Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2052(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0316/2016

Testi mressqa :

A8-0316/2016

Dibattiti :

PV 21/11/2016 - 15
CRE 21/11/2016 - 15

Votazzjonijiet :

PV 22/11/2016 - 5.8
CRE 22/11/2016 - 5.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0435

Testi adottati
PDF 404kWORD 66k
It-Tlieta, 22 ta' Novembru 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
Unjoni Ewropea tad-Difiża
P8_TA(2016)0435A8-0316/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Novembru 2016 dwar l-Unjoni Ewropea tad-Difiża (2016/2052(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat ta' Lisbona,

–  wara li kkunsidra t-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Europea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 42(6) tat-TUE dwar il-kooperazzjoni strutturata permanenti,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 42(7) tat-TUE dwar l-alleanza ta' difiża;

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-18 ta' Diċembru 2013 u tal-25 u s-26 ta' Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2013 u tat-18 ta' Novembru 2014 dwar il-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' April 2016 dwar l-UE f'ambjent globali jinbidel - dinja iktar konnessa, kontestata u kumplessa(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2012 dwar il-klawsoli ta' difiża reċiproka u ta' solidarjetà tal-UE: dimensjonijiet politiċi u operattivi(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Jannar 2009 dwar il-qagħda tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea 2004-2008(3), li tistabbilixxi fil-paragrafu 89 tagħha "li d-drittijiet fundamentali ma jiqfux sal-bibien tal-għassa", u "li japplikaw ukoll bis-sħiħ għaċ-ċittadini bl-uniformi, u jirrakkomanda li l-Istati Membri jiżguraw li d-drittijiet fundamentali jiġu osservati wkoll fil-forzi armati",

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet finali tal-Konferenzi Interparlamentari dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) u l-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) tal-Aja tat-8 ta' April 2016, ta' Lussemburgu tas-6 ta' Settembru 2015, ta' Riga tas-6 ta' Marzu 2015, ta' Ruma tas-7 ta' Novembru 2014, ta' Ateni tal-4 ta' April 2014, ta' Vilnius tas-6 ta' Settembru 2013, ta' Dublin tal-25 ta' Marzu 2013 u ta' Paphos tal-10 ta' Settembru 2012,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) fil-laqgħa informali "Gymnich" tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UE tat-2 ta' Settembru 2016, li għal darb'oħra għamlet referenza għal "tieqa ta' opportunità" biex isir progress solidu fost l-Istati Membri fil-qasam tad-difiża,

–  wara li kkunsidrat id-dokument bit-titolu "Shared Vision, Common Action: A Stronger Europe – A Global Strategy for the European Union's Foreign and Security Policy" (Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni: Ewropa aktar b'saħħitha - Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea), ippreżentat mill-VP/RGħ fis-28 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' progress tas-7 ta' Lulju 2014 mill-VP/RGħ u l-Kap tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża dwar l-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Lulju 2013 bl-isem 'Lejn settur tad-difiża u tas-sigurtà aktar kompetittiv u effiċjenti' (COM(2013)0542),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-24 ta' Ġunju 2014 bit-titolu "Arranġament ġdid għad-Difiża Ewropea",

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-8 ta' Mejju 2015 dwar l-implimentazzjoni tal-komunikazzjoni tagħha dwar id-difiża,

–  wara li kkunsidra l-evalwazzjonijiet tad-Direttiva 2009/81/KE tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta' ċerti kuntratti ta' xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u tad-Direttiva 2009/43/KE dwar trasferimenti intra-UE ta' prodotti relatati mad-difiża,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-8 ta' Lulju 2016 tal-Presidenti tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni u s-Segretarju Ġenerali tan-NATO,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-11 ta' Diċembru 2013 tal-VP/RGħ u l-Kummissjoni bit-titolu "L-approċċ komprensiv tal-UE rigward il-konflitti u l-kriżijiet esterni" (JOIN(2013)0030), u l-konklużjonijiet relatati tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2014,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Ministru tad-Difiża u tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Italja tal-10 ta' Awwissu 2016 li tagħmel appell għal Schengen tad-Difiża,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ġermaniż u dak Franċiż tat-28 ta' Ġunju 2016 dwar "Ewropa b'saħħitha f'dinja inċerta,

–  wara li kkunsidra l-possibilità ta' seċessjoni tar-Renju Unit mill-UE,

–  wara li kkunsidra r-riżultati tal-Ewrobarometru 85.1 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits, tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur kif ukoll tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A8-0316/2016),

A.  billi f'dawn l-aħħar snin is-sitwazzjoni tas-sigurtà fl-Ewropa u madwarha ħżienet b'mod sinifikanti u din ħolqot sfidi diffiċli u mingħajr preċedent li l-ebda pajjiż jew organizzazzjoni ma jistgħu jiffaċċjaw waħedhom; billi l-Ewropa, aktar minn qatt qabel, qed tiffaċċja t-theddida tat-terroriżmu fit-territorju tagħha, filwaqt li qed tkompli l-firxa tat-terroriżmu u l-pjaga tal-vjolenza kontinwa fl-Afrika ta' Fuq u fil-Lvant Nofsani; billi s-solidarjetà u r-reżiljenza jirrikjedu li l-UE tirreaġixxi u taġixxi flimkien u b'mod sistematiku, u li dan isir flimkien mal-alleati u s-sħab tagħna u ma' pajjiżi terzi; billi l-prevenzjoni, l-iskambju ta' informazzjoni sensittiva dwar is-sigurtà, it-tmiem tal-kunflitt armat, il-qerda tal-abbużi mifruxa tad-drittijiet tal-bniedem, it-tifrix tad-demokrazija u l-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra t-terroriżmu huma prijoritajiet għall-UE u ċ-ċittadini tagħha u jenħtieġ li dan ikun is-suġġett ta' impenn kemm ġewwa kif ukoll barra l-fruntieri tal-UE, inkluż permezz ta' korpi ta' inġiniera militari maħluqa biex jiġu indirizzati ċerti sfidi prattiċi ħafna dwar l-effetti tat-tibdil fil-klima u d-diżastri naturali fil-pajjiżi terzi; billi jentħieġ li l-Ewropa tkun aktar b'saħħitha u aktar rapida f'sitwazzjonijiet ta' theddid reali;

B.  billi t-terroriżmu, it-theddid ibridu, il-volatilità ekonomika, l-insigurtà ċibernetika u enerġetika, il-kriminalità organizzata u t-tibdil fil-klima jikkostitwixxu theddid li ġej minn dinja ta' kuljum aktar kumplessa u interkonnessa, fejn l-UE għandha tagħmel l-almu tagħha u tfittex il-mezzi sabiex tagħti garanzija ta' sigurtà u twassal il-prosperità u d-demokrazija; billi s-sitwazzjoni finanzjarja u ta' sigurtà attwali tirrikjedi li l-forzi armati Ewropej jikkollaboraw aktar mill-qrib u li l-persunal militari jitħarreġ u jaħdem aktar flimkien u aħjar; billi skont l-Ewrobarometru 85.1 ta' Ġunju 2016, madwar żewġ terzi taċ-ċittadini tal-UE jixtiequ li jkun hemm aktar parteċipazzjoni tal-UE fi kwistjonijiet ta' politika ta' sigurtà u ta' difiża; billi d-distinzjoni bejn is-sigurtà interna u esterna qed issir dejjem aktar imċajpra; billi għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-prevenzjoni tal-konflitt, l-indirizzar tal-kawżi fundamentali tal-instabilità u l-iżġurar s-sigurtà tal-bniedem; billi t-tibdil fil-klima hi theddida ewlenija għas-sigurtà globali, għall-paċi u l-istabilità li tamplifika t-theddid għas-sigurtà tradizzjonali, inter alia billi tnaqqas l-aċċess għall-ilma ħelu u għall-prodotti tal-ikel għal popolazzjonijiet f'pajjiżi fraġli u li qed jiżviluppaw u b'hekk iwasslu għal tensjonijiet ekonomiċi u soċjali, li jġiegħlu lin-nies jemigraw, jew joħolqu tensjonijiet politiċi u riskji għas-sigurtà;

C.  billi l-VP/RGħ inkludiet is-sigurtà tal-Unjoni bħala waħda mill-ħames prijoritajiet ewlenin tagħha għal "Global Strategy for the European Union's Foreign and Security Policy" (Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea);

D.  billi t-Trattat ta' Lisbona jitlob li l-Istati Membri jagħmlu disponibbli kapaċitajiet ċivili u militari adatti għal missjonijiet u operazzjonijiet tal-PSDK; billi l-kapaċità tal-bini tas-sigurtà u d-difiża stabbilita fit-Trattati bl-ebda mod mhi ottimali; billi l-istituzzjonijiet Ewropej jista' wkoll jkollhom rwol sinifikanti ħafna x'jaqdu fit-tnedija ta' inizjattivi politiċi; billi s'issa l-Istati Membri wrew nuqqas ta' rieda biex jibnu Unjoni Ewropea ta' Sigurtà u ta' Difiża, għax beżgħu li din se jkun ta' theddida għas-sovranità nazzjonali tagħhom;

E.  billi l-kost tan-non-Ewropa fid-difiża u s-sigurtà huwa stmat għal EUR 26,4 biljun fis-sena(4), b'riżultat tad-duplikazzjoni, il-kapaċità żejda u l-ostakoli għall-akkwist tad-difiża;

F.  billi l-Artikolu 42 tat-TUE jirrikjedi d-definizzjoni progressiva ta' politika ta' difiża komuni f'livell tal-Unjoni fil-qafas tal-PSDK, li għandha twassal għal difiża komuni fil-livell tal-UE meta l-Kunsill Ewropew jiddeċiedi dan b'unanimità; billi l-Artikolu 42(2) tat-TUE jirrakkomanda wkoll lill-Istati Membri li jadottaw tali deċiżjoni skont ir-rekwiżiti kostituzzjonali rispettivi tagħhom;

G.  billi l-Artikolu 42 tat-TUE jipprevedi wkoll il-ħolqien ta' istituzzjonijiet ta' difiża, kif ukoll definizzjoni ta' politika Ewropea dwar il-kapaċitajiet u armamenti; billi dan l-Artikolu jeħtieġ ukoll li l-isforzi tal-UE għandhom ikunu kompatibbli u komplementari man-NATO u ta' tisħiħ reċiproku; billi politika ta' difiża komuni f'livell tal-Unjoni għandha ssaħħaħ il-kapaċità tal-Ewropa li tippromwovi s-sigurtà fi ħdan u lil hinn mill-fruntieri tagħha, kif ukoll it-tisħiħ tas-sħubija man-NATO u r-relazzjonijiet transatlantiċi, u għaldaqstant tippermetti NATO aktar b'saħħitha, konsegwentement billi ssir promozzjoni territorjali, reġjonali u globali fl-oqsma tas-sigurtà u d-difiża, aktar effikaċi; billi l-aktar Dikjarazzjoni Konġunta reċenti tas-Summit ta' Varsavja tan-NATO tal-2016 dwar sħubija strateġika bejn in-NATO u l-UE rrikonoxxiet ir-rwol tan-NATO u l-appoġġ li l-UE tista' tagħti biex jintlaħqu l-għanijiet komuni; billi l-Unjoni Ewropea ta' Difiża (EDU) għandha tiżgura ż-żamma tal-paċi, il-prevenzjoni tal-kunflitti u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali, f'konformità mal-prinċipji tal-Karta tan-NU;

H.  billi l-gruppi tattiċi tal-UE, li laħqu l-kapaċità operattiva sħiħa fl-2007 u li huma maħsuba biex jintużaw għal kompiti militari ta' natura umanitarja, ta' żamma ta' paċi u ta' ħolqien ta' paċi, s'issa għadhom qatt ma ntużaw, minkejja l-opportunità u l-ħtieġa li tirriżulta, minħabba ostakoli proċedurali, finanzjarji u politiċi; jenfasizza li dan jirrappreżenta opportunità mitlufa f'termini ta' tisħiħ tar-rwol tal-UE bħala attur globali importanti għall-istabilità u l-paċi;

I.  billi ħlief għall-ħolqien tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA), ma kien stabbilit, deċiż jew implimentat l-ebda wieħed mill-elementi neqsin tal-politika ta' sigurtà u difiża komuni tal-UE; billi l-EDA għad teħtieġ bidla radikali tal-organizzazzjoni tagħha biex tkun tista' tiżviluppa l-potenzjal sħiħ tagħha u biex tixhed li tiġġenera valur miżjud, din tagħmel il-PSDK aktar effikaċi u tista' twassal għal armonizzazzjoni tal-proċessi tal-ippjanar tad-difiża nazzjonali f'dawk l-oqsma li huma rilevanti għall-operazzjonijiet militari tal-PSDK bi qbil il-kompiti ta' Petersberg kif deskritt fl-Artikolu 43 tat-TUE; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex jipparteċipaw u jimpenjaw ruħhom fl-EDA sabiex ikun jista' jinkiseb dan l-għan;

J.  billi Strateġija Globali tal-UE għall-Politika Estera u ta' Sigurtà teħtieġ li l-UE sistematikament tħeġġeġ il-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża, tul il-firxa sħiħa ta' kapaċitajiet, sabiex tkun tista' tirreaġixxi għall-kriżijiet esterni, tgħin fil-bini tal-kapaċitajiet ta' sħabna, biex tiggarantixxi s-sigurtà tal-Ewropa, u toħloq industrija tad-difiża Ewropea b'saħħitha, li hi kruċjali għall-awtonomija strateġika ta' deċiżjoni u azzjoni tal-Unjoni; billi għandu jintlaħaq qbil mill-membri kollha tal-Kunsill dwar kwalunkwe miżura, qabel l-implimentazzjoni tagħha;

K.  billi l-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2015, li ffoka parzjalment fuq id-difiża, appella għal trawwim ta' kooperazzjoni ta' difiża Ewropea akbar u aktar sistematika bil-għan li jiġu pprovduti kapaċitajiet ewlenin, inkluż permezz tal-użu ta' fondi tal-UE fejn xieraq, filwaqt li jinnota li l-kapaċitajiet militari huma proprjetà ta' u mħaddma mill-Istati Membri;

L.  billi fis-17 ta' Novembru 2015, Franza invokat l-Artikolu 42(7) tat-TUE u sussegwentement talbet u immaniġġjat l-kontributi ta' għajnuna u assistenza tal-Istati Membri l-oħra fuq bażi purament bilaterali;

M.  billi l-Ktieb Abjad tal-UE dwar is-sigurtà u d-difiża għandu jkompli jsaħħaħ il-PSDK u jtejjeb il-kapaċità tal-UE li taġixxi bħala fornitur tas-sigurtà f'konformità mat-Trattat ta' Lisbona, u jista' jkun riflessjoni utli dwar il-PSDK tal-ġejjieni u PSDK aktar effettiva; billi l-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK, fil-biċċa l-kbira tagħhom huma lokalizzati f'reġjuni bħal fil-Qarn tal-Afrika u fis-Saħel, li huma milquta ħafna mill-konsegwenzi negattivi tat-tibdil fil-klima, bħan-nixfa u d-degrad tal-art;

N.  billi l-Presidenza Netherlandiża tal-Kunsill ppromwoviet l-idea ta' Ktieb Abjad tal-UE; billi l-pajjiżi Visegrád laqgħu l-idea ta' integrazzjoni Ewropea tad-difiża aktar b'saħħitha; u billi l-Ġermanja appellat għal Unjoni Ewropea ta' Sigurtà u ta' Difiża fil-White Paper tal-2016 dwar "German Security Policy and the Future of the Bundeswehr (Il-Politika ta' Sigurtà Ġermaniża l-Futur tal-Bundeswehr)";

O.  billi l-integrazzjoni gradwali tad-difiża hi l-aqwa possibilità biex nagħmlu aktar b'inqas flus, u billi l-White Paper tista' toffri opportunità unika biex jiġu proposti passi addizzjonali;

Unjoni Ewropea tad-Difiża

1.  Ifakkar li biex l-Ewropa tiżgura s-sigurtà fit-tul tagħha, teħtieġ rieda politika u determinazzjoni li jkunu sostnuti minn ġabra estiża ta' strumenti ta' politika rilevanti, inklużi kapaċitajiet militari b'saħħithom u moderni; iħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew imexxi t-tfassil progressiv ta' politika ta' difiża komuni tal-Unjoni u biex jingħataw riżorsi finanzjarji addizzjonali li jiżguraw l-implimentazzjoni tagħha, bil-għan li din tiġi stabbilita fil-Qafas Politiku u Finanzjarju Pluriennali tal-UE (QFP); ifakkar li l-ħolqien ta' politika tad-difiża komuni tal-Unjoni ġejja mill-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni skont it-Trattat ta' Lisbona, li hija marbuta bid-dritt internazzjonali u fil-fatt hi indispensabbli biex l-UE tippromwovi l-istat tad-dritt, il-paċi u s-sigurtà internazzjonali; jilqa' f'dan ir-rigward l-attivitajiet kollha tal-Istati Membri li għadhom għaddejjin bil-għan li jiġu integrati aktar l-isforzi tagħna ta' difiża komuni, b'kont meħud ukoll tal-kontributi importanti ħafna li jista' jagħti l-Ktieb Abjad dwar is-sigurtà u d-difiża;

2.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jużaw il-potenzjal sħiħ tat-Trattat ta' Lisbona, partikolarment fir-rigward tal-PSDK, b'referenza speċjali għall-kooperazzjoni strutturata permanenti tal-Artikolu 42(6) tat-TUE jew tal-fond ta' tnedija tal-Artikolu 41(3) tat-TUE; ifakkar li l-kompiti ta' Petersberg tal-Artikolu 43 tat-TUE jikkonsistu f'lista twila ta' kompiti militari ambizzjużi, bħal operazzjonijiet konġunti ta' diżarm, kompiti umanitarji u ta' salvataġġ, kompiti ta' għoti ta' pariri u assistenza militari, missjonijiet ta' prevenzjoni ta' konflitti u taż-żamma tal-paċi, u kompiti ta' forzi ta' kumbattiment fl-imaniġġar ta' kriżijiet, inkluż l-istabbiliment tal-paċi u ta' stabbilizzazzjoni wara l-kunflitti; ifakkar li l-istess Artikolu jiddikjara wkoll li dawn il-kompiti kollha jistgħu jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, inkluż bl-appoġġ għal pajjiżi terzi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu fit-territorji tagħhom; jenfasizza li l-istat attwali tal-PSDK ma jippermettix lill-UE tissodisfa l-kompiti kollha elenkati; jemmen li fl-ordni tal-ġurnata għandha tkun il-ħidma sistematikadwar modi kif l-UE tkun tista' tissodisfa l-objettivi tat-Trattat ta' Lisbona;

3.  Huwa tal-fehma li EDU tassew b'saħħitha għandha toffri garanziji u kapaċitajiet lill-Istati Membri lil hinn minn dawk individwali tagħhom;

4.  Jemmen li t-triq lejn l-EDU għandha tibda minn PSDK riveduta bir-reqqa, ibbażata fuq il-prinċipju ta' difiża, finanzjament effikaċi u koordinament man-NATO; iqis li, bħala pass meħtieġ, biż-żieda tal-integrazzjoni tas-sigurtà interna u esterna, il-PSDK jeħtieġ li jimxi lil hinn mill-immaniġġar ta' kriżijiet esterni sabiex verament tkun żgurata politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni u li tippermetti l-parteċipazzjoni tal-Unjoni fil-fażijiet kollha ta' kriżijiet u kunflitti, bl-użu tal-firxa sħiħa ta' strumenti għad-dispożizzjoni tagħha;

5.  Jenfasizza l-bżonn tal-ħolqien ta' konfigurazzjoni tal-Kunsill tal-Ministri tad-Difiża li jipprovdi tmexxija politika sostnuta u li jikkoordina l-ħolqien ta' qafas tal-Unjoni Ewropea tad-Difiża; jappella lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxi, bħala l-ewwel pass, format ta' laqgħa permanenti li jlaqqa' flimkien lill-ministri tad-difiża tal-Istati Membri li huma impenjati favur kooperazzjoni tad-difiża aktar profonda bħala forum għall-konsultazzjoni u għat-teħid tad-deċiżjonijiet;

6.  Jappella lill-President tal-Kummissjoni jistabbilixxi Grupp ta' Ħidma Permanenti ta' Membri tal-Kummissjoni taħt il-presidenza tal-VP/RGħ dwar "materji ta' difiża"; jitlob li l-Parlament Ewropew ikun assoċjat ma' rappreżentanti permanenti f'dan il-grupp; jappoġġa l-involviment ulterjuri tal-Kummissjoni fid-difiża, permezz tar-riċerka, l-ippjanar u l-implimentazzjoni iffokati sew; jistieden lill-VP/RGħ tallinja t-tibdil fil-klima fl-azzjoni esterna kollha tal-UE u partikolarment fil-PSDK;

7.  Iqis li d-deterjorament tal-perċezzjoni ta' riskji u theddid fl-Ewropa jagħmlu mill-istabbiliment ta' Unjoni Ewropea tad-Difiża kwistjoni ta' urġenza, b'mod partikolari minħabba ż-żieda fit-taħsir tal-ambjent tas-sigurtà fil-fruntieri tal-UE, b'mod partikolari fil-viċinati tal-Lvant u tan-Nofsinhar; jinnota li dan hu rifless ukoll fl-istrateġiji ta' sigurtà tal-Istati Membri; jenfasizza li s-sitwazzjoni marret gradwalment għall-agħar b'mod partikolari fl-2014, bil-ħolqien u bl-espansjon tal-awtodikjarat Stat Iżlamiku u sussegwentement bl-użu tal-forza min-naħa tar-Russja;

8.  Huwa tal-opinjoni li l-EDU għandha tkun ibbażata fuq valutazzjoni perjodika konġunta tat-theddid għas-sigurtà tal-Istati Membri, iżda għandha tkun ukoll flessibbli biżżejjed biex tissodisfa l-isfidi u l-ħtiġijiet ta' sigurtà individwali tal-Istati Membri;

9.  Huwa tal-fehma li l-Unjoni għandha tiddedika riżorsi proprji biex trawwem kooperazzjoni Ewropea dwar id-difiża akbar u aktar sistematika fost l-Istati Membri tagħha, inkluża l-kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO); jinsab konvint li l-użu tal-fondi tal-UE jkun espressjoni ċara tal-koeżjoni u s-solidarjetà, u li dan ikun jippermetti lill-Istati Membri kollha jtejbu l-kapaċitajiet militari tagħhom bi sforz aktar komuni;

10.  Jemmen li t-tisħiħ tal-kooperazzjoni Ewropea għad-difiża tista' twassal għal effikaċja, unità, u effiċjenza akbar, kif ukoll biex tingħata spinta lill-mezzi u l-kapaċitajiet tal-UE u biex tħalli effetti potenzjalment pożittivi fuq ir-riċerka fil-qasam tad-difiża u fuq il-kwistjonijiet industrijali; jenfasizza li huwa biss permezz ta' tali kooperazzjoni aktar profonda, li jmissha tiżviluppa gradwalment f'EDU reali, li l-UE u l-Istati Membri tagħha jistgħu jkunu kapaċi jiksbu l-kapaċitajiet teknoloġiċi u industrijali meħtieġa biex jaġixxu aktar malajr kif ukoll b'mod awtonomu u effikaċi, billi jindirizzaw it-theddid attwali b'mod reattiv u effikaċi;

11.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jassumu impenji aktar vinkolanti fil-konfront ta' xulxin billi jistabbilixxu kooperazzjoni strutturata permanenti fil-qafas tal-Unjoni. iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu forzi multinazzjonali fi ħdan il-qafas tal-PESCO, u jagħmlu dawn il-forzi disponibbli għall-PSDK; jissottolinja l-importanza u l-bżonn ta' implikazzjoni tal-Istati Membri kollha f'kooperazzjoni strutturata permanenti u effikaċi; jemmen li l-Kunsill għandu normalment jafda t-twettiq tal-kompitu taż-żamma tal-paċi, tal-prevenzjoni tal-kunflitti u tat-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali lil dawn il-forzi multinazzjonali; jissuġġerixxi li kemm fil-proċessi tat-tfassil ta' politiki fil-livell tal-UE u l-proċessi nazzjonali għandhom ikunu mfassla b'mod li jippermettu rispons rapidu għall-kriżijiet; jinsab konvint li s-sistema ta' gruppi tattiċi tal-UE għandha tingħata isem ieħor u tintuża u tkun żviluppata aktar fuq livell politiku għal dak l-għan, f'modularità u b'finanzjamenti effikaċi; jinkoraġġixxi l-ħolqien ta' Kwartieri Ġenerali Operattivi tal-UE bħala prekundizzjoni għall-ippjanar, il-kmand u l-kontroll effikaċi ta' operazzjonijiet komuni; jenfasizza li l-PESCO hija disponibbli għall-Istati Membri kollha;

12.  Jappella lill-Istati Membri jirrikonoxxu b'mod partikolari d-dritt tal-persunal militari li jifformaw parti u jissieħbu fi assoċjazzjonijiet professjonali u fi trade unions u jkunu involuti fi djalogu soċjali regolari flimkien mal-awtoritajiet; jistieden lill-Kunsill Ewropew jieħu passi konkreti lejn l-armonizzazzjoni u l-istandardizzazzjoni tal-forzi armati Ewropej, sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni tal-persunal tal-forzi armati taħt il-kappa ta' Unjoni Ewropea tad-Difiża ġdida;

13.  Jinnota li l-Istati Membri kollha għandhom diffikultajiet biex iżommu firxa wiesgħa ħafna ta' kapaċitajiet ta' difiża, l-aktar minħabba limitazzjonijiet finanzjarji; jitlob, għalhekk, aktar koordinament u għażliet aktar ċari dwar liema kapaċitajiet għandhom jinżammu, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jispeċjalizzaw f'ċerti kapaċitajiet;

14.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jfittxu aktar modi għal xiri, manutenzjoni u żamma konġunta ta' forzi u ta' materjal; jissuġġerixxi li jista' jkun utli li wieħed l-ewwel iħares lejn l-akkomunament u l-kondiviżjoni ta' materjal mhux letali, bħall-vetturi u l-ajruplani għat-trasport, għal vetturi u ajruplani ta' riforniment u tagħmir ta' sostenn ieħor;

15.  Jemmen li l-interoperabilità hija kruċjali jekk il-forzi tal-Istati Membri għandhom isiru aktar kompatibbli u integrati; jenfasizza, għalhekk, li l-Istati Membri għandhom jistudjaw il-possibilità ta' akkwist konġunt tar-riżorsi tad-difiża; jinnota li n-natura magħluqa u protezzjonista tas-swieq tad-difiża tal-UE tagħmel dan aktar diffiċli;

16.  Jenfasizza li r-reviżjoni u t-twessigħ tal-mekkaniżmu Athena huma meħtieġa biex jiġi żgurat li l-missjonijiet tal-UE jkunu jistgħu jiġu ffinanzjati minn fondi kollettivi minflok li l-biċċa l-kbira tal-ispejjeż li jkunu a karigu tal-Istati Membri parteċipanti individwali, u b'hekk jitneħħa xkiel potenzjali għall-Istati Membri biex jimpenjaw il-forzi tagħhom;

17.  Jappella lill-Parlament Ewropew jistabbilixxi Kumitat għas-Sigurtà u d-Difiża veru u proprju li jissorvelja l-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni strutturata permanenti;

18.  Jemmen li r-rwol b'saħħtu u dejjem akbar tal-EDA huwa indispensabbli għal finijiet ta' EDU effiċjenti fil-koordinament tal-programmi u tal-proġetti mmexxija mill-kapaċitajiet u fid-definizzjoni ta' politika Ewropea komuni tal-kapaċitajiet u tal-armamenti, bil-għan li jkun hemm aktar effiċjenza, eliminazzjoni ta' duplikazzjoni u tnaqqis tal-ispejjeż u abbażi ta' katalogu ta' rekwiżiti preċiż ħafna f'termini ta' kapaċitajiet għall-operazzonijiet tal-PSDK kif ukoll ta' ppjanar u ta' proċeduri ta' akkwist għad-difiża nazzjonali armonizzati meta mqabbla ma' dawn il-kapaċitajiet speċifiċi; jemmen li dan l-approċċ għandu jkun is-segwitu ta' rieżami tad-difiża tal-forzi tal-Istati Membri u rieżami tal-attivitajiet u tal-proċeduri tal-passat tal-EDA; jistieden lill-EDA turi liema mid-diskrepanzi f'termini ta' kapaċitajiet identifikati fl-objettivi primarji u fil-pjan ta' żvilupp tal-kapaċitajiet imtlew fi ħdan il-qafas tal-Aġenzija; huwa konvint li l-akkomunament u l-kondiviżjoni tal-inizjattivi u tal-proġetti huma l-ewwel passi eċċellenti lejn kooperazzjoni Ewropea msaħħa;

19.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem f'kooperazzjoni mal-EDA biex issaħħaħ il-bażi industrijali u teknoloġika tas-settur tad-difiża, li huwa ta' importanza fundamentali għall-awtonomija strateġika Ewropea; jemmen li s-soluzzjoni għas-sostenn tal-industrija hija ż-żieda fin-nefqa fuq id-difiża mill-Istati Membri, kif ukoll biex tiżgura li l-industrija tibqa' kompetittiva globalment; jinnota li l-frammentazzjoni attwali tas-suq tirrappreżenta dgħufija għall-kompetittività tal-industrija Ewropea tad-difiża; jemmen li r-riċerka kollaborattiva tista' tgħin biex tnaqqas tali frammentazzjoni u biex tittejjeb il-kompetittività;

20.  Jemmen bil-qawwa li huwa biss approċċ konġunt fir-rigward tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet, inkluż permezz tal-konsolidament ta' clusters funzjonali bħall-Kmand Ewropew tat-Trasport bl-Ajru, li jista' jiġġenera ekonomiji ta' skala li huma meħtieġa sabiex iservu ta' bażi għal Unjoni Ewropea għad-Difiża; barra minn hekk jemmen li t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-UE permezz ta' akkwist konġunt u forom oħrajn ta' akkomunament u kondiviżjoni jistgħu jagħtu spinta tant meħtieġa lill-industrija tad-difiża Ewropea, inklużi l-SMEs,; jappoġġa l-miżuri intiżi li jinċentivaw proġetti bħal dawn, sabiex jintlaħaq il-punt ta' riferiment tal-EDA ta' 35 % tan-nefqa totali tal-akkwist ta' kollaborazzjoni, kif mitlub mill-Istrateġija Globali tal-UE; jemmen li l-introduzzjoni tas-Semestru Ewropew tad-Difiża, li bih l-Istati Membri jikkonsultaw lil xulxin dwar ċikli ta' ppjanar u dwar il-pjani tal-akkwist, tista' tgħin biex jingħeleb l-istat attwali ta' frammentazzjoni tas-suq tad-difiża;

21.  Jenfasizza li ċ-ċibersigurtà hija, min-natura tagħha, politika li fiha l-kooperazzjoni u l-integrazzjoni huma kruċjali, mhux biss bejn l-Istati Membri tal-UE, is-sħab ewlenin u n-NATO, iżda wkoll bejn l-atturi differenti fis-soċjetà, peress li din mhijiex biss responsabilità militari; jitlob linji gwida aktar ċari dwar kif il-kapaċitajiet difensivi u offensivi tal-UE għandhom jintużaw u f'liema kuntest; Ifakkar li l-Parlament talab ripetutament reviżjoni mill-qiegħ tar-Regolament tal-UE dwar l-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju sabiex jiġi evitat softwer u sistemi oħrajn li jistgħu jintużaw kontra l-infrastruttura diġitali tal-UE jew biex jiksru d-drittijiet tal-bniedem milli jaqgħu f'idejn ħżiena;

22.  Jinnota l-pubblikazzjoni reċenti tal-Istrateġija Globali mir-Rappreżentant Għoli, li tikkostitwixxi qafas koeżiv għal prijoritajiet għal azzjoni fil-qasam tal-politika barranija u għad-definizzjoni tal-iżviluppi futuri fil-politika tad-difiża Ewropea;

23.  Ifakkar l-erba' punti ta' riferiment kollettivi ta' investiment approvati mill-Bord Ministerjali ta' Tmexxija tal-EDA f'Novembru 2007, u jinsab imħasseb dwar il-livell baxx ta' kollaborazzjoni, kif muri fir-Rapport dwar id-Data tad-Difiża ippubblikat fl-2013;

24.  Jitlob lill-VP/RGħ tieħu inizjattiva biex jinġiebu flimkien kumpaniji ewlenin u l-partijiet interessati tal-industrija tad-difiża Ewropea bil-għan li tkun żviluppata industrija tad-droni Ewropea;

25.  Jitlob lill-VP/RGħ tieħu inizjattiva biex jinġiebu flimkien kumpaniji ewlenin u l-partijiet interessati tal-industrija tad-difiża Ewropea biex jiżviluppaw strateġiji u pjattaforma għall-iżvilupp konġunt ta' tagħmir tad-difiża;

26.  Jappella lill-VP/RGħ biex ittejjeb il-kooperazzjoni bejn l-istrateġiji nazzjonali dwar iċ-ċibersigurtà, il-kapaċitajiet u ċentri ta' kmand u lill-EDA, bħala parti minn kooperazzjoni strutturata permanenti li tgħin fil-protezzjoni kontra u fil-ġlieda kontra l-attakki ċibernetiċi;

27.  Jitlob iktar żvilupp tal-Qafas ta' Politika tal-UE dwar iċ-Ċiberdifiża sabiex isaħħu kapaċitajiet ta' Difiża Ċibernertika sabiex tingħata spinta lill-kapaċitajiet ta' difiża ċibernetika, ta' kooperazzjoni operattiva u ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni;

28.  Jinnota l-ħidma li għaddejja dwar l-istabbiliment ta' azzjoni preparatorja għall-programm ta' riċerka tad-difiża tal-UE fil-ġejjieni, u jħeġġeġ l-implimentazzjoni effikaċi tiegħu kemm jista' jkun malajr, kif mitlub mill-Kunsill Ewropew fl-2013 u l-2015 u b'segwitu ta' proġett pilota mibdi mill-PE; jenfasizza li l-Azzjoni Preparatorja għandha tiġi pprovduta b'baġit suffiċjenti, ta' mill-inqas EUR 90 miljun għat-tliet snin li ġejjin (2017-2020); huwa tal-fehma l-azzjoni preparatorja għandha tiġi segwita minn programm ta' riċerka ewlieni ddedikat u ffinanzjat mill-UE bħala parti mill-QFP li jmiss li jibda fl-2021; jinnota li l-Programm ta' Riċerka Ewropea tad-Difiża se jeħtieġ baġit totali ta' mill-inqas EUR 500 miljun fis-sena f'dan il-perjodu, sabiex ikun kredibbli u biex jagħmel differenza sostanzjali; jappella lill-Istati Membri jiddefinixxu l-programmi futuri ta' kooperazzjoni li fihom ir-riċerka dwar id-difiża ffinanzjata mill-UE tista' tibni punti tat-tluq, u jappella għall-ħolqien ta' fond ta' tnedija għall-attivitajiet preparatorji fil-perjodu li jwassal għal operazzjonijiet militari, kif previst fit-Trattat ta' Lisbona; jinnota li l-inizjattivi tal-Kummissjoni relatati mad-difiża, bħall-Pjan ta' Azzjoni għad-Difiża, il-Politika Industrijali għad-Difiża u l-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea;

29.  Jenfasizza li t-tnedija ta' missjonijiet tal-PSDK, bħal EUNAVFOR MED, jikkontribwixxu għall-kisba ta' Unjoni Ewropea tad-Difiża; jistieden lill-Unjoni tkompli u tintensifika dawn it-tip ta' operazzjonijiet;

30.  Iqis li huwa importanti li l-proċedura tas-Semestru Ewropew tintuża għall-introduzzjoni ta' kooperazzjoni eqreb fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża;

31.  Jenfasizza l-importanza li jidħlu fis-seħħ il-miżuri meħtieġa li jħeġġu suq Ewropew tad-difiża funzjonanti, ġust, aċċessibbli u trasparenti li huwa miftuħ għal oħrajn, jippromwovu l-innovazzjoni teknoloġika tal-ġejjieni, jappoġġaw l-SMEs u jistimolaw it-tkabbir u l-impjiegi, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jiksbu użu massimu ħafna iktar effiċjenti u effettivi tagħhom tal-baġits ta' difiża u tas-sigurtà; jinnota li bażi industrijali u teknoloġika soda tad-difiża Ewropea teħtieġ suq intern ġust, li jiffunzjona u trasparenti, sigurtà tal-provvista, u djalogu strutturat mal-industriji rilevanti għad-difiża; jinsab imħasseb dwar ir-ritmu batut tal-progress lejn il-kompetittività mtejba, il-miżuri kontra l-korruzzjoni, u t-trasparenza akbar fis-settur tad-difiża, u li l-politika industrijali ta' difiża Ewropea soda u r-rispett tar-regoli tas-suq intern għadhom neqsin; hu tal-fehma li suq Ewropew tal-armi ta' difiża integrat u kompetittiv għandu bżonn jinċentivjippremja l-Istati Membri kollha u jforni lix-xerrejja kollha b'mezzi adegwati u aċċessibbli li jikkorrispondu għall-bżonniiet ta' sigurtà individwali tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li d-Direttiva dwar l-Akkwist tad-Difiża u d-Direttiva dwar it-Trasferimenti Intrakomunitarji jiġu applikati b'mod korrett madwar l-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiggarantixxu l-implimentazzjoni sħiħa taż-żewġ direttivi relatati mad-difiża tal-hekk imsejjaħ "Pakkett ta' Difiża";

32.  Jistieden lill-Kummissjoni taqdi r-rwol tagħha permezz ta' Pjan ta' Azzjoni għad-Difiża, biex tappoġġa bażi industrijali b'saħħtu li kapaċi tagħti riżultati f'termini ta' ħtiġijiet ta' kapaċità strateġika tal-Ewropa, u tidentifika fejn l-UE tista' tipprovdi valur miżjud;

33.  Huwa konvint li fit-tfassil progressiv ta' politika tad-difiża komuni tal-Unjoni, l-UE għandha tara li bi ftehim mal-Istati Membri kkonċernati, għal parteċipazzjoni fi programmi ta' kapaċità li jwettqu, inkluż il-parteċipazzjoni fl-istrutturi maħluqa għall-eżekuzzjoni ta' dawk il-programmi, fi ħdan il-qafas tal-Unjoni;

34.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni, f'kollaborazzjoni mal-EDA, taġixxi b'tali mod li tiffaċilita u tippermetti l-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża permezz tal-mobilizzazzjoni ta' fondi u strumenti tal-UE u li huma mmirati għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' difiża mill-Istati Membri; ifakkar li Pjan ta' Azzjoni Ewropew għad-Difiża għandu jkun strument strateġiku biex titrawwem il-kooperazzjoni fid-difiża fuq livell Ewropew, b'mod partikolari permezz ta' Programm ta' Riċerka dwar id-Difiża ffinanzjata mill-UE u permezz ta' miżuri li jsaħħu l-kooperazzjoni industrijali fil-katina tal-valur kollha;

35.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-kunċett tal-awtonomija strateġika żviluppat mill-VP/RGħ bħala parti mill-istrateġija globali tal-UE; jemmen li dan il-kunċett għandu jiġi applikat kemm fil-prijoritajiet strateġiċi tagħna kif ukoll fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet tagħna u tal-industrija tagħna;

36.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Presidenti tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni u tas-Segretarju Ġenerali tan-NATO tat-8 ta' Lulju 2016, li tenfasizza l-ħtieġa għal kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża; jinsab konvint li l-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO jenħtieġ li tinvolvi kooperazzjoni fil-Lvant u fin-Nofsinhar, il-ġlieda kontra t-theddid ibridu u ċibernetiku, kif ukoll l-armonizzazzjoni u l-koordinament tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' difiża; iqis li l-kooperazzjoni dwar il-kapaċitajiet militari teknoloġiċi, industrijali u militari toffri l-prospettiva tal-kompatibilità u s-sinerġija aħjar bejn iż-żewġ oqfsa, biex b'hekk tiġi żgurata aktar effiċjenza tar-riżorsi; ifakkar li implimentazzjoni rapida tad-dikjarazzjoni ta' hawn fuq hija essenzjali, u f'dan ir-rigward jistieden lis-SEAE, flimkien mal-kontropartijiet rilevanti, jiżviluppa għażliet konkreti għall-implimentazzjoni sa Diċembru 2016; iqis li l-Istati Membri jenħtieġ li jiżviluppaw kapaċitajiet li jistgħu jiġu skjerati taħt il-PSDK sabiex jagħmlu possibbli azzjoni awtonoma f'każijiet fejn in-NATO ma tkunx disposta li taġixxi jew fejn l-azzjoni tal-UE hija aktar xierqa; huwa konvint li dan għandu jsaħħaħ ukoll ir-rwol tan-NATO fil-politika ta' sigurtà u ta' difiża u fid-difiża kollettiva; jissottolinja li l-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO għall-iffaċilitar ta' industrija tad-difiża aktar b'saħħitha u effiċjenti u r-riċerka marbuta mad-difiża jirrappreżentaw prijorità strateġika u l-implimentazzjoni rapida tagħha hi kruċjali; huwa konvint li l-ħidma konġunta fuq il-prevenzjoni, l-analiżi u l-identifikazzjoni bikrija permezz ta' informazzjoni effiċjenti u l-qsim tal-għarfien se jżid il-kapaċità tal-UE kontra t-theddid, inkluż it-theddid ibridu; jibqa' konvint li n-NATO hija l-fornitur ewlieni ta' sigurtà u ta' difiża fl-Ewropa; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi evitata d-duplikazzjoni bejn l-istrumenti tan-NATO u tal-UE; jemmen li l-UE għandha potenzjal wkoll f'aspetti ċivili biex tagħmel differenza importanti f'reġjuni instabbli; jinsisti, madankollu, li filwaqt li r-rwol tan-NATO huwa li tipproteġi prinċipalment l-membri Ewropej minn kull attakk estern, l-UE għandha taspira li tkun tassew kapaċi li tiddefendi lilha nnifisha u taġixxi b'mod awtonomu jekk ikun meħtieġ, u tassumi r-responsabilità akbar f'dan l-aspett billi jitjiebu t-tagħmir, it-taħriġ u l-organizzazzjoni;

37.  Jinnota li filwaqt li n-NATO jetħtiġilha tibqa' l-pedament tad-difiża kollettiva fl-Ewropa, il-prijoritajiet politiċi bejn in-NATO u l-UE jistgħu ma jkunux dejjem l-istess, mhux l-anqas fil-kuntest tax-xaqliba tal-Istati Uniti lejn l-Asja; jinnota wkoll li l-UE għandha sett uniku ta' strumenti relatati mas-sigurtà li mhumiex disponibbli għan-NATO, u viċi versa; huwa tal-fehma li l-UE għandha tassumi responsabilità akbar għal kriżijiet ta' sigurtà fil-viċinat immedjat tagħha, u b'hekk tikkontribwixxi għal kompiti tan-NATO, speċjalment fil-kuntest ta' gwerra ibrida u tas-sigurtà marittima; jemmen li, fuq medda ta' żmien twila, ir-riforma tal-arranġamenti Berlin Plus jistgħu jkunu neċessarji, anke sabiex in-NATO tagħmel użu tal-kapaċitajiet u tal-istrumenti UE; jissottolinja li l-ambizzjoni tal-UE għal awtonomija strateġika u ta' Unjoni Ewropea għad-Difiża għandha titwettaq b'sinerġija sħiħa man-NATO, u għandha twassal għal kooperazzjoni aktar effikaċi, qsim ta' responsabilità ekwu u diviżjoni tax-xogħol produttiva bejn in-NATO u l-UE;

38.  Huwa konvint li l-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO jentħtieġ li tinvolvi l-bini ta' reżiljenza flimkien fil-Lvant u n-Nofsinhar kif ukoll investiment fid-difiża; iqis li l-kooperazzjoni dwar il-kapaċitajiet toffri l-prospettiva ta' kompatibilità u sinerġija mtejba bejn iż-żewġ oqfsa; huwa konvint li dan għandu jsaħħaħ ukoll ir-rwol tan-NATO fil-politika ta' sigurtà u ta' difiża u fid-difiża kollettiva;

39.  Jinsab imħasseb ħafna dwar rapporti li l-proċeduri amministrattivi qegħdin jnaqqsu mingħajr bżonn il-ħeffa li biha jiġu ġġenerati l-forzi għall-missjonijiet tal-PSDK u ċ-ċaqliq transfruntier ta' forzi ta' rispons rapidu ġewwa l-UE; jappella lill-Istati Membri jistabbilixxu sistema pan-Ewropea għall-koordinament tal-moviment rapidu ta' persunal, tagħmir u provvisti tal-forzi ta' difiża, għall-finijiet tal-PSDK, meta tiġi invokata l-klawsola ta' solidarjetà, u meta jkun hemm l-obbligu li tingħata għajnuna u assistenza bil-mezzi kollha disponibbli għalihom, skont l-Artikolu 51 tal-Karta tan-NU;

40.  Jitlob l-istabbiliment ta' arranġamenti prattiċi u ta' linji gwida għall-attivazzjoni futura tal-Artikolu 42(7) tat-TUE; jappella lill-Istati Membri jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dak l-Artikolu, sabiex l-Istati Membri individwali jitħallew jimmaniġġjaw b'mod effikaċi l-kontributi ta' għajnuna u assistenza tal-Istati Membri l-oħra, jew li dawn jiġu immaniġġjati b'mod effikaċi fi ħdan il-qafas tal-Unjoni; jappella lill-Istati Membri jimmiraw għall-objettiv ta' 2 % tal-PDG fuq infiq għad-difiża, u biex jonfqu 20 % tal-baġit tagħhom għad-difiża f'tagħmir identifikat bħala meħtieġ permezz tal-EDA, inklużi r-riċerka u l-iżvilupp relatati, u b'hekk jiġi eliminat id-distakk b'erba' punti ta' riferiment għal investiment kollettiv tal-EDA;

41.  Huwa tal-fehma li l-isfidi li ġejjin mil-limitazzjonijiet finanzjarji fuq il-baġits nazzjonali, fl-istess ħin huma akkumpanjati minn opportunitajiet għal progress li ġejjin minn ħtieġa ċara ta' kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-Istati Membri fi kwistjonijiet ta' difiża; jilqa' d-deċiżjoni ta' xi Stati Membri li jwaqqfu jew ireġġgħu lura t-tendenza ta' tnaqqis fl-infiq għad-difiża;

42.  Jemmen li l-Parlament għandu jkollu rwol prominenti fl-Unjoni Ewropea tad-difiża tal-ġejjieni, u għalhekk iqis li s-Sottokumitat għas-Sigurtà u d-Difiża għandu jsir kumitat parlamentari veru u proprju;

43.  Jistieden lill-VP/RGħ tniedi Ktieb Abjad tal-UE dwar is-Sigurtà u d-Difiża li ser ikun ibbażat fuq l-istrateġija globali tal-UE kif approvat mill-Kunsill Ewropew; jitlob lill-Kunsill jassenja l-kompitu tal-abbozzar ta' dan id-dokument mingħajr dewmien; jiddispjaċih bis-suġġeriment li tat ir-RGħ/VP lill-ministri tad-difiża tal-UE skont liema għandu jkun hemm biss pjan ta' implimentazzjoni dwar is-sigurtà u d-difiża minflok il-proċess ta' Ktieb Abjad; hu tal-fehma li tali pjan ta' implimentazzjoni għandu jkun prekursur għall-proċess ta' Ktieb Abjad regolari dwar is-sigurtà u d-difiża, li jenħtieġ li jipprovdi bażi utli għall-kwantifikazzjoni tal-kontributi possibbli tal-UE fil-politika ta' sigurtà u ta' difiża għal kull terminu leġiżlattiv b'mod speċifiku u realistiku;

44.  Huwa konvint li Ktieb Abjad tal-UE dwar is-sigurtà u d-difiża jenħtieġ li jkun ir-riżultat ta' proċessi u kontributi koerenti, intergovernattivi u interparlamentari, li għandu jkun sostnut minn koordinament internazzjonali mas-sħab u mal-alleati tagħna, inkluża n-NATO u b'appoġġ interistituzzjonali komprensiv; jappella lill-VP/RGħ tirrevedi l-kalendarju inizjali tagħha sabiex tibda konsultazzjoni mmirata mal-Istati Membri u mal-parlamenti;

45.  Iqis li, abbażi tal-istrateġija globali tal-UE, il-Ktieb Abjad jenħtieġ li jinkludi l-istrateġija ta' sigurtà u ta' difiża tal-UE, il-kapaċitajiet meqjusa bħala meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dik l-istrateġija, u l-miżuri u l-programmi kemm fil-livell tal-Istat Membru kif ukoll tal-UE għall-ksib ta' dawn il-kapaċitajiet, li għandu jkun ibbażat fuq qafas ta' politika kollaborattiva Ewropea dwar il-kapaċitajiet u l-armamenti, filwaqt li jitqies li d-difiża u s-sigurtà jibqgħu ta' kompetenza nazzjonali;

46.  Huwa tal-fehma li l-ktieb abjad għandu jieħu l-forma ta' ftehim interistituzzjonali ta' natura vinkolanti li jistabbilixxi l-inizjattivi, l-investimenti, il-miżuri u l-programmi kollha tal-Unjoni, fuq qafas politiku u finanzjarju pluriennali rispettivi tal-UE; jinsab konvint li l-Istati Membri, is-sħab u l-alleati għandhom jikkunsidraw dan il-Ftehim Interistituzzjonali fl-ippjanar tas-sigurtà u tad-difiża tagħhom, bil-għan li tiġi żgurata konsistenza u komplementarjetà reċiproka;

Inizjattivi ta' Tnedija

47.  Iqis li l-inizjattivi li ġejjin għandhom jiġu mnedija immedjatament:

   l-azzjoni preparatorja dwar riċerka fil-qasam tal-PSDK li tibda fl-2017, se jitkompla sal-2019;
   programm sussegwenti ta' riċerka dwar id-difiża aktar ambizzjuż u strateġiku, li jnaqqas id-distakk sal-QFP li jmiss, jekk l-Istati Membri jagħtu r-riżorsi finanzjarji addizzjonali meħtieġa jew permezz ta' kofinanzjament mill-Istati Membri skont l-Artikolu 185 tat-TFUE;
   Semestru Ewropew tad-Difiża li jevalwa l-progress li sar fl-isforzi baġitarji relatati mad-difiża tal-Istati Membri;
   strateġija li tiddeskrivi l-passi li għandhom jittieħdu għall-ħolqien u l-implimentazzjoni tal-Unjoni Ewropea tad-Difiża;
   kunsiderazzjoni tal-ħolqien ta' Kunsill permanenti tal-Ministri tad-Difiża;
   appoġġ għall-inizjattiva min-NATO, li se tqiegħed battaljuni multinazzjonali fl-Istati Membri meta u fejn meħtieġ, b'mod partikolari l-iżvilupp tal-infrastruttura meħtieġa (inkluża l-akkomodazzjoni);
   l-iżvilupp ta' proċess ta' Ktieb Abjad regolari, għall-ewwel implimentazzjoni fil-qafas tal-ippjanar għall-QFP li jmiss;
   konferenza tal-partijiet interessati dwar is-suġġetti ta' żvilupp ta' politika Ewropea tal-armamenti u tal-kapaċitajiet u l-armonizzazzjoni tal-politiki nazzjonali rispettivi abbażi ta' rieżami tad-difiża tal-UE;
   riżoluzzjoni tal-kwistjonijiet ġuridiċi li jipprevjenu l-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni Konġunta dwar il-bini tal-kapaċità għall-promozzjoni tas-sigurtà u l-iżvilupp f'pajjiżi terzi;
   riforma tal-kunċett tal-gruppi tattiċi tal-UE, bl-għan li jitwaqqfu unitajiet permanenti li jkunu indipendenti minn kwalunkwe pajjiż mexxej u li jkunu soġġetti għal taħriġ konġunt sistematiku;
   il-ħolqien ta' fond ta' tnedija militari kif previst mill-Artikolu 41(3) tat-TUE, li għandu jgħin t-tnedija aktar rapida tal-operazzjoniiet tal-PSDK;
   pjan ta' azzjoni li jsaħħaħ u jwessa' l-mekkaniżmu Athena sabiex jġu pprovduti aktar fondi Komunitarji għal missjonijiet tal-UE;
   riforma tal-mekkaniżmu Athena bl-għan li joktor il-potenzjal tagħha għal kondiviżjoni ta' spejjeż u finanzjament komuni, b'mod partikolari fir-rigward tal-iskjerament ta' gruppi tattiċi tal-UE jew ta' mezzi ta' rispons rapidu oħrajn u biex tissaħħaħ il-kapaċità ta' atturi militari fil-pajjiżi sħab (taħriġ, mentoraġġ, konsulenza, forniment ta' tagħmir, titjib tal-infrastruttura u servizzi oħrajn);
   proċess ta' riflessjoni dwar l-investiment barrani dirett fl-industriji kritiċi fl-oqsma tad-difiża u tas-sigurtà u dwar il-fornituri tas-servizz, bil-għan li tiġi żviluppata leġiżlazzjoni fil-livell tal-UE;
   proċess ta' riflessjoni dwar l-istandardizzazzjoni tal-użu doppju bil-ħsieb li tiġi żviluppata leġiżlazzjoni fuq il-livell tal-UE;
   riflessjoni dwar l-istabbiliment ta' kwartieri ġenerali permanenti ta' kmand u kontroll għall-operazzjonijiet militari tal-PSDK;
   sistema mifruxa mal-UE kollha għall-koordinament tal-moviment rapidu ta' persunal, tagħmir u provvisti tal-forzi tad-difiża;
   l-elementi inizjali ta' Pjan ta' Azzjoni Ewropea tad-Difiża, imsejsa fuq Ktieb Abjad tal-UE dwar is-Sigurtà u d-Difiża;
   l-ewwel proġetti UE-NATO fil-qasam tal-ġlieda kontra u l-prevenzjoni ta' theddid ibridu u l-bini tar-reżiljenza, kooperazzjoni fil-komunikazzjonijiet u risposti strateġiċi, kooperazzjoni operattiva, anki fuq il-baħar, u fil-qasam tal-migrazzjoni, koordinament taċ-ċibersigurtà u tad-difiża, kapaċitajiet ta' difiża, tisħiħ tal-bażi industrijali, teknoloġika u ta' riċerka fil-qasam tad-difiża,eżerċitazzjonijiet u bini tal-kapaċitajiet ta' difiża u sigurtà ta' sħabna tal-Lvant u tan-Nofsinhar;
   miżuri li jżidu l-kooperazzjoni u l-fiduċja bejn l-atturi u taċ-ċibersigurtà u tad-difiża;

48.  Jipproponi li l-Unjoni Ewropea għad-Difiża titnieda b'urġenza, f'żewġ stadji u abbażi ta' sistema ta' integrazzjoni differenzjata:

   (a) l-attivazzjoni ta' kooperazzjoni strutturata permanenti, li diġà ġiet approvata mill-Parlament u li ġiet inkluża fil-programm "Bidu Ġdid" tal-President tal-Kummissjoni;
   (b) l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-VP/RGħ għal strateġija għal Politika Estera u ta' Sigurtà globali;

o
o   o

49.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana, l-aġenziji tal-UE fl-oqsma tal-ispazju, tas-sigurtà u tad-difiża, u lill-parlamenti nazzjonali.

(1) Testi adottati, P8_TA(2016)0120.
(2) ĠU C 419, 16.12.2015, p. 138.
(3) ĠU C 46 E, 24.2.2010, p. 48.
(4) "The Cost of Non-Europe in Common Security and Defence Policy" (Il-Kost tan-Non-Ewropa fil-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni), Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (2013), p. 78.

Avviż legali