Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2931(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1173/2016

Testi mressqa :

B8-1173/2016

Dibattiti :

PV 25/10/2016 - 12
CRE 25/10/2016 - 12

Votazzjonijiet :

PV 26/10/2016 - 6.3
CRE 26/10/2016 - 6.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0412

Testi adottati
PDF 358kWORD 55k
L-Erbgħa, 26 ta' Ottubru 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
Ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP 2014-2020
P8_TA(2016)0412B8-1173/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Ottubru 2016 dwar ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP 2014-2020 (2016/2931(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 311, 312 u 323 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2015/623 tal-21 ta' April 2015 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2016 dwar it-tħejjija tar-reviżjoni postelettorali tal-QFP 2014-2020: L-input tal-Parlament qabel il-proposta tal-Kummissjoni(4),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Settembru 2016 għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 COM(2016)0604) u d-dokument li jakkumpanjaha SWD(2016)0299,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Settembru 2016 għal emenda tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u fuq ġestjoni finanzjarja soda COM(2016)0606,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP,

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Baġits,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.  Jenfasizza t-tħassib kontinwu tal-Parlament Ewropew dwar l-insuffiċjenza tar-riżorsi disponibbli taħt il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) attwali; jirrimarka l-għadd ta' kriżijiet u prijoritajiet ġodda li feġġew tul dawn l-aħħar snin, partikolarment il-kriżi tal-migrazzjoni u r-rifuġjati, emerġenzi esterni, kwistjonijiet għas-sigurtà interna, il-kriżi agrikola, il-finanzjament tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) u l-livell għoli persistenti ta' qgħad, speċjalment fost iż-żgħażagħ; jirrimarka wkoll ir-ratifika reċenti mill-UE tal-ftehim dwar it-tibdil fil-klima;

2.  Jissottolinja, b'segwitu għal rieżami tal-funzjonament tal-QFP fl-ewwel nofs ta' dan il-perjodu ta' programmazzjoni ppreżentat fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2016, li rispons adegwat għal dawn l-isfidi jirrikjedi ammont sostanzjali ta' finanzjament addizzjonali mill-baġit tal-UE, li ma setax jiġi pprovdut kompletament fl-ewwel snin tal-perspettiva attwali minħabba r-riżorsi finanzjarji skarsi disponibbli taħt il-QFP attwali; jenfasizza li l-baġit tal-UE jrid jaqbel mal-impenji politiċi u mal-objettivi strateġiċi tal-Unjoni Ewropea; ifakkar f'dan il-kuntest fl-Artikolu 311 tat-TFUE, li jiddikjara li "l-Unjoni għandha tipprovdi għaliha nnifisha l-mezzi meħtieġa sabiex tikseb l-għanijiet tagħha u twettaq b'suċċess il-politika tagħha";

3.  Jemmen li r-reviżjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali tipprovdi opportunità unika biex jingħata rispons għad-diffikultajiet baġitarji li bħalissa qed idgħajfu l-kredibbiltà tal-Unjoni Ewropea; jistieden għalhekk lill-Kunsill jerfa' r-responsabbiltà tiegħu li jallinja l-kliem u l-azzjonijiet, biex jiżgura baġit tal-UE li jkun realistiku, kredibbli, koerenti u sostenibbli għas-snin li fadal tal-perspettiva attwali; iqis li r-reviżjoni għandu jkollha l-għan li tiżgura bilanċ bejn l-ilħuq tal-prijoritajiet politiċi fit-tul tal-Unjoni u r-rispons għall-isfidi emerġenti ġodda; itenni l-pożizzjoni prinċipali tiegħu li inizjattivi politiċi ġodda m'għandhomx jiġu ffinanzjati għad-detriment ta' programmi u politiki eżistenti tal-UE; jirrileva l-ħtieġa għal baġit tal-UE li jkun aktar trasparenti u aċċessibbli għaċ-ċittadini Ewropej, b'mod li huma jkunu jistgħu jerġgħu jiksbu l-fiduċja fil-proġett Ewropew;

Qafas għan-negozjati fil-pront dwar ir-reviżjoni tal-QFP

4.  Ifakkar li reviżjoni post-elettorali obbligatorja tal-QFP kienet waħda mit-talbiet ewlenin tal-Parlament fin-negozjati dwar l-istabbiliment tal-qafas finanzjarju attwali; jilqa', għalhekk, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipproponi reviżjoni tar-Regolament dwar il-QFP u tal-Ftehim Interistituzzjonali, wara li twettaq rieżami tal-funzjonament tal-QFP 2014-2020, kif previst fl-Artikolu 2 tar-Regolament dwar il-QFP; jemmen li din il-proposta tirrappreżenta bażi tajba għan-negozjati;

5.  Jafferma mill-ġdid li r-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-QFP tas-6 ta' Lulju 2016 tikkostitwixxi l-mandat tiegħu għan-negozjati li ġejjin dwar il-QFP, inklużi l-aspetti kollha tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP, kif ukoll elementi importanti relatati mal-QFP għal wara l-2020;

6.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-modifiki kollha li ntlaħaq qbil dwarhom matul din ir-reviżjoni għandhom jiġu implimentati mingħajr dewmien u jkunu diġà integrati fil-baġit tal-UE tal-2017; iħeġġeġ lill-Kunsill iwieġeb malajr u b'mod kostruttiv għall-proposta tal-Kummissjoni u jipprovdi mandat ta' nnegozjar lill-presidenza tiegħu mingħajr aktar dewmien; jinsab lest li jidħol immedjatament f'negozjati sinifikanti mal-Kunsill dwar ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP fil-kuntest tal-proċedura ta' konċiljazzjoni dwar il-Baġit 2017, u abbażi ta' kalendarju bi qbil komuni u modalitajiet ta' negozjati speċifiċi; jiddispjaċih li, għalkemm il-konċiljazzjoni baġitarja se tibda dalwaqt, il-Kunsill għadu mhuwiex lest li jibda negozjati dwar il-QFP; jafferma mill-ġdid l-intenzjoni tiegħu li jilħaq ftehim dwar iż-żewġ fajls qabel tmiem l-2016;

Ir-rispons tal-Parlament għall-proposta tal-Kummissjoni: lejn ftehim ambizzjuż dwar ir-reviżjoni tal-QFP

7.  Jieħu pożizzjoni pożittiva fil-konfront tal-modifiki proposti dwar il-pakkett tal-QFP, b'mod partikolari dwar il-flessibbiltà; jiddispjaċih, madankollu, li l-Kummissjoni ma pproponietx reviżjoni 'l fuq mil-limiti massimi attwali tal-QFP, li kieku tkun tirrappreżenta soluzzjoni ċara u sostenibbli għall-finanzjament tal-ħtiġijiet stmati tal-politiki tal-UE sa tmiem dan il-perjodu; jenfasizza l-pożizzjoni tal-Parlament li l-limiti massimi tal-Intestaturi 1a (Kompetittività għat-Tkabbir u l-Impjiegi), 1b (Koeżjoni Ekonomika, Soċjali u Territorjali), 3 (Sigurtà u Ċittadinanza) u 4 (Ewropa Globali) mhumiex biżżejjed u għandhom jiġu riveduti 'l fuq jekk l-Unjoni trid li taffronta l-isfidi u tissodisfa l-objettivi politiċi tagħha;

8.  Ifakkar, b'mod partikolari, it-talba tal-Parlament li jiġi kkumpensat bis-sħiħ it-tnaqqis relatat mal-FEIS li jaffettwa lill-Orizzont 2020 u lill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li titkompla l-Inizjattiva Favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ bl-istess livell ta' approprjazzjonijiet fis-sena bħal ma kien hemm għall-2014 u l-2015, u li jkun hemm żieda mdaqqsa fir-riżorsi disponibbli taħt l-Intestaturi 3 u 4 sabiex jindirizzaw il-kriżi tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati; iqis b'mod pożittiv il-pakkett ġenerali ta' rinfurzar immirat addizzjonali propost mill-Kummissjoni, li jista' jiġi ffinanzjat fi ħdan il-marġni disponibbli sa tmiem dan il-perjodu, iżda jenfasizza li din il-proposta mhijiex biżżejjed biex tilħaq l-aspettattivi tal-Parlament fl-oqsma inkwistjoni;

9.  Jinnota li l-proposta tal-Kummissjoni b'rabta maċ-ċifri u li hija stmata għal EUR 12,8 biljun tinkludi komponenti differenti; jirrileva b'mod partikolari ż-żieda tal-Orizzont 2020 u tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa - Trasport (EUR 0,4 biljun kull wieħed), tal-Erasmus+ u tal-COSME (EUR 0,2 biljun kull wieħed) u tal-Inizjattiva Favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (EUR 1 biljun), li jammontaw għal total ta' EUR 2,2 biljun f'approprjazzjonijiet ġodda; jinnota li għadd ta' proposti leġiżlattivi ppreżentati mill-Kummissjoni, b'mod parallel mar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP (estensjoni tal-FEIS, Pjan ta' Investiment Estern, inkluż qafas ta' sħubija dwar il-migrazzjoni u Wifi4EU) jammontaw għal EUR 1,6 biljun oħra; ifakkar li, fil-preżentazzjoni tal-Abbozz ta' Baġit 2017, il-Kummissjoni diġà inkorporat EUR 1,8 biljun f'rinfurzar għall-migrazzjoni u aġġornat l-ippjanar finanzjarju tagħha b'EUR 2,55 biljun fl-Intestatura 3 b'riżultat tal-proċeduri leġiżlattivi li għaddejjin; jirrimarka, barra minn hekk, il-fatt li parti mir-rinfurzar finanzjarju propost fl-Intestatura 1a u fl-Intestatura 4 diġà huwa rifless fl-Ittra Emendatorja 1/2017; jinnota, fl-aħħar nett, li l-aġġustament tekniku tal-pakketti tal-politika ta' koeżjoni, li jammota għal EUR 4,6 biljun, huwa r-riżultat ta' eżerċizzju tekniku mill-Kummissjoni u li diġà ngħata bħala parti mill-aġġustament tekniku tal-qafas finanzjarju għall-2017;

10.  Jemmen li l-mobilità taż-żgħażagħ hija essenzjali biex tiżdied il-kuxjenza u l-identità Ewropea, speċjalment kontra t-theddid ta' populiżmu u t-tixrid ta' informazzjoni ħażina; iqis bħala imperattiva politika il-ħtieġa li jsir aktar investiment fiż-żgħażagħ Ewropej permezz tal-baġit tal-UE; huwa favur l-implimentazzjoni ta' inizjattivi ġodda, bħall-programm propost dan l-aħħar, "il-pass InterRail għall-Ewropa f'għeluq it-18-il sena" li jikkonsisti fl-għoti ta' pass InterRail b'xejn lil kull ċittadin Ewropew mal-għeluq tat-18-il sena; jitlob li, fil-kuntest tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP, jiġi żgurat il-finanzjament xieraq għal din il-proposta;

11.  Jinsab determinat li jsolvi b'mod ċar il-kwistjoni tal-ibbaġitjar tal-pagamenti tal-istrumenti speċjali tal-QFP; ifakkar il-kunflitt mhux solvut tal-interpretazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Parlament minn naħa, u l-Kunsill, min-naħa l-oħra, li kellu rwol ċentrali fin-negozjati baġitarji annwali kollha fil-QFP attwali; itenni l-konvinzjoni tiegħu li l-approprjazzjonijiet ta' pagament li jirriżultaw mill-mobilizzazzjoni ta' strumenti speċjali fl-approprjazzjonijiet ta' impenn għandhom jingħaddu wkoll lil hinn mil-limiti massimi tal-pagamenti annwali tal-QFP; iqis li, abbażi l-analiżi u l-previżjoni tal-Kummissjoni, il-limiti massimi ta' pagament tal-QFP attwali jistgħu jiġu sostnuti biss jekk il-kwistjoni tiġi riżolta f'dan ir-rigward;

12.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar id-dewmien attwali fl-implimentazzjoni ta' programmi tal-UE taħt ġestjoni kondiviża, kif intwera partikolarment mill-Abbozz ta' Baġit Emendatorju (ABE) 4/2016, li jnaqqas il-livell ta' pagament ibbaġitjat għall-2016 b'EUR 7,3 biljun; jistenna li dewmien bħal dan se jwassal għal akkumulazzjoni sinifikanti ta' talbiet għal pagament lejn l-aħħar tal-QFP attwali; ifakkar li, għas-sena baġitarja 2015, l-impenji pendenti reġgħu lura għal-livelli għolja li kienu qabel, u li l-ammonti li għandhom jiġu ffinanzjati minn baġits futuri żdied għal EUR 339 biljun; jemmen bis-sħiħ li għandu jsir kull sforz sabiex jiġi evitat li jiġu akkumulati kontijiet mhux imħallsa u kriżi ġdida fil-pagamenti, bħal dik li ġiet osservata matul il-perjodu preċedenti; jiffavorixxi bis-sħiħ, għal dan il-għan, pjan ta' pagament ġdid u vinkolanti għall-perjodu 2016-2020, li għandu jiġi żviluppat u miftiehem bejn it-tliet istituzzjonijiet; iqis, barra minn hekk, li l-użu sħiħ tal-Marġni Globali għall-Pagamenti mingħajr xi limitu annwali huwa prerekwiżit assolut biex tiġi indirizzata din l-isfida;

13.  Itenni l-pożizzjoni li ilu jħaddan li kwalunkwe eċċess li jirriżulta min-nuqqas ta' implimentazzjoni tal-baġit tal-UE jew mill-multi għandhom jiġu bbaġitjati bħala dħul żejjed fil-baġit tal-UE, mingħajr aġġustament korrispondenti tal-kontribuzzjonijiet ta' introjtu nazzjonali gross (ING); jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma nkludietx dan l-element fil-proposta tagħha għar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP;

14.  Jenfasizza li d-dispożizzjonijiet dwar il-flessibbiltà wrew li kienu essenzjali fl-ewwel snin tal-QFP attwali biex jiffinanzjaw ir-rispons għall-kriżi tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati u għall-inizjattivi politiċi ġodda lil hinn minn dak li setgħu jippermettu l-limiti massimi tal-QFP; jilqa', għalhekk, il-proposta tal-Kummissjoni li testendi ulterjorment dawn id-dispożizzjonijiet; jappoġġa, b'mod partikolari, it-tneħħija tal-limitazzjonijiet fid-daqs u l-ambitu tal-Marġni Globali għall-Impenji, kif mitlub ukoll mill-Parlament; jinnota li l-ammonti annwali l-ġodda proposti għall-istrument ta' Flessibbiltà u r-Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza huma qrib il-livelli reali milħuqa fl-2016 minħabba r-riporti, filwaqt li t-talba tal-Parlament kienet tammonta għad-doppju ta' dan (EUR 2 biljun u EUR 1 biljun rispettivament);

15.  Jenfasizza li l-eżekuzzjoni effettiva tal-baġit tal-UE tirrappreżenta l-ogħla prijorità għall-Parlament; jilqa' b'mod partikolari l-proposta tal-Kummissjoni li fil-baġit tal-UE jerġa' jkun hemm disponibbli għal darb'oħra approprjazzjonijiet diżimpenjati li jirriżultaw minn azzjonijiet li ma ġewx implimentati, u li oriġinarjament kienu allokati għalihom, u jenfasizza li din kienet waħda mit-talbiet ewlenin tal-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-QFP tas-6 ta' Lulju 2016; jissottolinja li dawn id-diżimpenji proprjament huma approprjazzjonijiet li diġà ġew awtorizzati mill-awtorità baġitarja bl-intenzjoni li jiġu eżegwiti bis-sħiħ, u li għalhekk ma jistgħux jitqiesu bħala piżijiet ġodda jew addizzjonali għat-teżori nazzjonali;

16.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni għall-istabbiliment ta' Riżerva ta' Kriżi tal-UE bħala strument ta' reazzjoni rapida għall-kriżijiet, kif ukoll għall-avvenimenti b'implikazzjonijiet umanitarji jew għas-sigurtà serji; iqis li l-mobilizzazzjoni ta' dan l-istrument speċjali f'każ ta' kriżi se jipprovdi soluzzjoni ċara u effettiva għall-finanzjament addizzjonali meħtieġ; jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni li jintużaw approprjazzjonijiet diżimpenjati, iżda huwa tal-fehma li dawn ma jistgħux jikkostitwixxu l-unika sors ta' finanzjament għal dan l-istrument;

17.  Itenni l-prinċipju ewlieni tal-unità tal-baġit tal-UE li huwa mhedded minn żieda kbira ta' fondi multinazzjonali; jitlob, għaldaqstant, li dan il-prinċipju jiġi applikat malajr, u li fl-istess ħin, il-Parlament ikun jista' jeżerċizza l-kontroll parlamentari neċessarju fuq dawn il-fondi;

18.  Iqis li r-reviżjoni li għaddejja tal-Ftehim Interistituzzjonali tipprovdi opportunità eċċellenti biex jiġi żgurat li r-rekwiżiti għall-mobilizzazzjoni tal-istrumenti speċjali tal-QFP jiġu armonizzati u allinjati ma' dawk li japplikaw għall-adozzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni; jitlob li d-dispożizzjonijiet rilevanti jiġu mmodifikati kif meħtieġ;

Proposti leġiżlattivi paralleli

19.  Jaqbel bis-sħiħ mal-intenzjoni tal-Kummissjoni li tissimplifika r-regoli finanzjarji, u jqis li dan l-element huwa parti importanti mir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP; jinnota, f'dan ir-rigward, il-proposta tal-Kummissjoni għal reviżjoni sħiħa tar-Regolament Finanzjarju, kif ukoll il-modifiki għal 15-il Regolament settorjali; jenfasizza li s-simplifikazzjoni għandu jkollha l-għan li ttejjeb u tirrazzjonalizza l-ambjent implimentattiv għall-benefiċjarji; jimpenja ruħu, f'dan l-ispirtu, li jaħdem lejn eżitu ta' suċċess, f'perjodu ta' żmien xieraq;

20.  Jinnota li l-proposti leġiżlattivi dwar l-estensjoni tal-FEIS, il-Pjan ta' Investiment Estern (inkluż il-qafas ta' sħubija tal-migrazzjoni) u l-Wifi4EU, li ġew ippreżentati mill-Kummissjoni fl-istess żmien tal-proposti dwar ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP, se jiġu deċiżi mill-Parlament u mill-Kunsill skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja;

Lejn QFP għal wara l-2020

21.  Jindika li r-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP għandha tkun il-bidu ta' proċess biex jintlaħaq kunsens li jwassal għall-QFP ta' wara l-2020; jenfasizza li għandhom jittieħdu impenji sodi f'dan il-kuntest, b'mod partikolari biex tiġi indirizzata r-riforma tas-sistema ta' riżorsi proprji, inkluż l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda li jistgħu jnaqqsu b'mod sinifikanti s-sehem tal-kontribuzzjonijiet tal-ING għall-baġit tal-UE, u t-tneħħija gradwali tal-forom kollha ta' tnaqqis, kif ukoll l-allinjament tat-tul tal-QFP maċ-ċikli politiċi tal-istituzzjonijiet;

o
o   o

22.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-awtorità baġitarja l-informazzjoni kollha rilevanti dwar l-implikazzjonijiet baġitarji tar-referendum tar-Renju Unit tat-23 ta' Ġunju 2016 fuq il-QFP attwali u sussegwentement, il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, mingħajr preġudizzju għall-eżitu tan-negozjati li ġejjin bejn iż-żewġ partijiet;

23.  Jenfasizza li l-paċi u l-istabbiltà huma l-valuri ewlenin li l-Unjoni jeħtieġ li tħaddan; jikkunsidra li l-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira, li wera li huwa essenzjali għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni, irid jiġi protett; jissottolinja l-ħtieġa ta' miżuri u programmi speċifiċi li jiżguraw appoġġ għar-reġjuni partikolarment milquta f'każ ta' ħruġ innegozjat mill-UE fuq l-invokazzjoni tal-Artikolu 50 tat-Trattat ta' Lisbona;

24.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-istituzzjonijiet u lill-korpi kkonċernati l-oħrajn, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(2) ĠU L 103, 22.4.2015, p. 1.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(4) Testi adottati, P8_TA(2016)0309.

Avviż legali