Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2885(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1227/2016

Testi mressqa :

B8-1227/2016

Dibattiti :

PV 24/11/2016 - 12
CRE 24/11/2016 - 12

Votazzjonijiet :

PV 01/12/2016 - 6.25
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0480

Testi adottati
PDF 297kWORD 57k
Il-Ħamis, 1 ta' Diċembru 2016 - Brussell Verżjoni finali
L-aċċess għall-enerġija fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw
P8_TA(2016)0480B8-1227/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Diċembru 2016 dwar l-aċċess għall-enerġija fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw (2016/2885(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), b'mod partikolari l-SDG 7 dwar l-aċċess għall-enerġija u l-SDGs 12 u 13 dwar il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli u dwar it-tibdil fil-klima, rispettivament,

–  wara li kkunsidra l-inizjattiva Enerġija Sostenibbli għal Kulħadd (SE4ALL) imnedija min-NU fl-2011,

–  wara li kkunsidra l-inizjattiva tal-Kummissjoni "Nagħtu Enerġija lill-Iżvilupp" , imnedija fl-2012 biex, sal-2030, tagħti aċċess għal enerġija sostenibbli lil 500 miljun ruħ addizzjonali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jistabbilixxi li t-tnaqqis tal-faqar u, fuq terminu itwal, il-qerda tiegħu, jikkostitwixxu l-objettiv primarju tal-politika għall-iżvilupp tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 191 tat-TFUE u l-politika tal-UE dwar il-klima,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp(1) , u b'mod partikolari l-Anness I tiegħu, li jinkludi dispożizzjonijiet dwar l-enerġija sostenibbli fi programmi ġeografiċi, u l-Anness II tiegħu, li jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-komponent tal-enerġija sostenibbli tal-programm tematiku Beni Pubbliċi u Sfidi Globali (GPGC) tal-istrument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp,

–  wara li kkunsidra d-dokumenti ta' programmazzjoni rilevanti taħt l-istrument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ), inklużi l-Programmi Indikattivi Nazzjonali (PIN) li jinkludu settur fokali tal-enerġija, u l-Programmi Annwali ta' Azzjoni li jimplimentaw dawn il-PIN;

–  wara li kkunsidra l-inizjattiva tal-2014 magħrufa bħala Africa Clean Energy Corridor (Kuritur tal-Enerġija Nadifa fl-Afrika), li tfittex li tippromwovi l-użu aċċelerat tal-enerġija rinnovabbli fl-Afrika, u li tnaqqas l-emissjonijiet tal-karbonju u d-dipendenza fuq il-karburanti fossili importati,

–  wara li kkunsidra l-iskrutinju tiegħu tal-abbozz tad-dokumenti ta' programmazzjoni rilevanti tal-istrument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u tal-FEŻ qabel ma jiġu approvati mill-kumitati tal-istrument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u tal-FEŻ,

–  wara li kkunsidra l-21 Konferenza tal-Partijiet (COP 21) għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) f'Pariġi, f'Diċembru 2015, u l-adozzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi, l-ewwel ftehim universali u vinkolanti dwar il-klima dinjija,

–  wara li kkunsidra t-22 Konferenza tal-Partijiet (COP 22) għall-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCC) f'Marrakech mis-7 sat-18 ta' Novembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-laqgħa ta' livell għoli, fil-21 ta' Settembru 2016, ippreseduta minn Idriss Déby, il-President tal-Unjoni Afrikana, Alpha Condé, il-President tar-Repubblika tal-Guinea, Nkosazana Dlamini-Zuma, il-President tal-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana, Akinwumi Adesina, il-President tal-Bank Afrikan tal-Iżvilupp, fil-preżenza tar-rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea, Stefano Manservisi, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp, u Felice Zaccheo, Viċi Kap tal-Unità C6, l-enerġija u t-tibdil fil-klima, u Ségolène Royal, il-Ministru tal-Ekoloġija, l-Iżvilupp Sostenibbli u l-Enerġija, rigward l-inizjattiva dwar l-enerġiji rinnovabbli u s-sħubija UE-UA fil-marġini tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York,

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-16 ta' Novembru 2000 tal-Kummissjoni Dinjija dwar id-Digi: "Qafas ġdid għat-teħid ta' deċiżjonijiet",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-27 ta' Settembru 2011 dwar il-finanzjament tal-infrastruttura tad-Digi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw(2), tat-2 ta' Frar 2012 dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE b'appoġġ għall-objettiv ta' aċċess universali għall-enerġija sal-2030(3), u tat-12 ta' Ġunju 2012 dwar kooperazzjoni fil-politika enerġetika ma' sħab lil hinn mill-fruntieri tagħna: Approċċ strateġiku għal provvista sikura, sostenibbli u kompetittiva tal-enerġija(4),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 15/2015 tas-6 ta' Ottubru 2015 tal-Qorti tal-Awdituri dwar "L‑appoġġ taħt il‑Faċilità għall‑Enerġija AKP–UE għal enerġija rinnovabbli fl‑Afrika tal‑Lvant",

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar l-aċċess għall-enerġija fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw (O-000134/2016 – B8-1809/2016),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-aċċess sostenibbli għal enerġija għal but kulħadd, affidabbli u sikura huwa kruċjali biex jissodisfa l-ħtiġijiet u d-drittijiet bażiċi tal-bniedem, inklużi l-aċċess għal ilma nadif, sanità, ambjent ta' sikurezza u sigurtà, il-kura tas-saħħa, it-tisħin u l-edukazzjoni, huwa essenzjali għal prattikament kull tip ta' attività ekonomika, u huwa mutur ewlieni tal-iżvilupp; billi l-aċċess għall-enerġija għandu wkoll aspetti ta' sigurtà ġeopolitika u billi kwistjonijiet tal-enerġija jistgħu jsiru motivi ta' kunflitt;

B.  billi 1.2 biljun ruħ m'għandhomx aċċess għall-elettriku u billi dan l-aċċess mhuwiex affidabbli għal għadd saħansitra akbar ta' persuni; billi nofs dawk li m'għandhomx aċċess għall-elettriku jgħixu fl-Afrika; billi dan l-għadd qiegħed jikber, peress li l-popolazzjoni f'dan il-kontinent qed tiżdied b'pass aktar mgħaġġel minn dak tat-tkattir tal-aċċess għall-enerġija;

C.  billi, mill-perspettiva tal-aċċess għall-elettriku, is-sitwazzjoni tal-Afrika sub-Saħarjana hija l-agħar fid-dinja, iżda billi hekk kif is-settur tal-enerġija tar-Reġjun jevolvi, x'aktarx li l-Afrika sub-Saħarjana sal-2040 tkun qed tikkonsma elettriku daqs kemm kienu jikkunsmaw flimkien l-Indja u l-Amerika Latina fl-2010;

D.  billi aktar minn 70 % tal-konsum tal-enerġija totali fl-Afrika jiġi minn sorsi rinnovabbli, iżda billi l-użi tradizzjonali tal-bijomassa jirrappreżentaw il-kważi totalità ta' dawn; billi għad hemm opportunitajiet enormi għall-inklużjoni ta' sorsi oħra, speċjalment f'dak li jirrigwarda l-enerġija mix-xemx u mir-riħ;

E.  billi x-xejriet demografiċi fl-Afrika se jkollhom impatt kbir fuq ir-rekwiżiti tal-użu tal-artijiet għall-produzzjoni tal-għelejjel, kif ukoll fuq il-ħtieġa ta' ħatab;

F.  billi d-deforestazzjoni globali tirrappreżenta kważi 20 % tal-emissjonijiet kollha ta' CO2; u billi d-dipendenza qawwija fuq il-bijomassa tradizzjonali u stufi tat-tisjir ineffiċjenti jipperikolaw il-foresti u l-artijiet mogħxa fil-kontinent Afrikan;

G.  billi 2.3 biljun ruħ għat-tisjir jużaw il-bijomassa tradizzjonali, bħall-faħam tal-kannol, u billi dan l-użu spiss ikollu implikazzjonijiet negattivi serji għas-saħħa u għall-ambjent; billi n-nisa jerfgħu sehem sproporzjonat tal-piż tal-użu ta' materjali bħal dawn, inkluż billi jiġbru l-ħatab, attività li tista' tieħu ħafna ħin u wkoll tipperikola s-sigurtà tagħhom; billi l-użu ta' stufi tat-tisjir imtejba jnaqqas il-ħin u jħaffef l-isforz meħtieġ għat-tħejjija tal-ikel;

H.  billi l-Afrika hija fl-istess ħin sew il-kontinent bl-akbar potenzjal ta' enerġija rinnovabbli fid-dinja u sew dak li għadu l-aktar lura rigward l-elettrifikazzjoni;

I.  billi l-faqar enerġetiku huwa mifrux l-aktar f'żoni rurali, iżda billi l-għoti ta' aċċess għall-enerġija fl-inħawi li qed jespandu fl-ibliet li qed jikbru b'rata mgħaġġla wkoll jirrappreżenta sfida enormi, minħabba r-realtajiet tal-ġeografija, tal-konnettività u tan-nuqqas ta' infrastruttura, u billi l-ifqar pajjiżi fl-Afrika huma dawk bl-ogħla kontijiet tal-enerġija;

J.  billi huwa essenzjali li s-swieq tal-elettrifikazzjoni rurali, li m'ilhomx wisq stabbiliti, jiġu żviluppati sa ma jsiru maturi u awtosostenibbli, u li programmi li jiffukaw fuq soluzzjonijiet enerġetiċi rinnovabbli, effiċjenti fl-użu tal-enerġija, fuq skala zgħira u deċentralizzati jingħataw appoġġ ulterjuri;

K.  billi l-faqar enerġetiku għandu wkoll dimensjoni tal-ġeneru; billi l-konsegwenzi tal-faqar enerġetiku huma agħar għan-nisa;

L.  billi l-iżgurar li sal-2030 kulħadd ikollu aċċess għal enerġija għal but kulħadd, affidabbli, sostenibbli u moderna huwa l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli universali Nru 7; billi t-twettiq ta' impenji għall-azzjoni klimatika jirrikjedi wkoll sforzi vigorużi u għaqlija fil-qasam tal-enerġija, u billi l-Afrika għalhekk qed tħabbat wiċċha ma' sfida doppja peress li jeħtiġilha tkabbar b'mod drastiku l-aċċess taċ-ċittadini tagħha għal servizzi tal-enerġija bażiċi u fl-istess ħin tirrispetta l-impenji tagħha skont il-ftehim dwar it-tibdil fil-klima;

M.  billi l-Programm tal-Ambjent tan-Nazzjonijiet Uniti fir-rapport intitolat "Tendenzi globali fl-investmenti fl-enerġija rinnovabbli 2016" turi li l-investiment globali annwali ta' kapaċità rinnovabbli ġdida kien aktar mid-doppju ta' dawk f'impjanti tal-enerġija tal-faħam u l-gass fl-2015; billi suq tal-enerġija rinnovabbli fl-2015 kien iddominat mill-fotovoltajċi tax-xemx u mir-riħ; u billi, għall-ewwel darba fl-2015, l-investimenti fl-enerġija rinnovabbli kienu ogħla fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw milli f'dawk żviluppati;

N.  billi r-rapport tal-Kummissjoni Dinjija dwar id-Digi tas-16 ta' Novembru 2000 jikkonkludi li, filwaqt li d-digi kbar ma rnexxilhomx jipproduċu l-elettriku, jipprovdu l-ilma, jew jikkontrollaw id-danni kkawżati mill-għargħar daqskemm kienu mistennija jagħmlu, kellhom impatti soċjali u ambjentali enormi, u l-isforzi magħmula biex itaffu dawn l-impatti fil-biċċa l-kbira ma rnexxewx;

O.  billi l-għan tal-ksib ta' aċċess universali għall-enerġija huwa minsuġ mal-għan tal-ksib ta' ġustizzja klimatika;

P.  billi l-ġustizzja klimatika torbot id-drittijiet tal-bniedem mal-iżvilupp sabiex ikun hemm approċċ iċċentrat fuq il-bniedem, li jissalvagwardja d-drittijiet tal-persuni l-aktar vulnerabbli u l-qsim tal-piżijiet u l-benefiċċji tat-tibdil fil-klima u l-impatti tagħha b'mod ekwu u ġust;

Q.  billi flussi inkonsistenti tal-finanzjament klimatiku u tat-trasferiment tat-teknoloġija fir-rigward tat-tibdil fil-klima jistgħu jipperikolaw ir-rieda tal-mexxejja Afrikani li jiżviluppaw l-enerġija rinnovabbli biex iwettqu l-aġenda tal-industrijalizzazzjoni tal-kontinent;

R.  billi l-Ftehim ta' Pariġi jissottolinja l-ħtieġa li l-aċċess universali għall-enerġija sostenibbli jiġi promoss fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari fl-Afrika, permezz tat-tisħiħ tal-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli;

S.  billi hemm evidenza estensiva u kunsens wiesa' li l-produzzjoni fuq skala żgħira u deċentralizzata tal-enerġija rinnovabbli, kif ukoll li netwerks lokali u s-soluzzjonijiet mhux kollegati mal-grilja ħafna drabi huma l-aktar effiċjenti, u li dawn is-soluzzjonijiet għandhom aktarx jipproduċu l-akbar kontributi għall-progress ġenerali tal-iżvilupp u l-aktar li jirnexxilhom jimminimizzaw jew jevitaw impatti negattivi fuq l-ambjent;

T.  billi l-produzzjoni lokali tal-enerġija rinnovabbli hija enfasizzata fir-Regolament dwar l-istrument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp (SKŻ) u fil-programmi u l-proġetti tal-SKŻ u tal-FEŻ, u billi l-proġetti fil-qasam tal-enerġija għandhom jitfasslu b'tali mod li jirriflettu l-għarfien tal-vantaġġi tal-produzzjoni deċentralizzata tal-enerġija rinnovabbli;

U.  billi l-għajnuna tal-UE għall-iżvilupp fil-qasam tal-enerġija żdiedet ħafna u billi huwa ppjanat li, fil-perjodu 2014-2020, tilħaq EUR 3,5 biljun; billi 30 PIN, li nofshom huma għall-pajjiżi Afrikani, jinkludu settur fokali tal-enerġija;

V.  billi l-Faċilità tal-Enerġija AKP-UE, li nħolqot f'Ġunju 2005, għandha l-għan li tippromwovi l-aċċess għal servizzi moderni tal-enerġija għall-foqra f'żoni rurali u madwar l-ibliet, b'konċentrazzjoni qawwija fuq l-Afrika sub-Saħarjana u fuq l-enerġija rinnovabbli; billi r-Rapport Speċjali relatat Nru 15/2015 tal-Qorti tal-Awdituri tal-UE għamel għadd ta' rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni għal għażla aktar rigoruża tal-proġetti, għat-tisħiħ tal-monitoraġġ tagħhom u għal titjib tal-prospetti tagħhom rigward is-sostenibbiltà;

W.  billi dan l-aħħar tnediet Inizjattiva tal-UE għall-Finanzjament tal-Elettrifikazzjoni (ElectriFI) u arranġamenti finanzjarji oħra jinkludu faċilitajiet biex għotjiet tal-UE jiġu kombinati ma' self jew ekwità minn finanzjaturi pubbliċi u privati (faċilitajiet ta' taħlit) għal inħawi differenti tad-dinja, l-attivitajiet tal-Bank Ewropew tal-Investiment fil-qasam tal-enerġija taħt il-mandat tiegħu ta' self estern u l-ħidma tal-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Infrastruttura fl-Afrika;

X.  billi biex jintlaħaq l-SDG 7 jeħtieġ li jsir kontribut dejjem akbar mill-investiment privat; billi kwalunkwe deċiżjoni dwar il-promozzjoni tal-użu tas-sħubijiet pubbliċi-privati permezz tat-taħlit fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandha tkun ibbażata fuq valutazzjoni komprensiva ta' dawn il-mekkaniżmi, u fuq it-tagħlimiet minn esperjenzi tal-passat; billi jeħtieġ li, f'kull ċirkostanza, il-kontribuzzjonijiet tal-għotjiet għal proġetti diġà kummerċjalment vijabbli jiġu evitati;

Y.  billi trid tkun prijorità li persunal lokali u speċjalizzat ħafna jitħarreġ biex jiżgura l-aċċess għall-enerġija fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u billi porzjon sostanzjali tal-finanzjament trid tkun iddedikata għal dan it-taħriġ;

Z.  billi s-sussidji globali għall-karburanti fossili jilħqu madwar USD 500 biljun fis-sena, joħolqu żidiet minflok tnaqqis fl-emissjonijiet ta' gassijiet serra, u aktarx li l-persuni relattivament għonja jgawdu minnhom aktar minn dawk foqra; billi dawn is-sussidji għandhom jitneħħew gradwalment u b'hekk, il-gvernijiet ikunu jistgħu jilliberaw fondi konsiderevoli għal politiki soċjali ferm aktar effiċjenti, biex jestendu l-aċċess għal enerġija għal but kulħadd, affidabbli, sostenibbli u moderna, u jnaqqsu l-inugwaljanzi u jtejbu l-kwalità tal-ħajja;

1.  Ifakkar li l-aċċess għall-enerġija jaċċelera l-iżvilupp; jiġbed l-attenzjoni għall-iskala u l-implikazzjonijiet tal-faqar enerġetiku fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u għall-involviment qawwi tal-UE fl-isforzi biex dan il-faqar jitnaqqas; jissottolinja l-ħtieġa għal sforzi qawwija u konċertati mill-gvernijiet, mis-soċjetà ċivili u minn partijiet interessati oħra fil-pajjiżi affettwati u minn sħab internazzjonali biex inaqqsu l-faqar enerġetiku u jilħqu l-SDG 7, ħaġa li tirrikjedi sforzi partikolari f'żoni rurali remoti, speċjalment f'reġjuni li mhumiex kollegati mal-grilja; ifakkar li l-politiki dwar it-tibdil fil-klima u dwar il-kummerċ għandhom ikunu ta' sostenn reċiproku fil-ksib tal-iżvilupp sostenibbli u tal-qerda tal-faqar f'konformità mal-Aġenda 2030 u mal-Ftehim ta' Pariġi;

2.  Jenfasizza r-relazzjoni qawwija li teżisti bejn l-enerġija u kwistjonijiet potenzjali ta' sigurtà u jqis li l-governanza tal-enerġija, filwaqt li hija diffiċli li tiġi implimentata, hija essenzjali għall-iżvilupp uman u ekonomiku fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

3.  Jirrimarka li l-elettrifikazzjoni titwettaq bis-saħħa tal-appoġġ tal-awtoritajiet pubbliċi, liema appoġġ jiddependi fuq il-governanza soda tas-servizzi tad-distribuzzjoni tal-enerġija u fuq il-kapaċità tal-istati li jwettqu l-funzjonijiet sovrani tagħhom;

4.  Jistieden lill-UE tinkludi dimensjoni tal-ġeneru fil-politiki tagħha kollha dwar l-enerġija, b'konċentrazzjoni fuq in-nisa bi ħtiġijiet speċifiċi;

5.  Jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni "Nagħtu Enerġija lill-Iżvilupp", li għandha l-għan li sal-2030 tagħti aċċess għal enerġija sostenibbli lil 500 miljun ruħ addizzjonali f'pajjiżi li qed jiżviluppaw permezz ta' elementi ta' programmi bħalma huma l-ħolqien ta' Faċilità ta' Assistenza Teknika, li tagħmel użu minn esperti tal-UE biex trawwem għarfien espert tekniku f'pajjiżi li qed jiżviluppaw u tippromwovi l-bini tal-kapaċità u t-trasferiment tat-teknoloġija; jenfasizza r-rwol tal-enerġija bħala element abilitanti għal bosta oqsma oħrajn, bħalma huma s-saħħa, l-edukazzjoni, l-ilma nadif, l-agrikoltura, kif ukoll il-konnettività tat-telekomunikazzjoni u tal-internet; jenfasizza li l-inizjattiva "Nagħtu Enerġija lill-Iżvilupp" trid tkun allinjata bis-sħiħ mal-objettivi tal-politika tal-UE dwar l-iżvilupp kif iddikjarati fit-Trattat ta' Lisbona;

6.  Iqis li, minkejja li huma qosra, id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament dwar l-istrument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp (SKŻ), kodeċiżi mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, jirrappreżentaw bażi soda għall-għajnuna tal-UE għall-iżvilupp fil-qasam tal-enerġija; ifakkar li dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċentraw fuq l-aċċess għall-enerġija u jenfasizzaw l-enerġija rinnovabbli lokali u reġjonali u jiżguraw li l-persuni fqar f'reġjuni remoti jkollhom aċċess;

7.  Jilqa' b'sodisfazzjon ElectriFi, li jipprovdi struttura flessibbli u inklussiva li tippermetti l-parteċipazzjoni ta' sħab differenti bħalma huma s-settur privat, l-istituzzjonijiet pubbliċi u l-awtoritajiet lokali li jistgħu jibbenefikaw bl-istess mod taħt l-istess kundizzjonijiet ibbażati fuq is-suq, bil-qies debitu tal-ħtiġijiet u l-opportunitajiet f'kull pajjiż/reġjun speċifiku; ifakkar li l-involviment ta' sħab mis-settur privat u mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali se jkun strumentali fit-tisħiħ tal-effikaċja u tas-sjieda tal-azzjonijiet implimentati;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni biex b'mod regolari tirrapporta fis-sit web tagħha x'progress ikun sar lejn l-ilħiq tal-mira tal-inizjattiva tagħha "Nagħtu Enerġija lill-Iżvilupp", tispeċifika liema proporzjon mill-finanzjament totali għall-enerġija fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikun mar għall-enerġija rinnovabbli, għar-reġjuni remoti, għat-taħriġ tal-persunal, għall-ħolqien ta' għarfien u ħiliet lokali u għal soluzzjonijiet lokali u mhux kollegati mal-grilja, u biex fil-qosor, iżda kemm jista' jkun b'mod preċiż, tiddeskrivi l-involviment tal-partijiet ikkonċernati differenti fl-azzjonijiet konklużi u f'dawk li jkunu għadhom għaddejja;

9.  Jenfasizza l-potenzjal kbir tar-riżorsi tal-enerġija rinnovabbli fl-Afrika, f'dak li jirrigwarda l-produzzjoni tal-enerġja mix-xemx u mir-riħ solari u tar-riħ, biex jiżguraw aċċess għall-enerġija għal kulħadd, speċjalment f'żoni rurali; jirrimarka li l-prezz ta' tagħmir fotovoltajku għandu influwenza fundamentali fuq l-isfruttament reali tal-potenzjal tal-enerġija mix-xemx fl-Afrika; iħeġġeġ, għalhekk, lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jiffaċilitaw it-trasferiment tat-teknoloġija għall-użu ta' dan it-tagħmir f'pajjiżi li qed jiżviluppaw;

10.  Jinnota li l-Afrika għandha madwar 10 % tal-potenzjal teoretiku tal-idroenerġija; ifakkar li t-tisħin globali se jaffettwa x-xejriet tal-preċipitazzjoni, u b'hekk se jirrappreżenta sfida dejjem tikber rigward l-aċċess għall-ilma u s-sigurtà tal-ikel; ifakkar ukoll li l-Kummissjoni Dinjija dwar id-Digi indikat li l-foqra, gruppi vulnerabbli oħra u l-ġenerazzjonijiet futuri x'aktarx se jkollhom sehem sproporzjonat tal-ispejjeż soċjali u ambjentali tal-proġetti tad-digi l-kbar, bla ma jgawdu sehem proporzjonali tal-benefiċċji ekonomiċi; itenni li digi idroelettriċi żgħar huma aktar sostenibbli u ekonomikament vijabbli minn impjanti idroelettriċi kbar;

11.  Jirrakkomanda li l-aġenziji tal-finanzjament (l-aġenziji ta' għajnuniet bilaterali, il-banek multilaterali tal-iżvilupp, l-Aġenziji tal-Krediti għall-Esportazzjoni u l-BEI) jiżguraw li kwalunkwe għażla ta' diga li għaliha jiġi approvat finanzjament tkun skont il-linji gwida tal-Kummissjoni Dinjija dwar id-Digi; jenfasizza, b'mod partikolari, li kwalunkwe pjanifikazzjoni ta' digi għandha tiġi vvalutata skont ħames valuri: l-ekwità, l-effiċjenza, il-parteċipazzjoni fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, is-sostenibbiltà u r-responsabbiltà; ifakkar, b'mod partikolari, li f'każ li proġetti jaffettwaw lill-popli indiġeni u tribali, tali proċessi jridu jsiru bil-kunsens liberu, minn qabel u informat tagħhom;

12.  Ifakkar li l-bijoenerġija hija sors ta' enerġija kumpless li huwa interkonness mal-agrikoltura, mal-forestrija u mal-industrija, u li jħalli impatt fuq l-ekosistemi u l-bijodiversità; jinnota, b'mod partikolari, li l-iżvilupp ta' bijomassa għall-enerġija joħloq theddidiet ġodda, jiġifieri rigward is-sigurtà tal-ikel u s-sigurtà tal-pussess tal-artijiet, id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-artijiet; ifakkar li l-impronta tal-ilma tal-bijoenerġija għandha titqies ukoll, peress li ħafna nħawi tal-Afrika diġà qed iġarrbu nuqqas ta' ilma, u li madwar terz tal-meded tal-art produttiva fl-Afrika diġà huma kklassifikati bħala artijiet niexfa; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li jiġu żviluppati, kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, kriterji stretti u vinkolanti fir-rigward tas-sostenibbiltà ambjentali u soċjali għall-produzzjoni tal-bijomassa sabiex l-enerġija tissodisfa l-SDG 7;

13.  Jenfasizza l-ħtieġa li jingħata appoġġ għal stufi tat-tisjir effiċjenti ħafna u għat-tranżizzjoni għal karburanti tat-tisjir moderni sabiex ipattu għat-tnaqqis rapidu tar-riżorsi tal-injam;

14.  Iqis li hija inkoraġġanti l-eżistenza ta' diversi inizjattivi fil-livell internazzjonali biex jippromwovu l-aċċess għall-enerġija sostenibbli f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari fl-Afrika, iżda jinsisti fuq il-bżonn li jkunu kkoordinati aħjar għal aktar effiċjenza; jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jipprovdu appoġġ u assistenza teknika fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-inizjattiva Kuritur tal-Enerġija Nadifa fl-Afrika, li sal-2030 tfittex li taqdi nofs it-total tad-domanda għall-elettriku minn riżorsi nodfa, indiġeni u kosteffikaċi, u b'hekk tnaqqas l-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju; jitlob li jkun hemm kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn korpi ta' finanzjament, is-settur privat u l-gvernijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex taċċelera l-ilħiq tal-miri; jenfasizza l-ħtieġa ta' appoġġ għall-manutenzjoni b'aċċess suffiċjenti għall-forniment ta' spare parts, kif ukoll għall-preżenza ta' esperti tekniċi li jkunu mħarrġa lokalment;

15.  Jappoġġja l-użu ta' taħlit fejn dan jirrappreżenta l-aktar użu effiċjenti ta' fondi għall-assistenza għall-iżvilupp għat-twettiq tal-SDG 7, fejn l-enfasi tkun fuq proġetti fuq skala żgħira u fejn l-impriżi parteċipanti jkollhom l-obbligu li jipprattikaw responsabbiltà korporattiva soċjali; jitlob lil l-Kummissjoni toqgħod attenta li ma tagħtix fondi lil kwalunkwe proġett li xorta jkun vijabbli mingħajr dawn il-fondi, anke jekk investitur privat japplika għalihom; iqis li l-prinċipji tal-effikaċja tal-iżvilupp iridu jiġi segwiti wkoll f'operazzjonijiet ta' taħlit u jinnota li l-allinjament mal-pjanijiet ta' żvilupp tal-pajjiżi benefiċjarji, l-involviment wiesa' tal-partijiet interessati, it-trasparenza u r-responsabbiltà, il-koordinazzjoni u l-effiċjenza kif ukoll riżultati tanġibbli u li jistgħu jitkejlu huma importanti;

16.  Jitlob li s-sussidji tal-karburanti fossili jitneħħew gradwalment, u jħeġġeġ li l-fondi hekk meħlusa jiġu allokati għal politiki soċjali effiċjenti u għal azzjonijiet li jeqirdu l-faqar enerġetiku fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

17.  Jenfasizza li l-unika kejl aħħari tas-suċċess tal-azzjonijiet tal-UE jkun id-daqs tal-kontribut li jagħmlu lejn il-ksib tal-aċċess universali għall-enerġija, b'emissjonijiet minimi ta' gassijiet serra, fil-qies tal-prinċipju tar-Responsabbiltà Komuni Iżda Differenzjata;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lis-Segretarju Ġenerali tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku.

(1) ĠU L 77, 15.3.2014, p. 44.
(2) ĠU C 56 E, 26.2.2013, p. 67.
(3) ĠU C 239 E, 20.8.2013, p. 83.
(4) ĠU C 332 E, 15.11.2013, p. 28.

Avviż legali