Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2988(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-1285/2016

Dibattiti :

PV 30/11/2016 - 16
CRE 30/11/2016 - 16

Votazzjonijiet :

PV 01/12/2016 - 6.21
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0476

Testi adottati
PDF 279kWORD 50k
Il-Ħamis, 1 ta' Diċembru 2016 - Brussell Verżjoni finali
Sitwazzjoni fl-Italja wara t-terremoti
P8_TA(2016)0476RC-B8-1285/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Diċembru 2016 dwar is-sitwazzjoni fl-Italja wara t-terremoti (2016/2988(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE);

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 174, 175(3) u 212 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/369 tal-15 ta' Marzu 2016 dwar l-għoti ta' appoġġ ta' emerġenza fl-Unjoni(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea(3) u r-Regolament (UE) Nru 661/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014(4) li jemenda dak ir-regolament,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 375/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-Korp Volontarju Ewropew ta' Għajnuna Umanitarja ("l-Inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE")(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 tal-20 ta' Ġunju 1996 rigward l-għajnuna umanitarja(6),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta' April 2011 dwar "Aktar Żvilupp tal-Valutazzjoni tar-Riskju għall-Maniġġar ta' Diżastri fl-Unjoni Ewropea",

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta' Novembru 2008 li jappellaw għat-titjib tal-kapaċitajiet ta' protezzjoni ċivili b'sistema ta' assistenza reċiproka Ewropea li tibni fuq l-approċċ modulari tal-protezzjoni ċivili (16474/08),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni bit-titolu "Rapport Annwali tal-2014 tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea" (COM(2015)0502),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Novembru 2007 dwar l-impatt reġjonali tat-terremoti(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-kapaċità tal-Unjoni fir-reazzjoni għad-diżastri(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2009(9) dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea: l-Italja, it-terremot tal-Abruzzo,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Solidarjetà, implimentazzjoni u applikazzjoni(10),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-28 ta' Novembru 2013 – Il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea(11),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni fl-Italja wara t-terremoti (O-000139/2016 – B8-1812/2016, O-000140/2016 – B8-1813/2016 u O-000141/2016 – B8-1814/2016),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 24/2012 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Ir-reazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea għat-terremot tal-2009 fl-Abruzzo: ir-relevanza u l-kost tal-operazzjonijiet",

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi wara t-terremot devastanti li laqat lill-Italja Ċentrali fl-24 ta' Awwissu 2016, tliet terremoti kbar oħra – flimkien ma' sensiela ta' theżżiżiet – laqtu lir-reġjuni tal-Italja Ċentrali fis-26 ta' Ottubru 2016, b'qawwa ta' 5.5. u 6.1, u fit-30 ta' Ottubru 2016, b'qawwa ta' 6.5;

B.  billi terremoti u theżżiżiet sekondarji komplew jolqtu lill-Italja Ċentrali fix-xhur li għaddew; billi l-aktar terremot reċenti – dak tat-30 ta' Ottubru 2016 – kien l-akbar terremot li laqat lill-pajjiż f'aktar minn tletin sena, qered villaġġi sħaħ, ġab għadd kbir ta' abitanti taż-żoni milquta f'xifer ta' disprament u kkawża diversi forom indiretti ta' ħsara fiż-żoni tal-madwar;

C.  billi fit-terremoti ta' dan l-aħħar huwa rrappurtat li korrew aktar minn 400 persuna u mietu 290;

D.  billi dawn it-terremoti devastanti akkumulaw fuq xulxin f'"effett domino" u wasslu biex mal-100 000 abitant jisfaw spostati;

E.  billi l-impatt tal-aħħar terremoti qered bliet sħaħ, ikkawża ħsara serja fl-infrastruttura lokali u reġjonali, għamel ħerba mill-wirt storiku u kulturali u kkomprometta l-attività ekonomika, speċjalment dik tal-SMEs, l-agrikoltura, il-pajsaġġ u l-potenzjal tal-industriji tat-turiżmu u tal-ospitalità;

F.  billi t-territorji kkonċernati jbatu minn deformazzjoni li testendi fuq żona ta' madwar 130 kilometru kwadru, bi spostament massimu ta' mill-inqas 70 ċentimetru, u billi xi effetti idroġeoloġiċi imprevedibbli jistgħu jwasslu, f'kundizzjonijiet xitwin ħorox, għal katastrofi naturali ulterjuri bħal għargħar, valangi u ħsara kumulattiva;

G.  billi ċerti territorji fl-Unjoni Ewropea huma aktar vulnerabbli u għandhom riskju sismiku għoli; billi jistgħu jkunu anke esposti għal katastrofi naturali ripetuti ta' tipi differenti, uħud minnhom inqas minn sena 'l bogħod minn xulxin, bħalma ġara fil-każijiet li seħħew dan l-aħħar fl-Italja, fil-Portugall, fil-Greċja u f'Ċipru;

H.  billi l-isforzi ta' rikostruzzjoni sostenibbli jeħtieġ ikunu kkoordinati sew biex jagħmlu tajjeb għat-telf ekonomiku u soċjali, u billi għandha tingħata wkoll attenzjoni partikolari lill-wirt kulturali imprezzabbli Taljan, filwaqt li jingħata stimolu lill-proġetti Ewropej u internazzjonali mmirati għall-protezzjoni tal-bini u s-siti storiċi;

I.  billi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) nħoloq permezz tar-Regolament (KE) Nru 2012/2002 b'reazzjoni għall-għargħar diżastruż li laqat lill-Ewropa Ċentrali fis-sajf tal-2002;

J.  billi diversi strumenti tal-Unjoni, bħalma huma l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej jew il-mekkaniżmu u l-istrument finanzjarju għall-protezzjoni ċivili, jistgħu jintużaw sabiex jissaħħu l-miżuri preventivi li jindirizzaw it-terremoti u l-miżuri ta' riabilitazzjoni;

K.  billi r-riforma tal-FSUE li saret fl-2014 daħħlet il-possibbiltà li l-Istati Membri jitolbu ħlasijiet bil-quddiem, li l-għoti tagħhom jiġi deċiż mill-Kummissjoni, jekk ikun hemm riżorsi biżżejjed; billi, madankollu, l-ammont tal-ħlas bil-quddiem ma jistax jaqbeż l-10 % tal-ammont totali antiċipat tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FSUE, u l-massimu huwa ta' EUR 30 miljun;

L.  billi l-Istat Membru li jintlaqat irid jippreżenta applikazzjoni għall-għajnuna mill-FSUE lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn 12-il ġimgħa wara li jibdew jidhru ċari l-ewwel effetti tad-diżastru; billi l-Istat benefiċjarju huwa responsabbli mill-użu tal-għotja u mill-awditjar tal-mod kif tintefaq, iżda l-Kummissjoni tista' twettaq verifiki fuq il-post dwar l-operazzjonijiet iffinanzjati mill-FSUE;

M.  billi l-proċess ta' rikostruzzjoni jeħtieġ iqis l-esperjenzi tal-passat, u billi hemm il-ħtieġa li dan isir bl-akbar ħeffa, il-bażi għal rikostruzzjoni sostenibbli għandha tkun kostitwita minn riżorsi adegwati, semplifikazzjoni burokratika u trasparenza, kif ukoll il-ħtieġa li tingħata sigurtà u stabbiltà għar-residenti milquta sabiex jiġi żgurat li jkunu jistgħu jkomplu jgħixu f'dawn ir-reġjuni;

N.  billi l-prevenzjoni għandha tikkostitwixxi fażi dejjem aktar importanti fil-ġestjoni tad-diżastri u għandha tingħata importanza soċjali akbar, u billi teħtieġ ukoll programm ta' azzjoni magħmul bir-reqqa għat-tixrid tal-informazzjoni, is-sensibilizzazzjoni u l-edukazzjoni;

O.  billi l-miżuri ta' prevenzjoni tad-diżastri attwali jeħtieġ jissaħħu skont il-proposti preċedenti tal-Parlament bil-għan li tiġi kkonsolidata l-istrateġija għall-prevenzjoni ta' diżastri naturali u kkawżati mill-bniedem fil-livell tal-UE;

1.  Jesprimi l-akbar solidarjetà u empatija mal-individwi li ntlaqtu mit-terremoti u l-familji tagħhom, kif ukoll mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali Taljani involuti fl-sforzi ta' sokkors wara d-diżastru;

2.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-għadd kbir ta' persuni spostati esposti għall-kundizzjonijiet meteoroloġiċi ħorox tal-istaġun imminenti tax-xitwa; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tidentifika l-modi kollha ta' kif l-awtoritajiet Taljani jistgħu jingħataw l-għajnuna sabiex jiggarantixxu kundizzjonijiet ta' għajxien deċenti għall-persuni mċaħħda minn djarhom;

3.  Juri l-apprezzament tiegħu għall-isforzi bla waqfien tal-unitajiet tas-salvataġġ, il-forzi tal-protezzjoni ċivili, il-voluntiera, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali fiż-żoni devastati sabiex isalvaw il-ħajjiet, jillimitaw id-danni u jiggarantixxu attivitajiet bażiċi komuni biex jinżamm standard ta' għajxien deċenti;

4.  Jenfasizza l-effetti ekonomiċi u soċjali serji tat-terremoti suċċessivi u l-qerda li ħallew warajhom;

5.  Jenfasizza l-gravità tas-sitwazzjoni fuq il-post, li qed toħloq pressjoni finanzjarja konsiderevoli u intensa fuq l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali, reġjonali u lokali;

6.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-livell ogħla ta' flessibbiltà, fil-kalkolu tad-defiċit fuq l-infiq relatat mat-terremoti, li ngħata lill-Italja f'konformità mat-Trattati, sabiex taffronta b'mod effiċjenti u rapidu l-emerġenza attwali u l-interventi li se jkunu meħtieġa fil-futur biex iż-żoni milquta jkunu siguri; jistieden ukoll lill-gvern Taljan jiżgura li r-riżorsi addizzjonali kollha li jingħataw jintużaw tassew għal dan l-iskop speċifiku;

7.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fid-dawl ta' din is-sitwazzjoni straordinarja u serja ħafna, tikkunsidra l-possibbiltà li teskludi r-rikostruzzjoni sostenibbli u kwalunkwe investiment antisismiku, inkluż dak kofinanzjat mill-fondi SIE u allokat għall-Objettiv Tematiku 5 ("il-promozzjoni tal-adattament għat-tibdil fil-klima, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskji"), mill-kalkolu tad-defiċits nazzjonali fil-qafas tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir;

8.  Jilqa' b'sodisfazzjon is-solidarjetà espressa mill-istituzzjonijiet tal-UE, minn Stati Membri oħra, kif ukoll minn reġjuni Ewropej u atturi internazzjonali, kif muri mill-assistenza reċiproka f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza;

9.  Jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra li testendi l-kalkolu eżistenti tal-Fond ta' Solidarjetà, li attwalment huwa bbażat fuq l-effetti ta' ħsara kkawżata minn avveniment katastrofiku wieħed, għal komputazzjoni kumulattiva tal-ħsara kkawżata minn bosta diżastri naturali li jseħħu fl-istess reġjun f'sena;

10.  Jenfasizza l-problemi ta' tbassir assoċjati mas-sistemi sismiċi u s-sismiċità għolja taż-żona tal-Mediterran u x-Xlokk tal-Ewropa; jistieden lill-Istati Membri jħaffu l-pass fir-riċerka favur il-prevenzjoni tal-ħsara, il-ġestjoni tal-kriżijiet u l-minimizzazzjoni tal-iskala tal-impatt tad-diżastri, flimkien ma' azzjonijiet fil-qafas ta' Orizzont 2020; jinnota bi tħassib li, f'dawn l-aħħar 15-il sena, eluf ta' persuni mietu u mijiet ta' eluf spiċċaw bla dar minħabba t-terremoti distruttivi li laqtu lill-Ewropa;

11.  Ifakkar fl-importanza tal-konformità mar-rekwiżiti għall-kostruzzjoni ta' bini u infrastruttura reżistenti għat-terremoti; iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali jżidu l-isforzi tagħhom biex jaraw li l-istrutturi jkunu konformi mal-istandards fis-seħħ f'dak li għandu x'jaqsam mat-terremoti u jagħtu l-attenzjoni dovuta lil dan l-aspett meta joħorġu l-permessi tal-bini;

12.  Jisħaq fuq l-importanza tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni Ċivili biex titrawwem il-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni ċivili fl-Ewropa kollha f'sitwazzjonijiet diffiċli u biex jitnaqqsu kemm jista' jkun l-effetti ta' avvenimenti straordinarji; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jissimplifikaw il-proċeduri għall-attivazzjoni tal-Mekkaniżmu sabiex dan jitqiegħed għad-dispożizzjoni malajr u b'mod effikaċi immedjatament wara li jseħħ diżastru;

13.  Jieħu nota tal-applikazzjoni ppreżentata mill-gvern Taljan fil-qafas tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE), u jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri neċessarji kollha biex tanalizza malajr it-talbiet għall-assistenza mill-Fond, bil-ħsieb li tiġi żgurata l-mobilizzazzjoni rapida tiegħu; jisħaq fuq l-importanza, f'dan il-kuntest, li l-ħlasijiet bil-quddiem jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali malajr kemm jista' jkun biex ikunu jistgħu jirreaġixxu għall-esiġenzi urġenti tas-sitwazzjoni;

14.  Iqis li l-"baġitizzazzjoni" parzjali tal-allokazzjoni finanzjarja annwali tal-FSUE prevista fir-regolament Omnibus propost, tista' tkun ta' għajnuna fil-futur biex titħaffef il-proċedura ta' mobilizzazzjoni bil-għan li jingħata rispons aktar malajr u aktar effikaċi liċ-ċittadini li jintlaqtu minn diżastru; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex fil-kuntest tal-possibbiltà ta' riformi fil-futur, tanalizza l-fattibbiltà ta' żieda fil-limitu ta' ħlasijiet bil-quddiem kif ukoll tat-tqassir tal-iskadenzi għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet;

15.  Jisħaq fuq l-importanza li jinħolqu sinerġiji fost l-istrumenti kollha disponibbli, inklużi l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE), u li jiġi żgurat li r-riżorsi jintużaw b'mod effikaċi għal attivitajiet ta' rikostruzzjoni u għall-azzjonijiet l-oħra kollha meħtieġa, f'kooperazzjoni sħiħa mal-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali Taljani; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tkun lesta tadotta emendi għall-programmi u l-programmi operattivi malajr kemm jista' jkun wara s-sottomissjoni ta' talba għal emenda min-naħa ta' Stat Membru; jenfasizza wkoll il-possibbiltà li jintuża l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) biex jingħata sostenn liż-żoni rurali u l-attivitajiet agrikoli li ntlaqtu mit-terremoti;

16.  Jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza li jsir l-aħjar użu mill-finanzjament attwali tal-UE biex isir investiment fil-prevenzjoni ta' diżastri naturali u li jiġu żgurati l-konsolidazzjoni u l-iżvilupp sostenibbli fit-tul ta' proġetti ta' rikostruzzjoni, u jtenni l-bżonn ta' semplifikazzjoni fil-proċeduri amministrattivi għall-koordinazzjoni tal-fondi; jenfasizza li, wara li jirċievu assistenza fil-qafas tal-Fond ta' Solidarjetà tal-UE, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jiżviluppaw strateġiji adegwati għall-ġestjoni tar-riskji u jsaħħu l-mekkaniżmi tagħhom għall-prevenzjoni tad-diżastri;

17.  Jieħu nota tal-attivazzjoni tas-Servizz ta' Ġestjoni tal-Emerġenzi "Copernicus" tal-UE, fuq talba tal-gvern Taljan, bil-għan li tingħata valutazzjoni tal-ħsara permezz tas-satellita għaż-żoni milquta; jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni fost iċ-ċentri ta' riċerka internazzjonali, u jilqa' l-użu tar-radar b'apertura sintetika (SAR), li jkun jista' jevalwa u jkejjel il-movimenti tal-art fil-livell ta' ċentimetri permezz tas-sħab mal-lejl u bi nhar, anki għal skopijiet ta' prevenzjoni u ġestjoni tar-riskji;

18.  Jenfasizza l-importanza tar-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) pubbliċi fil-prevenzjoni u l-ġestjoni tad-diżastri u jappella biex jiżdiedu l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni fost l-istituzzjonijiet tar-R&Ż tal-Istati Membri, speċjalment dawk li qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' riskji simili; jappella biex jittejbu s-sistemi ta' twissija bikrija fl-Istati Membri u biex jinħolqu u jissaħħu r-rabtiet bejn is-sistemi differenti ta' twissija bikrija;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvern tal-Italja u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali taż-żoni milquta.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.
(2) ĠU L 70, 16.3.2016, p. 1.
(3) ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3.
(4) ĠU L 189, 27.6.2014, p. 143.
(5) ĠU L 122, 24.4.2014, p. 1.
(6) ĠU L 163, 2.7.1996, p. 1.
(7) ĠU C 282 E, 6.11.2008, p. 269.
(8) ĠU C 286 E, 27.11.2009, p. 15.
(9) ĠU C 230 E, 26.8.2010, p. 13.
(10) ĠU C 440, 30.12.2015, p. 13.
(11) ĠU C 114, 15.4.2014, p. 48.

Avviż legali