Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2067(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0317/2016

Testi mressqa :

A8-0317/2016

Dibattiti :

PV 22/11/2016 - 12
CRE 22/11/2016 - 12

Votazzjonijiet :

PV 23/11/2016 - 10.5
CRE 23/11/2016 - 10.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0440

Testi adottati
PDF 397kWORD 62k
L-Erbgħa, 23 ta' Novembru 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
L-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni
P8_TA(2016)0440A8-0317/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Novembru 2016 dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (abbażi tar-Rapport Annwali tal-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni) (2016/2067(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-implimentazzjoni tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) (abbażi tar-Rapport Annwali tal-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 42(6) u 46 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) dwar l-istabbiliment ta' kooperazzjoni strutturata permanenti,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-politika barranija u ta' sigurtà komuni (RGħ/VP) lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) (13026/2016), b'mod partikolari l-partijiet dwar il-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3 u t-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 21, 36, 42(2), 42(3) u 42(7) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni tal-25 ta' Novembru 2013, tat-18 ta' Novembru 2014, tat-18 ta' Mejju 2015, tas-27 ta' Ġunju 2016 u tas-17 ta' Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 ta' Diċembru 2013 u tas-26 ta' Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-21 ta' Mejju 2015 dwar l-implimentazzjoni tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni(1), u tal-21 ta' Mejju 2015 dwar l-impatt tal-iżviluppi fis-swieq Ewropej tad-difiża dwar is-Sigurtà u l-kapaċitajiet ta' difiża fl-Ewropa(2), tal-11 ta' Ġunju 2015 dwar is-sitwazzjoni militari strateġika fil-Baċir tal-Baħar l-Iswed wara l-annessjoni illegali tal-Krimea mir-Russja(3), tat-13 ta' April 2016 dwar l-UE f'ambjent globali jinbidel - f'dinja dejjem aktar konnessa, kontestata u kumplessa(4), u tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar operazzjonijiet ta' appoġġ għall-paċi - impenn tal-UE man-NU u mal-Unjoni Afrikana(5),

–  wara li kkunsidra d-dokument bit-titolu "Shared Vision, Common Action: A Stronger Europe – A Global Strategy for the European Union's Foreign and Security Policy" (Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni: Ewropa aktar b'saħħitha - Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea), ippreżentat mill-VP/RGħ Federica Mogherini fis-28 ta' Ġunju 2016,

—  wara li kkunsidra lil-pjan ta' implimentazzjoni dwar is-sigurtà u d-difiża ppreżentat mill-VP/RGħ Federica Mogherini fl-14 ta' Novembru 2016 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Novembru 2016 dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija globali tal-UE fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta mir-Rappreżentant Għoli u mill-Kummissjoni tas-6 ta' April 2016 dwar il-ġlieda kontra t-theddid ibridu (JOIN(2016)0018) u l-konklużjonijet relevanti tal-Kunsill tad-19 ta' April 2016,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta mir-Rappreżentant Għoli u mill-Kummissjoni tat-28 ta' April 2015 dwar it-tisħiħ tal-kapaċitajiet b'appoġġ għas-sigurtà u l-iżvilupp (JOIN(2015)0017) u l-proposta tal-Kummissjoni tal-5 ta' Lulju 2016 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 230/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi (COM(2016)0447),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta mir-Rappreżentant Għoli u mill-Kummissjoni tal-5 ta' Lulju 2016 dwar elementi għal qafas strateġiku għall-UE kollha biex tiġi appoġġata r-riforma tas-settur tas-sigurtà (JOIN(2016)0031),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Pjattaforma ta' Missjoni ta' Appoġġ tat-18 ta' April 2016,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummisssjoni tat-28 ta' April 2015 bit-titolu "l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà" (COM(2015)0185),

–  wara li kkunsidra "l-Istrateġija ta' Sigurtà Interna mġedda għall-Unjoni Ewropea" għall-perjodu 2015-2020 u l-konklużjonijiet relatati tal-Kunsill tal-15-16 ta' Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' April 2016 bit-titolu "Azzjoni fuq l-Aġenda Ewropea dwar is-Siġurtà biex jiġi miġġieled it-terroriżmu u titwitta t-triq lejn Unjoni ta' Sigurtà effettiva u ġenwina" (COM(2016)0230),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-11 ta' Diċembru 2013 tal-VP/RGħ u tal-Kummissjoni dwar l-approċċ komprensiv tal-UE rigward il-kunflitti u l-kriżijiet esterni (JOIN(2013)0030), u l-konklużjonijiet relatati tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2014,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2012 dwar iċ-ċibersigurtà u ċ-ċiberdifiża(6), wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta mir-Rappreżentant Għoli u mill-Kummissjoni tas-7 ta' Frar 2013 dwar "L-Istrateġija ta' Ċibersigurtà tal-Unjoni Ewropea: Ċiberspazju Miftuħ, Sikur u Sigur" (JOIN(2013)0001); wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Qafas ta' Politika għaċ-Ċiberdifiża tal-UE tat-18 ta' Novembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Lulju 2016 bit-titolu "Insaħħu r-Reżiljenza tal-UE għaċ-Ċibersigurtà u Nrawmu Industrija taċ-Ċibersigurtà Kompetittiva u Innovattiva" (COM(2016)0410),

–  wara li kkunsidra l-Arranġament Tekniku bejn il-Kapaċità ta' Rispons tan-NATO għal Inċidenti relatati mal-Kompjuters (il-NCIRC) u l-Iskwadra ta' Rispons tal-Unjonji Ewropea għal Emerġenza relatata mal-Kompjuters (CERT-EU), iffirmat fl-10 ta' Frar 2016, li jiffaċilita aktar kondiviżjoni ta' informazzjoni dwar l-inċidenti ċibernetiċi,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-UE u tan-NATO ffirmata fit-8 ta' Lulju 2016 fil-kuntest tas-Summit ta' Varsavja 2016 tan-NATO (dikjarazzjoni konġunta mill-President tal-Kunsill Ewropew, il-President tal-Kummissjoni Ewropea u s-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana),

–  wara li kkunsidra l-Komunikat tas-Summit ta' Varsavja maħruġ mill-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvern li pparteċipaw fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Atlantiku tat-Tramuntana f'Varsavja fit-8-9 ta' Lulju 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżultati tal-Ewrobarometru 85.1 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0317/2016),

Il-kuntest strateġiku

1.  Jinnota li l-ambjent ta' sigurtà tal-UE mar għall-agħar b'mod konsiderevoli, qiegħed isir aktar fluwidu, aktar kumpless, aktar perikoluż u inqas prevedibbli; jinnota li t-theddidiet huma kemm konvenzjonali, kif ukoll ibridi, iġġenerati kemm minn atturi Statali, kif ukoll minn dawk mhux Statali, li ġejjin min-Nofsinhar u mil-Lvant, u li jaffettwaw lill-Istati Membri b'mod differenti;

2.  Ifakkar li s-sigurtà tal-Istati Membri tal-UE hija profondament interkonnessa, u jinnota li dawn jirreaġixxu għat-theddid u r-riskji komuni b'mod frammentat u mhux ikkoordinat, u b'hekk jikkumplikaw, u spiss ixekklu, approċċ aktar komuni; jenfasizza li dan in-nuqqas ta' koordinazzjoni huwa wieħed mill-vulnerabbiltajiet tal-azzjoni tal-Unjoni; Jinnota li l-Ewropa m'għandhiex ir-reżiljenza meħtieġa biex tittratta b'mod effettiv it-theddid ibridu, li spiss għandu dimensjoni transfruntiera;

3.  Iqis li l-Ewropa issa trid tirreaġixxi għal serje ta' kriżijiet dejjem aktar kumplessi: fl-Afrika tal-Punent, fis-Saħel, fil-Qarn tal-Afrika u fil-Lvant Nofsani, fl-Ukraina tal-Lvant u fil-Kawkasu; iqis li l-UE għandha tintensifika d-djalogu u l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi fir-reġjun, kif ukoll ma' organizzazzjonijiet reġjonali u sub-reġjonali; jenfasizza li l-UE għandha tkun lesta tindirizza bidliet strutturali fix-xena tas-sigurtà internazzjonali u sfidi li jinkludu kunflitti interstatali, kollass tal-istati u attakki ċibernetiċi, kif ukoll l-implikazzjonijiet tas-sigurtà tal-bidla fil-klima;

4.  Jinnota bi tħassib li t-terroriżmu li qed isir minn organizzazzjonijiet Iżlamiċi radikali u minn individwi qiegħed ipoġġi lill-Ewropa fil-mira fuq skala mingħajr preċedent, li jqiegħed l-istil ta' ħajja Ewropew taħt pressjoni; jenfasizza li, konsegwentement, is-sigurtà tal-individwu issa saret prijorità, li tnaqqas id-distinzjoni tradizzjonali bejn id-dimensjonijiet esterni u interni tagħha;

5.  Jistieden lill-UE tadatta għal dawn l-isfidi għas-sigurtà, b'mod partikolari bl-użu aktar effiċjenti tal-għodod eżistenti tal-PSDK, b'koerenza ma' strumenti esterni u interni oħra; jitlob għal koperazzjoni u koordinazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri, speċjalment fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu;

6.  Jitlob li jkun hemm politika komprensiva ta' prevenzjoni bbażata fuq programmi ta' deradikalizzazzjoni; jinnota l-ħtieġa fundamentali li nkunu aktar attivi fil-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u l-propaganda terroristika, kemm fi ħdan l-UE kif ukoll fir-relazzjonijiet esterni tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni biex tiġi indirizzata d-distribuzzjoni tal-kontenut online ta' natura estremista u tippromwovi kooperazzjoni ġudizzjarja aktar attiva bejn is-sistemi tal-ġustizzja kriminali, inkluż il-Eurojust, fil-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u t-terroriżmu fl-Istati Membri kollha;

7.  Jinnota li għall-ewwel darba mit-Tieni Gwerra Dinjija 'l hawn il-fruntieri fl-Ewropa ġew mibdula bil-forza; jenfasizza l-impatt detrimentali ta' okkupazzjoni militari fuq is-sigurtà tal-Ewropa kollha kemm hi; itenni li kwalunkwe bidla tal-fruntieri fl-Ukrajna li ssir bil-forza mhijiex konsistenti mal-prinċipji tal-Att Finali ta' Ħelsinki u l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti;

8.  Jenfasizza li skont l-Ewrobarometru 85.1, ippubblikat f'Ġunju 2016, madwar żewġ terzi taċ-ċittadini tal-UE jixtiequ li jkun hemm impenn akbar tal-UE fil-qasam tal-politika ta' sigurtà u difiża;

9.  Huwa tal-fehma li politika estera u ta' sigurtà Ewropea aktar unifikata u, għalhekk aktar effettiva, fil- tista' tagħti kontribut deċiżiv biex titnaqqas l-intensità tal-ġlied armat fl-Iraq u s-Sirja, u biex jiġi eliminat lil awtoproklamat l-Istat Iżlamiku;

Verżjoni riveduta u aktar b'saħħitha tal-PSDK

10.  Huwa konvint b'ċertezza li, b'riżultat ta' dan, reviżjoni bir-reqqa u sostanzjali tal-PSDK hija meħtieġa sabiex tippermetti lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jikkontribwixxu b'mod deċiżiv għas-sigurtà tal-Unjoni, għall-ġestjoni ta' kriżijiet internazzjonali, u sabiex tafferma l-awtonomija strateġika tal-UE; ifakkar li l-ebda pajjiż ma jista' jiffaċċja waħdu l-isfidi attwali tas-sigurtà;

11.  Jemmen li reviżjoni b'suċċess tal-PSDK ser ikollha tintegra bis-sħiħ lill-Istati Membri tal-UE fil-proċess mill-bidu nett sabiex jiġi evitat ir-riskju ta' staġnar fil-futur; jenfasizza l-benefiċċji prattiċi u finanzjarji ta' aktar kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' difiża Ewropej, u jinnota l-inizjattivi attwali, li għandhom jiġu segwiti bi proposti konkreti fil-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2016 dwar id-Difiża; jistieden ukoll lill-Istati Membri u lill-UE biex jinvestu b'mod xieraq fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża;

12.  Jenfasizza li stabbiliment ta' struttura ta' kooperazzjoni permanenti (l-Artikolu 42(6) tat-TUE) se tagħmilha possibbli li tiġi żviluppata struttura għall-awtodifiża jew struttura permanenti għall-awtodifiża li tista' ssaħħaħ l-operazzjonijiet ta' ġestjoni tal-kriżijiet;

13.  Jenfasizza li, minħabba li l-Ewropa m'għadhiex f'kontroll sħiħ tas-sigurtà ambjentali tagħha, l-għażla taż-żmien u l-post ta' azzjoni, l-UE, permezz ta' missjonijiet u operazzjonijiet tal-PSDK, kif ukoll strumenti rilevanti oħra, għandha tkun kapaċi tintervjeni tul l-ispettru sħiħ tal-ġestjoni tal-kriżijiet, inkluż il-prevenzjoni tal-kriżijiet u r-riżoluzzjoni tal-kriżijiet, u b'hekk tinkludi l-istadji kollha taċ-ċiklu ta' kunflitt, kif ukoll li tipparteċipa bi sħiħ biex l-Ewropa tinżamm sikura u tiġi żgurata s-sigurtà u tad-difiża komuni taż-żona kollha ta' libertà, sigurtà u ġustizzja; iħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew biex tibda tiżviluppa politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni lejn difiża komuni kif stipulat fl-Artikolu 42(2) tat-TUE; huwa tal-fehma li waħda mill-għanijiet importanti tal-PSDK għandu jkun li tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-UE;

14.  Jilqa' l-pjan direzzjonali dwar il-PSDK ippreżentat mill-VP/RGħ bi skeda ta' żmien konkreta u passi; jilqa' l-fatt li dan il-pjan direzzjonali jikkumplimenta il-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għad-Difiża futur; jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ il-komponent militari tal-PSDK; jappoġġa bil-qawwa li l-Istati Membri jikkoordinaw l-investiment fis-sigurtà u d-difiża, kif ukoll jiżdied l-appoġġ finanzjarju għar-riċerka dwar id-difiża fil-livell tal-UE;

15.  Jenfasizza, bl-istess mod, li l-PSDK għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta' difiża kollettiva u l-finanzjament effiċjenti u li għandha tiġi implimentata f'koordinazzjoni ma' istituzzjonijiet internazzjonali fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża, u b'komplementarjetà sħiħa man-NATO; iqis li l-UE għandha tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jilħqu l-miri ta' kapaċità tan-NATO, li jirrikjedu livell minimu ta' nfiq għad-difiża ta' 2 % tal-PDG, kif affermat mill-ġdid fis-Summits ta' Wales u ta' Varsavja;

16.  Ifakkar li l-kunflitti u l-kriżijiet fl-Ewropa u fil-madwar qed iseħħu kemm fl-ispazju fiżiku kif ukoll dak ċibernetiku, u jenfasizza li ċ-ċibersigurtà u ċ-ċiberdifiża għalhekk għandhom jiġu integrati bħala l-elementi ewlenin tal-PSDK u integrati b'mod sħiħ fil-politiki interni u esterni tal-UE;

17.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-preżentazzjoni min-naħa tal-VP/RGħ ta' Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea (EUGS) bħala neċessarja u żvilupp pożittiv f'qafas istituzzjonali li fih se joperaw u jiżviluppaw il-PESK u s-PSDK; jiddispjaċih mill-involviment baxx tal-Istati Membri fit-tħejjija tal-EUGS;

18.  Jenfasizza li l-impenn qawwi, is-sjieda u l-appoġġ min-naħa tal-Istati Membri u tal-parlamenti nazzjonali, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-korpi rilevanti kollha tal-UE, huma meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni rapida u effettiva tal-politika tal-EUGS fil-livell ta' ambizzjoni, prijoritajiet u approċċ komprensiv fil-forma ta' Ktieb Abjad tal-UE dwar is-Sigurtà u d-Difiża ppreċedut mill-Pjan ta' Implimentazzjoni għas-Sigurtà u d-Difiża; jenfasizza r-rabta mill-qrib bejn il-Pjan ta' Implimentazzjoni u l-implimentazzjoni usa' tal-EUGS, bil-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għad-Difiża futur tal-Kummissjoni u l-implimentazzjoni ta' Dikjarazzjoni Konġunta ffirmata f'Varsavja bejn l-UE u n-NATO; jilqa' b'sodisfazzjon il-ħidma attwali tal-VP/RGħ u tal-Istati Membri fil-proċess ta' implimentazzjoni; jenfasizza l-fatt li jridu jiġu allokati riżorsi xierqa għall-implimentazzjoni tal-EUGS u għal PSDK aktar robusta u effettiva;

19.  Iqis l-iżvilupp ta' strateġija settorjali bħala segwitu għall-EUGS, li għandu jiġu miftiehem u ppreżentat mill-Kunsill Ewropew, li għandu jispeċifika ulterjorment il-livell ta' ambizzjoni ċivili u militari, il-kompiti, il-ħtiġijiet u l-prijoritajiet tal-kapaċità; itenni l-appelli preċedenti tiegħu għall-iżvilupp ta' Ktieb Abjad tal-UE dwar is-Sigurtà Ewropea u jħeġġeġ lill-Kunsill biex jipprepara dan id-dokument mingħajr dewmien; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-pjan ta' implimentazzjoni propost dwar is-sigurtà u d-difiża ma laħqitx l-aspettattivi parlamentari u dawk tal-pubbliku; itenni l-indiviżibilità tas-sigurtà tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea;

20.  Jinnota l-Patt dwar is-Sigurtà Ewropea, propost mill-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Ġermanja u ta' Franza, u jappoġġa inter alia l-idea ta' analiżi komuni tal-ambjent strateġiku Ewropew, li l-valutazzjoni tat-theddid issir attività komuni perjodika, u b'hekk jinkiseb rispett reċiproku għat-tħassib ta' xulxin u l-appoġġ għal kapaċitajiet u azzjoni komuni; jilqa' wkoll l-inizjattivi reċenti tal-Istati Membri l-oħra dwar l-iżvilupp tal-PSDK; jinnota b'dispjaċir, madankollu, in-nuqqas ta' awtovalutazzjoni tal-inattività tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-impenji Ewropej preċedenti fil-qasam tad-difiża;

21.  Josserva li, għal dan l-għan, il-kooperazzjoni ma' attivitajiet simili tan-NATO hija meħtieġa; jenfasizza li impenn serju, u skambji ulterjuri u aktar effiċjenti ta' intelligence u ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri huma indispensabbli;

22.  Jinnota li, peress li s-sigurtà interna u esterna qed isiru dejjem aktar integrati u li d-distinzjoni bejn spazji fiżiċi u dawk ċibernetiċi qed isiru dejjem aktar diffiċli biex tiddefinixxi, l-integrazzjoni tal-inventarji rispettivi tagħhom qed issir meħtieġ, li tagħti s-setgħa lill-UE li taġixxi tul l-ispettru sħiħ ta' strumenti, sal-livell tal-Artikolu 42(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

Il-PSDK u l-approċċ integrat għall-kriżijiet

23.  Jenfasizza l-importanza tal-ħolqien ta' kwartieri ġenerali permanenti tal-UE għal missjonijiet u operazzjonijiet ċivili u militari tal-PSDK, minn fejn il-persunal operattiv integrat ikun jista' jappoġġa ċ-ċiklu kollu tal-ippjanar, mill-ewwel kunċett politiku sal-pjanijiet dettaljati; jenfasizza li dan mhux ser ikun replika ta' strutturi tan-NATO, iżda minflok jikkostitwixxi arranġament istituzzjonali meħtieġ biex jissaħħu l-kapaċitajiet għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-ippjanar u tat-twettiq tal-kapaċitajiet tal-PSDK;

24.  Jenfasizza l-kontribut tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK, inklużi l-assistenza fil-fruntieri, il-bini tal-kapaċità, it-taħriġ militari tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet navali, għall-paċi u l-istabbiltà internazzjonali;

25.  Jiddispjaċih li l-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK komplew jitħarbtu minn nuqqasijiet strutturali, li jipperikolaw l-effiċjenza tagħhom; iqis li dawn għandhom ikunu għodod ġenwini u li jistgħu jiġu integrata aħjar fl-EUGS;

26.  Jinnota, f'dan ir-rigward, il-livell ta' ambizzjoni politika stabbilita mill-EUGS favur approċċ komprensiv għall-kunflitti u l-kriżijiet li jikkonċernaw il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fl-istadji kollha taċ-ċiklu ta' kunflitt permezz tal-prevenzjoni, tar-riżoluzzjoni u tal-istabilizzazzjoni, kif ukoll tal-impenn biex jiġi evitat diżimpenn prematur; iqis li l-UE għandha tappoġġa b'mod koerenti l-Istati Membri involuti fil-koalizzjoni kontra dawk li jsejħu lilhom infushom l-Istat Iżlamiku permezz tat-twaqqif ta' operazzjoni tal-PSDK, b'fokus fuq taħriġ, fl-Iraq;

27.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-idea ta' missjonijiet tal-PSDK "reġjonalizzati" preżenti fis-Saħel, b'mod partikolari minħabba li jikkorrispondu għar-rieda ta' pajjiżi fis-subreġjun li tiżdied il-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà permezz pjattaforma? tal-G5 tas-Saħel; huwa konvint li dan jista' jirrappreżenta opportunità biex tissaħħaħ l-effiċjenza u r-rilevanza tal-missjonijiet tal-PSDK (EUCAP Sahel Mali u EUCAP Sahel Niger) preżenti fil-post; jemmen bil-qawwa li dan il-kunċett ta' "reġjonalizzazzjoni" għandu jiddependi fuq għarfien fil-post, objettivi definiti u l-mezzi biex dawn jintlaħqu, u m'għandhomx ikunu definiti biss mill-impetu ta' konsiderazzjonijiet politiċi;

28.  Jenfasizza li d-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar il-missjonijiet u l-operazzjonijiet futuri għandhom jipprijoritizzaw l-impenn tal-UE f'kunflitti li jaffettwaw direttament is-sigurtà tal-UE jew ta' sħab u reġjuni fejn l-UE għandha r-rwol li tipprovdi s-sigurtà; iqis li d-deċiżjoni biex isir impenn għandu jkun imsejjes fuq analiżi komuni u fehim tal-ambjent strateġiku u fuq l-interessi strateġiċi komuni tal-Istati Membri, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu l-azzjonijiet ta' alleati oħra u organizzazzjonijiet bħan-NU u n-NATO; iqis li missjonijiet għall-bini tal-kapaċità tal-PSDK għandhom jiġu kkoordinati max-xogħol li jsir mill-Kummissjoni fuq is-settur tas-sigurtà u l-istat tad-dritt;

29.  Jinnota l-proposta tal-Kummissjoni biex jiġi emendat ir-Regolament (UE) Nru 230/2014 (li jistabbilixxi strument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi) sabiex l-assistenza tal-Unjoni tiġi estiża għal atturi militari f'pajjiżi sħab, u jqis li dan il-kontribut huwa indispensabbli għar-reżiljenza tagħhom, u b'hekk titnaqqas il-possibilità li, għal darb'oħra, isiru objettivi ta' kunflitt u żoni ta' kenn għal attivitajiet ostili kontra l-UE; jenfasizza li dan għandu jsir f'ċirkostanzi eċċezzjonali, kif deskritt fl-Artikolu 3a tal-proposta msemmija hawn fuq li temenda r-Regolament (UE) Nru 230/2014, sabiex jingħata kontribut għall-iżvilupp sostenibbli, il-governanza tajba u l-istat tad-dritt; f'dan il-kuntest, iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Kummissjoni biex iħaffu l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva CBSD biex jitjiebu l-effikaċja u s-sostenibbiltà tal-missjonijiet tal-PSDK;

30.  Jenfasizza l-ħtieġa wkoll li jiġu identifikati strumenti finanzjarji oħra biex tissaħħaħ il-bini tal-kapaċità tal-isħab fil-qasam tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża; jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni biex jiżguraw koerenza u koordinazzjoni sħiħa sabiex jinkisbu l-aħjar riżultati u tiġi evitata d-duplikazzjoni fil-post;

31.  Jinnota, f'dan ir-rigward, li l-kompiti ta' Petersberg għandhom jiġu riveduti u l-gruppi tattiċi militari għandhom isiru strument militari aktar impjegabbli permezz tal-modularità u ta' finanzjament aktar funzjonali; jinnota li n-nuqqas ta' attitudni kostruttiva fost l-Istati Membri tkompli sservi bħala xkiel politiku u operattiv għall-iskjerament ta' gruppi tattiċi; iħeġġeġ lill-Kunsill jibda t-twaqqif ta' fond ta' tnedija (previst mill-Artikolu 41(3) tat-TUE) bil-għan li jiġu ffinanzjati b'mod urġenti l-fażijiet inizjali tal-operazzjonijiet militari;

32.  Jappella għal aktar flessibbiltà fir-regoli finanzjarji tal-UE, biex jappoġġaw il-kapaċità tagħha biex tirreaġixxi għall-kriżijiet, u għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta' Lisbona eżistenti; jitlob li ssir reviżjoni tal-mekkaniżmu Athena sabiex jiġi estiż il-kamp ta' applikazzjoni tiegħu għall-ispejjeż kollha relatati, primarjament, mal-operazzjonijiet ta' reazzjoni rapida u l-użu tal-gruppi tattiċi tal-UE, u mbagħad l-operazzjonijiet militari kollha;

Kollaborazzjoni man-NATO u sħab oħra

33.  Ifakkar li n-NATO u l-UE jikkondividu l-istess interessi strateġiċi u jaffaċċaw l-istess sfidi fil-Lvant u fin-Nofsinhar; jinnota l-importanza tal-klawżola ta' difiża reċiproka, l-Artikolu 42(7), għall-Istati Membri tal-UE, kemm jekk huma membri tan-NATO jew le; jinnota li l-UE għandha tkun tista' tipproteġi l-membri tagħha stess, kemm jekk huma membri tan-NATO jew le, fl-istess livell permezz tal-mezzi tagħha stess; jinnota l-objettiv tal-EUSG li jkun hemm livell xieraq ta' awtonomija strateġika fl-UE u jenfasizza li ż-żewġ organizzazzjonijiet għandhom ikunu komplementari fil-mezzi tagħhom; iqis li l-"awtonomija strateġika" tal-UE għandha ssaħħaħ il-kapaċità tal-Ewropa għall-promozzjoni tas-sigurtà fi ħdan u lil hinn mill-fruntieri tagħha, kif ukoll issaħħaħ is-sħubija man-NATO u r-relazzjonijiet transatlantiċi;

34.  Iqis li s-sisien għall-kooperazzjoni qariba u effettiva bejn l-UE u n-NATO huma pprovduti mill-komplementarjetà tal-missjonijiet tagħhom u, konsegwentement, mill-inventarji tagħhom tal-istrumenti; jenfasizza li r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet għandhom jibqgħu kooperattivi u mhux kompetittivi; iqis li l-UE għandha tħeġġeġ lill-Istati Membri jilħqu l-miri ta' kapaċità tan-NATO, li jirrikjedu livell minimu ta' nfiq għad-difiża ta' 2 % tal-PDG;

35.  Jenfasizza li n-NATO hija mgħammra bl-aħjar mod għal finijiet ta' dissważjoni u difiża, u hija lesta biex timplimenta d-difiża kollettiva (Artikolu V tat-Trattat ta' Washington) fil-każ ta' aggressjoni kontra wieħed mill-membri tagħha, filwaqt li l-PSDK għandha tiffoka, bħalma hi llum, fuq iż-żamma tal-paċi, il-prevenzjoni tal-kunflitti u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali (Artikolu 42 tat-TUE) u li l-UE għandha mezzi addizzjonali biex jittrattaw l-isfidi għas-sigurtà interna tal-Istati Membri, inkluż is-sovverżjoni, li mhumiex koperti mill-Artikolu V; itenni li l-"klawżola ta' solidarjetà" fl-Artikolu 222 tat-TFUE għandu l-għan li jiżgura protezzjoni tal-istituzzjonijiet demokratiċi u l-popolazzjoni ċivili f'każ ta' attakk terroristiku;

36.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-dikjarazzjoni konġunta ffirmata bejn l-UE u n-NATO f'Varsavja u jappoġġa bis-sħiħ kollaborazzjoni fl-oqsma msemmija fih; jinnota li d-dikjarazzjoni tiddeskrivi l-prattiki informali stabbiliti sew minflok il-koperazzjoni bejn l-UE u n-NATO tinġieb għal livell ġdid; jenfasizza l-ħtieġa partikolari li tiġi approfondita u kkumplentata ulterjorment il-kooperazzjoni fil-bini tal-kapaċità fir-rigward tat-theddid ibridu, dak ċibernetiku u r-riċerka; jilqa' l-għan iddikjarat tal-Pjan Direzzjonali ta' Bratislava biex id-Dikjarazzjoni Konġunta tibda tiġi implimentata immedjatament;

37.  Jappoġġa bis-sħiħ aktar tisħiħ tal-kooperazzjoni dwar is-sigurtà u d-difiża ma' sħab istituzzjonali oħra, inkluż in-NU, l-Unjoni Afrikana u l-OSKE, kif ukoll is-sħab bilaterali strateġiċi, b'mod partikolari l-Istati Uniti, f'oqsma bħat-theddid ibridu, is-sigurtà marittima, ir-reazzjoni rapida, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u s-sigurtà ċibernetika;

Kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tad-difiża

38.  Iqis li l-iżvilupp ta' industrija tad-difiża aktar b'saħħitha ssaħħaħ l-indipendenza teknoloġika u l-awtonomija strateġika tal-UE; huwa konvint li t-titjib tal-istatus tal-UE bħala fornitur tas-sigurtà fil-viċinat tal-Ewropa jeħtieġ kapaċitajiet suffiċjenti u industrija tad-difiża kompetittiva, effiċjenti u trasparenti li tiżgura katina ta' provvista sostenibbli; jinnota li s-settur tad-difiża Ewropew huwa kkaratterizzat minn frammentazzjoni u duplikazzjoni, li jeħtieġ li jiġu eliminati gradwalment permezz ta' proċess ta' proviżjoni ta' inċentivi u premjijiet għall-komponenti nazzjonali kollha, filwaqt li titqies il-perspettiva fit-tul tas-suq tad-difiża integrata;

39.  Jiddispjaċih li l-Qafas ta' Politika għall-Kooperazzjoni Sistematika u fit-tul fil-Qasam tad-Difiża għadu ma ġiex implimentat mill-Istati Membri bl-impenn meħtieġ u li l-inizjattiva ta' akkomunament u kondiviżjoni għadha ma wasslitx għal riżultati tanġibbli; jitlob li l-Kunsill jintroduċi dibattiti regolari kull sentejn dwar id-difiża u jipprovdi gwida strateġika u impetu politiku għall-PSDK u għall-kooperazzjoni tad-difiża Ewropea;

40.  Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ ulterjorment il-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża ċibernetika u li tiġi żgurata ċ-ċiberreżiljenza tal-missjonijiet tal-PSDK; iħeġġeġ lill-Kunsill jinkorpora d-difiża ċibernetika bħala parti integrali tad-dibattiti tiegħu dwar id-difiża; jemmen li hemm bżonn ta' strateġiji nazzjonali fil-qasam taċ-ċiberdifiża; jitlob lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-miżuri għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet ċibernetiċi taħt ir-responsabbiltà tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) u biex jużaw iċ-Ċentru ta' Eċċellenza fil-qasam taċ-Ċiberdifiża Kooperattiva (CCDCOE) tan-NATO;

41.  Jinnota li l-Istati Membri kollha għandhom diffikultà biex iżommu firxa wiesgħa ħafna ta' kapaċitajiet difensivi kompletament operazzjonali, l-aktar minħabba diffikultajiet finanzjarji; jitlob, għaldaqstant, għal iżjed koordinazzjoni u għażliet aktar ċari dwar liema kapaċitajiet għandhom jinżammu, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jispeċjalizzaw f'ċerti kapaċitajiet;

42.  Jemmen li l-interoperabbiltà hija kruċjali biex il-forzi tal-Istati Membri jkunu aktar kompatibbli u integrati; jenfasizza, għalhekk, li l-Istati Membri għandhom jesploraw il-possibilità ta' akkwist konġunt tar-riżorsi tad-difiża; jinnota li n-natura protezzjonista u magħluqa tas-swieq tad-difiża tal-UE tagħmilha aktar diffiċli biex dan isir;

43.  Ifakkar li bażi industrijali u teknoloġika b'saħħitha tad-difiża Ewropea, li tinkludi faċilitajiet għall-SMEs, hija sies fundamentali tal-PSDK u prerekwiżit għal suq komuni, li se tippermettu lill-UE tibni l-awtonomija strateġika tagħha;

44.  Jinnota b'dispjaċir li l-Istati Membri japplikaw id-Direttiva 2009/81/KE dwar l-akkwist fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, id-Direttiva 2009/43/KE dwar it-trasferimenti ta' prodotti relatati mad-difiża intra-Unjoni Ewropea f'livelli totalment differenti; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tapplika n-nota ta' gwida dwar l-Artikolu 346, u tassumi r-rwol tagħha bħala l-gwardjan tat-Trattati billi tibda timplimenta proċeduri ta' ksur meta jinkisru d-Direttivi; jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-isforzi multinazzjonali fuq in-naħa tad-domanda tal-akkwist militari, u fuq l-industriji Ewropej fuq in-naħa tal-fornitur sabiex isaħħu l-pożizzjonijiet tas-swieq globali permezz ta' koordinazzjoni aħjar u l-konsolidazzjoni industrijali;

45.  Jitħasseb bid-deklin kostanti favur il-finanzjament ta' riċerka fl-Istati Membri kollha, li qed tpoġġi f'riskju l-bażi industrijali u teknoloġika u, konsegwentement, l-awtonomija strateġika tal-Ewropa; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu l-armati tagħhom b'tagħmir manifatturat mill-industrija Ewropea tad-difiża, minflok mill-kompetituri industrijali tagħhom;

46.  Huwa konvint li t-tisħiħ tar-rwol tal-EDA fil-koordinazzjoni bbażata fuq il-kapaċità ta' programmi, proġetti u attivitajiet, jibbenefika PSDK effiċjenti; iqis li l-EDA għandha tiġi sostnuta fit-twettiq tal-għanijiet tagħha bis-sħiħ, inkluż b'mod partikolari l-prijoritajiet li ġejjin u r-rwoli fil-kuntest ta' Pjan ta' Azzjoni Ewropew għad-Difiża (EDAP) u r-Riċerka tad-Difiża Ewropea (EDRP); jistieden, għaldaqstant, lill-Istati Membri jirrevedu l-organizzazzjoni, il-proċeduri u l-attivitajiet tal-Aġenzija, u jiftħu aktar possibbiltajiet għal kooperazzjoni u integrazzjoni ulterjuri; jistieden lill-Istati Membri jagħtu gwida lill-EDA dwar il-koordinamentta' reviżjoni tal-Pjan ta' Żvilupp tal-Kapaċitajiet, skont l-istrateġija tal-EUGS u dik settorjali;

47.  Jenfasizza li ċ-ċibersigurtà hija, min-natura tagħha, qasam ta' politika fejn il-kooperazzjoni u l-integrazzjoni huma kruċjali, mhux biss bejn l-Istati Membri tal-UE, mas-sħab ewlenin u n-NATO, iżda wkoll bejn l-atturi differenti fis-soċjetà, peress li din mhijiex esklussivament responsabbiltà militari; jitlob linji gwida aktar ċari dwar kif il-kapaċitajiet difensivi u offensivi tal-UE għandhom jintużaw u f'liema kuntest; ifakkar li l-Parlament Ewropew talab ripetutament għal reviżjoni mill-qiegħ tar-Regolament tal-UE dwar l-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju sabiex jiġi evitat softwer u sistemi oħrajn li jistgħu jintużaw kontra l-infrastruttura diġitali tal-UE jew biex jiksru d-drittijiet tal-bniedem milli jaqgħu f'idejn ħżiena; jitlob lill-UE tiddefendi fil-fora internazzjonali, inklużi, iżda mhux limitati għal, il-forums tal-governanza tal-internet, il-prinċipju li l-infrastruttura ewlenija tal-internet għandha tkun żona newtrali fejn il-gvernijiet, li jsegwu l-interessi nazzjonali tagħhom, huma pprojbiti milli jindaħlu;

48.  Jappoġġa lill-Kummissjoni għall-inizjattivi relatati mad-difiża bħalma huma l-Pjan ta' Azzjoni għad-Difiża u l-Politika Industrijali tad-Difiża, li għandhom jibdew wara l-preżentazzjoni ta' Ktieb Abjad tal-UE dwar is-Sigurtà u d-Difiża; jappoġġa l-involviment ulterjuri tal-Kummissjoni għad-difiża, permezz tar-riċerka, l-ippjanar u l-implimentazzjoni ffokati sew u estensivi; jilqa' l-Azzjoni Preparatorja għar-riċerka relatata mal-PSDK u jitlob għal finanzjament adegwat għall-bqija tal-qafas finanzjarju pluriennali attwali (QFP); jappoġġa l-iżvilupp ta' Programm ta' Riċerka tad-Difiża tal-UE fil-QFP li jmiss (2021-2027);

49.  Iqis li Programm ta' Riċerka tad-Difiża futur tal-UE għandu jiffinanzja proġetti ta' riċerka minn oqsma ta' prijorità li għandu jintlaħaq qbil fuqhom mill-Istati Membri u li l-Fond Ewropew tad-difiża jistgħu jappoġġaw il-finanzjament ta' kapaċitajiet miftehma b'mod konġunt bejn l-Istati Membri u b'valur miżjud tal-UE;

50.  Jitlob li l-liġi Ewropea tiġi riformata biex tippermetti lill-industriji Ewropej tad-difiża li jibbenefikaw mill-istess għajnuniet statali bħal dawk li jgawdu minnhom industriji tal-Istati Uniti;

o
o   o

51.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO, lill-President tal-Assemblea Parlamentari tan-NATO, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, il-President fil-kariga tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), lill-President tal-Assemblea Parlamentari tal-OSKE.

(1) ĠU C 353, 27.9.2016, p. 59.
(2) ĠU C 353, 27.9.2016, p. 74.
(3) ĠU C 407, 4.11.2016, p. 74.
(4) Testi adottati, P8_TA(2016)0120.
(5) Testi adottati, P8_TA(2016)0249.
(6) ĠU C 419, 16.12.2015, p. 145.

Avviż legali