Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2056(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0294/2016

Testi mressqa :

A8-0294/2016

Dibattiti :

PV 21/11/2016 - 13
CRE 21/11/2016 - 13

Votazzjonijiet :

PV 22/11/2016 - 5.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0434

Testi adottati
PDF 324kWORD 63k
It-Tlieta, 22 ta' Novembru 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
Green Paper dwar is-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur
P8_TA(2016)0434A8-0294/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Novembru 2016 dwar il-Green Paper dwar is-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur (2016/2056(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Mejju 1999 intitolata "Implementing the framework for financial markets: action plan" (the Financial Services Action Plan) (L-implimentazzjoni tal-qafas għas-swieq finanzjarji: pjan ta' azzjoni (il-Pjan ta' Azzjoni dwar is-Servizzi Finanzjarji)) (COM(1999)0232),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta' Jannar 2007 intitolata "Sector Inquiry under Article 17 of Regulation (EC) No 1/2003 on retail banking (Final Report)" (Inkjesta Settorjali skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 dwar l-operazzjonijiet bankarji għall-konsumatur (Rapport Finali)) (COM(2007)0033),

–  wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tat-30 ta' April 2007 dwar "Is-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur fis-Suq Waħdieni" (COM(2007)0226),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2008 dwar ftehim ta' kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 924/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar il-ħlas transkonfinali fil-Komunità u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2560/2001(2),

–  wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tal-11 ta' Jannar 2012 intitolata "Lejn suq Ewropew integrat għal pagamenti bil-kard, bl-internet u bil-mowbajl" (COM(2011)0941),

–  wara li kkunsidra r-"Report on Good Practices on Comparison Websites" (Rapport dwar Prattiki Tajbin fuq Siti Web ta' Tqabbil - 2014) tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol,

–  wara li kkunsidra l-"Opinion to EU Institutions on a Common Framework for Risk Assessment and Transparency for IORPs" (Opinjoni għall-Istituzzjonijiet tal-UE dwar Qafas Komuni għall-Valutazzjoni tar-Riskju u Trasparenza għall-IORPs) tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol ta' April 2016,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Frar 2014 dwar kuntratti ta' kreditu għall-konsumaturi marbutin ma' proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010(3),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE(5),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/65/KE, kif emendata riċentement mid-Direttiva 2014/91/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014, li temenda d-Direttiva 2009/65/KE dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) fir-rigward tal-funzjonijiet tad-depożitarji, il-politiki tar-rimunerazzjoni u s-sanzjonijiet(6),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi(7),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2014 dwar id-dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta' investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni(8),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-8 ta' Awwissu 2014 dwar il-ħidma tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) u s-Sistema Ewropea tas-Superviżuri Finanzjarji (SESF) (COM(2014)0509),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2015/751 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 dwar it-tariffi tal-interkambju għat-tranżazzjonijiet ta' pagament permezz ta' kard(9),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar is-servizzi ta' pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE(10),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Jannar 2016 dwar id-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni (riformulazzjoni)(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-26 ta’ Mejju 2016 dwar il-muniti virtwali(12),

–  wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tal-10 ta' Diċembru 2015 dwar "is-servizzi finanzjarji għall-konsumatur: Prodotti aħjar, aktar għażla u opportunitajiet akbar għall-konsumaturi u għan-negozji" (COM(2015)0630),

–  wara li kkunsidra t-tweġiba tal-EBA għall-Green Paper tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur tal-21 ta' Marzu 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A8-0294/2016),

A.  billi s-suq tal-UE fis-servizzi finanzjarji għall-konsumatur għadu pjuttost mhux żviluppat u huwa ferm frammentat, pereżempju fir-rigward tan-numru baxx ta' tranżazzjonijiet transkonfinali, b'mod li jeħtieġ li tittieħed azzjoni effiċjenti sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tas-suq uniku u tkun iffaċilitata l-innovazzjoni ta' benefiċċju għall-utenti aħħarin;

B.  billi d-dinamika tas-swieq tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur, ikkaratterizzata minn kombinazzjoni ta' konċentrazzjoni relattivament għolja u kompetizzjoni insuffiċjenti, tista' tirriżulta f'għażla limitata u valur baxx għall-flus, kif ukoll f'diskrepanzi kbar bejn l-Istati Membri; billi l-kumpaniji multinazzjonali b'fergħat f'diversi Stati Membri jistgħu jevitaw dawn l-ostakoli b'mod aktar faċli mill-kumpaniji żgħar;

C.  billi s-suq tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur ikun biss vijabbli jekk ikun jirrappreżenta valur miżjud reali għall-konsumaturi billi jiżgura kompetizzjoni, aċċess u protezzjoni tal-konsumatur effettivi, l-aktar fir-rigward ta' prodotti attwalment meħtieġa għall-parteċipazzjoni fil-ħajja ekonomika;

D.  billi l-iżvilupp ulterjuri tas-suq tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur fil-livell tal-UE, bil-qafas leġiżlattiv xieraq li jimponi l-protezzjoni tal-konsumatur li hija meħtieġa, mhux biss jiffaċilita attività transkonfinali importanti u produttiva, iżda jista' joffri wkoll skop akbar għal kompetizzjoni miżjuda fil-livell nazzjonali; billi suq intern Ewropew ġenwin għas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur għandu potenzjal sinifikanti biex jipprovdi lill-konsumaturi b'servizzi u prodotti finanzjarji aħjar, aktar għażla u aċċess imtejjeb għal servizzi u prodotti finanzjarji u prezzijiet aktar baxxi; billi l-impatt tal-kompetizzjoni fuq il-prezzijiet se jvarja skont is-settur u l-prodott;

E.  billi l-Green Paper tiffoka prinċipalment fuq servizzi finanzjarji għaċ-ċittadini li qegħdin ifittxu servizzi transkonfinali; billi huwa importanti li jekk jiġu ppreżentati proposti ġodda dawn ikunu ta' benefiċċju għall-konsumaturi kollha tal-UE biex jiġi żgurat li s-suq tas-servizzi finanzjarji għall-konsumaturi jiffunzjona għal kulħadd;

F.  billi għandna nibqgħu ambizzjużi fit-tneħħija tal-ostakoli u t-trażżin ta' tendenzi protezzjonisti eżistenti li jwaqqfu l-innovazzjoni fis-servizzi finanzjarji għall-konsumatur; billi suq uniku reali se jagħmel lill-UE attraenti bħala ċ-ċentru għal servizzi finanzjarji innovattivi;

G.  billi t-trasformazzjoni rapida kkawżata mid-diġitalizzazzjoni u mill-innovazzjoni tat-teknoloġija finanzjarja mhux biss għandha l-potenzjal, jekk tiġi mmaniġġjata bi prudenza, li toħloq prodotti finanzjarji ġodda u sikwit aħjar għall-konsumaturi u li tikkontribwixxi għall-inklużjoni finanzjarja, anke billi jitbaxxew l-ispejjeż tat-tranżazzjoni u jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzjament, iżda tinvolvi wkoll sfidi ewlenin f'termini ta' sigurtà, protezzjoni tad-dejta, protezzjoni tal-konsumaturi, tassazzjoni, kompetizzjoni ġusta u stabbiltà finanzjarja, li għandhom jiġu mmonitorjati mill-qrib sabiex jiġu mmassimizzati l-benefiċċji għaċ-ċittadini;

H.  billi ħafna servizzi qegħdin isiru onlajn, huwa importanti li jiġi żgurat li ħadd ma jibqa' lura u li l-aċċess jiġi pprovdut ukoll permezz ta' kanali mhux diġitali, fejn ikun meħtieġ sabiex tiġi evitata l-esklużjoni finanzjarja;

I.  billi kwalunkwe sforz biex jissaħħaħ is-suq tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur tal-UE għandu jiġi kkoordinat mal-aġendi tad-DSM (Suq Uniku Diġitali), tas-CMU (Unjoni tas-Swieq Kapitali) u l-SMS (Strateġija għal Suq Uniku) u l-mira ġenerali tiegħu għandu jkun it-tisħiħ tal-ħolqien tal-impjiegi, it-tkabbir sostenibbli, l-istabbiltà finanzjarja u r-rwol tal-konsumatur fl-ekonomija Ewropea;

J.  billi suq Ewropew tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur għandu jkun ta' benefiċċju għall-SMEs f'termini kemm tal-provvista kif ukoll tad-domanda; f'termini tal-provvista, dan ifisser l-iżgurar ta' titjib fl-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs; f'termini tad-domanda, dan ifisser li l-SMEs jistgħu jaċċessaw swieq transkonfinali b'mod aktar faċli;

K.  billi t-tlestija tas-suq intern hija importanti għall-konsumaturi, u hija essenzjali wkoll sabiex tagħti lill-kumpaniji Ewropej tat-teknoloġija finanzjarja l-possibilità li jisfruttaw il-benefiċċji tas-suq intern biex jikkompetu ma' atturi tradizzjonali sabiex joffru soluzzjonijiet innovattivi, faċli għall-konsumaturi u biex joħolqu l-impjiegi fl-UE kollha;

L.  billi l-mikrointrapriżi, l-SMEs u l-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja huma s-sinsla tal-ekonomija Ewropea u l-ixpruni tal-impjiegi u t-tkabbir; billi kull liġi u inizjattiva Ewropea għandha tiġi adattata għall-karatteristiċi ta' dawn il-kumpaniji;

M.  billi t-tlestija tas-suq intern Ewropew hija ferm importanti għall-konsumaturi u n-negozji u billi atturi ġodda innovattivi qegħdin jibdew joffru alternattivi għas-servizzi eżistenti;

1.  Jilqa' l-Green Paper tal-Kummissjoni dwar is-servizzi finanzjarji għall-konsumatur (definiti bħala li jinkludu l-assigurazzjoni) u d-dibattitu vivaċi u produttiv li din iġġenerat sa issa; jilqa' wkoll il-konsultazzjoni pubblika dwar il-Green Paper, li tat lil dawk li huma involuti l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom abbażi tas-sitwazzjonijiet u/jew setturi speċifiċi tagħhom; jenfasizza li approċċ uniku dwar is-servizzi finanzjarji għall-konsumatur ikun kontroproduttiv, minħabba d-diversità tal-atturi u l-prodotti kkonċernati;

2.  Iqis li d-diġitalizzazzjoni se tkompli toħloq opportunitajiet ġodda għall-konsumaturi, l-investituri, l-SMEs u kumpaniji oħra f'termini ta' kompetizzjoni, attivitajiet transkonfinali u innovazzjoni; jenfasizza li d-diġitalizzazzjoni waħedha mhijiex suffiċjenti biex toħloq suq vijabbli Ewropew tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur; jinnota li l-bosta ostakoli bħad-diversi reġimi ta' tassazzjoni, soċjali, ġudizzjarji, tas-saħħa, kuntrattwali u tal-protezzjoni tal-konsumatur, kif ukoll il-lingwi u l-kulturi differenti, ma jistgħux jiġu megħluba permezz tad-diġitalizzazzjoni biss;

3.  Iqis li l-inizjattiva tal-Green Paper hija f'waqtha, minħabba l-ħtieġa ta' ħidma proattiva fl-istadji kollha tal-proċess ta' tfassil tal-politika sabiex ikun hemm rispons effiċjenti adegwat għall-iżviluppi f'suq daqstant innovattiv u li qed jinbidel malajr;

4.  Jikkunsidra s-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni, li hija ffaċilitata billi jiġu skuraġġuti l-prodotti u s-servizzi kumplessi wisq, bħala kruċjali fl-isforzi biex il-prodotti jsiru aktar faċilment komparabbli fost is-swieq tal-Istati Membri, b'mod partikolari fis-settur tal-assigurazzjoni;

5.  Jirrimarka li firxa wiesgħa ta' drittijiet tal-UE rilevanti għas-suq uniku fis-servizzi finanzjarji għall-konsumatur diġà ġew adottati, bħall-PSD2, ir-regolament tal-MIFs, il-PAD, l-AMLD, id-Direttiva dwar il-Kreditu Ipotekarju u l-IDD; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni ta' din il-leġiżlazzjoni, u tevita d-duplikazzjoni u t-trikkib;

6.  Jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni ta' żviluppi pożittivi fis-swieq tal-finanzjament għall-konsumatur billi jinħoloq ambjent kompetittiv u jinżammu kundizzjonijiet ekwi bejn il-partijiet interessati kollha, inklużi l-operaturi diġà stabbiliti u l-operaturi ġodda, b'regoli li kemm jista' jkun ikunu teknoloġikament u kummerċjalment newtrali; jirrimarka li tali approċċ huwa meħtieġ, mhux l-anqas sabiex jgħin lin-negozji ġodda jikbru u jappoġġja lil SMEs ġodda u innovattivi;

7.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-istess regoli japplikaw għal kwalunkwe servizz partikolari biex jiġi evitat il-ħolqien ta' distorsjonijiet fil-kompetizzjoni, b'mod partikolari bil-ħolqien ta' fornituri ġodda tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur; jenfasizza li dawn ir-regoli ma għandhomx jaġixxu bħala ostakolu għall-innovazzjoni; jenfasizza li l-ħolqien ta' "punti ta' kuntatt" li jippermettu lill-partijiet ikkonċernati jirrappurtaw l-applikazzjoni illegali tal-provvisti tal-passaport tal-UE, jista' jrawwem l-integrazzjoni tas-suq;

8.  Jinnota li għall-ewwel trimestru tal-2016, il-finanzjament tat-teknoloġija finanzjarja fl-Ewropa ammonta għal USD 348 miljun biss meta mqabbel mal-USD 1.8 biljun fl-Amerika ta' Fuq u mat-USD 2.6 biljun fiċ-Ċina, li juri l-ħtieġa urġenti għal bidla rapida fil-mentalità u rispons regolatorju adegwat għall-iżviluppi teknoloġiċi sabiex l-Ewropa ssir suq ewlieni għall-innovazzjoni; jenfasizza li suq uniku ġenwin għas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur fejn jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi ġodda fis-suq se jagħmel l-UE attraenti bħala ċentru għas-servizzi finanzjarji innovattivi u se jipprovdi lill-konsumaturi għażla akbar u aħjar, b'rati aktar baxxi; jenfasizza li minkejja li t-teknoloġiji li jfixklu jippreżentaw sfidi regolatorji, huma joffru wkoll opportunitajiet kbar għall-innovazzjoni li minnhom jibbenefikaw l-utenti aħħarin u stimolu għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi;

9.  Jenfasizza, b'mod partikolari sabiex tingħata spinta lill-fiduċja u s-sodisfazzjon tal-konsumaturi, li l-inizjattiva tal-Green Paper tista' tirnexxi biss jekk titfa' enfasi qawwija fuq il-ħolqien ta' suq tal-UE fejn il-konsumaturi protetti sewwa jkollhom opportunitajiet indaqs u aċċess għal prodotti trasparenti, sempliċi u b'valur tajjeb għall-flus; jirrikonoxxi l-valur pożittiv li l-konsumaturi jiġu pprovduti bi prodotti sempliċi, sikuri u standardizzati; jistieden lill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej biex jivvalutaw b'mod regolari l-impatt ta' bejgħ abbinat skont il-prezzijiet u l-kompetizzjoni fis-servizzi finanzjarji għall-konsumatur; jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi qafas sempliċi, portabbli u sikur tal-prodotti finanzjarji; Barra minn hekk, jistieden lill-Kummissjoni tħares lejn il-possibilità li toħloq qafas legali armonizzat għall-għażliet predefiniti standardizzati għall-prodotti finanzjarji komunement l-aktar użati fl-UE fuq il-mudell tal-Kont Bankarju Bażiku u l-PEPP;

10.  Jenfasizza li l-proposti li jirriżultaw mill-Green Paper jeħtieġ li jkunu konsistenti mal-prinċipju ta' proporzjonalità;

11.  Ifakkar li l-inizjattivi kollha bbażati fuq il-Green Paper għandhom ikunu kompatibbli mal-intensifikazzjoni tal-ġlieda internazzjonali kontra l-frodi, l-evitar u l-evażjoni tat-taxxa u l-ħasil tal-flus, fosthom aktar sforzi biex jiġi elaborat Numru ta' Identifikazzjoni tat-Taxxa Komuni;

12.  Jieħu nota tal-kumplessità dejjem tikber tal-prodotti finanzjarji għall-konsumatur; jinsisti dwar il-ħtieġa li jiġu żviluppati inizjattivi u strumenti li jtejbu l-kompetizzjoni u jippermettu lill-konsumaturi jidentifikaw u jqabblu prodotti sikuri, sostenibbli u sempliċi fil-firxa ta' prodotti disponibbli għalihom; jappoġġja inizjattivi bħad-Dokument bit-Tagħrif Ewlieni għall-Prodotti ta' Investiment għall-impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) u d-Dokument bit-Tagħrif Ewlieni għall-prodotti aggregati ta' investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs); jenfasizza l-ħtieġa li dawn il-mekkaniżmi ta' informazzjoni jiġu adattati għar-realtà diġitali; jemmen li s-sommarju tal-prospett għandu jkun allinjat mad-Dokument bit-Tagħrif Ewlieni għal prodotti aggregati ta' investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs), sabiex jippermetti lill-investituri fil-livell tal-konsumatur jivvalutaw kif xieraq ir-riskji assoċjati mat-titoli ta' sigurtà offruti lill-pubbliku jew ammessi għan-negozjar;

13.  Ifakkar fl-iżviluppi riċenti fil-qafas leġiżlattiv għas-settur bankarju, b'mod partikolari d-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek u d-Direttiva dwar Skemi ta' Garanzija tad-Depożiti; ifakkar li r-reġim il-ġdid ta' riżoluzzjoni introdott wassal biex ċerti strumenti offruti lill-investituri fil-livell tal-konsumatur jinvolvu riskju akbar ta' telf; jinsisti fuq il-ħtieġa li l-konsumaturi jiġu infurmati b'mod sħiħ dwar l-impatt tar-regoli l-ġodda, b'mod partikolari jekk id-depożiti jew l-investimenti tagħhom jinsabu f'riskju ta' rikapitalizzazzjoni interna; jitlob lill-Kummissjoni tivverifika jekk l-Istati Membri humiex qegħdin japplikaw b'mod korrett id-Direttiva dwar l-Iskemi ta' Garanzija tad-Depożiti; jirrimarka li l-bejgħ ta' ċerti strumenti li tista' ssirilhom rikapitalizzazzjoni interna lill-investituri fil-livell tal-konsumatur huwa problematiku ħafna fir-rigward tal-ħarsien adegwat tal-konsumatur, kif ukoll l-iżgurar ta' flessibbiltà prattika ta' rikapitalizzazzjoni interna u jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-għażliet biex tirrestrinġi tali prattika;

14.  Jinnota li suq Ewropew tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur se jkun fattibbli biss jekk il-konsumaturi jibbenefikaw mill-istess protezzjoni legali madwar l-UE kollha; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi aġġornat u promoss in-netwerk għar-riżoluzzjoni ta' tilwim finanzjarju "FIN-NET";

15.  Jinnota li n-nuqqas ta' Skema ta' Garanzija tal-Assigurazzjoni f'ċerti Stati Membri għandu l-potenzjal li jdgħajjef il-fiduċja tal-konsumaturi u jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra leġiżlazzjoni li tagħmel il-Kopertura tal-Iskema ta' Garanzija tal-Assigurazzjoni obbligatorja;

16.  Jenfasizza li l-perspettiva tal-inklużjoni finanzjarja għandha dejjem tiġi kkunsidrata u li għandhom jittieħdu miżuri sabiex ikun żgurat li l-konsumaturi kollha jkollhom aċċess ugwali għal tal-anqas l-aktar servizzi finanzjarji essenzjali, anke permezz ta' kanali mhux diġitali, sabiex tiġi evitata l-esklużjoni finanzjarja;

17.  Iqis li l-bidliet strutturali li qegħdin iseħħu fis-settur finanzjarju – mill-ħolqien ta' kumpaniji teknoloġiċi finanzjarji (fintechs) għal fużjonijiet u takeovers – li jistgħu jirriżultaw fi tnaqqis tal-persunal u l-għeluq tal-fergħat, għandhom jiġu affettwati mingħajr ebda tnaqqis fil-kwalità tas-servizzi sal-persuni l-aktar vulnerabbli, b'mod partikolari għall-anzjani u l-persuni li jgħixu f'żoni rurali jew b'popolazzjoni baxxa;

18.  Jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni finanzjarja bħala għodda biex jiġu protetti l-konsumaturi u biex tingħatalhom is-setgħa; jappella sabiex l-aċċess għall-edukazzjoni finanzjarja indipendenti jitwessa' u jiġi ffaċilitat u jenfasizza l-bżonn li titqajjem il-kuxjenza tal-konsumaturi tal-għażliet ta' investiment;

19.  Josserva li d-diġitalizzazzjoni tista' ġġib benefiċċji għall-investituri fil-livell tal-konsumatur, pereżempju komparabbiltà tal-prodotti aktar faċli, aċċess aħjar u aktar faċli għall-investiment transkonfinali u l-iżgurar ta' kompetizzjoni aktar ġusta bejn il-fornituri, kif ukoll reġistrazzjoni u proċessi ta' ħlas aktar rapidi u faċli u kostijiet ta' tranżazzjoni li jirriżultaw aktar baxxi, iżda tista' toħloq ukoll sfidi li ma jistgħux jiġu injorati, bħall-iżgurar tal-konformità mar-rekwiżiti kun af il-klijent tiegħek (Know Your Customer - KYC), kontra l-ħasil tal-flus (AMLD) u tal-protezzjoni tad-dejta, kif ukoll riskji bħal vulnerabbiltà ta' sistemi ċentralizzati għal ċiberattakki; jitlob li jiġu identifikati u ssorveljati x-xejriet emerġenti u attwali fis-swieq finanzjarji u l-benefiċċji u r-riskji li jirriżultaw, billi jintuża l-impatt probabbli tagħhom fuq l-investituri fil-livell tal-konsumatur bħala punt ta' riferiment;

20.  Jinnota li d-dejta finanzjarja u mhux finanzjarja tal-konsumaturi miġbura minn sorsi differenti qiegħda tintuża dejjem aktar minn fornituri ta' servizzi finanzjarji għal diversi raġunijiet, b'mod partikolari fis-setturi tal-kreditu u tal-assigurazzjoni; jenfasizza li l-użu tad-dejta personali u l-big data mill-fornituri ta' servizzi finanzjarji għandu jkun konformi mal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta tal-UE, ikun strettament limitat għal dak li huwa meħtieġ biex jiġi pprovdut is-servizz u jġib benefiċċji lill-konsumaturi; f'dan l-isfond, id-demutwalizzazzjoni tar-riskju fl-assigurazzjoni li rriżultat mill-big data għandha tkun taħt skrutinju mill-qrib;

21.  Jenfasizza li l-aċċess għall-flus kontanti permezz tal-ATMs huwa servizz pubbliku essenzjali li għandu jiġi pprovdut mingħajr ebda prattika diskriminatorja jew inġusta u li m'għandux, għalhekk, iġarrab spejjeż eċċessivi;

22.  Jenfasizza li tinħtieġ fiduċja akbar tal-konsumaturi fis-servizzi finanzjarji, peress li din għadha baxxa, speċjalment fir-rigward tal-prodotti finanzjarji b'livell għoli ta' riskji ta' kambju tal-munita, u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-miżuri eżistenti bil-għan li jtejbu l-edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni finanzjarja jkunu implimentati bis-sħiħ u li jiġu introdotti miżuri ulterjuri fejn meħtieġ sabiex tingħata s-setgħa lill-konsumaturi jieħdu deċiżjonijiet infurmati, tiżdied it-trasparenza ta' dawn il-prodotti u jitneħħew l-ostakoli għall-konsumatur meta jibdlu l-fornitur u kwalunkwe spejjeż mhux ġustifikati relatati ma' dan, jew jekk ma jkunux iridu jibqgħu jużaw prodott; jenfasizza li l-Fuljett Ewropew ta' Informazzjoni Standardizzat (FEIS) u l-formola ta' Informazzjoni Standard Ewropea dwar il-Kreditu lill-Konsumatur għandha tingħata b'mod sistematiku lill-konsumatur qabel ma jsir ftehim bħala parti minn stima ta' kreditu, self jew self ipotekarju;

23.  Jinnota li l-impjegati prominenti fl-istituzzjonijiet finanzjarji u l-fornituri ta' servizzi finanzjarji għandhom rwol kruċjali fil-ftuħ ta' servizzi għall-konsumatur għall-oqsma kollha tas-soċjetà u għall-konsumaturi madwar fl-UE; jirrimarka li, fil-prinċipju, dawn l-impjegati għandhom jingħataw it-taħriġ u l-ħin meħtieġa biex ikunu jistgħu jservu lill-klijenti tagħhom b'mod preċiż, u m'għandhomx jiġu soġġetti għal miri jew inċentivi ta' bejgħ li jistgħu joħolqu preġudizzju meta jagħtu parir jew jgħawġu l-parir tagħhom u għandhom jaġixxu dejjem fl-interessi tal-konsumaturi skont id-dispożizzjonijiet tal-protezzjoni tal-konsumatur MiFID II;

24.  Jenfasizza l-fatt li l-aċċess għal parir affordabbli u indipendenti huwa essenzjali għal deċiżjonijiet ta' investiment tajbin; jenfasizza li biex ikun hemm titjib fil-pariri mogħtija tinħtieġ, b'mod partikolari, offerta usa' ta' prodotti standardizzati ta' investiment fil-livell tal-konsumatur u dokumenti effettivi bit-tagħrif dwar l-investitur għal prodotti kumplessi u sempliċi;

25.  Josserva li l-għoti ta' parir finanzjarju affordabbli u mmirat, li jkollu kamp ta' applikazzjoni iżgħar minn parir ta' investiment xieraq irregolat mill-MiFID huwa attwalment nieqes, minkejja d-domanda eżistenti; jinnota r-riflessjonijiet imwettqa u l-inizjattivi meħuda f'ċerti Stati Membri dwar il-ħolqien ta' tali servizz intermedjarju; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-atturi tas-suq jidentifikaw, jistudjaw u jsegwu prattiki u inizjattivi tajbin f'dan ir-rigward;

26.  Jiġbed l-attenzjoni għan-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni nazzjonali tad-Direttiva MiFID II, li wasslet f'ħafna każijiet għal rekwiżiti ta' rappurtar li jeħtieġu ħafna xogħol għal intermedjarji, li ma jtejbux b'mod effettiv il-protezzjoni tal-konsumatur u jmorru lil hinn mill-MiFID II innifisha; jitlob li jittieħdu lezzjonijiet minn din l-esperjenza;

27.  Jenfasizza li l-operazzjonijiet bankarji għall-konsumatur għandhom rwol deċiżiv fit-trażmissjoni xierqa tal-kundizzjonijiet tal-politika monetarja lis-suq, b'mod partikolari lill-konsumaturi; jenfasizza l-importanza ta' ambjent xieraq ta' politika monetarja bil-ħsieb li jiġi promoss it-tfaddil fit-tul tal-konsumaturi;

28.  Jenfasizza li, sabiex is-suq waħdieni fis-servizzi finanzjarji għall-konsumatur ikun effikaċi u dinamiku, jeħtieġ li ma jkunx hemm differenzi bla bżonn jew inġusti bejn l-Istati Membri fiż-żona tal-euro u dawk li mhumiex fiż-żona tal-euro;

29.  Jemmen li l-adozzjoni tal-munita unika mill-Istati Membri kollha mingħajr eċċezzjoni tagħmel is-suq uniku tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur aktar effiċjenti u koerenti;

30.  Josserva li l-kapaċità fil-livell tal-UE għall-ġbir u l-analiżi tad-dejta f'dan il-qasam probabbilment ser ikollha tissaħħaħ; jinnota li se jkun meħtieġ li wħud mill-aktar ideat promettenti fil-Green Paper jingħataw irfid empiriku wiesa' u adegwat qabel ikun possibbli li wieħed jgħaddi għal proċessi leġiżlattivi; jenfasizza li l-metodoloġiji u s-suppożizzjonijiet ta' tali xogħol empiriku għandhom jiġu divulgati b'mod xieraq u għandhom jagħmlu użu sħiħ mir-riżultat tal-ħidma ta' monitoraġġ tal-ASE li l-mandat għalih jinsab fir-Regolament tal-EBA, sabiex tidentifika l-benefiċċji u r-riskji ta' innovazzjonijiet differenti u kwalunkwe azzjoni leġiżlattiva meħtieġa biex jinstab il-bilanċ ġust bejniethom;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-kwistjoni ta' bejgħ inadatt ta' prodotti u servizzi finanzjarji; jistieden b'mod partikolari lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni ta' regoli ġodda skont il-MiFID II, li tipprojbixxi l-kummissjoni għall-konsulenti finanzjarji indipendenti u tillimita l-użu tagħha għal konsulenti mhux indipendenti, u abbażi ta' dak il-monitoraġġ tikkunsidra jekk dawk ir-restrizzjonijiet għandhomx isiru aktar stretti;

Prijoritajiet fuq terminu qasir

32.  Jenfasizza li jeħtieġ li jissaħħaħ l-infurzar tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE dwar l-affarijiet finanzjarji u l-konsumaturi u li suq uniku fis-servizzi finanzjarji fil-livell tal-konsumatur jeħtieġ livelli għolja ta' leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u infurzar konsistenti u rigoruż ta' dan madwar l-Istati Membri; jinnota, fl-istess ħin, li l-volum tal-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji għall-konsumatur żdied fis-snin riċenti bil-għan li jtejjeb l-istabbiltà prudenzjali, isaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumatur u jreġġa' lura l-fiduċja fis-settur; jenfasizza li l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej għandhom jintensifikaw l-attivitajiet tagħhom fuq kwistjonijiet tal-konsumaturi u tal-investituri fil-livell tal-konsumatur u li l-aġenziji responsabbli f'għadd ta' Stati Membri għandhom jibdew jaħdmu b'mod aktar attiv u kompetenti f'dan il-qasam; jistieden lill-awtoritajiet superviżorji tal-Istati Membri jwettqu skambji ta' prattika tajba sabiex jiżguraw li l-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji għall-konsumatur tiġi applikata b'tali mod li tissalvagwardja l-kompetizzjoni ġusta filwaqt li tinforza l-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni, fil-proċedura marbuta mal-White Paper ippjanata dwar il-finanzjament u l-governanza tal-ASE, biex tagħmel enfasi partikolari fuq li jiġi żgurat li l-awtoritajiet ikollhom il-mudelli ta' finanzjament u l-mandati meħtieġa biex jieħdu rwol aktar attiv u orjentat lejn il-konsumatur fis-suq tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur, filwaqt li tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja;

34.  Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tinkuraġġixxi l-finanzjament għall-investimenti sostenibbli u ħodor, u jħeġġiġha sabiex, filwaqt li tibni fuq konsultazzjonijiet tal-passat u filwaqt li tinvolvi mill-qrib lill-Parlament Ewropew, ikollha rwol aktar proattiv fl-użu tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, bħala parti mill-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi, biex tappoġġja s-suq tal-Investiment Sostenibbli u Responsabbli (SRI) li qiegħed jikber billi tippromwovi l-investimenti sostenibbli, billi tipprovdi informazzjoni ambjentali, soċjali u ta' governanza effikaċi u standardizzata bl-użu ta' kriterji applikabbli għall-intermedjarji finanzjarji u l-kumpaniji elenkati fil-Borża, u billi dawn il-kriterji tapplikahom b'mod adegwat fis-sistemi ta' ġestjoni tal-investiment u l-istandards tal-iżvelar, abbażi ta' dispożizzjonijiet simili li ġew promossi b'suċċess min-naħa tal-Parlament fir-reviżjoni li saret dan l-aħħar tad-Direttiva dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta' istituzzjonijiet għall-provvista ta' irtirar okkupazzjonali; iħeġġeġ ulterjorment lill-Kummissjoni biex tippromwovi "servizzi ta' klassifikazzjoni" ambjentali, soċjali u ta' governanza, kif ukoll qafas konsistenti għas-suq tal-bonds ekoloġiċi, abbażi ta' studju tal-Kummissjoni u l-ħidma tal-grupp ta' studju tal-G20 dwar il-finanzi ekoloġiċi;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni tintensifika l-ħidma tagħha kontra d-diskriminazzjoni abbażi tar-residenza fis-suq Ewropew dwar is-servizzi finanzjarji għall-konsumatur u, jekk ikun meħtieġ, tikkumplimenta l-proposti ġenerali ppjanati sabiex ittemm l-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat b'inizjattivi leġiżlattivi ulterjuri mmirati speċifikament għas-settur finanzjarju, filwaqt li jibqa' jitqies li l-prezz ta' xi prodotti u xi servizzi huwa marbut ma' sensiela ta' fatturi (regolatorji jew ġeografiċi) li jvarjaw minn Stat Membru għall-ieħor;

36.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fost l-oħrajn abbażi tal-istruttura tad-Direttiva dwar il-Kontijiet tal-Pagamenti (PAD) u tal-analiżi tas-settur tal-assigurazzjoni tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol, sabiex twaqqaf portal ta' tqabbil tal-UE li jkun organizzat sewwa u faċli biex jintuża u li jkun ikopri ħafna mill-partijiet jew il-partijiet kollha tas-suq tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur; jenfasizza li l-għodod ta' tqabbil għandhom ikunu preċiżi u rilevanti għall-konsumaturi u ma għandhomx jiffukaw biss fuq il-prezzijiet tal-prodotti, iżda anki fuq il-kwalità tagħhom, filwaqt li jitqies li prodotti li huma simili biss jistgħu jitqabblu;

37.  Jisteiden lill-Kummissjoni, fost l-oħrajn b'referenza għall-PAD, sabiex tfassal ir-regoli, il-prattiki u n-nonprattiki li japplikaw għall-bdil domestiku u transkonfinali fil-partijiet relevanti tas-suq Ewropew tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur u sabiex tippreżenta strateġija koerenti u komprensiva li tagħmel il-bdil transkonfinali madwar l-UE aktar faċli għall-konsumatur;

38.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-istrutturi ta' Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim (ADR) konnessi mas-suq tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur billi jiżguraw li l-korpi tal-ADR ikunu verament indipendenti, jiżguraw li dawn il-korpi jkopru lill-atturi kollha fis-suq u billi jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-FIN-NET isir aktar effiċjenti u magħruf sew mal-konsumaturi; iħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni, wara l-evalwazzjoni ppjanata tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni dwar ir-rimedju kollettiv, tanalizza l-possibbiltà li tintroduċi sistema Ewropea ta' rimedju kollettiv;

39.  Jitlob lill-Kummissjoni tkompli tinvestiga l-prattiki konfużi u xi drabi qarrieqa li jkollhom iħabbtu wiċċhom magħhom il-konsumaturi meta jagħmlu pagamenti bil-kard u ġbid ta' flus mill-ATM li jinvolvu l-konverżjoni tal-munita, kif ukoll sabiex tippreżenta soluzzjoni koerenti li tagħmilha possibbli, inkluż fil-prattika, għall-konsumatur li jifhem u jikkontrolla s-sitwazzjoni kompletament, anke għal ħlasijiet li jirreletaw mas-suq diġitali;

40.  Ifakkar lill-Kummissjoni li l-istituzzjonijiet finanzjarji għadhom qed jikkanċellaw il-karti ta' pagament jekk id-detentur jiċċaqlaq fi Stat Membru ieħor u jitlob li għandha tittieħed azzjoni f'dan ir-rigward, anke billi jiġu mwissija l-awtoritajiet nazzjonali;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi r-rikonoxximent reċiproku u l-interoperabbiltà tat-tekniki ta' identifikazzjoni diġitali, mingħajr ma jiġi affettwat il-livell ta' sigurtà tas-sistemi eżistenti jew il-kapaċità tagħhom li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-qafas tal-UE kontra l-ħasil tal-flus; għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, billi jaħdmu bir-reqqa fuq l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar l-eIDAS u l-leġiżlazzjoni ġdida kontra l-ħasil tal-flus, fost l-oħrajn, sabiex joħolqu – kif għandu jkun għalkollox fattibbli – ambjent ġenerali li fih rekwiżiti tas-sigurtà robusti jiġu kkombinati ma' proċeduri ġusti u sempliċi sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jidentifikaw lilhom infushom skont il-prinċipji tal-protezzjoni tad-dejta personali; jitlob ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jidentifikaw u jneħħu l-ostakoli regolatorji għall-użu ta' sistemi ta' firem elettroniċi għall-abbonament ta' servizzi finanzjarji, u jiffaċilitaw l-onboarding diġitali transkonfinali madwar l-UE;

42.  Jirrimarka li l-impatt potenzjalment trasformattiv tat-teknoloġija ta' reġistri distribwiti jeħtieġ l-iżvilupp bikri ta' kapaċità regolatorja biex jiġu identifikati fi stadju bikri r-riskji u l-isfidi sistemiċi potenzjali għall-protezzjoni tal-konsumatur; jistieden għaldaqstant lill-Kummissjoni toħloq task force orizzontali biex timmonitorja mill-qrib ir-riskji u tgħin biex dawn jiġu indirizzati fil-ħin;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, sabiex tfassal pjan għall-istabbiliment ta' netwerk ikkoordinat ta' "punti uniċi ta' servizz" nazzjonali, f'konformità mal-Punti ta' Kuntatt Uniku, li jgħinu lill-impriżi finanzjarji għall-konsumatur li jixtiequ jagħmlu użu aħjar mill-opportunitajiet ta' negozju transkonfinali;

44.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-fornituri tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur jiġu mħeġġa jiffinanzjaw proġetti assoċjati mal-innovazzjoni u l-ambjent; jirrimarka li jista' jiġi kkunsidrat approċċ simili għal dak tal-fattur ta' sostenn lill-SMEs;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti segwitu għall-proposta tal-EIOPA għal Qafas Komuni għal Valutazzjoni tar-Riskju u Trasparenza għall-IORPs, sabiex tiġi promossa sistema soda tal-pilastru 2 fl-Unjoni kollha u komparabbiltà tal-iskemi, u biex tikkontribwixxi għal fehim aħjar tal-benefiċċji u r-riskji lill-konsumaturi permezz ta' regolaturi, superviżuri u l-konsumaturi nfushom;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina approċċi ġodda bil-potenzjal li tagħti lill-kumpaniji flessibbiltà regolatorja ikbar biex jesperimentaw u jkunu jistgħu jinnovaw, filwaqt li jżommu livelli għolja ta' protezzjoni u sigurtà tal-konsumatur;

47.  Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta proposta dwar il-ħolqien ta' "kont ta' tfaddil tal-UE", sabiex jinfetaħ il-finanzjament fit-tul u tiġi appoġġjata t-tranżizzjoni ekoloġika fl-Ewropa;

48.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiċċara l-użu tad-dispożizzjonijiet ġenerali tajba, li attwalment jistgħu jintużaw b'mod indirett mill-Istati Membri biex jimblukkaw prodotti ġodda milli jidħlu fis-suq tagħhom, u tagħti s-setgħa lill-ASE jkunu medjaturi attivi bejn l-Istati Membri meta jkunu hemm interpretazzjonijiet kunfliġġenti dwar l-użu tagħhom;

Kunsiderazzjonijiet fuq terminu twil

49.  Jitlob lill-Kummissjoni tistudja aktar il-fattibbiltà, ir-relevanza, il-benefiċċji u l-ispejjeż tat-tneħħija tal-ostakoli eżistenti għall-forniment transkonfinali ta' servizzi finanzjarji, biex b'hekk tiġi ggarantita l-portabbiltà domestika u transkonfinali f'diversi partijiet tas-suq tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur, pereżempju, fir-rigward tal-prodotti ta' pensjoni personali u ta' assigurazzjoni;

50.  Jenfasizza li d-Direttiva dwar il-Kreditu Ipotekarju qiegħda attwalment tiġi trasposta, jew hija fil-proċess li tiġi implimentata, fl-Istati Membri; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tissorvelja t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tagħha b'attenzjoni u biex tanalizza l-impatt ta' din il-leġiżlazzjoni fuq is-suq tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur; jinnota li xorta waħda għad hemm ostakoli sinifikanti fil-ħolqien ta' suq uniku aktar b'saħħtu għall-ipoteki u l-kreditu għall-konsumaturi; għaldaqstant, jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni timxi 'l quddiem filwaqt li tiżgura l-istabbiltà finanzjarja, billi tibbilanċja t-tħassib dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta b'aċċess transkonfinali mtejjeb għal bażijiet ta' dejta ta' kreditu kkoordinati aħjar u billi tiżgura li ma jiġux imtennija l-inċidenti relatati mal-kreditu li permezz tagħhom il-konsumaturi kienu esposti mingħajr ebda raġuni għal riskji ta' kambju tal-munita;

51.  Jitlob lill-Kummissjoni twettaq mal-Istati Membri analiżi konġunta tal-implimentazzjoni u l-impatt tal-leġiżlazzjoni tal-UE fuq is-servizzi finanzjarji għall-konsumatur; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jeżaminaw fid-dettall l-ostakoli legali u ostakoli oħra li jifdal għal operazzjonijiet transkonfinali u għall-ikkompletar tas-suq tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur tal-UE; jenfasizza li l-ispeċifiċitajiet tal-SMEs għandhom jiġu kkunsidrati f'tali analiżi;

52.  Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza liema dejta hija meħtieġa biex il-mutwanti jkunu jistgħu jivvalutaw l-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumaturi tagħhom u, abbażi ta' din l-analiżi, tintroduċi proposti għar-regolamentazzjoni ta' dan il-proċess ta' valutazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tinvestiga l-prattiki attwali tal-uffiċċji tal-kreditu fir-rigward tal-ġbir, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tad-dejta tal-konsumatur bil-ħsieb li tiżgura li jkunu adegwati u ma jkunux ta' ħsara għad-drittijiet tal-konsumaturi; jistieden lill-Kummissjoni, jekk meħtieġ, tqis it-teħid ta' azzjoni f'dan il-qasam;

53.  Jitlob lill-Istati Membri jiżguraw li l-komunikazzjonijiet diġitali u l-bejgħ relatat ma' servizzi finanzjarji għall-konsumatur ikunu disponibbli f'forom aċċessibbli għal persuni b'diżabilitajiet, anke permezz ta' siti tal-internet u formati ta' fajls li jistgħu jitniżżlu; jappoġġja l-integrazzjoni sħiħa tas-servizzi finanzjarji għall-konsumaturi kollha fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva dwar ir-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà għall-prodotti u s-servizzi (l-"Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà");

54.  Jilqa' l-ħidma lejn trasparenza akbar fl-ipprezzar ta' servizzi tal-karozzi tal-kiri, inkluż il-bejgħ ta' assigurazzjonijiet anċillari u tariffi oħra; jenfasizza li t-tariffi jew il-miżati kollha, kemm jekk obbligatorji jew fakultattivi, marbuta mal-kiri ta' vetturi għandhom ikunu viżibbli għall-konsumatur fuq is-sit tal-internet tal-kumpanija tal-kiri jew tas-sit ta' tqabbil b'mod ċar u enfasizzat; ifakkar lill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li tinforza d-Direttiva dwar il-Prattiċi Kummerċjali Żleali u jilqa' l-adozzjoni reċenti ta' linji gwida ta' implimentazzjoni ġodda fid-dawl tat-tibdil teknoloġiku;

55.  Ifakkar fil-ħidma li saret fir-rigward tar-Regolament dwar l-Aġenziji ta' Klassifikazzjoni tal-Kreditu; jitlob lill-Kummissjoni tirrieżamina l-impatt ta' tali leġiżlazzjoni fir-rigward ta' prodotti mibjugħa lill-klijenti fil-livell tal-konsumaturi;

o
o   o

56.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 133, 22.5.2008, p. 66.
(2) ĠU L 266, 9.10.2009, p. 11.
(3) ĠU L 60, 28.2.2014, p. 34.
(4) ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349.
(5) ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73.
(6) ĠU L 257, 28.8.2014, p. 186.
(7) ĠU L 257, 28.8.2014, p. 214.
(8) ĠU L 352, 9.12.2014, p. 1.
(9) ĠU L 123, 19.5.2015, p. 1.
(10) ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35.
(11) ĠU L 26, 2.2.2016, p. 19.
(12) Testi adottati, P8_TA(2016)0228.

Avviż legali