Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2978(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1228/2016

Testi mressqa :

B8-1228/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 23/11/2016 - 10.8
CRE 23/11/2016 - 10.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0443

Testi adottati
PDF 268kWORD 51k
L-Erbgħa, 23 ta' Novembru 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
Tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva bentażon
P8_TA(2016)0443B8-1228/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Novembru 2016 dwar l-abbozz ta' regolament ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva bentażon, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (D047341/00 – 2016/2978(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' regolament ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva bentażon, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (D047341/00),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 20(1) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni(2),

–  wara li kkunsidra l-Konklużjoni mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) dwar l-evalwazzjoni bejn il-pari tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi tas-sustanza attiva bentażon(3),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni mressqa mill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-sustanza attiva bentażon taġixxi bħala erbiċida selettiva post-emerġenti kontra ħaxix ħażin bil-weraq wiesa' f'firxa kbira ta' wċuħ tar-raba' u tintuża b'mod komuni fl-agrikoltura;

B.  billi s-sustanza attiva bentażon għandha potenzjal kbir li tnixxi direttament fl-ilma ta' taħt l-art minħabba l-karatteristiċi inerenti tagħha;

C.  billi data mill-Aġenzija Ambjentali tar-Renju Unit turi li s-sustanza attiva bentażon hija l-pestiċida approvata li l-aktar li tiġi identifikata fl-ilma ta' taħt l-art fir-Renju Unit, u tinsab ukoll fl-ilmijiet tal-wiċċ; billi teżisti sitwazzjoni simili madwar l-Ewropa;

D.  billi r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/549 tat-8 ta' April 2016 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 540/2011 estenda l-perjodu ta' approvazzjoni tas-sustanza attiva bentażon sat-30 ta' Ġunju 2017 għax il-valutazzjoni tas-sustanza ġiet posposta;

E.  billi l-abbozz ta' regolament ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva bentażon skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (minn hawn 'il quddiem l- ''abbozz ta' regolament ta' implimentazzjoni'') jipprevedi, fuq il-bażi ta' evalwazzjoni xjentifika mwettqa mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), l-awtorizzazzjoni ta' bentażon sal-31 ta' Jannar 2032, jiġifieri, għall-itwal żmien possibbli;

F.  billi skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u fid-dawl tal-għarfien xjentifiku u tekniku attwali, ġew inklużi ċerti kundizzjonijiet u restrizzjonijiet fl-abbozz ta' regolament ta' implimentazzjoni, b'mod partikolari l-ħtieġa li tiġi pprovduta aktar informazzjoni ta' konferma;

G.  billi wara kunsiderazzjoni tal-kummenti riċevuti fuq ir-Rapport ta' Valutazzjoni tat-Tiġdid (RAR), ġie konkluż li għandha tintalab informazzjoni addizzjonali mill-applikanti;

H.  billi wara kunsiderazzjoni tal-kummenti riċevuti dwar l-RAR, ġie konkluż li l-EFSA għandha twettaq konsultazzjoni ta' esperti fl-oqsma tat-tossikoloġija tal-mammiferi, ir-residwi, id-destin u l-imġiba tal-ambjent u l-ekotossikoloġija u għandha tadotta konklużjoni dwar jekk is-sustanza attiva bentażon tistax tkun mistennija tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009;

I.  billi l-applikanti huma meħtieġa jissottomettu informazzjoni ta' konferma fir-rigward tat-testijiet ta' livell 2/3 attwalment indikati fil-Qafas Kunċettwali tal-OECD biex jiġi indirizzat il-potenzjal għal modalità ta' azzjoni b'medjazzjoni endokrinali fir-rigward tal-effetti b'rabta mal-iżvilupp osservati fi studju ta' tossiċità tal-iżvilupp fil-firien (żieda ta' telf wara l-impjantazzjoni, għadd imnaqqas ta' feti ħajjin u żvilupp fetali tard fin-nuqqas ta' tossiċità materna ċara li tissuġġerixxi li l-klassifikazzjoni bħala reprotossika fil-kategorija 2 tista' tkun adegwata);

J.  billi l-valutazzjoni tar-riskju għall-konsumatur ma ġietx finalizzata għax id-definizzjonijiet proposti ta' residwu għall-valutazzjoni tar-riskju fil-pjanti u għall-infurzar fil-bhejjem kienu meqjusa bħala proviżorji minħabba li ġew identifikati lakuni fid-data;

K.  billi l-valutazzjoni tal-esponiment tal-ilma ta' taħt l-art għall-bentażon prinċipali u l-metabolit N-metil-bentażon ma ġietx iffinalizzata; billi m'hemmx informazzjoni dwar il-potenzjal għall-esponiment tal-ilma ta' taħt l-art meta r-rati ta' applikazzjoni annwali jkunu 'l fuq minn 960 g a.s./ha. (intalbu użi rappreżentattivi ta' massimu ta' 1440 g a.s./ha);

L.  billi d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova sustanza attiva filwaqt li fl-istess ħin titlob data li tikkonferma s-sigurtà tagħha (magħrufa bħala proċedura ta' data konfermatorja) tippermetti li s-sustanza attiva titqiegħed fis-suq qabel mal-Kummissjoni tkun kisbet id-data kollha meħtieġa biex tappoġġa dik id-deċiżjoni;

M.  billi d-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew tat-18 ta' Frar 2016 fil-kawża12/2013/MDC dwar il-prattiki tal-Kummissjoni dwar l-awtorizzazzjoni u t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (pestiċidi), appellat lill-Kummissjoni biex tuża l-proċedura ta' data konfermatorja b'mod restrittiv u strettament f'konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli u biex, fi żmien sentejn mid-Deċiżjoni tal-Ombudsman, tibgħat rapport li juri li l-għadd ta' deċiżjonijiet b'informazzjoni konfermatorja naqas b'mod sostanzjali meta mqabbel mal-approċċ attwali;;

N.  billi l-abbozz ta' regolament ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jonqos milli jimplimenta l-proposti tal-Ombudsman Ewropew għal soluzzjoni biex titjieb is-sistema tal-approvazzjoni tal-pestiċidi tal-Kummissjoni;

O.  billi skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009, it-tiġdid tal-approvazzjoni ta' sustanzi attivi m'għandux ikun għal perjodu ta' aktar minn 15-il sena; billi l-perjodu ta' approvazzjoni għandu jkun proporzjonali mar-riskji inerenti possibbli fl-użu ta' tali sustanzi; billi l-prinċipju ta' prekawzjoni li, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 għandu jiġi applikat, jitlob li l-Kummissjoni tiżgura li ma tapprovax sustanzi attivi f'każijiet fejn is-saħħa pubblika jew l-ambjent jistgħu jkunu f'periklu;

P.  billi l-evalwazzjoni bejn il-pari tal-EFSA jipproponi li s-sustanza attiva bentażon tiġi kklassifikata bħala tossika għar-riproduzzjoni ta' kategorija 2 skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008;

Q.  billi kwistjoni tkun elenkata bħala qasam kritiku ta' tħassib meta jkun hemm biżżejjed informazzjoni disponibbli biex issir valutazzjoni għall-użi rappreżentattivi f'konformità mal-Prinċipji Uniformi skont l-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u kif stabbilit fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 546/2011, u fejn din il-valutazzjoni ma tippermettix li jiġi konkluż li għal mill-inqas wieħed mill-użi rappreżentattivi jista' jkun mistenni li prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fih is-sustanza attiva mhu se jkollu l-ebda effett ta' ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew fuq l-ilma ta' taħt l-art jew xi influwenza inaċċettabbli fuq l-ambjent;

R.  billi skont il-konklużjonijiet tal-EFSA, ġew identifikati oqsma kritiċi ta' tħassib, b'mod partikolari l-fatt li l-ispeċifikazzjoni tal-materjal tekniku propost għaż-żewġ applikanti ma kinitx paragunabbli mal-materjali użati fl-ittestjar biex joħorġu l-valuri tossikoloġiċi ta' referenza u ma ntweriex li l-materjal tekniku użat fl-istudji dwar l-ekotossiċità jirrappreżenta kif xieraq l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għaż-żewġ applikanti;

1.  Iqis li l-abbozz ta' regolament ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jisboq is-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009;

2.  Iqis li l-valutazzjoni dwar l-użi rappreżentattivi tas-sustanza attiva bentażon mhijiex biżżejjed biex tikkonkludi li, għal mill-inqas wieħed mill-użi rappreżentattivi, prodott għall-ħarsien tal-pjanti li fih is-sustanza attiva bentażon jista' jkun mistenni li mhux se jkollu xi effett ta' ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew fuq l-ilma ta' taħt l-art jew xi influwenza inaċċettabbli fuq l-ambjent;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffinanzjaw ir-riċerka u l-innovazzjoni fir-rigward ta' soluzzjonijiet alternattivi sostenibbli u kosteffiċjenti għal prodotti għall-kontroll ta' organiżmi ta' ħsara, bil-ħsieb li jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u tal-ambjent;

4.  Iqis li, bl-applikazzjoni tal-proċedura ta' data konfermatorja għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva bentażon, il-Kummissjoni kisret id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u kisret il-prinċipju ta' prekawzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 191 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni biex qabel ma tieħu deċiżjoni dwar l-approvazzjoni, titlob u tivvaluta kwalunkwe informazzjoni nieqsa rilevanti bħala kwistjoni ta' prijorità;

6.  Jitlob lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' regolament ta' implimentazzjoni tagħha u tippreżenta abbozz ġdid lill-kumitat;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.
(2) ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.
(3) EFSA Journal 2015;13(4):4077.

Avviż legali