Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2047(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0287/2016

Testi mressqa :

A8-0287/2016

Dibattiti :

PV 25/10/2016 - 13
CRE 25/10/2016 - 13

Votazzjonijiet :

PV 26/10/2016 - 6.2
CRE 26/10/2016 - 6.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0411

Testi adottati
PDF 624kWORD 82k
L-Erbgħa, 26 ta' Ottubru 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
Baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017 - it-taqsimiet kollha
P8_TA(2016)0411A8-0287/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Ottubru 2016 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017 (11900/2016 – C8-0373/2016 – 2016/2047(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom tas-26 ta' Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(3) (ir-Regolament dwar il-QFP),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(4) (il-FII),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-rieżami/reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020 (COM(2016)0603),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2016 dwar il-linji gwida ġenerali għat-tħejjija tal-baġit 2017, Taqsima III - Il-Kummissjoni(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' April 2016 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2017(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2016 dwar it-tħejjija tar-reviżjoni postelettorali tal-QFP 2014-2020: L-input tal-Parlament qabel il-proposta tal-Kummissjoni(7);

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, adottat mill-Kummissjoni fit-18 ta' Lulju 2016 (COM(2016)0300),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, adottata mill-Kunsill fit-12 ta' Settembru 2016 u li ntbagħtet lill-Parlament Ewropew fl-14 ta' Settembru 2016 (11900/2016 – C8-0373/2016 ),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 88 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-opinjonijiet tal-kumitati interessati l-oħra (A8-0287/2016),

A.  billi, f'sitwazzjoni ta' riżorsi skarsi, għandha tintrabat aktar importanza mal-ħtieġa li tiġi osservata d-dixxiplina baġitarja u li l-fondi jintużaw b'mod effiċjenti u effikaċi;

B.  billi ikun tajjeb li d-djalogu bejn il-Parlament u l-Kummissjoni previst fl-Artikolu 318 tat-TFUE jqanqal kultura orjentata lejn il-prestazzjoni fi ħdan il-Kummissjoni, inklużi żieda tat-trasparenza u tisħiħ tar-responsabilità;

Taqsima III

Ħarsa ġenerali

1.  Jisħaq li l-baġit 2017 għandu jitqies fil-kuntest aktar estensiv tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (il-QFP); jisħaq fuq il-bżonn li jiġi żgurat bilanċ bejn il-prijoritajiet fuq żmien twil u l-isfidi l-ġodda, u jissottolinja għaldaqstant il-fatt li l-baġit 2017 għandu jkun konformi mal-objettivi tal-Istrateġija UE2020, li jirrappreżentaw l-orjentament ewlieni u l-prijorità predominanti tagħha;

2.  Itenni l-konvinzjoni soda tiegħu li, fil-kuntest attwali partikolari, inizjattivi bħas-sospensjoni tal-Fondi SIE min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea, kif previst mill-Artikolu 23(15) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 (ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni)(8) mhumiex biss inġusti u sproporzjonati, iżda wkoll politikament insostenibbli;

3.  Jisħaq li l-qari tal-baġit 2017 min-naħa tal-Parlament jirrifletti bis-sħiħ il-prijoritajiet politiċi adottati b'maġġoranza predominanti fir-riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq tad-9 ta' Marzu 2016 dwar il-linji gwida ġenerali u r-riżoluzzjoni tiegħu imsemmija hawn fuq tas-6 ta' Lulju 2016 dwar it-tħejjija tar-reviżjoni postelettorali tal-QFP 2014-2020: L-input tal-Parlament qabel il-proposta tal-Kummissjoni;

4.  Jenfasizza li l-paċi u l-istabilità huma l-valuri ewlenin li hemm bżonn iżżomm l-Unjoni; jikkunsidra li l-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira, li wera li huwa essenzjali għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni fl-Irlanda ta' Fuq, irid jiġi protett; jissottolinja l-ħtieġa għal miżuri speċifiċi li jiżguraw appoġġ għar-reġjuni li se jintlaqtu b'mod partikolari fil-każ ta' ħruġ innegozjat mill-Unjoni b'segwitu għat-talba ta'attivazzjoni min-naħa tar-Renju Unit tal-Artikolu 50 tat-TUE, bi qbil mar-rieda li esprimew iċ-ċittadini tiegħu;

5.  Jirrileva l-fatt li l-Unjoni attwalment qed taffaċċja għadd ta' emerġenzi serji u sfidi ġodda, li ma setgħux jitbassru fiż-żmien meta ġie stabbilit il-QFP 2014-2020; jinsab konvint li hemm bżonn jiġu allokati aktar riżorsi finanzjarji mill-baġit tal-Unjoni, sabiex jiġu affrontati l-isfidi politiċi u b'mod li jippermetti lill-Unjoni tipprovdi tweġibiet u tirreaġixxi b'mod effikaċi għal dawk il-kriżijiet, bħala kwistjoni tal-akbar urġenza u prijorità; jikkunsidra li hemm bżonn impenn politiku b'saħħtu biex jiġu żgurati approprjazzjonijiet ġodda fl-2017 u sa tmiem il-perjodu ta' programmazzjoni għal dan il-għan;

6.  Jisħaq fuq il-bżonn li l-baġit 2017 jissodisfa l-ħtiġijiet tal-isfida fil-qasam tal-migrazzjoni u tat-tkabbir ekonomiku bil-mod b'segwitu għall-kriżi ekonomika; jinnota li jkun tajjeb li tingħata spinta lill-finanzjament għar-riċerka u għall-proġetti infrastrutturali, kif ukoll għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ;

7.  Ifakkar li, filwaqt li l-Parlament approva minnufih il-finanzjament addizzjonali meħtieġ biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali fl-oqsma tar-rifuġjati u tal-migrazzjoni filwaqt li jitkompla l-appoġġ għall-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, huwa dejjem insista li jkun tajjeb li din l-isfida ma tiħux preċedenza fuq il-politiki importanti l-oħra tal-Unjoni, b'mod partikolari l-ħolqien ta' impjiegi diċenti u ta' kwalità u l-iżvilupp tal-impriżi u tal-ispirtu imprenditorjali għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv; jinnota li l-limitu massimu tal-Intestatura 3 huwa wisq insuffiċjenti biex jipprovdi għal finanzjament xieraq għad-dimensjoni interna tal-isfidi attwali fl-oqsma tar-rifuġjati u l-migrazzjoni, u jinsisti fuq il-bżonn li jiġi adottat approċċ komprensiv u bbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem li jorbot il-migrazzjoni mal-iżvilupp u li jiggarantixxi l-integrazzjoni tal-ħaddiema migranti u ta' dawk li qed ifittxu asil, kif ukoll programmi prijoritarji, bħall-programmi kulturali; jisħaq li, sabiex jiġi żgurat il-finanzjament addizzjonali meħtieġ f'dan il-qasam, il-Kummissjoni, fl-Abbozz tal-Baġit 2017 (l-AB), ipproponiet li jsir rikors bla preċedent għall-istrumenti speċjali tal-QFP, inkluż l-użu sħiħ tal-Istrument ta' Flessibilità, kif ukoll il-mobilizzazzjoni sostanzjali tal-Marġni ta' Kontinġenza intenzjonat għal meta ma jifdal l-ebda alternattiva oħra, u dawn ġew aċċettati mill-Kunsill;

8.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu li jkun tajjeb li t-talbiet għall-finanzjament addizzjonali meħtieġ biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali fl-oqsma tar-rifuġjati u l-migrazzjoni ma jkunux ta' ħsara għall-azzjoni esterna eżistenti tal-Unjoni, inkluża l-politika tagħha dwar l-iżvilupp; jirrepeti li t-twaqqif tal-Faċilità għar-Rifuġjati fit-Turkija (l-FRT), il-Fondi Fiduċjarji, u kwalunkwe strument ad hoc ta' tip ieħor ma jistax jiġi ffinanzjat permezz ta' tnaqqis għall-istrumenti eżistenti oħra; jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-istabbiliment ta' strumenti ad hoc barra l-baġit tal-Unjoni jista' jippreġudika l-unità tal-baġit u jevita l-proċedura baġitarja li tirrikjedi l-involviment u l-iskrutinju min-naħa tal-Parlament Ewropew; jikkontesta b'mod qawwi jekk il-limitu massimu tal-Intestatura 4 (Ewropa Globali) hux suffiċjenti biex jingħata rispons sostenibbli u effikaċi għall-isfidi esterni attwali, inklużi l-isfidi attwali fl-oqsma tar-rifuġjati u l-migrazzjoni;

9.  Itenni l-konvinzjoni tiegħu li jkun tajjeb li l-baġit tal-Unjoni jsib modi għall-finanzjament ta' inċentivi ġodda li ma jkunux ta' ħsara għall-programmi u l-politiki eżistenti tal-Unjoni, u jappella biex jiġu identifikati mezzi sostenibbli għall-finanzjament ta' inizjattivi ġodda; jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-Azzjoni Preparatorja għar-riċerka dwar id-difiża, li se tammonta għal EUR 80 miljun matul it-tliet snin li ġejjin, se tkun magħfusa taħt il-baġit attwali tal-QFP; jinsab konvint li b'baġit tal-Unjoni li diġà huwa sottofinanzjat, se jkun hemm bżonn ukoll ta' mezzi finanzjarji ulterjuri mill-Istati Membri għall-isforzi addizzjonali għall-operazzjonijiet, l-ispejjeż amministrattivi, l-azzjonijiet preparatorji u l-proġetti pilota relatati mal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni; jikkunsidra li jkun tajjeb li r-rieżami/reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP attwali jintużaw f'dak ir-rigward mill-Istati Membri; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi kkjarifikat il-finanzjament fuq żmien twil tar-riċerka dwar id-difiża komuni;

10.  Ifakkar li l-Unjoni rratifikat il-ftehim tal-COP 21 u għandha bżonn tiddedika parti mir-riżorsi finanzjarji tagħha biex tirrispetta l-impenji internazzjonali tagħha; jinnota li, skont id-Dikjarazzjoni tal-Estimi għas-sena finanzjarja 2017, huwa mistenni li l-baġit jalloka 19,2 % tan-nefqa għal dak l-għan; jinkoraġġixxi b'mod qawwi lill-Kummissjoni tkompli f'dik it-triq sabiex tapplika l-objettiv ta' 20 %, bi qbil mal-impenn tagħha li tintegra l-azzjoni favur il-klima fil-QFP attwali;

11.  Jappella lill-Kummissjoni biex tippreżenta, fil-baġit 2017 u bl-approprjazzjonijiet adegwati, inizjattiva mmirata biex tipprovdi vouchers għat-trasport pubbliku lil żgħażagħ Ewropej li jintgħażlu abbażi ta' kompetizzjoni; iqis li objettiv fundamentali ta' inizjattiva ta' dan it-tip ikun il-valutazzjoni tal-fattibilità u l-impatt potenzjali ta' skema aktar ġeneralizzata favur, b'mod partikolari, il-mobilità taż-żgħażagħ, l-involviment tal-UE maż-żgħażagħ u l-promozzjoni ta' opportunitajiet indaqs;

12.  Ireġġa' t-tnaqqis kollu li ppropona l-Kunsill għall-AB lura għal li kien; mhux qed jirnexxielu jifhem ir-raġunament wara t-tnaqqis propost u jikkontesta l-intenzjoni ddikjarata tal-Kunsill li joħloq mill-ġdid marġnijiet artifiċjali f'xi intestaturi, bħas-subintestatura 1a (Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi) u l-Intestatura 4 (Ewropa Globali), b'mod partikolari meta jikkunsidra li l-marġnijiet xorta jkunu żgħar wisq għal reazzjoni għaċ-ċirkostanzi jew kriżijiet imprevisti;

13.  Jinnota li, f'dawn l-aħħar ħames snin, il-qari tal-Kunsill qatt ma rnexxielu jbassar l-eżekuzzjoni effettiva tal-baġit tal-Unjoni u li, meta jitqiesu l-baġits emendatorji kollha, kien hemm bżonn ta' ammont konsiderevolment akbar ta' fondi f'kull wieħed mill-baġits finali; jappella għalhekk lill-Kunsill biex jaġġusta l-pożizzjoni tiegħu fi ħdan il-kumitat ta' konċiljazzjoni b'mod li l-baġit 2017 jingħata minnufih finanzjament adegwat sa mill-bidu nett;

14.  Iħabbar li, bil-għan li dawn il-ħtiġijiet urġenti jiġu ffinanzjati b'mod adegwat, u wara li kkunsidra l-marġnijiet stretti ħafna tal-QFP fl-2017, il-Parlament se jiffinanzja ż-żidiet fuq l-AB billi jeżawrixxi l-marġnijiet kollha disponibbli u billi jirrikorri aktar għall-Marġni ta' Kontinġenza;

15.  Jikkumpensa kompletament it-tnaqqis kollu relatat mal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (il-FEIS) fil-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) u l-Orizzont 2020 għal total ta' EUR 1 240 miljun f'impenji għall-2017 permezz ta' approprjazzjonijiet ġodda li għandhom jinkisbu permezz tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP; jinsisti fuq il-ħtieġa li jingħata rispons effikaċi għall-qgħad fost iż-żgħażagħ madwar l-Unjoni; iżid għalhekk EUR 1 500 miljun addizzjonali f'approprjazzjonijiet ta' impenn mal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI) biex jippermetti t-tkomplija tagħha; jikkunsidra li jkun tajjeb li jiġi deċiż finanzjament addizzjonali xieraq għal dawn il-programmi importanti tal-Unjoni fil-qafas tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP;

16.  Jistenna li l-Kunsill jikkondividi dan l-approċċ, u li jkun faċli li jintlaħaq ftehim fil-konċiljazzjoni li jippermetti li l-Unjoni taħtaf l-opportunità u tirrispondi b'mod effikaċi għall-isfidi quddiemha;

17.  Jistabbilixxi l-livell kumplessiv tal-approprjazzjonijiet għall-2017 għal EUR 160,7 biljun u EUR 136,8 biljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament rispettivament;

Subintestatura 1a – Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi

18.  Jinnota li, għal darb'oħra, is-subintestatura 1a ntlaqtet b'mod gravi mill-qari tal-Kunsill, bi 52 % tat-tnaqqis kumplessiv f'impenji min-naħa tal-Kunsill jinsab f'din l-intestatura; jikkontesta għalhekk kif il-prijorità politika tal-Kunsill favur l-impjiegi u t-tkabbir hija riflessa f'dan il-qari;

19.  Ma jaqbilx b'mod qawwi ma' dan it-tnaqqis f'intestatura li tissimbolizza l-valur miżjud Ewropew u tipprovdi aktar tkabbir u impjiegi għaċ-ċittadini; jiddeċiedi konsegwentement li jreġġa' t-tnaqqis kollu li għamel il-Kunsill lura għal li kien;

20.  Jiddeċiedi li, sabiex jissodisfa l-impenn li ħa f'Ġunju 2015 li jimminimizza kemm jista' l-impatt baġitarju li l-ħolqien tal-FEIS se jkollu fuq l-Orizzont 2020 u l-FNE fil-qafas tal-proċedura baġitarja annwali, ireġġa' lura kompletament għal li kien il-profil oriġinali li kellhom qabel il-FEIS il-linji tal-Orizzont 2020 u tal-FNE li ġew soġġetti għal tnaqqis għall-proviżjonament tal-Fond ta' Garanzija għall-FEIS; jisħaq fuq l-importanza tal-akbar programm ta' riċerka u innovazzjoni tal-Unjoni, Orizzont 2020, li jittrasforma ideat tajbin fi prodotti u servizzi, biex b'hekk jistimola lit-tkabbir u lill-impjiegi; jeżiġi approprjazzjonijiet ta' impenn addizzjonali korrispondenti ta' EUR 1 24 biljun aktar mill-AB; jistenna li jintlaħaq ftehim kumplessiv dwar din il-kwistjoni urġenti fil-qafas tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP; jindika li jkun sew li l-FEIS jittejjeb sabiex isir kompletament effiċjenti u effikaċi, billi jiġi żgurat ir-rispett tal-prinċipju tal-addizzjonalità, billi jittejbu l-bilanċi ġeografiċi u settorjali u billi tittejjeb it-trasparenza fil-proċess deċiżjonali;

21.  Jiddeċiedi li, bi qbil mal-prijoritajiet kostanti tiegħu favur it-Tkabbir u l-Impjiegi u wara valutazzjoni bir-reqqa tal-kapaċità ta' assorbiment tagħhom s'issa, jipproponi xi żidiet selettivi fuq il-livell tal-AB għall-programmi COSME, Progress, Marie Curie, Kunsill Ewropew tar-Riċerka, Eures u Erasmus+; jinnota li tali żidiet jistgħu jiġu ffinanzjati fi ħdan il-marġni disponibbli ta' din is-subintestatura;

22.  Iżid, bħala riżultat, il-livell tal-approprjazzjonijiet ta' impenn għall-Intestatura 1a b'EUR 45 miljun (esklużi l-FEIS, il-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji) fuq l-AB;

Subintestatura 1b – Koezjoni ekonomika, soċjali u territorjali

23.  Jissottolinja li madwar terz tal-baġit annwali tal-Unjoni huwa mmirat lejn il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; jissottolinja li l-politika ta' koeżjoni hija l-politika ewlenija ta' investiment tal-Unjoni u għodda biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi bejn ir-reġjuni kollha tal-UE, u li hija tiżvolġi rwol importanti fir-realizzazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv;

24.  Ma japprovax it-tnaqqis propost mill-Kunsill ta' EUR 3 miljun f'impenji u, aktar importanti minn hekk, ta' EUR 199 miljun f'pagamenti taħt is-subintestatura 1b, inkluż fil-linji ta' appoġġ; jappella lill-Kunsill biex jispjega kif dan it-tnaqqis huwa kompatibbli mal-objettiv tiegħu li jiġu previsti "l-approprjazzjonijiet neċessarji li jippermettu l-implimentazzjoni mingħajr xkiel tal-programmi l-ġodda fir-raba' sena tal-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020"; ifakkar li l-livell ta' pagamenti propost mill-Kummissjoni taħt din l-intestatura diġà huwa 23,5 % inqas milli kien fil-baġit 2016; jisħaq, f'dan ir-rigward, li ma jista' jiġi ġġustifikat jew aċċettat l-ebda tnaqqis addizzjonali fil-pagamenti;

25.  Jappella biex issir evalwazzjoni tal-impatt tal-politiki tal-Unjoni abbażi tar-rapporti dwar il-valutazzjoni tal-impatt, b'mod li jiġi ddeterminat sa liema punt irnexxielhom, inter alia, inaqqsu l-inugwaljanzi ekonomiċi, jiżviluppaw ekonomiji reġjonali kompetittivi u diversifikati, u jagħtu spinta lit-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi;

26.  Jinsab allarmat bid-dewmien sinifikanti fl-implimentazzjoni taċ-ċiklu tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, li x'aktarx se jkollu effett detrimentali serju fuq il-ksib tempestiv tar-riżultati fuq il-post, iżda li jirriskja wkoll li jwassal għar-rikostituzzjoni ta' arretrat ġdid ta' kontijiet mhux imħallsa fit-tieni nofs tal-QFP attwali; iħeġġeġ lill-Istati Membri kkonċernati jaħtru minnufih l-awtoritajiet li jifdal fl-oqsma tal-ġestjoni, il-pagamenti u ċ-ċertifikazzjoni, u jindirizzaw kull kawża oħra ta' dewmien fl-implimentazzjoni tal-programmi; jinnota l-proposti tal-Kummissjoni għal aktar semplifikazzjoni f'dan il-qasam, u jikkunsidra li jkun tajjeb li, b'urġenza, isir kull sforz possibbli min-naħa tal-Istati Membri sabiex jiġi żgurat li l-programmi jsiru kompletament operattivi; jappella, konsegwentement, għal aktar sinerġiji u komplementarjetà bejn il-politiki dwar l-investiment pubbliku mill-baġits tal-Istati Membri u l-baġit tal-Unjoni, u dawk immirati sabiex jippromwovu t-tkabbir u l-ħolqien ta' impjiegi sostenibbli li jikkostitwixxu l-bażi tal-pedament tal-UE;

27.  Jieħu nota tal-proposta tal-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta' Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali b'pakkett finanzjarju ta' EUR 142 800 000, u jissottolinja li jkun tajjeb li dan il-finanzjament jiġi allokat bl-intenzjoni li tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;

28.  Jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma pproponiet l-ebda approprjazzjoni ta' impenn għall-YEI fl-2017, b'riżultat tal-fatt li l-approprjazzjonijiet ġew ikkonċentrati lejn il-bidu tal-perjodu fis-snin 2014-2015; itenni l-appoġġ qawwi tiegħu biex titkompla l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ; jiddeċiedi li, bħala pass inizjali u bi qbil mar-Regolament dwar il-Fond Soċjali Ewropew(9) li jipprevedi l-possibilità ta' tali tkomplija, iżid addizzjonalment EUR 1 500 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn u EUR 500 miljun f'approprjazzjonijiet ta' pagament għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ biex jipprovdi rispons effikaċi għall-qgħad fost iż-żgħażagħ, waqt li jislet tagħlimiet mir-riżultati tal-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-implimentazzjoni tal-YEI; jinnota li, bi qbil mat-talbiet tal-Parlament, ikun tajjeb li jintlaħaq ftehim kumplessiv dwar il-finanzjament addizzjonali xieraq tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ għall-bqija ta' dan il-perjodu ta' programmazzjoni fil-kuntest tar-reviżjoni imminenti ta' nofs it-terminu tal-QFP; iħeġġeġ Stati Membri jagħmlu ħiliethom kollha biex iħaffu l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva fuq il-post, għall-benefiċċju dirett taż-żgħażagħ Ewropej;

29.  Jiddeċiedi li jreġġa' l-AB lura għal li kien kemm fir-rigward tal-impenji kif ukoll fir-rigward tal-pagamenti għal-linji li naqqas il-Kunsill; iżid l-approprjazzjonijiet ta' impenn għas-subintestatura 1b b'EUR 1 500 miljun, u l-approprjazzjonijiet ta' pagament b'EUR 500 miljun aktar mill-AB għall-YEI, u b'EUR 4 miljun għall-impenji u EUR 2 miljun għall-pagamenti għall-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn, biex b'hekk il-limitu massimu attwali għall-impenji qed jinqabeż b'EUR 1,57 biljun;

30.  Jissottolinja li s-subintestatura 1b għandha l-akbar sehem mill-impenji pendenti attwali, li kienu ta' EUR 151 119 fil-bidu ta' Settembru 2016, u li hemm ir-riskju li dan iqiegħed fil-periklu l-implimentazzjoni tal-programmi l-ġodda;

31.  Jisħaq fuq il-kontribut importanti tal-politika ta' koeżjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni effikaċi tal-prinċipju ta' bbaġitjar li jqis l-ugwaljanza bejn is-sessi; jappella lill-Kummissjoni biex tappoġġa l-miżuri biex jiġu stabbiliti l-għodda xierqa sabiex tinkiseb l-ugwaljanza bejn is-sessi, bħal strutturi ta' inċentivi li jużaw il-fondi strutturali biex jinkoraġġixxu bbaġitjar li jqis l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-livell nazzjonali.

Intestatura 2 – Tkabbir sostenibbli: ir-riżorsi naturali

32.  Jinnota li l-Kunsill naqqas l-Intestatura 2 b'EUR -179,5 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u EUR -198 miljun f' l-approprjazzjonijiet ta’ pagament, fuq il-linji ta' appoġġ amministrattiv, fuq il-linji ta' assistenza teknika operattiva (bħall-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u l-programm LIFE), fuq il-linji operattivi taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (il-FAEG), li huwa essenzjali biex isostni l-agrikoltura fit-territorji fejn hemm il-ħajja, u fuq l-aġenziji deċentralizzati; jinnota li l-akbar tnaqqis fil-pagamenti ġġarrab mill-iżvilupp rurali; jikkunsidra li jkun tajjeb li l-Ittra Emendatorja tibqa' l-bażi għal kwalunkwe reviżjoni affidabbli tal-approprjazzjonijiet għall-FAEG; konsegwentement ireġġa' l-livelli tal-AB lura għal li kienu;

33.  Jemmen li jeħtieġ li l-baġit tal-UE jagħti prijorità lill-inizjattivi li jiffaċilitaw t-trasformazzjoni tal-ekonomija f'waħda verament ekoloġika;

34.  Jantiċipa l-preżentazzjoni tal-Ittra Emendatorja għall-pakkett ta' appoġġ ta' emerġenza, b'mod partikolari għas-settur tal-ħalib, u jiddeċiedi li jesprimi l-appoġġ qawwi tiegħu għas-settur agrikolu tal-Unjoni; iżid għalhekk l-approprjazzjonijiet b'EUR 600 miljun fuq l-AB, b'tali mod li jkunu jistgħu jiġu indirizzati l-effetti tal-kriżi fuq is-settur tal-prodotti tal-ħalib u l-effetti tal-embargo Russu fuq is-settur tal-ħalib;

35.  Jilqa' l-allokazzjonijiet għar-riċerka u l-innovazzjoni relatati mal-agrikoltura taħt l-Orizzont 2020, biex jiġu żgurati provvisti suffiċjenti ta' ikel mhux perikoluż u ta' kwalità għolja u ta' prodotti oħra b'bażi fl-agrikoltura organika; jissottolinja l-bżonn li tingħata prijorità lill-proġetti li jinvolvu l-produtturi primarji;

36.  Itenni li jkun tajjeb li l-approprjazzjonijiet taħt il-PAK ma jintużawx bħala appoġġ għat-tnissil jew it-trobbija ta' barrin għal attivitajiet letali ta' sarar mat-toru; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta mingħajr dewmien ulterjuri l-bidliet leġiżlattivi neċessarji biex tagħti seħħ għal din it-talba, li diġà ġiet iddikjarata fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016;

37.  Jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd il-ġdida tinvolvi bidla fil-paradigma tal-ġestjoni tas-sajd kemm għall-Istati Membri kif ukoll għas-sajjieda, u jfakkar, f'dan ir-rigward, id-diffikultajiet li nqalgħu fis-snin finanzjarji preċedenti meta kienu tnaqqsu l-approprjazzjonijiet;

38.  Jiddispjaċih, madankollu, li f'dan il-kuntest u filwaqt li jilqa' ż-żieda ta' EUR 30,9 miljun f'impenji fl-AB għall-programm LIFE, għal darb'oħra din is-sena, il-programm LIFE, b'finanzjament totali ta' EUR 493,7 miljun, jikkostitwixxi biss sehem ta' 0,3 % mill-AB kollu kemm hu;

39.  Jirrileva l-problemi preċedenti li rriżultaw min-nuqqas ta' approprjazzjonijiet ta' pagament għall-programm LIFE, u li xekklu u dewmu l-implimentazzjoni xierqa tiegħu;

40.  Jiddeċiedi li, bi qbil mal-objettivi tiegħu fl-Istrateġija UE2020 u mal-impenji internazzjonali tiegħu li jindirizza t-tibdil fil-klima, jipproponi żieda għall-programm LIFE+ fuq il-livell tal-AB;

41.  Iżid, għalhekk, l-approprjazzjonijiet ta' impenn b'EUR 619,8 miljun u l-approprjazzjonijiet ta' pagament b'EUR 611,3 miljun (esklużi l-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji), waqt li jħalli marġni ta' EUR 19,4 miljun taħt il-limitu massimu għall-impenji fl-Intestatura 2;

Intestatura 3 – Is-sigurtà u ċ-ċittadinanza

42.  Jissottolinja l-fatt li l-Parlament għadu jpoġġi l-isfida attwali fil-qasam tal-migrazzjoni fuq quddiem nett fl-aġenda tiegħu; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal EUR 1,8 biljun addizzjonali, aktar mill-ammont li inizjalment kien ipprogrammat għall-2017 biex tiġi indirizzata l-isfida fil-qasam tal-migrazzjoni fl-Unjoni; jinnota li d-devjazzjoni kbira mill-ipprogrammar oriġinali tiġġustifika aġġustament 'il fuq tal-limiti massimi tal-Intestatura 3; jisħaq li l-Kummissjoni qed tipproponi li fil-biċċa l-kbira tiffinanzja dawk iż-żidiet permezz tal-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta' Flessibilità (għal EUR 530 miljun, biex b'hekk teżawrixxi kompletament il-finanzjament disponibbli għal din is-sena) u l-Marġni ta' Kontinġenza (għal EUR 1 160 miljun); meta jqis il-livell bla preċedenti ta' finanzjament għan-nefqa relatata mal-migrazzjoni (li b'kollox tammonta għal EUR 5,2 biljun fl-2017 fl-Intestaturi 3 u 4 u l-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp) u l-proposti fuq il-mejda għall-applikazzjoni ta' aktar flessibilità, mhux qed jitlob żidiet ulterjuri għall-politiki relatati mal-migrazzjoni; fl-istess ħin, se jirreżisti kwalunkwe tentattiv biex jitnaqqas il-finanzjament għall-azzjonijiet tal-Unjoni f'dan il-qasam;

43.  Itenni li l-flessibilità baġitarja għandha l-limiti tagħha u tista' tkun biss soluzzjoni fil-qasir; jinsab fermament konvint li tweġiba li tħares 'il quddiem u kuraġġuża fil-konfront tal-isfidi fuq żmien twil fl-oqsma tar-rifuġjati u l-migrazzjoni, li qed jinvolvu lill-kontinent kollu kemm hu u li mhu qed juru l-ebda sinjal li jbattu, tkun ta' aġġustament 'il fuq tal-limitu massimu tal-Intestatura 3; jikkunsidra li d-deċiżjonijiet baġitarji kollha li ttieħdu dan l-aħħar biex jiżguraw approprjazzjonijiet ġodda f'dan il-qasam effettivament urew il-bżonn li dan il-limitu massimu jiġi rivedut;

44.  Jilqa', fil-kuntest tal-isfidi attwali fl-oqsma tas-sigurtà u l-migrazzjoni, iż-żieda fil-finanzjament tal-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (EUR 1,6 biljun) u l-Fond għas-Sigurtà Interna (EUR 0,7 biljun); jikkunsidra li ż-żieda tal-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni tkabbar il-bżonn li jiġu żgurati tqassim ġust u trasparenti tal-finanzjament annwali bejn il-programmi u l-objettivi differenti tal-fond u aktar trasparenza fir-rigward ta' kif se jintefqu dawn ir-riżorsi finanzjarji;

45.  Jinnota li, fil-15 ta' Marzu 2016, ġie adottat Strument ġdid għal appoġġ ta' emerġenza fl-Unjoni, b'pakkett indikattiv ta' EUR 700 miljun fuq tliet snin (2016-2018), u dan diġà wassal għal riżultati immedjati fuq il-post fil-forma ta' miżuri għal appoġġ ta' emerġenza b'rispons għall-ħtiġijiet umanitarji ta' għadd kbir ta' rifuġjati u migranti li qed jaslu fl-Istati Membri; itenni, madankollu, il-pożizzjoni tiegħu li fil-ġejjieni jkun tajjeb li jiġi previst qafas ġuridiku u baġitarju aktar sostenibbli b'mod li jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-għajnuna umanitarja fl-Unjoni; jinsisti li jkollu djalogu regolari mal-Kummissjoni rigward il-funzjonament u l-finanzjament, fil-preżent u fil-ġejjieni, ta' dan l-Istrument, ibbażat fuq it-trasparenza sħiħa tal-informazzjoni u r-rapporti dwar il-valutazzjoni tal-impatt;

46.  Jitlob finanzjament għal persunal addizzjonali għal Europol, minħabba ż-żieda fil-livell tat-theddida li qed jaffaċċjaw diversi Stati Membri, l-isfidi simultanji tal-ġestjoni tal-migrazzjoni, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, u l-ħtieġa għal rispons Ewropew ikkoordinat, bil-għan li tiġi stabbilita ċellola kontra t-terroriżmu li taħdem erbgħa u għoxrin siegħa kuljum biex tipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri b'risponsi bbażati fuq data mill-intelligence; jikkunsidra li t-tali żieda ittejjeb ukoll il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin (b'enfasi speċjali fuq il-minorenni mhux akkumpanjati), il-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità (persunal ġdid għaċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità (EC3)) u ssaħħaħ ir-riżorsi umani fil-'hotspots' fl-Italja u l-Greċja; ifakkar li attwalment il-Europol għandu biss 3 membri tal-persunal għad-dispożizzjoni tiegħu biex jassenjahom fi tmien 'hotspots' permanenti u mhux permanenti addizzjonali biss biss fl-Italja waħedha; jikkunsidra li dan in-numru huwa baxx wisq biex il-Europol ikun jista' jissodisfa l-kompiti tiegħu f'termini tal-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, it-terroriżmu u kriminalità transkonfinali serja oħra;

47.  Jilqa' l-ħolqien ta' linja baġitarja ġdida biex tipprovdi finanzjament għall-vittmi tat-terroriżmu; jappoġġa t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta' riżorsi biex jiġu indirizzati l-oqsma ta' bżonn estensivi tal-vittmi, inklużi t-trattamenti fiżiċi, is-servizzi psikosoċjali u l-appoġġ finanzjarju; jemmen li jiġri ta' spiss wisq li l-bżonnijiet tal-vittmi innoċenti tat-terroriżmu jintesew jew jiġu kkunsidrati f'livell sekondarju meta jkunu qed jiġu proposti l-miżuri biex tiġi indirizzata t-theddida tat-terroriżmu;

48.  Jikkundanna t-tnaqqis tal-Kunsill ta’ total ta’ EUR 24,3 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn għal bosta programmi fl-oqsma tal-kultura, il-media, iċ-ċittadinanza, id-drittijiet fundamentali u s-saħħa pubblika; jikkunsidra t-tnaqqis ta’ programmi kulturali sabiex jillibera l-fondi għall-isfidi attwali fl-oqsma tar-rifuġjati u l-migrazzjoni huwa sinjal negattiv mill-Kunsill; jiddeplora l-fatt li jidher li ħafna minn dak it-tnaqqis jidhru li ġew applikati b'mod arbitrarju u mingħajr ma jqis rati eċċellenti ta' implimentazzjoni; huwa tal-opinjoni li hemm ir-riskju li anke t-tnaqqis ta' natura żgħira jippreġudika l-ksib tal-eżiti tal-programmi u l-implimentazzjoni bla xkiel tal-azzjonijiet tal-Unjoni; għalhekk ireġġa' l-linji kollha lura għal-livell tal-AB ;

49.  Jinsisti fuq il-ħtieġa li jiżdied il-finanzjament għal għadd ta' azzjonijiet taħt il-programmi Ewropa Kreattiva u L-Ewropa għaċ-Ċittadini, li ilhom wisq sottofinanzjati; jemmen b'mod qawwi li dawn il-programmi huma aktar rilevanti minn qatt qabel, f'termini kemm ta' għoti ta' spinta għall-kontribut tal-industriji kulturali u kreattivi għall-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir kif ukoll għat-tħeġġiġ tal-parteċipazzjoni attiva min-naħa taċ-ċittadini fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni; mhux qed jirnexxielu jifhem kif il-Kunsill jista' jiġġustifika t-tnaqqis fil-finanzjament għall-impriżi żgħar u medji fis-setturi kulturali u kreattivi, meta l-Faċilità ta' Garanzija għas-Setturi Kulturali u Kreattivi, li l-finanzjament għaliha diġà ġie pospost, għadha kif appena tnediet f'Ġunju 2016 u tikkostitwixxi eżempju eċċellenti ta' soluzzjoni innovattiva għal nuqqas sinifikanti tas-suq billi tibni l-kapaċità u toffri protezzjoni kontra r-riskju tal-kreditu lill-intermedjarji finanzjarji li jagħtu self fis-setturi kulturali u kreattivi;

50.  Jirrileva li l-programmi tal-Unjoni fil-qasam tal-kultura, l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ u ċ-ċittadinanza jippreżentaw valur miżjud Ewropew ċar, kif ukoll addizzjonalitajiet u sinerġiji għall-politiki ta' integrazzjoni għall-migranti u r-rifuġjati; jistieden għalhekk lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jirreaġixxu biż-żidiet xierqa fil-finanzjament ta' programmi ġestiti direttament, bħal Ewropa Kreattiva, kif ukoll fir-rigward tal-linji baġitarji rilevanti tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment;

51.  Jinnota li jridu jiġu previsti l-garanziji baġitarji meħtieġa għall-attivitajiet preparatorji għall-implimentazzjoni tas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018;

52.  Ifakkar li l-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili jirrappreżenta pedament għas-solidarjetà tal-Unjoni; jissottolinja li l-Unjoni tiżvolġi "rwol ta' faċilitatur" meta tappoġġa, tikkoordina jew tissupplementa l-azzjonijiet tal-Istati Membri fil-prevenzjoni tad-diżastri, kif ukoll fit-tħejjija u fir-rispons għalihom; jilqa' ż-żieda żgħira fl-impenji għal dan il-programm;

53.  Jilqa' l-ħolqien ta' linja baġitarja għal Fond tal-UE għat-Tiftix u s-Salvataġġ, intenzjonat biex ikopri l-attivitajiet ta' tiftix u salvataġġ imwettqa mill-Istati Membri u kkoordinati fil-livell tal-Unjoni, b'mod partikolari fil-Mediterran; huwa tal-opinjoni li l-ħolqien ta' Fond iddedikat jikkostitwixxi soluzzjoni aktar adegwata minn dik taż-żieda kontinwa tal-baġits tal-Frontex jew tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, li għadha kif inħolqot;

54.  Jilqa' l-ħolqien ta' linja baġitarja biex tappoġġa l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, li hija strument li għadu kif inħoloq bl-intenzjoni li jinvolvi liċ-ċittadini fil-proċess deċiżjonali tal-Unjoni u li japprofondixxi d-demokrazija Ewropea; hu tal-opinjoni li l-livell tal-approprjazzjonijiet ta' impenn kif propost fl-AB huwa baxx wisq; jiddeċiedi li jżid dik il-linja baġitarja;

55.  Jilqa' ż-żieda fil-finanzjament għall-komunikazzjoni min-naħa tar-Rappreżentanzi tal-Kummissjoni, id-Djalogi taċ-Ċittadini u l-azzjonijiet ta' 'Sħubija' biex l-approprjazzjonijiet għall-2017 ġew jammontaw għal EUR 17,036 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn u EUR 14,6 miljun f'approprjazzjonijiet ta' pagament, peress li jikkonċernaw inizjattivi biex joħolqu kuntatt maċ-ċittadini Ewropej, jiksbu l-fiduċja tagħhom u jgħinuhom jifhmu l-politiki u l-azzjonijiet tal-Unjoni;

56.  Jissottolinja l-bżonn li s-Segretarjat Komuni tar-Reġistru ta' Trasparenza jingħata l-mezzi amministrattivi u finanzjarji suffiċjenti u adegwati sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu, b'segwitu għall-adozzjoni tal-Ftehim Interistituzzjonali l-ġdid dwar ir-Reġistru ta' Trasparenza;

57.  Jinnota li l-qari tiegħu (esklużi l-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji) jissupera l-limitu massimu tal-Intestatura 3 b'EUR 71,28 miljun f'approprjazzjonijiet ta’ impenn, filwaqt li jżid l-approprjazzjonijiet ta' pagament b'EUR 1 857,7 miljun; jipproponi li, minħabba n-nuqqas ta' marġni diġà fil-livell tal-AB, dawn iż-żidiet jiġu ffinanzjati taħt il-limitu massimu, filwaqt li simultanjament ikun hemm mobilizzazzjoni tal-Marġini ta' Kontinġenza għal għadd ta' partiti ta' nefqa essenzjali relatati mal-migrazzjoni;

Intestatura 4 – Ewropa Globali

58.  Jinnota li, fid-dawl tal-isfidi attwali fl-oqsma tar-rifuġjati u l-migrazzjoni, l-azzjoni esterna tal-Unjoni qed taffaċċja dejjem aktar ħtiġijiet għal finanzjament li jissuperaw sew id-daqs attwali tal-Intestatura 4; jikkontesta b'qawwa għalhekk jekk il-limiti massimi tal-Intestatura 4 humiex suffiċjenti biex jipprovdu għal finanzjament xieraq għad-dimensjoni esterna tal-isfidi fl-oqsma tar-rifuġjati u l-migrazzjoni; jiddeplora l-fatt li, sabiex tiffinanzja inizjattivi ġodda bħall-FRT, il-Kummissjoni fl-AB tagħha għażlet li tnaqqas minn programmi oħra bħall-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabilità u l-Paċi, jisħaq li jkun tajjeb li dan ma jsirx b'detriment għall-politiki f'oqsma oħrajn; jiddeċiedi għalhekk li jtaffi sostanzjalment ċaqliqa ta' riżorsi finanzjarji importanti minn żewġ strumenti li, fost affarijiet oħra, jindirizzaw il-kawżi li huma l-għeruq tal-flussi migratorji; ifakkar li l-objettiv primarju tal-politika tal-iżvilupp tal-Unjoni jrid jibqa' t-tnaqqis tal-faqar; jiddispjaċih li l-approprjazzjonijiet għall-għajnuna umanitarja u għat-taqsima għall-Mediterran tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat huma inqas minn dawk li ġew approvati fil-baġit 2016, minkejja r-rilevanza ovvja li għandhom fl-indirizzar tal-għadd kbir ta' sfidi esterni; jiddeplora t-tnaqqis inġustifikat li għamel il-Kunsill;

59.  Jiddeċiedi għalhekk li jreġġa' t-tnaqqis kollu tal-Kunsill fl-Intestatura 4 lura għal li kien; jiddeċiedi wkoll li jreġġa' l-livelli għal-linji tat-taqsima għall-Mediterran tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat u għall-għajnuna umanitarja lura għal li kienu fl-2016; jiddeċiedi barra minn hekk li jtaffi t-tnaqqis li għamlet il-Kummissjoni fl-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabilità u l-Paċi; jikkunsidra li huwa essenzjali li jinżamm r-rwol kruċjali tal-Unjoni u l-livell ta' appoġġ finanzjarju fis-sostenn għall-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, l-Awtorità Palestinjana u l-Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA), kif ukoll għal-linji tat-taqsima għas-Sħubija tal-Lvant tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat; jissottolinja l-importanza tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem;

60.  Jiddeċiedi li jżid l-assistenza makrofinanzjarja li tnaqqset b'mod sinifikanti meta mqabbla mal-livell tal-2016; jemmen li se jkun hemm bżonn ta' livell ta' finanzjament ogħla minn dak propost biex jiġi żgurat li kull talba għal self fil-ġejjieni tkun tista' tiġi akkomodata;

61.  Jagħti l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-FRT u jipproponi li tiġi kkonċentrata fl-2016 parti mill-kontribuzzjoni baġitarja tal-Unjoni ppjanata fl-2017 minħabba r-riżultati tajba miksuba fl-implimentazzjoni tagħha u l-marġnijiet estensivi li għad fadal disponibbli fil-baġit 2016; jappella għalhekk għal żieda ta' EUR 400 miljun għall-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II) permezz ta' baġit emendatorju għall-2016 u għal mobilizzazzjoni konsegwenti tal-Marġini ta' Kontinġenza; iqiegħed l-istess ammont f'riżerva fil-baġit 2017, sakemm jintlaħaq ftehim komprensiv dwar finanzjament alternattiv għall-FRT, li kieku jtaffi l-pressjoni mingħajr preċedent li qed iġarrbu l-istrumenti l-oħra ta' finanzjament estern;

62.  Jinnota bi tħassib li, minkejja n-natura topika u d-daqs sinifikanti tagħhom, il-Fondi Fiduċjarji tal-UE, kif ukoll il-FRT, huma virtwalment inviżibbli fil-baġit tal-Unjoni; jappella biex dawn jiġu inkorporati b'mod li jkun aktar trasparenti u li jirrispetta aktar l-unità tal-baġit tal-Unjoni u tal-prerogattivi tal-awtorità baġitarja, u joħloq linji baġitarji ġodda għal dan l-għan; jappella wkoll lill-Kummissjoni biex tipprovdi evidenza li l-użu tal-istrumenti finanzjarji taħt il-Fondi Fiduċjarji ma jirriżultax fid-devjazzjoni ta' approprjazzjonijiet mill-objettivi skont il-bażijiet ġuridiċi inizjali tagħhom; jinnota li l-objettiv li jitqanqlu kontribuzzjonijiet nazzjonali apparti l-baġit tal-Unjoni s'issa huwa magħruf sew li falla; jirrileva f'dan ir-rigward il-fatt li, fl-appelli ġejjiena għal kontribuzzjoni baġitarja mill-UE għall-Fondi Fiduċjarji, il-Parlament mhux se jagħti l-qbil tiegħu sakemm ma jkunx ġie pprovdut ammont paragunabbli ta' kontribuzzjonijiet min-naħa tal-Istati Membri; jistieden għalhekk lill-Istati Membri jonoraw l-impenji tagħhom malajr kemm jista' jkun;

63.  Jinnota li l-Fond ta' Garanzija għall-azzjonijiet esterni, li jkopri s-self li ma jitħallasx lura u l-garanziji fuq self mogħti lil Stati mhux membri jew għal proġetti fi Stati mhux membri, għandu, skont ir-rapport tal-Kummissjoni dwar garanziji koperti mill-baġit ġenerali (COM(2016)0576 final), bżonnijiet finanzjarji addizzjonali sabiex jilħaq l-ammont intenzjonat, u dan konsegwentement wassal biex fl-AB iddaħħal proviżjonament ta' EUR 228,04 miljun. jinsab imħasseb dwar il-fatt li dawn ir-rekwiżiti jqiegħdu pressjoni addizzjonali fuq il-limiti massimi tal-Intestatura 4 li diġà huma stretti ħafna;

64.  Jilqa' l-proposti baġitarji tal-Kummissjoni fir-rigward tal-Qafas ġdid ta' Sħubija dwar il-Migrazzjoni u tal-Pjan ta' Investiment Estern; jesprimi t-tħassib tiegħu madankollu rigward il-ħolqien ta' "satelliti" ġodda potenzjali barra mill-baġit tal-Unjoni; itenni l-bżonn li jżomm skrutinju parlamentari sħiħ fuq il-baġit tal-Unjoni; jinsisti b'mod qawwi fuq ir-rispett tal-prinċipju tal-unità tal-baġit; jinsab konvint li jkun tajjeb li l-prijorità l-ġdida ma tiġix iffinanzjata b'detriment għall-proġetti eżistenti tal-Unjoni; jemmen li mobilizzazzjoni ta' flessibilità addizzjonali tkun tajba biex tipprovdi qafas ambizzjuż għall-promozzjoni tal-investiment fl-Afrika u l-Viċinat tal-UE li jkun mgħammar b'approprjazzjonijiet ġodda adegwati;

65.  Itenni t-talba tiegħu li l-linja baġitarja għar-Rappreżentanti Speċjali tal-UE tiġi ttrasferita, b'mod li jkollu effett baġitarju newtrali, mill-baġit tal-PESK għall-baġit amministrattiv tas-SEAE sabiex l-attivitajiet diplomatiċi tal-Unjoni jiġu kkonsolidati ulterjorment;

66.  Iżid, b'riżultat ta' dan, il-livell tal-approprjazzjonijiet ta' impenn għall-Intestatura 4 b'EUR 499,67 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn u b'EUR 493,2 miljun f'approprjazzjonijiet ta' pagament (esklużi l-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji u inkluż it-trasferiment tar-Rappreżentanti Speċjali tal-UE għall-baġit tas-SEAE) aktar minn dak tal-AB;

67.  Iqis li hemm bżonn jiżdiedu l-approprjazzjonijiet għal-linja baġitarja għall-Komunità Turko-Ċiprijotta (+EUR 3 miljun) bl-iskop li jingħataw kontribut deċiżiv għall-kontinwazzjoni u l-intensifikazzjoni tal-missjoni tal-Kumitat għall-Persuni Nieqsa f'Ċipru, u appoġġ għall-Kumitat Tekniku bikomunali għall-Patrimonju Kulturali, biex b'hekk jiġu promossi l-fiduċja u r-rikonċiljazzjoni bejn iż-żewġ komunitajiet;

Intestatura 5 - L-amministrazzjoni; Intestaturi oħra - nefqa amministrattiva u ta' sostenn għar-riċerka

68.  Jikkunsidra li t-tnaqqis tal-Kunsill huwa inġustifikat u dannuż, u għaldaqstant ireġġa' l-AB lura għal li kien fir-rigward tan-nefqa amministrattiva kollha tal-Kummissjoni, inklużi n-nefqa amministrattiva u dik ta' sostenn għar-riċerka fl-Intestaturi 1 sa 4;

69.  Jiddeċiedi, fid-dawl tar-rivelazzjonijiet riċenti u sabiex jikseb lura l-fiduċja taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-kredibilità tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li jżomm 20 % tal-approprjazzjonijiet tal-Allowances Temporanji għall-ex Membri f'riżerva sa meta l-Kummissjoni tinforza Kodiċi ta' Kondotta aktar rigoruż għall-Kummissarji għall-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess u l-fenomenu magħruf bħala "bibien iduru";

70.  Jikkunsidra li l-kooperazzjoni amministrattiva interistituzzjonali hija għajn ta' effiċjenza peress li l-għarfien, il-kapaċitajiet u r-riżorsi żviluppati għal istituzzjoni jistgħu jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-oħrajn; jitlob għalhekk li tiġi stabbilita sistema li trażżan il-piżijiet amministrattivi sal-minimu meħtieġ, li tiżgura l-kwalità xierqa tas-servizzi, tipprovdi lill-istituzzjoni responsabbli ewlenija bil-mezzi baġitarji neċessarji, u tinċentivizza l-kooperazzjoni tal-istituzzjonijiet l-oħra billi tillimitalhom sehemhom sal-ispejjeż marġinali kkawżati mill-koperazzjoni, u għaldaqstant tallinja d-deċiżjonijiet dwar il-ġestjoni finanzjarja tajba fil-livell tal-istituzzjonijiet mal-ġestjoni finanzjarja kumplessivament tajba tal-baġit;

L-aġenziji

71.  Japprova, bħala regola ġenerali, l-estimi tal-Kummissjoni tal-ħtiġijiet baġitarji tal-aġenziji; jinnota li l-Kummissjoni diġà naqqset b'mod konsiderevoli t-talbiet inizjali tal-biċċa l-kbira tal-aġenziji; jikkunsidra, għaldaqstant, li kwalunkwe tnaqqis ulterjuri li jipproponi l-Kunsill kieku jippreġudika l-funzjonament korrett tal-aġenziji u ma jippermettilhomx iwettqu l-kompiti assenjati lilhom;

72.  Jilqa' ż-żieda baġitarja għall-aġenziji tal-ĠAI li huma effiċjenti, speċjalment dawk involuti fil-migrazzjoni u s-sigurtà; jisħaq li dawn l-aġenziji jridu jingħataw biżżejjed riżorsi (inkluż biex jinvestu f'teknoloġiji ġodda) u persunal meta jiġu estiżi l-mandati tagħhom;

73.  Jikkunsidra, fil-kuntest tal-isfidi attwali fil-qasam tas-sigurtà u mingħajr ma jinsa l-ħtieġa għal rispons Ewropew ikkoordinat, li wħud minn dawn iż-żidiet mhumiex suffiċjenti, u jiddeċiedi li jżid l-approprjazzjonijiet għall-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol), l-Unità ta' Kooperazzjoni Ġudizzjarja tal-Unjoni Ewropea, l-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira (eu-LISA) u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA);

74.  Jisħaq fid-dettall il-ħtieġa għal biżżejjed riżorsi umani u materjali għaċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità (EC3) u l-Unità ta' Indikazzjoni ta' Kontenut fuq l-Internet li għadhom kif ġew stabbiliti fi ħdan Europol, inkluż fir-rigward tal-ippjanar operattiv konġunt u l-valutazzjoni tat-theddid b'mod li jissaħħaħ approċċ ikkoordinat bejn l-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, iċ-ċiberkriminalità u l-kriminalità relatata mal-internet, it-terroriżmu u kriminalità serja ta' tip ieħor; jitlob finanzjament addizzjonali għall-iskwadri ta' investigazzjoni konġunta;

75.  Ifakkar fit-titjib u l-interoperabilità ppjanati tas-sistemi ta' informazzjoni differenti fil-qasam tal-ĠAI mħabbra mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha, tas-6 ta' April 2016, dwar il-qafas futur għal sistemi ta' informazzjoni aktar b'saħħithom u aktar intelliġenti għall-ġestjoni tal-fruntieri u s-sigurtà interna; iħeġġeġ biex jiġi previst il-bżonn għar-riżorsi xierqa biex dawk is-soluzzjonijiet tekniċi jiġu implimentati malajr u b'mod effiċjenti;

76.  Jilqa' l-inklużjoni fil-baġit 2017 tar-riżorsi adegwati biex tiġi appoġġata t-trasformazzjoni fuq żmien twil ta' Frontex f'Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u t-trasformazzjoni tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) f'aġenzija vera u proprja għall-asil; jisħaq li, filwaqt li jidher li r-riżorsi għall-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta huma adegwati għalissa, il-bżonnijiet futuri tal-aġenzija f'termini ta' riżorsi operattivi u persunal se jkollhom jiġu ssorveljati mill-qrib sabiex l-aġenzija ma taqax lura meta mqabbla mar-realtà;

77.  Jiddeċiedi barra minn hekk, minħabba s-sitwazzjoni umanitarja fil-viċinat tan-Nofsinhar tal-Ewropa li qed tiddeterjora, iż-żieda fl-għadd ta' dawk li qed ifittxu asil, u prinċipalment bl-intenzjoni li jsaħħaħlu l-mandat oltre l-proposta tal-Kummissjoni, li jżid l-approprjazzjonijiet tal-baġit 2016 għall-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil;

78.  Itenni n-nuqqas ta' qbil tiegħu mal-approċċ tal-Kummissjoni u tal-Kunsill rigward il-kompożizzjoni tal-persunal tal-aġenziji, u għaldaqstant qed jimmodifika għadd sostanzjali ta' pjanijiet ta' stabbiliment; jissottolinja għal darb'oħra li jkun tajjeb li kull aġenzija tnaqqas 5 % tal-karigi fuq 5 snin, kif miftiehem fil-FII, iżda li l-karigi l-ġodda meħtieġa biex jitwettqu l-kompiti addizzjonali dovuti għall-iżviluppi ta' politiki ġodda u leġiżlazzjoni ġdida mill-2013 'l hawn iridu jiġu akkumpanjati minn riżorsi addizzjonali, u hemm bżonn li jingħaddu apparti l-objettiv tal-FII li jitnaqqas il-persunal; jenfasizza għal darb'oħra għalhekk l-oppożizzjoni tiegħu għall-kunċett ta' riżerva għar-riassenjazzjoni ta' persunal fost l-aġenziji, iżda jafferma mill-ġdid id-disponibilità tiegħu li ċerti karigi jiġu lliberati billi jinkisbu gwadanni fl-effiċjenza bejn l-aġenziji permezz ta' żieda fil-kooperazzjoni amministrattiva jew saħansitra permezz ta' fużjonijiet fejn ikun xieraq, u billi ċerti funzjonijiet jiġu akkomunati mal-Kummissjoni jew ma' aġenzija oħra;

79.  Jisħaq li jista' jiġi ffrankat ammont sostanzjali ta' riżorsi operattivi u ta' persunal kieku l-aġenziji li joperaw minn aktar minn sit wieħed (ENISA, eu-LISA, ERA) jillimitaw ruħhom għal sede waħda biss; huwa tal-opinjoni li tali bidla ssir fattibbli minħabba l-ħtiġijiet operattivi attwali ta' dawk l-aġenziji; jissottolinja l-fatt li, jekk l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) tiċċaqlaq minn Londra u tiġi fuża għall-inqas ma' waħda miż-żewġ Awtoritajiet Superviżorji l-oħra, jista' jiġi ffrankat ammont konsiderevoli mill-ispejjeż taż-żewġ aġenziji; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta f'dan ir-rigward;

Il-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji (PP-AP)

80.  Jiddeċiedi, wara li wettaq analiżi bir-reqqa tal-proġetti pilota u tal-azzjonijiet preparatorji mressqa fir-rigward tar-rata ta' suċċess ta' dawk attwali, u apparti l-inizjattivi diġà koperti mill-bażijiet ġuridiċi eżistenti, u filwaqt li jqis kompletament il-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentabilità tal-proġetti, li jadotta pakkett ta' kompromess li jikkonsisti minn għadd limitat ta' PP-AP, anke fid-dawl tal-marġnijiet limitati disponibbli u l-limiti massimi għall-PP-AP;

L-istrumenti speċjali

81.  Ifakkar fl-importanza tar-Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza biex ikun hemm rispons rapidu għal rekwiżiti ta' għajnuna speċifika għal pajjiżi terzi minħabba avvenimenti imprevisti, u fl-appell preċedenti tiegħu għal żieda sostanzjali fil-pakkett finanzjarju tagħha, bħala parti mir-reviżjoni tal-QFP; jinnota li l-fatt li din ġiet ikkunsmata malajr ħafna fl-2016, b'mod li x'aktarx jeżawrixxi kull possibilità ta' riport, huwa indikazzjoni li dan l-istrument speċjali se jirriżulta insuffiċjenti biex jindirizza l-ħtiġijiet addizzjonali kollha fl-2017; iżid għalhekk l-approprjazzjonijiet tagħha biex tintlaħaq allokazzjoni annwali ta' EUR 1 biljun, sakemm tittieħed deċiżjoni dwar l-allokazzjoni annwali tar-Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza fil-kuntest tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP;

82.  Ireġġa' l-AB lura għal li kien fir-rigward tar-riżervi għall-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni u l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea b'mod li tiġi ffaċilitata l-mobilizzazzjoni ta' dawn l-istrumenti speċjali;

Il-pagamenti

83.  Ileħħen it-tħassib tiegħu rigward it-tnaqqis sinifikanti li ġarrbu l-approprjazzjonijiet ta' pagament fl-AB 2017 meta mqabbla ma' dawk tal-baġit 2016; jinnota li dan jiżvela dewmien fl-implimentazzjoni li, mhux talli huwa preokkupanti fir-rigward tar-realizzazzjoni tal-politiki tal-Unjoni, iżda jinvolvi wkoll ir-riskju li jerġa' jiġi akkumulat arretrat ta' kontijiet mhux imħallsa fi tmiem il-perjodu ta' programmazzjoni attwali; jikkunsidra li jkun tajjeb li din il-kwistjoni tiġi indirizzata bħala parti mir-reviżjoni tal-QFP; jiddispjaċih barra minn hekk rigward it-tnaqqis tal-Kunsill fil-pagamenti, minkejja l-marġnijiet estensivi disponibbli taħt il-limiti massimi;

84.  Jisħaq li, fuq talba tal-Parlament, intlaħaq qbil dwar pjan ta' pagament bl-għan li l-arretrat tat-talbiet pendenti għal pagamenti relatati mal-politika ta' koeżjoni għall-perjodu 2007-2013 jitnaqqas għal livell "normali" ta' EUR 2 biljuni sa tmiem l-2016; jindika li tal-inqas EUR 8,2 biljun f'kontijiet mhux imħallsa ġew identifikati fl-aħħar tal-2015 għall-perjodu 2007-2013 fil-qasam tal-politika ta' koeżjoni, u huwa mistenni li din iċ-ċifra tinżel taħt EUR 2 biljun sa tmiem l-2016; jemmen li jkun tajjeb li pjan ta' pagament konġunt għall-perjodu 2016-2020 ikun vinkolanti, u jiġi żviluppat u miftiehem bejn it-tliet istituzzjonijiet; jinsisti li jkun tajjeb li tali pjan ta' pagament ġdid jiġi bbażat fuq ġestjoni finanzjarja tajba u jiddisponi għal strateġija ċara biex il-bżonnijiet kollha fir-rigward tal-pagamenti fl-intestaturi kollha jiġu ssodisfati sa tmiem il-QFP attwali, u biex jiġi evitat "arretrat moħbi" kkawżat minn tnaqqis artifiċjali fir-rata ta' implimentazzjoni ta' ċerti programmi pluriennali u miżuri oħra ta' mitigazzjoni, bħat-tnaqqis tar-rati ta' prefinanzjament;

85.  Jiddeċiedi li jreġġa' l-AB lura għal li kien fir-rigward tal-pagamenti fuq il-linji kollha li naqqas il-Kunsill u jżid l-approprjazzjonijiet ta' pagament fuq dawk il-linji kollha li ġew emendati fl-approprjazzjonijiet ta' impenn;

Ibbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni

86.  Ifakkar li, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2013 dwar il-Qafas ta' Kontroll Intern Integrat(10), il-Parlament qabel mal-fehma li esprimiet il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, li ma jagħmel l-ebda sens li dak li jkun jipprova jkejjel il-prestazzjoni mingħajr ma jkun ibbaġitja abbażi ta' indikaturi tal-prestazzjoni(11), u jappella biex jiġi stabbilit mudell ta' bbaġitjar pubbliku abbażi tal-prestazzjoni fejn kull linja baġitarja tiġi assoċjata ma' objettivi u riżultati mistennija li jitkejlu permezz ta' indikaturi tal-prestazzjoni;

87.  Jilqa' d-Dikjarazzjonijiet tal-Programmi dwar in-nefqiet operattivi mehmuża mal-AB, peress li huma risposta parzjali għat-talba li saret mill-Parlament rigward l-objettivi, ir-riżultati mistennija u l-indikaturi; jinnota li tali dikjarazzjonijiet jikkomplementaw il-metodu tas-soltu ta' bbaġitjar ibbażat fuq l-attivitajiet b'xi data relatata mal-prestazzjoni;

88.  Jinsisti li, bl-għan li jissemplifikaw l-istrumenti ta' ġestjoni interna tal-Kummissjoni, ikun tajjeb li d-Diretturi Ġenerali ma jiddevjawx mill-objettivi politiċi u l-indikaturi inklużi fid-Dikjarazzjonijiet tal-Programmi dwar in-nefqiet operattivi meta jadottaw il-pjanijiet ta' ġestjoni u r-rapporti annwali tal-attività tagħhom, u li l-Kummissjoni tfassal ir-rapport ta' evalwazzjoni tagħha skont l-Artikolu 318 tat-TFUE abbażi ta' dan;

Taqsimiet oħra

Taqsima I – Il-Parlament Ewropew

89.  Iżomm il-livell kumplessiv tal-baġit tiegħu għall-2017, kif adottat mill-plenarja fl-14 ta' April 2016, kif inhu f'ammont ta' EUR 1 900 873 000; jinkorpora l-aġġustamenti tekniċi ta' effett baġitarju newtrali biex fil-baġit jiġu riflessi d-deċiżjonijiet riċenti tiegħu, u jirrilaxxa r-riżerva fuq il-linja baġitarja għat-trasport ta' Membri, persuni u oġġetti;

90.  Japprova l-bidliet fil-pjan ta' stabbiliment tiegħu u l-approprjazzjonijiet baġitarji korrispondenti bħala rispons għall-ħtiġijiet addizzjonali tal-gruppi politiċi; jikkompensa kompletament dawn iż-żidiet billi jnaqqas l-approprjazzjonijiet fir-riżerva ta' kontinġenza u l-linja baġitarja għas-sistemazzjoni fil-bini;

91.  Ifakkar fid-deċiżjoni politika tiegħu li jeżenta lill-gruppi politiċi mill-objettiv li jitnaqqas il-persunal b'5 %, kif issottolinja fir-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar il-baġits 2014(12), 2015(13) u 2016(14);

92.  Inaqqas 60 kariga mill-pjan ta' stabbiliment tas-Segretarjat Ġenerali tiegħu(15) għall-2017 (objettiv li jitnaqqas il-persunal b'1 %), bi qbil mal-ftehim tal-14 ta' Novembru 2015 li ntlaħaq mal-Kunsill rigward il-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016; ifakkar li l-impatt baġitarju ta' din il-miżura diġà tqies fl-estimi;

93.  Inaqqas 20 kariga ulterjuri mill-pjan ta' stabbiliment tiegħu biex jirrifletti t-tmiem tat-trasferiment ta' karigi previst fil-ftehim ta' kooperazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni; jisħaq li, peress li dawn il-karigi ma kinux ibbaġitjati, ma hemm bżonn li titnaqqas l-ebda approprjazzjoni min-naħa tal-Parlament;

94.  Jinkoraġġixxi lis-Segretarji Ġenerali tal-Parlament Ewropew, tal-Kumitat tar-Reġjuni u tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jaħdmu flimkien rigward l-arranġamenti ulterjuri possibbli biex il-funzjonijiet u s-servizzi amministrattivi jiġu kondiviżi bejn it-tliet istituzzjonijiet; jappella lis-Segretarji Ġenerali biex iwettqu wkoll studju dwar jekk jistgħux jinkisbu sinerġiji fil-funzjonijiet u s-servizzi amministrattivi anke bejn il-Parlament, il-Kummissjoni u l-Kunsill;

95.  Iżomm fil-pjan ta' stabbiliment tiegħu għall-2017 il-35 kariga ġdida, kif mitlub fl-ABE 3/2016 għat-tisħiħ tas-sigurtà tal-istituzzjonijiet; jeżenta dawn il-karigi mill-objettiv li jitnaqqas il-persunal b'5 % peress li jikkorrispondu għal attivitajiet ġodda għall-Parlament;

96.  Itenni li l-implimentazzjoni tal-objettiv li jitnaqqas il-persunal m'għandhiex tipperikola l-funzjonament tajjeb tal-Istituzzjoni u l-eżerċizzju mill-Parlament tas-setgħat ewlenin tiegħu, u lanqas ma għandha tvarja l-eċċellenza leġiżlattiva tiegħu jew il-kwalità tal-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-Membri u l-persunal;

97.  Jikkonkludi, fid-dawl tad-diversi problemi affrontati fil-proċedura baġitarja interna ta' din is-sena, li huwa inevitabbli li l-Kapitolu 9, u l-partijiet rilevanti tal-kapitoli l-oħra tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, se jkollhom jiġu riveduti u aġġornati sabiex ikun jista' jiġi realizzat l-appell li għamel il-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' April 2016 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament għas-sena finanzjarja 2017, jiġifieri li, "kwalunkwe informazzjoni rilevanti għandha tiġi ppreżentata lill-Membri tal-Bureau u l-Kumitat għall-Baġits f'kull stadju tal-proċedura b'mod f'waqtu u li jinftiehem u fil-livell meħtieġ ta' dettall u analiżijiet sabiex il-Bureau, il-Kumitat għall-Baġits u l-gruppi politiċi jkunu jistgħu jwettqu deliberazzjonijiet xierqa u jibbażaw id-deċiżjonijiet fuq stampa komprensiva tas-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet tal-baġit tal-Parlament";

98.  Jirrikjedi, skont il-paragrafu 15 tar-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' April 2016 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament għas-sena finanzjarja 2017, li waqt il-proċedura baġitarja għas-sena finanzjarja 2018, għall-ewwel darba jintuża l-metodu li permezz tiegħu l-baġit tal-Parlament jiġi stabbilit abbażi tal-bżonnijiet attwali u mhux abbażi ta' sistema ta' koeffiċjenti;

99.  Ifakkar li l-amministrazzjoni impenjat ruħha li tippreżenta ppjanar baġitarju fuq żmien medju u twil, li jinkludi distinzjoni ċara bejn l-investimenti u n-nefqa operattiva relatata mal-funzjonament tal-istituzzjoni, inklużi l-obbligi statutorji vinkolanti; jistenna għalhekk li l-abbozz preliminari tal-estimi għall-2018 jiġi ppreżentat bl-istess format;

100.  Ifakkar li, skont l-istima tar-Rapport Fox-Häfner tal-2013(16), l-ispejjeż tad-dispersjoni ġeografika tal-Parlament huma bejn EUR 156 miljun u EUR 204 miljun u huma ekwivalenti għal 10 % tal-baġit tal-Parlament; jinnota li nstab li 78 % tal-missjonijiet kollha li jsiru mill-persunal uffiċjali tal-Parlament huma riżultat dirett tad-dispersjoni ġeografika tal-Parlament; jenfasizza li, skont ir-rapport, huwa stmat ukoll li l-impatt ambjentali tad-dispersjoni ġeografika huwa bejn il-11 000 u d-19 000 tunnellata ta' emissjonijiet ta' CO2; itenni l-perċezzjoni pubblika negattiva li tikkawża din id-dispersjoni, u għaldaqstant, jappella għal pjan direzzjonali lejn sede waħda u tnaqqis fil-linji baġitarji rilevanti;

101.  Jiddispjaċih li, minkejja għadd ta' appelli mill-Kumitat għall-Baġits, l-istrateġija fuq żmien medju u fuq żmien twil rigward il-bini tal-Parlament mhijiex disponibbli biex tiġi ddeliberata b'mod informat fil-kumitat;

Taqsima IV - Il-Qorti tal-Ġustizzja

102.  Jiddispjaċih li l-Kunsill żied ir-rata ta' tnaqqis standard minn 2,5 % għal 3,8 %, b'mod li tiġi ekwivalenti għal riduzzjoni ta' -EUR 3,4 miljun u tikkontradixxi r-rata estremament għolja ta' karigi okkupati fil-Qorti (98 % fi tmiem l-2015); jaġġusta mill-ġdid għalhekk ir-rata ta' tnaqqis standard għal-livell tal-AB sabiex il-Qorti tkun tista' twettaq il-missjoni tagħha fil-kuntest ta' żieda kontinwa fil-volum ta' kawżi ġudizzjarji;

103.  Jiddeċiedi, barra minn hekk, li jreġġa' l-AB lura għal li kien fir-rigward ta' sitt partiti baġitarji li naqqas il-Kunsill fuq it-Titoli I u II tal-baġit tal-Qorti li kieku jkollhom impatt partikolarment qawwi fuq il-prijoritajiet tal-Qorti fl-oqsma lingwistiċi u tas-sigurtà;

104.  Jesprimi n-nuqqas ta' sodisfazzjon tiegħu rigward id-dikjarazzjoni unilaterali tal-Kunsill u l-appendiċi relatat dwar it-tnaqqis tal-persunal b'5 % fil-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-AB 2017, skont liema għad hemm bżonn li l-Qorti tnaqqas il-pjan ta' stabbiliment tagħha b'19-il kariga; jissottolinja l-fatt li dawn id-19-il kariga jikkorrispondu għat-12 u s-7 karigi konċessi kif dovut mill-Parlament u mill-Kunsill fil-proċeduri baġitarji tal-2015 u l-2016 rispettivament biex jindirizzaw bżonnijiet addizzjonali, u jinsisti għalhekk li ma jkunx tajjeb li dawn id-19-il kariga jingħataw lura, peress li l-Qorti diġà kisbet kif dovut ir-rekwiżit li tnaqqas il-persunal tagħha b'5 % billi eliminat 98 kariga matul il-perjodu 2013-2017; 

Taqsima V - Il-Qorti tal-Awdituri

105.  Ireġġa' r-rata ta' tnaqqis standard lura għal-livell inizjali tagħha ta' 2,6 %, b'tali mod li l-Qorti tal-Awdituri tkun tista' tissodisfa ħtiġijietha fir-rigward tal-pjan ta' stabbiliment;

106.  Ireġġa' lura għal li kienu ħames partiti baġitarji addizzjonali li naqqas il-Kunsill sabiex il-Qorti tal-Awdituri tkun tista' timplimenta l-programm ta' ħidma tagħha u tippreżenta r-Rapporti tal-Awditjar ippjanati;

107.  Ireġġa' l-AB parzjalment lura għal li kien fir-rigward ta' tliet partiti baġitarji bi qbil mal-proposti għall-iffrankar ta' riżorsi identifikati mill-Qorti tal-Awdituri nnifisha;

Taqsima VI - Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

108.  Ireġġa' r-rata ta' tnaqqis standard lura għal-livell inizjali tagħha ta' 4,5 %, b'tali mod li l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ikun jista' jissodisfa l-bżonnijiet tiegħu u jaffronta t-tnaqqis kontinwu tal-persunal fil-kuntest tal-ftehim ta' kooperazzjoni bejn il-Parlament u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni ta' Frar 2014;

109.  Jintegra mill-ġdid it-12-il kariga u l-approprjazzjonijiet relatati li l-Kummissjoni naqqset fl-AB bi qbil mal-ftehim ta' kooperazzjoni msemmi hawn fuq, biex b'hekk jiġi rifless l-għadd ta' karigi li effettivament ġew ittrasferiti mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew lill-Parlament;

110.  Jiddeċiedi wkoll li jaġġusta l-partita rigward is-servizzi supplimentari għas-servizzi ta' traduzzjoni sal-livell stmat mill-istituzzjoni nnifisha, u b'hekk jikkumpensa parzjalment it-trasferiment ta' 36 kariga mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew lill-Parlament bi qbil mal-ftehim ta' kooperazzjoni msemmi hawn fuq;

Taqsima VII - Il-Kumitat tar-Reġjuni

111.  Jintegra mill-ġdid it-tmien karigi u l-approprjazzjonijiet relatati li l-Kummissjoni naqqset fl-AB bi qbil mal-ftehim ta' kooperazzjoni msemmi hawn fuq, biex b'hekk jiġi rifless l-għadd ta' karigi li effettivament ġew ittrasferiti mill-Kumitat tar-Reġjuni lill-Parlament;

112.  Jintegra mill-ġdid barra minn hekk l-approprjazzjonijiet li l-Kummissjoni naqqset fl-AB tagħha fir-rigward tal-ispejjeż tal-uffiċċju u l-allowances informatiċi tal-Membri tal-Kumitat lura għal-livell stmat mill-Kumitat sabiex jiġi żgurat finanzjament suffiċjenti għall-ispejjeż tal-uffiċċju u l-allowances informatiċi tal-Membri tal-Kumitat tar-Reġjuni;

113.  Jiddispjaċih dwar it-tnaqqis li sar għall-partita baġitarja "Sistemazzjoni fil-bini" mill-Kummissjoni fl-AB tagħha, u jiddeċiedi li jreġġa' l-partita lura għal-livell stmat mill-Kumitat innifsu biex iwieġeb għaż-żieda fil-bżonnijiet fil-qasam tas-sigurtà, iżomm il-bini f'kundizzjoni tajba u f'konformità mal-obbligi legali, u jtejjeb l-effiċjenza enerġetika;

114.  Jintegra mill-ġdid finalment l-approprjazzjonijiet relatati mal-attivitajiet ta' komunikazzjoni tal-gruppi politiċi, li ġew riveduti 'l isfel mill-Kummissjoni fl-AB, sabiex jiġi żgurat finanzjament adegwat għall-attivitajiet ta' komunikazzjoni tal-gruppi politiċi tal-Kumitat;

Taqsima VIII - L-Ombudsman Ewropew

115.  Jinnota li l-Kunsill naqqas l-AB tal-Ombudsman b'-EUR 195 000; jissottolinja li tali riduzzjoni kieku timponi piż sproporzjonat fuq il-baġit limitat ħafna tal-Ombudsman, u li kieku jkollha impatt qawwi fuq il-kapaċità tal-istituzzjoni li taqdi liċ-ċittadini Ewropej b'mod effikaċi; ireġġa' għaldaqstant il-linji baġitarji kollha li naqqas il-Kunsill lura għal li kienu biex l-Ombudsman tkun tista' taqdi l-mandat u tonora l-impenji tagħha;

Taqsima IX - Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

116.  Jinnota b'dispjaċir li l-Kunsill naqqas l-AB tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data b'-EUR 395 000; jindika li dan jikkuntrasta drastikament mal-kompitu addizzjonali li l-Parlament u l-Kunsill taw lill-istituzzjoni u li kieku jipperikola l-kapaċità tal-istituzzjoni li taqdi lill-istituzzjonijiet Ewropej b'mod effikaċi; ireġġa' għaldaqstant il-linji baġitarji kollha li naqqas il-Kunsill lura għal li kienu biex il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jkun jista' jonora l-obbligi u l-impenji tiegħu;

Taqsima X - Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

117.  Ireġġa' l-linji kollha li naqqas il-Kunsill lura għal li kienu;

118.  Jiddeċiedi barra minn hekk li joħloq partita baġitarja għal Kapaċità ta' Komunikazzjoni Strateġika bi qbil mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2015, u li jagħti lis-SEAE l-persunal u l-għodda adegwati biex jaffronta l-isfida ta' diżinformazzjoni minn stati terzi u atturi mhux statali;

119.  Jilqa' l-impenji li r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà ħadet bil-miktub biex tindirizza l-iżbilanċi eżistenti fil-kompożizzjoni tal-persunal tas-SEAE f'termini tas-sehem tad-diplomatiċi mill-Istati Membri u l-persunal uffiċjali tal-UE f'ċerti karigi u li tippreżenta rieżami tal-politika tas-SEAE dwar ir-riżorsi umani matul l-2017; jappella lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà biex tinforma lill-Parlament dwar il-passi li tkun ħadet sa mhux aktar tard mir-rebbiegħa 2017, qabel tibda l-proċedura baġitarja li jmiss;

o
o   o

120.  Jinsab konvint li l-baġit tal-Unjoni jista' jikkontribwixxi biex jiġu indirizzati b'mod effikaċi mhux biss il-konsegwenzi iżda anke l-kawżi li huma l-għeruq tal-kriżijiet li qed tiffaċċja l-Unjoni bħalissa; huwa tal-fehma, madankollu, li jkun tajjeb li l-avvenimenti imprevisti li d-dimensjoni tagħhom tolqot lill-Unjoni kollha kemm hi jiġu indirizzati billi jiġu akkomunati l-isforzi, u billi jitqiegħdu għad-dispożizzjoni mezzi addizzjonali fil-livell tal-Unjoni minflok jiġu kkontestati l-impenji mgħoddija jew nerġgħu lura għall-illużjoni ta' soluzzjonijiet li jkunu purament nazzjonali; jisħaq, għalhekk, li d-dispożizzjonijiet ta' flessibilità qegħdin hemm biex jippermettu tali rispons konġunt u rapidu, u jkun tajjeb li jintużaw kompletament biex jikkumpensaw għar-restrizzjonijiet stretti tal-limiti massimi tal-QFP;

121.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-emendi għall-abbozz tal-baġit ġenerali, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-istituzzjonijiet u l-entitajiet l-oħra ikkonċernati, kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU L 168, 7.6.2014, p. 105.
(2) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(3) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(4) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(5) Testi adottati, P8_TA(2016)0080.
(6) Testi adottati, P8_TA(2016)0132.
(7) Testi adottati, P8_TA(2016)0309.
(8) Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).
(9) Ir-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 470).
(10) ĠU C 75, 26.2.2016, p. 100.
(11) Kontribut minn Kersti Kaljulaid waqt is-seduta ta' smigħ dwar il-qafas ta' kontroll intern integrat organizzata mill-Kumitat CONT fit-22 ta' April 2013.
(12) Testi adottati, P7_TA(2013)0437.
(13) Testi adottati, P8_TA(2014)0036.
(14) Testi adottati, P8_TA(2015)0376.
(15) Peress li ttieħdet deċiżjoni politika dwar l-esklużjoni tal-gruppi politiċi minn dan il-kalkolu, din ir-riduzzjoni qed tiġi applikata fil-parti tas-Segretarjat Ġenerali tal-pjan ta' stabbiliment.
(16) Testi adottati, P7_TA(2013)0498.

Avviż legali