Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2351(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0250/2016

Testi mressqa :

A8-0250/2016

Dibattiti :

PV 27/10/2016 - 4
CRE 27/10/2016 - 4

Votazzjonijiet :

PV 27/10/2016 - 8.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0426

Testi adottati
PDF 449kWORD 66k
Il-Ħamis, 27 ta' Ottubru 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
L-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2013-2015
P8_TA(2016)0426A8-0250/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Ottubru 2016 dwar il-valutazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2013-2015 (2015/2351(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 165 u 166 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, speċjalment l-Artikoli 14, 15, 21, 24 u 32 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi "Erasmus+": il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, Nru 1720/2006/KE u Nru 1298/2008/KE(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar Pjan ta' Ħidma tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ għall-2016-2018(2) u r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2014 dwar Pjan ta' Ħidma tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ għal-2014-2015(3),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' April 2013 dwar it-twaqqif ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ(4),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 u t-8 ta' Frar 2013 biex tinħoloq Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2009 dwar qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (2010-2018)(6),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2009 dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ ("ET 2020")(7),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar il-programm Erasmus+ u strumenti oħra sabiex titrawwem il-mobilità fl-ETV - approċċ ta' tagħlim tul il-ħajja(8),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar il-promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni, adottata fil-laqgħa informali tal-ministri għall-edukazzjoni tal-UE fis-17 ta' Marzu 2015 f'Pariġi,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Konġunt tal-2015 tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (mill-2010 sal-2018), adottat mill-Kunsill fit-23 ta' Novembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Settembru 2015 intitolata "L-Abbozz tar-Rapport Konġunt tal-2015 tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (mill-2010 sal-2018)" (COM(2015)0429) u d-dokumenti ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaw il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni "Riżultati tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni fil-qasam taż-żgħażagħ b'fokus speċjali fuq it-tieni ċiklu (2013-2015)" (SWD(2015)0168) u "Is-Sitwazzjoni taż-żgħażagħ fl-UE" (SWD(2015)0169),

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Awwissu 2015 intitolata "Abbozz tar-Rapport Konġunt tal-2015 tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u fit-taħriġ (ET2020) - Prijoritajiet Ġodda għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u fit-taħriġ" (COM(2015)0408),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 intitolata "Ewropa 2020: strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-11 ta' Settembru 2013 dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2010-2012(9) u tat-18 ta' Mejju 2010 dwar Strateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ - Investiment u Responsabbilizzazzjoni(10),

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar it-tagħlim tal-UE fl-iskejjel(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2015 dwar il-promozzjoni tal-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2015 dwar is-segwitu għall-implimentazzjoni tal-Proċess ta' Bolonja(13),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 dwar ir-rwol tad-djalogu interkulturali, id-diversità kulturali u l-edukazzjoni fil-promozzjoni tal-valuri fundamentali tal-UE(14),

–   wara li kkunsidra r-Rapport Parallel (Shadow Report) dwar il-Politika dwar iż-Żgħażagħ ippubblikat mill-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ,

–   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2014 dwar Qafas ta' Kwalità għat-Traineeships,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kontroll Baġitarju u l-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, (A8-0250/2016),

A.  billi ż-żgħażagħ għandhom ikunu involuti b'mod attiv fl-ippjanar, l-iżvilupp, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-politiki kollha relatati maż-żgħażagħ;

B.  billi ż-żgħażagħ għandhom jiġu megħjuna u mogħtija s-setgħa sabiex jindirizzaw il-problemi tassew serji li qed iħabbtu wiċċhom magħhom bħalissa u biex jittrattaw l-isfidi li se jħabbtu wiċċhom magħhom fil-futur permezz ta' politiki taż-żgħażagħ iktar rilevanti, effettivi u kkoordinati aħjar u użu mmirat tar-riżorsi tal-politiki ekonomiċi, tal-impjieg u soċjali fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE;

C.  billi hemm bżonn li jissaħħu l-integrazzjoni sistematika tal-politika taż-żgħażagħ, il-kooperazzjoni transettorjali, l-azzjoni soċjali fi ħdan l-UE u s-sinerġija bejn l-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ u strateġiji Ewropej oħra bħal dawk relatati mal-edukazzjoni, it-taħriġ, is-saħħa u l-impjieg, sabiex jiġi garantit li t-tfassil tal-politika, kemm attwalment kif ukoll fil-futur, jindirizza b'mod effettiv is-sitwazzjonijiet u l-ħtiġijiet taż-żgħażagħ, li qed ikollhom iħabbtu wiċċhom ma' problemi ekonomiċi, soċjali u tal-impjieg severi, u billi f'dan ir-rigward il-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fit-tfassil tal-politika hi kruċjali;

D.  billi l-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni huwa applikat fil-qasam taż-żgħażagħ, imnebbaħ mill-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tal-impjieg;

E.  billi wieħed mill-objettivi stabbiliti għall-programm Erasmus+ huwa li jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (2010-2018); billi f'dan ir-rigward jeħtieġ jiġu żgurati kemm l-aċċess għall-għotjiet għal proġetti tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ taħt il-programm Erasmus+ imġedded kif ukoll it-tneħħija tal-ostakli għall-eliġibbiltà ta' proġetti żgħar;

F.  billi l-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ (2010-2018) għandha tmien oqsma ta' azzjoni ewlenin li fihom għandhom jittieħdu l-inizjattivi - l-edukazzjoni u t-taħriġ, l-impjieg u l-intraprenditorija, is-saħħa u l-benesseri, il-parteċipazzjoni, l-attivitajiet volontarji, l-inklużjoni soċjali, iż-żgħażagħ u d-dinja kif ukoll il-kreattività u l-kultura;

G.  billi t-tielet u l-aħħar ċiklu bbażat fuq tliet snin tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ (2010-2018) sejjer jipprijoritizza l-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ kollha, speċjalment dawk li jkunu ġejjin minn ambjenti żvantaġġati, il-parteċipazzjoni aktar b'saħħitha fil-ħajja demokratika u f'dik ċivika u t-tranżizzjoni aktar faċli lejn is-suq tax-xogħol;

H.  billi l-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ (2010-2018) tenfasizza l-ħtieġa għal djalogu strutturat u kontinwu bejn dawk li jfasslu l-politika u ż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ; jinnota madankollu li 57 % tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fl-UE jqisu li l-għarfien espert taż-żgħażagħ ma jitqiesx fit-tfassil tal-politiki dwar iż-żgħażagħ;

I.  billi l-politika dwar iż-żgħażagħ għandha tkun ibbażata fuq id-drittijiet u għandha tappoġġa l-iżvilupp taż-żgħażagħ kollha, filwaqt li tiżgura t-twettiq tad-drittijiet u tal-potenzjal taż-żgħażagħ, filwaqt li tevita l-istigmatizzazzjoni ta' gruppi speċifiċi;

J.  billi huwa importanti li jiġi enfasizzat li ż-żgħażagħ huma politikament involuti f'ħafna modi, iżda l-parteċipazzjoni tagħhom fl-elezzjonijiet qed tonqos;

K.  billi huwa importanti li jiġi żgurat li ż-żgħażagħ kollha jkollhom aċċess għall-edukazzjoni ta' kwalità - kemm formali kif ukoll mhux formali - u t-taħriġ, għax iż-żgħażagħ Ewropej tal-lum qed jiffaċċjaw rati għolja ta' qgħad f'ħafna Stati Membri, impjiegi instabbli u żieda fir-riskju tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali, u b'mod partikolari ż-żgħażagħ b'livell baxx ta' kwalifiki, iż-żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs) u dawk bi bżonnijiet speċjali jew li ġejjin minn kuntesti soċjoekonomiċi żvantaġġati bħall-minoranzi etniċi, rifuġjati, migranti u persuni li jfittxu l-ażil li għandhom probabilità ikbar li jkunu qiegħda u marġinalizzati;

L.  billi jinħtieġu sforzi kontinwi sabiex jiżdiedu l-livelli ta' parteċipazzjoni fis-swieq tax-xogħol fost in-nisa – b'mod partikolari wara l-liv tal-maternità u fil-każ ta' ommijiet waħedhom – u l-migranti żgħażagħ, żgħażagħ li jabbandunaw l-iskola kmieni, żgħażagħ b'livell baxx ta' kwalifiki, żgħażagħ b'diżabilità u żgħażagħ f'riskju ta' diskriminazzjoni;

M.  billi l-edukazzjoni u t-taħriġ jistgħu jikkontribwixxu sabiex jiġu indirizzati d-distakkament soċjali, l-emarġinazzjoni u r-radikalizzazzjoni taż-żgħażagħ u biex jiġi indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ u biex tiżdied il-kuxjenza fost iż-żgħażagħ dwar l-importanza tal-valuri fundamentali tal-UE; billi l-approċċi interkulturali u interreliġjużi huwa kruċjali għall-bini ta' rispett reċiproku u għall-integrazzjoni taż-żgħażagħ fl-edukazzjoni u fil-ħajja soċjali, kif ukoll sabiex jiġu miġġielda l-preġudizzji u l-intolleranza;

N.  billi n-natura speċifika tal-attività sportiva u l-kontribut tagħha għall-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ żvantaġġati, speċjalment ir-rifuġjati u l-migranti, ifissru li l-isport jgħin biex jingħelbu l-ksenofobija u r-razziżmu;

O.  billi ż-żgħażagħ huma l-futur u għandhom jitqiesu bħala riżorsa b'potenzjal enormi għall-futur tas-soċjetajiet Ewropej;

P.  billi huwa ta' importanza kruċjali li l-perspettiva tal-ġeneru tiġi inkorporata f'politiki dwar iż-żgħażagħ li jikkunsidraw iċ-ċirkostanzi u l-isfidi speċifiċi li jħabbtu wiċċhom magħhom in-nisa żgħażagħ u l-bniet, fl-istadji kollha tal-proċess politiku; billi fil-politika dwar iż-żgħażagħ jeħtieġ jiġu inklużi miżuri speċifiċi sensittivi għad-dimensjoni tal-ġeneru fi kwistjonijiet bħall-ġlieda kontra l-vjolenza fil-konfront tan-nisa u l-bniet, l-edukazzjoni dwar is-sess u r-relazzjonijiet, u l-edukazzjoni dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi;

Q.  billi l-ħtiġijiet taż-żgħażagħ li jsofru diskriminazzjoni multipla, inklużi ż-żgħażagħ b'diżabilità jew b'kundizzjonijiet ta' saħħa mentali, u ż-żgħażagħ li jidentifikaw lilhom infushom bħala LGBTI, ukoll għandhom jingħataw kunsiderazzjoni speċjali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki dwar iż-żgħażagħ;

R.  billi l-inklużjoni soċjali u l-mobilità soċjali jridu jkunu prijoritajiet ċentrali tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ, u għaldaqstant irid ikollha speċifikament fil-mira ż-żgħażagħ minn gruppi vulnerabbli, bħaż-żgħażagħ li qed iħabbtu wiċċhom mal-faqar u l-esklużjoni soċjali, iż-żgħażagħ minn żoni rurali iżolati jew dawk li jkunu ġejjin minn komunitajiet marġinalizzati bħalma huma l-minoranzi etniċi, ir-rifuġjati u dawk li jfittxu l-ażil;

Rakkomandazzjonijiet ġenerali

1.  Jilqa' r-Rapport taż-Żgħażagħ tal-15 ta' Settembru 2015 ibbażat fuq il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-qafas imġedded għal kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (mill-2010 sal-2018) (COM(2015)0429), li jinkludi r-riżultati ewlenin tal-aħħar ċiklu ta' tliet snin tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ u jipproponi prijoritajiet għaċ-ċiklu li jmiss; jirrakkomanda lill-awtoritajiet tal-UE u lil dawk nazzjonali, reġjonali u lokali biex jiżguraw li l-programmi differenti fil-livell tal-UE li jittrattaw il-politiki taż-żgħażagħ ikunu kkomunikati, implimentati u kkoordinati tajjeb sabiex jirreaġixxu għall-ħtiġijiet il-ġodda fid-dawl tal-isfidi soċjali u edukattivi tal-ġejjieni;

2.  Iqis il-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni bħala mezz xieraq iżda insuffiċjenti bħala mezz ta' qafas għall-politiki dwar iż-żgħażagħ li jeħtieġ li jiġi kkomplementat b'miżuri oħrajn; itenni s-sejħa tiegħu għal kooperazzjoni eqreb u skambju tal-aħjar prattiki dwar il-kwistjonijiet taż-żgħażagħ fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE; iħeġġeġ lill-Istati Membri jaqblu dwar indikaturi u parametri referenzjarji ċari sabiex ikun jista' jiġi mmonitorjat il-progress miksub;

3.  Jenfasizza li l-inklużjoni taż-żgħażagħ b'diżabilità fl-impjieg hija neċessarja sabiex ikun jistgħu jkollhom ħajja indipendenti u jkunu integrati bis-sħiħ fis-soċjetà bħala parteċipanti attivi u kontributuri reali;

4.  Jenfasizza l-importanza tad-Djalogu Strutturat bħala mezz biex jinvolvi liż-żgħażagħ, kemm dawk li huma involuti f'organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u dawk li mhumiex; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li jiżdiedu u jitjiebu l-attivitajiet ta' komunikazzjoni, il-viżibilità u l-kwalità tal-proċess, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari fir-rigward tal-involviment tal-gruppi vulnerabbli u marġinalizzati, sabiex il-politiki dwar iż-żgħażagħ jiġu żviluppati, implimentati u evalwati b'aktar effett fil-livelli kollha u biex titrawwem iċ-ċittadinanza attiva fost iż-żgħażagħ; jitlob it-tisħiħ tad-Djalogu Strutturat bħala għodda parteċipattiva ta' kwalità għaż-żgħażagħ fil-qafas ta' kooperazzjoni ta' appoġġ għaż-żgħażagħ li jmiss;

5.  Jinnota l-impatt tat-tieni ċiklu tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ (2013-2015) fl-enfasizzar tal-importanza ta' approċċ adattabbli għall-politika dwar iż-żgħażagħ b'involviment transsettorjali u fuq diversi livelli; japprezza d-Djalogu Strutturat mal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ f'dan ir-rigward; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu l-aċċess taż-żgħażagħ għal edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità għolja, kif ukoll għall-impjiegi; ifakkar fit-tmien oqsma ta' azzjoni li qed jiġu promossi mill-Istrateġija għaż-Żgħażagħ tal-UE;

6.  Jenfasizza l-importanza tal-Istrateġija għaż-Żgħażagħ tal-UE, fid-dawl tar-rata tant għolja ta' qgħad fost iż-żgħażagħ fl-UE, il-persentaġġi għoljin u li jvarjaw bil-kbir ta' NEETs (żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ), u l-isfidi tal-faqar u l-esklużjoni soċjali fost iż-żgħażagħ; jenfasizza li ċ-ċiklu li jmiss (2016-2018) għandu jikkontribwixxi għaż-żewġ objettivi tal-Istrateġija għaż-Żgħażagħ, billi jiġu identifikati u ttrattati l-kawżi tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, bħat-tluq bikri mill-iskola, titrawwem l-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ, isir investiment fl-edukazzjoni, internships, apprendistati u taħriġ vokazzjonali fil-ħiliet li jirriflettu l-opportunitajiet, il-ħtiġijiet u l-iżviluppi fis-suq tax-xogħol, u billi tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni għas-suq tax-xogħol f'termini ta' miżuri li jiżguraw koordinament aħjar tal-programmi tal-edukazzjoni, il-politika tal-impjiegi u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol; jirrimarka li l-atturi tas-suq tax-xogħol jeħtiġilhom ikunu appoġġati fl-isforzi tagħhom biex jimplimentaw l-Iskema tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, sabiex jiġi żgurat li, mhux aktar tard minn erba' xhur wara li jispiċċaw l-iskola, iż-żgħażagħ ikunu jew impjegati, jew qed jistudjaw jew qed jagħmlu taħriġ (jew taħriġ mill-ġdid) vokazzjonali;

7.  Jenfasizza li l-implimentazzjoni effikaċi tal-Istrateġija għaż-Żgħażagħ tal-UE għandha tkun marbuta mill-qrib mal-kisba tal-miri ewlenin ta' Ewropa 2020, partikolarment dawk li 75 % tal-popolazzjoni ta' bejn l-20 u l-64 sena jkunu f'impjieg u li l-akbar għadd possibbli ta' żgħażagħ joħorġu mill-faqar u l-esklużjoni soċjali; jinnota li, għalkemm kien hemm tnaqqis f'xi Stati Membri mill-2013 'l hawn, għad hemm tħassib reali dwar il-fatt li r-rata ta' qgħad fost iż-żgħażagħ għadha kważi d-doppju tar-rata ġenerali tal-qgħad, b'madwar 8 miljun żagħżugħ Ewropew li għadhom qiegħda; jenfasizza, għaldaqstant, l-importanza li jiġu indirizzati l-każijiet ta' żbilanċ ġeografiku bejn il-provvista u d-domanda f'termini ta' impjiegi, kemm fi ħdan l-Istati Membri kif ukoll bejniethom, permezz tal-bidliet għall-Portal Ewropew dwar il-Mobilità fix-Xogħol (EURES), bil-għan li jittejbu l-opportunitajiet ta' impjiegi għaż-żgħażagħ u tinkiseb koeżjoni soċjali akbar;

8.  Jenfasizza l-importanza li ċ-ċiklu li jmiss tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ jinkludi fl-objettivi tiegħu lir-rifuġjati u l-persuni li jfittxu asil żgħażagħ, jiżgura t-trattament ugwali u mhux diskriminatorju tagħhom, l-aċċess għall-edukazzjoni, it-taħriġ u l-impjieg u l-inklużjoni soċjali, u b'hekk jgħinhom jibnu l-identità tagħhom fil-pajjiżi ospitanti u jagħmlu użu sħiħ mit-talenti u l-potenzjal tagħhom, u jevitaw li jispiċċaw emarġinati u diżillużi;

9.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-eżodu ta' mħuħ u l-perikli tiegħu għal ċerti Stati Membri, b'mod partikolari dawk li qed iħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet u huma inklużi fil-programmi ta' aġġustament, fejn numru dejjem jikber ta' gradwati qed ikollhom imorru jaħdmu barra minn pajjiżhom minħabba r-rati enormi ta' qgħad, u b'hekk qed iċaħħdu lill-pajjiżi kkonċernati mir-riżorsi umani l-iktar ta' valur u produttivi tagħhom;

10.  Jenfasizza l-potenzjal tat-teknoloġiji l-ġodda biex isir kuntatt maż-żgħażagħ u jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jieħdu vantaġġ minn dawk it-teknoloġiji sabiex isaħħu d-djalogu maż-żgħażagħ u l-kapaċità tagħhom li jipparteċipaw fis-soċjetà;

11.  Jenfasizza l-importanza li ż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ ikunu involuti fit-tiswir tal-prijoritajiet u t-tfassil ta' Qafas tal-UE ġdid għall-Kooperazzjoni dwar iż-Żgħażagħ post-2018;

12.  Jirrakkomanda lill-Istati Membri u lill-UE jimplimentaw valutazzjoni tal-impatt tal-politiki li għandhom liż-żgħażagħ fil-mira tagħhom;

13.  Jikkunsidra l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki, it-tfassil tal-politika abbażi tal-evidenza, gruppi ta' esperti, attivitajiet ta' tagħlim bejn il-pari u reviżjonijiet bħala għodod importanti f'kooperazzjoni bejn is-setturi orjentata lejn ir-riżultat bħala appoġġ għaż-żgħażagħ; jenfasizza l-importanza tat-tixrid tar-riżultati ta' dawn l-attivitajiet sabiex l-impatt jiġi mmassimizzat;

14.  Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni transsettorjali fil-livelli kollha u b'mod partikolari bejn l-istrateġiji differenti tal-UE li jaffettwaw liż-żgħażagħ (strateġiji attwali u futuri tal-UE dwar iż-Żgħażagħ, l-Edukazzjoni u t-Taħriġ, is-Saħħa, l-Impjieg, eċċ.);

15.  Jenfasizza l-importanza u l-ħtieġa tat-tisħiħ u l-iżvilupp ulterjuri ta' strateġiji u inizjattivi mmirati lejn il-prevenzjoni tal-vjolenza u l-bullying fl-iskejjel;

16.  Jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni ta' kwalità, imfassla għall-ħtiġijiet tat-tifel/tifla jew żagħżugħ(a) individwali, fosthom bejn il-familji, il-komunitajiet reliġjużi u l-iskejjel, il-komunitajiet lokali, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, il-ħaddiema fil-qasam taż-żgħażagħ u l-edukazzjoni formali, mhux formali jew informali, sabiex iż-żgħażagħ jiġu ggwidati u megħjuna fi triqthom lejn integrazzjoni sħiħa fis-soċjetà billi jingħatalhom post sikur biex jikbru u jitgħallmu;

17.  Jissuġġerixxi l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-qasam tal-politika dwar iż-żgħażagħ, speċjalment f'dawk l-Istati Membri fejn għandhom kompetenza f'dan il-qasam;

18.  Jisħaq fuq l-importanza tal-promozzjoni ta' stili ta' ħajja sani għall-prevenzjoni tal-mard, u jqis li jeħtieġ li ż-żgħażagħ jingħataw informazzjoni korretta u assistenza fir-rigward ta' problemi serji fil-qasam tas-saħħa mentali, bħall-użu u d-dipendenza fuq it-tabakk, l-alkoħol u d-droga;

19.  Ifakkar fil-valur tal-inklużjoni ta' dimensjoni interġenerazzjonali fil-politiki dwar iż-żgħażagħ u fil-bżonn li jinħoloq djalogu aqwa bejn il-ġenerazzjonijiet differenti;

20.  Jenfasizza l-importanza li jiġi indirizzat il-faqar fost żgħażagħ minn sfondi soċjoekonomikament żvantaġġati, dawk b'ġenituri qiegħda u dawk li ma rnexxilhomx ikissru ċ-ċiklu soċjoekonomiku tal-familja tagħhom;

21.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdu taħriġ effikaċi fil-lingwa nazzjonali, skont il-prinċipji tal-multilingwiżmu u n-nondiskriminazzjoni u abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-prinċipji Ewropej, u biex iżidu l-appoġġ lill-istituti edukattivi li jgħallmu fl-ilsien nattiv ta' minoranzi nazzjonali jew minoranzi lingwistiċi;

22.  Ifakkar fil-mira ewlenija ta' Ewropa 2020 li l-proporzjon ta' dawk li jħallu l-edukazzjoni u t-taħriġ qabel iż-żmien għandu jkun anqas minn 10 %; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi miġġieled it-tluq bikri mill-iskola, li huwa fattur li jikkontribwixxi għall-qgħad, permezz ta' djalogu bejn is-settur tal-edukazzjoni, is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi u s-sħab soċjali, billi jiġu identifikati n-nuqqasijiet tas-sistema tal-iskejjel u tas-soċjetà, jingħata appoġġ lill-istudenti biex isibu l-metodi ta' tagħlim tagħhom stess, jiġu implimentati kurrikuli rilevanti u interessanti, tinħoloq sistema b'saħħitha u żviluppata sew ta' gwida personalizzata b'servizzi ta' parir u orjentazzjoni ta' kwalità għolja għall-istudenti kollha, speċjalment mal-ewwel sinjali ta' tluq mill-iskola qabel iż-żmien, billi l-istudenti jiġu infurmati b'mod adegwat dwar l-opportunitajiet futuri tas-suq tax-xogħol u l-karrieri, inklużi profili tax-xogħol tekniċi u artiġjanali, billi jiġu pprovduti edukazzjoni fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika, kif ukoll tagħlim li jikkombina xogħol u skola, jiġu żgurati apprendistati ta' kwalità, internships u possibbiltajiet ta' taħriġ fil-post tax-xogħol, u billi l-istudenti jingħataw opportunità oħra fil-forma ta' taħriġ vokazzjonali;

23.  Jistieden lill-Istati Membri jippreżentaw rapporti bbażati fuq l-għarfien u l-evidenza dwar is-sitwazzjoni soċjali taż-żgħażagħ u l-kundizzjonijiet ta' għajxien tagħhom, u jfasslu pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali u jimplimentawhom b'mod konsistenti;

24.  Jenfasizza li l-promozzjoni ta' aktar opportunitajiet u opportunitajiet indaqs għaż-żgħażagħ kollha, iż-żieda fl-inklużjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn is-sessi u s-solidarjetà u l-ġlieda kontra kull forma ta' diskriminazzjoni fir-rigward taż-żgħażagħ, b'mod partikolari fuq il-bażi tas-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika jew id-diżabilità, għandhom ikunu ċentrali sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ;

25.  Jinnota li l-politiki u l-istrateġiji nazzjonali dwar iż-żgħażagħ għandhom jiġu żviluppati maż-żgħażagħ u għaż-żgħażagħ;

26.  Jilqa' pożittivament, b'mod partikolari, is-siwi tal-Qafas għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (2010-2018) fit-titjib tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea u l-ftuħ u l-iżvilupp tal-opportunitajiet u l-vantaġġi offruti mill-proġett ta' integrazzjoni Ewropea liż-żgħażagħ, u f'dan ir-rigward jistieden lill-Kummissjoni tkompli u tiżviluppa l-qafas wara l-2018;

27.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu strutturi edukattivi neċessarji għall-integrazzjoni tar-rifuġjati żgħażagħ, billi jitħallew jitgħallmu l-lingwa tal-pajjiż li fih ingħataw l-asil, ilestu t-taħriġ inizjali tagħhom jew iġibu l-ħiliet diġà miksuba fuq livell Ewropew, bil-għan li tkun aġevolata l-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà Ewropea;

28.  Jappella għal miżuri mmirati fir-rigward tal-istudenti li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien, li għandhom bżonn gwida, ħiliet u taħriġ kif ukoll sistema effikaċi fl-edukazzjoni bikrija li tidentifika lil dawk li jinsabu f'riskju li jsiru studenti li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien jew żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ sabiex jingħataw assistenza minn età żgħira u jitbiegħdu minn dan l-iżvantaġġ;

29.  Jipproponi lill-Istati Membri jqisu l-prinċipju tas-"solidarjetà interġenerazzjonali" fl-ambitu tal-politiki tal-pensjonijiet u jieħdu kont tal-impatt li dawn għandhom jew se jkollhom fuq iż-żgħażagħ;

30.  Jilqa' pożittivament ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar it-tagħlim tal-UE fl-iskejjel, u għaldaqstant jistieden lill-Istati Membri jippromwovu għarfien aktar estensiv tal-UE permezz ta' edukazzjoni formali, mhux formali u informali, b'mira partikolari fuq il-kooperazzjoni ta' min jagħti edukazzjoni formali u mhux formali / informali, li tista' tirnexxi bis-saħħa ta' strateġija kontinwa tal-UE għaż-żgħażagħ;

31.  Jistieden lill-Istati Membri jinvolvu lill-organizzazzjonijiet indipendenti b'mod aktar intensiv fil-proċess ta' implimentazzjoni, partikolarment fil-livell lokali, u jtejbu l-koordinament bejn il-proċeduri eżistenti fl-istrateġija ta' wara l-2018 (eż. permezz ta' involviment fuq skala tal-UE fil-kumitati dwar l-assistenza soċjali għaż-żgħażagħ, eċċ.) sabiex l-istrateġija tal-UE dwar iż-żgħażagħ tibqa' siewja;

32.  Jenfasizza l-bżonn li ż-żgħażagħ jingħataw għarfien u fehim sod tal-UE, anki bis-saħħa tat-tagħlim dwar il-valuri fundamentali, il-governanza u l-proċessi deċiżjonali tal-UE, biex b'hekk ikunu jistgħu jinvolvu ruħhom f'riflessjoni kritika dwar l-UE u jsiru ċittadini Ewropej responsabbli u attivi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jippromwovu dimensjoni tal-UE fl-edukazzjoni, bil-għan li jippreparaw lil dawk li jitgħallmu jgħixu u haħdmu f'Unjoni dejjem aktar kumplessa u integrata, li jkunu jistgħu u jmisshom isawru;

Impjieg u edukazzjoni

33.  Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu l-aħjar użu mill-politiki u l-oqfsa finanzjarji tal-UE u dawk nazzjonali disponibbli sabiex jiġi promoss investiment xieraq fiż-żgħażagħ u l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u sikuri; jinsisti fil-livelli kollha fuq l-iskemi ta' mobilità li jirriżultaw fit-titjib tal-ħiliet u tal-kompetenzi għaż-żgħażagħ, u jingħataw fiduċja fihom infushom, jiżviluppaw il-kurżità u l-interess tagħhom f'modi oħra ta' tagħlim u involviment fis-soċjetà; jirrakkomanda bis-saħħa r-rikonoxximent u l-valutazzjoni ta' dawk il-ħiliet, imsaħħa permezz tal-mobilità; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jiggarantixxu li ż-żgħażagħ ikollhom aċċess aħjar għall-informazzjoni dwar il-programmi u l-inizjattivi kollha li jistgħu jibbenefikaw minnhom;

34.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ il-programm Erasmus+, speċjalment fir-rigward tal-apprendistati, u b'hekk jippromwovu u jrawmu ulterjorment it-taħriġ u l-karrieri transkonfinali u l-mobilità tax-xogħol fost iż-żgħażagħ u jipprovdu lil dawn tal-aħħar ħiliet u kompetenzi għall-ħajja, inklużi ħiliet lingwistiċi, filwaqt li jwessgħulhom l-opportunità u ċ-ċans li jipparteċipaw kemm fis-suq tax-xogħol kif ukoll fis-soċjetà, ikunu xi jkunu l-kwalifiki akkademiċi, il-ħiliet jew il-livell ta' edukazzjoni tagħhom; jesprimi tħassib li l-mobilità tal-apprendisti għadha ma laħqitx il-livelli mixtieqa, u jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-kumpaniji u lill-iskejjel isibu mezzi biex jegħlbu l-ostakli li fadal għall-mobilità tal-apprendisti; jenfasizza l-importanza li jingħata appoġġ liż-żgħażagħ fil-proġetti ta' mobilità tagħhom, minħabba l-età u s-sitwazzjoni finanzjarja ħafna drabi instabbli tagħhom, inkluż billi jitneħħew ċerti restrizzjonijiet indiretti fuq il-mobilità, bħalma huma d-diffikultajiet ta' akkomodazzjoni u trasport;

35.  Jappella għal opportunitajiet imtejba għall-istudenti tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali biex ikollhom esperjenzi ta' xogħol f'pajjiżi ġirien sabiex irawmu fehim aħjar tal-prattiki tax-xogħol u ta' taħriġ ta' Stati Membri, pereżempju permezz ta' finanzjament tal-ispejjeż tal-ivjaġġar għal studenti li jibqgħu jgħixu fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom; jirrimarka li l-mobilità fit-taħriġ hija assi vitali meta wieħed jiġi biex jidħol fis-suq tax-xogħol, iżda wkoll biex wieħed jifhem u jinvolvi ruħu fil-proġett Ewropew billi jesperjenzah; jenfasizza l-importanza li jiġi implimentat qafas Ewropew li jippromwovi l-mobilità, bħala parti mill-apprendistat u t-taħriġ vokazzjonali; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri jisiltu vantaġġ sħiħ min-netwerk tal-EURES biex jappoġġaw il-mobilità tal-ħaddiema żgħażagħ fi ħdan l-UE, inkluża l-mobilità fl-apprendistati;

36.  Jenfasizza l-importanza tal-istruzzjoni u t-tagħlim tal-ħiliet bażiċi ġenerali bħall-ICT, il-matematika, il-ħsieb kritiku, il-lingwi barranin, il-mobilità, eċċ., li jippermettu liż-żgħażagħ jadattaw faċilment għall-ambjent soċjali u ekonomiku li qed jinbidel;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jagħtu spinta lit-taħriġ fl-ICT sabiex jgħammru liż-żgħażagħ kollha bil-ħiliet elettroniċi rilevanti meħtieġa għas-suq tax-xogħol, pereżempju billi jerġgħu jallokaw finanzjament fi ħdan l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ;

38.  Itenni li t-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) għandhom rwol importanti x'jiżvolġu fl-iżvilupp personali u professjonali taż-żgħażagħ, u jirrikonoxxi l-potenzjal tagħhom biex jagħtu r-riedni liż-żgħażagħ billi jlaqqgħuhom fi tweġiba għall-problemi soċjali u jitħallew jikkollegaw ma' xulxin lil hinn mill-ostakli ġeografiċi, soċjali, reliġjużi, ekonomiċi u tal-ġeneru; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jiggarantixxu li ż-żgħażagħ kollha jkunu mgħammra tajjeb b'ħiliet u kapaċitajiet aġġornati fl-ambitu tal-ICT;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħolqu programmi għaż-żgħażagħ u edukattivi li jtejbu l-pożizzjoni tan-nisa u l-bniet u jiffaċilitawlhom id-dħul f'setturi li tradizzjonalment kienu ddominati mill-irġiel fejn huma sottorappreżentati, bħall-intraprenditorjat, l-ICT, u x-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija, u l-matematika (STEM);

40.  Itenni l-potenzjal enormi tas-sinerġiji bejn is-setturi STEM (xjenza, teknoloġija, inġinerija, matematika) u l-ICT u l-oqsma tal-arti u d-diżinn u l-industriji kreattivi, li jittrasformaw is-STEM fi STEAM (xjenza, teknoloġija, inġinerija, arti, matematika), u jenfasizza l-potenzjal ta' tali sinerġiji biex iressqu aktar żgħażagħ, partikolarment nisa u bniet, lejn oqsma STEM;

41.  Jistieden lill-Istati Membri jħeġġu lin-nisa jibdew taħriġ u karrieri fis-setturi fejn huma sottorappreżentati bħas-STEM u l-IT;

42.  Jissottolinja l-bżonn li jkun żgurat li ż-żgħażagħ ikollhom l-opportunità jiksbu, bħala minimu, ħiliet diġitali bażiċi u għarfien u l-fehim dwar il-midja, biex ikunu jistgħu jaħdmu, jitgħallmu u jipparteċipaw attivament fis-soċjetà moderna;

43.  Josserva li anki jekk iż-żgħażagħ jegħlbu l-isfida reali li jsibu impjieg, mhux neċessarjament ikollhom żgurati l-mezzi biex jgħixu f'livell ogħla mis-soll tal-faqar f'bosta Stati Membri;

44.  Jappella għat-tkomplija tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ; jappella biex jiġu proposti aġġustamenti sussegwenti f'termini ta' regolamentazzjoni u riżorsi sabiex jiġu megħluba l-ostakoli eżistenti għall-implimentazzjoni sa tmiem il-qafas finanzjarju attwali;

45.  Jitlob għal koordinament aħjar fil-livelli kollha bejn il-kurrikuli fl-edukazzjoni u t-taħriġ u l-ħtiġijiet tas-swieq tax-xogħol li qegħdin jinbidlu; jitlob li, bil-għan li jinkisbu l-objettivi ta' politika ta' koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-UE, u fid-dawl tal-inugwaljanzi persistenti bejn iż-żoni urbani, periurbani u rurali, l-kampanji ta' informazzjoni, sensibilizzazzjoni u valorizzazzjoni tal-programmi ta' mobilità jkunu stabbiliti fl-istituti tat-tagħlim ġenerali u vokazzjonali tal-Unjoni; jenfasizza, madankollu, l-importanza li jiġi rrispettat il-valur tal-għarfien u li nistinkaw li nipprovdu edukazzjoni kompluta u sħiħ ta' bażi akkademiku sod; iħeġġeġ titjib tad-djalogu u l-kooperazzjoni bejn in-negozji u l-universitajiet, bl-għan li jiġu żviluppati programmi edukattivi li jgħamru liż-żgħażagħ bil-ħiliet, l-għarfien u l-kompetenzi meħtieġa; jappella, f'dan ir-rigward, għal kooperazzjoni aktar stretta bejn l-istituti edukattivi, l-impriżi, partikolarment l-SMEs, u s-servizzi tal-impjiegi; jissuġġerixxi li, f'dan ir-rigward, l-Istati Membri jadottaw l-aħjar prattiki ta' xulxin;

46.  Jissottolinja l-fatt li approċċ edukattiv olistiku u inklużiv hu essenzjali sabiex l-istudenti kollha jħossuhom milqugħa u inklużi u jħossu li għandhom is-setgħa jieħdu deċiżjonijiet dwar l-edukazzjoni tagħhom; jirrimarka li waħda mill-akbar sfidi tas-soċjetajiet tagħna hija li l-istudenti jħallu l-iskola mingħajr kwalifiki; jirrimarka wkoll li l-ġlieda kontra dan il-fenomenu hija wieħed mill-għanijiet ewlenin tagħna, billi dan iwassal għall-esklużjoni soċjali; jirrimarka li minbarra l-aġġustament tas-sistemi ta' taħriġ, iridu jiġu introdotti miżuri speċifiċi għal dawk li jinsabu fl-akbar diffikultà; ifakkar li t-traineeships u l-apprendistati għandhom iwasslu għall-impjieg u li l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-kompiti assenjati għandhom jgħinu lit-trainees jiksbu l-esperjenza prattika u l-ħiliet rilevanti meħtieġa biex jidħlu fis-suq tax-xogħol; jemmen li, sabiex jiġi indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ, huwa fundamentali li l-partijiet interessati pubbliċi u privati reġjonali u lokali jkunu involuti fit-tfassil u l-implimentazzjoni tat-taħlita rilevanti tal-politiki;

47.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri li jiffaċilitaw it-tranżizzjoni taż-żgħażagħ mill-edukazzjoni għax-xogħol, inkluż billi jiżguraw internships u apprendistati ta' kwalità, billi jagħtu liż-żgħażagħ drittijiet definiti b'mod ċar li jinkludu l-aċċess għall-protezzjoni soċjali, kuntratti bil-miktub u vinkolanti u remunerazzjoni ġusta, biex b'hekk jiżguraw li ż-żgħażagħ ma jkunux iddiskriminati meta jiġu biex jidħlu fis-suq tax-xogħol, kif ukoll billi jinfurmaw lill-istudenti b'mod adegwat dwar l-opportunitajiet futuri tas-suq tax-xogħol;

48.  Jenfasizza li r-rati tal-qgħad jonqsu b'mod ċar hekk kif jogħla l-livell tal-edukazzjoni miksub, u li b'hekk jeħtieġ li jkun hemm promozzjoni u investiment f'opportunitajiet ta' edukazzjoni għolja għaż-żgħażagħ fl-UE;

49.  Jindika, madankollu, li l-edukazzjoni ma għandhiex tipprovdi biss ħiliet u kompetenzi rilevanti għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, iżda għandha tikkontribwixxi wkoll għall-iżvilupp personali u l-iżvilupp taż-żgħażagħ sabiex tagħmilhom ċittadini proattivi u responsabbli; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa għal edukazzjoni ċivika fis-sistema edukattiva sħiħa, kemm dik formali kif ukoll dik mhux formali;

50.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu opportunitajiet ta' karriera doppja għal żgħażagħ b'talent sportiv, b'mod li jkunu jistgħu jiżviluppaw it-talent tagħhom bħala atleti filwaqt li jakkwistaw ukoll ħiliet edukattivi;

51.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu inklużi elementi ta' tagħlim imprenditorjali fil-livelli kollha u fil-forom kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ, billi l-fatt li jiddaħħal sa mill-bidu nett l-ispirtu imprenditorjali fost iż-żgħażagħ huwa mod effikaċi biex ikun miġġieled il-qgħad fost iż-żgħażagħ; f'dan ir-rigward, iħeġġeġ djalogu attiv u kooperazzjoni bejn il-komunità universitarja u l-impriżi, bl-għan li jiġu żviluppati programmi edukattivi li jagħtu liż-żgħażagħ il-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li jkunu promossi u appoġġati l-politiki għall-iżvilupp tal-imprenditorija fost iż-żgħażagħ, speċjalment fil-qasam kulturali u kreattiv u fil-qasam tal-isport sabiex jinħolqu impjiegi sikuri u ta' kwalità u tingħata spinta lill-iżvilupp u l-koezjoni soċjali tal-komunitajiet; jissottolinja wkoll l-potenzjal offrut mill-volontarjat f'termini ta' ksib ta' ħiliet, tisħiħ tal-iżvilupp personali u opportunitajiet biex iż-żgħażagħ jiskopru l-vokazzjoni tagħhom;

52.  Jindika li l-imprenditorija tirrikjedi l-iżvilupp ta' ħiliet trasversali bħalma huma l-kreattività, il-ħsieb kritiku, is-sens ta' kollaborazzjoni f'tim u sens ta' inizjattiva, li jikkontribwixxu għall-iżvilupp personali u professjonali taż-żgħażagħ u jiffaċilitaw it-tranżizzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol; jemmen li hemm bżonn, għalhekk, li l-parteċipazzjoni minn imprendituri tiġi ffaċilitata u mħeġġa fil-proċess edukattiv;

53.  Jenfasizza l-importanza ta' aktar investiment fin-negozji li qed jibdew u fiż-żgħażagħ li jiddedikaw ruħhom għall-intraprenditorija, billi l-aċċess tagħhom għall-kapital inizjali u għal netwerks ta' mentors kummerċjali bl-esperjenza;

54.  Ifakkar li l-impjiegi u l-intraprenditorija jikkostitwixxu waħda mit-tmien prijoritajiet identifikati fl-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ (2010-2018); jenfasizza li l-ħidma fost iż-żgħażagħ u t-tagħlim mhux formali, b'mod partikolari permezz ta' organizzazzjonijiet ta' intraprendituri żgħażagħ u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, li joffru liż-żgħażagħ l-opportunità li jiżviluppaw proġetti innovattivi, jiksbu esperjenza intraprenditorjali u jakkwistaw il-mezzi u l-kunfidenza sabiex iniedu n-negozji tagħhom stess, għandhom rwol kruċjali fl-iżvilupp tal-potenzjal kreattiv u innovattiv taż-żgħażagħ, inkluż l-ispirtu intraprenditorjali u l-ħiliet intraprenditorjali u ċiviċi tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa li jinħoloq ambjent li jiffavorixxi l-intraprenditorija u negozji ġodda innovattivi fl-interess tal-impjieg taż-żgħażagħ fl-Ewropa; jenfasizza li jridu jitneħħew l-ostakli kollha li jipprevjenu liż-żgħażagħ milli jiżviluppaw l-ideat, il-potenzjal u l-attitudnijiet tagħhom;

55.  Jirrakkomanda enfasi akbar fuq l-intraprenditorija fl-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ bħala element ewlieni biex tingħata spinta lit-tkabbir ekonomiku; jinnota li fl-2014 wieħed biss minn kull ħames żgħażagħ Ewropej kien jixtieq jibda n-negozju tiegħu, fid-dawl tal-fatt li jara din l-idea diffiċli li titwettaq; jiffavorixxi l-għoti ta' prijorità lill-iżvilupp ta' kultura intraprenditorjali minn età bikrija, regolamenti dwar ix-xogħol flessibbli li jippermettu kemm ix-xogħol u l-istudju, l-edukazzjoni doppja, u l-aċċess għall-finanzjament;

56.  Ifakkar li l-industriji kreattivi huma fost l-iktar setturi imprenditorjali u li jikbru malajr, u li l-edukazzjoni kreattiva tiżviluppa ħiliet trasferibbli bħall-ħsieb kreattiv, is-soluzzjoni tal-problemi, is-sens ta' kollaborazzjoni f'tim u l-inġenjożità; jirrikonoxxi li s-setturi tal-arti u tal-midja jiġbdu partikolarment liż-żgħażagħ;

57.  Jissottolinja l-importanza tal-imprenditorija soċjali bħala mutur tal-innovazzjoni, l-iżvilupp soċjali u l-impjiegi, u jistieden għaldaqstant lill-UE u lill-Istati Membri jippromwovuha aħjar u jsaħħulha r-rwol tagħha;

58.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jieħdu miżuri biex jinċentivaw l-imprenditorija billi joħolqu ambjent aktar favorevoli għall-imprendituri u għall-ftuħ ta' negozji ġodda għat-tnedija ta' start-ups kummerċjali, li jistgħu jinkludu skemi u miżuri għall-faċilitazzjoni tal-għoti tal-kreditu min-naħa tal-banek, regolamentazzjoni semplifikata kif ukoll skemi ta' ħelsien mit-taxxa u miżuri li jippermettu liż-żgħażagħ jimplimentaw l-ideat kummerċjali tagħhom; jiffavorixxi metodi ta' taħriġ li jrawmu mentalità imprenditorjali u kreattiva u r-reklutaġġ tal-gradwati bħala imprendituri żgħażagħ;

59.  Jissottolinja li, sabiex ikunu jistgħu jiġġieldu l-qgħad fost iż-żgħażagħ, l-Istati Membri jeħtieġu konsulenti tal-karriera mħarrġa sew li jkollhom għarfien tal-opportunitajiet ta' edukazzjoni akkedemika u vokazzjonali u jkunu konxji mis-suq tax-xogħol attwali, l-iżviluppi prevedibbli fl-Istati Membri u s-setturi ġodda fl-ekonomiji tagħhom;

60.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ liż-żgħażagħ biex jibdew il-ħajja indipendenti tagħhom u jistabbilixxu l-familji tagħhom bl-għajnuna ta' allowances għall-akkomodazzjoni, arranġamenti preferenzjali u tnaqqis tat-taxxi fuq id-dħul, u jipprovdu self preferenzjali għall-istudenti;

61.  Jenfasizza l-importanza tar-rikonoxximent u l-validazzjoni reċiproċi tal-ħiliet, il-kompetenzi u l-għarfien li ġew akkwistati permezz tat-tagħlim informal, it-tagħlim mhux formali u t-tagħlim tul il-ħajja, għax il-validazzjoni tagħhom huwa kruċjali biex juri u jivvalorizza l-għarfien differenti u għani tal-individwi, partikolarment ta' individwi b'inqas opportunitajiet; Jirrimarka li l-validazzjoni tal-ħiliet tikkontribwixxi għat-titjib tal-aċċess għall-edukazzjoni formali u għal opportunitajiet professjonali ġodda, filwaqt li ssaħħaħ l-awtostima u l-motivazzjoni għat-tagħlim, l-iżvilupp tal-valuri, aptitudnijiet u ħiliet għaż-żgħażagħ, kif ukoll għat-tagħlim dwar iċ-ċittadinanza u l-involviment demokratiku f'kull livell; iħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex joħolqu mekkaniżmi ta' validazzjoni komprensivi sal-2018, kif indikat fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali, f'kollaborazzjoni stretta ma' kull parti interessati ewlenija, fosthom l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ;

62.  Jenfasizza l-importanza tat-tagħlim formali, informali u mhux formali, anke bħala parti minn attivitajiet ta' assoċjazzjoni, għall-iżvilupp tal-valuri, kompetenzi u ħiliet fost iż-żgħażagħ, kif ukoll għat-tagħlim dwar iċ-ċittadinanza u l-involviment demokratiku; jiġbed l-attenzjoni għall-firxa ta' possibbiltajiet ta' taħriġ u mudelli disponibbli fl-Istati Membri u, b'mod partikolari, għat-tagħlim li jikkombina xogħol u skola, li jistgħu jtaffu d-diffikultajiet tat-tranżizzjoni mill-edukazzjoni jew it-taħriġ għall-impjieg; jappoġġa l-implimentazzjoni tat-tagħlim tul il-ħajja; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw rikonoxximent koerenti u validu, madwar l-Ewropa kollha, tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba permezz ta' tagħlim formali, informali u mhux formali u t-traineeships, bil-għan li jitnaqqas id-distakk bejn in-nuqqas ta' ħiliet u n-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet osservati fis-suq tax-xogħol Ewropew, u jipprovdu appoġġ għal tali attivitajiet fil-qafas tal-programmi rilevanti tal-UE; jitlob, barra minn hekk, li fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) tingħata aktar attenzjoni lil-lingwi, speċjalment dawk tal-pajjiżi ġirien, sabiex tissaħħaħ il-pożizzjoni u l-impjegabbiltà tal-istudenti kkonċernati fis-suq tax-xogħol transfruntiera;

63.  Jinnota li, minħabba l-mewġa ta' diġitalizzazzjoni attwali u t-tendenzi l-ġodda fis-suq tax-xogħol, aktar u aktar żgħażagħ qed jiltaqgħu ma' forom ġodda ta' impjiegi li jibbilanċjaw bejn il-flessibbiltà u s-sigurtà; jenfasizza l-importanza ta' edukazzjoni adegwata għaż-żgħażagħ li jkollha l-għan li tenfasizza r-rwol ta' mekkaniżmi ta' protezzjoni soċjali fl-iżvilupp tal-karriera;

64.  Jemmen li intervent bikri u politiki proattivi tas-suq tax-xogħol jirrappreżentaw bidla mill-indirizzar tas-sintomi tal-privazzjoni tul diversi ġenerazzjonijiet għall-identifikazzjoni u l-ġestjoni tar-riskji kmieni fil-ħajja, sabiex jiġi evitat il-qgħad u tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid; jiġbed l-attenzjoni b'mod partikolari dwar is-sitwazzjoni ta' dawk l-aktar emarġinati u li jinsabu fl-akbar riskju li jsibu ruħhom qiegħda;

65.  Jenfasizza l-importanza ta' programmi miftuħa u ta' aċċess faċli sabiex issir ħidma ma' żgħażagħ li ġejjin minn ambjenti anqas stimulanti;

66.  Jenfasizza l-importanza tat-tagħlim tul il-ħajja u li jittejbu l-opportunitajiet edukattivi u tal-impjieg taż-żgħażagħ permezz tar-rikonoxximent reċiproku transfruntiera u l-kompatibilità tal-kwalifiki u tal-lawrji akkademiċi sabiex tissaħħaħ is-sistema tal-assigurazzjoni tal-kwalità; jappella li jkun hemm espansjoni, evalwazzjoni u adattament kontinwi għal rekwiżiti ta' taħriġ li qed jinbidlu tar-rikonoxximent transfruntiera tal-kwalifiki u l-lawrji, u jinnota li dan għandu jiġi żgurat fuq livell Ewropew u fil-pajjiżi kollha li ngħaqdu maż-żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja u dawk inklużi fil-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki;

67.  Jenfasizza, f'dan ir-rigward, ir-rwol importanti tat-tagħlim mhux formali u informali, kif ukoll tal-parteċipazzjoni f'attivitajiet sportivi u ta' volontarjat, fl-istimolazzjoni tal-iżvilupp tal-kompetenzi u l-ħiliet ċiviċi, soċjali u interkulturali; jenfasizza l-fatt li xi pajjiżi għamlu progress sinifikanti fl-iżvilupp ta' qafas ġuridiku rilevanti, filwaqt li oħrajn isibu diffiċli biex joħolqu strateġiji komprensivi ta' validazzjoni; jenfasizza, għaldaqstant, il-ħtieġa li jiġu żviluppati strateġiji komprensivi li jippermettu l-validazzjoni;

68.  Jenfasizza l-importanza li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet u d-diskrepanzi fil-ħiliet billi tiġi promossa u ffaċilitata l-mobilità għal dawk li jitgħallmu u għall-għalliema permezz ta' użu aħjar tal-għodod u l-programmi kollha tal-UE; jirrimarka li l-mobilità fit-taħriġ hija vantaġġ vitali meta wieħed jiġi biex jidħol fis-suq tax-xogħol; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu implimentati miżuri mmirati lejn l-iżgurar tal-koordinazzjoni, il-kumplimentarjetà u ilkoerenza bejn il-fondi strutturali għall-mobilità, inkluż il-Fond Soċjali Ewropew (FSE), per eżempju, u programmi oħra bħall-Erasmus+; Jenfasizza, f'dan ir-rigwar, ir-rwol importanti ta' programmi ta' mobilità bħall-Erasmus+ biex jistimolaw l-iżvilupp ta' ħiliet u l-kompetenzi orizzontali u l-iskambji interkulturali fost iż-żgħażagħ; jilqa' t-trasformazzjoni tal-websajt tal-EU Skills Panorama;

69.  Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ ir-rwol tal-programm Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ biex jiksbu impjieg ta' kwalità fit-tul; huwa tal-fehma li l-mobbiltà professjonali hija meħtieġa biex jiġi sfruttat il-potenzjal taż-żgħażagħ; jinnota li bħalissa 217,7 miljun persuna għandhom impjieg fl-UE, li minnhom 7,5 miljun (3,1 %) qed jaħdmu fi Stat Membru ieħor; jinnota, barra minn hekk, li, skont stħarriġ tal-UE, iż-żgħażagħ huma aktar suxxettibbli li jkunu mobbli u li jieħdu ħiliet u kwalifiki ġodda lejn il-pajjiż ta' oriġini tagħhom;

70.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ u tappoġġa l-mobilità tal-istudenti fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, billi tippromwovi l-iskema Erasmus għall-Apprendisti;

71.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu vantaġġ sħiħ mir-riforma attwali tan-netwerk tal-EURES biex jappoġġjaw il-mobilità tal-ħaddiema żgħażagħ minn pajjiż għal ieħor fl-UE, inkluża l-mobilità fl-apprendistati u t-traineeships; jistieden lill-Istati Membri jaġġornaw regolarment il-postijiet vakanti u l-curricula vitae; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-proċess ta' tqabbil ta' impjiegi fil-EURES biex ikun żgurat li ż-żgħażagħ jirċievu offerti ta' impjieg adegwati u ta' kwalità li jirriflettu l-curriculum vitae tagħhom;

72.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu sistemi doppji ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali ta' kwalità b'koordinazzjoni mal-atturi ekonomiċi lokali u reġjonali, wara l-iskambju tal-aħjar prattiki u skont in-natura speċifika ta' kull sistema edukattiva, sabiex jintgħeleb it-tqabbil ħażin tal-ħiliet, bħalissa u fil-futur;

73.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jistabbilixxu għotjiet innovattivi u flessibbli għat-trawwim tal-ħiliet artistiċi u sportivi fil-qasam tal-kultura, l-edukazzjoni u t-taħriġ; jappoġġa lill-Istati Membri li qed jistinkaw biex jintroduċu skemi ta' boroż ta' studju għall-studenti b'ħiliet ippruvati f'ambitu edukattiv, sportiv u artistiku;

74.  Jinnota li t-tluq bikri mill-iskola u l-tluq mill-iskola mingħajr kwalifiki jikkostitwixxu sfidi kbar għas-soċjetajiet tagħna peress li dawn iwasslu għall-eżistenza prekarja u għall-esklużjoni soċjali, u li l-ġlieda kontrihom għandha tkun waħda mill-ikbar objettivi tagħna; ifakkar li l-mobilità, l-adattament tas-sistemi ta' edukazzjoni u l-implimentazzjoni ta' miżuri individwalizzati jistgħu jġibu soluzzjonijiet għall-persuni l-aktar f'diffikultà sabiex titnaqqas ir-rata ta' abbandun bikri fl-edukazzjoni u t-taħriġ;

75.  Jenfasizza l-bżonn li jinħoloq kuntratt għall-istudenti li jippermetti li l-istudenti universitarji u tat-taħriġ vokazzjonali jikkombinaw l-istudju max-xogħol, preferibbilment f'impriżi fil-qasam li għalih qed jitħarrġu, b'garanzija li jlestu l-istudji li jkunu bdew;

76.  Jenfasizza l-ħtieġa li jitkomplew l-isforzi biex jonqos it-tluq bikri mill-iskola u titrawwem l-edukazzjoni taż-żgħażagħ żvantaġġjati;

77.  Jinnota li minkejja tnaqqis fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri wara r-rekord irreġistrat fl-2013, il-qgħad fost iż-żgħażagħ jibqa' kwistjoni inkwetanti ferm fl-UE, peress li madwar 8 miljun żagħżugħ Ewropew ma jistgħux isibu xogħol u l-proporzjon ta' dawk li jiffaċċjaw qgħad fit-tul jew xogħol part-time involontarju jew status ta' traineeship baqa' għoli;

Riżorsi finanzjarji

78.  Jenfasizza l-importanza ta' investiment strateġiku, anke mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, b'mod partikolari mill-Fond Soċjali Ewropew, għall-iżvilupp reġjonali, il-kompetittività u l-ħolqien ta' traineeships b'livell għoli ta' kwalità, apprendistati u impjiegi sostenibbli; jinnota li għandha tingħata attenzjoni speċjali liż-żgħażagħ NEETs;

79.  Jinnota li l-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 dam ftit xhur ma nbeda u li l-ewwel valutazzjoni tal-politiki tal-Unjoni f'dan il-perjodu, u b'mod partikolari ta' dawk dedikati għaż-żgħażagħ, ma tistax tkun rappreżentattiva b'mod sħiħ tal-impatt reali tagħhom;

80.  Jirrimarka li fil-perjodu ta' programmazzjoni preċedenti, il-Qorti tal-Awdituri stmat li r-rata ta' żball għal tranżazzjonijiet magħmula fil-kuntest tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja (LLP) u l-programm Żgħażagħ fl-Azzjoni (YiA) kienet 'il fuq minn 4 %; jistenna li l-Kummissjoni tkun indirizzat dawk l-iżbalji fl-implimentazzjoni tal-programm Erasmus+;

81.  Jieħu nota tal-fatt li fl-2013, ir-rata ta' eżekuzzjoni tal-baġit għall-programmi 2007-2013, b'mod partikolari l-LLP, il-Programm Kultura, il-programm MEDIA u l-programm YiA, kienet ta' 100 %; iqis, madankollu, li r-rata ta' eżekuzzjoni waħidha mhijiex indikatur sinifikanti tal-effettività tal-programmi sabiex jiġi vvalutat is-suċċess tagħhom;

82.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li fi tmiem l-2013, id-diskrepanza bejn l-approprjazzjonijiet ta' impenn u dawk ta' pagament adottati rriżultat f'nuqqas ta' pagamenti (pereżempju, fil-każ tal-programm Erasmus+ dan ammonta għal EUR 202 miljun), b'riperkussjonijiet negattivi għas-sena ta' wara; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li din is-sitwazzjoni ma tirrepetix ruħha fil-kuntest tal-programmi l-ġodda;

83.  Ifakkar li r-riluttanza min-naħa taż-żgħażagħ li jibdew negozji tikkontribwixxi wkoll għar-rata baxxa ta' tkabbir ekonomiku fl-Ewropa, u għalhekk iqis neċessarju li jingħata appoġġ liż-żgħażagħ biex jibdew negozju tagħhom;

84.  Jilqa' l-fatt li aktar minn EUR 12,4 biljun mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI) ġew allokati għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ matul il-perjodu ta' programmazzjoni l-ġdid;

85.  Jinnota b'sodisfazzjon li 110 300 żagħżugħ f'sitwazzjoni ta' qgħad ipparteċipaw f'azzjonijiet iffinanzjati mill-YEI fl-2014; jilqa' l-fatt li l-kapijiet ta' stat u ta' gvern tal-UE ddeċidew li jallokaw EUR 6,4 biljun f'fondi tal-Unjoni (EUR 3,2 biljun mill-FSE u EUR 3,2 biljun minn linja baġitarja ġdida) lill-Garanzija għaż-Żgħażagħ (YG); jenfasizza, madankollu, li f'ċerti Stati Membri għad hemm xi diffikultajiet fl-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ;

86.  Jitlob li l-UE u l-Istati Membri jsaħħu l-miżuri li jiggarantixxu li l-apprendistati u t-traineeships ma jissostitwixxux postijiet ta' xogħol professjonali, ma jintużawx bħala sors ta' impjieg prekarju u fl-istess ħin jiġu żgurati l-intitolamenti kollha neċessarji u relatati tax-xogħol, inklużi dawk rimunerattivi u finanzjarji;

87.  Jitlob li jkun hemm miżuri mmirati u ssimplifikati għat-tisħiħ fil-kapaċità tal-Istat Membru biex jagħmel użu mill-finanzjament disponibbli permezz tal-Fondi Strutturali Ewropej, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond ta' Koeżjoni Ewropew, il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, l-inizjattiva "Zgħażagħ Attivi", l-inizjattiva "L-ewwel impjieg EURES tiegħek", l-Orizzont 2020 u programmi u azzjonijiet fil-qasam taċ-ċittadinanza;

88.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jissimplifikaw il-proċeduri amministrattivi tal-għoti ta' riżorsi finanzjarji lill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, peress li dawk spiss ma jkollhomx il-kapaċità li jittrattaw proċessi ta' applikazzjoni kkumplikati meta japplikaw għall-appoġġ mid-diversi programmi tal-UE;

89.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-programm Erasmus+ billi jimmiraw aħjar fuq persuni tal-livell edukattivi kollha sabiex itejbu l-prospetti ta' impjieg taż-żgħażagħ u jitrawmu karriera transfruntiera u mobilità tax-xogħol ġusta; jappoġġja t-tagħlim interkulturali, iċ-ċittadinanza Ewropea u l-edukazzjoni taż-żgħażagħ fl-ambitu tad-demokrazija u l-valuri, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex waqt ir-reviżjoni ta' nofs it-term biex tfittex u tneħħi l-ostakli fil-proċedura ta' finanzjament li qed jagħmluha diffiċli biex jinkisbu dawn l-objettivi, sabiex il-programm Erasmus + jista' jkun aktar effettiv f'dan ir-rigward;

90.  Jilqa' l-fatt li l-programm Erasmus qabeż il-parametru referenzjarju ta' 3 miljun student; jinnota s-suċċess sostnut li dan il-programm emblematiku tal-Unjoni gawda sa mill-bidu tiegħu, u jemmen li huwa importanti li dan il-programm ikompli jirċievi l-appoġġ;

91.  Jiddispjaċih dwar il-varjazzjonijiet kbar fost l-Istati Membri f'dak li għandu x'jaqsam mal-għadd ta' studenti tal-Erasmus mibgħuta u milqugħa; jirrakkomanda kampanji ta' informazzjoni aktar enerġetiċi u s-simplifikazzjoni tar-regoli;

92.  Ifakkar lill-Istati Membri li għandhom jimpenjaw ruħhom biex jestendu l-finanzjament nazzjonali bħala element komplementari għall-approprjazzjonijiet tal-FSE u l-YEI sabiex jiżguraw l-ispinta meħtieġa favur l-impjiegi għaż-żgħażagħ; jikkunsidra neċessarju, barra minn hekk, li l-istrumenti użati u l-għotjiet mogħtija għandhom jippermettu ħajja dinjituża; jitlob, għalhekk, valutazzjoni tal-livelli tal-għotjiet fid-dawl tal-għoli tal-ħajja reali f'kull Stat Membru;

93.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jimplimentaw l-iskema ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ; jitlob għal impenn politiku kontinwu għall-Garanzija għaż-Żgħażagħ bħala riforma fit-tul u strutturali, li tiżgura integrazzjoni tas-suq tax-xogħol sostenibbli permezz ta' offerti ta' kwalità għolja;

94.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ il-Garanzija għaż-Żgħażagħ, fuq il-bażi ta' koperazzjoni b'saħħitha bejn l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, is-sistemi edukattivi u s-servizzi tal-impjiegi; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Garanzija għaż-Żgħażagħ għandha tkun integrata għalkollox fil-pjanijiet nazzjonali dwar l-impjiegi u fl-ippjanar fil-qasam tal-politiki taż-żgħażagħ u tal-edukazzjoni, u għandha tiġi kkomunikata estensivament liż-żgħażagħ kollha; ifakkar li l-involviment ta' organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fil-komunikazzjoni, fl-evalwazzjoni u fl-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ huwa kruċjali għas-suċċess tagħha;

95.  Ifakkar li n-nisa u l-irġiel żgħażagħ minn ċirkostanzi soċjoekonomiċi differenti jiffaċċjaw kundizzjonijiet differenti tas-suq tax-xogħol f'etajiet differenti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkludu kunsiderazzjonijiet speċifiċi għall-ġeneru u soċjo-ekonomiċi bħal dawn fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-politiki dwar iż-żgħażagħ u s-suq tax-xogħol bħal ma hija l-Garanzija għaż-Żgħażagħ;

96.  Iqis li l-livelli partikolarment għolja ta' nuqqas ta' sigurtà tal-impjiegi fost iż-żgħażagħ, flimkien mat-tixjiħ tal-popolazzjoni Ewropea, jirrappreżentaw sfida kbira għas-sostenibbiltà, is-suffiċjenza u l-adegwatezza tas-sistemi tal-pensjoni u huma ta' ħsara kbira għas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex tal-anqas jevitaw l-abbużi tal-għotjiet ipprovduti taħt l-Iskema ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ, u biex jiffavorixxu, tal-anqas għal kuntratti stabbiliti fil-qafas tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, kuntratti li jippermettu liż-żgħażagħ iħallsu kontribuzzjonijiet għas-sistemi tas-sigurtà soċjali nazzjonali;

97.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw u jimmonitorjaw bis-sħiħ l-effikaċja tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, billi jagħmlu użu sħiħ mill-fondi li l-UE qegħditilhom għad-dispożizzjoni tagħhom biex jimplimentaw miżuri li jippromwovu l-impjieg taż-żgħażagħ permezz tal-integrazzjoni taż-żgħażagħ, inklużi dawk b'diżabilità, fis-suq tax-xogħol b'impjieg, apprendistat jew taħriġ fi żmien erba' xhur minn meta jitilqu mill-iskola jew jitilfu x-xogħol, billi, pereżempju, joħolqu sistemi ta' gwida għall-karrieri tul il-ħajja u mfasslin apposta, uffiċċji ta' reġistrazzjoni, punti ta' informazzjoni, u metodi ta' ġbir ta' data, u billi jħeġġu lil dawk qiegħda jirreġistraw bil-ħsieb li tinkiseb stampa tas-sitwazzjoni reali fir-rigward tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, kif ukoll billi jtejbu s-servizzi offruti miċ-ċentri tal-impjiegi għaż-żgħażagħ li qed ifittxu x-xogħol;

98.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jindirizzaw mingħajr dewmien il-fatturi ewlenin ta' suċċess għall-implimentazzjoni tal-Garanzija Ewropea għaż-Żgħażagħ, bħall-kwalità u s-sostenibbiltà tal-offerti tal-impjiegi, l-edukazzjoni u t-taħriġ ulterjuri, l-inklużjoni soċjali, is-sinerġiji ma' oqsma oħra ta' politika (relatati mas-sistemi edukattivi, is-suq tax-xogħol, is-servizzi soċjali u ż-żgħażagħ) u l-kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati rilevanti kollha, sabiex iż-żgħażagħ jiġu integrati fis-suq tax-xogħol, jitnaqqsu r-rati tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u jinkiseb impatt pożittiv fit-tul f'termini ta' prevenzjoni tal-esklużjoni soċjali u tal-esklużjoni mis-suq tax-xogħol għaż-żgħażagħ li jinsabu fi tranżizzjoni bejn l-iskola u s-suq tax-xogħol;

99.  Jitlob li jitwessa' l-ambitu tal-enfasi tal-Garanzija Ewropea għaż-Żgħażagħ fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ għaż-żgħażagħ mingħajr impjieg li m'għandhomx ħiliet jew li għandhom livell baxx ta' ħiliet, biex tkopri wkoll lill-gradwati żgħażagħ u lil dawk li diġà lestew it-taħriġ vokazzjonali, kif ukoll li l-limitu tal-età tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, li huwa ta' 25 sena, jiżdied għal 29 sena sabiex jirrifletti r-realtà li ħafna gradwati u dawk li jidħlu fis-suq tax-xogħol qed iqarrbu t-tletin sena;

100.  Jistieden lill-Istati Membri u lir-reġjuni jwettqu skambju tal-prattiki tajba u jitgħallmu minn xulxin; jindika l-importanza li ssir valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ mill-Istati Membri fl-2014 u l-2015; jenfasizza l-importanza li tiġi vvalutata l-effikaċja tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ fuq perjodu medju, b'enfasi fuq il-kisbiet li għamlet biex tgħin liż-żgħażagħ jakkwistaw ħiliet u jsibu impjieg, u li titkompla din l-inizjattiva; jindika, barra minn hekk, li l-involviment tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fl-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ huwa kruċjali għas-suċċess tagħha;

101.  Jistenna b'ħerqa l-preżentazzjoni tar-rapport komprensiv dwar l-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ aktar tard din is-sena mill-Kummissjoni;

102.  Jinnota li r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni fl-Istati Membri tal-Garanzija tal-UE għaż-Żgħażagħ, li mistenni jitlesta fil-bidu tal-2017, se jipprovdi valutazzjoni aktar ċara tar-riżultati tal-programm; iqis li, fost l-oħrajn, ir-rapport għandu jinkludi analiżi tal-effiċjenza u r-riżultati fit-tul tiegħu;

103.  Ifakkar lill-Kummissjoni fl-importanza li jiġi żgurat livell għoli ta' sensibilizzazzjoni fost iż-żgħażagħ dwar il-programmi u l-opportunitajiet disponibbli biex jipparteċipaw, kif ukoll li jiġi żgurat li l-informazzjoni offruta dwar il-programmi tkun ta' kwalità għolja, bl-użu ta' indikaturi kwantifikabbli (pereżempju r-rispons u l-involviment tal-gruppi fil-mira);

104.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw politiki ekonomiċi espansjonisti li joffru aktar flessibbiltà fil-qasam tal-investiment pubbliku fl-edukazzjoni, it-taħriġ u l-apprendistati ta' kwalità għolja;

105.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jinvestu aktar u mhux inaqqsu l-finanzjament tal-baġit nazzjonali tagħhom għall-politiki taż-żgħażagħ, l-arti, il-kultura, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u s-servizzi soċjali; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri jidderieġu l-investimenti fl-edukazzjoni inklużiva li twieġeb għall-isfidi tas-soċjetà fir-rigward tal-iżgurar ta' aċċess indaqs u opportunitajiet għal kulħadd, inklużi żgħażagħ li ġejjin minn sfondi soċjoekonomiċi differenti, kif ukoll gruppi vulnerabbli u żvantaġġjati;

106.  Jirrakkomanda l-inklużjoni tal-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ fil-QFP, u li l-Istati Membri jaħdmu fuq l-iżvilupp ta' strateġiji nazzjonali bl-għan li jinkisbu sinerġiji bejn Erasmus +, il-FSE, l-EYI u Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ, u jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Istati Membri linji gwida ċari dwar il-valutazzjoni tal-impatt;

107.  Jitlob lill-Kummissjoni tuża skema komprensiva ta' monitoraġġ għall-programmi taż-żgħażagħ li tgħaqqad flimkien l-indikaturi għar-riżultati mistennija, eżiti konkreti u riżultati fit-tul;

108.  Jisħaq fuq il-fatt li hemm bżonn li l-attenzjoni tiġi ffokata fuq il-prestazzjoni u r-riżultati u jinsab kuntent li l-qafas regolatorju l-ġdid għall-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE) għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 jinkludi dispożizzjonijiet għar-rapportar dwar ir-riżultati mill-Istati Membri;

109.  Ifakkar li 68 % tal-baġit tal-FSE jintefaq fuq proġetti li fihom iż-żgħażagħ jistgħu potenzjalment ikunu wieħed mill-gruppi fil-mira;

110.  Jenfasizza l-bżonn li jiġu promossi l-għotjiet għad-djar biex jintlaħqu l-ħtiġijiet li jinqalgħu meta jkun impossibbli li l-istudenti jsegwu taħriġ vokazzjonali jew korsijiet universitarji fil-belt tagħhom stess ta' residenza jew fi bliet inqas minn 50 km 'il bogħod;

Parteċipazzjoni fit-teħid ta' deċiżjonijiet:

111.  Jitlob li jkun hemm sħubijiet aktar sodi bejn l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u l-awtoritajiet pubbliċi bl-għan li jiżdiedu l-opportunitajiet għall-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet tagħhom fit-tfassil tal-politika; iqis l-irwol taż-żgħażagħ u tal-organizzazzjonijiet sportivi fl-iżvilupp tal-ħiliet ta' parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u fit-titjib tal-kwalità f'dak li jirrigwarda l-proċess ta' teħid tad-deċiżjonijiet bħala ta' importanza speċjali, b'attenzjoni speċjali għall-fatt li ż-żgħażagħ jikkontribwixxu fis-soċjetà u anke jipprovdu soluzzjonijiet għall-isfidi kontemporanji tas-soċjetà Ewropea; Jenfasizza r-rwol uniku li jaqdu l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fl-iżvilupp ta' sens ta' ċittadinanza madwar il-prattika tal-valuri u l-proċessi demokratiċi;

112.  Jenfasizza l-valur tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ bħala entitatijiet li jipprovdu tagħlim dwar iċ-ċittadinanza u edukazzjoni dwar il-valuri, il-ħiliet u l-kompetenzi demokratiċi, u jirrikonoxxi l-kontribut tagħhom għat-titjib tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-proċessi demokratiċi;

113.  Jenfasizza l-importanza vitali tat-tagħlim informali u mhux formali, l-arti, l-isport, il-volontarjat u l-attivitajiet soċjali biex iħeġġu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u l-koeżjoni soċjali bħala għodda li jista' jkollha impatt enormi fuq il-komunitajiet lokali u tista' tgħin biex jiġu indirizzati ħafna mill-isfidi soċjetali;

114.  Jistieden lill-Istati Membri jikkonformaw b'mod strett mal-prinċipji ta' inklużività fil-ħidma fost iż-żgħażagħ, b'enfasi partikolari fuq iż-żgħażagħ b'diżabilità;

115.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati b'mod intensiv il-kuxjenza dwar iċ-ċittadinanza, il-litteriżmu medjatiku u diġitali, il-ħsieb kritiku u l-komprensjoni interkulturali, bl-użu ta' firxa wiesgħa ta' strumenti li huma familjari maż-żgħażagħ (pereżempju n-netwerks soċjali); jenfasizza r-rwol sinifikanti li għandhom dawn il-programmi u l-edukazzjoni biex jipprevjenu r-radikalizzazzjoni fost iż-żgħażagħ;

116.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu forom ġodda ta' parteċipazzjoni ekonomika miż-żgħażagħ, bħat-tendenza li kulma jmur qed tikber li jużaw għodod tal-ekonomija kollaborattiva;

117.  Jenfasizza li l-attivitajiet volontarji politiċi, soċjali, kulturali u sportivi taż-żgħażagħ fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali għandhom jiġu appoġġati u rikonoxxuti aħjar għall-valur tagħhom bħala forma importanti ta' tagħlim mhux formali li jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-kompetenzi ewlenin għall-ħajja u biex jippromwovi valuri bħall-kooperazzjoni, is-solidarjetà, l-ugwaljanza u l-ġustizzja; jenfasizza, madankollu, li r-rieda taż-żgħażagħ li jiżviluppaw attivitajiet volontarji ma tistax titqies finalment bħala sostitut irħis għas-servizzi li għandhom jieħdu ħsiebhom l-Istati Membri; jitlob li l-attivitajiet volontarji jiġu rikonoxxuti u rikonoxxuti jew validati għalkollox;

118.  Jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu l-parteċipazzjoni demokratika mill-istudenti żgħażagħ u biex jgħinu liż-żgħażagħ fl-edukazzjoni biex jipparteċipaw fl-edukazzjoni tagħhom u jikkontribwixxu għaliha permezz tas-sħubija tagħhom fl-organizzazzjonijiet tal-istudenti;

119.  Jenfasizza li fehim aħjar tal-valuri tal-UE, tal-funzjonament tal-UE u tad-diversità Ewropea huwa kruċjali sabiex tiġi promossa parteċipazzjoni fid-demokrazija u titrawwem iċ-ċittadinanza attiva fost iż-żgħażagħ;

120.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel l-akbar użu possibbli mill-għodod diġitali l-ġodda u tisfrutta għalkollox l-opportunitajiet offruti mill-midja soċjali fl-edukazzjoni u t-taħriġ, tipprovdi taħriġ immirat ta' kwalità fil-midja li jħeġġeġ l-iżvilupp tal-litteriżmu medjatiku u l-ħsieb kritiku, u tippromwovi u tħeġġeġ il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fit-teħid tad-deċiżjonijiet kif ukoll fil-ħajja ċivika, kulturali u soċjali tas-soċjetà, sabiex tiżdied l-impjegabbiltà u jissaħħu l-intraprenditorjat, l-innovazzjoni u l-kultura; jirrikonoxxi wkoll il-potenzjal tal-għodod diġitali li għandhom jintużaw bħala mezz effettiv fil-ġlieda kontra l-bullying, id-diskorsi ta' mibegħda u r-radikalizzazzjoni;

o
o   o

121.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 50.
(2) ĠU C 417, 15.12.2015, p. 1.
(3) ĠU C 183, 14.6.2014, p. 5.
(4) ĠU C 120, 26.4.2013, p. 1.
(5) EUCO 37/13
(6) ĠU C 311, 19.12.2009, p. 1.
(7) ĠU C 119, 28.5.2009, p. 2.
(8) Testi adottati, P8_TA(2016)0107.
(9) ĠU C 93, 9.3.2016, p. 61.
(10) ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 21.
(11) Testi adottati, P8_TA(2016)0106.
(12) Testi adottati, P8_TA(2015)0292.
(13) ĠU C 346, 21.9.2016, p. 2.
(14) Testi adottati, P8_TA(2016)0005.

Avviż legali