Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2872(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-1126/2016

Dibattiti :

PV 27/10/2016 - 3
CRE 27/10/2016 - 3

Votazzjonijiet :

PV 27/10/2016 - 8.8

Testi adottati :

P8_TA(2016)0425

Testi adottati
PDF 274kWORD 54k
Il-Ħamis, 27 ta' Ottubru 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
Is-Servizz Volontarju Ewropew
P8_TA(2016)0425RC-B8-1126/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Ottubru 2016 dwar is-Servizz Volontarju Ewropew u l-promozzjoni tal-volontarjat fl-Ewropa (2016/2872(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2009 dwar is-Sena Ewropea tal-Attivitajiet ta' Volontarjat għall-Promozzjoni taċ-Ċittadinanza Attiva (2011)(1),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Settembru 2011 bit-titolu "Komunikazzjoni dwar il-Politiki tal-UE u l-Volontarjat: Ir-Rikonoxximent u l-Promozzjoni fl-UE tal-Ħidmiet Volontarji Transkonfinali" (COM(2011)0568),

–  wara li kkunsidra l-Aġenda Politika għall-Volontarjat fl-Ewropa tal-Alleanza tas-Sena Ewropea tal-Volontarjat 2011,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Diċembru 2013 dwar il-volontarjat u l-attivitajiet tal-volontarjat fl-Ewropa(3),

–  wara li kkunsidra d-definizzjoni ta' xogħol volontarju proposta mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) fil-Manwal tagħha dwar il-Kejl tax-Xogħol Volontarju (2011);

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Ġunju 2012 dwar ir-rikonoxximent u l-promozzjoni fl-UE tal-ħidmiet volontarji transkonfinali(4),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' April 2008 dwar ir-rwol tal-volontarjat fil-kontribuzzjoni għal koeżjoni ekonomika u soċjali(5),

–  wara li kkunsidra l-Karta Ewropea dwar id-Drittijiet u r-Responsabilitajiet tal-Voluntiera(6),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-volontarjat u s-Servizz Volontarju Ewropew (O-000107/2016 – B8-1803/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi jfakkar li fl-2016 is-Servizz Volontarju Ewropew (SVE) jiċċelebra l-20 anniversarju tiegħu u li matul dawk l-20 sena ġew appoġġjati 100 000 voluntier;

B.  billi jenfasizza li s-Sena Ewropea tal-Volontarjat 2011, appoġġjata b'qawwa mill-Parlament Ewropew, tirrapreżenta opportunità politika ewlenija biex jiġi enfasizzat il-valur miżjud tal-volontarjat fl-Ewropa u li issa, ħames snin wara, il-Parlament Ewropew għandu jirrifletti fuq l-impatt li s-Sena Ewropea tal-Volontarjat 2011 kellha f'termini ta' valur miżjud fuq l-iżvilupp tal-politika u fuq kif il-volontarjat huwa inkorporat fil-programmi Ewropej ewlenin, bħall-Erasmus+ u s-Servizz Volontarju Ewropew tiegħu;

C.  billi jfakkar li s-Sena Ewropea tal-Volontarjat 2011 pprovdiet l-impetu u l-qafas għall-istabbiliment u/jew għar-reviżjoni ta' ħafna oqfsa nazzjonali u ġuridiċi għall-volontarjat fl-Ewropa kollha; billi jenfasizza, madankollu, li l-Ewropa għad m'għandhiex politika tal-volontarjat ikkoordinata b'punt ta' kuntatt waħdieni fl-istituzzjonijiet tal-UE;

D.  billi jfakkar li l-volontarjat jitwettaq permezz tar-rieda ħielsa, l-għażla u l-motivazzjoni ta' persuna, mingħajr ma din tfittex li tagħmel xi gwadann finanzjarju; billi jenfasizza li l-volontarjat jista' jiġi definit bħala vjaġġ ta' solidarjetà u billi dan huwa mezz kif jiġu indirizzati l-ħtiġijiet u t-tħassib umani, soċjali u ambjentali;

E.  billi l-volontarjat huwa aspett ewlieni taċ-ċittadinanza attiva u tad-demokrazija, kif ukoll tat-taħriġ personali, billi jinkorpora valuri Ewropej bħas-solidarjetà u n-nondiskriminazzjoni, u billi dan jgħin ukoll biex titrawwem id-demokrazija parteċipattiva u jiġu promossi d-drittijiet tal-bniedem fl-UE u lil hinn minnha;

F.  billi jenfasizza li l-volontarjat għandu valur u importanza bħala wieħed mill-aktar espressjonijiet viżibbli ta' solidarjetà, li jippromwovi u jiffaċilita l-inklużjoni soċjali, jibni l-kapital soċjali u jipproduċi effett trasformattiv fuq is-soċjetà, u billi l-volontarjat jikkontribwixxi kemm għall-iżvilupp ta' soċjetà ċivili prosperuża, li tista' toffri soluzzjonijiet kreattivi u innovattivi għall-isfidi komuni, kif ukoll għal tkabbir ekonomiku, u li bħala tali jistħoqlu li jitkejjel b'mod speċifiku u mmirat f'termini ta' kapital kemm ekonomiku kif ukoll soċjali;

G.  billi jfakkar li ambjent ta' appoġġ huwa essenzjali biex ikun żgurat l-involviment ta' aktar ċittadini Ewropej fil-volontarjat, u b'hekk ikun garantit għoti ġust ta' fondi għall-infrastruttura tal-volontarjat, inklużi l-organizzazzjonijiet li jinvolvu l-voluntiera, għall-benefiċċju tal-voluntiera nnifishom u tal-attivitajiet tagħhom;

H.  billi jenfasizza li l-volontarjat jeħtieġ taħlita ta' mekkaniżmi ta' appoġġ u/jew strutturi organizzattivi xierqa li jidentifikaw d-drittijiet u r-responsabilitajiet tal-voluntiera u l-volontarjat;

I.  billi jenfasizza li kull persuna hija intitolata għal aċċess ugwali għal opportunitajiet tal-volontarjat u għal protezzjoni kontra kull forma ta' diskriminazzjoni, u kulħadd għandu jingħata d-dritt li jirrikonċilja l-attività tiegħu ta' volontarjat mal-ħajja privata u tax-xogħol tiegħu, biex ikun jista' jinkiseb ċertu ammont ta' flessibilità matul l-attività tal-volontarjat;

J.  billi jenfasizza li r-rikonoxximent tal-valur soċjali u ekonomiku tal-volontarjat huwa wkoll kruċjali biex jitħeġġu inċentivi xierqa għall-partijiet interessati kollha u b'hekk jiżdiedu l-kwantità, il-kwalità u l-impatt tal-volontarjat;

K.  billi jfakkar fil-kompetizzjoni għall-Belt Kapitali Ewropea għall-Volontarjat li tirrikonoxxi l-kisbiet tal-muniċipalitajiet fl-Ewropa kollha billi tagħraf u tappoġġja l-isforzi tal-voluntiera fiż-żoni tagħhom;

L.  billi jenfasizza li l-Programm ġdid Erasmus+ għadu joffri opportunitajiet ta' għoti ta' fondi u ta' appoġġ għall-proġetti ta' volontarjat, partikolarment permezz tal-Programm tas-SVE, u billi l-programm Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE tnieda mid-DĠ ECHO biex jipprovdi appoġġ prattiku għall-proġetti ta' għajnuna umanitarja; billi jirrikonoxxi li fil-QFP 2020–2014 il-ġdid tal-UE hemm prevista l-allokazzjoni ta' ċerti fondi tal-UE għall-volontarjat billi partikolarment il-Programm "L-Ewropa għaċ-Ċittadini", li bħalissa huwa ġestit minn DĠ HOME, żamm il-volontarjat bħala prijorità; billi jinnota, madankollu, li l-aċċess għall-organizzazzjonijiet volontarji għal fondi oħra tal-UE, bħall-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, għadu ferm limitat;

M.  billi jfakkar li r-reazzjoni tal-UE għall-kriżi tar-refuġjati tal-lum hija eżempju relevanti, u simbolu ċar, tal-importanza tal-voluntiera u l-mod kif dawn jinkorporaw il-valuri Ewropej, jikkontribwixxu għar-reżiljenza u huma disponibbli li jipprovdu soluzzjonijiet flessibbli u prammatiċi għall-isfidi komuni;

1.  Jirrikonoxxi li l-volontarjat huwa espressjoni ta' solidarjetà, libertà u responsabilità li tikkontribwixxi għat-tisħiħ ta' ċittadinanza attiva u għall-iżvilupp uman personali, u li huwa għodda essenzjali kemm għall-inklużjoni u l-koeżjoni soċjali kif ukoll għat-taħriġ, l-edukazzjoni u d-djalogu interkulturali, filwaqt li jagħti kontribut importanti biex jinxterdu l-valuri Ewropej; jenfasizza li l-benefiċċji tiegħu huma rikonoxxuti wkoll fix-xogħol tal-volontarjat imwettaq ma' pajjiżi terzi bħala għodda strateġika li trawwem fehim reċiproku u relazzjonijiet interkulturali;

2.  Jenfasizza l-importanza li jiġi pprovdut qafas Ewropew għall-azzjonijiet ta' volontarjat li jidentifika drittijiet u responsabilitajiet, u jiffaċilita l-mobilità u r-rikonoxximent tal-ħiliet; iħeġġeġ lill-Istati Membri li għad iridu jiddefinixxu ambjent ġuridiku għall-voluntiera biex jużaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Aġenda Politika għall-Volontarjat fl-Ewropa u tal-Karta Ewropea dwar id-Drittijiet u r-Responsabilitajiet tal-Voluntiera;

3.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw proċessi konkreti ta' validazzjoni fil-qafas tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2012 sabiex ikunu żgurati fehim aħjar u l-komparabilità tal-ħiliet u l-esperjenzi; jitlob li kwalunkwe inizjattiva futura b'rabta mal-Passaport Ewropew tal-Ħiliet u l-Europass tagħti aktar rilevanza lill-volontarjat bħala tagħlim informali u mhux formali; ifakkar li l-volontarjat jgħin lin-nies jiksbu ħiliet u kompetenzi li jistgħu jiffaċilitawlhom l-aċċess għas-suq tax-xogħol; jissottolinja li l-voluntiera m'għandhom qatt jitqiesu jew jintużaw bħala forza tax-xogħol supplenti;

4.  Jinnota li fl-Ewropa kważi 100 miljun ċittadin ta' kull età huma voluntiera li x-xogħol tagħhom jikkontribwixxi għall-produzzjoni ta' madwar 5 % tal-PDG; jistieden lill-Kummissjoni tqis il-valur ekonomiku tal-prodotti u s-servizzi pprovduti mill-voluntiera permezz ta' tfassil tal-politika iffokat aktar fuq il-voluntiera;

5.  Jissuġġerixxi li l-idea li l-ħin iddedikat għall-volontarjat isir eliġibbli bħala kofinanzjament għall-għotjiet tal-UE, kif ipproponiet dan l-aħħar il-Kummissjoni fil-proposta dwar Regolament Finanzjarju ġdid, għandha tiġi appoġġjata u implimentata;

6.  Jistieden lill-Eurostat jappoġġja lill-Istati Membri f'dan l-eżerċizzju sabiex ikun żgurat li jinġabru data komparattivi fl-Ewropa, kif ukoll li jiġu żviluppati indikaturi u metodoloġiji komuni fl-UE kollha għat-tkejjil tal-impatt ekonomiku tal-volontarjat; iħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw is-sistema żviluppata mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol għat-tkejjil tal-valur ekonomiku tal-volontarjat;

7.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri li għadhom m'għamlux dan, biex jistabbilixxu skemi nazzjonali għas-servizz volontarju mogħnija b'fondi adegwati, u biex itejbu l-aċċess għal informazzjoni ta' kwalità dwar l-opportunitajiet ta' volontarjat fil-livell nazzjonali u lokali, b'mod partikolari permezz tan-netwerks eżistenti ta' informazzjoni u ta' informazzjoni bejn il-pari, u biex joħolqu ċentri nazzjonali ta' servizzi ċivili, u dan bl-istess mod jippromwovi l-opportunitajiet ta' volontarjat internazzjonali mal-persuni ta' kull età;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-iżvilupp ta' politika Ewropea għall-volontarjat aktar ikkordinata, bil-ħsieb li jiġi stabbilit punt uniku ta' kuntatt fil-Kummissjoni li jġib flimkien l-inizjattivi u l-programmi individwali u jtejjeb l-aċċess għall-programmi ta' volontarjat;

9.  Jitlob lill-Kummissjoni twettaq studju dwar l-iskemi nazzjonali ta' servizz volontarju, kif ukoll s-servizz ċiviku u l-korp ta' solidarjetà u l-ambjent eżistenti għall-voluntiera potenzjali fl-Istati Membri, sabiex jiġu ffaċilitati l-fehim reċiproku u t-tixrid tal-prattiki tajba, u l-possibilità li jiġi stabbilit Servizz Ċiviku Ewropew li jikkumplimenta l-opportunitajiet eżistenti ta' volontarjat, u dan kollu sabiex titrawwem iċ-ċittadinanza Ewropea;

10.  Jieħu att tal-idea tal-Kummissjoni li toħloq inizjattiva ġdida Ewropea ta' volontarjat taż-żgħażagħ, magħrufa bħala l-Korp ta' Solidarjetà tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-valur miżjud ta' din l-inizjattiva biex tassisti l-ħidma li diġà twettqet mis-soċjetà ċivili u biex tiżgura li l-organizzazzjonijiet tal-voluntiera jiġu inklużi fit-tfassil tagħha; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-implimentazzjoni tagħha ma tippreġudikax il-baġits diġà allokati lil programmi oħra;

11.  Jappoġġja lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fiċ-ċelebrazzjoni tal-20 anniversarju tas-SVE; jinsisti li l-programm tas-SVE jibbenefika lill-individwi u lill-organizzazzjonijiet involuti, kif ukoll lis-soċjetà kollha kemm hi, u li s-SVE għandu jsaħħaħ id-dimensjoni tal-impenn ċiviku tal-programm Erasmus+; jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni tas-SVE għaż-żgħażagħ kollha, speċjalment dawk li għadhom mhumiex interessati fil-volontarjat u l-mobilità, u b'hekk jinħolqu l-motivazzjoni u l-bidliet fl-attitudni, mingħajr ma jiġu esklużi l-ġenerazzjonijiet aktar anzjani, peress li dawn għandhom kontribut importanti x'jagħtu, pereżempju bħala mentors;

12.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu s-SVE fis-sistemi edukattivi u akkademiċi tagħhom bħala għodda għat-tixrid tal-edukazzjoni dwar is-solidarjetà u l-involviment ċiviku fost il-ġenerazzjoni żagħżugħa;

13.  Ifakkar li s-SVE għandu jkun ibbażat fuq offerti ta' volontarjat ta' kwalità u jsegwi l-Karta tal-Volontarjat u l-prinċipji tal-Karta ta' Kwalità dwar il-Mobilità għat-Tagħlim, u li s-SVE għandu jkun imsejjes fuq struttura li tħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet tal-volontarjat isiru organizzazzjonijiet ospitanti, biex b'hekk jingħataw fondi u taħriġ adegwati, filwaqt li jissaħħaħ ir-rwol tal-organizzazzjonijiet koordinaturi li jappoġġjaw għadd kbir ta' organizzazzjonijiet ospitanti, pereżempju f'dak li jikkonċerna l-amministrazzjoni u t-taħriġ;

14.  Ifakkar li s-SVE għandu jippermetti aċċess rapidu u faċli għall-programm, u għaldaqstant jitlob simplifikazzjoni tas-sistema ta' applikazzjoni attwali;

15.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jissaħħu s-segwitu u d-dimensjoni lokali wara esperjenza ta' volontarjat barra mill-pajjiż billi jingħata appoġġ mhux biss qabel it-tluq iżda wkoll mal-wasla fil-forma ta' taħriġ ta' postorjentazzjoni u postintegrazzjoni;

16.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali jagħmlu disponibbli fondi adegwati, jissimplifikaw il-proċeduri amministrattivi u jipprovdu inċentivi fiskali għall-organizzazzjonijiet u n-netwerks tal-voluntiera, b’mod partikolari l-organizzazzjonijiet żgħar b'riżorsi limitati;

17.  Jinsisti li għandu jiġi pprovdut mentorship ta' kwalità tul il-proċess permezz ta' ġestjoni responsabbli tal-voluntiera u billi l-voluntiera jsiru konxji tar-responsabilità tagħhom stess lejn l-organizzazzjoni u l-Komunità;

18.  Jitlob lill-Kummissjoni ttejjeb u tagħti forma ġdida lill-istrateġija tal-komunikazzjoni dwar is-SVE billi tenfasizza l-valur soċjali, ċiviku u uman tal-volontarjat;

19.  Jenfasizza r-rwol tat-tixjiħ attiv fil-volontarjat u jsaħħaħ ir-rwol taċ-ċittadini kemm żgħażagħ kif ukoll anzjani fl-involviment ċiviku fl-Ewropa billi wieħed ikompli jibni fuq l-impetu tas-Sena Ewropea tal-Attivitajiet ta' Volontarjat (2011) u s-Sena Ewropea tat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet (2012);

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 17, 22.1.2010, p. 43.
(2) ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1.
(3) Testi adottati, P7_TA(2013)0549.
(4) ĠU C 332 E, 15.11.2013, p. 14.
(5) ĠU C 259 E, 29.10.2009, p. 9.
(6) http://ec.europa.eu/citizenship/pdf/volunteering_charter_en.pdf

Avviż legali