Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2060(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0365/2016

Testi mressqa :

A8-0365/2016

Dibattiti :

PV 12/12/2016 - 17
CRE 12/12/2016 - 17

Votazzjonijiet :

PV 13/12/2016 - 5.6
CRE 13/12/2016 - 5.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0487

Testi adottati
PDF 400kWORD 59k
It-Tlieta, 13 ta' Diċembru 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
Id-Drittijiet tan-Nisa fl-Istati tas-Sħubija tal-Lvant
P8_TA(2016)0487A8-0365/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2016 dwar id-drittijiet tan-nisa fl-Istati tas-Sħubija tal-Lvant (2016/2060(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), li jistabbilixxu l-ugwaljanza bejn is-sessi bħala wieħed mill-prinċipji ewlenin li fuqhom hija msejsa l-UE,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tat-18 ta' Diċembru 1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),

–  wara li kkunsidra l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing tan-NU (1995) għall-ugwaljanza, l-iżvilupp u l-paċi,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1820 (2008), 1325 (2000) u, aktar reċentement, 2242 (2015) dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing ta' Settembru 1995, u l-Konferenza Internazzjonali dwar il-Programm ta' Azzjoni dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (il-Konferenza tal-Kajr) ta' Settembru 1994, kif ukoll l-eżiti tal-konferenzi ta' rieżami tagħhom,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat-18 ta' Novembru 2015 dwar ir-Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) (SWD(2015)0500),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Frar 2008 dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat, tal-20 ta' April 2015 dwar ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, u tal-14 ta' Diċembru 2015 dwar ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant li sar fi Praga fis-7 ta' Mejju 2009,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant li sar f'Vilnius fit-28 u d-29 ta' Novembru 2013, bit-titolu 'Is-Sħubija tal-Lvant: it-triq 'il quddiem',

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant li sar f'Riga fil-21 u t-22 ta' Mejju 2015,

–  wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni / Żoni ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi (AA/DCFTAs) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u l-Georgia, il-Moldova, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument Ewropew tal-Viċinat(1) (PEV),

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Lulju 2015 dwar il-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015-2019,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2015 dwar il-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2020,

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma Konġunt tal-Persunal mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni tal-21 ta’ Settembru 2015 dwar "Gender Equality and Women's Empowerment: Transforming the Lives of Girls and Women through EU External Relations 2016-2020" (L-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tal-Pożizzjoni tan-Nisa: Nittrasformaw Ħajjet il-Bniet u n-Nisa permezz tar-Relazzjonijiet Esterni tal-UE 2016-2020),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2016 dwar il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni / Żoni ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi mal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar ir-Rapport annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2014 u l-politika tal-UE dwar il-kwistjoni(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tal-Pożizzjoni tan-Nisa fl-Iżvilupp(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2013 dwar il-Ġeneruċidju: in-nisa li għebu?(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu u r-riżoluzzjoni reċenti tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat(6),

–  wara li kkunsidra l-Proġett tal-Kunsill tal-Ewropa dwar it-Titjib fl-Aċċess tan-Nisa għall-Ġustizzja f'Ħames Pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Istanbul tal-Kunsill tal-Ewropa tal-2011,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-pajjiżi u r-rapporti ta' progress tal-OECD tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Istanbul Kontra l-Korruzzjoni għall-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant (SL),

–  wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, jiġifieri l-Konvenzjoni dwar Remunerazzjoni Ugwali (Nru 100) tal-1951, il-Konvenzjoni dwar id-Diskriminazzjoni (fl-Impjiegi u fix-Xogħol) (Nru 111) tal-1958, il-Konvenzjoni dwar il-Ħaddiema b'Responsabbiltajiet Familjari (Nru 156) tal-1981 u l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Maternità (Nru 183) tal-2000,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0365/2016),

A.  billi skont id-Dikjarazzjoni ta' Praga, is-Sħubija hija bbażata fuq impenji għall-prinċipji tad-dritt internazzjonali u għall-valuri fundamentali, inklużi d-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; billi d-Dikjarazzjoni ta' Riga għamlet referenza għall-ugwaljanza bejn is-sessi bħala "qasam ġdid promettenti ta' kooperazzjoni";

B.  billi d-divrenzjar imsaħħaħ bejn il-pajjiżi msieħba u sjieda akbar min-naħa tagħhom huma prinċipji ewlenin għall-PEV rieżaminata, b'qies għas-sitwazzjoni speċifika ta' kull pajjiż;

C.  billi l-ugwaljanza tas-sessi bejn in-nisa u l-irġiel hi minquxa fil-kostituzzjonijiet u s-sistemi ġuridiċi tal-pajjiżi kollha tas-SL, u l-pajjiżi kollha rratifikaw il-biċċa l-kbira tal-konvenzjonijiet internazzjonali importanti f'dan il-qasam mingħajr riżervi; jiddeplora l-fatt li n-nisa għadhom soġġetti għal diskriminazzjoni soċjali fil-pajjiżi tas-SL;

D.  billi l-pajjiżi kollha tas-SL żviluppaw strateġiji, programmi u pjanijiet ta' azzjoni biex tittejjeb is-sitwazzjoni tan-nisa;

E.  billi fl-istati tas-SL 17-il pożizzjoni biss minn 136 pożizzjoni ministerjali għolja kienu okkupati minn nisa fl-2015, u bħala medja, in-nisa kienu jirrappreżentaw 16 % tal-Membri eletti tal-Parlament, waqt li n-nisa fl-ogħla pożizzjonijiet fis-servizz ċivili kienu jammontaw bħala medja għal 17 % biss; billi fir-reġjun kollu, tliet partiti politiċi biss kienu mmexxija minn nisa;

F.  billi s-segregazzjoni vertikali u orizzontali tal-impjieg tan-nisa fis-swieq tax-xogħol fl-Istati tas-SL għadha marbuta ħafna man-normi kulturali u soċjali tagħhom; billi n-nisa huma mgħobbija wkoll bit-"tieni xift" ta' xogħol domestiku mhux imħallas;

G.  billi l-istereotipi li s-soċjetà tgħaddilna b'mod wiesa' jħallu lin-nisa fi rwol subordinat; billi dawn l-istereotipi jibdew jiżviluppaw matul it-tfulija u huma riflessi fl-għażliet edukattivi u ta' taħriġ u jibqgħu għaddejjin fis-suq tax-xogħol;

H.  billi ħafna nisa fiż-żoni rurali li m'għandhomx possibilitajiet oħra għandhom it-tendenza li jaċċettaw impjiegi b'pagi baxxi fl-agrikoltura, li sikwit ikunu mingħajr reġistrazzjoni uffiċjali u mingħajr ebda dritt tas-sigurtà soċjali; billi l-eliminazzjoni tal-inugwaljanzi bejn l-irġiel u n-nisa fl-agrikoltura tista' tgħin biex jiġi żgurat aċċess indaqs għall-impjieg għall-irġiel u għan-nisa, kif ukoll paga ugwali għal xogħol ta' valur ugwali;

I.  billi n-nisa u l-irġiel fil-pajjiżi tas-SL spiss iħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet biex ikollhom aċċess għas-servizzi tas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, u għad hemm ostakli serji għan-nisa fqar, għall-migranti, għall-minoranzi etniċi u għal dawk li jgħixu f'żoni rurali; billi anqas minn 50 fil-mija tan-nisa fil-pajjiżi tas-SL jużaw metodi kontraċettivi moderni, u f'xi pajjiżi anke anqas minn 20 fil-mija, u r-raġunijiet ewlenin huma pariri ħżiena, spejjeż għoljin, u nuqqas ta' għażla u provvista mhux affidabbli;

J.  billi għad baqa' nuqqasijiet serji fl-aċċess għall-ġustizzja għall-vittmi nisa ta' vjolenza sessista, b'mod partikolari n-nuqqas ta' kriminalizzazzjoni ta' kull forma ta' vjolenza kontra n-nisa, sottorappurtar gravi ta' reati ta' dan it-tip, għadd żgħir wisq ta' kundanni f'każijiet ta' stupru, u ftit jew l-ebda finanzjament mill-Istat għal servizzi ta' appoġġ;

K.  billi filwaqt li jeżistu differenzi sinifikanti bejn il-pajjiżi tas-SL fir-rigward tal-prevalenza tal-vjolenza fuq in-nisa u l-aċċettazzjoni ta' tali vjolenza, ir-rata hija relattivament għolja - il-prevalenza matul il-ħajja tal-vjolenza fiżika hija ta' aktar minn 20 % f'erbgħa mis-sitt pajjiżi; billi m'hemmx biżżejjed data kumparabbli għad-determinazzjoni tal-prevalenza tal-vjolenza fiżika, sesswali u psikoloġika fil-post tax-xogħol, wisq probabbli anke minħabba nuqqas ta' rappurtar; billi r-riskju tal-vjolenza huwa ħafna akbar għan-nisa li jappartjenu għal minoranzi etniċi, bħar-Rom;

L.  billi l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant għadhom pajjiżi ta' oriġini, u f'xi każijiet pajjiżi ta' tranżitu u ta' destinazzjoni, għat-traffikar tal-bnedmin li jinvolvi n-nisa u l-bniet, fosthom għal skopijiet ta' sfruttament sesswali;

M.  billi l-kunflitti persistenti għadhom qed ikomplu jxekklu l-iżvilupp fir-reġjun, b'effett profond fuq il-ħajjiet u d-drittijiet tal-bniedem tal-persuni milquta, fosthom in-nisa u l-bniet;

N.  billi l-kunflitt li għadu għaddej fil-Lvant tal-Ukrajna approfondixxa l-istereotipi tal-ġeneru li jenfasizzaw lill-irġiel bħala protetturi u lin-nisa bħala l-persuni li jsostnu lill-familja, u llimitaw il-parteċipazzjoni u l-involviment tan-nisa fir-riżoluzzjoni tal-kunflitt;

O.  billi fl-Ukrajna, aktar minn 1,5 miljun ruħ – żewġ terzi minnhom nisa u tfal – ġew spostati f'pajjiżhom mindu beda l-kunflitt u qed ibatu minħabba l-aċċess ostakolat għall-kura tas-saħħa, għall-akkomodazzjoni u għall-impjieg;

P.  billi l-bniet Rom fil-Moldova jqattgħu medja ta' anqas minn erba' snin l-iskola, meta mqabbel ma' 11-il sena għall-bniet li mhumiex Rom, b'konsegwenza ta' żwieġ fit-tfulija jew żwieġ prekoċi, tqaliet mhux ippjanati u responsabilitajiet tal-kura tat-tfal;

Q.  billi l-UE u l-Istati Membri tagħha huma impenjati lejn il-protezzjoni, it-twettiq u t-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem min-nisa u l-bniet, u jippromwovuhom b'qawwa fir-relazzjonijiet esterni kollha tagħhom, fosthom dawk li jmorru lil hinn mill-kooperazzjoni għall-iżvilupp;

R.  billi l-ugwaljanza bejn is-sessi għadha prijorità orizzontali fi ħdan il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) u l-Istrument Ewropew tal-Viċinat (ENI), u billi l-PEV rieżaminata għandha tinkludi appoġġ imsaħħaħ għas-soċjetà ċivili u konċentrazzjoni mġedda fuq l-importanza tal-ugwaljanza bejn is-sessi; billi s-soċjetà ċivili tiżvolġi rwol importanti ħafna fil-kisba tal-ugwaljanza bejn is-sessi fis-Sħubija tal-Lvant;

S.  billi bosta programmi tal-UE huma miftuħa għal pajjiżi sħab tas-SL, bħal pereżempju Erasmus+, COSME, Ewropa Kreattiva u Orizzont 2020;

T.  billi l-kura ta' qabel it-twelid, il-preżenza ta' kura esperta waqt il-ħlas, b'kura ostetrika ta' emerġenza f'riżerva u provvisti essenzjali disponibbli huma kruċjali biex titnaqqas il-mortalità materna; billi l-pajjiżi tas-SL għad jonqoshom biex jilħqu lin-nisa kollha, speċjalment dawk li jinsabu fiż-żoni l-aktar fqar u l-aktar imbiegħda, u lil dawk li jappartjenu lill-gruppi emarġinati bħalma huma l-minoranzi nazzjonali, il-migranti u n-nisa b'diżabilità;

1.  Iqis li s-sitwazzjoni fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa fil-pajjiżi tas-SL għandha bżonn tittejjeb; jirrimarka li bidliet ekonomiċi profondi u inċertezza ekonomika kellhom effett negattiv fuq is-sitwazzjoni ekonomika tan-nisa, u dan wassal għal nuqqasijiet fl-ugwaljanza de facto tagħhom;

2.  Jirrimarka li l-istabbiltà politika ġenerali u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem huma ġeneralment kundizzjoni preliminari neċessarja għat-tisħiħ tad-drittijiet tan-nisa u għat-titjib tas-sitwazzjoni tagħhom fil-pajjiżi kkonċernati;

3.  Jesprimi l-ħtieġa li l-pajjiżi tas-SL jieħdu azzjoni immedjata sabiex tiżdied l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fis-soċjetà, inkluż bl-adozzjoni ta' pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali u kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali u partijiet interessati tas-soċjetà ċivili;

4.  Jistieden lill-pajjiżi tas-SL biex jeliminaw il-lakuni fl-oqfsa tagħhom ta' kontra d-diskriminazzjoni, u biex jagħmlu użu akbar tal-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess, inkluż użu ikbar ta' standards internazzjonali f'deċiżjonijiet ġudizzjarji, biex iżidu l-infurzabbiltà tal-liġijiet u sabiex itemmu l-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa f'dawn il-pajjiżi;

5.  Jinnota li f'xi pajjiżi tas-SL is-sitwazzjoni tal-individwi LGBTI għadha prekarja u allarmanti, minkejja d-depenalizzazzjoni tal-omosesswalità; Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-forom kollha ta' diskriminazzjoni u vjolenza kontra l-persuni LGBTI, jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali jadottaw politiki biex jiġġieldu l-forom kollha ta' diskriminazzjoni fuq bażi tal-orjentazzjoni sesswali;

6.  Jisħaq fuq il-ħtieġa għal kampanji ta' sensibilizzazzjoni tal-pubbliku u bidliet istituzzjonali mmirati lejn l-eliminazzjoni ta' stereotipi gravi dwar in-nisa, li jolqtu negattivament il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-soċjetà;

7.  Jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali joqogħdu għassa u jkunu sodi u jimponu pieni fuq il-persuni li jinsultaw jew jistigmatizzaw lill-persuni LGBTI, speċjalment fis-servizz pubbliku, u l-ispazju pubbliku;

Il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet

8.  Jiddeplora l-fatt li n-nisa huma assenti b'mod sinifikanti u notevoli mill-istrutturi tal-poter fl-Istati tas-SL;

9.  Jirrimarka li għadhom jeżistu prattiki diskriminatorju fix-xena politika tal-pajjiżi tas-SL, fejn, anki jekk in-nisa jirnexxilhom jiksbu pożizzjonijiet ta' livell għoli fl-ambitu tal-politika u tat-teħid tad-deċiżjonijiet, il-kapaċitajiet u l-ħiliet tagħhom jibqgħu jiġu ddubitati;

10.  Jitlob li jkun hemm aċċess ugwali għas-setgħa u rappreżentanza tan-nisa fil-livelli kollha tal-gvern u fit-teħid ta' deċiżjonijiet, bil-għan li jiġi appoġġat ir-rwol ta' tmexxija tan-nisa; jirrikonoxxi r-rwol essenzjali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-NGOs internazzjonali sabiex jagħtu spinta lir-riformi u lill-miżuri pożittivi għall-protezzjoni d-drittijiet tan-nisa u għat-titjib tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-attivitajiet politiċi u ekonomiċi; iħeġġeġ l-iskambju tal-aħjar prattika dwar il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni politika tan-nisa f'istituzzjonijiet deċentralizzati u fl-awtoritajiet lokali; jenfasizza l-fatt li r-riżultati sostenibbli jinkisbu l-aħjar meta jitmexxew mill-partiti politiċi, u għaldaqstant jenfasizza r-rwol importanti tal-partiti politiċi Ewropej u s-sezzjonijiet femminili tagħhom;

11.  Jistieden lill-Istati tas-SL jippromwovu u jsaħħu l-parteċipazzjoni u t-tmexxija politika min-nisa; jenfasizza li żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fl-amministrazzjonijiet li jwettqu riformi ewlenin, bħal pereżempju l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u r-riformi ekonomiċi, tkun ta' benefiċċju; jilqa' l-isforzi kollha maħsuba biex jintlaħaq dan l-għan, bħal pereżempju l-kwoti obbligatorji għal-listi tal-kandidati, għotjiet, taħriġ u appoġġ mogħtija lil politiċi u attivisti nisa, u programmi ta' mentoring u kampanji ta' qawmien ta' kuxjenza biex ibiddlu l-immaġni tan-nisa fil-mezzi tax-xandir;

12.  Jenfasizza r-rwol pożittiv li tista' taqdi l-Assemblea Parlamentari Euronest fil-promozzjoni tal-parteċipazzjoni politika tan-nisa u l-viżibilità tagħhom fis-Sħubija tal-Lvant; jilqa' l-ewwel laqgħa tal-Forum tan-Nisa tal-Euronest li saret f'Marzu 2016; iħeġġeġ ukoll, b'mod aktar ġenerali, il-ħolqien u l-appoġġ min-naħa tal-UE tan-netwerks transnazzjonali tan-nisa fil-politika;

13.  Jappoġġa bis-sħiħ il-parteċipazzjoni u r-rwol tan-nisa f'organizzazzjonijiet, azzjonijiet u programmi governattivi u mhux governattivi kontra l-korruzzjoni u fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni; huwa tal-fehma li b'mod ġenerali żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja politika u fl-amministrazzjoni għolja tal-pajjiżi tas-SL tikkontribwixxi għat-tiġdid tal-klassi politika u b'hekk għat-tranżizzjonijiet politiċi li għaddejjin;

14.  Ifakkar li l-Missjonijiet ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE u missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali internazzjonali oħra jagħtu, fir-rapporti tagħhom, rakkomandazzjonijiet rigward il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-proċess elettorali; jistieden lill-UE tagħmel użu sħiħ ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet fil-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat;

Il-parteċipazzjoni ekonomika tan-nisa

15.  Jinnota li, b'mod ġenerali, in-nisa huma integrati relattivament tajjeb fil-forza tax-xogħol fil-pajjiżi tas-SL, iżda li l-parteċipazzjoni ekonomika tagħhom kienet qed tonqos f'dawn l-aħħar snin;

16.  Jinnota li l-istereotipi tas-sessi u d-diskriminazzjoni kontra n-nisa jipprevjenu inklużjoni ikbar tan-nisa fis-suq tax-xogħol u joħolqu ostakoli addizzjonali għall-attivitajiet intraprenditorjali tan-nisa;

17.  Jiddeplora l-fatt li n-nisa huma impjegati bi proporzjon ogħla fis-servizzi u s-setturi statali b'pagi ħafna aktar baxxi milli fis-setturi li jimpjegaw maġġoranza ta' rġiel, li d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u tan-nisa għadha kbira u taf tilħaq il-50 %, u li n-nisa jesperjenzaw ostakoli kulturali u soċjoloġiċi fl-aċċess tagħhom għal pożizzjonijiet maniġerjali, kif sikwit huwa l-każ fl-UE;

18.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li n-nisa huma l-aktar attivi fis-setturi bi ħlas baxx minkejja li għandhom livelli ogħla ta' edukazzjoni fil-pajjiżi kollha tas-SL; jappella għall-involviment tan-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet u fil-proċess tal-implimentazzjoni tal-politiki ekonomiċi, għall-promozzjoni ta' programmi dwar in-negozju għall-integrazzjoni u l-promozzjoni tan-nisa fil-kumpaniji u fl-intrapriżi, u għall-implimentazzjoni ta' proġetti ta' żvilupp lokali mmirati lejn it-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa; iħeġġeġ approċċ immirat biex jiġi żgurat li jkun hemm aktar mudelli eżemplari nisa f'pożizzjonijiet ta' tmexxija u maniġerjali, bil-għan li l-ġenerazzjoni żagħżugħa tkun tista' temmen fl-abilità tagħha li tkun mexxejja fis-setturi kollha tax-xogħol; jisħaq fuq il-ħtieġa li n-nisa jipparteċipaw b'mod attiv fit-trade unions, u jenfasizza l-ħtieġa li jingħelbu l-ostakli diskriminatorji legali u strutturali għan-nisa fuq il-post tax-xogħol sabiex tinkiseb paga ugwali għal xogħol ugwali, b'tali mod li jiġu eliminati d-differenzi fil-pagi u fil-pensjonijiet bejn l-irġiel u n-nisa;

19.  Jinnota li servizzi tal-kura tat-tfal bi prezzijiet li jintlaħqu u dispożizzjonijiet ċari dwar il-liv tal-ġenituri huma deċiżivi biex tittejjeb il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol; jinnota li f'xi każijiet, in-nuqqas ta' dawn jolqot negattivament l-aċċess tal-bniet u tan-nisa żgħażagħ għall-edukazzjoni u għall-iżvilupp tal-karriera tagħhom, minħabba li jkollhom jieħdu ħsieb ħuthom;

20.  Jissottolinja l-fatt li n-nisa ħafna drabi jkollhom ir-responsabilità li jieħdu ħsieb lill-anzjani u l-persuni dipendenti u li n-nisa bit-tfal spiss isibu diffikultà biex jintegraw ruħhom mill-ġdid fil-ħajja professjonali; jisħaq fuq il-punt li l-kondiviżjoni ugwali bejn l-irġiel u n-nisa ta' xogħlijiet mhux imħallsa bħalma huma r-responsabilitajiet tal-kura u dawk domestiċi hija waħda mill-prekondizzjonijiet biex in-nisa jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol u jkollhom l-indipendenza ekonomika; iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali jsaħħu aktar in-netwerk ta' faċilitajiet ta' kura ta' kwalità għall-anzjani u għall-persuni dipendenti;

21.  Jenfasizza li d-dispożizzjonijiet legali ta' protezzjoni li jeżistu f'xi pajjiżi tas-SL, li jipprojbixxu l-impjieg tan-nisa f'okkupazzjonijiet potenzjalment perikolużi, jillimitaw l-aċċess tan-nisa għal ċerti professjonijiet u xogħol u jkomplu jillimitaw il-possibbiltajiet tagħhom fis-suq tax-xogħol; iħeġġeġ lil dawn il-pajjiżi jirrevedu dan it-tip ta' dispożizzjonijiet;

22.  Jiġbed l-attenzjoni dwar l-importanza ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali ta' kwalità tajba għan-nisa u l-bniet għall-faċilitazzjoni tal-inklużjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol, kif ukoll ir-rwol tal-edukazzjoni għat-tneħħija tal-istereotipi relatati mar-rwol tan-nisa; jenfasizza l-ħtieġa ta' appoġġ immirat u mentoring għall-imprendituri nisa, li sikwit ma jkollhomx aċċess għall-kreditu u għal netwerks kummerċjali u jħabbtu wiċċhom ma' piżijiet regolatorji kbar;

23.  Iħeġġeġ l-iżvilupp ta' ekonomija soċjali għan-nisa u l-faċilitazzjoni tal-użu tal-mikrokrediti bħala għodda għall-indipendenza ekonomika tan-nisa u biex jiġu stimulati l-programmi intraprenditorjali li jfittxu li jinvolvu lin-nisa fil-kumpaniji u l-intrapriżi; jinnota f'dan ir-rigward l-importanza kruċjali tat-trasparenza, tal-aċċess ġust u tad-disponibilità tal-informazzjoni dwar l-istrumenti ta' appoġġ finanzjarju;

24.  Jitlob biex ikun hemm aċċess ugwali għall-edukazzjoni għat-tfal kollha, inkluż fil-livelli tal-indukrar tat-tfal, l-edukazzjoni primarja, sekondarja u universitarja, u fis-suġġetti STEM, b'attenzjoni partikolari lill-edukazzjoni u t-taħriġ tal-bniet li jgħixu f'żoni rurali, billi jiġu edukati u mħeġġa minn età żgħira, u dan l-approċċ jgħin biex jiffavorixxi t-tkabbir fis-settur kruċjali tal-iżvilupp ekonomiku; jappella biex in-nisa jkollhom aċċess għall-mogħdijiet edukattivi u l-professjonijiet kollha li għadhom ipprojbiti għalihom; jenfasizza l-problema tat-tħaddim tat-tfal, ħaġa li tipprevjeni lit-tfal milli jkunu jistgħu jkollhom aċċess għal edukazzjoni jew taħriġ vokazzjonali adegwati, li sussegwentement se jkollu impatt fuq l-abilità tagħhom li jiksbu pożizzjoni tajba fis-suq tax-xogħol; jappoġġa assoċjazzjoni usa' tal-pajjiżi sħab mal-aġenziji u l-programmi tal-UE, bħalma huma Orizzont 2020, Ewropa Kreattiva, COSME u Erasmus+;

25.  Jissottolinja li t-tħaddim tat-tfal għadu kwistjoni kritika f'xi pajjiżi tas-SL, b'mod partikolari fil-Moldova, fil-Georgia u fl-Ażerbajġan; jistieden lil dawn il-pajjiżi jistabbilixxu miri speċifiċi għall-eliminazzjoni ta' kull forma ta' tħaddim tat-tfal u jiżguraw l-infurzar sħiħ tal-liġijiet rilevanti;

Il-vjolenza fuq in-nisa

26.  Jesprimi l-ħtieġa li tiġi miġġielda l-vjolenza domestika u l-vjolenza sessista, inklużi il-fastidju sesswali, il-maternità surrogata furzata u t-traffikar tal-bnedmin għall-isfruttament sesswali fil-pajjiżi tas-SL, li sikwit ma jiġux rappurtati minħabba li s-soċjetà taċċetta mġiba bħal din;

27.  Jikkundanna l-użu tal-vjolenza sesswali fuq in-nisa u l-bniet bħala arma ta' gwerra, inklużi l-istupru tal-massa, l-iskjavitù sesswali, il-prostituzzjoni u l-forom ta' persekuzzjoni abbażi tal-ġeneru, inkluż it-traffikar, kif ukoll it-turiżmu għal skopijiet ta' sess; jisħaq fuq il-ħtieġa li ssir ġlieda kontra ż-żwiġijiet furzati, kif definiti min-Nazzjonijiet Uniti (NU), inkluż iż-żwieġ prekoċi/bikri, u jistieden lill-ġirien tal-Lvant jopponu b'mod konsistenti kwalunkwe forma ta' sfruttament u abbuż fil-konfront tan-nisa permezz tal-maternità surrogata; jistieden lill-pajjiżi tas-SL jieħdu passi b'mod urġenti għall-prevenzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati serji ta' dan it-tip imwettqa fil-ġurisdizzjoni tagħhom, u anki barra t-territorju tagħhom stess; jisħaq fuq il-ħtieġa li jkun hemm biżżejjed finanzjament relatat ma' inizjattivi li jiġġieldu l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet li jiggarantixxi l-aċċess fit-tul għal servizzi effikaċi għall-vittmi u s-superstiti, u għaldaqstant għandu jkollhom persunal u riżorsi adegwati; jitlob li b'mod urġenti jittieħdu miżuri pożittivi, bħall-programmi ta' taħriġ vokazzjonali għall-vittmi tal-vjolenza, partikolarment jekk dawn ikunu qed jieħdu ħsieb it-tfal, sabiex jiġu integrati fis-suq tax-xogħol;

28.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li d-delitti relatati mal-ġeneru u d-delitti ta' vjolenza sesswali huma kklassifikati fl-Istatut ta' Ruma bħala delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità jew atti kostituttivi fir-rigward tal-ġenoċidju jew it-tortura; jilqa', f'dan il-kuntest, ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-2016 dwar il-prevenzjoni tal-vjolenza sesswali fil-kunflitti, adottata fl-24 ta' Ġunju 2013;

29.  Jissottolinja l-ħtieġa ta' mekkaniżmi effikaċi ta' protezzjoni għad-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem;

30.  Jistieden lill-pajjiżi tas-SL biex jiddedikaw aktar riżorsi għall-ġlieda kontra l-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa, inkluż l-emendar ta' strumenti legali u l-għoti ta' għajnuna lill-vittmi ta' vjolenza; jisħaq fuq il-ħtieġa għal bidliet istituzzjonali sabiex jiġu miġġielda l-istereotipi fis-soċjetà li jistigmatizzaw lill-vittmi ta' stupru u ta' vjolenza;

31.  Jisħaq fuq l-importanza tal-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli Nru 5 b'attenzjoni speċjali għall-punt 2 tiegħu, li jitlob l-eliminazzjoni tal-forom kollha ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet fl-isfera pubblika kif ukoll f'dik privata, u l-ħtieġa li tiġi riveduta l-leġiżlazzjoni eżistenti fil-pajjiżi tas-SL fir-rigward tal-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet f'dak li jikkonċerna l-adegwatezza tagħha biex tipprevjeni u telimina b'mod effikaċi l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet, b'attenzjoni speċjali għall-ħtieġa li jkun hemm liġijiet li jindirizzaw il-forom kollha ta' vjolenza (fiżika, sesswali, psikoloġika u ekonomika) u pieni adegwati għal min iwettaq ir-reat, kif ukoll il-kumpens għall-vittmi u s-superstiti;

32.  Jistieden lill-pajjiżi tas-SL ifasslu miżuri biex jiżguraw li l-katina tal-ġustizzja tkun sensittiva għall-perspettiva tal-ġeneri, fosthom permezz tat-taħriġ ta' professjonisti legali, uffiċjali tal-pulizija u persunal ieħor li jittratta notifiki u rapporti ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet, bil-għan li l-vittmi jinstemgħu serjament, u jitlob ukoll li jkun hemm kooperazzjoni u għarfien espert akbar min-naħa tal-pulizija, il-professjonisti fil-qasam legali, it-tobba, il-psikologi, l-awtoritajiet u l-korpi volontarji li jaħdmu mal-vittmi ta' dawn l-attakki;

33.  Itenni li l-għażla tas-sess imsejsa fuq preġudizzji marbuta mal-ġeneru hija forma gravi ta' vjolenza abbażi ta' sess u ksur tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ kampanji ta' sensibilizzazzjoni pubblika biex jinbidlu l-attitudnijiet tas-soċjetà fir-rigward ta' prattiki tal-għażla tas-sess u jitlob li jkun hemm aktar sforzi biex dawn jiġu prevenuti u miġġielda;

34.  Iħeġġeġ lill-gvernijiet iżidu l-isforzi biex jinvestigaw u jħarrku lit-traffikanti suspettati u jikkundannaw lit-traffikanti tal-ħaddiema u tas-sess, biex jipproteġu l-integrità tan-nisa kkonċernati skont "il-Mudell Nordiku" u biex jappoġġaw lill-NGOs sħab li jipprovdu servizzi ta' riabilitazzjoni u riintegrazzjoni għall-vittmi;

35.  Jitlob li jkun hemm aktar kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tas-SL min-naħa l-waħda u l-aġenziji tal-UE u l-korpi tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri min-naħa l-oħra, sabiex jiġi miġġieled it-traffikar tal-bnedmin, li huwa wkoll wieħed mill-attivitajiet tal-kriminalità organizzata li jġib qligħ, u jiġu żarmati n-netwerks kriminali;

36.  Iħeġġeġ lill-pajjiżi tas-SL biex jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni ta' Istanbul dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa mill-aktar fis possibbli, peress li ebda wieħed mill-pajjiżi kkonċernati ma rratifikaha, u jistieden lill-awtoritajiet idaħħlu fis-seħħ u jissorveljaw b'mod strett l-implimentazzjoni effikaċi tal-istrateġiji nazzjonali għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa;

37.  Jitlob li tiġi applikata l-Pjattaforma għal Azzjoni ta' Beijing għall-edukazzjoni u s-saħħa bħala drittijiet bażiċi tal-bniedem, inklużi l-aċċess għall-ippjanar tal-familja fuq bażi volontarja, il-firxa sħiħa ta' servizzi tas-saħħa riproduttivi u sesswali inklużi l-kontraċezzjoni, l-abort sikur u legali, u l-edukazzjoni dwar is-sesswalità;

38.  Jenfasizza li r-riskju ta' mewt mill-kanċer tal-għonq tal-utru huwa 10 darbiet ogħla fil-pajjiżi tas-SL milli fl-Ewropa tal-Punent, li huwa l-aktar forma ta' kanċer komuni fost in-nisa ta' bejn il-15 u l-44 sena u li għandu effetti estensivi fuq l-istruttura soċjali; jitlob li jsir skrinjar organizzat fuq livell nazzjonali u programmi ta' tilqim sabiex jiġu miġġielda dawn it-tendenzi;

39.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li d-drittijiet tan-nisa bħalma huma l-aċċess għall-viżi, id-drittijiet legali ta' residenza u d-drittijiet soċjali, jingħataw fuq bażi individwali u ma jkunux jiddependu mill-istat ċivili jew mir-relazzjoni konjugali tagħhom;

40.  Jisħaq fuq il-ħtieġa għal proċeduri ta' riunifikazzjoni tal-familji li jagħtu drittijiet individwali lin-nisa u l-bniet li jkunu qed jingħaqdu mal-familji tagħhom fl-UE, biex b'hekk ma jkollhomx għalfejn jiddependu minn relazzjoni possibbilment abbużiva mal-membru tal-familja għal aċċess għas-saħħa, l-edukazzjoni jew ix-xogħol;

Ir-rwol tan-nisa fir-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti

41.  Jenfasizza r-rwol li għandhom in-nisa fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti, il-bini tal-paċi u l-emerġenzi relatati mal-kunflitti, bħall-għoti ta' assistenza umanitarja lill-persuni spustati; jenfasizza li n-nisa għandhom ikunu inklużi għalkollox fin-negozjati għall-paċi, l-isforzi ta' rikostruzzjoni u t-tranżizzjoni politika;

42.  Iħeġġeġ aktar sforzi lejn riżoluzzjoni paċifika għall-kunflitti u jitlob li jkun hemm involviment akbar tan-nisa f'dan it-tip ta' proċessi, f'konformità mar-Riżoluzzjonijiet 1325 u 2242 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà;

43.  Jappella biex in-nisa u l-bniet li jkunu qed ifittxu asil jingħataw protezzjoni speċifika, peress li n-nisa u l-bniet huma partikolarment vulnerabbli u jistgħu jkunu qed jaħarbu minn vjolenza sessista iżda għandhom imnejn ma jkunux kapaċi jew ma jkunux lesti jiżvelaw informazzjoni rilevanti waqt il-proċess tar-rikonoxximent tal-istatus ta' rifuġjat;

Eżempji tal-aħjar prattika

44.  Jisħaq fuq l-importanza ta' skambju tal-aħjar prattiki u eżempji pożittivi li jistgħu jiġu rreplikati f'pajjiżi oħra tas-SL; iqis li l-proġetti li għandhom jiġu enfasizzati għandhom jinkludu "In-nisa fil-Politika fil-Moldova”, inizjattiva tal-NU u tal-UNDP iffinanzjata mill-Gvern tal-Iżvezja. Il-proġett jappoġġa l-bini tal-kapaċità tan-nisa fil-politika u kampanji ta' qawmien ta' kuxjenza dwar il-kontribut tan-nisa fil-proċess politiku;

45.  Jilqa' l-Programm "Women in Business" fil-Pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, tal-UE u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ), li joffri aċċess għal finanzi u konsulti dwar in-negozju lil SMEs immexxija min-nisa permezz ta' linji tal-kreditu, appoġġ għall-ġestjoni tar-riskji u assistenza teknika lil banek lokali sħab li jaħdmu ma' SMEs immexxija min-nisa, u servizzi konsultattivi tan-negozju, taħriġ u mentoring;

46.  Jindika eżempji pożittivi ta' inklużjoni akbar tan-nisa fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti u r-rikonċiljazzjoni, bħad-Djalogu Trans-Kawkasu tan-Nisa għall-Paċi u s-Sigurtà, stabbilit fl-1994 u żviluppat mill-Fondazzjoni tal-Paċi Nazzjonali tal-Istati Uniti, li nħoloq sabiex in-nisa fil-Kawkasu jaħdmu fuq proġetti bħalma huma r-riabilitazzjoni tal-vittmi tfal tal-gwerer, it-taħriġ għall-paċi u l-bini tad-demokrazija;

47.  Jappoġġa proġetti ta' emanċipazzjoni li jqawwu l-fiduċja tan-nisa fihom infushom, jiggarantixxu l-parteċipazzjoni tagħhom u jżidu l-poter u l-awtorità tagħhom li jieħu deċiżjonijiet fl-oqsma kollha li jaffettwawlhom ħajjithom; jiġbed attenzjoni speċjali lejn ir-rwol tal-libertà ta' espressjoni u ta' opinjoni fl-emanċipazzjoni tan-nisa; jappoġġa bil-qawwa l-proġetti ta' emanċipazzjoni mmirati lejn il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tan-nisa fl-elezzjonijiet lokali bħall-proġett WiLD (Women in Local Democracy – In-nisa fid-demokrazija lokali), li wassal sabiex 70 % tal-benefiċjarji nisa tiegħu ġew eletti matul l-elezzjonijiet tal-2013 u l-2014 fl-Armenja, jew il-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċess tal-implimentazzjoni ta' politiki ekonomiċi, bħall-proġett tal-UNDP li bħalissa qed jiġi implimentat fl-Ażerbajġan u li huwa mmirat lejn l-għoti ta' appoġġ għall-istabbiliment ta' negozji mmexxija min-nisa fir-reġjun ta' Masalli; jilqa' l-proġett tal-Kunsill tal-Ewropa dwar "it-Titjib tal-Aċċess tan-Nisa għall-Ġustizzja f'Ħames Pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant", li għandu l-għan li jidentifika u jappoġġa t-tneħħija tal-ostakli għall-aċċess ugwali tan-nisa għall-ġustizzja u jsaħħaħ il-kapaċità tal-pajjiżi tas-SL biex ifasslu miżuri biex jiżguraw li l-katina tal-ġustizzja tkun tirrispondi għall-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi, inkluż permezz tat-taħriġ ta' professjonisti legali;

Appoġġ tal-UE fil-kuntest tal-Politika Ewropea tal-Viċinat

48.  Jenfasizza li f'dawn l-aħħar ħames snin intefqu EUR 103 miljun fuq 121 proġett u programm għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-viċinati Ewropej, inklużi EUR 5 miljun għall-programm Women in Business fil-pajjiżi tas-SL; jirrikonoxxi li appoġġ sinifikanti diġà ingħata mill-UE sabiex jintlaħqu l-miri fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi, inkluż permezz ta' assistenza bejn il-pari TAIEX li jgħin fir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u jippromwovi l-kooperazzjoni dwar il-prinċipji fundamentali u politiki;

49.  Jinnota li, filwaqt li l-ugwaljanza bejn is-sessi hi prinċipju orizzontali fi ħdan il-PEV u l-Istrument Ewropew ta' Viċinat, għandhom jiġu segwiti miri aktar preċiżi u kalkolabbli fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi, anke fir-rigward tal-Pjan ta' Azzjoni l-ġdid dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fl-Iżvilupp 2016-2020; Jissottolinja l-ħtieġa urġenti tal-integrazzjoni tal-kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi bħala strateġija għall-kisba ta' tali ugwaljanza, kif ukoll ta' azzjoni pożittiva fil-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali tal-Politika Ewropea tal-Viċinat;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni tuża l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, fl-oqsma kollha tal-PEV u tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat (SEV) u b'hekk tiżgura li jiġu żviluppati u mmonitorjati miri speċifiċi fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

51.  Jinnota li fi ħdan il-PEV rieżaminata, ir-rapporti speċifiċi għall-pajjiżi għandhom jiffukaw fuq prijoritajiet miftehma mas-sħab; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li r-rapporti regolari li se jsegwu l-iżviluppi fil-viċinat se jiffukaw ukoll fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi;

52.  Iħeġġeġ l-inklużjoni tad-drittijiet tan-nisa u l-kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi jiġu inklużi fl-aġendi ta' djalogi regolari dwar il-politika u d-drittijiet tal-bniedem mal-pajjiżi sħab tas-SL flimkien ma' azzjonijiet proposti;

53.  Jissottolinja r-rwol importanti tad-diplomazija parlamentari fl-oqsma kollha msemmija hawn fuq u l-bżonn li jsir skambju tal-aqwa prattiki;

54.  Iqis li hu importanti li tinġabar data armonizzata dwar is-sitwazzjoni tan-nisa fil-pajjiżi tas-SL; iħeġġeġ il-possibbiltà tal-introduzzjoni tal-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi, żviluppat mill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, fil-pajjiżi tas-SL bħala parti minn proġetti ffinanzjati mill-Istrument Ewropew ta' Viċinat;

55.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi pprovdut appoġġ mill-Istrument Ewropew ta' Viċinat lis-soċjetà ċivili u lill-organizzazzjonijiet tan-nisa fil-livell lokali, li jinsabu fl-aqwa pożizzjoni biex jilħqu lill-popolazzjonijiet lokali u biex jgħinu biex titqajjem kuxjenza u biex jiġu indirizzati l-l-problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom in-nisa u l-bniet fir-reġjuni;

56.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw rabtiet bilaterali u multilaterali aktar b'saħħithom mal-pajjiżi tas-SL u involviment attiv f'għajnuna tranżitorja, appoġġ tekniku u kondiviżjoni tal-esperjenza; jemmen li l-Istati Membri li jinsabu fiżikament qrib tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant jistgħu jaqdu rwol importanti fl-iffaċilitar ta' rabtiet aktar b'saħħithom u fl-involviment ta' Stati Membri oħra fi sħubijiet tas-SL;

o
o   o

57.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 77, 15.3.2014, p. 27.
(2) Testi adottati, P8_TA(2016)0018.
(3) Testi adottati, P8_TA(2015)0470.
(4) Testi adottati, P8_TA(2015)0350.
(5) ĠU C 181, 19.5.2016, p. 21.
(6) Testi adottati, P8_TA(2015)0272.

Avviż legali