Indiċi 
Testi adottati
Il-Ħamis, 26 ta' Mejju 2016 - BrussellVerżjoni finali
Muniti virtwali
 Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: applikazzjoni EGF/2015/010 FR/MoryGlobal
 Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: applikazzjoni EGF/2015/011 GR/Supermarket Larissa
 Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Gianluca Buonanno
 Miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Iżvezja *
 Flussi ta' data transatlantiċi
 Inwasslu patt ġdid għall-konsumaturi tal-enerġija
 Faqar: perspettiva tal-ġeneru
 Ostakoli Nontariffarji fis-Suq Uniku
 L-Istrateġija għas-Suq Uniku

Muniti virtwali
PDF 385kWORD 123k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Mejju 2016 dwar muniti virtwali (2016/2007(INI))
P8_TA(2016)0228 A8-0168/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Paper tal-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali dwar Muniti Diġitali ta' Novembru 2015(1),

–  wara li kkunsidra l-publikazzjoni tal-Bank tal-Ingilterra dwar l-ekonomija ta' muniti diġitali (Q3/2014)(2),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Awtorità Bankarja Ewropea dwar muniti virtwali ta' Lulju 2014(3),

–  wara li kkunsidra l-analiżi tal-Bank Ċentrali Ewropew ta' Frar 2015 dwar skemi tal-muniti virtwali(4),

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Frar 2016 biex issaħħaħ il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu(5),

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-Kummissjoni ta' Mejju 2015 dwar id-daqs tad-diskrepanza fil-VAT fl-UE(6),

–  wara li kkunsidra l-istudju taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni dwar l-aġenda diġitali ta' muniti virtwali(7),

–  wara li kkunsidra l-"Guidance for a Risk-Based Approach to Virtual Currencies" (Gwida għal Approċċ Ibbażat fuq ir-Riskju għal Muniti Virtwali) tat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja (FATF) ta' Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-12 ta' Frar 2016 dwar il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu(8),

–  wara li kkunsidra s-Sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar it-Trattament tal-VAT ta' Kambju ta' Munita Virtwali (C-264/14)(9), u l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott mogħtija fis-16 ta' Lulju 2015(10),

–  wara li kkunsidra l-konsultazzjoni tal-ESMA ta' Lulju 2015 dwar Investiment bl-użu ta' muniti virtwali jew bit-teknoloġija tar-reġistru distribwit(11),

–  wara li kkunsidra t-tgħarrif tal-EPRS dwar is-suq, l-ekonomija u r-regolamentazzjoni tal-Bitcoin(12),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Europol "Changes in modus operandi of Islamic State terrorist attacks" tat-18 ta' Jannar 2016(13),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-FATF ta' Ġunju 2014 dwar Muniti Virtwali(14),

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-OECD bl-isem "The Bitcoin Question - currency versus trust-less transfer technology"(15),

–  wara li kkunsidra n-Nota ta' Diskussjoni tal-Persunal tal-FMI ta' Jannar 2016 dwar Muniti Virtwali u Lil Hinn(16),

–  wara li kkunsidra r-Rapport bl-isem "Distributed Ledger Technology: beyond block chain" tal-2016 mill-Konsulent Xjentifiku Ewlieni, tal-Uffiċċju tal-Gvern għax-Xjenza tar-Renju Unit (17),

–  wara li kkunsidra s-smigħ tal-25 ta' Jannar 2016 tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji dwar muniti virtwali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A8-0168/2016),

A.  billi definizzjoni universali applikabbli għadha ma ġietx stabbilita, iżda l-muniti virtwali (VCs) xi kultant huma msejħa flus diġitali, u l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) tqishom bħala rappreżentazzjoni diġitali ta' valur li la hija maħruġa minn bank ċentrali jew awtorità pubblika u lanqas neċessarjament marbuta ma' munita fiduċjarja, iżda hija aċċettata minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi bħala mezz ta' ħlas, u li jistgħu jiġu ttrasferiti, jinħażnu u jiġu skambjati elettronikament; billi l-VCs huma l-aktar ibbażati fuq it-teknoloġija tar-reġistru distribwit (DLT), il-bażi teknoloġika għal aktar minn 600 skema tal-VC(18), li tiffaċilita l-iskambju bejn il-pari ("peer-to-peer"), bl-aktar waħda prominenti tkun il-Bitcoin; filwaqt li ġiet varata fl-2009 u attwalment għandha sehem fis-suq fost VCs ibbażati fuq id-DLT ta' kważi 90 %, b'valur fis-suq tal-Bitcoins pendenti ta' madwar EUR 5 biljun(19), hi għadha ma laħqitx dimensjonijiet sistematiċi;

B.  billi d-DLT tinkludi bażijiet ta' data b'livelli varji ta' fiduċja u reżiljenza, bil-potenzjal li jipproċessaw numru kbir ta' tranżazzjonijiet b'mod rapidu, u b'kapaċità ta' trasformazzjoni mhux biss fil-qasam tal-VCs iżda wkoll b'mod iktar wiesa' fil-fintech, fejn l-ikklerjar u s-saldu jistgħu jkunu applikazzjoni waħda ovvja, kif ukoll oħrajn lil hinn mill-finanzi, speċjalment fir-rigward tal-prova ta' identità u ta' proprjetà;

C.  billi l-investimenti fid-DLT huma parti integrali miċ-ċiklu ta' innovazzjoni għaddej tal-fintech u sal-lum jammontaw għal aktar minn EUR 1 biljun, kemm minn fond ta' kapital ta' riskju kif ukoll investiment korporattiv(20);

Opportunitajiet u riskji tal-VCs u d-DLT fix-xenarju teknoloġiku tal-ħlasijiet li qed jevolvi b'mod rapidu

1.  Jenfasizza li l-VCs u d-DLT għandhom il-potenzjal li jikkontribwixxu b'mod pożittiv għall-benessri taċ-ċittadini u l-iżvilupp ekonomiku, inkluż fis-settur finanzjarju, permezz ta':

   (a) tnaqqis tal-ispejjez operattivi u ta' tranżazzjoni għal pagamenti u speċjalment trasferimenti ta' fondi transfruntiera, possibilment għal ħafna inqas minn 1 %, imqabbla mal-perċentwal tradizzjonali ta' 2 % – 4 % għal sistemi ta' pagament online(21) –, u għal iktar minn medja ta' 7 % għal trasferimenti transfruntiera ta' rimessi(22), għalhekk, bi stima ottimista, potenzjalment jitnaqqsu l-ispejjeż globali għal rimessi totali sa EUR 20 biljun;
   (b) tnaqqis, b'mod aktar ġenerali, tal-kost ta' aċċess għall-finanzi anki mingħajr kont bankarju tradizzjonali, u b'hekk jistgħu potenzjalment jikkontribwixxu għall-inklużjoni finanzjarja u għall-"objettiv 5x5" tal-G20 u l-G8(23);
   (c) titjieb ir-reżiljenza u, skont l-arkitettura tas-sistema, il-ħeffa tas-sistemi ta' pagament u l-kummerċ ta' prodotti u servizzi grazzi għall-arkitettura deċentralizzata b'mod inerenti tad-DLT, li jistgħu jibqgħu joperaw b'mod affidabbli anke jekk partijiet min-netwerk tagħhom kellhom jiffunzjonaw ħażin jew jiġu aċċessati b'mod illegali;
   (d) li jiġu permessi sistemi li jikkombinaw faċilità tal-użu, spejjeż operattivi u ta' tranżazzjoni baxxi u grad għoli ta' privatezza, iżda mingħajr l-anonimità sħiħa sabiex it-tranżazzjonijiet ikunu traċċabbli sa ċertu punt f'każ ta' kondotta ħażina u sabiex it-trasparenza għall-parteċipanti fis-suq b'mod ġenerali tkun tista' tiżdied;
   (e) użu ta' tali sistemi biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet ta' mikropagamenti online siguri li jirrispettaw il-privatezza tal-individwi, li eventwalment jista' jissostitwixxi ċerti mudelli ta' negozju online li joħolqu sfida sinifikanti dwar il-privatezza;
   (f) li jiġu permessi, potenzjalment, tipi differenti ta' mekkaniżmi ta' pagament tradizzjonali u innovattivi, minn karti ta' kreditu għal soluzzjonijiet mobbli, biex jingħaqdu f'applikazzjoni waħda sigura u faċli għall-utent, li tista' twassal ċerti aspetti ta' kummerċ ekonomiku fl-Ewropa u tapprofondixxi s-Suq Uniku;

2.  Jinnota li mal-VCs u l-iskemi tad-DLT hemm marbuta riskji li jeħtieġ jiġu indirizzati b'mod xieraq sabiex tissaħħaħ il-fiduċja fihom, inkluż fiċ-ċirkostanzi preżenti, bħal:

   (a) in-nuqqas ta' strutturi governattivi jew saħansitra definizzjoni ta' tali strutturi li huma flessibbli, iżda reżiljenti u affidabbli, speċjalment f'xi applikazzjonijiet DLT bħal Bitcoin, li toħloq inċertezza u – b'mod aktar wiesa' – problemi għall-protezzjoni tal-utent, speċjalment f'każ ta' sfidi mhux previsti mid-diżinjaturi oriġinali tas-software;
   (b) il-volatilità għolja tal-VCs u l-potenzjal għal bżieżaq spekulattivi, u n-nuqqas ta' forom tradizzjonali ta' sorveljanza, salvagwardji u protezzjoni regolatorji, kwistjonijiet li huma partikolarment diffiċli għall-konsumaturi;
   (c) il-kapaċità tar-regolaturi li xi drabi tkun limitata fil-qasam ta' teknoloġija ġdida, li tista' tagħmilha diffiċli li jiġu definiti salvagwardji xierqa u fil-ħin, sabiex tiżgura l-funzjonament xieraq u affidabbli tal-applikazzjonijiet DLT meta jew saħansitra qabel ma jikbru tant li jsiru sistematikament rilevanti;
   (d) l-inċertezza ġuridika abbinata mal-applikazzjonijiet DLT ġodda;
   (e) il-konsum tal-enerġija għat-tħaddim ta' ċerti VCs li, skont ir-rapport tal-Konsulent Xjentifiku Ewlieni tar-Renju Unit dwar id-DLT, fil-każ tal-Bitcoin ġie stmat għal aktar minn 1 GW, li dan isejjaħ għal investimenti fir-riċerka u l-promozzjoni ta' forom aktar effiċjenti ta' mekkaniżmi ta' verifikazzjoni tat-tranżazzjoni;
   (f) in-nuqqas ta' dokumentazzjoni teknika trasparenti biżżejjed u aċċessibbli faċilment għall-funzjonament ta' VCs speċifiċi u skemi DLT oħrajn;
   (g) sorsi potenzjali ta' instabilità finanzjarja li tista' tkun marbuta ma' prodotti derivattivi bbażati fuq karatteristiċi li ftit li xejn jinftiehmu tal-VCs;
   (h) il-limitazzjonijiet fit-tul futuri fuq l-effikaċja tal-politika monetarja jekk l-iskemi VC privati kellhom jintużaw b'mod wiesa' bħala sostituti għal munita fiat uffiċjali;
   (i) il-potenzjal għal tranżazzjonijiet tas-suq illeċitu ("black market"), ħasil ta' flus, iffinanzjar tat-terroriżmu(24), il-frodi u l-evażjoni fiskali u attivitajiet kriminali oħra bbażati fuq "psewdonominità" u "taħlit ta' servizzi" li wħud minn dawn is-servizzi joffru u n-natura deċentralizzata ta' xi VCs, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu li t-traċċabilità ta' tranżazzjonijiet fi flus kontanti għandha t-tendenza li tkun ħafna inqas soda;

3.  Jissuġġerixxi li sabiex jiġu indirizzati dawn ir-riskji jeħtieġ kapaċità regolatorja msaħħa, inkluż għarfien espert tekniku, u l-iżvilupp ta' qafas ġuridiku sod li jżomm il-pass mal-innovazzjoni, l-iżgurar ta' rispons f'waqtu u proporzjonat jekk u meta l-użu ta' wħud mill-applikazzjonijiet DLT isiru rilevanti sistematikament;

4.  Jirrimarka, madankollu, li jekk jiġi adottat regolament fi stadju bikri ħafna, jista' ma jiġix adattat għal sitwazzjoni li għadha instabbli u tista' tibgħat messaġġ ħażin lill-pubbliku dwar il-vantaġġi jew is-sigurtà tal-muniti virtwali;

It-tħaddim tad-DLT lil hinn mill-pagamenti

5.  Jinnota li l-potenzjal tad-DLT biex tħaffef, tiddeċentralizza, tawtomatizza u tistandardizza proċessi mmexxija mid-data għandu l-kapaċità li jbiddel b'mod fundamentali l-mod kif l-assi jiġu ttrasferiti u kif jinżammu r-reġistri, b'implikazzjonijiet kemm fis-settur privat kif ukoll f'dak pubbliku, b'dan tal-aħħar ikun ikkonċernat fi tliet dimensjonijiet: bħala fornitur ta' servizz, bħala superviżur u bħala leġiżlatur;

6.  Jirrimarka li l-ikklerjar, is-saldu u proċessi ta' ġestjoni oħrajn ta' wara n-negozju attwalment jiswew lill-industrija finanzjarja globali ħafna aktar minn EUR 50 biljun fis-sena(25), u li dan u l-proċessi ta' rikonċiljazzjoni tal-bank huma oqsma fejn l-użu tad-DLT jista' jirriżulta bħala trasformazzjonali f'termini ta' effiċjenza, ħeffa, u reżiljenza, iżda jqajjem ukoll sfidi regolatorji ġodda;

7.  Jenfasizza l-fatt li, f'dan ir-rigward, ġew stabbiliti diversi inizjattivi minn atturi tas-settur privat, u jistieden lill-awtoritajiet kompetenti, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f'dak nazzjonali, biex jimmonitorjaw inizjattivi bħal dawn;

8.  Jinnota wkoll li d-DLT tista' tiġi wżata biex iżżid il-kondiviżjoni tad-data, it-trasparenza u l-fiduċja mhux biss bejn il-gvern u ċ-ċittadini, iżda wkoll bejn l-atturi fis-settur privat u l-klijenti;

9.  Jirrikonoxxi l-potenzjal tad-DLT li għadu qed jiġi skopert ferm lil hinn mis-settur finanzjarju, inkluż finanzjament parteċipattiv crypto-equity, servizzi ta' medjazzjoni ta' tilwim, b'mod partikolari fis-setturi finanzjarji u ġuridiċi, u l-potenzjal ta' kuntratti intelliġenti flimkien ma' firem diġitali, applikazzjonijiet li jippermettu aktar sigurtà u sinerġiji tad-data bl-iżvilupp tal-Internet tal-Oġġetti;

10.  Jenfasizza d-dinamika li jiġġeneraw it-teknoloġiji blockchain fl-ambjent tan-negozju kif ukoll il-potenzjal tagħhom għal trasformazzjonijiet fl-ekonomija reali fuq perjodu ta' żmien fit-tul;

11.  Jirrikonoxxi l-potenzjal tad-DLT fl-assistenza lill-gvernijiet biex jitnaqqas il-ħasil tal-flus, il-frodi u l-korruzzjoni;

12.  Jinkoraġġixxi aġenziji tal-gvern biex jittestjaw is-sistemi DLT wara li jwettqu analiżi xierqa tal-impatt sabiex tittejjeb il-provvista ta' servizzi liċ-ċittadini u tas-soluzzjonijiet tal-gvern elettroniku, f'konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data tal-UE; jinkoraġġixxi aġenziji tal-gvern biex jevitaw effetti ta' saturazzjoni li jistgħu jkunu marbuta ma' dipendenza fuq skemi DLT propretarji; jirrikonoxxi, b'mod partikolari, il-potenzjal tad-DLT għal titjib f'sistemi tar-reġistrazzjoni tal-art;

13.  Jirrakkomanda li l-aġenziji tal-gvern u l-awtoritajiet kompetenti li għandhom il-kompitu li janalizzaw kwantitajiet kbar ta' data jesploraw l-użu ta' superviżjoni f'ħin reali bbażata fuq DLT u għodod ta' rappurtar bħala parti minn aġenda RegTech fis-settur finanzjarju u lil hinn, inkluż sabiex titnaqqas id-diskrepanza mdaqqsa tal-VAT fl-Unjoni(26);

Regolamentazzjoni intelliġenti lejn it-trawwim tal-innovazzjoni u s-salvagwardja tal-integrità

14.  Jitlob li jkun hemm approċċ regolatorju proporzjonat fil-livell tal-UE sabiex ma tiġix imfixkla l-innovazzjoni jew jiżdiedu magħha spejjeż superfluwi f'dan l-istadju bikri, filwaqt li jittieħdu bis-serjetà l-isfidi regolatorji li l-użu mifrux tad-DLT u l-VCs jistgħu jġibu magħhom;

15.  Jenfasizza s-similaritajiet bejn it-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit (DLT), li tikkonsisti f'sett ta' nodi li jipparteċipaw f'sistema u jikkondividu bażi tad-data komuni, u l-World Wide Web (WWW), definit bħala sett ta' riżorsi globali loġikament interrelatati bil-hyperlinks; jinnota li kemm id-DLT kif ukoll id-WWW huma bbażati fl-internet, sistema globali ta' netwerks tal-kompjuters ċentrali (mainframe), personali u bla fili interkonnessi;

16.  Ifakkar li l-internet, minkejja tentattivi biex jiġi promoss approċċ b'diversi partijiet interessati, għadu mmexxi mill-Amministrazzjoni Nazzjonali tat-Telekomunikazzjonijiet u l-Informazzjoni, aġenzija tad-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti;

17.  Jilqa' l-ħolqien ta' Koalizzjoni Dinamika tat-Teknoloġiji Blockchain fil-Forum ta' Governanza tal-Internet, u jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi governanza kondiviża u inklużiva tad-DLT, sabiex tevita problemi li ġew iffaċċjati preċedentement fl-iżvilupp tal-Internet;

18.  Jinnota li l-leġiżlazzjoni tal-UE ewlenija, bħall-EMIR, is-CSDR, id-DFS, il-MiFID/MiFIR, l-UCITs u l-AIFMD, tista' tipprovdi qafas regolatorju f'konformità mal-attivitajiet imwettqa, irrispettivament mit-teknoloġija li fuqha tkun ibbażata, anke kif VCs u applikazzjonijiet ibbażati fuq DLT jespandu fi swieq ġodda u jestendu l-attivitajiet tagħhom; josserva, madankollu, li tista' tkun meħtieġa aktar leġiżlazzjoni speċifika;

19.  Jilqa' s-suġġerimenti tal-Kummissjoni biex jiġu inklużi pjattaformi ta' skambju tal-VCs fid-Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus (AMLD) sabiex ittemm l-anonimità marbuta ma' tali pjattaformi; jistenna li kwalunkwe proposta f'dan ir-rigward se tkun immirata, ġustifikata permezz ta' analiżi sħiħa tar-riskji assoċjati mal-VCs, u bbażata fuq valutazzjoni tal-impatt dettaljata;

20.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tfassal analiżi komprensiva tal-VCs u, abbażi ta' din il-valutazzjoni, tikkunsidra, jekk xieraq, tirrevedi l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE dwar il-pagamenti, inklużi d-Direttiva dwar il-Kontijiet tal-Pagamenti (PAD), id-Direttiva dwar is-Servizzi ta' Ħlas (PSD) kif ukoll id-Direttiva dwar il-Flus Elettroniċi (EMD), fid-dawl tal-possibbiltajiet il-ġodda offruti minn żviluppi teknoloġiċi ġodda inkluż l-VCs u d-DLT, bil-għan li jissaħħu l-kompetizzjoni u jitbaxxew l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet, inkluż permezz ta' interoperabilità msaħħa u possibilment ukoll permezz tal-promozzjoni ta' portafoll elettroniku universali u nonproprjetarju;

21.  Josserva li diversi muniti virtwali lokali ġew maħluqa fl-Ewropa, mhux biss bħala rispons għall-kriżi finanzjarja u l-problema tal-kriżi tal-kreditu relatati; iħeġġeġ kawtela partikolari meta jiġu definiti muniti virtwali, fil-kuntest ta' kwalunkwe proposta leġiżlattiva futura, bil-għan li jittieħed kont xieraq tal-eżistenza ta' "muniti lokali" ta' natura mingħajr skop ta' qligħ, li ħafna drabi jkollhom funġibilità limitata u li jipprovdu benefiċċji ambjentali u soċjali sinifikanti, u għall-prevenzjoni ta' regolamentazzjoni sproporzjonata f'dan il-qasam, sakemm la jkun hemm evitar u lanqas evażjoni tat-taxxa;

22.  Jitlob għall-ħolqien ta' Task Force DLT orizzontali (TF DLT) taħt it-tmexxija tal-Kummissjoni, li tikkonsisti f'esperti tekniċi u regolatorji, sabiex:

   (i) jipprovdu l-għarfien espert tekniku u regolatorju meħtieġ fid-diversi setturi ta' applikazzjonijiet DLT pertinenti, iġibu flimkien lill-partijiet interessati u jappoġġjaw lill-atturi pubbliċi rilevanti fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jimmonitorjaw l-użu tad-DLT fil-livell Ewropew u globali;
   (ii) irawmu l-kuxjenza u janalizzaw il-benefiċċji u r-riskji – inkluż għall-utenti finali – tal-applikazzjonijiet DLT sabiex jagħmlu l-aħjar użu mill-potenzjal tagħhom, inkluż billi jimmiraw biex jidentifikaw sett ewlieni ta' attributi ta' skemi DLT favorevoli għall-interess ġenerali, bħal standards nonproprjetarji miftuħa, u billi jidentifikaw standards għall-aħjar prattika fejn tali standards ikunu emerġenti;
   (iii) jappoġġjaw rispons f'waqtu, infurmat u proporzjonat għall-opportunitajiet u l-isfidi ġodda li jinqalgħu bl-introduzzjoni ta' applikazzjonijiet DLT sinifikanti, inkluż permezz ta' pjan direzzjonali għal passi futuri fil-livell tal-UE u tal-Istat Membri li jkun jinkludi valutazzjoni ta' regolamentazzjoni Ewropea eżistenti, bil-għan li taġġornah b'reazzjoni għall-użu DLT sinifikanti u sistematiku fejn xieraq, u wkoll billi tindirizza l-protezzjoni tal-konsumatur u sfidi sistematiċi;
   (iv) jiżviluppaw testijiet tal-istress għall-aspetti rilevanti kollha tal-VCs u skemi DLT oħra li jilħqu livell ta' użu li jagħmilhom sistematikament importanti għall-istabbiltà;

23.  Jenfasizza l-importanza ta' għarfien tal-konsumatur, trasparenza u fiduċja meta jintużaw muniti virtwali; jistieden lill-Kummissjoni biex, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-industrija tal-VCs, tiżviluppa linji gwida bil-għan li tiggarantixxi li tkun ipprovduta informazzjoni korretta, ċara u kompleta għall-utenti tal-VC eżistenti u futuri, li tippermettilhom jagħmlu għażla kompletament infurmata u b'hekk tissaħħaħ it-trasparenza tal-iskemi tal-VC f'termini ta' kif jiġu organizzati u mħaddma u kif huma distinti mis-sistemi ta' ħlas li huma rregolati u ssorveljati f'dak li jirrigwarda l-protezzjoni tal-konsumatur;

o
o   o

24.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) http://www.bis.org/cpmi/publ/d137.pdf
(2)  http://www.bankofengland.co.uk/publications/Documents/quarterlybulletin/2014/qb14q3digitalcurrenciesBitcoin2.pdf
(3) https://www.eba.europa.eu/documents/10180/657547/EBA-Op-2014-08+Opinion+on+Virtual+Currencies.pdf
(4) https://www.ecb.europa.eu/pub/pdf/other/virtualcurrencyschemesen.pdf
(5) http://ec.europa.eu/justice/newsroom/criminal/news/160202_en.htm
(6) http://europa.eu/rapid/press-release_IP-15-5592_en.htm
(7)  http://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/bitstream/JRC97043/the%20digital%20agenda%20of%20virtual%20currencies_final.pdf
(8) http://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2016/02/12-conclusions-terrorism-financing/
(9)  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?qid=1463564584935&uri=CELEX:62014CJ0264
(10) http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:62014CC0264&from=EN
(11) https://www.esma.europa.eu/sites/default/files/library/2015/11/2015-532_call_for_evidence_on_virtual_currency_investment.pdf
(12)  http://www.europarl.europa.eu/RegData/bibliotheque/briefing/2014/140793/LDM_BRI(2014)140793_REV1_EN.pdf
(13)  https://www.europol.europa.eu/sites/default/files/publications/changes_in_modus_operandi_of_is_in_terrorist_attacks.pdf
(14) http://www.fatf-gafi.org/media/fatf/documents/reports/virtual-currency-key-definitions-and-potential-aml-cft-risks.pdf
(15) http://www.oecd.org/daf/fin/financial-markets/The-Bitcoin-Question-2014.pdf
(16) https://www.imf.org/external/pubs/ft/sdn/2016/sdn1603.pdf
(17) https://www.gov.uk/government/uploads/system/uploads/attachment_data/file/492972/gs-16-1-distributed-ledger-technology.pdf
(18) http://www.bis.org/cpmi/publ/d137.pdf
(19) http://coinmarketcap.com/
(20) Ara, fost l-oħrajn: http://www.coindesk.com/state-of-Bitcoin-blockchain-2016/
(21) https://www.eba.europa.eu/documents/10180/657547/EBA-Op-2014-08+Opinion+on+Virtual+Currencies.pdf
(22) https://remittanceprices.worldbank.org/sites/default/files/rpw_report_december_2015.pdf
(23)  http://web.worldbank.org/WBSITE/EXTERNAL/TOPICS/EXTFINANCIALSECTOR/0,,contentMDK:22383199~pagePK:210058~piPK:210062~theSitePK:282885,00.html
(24) Filwaqt li hemm potenzjal għall-użu ta' VC għall-finanzjament tat-terroriżmu, reċentement il-Europol (fit-18 ta' Jannar 2016) irrimarkat li "minkejja rappurtar minn terza persuni li jissuġġerixxi l-użu ta' muniti anonimi bħal Bitcoin mit-terroristi biex jiffinanzjaw l-attivitajiet tagħhom, dan ma ġiex ikkonfermat mill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi".
(25) https://www.gov.uk/government/uploads/system/uploads/attachment_data/file/492972/gs-16-1-distributed-ledger-technology.pdf
(26) http://europa.eu/rapid/press-release_IP-15-5592_en.htm


Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: applikazzjoni EGF/2015/010 FR/MoryGlobal
PDF 361kWORD 87k
Riżoluzzjoni
Anness
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Mejju 2016 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni ppreżentata minn Franza – EGF/2015/010 FR/MoryGlobal) (COM(2016)0185 – C8-0136/2016 – 2016/2043(BUD))
P8_TA(2016)0229A8-0182/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2016)0185 – C8-0136/2016),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) ("ir-Regolament dwar il-FEG"),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar il-kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar il-ġestjoni finanzjarja tajba(3) (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0182/2016),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tagħti appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tassistihom fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-FII tat-2 ta' Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni ("il-FEG");

C.  billi l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiġi introdott mill-ġdid il-kriterju tal-mobilizzazzjoni f'każ ta' kriżi, biex tiġi stabbilita l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal 60 % tal-ispejjeż totali stmati tal-miżuri proposti, biex tiżdied l-effiċjenza għat-trattament tal-applikazzjonijiet għall-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u għall-approvazzjoni, biex jiġu estiżi l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eleġibbli għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għaż-żgħażagħ, u biex jiġu ffinanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' impriżi proprji;

D.  billi Franza ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2015/010 FR/MoryGlobal għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara li ngħataw xi sensji mis-settur ekonomiku li huwa kklassifikat fit-Taqsima 49 ta' NACE Reviżjoni 2 (Trasport bl-art u transport permezz ta' sistemi ta' katusi) kif ukoll fit-Taqsima 52 (Magazzinaġġ u attivitajiet ta' sostenn għat-trasport) madwar Franza kontinentali, u billi 2 123 ħaddiem li ngħataw is-sensja u li huma eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-FEG huma mistennija li jipparteċipaw fil-miżuri; billi t-talba ssegwi l-likwidazzjoni ġudizzjarja ta' MoryGlobal u hija ta' segwitu għall-applikazzjoni EGF/2014/017 FR/Mory-Ducros;

E.  billi l-applikazzjoni ġiet ippreżentata skont il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG, li jirrekjedi li jrid ikun hemm mill-inqas 500 ħaddiem li ngħataw is-sensja matul perjodu ta' referenza ta' erba' xhur f'impriża fi Stat Membru, inklużi ħaddiema li ngħataw is-sensja minn fornituri u produtturi downstream u / jew persuni li jaħdmu għal rashom li ntemmet l-attività tagħhom;

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG huma ssodisfati, u li għalhekk Franza għandha dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 5 146 800 skont dan ir-Regolament, li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 8 528 000;

2.  Jinnota li l-Kummissjoni osservat l-iskadenza ta' 12-il ġimgħa mill-wasla tal-applikazzjoni mill-awtoritajiet Franċiżi, fid-19 ta' Novembru 2015, sabiex tlesti l-valutazzjoni tagħha dwar il-konformità mal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-kontribuzzjoni finanzjarja, fis-7 ta' April 2016, u li l-valutazzjoni tagħha ġiet notifikata lill-Parlament dakinhar stess;

3.  Iqis li s-sensji minn MoryGlobal huma marbuta mat-tnaqqis ġenerali tal-produzzjoni fiżika fl-Ewropa, li wassal għal tnaqqis fil-volum ittrasportat u taqtigħa tal-prezzijiet fis-settur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq, liema fatturi rriżultaw f'deterjorament kostanti fil-marġnijiet operattivi u sensiela ta' telf għas-settur fi Franza sa mill-2007, segwiti b'mewġa ta' fallimenti, inkluż dak ta' Mory-Ducros u aktar tard ta' MoryGlobal, li impjegat mill-ġdid 2 107 ħaddiem li kienu jaħdmu ma' Mory-Ducros;

4.  Jirrimarka li l-appoġġ mill-FEG għall-2 513 ħaddiem li kien jaħdmu ma' Mory-Ducros, li ġie approvat f'April 2015(4), jammonta għal EUR 6 052 200;

5.  Jinnota li, sal-lum, is-settur tat-trasport fuq l-art u tat-trasport permezz tal-pipelines kien soġġett għal żewġ applikazzjonijiet oħra għall-FEG: l-applikazzjoni EGF/2014/017 FR/Mory-Ducros, u l-applikazzjoni EGF/2011/001 AT/Nieder- und Oberoesterreich, it-tnejn li huma bbażati fuq il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, li jirrigwardaw 2 804 sensja f'dan is-settur; jinnota li bosta miżuri f'dawn iż-żewġ applikazzjonijiet huma simili;

6.  Jinnota l-fatt li l-awtoritajiet Franċiżi bdew jipprovdu s-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta fit-23 ta' April 2015, qabel id-deċiżjoni dwar l-għoti ta' appoġġ mill-FEG għall-pakkett koordinat propost;

7.  Jilqa' l-fatt li Franza stabbiliet pjan soċjali, li fih il-kumpanija MoryGlobal tipparteċipa wkoll b'mod finanzjarju, qabel ma tikseb il-kontribuzzjoni supplementari mill-FEG; japprezza li l-għajnuna mitluba mill-FEG ma tinkludix miżuri li jaqgħu taħt l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament dwar il-FEG, jiġifieri l-allowances, iżda hija orjentata lejn miżuri b'valur miżjud reali għar-riintegrazzjoni futura fis-suq tax-xogħol tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja;

8.  Jinnota li s-servizzi personalizzati kofinanzjati mill-FEG li għandhom jingħataw jikkonsistu minn pariri u gwida mogħtija minn tim ta' konsulenti esperti, li se jingħataw flimkien mal-pjan soċjali u mal-Contrat de Sécurisation Professionnelle ffinanzjati mill-Istat Franċiż biex jgħinu lill-ħaddiema jerġgħu jsibu impjieg. jinnota li t-tliet kuntratturi li joperaw it-tim ta' konsulenti huma l-istess li qed jipprovdu s-servizzi lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja minn Mory-Ducros; jistenna li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet Franċiżi jsegwu strettament il-prinċipju li skontu l-pagamenti lill-aġenziji jridu jsiru abbażi tar-riżultati miksuba;

9.  Jinnota li kuntratturi (BPI, Sodie u AFPA Transitions) għandhom jassistu lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja u jgħinuhom isibu soluzzjonijiet biex jibqgħu fis-suq tax-xogħol u jsibu impjiegi ġodda, permezz ta' servizzi personalizzati bħal sessjonijiet ta' informazzjoni kollettivi u individwali, tranżizzjoni bejn l-impjiegi u akkumpanjament lejn impjiegi ġodda;

10.  Iqis li l-ħaddiema li għandhom bejn il-55 u l-64 sena jinsabu f'riskju ogħla ta' qgħad fit-tul u li jiġu esklużi mis-suq tax-xogħol, b'effett possibbli ta' esklużjoni soċjali; iqis, għalhekk, li dawn il-ħaddiema, li jirrappreżentaw aktar minn 19 % tal-benefiċjarji li huma mistennija li jkunu fil-mira tal-azzjonijiet proposti, għandhom esiġenzi speċifiċi meta jiġu pprovduti b'approċċ personalizzat skont l-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG;

11.  Jinnota li Franza indikat li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati tfassal b'konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-benefiċjarji fil-mira u tas-sħab soċjali;

12.  Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jitfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi u l-ħiliet li ser ikun hemm bżonn fil-futur fis-suq tax-xogħol, u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi; jilqa' l-fatt li Franza tat il-garanziji kollha meħtieġa li l-azzjonijiet proposti se jkunu komplementari għall-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali li flimkien jammontaw għal miżura kombinata li tilqa' għall-isfidi globali sabiex jinkiseb tkabbir ekonomiku sostenibbli kif enfasizzat fil-Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni 2007-2014(5);

13.  Jinnota li l-kuntratturi li jmexxu t-tim ta' konsulenti huma l-istess li qegħdin jipprovdu servizzi lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja minn Mory-Ducros; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi evalwazzjoni tal-kosteffikaċja tal-appoġġ li qiegħed jingħata lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja minn Mory-Ducros, peress li din l-applikazzjoni ssegwi l-applikazzjoni EGF/2014/017FR/Mory-Ducros, u s-servizzi personalizzati huma pprovduti mill-istess kuntratturi;

14.  Iqis is-sensittività speċifika tas-suq tax-xogħol peress li Franza għandha l-ikbar sehem tal-valur miżjud tal-UE28 tas-settur tas-servizzi tat-trasport fuq l-art;

15.  Jinnota li l-awtoritajiet Franċiżi jikkonfermaw li l-azzjonijiet proposti ma jirċevux appoġġ finanzjarju minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni u li huma komplementari għall-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali;

16.  Itenni li l-għajnuna mill-FEG takkumpanja l-mizuri nazzjonali u ma għandhiex tieħu post azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-Istati Membri jew tal-kumpaniji;

17.  Japprezza l-proċedura mtejba stabbilita mill-Kummissjoni, b'segwitu għat-talba mill-Parlament għall-aċċelerazzjoni fir-rilaxx tal-għotjiet; jinnota l-pressjoni mil-lat ta' ħin li jġib miegħu l-kalendarju l-ġdid u l-impatt potenzjali fuq l-effikaċja tal-eżami tal-każijiet;

18.  Ifakkar fl-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-pubbliku jkollu aċċess għad-dokumenti kollha relatati ma' każijiet tal-FEG;

19.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

(applikazzjoni minn Franza – EGF/2015/010 FR/MoryGlobal)

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2016/989.)

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(4) Deċiżjoni (UE) 2015/738 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni EGF/2015/017 FR/Mory-Ducros ippreżentata minn Franza) (ĠU L 117, 8.5.2015, p. 47).
(5) http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/IDAN/2016/558763/EPRS_IDA(2016)558763_EN.pdf


Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: applikazzjoni EGF/2015/011 GR/Supermarket Larissa
PDF 437kWORD 86k
Riżoluzzjoni
Anness
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Mejju 2016 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni ppreżentata mill-Greċja – EGF/2015/011 GR/Supermarket Larissa) (COM(2016)0210 – C8-0149/2016 – 2016/2050(BUD))
P8_TA(2016)0230A8-0181/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2016)0210 – C8-0149/2016),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (ir-Regolament dwar il-FEG),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-ħames applikazzjonijiet preċedenti għall-FEG marbuta mas-settur tal-bejgħ bl-imnut,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' April 2016 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF/2016/000 TA 2016 – Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni)(4),

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0181/2016),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tagħti appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tgħinhom jintegraw mill-ġdid fis-suq tax-xogħol; billi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjon ("il-FEG") imur għall-benefiċċju tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja minn impriżi żgħar u ta' daqs medju u minn kumpaniji multinazzjonali, indipendentement mill-politiki jew mill-interessi li mmotivaw id-deċiżjoni li jagħlqu, partikolarment ta' dawn tal-aħħar; billi r-Regolament dwar il-FEG u l-politika kummerċjali tal-Unjoni għandhom ikomplu jikkonċentraw fuq il-mod kif jiġu salvagwardjati l-impjiegi, il-produzzjoni u l-kompetenzi fi ħdan l-Unjoni;

B.  billi l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema fil-bżonn għandha tkun dinamika u tkun disponibbli kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-FII tat-2 ta' Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzati il-FEG;

C.  billi l-Greċja ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2015/011 GR/Supermarket Larissa għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, b'segwitu għas-sensji li saru fis-settur ekonomiku klassifikat taħt id-Diviżjoni 47 (negozju bl-imnut, għajr ta' vetturi bil-mutur u muturi) tan-NACE Reviżjoni 2 fir-reġjuni tal-livell NUTS 2 tal-Maċedonja Ċentrali (Κεντρική Μακεδονία) (EL12) u tat-Tessalja (Θεσσαλία) (EL14), u billi 557 ħaddiem imkeċċi, kif anki 543 żagħżugħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs) taħt l-età ta' 30 sena minn dawn l-istess reġjuni huma mistennija jipparteċipaw fil-miżuri; billi l-ħaddiema ssensjati b'segwitu għall-falliment u għall-għeluq ta' Supermarket Larissa ABEE;

D.  billi l-applikazzjoni tressqet skont il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG, li jirrikjedi li jrid ikun hemm mill-inqas 500 ħaddiem li ngħata s-sensja matul perjodu ta' referenza ta' erba' xhur f'impriża fi Stat Membru, inklużi ħaddiema li ngħataw is-sensja minn fornituri u produtturi downstream u/jew persuni li jaħdmu għal rashom li ntemmet l-attività tagħhom;

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG huma sodisfatti, u li għalhekk il-Greċja għandha dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 6 468 000 skont dan ir-Regolament, li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 10 780 000;

2.  Jinnota li l-kontribuzzjoni finanzjarja se jkollha fil-mira 557 ħaddiem li ngħataw is-sensja, li minnhom 194 huma rġiel u 363 huma nisa;

3.  Ifakkar li madwar 543 żagħżugħ(a) oħra taħt l-età ta' 30 sena li huma barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ fl-istess reġjun jaf jiġu pprovduti b'servizzi personalizzati, bħal gwida għax-xogħol fl-ambitu tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ;

4.  Jinnota li l-Kummissjoni osservat l-iskadenza ta' 12-il ġimgħa mill-wasla tal-applikazzjoni mill-awtoritajiet Griegi, fis-26 ta' Novembru 2015, sa ma tiffinalizza l-valutazzjoni tagħha dwar il-konformità mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta' kontribuzzjoni finanzjarja, fl-14 ta' April 2016 u nnotifikatha lill-Parlament fil-15 ta' April 2016;

5.  Jinnota li minbarra l-557 ħaddiem li ngħataw is-sensja, 543 żagħżugħ(a) li huma barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs) taħt l-età ta' 30 sena mill-istess reġjuni mistennija li jipparteċipaw fil-miżuri u jirċievu servizzi personalizzati kofinanzjati mill-FEG; jinnota li t-talba tal-awtoritajiet Griegi biex jinkludu lin-NEETs f'dawn il-miżuri hija minħabba n-nuqqas ta' impjiegi fir-reġjun meta mqabbel man-numru għoli ta' persuni li qed ifittxu xogħol, b'73,5 % tal-persuni qiegħda ilhom mingħajr impjieg għal aktar minn 12-il xahar fit-Tessalja (Θεσσαλία) (Eurostat);

6.  Josserva li minħabba r-reċessjoni gravi tal-ekonomija Griega segwita minn tnaqqis fil-konsum tal-familji u l-kapaċità tal-akkwist, il-volumi tan-negozju bl-imnut tal-ikel, xorb u tabakk kienu aktar minn 30 % inqas fl-2015 mill-volumi tal-bidu tal-kriżi tal-2008; josserva li l-bejgħ ta' Supermarket Larissa segwa l-istess xejra 'l isfel;

7.  Jinnota, għaldaqstant, li Supermarket Larissa, kooperattiva ta' ħwienet żgħar tal-merċa mwaqqfa fl-1986 bi 42 ħanut u 600 ħaddiem, ma setax jegħleb it-telf u kellu jagħlaq il-ħwienet tiegħu matul it-tieni trimestru tal-2014; jirrimarka li l-miżuri ta' awsterità, partikolarment it-tnaqqis fil-pagi (-30 %), in-negozjar mill-ġdid tal-kirjiet, is-sospensjoni tad-data tal-maturità tal-kontijiet, ma setgħux jipprevjenu dan kollu; josserva li din is-sitwazzjoni hija wkoll dovuta għat-tnaqqis drastiku tas-self lill-impriżi, f'kuntest li fih it-tnaqqis kwantitattiv (quantitative easing) tal-Bank Ċentrali Ewropew ma rnexxilux jagħti spinta ġdida lis-self; josserva li dan il-każ huwa konsegwenza drammatika tal-pressjoni kostanti eżerċitata mill-kredituri fuq il-Greċja u tal-politika ta' awsterità Ewropea;

8.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-awtoritajiet Griegi bdew jipprovdu s-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta fis-26 ta' Frar 2016, qabel id-deċiżjoni dwar l-għoti ta' appoġġ mill-FEG għall-pakkett koordinat propost;

9.  Jinnota li l-miżuri ta' appoġġ għall-introjtu se jkunu strettament limitati għal ammont massimu ta' 35 % tal-pakkett totali ta' miżuri personalizzati, kif stabbilit fir-Regolament dwar il-FEG, u li tali azzjonijiet jiddependu mill-parteċipazzjoni attiva tal-benefiċjarji fil-mira fl-attivitajiet ta' tiftix ta' impjiegi jew ta' attivitajiet ta' taħriġ;

10.  Jinnota li għalkemm il-kooperattiva applikat xi miżuri ta' awsterità bħal tnaqqis fil-pagi, negozjar mill-ġdid tal-kirjiet, sospensjoni tad-data tal-maturità tal-kontijiet, ipproponiet prodotti irħas u naqqset l-ispejjeż operattivi, din kellha tibda tagħlaq il-ħwienet tagħha wieħed wara l-ieħor;

11.  Jinnota li l-miżuri ppjanati mill-Greċja għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja u għan-NEETs huma inklużi fil-kategoriji li ġejjin: gwida okkupazzjonali; taħriġ, taħriġ mill-ġdid u taħriġ vokazzjonali; kontribuzzjoni għall-bidu ta' negozju; benefiċċju għall-parteċipazzjoni u benefiċċju għat-taħriġ; benefiċċju għall-mobilità;

12.  Jinnota l-ammont pjuttost għoli (EUR 15 000) li l-ħaddiema jew in-NEETs li se jistabbilixxu n-negozju tagħhom għandhom jirċievu bħala parti mill-grupp ta' servizzi personalizzati; jinnota, fl-istess ħin, li għadd kbir ta' ħaddiema li ngħataw is-sensja ġejjin minn kuntest imprenditorjali, fatt li jżid il-probabbiltajiet ta' suċċess tagħhom f'dan is-settur;

13.  Jinnota l-possibbiltà li xi impriżi ġodda se jieħdu l-forma ta' kooperattivi soċjali u jilqa' pożittivament, f'dan il-kuntest, l-isforzi tal-awtoritajiet Griegi biex isaħħu s-settur tal-ekonomija soċjali fil-Greċja;

14.  Josserva l-importanza li titnieda kampanja ta' informazzjoni biex tilħaq lin-NEETs li jistgħu jkunu eleġibbli fl-ambitu ta' dawn il-miżuri; ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu dwar il-ħtieġa li n-NEETs jingħataw għajnuna b'mod permanenti u sostenibbli;

15.  Jilqa' pożittivament il-fatt li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati ġie stabbilit permezz ta' konsultazzjonijiet ulterjuri mar-rappreżentanti tal-benefiċjarji u tas-sħab soċjali;

16.  Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jitfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi u l-ħiliet li ser ikun hemm bżonn fil-futur fis-suq tax-xogħol, u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi;

17.  Jenfasizza l-ħtieġa li titjieb l-impjegabbiltà tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adattat u jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat se jissodisfa kemm il-bżonnijiet tal-ħaddiema kif ukoll tal-ambjent kummerċjali;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi aktar dettalji fil-proposti futuri dwar is-setturi li għandhom il-potenzjal ta' tkabbir, u għalhekk li jirreklutaw, kif ukoll tiġbor data sostanzjata dwar l-impatt tal-finanzjament mill-FEG, inkluż dwar il-kwalità tal-impjiegi u r-rata ta' reintegrazzjoni miksuba mill-FEG;

19.  Jinnota li l-awtoritajiet Griegi kkonfermaw li l-azzjonijiet eleġibbli ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni;

20.  Japprezza l-proċedura mtejba stabbilita mill-Kummissjoni, b'segwitu għat-talba mill-Parlament għall-aċċelerazzjoni fir-rilaxx tal-għotjiet; jinnota l-pressjoni mil-lat ta' ħin li jġib miegħu l-kalendarju l-ġdid u l-impatt potenzjali fuq l-effikaċja tal-eżami tal-każijiet;

21.  Ifakkar fl-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-pubbliku jkollu aċċess għad-dokumenti kollha relatati ma' każijiet tal-FEG;

22.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

23.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

24.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

(applikazzjoni ppreżentata mill-Greċja – EGF/2015/011 GR/Supermarket Larissa)

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2016/990.)

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(4) Testi adottati, P8_TA(2016)0112.


Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Gianluca Buonanno
PDF 259kWORD 75k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-26 ta' Mejju 2016 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Gianluca Buonanno (2016/2003(IMM))
P8_TA(2016)0231A8-0180/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-talba għall-awtorizzazzjoni għall-ksib ta' data minn kumpaniji tat-telefown relatata mat-traffiku telefoniku ta' numru użat minn Gianluca Buonanno, imressqa fl-20 ta' Novembru 2015 mill-Viċi Prosekutur Pubbliku tat-Tribunale ordinario ta' Vercelli, l-Italja, u mħabbra fis-seduta plenarja fl-14 ta' Diċembru 2015, b'rabta mal-proċediment kriminali mibdi quddiem it-Tribunale ordinario ta' Vercelli f'isem Gianluca Buonanno fir-rigward ta' theddid bit-telefown li hu jsostni li rċieva mingħand persuna anonima fuq in-numru tat-telefown ċellulari tiegħu fl-14 ta' April 2015 (Ref. No 2890/15 R.G.N.R. mod. 44),

–  wara li sema' lil Gianluca Buonanno, skont l-Artikolu 9(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,

–  wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta' Mejju 1964, fl-10 ta' Lulju 1986, fil-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011 u fis-17 ta' Jannar 2013(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 68 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Taljana,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 140 tal-20 ta' Ġunju 2003, li tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet li jimplimentaw l-Artikolu 68 tal-Kostituzzjoni u dwar il-prosekuzzjoni ta' persuni f'karigi għoljin tal-Istat(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2) u 6(1) u l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0180/2016),

A.  billi Viċi Prosekutur Pubbliku tat-Tribunale ordinario ta' Vercelli ressaq talba għall-awtorizzazzjoni għall-ksib ta' data minn kumpaniji tat-telefown relatata mar-rekords telefoniċi ta' numru użat minn Membru tal-Parlament Ewropew elett fir-rigward tal-Italja, Gianluca Buonanno, b'rabta mal-proċediment kriminali mibdi quddiem it-Tribunale ordinario ta' Vercelli f'isem dak il-Membru fir-rigward ta' theddid bit-telefown li hu jsostni li rċieva mingħand persuna anonima fuq in-numru tat-telefown ċellulari tiegħu fl-14 ta' April 2015;

B.  billi l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament tagħhom;

C.  billi l-Artikolu 68 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Taljana jipprovdi li "fin-nuqqas tal-awtorizzazzjoni tal-Kamra tiegħu, l-ebda Membru tal-Parlament ma jista' jiġi sottomess għal tiftix personali jew fid-dar, u lanqas ma jista' jiġi arrestat jew b'xi mod ieħor imċaħħad mil-libertà personali tiegħu, jew detenut, ħlief meta sentenza irrevokabbli ta' kundanna tiġi infurzata, jew meta l-Membru jinqabad fl-att ta' għemil ta' reat li għalih huwa previst l-arrest obbligatorju in flagranza. Hija meħtieġa awtorizzazzjoni simili għall-monitoraġġ tal-konverżazzjonijiet jew il-komunikazzjonijiet ta' Membru tal-Parlament jew għas-sekwestru tal-posta ta' dak il-Membru";

D.  billi l-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 140 tal-20 ta' Ġunju 2003, li tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet li jimplimentaw l-Artikolu 68 tal-Kostituzzjoni u dwar il-prosekuzzjoni ta' persuni f'karigi għoljin tal-Istat, fost l-oħrajn, jiddikjara li meta jkun meħtieġ li tinkiseb data dwar it-traffiku telefoniku ta' Membru tal-Parlament, l-awtorità kompetenti għandha titlob awtorizzazzjoni mill-Kamra li tagħha dik il-persuna hija membru;

E.  billi t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Gianluca Buonanno tirrigwarda l-aċċess mill-awtorità investigattiva għar-rekords tat-telefonati tan-numru tat-telefown ċellulari tal-Membru fid-data li fiha hu jsostni li rċieva telefonati ta' theddid;

F.  billi fit-talba tiegħu għat-tneħħija tal-immunità l-Viċi Prosekutur Pubbliku tat-Tribunale ordinario ta' Vercelli jammetti li mhuwiex ċar jekk dan il-privileġġ parlamentari għandux japplika wkoll fil-każijiet fejn il-Membru tal-Parlament huwa allegatament il-vittma ta' delitt; billi, minkejja dan, huwa jikkonkludi li l-aħjar interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali hija li dan il-privileġġ għandu japplika għall-Membri tal-Parlament, tkun xi tkun il-pożizzjoni proċedurali tagħhom; billi huwa madankollu ma jressaq ebda ġurisprudenza nazzjonali insostenn tal-konklużjoni tiegħu;

G.  billi mhuwiex il-kompitu tal-Parlament Ewropew li jinterpreta d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Membri tal-Parlament; billi jidher xieraq madankollu li jitfakkar li l-għan tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea huwa primarjament li titħares l-indipendenza tal-Membri billi jiġi żgurat li l-pressjoni, fil-forma ta' theddid ta' arrest jew ta' proċedimenti legali, ma tkunx eżerċitata fuqhom waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew; billi, f'dan il-każ, jidher ċar li ma ġiet eżerċitata l-ebda pressjoni fuq il-Membru kkonċernat, peress li l-proċedimenti jirrigwardaw l-allegat theddid li l-Membru stess irrapporta bħala vittma ta' theddid li sar bit-telefown;

H.  billi fid-dawl ta' dak li ntqal qabel, jidher li ma kienx meħtieġ li l-Viċi Prosekutur Pubbliku tat-Tribunale ordinario ta' Vercelli jitlob awtorizzazzjoni mill-Parlament Ewropew biex jordna l-ksib tad-data dwar it-traffiku telefoniku ta' Gianluca Buonanno tal-14 ta' April 2015;

I.  billi, minkejja dan ta' hawn fuq, jidher xieraq li, għall-finijiet ta' ċertezza tad-dritt, il-Parlament jilqa' t-talba għall-awtorizzazzjoni mibgħuta minn Viċi Prosekutur Pubbliku tat-Tribunale ordinario ta' Vercelli;

1.  Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Gianluca Buonanno;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-Viċi Prosekutur Pubbliku tat-Tribunale ordinario ta' Vercelli u lil Gianluca Buonanno.

(1) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Mejju 1964, Wagner vs Fohrmann u Krier, 101/63, ECLI:EU:C:1964:28; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Wybot vs Faure et., 149/85, ECLI:EU:C:1986:310; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/05, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI: EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23.
(2) Legge n. 140, disposizioni per l’attuazione dell’articolo 68 della Costituzione nonché in materia di processi penali nei confronti delle alte cariche dello Stato, of 20 Ġunju 2003 (GURI No 142, of 21 Ġunju 2003).


Miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Iżvezja *
PDF 340kWORD 71k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Mejju 2016 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Iżvezja f'konformità mal-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1523 u mal-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601 li jistabbilixxu miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja (COM(2015)0677 – C8-0017/2016 – 2015/0314(NLE))
P8_TA(2016)0232A8-0170/2016

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2015)0677),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 78 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0017/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0170/2016),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni timmodifika l-proposta tagħha konsegwentement, skont l-Artikolu 293(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

3.  Jistieden lill-Kunsill jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

4.  Jitlob lill-Kunsill jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Test propost mill-Kummissjoni   Emenda
Emenda 1
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 5
(5)  L-Iżvezja qiegħda taffaċċja sitwazzjoni ta' emerġenza kkaratterizzata minn dħul f'daqqa ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi fit-territorju tagħha minħabba tibdil kbir fil-flussi tal-migrazzjoni. Fit-8 ta' Diċembru, l-Iżvezja talbet formalment is-sospensjoni tal-obbligi tagħha skont id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill (UE) 2015/1523 u (UE) 2015/1601.
(5)  L-Iżvezja qiegħda taffaċċja sitwazzjoni ta' emerġenza kkaratterizzata minn dħul f'daqqa ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi fit-territorju tagħha minħabba tibdil kbir fil-flussi tal-migrazzjoni. Fit-8 ta' Diċembru 2015, l-Iżvezja talbet formalment is-sospensjoni tal-obbligi tagħha skont id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill (UE) 2015/1523 u (UE) 2015/1601, peress li qed ikollha taffaċċja ż-żewġ sfidi li tkun pajjiż tal-ewwel wasla kif ukoll pajjiż tad-destinazzjoni finali;
Emenda 2
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 9
(9)  L-Iżvezja, fl-2015 għandha bil-bosta l-akbar għadd ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali ras għal ras fl-UE (11 503 applikant għal kull miljun abitant).
(9)  L-Iżvezja, fl-2015 kellha bil-bosta l-akbar għadd ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali ras għal ras fl-UE (11 503 applikant għal kull miljun abitant) u f'Marzu 2016 irċeviet total ta' 170 104 applikant, li minnhom 73 331 huma tfal, inklużi 36 181 minorenni mhux akkumpanjati.
Emenda 3
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 10
(10)  L-Iżvezja qiegħda wkoll taffaċċja sitwazzjoni diffiċli minħabba ż-żieda sinifikanti ta' dan l-aħħar fl-għadd ta' minorenni mhux akkumpanjati, b'wieħed minn kull erba' applikanti jiddikjara li huwa minorenni mhux akkumpanjat.
(10)  L-Iżvezja qiegħda wkoll taffaċċja sitwazzjoni diffiċli minħabba ż-żieda sinifikanti ta' dan l-aħħar fl-għadd ta' minorenni mhux akkumpanjati, b'wieħed minn kull erba' applikanti jiddikjaraw li huma minorenni mhux akkumpanjati, li għandhom bżonnijiet speċjali u jeħtieġu riżorsi addizzjonali bil-għan li jiġu pprovduti aċċess għall-kura tas-saħħa, akkomodazzjoni dinjituża u edukazzjoni skont ir-regoli tal-ażil tal-Unjoni.

Flussi ta' data transatlantiċi
PDF 274kWORD 89k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Mejju 2016 dwar il-flussi ta' data transatlantiċi (2016/2727(RSP))
P8_TA(2016)0233RC-B8-0623/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Artikoli 6, 7, 8, 11, 16, 47 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data(1) (minn hawn 'il quddiem "id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data"),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas-27 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta' data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data)(3), kif ukoll id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI(4),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/520/KE tas-26 ta' Lulju 2000 (id-Deċiżjoni dwar l-Isfera ta' Sikurezza),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2013 dwar il-bini mill-ġdid tal-fiduċja fil-flussi tad-dejta bejn l-UE u l-Istati Uniti (COM(2013)0846),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2013 dwar il-funzjonament tal-Isfera ta' Sikurezza mill-perspettiva taċ-ċittadini tal-UE u tal-kumpaniji stabbiliti fl-UE (COM(2013)0847) (il-komunikazzjoni dwar l-Isfera ta' Sikurezza),

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Ottubru 2015 fil-Kawża C-362/14 Maximillian Schrems v Data Protection Commissioner (UE:C:2015:650),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tas-6 ta' Novembru 2015 dwar it-trasferiment ta' dejta personali mill-UE lejn l-Istati Uniti tal-Amerka skont id-Direttiva 95/46/KE wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-362/14 (Schrems) (COM(2015)0566),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-3 ta' Frar 2016 tal-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 dwar il-konsegwenzi tas-sentenza Schrems,

–  wara li kkunsidra l-Judicial Redress Act tal-2015, iffirmat mill-President Obama fl-24 ta' Frar 2016 (H.R.1428),

–  wara li kkunsidra l-USA Freedom Act tal-2015(5),

–  wara li kkunsidra r-riformi tal-attivitajiet tas-signals intelligence tal-Istati Uniti stabbiliti fid-Direttiva Presidenzjali 28 (PPD-28)(6),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tad-29 ta' Frar 2016 bit-titolu "Flussi ta' Dejta Transatlantiċi: Nirritornaw il-fiduċja permezz ta' salvagwardji qawwija" (COM(2016)0117),

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni Nru 01/2016 tal-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 tat-13 ta' April 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni dwar l-adegwatezza tat-Tarka tal-Privatezza UE-Stati Uniti,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2014 dwar il-programm ta' sorveljanza tal-NSA tal-Istati Uniti, il-korpi ta' sorveljanza f'diversi Stati Membri u l-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE u dwar il-kooperazzjoni transatlantika fil-Ġustizzja u l-Intern(7), u r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Ottubru 2015 dwar is-Segwitu għar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2014 dwar is-sorveljanza elettronika tal-massa taċ-ċittadini tal-UE(8),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja invalidat id-Deċiżjoni dwar l-Isfera ta' Sikurezza fis-sentenza tagħha tas-6 ta' Ottubru 2015 fil-Kawża C-362/14 Maximillian Schrems v Il-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data u ċċarat li livell adegwat ta' protezzjoni f'pajjiż terz għandu jinftiehem bħala "essenzjalment ekwivalenti" għall-protezzjoni mogħtija fl-Unjoni, u b'hekk tat lok għall-bżonn li jiġu konklużi negozjati dwar it-Tarka tal-Privatezza bejn l-UE u l-Istati Uniti sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza tad-dritt dwar kif id-data personali għandha tiġi ttrasferita mill-UE lejn l-Istati Uniti;

B.  billi l-"protezzjoni tad-data" tfisser il-protezzjoni tal-persuni li tirrigwardahom l-informazzjoni li tkun qed tiġi pproċessata, u billi din il-protezzjoni hija waħda mid-drittijiet fundamentali rikonoxxuti mill-Unjoni (l-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea);

C.  billi l-protezzjoni tad-data personali, ir-rispett għall-ħajja privata u għall-komunikazzjoni, id-dritt għas-sigurtà, id-dritt li wieħed jirċievi u jaqsam informazzjoni u l-libertà li wieħed imexxi negozju huma lkoll drittijiet fundamentali li għandhom jiġu mħarsa u bbilanċjati;

D.  billi, meta tkun qed teżamina l-livell ta' protezzjoni mogħtija minn pajjiż terz, il-Kummissjoni għandha l-obbligu tivvaluta l-kontenut tar-regoli applikabbli f'dak il-pajjiż li jirriżultaw mid-dritt nazzjonali jew mill-impenji internazzjonali tiegħu, kif ukoll il-prattika mfassla sabiex tiżgura konformità ma' dawk ir-regoli, peress li, skont l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva tal-Protezzjoni tad-Data, trid tqis iċ-ċirkostanzi kollha madwar trasferiment tad-data personali lejn pajjiż terz; billi din il-valutazzjoni trid tirreferi mhux biss għal-leġiżlazzjoni u għall-prattiki relatati mal-protezzjoni tad-data personali għal skopijiet kummerċjali u privati, iżda trid tkopri wkoll l-aspetti kollha tal-qafas applikabbli għal dak il-pajjiż jew settur, b'mod partikolari, iżda mhux biss, l-infurzar tal-liġi, is-sigurtà nazzjonali u r-rispett tad-drittijiet fundamentali,

E.  billi l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) jirrappreżentaw is-settur li l-aktar li qed jikber malajr fl-ekonomija tal-UE, u qegħdin isiru dejjem aktar dipendenti fuq il-fluss ta' data liberu; billi l-SMEs jirrappreżentaw 60 % tal-kumpaniji li jiddependu fuq il-Ftehim dwar l-Isfera ta' Sikurezza, li ppermettitilhom jibbenefikaw mill-proċeduri simplifikati u kosteffikaċi ta' konformità;

F.  billi l-ekonomiji tal-UE u tal-Istati Uniti jirrappreżentaw 'il fuq minn 50 % tal-PDG dinji, 25 % tal-esportazzjonijiet globali u 'l fuq minn 30 % tal-importazzjonijiet tad-dinja kollha; billi l-valur tar-relazzjoni ekonomika bejn l-UE u l-Istati Uniti huwa l-ogħla wieħed fid-dinja, meta wieħed iqis li fl-2014 il-kummerċ transatlantiku totali kien ekwivalenti għal USD 1,09 triljun, filwaqt li l-valur totali tal-kummerċ tal-Istati Uniti mal-Kanada u maċ-Ċina kien ta' USD 741 biljun u USD 646 biljun rispettivament;

G.  billi flussi ta' data transfruntieri bejn l-Istati Uniti u l-Ewropa huma l-ogħla fid-dinja – 50 % ogħla mill-flussi ta' data bejn l-Istati Uniti u l-Asja u kważi d-doppju tal-flussi ta' data bejn l-Istati Uniti u l-Amerika Latina – u billi t-trasferiment u l-iskambju ta' data personali huma elementi essenzjali li jirfdu r-rabtiet mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti, kemm fil-qasam kummerċjali kif ukoll fis-settur tal-infurzar tal-liġi;

H.  billi, fl-Opinjoni 01/2016 tiegħu, il-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 laqa' t-titjib sinifikanti li ġiebet magħha t-Tarka tal-Privatezza meta mqabbla mad-Deċiżjoni dwar l-Isfera ta' Sikurezza, u b'mod partikolari, l-introduzzjoni ta' definizzjonijiet ewlenin, il-mekkaniżmi stabbiliti biex jiżguraw is-sorveljanza tal-lista tat-Tarka tal-Privatezza u r-rieżamijiet tal-konformità esterni u interni, li issa saru obbligatorji, u billi l-Grupp ta' Ħidma esprima wkoll tħassib serju sew dwar l-aspetti kummerċjali u sew dwar l-aċċess mill-awtoritajiet pubbliċi għal data ttrasferita taħt it-Tarka tal-Privatezza;

I.  billi, s'issa, il-pajjiżi u t-territorji li ġejjin: Andorra, l-Arġentina, il-Kanada, il-Gżejjer Faeroe, Guernsey, l-Isle of Man, Jersey, l-Urugwaj, l-Iżrael, l-Iżvizzera u n-New Zealand ġew rikonoxxuti bħala li jipprovdu livelli adegwati ta' protezzjoni tad-data u ngħataw aċċess privileġġat għas-suq tal-UE;

1.  Jilqa' l-isforzi li saru mill-Kummissjoni u mill-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti biex jinkiseb titjib sostanzjali fit-Tarka tal-Privatezza meta mqabbla mad-deċiżjoni dwar l-Isfera ta' Sikurezza, b'mod partikolari l-introduzzjoni ta' definizzjonijiet essenzjali bħal "data personali", "ipproċessar" u "kontrollur", il-mekkaniżmi stabbiliti biex jiżguraw sorveljanza tal-lista tat-Tarka tal-Privatezza u r-rieżamijiet tal-konformità esterni u interni li issa saru mandatorji;

2.  Jenfasizza l-importanza tar-relazzjonijiet transatlantiċi, li għadhom essenzjali għaż-żewġt isħab; jenfasizza li soluzzjoni komprensiva bejn l-Istati Uniti u l-UE għandha tirrispetta d-dritt għall-protezzjoni tad-data u d-dritt għall-privatezza; Ifakkar li wieħed mill-objettivi fundamentali tal-UE huwa l-protezzjoni tad-data personali, inkluż meta tiġi ttrasferita lis-sħab kummerċjali internazzjonali ewlenin tal-UE;

3.  Jinsisti li l-arranġament Tarka tal-Privatezza jrid ikun konformi mad-dritt primarju u sekondarju tal-UE, u mas-sentenzi rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

4.  Jinnota li l-Anness VI (ittra minn Robert S. Litt, Uffiċċju tad-Direttur tal-Intelligence Nazzjonali (ODNI)) jikkjarifika li skont id-Direttiva ta' Politika Presidenzjali 28 (minn hawn 'il quddiem "PPD-28"), il-ġbir massiv ta' data u komunikazzjonijiet personali ta' persuni li mhumiex ċittadini tal-Istati Uniti għadu permess f'sitt każijiet; jirrimarka li tali ġbir massiv jeħtieġ biss li jkun "imfassal speċifikament kemm jista' jkun" u "raġonevoli", rekwiżit li ma jissodisfax il-kriterji aktar rigorużi ta' neċessità u proporzjonalità stabbiliti fil-Karta;

5.  Ifakkar li ċ-ċertezza tad-dritt, u b'mod partikolari regoli ċari u uniformi, huma element ewlieni fl-iżvilupp tan-negozju u fit-tkabbir tiegħu, b'mod partikolari għall-SMEs, sabiex jiġi żgurat li dawn ma jiffaċċawx inċertezzi tad-dritt u jsofru minn impatti serji fl-operazzjonijiet tagħhom u fil-kapaċità tagħhom li jwettqu n-negozju transatlantiku;

6.  Jilqa' l-introduzzjoni tal-mekkaniżmu ta' rimedju għall-individwi taħt it-Tarka tal-Privatezza; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti biex jindirizzaw il-kumplessità attwali sabiex il-proċedura ssir faċli għall-utenti u effikaċi;

7.  Jitlob li l-Kummissjoni titlob kjarifika dwar l-istatus ġuridiku tal-"assigurazzjonijiet bil-miktub" ipprovduti mill-Istati Uniti;

8.  Jilqa' l-ħatra ta' Ombudsman fid-Dipartiment tal-Istat Amerikan, li sejjer jaħdem flimkien ma' awtoritajiet indipendenti sabiex jipprovdu rispons lill-awtoritajiet superviżorji tal-UE li jgħaddu t-talbiet individwali fir-rigward tas-sorveljanza mill-gvern; iqis, madankollu, li din l-istituzzjoni ġdida mhijiex indipendenti biżżejjed u m'għandhiex setgħat adegwati biex teżerċita u tinforza dmirha b'mod effikaċi;

9.  Jilqa' r-rwol prominenti mogħti mill-qafas tat-Tarka tal-Privatezza lill-aġenziji tal-protezzjoni tad-data tal-Istati Membri fl-eżami u fl-investigazzjoni ta' lmenti marbuta mal-protezzjoni tad-data personali fil-qafas tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u s-sospenzjoni tat-trasferimenti tad-data, kif ukoll l-obbligu impost fuq id-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti biex isolvi dawn l-ilmenti;

10.  Jirrikonoxxi li t-Tarka tal-Privatezza hija parti minn djalogu usa' bejn l-UE u l-pajjiżi terzi, inklużi l-Istati Uniti, f'dak li għandu x'jaqsam mal-privatezza tad-data, il-kummerċ, is-sigurtà, kif ukoll drittijiet u objettivi relatati ta' interess komuni; jistieden lill-partijiet kollha, għaldaqstant, jaħdmu flimkien lejn il-ħolqien u t-titjib kontinwu ta' oqfsa internazzjonali u ta' liġijiet nazzjonali prattiċi u komuni li jilħqu dawn l-objettivi;

11.  Jinsisti li ċ-ċertezza tad-dritt għat-trasferiment ta' data personali bejn l-UE u l-Istati Uniti hija element essenzjali għall-fiduċja tal-konsumatur, għall-iżvilupp tal-kummerċ transatlantiku u għall-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi, u b'hekk huwa essenzjali, għall-effikaċja u l-implimentazzjoni fit-tul tagħhom, li l-istrumenti li jippermettu tali trasferimenti jikkonformaw kemm mad-dritt primarju kif ukoll ma' dak sekondarju tal-UE;

12.  Jitlob li l-Kummissjoni timplimenta bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet espressi mill-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 fl-Opinjoni 01/2016 tiegħu dwar l-abbozz ta' deċiżjoni dwar l-adegwatezza tat-Tarka tal-Privatezza UE-Stati Uniti;

13.  Jitlob li l-Kummissjoni tissodisfa r-responsabbiltà tagħha taħt il-Qafas tat-Tarka tal-Privatezza li twettaq rieżamijiet perjodiċi robusti tad-deċiżjoni dwar l-adegwatezza tagħha u l-ġustifikazzjonijiet legali tagħha, b'mod partikolari fir-rigward tal-applikazzjoni, fi żmien sentejn, tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data ġdid;

14.  Jitlob li l-Kummissjoni tkompli d-djalogu mal-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti sabiex tinnegozja titjib ulterjuri fit-Tarka tal-Privatezza fid-dawl tan-nuqqasijiet attwali tagħha;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-Gvern u lill-Kungress tal-Istati Uniti.

(1) ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.
(2) ĠU L 350, 30.12.2008, p. 60.
(3) ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.
(4) ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89.
(5) https://www.congress.gov/114/plaws/publ23/PLAW-114publ23.pdf
(6) https://www.whitehouse.gov/the-press-office/2014/01/17/presidential-policy-directive-signals-intelligence-activities
(7) Testi adottati, P7_TA(2014)0230.
(8) Testi adottati, P8_TA(2015)0388.


Inwasslu patt ġdid għall-konsumaturi tal-enerġija
PDF 375kWORD 123k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Mejju 2016 dwar "Inwasslu Patt Ġdid għall-Konsumaturi tal-Enerġija" (2015/2323(INI))
P8_TA(2016)0234A8-0161/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Lulju 2015, bl-isem "Inwasslu Patt Ġdid għall-Konsumaturi tal-Enerġija" (COM(2015)0339),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Lulju 2015 bit-titolu "Tnedija tal-proċess ta' konsultazzjoni pubblika dwar disinn ġdid tas-suq tal-enerġija" (COM(2015)0340),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Frar 2016 bit-titolu "Strateġija tal-UE dwar it-Tisħin u t-Tkessiħ" (COM(2016)0051),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Frar 2015 bit-titolu "Qafas Strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b'Politika dwar it-Tibdil fil-Klima li tħares 'il quddiem" (COM(2015)0080),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2014 intitolata "Pjan ta' Investiment għall-Ewropa" (COM(2014)0903),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Novembru 2012 bit-titolu "Lejn suq intern tal-enerġija effiċjenti" (COM(2012)0663),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Marzu 2011 bit-titolu "Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fl-2050" (COM(2011)0112),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Diċembru 2011 bit-titolu "Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050" (COM(2011)0885),

–  wara li kkunsidra t-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni tad-data personali,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur,

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2012/148/EU tad-9 ta' Marzu 2012 dwar it-tħejjijiet għall-introduzzjoni ta' sistemi ta' metraġġ intelliġenti,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2008 bit-titolu "Lejn l-adozzjoni ta' Karta Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Konsumaturi tal-Enerġija"(1),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Settembru 2013 dwar "Lejn suq intern tal-enerġija effiċjenti"(2),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2013 dwar il-pjan direzzjonali għall-Enerġija 2050, futur b'enerġija(3),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2014 dwar il-konsegwenzi lokali u reġjonali tal-iżvilupp ta' grids intelliġenti(4),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' April 2014 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi – protezzjoni tal-konsumaturi fis-servizzi ta' utilità(5),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2015 bit-titolu "Lejn Unjoni Ewropea tal-Enerġija"(6),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjoni tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A8-0161/2016),

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Inwasslu Patt Ġdid għall-Konsumaturi tal-Enerġija";

2.  Jenfasizza li dan ir-rapport iffoka esklużivament fuq il-konsumaturi domestiċi tal-enerġija fil-kuntest tat-tranżizzjoni tal-enerġija; jenfasizza li l-konsumaturi industrijali għandhom jitqiesu f'qafas separat;

3.  Jenfasizza li t-tranżizzjoni tal-enerġija li għaddejja bħalissa qed twassal għal ċaqliq lil hinn minn sistema ta' enerġija tradizzjonali bbażata fuq ġenerazzjoni ċentralizzata għal waħda iktar deċentralizzata, effiċjenti fl-użu tal-enerġija, flessibbli u bbażata ġeneralment fuq sorsi rinnovabbli tal-enerġija;

4.  Jiġbed l-attenzjoni dwar l-ispejjeż għat-tranżizzjoni għal disinn tas-suq ġdid f'ċerti Stati Membri; jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu kont dovut ta' dawn l-ispejjeż f'termini ta' affordabbiltà u kompetittività;

5.  Ifakkar li l-għan aħħari għandu jkun ekonomija bbażata , fuq l-użu sħiħ mill-prinċipju "energy efficiency first / first fuel" (l-effiċjenza enerġetika hija l-ewwel fjuwil); u permezz tal-prijoritizzazzjoni tal-iffrankar enerġetiku u tal-miżuri min-naħa tad-domanda fuq dawk min-naħa tal-provvista, sabiex jintlaħqu l-għanijiet tagħna dwar il-klima f'konformità max-xenarju ta' 1,5° tal-Ftehim ta' Pariġi, is-sigurtà tal-enerġija, il-kompetittività u b'mod speċjali kontijiet orħos għall-konsumaturi;

6.  Jemmen li, f'dan il-kuntest, l-Unjoni tal-Enerġija għandu jkollha l-interessi tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri taċ-ċittadini fil-qalba tagħha u għandha:

   (a) tipprovdi liċ-ċittadini b'enerġija stabbli, bi prezz raġonevoli, effiċjenti u sostenibbli, u prodotti, servizzi u bini ta' kwalità għolja fl-użu effiċjenti tal-enerġija;
   (b) tagħti s-setgħa liċ-ċittadini biex jipproduċu, jikkunsmaw, jaħżnu u jikkumerċjalizzaw l-enerġija li tiġġedded tagħhom stess, individwalment jew kollettivament, biex jieħdu miżuri għall-iffrankar tal-enerġija, biex isiru parteċipanti attivi fis-suq tal-enerġija permezz tal-għażla tal-konsumaturi u biex ikun possibbli għalihom jipparteċipaw b'mod sikur u b'kunfidenza fir-reazzjoni għad-domanda; jemmen li, f'dan il-kuntest, għandu jkun hemm qbil dwar fehim komuni prattiku tad-definizzjoni ta' "prosumaturi" fil-livell tal-UE, permezz ta' proċess parteċipattiv iggwidat mill-Kummissjoni;
   (c) tikkontribwixxi għall-qerda tal-faqar enerġetiku;
   (d) tipproteġi lill-konsumaturi minn prattiki abbużivi mhux kompetittivi u inġusti, minn atturi tas-suq u tippermettilhom jeżerċitaw bis-sħiħ id-drittijiet tagħhom;
   (e) toħloq kundizzjonijiet favorevoli biex ikunu żgurati l-funzjonament tajjeb u l-kompetittività ta' suq tal-enerġija intern li jipprovdi għażliet trasparenti u aċċess ċar għal informazzjoni lill-konsumaturi;

7.  Iqis li l-eliminazzjoni gradwali tal-prezzijiet tal-enerġija regolati għall-konsumaturi għandha tqis il-livell reali tal-kompetizzjoni fis-suq fil-kuntest tal-Istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija li għandha tiżgura li l-konsumaturi jkollhom aċċess għal prezzijiet tal-enerġija sikuri;

8.  Jemmen li, bħala prinċipju ġenerali, it-tranżizzjoni tal-enerġija għandha twassal għal sistema iktar effiċjenti, trasparenti, sostenibbli, kompetittiva, stabbli, deċentralizzata u inklużiva tal-enerġija li tibbenefika lis-soċjetà fit-totalità tagħha, iżżid l-involviment taċ-ċittadini u tal-atturi u l-komunitajiet lokali u reġjonali, u tagħtihom is-setgħa ta' sjieda jew ta' sehem fis-sjieda tal-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-ħżin tal-enerġija rinnovabbli, filwaqt li fl-istess ħin tipproteġi lil dawk l-aktar vulnerabbli u tiżgura li l-benefiċċji tal-miżuri tal-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli jkunu disponibbli għalihom;

Lejn suq tal-enerġija li jaħdem sew u li jkun ta' benefiċċju għaċ-ċittadini

9.  Iqis li, filwaqt li sar xi progress, l-għan tat-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija li jkun hemm suq tal-enerġija tal-bejgħ bl-imnut verament kompetittiv, trasparenti u favorevoli għall-konsumatur għadu ma ntlaħaqx b'mod sħiħ fl-Istati Membri kollha tal-UE, kif evidenzjat minn livelli persistentement għolja ta' konċentrazzjoni tas-suq, in-nuqqas milli jiġu riflessi l-ispejjeż bl-ingrossa li qed jaqgħu fil-prezzijiet bl-imnut u livelli baxxi ta' bdil u sodisfazzjon min-naħa tal-konsumaturi;

10.  Jemmen, għalhekk, li l-Kummissjoni jeħtieġ tidentifika u tiżviluppa iżjed indikaturi ta' swieq tal-enerġija li jaħdmu tajjeb u li huma attraenti għall-konsumatur; jissottolinja li dawn l-indikaturi għandhom iqisu, inter alia, l-impatt ekonomiku fuq il-konsumaturi tal-enerġija meta jibdlu l-fornituri tal-enerġija, l-ostakoli tekniċi għall-bdil tal-fornituri jew tal-pjan, u l-livelli tas-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi;

11.  Jenfasizza li swieq irregolati tajjeb li huma miftuħa, trasparenti u kompetittivi huma importanti biex iżommu l-prezzijiet baxxi, jagħtu spinta lill-innovazzjoni, itejbu s-servizz u jneħħu l-ostakoli għall-mudelli innovattivi ġodda ta' negozju li jistgħu joffru valur tajjeb liċ-ċittadini, billi kemm jagħtuhom is-setgħa kif ukoll jgħinuhom jevitaw il-faqar enerġetiku;

12.  Ifakkar li l-għażla tal-konsumaturi hija limitata fin-netwerks tad-distribuzzjoni minħabba n-natura tagħhom bħala monopolji naturali, jiġifieri li l-konsumaturi ma jistgħux jibdlu l-operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa ta' monitoraġġ tas-suq adegwat tal-operaturi tan-netwerks tad-distribuzzjoni biex jipproteġi lill-konsumaturi minn żidiet f'salt fil-kontijiet tad-distribuzzjoni;

13.  Iqis li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-benefiċċju taż-żieda fil-livell ta' interkonnessjoni tan-netwerks nazzjonali ma jiġix trasferit lid-DSOs iżda jiġi mibdul b'mod dirett f'benefiċċji għall-konsumaturi finali; barra minn hekk iqis li t-titjib fil-livell ta' interkonnessjoni tan-netwerks nazzjonali jrid ikollu effett pożittiv fuq il-prezz tal-enerġija għall-konsumaturi u, għalhekk, iċ-ċaqliq tal-benefiċċji lejn id-DSOs biss irid jiġi evitat;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex b'mod rigoruż jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tat-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija, u jitlob li ssir ir-reviżjoni tagħha fil-forma ta' Disinn Ġdid tas-Suq tal-Enerġija biex jittieħed kont tar-rakkomandazzjonijiet li ġejjin fir-rigward tal-konsumaturi domestiċi:

   (a) jirrakkomanda titjib fil-frekwenza tal-kontijiet tal-enerġija u t-trasparenza u ċ-ċarezza kemm ta' kontijiet u kemm ta' kuntratti sabiex jgħinu l-interpretazzjoni u t-tqabbil ; jinsisti li għandu jintuża lingwaġġ ċar, li jevita termini tekniċi; jitlob lill-Kummissjoni tidentifika rekwiżiti minimi ta' tagħrif f'dan ir-rigward, inklużi l-aħjar prattiki; jenfasizza li kemm it-tariffi fissi kif ukoll it-taxxi u l-imposti għandhom jiġu identifikati b'mod ċar bħala tali fil-kontijiet, biex il-konsumatur ikun jista' jiddistingwihom b'mod faċli mill-ispiża varjabbli, relatata mal-konsum; ifakkar li jeżistu rekwiżiti għall-fornituri biex, fil-kontijiet jew flimkien magħhom, jispeċifikaw il-kontribuzzjoni ta' kull sors ta' enerġija lejn it-taħlita ġenerali tal-fjuwil li jkun għamel il-fornitur matul is-sena ta' qabel, b'mod komprensibbli u komparabbli b'mod ċar, inkluża referenza għal-lok fejn tista' tinstab l-informazzjoni fuq l-impatt ambjentali, f'termini ta' emissjonijiet ta' CO2 u skart radjuattiv;
   (b) jirrakkomanda l-ħolqien ta' one-stop-shop li jipprovdi l-informazzjoni rilevanti kollha sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jieħdu deċiżjoni infurmata;
   (c) jirrakkomanda li l-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni, peress li dawn ikollhom aċċess għall-konsum storiku tad-djar, kif ukoll l-operaturi ta' għodod ta' tqabbil indipendenti, jaħdmu flimkien mar-regolaturi tal-enerġija biex jeżaminaw kif l-aħjar ikunu jistgħu jipprovdu lill-konsumaturi bi tqabbil ta' offerti sabiex jippermettu lill-konsumaturi kollha, anki dawk li m'għandhomx aċċess għall-internet jew il-ħiliet biex jużawh, isiru jafu jekk jistgħux jiffrankaw il-flus billi jibdlu;
   (d) jirrakkomanda l-iżvilupp ta' linji gwida għal għodod ta' tqabbil tal-prezzijiet sabiex ikun żgurat li l-konsumaturi jista' jkollhom aċċess għal għodod tat-tqabbil indipendenti, aġġornati u li jinftiehmu; jemmen li l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jiżviluppaw skemi ta' akkreditazzjoni li jkopru l-għodod kollha tat-tqabbil tal-prezzijiet, skont il-linji gwida tas-CEER;
   (e) jirrakkomanda li jinħolqu pjattaformi ġodda biex iservu bħala Għodod tat-Tqabbil tal-Prezzijiet (PCTs) indipendenti biex jipprovdu ċarezza ikbar għall-konsumaturi fil-kontijiet; jirrakkomanda li tali pjattaformi indipendenti jipprovdu lill-konsumaturi b'tagħrif dwar il-perċentwal tas-sehem ta' sorsi ta' enerġija użat u d-diversi taxxi, imposti u żidiet fit-tariffi tal-enerġija b'mod komparabbli biex il-konsumatur jingħata s-setgħa li faċilment ifittex offerti iżjed xierqa f'termini ta' prezz, kwalità u sostenibbiltà; jissuġġerixxi li dan ir-rwol jista' jkun ir-responsabbiltà ta' korpi eżistenti bħal dipartimenti nazzjonali tal-enerġija, regolaturi jew organizzazzjonijiet tal-konsumatur; jirrakkomanda l-iżvilupp ta' mill-inqas għodda waħda indipendenti bħal din għat-tqabbil tal-prezzijiet għal kull Stat Membru;
   (f) jirrakkomanda, sabiex tissaħħaħ il-kompetizzjoni bejn il-fornituri, li l-Istati Membri jiżviluppaw linji gwida, f'konsultazzjoni mal-operaturi ta' għodod ta' tqabbil tal-prezzijiet u gruppi tal-konsumaturi, biex jiżguraw li d-disinn mill-fornituri ta' tariffi differenti jippermetti tqabbil sempliċi, u tiġi evitata l-konfużjoni fost il-konsumaturi;
   (g) jirrakkomanda li l-konsumaturi għandhom jiġu mgħarrfa fl-kontijiet tal-enerġija jew flimkien magħhom dwar l-iktar tariffa xierqa u vantaġġuża għalihom, abbażi ta' mudelli ta' konsum storiċi, u li għandu jkun possibbli għall-konsumaturi biex imorru għal dik it-tariffa, jekk jixtiequ, bl-aktar mod sempliċi possibbli; jinnota li, minħabba li f'ħafna Stati Membri r-rati ta' tibdil huma baxxi, ħafna familji, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli, mhumiex involuti fis-suq tal-enerġija u huma mwaħħlin fuq tariffi mhux xierqa, skaduti u għaljin;
   (h) jirrakkomanda li jiġu studjati miżuri li jippermettu li l-prezzijiet bl-imnut jirriflettu aħjar il-prezzijiet bl-ingrossa u b'hekk titreġġa' lura x-xejra ta' proporzjon dejjem jiżdied ta' elementi fissi fil-kontijiet tal-enerġija, b'mod partikolari, it-taxxi u l-imposti u f'xi każijiet it-tariffi tan-netwerk; jenfasizza d-diskrepanza bejn il-livelli ta' imposti u taxxi mħallsa mill-konsumaturi domestiċi u l-industrija;

15.  Jemmen bis-sħiħ li s-siti tal-internet kollha tal-fornituri tal-enerġija u l-fatturazzjoni diġitali għandhom ikunu kompletament aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità u jissodisfaw ir-rekwiżiti rilevanti tal-Istandard Ewropew EN 301 549;

16.  Jinsisti li d-dispożizzjonijiet dwar il-bidla minn fornitur għal ieħor, kif stabbilit fit-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija, għandhom jiġu implimentati bis-sħiħ mill-Istati Membri, u li l-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tiggarantixxi lill-konsumaturi d-dritt li jbiddlu l-fornitur b'mod rapidu, faċli u bla ħlas, u li l-possibbiltà li jbiddlu m'għandhiex tiġi mxekkla minn ħlasijiet jew penali ta' terminazzjoni; jinsisti li l-infurzar ta' dan id-dritt permezz ta' sorveljanza tas-suq u pieni effikaċi, proporzjonati u dissważivi huwa essenzjali u jappoġġja r-rakkomandazzjonijiet dwar il-bdil tal-ACER "Bridge to 2025";

17.  Jemmen li skemi u kampanji ta' bdil kollettivi għandhom jiġu promossi sabiex jgħinu lill-konsumaturi jsibu offerta aħjar, f'dak li jirrigwarda kemm il-prezz kif ukoll il-kwalità; jenfasizza li skemi bħal dawn għandhom ikunu indipendenti, affidabbli, trasparenti, komprensivi u inklużivi, u li jilħqu wkoll lil dawk li huma inqas involuti; jissuġġerixxi li l-awtoritajiet lokali, ir-regolaturi, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u organizzazzjonijiet oħrajn mingħajr skop ta' qligħ huma f'pożizzjoni tajba biex jaqdu dan ir-rwol sabiex jiġu evitati prattiki abbużivi;

18.  Jinsisti li d-dispożizzjonijiet tad-direttivi dwar il-prattiki kummerċjali inġusti u d-drittijiet tal-konsumaturi dwar il-bejgħ fid-dar, it-termini jew il-prattiki inġusti u t-tekniki aggressivi ta' kummerċjalizzazzjoni jiġu implimentati u infurzati kif xieraq mill-Istati Membri sabiex jiġu protetti l-konsumaturi tal-enerġija, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli; jinnota li l-ilmenti dwar il-bejgħ fid-dar żdiedu f'diversi Stati Membri;

19.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tikkunsidra li tinkorpora liġijiet li jikkonċernaw speċifikament l-enerġija fl-Anness tar-Regolament dwar Kooperazzjoni fil-Protezzjoni tal-Konsumaturi(7);

Niżguraw sistema tal-enerġija inklużiva billi ngħinu liċ-ċittadini jieħdu s-sjieda tat-tranżizzjoni tal-enerġija, jipproduċu l-enerġija rinnovabbli tagħhom stess u jsiru effiċjenti fl-użu tal-enerġija

20.  Jemmen li, fil-kuntest ta' sistema tal-enerġija li taħdem sew, l-awtoritajiet lokali, il-komunitajiet, il-kooperattivi, il-familji u l-individwi għandhom rwol kruċjali x'jaqdu, għandhom jikkontribwixxu sostanzjalment għat-tranżizzjoni enerġetika u għandhom ikunu inkoraġġuti jsiru produtturi u fornituri tal-enerġija jekk jagħżlu li jagħmlu dan; isosti li, għal din ir-raġuni, huwa importanti li l-Unjoni Ewropea tadotta definizzjoni operattiva komuni ta' "prosumaturi";

21.  Jistieden lill-Istati Membri jintroduċu skemi ta' kejl nett bil-meters sabiex jappoġġjaw il-ġenerazzjoni proprja u l-produzzjoni tal-enerġija kooperattiva;

22.  Iqis li bidla sinifikanti fl-imġiba fost iċ-ċittadini se tkun importanti biex tinkiseb l-aħjar tranżizzjoni enerġetika; iqis li l-inċentivi u l-aċċess għal informazzjoni ta' kwalità huma kruċjali f'dan ir-rigward u jitlob lill-Kummissjoni biex tindirizza dan fi proposti futuri; jissuġġerixxi li l-edukazzjoni, it-taħriġ u kampanji ta' informazzjoni se jkunu fatturi importanti sabiex iwasslu għal kambjament fl-imġiba;

23.  Iqis li aċċess limitat għall-kapital u l-għarfien finanzjarju, spejjeż inizjali sinifikanti tal-investiment u perjodi estiżi ta' ħlas lura jirrappreżenta l-ostakoli għall-użu tal-ġenerazzjoni proprja u ta' miżuri ta' effiċjenza enerġetika; jinkoraġġixxi mudelli ġodda tan-negozju, skemi tax-xiri kollettiv u strumenti finanzjarji innovattivi li jinċentivaw l-awtoġenerazzjoni u l-awtokonsum u l-miżuri għall-effiċjenza fl-enerġija għall-konsumaturi kollha; jissuġġerixxi li dan għandu jsir objettiv importanti għall-BEI, il-FEIS, l-Orizzont 2020 u l-Fondi Strutturali, li l-korpi pubbliċi u l-atturi tas-suq għandhom jagħmlu użu sħiħ minnhom; itenni mill-ġdid li l-proġetti għandhom jiġu ffinanzjati fuq il-bażi ta' kosteffettività komparattiva filwaqt li jitqiesu l-għanijiet u l-obbligi nazzjonali u Ewropej dwar il-klima u l-enerġija;

24.  Jitlob li jkun hemm skemi ta' rimunerazzjoni stabbli, suffiċjenti u kosteffettivi biex tiġi ggarantita ċ-ċertezza għall-investituri u jiżdied l-użu ta' proġetti tal-enerġija rinnovabbli fuq skala żgħira jew medja filwaqt li jiġu mminimizzati d-distorsjonijiet tas-suq; jistieden, f'dan il-kuntest, lill-Istati Membri biex jagħmlu użu sħiħ mill-eżenzjonijiet de minimis previsti mill-linji gwida ta' għajnuna mill-Istat tal-2014; jemmen li t-tariffi tal-grid u tariffi oħra għandhom ikunu trasparenti u ma jiddiskriminawx, u għandhom jirriflettu b'mod ġust l-impatt tal-konsumatur fuq il-grid billi jevitaw ħlas doppju, filwaqt li jiġi ggarantit finanzjament suffiċjenti għall-manutenzjoni u l-iżvilupp tal-grids ta' distribuzzjoni; jiddeplora l-bidliet retroattivi fi skemi ta' appoġġ rinnovabbli, kif ukoll l-introduzzjoni ta' taxxi jew tariffi punittivi u inġusti li jxekklu l-espansjoni kontinwa tal-awtoġenerazzjoni; jenfasizza l-importanza ta' skemi ta' appoġġ imfassla tajjeb u validi anki għall-ġejjieni sabiex tiżdied iċ-ċertezza tal-investituri u l-valur għall-flus, u biex jiġu evitati bidliet bħal dawn fil-futur; jenfasizza li l-prosumaturi li jipprovdu l-grid b'kapaċitajiet ta' ħażna għandhom jiġu ppremjati;

25.  Jirrakkomanda li jitnaqqsu għal minimu assolut l-ostakoli amministrattivi għal kapaċità ġdida tal-awtoġenerazzjoni, b'mod partikolari billi jitneħħew ir-restrizzjonijiet fuq l-aċċess għas-swieq u għall-grids; jissuġġerixxi li jiqsaru u jiġu simplifikati l-proċeduri tal-awtorizzazzjoni, pereżempju billi ngħaddu għal rekwiżit ta' notifika sempliċi, filwaqt li jibqgħu rrispettati r-rekwiżiti legali kollha u jiġi żgurat li d-DSOs jiġu nfurmati; jissuġġerixxi li r-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli tista' tinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi biex jitneħħew l-ostakoli u jiġu promossi skemi ta' enerġija tal-komunità/kooperattivi permezz ta' punti uniċi ta' servizz li jittrattaw il-permessi tal-proġetti u li jipprovdu kompetenza finanzjarja u teknika esperta, u/jew kampanji ta' informazzjoni speċifiċi fil-livell lokali u dak tal-komunità kif ukoll li jiġi ggarantit l-aċċess tal-prosumaturi għal mekkaniżmi alternattivi għas-soluzzjoni ta' tilwim;

26.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żviluppat qafas favorevoli, stabbli u ġust għall-inkwilini u dawk li jgħixu f'bini b'ħafna abitazzjonijiet, sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw ukoll mis-sjieda konġunta, mill-awtoġenerazzjoni u minn miżuri ta' effiċjenza enerġetika;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni biex iżżid l-appoġġ tagħha għall-Patt tas-Sindki, il-Bliet u l-Komunitajiet Intelliġenti u l-komunitajiet 100 % RES sabiex tkabbarhom u tiżviluppahom aktar bħala għodda għall-promozzjoni tal-awtoġenerazzjoni u miżuri ta' effiċjenza enerġetika, jiġi miġġieled il-faqar enerġetiku, jiġi ffaċilitat l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-awtoritajiet lokali kollha, ir-reġjuni u l-Istati Membri, u jiġi żgurat li l-awtoritajiet lokali kollha jkunu konxji mill-appoġġ finanzjarju disponibbli għalihom;

Nippromwovu l-iżvilupp ta' ġestjoni tar-reazzjoni għad-domanda

28.  Jisħaq li sabiex tiġi inċentivata d-domanda, il-prezzijiet tal-enerġija jridu jvarjaw bejn perjodi "peak" u "off-peak", u għalhekk jappoġġja l-iżvilupp ta' prezzijiet dinamiċi fuq bażi fakoltattiva, soġġett għal valutazzjoni bir-reqqa tal-impatti tagħha fuq il-konsumaturi kollha; jenfasizza l-ħtieġa li jintużaw teknoloġiji li jagħtu sinjali tal-prezzijiet li jippremjaw konsum flessibbli, u b'hekk jagħmlu lill-konsumaturi aktar reattivi; jemmen li t-tariffi għandhom ikunu trasparenti, komparabbli u spjegati b'mod ċar; jirrakkomanda analiżi ulterjuri dwar kif jistgħu jiġu stabbiliti u implimentati sistemi ta' tariffi progressivi u varjabbli, sabiex jiġi inċentivat l-iffrankar enerġetiku, l-awtoġenerazzjoni, ir-rispons għad-domanda u l-effiċjenza enerġetika; ifakkar lill-Kummissjoni li fl-abbozzar tal-proposti leġiżlattivi li jmiss għandu jkun garantit li l-introduzzjoni ta' pprezzar dinamiku jkun akkumpanjat minn żieda fl-informazzjoni għall-konsumaturi;

29.  Jemmen li l-konsumaturi għandu jkollhom aċċess faċli u fil-ħin għad-data tal-konsum tagħhom u l-ispejjeż relatati, sabiex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet infurmati; jinnota li 16-il Stat Membru biss impenjaw ruħhom għal tifrix fuq skala kbira tal-ismart meters sal-2020; jemmen li fejn jiġu introdotti l-ismart meters, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm qafas ġuridiku b'saħħtu biex jiżguraw li jintemm il-back-billing mhux ġustifikat u li jkun hemm tifrix li jkun effiċjenti u bi prezz li jista' jintlaħaq mill-konsumaturi kollha b'mod partikolari għall-konsumaturi li jbatu faqar enerġetiku; jinsisti li l-benefiċċji minn smart meters għandhom jinqasmu fuq bażi ġusta bejn l-operaturi tas-sistema u l-utenti;

30.  Jenfasizza li l-iżvilupp ta' teknoloġiji intelliġenti għandu rwol ewlieni fit-tranżizzjoni tal-enerġija u jista' jgħin lill-konsumaturi jnaqqsu l-ispejjeż tal-enerġija tagħhom u jtejbu l-effiċjenza enerġetika; jitlob għal tnedija rapida tal-ICT, inklużi applikazzjonijiet mobbli, pjattaformi online u fatturar online; jenfasizza madankollu, li dan l-iżvilupp m'għandux iħalli li jaqgħu lura l-konsumaturi l-aktar vulnerabbli jew li huma inqas intiżi, u lanqas li jogħlew il-kontijiet tagħhom jekk ma jkunux ibbenefikaw b'mod dirett; jinnota li għandha tingħata assistenza speċjali lil dawn il-gruppi u li kwalunkwe effett li jibblokka, li jista' jxekkel il-ħila tal-konsumaturi li jagħżlu liberament bejn it-tariffi u l-fornituri għandu jiġi evitat;

31.  Jenfasizza l-bżonn li jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta' tagħmir u grids intelliġenti li jawtomatizzaw l-amministrazzjoni tad-domanda għall-enerġija bi tweġiba għas-sinjali tal-prezzijiet; jinnota li t-tagħmir intelliġenti jeħtieġ jiżgura livelli għolja ta' protezzjoni tad-data u jkun interoperabbli, iddisinjat għall-benefiċċju tal-konsumatur finali u mgħammar b'funzjonijiet li jtejbu l-iffrankar enerġetiku u jappoġġja l-iżvilupp tas-swieq għas-servizzi tal-enerġija u l-amministrazzjoni tad-domanda;

32.  Jenfasizza li l-konsumaturi għandu jkollhom għażla ħielsa tal-aggregaturi u l-kumpaniji ta' servizz ta' enerġija (ESCOs) indipendentement mill-fornituri;

33.  Jenfasizza li l-ġbir, l-ipproċessar u l-ħżin ta' data marbuta mal-enerġija taċ-ċittadini għandhom jiġu ġestiti minn entitajiet li jiġġestixxu l-aċċess tad-data b'mod mhux diskriminatorju u għandhom ikun konformi mal-qafas eżistenti tal-UE dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-data, li jistipula li l-konsumaturi għandhom dejjem jibqgħu jikkontrollaw id-data personali tagħhom u li dawn għandhom jiġu pprovduti biss lill-partijiet terzi bil-kunsens espliċitu tal-konsumaturi; iqis li, barra minn hekk, iċ-ċittadini għandhom ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom li jikkoreġu u li jħassru data personali;

Nindirizzaw il-kawżi tal-faqar enerġetiku

34.  Jitlob koordinazzjoni msaħħa fil-livell tal-UE għall-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku permezz tal-qsim tal-aħjar prattiċi fost l-Istati Membri u l-iżvilupp ta' sħubija wiesgħa, definizzjoni komuni tal-faqar enerġetiku, li tiffoka fuq l-idea li l-aċċess għal enerġija bi prezz raġonevoli huwa dritt soċjali bażiku;

35.  Jinsisti li d-disponibbiltà u l-ġbir aħjar tad-data huma essenzjali sabiex tiġi evalwata s-sitwazzjoni u l-għajnuna tiġi mmirata lejn iċ-ċittadini, il-familji u l-komunitajiet li jbatu minn faqar enerġetiku bl-aktar mod effettiv possibbli;

36.  Jenfasizza l-importanza li f'dan il-qasam jitħeġġu s-sinerġiji kollha, b'mod partikolari dawk li jistgħu jitħaddmu bejn l-awtoritajiet lokali u l-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni, li huma kapaċi jipprovdu informazzjoni massima dwar il-livell tal-faqar enerġetiku u jidentifikaw is-sitwazzjonijiet ta' riskju, b'rispett sħiħ tal-leġiżlazzjonijiet Ewropej u nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data;

37.  Iqis li l-qafas ta' governanza tal-Unjoni tal-Enerġija għandu jinkludi objettivi u rappurtar mill-Istati Membri dwar il-faqar tal-enerġija, u li għandha tiġi żviluppata għodda ta' prattiċi tajba;

38.  Iqis li l-miżuri ta' effiċjenza fl-enerġija huma ċentrali għal kwalunkwe strateġija kosteffiċjenti biex jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku u l-vulnerabbiltà tal-konsumaturi, u huma komplementari għall-politiki ta' sigurtà soċjali; jitlob azzjoni biex jiġi żgurat li r-rinnovazzjoni ta' bini eżistenti b'effiċjenza fl-enerġija tiffoka aħjar fuq iċ-ċittadini li jbatu minn faqar enerġetiku fil-kuntest tar-reviżjoni tal-EPBD u tal-EED, b'mod partikolari l-Artikolu 7; jissuġġerixxi li għandu jiġi kkunsidrat objettiv għat-tnaqqis tan-numru ta' djar mhux effiċjenti fl-enerġija sal-2030, b'enfasi fuq proprjetajiet għall-kiri u akkomodazzjoni soċjali; jemmen li l-bini bi sjieda tal-awtoritajiet pubbliċi jew okkupat minnhom għandu jistabbilixxi eżempju f'dan il-qasam;

39.  Jitlob li l-fondi tal-UE għall-effiċjenza fl-enerġija u l-appoġġ għall-ġenerazzjoni proprja jkunu ffukati iktar lejn konsumaturi bi dħul baxx u li jbatu minn faqar enerġetiku u jindirizzaw il-kwistjoni ta' inċentivi maqsuma bejn l-inkwilini u s-sidien;

40.  Jemmen li, filwaqt li jiġu rispettati l-prattiki differenti fi Stati Membri, it-tariffi soċjali mmirati tajjeb huma vitali għal ċittadini vulnerabbli u b'introjtu baxx, u b'hekk jixraq li dawn jiġu promossi; iqis li kwalunkwe tariffa soċjali tali għandha tkun trasparenti għalkollox;

o
o   o

41.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 286 E, 27.11.2009, p. 24.
(2) ĠU C 93, 9.3.2016, p. 8.
(3) ĠU C 36, 29.1.2016, p. 62.
(4) Testi Adottati, P7_TA(2014)0065.
(5) Testi Adottati, P7_TA(2014)0342.
(6) Testi Adottati, P8_TA(2015)0444.
(7) Ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi, ĠU L 364, 9.12.2004, p. 1.


Faqar: perspettiva tal-ġeneru
PDF 427kWORD 178k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Mejju 2016 dwar il-faqar: perspettiva tas-sessi (2015/2228(INI))
P8_TA(2016)0235A8-0153/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8, 9, 151, 153 u 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet tagħha dwar id-drittijiet soċjali u l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (Konvenzjoni ta' Istanbul),

–  wara li kkunsidra l-istrateġija ta' tkabbir tal-UE Ewropa 2020 u b'mod partikolari l-objettiv tagħha li tnaqqas l-għadd ta' ċittadini Ewropej li jgħixu taħt il-limiti nazzjonali tal-faqar b'25 % sal-2020, biex b'hekk 20 miljun persuna jinħarġu mill-faqar, u l-ħtieġa li jintużaw b'mod sħiħ is-sistemi tas-sigurtà soċjali u tal-pensjonijiet sabiex jiġi żgurat appoġġ adegwat għall-introjtu,

–  wara li kkunsidra l-Pakkett ta' Investiment Soċjali 2013 tal-Kummissjoni (SIP),

–  wara li kkunsidra l-Komunità ta' Prattika dwar l-Integrazzjoni tas-Sessi tal-Fond Soċjali Ewropew (GenderCop), u b'mod partikolari l-grupp ta' ħidma GenderCop dwar il-faqar u l-inklużjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 7 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni għall-Fondi Strutturali 2014-2020,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Annwali 2014 tal-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE tat-8 ta' Marzu 2010 li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC u li tħassar id-Direttiva 96/34/KE,

–  wara li kkunsidra l-Pjan Direzzjonali tal-Kummissjoni ta' Awwissu 2015 dwar bidu ġdid biex jiġu indirizzati l-isfidi ta' bilanċ bejn il-ħajja privata u dik professjonali li jħabbtu wiċċhom magħhom il-familji,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-3 ta' Diċembru 2015 bit-titolu "Strategic engagement for gender equality 2016-2019" (Impenn strateġiku għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2016-2019) (SWD(2015)0278),

–  wara li kkunsidra r-riżultati tal-istħarriġ tal-UE dwar il-persuni leżbjani, omosesswali, bisesswali u transġeneru, imwettaq mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) u ppubblikat fis-17 ta' Mejju 2013,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-13 ta' Ottubru 2005 dwar in-nisa u l-faqar fl-Unjoni Ewropea(1) u tat-3 ta' Frar 2009 dwar in-non-diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sessi u s-solidarjetà interġenerazzjonali(2),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu adottata fl-ewwel qari fl-20 ta' Ottubru 2010(3) bi ħsieb l-adozzjoni tad-Direttiva 2011/.../UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva dwar il-Leave tal-Maternità,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Marzu 2011 dwar l-aspett tal-faqar tan-nisa fl-Unjoni Ewropea(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' April 2011 dwar prijoritajiet u punti prinċipali ta' qafas politiku ġdid tal-UE rigward il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2011 dwar is-sitwazzjoni tan-nisa li jkunu qed joqorbu lejn l-età tal-pensjoni(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar is-sitwazzjoni tal-ommijiet waħedhom(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Mejju 2012 bir-rakkomandazzjoniet lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta' valur ugwali(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Frar 2013 dwar is-57  sessjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istatus tan-Nisa (CSW) tan-NU: l-eliminazzjoni u l-prevenzjoni tal-forom kollha ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet"(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2013 dwar l-impatt tal-kriżi ekonomika fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tan-nisa(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2015 dwar il-progress fl-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea fl-2013(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2015 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel wara l-2015(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol(13),

–  wara li kkunsidra l-istudju ppubblikat f'April 2014 u kkummissjonat mill-Kummissjoni bit-titolu "Single parents and employment in Europe" (Ġenituri waħedhom u l-impjieg fl-Ewropa),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali dwar l-ilħuq tal-miri kontra l-faqar fid-dawl tal-ispejjeż dejjem jiżdiedu għall-familji, u l-opinjoni mehmuża tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0040/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0153/2016),

A.  billi l-aħħar data tal-Eurostat turi li n-numru ta' nisa fil-faqar għadu b'mod permanenti ogħla minn dak tal-irġiel, attwalment b'madwar 64,6 miljun mara kontra 57,6 miljun raġel(14); billi dan juri li l-faqar għandu impatti differenti fuq in-nisa u fuq l-irġiel; billi n-nisa kienu partikolarment affettwati mir-riskju tal-faqar fl-UE-28 fl-2014, b'rata ta' 46,6 % qabel it-trasferimenti soċjali u 17,7 % wara dawn it-trasferimenti; billi r-rati tal-faqar fost in-nisa jvarjaw ħafna minn Stat Membru għall-ieħor; billi indipendentement minn kemm huma speċifiċi l-gruppi li jinsabu f'riskju, bħan-nisa anzjani, nisa waħedhom, ommijiet waħedhom, leżbjani, nisa bisesswali, nisa transġeneru u nisa diżabbli, ir-rati tal-faqar fost in-nisa migranti u n-nisa li jappartjenu għal minoranzi etniċi huma l-istess madwar l-UE kollha kemm hi; billi 38,9 % tal-popolazzjoni u 48,6 % tan-nisa waħedhom fl-UE-28 mhumiex f'pożizzjoni li jlaħħqu ma' spejjeż mhux mistennija; billi l-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU jirrapporta li n-nisa jifformaw il-maġġoranza tal-ifqar nies tad-dinja u li n-numru ta' nisa li jgħixu fil-faqar rurali żdied b'50 % mill-1975 'il hawn, li n-nisa jaħdmu żewġ terzi tas-sigħat tax-xogħol tad-dinja u jipproduċu nofs l-ikel tad-dinja, iżda madankollu jaqilgħu biss 10 % tad-dħul tad-dinja u għandhom inqas minn 1 % tal-proprjetà tad-dinja;

B.  billi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-suq tax-xogħol, miksuba permezz ta' żieda fil-benesseri soċjali u ekonomiku, hija ta' benefiċċju mhux biss għan-nisa iżda anki għall-ekonomija u għas-soċjetà kollha kemm hi; billi l-għan li tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa jmur lura għat-Trattat ta' Ruma tal-1957;

C.  billi l-gvernijiet impenjaw ruħhom, fil-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Aġenda tal-2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, li jiżguraw li s-subien u l-bniet kollha jikkompletaw l-edukazzjoni primarja sħiħa; billi l-Parlament organizza avveniment bl-isem "L-emanċipazzjoni tal-bniet u n-nisa permezz tal-edukazzjoni" fil-Jum Internazzjonali tan-Nisa f'Mejju 2015; billi l-edukazzjoni, kemm dik formali u kemm dik informali, hija strumentali biex jingħelbu l-emarġinazzjoni u bosta forom ta' diskriminazzjoni, billi toħloq djalogu, ftuħ u komprensjoni bejn il-komunitajiet, u billi tkattar is-setgħa tal-komunitajiet emarġinati;

D.  billi fi żminijiet ta' reċessjoni ekonomika n-nies li diġà jkunu fir-riskju li jgħixu fil-faqar – li aktarx ikunu nisa – ikunu f'pożizzjoni vulnerabbli fis-swieq tax-xogħol u fir-rigward tas-sigurtà soċjali, b'mod speċjali membri ta' gruppi li jiffaċċjaw diskriminazzjoni multipla; billi l-Istħarriġ tal-UE dwar l-LGBT juri li l-leżbjani u n-nisa bisesswali u transġeneru jiffaċċjaw riskju sproporzjonat ta' diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-orjentazzjoni sesswali tagħhom jew l-identità tal-ġeneru, fuq ix-xogħol (19 %), fl-edukazzjoni (19 %), fl-akkomodazzjoni (13 %), fil-kura tas-saħħa (10 %) u fl-aċċess għas-servizzi soċjali (8 %); billi dan jirriżulta f'riskji sproporzjonati għall-benesseri ekonomiku u soċjali tagħhom;

E.  billi l-politiki ta' awsterità mitluba mill-Kummissjoni u implimentati mill-Istati Membri, flimkien mal-kriżi ekonomika tal-aħħar ftit snin, wessgħu l-inugwaljanzi u affettwaw lin-nisa b'mod partikolari, aggravaw il-faqar fost in-nisa u eskludewhom dejjem iżjed mis-suq tax-xogħol; billi n-netwerk ta' servizzi pubbliċi u infrastruttura li jipprovdu kura għat-tfal, l-anzjani u l-morda, u l-provvista ta' servizzi pubbliċi ta' dan it-tip, mingħajr ħlas u ta' kwalità għolja, tnaqqsu;

F.  billi l-familji b'ġenitur wieħed jinsabu f'riskju ikbar ta' faqar jew esklużjoni soċjali (49,8 % meta mqabbel mal-medja ta' 25,2 % tal-unitajiet domestiċi bi tfal dipendenti, għalkemm hemm differenzi kbar minn Stat Membru għall-ieħor)(15); billi skont il-Eurostat in-nisa kienu jammontaw għal 56,6 % tal-familji b'ġenitur wieħed fl-Unjoni fl-2014; billi l-faqar għandu impatt qawwi fuq l-iżvilupp personali u l-edukazzjoni tat-tfal u l-effetti jistgħu jdumu tul ħajjithom kollha; billi d-distakk edukattiv bejn tfal minn sfondi soċjoekonomiċi differenti żdied (fi 11-il pajjiż, il-provvista ta' edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal għat-tfal bejn l-etajiet ta' 0 u 3 snin tilħaq mhux aktar minn 15 % ta' kopertura); billi hemm probabbiltà qawwija ta' trażmissjoni tal-faqar fuq diversi ġenerazzjonijiet; billi n-nuqqas ta' edukazzjoni ta' kwalità huwa fattur li b'mod sinifikanti jżid ir-riskji tal-faqar fost it-tfal u l-esklużjoni soċjali tat-tfal, u varjetà ta' fatturi relatati mal-ħajja tal-familja – bħan-nuqqas ta' stabbiltà, vjolenza jew kundizzjonijiet ħżiena tad-djar – jiggravaw b'mod sinifikanti r-riskju li jitilqu mill-iskola;

G.  billi n-nisa li jgħixu f'żoni rurali huma partikolarment affettwati mill-faqar; billi ħafna nisa li jgħixu f'żoni rurali lanqas biss huma rreġistrati fis-suq tax-xogħol jew bħala qiegħda; billi r-rata tal-qgħad fost in-nisa f'żoni rurali hija estremament għolja, u dawk li huma impjegati għandhom introjtu baxx ħafna; billi n-nisa f'żoni rurali għandhom aċċess limitat għall-edukazzjoni, għad-detezzjoni bikrija tal-kanċer u għall-kura tas-saħħa inġenerali;

H.  billi l-għajxien fir-riskju tal-faqar jirriżulta fl-esklużjoni soċjali u f'nuqqas ta' involviment fil-ħajja tas-soċjetà f'termini ta' aċċess għall-edukazzjoni, il-ġustizzja, it-tagħlim tul il-ħajja, is-servizzi tal-kura tas-saħħa primarja, l-akkomodazzjoni diċenti u n-nutrizzjoni, l-ilma u l-enerġija, l-aċċess għal u l-parteċipazzjoni fil-kultura u l-informazzjoni, l-isport u t-trasport pubbliku; billi l-investiment f'politiki li jappoġġjaw lin-nisa jtejjeb ukoll il-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-familji tagħhom, b'mod partikolari dawk tat-tfal tagħhom;

I.  billi d-differenzi bejn il-pagi tan-nisa u tal-irġiel jilħqu s-16,3 %, u billi l-forom atipiċi u inċerti tal-kuntratti tax-xogħol ukoll jaffettwaw lin-nisa aktar milli lill-irġiel;

J.  billi, spiss ħafna, in-nisa li jkollhom il-ħsieb li jistabbilixxu negozju jkollhom diffikultà biex jiksbu aċċess għall-kreditu, għaliex l-intermedjarji finanzjarji tradizzjonali joqogħdu lura milli jagħtu s-self, minħabba li jqisu li l-imprendituri nisa huma aktar esposti għar-riskju u inqas inklinati li jkabbru n-negozji tagħhom u li jagħmlu investimenti profitabbli;

K.  billi n-nisa spiss huma impjegati bħala ħaddiema domestiċi, f'ħafna każijiet barra mill-ambitu tal-liġi tax-xogħol nazzjonali; billi n-nisa mingħajr dokumenti b'mod partikolari huma f'riskju li jiġu sfurzati jaħdmu u jiġu sfruttati f'dan il-qasam;

L.  billi n-nisa aktar spiss mill-irġiel jieħdu r-responsabbiltà għall-kura tal-anzjani, il-morda jew membri tal-familja dipendenti kif ukoll għat-tfal, u jissospendu l-karrieri tagħhom aktar regolarment, fatti li jwasslu għal parteċipazzjoni aktar baxxa u perjodi twal ta' inattività fis-suq tax-xogħol; billi r-riskju ta' tfaqqir jitnaqqas bl-istabbiliment ta' servizzi soċjali u faċilitajiet ta' kwalità għolja bi prezzijiet affordabbli għall-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, jew il-kura għal persuni dipendenti oħra bħall-anzjani; billi ftit Stati Membri laħqu jew qabżu l-għanijiet ta' Barċellona, li jridu jitqiesu bħala essenzjali biex nimxu lejn it-tqassim indaqs tar-responsabbiltajiet ta' kura;

M.  billi, minħabba d-dimensjonijiet interġenerazzjonali tal-faqar, l-indirizzar tas-sitwazzjoni tal-bniet u tan-nisa żgħażagħ li qed jiffaċċjaw l-esklużjoni soċjali u l-faqar huwa essenzjali biex tiġi trattata l-femminizzazzjoni tal-faqar;

N.  billi, għall-UE-27 kollha kemm hi, 34 % tal-ommijiet waħedhom f'età attiva jinsabu f'riskju ta' faqar, mentri r-rata hija 17 % fil-każ ta' familji oħrajn f'età attiva bit-tfal;

O.  billi d-distakk fl-intitolamenti għall-pensjoni jilħaq medja ta' 39 % minħabba l-iżbilanċi maħluqa minn inugwaljanzi persistenti f'termini ta' pagi u aċċess għall-impjieg, diskriminazzjoni, u d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa fis-suq tax-xogħol; billi d-distakk fil-pensjonijiet jirrappreżenta ostakolu għall-indipendenza ekonomika tan-nisa u huwa waħda mir-raġunijiet għaliex in-nisa jinżlu taħt il-limitu tal-faqar huma u jixjieħu; billi hija meħtieġa azzjoni biex tiżgura aċċess ugwali għal skemi ta' pensjoni deċenti għan-nisa; billi d-distakk fil-pensjonijiet naqas matul il-perjodu 2006-2012 f'dawk l-Istati Membri li implimentaw id-Direttiva 2006/54/KE(16);

P.  billi l-fatt li r-riskju tal-faqar qed jiżdied huwa marbut mill-qrib mat-tnaqqis baġitarju li jaffettwa l-edukazzjoni, is-sistemi ta' sigurtà soċjali u s-servizzi ta' kura; billi n-nisa u t-tfal intlaqtu b'aktar qawwa mill-kriżi u mill-miżuri ta' awsterità li ttieħdu minn bosta pajjiżi Ewropej;

Q.  billi n-nisa huma forza ewlenija għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali, u l-edukazzjoni tajba hija waħda mill-aktar strateġiji effettivi disponibbli għas-suċċess fis-suq tax-xogħol u biex joħorġu miċ-ċiklu tal-faqar; billi l-piż finanzjarju konsiderevoli ta' edukazzjoni bi ħlas, meta jitqiesu l-ispejjeż diretti u indiretti involuti, huwa ostakolu sinifikanti biex in-nies li jgħixu fil-faqar itejbu l-kwalifiki tagħhom; billi l-bniet imorru aħjar mis-subien fl-iskola, imma spiss jiltaqgħu ma' diffikultajiet ikbar jew ma jitħallewx isarrfu dan is-suċċess edukattiv f'kisba professjonali minħabba pressjonijiet familjari u pressjonijiet oħrajn;

R.  billi l-isterjotipi trażmessi b'mod wiesa' mis-soċjetà għandhom l-għeruq tagħhom fil-patrijarkija u jħallu lin-nisa fi rwol subordinat fis-soċjetà, li jikkontribwixxi għall-femminizzazzjoni tal-faqar; billi dawn l-isterjotipi jiżviluppaw sa mit-tfulija, u billi jinħassu fl-għażliet edukattivi u ta' taħriġ u wkoll fis-suq tax-xogħol; billi n-nisa għadhom wisq ta' spiss limitati għal kompiti "midħla tan-nisa" li għalihom għadhom mhumiex imħallsa kif xieraq u jibqgħu mhux rappreżentati biżżejjed f'oqsma bħall-matematika, ix-xjenza, in-negozju, l-ICT u l-inġinerija, kif ukoll f'karigi ta' responsabbiltà; billi dawn l-isterjotipi flimkien mas-setturi ddominati mill-irġiel huma normattivi fl-iffissar tal-pagi, iwasslu għal diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru;

S.  billi l-istrateġija Ewropa 2020, li għandha l-għan li tagħmel mill-UE ekonomija intelliġenti, sostenibbli u inklużiva, tinkludi objettivi ambizzjużi, bħal rata ta' impjieg ta' 75 % u t-tnaqqis b'mill-inqas 20 miljun fl-għadd ta' persuni milquta jew f'riskju ta' faqar jew ta' esklużjoni soċjali sal-2020; billi l-miri tal-istrateġija jinkludu t-tnaqqis tar-rati ta' tluq bikri mill-iskola għal inqas minn 10 %;

T.  billi waħda mill-miri tal-istrateġija Ewropa 2020 hija li jiġi żgurat li 40 % ta' dawk ta' bejn 30 u 34 sena jirċievu edukazzjoni universitarja, meta mqabbla mal-medja attwali ta' 37,9 %; billi ċ-ċifra medja għan-nisa qabżet it-42,3 %, meta mqabbla mat-33,6 % għall-irġiel;

U.  billi t-twettiq tal-mira kontra l-faqar tal-Ewropa 2020, bħala waħda mill-ħames miri tal-istrateġija li jistgħu jitkejlu, jeħtieġ impetu politiku sinifikanti ġdid; billi dawn il-miri ma jistgħux jintlaħqu sakemm il-politika kontra l-faqar ma tinkludix dimensjoni tal-ġeneru b'saħħitha, bl-adozzjoni ta' politiki nazzjonali li jipproteġu lin-nisa, b'mod partikolari, mir-riskju tal-faqar;

V.  billi l-faqar u l-esklużjoni soċjali u d-dipendenza ekonomika tan-nisa jistgħu jkunu fatturi aggravanti għall-vittmi tal-vjolenza fuq in-nisa, kif ukoll viċe versa għaliex il-vjolenza għandha konsegwenzi għas-saħħa tan-nisa u ta' spiss twassal biex persuna titlef l-impjieg, tisfa bla saqaf fuq rasha, iġġarrab l-esklużjoni soċjali u taqa' fil-faqar; billi dan jinkludi vulnerabbiltà sproporzjonata għat-traffikar u l-isfruttament sesswali; billi, barra minn hekk, ħafna nisa li jsofru din il-forma ta' vjolenza jkomplu jgħixu ma' dawk li jabbużaw minnhom għaliex ikunu ekonomikament dipendenti;

W.  billi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri tipprovdi għodda għall-ġlieda kontra l-faqar fost in-nisa, peress li għandha impatt pożittiv fuq il-produttività u t-tkabbir ekonomiku u twassal għal parteċipazzjoni ikbar fis-suq tax-xogħol, li mbagħad għandha diversi benefiċċji soċjali u ekonomiċi,

Faqar u bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata

1.  Jenfasizza r-rwol kruċjali ta' servizzi pubbliċi ta' kwalità għolja fil-ġlieda kontra l-faqar, speċjalment il-faqar fost in-nisa, peress li n-nisa huma aktar dipendenti fuq tali servizzi;

2.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-irġiel jiġu mħeġġa u impenjati fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-oqsma kollha u fil-livelli kollha tas-suq tax-xogħol;

3.  Iqis li l-Istati Membri għandhom jipprijoritizzaw il-kwistjoni tar-rikonċiljazzjoni tal-ħajja privata u professjonali bl-introduzzjoni ta' arranġamenti tax-xogħol favur il-familja, bħal sigħat tax-xogħol adattabbli u l-possibbiltà ta' telexogħol; jinnota li n-nuqqas ta' kura tat-tfal għal but kulħadd u ta' kwalità għolja, ta' kura għal persuni dipendenti u l-anzjani, u b'mod partikolari ta' creches, skejjel tan-nuna u faċilitajiet ta' kura fit-tul, jikkontribwixxi għall-esklużjoni soċjali, u d-distakki bejn is-sessi fl-impjiegi, il-pagi u l-pensjonijiet; jenfasizza li l-aċċess indaqs għall-edukazzjoni bikrija tat-tfal ta' kwalità tajba mingħajr ħlas u kura affordabbli, għall-edukazzjoni formali, informali, u mhux formali u għal servizzi ta' appoġġ għall-familja huwa ċentrali biex jinkoraġġixxi lin-nisa jidħlu u jibqgħu fis-suq tax-xogħol, jiżgura opportunitajiet indaqs u jkisser iċ-ċikli tal-faqar, għaliex dan jgħin lin-nisa jakkwistaw l-awtonomija u l-kwalifiki li jservu biex jiżguraw l-impjieg;

4.  Jiddeplora l-politiki ta' awsterità li, flimkien mal-kriżi ekonomika, qed jgħinu biex iżidu r-rata tal-faqar, partikolarment fost in-nisa;

5.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżviluppaw u jużaw strumenti ta' politika u finanzjarji disponibbli, fosthom il-Pakkett ta' Investiment Soċjali, sabiex jinkisbu l-objettivi ta' Barċellona; jitlob, f'dan il-kuntest, l-ottimizzazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), li tingħata prijorità, fl-użu ta' investimenti soċjali u tar-Regolament tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), lit-twaqqif ta' faċilitajiet pubbliċi u privati għall-kura u l-għajnuna tat-tfal u persuni dipendenti oħra; jipproponi li l-Kummissjoni talloka riżorsi speċifiċi, permezz ta' mekkaniżmu ta' kofinanzjament, biex tippromwovi inċentivi għal oqsma speċifiċi fejn hemm nuqqas ta' faċilitajiet ta' ECEC u fejn ir-rata ta' impjieg tan-nisa hija baxxa ħafna;

6.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw politiki li jipproteġu, itejbu u jippromwovu s-servizzi pubbliċi ta' kwalità għolja mingħajr ħlas, fuq kollox fl-oqsma tas-saħħa, l-edukazzjoni, is-sigurtà soċjali u l-ġustizzja; jirrimarka li huwa kruċjali għas-servizzi pubbliċi li jkollhom ir-riżorsi finanzjarji u umani neċessarji biex jissodisfaw l-objettivi tagħhom;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri neċessarji biex jippromwovu r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol u dik privata, sabiex jagħmluha possibbli għan-nisa, partikolarment dawk li huma l-aktar fir-riskju tal-faqar, li jkomplu l-karrieri tagħhom fuq bażi full-time jew, jekk jippreferu, li jkollhom aċċess għal xogħol part-time jew jaħdmu b'sigħat flessibbli;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni, f'koordinazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, biex twettaq inizjattiva leġiżlattiva komprensiva bil-ħsieb li tissodisfa l-ħtiġijiet tal-ommijiet u l-missirijiet fir-rigward tat-tipi differenti ta' liv, jiġifieri l-liv tal-maternità, tal-paternità, tal-ġenituri u tal-indukraturi, b'mod partikolari sabiex tgħin lill-irġiel ikollhom rwol attiv bħala missirijiet, u tippermetti tqassim aktar ġust tar-responsabbiltajiet tal-familja u b'hekk tippermetti opportunitajiet indaqs għan-nisa biex jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol, li mbagħad jagħmilhom aktar indipendenti ekonomikament; iżomm f'moħħu li xi Stati Membri diġà għaddew leġiżlazzjoni dwar din il-kwistjoni li tmur lil hinn mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni; jistieden lill-Istati Membri jipprevedu leġiżlazzjoni li tissalvagwardja jew issaħħaħ id-drittijiet tal-maternità, tal-paternità u tal-ġenituri; jissottolinja l-fatt li fl-2010 2,7 % biss mill-persuni li użaw id-dritt tagħhom tal-liv tal-ġenituri kienu rġiel, li jindika l-ħtieġa għal azzjoni konkreta biex tiżgura d-drittijiet tal-liv tal-ġenituri;

9.  Itenni d-diżappunt tiegħu għat-tneħħija tad-direttiva dwar il-liv tal-maternità wara snin ta' sforz immirati biex jiġi żblokkat l-istaġnar u b'hekk tiġi żgurata protezzjoni aħjar għaċ-ċittadini Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta ġdida u d-dritt obbligatorju għal liv tal-paternità bi ħlas; jemmen li jeħtieġ li jittieħdu miżuri speċifiċi fl-Istati Membri kollha biex jitjieb il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għan-nisa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkorpora kemm dimensjoni soċjali aktar robusta kif ukoll l-objettivi tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fuq il-post tax-xogħol fis-Semestru Ewropew;

10.  Jilqa' l-proposta għall-introduzzjoni tal-liv tal-indukraturi, kif previst fil-Pjan Direzzjonali tal-Kummissjoni dwar bidu ġdid biex jiġu indirizzati l-isfidi ta' bilanċ bejn il-ħajja privata u dik professjonali li jħabbtu wiċċhom magħhom il-familji li jaħdmu;

Faqar u xogħol

11.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw politiki li jippromwovu l-impjieg tan-nisa u l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' gruppi ta' nisa soċjalment marġinalizzati, fid-dawl tal-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020, biex isaħħu u jtejbu l-edukazzjoni, u biex jinvestu aktar fit-taħriġ u fil-kampanji ta' informazzjoni, biex jiżguraw li l-kwalifiki jkunu prevalenti fl-integrazzjoni sussegwenti tan-nisa fis-suq tax-xogħol, b'enfasi fuq it-tagħlim tul il-ħajja għaliex jipprovdi lin-nisa bil-ħiliet meħtieġa biex jaċċessaw impjiegi ta' kwalità għolja, u jagħti lin-nisa l-opportunità li jitħarrġu mill-ġdid fis-suq tax-xogħol li dejjem jinbidel; jitlob żieda fil-promozzjoni tas-suġġetti STEM immirati lejn tfajliet sabiex jiġu indirizzati kmieni sterjotipi edukattivi eżistenti u jiġu miġġielda d-differenzi fit-tul fl-impjiegi u fil-pagi; jitlob l-iżvilupp ta' servizzi tal-kura pubbliċi affordabbli u ta' kwalità għolja, arranġamenti tal-ħin tax-xogħol adattabbli imma mhux prekarji li jgawdu minnhom kemm in-nisa kif ukoll l-irġiel, u miżuri fil-ġlieda kontra s-segregazzjoni tal-irġiel u n-nisa skont l-okkupazzjoni u s-settur, inkluż fid-dinja tal-intrapriża u fil-pożizzjonijiet ta' responsabbiltà;

12.  Jenfasizza li l-aċċess għall-kreditu, is-servizzi finanzjarji u l-konsulenza huwa ċentrali biex tingħata s-setgħa lin-nisa li qed jiffaċċjaw l-esklużjoni soċjali fl-intraprenditorija, u biex tiżdied ir-rappreżentazzjoni tagħhom fis-settur; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri effettivi biex iżidu l-aċċess għall-finanzjament tan-nisa li jridu jibdew in-negozju tagħhom stess jew proġetti ta' investiment, u biex jippromwovu l-intraprenditorija tan-nisa għaliex tikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali ġenerali, biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-kreditu, anke permezz ta' strumenti tal-mikrokreditu, b'mod partikolari fir-rigward ta' nisa vulnerabbli li jiffaċċjaw diskriminazzjoni multipla, u biex jiżviluppaw u jespandu programmi ta' impjieg indipendenti b'mod mhux prekarju; jissottolinja l-importanza f'dan il-kuntest tal-kondiviżjoni u l-promozzjoni tal-aħjar prattiki, il-konsulenza, mudelli nisa u forom oħra ta' appoġġ għal nisa qiegħda;

13.  Jenfasizza l-importanza kruċjali: ta' riforma fil-politiki makroekonomiċi, soċjali u tas-suq tax-xogħol bl-allinjament tagħhom mal-politiki dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri sabiex tiġi ggarantita l-ġustizzja ekonomika u soċjali għan-nisa; ta' konsiderazzjoni mill-ġdid tal-metodi użati biex tiġi ddeterminata r-rata tal-faqar u l-iżvilupp ta' strateġiji li jippromwovu t-tqassim ġust tal-ġid;

14.  Jinnota li n-nisa jiġu impjegati iżjed ta' spiss f'xogħol prekarju u b'paga baxxa u b'kuntratti ta' impjieg mhux standard; jinnota li aspett ieħor tal-prekarjetà tal-impjieg huwa l-livell ta' impjieg part-time mhux volontarju, li jikkontribwixxi għar-riskju tal-faqar u li żdied minn 16,7 % għal 19,6 % tal-impjiegi totali; jistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi tagħhom biex jiġġieldu x-xogħol mhux iddikjarat, l-impjiegi prekarji u l-abbuż ta' forom ta' kuntratt atipiċi, inklużi l-kuntratti li ma jispeċifikawx il-ħinijiet f'xi Stati Membri; jenfasizza l-livelli għoljin ta' xogħol mhux iddikjarat imwettaq min-nisa, li jolqot b'mod negattiv l-introjtu, il-protezzjoni u l-kopertura tas-sigurtà soċjali tan-nisa, u li għandhom effett negattiv fuq il-PDG tal-UE; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jikkunsidraw l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) maħsuba biex inaqqsu l-iskala tax-xogħol prekarju(17), bħall-analiżi u r-restrizzjoni taċ-ċirkostanzi li fihom jistgħu jintużaw kuntratti prekarji u limitu fuq it-tul ta' żmien li l-ħaddiema jistgħu jiġu impjegati b'kuntratti sussegwenti ta' dan it-tip, li warajh iridu jingħataw il-possibbiltà ta' kuntratt permanenti;

15.  Jistieden lill-Istati Membri jimmonitorjaw id-drittijiet tal-ħaddiema nisa, li dejjem iżjed qed jaħdmu f'impjiegi b'pagi baxxi u huma vittmi ta' diskriminazzjoni;

16.  Jirrimarka li hemm kategoriji ġodda ta' nisa fil-faqar, li jikkonsistu minn nisa żgħażagħ professjonali, u li għalhekk jikkundannaw proporzjon kbir mill-gradwati żgħażagħ femminili għal ħajja tax-xogħol prekarja u dħul li rari jirnexxielu jaqbeż is-soll tal-faqar (il-"foqra l-ġodda");

17.  Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex twettaq rieżami tal-leġiżlazzjoni eżistenti sabiex jiġu eliminati d-differenzi fis-salarji bejn l-irġiel u n-nisa u jitnaqqsu d-differenzi fil-pensjonijiet bejn l-irġiel u n-nisa; jinnota li miżuri biex tiżdied it-trasparenza fil-pagi huma fundamentali biex tiġi eliminata d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa, u jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Marzu 2014 dwar it-tisħiħ tal-prinċipju ta' pagi ndaqs bejn l-irġiel u n-nisa permezz tat-trasparenza, inkluż it-treġġigħ lura tal-oneru tal-provi fir-rigward tal-kontestazzjoni tad-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-ġeneru fuq il-post tax-xogħol;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq studju dwar kif il-proċeduri relatati ma' rikonoxximent uffiċjali ta' bidla fis-sess ta' persuna, jew fin-nuqqas ta' tali proċeduri, jaffettwaw il-pożizzjoni tal-persuni transġeneru fis-suq tax-xogħol, partikolarment l-aċċess tagħhom għall-impjiegi, il-livell ta' remunerazzjoni, l-iżvilupp tal-karriera u l-pensjonijiet;

19.  Jinnota bi tħassib li n-nisa spiss jirċievu pensjonijiet li huma biss ftit aktar għoljin mil-livell minimu għall-għajxien, b'dan ikun ir-riżultat ta' diversi raġunijiet bħall-fatt li jkunu għamlu waqfa jew waqfu kompletament mill-ħajja tax-xogħol tagħhom biex jieħdu ħsieb il-familja tagħhom, il-predominanza tal-kuntratti part-time tul il-ħajja tax-xogħol tagħhom, jew għaliex ħadmu mingħajr ħlas għall-konjuġi tagħhom, b'mod speċjali fil-kummerċ jew fil-biedja, u ma kkontribwewx għal skema ta' sigurtà soċjali;

20.  Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni tqis il-prinċipju ta' "paga ugwali għal xogħol ta' valur ugwali" bħala wieħed mill-oqsma ewlenin għal azzjoni fl-istrateġija ġdida tagħha għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jistieden, lill-Kummissjoni tadotta Komunikazzjoni għal "Strateġija Ġdida għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u d-Drittijiet tan-Nisa wara l-2015", sabiex l-objettivi u l-politiki inklużi jkunu jistgħu jiġu implimentati b'mod effettiv;

21.  Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li dawk il-persuni li jkunu ssospendew temporanjament il-karrieri tagħhom biex irabbu lit-tfal tagħhom jew biex jieħdu ħsieb persuni anzjani jkunu jistgħu jerġgħu jintegraw ruħhom fis-suq tax-xogħol u jerġgħu jieħdu posthom fejn kienu qabel u fl-istess livell ta' avvanz fil-karriera;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni tal-impatt ta' skemi ta' dħul minimu fl-UE u tqis il-passi ulterjuri li jkunu jqisu ċ-ċirkostanzi ekonomiċi u soċjali ta' kull Stat Membru kif ukoll valutazzjoni ta' jekk dawk l-iskemi jippermettux lill-familji jipprovdu għall-bżonnijiet bażiċi tagħhom; għal darba oħra jħeġġeġ lill-Istati Membri jintroduċu pensjoni nazzjonali minima li ma tistax tkun aktar baxxa mil-livell limitu tar-riskju tal-faqar;

23.  Jinnota li n-nisa rtirati huma l-aktar grupp vulnerabbli u spiss jgħixu fil-faqar jew f'riskju ta' faqar; jistieden lill-Istati Membri biex jittrattaw il-kwistjoni tat-tnaqqis tad-differenza fil-pensjonijiet bejn il-ġeneri bħala għan ekonomiku; jistieden lill-Istati Membri biex jirriformaw is-sistemi tal-pensjonijiet bl-għan li dejjem jiżguraw pensjonijiet adegwati għal kulħadd bil-ħsieb li titneħħa d-differenza fil-pensjoni; iqis li l-istrumenti biex tiġi indirizzata d-differenza fil-pensjoni jinkludu l-aġġustament tas-sistemi tal-pensjoni biex tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, u l-aġġustamenti għall-edukazzjoni, l-ippjanar tal-karriera, is-sistemi ta' liv tal-ġenituri u servizzi oħra ta' appoġġ għall-ġenituri; jistieden lill-Istati Membri biex jikkunsidraw li jipprovdu drittijiet tal-pensjoni kondiviżi f'każijiet ta' divorzju u separazzjoni legali, b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà; jinnota li l-iskemi ta' pensjoni okkupazzjonali tal-irtirar qed jitmexxew dejjem iżjed skont il-prinċipji ta' assigurazzjoni u li dan jista' jwassal għal ħafna lakuni f'termini ta' protezzjoni soċjali(18); jenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għamlitha ċara li l-iskemi tal-pensjonijiet okkupazzjonali għandhom jitqiesu bħala paga u li għalhekk il-prinċipju tat-trattament ugwali japplika wkoll għal dawn l-iskemi;

Il-faqar: rakkomandazzjonijiet ġenerali

24.  Jinnota li l-persuni li jgħixu fil-faqar spiss iħallsu rata unitarja ogħla meta mqabbla mal-partijiet aktar sinjuri tal-popolazzjoni għall-istess oġġetti u servizzi indispensabbli għas-sopravivenza soċjali u ekonomika tagħhom, partikolarment fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet, l-enerġija, u l-ilma; jistieden lill-Istati Membri biex jaħdmu mill-qrib mal-fornituri u l-operaturi b'rabta mal-iżvilupp tal-mekkaniżmi ta' għajnuna u ta' tariffar soċjali favur l-aktar persuni żvantaġġjati fis-soċjetà, partikolarment fir-rigward ta' provvisti tal-ilma u tal-enerġija, sabiex jinqered il-faqar enerġetiku fil-familji;

25.  Itenni r-rwol tal-edukazzjoni fil-ġlieda kontra l-isterjotipi tal-ġeneri, fl-għoti tas-setgħa lin-nisa u l-bniet fl-oqsma soċjali, ekonomiċi, kulturali u politiċi u f'karrieri fix-xjenza, u biex ittemm iċ-ċiklu tal-faqar permezz tal-inklużjoni tan-nisa f'setturi fejn kienu sottorappreżentati, bħax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija, u l-intraprenditorija, u jistieden lill-Kummissjoni tinkorpora miri ta' taħriġ vokazzjonali għan-nisa fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż; jenfasizza r-rwol tal-edukazzjoni mhux formali; jistieden lill-Istati Membri jinkludu investiment fl-edukazzjoni tal-bniet u n-nisa li għandu l-għan li jsaħħaħ il-potenzjal tagħhom, bħala parti integrali mill-ekonomiji u mill-pjanijiet ta' rkupru tagħhom; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jaħdmu biex jgħinu lin-nisa żgħażagħ fit-tranżizzjoni minn edukazzjoni formali għas-suq tax-xogħol; jenfasizza l-ħtieġa li l-istituzzjonijiet edukattivi kollha jagħtu valuri demokratiċi bil-ħsieb li jinkoraġġixxu t-tolleranza, iċ-ċittadinanza attiva, ir-responsabbiltà soċjali u r-rispett għad-differenzi relatati mal-ġeneru, il-minoranzi, u gruppi etniċi u reliġjużi; jinnota l-importanza tal-isport u l-edukazzjoni fiżika f'termini ta' kif jingħelbu l-preġudizzji u l-isterjotipi u l-valur potenzjali tagħhom biex jgħinu żgħażagħ soċjalment vulnerabbli jerġgħu jaqbdu t-triq it-tajba;

26.  Jesprimi t-tħassib tiegħu li n-nisa bit-tfal huma diskriminati fuq il-post tax-xogħol minħabba li huma ommijiet u mhux minħabba li r-rendiment fl-impjiegi tagħhom huwa inferjuri għal dak ta' sħabhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex b'mod attiv jippromwovu immaġni pożittiva tal-ommijiet bħala impjegati u jiġġieldu kontra l-fenomenu ta' "penali tal-maternità" kif identifikat minn għadd ta' studji ta' riċerka;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-fondi strutturali u ta' investiment, b'mod partikolari l-FSE, kif ukoll il-FEIS, jintużaw biex itejbu l-edukazzjoni u t-taħriġ bil-ħsieb li jittejjeb l-aċċess għas-suq tax-xogħol u jiġu miġġielda l-qgħad, il-faqar u l-esklużjoni soċjali tan-nisa; jenfasizza li s-sehem ta' 20 % tal-FSE allokat għal miżuri ta' inklużjoni soċjali u proġetti ta' innovazzjoni soċjali jista' jintuża b'mod aktar attiv biex jiġu appoġġati inizjattivi bħal proġetti lokali fuq skala żgħira li jkollhom l-għan li jagħtu aktar setgħa lin-nisa li jesperjenzaw faqar u esklużjoni soċjali; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex iwettqu aktar kampanji ta' informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta' parteċipazzjoni fi proġetti ffinanzjati mill-UE;

28.  Jappella għal mekkaniżmi ta' finanzjament li jinċentivaw il-kisba ta' rappreżentanza ugwali fl-oqsma fejn hemm żbilanċ bejn is-sessi, u jenfasizza l-ħtieġa ta' data diżaggregata skont is-sessi sabiex tinftiehem aħjar is-sitwazzjoni tal-bniet, is-subien, l-irġiel u n-nisa, u biex għalhekk ikun jista' jiġi pprovdut rispons aktar effettiv għall-iżbilanċi; jitlob lill-Kummissjoni tqassam id-data miġbura skont il-ġeneru u l-età fir-rigward tal-parteċipazzjoni fi programmi ta' mobilità edukattiva Ewropej, bħalma huma Erasmus+, Ewropa Kreattiva u L-Ewropa għaċ-Ċittadini;

29.  Ifakkar b'mod partikolari fid-dritt tal-migranti u t-tfal refuġjati, subien u bniet, li jkollhom aċċess għall-edukazzjoni, billi din hija waħda mill-prijoritajiet tas-soċjetajiet Ewropej tagħna; jenfasizza, għalhekk, li għandhom jittieħdu miżuri urġenti fil-qasam tal-edukazzjoni tal-migranti kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell nazzjonali fid-dawl tal-kriżi persistenti tal-migranti; jenfasizza li l-edukazzjoni hija element ewlieni fl-integrazzjoni u l-impjegabbiltà, u li nuqqas min-naħa tas-sistemi nazzjonali tal-edukazzjoni li jegħlbu din l-isfida jista' jwassal għal aktar segregazzjoni kulturali u japprofondixxi l-qasmiet soċjali; jindika li l-aċċess għall-edukazzjoni, kemm fil-kampijiet tar-refuġjati kif ukoll fil-muniċipalitajiet ospitanti, li tissodisfa l-istandards ta' kwalità meħtieġa u akkumpanjata minn appoġġ lingwistiku u psikoloġiku, m'għandux jiġi mminat minn kwistjonijiet burokratiċi u amministrattivi li jirrigwardaw ir-rikonoxximent tal-istatus ta' refuġjat;

30.  Jenfasizza l-kontribut tal-organizzazzjonijiet volontarji u tas-settur terzjarju f'dan il-qasam, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jappoġġjaw l-isforzi tagħhom; ifakkar fil-livell għoli ta' parteċipazzjoni tan-nisa fl-edukazzjoni volontarja u attivitajiet oħra, u fl-appoġġ u t-titjib tal-opportunitajiet edukattivi, pereżempju għar-refuġjati u t-tfal fil-bżonn;

31.  Jenfasizza li l-effetti tal-faqar u l-esklużjoni soċjali fuq it-tfal jistgħu jdumu tul ħajjithom u jirriżultaw fit-trażmissjoni interġenerazzjonali tal-faqar; jenfasizza li f'kull Stat Membru r-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali fost it-tfal huwa marbut ħafna mal-livell ta' edukazzjoni tal-ġenituri tagħhom, b'mod partikolari ma' dak ta' ommhom, kif ukoll mas-sitwazzjoni tal-ġenituri tagħhom fis-suq tax-xogħol, is-sitwazzjoni soċjali tagħhom u l-forom ta' appoġġ lill-familji pprovduti mill-Istati Membri; jirrakkomanda li l-Istati Membri jiżguraw li ż-żgħażagħ kollha jkollhom aċċess għal edukazzjoni pubblika mingħajr ħlas ta' kwalità għolja fl-etajiet kollha, inkluż l-edukazzjoni bikrija tat-tfal; jenfasizza r-rwol ta' gwida edukattiva għat-tfal immirata biex tippermettilhom jirrealizzaw il-potenzjal sħiħ tagħhom; jinsisti dwar il-ħtieġa ta' appoġġ, permezz ta' programmi mmirati, għall-edukazzjoni kontinwa tal-ommijiet adolexxenti, li għalihom it-tluq bikri mill-iskola jikkostitwixxi l-ewwel pass lejn il-faqar; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi stabbilit sett komprensiv ta' miżuri biex jiġi ttrattat il-faqar fost it-tfal u jiġi promoss il-benesseri tat-tfal, li għandu jkun ibbażat fuq tliet pilastri: jiġifieri, aċċess għal riżorsi adegwati u r-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-ħajja tal-familja; aċċess għal servizzi ta' kwalità tajba; u parteċipazzjoni tat-tfal f'deċiżjonijiet li jaffettwawhom kif ukoll f'attivitajiet kulturali, ta' divertiment u sportivi; itenni l-ħtieġa li jiġi żgurat aċċess faċli għal informazzjoni fuq bażi ugwali, b'mod speċjali fir-rigward tas-sigurtà soċjali, l-edukazzjoni tal-adulti, il-kura tas-saħħa u l-appoġġ ekonomiku disponibbli;

32.  Jenfasizza li n-nuqqas ta' rikonoxximent ta' familji LGBTI minn ħafna Stati Membri jirriżulta fi dħul aktar baxx u spejjeż tal-għajxien ogħla għal persuni LGBTI, biex b'hekk jiżdied ir-riskju tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali; jemmen li l-leġiżlazzjoni dwar it-trattament ugwali hija strument vitali fil-ġlieda kontra l-faqar li jirriżulta mill-marġinalizzazzjoni u d-diskriminazzjoni li jaffettwa l-minoranzi sesswali u tal-ġeneru; jistieden lill-Kunsill, f'dan ir-rigward, jadotta l-proposta tal-2008 għal direttiva dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament indaqs bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali; jitlob, barra minn hekk, l-inklużjoni espliċita fi kwalunkwe riformulazzjoni futura tad-Direttivi dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri ta' projbizzjoni fuq diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' identità tal-ġeneru; jibqa' mħasseb li s-sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet u s-sensibilizzazzjoni dwar l-eżistenza ta' korpi u organizzazzjonijiet li joffru appoġġ għall-vittmi ta' diskriminazzjoni huma baxxi; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, timmonitorja mill-qrib l-effikaċja tal-korpi u l-proċeduri nazzjonali tal-ilmenti;

33.  Jitlob l-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva 2006/54/KE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol, u li ssirilha reviżjoni b'rekwiżit biex il-kumpaniji jfasslu miżuri jew pjanijiet relatati mal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, inklużi azzjonijiet dwar id-desegregazzjoni, l-iżvilupp ta' sistemi ta' ħlas, u miżuri li jappoġġaw il-karrieri tan-nisa;

34.  Jafferma mill-ġdid l-importanza ta' edukazzjoni ekonomika u finanzjarja f'età żgħira, għaliex intwera li din ittejjeb it-teħid tad-deċiżjonjiet ekonomiċi aktar tard fil-ħajja, inkluż fil-ġestjoni tal-infiq u d-dħul; jirrakkomanda l-iskambju tal-aħjar prattika u l-promozzjoni ta' programmi edukattivi mmirati lejn in-nisa u l-bniet fi gruppi vulnerabbli u komunitajiet emarġinati li qed jiffaċċjaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali;

35.  Jinnota li n-nuqqas ta' dħul ta' sieħeb jista' jkun fattur ewlieni li jikkontribwixxi għan-nassa tal-faqar u għall-esklużjoni soċjali tan-nisa; jinnota s-sitwazzjoni spiss prekarja tan-nisa romol u ddivorzjati u tal-ommijiet waħedhom li lilhom l-imħallfin ikunu taw il-kustodja tat-tfal, u li għalihom jeħtieġ li jiġi ddefinit livell adegwat ta' manteniment; jinnota li n-nuqqas ta' ħlas tal-manteniment jista' jdaħħal lill-ommijiet waħedhom fil-faqar; jissottolinja l-fatt li n-nisa ddivorzjati huma suxxettibbli għal diskriminazzjoni u faqar, u li din hija evidenza li n-nisa għadhom mhumiex kompletament indipendenti ekonomikament, u għalhekk dan jindika l-ħtieġa għal azzjonijiet ulterjuri fil-qasam tas-suq tax-xogħol u fl-eliminazzjoni tad-differenzi fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel;

36.  Jenfasizza li l-ġbir tad-data dwar l-ispejjeż u d-dħul tal-familji għandu jiġi kkomplimentat minn data individwalizzata sabiex jiġu kkunsidrati l-inugwaljanzi fuq il-bażi tal-ġeneru fil-familji;

37.  Jinsisti li l-politika makroekonomika għandha tkun kompatibbli mal-politika ta' ugwaljanza soċjali; itenni li l-istituzzjonijiet finanzjarji bħall-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali għandhom iqisu l-impatti soċjali, meta jfasslu u jiddeċiedu dwar il-politiki monetarji makroekonomiċi jew il-politiki dwar is-servizzi finanzjarji;

38.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-inizjattiva sabiex jitfassal baġit ta' referenza bħala linja gwida, u jistieden lill-Kummissjoni tinkludi kunsiderazzjonijiet speċifiċi għall-ġeneru meta tfasslu, inkluż l-inugwaljanzi bejn il-ġeneru ffaċċjati mill-familji;

39.  Jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li titwettaq riċerka dwar il-fenomenu ta' nisa mingħajr dar u l-kawżi u l-motivaturi tiegħu, għaliex il-fenomenu ma jinqabadx b'mod adegwat fid-data attwali; jinnota li l-elementi speċifiċi għall-ġeneru li għandhom jiġu kkunsidrati jinkludu d-dipendenza ekonomika bbażata fuq is-sessi, l-akkomodazzjoni temporanja, u l-evitar ta' servizzi soċjali;

40.  Jenfasizza li l-vjolenza fuq in-nisa tkompli tkun problema sinifikanti fl-UE li taffettwa l-vittmi tagħha, u li hemm ħtieġa urġenti li l-awturi tagħha jiġu involuti f'miżuri li jiġġieldu l-vjolenza fuq in-nisa irrispettivament mill-età, l-edukazzjoni, il-livell ta' dħul jew il-pożizzjoni soċjali tagħhom, u li l-impatt tagħha fuq ir-riskji tal-marġinalizzazzjoni, il-faqar u l-esklużjoni soċjali qiegħed kontinwament jikber; jinnota li l-indipendenza ekonomika tan-nisa għandha rwol kruċjali fl-abbiltà tagħhom biex jaħarbu sitwazzjonijiet ta' vjolenza sessista billi jieħdu miżuri proattivi; jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jiżguraw sistemi ta' protezzjoni soċjali li jiggarantixxu d-drittijiet soċjali tan-nisa li huma vittmi ta' vjolenza f'kwalunkwe forma, kemm jekk vjolenza domestika, traffikar, jew prostituzzjoni, u jieħdu azzjoni biex jintegrawhom mill-ġdid fis-suq tax-xogħol, billi jagħmlu użu wkoll minn strumenti bħall-FSE; jissottolinja l-ħtieġa għal żieda fid-disponibbiltà ta' informazzjoni fir-rigward ta' servizzi legali għal vittmi tal-vjolenza;

41.  Jenfasizza l-ħtieġa għal sforzi determinati biex tiġi miġġielda l-vjolenza domestika, speċjalment kontra n-nisa; jinnota li l-indipendenza ekonomika tan-nisa għandha rwol kruċjali f'ħajjithom u fejn jikkonċerna l-kapaċità tagħhom biex jinqalgħu minn sitwazzjonijiet ta' vjolenza domestika, u li n-nisa li jkunu eżawrew il-liv imħallas tagħhom qegħdin fir-riskju li jitilfu x-xogħol u l-indipendenza ekonomika tagħhom; jinnota li l-introduzzjoni riċenti ta' liv minħabba vjolenza domestika fl-Awstralja u fl-Istati Uniti pprovdiet lil ħafna ħaddiema protezzjoni tal-impjieg fid-dawl tal-impatt tal-vjolenza domestika, pereżempju billi tali liv jippermetti lill-persuni kkonċernati l-ħin biex ilaħħqu mal-appuntamenti mediċi, li jkunu preżenti fil-qorti u proċessi oħra li jridu jiġu indirizzati f'sitwazzjonijiet bħal dawn; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jeżaminaw il-fattibbiltà u r-riżultati possibbli tal-introduzzjoni ta' sistema ta' liv speċjali bi ħlas għal vittmi u superstiti ta' vjolenza domestika fejn in-nuqqas ta' liv bi ħlas huwa ostakolu għall-vittmi biex ikunu jistgħu jżommu l-impjieg tagħhom filwaqt li jiżguraw il-privatezza tagħhom; jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintroduċu aktar miżuri biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-problema tal-vjolenza domestika u biex tingħata għajnuna lill-vittmi ta' tali vjolenza, biex jiġi promoss għarfien aħjar u difiża tad-drittijiet tagħhom, u biex tiġi protetta l-indipendenza ekonomika tagħhom;

42.  Itenni t-talba tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri kollha biex jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni ta' Istanbul, u jitlob inizjattiva urġenti sabiex tiġi stabbilita direttiva tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa; jistieden għal darba oħra lill-Kummissjoni tippreżenta strateġija Ewropea kontra l-vjolenza sessista, u tistabbilixxi Sena Ewropea għall-ġlieda kontra l-vjolenza sessista;

43.  Jemmen li hemm il-ħtieġa ta' xogħol proattiv biex tingħeleb il-vjolenza fuq in-nisa billi jitqiegħdu fil-mira n-normi li jigglorifikaw il-vjolenza; jissottolinja li l-isterjotipi u l-istrutturi li huma l-bażi tal-vjolenza tal-irġiel fuq in-nisa għandhom jiġu miġġielda b'miżuri proattivi permezz ta' kampanji u edukazzjoni kontinwa dwar il-kwistjoni ta' kulturi maċo fuq livell nazzjonali;

44.  Jindika li teknoloġiji ġodda għandhom jitqiesu bħala għodda fundamentali għall-ħolqien ta' impjiegi ġodda u bħala opportunità biex in-nisa jinħarġu mill-faqar;

45.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet reġjonali u lokali, jgħinu biex itejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nisa f'żoni rurali sabiex jitnaqqas ir-riskju tal-faqar filwaqt li jiġu pprovduti programmi edukattivi ta' kwalità li għandhom l-għan li jagħtu s-setgħa lin-nisa rurali, kif ukoll kundizzjonijiet tax-xogħol ta' kwalità u dħul deċenti għal dan il-grupp; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jipprovdu infrastruttura muniċipali, soċjali u pubblika ta' kwalità sabiex jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-għajxien ġenerali f'żoni rurali;

46.  Jemmen li ħafna aspetti tal-faqar, u b'mod speċjali l-faqar tan-nisa, jibqgħu mhux rikonoxxuti, inkluż pereżempju l-esklużjoni tan-nisa mill-aċċess għall-parteċipazzjoni kulturali u soċjali, u għalhekk jistieden lill-Istati Membri jipprovdu l-appoġġ neċessarju biex jiżguraw li n-nisa kollha jkunu jistgħu jgawdu l-kultura, l-isport, u d-divertiment, billi tingħata attenzjoni partikolari lin-nisa li jgħixu fil-faqar, nisa b'diżabilità, u nisa migranti; iqis li l-indikaturi eżistenti ta' privazzjoni materjali severa jeskludu l-fatturi ta' aċċess għall-parteċipazzjoni kulturali u soċjali, u għalhekk jipprovdu biss fehim mhux komplut tal-faqar; jitlob li jiġu żviluppati aktar indikaturi biex tiġi vvalutata l-esklużjoni f'termini ta' parteċipazzjoni soċjali, kulturali, u politika, u b'mod partikolari l-influwenza tagħha fuq iċ-ċiklu vizzjuż tal-faqar, kif ukoll l-impatti interġenerazzjonali tagħha;

47.  Jinnota li n-nisa b'diżabilità spiss isofru minn diskriminazzjoni fl-ambjent tal-familja u fl-edukazzjoni, li l-opportunitajiet tax-xogħol tagħhom huma ristretti u li l-benefiċċji soċjali li jirċievu mhumiex biżżejjed biex iwaqqfuhom milli jaqgħu fil-faqar; jenfasizza f'dan ir-rigward li l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali għandhom jagħtu lin-nisa b'diżabilità l-kura speċjalizzata li jeħtieġu sabiex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom, u għandhom jipproponu azzjonijiet biex jgħinu l-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol permezz ta' miżuri ta' appoġġ addizzjonali, b'mod partikolari fir-rigward tal-edukazzjoni u t-taħriġ;

48.  Jitlob azzjoni aktar ambizzjuża biex jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku, li jaffettwa b'mod sproporzjonat lin-nisa waħedhom u lill-familji b'ġenitur wieħed u mmexxija min-nisa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jistabbilixxu definizzjoni tal-faqar enerġetiku li tikkunsidra l-aspetti tal-ġeneru ta' dan il-fenomenu, u biex jinkluduha fit-tfassil mill-ġdid li jmiss tad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija; jenfasizza r-rwol importanti tal-inizjattivi tal-enerġija komunitarji bħal kooperattivi għall-għoti tas-setgħa lil konsumaturi vulnerabbli tal-enerġija, u b'mod partikolari lin-nisa li qed jiffaċċjaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali u l-marġinalizzazzjoni;

49.  Jerġa' jafferma l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tistinka biex tistabbilixxi Garanzija Ewropea għat-Tfal li tiżgura li t-tfal kollha Ewropej fir-riskju tal-faqar ikollhom aċċess għall-kura tas-saħħa mingħajr ħlas, edukazzjoni mingħajr ħlas, kura tat-tfal mingħajr ħlas, akkomodazzjoni deċenti u nutrizzjoni adegwata; jenfasizza li din il-politika għandha tindirizza s-sitwazzjoni tan-nisa u l-bniet, b'mod partikolari f'komunitajiet vulnerabbli u marġinalizzati; jinnota li l-Inizjattiva ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ għandha tinkludi perspettiva tal-ġeneru;

50.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiġbru statistika diżaggregata fuq il-bażi tas-sessi u jintroduċu indikaturi individwali ġodda fir-rigward tan-nisa u l-faqar, bħala għodda li timmonitorja l-impatt ta' politiki soċjali, ekonomiċi u tal-impjiegi usa' fuq in-nisa u l-faqar sabiex jiġu żviluppati skambji tal-aħjar prattika dwar strumenti leġiżlattivi u baġitarji fil-ġlieda kontra l-faqar, b'fokus fuq dawk il-gruppi f'riskju partikolari tal-faqar, u irrispettivament mill-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru;

51.  Jenfasizza r-rwol tal-intrapriżi soċjali biex jagħtu s-setgħa u jinkludu lin-nisa li qed jiffaċċjaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali u diskriminazzjoni multipla;

52.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħolqu proċessi li jinvolvu lill-partijiet interessati li jippromwovu u jiffaċilitaw l-involviment dirett ta' persuni f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali, b'mod partikolari n-nisa u l-bniet, fit-tfassil tal-politiki dwar l-inklużjoni soċjali fil-livelli kollha;

53.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimplimentaw sistema ta' bbaġitjar li tqis il-ġeneru bħala għodda li tiżgura li d-deċiżjonijiet baġitarji jqisu d-dimensjoni tal-ġeneru u jindirizzaw l-impatti differenzjati;

54.  Jistieden lill-Istati Membri biex jikkoperaw fil-ġlieda kontra l-faqar mal-NGOs li jaħdmu b'suċċess f'oqsma milquta minn faqar estrem u li għandhom għarfien prezzjuż fil-komunitajiet lokali; jistieden lill-Istati Membri biex jappoġġaw kooperazzjoni effettiva fil-livell lokali;

55.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jinvolvu lis-sħab soċjali (trejdjunjins u impjegaturi) u s-soċjetà ċivili, inklużi korpi tal-ugwaljanza bejn il-generi fit-twettiq tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, bil-ħsieb li jrawmu t-trattament ugwali; jenfasizza li d-djalogu soċjali għandu jinkludi l-monitoraġġ u l-promozzjoni ta' prattiki ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri fuq il-post tax-xogħol, inklużi arranġamenti ta' xogħol flessibbli, bl-għan li tiġi ffaċilitata r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol mal-ħajja privata; jenfasizza l-importanza ta' ftehimiet kollettivi fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll ta' strumenti oħra bħal kodiċijiet ta' mġiba, ir-riċerka, l-iskambji ta' esperjenzi u ta' prattika tajba fil-qasam tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri;

o
o   o

56.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 233 E, 28.9.2006, p. 130.
(2) ĠU C 67 E, 18.3.2010, p. 31.
(3) ĠU C 70 E, 8.3.2012, p. 162.
(4) ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 77.
(5) ĠU C 296 E, 2.10.2012, p. 26.
(6) ĠU C 51 E, 22.2.2013, p. 9.
(7) ĠU C 131 E, 8.5.2013, p. 60.
(8) ĠU C 264 E, 13.9.2013, p. 75.
(9) ĠU C 24, 22.1.2016, p. 8.
(10) ĠU C 36, 29.1.2016, p. 6.
(11) Testi adottati, P8_TA(2015)0050.
(12) Testi adottati, P8_TA(2015)0218.
(13) Testi adottati, P8_TA(2015)0351.
(14) http://ec.europa.eu/eurostat/tgm/refreshTableAction.do?tab=table&plugin=1&pcode=t2020_50&language=en
(15) Save the Children, "Child Poverty and Social Exclusion in Europe" (Il-Faqar fost it-Tfal u l-Esklużjoni Soċjali fl-Ewropa), Brussell, 2014, p. 14.
(16) http:\\www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2015/547546/EPRS_STU(2015)547546_EN.pdf, pg.11
(17) L-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, "Policies and regulations to combat precarious employment" (Politiki u regolamenti għall-ġlieda kontra x-xogħol prekarju), 2011.
(18) http://ec.europa.eu/justice/gender-equality/files/conference_sept_2011/dgjustice_oldagepensionspublication3march2011_en.pdf


Ostakoli Nontariffarji fis-Suq Uniku
PDF 443kWORD 116k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Mejju 2016 dwar Ostakli Nontariffarji fis-Suq Uniku (2015/2346(INI))
P8_TA(2016)0236A8-0160/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ottubru 2015 bit-titolu "Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozju" (COM(2015)0550),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ottubru 2015 bit-titolu "Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa – Analiżi u Evidenza" (SWD(2015)0202),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ottubru 2015 bit-titolu "Rapport dwar l-Integrazzjoni tas-Suq Uniku u l-Kompetittività fl-UE u fl-Istati Membri tagħha" (SWD(2015)0203),

–  wara li kkunsidra l-istudju tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew ta' Settembru 2014 bit-titolu "L-Ispiża tan-Non-Ewropa fis-Suq Uniku",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Settembru 2013 dwar is-Suq Intern għas-Servizzi: Is-Sitwazzjoni Attwali u l-Passi li Jmiss(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għas-Settur tal-Konsumaturi għall-benefiċċju tal-atturi kollha(2),

–  wara li kkunsidra l-edizzjoni ta' Ottubru 2015 tat-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Uniku online,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A8-0160/2016),

A.  billi s-suq uniku Ewropew iġib miegħu kontribut sinfikanti lill-ekonomiji Ewropej;

B.  billi huwa stmat li t-tlestija tas-suq uniku għall-moviment liberu tal-oġġetti, is-servizzi, l-akkwist pubbliku, l-ekonomija diġitali u l-korp tad-dritt tal-konsumatur tinvolvi gwadann ekonomiku li jvarja minn EUR 651 biljun sa EUR 1,1 triljun fis-sena, ekwivalenti għal bejn 5 % u 8,63 % tal-PDG tal-UE;

C.  billi, aktar minn 20 sena wara t-tnedija tas-suq uniku, l-ostakli nontariffarji (ONT) mhux ġustifikati jkomplu jaffettwaw il-kummerċ u l-moviment liberu tal-oġġetti u s-servizzi bejn l-Istati Membri; billi dawn l-ONT jistgħu jiġu motivati minn protezzjoniżmu u jistgħu jkunu akkumpanjati minn sfidi burokratiċi li spiss huma sproporzjonati għall-għan tagħhom;

D.  billi huwa stmat li s-suq uniku għas-servizzi jikkostitwixxi madwar 70 % tal-ekonomija Ewropea, iżda jirrappreżenta biss madwar 20 % tal-kummerċ intra-UE;

E.  billi 25 % tal-professjonijiet regolati huma rregolati fi Stat Membru wieħed biss;

F.  billi huwa stmat li l-gwadann potenzjali mill-funzjonament tas-suq uniku diġitali jista' jkun madwar EUR 415-il biljun fis-sena u ż-żieda fil-PDG ta' madwar 0,4 % sal-2020, u billi hemm ħafna diskrepanzi fil-leġiżlazzjoni tal-UE li jfixklu l-funzjonament tajjeb tiegħu;

G.  billi 2 % biss tal-SMEs, il-mikrointrapriżi u n-negozji ġodda li fetħu dal-aħħar impenjaw rwieħhom li jagħmlu espansjoni transfruntiera permezz ta' investiment dirett barrani;

H.  billi għall-konsumaturi, diskrepanzi fis-suq uniku, inkluża l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE b'mod li ma tkunx kompluta jew li ma taqbilx mal-għanijiet tas-suq uniku, f'bosta każijiet iwasslu għal għażla subottimali ta' prodotti u għal oġġetti u servizzi li jkunu iktar għaljin;

I.  billi għan-negozji l-ispejjeż huma mmanifestati f'katini ta' provvista iktar għaljin, li jwassal biex il-prodotti tagħhom stess ikunu bi prezz ogħla, jew f'aċċess limitat għas-servizzi tan-negozju, li jagħmel ħsara lill-kompetittività tagħhom; billi l-innovazzjoni hija mħeġġa permezz ta' suq kompetittiv;

J.  billi l-kumplessità tar-reġim attwali tal-VAT jista' wkoll jiġi kkunsidrat bħala ONT;

K.  billi ftehimiet fiskali antikompetittivi bejn l-Istati Membri u kumpaniji multinazzjonali kbar jistgħu jiġu meqjusa bħala ONT mhux ġustifikat;

L.  billi n-negozji u l-individwi qed jiffaċċjaw ostakli kbar fl-attivitajiet transfruntiera fi ħdan is-suq uniku minħabba nuqqas kemm ta' disponibilità u kwalità ta' informazzjoni kif ukoll ta' servizzi ta' assistenza u proċeduri online, li jwasslu għal piżijiet amministrattivi kbar u spejjeż sinifikanti ta' konformità;

M.  billi l-monitoraġġ tal-ostakli u l-ispejjeż huwa frammentat u mhux sistematiku, u l-kwantifikazzjoni u l-identifikazzjoni ċara tal-ostakli u l-ispejjeż huma neqsin, u dan jagħmel diffiċli l-prijoritizzazzjoni tal-azzjonijiet ta' politika;

I. Kuntest u objettivi tal-politika

1.  Jagħraf li minkejja t-tneħħija tal-ostakli tariffarji mill-1 ta' Lulju 1968, il-moviment liberu tal-oġġetti u s-servizzi qed ikompli jkun imfixkel mill-ONT bħalma huma regoli tekniċi nazzjonali u rekwiżiti regolatorji u mhux regolatorji mhux ġustifikati li jirregolaw prodotti, fornituri ta' servizz u termini tal-forniment ta' servizz, jew burokrazija; jenfasizza li t-tisħiħ tas-suq uniku jeħtieġ azzjoni urġenti kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll f'dak tal-Istati Membri sabiex jiġu indirizzati dawn l-ONT;

2.  Jifhem, b'ONT, azzjoni regolatorja sproporzjonata u diskriminatorja li tirriżulta f'piż jew spiża li jiġġarrbu minn kumpanija li qed tipprova tidħol fis-suq, u li ma jiġġarrbux minn kumpaniji li diġà qegħdin fis-suq, jew spiża li hija dovuta minn kumpaniji barranin li ma tiġġarrabx minn kumpaniji domestiċi, mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jirregolaw u għall-ilħuq tal-objettivi leġittimi tal-politika pubblika bħall-protezzjoni tal-ambjent u d-drittijiet tal-konsumatur jew tal-impjieg;

3.  Jirrikonoxxi li jista' jkun hemm differenzi fil-livell nazzjonali minħabba f'governanza f'diversi livelli; jemmen li l-ħtieġa li l-miżuri jkunu proporzjonati u favur l-avvanz tal-objettivi leġittimi tal-politika pubblika għandha tkun mifhuma sew fil-livelli kollha tat-teħid ta' deċiżjonijiet regolatorju; jemmen li konsistenza u koerenza tal-politika u tal-prattika regolatorja jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għat-tnaqqis tal-ONT;

4.  Jemmen li fejn ONT bħal dawn jistgħu jkunu ġġustifikati bħala proporzjonati, informazzjoni dwar ir-rekwiżiti regolatorji nazzjonali differenti għandha tkun aċċessibbli faċilment u l-provvista relatata tal-informazzjoni tan-notifika u t-tlestija tal-proċeduri għandha tkun kemm jista' jkun faċli għall-utent; iqis li l-implimentazzjoni tas-sistema preżenti mibnija madwar firxa wiesgħa ta' punti ta' kuntatt, inklużi l-Punti ta' Kuntatt għal Prodott u l-Punti Uniċi ta' Kuntatt, kienet inkonsistenti fl-Istati Membri kollha u hija kumplessa żżejjed; ifakkar fl-importanza tat-tisħiħ u s-simplifikazzjoni tal-għodod eżistenti tas-suq uniku għall-SMEs sabiex tiġi ssimplifikata l-espansjoni transfruntiera tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jpoġġu enfasi akbar fuq is-simplifikazzjoni u t-titjib ta' dawn is-sistemi, b'mod partikolari l-ħtieġa għal titjib rapidu tal-Punti Uniċi ta' Kuntatt, u jitlob lill-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament dwar il-progress u l-passi li jmiss sal-aħħar tal-2016; jenfasizza li billi jkun aktar miftuħ u aċċessibbli fir-rigward tar-rekwiżiti regolatorji, l-Istat Membru inkwistjoni jsir aktar attraenti għal investiment esoġenu;

5.  Jilqa' l-inizjattiva Portal Diġitali Uniku, imħabbra fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Suq Uniku Diġitali, bħala pass pożittiv; iħeġġeġ lill-Kummissjoni toħloq punt ta' dħul uniku għan-negozji u l-konsumaturi għall-informazzjoni kollha relatata mas-suq uniku, għall-assistenza, għas-soluzzjoni tal-problemi u għall-proċeduri kollha kemm nazzjonali kif ukoll madwar l-UE meħtieġa biex joperaw b'mod transfruntier fl-UE;

6.  Iqis li sabiex jiġu eliminati l-ONT huwa importanti għall-Kummissjoni u għall-Istati Membri li jaħdmu flimkien ħalli jtejbu l-funzjonament tas-SOLVIT, b'mod speċjali f'żoni ġeografiċi jew oqsma tal-industrija fejn in-negozji ma jużawx is-SOLVIT ta' spiss u fejn mhux il-każijiet kollha mressqa jitqiesu mill-awtorità kompetenti;

7.  Jissottolinja li għal bosta kumpaniji, b'mod partikolari l-SMEs, li jfittxu li jwettqu kummerċ fi Stat Membru ieħor, mill-perspettiva tagħhom tali estensjoni xorta waħda tikkostitwixxi "kummerċ internazzjonali"; jenfasizza li l-SMEs, in-negozji l-ġodda u dawk innovattivi, b'mod partikolari n-negozji tal-ekonomija kollaborattiva, għandhom ikunu jistgħu jikbru bis-sħiħ permezz tal-kummerċ transfruntier;

8.  Jemmen li wieħed mill-kompiti tal-Unjoni u l-Istati Membri individwali tagħha għandu jkun l-abolizzjoni eventwali tal-ONT fejn dawn ma jistgħux jiġu ġustifikati jew ma jappoġġjawx l-objettivi elenkati fl-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jiddikjara li l-Ewropa hija bbażata fuq ekonomija tas-suq soċjali kompetittiva ħafna;

9.  Itenni li l-Istrateġija Diġitali għas-Suq Uniku u l-Istrateġija għas-Suq Uniku għall-Ewropa jinkludu inizjattivi li għandhom jiġu implimentati malajr u b'mod ambizzjuż sabiex jitnaqqsu l-ONT tas-suq uniku; jenfasizza li huwa kruċjali li dawn l-inizjattivi jkunu bbażati fuq prinċipji ta' regolamentazzjoni aħjar u fuq l-iktar għodod effiċjenti, bħall-armonizzazzjoni u r-rikonoxximent reċiproku;

II. Ostakli nontariffarji trasversali

10.  Jemmen li differenzi fil-ħeffa tat-traspożizzjoni u fl-implimentazzjoni eżatta tad-direttivi eżistenti fil-livell nazzjonali joħolqu inċertezza ġuridika għan-negozji u l-kundizzjonijiet tal-kompetittività varji fis-suq intern;

11.  Iqis li meta l-Kummissjoni rrevokat leġiżlazzjoni tal-UE li mhix meħtieġa aktar, l-Istati Membri għandhom jaġixxu malajr biex jirrevokaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali korrispondenti;

12.  Iqis li nuqqas ta' konformità estiż mad-dritt tal-Unjoni mill-Istati Membri huwa ta' detriment għas-suq uniku u l-konsumaturi; iqis ukoll li l-proċess ta' traspożizzjoni bil-mod iwassal għal xi Stati Membri li jibbenefikaw minn estensjoni tal-iskadenza tal-konformità mhux dovuta; jitlob li tiġi promossa kultura ta' konformità f'kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, kif previst fl-Istrateġija għas-Suq Uniku; jissottolinja l-ħtieġa li tiġi indirizzata malajr in-nonkonformità tal-Istati Membri;

13.  Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni u l-Istati Membri għall-kwistjoni ta' xi gvernijiet nazzjonali li jgħabbu d-direttivi trasposti b'regoli addizzjonali meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, l-hekk imsejjaħ "gold-plating";

14.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-intensità u n-numru ta' kontrolli li ġew imposti reċentament fuq il-fornituri ta' servizz barranin qed jikbru; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li dawn il-kontrolli jkunu proporzjonati, ġustifikati u mhux diskriminatorji;

15.  Jenfasizza li l-infurzar inkonsistenti tar-regoli eżistenti trasposti b'mod korrett mill-Istati Membri jikkawża l-istess ħsara lis-suq uniku daqs traspożizzjoni tardiva; iqis li l-konformità u l-infurzar isiru aktar diffiċli meta definizzjonijiet użati b'mod komuni, pereżempju "traċċabilità" jew "imqiegħed fis-suq", jingħataw tifsiriet differenti f'diversi biċċiet ta' leġiżlazzjoni;

16.  Jemmen li applikazzjoni mhux ugwali tal-istess regoli fi Stati Membri differenti għandha l-potenzjali li toħloq ONT ġodda mhux ġustifikati; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel kull sforz sabiex jiġu minimizzati d-diverġenzi fl-iktar stadju bikri possibbli;

17.  Jemmen li l-Kummissjoni għandha żżid l-użu tagħha tal-linji gwida fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-direttivi billi dan jista' jkun għodda siewja biex jiġi żgurat grad akbar ta' implimentazzjoni uniformi;

18.  Jinnota l-persistenza ta' differenzi fil-livell nazzjonali fir-regolamentazzjoni tas-suq tal-prodotti li magħha jridu jħabbtu wiċċhom in-negozji li joperaw lil hinn mill-fruntieri f'termini kemm tal-livell ta' restrizzjoni kif ukoll ta' differenzi bejn l-Istati Membri; iqis li dan iġiegħel lin-negozji jadattaw il-prodotti u s-servizzi tagħhom bla bżonn biex jikkonformaw ma' diversi standards u ttestjar ripetut, u b'hekk jillimitaw il-kummerċ intra-UE, inaqqsu t-tkabbir u jfixklu l-ħolqien tal-impjiegi;

19.  Jemmen li peress li l-ekonomiji ta' skala huma mnaqqsa mill-ħtieġa li jmexxu linji differenti tal-prodott, il-piż, kemm jekk ġuridiku, finanzjarju jew ta' natura oħra, jaqa' b'ħafna modi u b'mod sproporzjonat fuq l-SMEs u l-mikrointrapriżi;

20.  Jiġbed l-attenzjoni għal-livelli baxxi tal-akkwist pubbliku transfruntier sa issa, b'inqas minn 20 % tal-akkwist pubbliku kollu fl-Unjoni ppubbliċizzat fuq il-pjattaformi pan-Ewropej u huma biss 3.5 % tal-kuntratti li jiġu allokati lil kumpaniji minn Stati Membri oħrajn; jenfasizza d-diffikultajiet li ġew iffaċċjati, partikolarment minn SMEs, biex jipparteċipaw f'akkwist pubbliku transfruntier; jenfasizza f'dan il-kuntest l-importanza tad-Direttivi l-ġodda tal-UE dwar l-akkwist pubbliku u l-għoti ta' kuntratti ta' konċessjoni, li l-Istati Membri kienu meħtieġa jittrasponu sa April 2016; jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw b'mod sħiħ din il-leġiżlazzjoni, inklużi l-proċeduri ta' akkwist pubbliku kompletament elettroniċi;

21.  Jenfasizza li l-ispiża għal konformità mar-rekwiżiti tal-VAT hija waħda mill-akbar ONT; jitlob proposti prattiċi għas-simplifikazzjoni tal-VAT;

22.  Jirrikonoxxi li reġimi differenti tal-VAT madwar l-Unjoni jistgħu jkunu pperċepiti bħala ONT; jissottolinja li l-VAT f'Punt Uniku ta' Servizz Żgħir (VAT MOSS) huwa mod tajjeb biex jingħeleb dan l-ostaklu u b'mod partikolari għall-appoġġ lill-SMEs fl-attività transfruntiera tagħhom; jirrikonoxxi li għad hemm xi kwistjonijiet problematiċi żgħar bil-VAT MOSS; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiffaċilita l-ħlas tal-obbligi tal-VAT minn kumpaniji madwar l-UE;

23.  Jemmen li ħafna prattiki amministrattivi nazzjonali jistgħu jwasslu wkoll għal ONT mhux ġustifikati, inklużi r-rekwiżiti għall-formalizzazzjoni ta' dokumenti minn korpi jew uffiċċji nazzjonali; iħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw soluzzjonijiet ta' governanza elettronika, li jinkludu l-prijoritizzazzjoni ta' interoperabbiltà u firem diġitali, biex jimmodernizzaw l-amministrazzjonijiet pubbliċi tagħhom, jibnu fuq eżempji bħal dawk fl-Estonja u d-Danimarka, billi jipprovdu aktar servizzi diġitali u li jkunu aktar aċċessibbli għaċ-ċittadini u n-negozji, u jiffaċilitaw kooperazzjoni transfruntiera u l-interoperabbiltà tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, mingħajr ma jaffettwaw il-protezzjoni tad-data personali; jemmen li l-użu tal-governanza elettronika huwa għodda importanti għall-kumpaniji iżda dan m'għandux jeskludi modi alternattivi kif tiġi aċċessata l-informazzjoni jew ċittadini żvantaġġjati li ma jistgħux jaċċessaw is-servizzi diġitali;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu approċċ sod rigward l-infurzar fil-prattika, sabiex jiġi żgurat li r-regoli tas-suq uniku jiġu applikati u implimentati kif suppost mill-Istati Membri; iqis, f'dan ir-rigward, li l-proċess ta' implimentazzjoni ta' direttivi trasposti għandu jkun ikkordinat aħjar, pereżempju permezz ta' sessjonijiet ta' ħidma dwar it-traspożizzjoni organizzati mill-Kummissjoni u skambju tal-aħjar prattiki sabiex jiġu minimizzati d-differenzi bejn l-Istati Membri fi stadju bikri;

III. Ostakli nontariffarji speċifiċi għas-settur

Suq uniku għall-prodotti

25.  Jissottolinja l-importanza tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku biex ikun żgurat l-aċċess għas-suq uniku għall-prodotti li mhumiex armonizzati fil-livell tal-Unjoni, u f'każijiet fejn l-Istati Membri għandhom regoli nazzjonali, ħafna drabi differenti, dwar il-prodotti, iżda bl-istess objettiv sottostanti;

26.  Jenfasizza li ħafna negozji mhumiex konxji dwar ir-rikonoxximent reċiproku u jemmnu li għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti nazzjonali fl-Istat Membru ta' destinazzjoni meta jkunu qed jinnegozjaw fis-suq uniku;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni biex ittejjeb l-applikazzjoni tar-rikonoxximent reċiproku; jantiċipa, f'dan il-kuntest, il-pjanijiet tal-Kummissjoni biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni u jiġi rivedut ir-Regolament dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku; jemmen li l-armonizzazzjoni hija wkoll għodda effikaċi biex jiġi żgurat aċċess ugwali għall-prodotti u s-servizzi fis-suq uniku;

Suq uniku għas-servizzi

28.  Jiġbed l-attenzjoni għall-problemi għall-fornituri ta' servizz, speċjalment fis-servizzi tan-negozju, is-settur tat-trasport u l-kostruzzjoni, li jirriżultaw minn bosta u diversi rekwiżiti mhux ġustifikati jew sproporzjonati li jikkonċernaw l-awtorizzazzjoni, ir-reġistrazzjoni, in-notifika minn qabel jew ir-rekwiżiti ta' stabbiliment de facto; jissottolinja li dan jista' jwassal għal diskriminazzjoni kontra l-fornituri ta' servizz barranin li tista' tkun f'kontradizzjoni mal-prinċipju tal-moviment liberu tas-servizzi; jitlob, f'dan il-kuntest, għal amministrazzjoni elettronika u sistema ta' reġistrazzjoni elettronika aktar żviluppati sabiex jiġi ssimplifikat il-proċess għall-fornituri ta' servizz;

29.  Jenfasizza li, b'mod partikolari, in-nuqqas ta' implimentazzjoni u l-applikazzjoni diverġenti tad-Direttiva dwar is-Servizzi qegħdin ifixklu s-suq uniku;

30.  Jenfasizza l-ħtieġa għal ambjent regolatorju ċar u uniformi li jippermetti lis-servizzi jiżviluppaw f'suq li jħares lill-ħaddiema u lill-konsumaturi u li jiżgura li l-operaturi eżistenti u dawk ġodda fis-suq uniku tal-UE ma jiffaċċjawx ostakli regolatorji li ma jagħmlux sens, irrispettivament mit-tip ta' negozju li jkunu qed iwettqu;

31.  Jiġbed l-attenzjoni wkoll dwar ir-restrizzjonijiet mhux ġustifikati u sproporzjonati fl-Istati Membri fir-rigward tal-forma ġuridika tal-fornituri ta' servizz u l-ishma tagħhom jew l-istruttura ta' ġestjoni, u fir-rigward tar-restrizzjonijiet fuq l-eżerċizzju konġunt tal-professjoni; jenfasizza li xi wħud minn dawn ir-restrizzjonijiet jistgħu jkunu ostakli sproporzjonati jew mhux ġustifikati għal forniment transfruntier ta' servizz; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata valutazzjoni konsistenti tal-proporzjonalità tar-rekwiżiti regolatorji u r-restrizzjonijiet applikabbli għas-servizzi;

32.  Jenfasizza li l-obbligu ta' notifika li jinsab fid-Direttiva dwar is-Servizzi seta' kien effikaċi fit-tnaqqis jew fl-eliminazzjoni tal-ONT mhux ġustifikati, iżda ġie injorat mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni; jilqa', għalhekk, l-enfasi mġedda fuq il-proċedura ta' notifika fl-Istrateġija tas-Suq Uniku, peress li huwa permezz ta' involviment bikri li l-miżuri nazzjonali jistgħu jiġu riveduti biex isolvu kwistjonijiet qabel iseħħu; jemmen ukoll li l-Istati Membri għandhom ikunu obbligati jipprovdu aktar ġustifikazzjonijiet dettaljati meta jintroduċu miżuri regolatorji ġodda; jenfasizza l-esperjenza pożittiva bil-proċedura ta' notifika għall-prodotti u jissuġġerixxi li din għandha tintuża bħala eżempju għat-titjib tal-proċedura għas-servizzi;

33.  Jirrimarka li s-servizzi pubbliċi jibbenefikaw minn protezzjoni speċjali fir-rigward tar-regoli tas-suq intern minħabba l-missjonijiet ta' interess ġenerali li huma assenjati lilhom, u għalhekk ir-regoli stabbiliti mill-awtoritajiet pubbliċi għal funzjonament tajjeb ma jikkostitwixxux ONT; ifakkar, f'dan ir-rigward, li s-servizzi soċjali u tas-saħħa mhumiex soġġetti għad-Direttiva dwar is-Servizzi;

34.  Jirrimarka li l-fornituri tas-servizzi ta' kostruzzjoni spiss iħabbtu wiċċhom ma' ċerti rekwiżiti rigward l-organizzazzjoni tagħhom fl-Istat ta' residenza tagħhom, inkluż fir-rigward ta' skemi ta' ċertifikazzjoni organizzattivi, li jagħmlu l-għoti ta' servizzi transfruntier tagħhom wieħed kumpless, b'tali mod li jiskoraġġixxu l-moviment liberu tas-servizzi ta' kostruzzjoni u tal-professjonisti;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza dawn l-ostakli, inkluż, fejn xieraq, permezz ta' rikonoxximent reċiproku mtejjeb u, jekk xieraq, azzjoni leġiżlattiva; jenfasizza li azzjonijiet futuri, bħal passaport ta' servizzi propost, m'għandhomx iwasslu għal piżijiet amministrattivi addizzjonali iżda għandhom jindirizzaw ONT;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-piżijiet relatati mas-settur bankarju frammentat fl-Ewropa li jagħmilha diffiċli għall-persuni mhux residenti, speċjalment l-SMEs, li jiftħu kont tal-bank fi Stat Membru ieħor;

37.  Jirrimarka li wħud mir-regolamenti tal-Istati Membri dwar l-aċċess u l-eżerċizzju ta' professjonijiet regolati jistgħu jkunu sproporzjonati u jistgħu għaldaqstant joħolqu ostakli regolatorji bla bżonn li jxekklu l-aċċess għal xi professjonijiet u l-mobilità tal-fornituri ta' servizz f'professjonijiet regolati; jirrikonoxxi, madankollu, l-importanza li tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta, il-kwalità tat-taħriġ u l-appoġġ ta' sistemi ta' kwalifiki ta' suċċess;

38.  Jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni, li tirrakkomanda s-sistemi edukattivi paralleli bħala eżempji tal-aħjar prattiki fi ħdan l-Unjoni Ewropea;

39.  Jilqa' l-eżerċizzju ta' evalwazzjoni reċiproka mwettaq f'dawn l-aħħar sentejn; jemmen li proċessi ta' reviżjoni bejn il-pari li jkunu mfassla tajjeb u li jinkoraġġixxu dibattitu sinċier fost l-Istati Membri jistgħu jkunu effikaċi biex jinkoraġġixxu bidla; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jestendu din il-prattika, b'mod partikolari f'oqsma oħra fir-Regolament dwar is-Suq Uniku;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-prijoritajiet ta' riforma tal-Istati Membri fil-qasam tas-servizzi professjonali fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi dwar id-deregolazzjoni ta' ċerti professjonijiet fl-Istati Membri;

Suq uniku għall-bejgħ bl-imnut

41.  Jenfasizza r-reviżjoni bejn il-pari fir-rigward tal-istabbilimenti tal-bejgħ bl-imnut li saret mill-Kummissjoni fl-2014-2015, li wriet li l-bejjiegħa bl-imnut sikwit jiffaċċjaw kundizzjonijiet operattivi u tal-istabbiliment u proċeduri sproporzjonati u inadegwati fis-suq uniku;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħaffu l-proċess tal-isfruttament tal-potenzjal għal Suq Uniku Diġitali komplut u l-implimentazzjoni tal-Aġenda Diġitali tal-UE;

43.  Jirrimarka li xi Stati Membri qegħdin jintroduċu regoli li qegħdin jagħmlu diskriminazzjoni kontra l-attività ekonomika fis-setturi tal-bejgħ bl-imnut jew bl-ingrossa fuq il-bażi tal-erja tas-superfiċje li fuqha titwettaq l-attività, id-daqs tal-impriża jew l-oriġini tal-kapital, li huwa inkonsistenti mal-idea tas-suq uniku u l-prinċipji ta' kompetizzjoni libera u jillimita l-iżvilupp tas-suq tax-xogħol;

44.  Jirrimarka li regolamenti li jimponu restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet ta' bejgħ bl-imnut u bl-ingrossa u li jmorru kontra d-dritt tal-UE u huma sproporzjonati, jistgħu joħolqu ostakli sinifikanti għad-dħul, li jwasslu għal inqas opportunitajiet ġodda ta' ħruġ, li jostakolaw il-kompetizzjoni u li jwasslu għal prezzijiet ogħla għall-konsumaturi; jissottolinja f'dan ir-rigward li xi miżuri, inklużi miżati u tariffi tal-ispezzjoni, jistgħu jiffunzjonaw bħala ONT jekk mhumiex ġustifikati minn objettivi ta' politika pubblika; jemmen li r-restrizzjonijiet operattivi kollha mqiegħda fuq l-attivitajiet tal-bejgħ bl-imnut jew bl-ingrossa m'għandhomx jirrestrinġu bla bżonn jew b'mod sproporzjonat dawn l-attivitajiet, u m'għandhomx iwasslu għal diskriminazzjoni de facto bejn l-operaturi tas-suq;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-aħjar prattiki dwar l-istabbiliment tal-bejgħ bl-imnut biex tiżgura l-moviment liberu ta' prodotti u servizzi, filwaqt li tirrispetta l-prinċipji tal-proporzjonalità u s-sussidjarjetà;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza r-restrizzjonijiet operattivi għall-bejgħ bl-imnut u bl-ingrossa fis-suq uniku, u tressaq proposti ta' riforma fejn ikun meħtieġ, u tirrapporta dwar din l-analiżi fir-rebbiegħa tal-2017;

47.  Jenfasizza li konsenja ta' pakketti aċċessibbli, affordabbli, effiċjenti u ta' kwalità għolja tikkostitwixxi rekwiżit preliminari essenzjali għal kummerċ elettroniku transfruntier li jirnexxi, għall-benefiċċju, b'mod partikolari, tal-SMEs u l-konsumaturi;

IV. Konklużjonijiet

48.  Jistieden lill-Kummissjoni biex fl-2016 tippreżenta ħarsa ġenerali komprensiva tal-ONT fis-suq uniku u analiżi tal-mezzi biex jiġu indirizzati, billi toħloq distinzjoni ċara bejn ONT u regolamenti għall-implimentazzjoni ta' objettiv leġittimu ta' politika pubblika ta' Stat Membru b'mod proporzjonat, inkluża proposta ambizzjuża biex telimina dawn l-ONT kemm jista' jkun malajr sabiex jinħeles il-potenzjal li għadu mhux sfruttat tas-suq uniku;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni tibda kunsiderazzjoni f'waqtha tal-politika u l-azzjoni leġiżlattiva tal-UE fl-oqsma emerġenti, b'konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet ikkonċernati, b'mod partikolari l-SMEs u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex l-ewwel tiżgura li l-Istati Membri jirrispettaw ir-regoli eżistenti li jikkonċernaw is-suq uniku minflok joħolqu biċċiet ta' leġiżlazzjoni ġodda u addizzjonali dwar kwistjonijiet diġà koperti mir-regoli eżistenti;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni tapprofondixxi l-ħidma tagħha dwar l-infurzar u l-prinċipji li jservu ta' bażi għas-suq uniku; jemmen li intervent bikri fir-rigward ta' miżuri nazzjonali jew proċeduri ta' implimentazzjoni li jikkostitwixxu ONT mhux ġustifikati jista' jkun effikaċi filwaqt li r-riżultati jinkisbu aktar malajr permezz ta' proċedimenti ta' ksur; jissottolinja, madankollu, li għal nuqqasijiet serji jew persistenti jew applikazzjoni żbaljata tad-dritt tal-Unjoni, il-Kummissjoni trid tuża l-miżuri kollha disponibbli, inkluża l-prijoritizzazzjoni tal-proċeduri ta' ksur, biex tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-suq uniku;

52.  Jiddispjaċih li l-aċċess tal-Parlament għal informazzjoni rilevanti relatata ma' proċeduri ta' ksur u ta' qabel il-ksur għadu limitat u jitlob trasparenza akbar f'dan ir-rigward, bir-rispett dovut għar-regoli dwar il-kunfidenzjalità;

53.  Jistieden lill-Istati Membri jqisu s-suq uniku bħala inizjattiva konġunta li teħtieġ il-manutenzjoni kkoordinata u kollettiva u hija kundizzjoni biex tagħmel l-ekonomija tal-UE kompetittiva; jemmen li dawk li fl-aħħar mill-aħħar isofru l-konsegwenzi tal-ONT mhux ġustifikati huma l-konsumaturi, li ma jingħatawx aċċess għal parteċipanti ġodda fis-suq domestiku, u jiffaċċjaw spejjeż ogħla, kwalità baxxa u inqas għażla; jikkunsidra li l-Istati Membri għandhom jiddedikaw aktar ħin għal kwistjonijiet orizzontali tas-suq uniku u għal identifikazzjoni ta' oqsma li jeħtieġu azzjoni prijoritarja minn Stat Membru wieħed jew aktar, sabiex iżommu u jkomplu s-suq uniku;

o
o   o

54.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Kunsill Ewropew u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 93, 9.3.2016, p. 84.
(2) Testi adottati, P7_TA(2013)0580.


L-Istrateġija għas-Suq Uniku
PDF 460kWORD 205k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Mejju 2016 dwar l-Istrateġija għas-Suq Uniku (2015/2354(INI))
P8_TA(2016)0237A8-0171/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(1),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ottubru 2015 bit-titolu "Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozju" (COM(2015)0550),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ottubru 2015 bit-titolu "A Single Market Strategy for Europe – Analysis and Evidence" (Strateġija għal Suq Uniku għall-Ewropa – Analiżi u Evidenza) (SWD(2015)0202),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ottubru 2015 bit-titolu "Report on Single Market Integration and Competitiveness in the EU and its Member States" (Rapport dwar l-Integrazzjoni tas-Suq Uniku u l-Kompetittività fl-UE u fl-Istati Membri tagħha) (SWD(2015)0203),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2015 bit-titolu "Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa" (COM(2015)0192),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' April 2011 bit-titolu 'L-Att dwar is-Suq Uniku  Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja  "Flimkien għal tkabbir ġdid"' (COM(2011)0206),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ottubru 2012 bit-titolu "Att dwar is-Suq Uniku II  Flimkien għal tkabbir ġdid" (COM(2012)0573),

–  wara li kkunsidra r-rapport tad-9 ta' Mejju 2010 minn Mario Monti lill-President tal-Kummissjoni bit-titolu "A New Strategy for the Single Market  At the Service of Europe's Economy and Society" (Strateġija ġdida għas-suq uniku għas-servizz tal-ekonomija u s-soċjetà Ewropea),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2015 dwar il-governanza tas-Suq Uniku fil-qafas tas-Semestru Ewropew 2015(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għas-Settur tal-Konsumaturi għall-benefiċċju tal-atturi kollha(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 dwar Lejn Att dwar is-Suq Uniku Diġitali(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Jannar 2014 dwar spezzjonijiet tax-xogħol effikaċi bħala strateġija biex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-Ewropa(5),

–  wara li kkunsidra l-istudju ta' Settembru 2014 bit-titolu "The Cost of Non-Europe in the Single Market" (Il-kost tan-non Ewropa fis-Suq Uniku), ikkummissjonat mill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' Settembru 2015 bit-titolu "A strategy for completing the Single Market: the trillion euro bonus" (Strateġija biex ikun kompletat is-Suq Uniku: bonus ta' triljun euro), ikkummissjonat mill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur,

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-20 ta' Novembru 2015 bit-titolu "Ex-post evaluation of Late Payment Directive" (Evalwazzjoni ex post tad-Direttiva dwar il-Ħlasijiet Tard), ikkummissjonat mill-Kummissjoni,

–  wara li kkunsidra l-istudju ta' Novembru 2014 bit-titolu "The EU furniture market situation and a possible furniture products initiative" (Is-sitwazzjoni tas-suq tal-għamara tal-UE u inizjattiva possibbli dwar il-prodotti tal-għamara), ikkummissjonat mill-Kummissjoni,

–  wara li kkunsidra l-edizzjoni ta' Ottubru 2015 tat-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Uniku online,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0171/2016),

A.  billi s-suq uniku kien, u għadu, il-bażi tal-integrazzjoni tal-UE u l-mutur tat-tkabbir u l-impjiegi sostenibbli billi jiffaċilita l-kummerċ madwar l-UE filwaqt li jiggarantixxi ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna bbażata fuq l-Artikolu 3(3) tat-TUE;

B.  billi l-approfondiment tas-suq intern Ewropew jibqa' kwistjoni ekonomika importanti fil-kuntest tal-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda, fejn hu meħtieġ suq b'massa kritika biex jippromovi l-emerġenza ta' parteċipanti innovattivi u kompetittivi fix-xena globali;

C.  billi s-suq uniku għadda minn bosta żviluppi pożittivi f'dawn l-aħħar snin, iżda jista' jikseb aktar fi kważi l-oqsma kollha – billi jistimula suq immexxi mis-settur diġitali, billi jinkoraġġixxi l-ftuħ ta' negozji, fl-integrazzjoni ta' ktajjen tal-provvista globali, itejjeb il-mobbiltà u d-drittijiet soċjali tal-ħaddiema, billi jitratta mudelli ġodda tan-negozju u jiżgura l-faċilitazzjoni tas-suq, ir-rikonoxximent reċiproku, l-istandardizzazzjoni u l-liċenzjar tal-professjonisti – jekk jitneħħew l-ostakli fiżiċi, legali u tekniċi mhux ġustifikati;

D.  billi, skont riċerka tal-Parlament stess, il-gwadann mistenni mit-tlestija tas-suq uniku hija ta' triljun euro (li jikkorrispondi għal gwadann potenzjali fl-effiċjenza ta' EUR 615il-biljun fis-sena); billi l-frammentazzjoni tas-suq uniku tikkostitwixxi wieħed mill-impedimenti ewlenin għal tkabbir strutturali ekonomiku akbar;

E.  billi hemm bżonn ta' approċċ strateġiku ġenwin għall-integrazzjoni ulterjuri tas-suq uniku, u billi r-reazzjoni għall-isfidi ffaċċjati għandha tkun ta' natura politika daqskemm għandha tkun ta' natura teknika, partikolarment fil-każ ta' ostakli mhux tariffarji inġustifikati fi ħdan is-Suq Uniku;

F.  billi l-UE għandha tfittex li tikseb suq uniku ġenwin u tqisu bħala patrimonju komuni taċ-ċittadini, il-ħaddiema, l-operaturi ekonomiċi u l-Istati Membri kollha, u billi s-suq uniku jista' jilħaq il-potenzjal kollu tiegħu biss jekk ikollu l-appoġġ sħiħ tal-Istati Membri kollha f'kollaborazzjoni bejniethom;

G.  billi r-regoli u l-azzjonijiet fil-livell tal-UE għandhom ikunu inkorporati f'viżjoni strateġika uniformi u għalhekk għandhom ikunu konsistenti bejniethom u ma jkunux kontradittorji; billi l-Istati Membri jridu jżommu lura minn miżuri diskriminatorji, bħal liġijiet tal-kummerċ u tat-taxxa li jaffettwaw biss ċerti setturi jew mudelli ta' negozju u jgħawġu l-kompetizzjoni, filwaqt li jagħmluha diffiċli għan-negozji li jistabbilixxu lilhom infushom fi Stat Membru partikolari, li jikkostitwixxi ksur ċar tal-prinċipji tas-suq intern;

H.  billi s-suq uniku ma jridx jidher iżolat minn oqsma ta' politika orizzontali oħra, partikolarment is-suq uniku diġitali, is-saħħa, il-ħarsien soċjali u tal-konsumatur, il-liġi tax-xogħol u l-mobbiltà taċ-ċittadini, l-ambjent, l-iżvilupp sostenibbli, l-enerġija, it-trasport u l-politiki esterni;

I.  billi t-tlestija tas-suq uniku fis-settur tal-prodotti u s-servizzi u t-tneħħija tal-ostakli hi prijorità ewlenija li titlob approċċ imħaffef mill-Istati Membri u mill-istituzzjonijiet tal-UE;

J.  billi l-ostakli fis-suq uniku jwasslu għal inqas għażla u għal prodotti u servizzi li jiswew aktar għall-konsumaturi;

K.  billi l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali jgawdu minn livell baxx ta' rikonoxximent fil-livell Ewropew u billi ħafna minn dawn l-intrapriżi mhumiex rikonoxxuti fil-qafas legali fil-livell Ewropew, imma biss fil-livell nazzjonali f'xi Stati Membri, b'forom ġuridiċi differenti; billi dan in-nuqqas ta' qafas legali tal-UE jfixkel il-kapaċità ta' dawn l-intrapriżi li joperaw b'mod transkonfinali fis-suq intern;

L.  billi l-falsifikazzjoni hi theddida serja għas-saħħa u sikurezza tal-pubbliku, u billi l-valur totali tat-traffikar tal-prodotti iffalsifikati żdied b'mod sinifikanti fis-snin riċenti, b'mod li jaggrava l-impatt devastanti tal-falsifikazzjoni fuq l-innovazzjoni, l-impjiegi u l-immarkar tal-kumpaniji Ewropej;

M.  billi l-ħolqien ta' suq uniku tal-kapital jista' jinkoraġġixxi aktar kondiviżjoni tar-riskju transkonfinali u swieq b'aktar likwidità;

N.  billi s-sommarju tar-rapport ta' konsultazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-imblukkar ġeografiku juri appoġġ qawwi min-naħa tal-konsumaturi għall-miżuri leġiżlattivi kontra l-imblukkar ġeografiku;

O.  billi l-konsegwenzi ekonomiċi tal-kriżi finanzjarja għadhom qed jinħassu u l-PDG għadu taħt il-livell tal-2008 f'diversi Stati Membri;

P.  billi s-suq uniku huwa kkaratterizzat minn rati tal-qgħad għolja b'mod persistenti; billi mindu bdiet il-kriżi finanzjarja, in-numru ta' persuni qiegħda żdied b'aktar minn sitt miljuni; billi sal-aħħar tal-2015 kien hemm iżjed minn 22 miljun persuna mingħajr xogħol fl-Unjoni;

Objettivi tal-politika

1.  Jappoġġa l-objettivi ġenerali tal-Istrateġija għas-Suq Uniku tal-Kummissjoni għall-prodotti u s-servizzi: "Naġġornaw is-Suq Uniku: aktar opportunitajiet għaċ-ċittadini u għan-negozji”, u japprezza l-azzjonijiet tagħha f'oqsma ewlenin sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tas-suq uniku għall-benefiċċju tal-konsumaturi, il-ħaddiema u n-negozji, b'mod partikolari dawk li għadhom jibdew, biex jiżdied in-numru ta' impjiegi sostenibbli u biex jikbru u jiġu żviluppati l-SMEs; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa politiki trasversali mfassla biex jiksbu suq uniku aktar ġust u aktar kompetittiv skont it-Titolu II tat-TFUE dwar dispożizzjonijiet ta' applikazzjoni ġenerali;

2.  Jinnota li l-istabbiliment ta' suq intern fejn ikun żgurat il-moviment liberu tal-prodotti, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital huwa objettiv essenzjali tal-Unjoni;

3.  Jilqa' l-fatt li l-istrateġija tfittex li tikkumplimenta l-isforzi rispettivi mwettqa f'oqsma oħra; jemmen li, billi ttejjeb l-inizjattivi diġà meħuda, l-istrateġija għandha potenzjal tajjeb biex tiżgura l-prosperità ekonomika, iżżid il-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir sostenibbli, ittejjeb il-benesseri tal-Ewropej b'miżuri prattiċi, tagħmel lill-Unjoni Ewropea attraenti għall-investimenti u tiżviluppa l-kompetittività globali tal-impriżi Ewropej; jenfasizza madankollu l-ħtieġa, fl-implimentazzjoni ta' din l-istrateġija, li jkunu evitati l-inkonsistenzi u d-duplikazzjonijiet bejn l-inizjattivi differenti; jenfasizza li l-proposti għandhom ikunu bbażati fuq l-evidenza u konformi mal-prinċipji ta' regolamentazzjoni aħjar;

4.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġu eliminati l-ostakli mhux ġustifikati fis-suq uniku sabiex jinkisbu riżultati rapidi u tanġibbli f'termini ta' kompetittività, tkabbir, riċerka, innovazzjoni, ħolqien ta' impjiegi, għażla għall-konsumaturi u mudelli ġodda ta' negozju; jemmen li sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, għandna naħdmu lejn armonizzazzjoni akbar tal-leġiżlazzjoni, fejn meħtieġ u xieraq, filwaqt li jiġi ppreservat l-ogħla livell possibbli ta' ħarsien tal-konsumatur, u nadottaw azzjonijiet xierqa biex nindirizzaw l-ostakli mhux ġustifikati stabbiliti mill-Istati Membri;

5.  Huwa tal-opinjoni li r-rieżami ta' nofs it-terminu tal-Istrateġija 2020 tal-UE għandu jistabbilixxi miri ambizzjużi biex niksbu ekonomija tas-suq soċjali ferm kompetittiva u tkabbir sostenibbli sal-2020; jenfasizza li s-suq uniku għandu jkun ċentrali biex tintlaħaq dik il-mira;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkunu innovattivi fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-suq uniku; jenfasizza l-potenzjal kbir tas-setturi li jagħmlu użu kbir mill-ħaddiema bħall-industrija tal-bejgħ bl-imnut u tal-ospitalità, għall-ħolqien tal-impjiegi, l-integrazzjoni u l-indirizzar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ;

7.  Iqis li r-rapport Monti tal-2010, bit-titolu "Strateġija ġdida għas-suq uniku" għandu jkun implimentat b'mod sħiħ u jitqies matul il-ħidma dwar l-Istrateġija għas-Suq Uniku;

8.  Jenfasizza li l-Istrateġija għas-Suq Uniku m'għandhiex tinjora l-potenzjal tas-settur industrijali f'termini ta' tkabbir sostenibbli u impjiegi ta' kwalità fl-Ewropa;

9.  Iqis li d-domanda interna – u speċjalment it-titjib tal-kapaċità tal-akkwist, l-adozzjoni ta' miżuri innovattivi u l-investiment fl-ekonomija ekoloġika – hija essenzjali biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tas-suq uniku u għall-promozzjoni ta' tkabbir sostenibbli;

Suq uniku modern u aktar innovattiv

10.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-enfasi tal-istrateġija fuq aspetti li l-għan tagħhom huwa li jgħinu n-negozji, b'mod partikolari l-SMEs, il-mikrointrapriżi u n-negozji l-ġodda, biex iżidu l-attivitajiet tagħhom, jikbru u jibqgħu fis-suq uniku, u b'hekk jiġu ffaċilitati l-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi min-naħa tagħhom; jenfasizza li l-inizjattivi kollha għall-SMEs u n-negozji ġodda għandhom jiġu trattati bħala prijorità, imma jfakkar li dawn l-inizjattivi m'għandhomx jipprovdu opportunitajiet għal negozji diżonesti biex iduru mar-regoli eżistenti, inaqqsu l-istandards tal-ħaddiema u tal-konsumatur, jew iżidu r-riskju ta' frodi korporattiva, attivitajiet kriminali u ta' kumpaniji tal-isem;

11.  Huwa tal-fehma li l-istrateġija tista' toffri opportunitajiet ġodda għall-SMEs li huma s-sinsla tal-ekonomiji tal-UE, u għal intrapriżi mikro u negozji ġodda innovattivi; jemmen li l-iżvilupp tal-ambjent kummerċjali xieraq permezz tat-titjib tal-oqfsa ta' kapital ta' riskju privat għall-SMEs, il-faċilitazzjoni tal-aċċess għall-finanzi, il-produzzjoni ta' leġiżlazzjoni soda u l-applikazzjoni sħiħa tal-prinċipju "Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir" madwar is-suq uniku huma kruċjali u jistgħu jkunu ta' appoġġ għat-tkabbir u għall-ħolqien tal-impjiegi;

12.  Jemmen li t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi u tal-ispejjeż marbuta mal-konformità għan-negozji, speċjalment l-SMEs, u r-revoka ta' leġiżlazzjoni bla bżonn, filwaqt li jkomplu jiġu żgurati standards għolja ta' protezzjoni tal-konsumaturi, tal-impjegati, tas-saħħa u tal-ambjent, huma fatturi importanti biex jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġija;

13.  Jemmen li jeħtieġ li jiġi kkunsidrat sett ta' kriterji u indikaturi oġġettivi għal definizzjoni ta' negozji ġodda, SMEs u impriżi tal-ekonomija soċjali "innovattivi", li jistgħu jintużaw bħala punt ta' referenza għall-adozzjoni ta' miżuri relatati; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi tali kriterji u indikaturi;

14.  Jenfasizza li hemm ħtieġa li jkunu promossi l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali fil-politiki tas-suq intern, filwaqt li jitqies li hemm madwar 2 miljun intrapriża tal-ekonomija soċjali fl-UE, li jammontaw għal madwar 10-12 % tan-negozji Ewropej kollha; jenfasizza, barra minn hekk, li l-ekonomija soċjali qed tikber b'mod rapidu, qed tipprovdi prodotti u servizzi ta' kwalità u toħloq impjiegi ta' kwalità għolja;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni titlob lill-pjattaforma REFIT biex tindirizza l-ostakli għall-innovazzjoni u tressaq proposti, minbarra l-proposta għat-twaqqif ta' Kunsill Ewropew għall-Innovazzjoni, dwar kif dawn jistgħu jitnaqqsu jew jitneħħew; jenfasizza li dan il-proċess ma jridx iwassal biex jonqsu l-impjiegi, il-ħarsien tal-konsumatur u l-istandards ambjentali; jemmen li biex tiżgura regolamentazzjoni aħjar, il-leġiżlazzjoni eżistenti għandha tkun rieżaminata u, fejn meħtieġ, simplifikata biex tkun adattata għall-iskop, filwaqt li l-leġiżlazzjoni ġdida kollha għandha tkun valida għall-futur u diġitali b'mod awtomatiku u ssegwi l-prinċipju "Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir";

16.  Jinnota li regolamentazzjoni tajba tista' tkun ta' benefiċċju kemm għan-negozji u kemm għall-ħaddiema u tgħin fil-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku u ta' impjiegi ta' kwalità fis-suq uniku; jinnota l-aġenda tal-Kummissjoni dwar "Regolamentazzjoni Aħjar", li tinkludi l-involviment aktar qawwi tal-partijiet ikkonċernati, pereżempju permezz tal-Pjattaforma REFIT, u valutazzjonijiet tal-impatt imsaħħa; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu vvalutati mhux biss l-effetti fuq terminu qasir iżda anki l-valur fuq terminu twil tal-leġiżlazzjoni u l-konsegwenzi tan-nonleġiżlazzjoni; jemmen li leġiżlazzjoni aħjar, aktar effikaċi u sempliċi tnaqqas il-piżijiet amministrattivi u tagħti spinta lit-tkabbir u lill-ħolqien tal-impjiegi filwaqt li tkompli tiżgura standards għoljin ta' protezzjoni tal-konsumaturi, tal-impjegati, tas-saħħa u tal-ambjent;

17.  Iqis li l-iżvilupp ulterjuri tas-suq uniku jitlob l-eliminazzjoni tal-ostakli għall-kummerċ bejn l-Istati Membri; jappoġġa d-Dikjarazzjoni Ewropea dwar il-Kompetittività ta' Frar 2016, partikolarment l-impenn lejn is-simplifikazzjoni regolatorja u t-tnaqqis tal-piżijiet, li jsir sforz akbar biex jitnaqqas il-piż kumplessiv tar-regolamentazzjoni tal-UE speċjalment fuq l-SMEs u l-mikrointrapriżi, u li jiġi ffissati fejn hu possibbli miri għat-tnaqqis tal-piżijiet f'setturi speċifiċi; jirrakkomanda li l-ħidma dwar l-iffissar ta' dawn il-miri ta' tnaqqis tal-piżijiet għandha tibda immedjatament;

18.  Jemmen li sabiex jinkisbu l-għanijiet tas-Suq Uniku u jiġu ġġenerati t-tkabbir u l-impjiegi, l-UE trid issaħħaħ il-kompetittività, fuq il-linji stabbiliti fid-Dikjarazzjoni tal-Kunsill Ewropew dwar il-kompetittività;

19.  Jilqa' d-determinazzjoni tal-Kummissjoni li tindirizza n-nuqqas ta' koordinazzjoni fiskali fi ħdan l-UE, b'mod partikolari d-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom l-SMEs minħabba l-kumplessità tar-regolamenti tal-VAT nazzjonali differenti; jestendi l-appoġġ sħiħ tiegħu lill-Kummissjoni rigward ir-riforma tal-VAT; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra kif ir-regoli ġodda li jikkonċernaw il-post tal-provvista tal-VAT fuq is-servizzi diġitali jistgħu jiġu emendati b'tali mod li jakkomodaw il-ħtiġijiet speċifiċi tan-negozji żgħar u mikro; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-fattibbiltà ta' aktar koordinazzjoni u, b'mod partikolari, tivvaluta l-possibbiltà ta' approċċ simplifikat dwar il-VAT (għall-istess kategorija ta' prodotti) fis-settur tal-kummerċ elettroniku;

20.  Jappoġġa l-isforzi tal-Kummissjoni biex tiżgura ġustizzja fiskali fl-Unjoni Ewropea u tiġġieled kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa u l-prattiki tal-evitar tat-taxxa; jistieden lill-Kummissjoni tiffoka fuq ħidma favur obbligu ta' rappurtar pajjiż b'pajjiż għall-korporazzjonijiet transnazzjonali;

21.  Jiġbed l-attenzjoni għad-diffikultajiet li jiffaċċjaw in-negozji, u b'mod partikolari l-SMEs u negozji ġodda, biex jiksbu l-fondi; jirrimarka li d-differenzi f'fatturi esterni, bħall-aċċess faċli għall-kreditu, reġimi ta' tassazzjoni u regolamenti tax-xogħol, ifissru li l-SMEs qed isibu ruħhom fi żvantaġġ meta mqabbla ma' oħrajn; jistieden lill-Kummissjoni biex, filwaqt li tibqa' tagħti appoġġ siewi lil dawk il-kumpaniji permezz tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) u programmi bħal Orizzont 2020, il-COSME u l-fondi SIE, tesplora modi li bihom tiffaċilita l-aċċess għalihom u għal programmi u strumenti oħrajn, speċjalment għall-mikrointrapriżi, pereżempju billi tnaqqas għal perjodi ta' sitt xhur is-sejħiet għall-applikazzjonijiet u tissimplifika aktar il-proċeduri rilevanti u żżid il-viżibilità tal-iffinanzjar Ewropew; jilqa' b'sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tuża fondi mill-programm COSME biex tiffinanzja kampanji ta' informazzjoni mmirati lejn l-SMEs żgħażagħ innovattivi; jistieden lill-awtoritajiet reġjonali u lokali kollha responsabbli għall-appoġġ tal-kumpaniji, b'mod partikolari dawk involuti fin-Netwerk Enterprise Europe, biex jipparteċipaw f'dawn il-kampanji; iqis is-simplifikazzjoni bħala faċilitatur ewlieni fl-aċċess tal-SMEs u tan-negozji ġodda għall-finanzjament; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-finanzjament kollettiv jista' jsir bla ebda xkiel bejn il-fruntieri;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra t-tisħiħ tan-netwerk ta' rappreżentanti tal-SMEs billi tieħu għadd ta' azzjonijiet – filwaqt li tevita aktar burokrazija – biex ittejjeb l-għarfien ta' din l-għodda, u l-viżibilità tagħha, fost l-SMEs, issaħħaħ l-iskambju bejn kull rappreżentant nazzjonali tal-SMEs u r-rappreżentanti korrispondenti tal-SMEs, u biex tippreżenta l-attivitajiet tan-netwerk lill-Parlament Ewropew darba fis-sena;

23.  Jirrimarka li, minkejja l-fatt li l-Parlament Ewropew adotta d-Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi tranżazzjonijiet kummerċjali fi Frar 2011, kull sena eluf ta' SMEs u negozji ġodda fl-Ewropa ifallu waqt li jkunu qed jistennew li jirċievu l-ħlas għal fatturi li jkunu ħarġu, anki min-naħa ta' amministrazzjonijiet pubbliċi nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-isforzi tagħhom ħalli jiffaċilitaw l-applikazzjoni u l-infurzar tad-Direttiva dwar il-Ħlasijiet Tard; jitlob, barra minn hekk, lill-Istati Membri jikkunsidraw, f'każ ta' implimentazzjoni mhux sodisfaċenti tad-Direttiva dwar il-Ħlasijiet Tard, forom ta' kumpens adegwat għall-kumpaniji li għandhom jieħdu ħlasijiet mingħand amministrazzjoni pubblika, b'tali mod li ma jkunux sfurzati jfallu minħabba fihom;

24.  Japprezza l-inizjattiva leġiżlattiva dwar l-insolvenza tal-intrapriżi, inklużi r-ristrutturar bikri u l-offerta tat-tieni opportunità, li jiżguraw li l-Istati Membri jipprovdu ambjent regolatorju li jaċċetta li xi kultant jista' jseħħ falliment u li jinkoraġġixxi l-innovazzjoni, iżda jirrimarka li l-ispejjeż u l-konsegwenzi ta' kumpaniji li jfallu jaffettwaw mhux biss lis-sid u lill-azzjonisti tal-kumpanija, iżda wkoll lill-kredituri u lill-impjegati tagħha, u lill-kontribwenti tat-taxxa; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li din l-inizjattiva tallinja l-proċeduri ta' insolvenza fl-UE kollha u tnaqqas it-tul u l-ispejjeż tal-proċedimenti;

25.  Jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma enfasizzatx biżżejjed ir-rwol speċifiku tal-manifattura tradizzjonali mill-Artiġjanat u l-SMEs bħala kontribut importanti kemm lill-kompetittività kif ukoll lill-istabbiltà ekonomika fl-Ewropa; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tisfrutta l-potenzjal sħiħ tad-diġitalizzazzjoni u l-innovazzjoni tal-industrija tal-manifattura partikolarment għall-manifatturi żgħar u mikro u għan-negozji ġodda, kif ukoll għal reġjuni inqas industrijalizzati, sabiex tgħin fit-tnaqqis tad-disparitajiet reġjonali u terġa' tagħti ħajja ġdida lill-ekonomiji lokali; jemmen li trid titressaq politika aktar b'saħħitha għall-Artiġjanat u l-SMEs bħala waħda mill-ogħla prijoritajiet tal-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri kollha matul is-snin li ġejjin;

26.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-Portal Uniku Diġitali tal-Kummissjoni, li għandu jibni fuq il-pjattaforma tal-Punti Uniċi ta' Kuntatt (PSCs) imwaqqfa skont id-Direttiva dwar is-Servizzi u jgħaqqad lill-PSCs ma' netwerks tas-suq uniku oħrajn simili; jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-modi kollha biex tagħmel l-aħjar użu mill-Portal Uniku Diġitali biex tgħin lin-negozji ġodda Ewropej jkabbru l-operat tagħhom fl-Ewropa u jadottaw perspettiva aktar internazzjonali billi tipprovdi informazzjoni preċiża u ċara b'lingwi differenti dwar il-proċeduri u l-formalitajiet kollha meħtieġa biex joperaw b'mod domestiku jew f'pajjiż ieħor tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni toħloq punt ta' dħul uniku għan-negozji u l-konsumaturi għall-informazzjoni kollha relatata mas-suq uniku, għall-assistenza u għas-soluzzjoni tal-problemi u għall-proċeduri nazzjonali kif ukoll madwar l-UE meħtieġa biex joperaw b'mod transkonfinali fl-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li dawn jiġu implimentati malajr;

27.  Jinnota li l-kumpaniji, speċjalment l-SMEs, jew mhumiex konxji tar-regoli applikabbli fi Stati Membri oħrajn jew jiltaqgħu ma' diffikultajiet biex isibu u jifhmu l-informazzjoni dwar ir-regoli u l-proċeduri applikabbli għan-negozji tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel interkonnessjoni tal-portali, il-punti ta' aċċess u s-siti elettroniċi tal-informazzjoni kollha differenti f'portal uniku li jipprovdi lill-SMEs u n-negozji ġodda informazzjoni faċli għall-utent sabiex ikunu jistgħu jagħmlu deċiżjonijiet infurmati sew u jiffrankaw il-ħin u l-ispejjeż;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa Punti Uniċi ta' Kuntatt minn portal regolatorju f'sistema ta' portali tan-negozju online stabbiliti li jippromwovu skambju regolari ta' informazzjoni minn u bejn ir-rappreżentanti tan-negozji u jassistu lin-negozji nazzonali jew liċ-ċittadini jikkompetu fi Stati Membri oħra tal-UE;

29.  Ifakkar fl-importanza tat-tisħiħ u s-simplifikazzjoni tal-għodod eżistenti tas-suq uniku sabiex tiġi ssimplifikata l-espansjoni transkonfinali tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu aktar enfasi fuq is-simplifikazzjoni u t-titjib tal-Punti ta' Kuntatt tal-Prodotti u l-Punti Uniċi ta' Kuntatt;

30.  Ifakkar fil-ħtieġa urġenti li l-konsumaturi jingħataw livell ekwivalenti ta' ħarsien kemm online kif ukoll offline; jenfasizza l-ħtieġa li l-operaturi ekonomiċi kollha li joperaw online u offline fis-suq uniku jieħdu l-miżuri raġonevoli u xierqa kollha biex jiġġieldu l-falsifikazzjoni, sabiex jiżguraw il-protezzjoni tal-konsumatur u s-sikurezza tal-prodott;

31.  Jenfasizza li l-ekonomija kollaborattiva qiegħda tikber b'ħeffa u li, filwaqt li tbiddel il-mod li bih huma pprovduti u utilizzati ħafna servizzi u assi, tista' tiddirezzjona l-innovazzjoni u għandha l-potenzjal li ġġib benefiċċji u opportunitajiet addizzjonali għall-kumpaniji u għall-konsumaturi fis-suq uniku; jenfasizza l-benefiċċji ekonomiċi, soċjetali u ambjentali u l-isfidi tal-ekonomija kollaborattiva; jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina l-isforzi tal-Istati Membri biex isibu soluzzjonijiet leġiżlattivi fuq terminu qasir jew twil fir-rigward tal-ekonomija kollaborattiva; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jressqu proposti biex jipprevjenu l-abbuż fl-oqsma tal-impjiegi u tat-tassazzjoni fl-ekonomija kollaborattiva;

32.  Jilqa' l-inizjattiva mħabbra mill-Kummissjoni dwar l-ekonomija kollaborattiva, u l-intenzjoni tagħha li tħares lejn in-negozji stabbiliti f'dan il-qasam u biex tiċċara, permezz ta' gwida, l-interazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet tal-liġi eżistenti tal-UE għall-applikazzjoni u t-tħaddim ta' mudelli ta' negozju tal-ekonomija kollaborattiva; hu tal-fehma li l-intervent regolatorju f'dan il-qasam għandu jkun ikkaratterizzat mill-flessibilità, biex ir-regoli jkunu jistgħu jiġu addattati malajr u infurzati f'settur li qed jinbidel b'ħeffa, li jitlob aġġustamenti malajr u effikaċi; jenfasizza li l-istandards eżistenti għall-ħarsien tal-konsumatur iridu jiġu applikati u infurzati fl-ekonomija diġitali wkoll; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-aqwa kundizzjonijiet possibbli biex l-ekonomija kollaborattiva tiżviluppa u tirnexxi;

33.  Jenfasizza li l-karatteristiċi ġodda tas-sigurtà li l-ekonomija kollaborattiva tipprovdi, bħas-sigurtà tal-pagamenti, il-ġeolokalizzazzjoni u l-assigurazzjoni, jagħtu s-setgħa lill-konsumaturi u għalhekk jitolbu li jiġi vvalutat jekk ir-rimedji ex post jistgħux ikunu aktar effikaċi mir-regolamenti ex ante; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi aktar il-kooperazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat sabiex jiġu indirizzati l-ostakli eżistenti fl-ekonomija kollaborattiva b'mod partikolari għall-użu ikbar tal-identità diġitali biex tinbena l-fiduċja tal-konsumaturi fi tranżazzjonijiet online, għall-iżvilupp ta' soluzzjonijiet diġitali għall-pagamenti tat-taxxi, sabiex jiġu pprovduti skemi ta' assigurazzjoni transkonfinali, u tiġi mmodernizzata l-leġiżlazzjoni dwar l-impjiegi;

34.  Jemmen li, fl-ekonomija kollaborattiva, l-iżvilupp ta' mudelli ġodda ta' negozju, servizzi innovattivi u l-użu temporanju ta' assi għandu jiġi mħeġġeġ, iżda għandu jkun ibbażat, fejn possibbli, fuq regoli simili għal servizzi simili, bil-għan li jissalvagwardja l-kwalità għolja tas-servizzi, indipendentement minn kif ikunu organizzati l-aċċess u l-għoti tagħhom, u sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet indaqs u s-sikurezza tal-konsumatur filwaqt li tiġi evitata l-frammentazzjoni li tista' tfixkel l-iżvilupp ta' mudelli ta' negozju ġodda; jemmen li, fir-rigward tal-ekonomija kollaborattiva, jista' jittieħed biss approċċ ta' suq uniku, peress li l-frammentazzjoni tas-suq uniku permezz tar-regoli lokali u nazzjonali ma tħallix lill-kumpaniji Ewropej tal-ekonomija kollaborattiva jkabbru l-operat tagħhom fil-livell Ewropew;

35.  Jiġbed l-attenzjoni għar-rwol importanti tal-istandards tekniċi tal-UE għall-innovazzjoni, il-kompetittività u l-progress fis-suq uniku; jemmen li jeħtieġ li tittieħed azzjoni f'waqtha biex jiġu żviluppati standards għolja tal-UE għall-kwalità, l-interoperabilità u s-sikurezza fit-tisħiħ tal-politika industrijali tal-UE, kif ukoll li dawk l-istandards għandhom jiġu promossi f'livell internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa u ssaħħaħ l-istandards tal-UE, kif diġà previst mir-Regolament (UE) Nru 1025/2012, u biex tagħmel il-qafas għal standardizzazzjoni aktar effiċjenti u xieraq għall-iskop tiegħu, inkluż billi jiġu sfruttati l-opportunitajiet offruti min-negozjati kummerċjali internazzjonali; jenfasizza li l-istandards għandhom jiġu stabbiliti b'mod xprunat mis-suq, miftuħ, inklużiv u kompetittiv sabiex ikunu jistgħu jiġu implimentati faċilment mill-SMEs, u biex jiġi evitat ir-riskju ta' katini tal-valur magħluqa, filwaqt li, madankollu, jiġi evitat dewmien fil-pubblikazzjoni tagħhom;

36.  Jisħaq fuq ir-rwol importanti li għandha s-sistema ta' standardizzazzjoni fiċ-ċirkolazzjoni libera tal-prodotti u, dejjem aktar, tas-servizzi; jinnota li l-użu volontarju ta' standards ikkontribwixxa bejn 0.3 u 1 % tal-PDG fl-Ewropa, u huwa ta' benefiċċju pożittiv għall-produttività tax-xogħol;

37.  Ifakkar li l-maġġoranza l-kbira tal-istandards jiġu żviluppati b'rispons għal ħtieġa identifikata fl-industrija, b'approċċ minn isfel għal fuq sabiex tiġi żgurata r-rilevanza tas-suq tal-istandards; jappoġġa l-impenn fl-Istrateġija għas-Suq Uniku li jiġi żgurat li l-Ewropa tibqa' fuq quddiem nett tal-iżvilupp ta' standards b'mod globali; iħeġġeġ standardizzazzjoni li tkun kompatibbli ma' approċċ internazzjonali jew bl-iżvilupp ta' standards internazzjonali globali jew bir-rikonoxximent ta' standards internazzjonali ekwivalenti meta jkun xieraq; jinnota l-intenzjoni li jiġu stabbiliti qafas u prijoritajiet għal attivitajiet ta' standardizzazzjoni skont Inizjattiva Konġunta dwar l-Istandardizzazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Inizjattiva Konġunta tibqa' titmexxa minn din il-ħtieġa minn isfel għal fuq, identifikata fl-industrija u li, għaldaqstant, tagħti prijorità u tipprovdi biss dawk l-istandards li jirrispondu għall-ħtiġijiet identifikati u juru rilevanza tas-suq, u ma twassalx sabiex jiġu ffissati standards bla bżonn jew rekwiżiti inkonsistenti meta mqabbla ma' standards oħra relatati li jkunu qed jiġu stabbiliti;

38.  Jinnota li l-proposta għal Inizjattiva Konġunta dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea se tibni fuq ir-Rieżami Indipendenti tas-Sistema Ewropea tal-Istandardizzazzjoni, u jappoġġa l-objettiv tagħha li l-komunità Ewropea tal-istandardizzazzjoni tiżviluppa azzjonijiet li jtejbu s-sistema kollha kemm hi, inklużi rakkomandazzjonijiet dwar l-inklużività u l-appoġġ għall-kompetittività tal-impriżi Ewropej;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex, fl-involviment tagħha mal-Organizzazzjonijiet Ewropej għall-Istandardizzazzjoni (ESOs), tappoġġa lill-ESOs u lill-kontropartijiet nazzjonali tagħhom fl-isforzi tagħhom biex itejbu l-involviment tal-SMEs, kemm fil-proċess tal-istabbiliment ta' standards innifsu kif ukoll fl-implimentazzjoni tal-istandards ladarba jiġu stabbiliti; jinkuraġġixxi wkoll lill-Kummissjoni taħdem mill-qrib mal-ESOs, mal-Korpi Nazzjonali għall-Istandards u ma' oħrajn biex ittejjeb it-trasparenza tal-proċess tal-istandards, fl-implimentazzjoni tal-impenji li jinsabu fil-programm ta' ħidma għall-istandardizzazzjoni Ewropea għall-2016 u r-Regolament sottostanti;

40.  Iqis li l-Inizjattivi Konġunti għandhom jiffukaw fuq titjib kontinwat fil-prattiki tax-xogħol, b'mod partikolari permezz tat-twaqqif ta' proċessi biex jiġu rieżaminati l-kompożizzjoni tal-kumitati tekniċi u miżuri li jippromwovu aċċess miftuħ u inklużività li jippermettu lil firxa wiesgħa ta' partijiet ikkonċernati jikkontribwixxu għal diskussjonijiet fil-kumitati tekniċi;

41.  Iqis li mekkaniżmu ta' appell aktar trasparenti u aċċessibbli jibni l-fiduċja u jtejjeb il-proċessi tal-istabbiliment tal-istandards; jemmen li meta standard ikun ġie mitlub mill-Kummissjoni wara l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni mill-Unjoni Ewropea, il-kumitat rilevanti tal-Parlament jaf ikun jista' jiżvolġi rwol fl-iskrutinju u d-dibattitu pubbliku bħala parti minn dan il-proċess, qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar oġġezzjoni formali jekk ikun xieraq; jenfasizza li meta jiġu determinati talbiet ta' standardizzazzjoni li għandhom jingħataw lill-korpi ta' standardizzazzjoni, għandhom jiġu inklużi l-prinċipji ta' proporzjonalità u approċċ ibbażat fuq ir-riskji;

42.  Jemmen li żieda tas-sensibilizzazzjoni pubblika ta' standards proposti f'forma ta' abbozz qabel l-approvazzjoni finali tista' żżid ir-responsabbiltà u t-trasparenza u tipprovdi proċess aktar robust, bi qbil mal-aħjar prattiki eżistenti fost il-komunità Ewropea tal-istandardizzazzjoni;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, sa tmiem l-2016, tirrapporta lill-Parlament dwar l-implimentazzjoni tagħha tal-Inizjattiva Konġunta dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, u l-progress li sar b'kooperazzjoni mal-komunità Ewropea tal-istandarizzazzjoni dwar ir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fil-programm ta' ħidma annwali tal-Unjoni għall-2016;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni, li hija responsabbli għall-kompetizzjoni fis-suq intern tal-UE, biex, b'kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali tas-sorveljanza, tiżgura kundizzjonijiet ekwi fost il-kompetituri li joperaw fis-suq;

45.  Jilqa' l-inizjattivi riċenti għal akkwist pubbliku aktar effiċjenti u trasparenti, permezz ta' użu aħjar tal-akkwist tad-data u valutazzjoni volontarja ikbar tal-akkwisti f'ċerti proġetti infrastrutturali fuq skala kbira; jistieden lill-Istati Membri jikkooperaw mal-Kummissjoni fl-implimentazzjoni ta' dawn l-inizjattivi;

46.  Jittama li l-Kummissjoni ser tkompli l-proċess ta' riforma tas-sistema tal-akkwist pubbliku, li bdiet bid-direttivi tal-2014, lejn domanda dejjem aktar kwalifikata fil-qasam tal-akkwist, bil-għan li tippremja l-innovazzjoni teknoloġika u l-effiċjenza enerġetika;

47.  Jinnota li r-reġim il-ġdid tal-akkwist pubbliku tal-2014 huwa anqas ikkumplikat, u jinkludi regoli aktar flessibbli biex jaqdu aħjar politiki oħra tas-settur pubbliku kif ukoll negozji speċjalizzati tal-Istati Membri jew lokali; jirrimarka li fl-Istati Membri għad hemm ineffiċjenzi sinifikanti fl-akkwist pubbliku li jillimitaw l-espansjoni u t-tkabbir transkonfinali fis-swieq domestiċi;

48.  Jilqa', bħala kwistjoni ta' prinċipju, l-inizjattivi mħabbra mill-Kummissjoni bil-għan li jiżdiedu t-trasparenza, l-effiċjenza u r-responsabbiltà fl-akkwist pubbliku; jenfasizza, madankollu, li l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta' direttivi ġodda tal-UE għandhom jieħdu preċedenza fuq l-introduzzjoni ta' strumenti ġodda bħar-reġistru tal-kuntratti; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li għodod possibbli ta' analiżi tad-data ma jridux iwasslu għal rekwiżiti ta' rapportar ġodda jew addizzjonali; ifakkar li mekkaniżmu ta' evalwazzjoni ex ante għandu jkun purament volontarju għal proġetti infrastrutturali kbar;

49.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' sistema ta' akkwist pubbliku kompletament elettronika; jenfasizza l-ħtieġa ta' implimentazzjoni rapida u komprensiva tad-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku fl-intier tagħha; jenfasizza l-ħtieġa ta' użu aktar mifrux tal-akkwist elettroniku biex jinfetħu s-swieq għall-SMEs;

50.  Jissottolinja l-importanza tal-privattiva unitarja; jappoġġa l-intenzjoni tal-Kummissjoni li telimina l-inċertezzi dwar kif il-privattiva unitarja se teżisti flimkien mac-ċertifikati nazzjonali u supplementari ta' protezzjoni (SPCs), kif ukoll il-ħolqien possibbli ta' SPC unitarju filwaqt li żżomm f'moħħha l-interessi tas-saħħa pubblika u tal-pazjenti;

51.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, qabel l-2019, tintroduċi u timplimenta eżenzjoni tal-manifattura ta' SPCs biex tagħti spinta lill-kompetittività tal-Industrija Ewropea tal-Mediċini Ġeneriċi u Bijosimili f'ambjent globali, kif ukoll biex iżżomm u toħloq aktar impjiegi u tkabbir fl-UE, mingħajr ma tippreġudika l-esklużività tas-suq mogħtija taħt ir-reġim tal-SPCs fi swieq protetti; jemmen li tali dispożizzjonijiet jista' jkollhom impatt pożittiv fuq l-aċċess għal mediċini ta' kwalità għolja f'pajjiżi li qed jiżviluppaw u f'dawk l-anqas żviluppati u jistgħu jgħinu biex tiġi evitata l-esternalizzazzjoni tal-produzzjoni;

52.  Jitlob għal miżuri li jiffaċilitaw l-aċċess għas-sistema tal-privattivi fl-Ewropa għall-mikrointrapriżi u l-SMEs u n-negozji ġodda kollha li jixtiequ jużaw privattiva Ewropea b'effett unitarju fl-innovazzjoni tal-prodotti u l-proċessi tagħhom, anki billi jitnaqqsu l-ħlasijiet għall-applikazzjonijiet u t-tiġdid u billi tingħata għajnuna għat-traduzzjoni; jenfasizza l-importanza kemm tal-privattivi essenzjali standard (SEPs) kif ukoll ta' soluzzjonijiet ta' liċenzjar miftuħa innovattivi li xi drabi huma aktar xierqa biex isostnu l-innovazzjoni; jenfasizza l-importanza tal-ftehimiet ta' liċenzjar tal-privattivi, fil-limiti tal-liġi tal-UE dwar il-kompetizzjoni, abbażi ta' termini ġusti, raġonevoli u non-diskriminatorji (FRAND), sabiex jiġu ppreservati l-inċentivi fir-R&Ż u fl-istandardizzazzjoni, titrawwem l-innovazzjoni u jiġu żgurati kundizzjonijiet ġusti għall-ħruġ tal-liċenzji;

53.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta mingħajr dewmien proposta leġiżlattiva għat-twaqqif ta' sistema unika Ewropea għall-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għal prodotti mhux agrikoli fl-UE, kif diġà ntalab mill-Parlament, bil-għan li tistabbilixxi sistema unika Ewropea u biex b'hekk iġġib fi tmiemha s-sitwazzjoni inadegwata u ferm ifframmentata fl-Ewropa, u li toħloq bosta u diversi effetti pożittivi għaċ-ċittadini, il-konsumaturi, il-produtturi u t-tessut ekonomiku u soċjali Ewropew kollu kemm hu; jenfasizza li tali strument jenfasizza b'mod espliċitu l-valur miżjud ta' ħafna prodotti lokali, b'benefiċċji ovvji għall-produtturi u r-reġjuni kkonċernati u f'termini ta' sensibilizzazzjoni tal-konsumatur;

54.  Jinnota li l-potenzjal sħiħ tas-sħubijiet pubbliċi-privati għadu ma ġiex sfruttat fil-maġġoranza tal-Istati Membri tal-UE; jappella għall-armonizzazzjoni tar-regoli qafas tal-Istati Membri dwar is-sħubijiet pubbliċi-privati, għad-disseminazzjoni tal-aħjar prattiki u għall-promozzjoni ta' dan il-mudell;

55.  Jistieden lill-Istati Membri jwaqqfu strutturi biex jagħtu pariri u jgħinu lill-ħaddiema transkonfinali fir-rigward tal-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali li jġib miegħu xogħol fi Stat Membru ieħor;

56.  Jinnota li l-approfondiment tas-suq uniku u tas-suq uniku diġitali jista' jġib opportunitajiet u sfidi ġodda u se jqajjem mistoqsijiet f'termini ta' ħiliet, forom ġodda ta' impjiegi, strutturi finanzjarji, protezzjoni soċjali, kif ukoll fir-rigward tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, li kollha se jkollhom jiġu indirizzati u jridu jkunu ta' benefiċċju kemm għall-ħaddiema, kemm għan-negozji u kemm għall-konsumaturi;

57.  Jiddispjaċih li l-istrateġija ma tiddedikax attenzjoni partikolari għan-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet, li għadu ostaklu għat-tkabbir fis-suq uniku; jinnota bi tħassib li bejn 40 % u 47 % tal-popolazzjoni fl-UE m'għandhomx ħiliet diġitali suffiċjenti u li d-domanda għal impjegati b'ħiliet diġitali qed tikber b'4 % fis-sena, filwaqt li n-nefqa pubblika fuq l-edukazzjoni naqset bi 3.2 % mill-2010 'l hawn, u dan huwa theddida għall-pożizzjoni kompetittiva tal-UE f'terminu medju u għall-impjegabbiltà tal-forza tax-xogħol tagħha; iħeġġeġ lill-Istati Membri jinvestu fil-ħiliet u l-edukazzjoni diġitali;

58.  Jinnota l-għanijiet tal-pakkett dwar il-mobbiltà tal-ħaddiema li jikkontribwixxi għal suq uniku iżjed profond u iżjed ġust; jenfasizza madankollu l-importanza li jiġi żgurat li l-miżuri li jinsabu f'dan il-pakkett ikunu proporzjonati u jqisu l-konsegwenzi ta' ammonti kbar ta' mobbiltà lejn reġjuni partikolari;

59.  Jenfasizza l-appoġġ tal-Kummissjoni favur sistemi edukattivi paralleli li minbarra li jiffaċilitaw l-iżvilupp personali jistgħu jgħinu biex il-ħiliet u l-kwalifiki tal-ħaddiema Ewropej jitfasslu b'mod li jikkorrispondi iktar għall-ħtiġijiet reali tas-suq tax-xogħol; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-istrateġija ma ddgħajjef bl-ebda mod is-sistemi edukattivi paralleli filwaqt li jiġu żgurati l-kwalità tal-apprendistati u, b'mod partikolari, il-protezzjoni tal-impjiegi; jissottolinja r-rwol importanti tas-sħab soċjali fl-iżvilupp ta' sistemi edukattivi paralleli; jemmen li, filwaqt li sistema edukattiva parallela użata fi Stat Membru wieħed ma tistax tiġi sempliċement ikkupjata minn Stat Membru ieħor, l-Ewropa għandha tiffoka fuq il-korrelazzjoni qawwija bejn l-edukazzjoni parallela u l-impjieg taż-żgħażagħ;

60.  Jappoġġa miżuri favur l-għeluq tal-lakuni fil-leġiżlazzjoni tal-UE kontra d-diskriminazzjoni fl-impjieg, b'mod speċjali fir-rigward tal-persuni b'diżabilità; jappoġġa, barra minn hekk, l-implimentazzjoni mingħajr dewmien tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE dwar l-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol;

61.  Jilqa' t-twaqqif ta' pjattaforma kontra x-xogħol mhux iddikjarat u jħeġġeġ b'mod partikolari lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ fir-rigward ta' dik il-pjattaforma sabiex tkun tista' tittieħed azzjoni iktar effikaċi kontra x-xogħol mhux iddikjarat u l-impjiegi indipendenti fittizji;

62.  Jinsisti li sabiex tiġi sfruttata l-opportunità li tirriżulta mid-diġitalizzazzjoni tal-impjiegi, jeħtieġ li jinħolqu arranġamenti sikuri ta' ħinijiet tax-xogħol flessibbli, kundizzjonijiet tax-xogħol stabbli, protezzjoni soċjali u jiġi ffaċilitat "ix-xogħol intelliġenti" sabiex jitjiebu l-produttività u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja; jenfasizza l-importanza tat-tnedija tal-infrastruttura diġitali fiż-żoni rurali f'dan ir-rigward sabiex jittieħed vantaġġ mill-firxa wiesgħa ta' opportunitajiet offruti mill-aġenda diġitali, bħal pereżempju t-telexogħol;

63.  Jenfasizza l-importanza ta' sħab soċjali b'saħħithom u indipendenti u djalogu soċjali effikaċi; jenfasizza l-ħtieġa li, fejn ikun xieraq, is-sħab soċjali jkunu involuti fid-diskussjonijiet dwar riformi nazzjonali possibbli fil-qasam tal-professjonijiet regolati;

64.  Jenfasizza l-importanza li jkun hemm djalogu soċjali dwar l-opportunitajiet u l-bidliet li jġib miegħu suq uniku fir-rigward tal-impjieg;

Suq uniku aktar approfondit

65.  Jistieden lill-Kummissjoni tapprofondixxi l-ħidma tagħha dwar l-infurzar; jirrimarka li ħafna miżuri diġà ġew adottati iżda għadhom ma ġewx infurzati kif suppost, u dan jimmina l-kundizzjonijiet ekwi fis-suq uniku; jirrimarka, barra minn hekk, li skont id-data pprovduta mill-Kummissjoni f'nofs l-2015, madwar 1 090 proċediment ta' ksur kienu pendenti fil-qasam tas-suq uniku; jistieden lill-Kummissjoni, bil-ħsieb li jittejbu t-traspożizzjoni, l-applikazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tas-suq uniku, biex tiżgura li l-koordinazzjoni, il-kooperazzjoni u l-infurzar amministrattivi jkunu prijorità fil-livelli kollha (tal-UE, u bejn l-Istati Membri u l-awtoritajiet nazzjonali, lokali u reġjonali) billi tieħu azzjonijiet ta' infurzar li jkunu mmirati sew abbażi ta' kriterji trasparenti u oġġettivi, u tiżgura li jiġu indirizzati l-aktar każijiet ekonomikament sinifikanti ta' ostakli mhux ġustifikati jew sproporzjonati; jemmen li, fir-rigward tal-miżuri jew l-implimentazzjoni nazzjonali, intervent bikri jista' jkun aktar effikaċi u bih jistgħu jinkisbu riżultati aħjar milli permezz ta' proċeduri ta' ksur; jenfasizza, madankollu, li jekk il-proċedura ta' intervent bikri ma tagħtix riżultati, il-Kummissjoni trid tuża l-miżuri kollha disponibbli, inklużi proċeduri ta' ksur, biex tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni dwar is-suq uniku;

66.  Jilqa' l-intenzjoni fl-istrateġija li tinħoloq kultura ta' konformità u tolleranza żero kontinwata għal ksur tar-regolamenti dwar is-suq uniku; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jeżaminaw jekk is-setgħat tal-Kummissjoni skont il-proċeduri ta' ksur għandhomx jiġu allinjati ma' dawk li għandha fil-politika tal-kompetizzjoni;

67.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tappoġġa lill-Istati Membri fl-iżvilupp ta' kultura b'saħħitha ta' konformità u infurzar, inklużi l-promozzjoni u t-twessigħ tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI), l-iżvilupp ta' pjanijiet ta' implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni ewlenija ġdida, l-organizzazzjoni ta' djalogi ta' konformità mal-Istati Membri u ta' korsijiet ta' taħriġ għall-impjegati pubbliċi nazzjonali inkarigati mill-infurzar, u t-trawwim ta' koordinazzjoni aktar effikaċi bejn ir-regolaturi nazzjonali; jistieden lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ li jimplimentaw u jinfurzaw il-leġiżlazzjoni tal-UE u japplikaw il-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku; jenfasizza li huwa essenzjali li jkun garantit infurzar tajjeb u regolamentazzjoni aħjar, minħabba l-frammentazzjoni tas-suq uniku, li tirrestrinġi l-attività ekonomika u l-għażla tal-konsumatur, u dawn għandhom ikopru lis-setturi kollha tan-negozju u japplikaw kemm għal-leġiżlazzjoni eżistenti kif ukoll għal dik futura;

68.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri janalizzaw ir-restrizzjonijiet bla bżonn fis-suq uniku li mhumiex ġustifikati minn raġunijiet prevalenti relatati mal-interess pubbliku, filwaqt li jippreżentaw ideat dwar kif jistgħu jingħelbu dawn l-isfidi meta jkun meħtieġ u jirrapportaw dwar dan fl-2017;

69.  Jitlob lill-Istati Membri jittrasponu r-regoli tas-suq intern b'mod koerenti u konsistenti u jimplimentaw b'mod sħiħ u koerenti r-regoli u l-leġiżlazzjoni tas-suq intern; jenfasizza l-fatt li r-rekwiżiti għal testijiet u reġistrazzjonijiet addizzjonali, in-nuqqas ta' rikonoxximent ta' ċertifikati u standards, restrizzjonijiet territorjali fuq il-provvista u miżuri simili joħolqu spejjeż żejda għall-konsumaturi u l-bejjiegħa, u b'hekk iċaħħdu liċ-ċittadini Ewropej milli jgawdu l-benefiċċji sħaħ tas-suq uniku; jistieden ukoll lill-Kummissjoni, bil-għan li tiżgura governanza aħjar, biex tħaddem politika adegwata ma' dawk l-Istati Membri li jonqsu milli japplikaw ir-regoli tas-suq intern u, fejn ikun xieraq, tibda proċeduri ta' ksur u tħaffef dawk il-proċeduri bl-użu ta' approċċ rapidu;

70.  Jinnota li applikazzjoni uniformi u konsistenti u infurzar xieraq tar-regoli tal-UE flimkien ma' monitoraġġ regolari u evalwazzjoni fuq il-bażi ta' indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi, valutazzjoni komparattiva u kondiviżjoni tal-aħjar prattiki huma meħtieġa b'mod urġenti biex tinkiseb implimentazzjoni aktar omoġena tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar is-suq uniku; ifakkar, għalhekk, fil-ħtieġa li jiġu trasposti u implimentati bis-sħiħ u bir-reqqa r-regoli Ewropej dwar il-funzjonament tas-suq uniku fl-Istati Membri kollha;

71.  Jitlob lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-isforzi tagħha biex tidentifika l-possibbiltà ta' ksur tad-dritt tal-UE mill-Istati Membri fi stadju bikri ħafna u tieħu pożizzjoni soda kontra kwalunkwe miżura leġiżlattiva, adottata jew pendenti fil-parlamenti nazzjonali, li tista' żżid il-frammentazzjoni tas-suq uniku;

72.  Jenfasizza li l-impenn u r-rieda tal-Istati Membri li jimplimentaw u japplikaw sewwa d-dritt tal-UE huma essenzjali biex is-suq uniku jirnexxi; jistieden lill-Istati Membri jneħħu l-ostakli inġustifikati u sproporzjonati għas-suq uniku u ma jeħdux miżuri protezzjonisti u diskriminatorji biex iħeġġu l-impjiegi, it-tkabbir u l-kompetittività;

73.  Jinnota li l-Istati Membri jiżvolġu rwol kruċjali fil-governanza tajba u l-funzjonament tajjeb tas-suq uniku, u li għalhekk jeħtieġ li flimkien jeżerċitaw sjieda u ġestjoni proattivi tas-suq uniku, filwaqt li jiġġeneraw impetu politiku ġdid permezz ta' rapporti konsolidati dwar l-"istat tas-saħħa" tas-suq uniku, diskussjonijiet regolari u tematiċi fil-laqgħat tal-Kunsill Kompetittività, il-laqgħat dedikati annwali tal-Kunsill Ewropew u l-inklużjoni tas-suq uniku bħala pilastru tal-governanza fis-Semestru Ewropew;

74.  Itenni li l-UE tista' toħloq is-sett proprju ta' indikaturi indipendenti b'bażi xjentifika indipendenti dwar il-livell ta' integrazzjoni tas-suq uniku, li għandu jiġi ppubblikat bħala parti mill-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir u jitlob l-adozzjoni ta' dokument strateġiku mill-presidenti ta' ċerti korpi tal-UE – ir-'Rapport tal-Ħames Presidenti' – sabiex tingħata direzzjoni lit-triq lejn suq uniku ġenwin;

75.  Jenfasizza li l-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur tal-Parlament irid isaħħaħ ir-relazzjonijiet tiegħu mal-parlamenti nazzjonali sabiex jikkoordinaw u jindirizzaw kwistjonijiet b'rabta mat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tar-regoli dwar is-suq uniku;

76.  Jenfasizza li jeħtieġ jiġi msaħħaħ in-netwerk SOLVIT, b'mod partikolari billi tiġi estiża l-interazzjoni bejn in-netwerks SOLVIT, CHAP, EU Pilot u n-Netwerk Enterprise Europe biex jiġi razzjonalizzat il-qafas usa' tal-proċeduri tal-ilmenti tal-UE, u li jkun hemm għarfien aħjar tan-netwerk fost iċ-ċittadini u l-SMEs, u tar-rwol prattiku tiegħu fis-soluzzjoni tal-problemi relatati mal-interpretazzjoni dwar is-suq uniku; iqis li d-data dwar kwistjonijiet imqajma fil-qafas tan-netwerk SOLVIT għandha titqies meta l-Kummissjoni tikkunsidra kif tista' tidentifika l-prijoritajiet għal azzjoni ta' infurzar; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-isforzi tagħha biex tgħin lill-Istati Membri jsolvu l-każijiet l-aktar problematiċi; jistieden lill-Istati Membri jgħammru b'mod xieraq u jippożizzjonaw adegwatament iċ-ċentri nazzjonali SOLVIT tagħhom sabiex ikunu jistgħu jaqdu r-rwol tagħhom;

77.  Jenfasizza li t-trasparenza tar-regoli nazzjonali hija għodda vitali biex ikun possibbli l-kummerċ transkonfinali fis-suq uniku u tgħin biex jiġu identifikati l-ostakli mhux tariffarji; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu r-regoli tagħhom iktar faċilment disponibbli online u b'aktar minn lingwa waħda, fl-interess ta' żieda fil-kummerċ, li tkun ta' benefiċċju għal kulħadd;

78.  Jinnota l-importanza tal-promozzjoni tal-mobbiltà permezz tat-taħriġ, tal-apprendistati, tal-ħiliet u tal-impjegabbiltà permezz ta' programmi bħal Erasmus+ u EURES, li jipprovdu opportunitajiet għal miljuni ta' ħaddiema Ewropej biex jiksbu esperjenza utli;

79.  Jiddispjaċih li l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku mhuwiex applikat sew minn ħafna Stati Membri; jistenna b'interess il-proposta tal-Kummissjoni minn dan il-lat, bħala parti mit-tisħiħ tas-suq uniku fil-prodotti, peress li ttejjeb ir-rikonoxximent reċiproku permezz ta' azzjoni biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni, kif ukoll tiżgura l-applikazzjoni u l-infurzar aħjar tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku permezz tar-reviżjoni tar-Regolament dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku, bil-għan li, fost affarijiet oħra, jittejbu l-istrumenti ta' soluzzjoni tat-tilwim b'konnessjoni mal-implimentazzjoni jew l-applikazzjoni inadegwata tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku; jenfasizza li, jekk il-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku jkun applikat sew mill-awtoritajiet kompetenti madwar l-UE, in-negozji jkunu jistgħu jiffokaw strettament fuq in-negozju u jagħtu spinta lit-tkabbir tal-UE pjuttost milli jagħmlu ħilithom biex jegħlbu d-diversi ostakli imposti minħabba li Stati Membri ma jirrispettawx ir-rikonoxximent reċiproku;

80.  Iqis ukoll li l-Kummisjoni għandha tkun aktar proattiva fl-identifikazzjoni ta' setturi b'potenzjal għoli għall-kummerċ transkonfinali u d-diġitalizzazzjoni u li fihom jista' japplika l-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku;

81.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkjarifika kif se jaħdmu l-għodod proposti ta' informazzjoni tas-suq u l-bażi ġuridika għal dawn l-għodod;

82.  Itenni l-appell tiegħu għall-adozzjoni rapida, mill-Kunsill, ta' Pakkett dwar is-Sigurtà tal-Prodotti u l-Pakkett dwar is-Sorveljanza tas-Suq u jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi ruħha bis-sħiħ fir-rwol tagħha bħala faċilitatur biex tinstab soluzzjoni f'dan ir-rigward; jenfasizza l-importanza li tingħata informazzjoni rilevanti dwar prodotti għall-konsumatur, b'mod partikolari l-indikazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini, li hija kruċjali biex jiġu protetti l-konsumaturi u biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni;

83.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħarrxu l-penali għall-falsifikazzjoni u jiżguraw li l-leġiżlazzjoni tal-UE f'dan il-qasam tiġi infurzata bis-sħiħ;

84.  Jenfasizza li d-differenzi regolatorji bejn l-Istati Membri differenti fir-rigward tar-rekwiżiti tat-tikkettar jew ta' kwalità joħolqu ostakli bla bżonn għall-attivitajiet ta' fornituri ta' merkanzija u għall-ħarsien tal-konsumatur; jenfasizza l-valur miżjud tal-ekotikkettar; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta liema tikketti huma essenzjali u liema mhumiex essenzjali biex jiżguraw l-informazzjoni lill-konsumaturi u tikkunsidra li tintroduċi skema obbligatorja għall-forniment ta' informazzjoni importanti għal prodotti magħmulin bl-idejn u industrijali, kif ġie kkunsidrat, pereżempju, fis-settur tal-għamara fil-livell tal-UE sabiex il-konsumaturi jingħataw informazzjoni rilevanti u tiġi żgurata kwalità tal-prodott ugwali fl-Istati Membri differenti; iqis li inizjattiva bħal din tkun ta' benefiċċju għall-konsumaturi, l-industriji u l-operaturi tal-kummerċ, filwaqt li jkunu żgurati t-trasparenza, l-għarfien adegwat ta' prodotti Ewropej u regoli armonizzati għall-operaturi fis-suq uniku;

85.  Jenfasizza, fir-rigward tas-suq uniku tas-servizzi, li hemm ħtieġa ċara li jitjieb l-għoti ta' servizzi transkonfinali, filwaqt li wieħed joqgħod attent li ma jħeġġiġx id-dumping soċjali; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw applikazzjoni aktar effikaċi u xierqa tad-Direttiva dwar is-Servizzi, filwaqt li jiġu evitati prattiki ta' regolamentazzjoni żejda; jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni li ttejjeb in-notifika skont id-Direttiva dwar is-Servizzi, peress li l-proċedura attwali hija ineffiċjenti u mhijiex trasparenti; jemmen li n-notifika għandha ssir aktar kmieni fil-proċess leġiżlattiv biex ikun jista' jingħata feedback f'waqtu mill-partijiet ikkonċernati u mill-Istati Membri u biex jitnaqqas id-dewmien fl-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni ġdida; jaqbel li l-proċedura tan-notifika prevista fid-Direttiva (UE) 2015/1535 tiġi estiża għas-setturi kollha mhux koperti minn dik id-Direttiva; jirrifjuta kull suġġeriment li l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi għandu jiġi estiż; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-piżijiet għas-settur bankarju frammentat fl-Ewropa li joħolqu diffikultajiet għall-persuni mhux residenti, speċjalment l-SMEs, biex jiftħu kont bankarju fi Stat Membru ieħor;

86.  Jitlob lill-Kummissjoni taħdem sabiex il-proċedura għall-għoti ta' servizzi transkonfinali tieħu forma simplifikata u standardizzata sabiex b'hekk l-SMEs jiġu integrati b'mod iktar effikaċi fis-suq intern;

87.  Jirrimarka li r-rekwiżiti għal regolamentazzjoni proporzjonata huma stabbiliti b'mod ċar fl-Artikolu 16, paragrafu 1, tad-Direttiva dwar is-Servizzi u fil-ġurisprudenza tal-QtĠ-UE; ifakkar li l-fatt li Stat Membru wieħed jimponi regoli anqas stretti minn ieħor ma jfissirx li r-regoli ta' dan tal-aħħar huma sproporzjonati u għaldaqstant inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni Ewropea; itenni li r-regoli li jipperikolaw, jostakolaw jew jagħmlu anqas attraenti s-servizzi transkonfinali huma kompatibbli mar-rekwiżiti tas-suq intern biss jekk iservu raġunijiet prevalenti ta' interess pubbliku, u huma verament adatti għal dan l-għan u ma jaffettwawx b'mod ħażin il-libertà li jiġu pprovduti servizzi iżjed milli huwa meħtieġ biex titħares il-kwistjoni tal-interess pubbliku li qed jippruvaw jaqdu;

88.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata valutazzjoni konsistenti tal-proporzjonalità tar-rekwiżiti regolatorji u r-restrizzjonijiet applikabbli għas-servizzi; jinnota l-proposta tal-Kummissjoni li tintroduċi passaport tas-servizzi biex jiffaċilita, f'setturi ekonomiċi essenzjali għas-servizzi kummerċjali, l-iżvilupp u l-mobbiltà ta' kumpaniji madwar is-suq uniku; iqis li din l-inizjattiva għandu jkollha l-għan li tissimplifika l-proċeduri amministrattivi għall-fornituri tas-servizzi li jixtiequ joperaw b'mod transkonfinali u għall-awtoritajiet, u li tindirizza ostakli ta' natura regolatorja li jiskoraġġixxu lil dawn il-kumpaniji milli jidħlu f'suq fi Stat Membru ieħor; jitlob li l-passaport tas-servizzi prospettiv jieħu postu fost is-sensiela ta' għodod orizzontali bil-għan li jappoġġaw il-leġiżlazzjoni tas-suq intern, bħas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI) jew il-Punti Uniċi ta' Kuntatt, li kienu previsti mid-Direttiva dwar is-Servizzi bħala punt amministrattiv uniku ta' interazzjoni li jittratta l-proċeduri amministrattivi kollha meħtieġa li jikkonċernaw l-attivitajiet ta' servizzi transkonfinali; jenfasizza li l-introduzzjoni ta' passaport tas-servizzi ma tridx twassal għal sitwazzjoni li fiha l-ġurisprudenza żviluppata mill-QtĠ-UE għal raġunijiet prevalenti ta' interess pubbliku li jistgħu jilleġittimaw regoli li jirrestrinġu l-moviment transkonfinali ta' servizzi tiddgħajjef jew titħassar; jenfasizza, madankollu, li passaport tas-servizzi jista' jkun superfluwu jekk id-Direttiva dwar is-Servizzi tiġi implimentata u infurzata b'mod xieraq; jenfasizza li din m'għandhiex tkun akkumpanjata mill-introduzzjoni tal-prinċipju tal-pajjiż ta' oriġini;

89.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-enfasi qawwija fuq ir-rwol tas-servizzi fis-suq uniku u l-iżgurar li l-professjonisti u l-kumpaniji tas-servizzi, speċjalment il-bejjiegħa bl-imnut, ma jkunux limitati għas-swieq nazzjonali tagħhom; jenfasizza li t-tkabbir ulterjuri tal-iskemi tal-passaporti professjonali u tas-servizzi jkun fundamentali biex tiġi evitata l-burokrazija mhux meħtieġa bejn l-Istati Membri li jżomm lura liċ-ċittadini tagħna milli jaħdmu u jagħmlu n-negozju bejn il-fruntieri;

90.  Itenni l-importanza li jitneħħew l-ostakli (inklużi l-ostakli lingwistiċi u amministrattivi u dawk relatati ma' nuqqas ta' informazzjoni) li jirrestrinġu l-potenzjal tan-negozju tal-kummerċ transkonfinali online u jdgħajfu l-fiduċja tal-konsumaturi fis-suq uniku; jenfasizza l-importanza li jkunu eliminati r-restrizzjonijiet operattivi fuq l-eżerċizzju tal-attività bl-imnut bħar-regolamentazzjoni tal-ħinijiet tal-ftuħ tal-ħwienet, taxxi speċifiċi u selettivi fuq il-kummerċ bl-imnut u t-talba sproporzjonata għal informazzjoni mill-kumpaniji;

91.  Jirrikonoxxi l-kompetenza tal-awtoritajiet lokali fir-rigward tal-ippjanar urban; jenfasizza, madankollu, li l-ippjanar urban m'għandux jintuża bħala pretest biex jiġi evitat id-dritt għall-istabbiliment liberu; ifakkar, f'dan il-kuntest, l-importanza tal-infurzar xieraq tad-Direttiva dwar is-Servizzi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jneħħu l-ostakli għall-moviment ħieles u jiftħu s-swieq tagħhom, sabiex jistimulaw il-kompetittività u jippromwovu d-diversità fost il-ħwienet, li hija essenzjali jekk iż-żoni kummerċjali – b'mod partikolari fiċ-ċentri tal-irħula u l-ibliet – iridu jibqgħu attraenti;

92.  Jenfasizza li s-settur tal-bejgħ bl-imnut u bl-ingrossa huwa l-akbar settur kummerċjali fl-Ewropa; iqis li t-tnaqqis ta' ostakli regolatorji, amministrattivi u prattiċi mhux meħtieġa għan-negozji bl-imnut huwa prijorità;

93.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu l-ogħla prominenza politika lis-settur tal-konsumaturi bħala pilastru tas-suq uniku, inkluż is-suq uniku diġitali, u jneħħu l-ostakli regolatorji, amministrattivi u prattiċi li jfixklu l-bidu ta' negozji, l-iżvilupp u l-kontinwità, u jagħmluha diffiċli li l-bejjiegħa jibbenefikaw bis-sħiħ mis-suq intern; iqis li l-leġiżlazzjoni dwar is-suq tal-konsumatur għandha tkun ibbażata fuq l-evidenza, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet tas-settur;

94.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri janalizzaw ir-restrizzjonijiet bla bżonn għall-istabbiliment ta' negozji fis-suq uniku li mhumiex ġustifikati minn raġunijiet prevalenti relatati mal-interess pubbliku, filwaqt li tressaq proposti biex jingħelbu dawn l-isfidi meta jkun meħtieġ, u jirrapportaw dwar dan fir-Rebbiegħa tal-2017;

95.  Huwa tal-fehma, fir-rigward tas-settur tas-servizzi professjonali, li approċċi differenti għar-regolamentazzjoni ma jikkostitwux per se ostaklu għall-approfondiment tas-suq intern; jenfasizza li r-regoli dwar l-aċċess għall-professjonijiet, u l-eżerċizzju tagħhom, jistgħu jkunu meħtieġa għall-protezzjoni tal-interess pubbliku u l-ħarsien tal-konsumatur u li l-evalwazzjoni tagħhom tagħmel sens biss fil-kuntest nazzjonali;

96.  Jaqbel mal-Kummissjoni li ħafna mir-regolamenti tal-Istati Membri dwar l-aċċess għall-professjonijiet regolati, u l-eżerċizzju tagħhom, huma sproporzjonati għar-rekwiżiti u joħolqu ostakli li jirrestrinġu l-aċċess għal dawk il-professjonijiet;

97.  Iqis li l-forniment transkonfinali ta' servizzi fuq bażi temporanja, inklużi s-servizzi professjonali, għandu jitqies bħala element essenzjali għas-suq intern peress li joħolqu l-impjiegi u jipprovdu prodotti u servizzi ta' kwalità għolja għaċ-ċittadini tal-UE; jikkunsidra, għalhekk, li l-gwida perjodika hija strument utli għall-Istati Membri, meta jitqiesu d-diversi kuntesti ekonomiċi, ġeografiċi u soċjali tal-Istati Membri;

98.  Jilqa' l-enfasi mġedda, skont l-Istrateġija għas-Suq Uniku riċenti, fuq il-professjonijiet regolati u liberi fl-Ewropa, li jirrappreżentaw fattur importanti għat-tkabbir u l-impjiegi fis-suq uniku; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri speċifiċi biex timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma tal-Kummissjoni dwar '"Linji ta' Azzjoni għat-Tisħiħ tan-Negozju tal-Professjonijiet Liberi";

99.  Jilqa' l-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni biex tindirizza l-ostakli regolatorji li jillimitaw l-aċċess għal ċerti professjonijiet bħala pass importanti fil-ftuħ tas-suq uniku u t-trawwim tat-tkabbir tal-impjiegi;

100.  Jappoġġa l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tirrieżamina l-professjonijiet regolati, iżda jirrimarka li kwalunkwe eżerċizzju bħal dan għandu jżomm standards għoljin ta' kwalità għall-impjiegi u s-servizzi, kwalifiki sodi u s-sikurezza tal-konsumaturi;

101.  Jemmen li mingħajr servizzi professjonali u kummerċjali kompetittivi madwar l-UE, in-negozji jistgħu jsibuha diffiċli biex jibqgħu kompetittivi u jżommu u joħolqu impjiegi ġodda;

102.  Jenfasizza l-fatt li s-servizzi ta' konsenja ineffiċjenti, speċjalment f'dak li jirrigwarda l-konsenja finali lid-destinatarju, tikkostitwixxi ostaklu kbir għall-bejgħ transkonfinali fl-UE; jenfasizza li servizzi ta' konsenja aċċessibbli, affordabbli, effiċjenti u ta' kwalità għolja huma prerekwiżit essenzjali għal suq uniku li jirnexxi; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta pjan ta' azzjoni komprensiv għall-konsenja tal-pakketti u tiddefinixxi l-għanijiet li għandhom jintlaħqu f'dan is-suq sa tmiem l-2020; jistieden lill-Kummissjoni tqiegħed aktar enfasi fuq it-tneħħija tal-ostakli jiltaqgħu magħhom l-operaturi fil-konsenja transkonfinali;

103.  Jitlob lill-Kummissjoni taħdem mal-Istati Membri biex il-proċeduri għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali jitħaffu u jiġu ssimplifikati, inkluż permezz tal-faċilitazzjoni u l-inkoraġġiment tal-introduzzjoni ta' Oqfsa ta' Taħriġ Komuni, filwaqt li jiġi rrispettat bis-sħiħ il-prinċipju ta' sussidjarjetà; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu spinta lit-taħriġ u l-edukazzjoni fl-ICT u fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika sabiex il-forza tax-xogħol attwali u dik futura jkunu mgħammra bil-ħiliet elettroniċi rilevanti;

104.  Jilqa' l-fatt li l-istrateġija tirreferi għal-livell għoli ta' qgħad fl-UE kollha, iżda jiddispjaċih li ma tippreżentax passi u miżuri speċifiċi li jistgħu jgħinu lin-nies isibu impjieg, bħalma huma t-titjib tal-istandards tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-ilħuq tal-miri tat-tagħlim tul il-ħajja, u l-indirizzar tan-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet u l-kwalifiki tal-ħaddiema u l-professjonisti; iqis li huwa ovvju li s-suq uniku qed jinbidel b'rata mgħaġġla b'riżultat tad-diġitalizzazzjoni tal-industriji differenti u li l-impjiegi ġodda se jirrikjedu sett differenti ta' ħiliet u kwalifiki;

105.  Jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni ma adottat l-ebda miżura speċifika l-Istrateġija għas-Suq Uniku biex tindirizza l-ħtiġijiet tal-poplu u l-konsumaturi b'diżabilità, l-anzjani u l-persuni li jgħixu f'żoni rurali u remoti;

106.  Iqis il-prinċipju tal-paga ugwali għal xogħol ugwali fl-istess post, kif rakkomandat mill-President tal-Kummissjoni Juncker, bħala għodda importanti li biha jiġu miġġielda d-distorsjonijiet tas-suq;

Suq uniku aktar ġust

107.  Jenfasizza li suq uniku ġenwin għandu jipprovdi benefiċċji u protezzjoni għaċ-ċittadini, il-konsumaturi u n-negozji f'termini ta' kwalità aħjar, varjetà akbar, prezzijiet raġonevoli u sikurezza tal-oġġetti u s-servizzi; jenfasizza li d-diskriminazzjoni inġustifikata kontra l-konsumaturi u l-intraprendituri abbażi tan-nazzjonalità jew il-post ta' residenza li ma tkun ibbażata fuq ebda kriterju oġġettiv u verifikabbli, f'ambjenti kemm online kif ukoll offline, ma tistax tiġi aċċettata fi ħdan is-suq uniku; iqis, madankollu, li obbligu biex il-kumpaniji jbigħu lill-UE kollha mhuwiex fattibbli;

108.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli bil-proposta leġiżlattiva biex tindirizza l-imblukkar ġeografiku inġustifikat u forom oħra ta' diskriminazzjoni mhux ġustifikati mill-operaturi tas-suq; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi kriterji effikaċi għall-valutazzjoni tan-natura mhux ġustifikata tal-imblukkar ġeografiku; jenfasizza li kwalunkwe proposta bħal din trid tirrispetta l-prinċipju bażiku tal-libertà tal-kummerċ; jenfasizza wkoll li l-proposta tal-Kummissjoni għandha tqis il-prinċipju tal-proporzjonalità, b'mod partikolari għan-negozji żgħar u mikro; jinnota li l-operaturi tas-suq xi drabi jeħtieġu jeżerċitaw l-għażla fis-suq sabiex jiffunzjonaw fil-kundizzjonijiet tas-suq stabbiliti;

109.  Jaqbel li meta jixtru prodotti u servizzi fis-suq uniku, il-konsumaturi jeħtieġu informazzjoni trasparenti u sett ta' drittijiet solidi u moderni biex jipproteġu l-interessi tagħhom; huwa tal-fehma li kwalunkwe rieżami, fużjoni jew konsolidament tad-direttivi dwar id-dritt tal-konsumatur għandhom jipprevedu livell verament għoli ta' ħarsien tal-konsumatur u drittijiet infurzabbli, filwaqt li jirrikonoxxu l-aqwa prattiki eżistenti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali;

110.  Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-inċertezzi ġuridiċi attwali li qed jaffettwaw lill-konsumaturi u, jekk ikun meħtieġ, tirriżolvihom permezz ta' kjarifika u żidiet għall-qafas ġuridiku tad-drittijiet tal-konsumatur; itenni l-impenn tiegħu favur il-prinċipju ta' armonizzazzjoni flessibbli għal kwalunkwe leġiżlazzjoni proposta tal-UE dwar il-konsumaturi u li l-armonizzazzjoni sħiħa għandha tapplika biss meta tistabbilixxi livell għoli ħafna ta' ħarsien tal-konsumatur u tipprovdi benefiċċji ċari għall-konsumaturi;

111.  Jenfasizza li l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali jirrappreżentaw diversità ta' mudelli ta' negozju, li huwa kruċjali għal suq uniku kompetittiv ferm u aktar ġust; jistieden lill-Kummissjoni tintegra l-ekonomija soċjali fil-politiki tas-suq uniku tagħha u tiżviluppa Pjan ta' Azzjoni Ewropew għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal kollu għal tkabbir sostenibbli u inklużiv;

Konklużjonijiet

112.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq il-proposti u l-inizjattivi leġiżlattivi ppjanati quddiem il-leġiżlaturi mingħajr telf ta' żmien – waqt li tqis il-proposti msemmija hawn fuq – wara konsultazzjonijiet xierqa mal-partijiet ikkonċernati u valutazzjoni tal-impatt, biex jiġi żgurat li dawn ikunu jistgħu jiġu adottati f'waqthom;

o
o   o

113.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Kunsill Ewropew, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64.
(2) Testi adottati, P8_TA(2015)0069.
(3) Testi adottati, P7_TA(2013)0580.
(4) Testi adottati, P8_TA(2016)0009.
(5) Testi adottati, P7_TA(2014)0012.

Avviż legali