Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2934(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-1232/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 24/11/2016 - 8.13
CRE 24/11/2016 - 8.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0456

Testi adottati
PDF 284kWORD 55k
Il-Ħamis, 24 ta' Novembru 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
Sitwazzjoni fil-Belarussja
P8_TA(2016)0456RC-B8-1232/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja (2016/2934(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Belarussja,

–  wara li kkunsidra l-elezzjonijiet parlamentari li saru fil-11 ta' Settembru 2016 u l-elezzjonijiet presidenzjali li saru fil-11 ta' Ottubru 2015,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-President tad-Delegazzjoni tiegħu għar-relazzjonijiet mal-Belarussja tat-13 ta' Settembru 2016 dwar l-elezzjonijiet parlamentari reċenti fil-Belarussja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna tat-12 ta' Settembru 2016 dwar l-elezzjonijiet parlamentari fil-Belarussja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni preliminari tal-OSKE/ODIHR, tal-Assemblea Parlamentari tal-OSKE u tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (APKE) tat-12 ta' Settembru 2016 dwar l-elezzjonijiet parlamentari fil-Belarussja,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Belarussja, b'mod partikolari dawk tas-16 ta' Frar 2016, li neħħew il-miżuri restrittivi kontra 170 individwu u tliet kumpaniji Belarussi,

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-OSKE tat-28 ta' Jannar 2016 dwar l-elezzjonijiet presidenzjali fil-Belarussja fil-11 ta' Ottubru 2015,

–  wara li kkunsidra l-bosta dikjarazzjonijiet mill-awtoritajiet Belarussi li xi rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODIHR b'segwitu għall-elezzjonijiet presidenzjali tal-2015 kienu se jiġu implimentati qabel l-elezzjonijiet parlamentari tal-2016,

–  wara li kkunsidra l-ħelsien ta' sitt priġunieri politiċi mill-awtoritajiet Belarussi fit-22 ta' Awwissu 2015, u d-dikjarazzjoni sussegwenti tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, u tal-Kummissarju għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir, Johannes Hahn, dwar il-ħelsien ta' priġunieri politiċi fil-Belarussja fit-22 ta' Awwissu 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, fir-rapport finali tiegħu dwar l-elezzjonijiet presidenzjali tal-2015 fil-Belarussja, l-OSKE/ODIHR, flimkien mal-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa, ħejjew sett ta' rakkomandazzjonijiet biex jiġu implimentati mill-Belarussja qabel l-elezzjonijiet parlamentari tal-2016;

B.  billi, sabiex jibnu relazzjonijiet aħjar mal-Punent, l-awtoritajiet Belarussi, b'riluttanza, ħadu passi li jippermettu li l-partiti demokratiċi tal-oppożizzjoni jirreġistraw b'aktar faċilità milli f'elezzjonijiet preċedenti, u li bihom l-osservaturi barranin ingħataw aċċess akbar għall-għadd tal-voti;

C.  billi fis-6 ta' Ġunju 2016 il-President tal-Belarussja sejjaħ elezzjonijiet għall-Kamra tad-Deputati; billi dawn l-elezzjonijiet saru fil-11 ta' Settembru 2016; billi aktar minn 827 osservatur internazzjonali u 32 100 osservatur ċittadin kienu akkreditati għall-elezzjonijiet; billi, kif iddikjarat fil-konklużjonijiet tal-OSKE/ODIHR, il-biċċa l-kbira tal-osservaturi ċittadini rrappreżentaw assoċjazzjonijiet sussidjati mill-Istat li kienu wkoll impenjaw ruħhom f'kampanja għall-kandidati favur il-gvern; billi ntbagħtet missjoni ta' osservazzjoni elettorali tal-OSKE/ODIHR biex tosserva l-elezzjonijiet wara stedina mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Belarussja;

D.  billi, skont il-valutazzjoni tal-OSKE/ODIHR, l-elezzjonijiet parlamentari tal-2016 kienu organizzati b'mod effiċjenti, iżda għad fadal għadd ta' nuqqasijiet sistemiċi li ilhom jeżistu żmien, inklużi restrizzjonijiet għad-drittijiet politiċi u l-libertajiet fundamentali fil-qafas ġuridiku; billi l-għadd u t-tabulazzjoni raw għadd sinifikanti ta' irregolaritajiet proċedurali u kienu nieqsa mit-trasparenza;

E.  billi, għall-ewwel darba f'20 sena, se tiġi rrappreżentata oppożizzjoni demokratika fil-Parlament Belarussu; billi, skont ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja, is-sistemi ġuridiċi u amministrattivi sottostanti għar-restrizzjonijiet fuq id-drittijiet tal-bniedem għadhom mhux mibdula; billi żewġ membri indipendenti tal-parlament huma mistennija jservu bħala oppożizzjoni reali;

F.  billi, sa mill-1994, fil-Belarussja ma saret ebda elezzjoni ħielsa u ġusta skont leġiżlazzjoni elettorali f'konformità mal-istandards rikonoxxuti internazzjonalment tal-OSKE/ODIHR;

G.  billi l-UE neħħiet il-biċċa l-kbira tal-miżuri restrittivi tagħha kontra uffiċjali u entitajiet legali Belarussi fi Frar 2016 bħala ġest ta' rieda tajba biex tħeġġeġ lill-Belarussja ttejjeb is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fit-territorju tagħha; billi l-Kunsill, fil-konklużjonijiet tiegħu dwar il-Belarussja tal-15 ta' Frar 2016, saħaq fuq il-ħtieġa li l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Belarussja tissaħħaħ f'għadd ta' oqsma ekonomiċi u ta' oqsma relatati mal-assistenza u mal-kummerċ, ħaġa li fetħet il-possibilità biex il-Belarussja tapplika għall-finanzjament mingħand il-BEI u l-BERŻ; billi ġew innutati għadd ta' sforzi biex jiġu indirizzati ċerti kwistjonijiet li ilhom għaddejjin minn qabel l-elezzjonijiet tal-2016, filwaqt li fl-istess ħin għad baqa' ħafna kwistjonijiet fir-rigward tal-qafas elettorali ġuridiku u proċedurali;

H.  billi Human Rights Defenders for Free Elections (HRD) u Right to Choose-2016 (R2C), iż-żewġ gruppi ta' osservazzjoni elettorali Belarussi, ikkundannaw l-aħħar elezzjonijiet talli ma ssodisfawx għadd ta' standards internazzjonali ewlenin u talli ma rriflettewx b'mod kredibbli r-rieda taċ-ċittadini Belarussi;

I.  billi l-gruppi ta' osservaturi Belarussi ġabru evidenza konkreta ta' sforzi massivi madwar il-pajjiż kollu biex ikabbru l-għadd totali ta' eletturi li ħarġu jivvutaw matul il-perjodu ta' ħamest ijiem ta' votazzjoni bikrija (6-10 ta' Settembru 2016) u fil-ġurnata tal-elezzjoni (il-11 ta' Settembru 2016), u billi l-uniku istitut ta' stħarriġ tal-opinjoni indipendenti fil-Belarussja (NISEPI) ssospenda l-attivitajiet tiegħu wara pressjoni min-naħa tal-gvern, ħaġa li tagħmilha aktar diffiċli biex wieħed jivvaluta x'inhuma eżattament il-preferenzi politiċi tal-Belarussi;

J.  billi, fit-18 ta' Novembru 2015, parti mill-forzi tal-oppożizzjoni Belarussa għall-ewwel darba ppreżentat ftehim ta' kooperazzjoni konġunt biex tibqa' magħquda matul l-elezzjonijiet parlamentari tal-2016;

K.  billi l-ewwel żjara uffiċjali mill-2002 'l hawn tad-Delegazzjoni tal-Parlament għar-relazzjonijiet mal-Belarussja saret f'Minsk fit-18 u d-19 ta' Ġunju 2015; billi l-Parlament Ewropew bħalissa m'għandu ebda relazzjoni uffiċjali mal-Parlament Belarussu;

L.  billi l-Belarussja kellha rwol kostruttiv fil-faċilitazzjoni ta' ftehim dwar il-waqfien mill-ġlied fl-Ukrajna;

M.  billi l-aggressjoni kontra l-Ukrajna u l-annessjoni illegali tal-Krimea min-naħa tar-Russja komplew iżidu l-biża' tas-soċjetà Belarussa li s-sitwazzjoni interna tiġi destabilizzata bħala konsegwenza ta' bidla fil-poter; billi, madankollu, il-poplu Belarussu ma abbandunax it-tamiet tiegħu għal riformi sostanzjali u għal trasformazzjoni paċifika ta' pajjiżu;

N.  billi l-ekonomija tal-Belarussja esperjenzat aktar minn għoxrin sena ta' staġnar, u billi setturi ewlenin għadhom taħt is-sjieda tal-istat u taħt sistema ta' kmand u kontroll amministrattiv; billi d-dipendenza ekonomika tal-Belarussja mill-għajnuna ekonomika tar-Russja qed tiżdied b'mod kontinwu, u billi l-prestazzjoni ekonomika tal-Belarussja hija fost l-aktar baxxa fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ekonomika Ewrasjatika – pereżempju, il-PDG tagħha naqas b'aktar minn USD 30 biljun fl-2015-2016;

O.  billi l-Belarussja hija l-uniku pajjiż fl-Ewropa li għadu japplika l-piena kapitali; billi, fl-4 ta' Ottubru 2016, il-Qorti Suprema Belarussa kkonfermat is-sentenza tal-mewt kontra Siarhei Vostrykau, li kienet ir-raba' konferma mill-Qorti Suprema Belarussa ta' sentenza tal-mewt fl-2016;

P.  billi l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem ġibdu l-attenzjoni għal metodi ġodda ta' intimidazzjoni fuq l-oppożizzjoni; billi l-awtoritajiet Belarussi ma abbandunawx il-prattiki repressivi kontra l-avversarji politiċi tagħhom: id-dimostranti paċifiċi għadhom soġġetti għal responsabilità amministrattiva, drittijiet ċivili u politiċi oħra għadhom ristretti u l-pajjiż għandu priġunieri politiċi ġodda; billi l-awtoritajiet Belarussi ma ħadu ebda miżura mmirata lejn tibdil sistemiku u kwalitattiv fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, speċjalment fil-livell leġiżlattiv;

Q.  billi titjib sinifikanti fil-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-midja, ir-rispett għad-drittijiet politiċi kemm taċ-ċittadini ordinarji kif ukoll tal-attivisti tal-oppożizzjoni u r-rispett għall-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali huma kollha prerekwiżiti għal relazzjonijiet aħjar bejn l-UE u l-Belarussja; billi l-Unjoni Ewropea għadha impenjata bil-qawwa li tkompli tiddefendi d-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja, inkluża l-libertà tal-espressjoni u tal-midja;

R.  billi, fil-25 ta' Ottubru 2016, il-Belarussja adottat l-ewwel Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem tagħha, li ġie approvat minn riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Ministri; billi skont l-awtoritajiet Belarussi dan il-pjan jiddefinixxi l-linji ta' azzjoni prinċipali għall-implimentazzjoni tal-impenji tal-pajjiż fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

S.  billi wieħed mill-objettivi tal-parteċipazzjoni tal-Belarussja fis-Sħubija tal-Lvant u l-fergħa parlamentari tagħha, l-Euronest, huwa li tintensifika l-kooperazzjoni bejn il-pajjiż u l-UE; billi l-Parlament Belarussu ma għandu ebda status uffiċjali fl-Assemblea Parlamentari Euronest;

T.  billi l-Belarussja bħalissa qiegħda tibni l-ewwel impjant tal-enerġija nukleari tagħha f'Ostrovets, mal-fruntiera tal-UE; billi kwalunkwe pajjiż li jiżviluppa l-enerġija nukleari jeħtieġlu jaderixxi b'mod rigoruż mar-rekwiżiti u standards internazzjonali dwar is-sikurezza nukleari u ambjentali; billi l-Gvern tal-Belarussja, li għandu r-responsabilità esklussiva għas-sikurezza u s-sigurtà tal-faċilitajiet nukleari fit-territorju tiegħu, jeħtieġlu jissodisfa l-obbligi tiegħu lejn iċ-ċittadini tiegħu stess kif ukoll lejn il-pajjiżi ġirien; billi l-prinċipji tal-aċċess miftuħ u tat-trasparenza jridu jkunu l-pedament prinċipali li fuqu għandha tiġi żviluppata, imħaddma u dekummissjonata kwalunkwe faċilità nukleari;

U.  billi l-Belarussja hija parti mill-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar is-Sigurtà Kollettiva (CSTO) u tipparteċipa fil-manuvri militari konġunti mar-Russja "Zapad" li jkopru xenarji li jinvolvu attakki fuq il-ġirien tal-punent tagħha li jinkludu s-simulazzjoni tal-użu ta' armi nukleari kontra l-Polonja; billi s-sena d-dieħla l-Belarussja se tipparteċipa fiż-"Zapad-2017" b'xenarji possibbli ulterjorment aggressivi;

1.  Jibqa' serjament imħasseb dwar in-nuqqasijiet osservati mill-osservaturi internazzjonali indipendenti matul l-elezzjonijiet presidenzjali tal-2015 u l-elezzjonijiet parlamentari tal-2016; jirrikonoxxi l-isforzi biex isir progress, li għadu mhuwiex biżżejjed; jinnota li fil-parlament li għadu kemm ġie elett se jkun hemm rappreżentant wieħed tal-oppożizzjoni u rappreżentant wieħed tas-settur mhux governattiv; iqis, madankollu, li dawn huma aktar ħatriet politiċi milli konsegwenza tar-riżultat elettorali; jinnota li l-analiżi tal-proposti leġiżlattivi futuri ppreżentati minn dawn iż-żewġ membri parlamentari se sservi ta' test deċiżiv dwar l-intenzjonijiet politiċi tal-awtoritajiet wara l-ħatriet tagħhom;

2.  Jistieden lill-awtoritajiet Belarussi jerġgħu jibdew mingħajr dewmien il-ħidma fuq riforma elettorali komprensiva bħala parti minn proċess ta' demokratizzazzjoni usa' u f'kooperazzjoni mas-sħab internazzjonali; jisħaq fuq il-ħtieġa li r-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODIHR jiġu introdotti fi żmien debitu qabel l-elezzjonijiet muniċipali ta' Marzu 2018 u li dawn jiġu osservati minn osservaturi nazzjonali u internazzjonali; jenfasizza li dan huwa ta' importanza ewlenija biex jinkiseb il-progress mixtieq fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Belarussja;

3.  Itenni l-appell tiegħu lill-awtoritajiet Belarussi sabiex jiżguraw, fiċ-ċirkostanzi kollha, ir-rispett għall-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, skont id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-istrumenti internazzjonali u reġjonali tad-drittijiet tal-bniedem irratifikati mill-Belarussja;

4.  Jistieden lill-Gvern Belarussu jirriabilita l-priġunieri politiċi li ġew meħlusa u jroddilhom għalkollox id-drittijiet ċivili u politiċi kollha tagħhom;

5.  Jesprimi t-tħassib tiegħu li mis-sena 2000 'l hawn ma ġie rreġistrat l-ebda partit politiku ġdid fil-Belarussja; jappella sabiex jiġu abbandunati r-retrizzjonjiet kollha f'dan ir-rigward; jisħaq fuq il-fatt li l-partiti politiċi kollha għandhom jitħallew iwettqu attivitajiet politiċi mingħajr restrizzjonijiet, speċjalment matul il-perjodu tal-kampanja elettorali;

6.  Jistenna li l-awtoritajiet itemmu l-intimidazzjoni fuq il-midja indipendenti għal raġunijiet politiċi; iħeġġiġhom iwaqqfu l-prattika ta' prosekuzzjoni amministrattiva u l-użu arbitrarju tal-Artikolu 22(9) tal-Kodiċi Amministrattiv kontra l-ġurnalisti indipendenti li jaħdmu mal-midja barranija mingħajr akkreditazzjoni, li jirrestrinġu d-dritt għal-libertà tal-espressjoni u għat-tixrid tal-informazzjoni;

7.  Jistieden lill-Gvern Belarussu biex iħassar mingħajr dewmien l-Artikolu 193(1) tal-Kodiċi Kriminali, li jippenalizza l-organizzazzjoni ta' attivitajiet ta' assoċjazzjonijiet u organizzazzjonijiet pubbliċi mhux reġistrati u l-parteċipazzjoni f'tali attivitajiet, u biex jippermetti l-funzjonament legali sħiħ, liberu u mingħajr xkiel tal-assoċjazzjonijiet u organizzazzjonijiet pubbliċi; jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni, b'mod partikolari, għall-fatt li bħalissa, bħala riżultat tal-applikazzjoni tal-Artikolu 193(1) u ta' miżuri restrittivi oħra, aktar minn 150 NGO Belarussa huma rreġistrati fil-Litwanja, fil-Polonja, fir-Repubblika Ċeka u fi bnadi oħra;

8.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Belarussi jirrieżaminaw il-politika li minħabba fiha l-assistenza finanzjarja internazzjonali lis-settur mhux governattiv fil-Belarussja għadha soġġetta għal piż kbir tat-taxxa;

9.  Jikkundanna bil-qawwa l-politika tal-Gvern Belarussu għall-użu tal-forzi speċjali sabiex jinterferixxi fl-affarijiet interni ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi dawk li jirrappreżentaw minoranzi nazzjonali bħall-NGO indipendenti "Unjoni tal-Pollakki fil-Belarussja";

10.  Iħeġġeġ lill-Belarussja, bħala l-uniku pajjiż fl-Ewropa li għadu japplika l-piena kapitali, u li reċentement reġa' beda bl-eżekuzzjonijiet, biex tingħaqad mal-moratorju globali dwar l-eżekuzzjoni tal-piena tal-mewt bħala l-ewwel pass lejn l-abolizzjoni permanenti tagħha; ifakkar li l-piena kapitali tikkostitwixxi trattament inuman u degradanti, ma għandha l-ebda effett deterrenti ppruvat u tagħmel l-iżbalji ġudizzjarji irriversibbli; jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Kummissjoni jipprijoritizzaw bis-saħħa t-tħassib imsemmi hawn fuq fid-Djalogu li għaddej dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u l-Belarussja; jilqa', f'dan il-kuntest, il-fatt li l-Kunsill tal-Ministri tal-Belarussja adotta l-Pjan ta' Azzjoni għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Grupp ta' Ħidma għall-Eżami Perjodiku Universali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u jistenna li dan il-Pjan ta' Azzjoni jitwettaq bis-sħiħ;

11.  Jistieden lill-UE żżomm il-momentum għal normalizzazzjoni ulterjuri tar-relazzjonijiet mal-Belarussja; itenni l-fehma tiegħu li d-differenzi eżistenti jistgħu jiġu indirizzati l-aħjar permezz ta' kanali ta' komunikazzjoni mtejba u li involviment ulterjuri tal-UE, u b'mod partikolari tal-Parlament Ewropew, fi djalogu mal-Belarussja, u b'mod partikolari ċ-ċittadini u s-soċjetà ċivili tagħha, kif ukoll mal-parlament u d-diversi partiti politiċi, jista’ jġib riżultati tanġibbli u jikkontribwixxi għall-indipendenza, is-sovranità u l-prosperità tal-pajjiż;

12.  Jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jkomplu jagħtu u jsaħħu l-appoġġ tagħhom lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-Belarussja u barra mill-pajjiż; jisħaq, f'dan il-kuntest, fuq il-ħtieġa li jingħata appoġġ lis-sorsi ta' informazzjoni indipendenti kollha għas-soċjetà Belarussa, inkluża l-midja li xxandar il-programmi bl-ilsien Belarussu, u minn barra l-pajjiż;

13.  Jinnota li f'Jannar 2014 ingħata bidu għan-negozjati dwar il-faċilitazzjoni tal-viżi bl-għan li jittejbu l-kuntatti bejn il-persuni u li tiġi mħeġġa l-emerġenza tas-soċjetà ċivili; jenfasizza li l-Kummissjoni u s-SEAE għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jitħaffef il-progress f'dan ir-rigward;

14.  Jappoġġa lill-UE fil-politika tagħha ta' "impenn kritiku" mal-awtoritajiet Belarussi, u jiddikjara ruħu lest ukoll li jikkontribwixxi għal din il-politika permezz tad-Delegazzjoni tiegħu għar-relazzjonijiet mal-Belarussja; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja l-inizjattivi leġiżlattivi mill-qrib u tiskrutinizza l-implimentazzjoni tagħhom; ifakkar li l-UE jeħtiġilha tiżgura li r-riżorsi tagħha ma jintużawx għar-repressjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-ġurnalisti indipendenti u tal-mexxejja tal-oppożizzjoni;

15.  Jinsab imħasseb dwar il-problemi ta' sikurezza li tqajmu mill-bini tal-impjant tal-enerġija nukleari Belarussu f'Ostrovets, inqas minn 50 kilometru 'l bogħod minn Vilnius, il-belt kapitali tal-Litwanja, u qrib il-fruntiera Pollakka; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' sorveljanza internazzjonali komprensiva tal-implimentazzjoni ta' dan il-proġett sabiex ikun żgurat li huwa konformi mar-rekwiżiti u l-istandards internazzjonali fil-qasam tas-sikurezza nukleari u ambjentali, inklużi l-Konvenzjonijiet Espoo u Arhus tan-NU; jistieden lill-Kummissjoni biex, fid-djalogu tagħha mal-Belarussja u mar-Russja, tinkludi l-kwistjoni tas-sikurezza u t-trasparenza ta' dan l-impjant ta' enerġija nukleari li qiegħed jinbena, fid-dawl tal-fatt li dan huwa ffinanzjat mir-Russja u huwa bbażat fuq it-teknoloġija Rosatom, u biex tipprovdi rapporti regolari lill-Parlament u lill-Istati Membri, b'mod partikolari dawk ġirien tal-Belarussja; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jużaw il-lievi tagħhom, inkluż li jagħmlu kwalunkwe għajnuna makrofinanzjarja mill-UE kundizzjonali, sabiex jiġi żgurat li l-Belarussja tkun konformi mal-istandards internazzjonali tas-sikurezza fir-rigward tal-Impjant Nukleari f'Ostrovets, b'mod partikolari fir-rigward tat-twettiq ta' eżerċizzju ta' simulazzjoni kif miftiehem mal-Kummissjoni fit-23 ta' Ġunju 2011;

16.  Jagħti importanza kbira u jistenna bil-ħerqa l-adeżjoni tal-Belarussja fl-Assemblea Parlamentari Euronest, skont l-Att Kostitwenti, mill-aktar fis wara li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet politiċi, peress li din l-adeżjoni tkun estensjoni naturali tal-parteċipazzjoni tal-Belarussja fil-qafas ta' kooperazzjoni multilaterali tas-Sħubija tal-Lvant;

17.  Itenni l-impenn tiegħu li jaħdem għall-benefiċċju tal-poplu tal-Belarussja, li jappoġġa l-aspirazzjonijiet u l-inizjattivi prodemokratiċi tiegħu u li jikkontribwixxi għal futur stabbli, demokratiku u prosperu għall-pajjiż;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-OSKE/ODIHR, lill-Kunsill tal-Ewropa, u lill-awtoritajiet tal-Belarussja.

Avviż legali