Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2298(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0379/2016

Testi mressqa :

A8-0379/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 14/12/2016 - 9.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0495

Testi adottati
PDF 369kWORD 55k
L-Erbgħa, 14 ta' Diċembru 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni : applikazzjoni EGF/2016/004 ES/Comunidad Valenciana automotive
P8_TA(2016)0495A8-0379/2016
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni ppreżentata minn Spanja – EGF/2016/004 ES/Comunidad Valenciana automotive) (COM(2016)0708 – C8-0454/2016 – 2016/2298(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2016)0708 – C8-0454/2016),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (ir-Regolament dwar il-FEG),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0379/2016),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tagħti appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qegħdin ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tassistihom fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-FII tat-2 ta' Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (il-FEG);

C.  billi l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiġi introdott mill-ġdid il-kriterju tal-mobilizzazzjoni f'każ ta' kriżi, biex il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni tiġi stabbilita għal 60 % tal-istima tal-ammont totali kemm se jiġu jiswew il-miżuri proposti, biex tiżdied l-effiċjenza għat-trattament tal-applikazzjonijiet għall-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u għall-approvazzjoni, biex l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eliġibbli jiġu estiżi għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għaż-żgħażagħ, u biex jiġu ffinanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' intrapriżi proprji;

D.  billi Spanja ressqet l-applikazzjoni EGF/2016/004 ES/Comunidad Valenciana automotive għall-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara sensji fis-settur ekonomiku kklassifikat fid-Diviżjoni 29 ta' NACE Reviżjoni 2 (Manifattura ta' vetturi bil-mutur, trejlers u semitrejlers), l-aktar fir-reġjun tal-livell NUTS 2 tal-Comunidad Valenciana (ES52), u billi 250 ħaddiem li ngħataw is-sensja eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-FEG huma mistennija li jipparteċipaw fil-miżuri;

E.  billi l-applikazzjoni tressqet skont il-kriterji ta' intervent stabbiliti fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament dwar il-FEG, li jidderoga mill-kriterji stabbiliti fil-punt (b) tal-Artikolu 4(1) ta’ dak ir-Regolament, li jeħtieġu li tal-inqas 500 ħaddiem ikunu ngħataw is-sensja fuq perjodu ta' referenza ta' disa' xhur f'intrapriżi li joperaw fl-istess settur ekonomiku definit fil-livell tad-Diviżjoni ta' NACE Reviżjoni 2, u li jkun jinsab f'reġjun wieħed jew f'żewġ reġjuni kontigwi definiti fil-livell NUTS 2 fi Stat Membru;

F.  billi l-UE-27 qiegħda taffaċċa tnaqqis fil-produzzjoni ta' vetturi bil-mutur ta' 0,5 miljun unità fl-2015 meta mqabbel mal-2006 (minn 18,7 miljun unità fl-2006 għal 18,2 miljun unità fl-2015), filwaqt li l-produzzjoni globali żdiedet b'31,1 % (minn 69,2 miljun unità fl-2006 għal 90,9 miljun unità fl-2015)(4), b'mod partikolari fiċ-Ċina kif ukoll f'ekonomiji oħra tax-Xlokk tal-Asja;

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament dwar il-FEG huma sodisfatti, u li għalhekk Spanja hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 856 800 skont dan ir-Regolament, li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 1 428 000, għall-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol tal-250 ħaddiem li ngħataw is-sensja;

2.  Iqis li l-għoti ta' appoġġ lil ex impjegati ta' intrapriżi żgħar u medji jiġġustifika wkoll l-approvazzjoni ta' applikazzjoni li tikkonċerna inqas minn 500 sensja;

3.  Jinnota li Spanja ppreżentat l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fil-21 ta' Ġunju 2016, u li l-valutazzjoni ta' din l-applikazzjoni ġiet finalizzata mill-Kummissjoni fit-8 ta' Novembru 2016 u ġiet innotifikata lill-Parlament dakinhar stess;

4.  Jinnota li s-settur tal-manifattura ta' vetturi bil-mutur, trejlers u semitrejlers kien is-suġġett ta' 23 applikazzjoni għall-FEG, li 13 minnhom kienu bbażati fuq globalizzazzjoni relatata mal-kummerċ(5) u 10 mal-kriżi ekonomika u finanzjarja globali(6); jinnota li 3 minn dawn l-applikazzjonijiet għall-FEG kienu minn Spanja (EGF/2008/002 ES Delphi, EGF/2008/004 ES Castilla y León u Aragón u EGF/2010/002 ES Cataluña - automotive);

5.  Jinnota li t-tnaqqis fis-sehem tas-suq tal-Unjoni fl-industrija tal-vetturi huwa parti minn xejra fuq perjodu itwal, kif ġie ddikjarat mill-Kummissjoni fil-valutazzjonijiet tagħha tal-applikazzjonijiet preċedenti għall-FEG dwar is-settur tal-vetturi abbażi tal-globalizzazzjoni relatata mal-kummerċ, li rat l-Unjoni titlef kważi nofs sehemha mis-suq bejn l-2000 u l-2015;

6.  Jirrimarka li, fi Spanja, it-tnaqqis fil-produzzjoni tal-karozzi kkawża riduzzjoni kemm ta' intrapriżi kif ukoll ta' impjiegi, u li fil-Comunidad Valenciana 62 impriża tal-vetturi minn total ta' 187 waqqfu l-attivitajiet tagħhom matul il-perjodu 2008 – 2014, li jirrappreżenta tnaqqis ta' 33,16 %;

7.  Jinnota li Bosal S.A. bdiet topera fl-1986 meta ż-żona ta' Sagunto ġiet iddikjarata bħala "Żona għall-Industrijalizzazzjoni mill-Ġdid Preferenzjali" wara sensji fil-forn tal-blast lokali. jinnota li l-falliment u l-għeluq ta' Bosal S.A. ikkawżaw it-telf ta' 250 impjieg fil-belt ta' Sagunto, li jirrappreżentaw għadd pjuttost kbir ta' impjiegi f'din il-belt, u li kellhom impatt serju fuq l-ekonomija lokali u reġjonali, b'mod partikolari meta jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi ta' belt żgħira f'żona rurali li soffriet bil-kbir mill-kriżi ekonomika kif ukoll mill-konsegwenzi tal-proċess ta' globalizzazzjoni fis-setturi tal-vetturi; ifakkar li r-rata ta' qgħad fil-Comunidad Valenciana għadha fil-livell ta' 20,17 %(7), għalkemm hemm sinjali ta' rkupru fir-rata tal-impjieg;

8.  Jiddispjaċih dwar iż-żieda fl-għadd ta' persuni qiegħda f'Sagunto bejn l-2007 (2 778) u l-2015 (6 437) u li r-rata ta' qgħad ta' 25,8 % taggrava aktar is-sitwazzjoni li diġà hija fraġli f'din iż-żona;

9.  Jissottolinja li mill-għadd globali tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja kkonċernati minn din l-applikazzjoni, 71 % għandhom 'il fuq minn 45 sena, 78 % kienu impjegati mill-istess intrapriża għal mill-inqas 15-il sena konsekuttiva u 50 % ma għandhomx kwalifiki edukattivi; jinnota, barra minn hekk, li dan l-aħħar ma nfetaħ l-ebda impjant fiż-żona; jirrimarka li dawn iċ-ċirkostanzi kollha jagħmlu lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja ferm vulnerabbli f'kuntest fejn mhux qed jinħolqu biżżejjed impjiegi, filwaqt li jżidu d-diffikultajiet biex jinstab impjieg ġdid;

10.  Jinnota li Spanja qiegħda tippjana 12-il azzjoni differenti, li minnhom 6 huma servizzi personalizzati, bħal sessjonijiet ta' informazzjoni, gwida okkupazzjonali, kollakamenti ta' impjiegi jew promozzjoni tal-intraprenditorija, u 6 huma allowances u inċentivi għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja koperti minn din l-applikazzjoni, bħal kontribuzzjonijiet għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u għat-tibdil tar-residenza, jew benefiċċji ta' għoti ta' impjieg; jirrimarka li dawn l-azzjonijiet jikkostitwixxu miżuri attivi tas-suq tax-xogħol;

11.  Jilqa' d-deċiżjoni ta' Spanja li toffri miżuri ta' taħriġ li jiffukaw fuq l-għoti ta' liċenzji vokazzjonali, bħal dik meħtieġa għat-trasport tal-passiġġieri, u fuq setturi jew oqsma fejn diġà jeżistu jew se jqumu opportunitajiet, bħas-settur tal-ikel, tat-tisjir, tal-prevenzjoni tar-riskju u tal-kontroll tal-kwalità u standards ambjentali, tat-tisħin, proġetti ta' ventilazzjoni u l-arja kkundizzjonata u l-manutenzjoni ta' tagħmir industrijali; japprova l-offerta ta' taħriġ f'ħiliet li jikkontribwixxu għal prestazzjoni aħjar tax-xogħol, bħat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, lingwi barranin u ġestjoni ta' negozju;

12.  Jilqa' r-rieda tar-rappreżentanti tal-ħaddiema li kienu jaħdmu ma' Bosal S A (l-intrapriża li tat is-sensja lill-maġġoranza tal-ħaddiema kkonċernati minn din l-applikazzjoni) biex jappoġġaw applikazzjoni għall-finanzjament mill-FEG u l-involviment tagħhom fit-tfassil tal-miżuri li se jiġu offruti lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja; jinnota li s-sħab soċjali, l-assoċjazzjoni rilevanti ta' min iħaddem u l-awtoritajiet lokali ta’ Sagunto kienu wkoll involuti f'dan il-proċess;

13.  Jinnota li l-miżuri ta' appoġġ għall-introjtu se jirrappreżentaw inqas minn 25 % tal-pakkett kumplessiv ta' miżuri personalizzati, u huma ferm taħt il-limitu massimu ta' 35 % stabbilit fir-Regolament dwar il-FEG, u li dawn l-azzjonijiet jiddependu fuq il-parteċipazzjoni attiva min-naħa tal-benefiċjarji fil-mira fl-attivitajiet ta' tiftix ta' impjiegi jew ta' taħriġ;

14.  Ifakkar li, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, id-disinn tal-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati appoġġat mill-FEG għandu jantiċipa l-perspettivi u l-ħiliet rikjesti fis-suq tax-xogħol fil-ġejjieni u għandu jkun kompatibbli mat-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli u li tagħmel użu effiċjenti mir-riżorsi;

15.  Jinnota li Spanja kkonfermat li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva ta' dik id-data fir-rapporti annwali tagħha sabiex tiżgura r-rispett sħiħ tar-regolamenti eżistenti u li ma jkunx jista' jkun hemm duplikazzjoni tas-servizzi ffinanzjati mill-Unjoni;

16.  Ifakkar fl-importanza li tittejjeb l-impjegabbiltà tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali ta' ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat jiġi adattat mhux biss għall-bżonnijiet tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, iżda anke għall-ambjent kummerċjali reali;

17.  Jemmen li użu aktar mifrux tad-deroga mil-limiti minimi ta' eliġibbiltà, partikolarment għall-benefiċċju ta' impjegati ta' SMEs, estensjoni tal-perjodi ta' referenza, kif ukoll il-possibbiltà li jiġu inklużi ħaddiema li kienu jipprovdu servizzi relatati lill-kumpanija ta' referenza, għandhom jiġu vvalutati bir-reqqa, każ b'każ, b'tali mod li jiġi limitat b'kull mezz użu ħażin tal-baġit tal-FEG; jaqbel għalhekk mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħti għajnuna lil 250 ħaddiem minn 29 intrapriża fir-reġjun tal-Comunidad Valenciana;

18.  Itenni li l-assistenza mill-FEG ma tridx tissostitwixxi la l-azzjonijiet li jkunu r-responsabbiltà tal-kumpaniji bis-saħħa tad-dritt nazzjonali jew ta' ftehimiet kollettivi, u lanqas il-miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

19.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-pubbliku jkollu aċċess għad-dokumenti relatati mal-każijiet tal-FEG;

20.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

22.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(4) Databażi OICA: http://www.oica.net/category/production-statistics/
(5) EGF/2016/004 ES Comunidad Valenciana – Vetturi, COM(2016)0708. EGF/2007/001 FR Fornituri Peugot S.A. COM(2007)0415; EGF/2007/010 PT Lisboa Alentejo. COM(2008)0094; EGF/2008/002 ES Delphi. COM(2008)0547; EGF/2008/004 ES Castilla y León Aragón. COM(2009)0150; EGF/2009/013 DE Karmann COM(2010)0007; EGF/2012/005 SE Saab, COM(2012)0622; EGF/2012/008 IT De Tomaso; COM(2013)0469; EGF/2013/006 PL Fiat Auto Poland COM(2014)0699¸ EGF/2013/012 BE Ford Genk, COM(2014)0532; EGF/2014/006 FR PSA, COM(2014)0560; EGF/2015/003 BE Ford Genk, COM(2015)0336 u EGF/2015/009 SE Volvo Trucks, COM(2016)0061
(6) EGF/2009/007 SE Volvo, COM(2009)0602 EGF/2009/009 AT Steiermark, COM(2009)0602; EGF/2009/019 FR Renault, COM(2011)0420; EGF/2010/002 ES Cataluña – Vetturi, COM(2010)0453; EGF/2010/004 PL Wielkopolskie, COM(2010)0616; EGF/2010/015 FR Peugeot, COM(2012)0461; EGF/2010/031 BE General Motors Belgium, COM(2011)0212; EGF/2011/003 DE Arnsberg u Düsseldorf – Vetturi, COM(2011)0447; EGF/2011/005 PT Norte-Centro – Vetturi, COM(2011)0664; u EGF/2015/002 DE Adam Opel, COM(2015)0342.
(7) EPA Q3 2016. http://www.ine.es/infografias/tasasepa/desktop/tasas.html?t=0&lang=es


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni minn Spanja – EGF/2016/004 ES/Comunidad Valenciana automotive

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2017/341.)

Avviż legali