Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2956(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-1159/2016

Dibattiti :

PV 26/10/2016 - 12
CRE 26/10/2016 - 12

Votazzjonijiet :

PV 27/10/2016 - 8.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0422

Testi adottati
PDF 284kWORD 56k
Il-Ħamis, 27 ta' Ottubru 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
Is-sitwazzjoni fit-Tramuntana tal-Iraq/Mosul
P8_TA(2016)0422RC-B8-1159/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Ottubru 2016 dwar is-sitwazzjoni fit-Tramuntana tal-Iraq/Mosul (2016/2956(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq(1), tat-18 ta' Settembru 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq u fis-Sirja, u l-offensiva tal-IS, inkluża l-persekuzzjoni tal-minoranzi(2), tat-12 ta' Frar 2015 dwar il-kriżi umanitarja fl-Iraq u s-Sirja, b’mod partikolari fil-kuntest tal-IS(3) tat-12 ta' Marzu 2015 dwar l-attakki u ħtif reċenti minn ISIS/Da'esh fil-Lvant Nofsani, b'mod partikolari tal-Assirjani(4), u tal-4 ta' Frar 2016 dwar il-qtil tal-massa sistematiku ta' minoranzi reliġjużi mill-hekk imsejħa 'ISIS/Da'esh'(5),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta' Mejju 2016 dwar l-Istrateġija tal-UE għas-Sirja u l-Iraq kif ukoll dawk dwar it-theddida tad-Da'esh, tal-14 ta' Diċembru 2015 dwar l-Iraq, tas-16 ta' Marzu 2015 dwar l-Istrateġija Reġjonali tal-UE għas-Sirja u l-Iraq kif ukoll dwar it-theddida tal-ISIS/Da'esh, tal-20 ta' Ottubru 2014 dwar il-kriżi tal-ISIS/Da'esh fis-Sirja u l-Iraq, tat-30 ta' Awwissu 2014 dwar l-Iraq u s-Sirja, tal-14 ta' April 2014 u tat-12 ta' Ottubru 2015 dwar is-Sirja, u tal-15 ta' Awwissu 2014 dwar l-Iraq,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar l-Iraq u s-Sirja,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2091(2016) 'Foreign fighters in Syria and Iraq' (dwar il-Ġellieda Barranin fis-Sirja u l-Iraq) adottata mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa fis-27 ta' Jannar 2016,

–  wara li kkunsidra l-laqgħa ministerjali għall-istabbilizzazzjoni ta' Mosul li ġabret flimkien 22 pajjiż, in-NU, l-UE u l-Lega Għarbija, ippreseduta b'mod konġunt minn Franza u l-Iraq, li saret f'Pariġi fl-20 ta' Ottubru 2016 bl-għan li jitfassal pjan għall-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili, it-tqassim tal-għajnuna u li jiġu indirizzati mistoqsijiet dwar l-iggvernar tal-inħawi li għadhom kemm ġew liberati mill-ISIS/Da'esh,

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali tal-1998 u d-dispożizzjonijiet tiegħu dwar il-ġurisdizzjoni fir-rigward tad-delitt ta' ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità, id-delitti tal-gwerra u d-delitt ta' aggressjoni,

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-armata Iraqija, bl-appoġġ tal-koalizzjoni dinjija ta' kontra l-ISIS/Da'esh u l-forzi Peshmerga tal-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan u l-Forzi Popolari ta' Mobilizzazzjoni, varat operazzjoni biex tillibera lil Mosul, it-tieni l-akbar belt tal-Iraq, u ħafna bliet u rħula fil-"kuritur ta' Mosul", mill-ISIS/Da'esh;

B.  billi l-ISIS/Da'esh stabbilixxa reġim aħrax f'Mosul; billi l-abitanti li rnexxielhom jaħarbu reċentement irrapportaw li n-nies qed imutu bil-ġuħ u jinsabu ddisprati biex jiġu liberati;

C.  billi l-Pjanura ta' Nineveh, Tal Afar u Sinjar, kif ukoll ir-reġjun usa', kienu art twelid l-antenati ta' Nsara (Kaldej/Sirjaki/Assirjani), Yazidijin, Għarab Sunniti u Xiiti, Kurdi, Shabak, Turkmeni, Kaka'i, Sabejani-Mandjani u oħrajn, fejn huma għexu għal sekli sħaħ fi spirtu ta' pluraliżmu, stabilità u kooperazzjoni ġenerali komuni minkejja perjodi ta' vjolenza u persekuzzjoni esterni, sal-bidu ta' dan is-seklu u l-okkupazzjoni ta' parti kbira tar-reġjun mill-hekk imsejjaħ "ISIS/Da'esh" fl-2014;

D.  billi Mosul ilha belt multietnika fejn maġġoranza Għarbija Sunnita għexet bieb u għatba ma' Kaldej/Sirjaki/Assirjani, Kurdi, Yazidijin, Shabakijin, Kaka' in u Turkmeni (Xiiti u Sunniti); billi ż-żoni ta' madwar il-belt ukoll għandhom storja ta' diversità etnikoreliġjuża, b'konċentrazzjoni ta' Nsara fil-pjanuri ta' Nineveh, Yazidijin madwar il-muntanji Sijar u Turkmeni Musulmani f'Tal Afar; billi l-Insara tal-Iraq, li fl-2003 kienu 'l fuq minn 1.5 miljun, illum naqsu għal inqas minn 200,000-350,000, u ħafna minnhom jgħixu fil-faqar; billi l-preżenza tal-Insara u ta' minoranzi oħra fl-Iraq tradizzjonalment kellha importanza soċjali kbira u kkontribwiet b'mod sinifikanti għall-istabilità politika, u billi l-qerda ta' dawn il-minoranzi se tkompli tiddestabbilizza r-reġjun;

E.  billi mal-Parlament, li fl-4 ta' Frar 2016 irrikonoxxa li l-ISIS/Da'esh qed iwettaq ġenoċidju kontra l-Insara u l-Yazidijin u minoranzi reliġjużi u etniċi oħrajn, issieħbu l-Kunsill tal-Ewropa, id-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti, il-Kungress tal-Istati Uniti, il-Parlament tar-Renju Unit, il-Parlament Awstraljan u nazzjonijiet u istituzzjonijiet oħra li jirrikonoxxu li l-atroċitajiet imwettqa mill-ISIS/Da'esh kontra minoranzi reliġjużi u etniċi fl-Iraq jinkludu delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidju;

F.  billi, skont l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR), madwar 3,3 miljun Iraqin ġew spostati minħabba l-gwerra mill-2014 u aktar minn 1,5 miljun persuna jinsabu f'riskju imminenti ta' spostament f'Mosul dovut direttament għall-operazzjoni biex tittieħed lura din iż-żona;

G.  billi l-UNHCR għandu ħames kampijiet miftuħa u jinsab lest biex jagħti kenn lil 45,000 ruħ li jaħarbu minn Mosul u mill-inħawi tal-madwar, filwaqt li l-organizzazzjoni qed tippjana li jkollha miftuħa total ta' 11-il kamp fil-ġimgħat li ġejjin, għal 120,000 ruħ, kemm-il darba jkun hemm art li tista' tinżamm għal dan il-għan f'żoni sikuri 'l bogħod mill-avvanz tal-armati; billi l-baġit ta' rispons tal-UNHCR għal Mosul bħalissa jinsab iffinanzjat kemm kemm aktar minn 38 % tiegħu; billi hemm bżonn ta' finanzjament mhux biss għal preparazzjoni inizjali iżda wkoll biex jindirizza l-ispostament mifrux, li jista' jdum tul ix-xitwa;

H.  billi l-kundizzjonijiet ta' sigurtà meħtieġa għandhom jiġu żgurati għal dawk kollha li ġew imġiegħla jitilqu minn art twelidhom jew ġew spostati b'mod furzat, biex isir effettiv id-dritt tagħhom li jirritornaw lejn art twelidhom malajr kemm jista' jkun;

I.  billi l-Kunsill ta' Kooperazjzoni taħt il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) UE-Iraq iltaqa' għat-tieni darba fi Brussell fit-18 ta' Ottubru 2016 biex jiddiskuti l-isfidi umanitarji u ta' stabbilizzazzjoni immedjati; billi l-UE tat EUR 134 miljun f'għajnuna umanitarja lill-Iraq, EUR 50 miljun minnhom għal Mosul;

J.  billi huwa importanti li tiġi żgurata s-sigurtà għall-komunitajiet kollha, inkluż Kaldej/Sirjaki/Assirjani u oħrajn f'riskju fil-Pjanuri ta' Nineveh;

K.  billi l-Artikolu 2 tal-Kostituzzjoni tal-Iraq jiggarantixxi d-drittijiet reliġjużi sħaħ għall-individwi kollha għal-libertà tat-twemmin u prattika reliġjużi;

L.  billi l-Artikolu 125 tal-Kostituzzjoni tal-Iraq jiggarantixxi d-drittijiet amministrattivi, politiċi, kulturali u edukattivi tad-diversi nazzjonalitajiet, bħat-Turkmeni, il-Kaldej, l-Assirjani, u l-kostitwenti l-oħra kollha; billi l-Prim Ministru tal-Iraq Haider al-Abadi fil-15 ta' April 2015 iddikjara li "jekk ma niddeċentralizzawx, il-pajjiż se jitfarrak. Għalija, m'hemm l-ebda limitu għad-deċentralizzazzjoni";

M.  billi awtonomija massima u protezzjoni tas-sigurtà għall-komunitajiet tal-Pjanura ta' Nineveh, Tal Afar u Sinjar fil-qafas tar-Repubblika Federali tal-Iraq jirrestawraw u jħarsu d-drittijiet fundamentali tal-bniedem, inklużi drittijiet ta' proprjetà, tal-popli indiġeni ta' dak ir-reġjun;

1.  Jappoġġa bil-qawwa l-operazzjoni li nbdiet mill-Iraq biex tillibera lil Mosul mill-ISIS/Da'esh; jara lil din l-operazzjoni bħala parti deċiżiva ta' sforz dinji li għadu għaddej biex tingħata l-aħħar daqqa lill-ISIS/Da'esh darba għal dejjem; jesprimi l-fiduċja tiegħu li l-Iraq se joħroġ rebbieħ f'din il-ġlieda kontra għadu komuni u li se jeħles lil Mosul u partijiet oħra tal-pajjiż mill-preżenza tal-ISIS/Da'esh;

2.  Jafferma mill-ġdid l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-indipendenza, l-integrità territorjali u s-sovranità tal-Iraq u d-dritt tiegħu li jieħu l-passi meħtieġa biex dawn iħarishom;

3.  Jinsab imħasseb dwar it-tensjonijiet reċenti bejn atturi reġjonali; jitlob ir-rispett sħiħ tal-integrità territorjali u s-sovranità tal-Iraq u li ma tittieħed ebda azzjoni militari fl-Iraq mingħajr il-kunsens tal-Gvern Iraqin; jenfasizza kemm hu importanti li jiġi inkoraġġit id-djalogu bejn l-Iraq u l-pajjiżi tar-reġjun bil-għan li jibnu Lvant Nofsani li jkun aktar sikur;

4.  Ifakkar li l-awtoritajiet Iraqini jeħtiġilhom jieħdu passi konkreti sabiex jipproteġu l-popolazzjoni ċivili waqt il-kampanja, fosthom billi jeżerċitaw kmand u kontroll effettivi fuq il-milizzji u billi jieħdu l-prekawzjonijiet kollha fattibbli biex jiġi evitat li jkun hemm vittmi ċivili u ksur tad-drittijiet tal-bniedem waqt l-attakk; jenfasizza li l-forzi fuq il-post iridu josservaw id-dritt umanitarju internazzjonali u tad-drittijiet tal-bniedem matul l-operazzjonijiet tagħhom;

5.  Jesprimi l-appoġġ tiegħu lir-Repubblika tal-Iraq u l-poplu ta' dan il-pajjiż fir-rikonoxximent ta' provinċja politikament, soċjalment u ekonomikament vijabbli u sostenibbli fir-reġjuni tal-Pjanura ta' Nineveh, Tal Afar u Sinjar, bi qbil mal-espressjonijiet legali ta' awtonomija reġjonali mill-popli indiġeni tiegħu;

6.  Jenfasizza li d-dritt tal-popli indiġeni spostati tal-Pjanura ta' Nineveh, Tal Afar u Sinjar — li ħafna minnhom huma spostati ġewwa l-Iraq — li jmorru lura lejn art l-antenati tagħhom għandu jkun prijorità politika tal-Gvern tal-Iraq appoġġat mill-UE, l-Istati Membri tagħha u l-komunità internazzjonali; jenfasizza l-fatt li, bl-appoġġ tal-Gvern tal-Iraq u tal-Gvern Reġjonali Kurd, dawn il-popli għandhom jingħataw lura għalkollox id-drittijiet tal-bniedem fundamentali tagħhom, inklużi d-drittijiet tagħhom ta' proprjetà, li għandu jkollhom prijorità fuq kwalunkwe talba għad-drittijiet ta' proprjetà li ssir minn partijiet oħra;

7.  Jisħaq li l-komunitajiet indiġeni tal-Pjanura ta' Nineveh, Tal Afar u Sinjar – l-Insara (Kaldej/Sirjaki/Assirjani), il-Yazidijin, it-Turkmeni, u oħrajn – għandhom id-dritt għas-sikurezza, is-sigurtà u l-awtonomija reġjonali fi ħdan l-istruttura federali tar-Repubblika tal-Iraq;

8.  Jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza u l-eżekuzzjonijiet tal-massa li għadhom qed jitwettqu mill-ISIS/Da'esh fl-Iraq; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar ir-rapporti kontinwi li l-ISIS/Da'esh qed jużaw lit-tfal, l-anzjani, in-nisa u l-persuni vulnerabbli bħala tarki kontra l-operazzjonijiet ta' liberazzjoni militari li għaddejjin fit-Tramuntana tal-Iraq;

9.  Jieħu nota tat-twissija tal-Koordinatur Umanitarju tan-NU dwar in-nuqqas ta' fondi adegwati fil-perspettiva tal-possibilità ta' emerġenza umanitarja fuq skala mingħajr preċedent b'riżultat tal-offensiva ta' Mosul; jilqa' l-involviment tal-UE fl-Iraq, b'mod partikolari l-isforzi tagħha ta' għajnuna umanitarja fil-passat u t-tneħħija ta' tagħmir splussiv improvizzat (IEDs), li se jkun essenzjali biex jippermetti r-ritorn b'’ħeffa tar-rifuġjati u l-persuni spustati f'pajjiżhom; madankollu jitlob b'urġenza lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-isforzi għall-istabbilizzazzjoni taż-żoni liberati;

10.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Iraq u lis-sħab internazzjonali tiegħu biex jagħtu prijorità lis-sejba ta' soluzzjoni paċifika għall-kwistjonijiet dwar il-fruntieri interni ikkontestati tar-Repubblika tal-Iraq;

11.  Jistieden lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt biex jirrispettaw id-dritt umanitarju internazzjonali kemm waqt l-ostilitajiet kif ukoll wara u biex, fil-kunflitt, jimxu mal-prinċipji tal-proporzjonalità, tad-distinzjoni u tal-prekawzjoni; iħeġġeġ lill partijiet kollha involuti fil-kunflitt biex jiftħu kurituri umanitarji bil-għan li jippermettu u jgħinu liċ-ċivili jaħarbu l-kunflitt, biex jevitaw li ċ-ċivili jibqgħu maqbuda f'Mosul u jintużaw mill-ISIS/Da'esh bħala tarki umani, biex jipprovdu aċċess għas-sikurezza u għall-għajnuna umanitarja u jiggarantixxu l-għajnuna u l-protezzjoni għaċ-ċivili waqt il-proċess tal-iskrinjar tas-sigurtà, skont l-istandards nazzjonali u internazzjonali, b'mod partikolari biex jiżguraw li l-familji ma jinfirdux u li t-tfal ma jitqegħdux f'riskju, u biex jistabbilixxu mekkaniżmu tan-NU ta' monitoraġġ ta' partijiet terzi; jitlob, b'mod partikolari, li jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha li hemm bżonn sabiex jiġi żgurat li t-tfal u l-familji tagħhom jitħarsu mill-bumbardamenti, u biex jiġi minimizzat l-għadd ta' vittmi u tiġi protetta l-infrastruttura ċivili, b'mod partikolari l-iskejjel u l-isptarijiet;

12.  Iħeġġeġ lill-atturi kollha li qed jiġġieldu lill-ISIS/Da'esh fir-Repubblika tal-Iraq biex jiżviluppaw kooperazzjoni u djalogu politiċi sostenibbli, fit-tul u inklużivi bil-għan li jipprovdu l-pedament għal Iraq ħieles mill-movimenti radikali u estremisti; jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha, il-Koalizzjoni Globali kontra l-ISIL, il-komunità internazzjonali u l-atturi internazzjonali biex jaħdmu flimkien mal-gvernijiet nazzjonali u reġjonali tar-Repubblika tal-Iraq lejn soluzzjoni sostenibbli fir-rigward tas-sigurtà fil-Pjanura ta' Nineveh, f'Tal Afar u f'Sinjar;

13.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea, lin-Nazzjonijiet Uniti u lill-komunità internazzjonali kollha kemm hi biex jaħdmu mal-gvernijiet nazzjonali u reġjonali tar-Repubblika tal-Iraq fuq il-monitoraġġ tal-integrazzjoni mill-ġdid tal-Iraqini kollha u tal-minoranzi etniċi u reliġjużi kollha li ġew spostati;

14.  Jistieden lis-SEAE, lill-Istati Membri u lill-komunità internazzjonali biex jagħtu l-appoġġ prattiku u diplomatiku tagħhom għal struttura sostenibbli u inklużiva ta' wara l-kunflitt fir-reġjun, b'referenza partikolari għall-possibilità ta' provinċja awtonoma li tinkludi fiha l-Pjanura ta' Nineveh, Sinjar u Tal Afar, li tkun rappreżentata politikament mill-popli indiġeni tar-reġjun; itenni l-importanza li jiġu involuti organizzazzjonijiet ta' salvataġġ b'bażi reliġjuża f'azzjoni umanitarja kkoordinata, speċjalment għall-minoranzi etniċi u reliġjużi spostati;

15.  Iħeġġeġ lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-komunità internazzjonali joffru assistenza teknika lill-Gvern tal-Iraq fl-implimentazzjoni tad-deċiżjoni dwar il-ħolqien ta' Provinċja tal-Pjanura ta' Nineveh, skont id-deċiżjoni tal-Kabinett tiegħu tal-21 ta' Jannar 2014, u f'deċentralizzazzjoni ulterjuri billi jinħolqu wkoll provinċji f'Tal Afar u f'Sinjar u fl-appoġġ lill-amministrazzjonijiet provinċjali l-ġodda biex dawn jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom;

16.  Jistieden lis-SEAE joffri l-bon offiċji tiegħu fin-negozjati ta' wara l-liberazzjoni mal-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan u l-Gvern tal-Iraq bl-għan li jiġi żgurat li l-gruppi ta' minoranza etniċi fir-reġjun, b'mod partikolari l-Insara (Kaldej/Sirjaki/Assirjani), il-Yazidijin, it-Turkmeni, ix-Shabaki u l-Kaka'i, jingħataw id-drittijiet leġittimi tagħhom u jiġu inklużi fi struttura amministrattiva ġdida, bit-tama li jiġi prevenut li jinqalgħu kunflitti ġodda;

17.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE biex, b'kooperazzjoni mal-Gvern tal-Iraq, iżidu l-forzi tas-sigurtà lokali mal-lista ta' forzi awtorizzati li jirċievu l-għajnuna; jemmen li l-forzi tas-sigurtà lokali għandhom jinkludi l-forzi lokali li huma impenjati li jipproteġu lill-komunitajiet ta' minoranza etniċi u reliġjużi tant vulnerabbli fil-Pjanura ta' Nineveh, f'Tal Afar, f'Sinjar u fi bnadi oħra mit-theddida tas-salafiżmu ġiħadista;

18.  Ifakkar li s-salvataġġ ta' ħajjet iċ-ċivili u r-rispett għad-dritt umanitarju internazzjonali huma wieħed mill-pedamenti politiċi fundamentali tar-rikonċiljazzjoni u l-iżvilupp, l-uniku mod kif jiġu megħluba l-mibegħda u l-firda, u li huwa essenzjali li ma jkomplux jitkebbsu t-tensjonijiet fost il-komunitajiet u li titwitta t-triq għal Iraq stabbli u prosperu;

19.  Iħeġġeġ lill-koalizzjoni militari mmexxija mill-Iraq tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tippreserva l-evidenza tad-delitti tal-gwerra u tad-delitti kontra l-umanità mwettqa mill-ISIS/Da'esh bil-għan li tiżgura l-obbligu ta' rendikont;

20.  Jenfasizza l-importanza vitali ta' provvediment f'waqtu u effettiv tas-sikurezza, permezz ta' rotot sikuri ġenwini fejn il-protezzjoni tista' tiġi sostnuta, fosthom permezz tat-tneħħija tal-mini splussivi u l-istabbiliment mill-ġdid tal-istat tad-dritt, kif ukoll tas-servizzi bażiċi, bħalma huma l-kura tas-saħħa, l-elettriku u l-edukazzjoni, fiż-żoni liberati; iwissi li n-nuqqas ta' provvediment ta' servizzi bażiċi, sikurezza u strateġija fit-tul għall-indirizzar tal-kawżi fundamentali u sforzi għall-koeżjoni soċjali jista' jwassal għal tfaċċar mill-ġdid tal-forzi estremisti; jitlob, għalhekk, li jkun hemm nexus qawwi bejn l-għajnuna umanitarja u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp, bil-għan li tiġi ggarantita sekwenza gradwata mill-għajnuna umanitarja għall-istabbilizzazzjoni, ir-reżiljenza u l-iżvilupp tal-Iraq;

21.  Jissottolinja l-importanza ta' Mosul għall-Iraq kollu kemm hu u jagħmel appell biex il-minoranzi jiġu rappreżentati fl-amministrazzjoni l-ġdida ta' Mosul; jenfasizza d-dritt leġittimu li għandhom il-minoranzi etniċi u reliġjużi għall-parteċipazzjoni politika u li jingħataw lura d-drittijiet tagħhom ta' proprjetà; jitlob li jkun hemm koeżistenza paċifika u rispett sħiħ tad-drittijiet tal-minoranzi etniċi u reliġjużi differenti li storikament kellhom preżenza qawwija u ilhom jgħixu b'mod paċifiku ma' ġenb xulxin, b'mod partikolari l-Yazidin fil-muntanji Sinjar, il-Kaldej/Sirjaki/Assirjani fil-Pjanura ta' Nineveh u t-Turkmeni f'Tel Afar u f'partijiet tal-Provinċja ta' Kirkuk; jitlob ukoll biex jittieħdu miżuri ħalli jiġi ggarantit ir-ritorn sikur tar-rifuġjati spostati;

22.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Iraq biex, b'appoġġ mill-UE u mill-Istati Membri tagħha, jipprovdi mezzi biex jitneħħew il-mini minn żoni li qabel kienu okkupati mill-ISIS/Da'esh u biex jaħdem f'kooperazzjoni mal-kunsilli lokali li jirrappreżentaw il-minoranzi bl-għan li jiżgura koordinazzjoni li tiffunzjona u jevita dewmien li jista' jfixkel ir-ritorn tar-rifuġjati u tal-persuni spostati f'pajjiżhom;

23.  Jenfasizza l-ħtieġa li tkompli ssir il-ġlieda biex l-ideoloġiji Iżlamisti-Ġiħadisti, inkluż is-Salafiżmu ġiħadista li jservi ta' instigazzjoni teoloġika u politika għad-delitti tal-ISIS/Da'esh, ma jkomplux jixterdu aktar fir-reġjun u lil hinn minnu, inkluż wara l-liberazzjoni ta' Mosul; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jirsistu biex jiġu riferuti lill-Qorti Kriminali Internazzjonali il-ġenoċidju, id-delitti tal-gwerra u d-delitti kontra l-umanità mwettqa fl-Iraq, fis-Sirja, fil-Libja u f'postijiet oħra mill-ISIS/Da'esh;

24.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Kunsill tar-Rappreżentanti tal-Iraq, lill-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

(1) Testi adottati, P7_TA(2014)0171.
(2) ĠU C 234, 28.6.2016, p. 25.
(3) ĠU C 310, 25.8.2016, p. 35.
(4) ĠU C 316, 30.8.2016, p. 113.
(5) Testi adottati, P8_TA(2016)0051.

Avviż legali