Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2952(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1230/2016

Testi mressqa :

B8-1230/2016

Dibattiti :

PV 22/11/2016 - 18
CRE 22/11/2016 - 18

Votazzjonijiet :

Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0442

Testi adottati
PDF 455kWORD 57k
L-Erbgħa, 23 ta' Novembru 2016 - Strasburgu
Il-lingwa tas-sinjali u l-interpreti professjonali tal-lingwa tas-sinjali
P8_TA(2016)0442B8-1230/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Novembru 2016 dwar il-lingwa tas-sinjali u l-interpreti professjonali tal-lingwa tas-sinjali (2016/2952(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 5, 9, 10, 19, 168 u 216(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Artikoli 2 u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-17 ta' Ġunju 1988 dwar il-lingwi tas-sinjali għal persuni neqsin mis-smigħ(1), u tat-18 ta' Novembru 1998 dwar il-lingwi tas-sinjali(2),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (is-CRPD) tan-Nazzjonijiet Uniti u d-dħul fis-seħħ tagħha fl-UE fil-21 ta' Jannar 2011 skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE tas-26 ta' Novembru 2009 dwar il-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2016 dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, b'riferiment partikolari għall-Osservazzjonijiet Konklużivi tal-Kumitat tan-NU dwar is-CRPD(4),

–  wara li kkunsidra l-Kumment Ġenerali Nru 4 (2016) tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabbiltà dwar id-dritt għal edukazzjoni inklużiva(5),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol ("id-Direttiva")(6),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar il-programm Erasmus+ u strumenti oħra sabiex titrawwem il-mobilità fl-ETV - approċċ ta' tagħlim tul il-ħajja(8),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' politika tal-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ dwar l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni(9),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-2 ta' Diċembru 2015, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri fir-rigward tar-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (COM(2015)0615),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' Diċembru 2012 dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi tal-entitajiet tas-settur pubbliku (COM(2012)0721),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali(10),

–  wara li kkunsidra l-Eżiti tat-Tagħlim u l-Linji Gwida tal-Valutazzjoni tal-Forum Ewropew tal-Interpreti tal-Lingwa tas-Sinjali (efsli) għall-opportunitajiet indaqs ta' taħriġ għal interpreti tal-lingwa tas-sinjali u servizzi ta' kwalità għal ċittadini neqsin mis-smigħ madwar l-Unjoni kollha(11),

–  wara li kkunsidra l-linji gwida efsli/EUD għall-interpreti tal-lingwa tas-sinjali għal laqgħat fuq livell internazzjonali/Ewropew(12),

–  wara li kkunsidra l-linji gwida AIIC għall-interpreti tal-lingwa mitkellma li jaħdmu f'timijiet imħallta(13),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-efsli dwar id-drittijiet għal servizzi ta' interpretazzjoni bil-lingwa tas-sinjali waqt studju jew xogħol f'pajjiż barrani(14),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, bħala ċittadini sħaħ, il-persuni kollha b'diżabilità, b'mod partikulari n-nisa u t-tfal, inklużi l-persuni neqsin mis-smigħ u b'diffikultajiet ta' smigħ, inklużi dawk li jużaw il-lingwa tas-sinjali u dawk li ma jużawhiex, għandhom drittijiet ugwali u huma intitolati għal dinjità indiskutibbli, trattament ugwali, għajxien indipendenti, awtonomija u parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà;

B.  billi t-TFUE jobbliga lill-Unjoni tiġġieled kull diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabilità meta tiddefinixxi u timplimenta l-politiki u l-attivitajiet tagħha (l-Artikolu 10) u jagħtiha s-setgħa li tadotta leġiżlazzjoni li tindirizza tali diskriminazzjoni (l-Artikolu 19);

C.  billi l-Artikoli 21 u 26 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprojbixxu b'mod espliċitu d-diskriminazzjoni abbażi tad-diżabilità u jipprevedu l-parteċipazzjoni ugwali tal-persuni b'diżabilità fis-soċjetà;

D.  billi hemm madwar miljun utent nieqes mis-smigħ tal-lingwa tas-sinjali fl-UE(15) u 51 miljun ċittadin b'diffikultajiet ta' smigħ(16), li ħafna minnhom huma wkoll persuni li jużaw il-lingwa tas-sinjali;

E.  billi l-lingwi tas-sinjali nazzjonali u reġjonali huma lingwi naturali kompluti bil-grammatika u s-sintassi tagħhom ugwali għal lingwi mitkellma(17);

F.  billi l-politika ta' multilingwiżmu tal-UE tippromwovi t-tagħlim ta' lingwi barranin u billi wieħed mill-għanijiet tagħha hu li kull Ewropew ikun jaf jitkellem b'żewġ lingwi oħra minbarra l-lingwa omm tiegħu; billi t-tagħlim u l-promozzjoni tal-lingwi tas-sinjali nazzjonali u reġjonali jistgħu jappoġġjaw dan l-objettiv;

G.  billi l-aċċessibbiltà hija prerekwiżit sabiex il-persuni b'diżabilitajiet ikunu jistgħu jgħixu indipendentement u jipparteċipaw bis-sħiħ u b'mod ugwali fis-soċjetà(18);

H.  billi l-aċċessibbiltà mhijiex limitata biss għall-aċċessibilità fiżika tal-ambjent iżda testendi għall-aċċessibilità ta' informazzjoni u komunikazzjoni, inkluż fil-forma ta' forniment tal-kontenut fil-lingwa tas-sinjali(19);

I.  billi l-interpreti professjonali tal-lingwa tas-sinjali huma ugwali għall-interpreti tal-lingwa mitkellma f'termini ta' kompiti u funzjonijiet;

J.  billi s-sitwazzjoni tal-interpreti tal-lingwa tas-sinjali hija eteroġenja fost l-Istati Membri, u tvarja minn appoġġ informali għall-familja sa interpreti professjonisti b'formazzjoni universitarja u kompletament ikkwalifikati;

K.  billi hemm nuqqas ta' interpreti ikkwalifikati u professjonali tal-lingwa tas-sinjali fl-Istati Membri kollha u billi l-proporzjon ta' dawk li jużaw il-lingwa tas-sinjali u l-interpreti tal-lingwa tas-sinjali jvarja bejn 8:1 u 2 500:1, b'medja ta' 160:1(20);

L.  billi tressqet petizzjoni(21) quddiem il-Parlament li talbitu jippermetti li jiġu ppreżentati petizzjonijiet bil-lingwi tas-sinjali nazzjonali u reġjonali tal-UE;

M.  billi d-Dikjarazzjoni ta' Brussell dwar il-Lingwi tas-Sinjali fl-Unjoni Ewropea(22) tippromwovi approċċ nondiskriminatorju għall-użu ta' lingwa tas-sinjali naturali, kif meħtieġ skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, li ġiet ratifikata mill-UE u l-Istati Membri kollha tal-UE minbarra wieħed;

N.  billi l-livell u l-kwalità ta' sottotitoli fuq it-televiżjoni pubblika u privata tvarja b'mod konsiderevoli fost l-Istati Membri, li tvarja minn anqas minn 10 % sa kważi 100 %, u bi standards ta' kwalità li jvarjaw ħafna(23); billi hemm nuqqas ta' dejta fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri fir-rigward tal-livell ta' interpretazzjoni tal-lingwa tas-sinjali fuq it-televiżjoni;

O.  billi l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda tal-lingwa jistgħu jkunu ta' benefiċċju għal dawk li jużaw il-lingwa tas-sinjali;

P.  billi, skont is-CRPD, iċ-ċaħda ta' akkomodazzjoni raġonevoli tikkostitwixxi diskriminazzjoni u billi, skont id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi, għandha tiġi pprovduta akkomodazzjoni raġonevoli sabiex tiġi ggarantita l-konformità mal-prinċipju tat-trattament ugwali;

Q.  billi bħalissa ċ-ċittadini torox, torox-għomja jew neqsin mis-smigħ m'għandhom l-ebda aċċess għal komunikazzjoni diretta għall-Membri tal-Parlament Ewropew u għall-amministraturi tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u, viċi versa, għal persuni neqsin mis-smigħ jew neqsin mis-smigħ fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE;

Interpreti kwalifikati u professjonali tal-lingwa tas-sinjali

1.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' interpreti kwalifikati u professjonali tal-lingwa tas-sinjali, li tista' biss tiġi ssodisfata fuq il-bażi tal-approċċ li ġej:

   (a) rikonoxximent uffiċjali tal-lingwa(i) tas-sinjali nazzjonali u reġjonali fl-Istati Membri u fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE,
   (b) taħriġ formali (università jew simili, ekwivalenti għal 3 snin ta' studji full-time, li jikkorrispondu għat-taħriġ meħtieġ għall-interpreti tal-lingwa mitkellma)(24),
   (c) ir-reġistrazzjoni (akkreditazzjoni uffiċjali u sistema ta' kontroll ta' kwalità, bħal pereżempju l-iżvilupp professjonali kontinwu),
   (d) rikonoxximent formali tal-professjoni;

2.  Jirrikonoxxi li l-għoti ta' servizzi ta' interpretazzjoni bil-lingwa tas-sinjali ta' kwalità għolja:

   (a) jiddependi fuq valutazzjoni tal-kwalità oġġettiva li tinvolvi lill-partijiet interessati kollha,
   (b) huwa bbażat fuq il-kwalifiki professjonali,
   (c) jinvolvi rappreżentanti esperti mill-komunità tal-persuni neqsin mis-smigħ,
   (d) huwa dipendenti fuq riżorsi suffiċjenti biex jitħarrġu u jiġu impjegati interpreti tal-lingwa tas-sinjali;

3.  Jirrikonoxxi li l-interpretazzjoni tal-lingwa tas-sinjali tikkostitwixxi servizz professjonali li jeħtieġ remunerazzjoni xierqa;

Id-distinzjoni bejn l-aċċessibbiltà u l-akkomodazzjoni raġonevoli(25)

4.  Japprezza li l-aċċessibbiltà hija ta' benefiċċju għal ċerti gruppi u hija bbażata fuq sett ta' standards li jiġu implimentati gradwalment;

5.  Huwa konxju li l-isproporzjonalità jew il-piż eċċessiv mhux dovut ma jistgħux jintużaw bħala argument biex wieħed jiddefendi n-nuqqas li jipprovdi aċċessibbiltà;

6.  Jirrikonoxxi li l-akkomodazzjoni raġonevoli tirrigwarda l-individwu u timxi id f'id mal-obbligu tal-aċċessibilità;

7.  Jinnota wkoll li individwu jista' jitlob miżuri ta' akkomodazzjoni raġonevoli anki jekk l-obbligu tal-aċċessibbiltà jkun ġie sodisfat;

8.  Jifhem li l-forniment ta' interpretazzjoni bil-lingwa tas-sinjali jista' jikkostitwixxi miżura ta' aċċessibbiltà jew miżuri raġonevoli ta' akkomodazzjoni, skont is-sitwazzjoni;

L-aċċessibbiltà

9.  Jenfasizza li ċ-ċittadini neqsin mis-smigħ, neqsin mis-smigħ-għomja u b'diffikultajiet ta' smigħ jeħtieġ li jkollhom aċċess għall-istess informazzjoni u komunikazzjoni daqs il-pari tagħhom fil-forma ta' interpretazzjoni bil-lingwa tas-sinjali, is-sottotitoli, il-konverżjoni tal-kliem mitkellem f'kitba (speech-to-text) u/jew forom alternattivi ta' komunikazzjoni, inklużi interpreti orali;

10.  Jenfasizza li jeħtieġ li s-servizzi pubbliċi u governattivi, inkluż il-kontenut online tagħhom, ikunu aċċessibbli b'mod dirett permezz ta' intermedjarji bħal interpreti tal-lingwa tas-sinjali fuq il-post, iżda wkoll permezz ta' servizzi remoti alternattivi bbażati fuq l-internet, fejn xieraq;

11.  Itenni l-impenn tiegħu li jagħmel il-proċess politiku kemm jista' jkun aċċessibbli, inkluż bil-forniment ta' interpreti professjonali tal-lingwa tas-sinjali; jinnota li dan jinkludi elezzjonijiet, konsultazzjonijiet pubbliċi u avvenimenti oħrajn, kif xieraq;

12.  Jenfasizza r-rwol dejjem jikber tat-teknoloġiji lingwistiċi fl-għoti ta' aċċess ugwali għal kulħadd għall-ispazju diġitali;

13.  Jirrikonoxxi l-importanza ta' standards minimi biex jiżguraw l-aċċessibbiltà, speċjalment fid-dawl ta' teknoloġiji ġodda u emerġenti, bħalma huwa l-forniment ta' servizzi ta' interpretazzjoni u ta' sottotitoli bil-lingwa tas-sinjali bbażati fuq l-internet;

14.  Jinnota li, filwaqt li l-għoti tal-kura tas-saħħa hija kompetenza tal-Istati Membri, din għandha taqdi l-ħtiġijiet ta' pazjenti neqsin mis-smigħ, neqsin mis-smigħ-għomja u b'diffikultajiet ta' smigħ, pereżempju billi tipprovdi interpreti professjonali tal-lingwa tas-sinjali u taħriġ ta' sensibilizzazzjoni għall-persunal, b'attenzjoni partikolari għan-nisa u t-tfal;

15.  Jirrikonoxxi li l-aċċess ugwali għall-ġustizzja għaċ-ċittadini neqsin mis-smigħ, neqsin mis-smigħ-għomja u b'diffikultajiet ta' smigħ, tista' tiġi żgurata biss permezz tal-forniment ta' interpreti kwalifikati b'mod xieraq u professjonali tal-lingwa tas-sinjali;

16.  Jinsab konxju tal-importanza ta' servizzi ta' interpretazzjoni u ta' traduzzjoni akkurati u preċiżi, b'mod partikolari fil-qorti u f'ambjenti legali oħra; itenni, għalhekk, l-importanza ta' interpreti professjonali tal-lingwa tas-sinjali speċjalizzati u bi kwalifiki għolja, partikolarment f'dawk il-kuntesti;

17.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiżdied l-appoġġ u d-dispożizzjonijiet speċifiċi, bħall-interpretazzjoni bil-lingwa tas-sinjali u l-informazzjoni bbażata fuq it-test aċċessibbli f'ħin reali fil-każ ta' diżastri, għall-persuni b'diżabilitajiet f'sitwazzjonijiet ta' kunflitti armati, emerġenzi umanitarji u diżastri naturali(26);

Impjiegi, edukazzjoni u taħriġ

18.  Jinnota li, sabiex jiġi żgurat aċċess ugwali għall-impjieg, l-edukazzjoni u t-taħriġ, jeħtieġ li jittieħdu miżuri ta' akkomodazzjoni raġonevoli, li jinkludu l-forniment ta' interpreti professjonali tal-lingwa tas-sinjali;

19.  Jenfasizza li jeħtieġ li tiġi pprovduta informazzjoni bilanċata u olistika dwar il-lingwa tas-sinjali u xi jfisser li persuna tkun nieqsa mis-smigħ sabiex il-ġenituri jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati fl-aħjar interess tat-tfal tagħhom;

20.  Jenfasizza li l-programmi ta' intervent bikri huma kruċjali għat-tfal fl-iżvilupp tal-ħiliet għall-ħajja, inklużi l-ħiliet lingwistiċi; jinnota, barra minn hekk, li dawk il-programmi għandhom idealment jinkludu persuni neqsin mis-smigħ bħala mudelli eżemplari;

21.  Jenfasizza li l-istudenti neqsin mis-smigħ, neqsin mis-smigħ-għomja u b'diffikultajiet ta' smigħ u l-ġenituri tagħhom jeħtieġ li jingħataw l-opportunità li jitgħallmu l-lingwa tas-sinjali nazzjonali jew reġjonali tal-ambjent tagħhom permezz ta' servizzi ta' qabel l-iskola u fl-iskola(27);

22.  Jenfasizza li l-lingwa tas-sinjali għandha tiġi inkluża fil-kurrikuli edukattivi sabiex titqajjem kuxjenza dwar il-lingwa tas-sinjali u jiżdied l-użu tagħha;

23.  Jenfasizza li jeħtieġ li jittieħdu miżuri biex tiġi rikonoxxuta u promossa l-identità lingwistika tal-komunità nieqsa mis-smigħ(28);

24.  Jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu t-tagħlim tal-lingwa tas-sinjali bl-istess mod bħal-lingwi barranin;

25.  Jenfasizza li l-interpreti kkwalifikati tal-lingwa tas-sinjali u l-għalliema b'kompetenza fil-lingwa tas-sinjali u mgħammra bil-ħiliet biex jaħdmu effettivament f'ambjenti ta' edukazzjoni inklużiva bilingwi jiffurmaw parti essenzjali tal-kisba akkademika tat-tfal u ż-żgħażagħ neqsin mis-smigħ, u jwasslu għal riżultati edukattivi ogħla u rati ta' qgħad aktar baxxi fuq medda twila ta' żmien;

26.  Jenfasizza n-nuqqas mifrux ta' kotba tal-iskola u materjal tat-tagħlim tas-sinjali bilingwi f'lingwi u formati aċċessibbli;

27.  Iħeġġeġ sabiex il-prinċipju tal-libertà tal-moviment għall-persuni torox, torox-għomja u b'diffikultajiet ta' smigħ fl-UE jkun iggarantit, speċjalment fil-kuntest tal-programm Erasmus + u ta' programmi ta' mobilità relatati, billi jiġi żgurat li fuq il-parteċipanti ma jaqax il-piż sproporzjonat li jkollhom jieħdu ħsieb tal-arranġamenti għall-interpretazzjoni tagħhom stess;

28.  Jilqa' l-proġett pilota Karta Ewropea tad-Diżabilità; jiddispjaċih għall-esklużjoni tal-interpretazzjoni bil-lingwa tas-sinjali fil-proġett peress li dan ifixkel b'mod sinifikanti l-libertà tal-moviment tal-ħaddiema u studenti neqsin mis-smigħ, neqsin mis-smigħ-għomja u b'diffikultajiet ta' smigħ fl-UE;

Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropeja

29.  Jirrikonoxxi li l-istituzzjonijiet tal-UE jeħtieġ li jirrappreżentaw eżempji tal-aħjar prattika għall-persunal, uffiċjali eletti u apprendisti tagħhom u vis-à-vis iċ-ċittadini tal-UE fir-rigward tal-forniment ta' akkomodazzjoni raġonevoli u aċċessibbiltà, li tinkludi l-forniment ta' interpretazzjoni bil-lingwa tas-sinjali;

30.  Jilqa' l-fatt li l-istituzzjonijiet tal-UE diġà, fuq bażi ad hoc, qed jipprovdu aċċessibbiltà għall-avvenimenti pubbliċi u laqgħat tal-kumitati; huwa tal-fehma li s-sottotitoli u il-konverżjoni tal-kliem mitkellem f'kitba għandhom jitqiesu bħala miżura alternattiva iżda ugwali u meħtieġa għall-persuni b'diffikultajiet ta' smigħ li ma jużawx il-lingwa tas-sinjali, u li dan huwa wkoll rilevanti għall-impjegati tal-istituzzjonijiet tal-UE f'termini tal-forniment ta' akkomodazzjoni raġonevoli skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78/KE li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol;

31.  Jirrikonoxxi li l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom sistema stabbilita li tipprovdi interpretazzjoni bil-lingwa tas-sinjali permezz tad-dipartimenti tal-interpretazzjoni rispettivi tagħhom għall-finijiet ta' aċċessibilità; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet jużaw dawn is-sistemi eżistenti anki meta jipprovdu akkomodazzjoni raġonevoli għall-persunal u/jew uffiċjali eletti, u b'hekk effettivament jimminimizzaw il-piż amministrattiv fuq l-individwu u l-istituzzjonijiet;

32.  Iħeġġeġ b'saħħa lill-istituzzjonijiet jagħtu formalment lill-interpreti tal-lingwa tas-sinjali l-istess status bħall-interpreti tal-lingwa mitkellma fir-rigward tas-servizzi ta' interpretazzjoni li huma jipprovdu lill-istituzzjonijiet u/jew lill-impjegati u l-uffiċjali maħturin tagħhom, inkluż l-aċċess għal appoġġ teknoloġiku u materjali u dokumenti preparatorji;

33.  Iħeġġeġ lill-Eurostat jiżgura li l-istituzzjonijiet tal-UE jingħataw statistika dwar l-utenti neqsin mis-smigħ, neqsin mis-smigħ-għomja u b'diffikultajiet ta' smigħ sabiex ikunu jistgħu jiddefinixxu, jimplimentaw u janalizzaw aħjar il-politiki lingwistiċi u dwar id-diżabilità tagħhom;

34.  Iħeġġeġ lis-servizz tal-viżitaturi tal-Parlament jaqdi l-ħtiġijiet tal-viżitaturi neqsin mis-smigħ, neqsin mis-smigħ-għomja u b'diffikultajiet ta' smigħ, billi b'mod dirett jipprovdu aċċess b'lingwa tas-sinjali nazzjonali jew reġjonali u b'servizzi ta' konverżjoni tal-kliem mitkellem f'kitba;

35.  Jitlob lill-istituzzjonijiet jimplimentaw bis-sħiħ il-proġett pilota INSIGN tal-UE, li huwa tweġiba għad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar l-implimentazzjoni ta' applikazzjoni u servizz fil-ħin reali tal-lingwa tas-sinjali, u li għandu l-għan li jtejjeb il-komunikazzjoni bejn persuni neqsin mis-smigħ u b'diffikultajiet ta' smigħ u l-istituzzjonijiet tal-UE(29);

o
o   o

36.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 187, 18.7.1988, p. 236.
(2) ĠU C 379, 7.12.1998, p. 66.
(3) ĠU L 23, 27.1.2010, p. 35.
(4) Testi adottati, P8_TA(2016)0318.
(5) http://www.ohchr.org/Documents/HRBodies/CRPD/GC/RighttoEducation/CRPD-C-GC-4.doc
(6) ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.
(7) ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22.
(8) Testi adottati, P8_TA(2016)0107.
(9) http://www.youthforum.org/assets/2016/04/0099-16_Policy_Paper_Equality_Non-discrimination_FINAL2.pdf
(10) ĠU L 280, 26.10.2010, p. 1.
(11) http://efsli.org/publications
(12) http://efsli.org/efsliblu/wp-content/uploads/2012/09/SL-Interpreter-Guidelines.pdf
(13) http://aiic.net/page/6701/guidelines-for-spoken-language-interpreters-working-in-mixed-teams/lang/1
(14) http://efsli.org/efsliblu/wp-content/uploads/2012/09/R1101-The-right-to-sign-language-interpreting-services-when-working-or-studying-abroad.pdf
(15) http://europa.eu/rapid/press-release_IP-13-511_en.htm
(16) European Federation of Hard of Hearing People (Federazzjoni Ewropea tal-Persuni neqsin mis-smigħ) (EFHOH) http://www.efhoh.org/about_us
(17) Brentari, D., ed. (2010) Sign Languages. Cambridge University Press.Pfau, R., Steinbach M. & Bencie W., eds. (2012) Sign Language: An International Handbook. De Gruyter.
(18) Kumment Ġenerali Nru 2 tal-Kumitat għad-drittijiet tal-Persuni b'Diżabbiltà, CRPD/C/GC/2.
(19) Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità (CRPD), Artikolu 9.
(20) WIT, M. de (2016, għadu mhux ippubblikat). Sign Language Interpreting in Europe, edizzjoni tal-2016.
(21) Petizzjoni Nru 1056-16.
(22) Id-Dikjarazzjoni ta' Brussell (2010), l-Unjoni Ewropea tal-Persuni Torox (EUD) http://www.eud.eu/files/8514/5803/7674/brussels_declaration_FINAL.pdf
(23) EFHOH (2015). State of subtitling access in EU. Disponibbli fuq: http://media.wix.com/ugd/c2e099_0921564404524507bed2ff3648781a3c.pdf
(24) efsli (2013), Learning Outcomes for Graduates of a Three Year Interpreting Training Programme.
(25) CRPD/C/GC/4, paragrafu 28.
(26) Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità (CRPD), Artikolu 11.
(27) http://www.univie.ac.at/designbilingual/downloads/De-Sign_Bilingual_Findings.pdf
(28) Kumment Ġenerali Nru 4 tal-Kumitat għad-drittijiet tal-Persuni b'Diżabbiltà, CRPD/C/GC/4, disponibbli fuq: http://www.ohchr.org/Documents/HRBodies/CRPD/GC/RighttoEducation/CRPD-C-GC-4.doc
(29) http://www.eud.eu/projects/past-projects/insign-project/

Avviż legali - Politika tal-privatezza