Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2959(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1226/2016

Testi mressqa :

B8-1226/2016

Dibattiti :

PV 21/11/2016 - 14
CRE 21/11/2016 - 14

Votazzjonijiet :

Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0439

Testi adottati
PDF 286kWORD 56k
L-Erbgħa, 23 ta' Novembru 2016 - Strasburgu
Il-finalizzazzjoni ta' Basel III
P8_TA(2016)0439B8-1226/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Novembru 2016 dwar il-finalizzazzjoni ta' Basel III (2016/2959(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet ta' wara l-kriżi tas-summits tal-G20,

–  wara li kkunsidra l-komunikat tal-Ministri tal-Finanzi u l-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali tal-G20 tas-27 ta' Frar 2016,

–  wara li kkunsidra l-komunikat tal-Ministri tal-Finanzi u l-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali tal-G20 tal-14 u l-15 ta' April 2016,

–  wara li kkunsidra l-komunikat tal-Ministri tal-Finanzi u l-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali tal-G20 tat-23 u l-24 ta' Lulju 2016,

–  wara li kkunsidra l-komunikat tal-mexxejja tal-G20 tal-4 u l-5 ta' Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (BCBS) lill-mexxejja tal-G20 li fihom aġġornahom dwar l-implimentazzjoni tal-aġenda ta' riforma miftiehma, u b'mod partikolari r-rapport tal-BCBS ta' Novembru 2015 lill-mexxejja tal-G20 bit-titolu "Finalising post-crisis reforms: an update" (Il-finalizzazzjoni tar-riformi ta' wara l-kriżi: aġġornament)(1),

–  wara li kkunsidra d-dokumenti konsultattivi tal-BCBS "Revisions to the Basel III leverage ratio framework" (Reviżjoni tal-qafas tal-proporzjon ta' ingranaġġ ta' Basel III) tas-6 ta' April 2016, "Reducing variation in credit risk-weighted assets – constraints on the use of internal model approaches" (It-tnaqqis tal-varjazzjoni fl-assi mwieżna għar-riskju – restrizzjonijiet fuq l-użu ta' approċċi bbażati fuq mudelli interni) tal-24 ta' Marzu 2016, u "Revisions to the Standardised Approach for credit risk" (Reviżjoni tal-approċċ standardizzat għar-riskju tal-kreditu) tal-10 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' diskussjoni u konsultazzjoni tal-BCBS bit-titolu "Regulatory treatment of accounting provisions" (It-trattament regolatorju tad-dispożizzjonijiet kontabilistiċi) ta' Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra l-istandard tal-BCBS dwar "TLAC holdings – Amendments to the Basel III standard on the definition of capital" (Holdings TLAC – Emendi fl-istandard ta' Basel III dwar id-definizzjoni ta' kapital) ta' Ottubru 2016(2),

–  wara li kkunsidra l-EU Shadow Banking Monitor (eżerċizzju ta' monitoraġġ tal-ibbankjar parallel fl-UE) tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) ta' Lulju 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżultati tat-testijiet tal-istress imwettqa mill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) u ppubblikati fid-29 ta' Lulju 2016,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2016 dwar il-finalizzazzjoni tar-riformi ta' Basel wara l-kriżi(3),

–  wara li kkunsidra r-rapport 2016 tal-Fond Monetarju Internazzjonali dwar l-istabbiltà finanzjarja fid-dinja,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2016 dwar l-Unjoni Bankarja – Rapport Annwali 2015(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 dwar analiżi u sfidi tar-Regolament tal-UE dwar is-Servizzi Finanzjarji: l-impatt u t-triq 'il quddiem lejn qafas tal-UE aktar effiċjenti u effikaċi għal Regolamentazzjoni Finanzjarja u Unjoni tas-Swieq Kapitali(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar ir-rwol tal-UE fil-qafas tal-istituzzjonijiet u l-korpi internazzjonali finanzjarji, monetarji u regolatorji(6),

–  wara li kkunsidra l-istudju magħmul għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji bit-titolu "The European Union's role in International Economic Fora, Paper 5: The BCBS";

–  wara li kkunsidra l-iskambju ta' fehmiet mas-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (BCBS), is-Sur Bill Coen, il-President tal-Bord Superviżorju tal-MSU, is-Sinjura Danièle Nouy, il-President tal-EBA, is-Sur Andrea Enria u l-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, is-Sur Valdis Dombrovskis, dwar il-finalizzazzjoni ta' Basel III / "Basel IV";

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-approċċ standardizzat għar-riskju tal-kreditu min-naħa tal-Kumitat ta' Basel u l-iskambju ta' fehmiet sussegwenti mal-Viċi President Katainen fis-6 ta' Lulju 2016;

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-finalizzazzjoni ta' Basel III (O-000136/2016 – B8-1810/2016),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi sistema bankarja reżiljenti u kapitalizzata tajjeb hija kundizzjoni essenzjali għall-ħarsien tal-istabbiltà finanzjarja, għal garanzija ta' self adegwat lill-ekonomija reali tul iċ-ċiklu kollu u għas-sostenn tat-tkabbir ekonomiku;

B.  billi wara l-kriżi finanzjarja l-mexxejja tal-G20 qablu dwar aġenda ta' riforma komprensiva li tipprevedi t-tisħiħ tal-istandards regolatorji tal-banek internazzjonali, inklużi r-rekwiżiti prudenzjali;

C.  billi l-BCBS qed jiżviluppa standards minimi maqbula internazzjonalment fir-rigward tar-rekwiżiti prudenzjali għal banek kbar u attivi fil-livell internazzjonali; billi l-BCBS jissorvelja u janalizza l-implimentazzjoni ta' dawn l-istandards globali u jirrapporta lill-G20; billi l-gwida tiegħu hija għodda importanti biex tiġi evitata l-frammentazzjoni regolatorja madwar id-dinja;

D.  billi l-Unjoni Ewropea implimentat l-istandards miftiehma internazzjonalment fil-qafas tar-Regolament dwar ir-Rekwiżiti Kapitali (CRR) u d-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti Kapitali (CRD IV), għalkemm adattathom għar-realtà tal-ħtiġijiet ta' finanzjament tal-UE, pereżempju fir-rigward tal-fattur ta' sostenn lill-SMEs, u ħalliet ċertu ġrad ta' flessibbiltà; billi fl-UE ġie deċiż li dawn l-istandards japplikaw għall-banek kollha, u mhux biss għall-banek il-kbar attivi internazzjonalment, filwaqt li ċerti ġurisdizzjonijiet mhux Ewropej japplikaw xi wħud minnhom għall-banek il-kbar biss; billi l-progress lejn kundizzjonijiet ekwi fil-livell internazzjonali huwa importanti; billi l-Kummissjoni mistennija tressaq proposta leġiżlattiva għar-rieżami tas-CRR/CRD IV biex jiġu implimentati r-reviżjonijiet ulterjuri tal-qafas ta' Basel li ntlaħaq qbil dwarhom;

E.  billi r-rekwiżiti prudenzjali għall-banek huma interkonnessi u komplementari għal rekwiżiti regolatorji oħrajn, bħall-kapaċità totali ta' assorbiment tat-telf (TLAC) u l-użu obbligatorju tal-ikklerjar ċentrali għall-istrumenti derivattivi; billi l-qafas regolatorju li jirregola s-settur bankarju tal-UE ttejjeb b'mod sinifikanti tul dawn l-aħħar snin, partikolarment bit-twaqqif tal-Unjoni Bankarja;

F.  billi qafas sod għall-istabbiltà u t-tkabbir finanzjarju għandu jkun komprensiv u bilanċjat b'tali mod li jkopri prattiki superviżorji dinamiċi u ma jiffukax biss fuq regolamentazzjoni statika li tirrigwarda, fil-biċċa l-kbira, aspetti kwantitattivi;

G.  billi d-data turi varjabbiltà eċċessiva fil-passat fir-rigward tal-ponderazzjoni tar-riskju u "l-immudellar tar-riskju strateġiku" biex jitnaqqsu r-rekwiżiti kapitali tal-banek u d-diffikultà li kienu jsibu s-superviżuri nazzjonali fil-valutazzjoni ta' mudelli interni, li kkontribwixxa għall-kriżi finanzjarja;

H.  billi l-implimentazzjoni ta' rekwiżiti prudenzjali bankarji għal mudelli kummerċjali bankarji differenti jistgħu jvarjaw b'mod konsiderevoli fl-ambitu u l-kumplessità, u għaldaqstant approċċ "wieħed tajjeb għal kulħadd" ikun ineffikaċi u ta' piż sproporzjonat, b'mod partikolari għal ħafna banek iżgħar u ffukati fuq l-aspett domestiku, inqas kumplessi u interkonnessi, kif ukoll ir-regolaturi u s-superviżuri tagħhom; għaldaqstant hemm bżonn grad adegwat ta' proporzjonalità u flessibbiltà;

I.  billi bħalissa l-BCBS qed jiddiskuti bidliet addizzjonali, fil-qafas prudenzjali tal-banek, li jindirizzaw ir-riskju tal-kreditu u r-riskju operazzjonali; billi dawn ir-riformi jiffukaw fuq it-tisħiħ tas-sensittività għar-riskju u r-robustezza tal-approċċ standardizzat għar-riskju tal-kreditu, restrizzjonijiet addizzjonali fuq l-approċċ ibbażat fuq il-mudelli interni u l-finalizzazzjoni tad-disinn tal-proporzjon ta' ingranaġġ, u ammont minimu ta' kapital potenzjali bbażat fuq l-approċċ standardizzat;

J.  billi l-maġġoranza tal-istituzzjonijiet finanzjarji tal-Istati Uniti jużaw l-approċċ standardizzat biex jevalwaw ir-riskju tal-kreditu, filwaqt li fl-UE ħafna banek kbar u medji jibbażaw ruħhom fuq mudelli interni;

K.  billi reviżjoni xierqa tal-approċċ standardizzat u r-rispett tal-prinċipju ta' proporzjonalità huma fatturi ewlenin biex l-istandard tal-BCBS jaħdem għall-banek iż-żgħar, li huma dawk li jużawh prinċipalment;

L.  billi l-G20 ta indikazzjoni li r-reviżjoni attwali m'għandhiex tiġġenera żieda sinifikanti fir-rekwiżiti kapitali globali, u din il-pożizzjoni ġiet ikkonfermata mill-Istati Membri waqt il-laqgħa tal-Kunsill ECOFIN f'Lulju 2016;

M.  billi l-banek Ewropej issa huma soġġetti għal testijiet tal-istress regolari sistemiċi min-naħa tar-regolaturi u r-riżultati ta' dawn it-testijiet jiġu ppubblikati;

N.  billi r-rappreżentanti ta' ġurisdizzjonijiet mhux tal-UE, pereżempju l-Ġappun, esprimew it-tħassib tagħhom rigward il-pressjoni dejjem akbar f'dak li għandu x'jaqsam mal-ġenerazzjoni ta' kapital u l-indirizzar ta' spejjeż ta' konformità ogħla biex jikkonformaw mal-istandards il-ġodda li ġew stabbiliti;

O.  billi d-deċiżjonijiet tal-BCBS m'għandhomx saħħa legali u jeħtieġ jiġu trasposti permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja sabiex ikollhom effett fl-UE; billi mhux l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali kollha għandhom rappreżentanza fil-BCBS, iżda l-BĊE u l-MSU huma rappreżentati bħala membri sħaħ filwaqt li l-Kummissjoni u l-EBA huma osservaturi;

1.  Jenfasizza l-importanza ta' standards u prinċipji globali sodi għar-regolamentazzjoni prudenzjali tal-banek, u jilqa' favorevolment il-ħidma ta' wara l-kriżi tal-BCBS f'dan il-qasam;

2.  Jafferma mill-ġdid li l-banek jeħtieġ ikunu kapitalizzati tajjeb sabiex jingħata appoġġ lill-ekonomija reali, jitnaqqas ir-riskju sistemiku u tiġi evitata kwalunkwe ripetizzjoni tas-salvataġġi enormi li saru matul il-kriżi; jenfasizza l-ħtieġa ta' regolamentazzjoni adegwata tas-sistema bankarja parallela sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta u stabbiltà finanzjarja;

3.  Jenfasizza li, għall-kuntrarju ta' ġurisdizzjonijiet oħra, il-banek jaqdu rwol importanti fil-finanzjament tal-ekonomija Ewropea u x'aktarx jibqgħu s-sors ta' finanzjament ewlieni għall-familji u l-intrapriżi, b'mod speċjali l-SMEs; jenfasizza li l-leġiżlazzjoni tal-UE dejjem ippruvat tirrifletti dan (pereżempju bl-użu tal-fattur ta' sostenn lill-SMEs) u għandha tkompli tagħmel hekk (pereżempju billi ttawwal u testendi l-fattur ta' sostenn); jirrikonoxxi, madankollu, l-importanza li jiġu diversifikati s-sorsi ta' finanzjament tal-ekonomija Ewropea, u jilqa', f'dan ir-rigward, ix-xogħol li għaddej bħalissa fil-qafas tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali;

4.  Jinnota l-ħidma li għaddejja min-naħa tal-BCBS biex jiffinalizza l-qafas ta' Basel III bil-ħsieb li tiżdied is-sempliċità, il-komparabbiltà u l-konverġenza tal-qafas tal-kapital ponderat għar-riskji sabiex tiġi indirizzata l-varjabbiltà eċċessiva fl-assi mwieżna għar-riskju u jiġu applikati l-istess regoli għall-istess riskji; jenfasizza l-ħtieġa ta' aktar trasparenza u responsabbiltà biex jissaħħu l-leġittimità u t-titolarità tad-deliberazzjonijiet tal-BCBS; jilqa' l-fatt li s-Segretarju Ġenerali tal-BCBS deher quddiem il-Kumitat ECON, u jħeġġeġ aktar djalogu;

5.  Jenfasizza li r-reviżjoni attwali għandha tirrispetta l-prinċipju stabbilit mill-Grupp tal-Gvernaturi u l-Kapijiet tas-Superviżjoni (GHOS) li ma jiżdidux b'mod sinifikanti r-rekwiżiti kapitali kumplessivi, filwaqt li fl-istess ħin tissaħħaħ il-qagħda finanzjarja ġenerali tal-banek Ewropej;

6.  Jenfasizza li prinċipju daqstant ieħor importanti li għandu jiġi rispettat mir-reviżjoni huwa l-promozzjoni ta' kundizzjonijiet ekwi fil-livell globali billi jitnaqqsu – u mhux jiżdiedu – id-differenzi bejn il-ġurisdizzjonijiet u l-mudelli bankarji, u billi ma jiġix penalizzat bla bżonn il-mudell bankarju tal-UE;

7.  Jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-analiżi bikrija tal-abbozzi reċenti tal-BCBS tindika li l-pakkett ta' riformi fl-istadju attwali tiegħu jista' ma jkunx konformi maż-żewġ prinċipji msemmija hawn fuq; jistieden lill-BCBS jirrevedi l-proposti tiegħu f'dan is-sens u lill-BĊE u l-MSU jiżguraw li dawn jiġu rispettati fil-finalizzazzjoni u l-monitoraġġ tal-istandard il-ġdid;

8.  Jenfasizza li dan l-approċċ ikun strumentali biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni konsistenti tal-istandard il-ġdid min-naħa tal-Parlament Ewropew bħala koleġiżlatur;

9.  Ifakkar fl-importanza tal-prinċipju ta' proporzjonalità, li għandu jiġi vvalutat mhux biss fir-rigward tad-daqs tal-istituzzjonijiet li huma rregolati, iżda wkoll fis-sens ta' bilanċ ġust bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji tar-regolamentazzjoni għal kull grupp ta' partijiet interessati;

10.  Jitlob li jkun hemm djalogu u skambju tal-aħjar prattiki fost ir-regolaturi dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' proporzjonalità, li jrid jiġi stabbilit fil-livell tal-UE u fil-livell internazzjonali;

11.  Jistieden lill-BCBS jivvaluta bir-reqqa u b'mod komprensiv l-aspetti kwalitattivi u kwantitattivi tal-impatt tar-riformi l-ġodda, filwaqt li jqis l-impatt tagħhom fuq ġurisdizzjonijiet u mudelli bankarji differenti qabel l-adozzjoni tal-istandard min-naħa tal-Kumitat; iqis li din il-valutazzjoni għandha tqis ukoll ir-riformi preċedenti suġġeriti mill-Kumitat; jistieden lill-BCBS iwettaq l-aġġustamenti meħtieġa jekk jimmaterjalizzaw ruħhom żbilanċi waqt din l-analiżi;

12.  Ifakkar fl-importanza ta' approċċ ibbażat fuq ir-riskju fir-rigward tar-regolamentazzjoni, bl-istess regoli applikati għall-istess riskji, filwaqt li jenfasizza l-ħtieġa li jiċċekken l-ambitu għall-arbitraġġ regolatorju u l-varjabbiltà eċċessiva fl-assi mwieżna għar-riskju; jistieden lill-BCBS iħares is-sensittività għar-riskju tar-regolamentazzjoni prudenzjali, inkluż billi jiżgura li r-reviżjoni tal-approċċ standardizzat u l-ambitu għall-applikazzjoni tal-IRBA jegħlbu r-riskji ta' arbitraġġ regolatorju u jirriflettu tajjeb l-ispeċifiċitajiet ta' forom differenti ta' finanzjament, bħas-self fuq il-proprjetà immobbli, il-finanzjament tal-infrastruttura u s-self speċjalizzat, u billi jiġu evitati effetti sproporzjonati għall-ekonomija reali; jesprimi tħassib, f'dan ir-rigward, dwar l-effetti potenzjali fuq l-ekonomija reali jekk jittieħed is-suġġeriment li jiġu introdotti ammonti minimi ta' produzzjoni;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta bir-reqqa u b'mod komprensiv l-impatt kwalitattiv u kwantitattiv ta' riformi reċenti u ġodda, fosthom dawk dwar il-finanzjament tal-ekonomija reali fl-Ewropa u dwar il-proġetti leġiżlattivi Ewropej previsti bħalma hija l-Unjoni tas-Swieq Kapitali; jistieden lill-Kummissjoni tutilizza l-konklużjonijiet li jirriżultaw mis-sejħa għall-evidenza u l-fluss ta' ħidma dwar l-ewwel valutazzjoni tar-rendikont dwar ir-regolamentazzjoni tas-servizzi finanzjarji li għandha ssir sa tmiem l-2016; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-proposti l-ġodda tal-BCBS jew l-implimentazzjoni tagħhom ma jfixklux dawk l-inizjattivi; jenfasizza li din il-valutazzjoni m'għandhiex timmina l-kisbiet leġiżlattivi magħmula s'issa u m'għandhiex titqies bħala appell favur id-deregolamentazzjoni;

14.  Jitlob li fid-definizzjoni tal-proporzjon ta' ingranaġġ jitqiesu b'mod sħiħ ir-rekwiżiti għall-ikklerjar ċentrali obbligatorju tal-prodotti derivattivi sabiex titħeġġeġ il-prattika tal-ikklerjar ċentrali;

15.  Ifakkar li għandhom jitqiesu b'mod adegwat l-ispeċifiċitajiet tal-mudelli bankarji Ewropej, is-swieq li joperaw fihom, il-qisien differenti tal-istituzzjonijiet u l-profili tar-riskju differenti kemm fil-valutazzjonijiet tal-impatt u kemm fil-kalibrazzjoni tal-istandards, sabiex titħares id-diversità meħtieġa tas-settur bankarju Ewropew u tiġi rispettata l-proporzjonalità; jistieden lill-Kummissjoni tqis dawn il-prinċipji kollha fid-definizzjoni tal-ambitu tal-implimentazzjoni u fit-traduzzjoni tal-proposti tal-BCBS fid-dritt tal-UE;

16.  Jenfasizza r-rwol ċentrali tas-superviżuri bankarji Ewropej u nazzjonali biex tiġi żgurata l-konverġenza superviżorja fl-UE, filwaqt li jitqies il-prinċipju ta' proporzjonalità u l-adegwatezza tar-regoli għal mudelli bankarji differenti; jenfasizza l-importanza ta' informazzjoni affidabbli u komparabbli dwar is-sitwazzjoni tal-istituzzjonijiet sorveljati sabiex dan ix-xogħol ikun jista' jitwettaq b'mod effikaċi u affidabbli; jenfasizza li għandu jitħares id-dritt għall-użu ta' mudelli interni; jistieden lill-MSU u l-EBA jkomplu x-xogħol superviżorju tagħhom sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni konsistenti ta' mudelli interni u l-kapaċità tagħhom li jirriflettu b'mod adegwat ir-riskji tal-mudelli kummerċjali tal-banek, itejbu l-konverġenza fil-mod kif jiġu indirizzati n-nuqqasijiet tagħhom u jipproponu bidliet fejn meħtieġ;

17.  Ifakkar fl-interazzjoni tar-rekwiżiti prudenzjali għall-banek ma' standards bankarji ewlenin oħrajn, pereżempju l-introduzzjoni tal-istandard TLAC fl-UE u l-armonizzazzjoni tiegħu mar-rekwiżit MREL fil-qafas tal-BRRD, kif ukoll l-applikazzjoni tal-istandard tal-kontabbiltà IFRS 9 fil-futur qrib u l-qafas tal-Unjoni Bankarja; jenfasizza, għalhekk, li d-diskussjoni dwar ir-riformi tar-regolamentazzjoni prudenzjali għandha tqis dawn l-elementi differenti kollha u l-effetti rispettivi u kombinati tagħhom;

18.  Ifakkar li, f'dawn l-aħħar snin, diversi banek ewlenin fl-UE ħallsu dividendi lill-azzjonisti waqt li baqgħu sottokapitalizzati ferm u mingħajr ma naddfu l-karti bilanċjali tagħhom b'mod konsistenti;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti prijorità lill-ħidma fuq "qafas għall-banek iż-żgħar" għall-inqas mudelli bankarji riskjużi, u testendi din il-ħidma għal valutazzjoni tal-fattibbiltà ta' qafas regolatorju prospettiv li jikkonsisti f'regoli prudenzjali inqas kumplessi u aktar xierqa u proporzjonali, adattati speċifikament għal tipi differenti ta' mudelli bankarji;

20.  Jenfasizza l-importanza tar-rwol tal-Kummissjoni, tal-Bank Ċentrali Ewropew u tal-Awtorità Bankarja Ewropea fl-involviment tagħhom fil-ħidma tal-BCBS u l-għoti ta' aġġornamenti trasparenti u komprensivi dwar l-iżviluppi fid-diskussjonijiet tal-BCBS; jappella biex dan ir-rwol jingħata aktar viżibbiltà waqt il-laqgħat tal-ECOFIN u biex tiżdied ir-responsabbiltà fil-konfront tal-Kumitat ECON tal-PE, b'rapporti regolari min-naħa tar-rappreżentanti tal-UE preżenti għad-diskussjonijiet;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni.

(1) http://www.bis.org/bcbs/publ/d344.pdf.
(2) https://www.bis.org/bcbs/publ/d387.htm.
(3) http://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2016/07/12-conclusions-banking-reform/.
(4) Testi adottati, P8_TA(2016)0093.
(5) Testi adottati, P8_TA(2016)0006.
(6) Testi adottati, P8_TA(2016)0108.

Avviż legali - Politika tal-privatezza