn l-Istati Membri tal-UE kif ukoll ma' ġirien mhux Membri tal-UE; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw kooperazzjoni mill-qrib u kostruttiva biex tagħlaq dawn il-lakuni u jtejbu l-integrazzjoni territorjali u l-koeżjoni; jitlob lill-Kummissjoni tagħti sostenn finanzjarju effikaċi għall-isforzi kollha ta' dan it-tip;

37.  Itenni l-appoġġ tiegħu għat-tnedija tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS) fil-kurituri kollha tan-netwerk ewlieni tat-TEN-T; jemmen li implimentazzjoni sħiħa u mgħaġġla tal-ERTMS għandha tkun waħda mill-prijoritajiet tal-UE sabiex tinħoloq Żona Ferrovjarja Ewropea kompletament interoperabbli, funzjonanti, effiċjenti u attraenti li tkun kapaċi tikkompeti ma' modi oħra ta' trasport;

38.  Jistieden lill-Istati Membri jadottaw regoli ċari, strateġiji ta' żvilupp fit-tul għat-trasport ferrovjarju u jneħħu l-ostakli għal proġetti ferrovjarji implimentati bl-użu tal-finanzjament tal-UE;

39.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiżdied l-investiment fit-titjib tal-kwalità tal-ferroviji sabiex dawn isiru aktar aċċessibbli u attraenti fl-oqsma ta' trasport kemm tal-passiġġieri kif ukoll tal-merkanzija u biex jiżdied is-sehem modali, skont l-għan Nru 3 dwar il-bidla lejn modi oħra kif ifformulat fil-White Paper tal-UE dwar it-Trasport;

40.  Jinnota nuqqas ta' konnessjonijiet bit-triq u bil-ferrovija lejn u mill-portijiet; jenfasizza li l-biċċa l-kbira tal-ajruporti fl-Ewropa tal-Lvant jinsabu qrib l-infrastruttura ferrovjarja u li l-integrazzjoni għadha teknikament possibbli; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa bis-sħiħ aktar integrazzjoni ta' konnessjonijiet tat-trasport multimodali (triq-ferrovija-ajruport) fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tappoġġa l-investiment fil-vetturi ferrovjarji f'pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u l-Ewropa tal-Lvant, peress li dan jagħmilha possibbli li jinġieb lura l-potenzjal tal-ferrovija fis-sistemi tat-trasport pubbliku ta' dawk il-pajjiżi;

42.  Jenfasizza li l-iżvilupp sostenibbli tal-infrastruttura tat-trasport ferrovjarju Ewropew m'għandux jispiċċa bis-sempliċi kostruzzjoni tan-netwerk iżda għandu jinkludi miżuri ta' manutenzjoni sabiex ikunu kosteffikaċi fuq medda twila ta' żmien; iqis li proporzjon sinifikanti ta' mezzi finanzjarji għandu jiġi dedikat għal dawn il-miżuri minħabba l-importanza tal-attivitajiet ta' manutenzjoni;

43.  Jenfasizza l-benefiċċji komuni tal-konnessjoni Rail Baltica bħala wieħed mill-proġetti prijoritarji fil-Kuritur Baħar tat-Tramuntana-Baħar Baltiku, u l-importanza strateġika sinifikanti tiegħu għall-Istati Membri kollha involuti, kif ukoll għar-reġjun kollu mill-Finlandja (bil-possibilità ta' "estensjoni tal-Botnija"), għall-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja u l-Ġermanja, in-Netherlands u n-Nofsinhar tal-Ewropa; jilqa' l-progress li sar fil-kostruzzjoni u t-tħejjija tal-proġett "Rail Baltica" u jenfasizza li kooperazzjoni tajba fost il-partijiet ikkonċernati u l-pajjiżi involuti hija kruċjali biex il-proġett jimxi 'l quddiem mingħajr aktar dewmien u passi lura, u biex jiġi evitat kull riskju ta' nuqqas ta' impenn ta' riżorsi finanzjarji allokati għal dan il-proġett; jenfasizza li jekk ma jiġux rispettati r-regoli tal-Kummissjoni Ewropea, il-kofinanzjament tal-UE ta' madwar 85 % se jintilef u l-kundizzjonijiet ta' finanzjament futuri qatt mhuma se jkunu favorevoli daqs kemm huma issa; iħeġġeġ lill-pajjiżi involuti jirrikonoxxu u jsaħħu r-rwol tal-RB Rail Joint Venture bħala l-aħjar korp għall-ġestjoni ta' proġetti transnazzjonali fuq skala bħal din, jissottomettu applikazzjonijiet konġunti għal finanzjament mill-UE, jipproċedu kemm bl-akkwist pubbliku nazzjonali u konġunt, jikkoordinaw il-ħidma fuq il-proġett u, fl-aħħar nett, juru li huma kapaċi jikkooperaw;

44.  Fid-dawl tas-sehem staġnat tal-ferroviji Ewropej fis-swieq tat-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri, jenfasizza l-importanza tal-inizjattiva Shift2Rail, b'mod speċjali fil-qasam tat-trasport tal-merkanzija, sabiex tiżdied il-kompetittività u l-effiċjenza; huwa tal-opinjoni li għandu jkun hemm investiment fit-titjib tal-kwalità tat-trasport ferrovjarju fil-qasam tat-trasport tal-merkanzija; jilqa' inizjattivi internazzjonali komuni meħuda mill-Istati Membri fir-reġjun bl-għan li jiżviluppaw u jimmodernizzaw l-infrastruttura ferrovjarja, bħall-ħolqien tal-kuritur ferrovjarju ġdid tal-merkanzija Nru 11, l-hekk imsejjaħ Kuritur Ambra, li jgħaqqad iċ-ċentri kummerċjali u industrijali fil-Polonja, is-Slovakkja, l-Ungerija u s-Slovenja permezz ta' azzjoni konġunta fl-allokazzjoni tal-kapaċità tat-traffiku għal ferroviji internazzjonali tal-merkanzija; jirrimarka li proġetti bħal dawn jippromwovu l-ferrovija bħala mezz tat-trasport internazzjonali tal-merkanzija, itejbu l-kompetittività tat-trasport ferrovjarju u jiżguraw użu aħjar tal-kapaċità eżistenti tat-traffiku internazzjonali tal-merkanzija;

45.  Jinnota li hemm diversi sorsi ta' finanzjament disponibbli għas-settur ferrovjarju minn diversi programmi tal-UE; jemmen li l-adozzjoni u l-użu effikaċi ta' dawn is-sorsi ta' finanzjament huma essenzjali minħabba l-fatt li l-limitazzjonijiet finanzjarji jqiegħdu restrizzjonijiet severi fuq l-ammont ta' flus pubbliċi li l-gvernijiet nazzjonali jkunu jistgħu jinvestu fil-ferroviji;

46.  Jiġbed l-attenzjoni lejn is-supplimenti li normalment jintużaw fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant fit-trasport ta' passiġġieri bil-ferrovija reġjonali transfruntier, li ta' spiss jiġu imposti minn kumpaniji ferrovjarji bħala parti min-nollijiet tal-ferrovija internazzjonali, li jirriżultaw fi tnaqqis tal-attraenza tal-konnessjonijiet ferrovjarji transfruntiera;

47.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant huma interkonnessi man-netwerk ferrovjarju b'veloċità kbira fl-Ewropa tal-Punent sabiex tiżdied il-kompetittività tas-settur tat-trasport ferrovjarju u jiġi appoġġat it-tkabbir ekonomiku f'dak ir-reġjun; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħeġġu proġetti transfruntiera għal konnessjonijiet ferrovjarji b'veloċità għolja tul il-kurituri tan-netwerk tat-TEN-T;

48.  Jenfasizza l-bżonn li jiġu appoġġati proġetti u investiment konġunt ma' pajjiżi li mhumiex fl-UE, biex b'hekk titwitta t-triq lejn l-isfruttament tal-potenzjal komplimentari tal-kurituri tat-trasport ferrovjarju li ġew immodernizzati bl-użu tal-finanzjament tal-UE, pereżempju, b'rabtiet bejn l-UE u pajjiżi fl-Asja;

Passaġġi fuq l-ilma interni

49.  Jenfasizza l-importanza tat-trasport fuq l-ilmijiet interni bħala mezz kosteffikaċi u sostenibbli għat-trasport multimodali u għal-loġistika fl-UE kollha; iqis li huwa neċessarju, għalhekk, li tiġi modernizzata l-infrastruttura tat-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni għat-trasport ta' passiġġieri jew ta' merkanzija, u sabiex tittejjeb l-interoperabilità ma' modi oħra ta' trasport;

50.  Jinnota li l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant għandha potenzjal ta' żvilupp sinifikanti fir-rigward tal-passaġġi fuq l-ilma interni kif ukoll ix-xmajjar u l-portijiet tal-baħar tagħha; iqis li dan il-potenzjal jista' jiġi sfruttat biss jekk fl-istess ħin jiġi rrispettat b'mod xieraq l-acquis tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-ambjent, il-bijodiversità u l-ilma, u jqis li jekk jitqiegħed aktar enfasi fuq l-użu ta' portijiet u ferroviji, dan jista' jgħin biex jappoġġa l-għan għat-tisħiħ tat-trasport multimodali fir-reġjun;

51.  Jilqa' l-ħolqien tal-programm NAIADES, kif ukoll it-tkomplija tiegħu ma' NAIADES II sal-2020, u jenfasizza l-importanza li jkun hemm strateġija Ewropea u Pjan ta' Azzjoni għal passaġġi fuq l-ilma interni;

52.  Jemmen li l-isfruttament tal-multimodalità f'portijiet ta' passaġġi tal-ilma interni huwa kruċjali għall-potenzjal ekonomiku tagħhom; jenfasizza r-rwol ta' aċċess għall-aħħar mil u konnessjonijiet ferrovjarji xierqa b'infrastruttura ferrovjarja interkonnessa f'terminali tal-passaġġi fuq l-ilma interni kif ukoll ċentri tat-trasport f'żoni ta' qbid tal-port biex jattiraw l-utenti;

53.  Jenfasizza r-rwol tax-Xmara Danubju bħala passaġġ fuq l-ilma ewlieni tat-trasport fil-makroreġjun tad-Danubju; jinnota li l-potenzjal tar-reġjun għal trasport fuq passaġġi tal-ilma interni għandu jintuża ulterjorment u għalhekk ifakkar ukoll fil-ħtieġa għall-Istati Membri li jżommu l-operabilità ta' passaġġi fuq l-ilma interni li huma taħt ir-responsabilità tagħhom; jistieden lill-istati li jinsabu max-xatt biex jiżguraw in-navigabilità kontinwa tad-Danubju u jimplimentaw il-pjan ġenerali tagħhom ta' rijabilitazzjoni u manutenzjoni tal-kanali navigabbli approvat fl-2014, filwaqt li fl-istess ħin jieħdu kont tal-aspetti ambjentali u jagħtu attenzjoni speċjali biex iħarsu l-ħabitats naturali, l-ambjent, il-bijodiversità u l-ilma, u b'hekk jikkonservaw u jippromwovu l-SMEs fil-qasam tal-agrikoltura, is-sajd u t-turiżmu sostenibbli; jenfasizza li r-rabtiet bejn l-Oder, l-Elbe u d-Danubju jistgħu jsaħħu l-kapaċitajiet ta' komunikazzjoni u ta' trasport tar-reġjun kollu fuq l-assi Tramuntana-Nofsinhar, li jista' jwassal għall-ħolqien ta' impjiegi u l-iżvilupp tal-SMEs;

54.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex tiġi mtejba u miksuba navigabilità tal-klassi IV ta' infrastrutturi oħra ta' passaġġi tal-ilma interni, b'mod partikolari it-taqsimiet tax-xmara fin-netwerk ewlieni tat-TEN-T; jenfasizza li titjib importanti tax-xmara Elbe huwa meħtieġ biex jippermetti navigabilità sħiħa, li hija essenzjali għall-Kuritur Orjent-Mediterran tal-Lvant; jenfasizza l-ħtieġa li x-Xmara Oder tittejjeb għal navigabilità tal-klassi IV; jenfasizza wkoll l-importanza tal-kanali internazzjonali E40 u E70 fir-rigward tat-titjib tal-integrazzjoni ta' pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant f'rotot pan-Ewropej ta' trasport fuq l-art; jenfasizza li l-iżvilupp ta' konnessjonijiet multimodali tajbin bejn dawk il-passaġġi fuq l-ilma u l-kurituri tat-TEN-T Ewlieni Baltiku-Adrijatiku ikun spinta sinifikanti għall-potenzjal ta' investiment fir-reġjuni tal-Lvant fl-UE;

Portijiet marittimi u ajruporti

55.  Jenfasizza l-potenzjal għal aktar żvilupp ta' portijiet marittimi attraenti fil-Baħar Baltiku, fil-Baħar l-Iswed u fil-Baħar Adrijatiku fil-kuntest tal-kunċett ta' 'Awtostradi tal-Baħar'; jenfasizza l-importanza tal-espansjoni tal-kapaċitajiet fis-settur tal-enerġija inklużi l-fjuwils sostenibbli għat-tbaħħir, u l-iżgurar ta' konnessjonijiet effiċjenti tal-ferrovija għall-inħawi ta' ġewwa tal-portijiet;

56.  Jirrimarka li l-iżvilupp sostenibbli tal-portijiet fil-Baħar Baltiku, fil-Baħar Adrijatiku u fil-Baħar l-Iswed m'għandux jiġi mxekkel minn infrastruttura oħra ta' taħt il-baħar; jinsab imħasseb li attivitajiet dwar proġetti bħal dak ta' North Stream jistgħu jimminaw u jostakolaw l-investiment fir-reġjun, b'mod partikolari fir-Reġjun Baltiku; jinsisti li kwalunkwe pipelines taħt il-baħar għandhom jirrispettaw ir-rekwiżiti tal-pixka fl-entraturi għall-portijiet;

57.  Iqis li l-portijiet marittimi u l-ajruporti jaqdu aħjar l-iżvilupp ekonomiku tal-Ewropa Ċentrali u dik tal-Lvant jekk ikunu ċentri f'sistema tat-trasport multimodali integrat b'interkonnessjoni ma' infrastruttura ferrovjarja b'livell għoli ta' prestazzjoni;

58.  Jenfasizza li l-portijiet tat-Tramuntana tal-Adrijatiku għandhom isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom permezz ta' koordinazzjoni reġjonali għall-promozzjoni komuni tal-flussi tat-traffiku għall-kummerċ marittimu fit-Tramuntana tal-Adrijatiku u biex jintegraw bis-sħiħ il-portijiet Taljani ma' dawk tas-Slovenja (Koper) u tal-Kroazja (Rijeka); jistieden lill-Kummissjoni biex, f'dan ir-rigward, tinkludi l-port ta' Rijeka fil-kuritur Baltiku-Adrijatiku sabiex tippermetti konnessjoni sħiħa tat-trasport ta' portijiet tal-baħar fit-Tramuntana tal-Adrijatiku lejn l-Ewropa Ċentrali u l-Baħar Baltiku;

59.  Ifakkar li l-Kummissjoni identifikat il-kwistjoni ta' lakuni fil-konnettività fl-Istrateġija tal-Avjazzjoni għall-Ewropa li ġiet żviluppata reċentement; jinnota, madankollu, li s-soluzzjonijiet proposti huma ta' potenzjal limitat u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tissorvelja konnettività bl-ajru fi ħdan l-UE, speċjalment fir-reġjun tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, u tiżviluppa aktar proposti mmirati biex jitnaqqsu d-distakki fl-aċċess għas-servizzi tat-trasport bl-ajru; jemmen li l-konnessjonijiet bl-ajru f'din il-parti tal-UE jeħtieġ li jkomplu jiġu żviluppati billi l-konnettività tal-UE13 hija 7.5 darbiet inqas minn dik tal-UE15(9); jinsab imħasseb dwar il-fatt li filwaqt li l-infrastruttura tal-ajruporti fir-reġjun tgħaddi minn modernizzazzjoni kostanti, il-maġġoranza vasta ta' rotot tal-ajru ġodda huma orjentati biss lejn il-Punent; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza jekk il-leġiżlazzjoni relevanti hijiex adattata għall-għan tagħha, u, jekk meħtieġ, tipproponi inizjattivi ġodda biex tiggarantixxi biżżejjed konnettività bejn iż-żoni periferiċi u ċ-ċentru tal-Ewropa;

60.  Jenfasizza li r-reġjun tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant għandu numru inqas ta' konnessjonijiet bl-ajru, li huma ta' kwalità inferjuri meta mqabbla ma' dawk ta' reġjuni fil-punent tal-UE; jirrimarka li dawn il-lakuni fil-konnettività ġew identifikati permezz ta' analiżi indipendenti mwettqa fuq talba tal-Kummissjoni;

61.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-konnettività bl-ajru fi u bejn l-Istati Membri u tistabbilixxi miżuri biex jitjiebu s-servizzi tat-trasport bl-ajru f'dak li jirrigwarda l-kwalità tas-servizz għall-konsumaturi;

62.  Jinnota l-potenzjal enormi li l-ajruporti ta' daqs żgħir u medju għandhom fir-rigward tal-aċċessibilità tat-trasport fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, speċjalment għal vjaġġaturi fuq negozju u turisti; itenni li f'dawn l-aħħar snin ħafna ajruporti reġjonali ġew mibnija u modernizzati fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, imma li l-potenzjal tagħhom mhux qed jiġi sfruttat biżżejjed minħabba nuqqas ta' konnessjonijiet bejn dawn l-ajruporti u r-rotot ewlenin tat-trasport; jenfasizza l-ħtieġa li dawn l-ajruporti jintużaw b'mod aktar effikaċi permezz tal-bini ta' konnessjonijiet ġodda bit-triq u bil-ferrovija;

63.  Jirrikonoxxi r-rwoli differenti ta' ajruporti reġjonali u lokali fl-iżvilupp tar-reġjuni ċentrali u tal-Lvant tal-UE biex jiffaċilitaw it-tkabbir ekonomiku, il-kummerċ, il-kompetittività, il-mobilità inklużiva u t-turiżmu, kif ukoll aċċess mingħajr ostakli għal persuni b'diżabilità u b'mobilità mnaqqsa; jisħaq li l-ajruporti reġjonali jagħtu kontribut biex tiżdied l-attraenza tar-reġjuni tagħhom; isostni li għal kwalunkwe faċilità ġdida, id-domanda tat-traffiku u l-potenzjal tiegħu għandhom jiġu evalwati sewwa u l-użu tal-fondi tal-UE għandu jkun limitat strettament għal proġetti ekonomikament vijabbli u sostenibbli; jenfasizza li l-appoġġ finanzjarju għall-iżvilupp ta' kapaċitajiet eżistenti għandu jingħata kif xieraq; huwa tal-fehma li r-rwol tal-ajruporti reġjonali se jiżdied jekk ikollhom infrastruttura moderna u netwerk ta' konnessjonijiet tat-trasport (speċjalment konnessjonijiet ferrovjarji) li jaqblu sew mar-reġjun u mal-pajjiż, li jagħmluha possibbli li wieħed jasal l-ajruport malajr minn diversi partijiet ta' bliet u rħula fil-viċin; jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp ta' ajruporti reġjonali u lokali eżistenti u ġodda li jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku, inkluż fis-settur tat-turiżmu, f'reġjuni mhux żviluppati u iżolati permezz tat-titjib tal-aċċessibilità u l-konnettività, jekk dawn ir-reġjuni jsiru aktar attraenti għall-investiment u l-kompetittività, biex b'hekk jiġi aċċellerat l-iżvilupp soċjoekonomiku; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tikkunsidra l-iżvilupp ta' netwerk ta' ajruporti fil-livell reġjonali sabiex tiġi żgurata konnettività aħjar bejn u fi ħdan l-Istati Membri;

o
o   o

64.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

(1) Testi adottati, P8_TA(2015)0310.
(2) Testi adottati, P8_TA(2015)0423.
(3) ĠU C 261E, 10.9.2013, p. 1.
(4) ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1.
(5) ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129.
(6) http://ec.europa.eu/transport/road_safety/pdf/vademecum_2015.pdf
(7) http://ec.europa.eu/transport/modes/inland/news/2014-12-04-danube-ministrial-meeting/conclusions.pdf
(8) http://mib.gov.pl/files/0/1796967/deklaracjalancucka.pdf
(9)Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu "Strateġija tal-Avjazzjoni għall-Ewropa" (SWD(2015)0261).

Avviż legali