Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2034(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0339/2016

Testi mressqa :

A8-0339/2016

Dibattiti :

PV 13/12/2016 - 17
CRE 13/12/2016 - 17

Votazzjonijiet :

PV 14/12/2016 - 9.17
CRE 14/12/2016 - 9.17
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0504

Testi adottati
PDF 387kWORD 58k
L-Erbgħa, 14 ta' Diċembru 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
Għodod tal-PAK biex titnaqqas il-volatilità tal-prezzijiet fis-swieq agrikoli
P8_TA(2016)0504A8-0339/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar l-għodod tal-PAK biex titnaqqas il-volatilità tal-prezzijiet fis-swieq agrikoli (2016/2034(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013, (UE) Nru 1306/2013, (UE) Nru 1307/2013 u (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxu l-politika agrikola komuni tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-istudju ta' Marzu 2016 imħejji għall-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali tal-Parlament Ewropew bit-titolu “State of Play of Risk Management Tools Implemented by Member States during the period 2014-2020: National and European Frameworks” (Sitwazzjoni attwali dwar l-għodod għall-ġestjoni ta' riskji implimentati mill-Istati Membri għall-perjodu 2014-2020: Oqfsa nazzjonali u Ewropej),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0339/2016),

A.  billi l-instabilità u l-volatilità tal-prezzijiet minn dejjem ikkaratterizzaw is-swieq agrikoli, u f'dawn l-aħħar ftit snin, dovut għal għadd ta' xokkijiet tad-domanda, offerta u prezzijiet b'suċċessjoni rapida, saru fattur strutturali tal-agrikoltura kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f'dak dinji;

B.  billi l-agrikoltura trid tilqa' l-isfida ewlenija tat-tkabbir fil-popolazzjoni dinjija, filwaqt li parti kbira tal-popolazzjoni dinjija għadha nieqsa mill-ikel, u billi l-volatilità tas-swieq agrikoli b'rabta ma' varjazzjonijiet fil-produzzjoni u żbilanċi bejn il-provvista u d-domanda ser ikomplu jikbru;

C.  billi t-tibdil fil-klima u pesti agrikoli jaffettwaw b'mod negattiv il-livelli ta' produzzjoni agrikola, u l-manifestazzjonijiet ta' tibdil fil-klima bħal nixfiet u għargħar jikkontribwixxu għall-volatilità tal-prezzijiet;

D.  billi l-kundizzjonijiet makroekonomiċi jista' jkollhom rwol ewlieni fil-volatilità tal-prezzijiet, inklużi l-fatturi strutturali bħal rati tal-kambju, prezzijiet tal-enerġija u fertilizzanti, rati tal-imgħax u spekulazzjoni fis-swieq agrikoli;

E.  billi barra l-UE l-atturi ewlenin fis-swieq agrikoli qed jintroduċu politiki li għandhom l-għan li jrażżnu l-volatilità, u billi l-G20 dwar l-agrikoltura impenjat ruħha wkoll li tindirizza din il-kwistjoni, fil-kuntest tal-iżvilupp sostenibbli, billi tittieħed azzjoni biex jiġi miġġieled l-impatt negattiv fuq is-sigurtà tal-ikel tal-volatilità eċċessiva tal-prezzijiet ta' materja prima agrikola;

F.  billi kull reġjun fid-dinja għandu l-mudelli ta' produzzjoni tiegħu, kif ukoll miżuri differenti stabbiliti fir-rigward tal-ambjent u l-benessri tal-annimali, li jista’ jkollhom implikazzjonijiet serji għall-ispejjeż u l-prezzijiet tal-produzzjoni, u billi l-bdiewa Ewropej għandhom ikunu jistgħu jikkompetu fis-suq dinji;

G.  billi l-volatilità tal-prezzijiet tal-prodotti agrikoli tista' tissaħħaħ permezz ta' għażliet politiċi, bħall-impożizzjoni ta' embargoes kummerċjali;

H.  billi l-Unjoni Ewropea bħalissa m'għandhiex sistema ta' sikurezza ġenwina biex trażżan il-volatilità tas-suq, li sservi ta' diżinċentiv qawwi biex il-bdiewa jkomplu jaħdmu fit-territorju tal-UE;

I.  billi f'dawn l-aħħar għexieren ta' snin, il-ftuħ tas-suq u l-għażliet li jwasslu għal globalizzazzjoni ekonomika, speċjalment taħt l-impuls tal-ftehimiet tad-WTO u ta' ftehimiet bilaterali dwar il-kummerċ, ippermettew fluwidità akbar fis-suq iżda kellhom ukoll rwol fiż-żieda tal-fenomenu tal-volatilità tal-prezzijiet fl-agrikoltura;

J.  billi l-bdiewa qed iġarrbu spejjeż ta' produzzjoni dejjem ogħla u żieda fid-dejn tal-azjendi agrikoli, u billi 2,4 miljun razzett fl-UE għalqu bejn l-2005 u l-2010, li wassal għal telf ta' għadd kbir ta' impjiegi f'żoni rurali;

K.  billi s-swieq agrikoli, bħala l-punt ta' lqugħ bejn il-provvista u d-domanda, huma intrinsikament instabbli, u billi l-preżenza ta' atturi finanzjarji għandha t-tendenza li ssaħħaħ din l-instabilità, u l-elastiċità limitata tad-domanda globali għall-ikel u l-provvista tal-prodotti agrikoli jikkontribwixxu għal żieda fl-effett ta' żbilanċi reali jew ipperċepiti fuq il-parteċipanti fis-suq, b'impatt xi kultant xokkanti fuq il-prezzijiet tal-prodotti agrikoli;

L.  billi l-finanzjalizzazzjoni tal-ekonomija dinjija u l-ispekulazzjoni li takkumpanjaha jista' jkollhom impatt fuq is-swieq agrikoli u jistgħu jikkontribwixxu biex iżidu l-iżbilanċ tagħhom u l-volatilità tal-prezzijiet, b'materja prima agrikola li qed tintuża biss bħala assi finanzjarji; kif ġie enfasizzat mill-irvellijiet tal-ġuħ terribbli fl-2008, dan il-finanzjalizzazzjoni eċċessiva tista' tkun devastanti u etikament kundannabbli jekk thedded is-sigurtà tal-ikel tal-ifqar nies u dawk mingħajr ikel fid-dinja;

M.  billi l-Unjoni Ewropea għandha r-responsabilità li tikkontribwixxi għas-sigurtà tal-ikel fl-Ewropa u l-pożizzjoni kompetittiva tal-bdiewa tal-Ewropej u l-ortikulturi tas-suq fis-suq dinji;

N.  billi s-settur tal-agrikoltura u dak agroalimentari huma importanti għall-ekonomija tal-UE u għandhom il-potenzjal li jikkontribwixxu għat-tkabbir sostenibbli;

O.  billi l-volatilità tal-prezzijiet toħloq livell għoli ta' inċertezza fost il-produtturi u l-konsumaturi, b'tal-ewwel jaraw id-dħul tagħhom u l-kapaċità li jinvestu, u għalhekk il-vijabilità fit-tul tal-attivitajiet tagħhom, mhedda meta l-prezzijiet ikunu baxxi, filwaqt li l-kapaċità tal-konsumaturi li jitimgħu lilhom infushom u li jkollhom aċċess għal oġġetti bażiċi tista' tiġi kompromessa miż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel, u b'hekk jingħata lok għal sitwazzjonijiet ta' kriżi;

P.  billi l-volatilità tal-prezzijiet hija ta' ħsara għas-setturi tal-biedja u agroalimentari, li huma ta' detriment għall-investiment, it-tkabbir u l-impjiegi u li jista' wkoll jaffettwa serjament il-provvista tal-konsumatur, is-sigurtà tal-ikel u l-operat bla xkiel tal-PAK;

Q.  billi l-volatilità tal-prezzijiet jolqot il-kapaċità tal-bdiewa li jinvestu u joħolqu l-impjiegi, li jiskoraġġixxi l-modernizzazzjoni, l-innovazzjoni, lill-bdiewa żgħażagħ u t-tiġdid ġenerazzjonali;

R.  billi l-biedja sostenibbli bħala sors ta' ikel ta' kwalità għolja tista' tiġi żgurata biss jekk il-bdiewa jirċievu prezz mal-ħruġ mill-azjenda agrikola li jkopri l-ispejjeż kollha ta' produzzjoni sostenibbli;

S.  billi fil-kuntest tar-‘rivoluzzjoni diġitali’, aktar trasparenza fis-swieq Ewropej u aċċess f'waqtu għal informazzjoni jistgħu jikkontribwixxu, fost għodda oħrajn, biex jillimitaw il-volatilità tas-swieq u tal-prezzijiet permezz ta' aċċess imtejjeb u aktar oġġettiv għal operaturi ekonomiċi għall-iżvilupp tas-swieq agrikoli, billi jgħinu biex tingħata protezzjoni aħjar għad-dħul tal-bdiewa u għall-ġlieda kontra l-ispekulazzjoni fis-swieq agrikoli;

T.  billi tal-PAK kif riformata fl-2013 tinkludi għodda għall-ġestjoni tar-riskju fi ħdan il-qafas tal-politika għall-iżvilupp rurali, u billi 2 % biss tal-baġit tat-tieni pilastru u 0,4 % tal-baġit tal-PAK bħalissa jintefqu fuq din l-għodda;

Is-sitwazzjoni attwali u l-objettivi

1.  Iqis li l-bdiewa se jkunu dejjem aktar esposti għall-volatilità tal-prezzijiet, li tirriżulta minn diversi raġunijiet bħall-instabilità u imperfezzjonijiet tas-swieq agrikoli, il-globalizzazzjoni u s-sofistikazzjoni tas-swieq agrikoli, il-varjabilità ikbar tal-provvista minħabba l-instabilità klimatika, żieda fir-riskji tas-saħħa u l-ekwilibriju inċert fil-provvista tal-ikel;

2.  Iqis li huwa meħtieġ li tiġi adottata politika aktar inċiżiva u koerenti, bi strumenti mmirati fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, sabiex tiġi żgurata produzzjoni agrikola multifunzjonali u sostenibbli fl-Unjoni kollha, flimkien ma' prezzijiet ġusti u remunerattivi, billi jitnaqqsu l-effetti negattivi għal dawk l-operaturi li l-aktar li huma esposti għall-volatilità tal-prezzijiet b'mod partikolari;

3.  Jinnota li s-setturi agrikoli varji għandhom livelli differenti ta' esponiment għall-volatilità tal-prezzijiet u li l-kalibrazzjoni ta' għodod ta' politika pubblika jew strateġiji ta' mitigazzjoni tal-atturi involuti jridu jiġu adattati għal kull settur u għal riskji reali, attwali u futuri li jiffaċċjaw il-bdiewa;

4.  Jinnota li, filwaqt li l-Unjoni Ewropea qed tnaqqas l-appoġġ strateġiku tagħha għall-agrikoltura, il-kompetituri tagħha fis-suq dinji, b'mod partikolari l-Istati Uniti, il-Brażil u ċ-Ċina, jagħmlu disponibbli żieda konsiderevoli ħafna, u li kull ma jmur qed tikber, ta' somom ta' flus pubbliċi għall-iżvilupp ta' mudelli ġodda ta' politika b'rabta mar-riskju, u jipprovdu strumenti li jipproteġu lill-bdiewa mill-effetti tal-volatilità tal-prezzijiet;

5.  Jinnota li l-Unjoni Ewropea hija l-unika attur agrikou li jibbaża l-politika agrikola tiegħu fuq appoġġ diżakkoppjat mill-produzzjoni, filwaqt li fl-istess ħin neħħiet l-appoġġi strateġiċi tagħha għall-agrikoltura matul is-snin;

6.  Jinnota li fil-Farm Bill tagħhom għall-2014, l-Istati Uniti żviluppaw politiki speċifiċi ta' assigurazzjoni għal setturi agrikoli differenti;

7.  Jinnota li l-PAK evolviet b'mod konsistenti matul l-aħħar deċennji, filwaqt li jibqgħu validi l-objettivi ewlenin tagħha li jiġi żgurat livell ta' għajxien deċenti għall-bdiewa u li jkun hemm provvista stabbli u sikura ta' ikel bi prezzijiet raġonevoli għall-konsumaturi;

8.  Jenfasizza f'dan ir-rigward il-fatt li politika Ewropea komuni hija vitali għal settur li huwa responsabbli biex jiżgura s-sigurtà u s-sikurezza tal-ikel u li għandha rwol ewlieni fl-użu ta' riżorsi naturali u l-iżvilupp ekonomiku u ambjentali sostenibbli ta' żoni rurali;

9.  Jenfasizza l-importanza li jintużaw sinerġiji bejn il-PAK u politiki oħra tal-UE;

10.  Jinnota li l-aħħar riformi tal-PAK diżakkoppjaw kważi kompletament l-għajnuna diretta mill-produzzjoni, komplew il-proċess ta' konverġenza għal pagamenti diretti u adottaw problemi soċjali u, b'mod partikolari, ambjentali b'mod aktar wiesa';

11.  Jinnota bi tħassib it-tnaqqis tar-riżorsi tal-PAK matul is-snin, b'mod partikolari dawk iddedikati għal miżuri ta' organizzazzjoni komuni tas-suq (OKS), il-ftuħ tal-prospett ta' rinazzjonalizzazzjoni tal-PAK, u l-imminar ta' kundizzjonijiet ġusti u ekwi fis-suq uniku tal-UE;

12.  Jenfasizza li d-dħul annwali medju tal-bdiewa tal-UE staġna jew saħansitra naqas matul l-aħħar 10 snin, filwaqt li l-ispejjeż tal-produzzjoni żdiedu b'mod kontinwu, li rriżulta fi tnaqqis sostanzjali fl-għadd ta' azjendi agrikoli, bit-theddida ta' ħafna telf ta' impjiegi f'żoni rurali;

13.  Iqis li l-Kummissjoni għandha tuża l-marġini ta' manuvra finanzjarja kollha għad-dispożizzjoni tagħha fl-OKS unika;

14.  Jiddispjaċih dwar ir-rata baxxa ta' implimentazzjoni tal-għodod tal-OKS unika biex jitnaqqas l-impatt negattiv tal-volatilità tal-prezzijiet u jingħeleb it-tfixkil tas-suq;

15.  Jirrimarka li l-biċċa l-kbira tal-istrumenti għall-ġestjoni tar-riskju, il-fondi mutwi, l-għodod ta' stabbilizzazzjoni tad-dħul u ta' assigurazzjoni mogħtija taħt il-programmi tal-iżvilupp rurali qed jiġu implimentati b'mod mhux uniformi u b'baġit limitat ta' finanzjament;

16.  Jirrakkomanda, għalhekk, li l-miżuri tat-tieni pilastru attwali jkunu msaħħa sabiex tissaħħaħ il-kompetittività tal-agrikoltura Ewropea u biex l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jiġu involuti mill-qrib fil-proċess ta' implimentazzjoni;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq analiżi dettaljata tar-raġunijiet ta' assorbiment dgħajfa tal-għodod disponibbli taħt it-tieni pilastru tal-PAK u tal-implimentazzjoni mhux ottimali tal-OKS unika, bl-għan li tirrevedi d-dispożizzjonijiet rilevanti b'mod xieraq;

18.  Jenfasizza l-importanza li jinżammu l-għajnuniet diretti diżakkoppjati skont il-PAK attwali kif ukoll l-iskema ta' pagament uniku skont l-erja, li tikkostitwixxi kumpens għas-servizzi pubbliċi u komponent vitali biex jiġi żgurat id-dħul tal-bdiewa kif ukoll biex jingħatalhom grad ta' stabilità finanzjarja;

19.  Jenfasizza, madankollu, li l-PAK attwali, li hija nieqsa minn għodod effettivi, responsivi, għadha ma tindirizzax adegwatament il-volatilità akbar li dehret fis-swieq agrikoli u lanqas ma ppermettiet lill-bdiewa jwieġbu għas-sinjali tas-suq jew jiżviluppaw soluzzjonijiet biex ilaħħqu ma' tibdil fil-prezzijiet;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni urġenti biex tappoġġa s-settur agrikolu tar-reġjuni ultraperiferiċi, ir-reġjuni muntanjużi u reġjuni żvantaġġati, fejn l-ispejjeż ta' produzzjoni, ħsad u tqegħid fis-suq tal-prodotti barra ż-żoni fejn ikunu ġew prodotti huma ħafna ogħla minn dawk f'oqsma oħra, u tipprovdi indikaturi speċifiċi għall-attivazzjoni ta' miżuri li jservu ta' xibka ta' sigurtà għal swieq agrikoli f'dawn ir-reġjuni;

21.  Iqis li l-awtonomija u s-sigurtà tal-ikel tal-UE, kif ukoll l-iżvilupp ta' settur tal-biedja kompetittiv u sostenibbli madwar l-Unjoni li jissodisfa l-ħtiġijiet taċ-ċittadini, għandhom jibqgħu objettivi strateġiċi għall-futur tal-PAK, filwaqt li jiġi garantit standard ta' għajxien ġust għall-bdiewa bħala kwistjoni ta' urġenza;

22.  Iqis li produzzjoni vijabbli tal-ikel ma tistax teżisti mingħajr il-bdiewa Ewropej, li huma kontinwament esposti għall-volatilità tal-prezzijiet u jiddependu ħafna minn swieq u prezzijiet stabbli, kif ukoll minn finanzjament pubbliku adegwat u miżuri li jippreservaw il-kompetittività tal-azjendi agrikoli u l-irziezet tal-familja;

23.  Jenfasizza f'dan ir-rigward ir-rwol importanti ta' bdiewa żgħażagħ u ġodda biex jiġi ggarantit il-futur tal-agrikoltura Ewropea;

Proposti

L-organizzazzjoni tas-setturi u l-kuntrattwalizzazzjoni

24.  Iqis li l-produtturi primarji huma l-aktar ħolqa dgħajfa fil-katina tal-provvista tal-ikel, speċjalment fid-dawl ta' settur tal-ħwienet kbar dejjem aktar ikkonċentrat fil-livell Ewropew u nazzjonali, u għandhom ikunu permessi li jiltaqgħu f'korpi bħalma huma l-kooperattivi, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew assoċjazzjonijiet u organizzazzjonijiet interprofessjonali proprji;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-introduzzjoni ta' sistemi kuntrattwali permezz ta' aġġustament, skont l-Artikolu 42 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, tal-politika tal-kompetizzjoni tal-UE għall-ħtiġijiet speċifiċi tas-settur agrikolu, b'regoli u implimentazzjoni uniformi fl-Istati Membri kollha; iqis li l-objettivi tal-PAK għandhom jibqgħu jipprevalu fuq ir-regoli tal-kompetizzjoni u li kwalunkwe inizjattiva sabiex il-liġi tal-kompetizzjoni tiġi adattata għall-ispeċifiċitajiet tas-settur agrikolu għandha tkun ibbażata fuq ir-Regolament dwar OKS unika;

26.  Jenfasizza li s-setgħa ta' negozjar tal-produtturi għandha tissaħħaħ fil-katina tal-ikel, permezz ta' kuntratti standard, trasparenti, bilanċjati u nnegozjati b'mod kollettiv, sabiex il-bdiewa jitqiegħdu f'pożizzjoni fejn ikunu jistgħu jikkontrobilanċjaw prattiki kummerċjali inġusti, tingħata spinta lill-kompetittività tagħhom, tittejjeb l-istabilità tad-dħul tagħhom, jiġi ġenerat valur miżjud u jsir investiment fl-innovazzjoni;

27.  Jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi qafas leġiżlattiv tal-UE li jipprojbixxi prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista tal-ikel, li jistgħu jikkawżaw volatilità tal-prezzijiet fis-swieq agrikoli;

28.  Jenfasizza li dawn il-kuntratti għandhom ikunu twal biżżejjed u għandhom jistabbilixxu l-prezzijiet, il-perjodi ta' pagament u termini oħra għall-provvista ta' prodotti agrikoli;

29.  Iqis li l-bdiewa fid-diversi setturi agrikoli għandhom ikunu jistgħu jinnegozjaw it-termini ta' kuntratti kollettivament permezz ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi ta' daqs li jikkorrispondi mad-daqs tal-gruppi industrijali jew ta' distribuzzjoni li jkunu qed jinnegozjaw magħhom;

30.  Jinnota li l-potenzjal offrut minn kuntratti integrati tal-katina ta' provvista fuq terminu twil, kuntratti forward, kuntratti b'marġni fiss, u l-opportunità li “jiġu blukkati” l-prezzijiet li jirriflettu l-ispejjeż tal-produzzjoni għal perjodu ta' żmien stabbilit jista' joffri lill-produtturi għodda biex jimmaniġġjaw l-impatt tal-volatilità fuq il-marġini tagħhom;

31.  Jemmen li l-għażla li jsir użu minn strumenti ġodda fir-relazzjonijiet kuntrattwali għandha tkun disponibbli u li għodod għall-medjazzjoni kuntrattwali għandhom ukoll isiru disponibbli;

32.  Jinnota li l-organizzazzjonijiet interprofessjonali jħeġġu l-fiduċja u d-djalogu fost il-partijiet interessati differenti (produtturi, proċessuri u distributuri) u jiffaċilitaw il-ħolqien ta' valur miżjud permezz ta' inizjattivi konġunti li jgħinu lill-bdiewa jifhmu aħjar is-swieq u l-produzzjoni, il-promozzjoni ta' prattiki tajba u t-trasparenza tas-suq, il-previżjonijiet tal-produzzjoni potenzjali, jgħinu biex tittejjeb il-ġestjoni tal-provvista u jitħejjew kuntratti standard li jkunu kompatibbli mar-regoli u r-regolamenti tal-UE;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi organizzazzjonijiet intersettorjali fil-livell tal-UE biex jiddefendu b'mod konġunt l-interessi tal-produtturi fis-setturi l-aktar orjentati lejn swieq transfruntiera, bħas-settur tal-frott u l-ħaxix;

34.  Jirrikonoxxi l-isforzi magħmula minn kooperattivi Ewropej biex jgħaqqdu u jtejbu l-pożizzjoni tagħhom fil-katina tal-valur, u jemmen li huwa neċessarju li jitħeġġu jaqdu rwol akbar f'setturi agrikoli, biex b'hekk itaffu l-effetti tal-volatilità eċċessiva tas-suq;

Għodod tal-ġestjoni tar-riskju

35.  Jirrakkomanda li l-għodod tal-ġestjoni tar-riskju dwar il-klima, is-saħħa u l-ekonomija, b'mod partikolari d-diversi tipi ta' riskju tal-assigurazzjoni kontra r-riskju għall-produzzjoni agrikola, l-għodod ta' stabbilizzazzjoni tad-dħul, il-forniment individwali ta' mekkaniżmi u fondi mutwi, għandhom jiġu żviluppati aktar f'PAK orjentata lejn is-suq sabiex jiġu llimitati l-effetti tal-volatilità tal-prezzijiet u jinkoraġġixxu l-ġestjoni tal-azjendi agrikoli li jħarsu ‘l quddiem;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni trawwem l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri u tiżviluppa għodod ġodda, li għandhom mhux biss ikunu ġusti, effiċjenti u reattivi, iżda wkoll bi prezz raġonevoli u aċċessibbli għall-bdiewa, sabiex jipprevjenu u jimmaniġġjaw ir-riskji assoċjati mal-volatilità tal-prezzijiet u b'hekk tinħoloq il-bażi għal diskussjoni dwar ir-riformi futuri tal-PAK;

37.  Jenfasizza li dawn l-għodod, flimkien ma' sistema ta' pagament dirett, għandhom ikunu mgħammra b'biżżejjed riżorsi biex tiżdied ir-reżiljenza tal-biedja mingħajr ma titnaqqas il-ħtieġa għal ġestjoni ta' kriżijiet ex-post;

38.  Iqis li fondi mutwi amministrati settorjalment, imwaqqfa fuq l-inizjattiva ta' bdiewa, jistgħu jistabbilizzaw id-dħul tal-bdiewa, sa ċertu punt, peress li l-marġini ta' qligħ fuq il-prodott tagħhom ivarjaw;

39.  Iqis, barra minn hekk, li dawk il-fondi mutwi ma għandhomx jissostitwixxu l-appoġġ mogħti mill-Unjoni u għandhom ikunu kombinati ma' appoġġ nazzjonali;

40.  Jistieden ukoll lill-Kummissjoni tieħu inizjattivi billi toffri inċentivi biex jiġu stabbiliti dawn il-fondi, filwaqt li tiggarantixxi li kwalunkwe skema ta' mmaniġġjar tar-riskju għandha tikkonforma mas-sistemi ta' assigurazzjoni adottati fil-livell nazzjonali mill-Istati Membri, u fejn meħtieġ tikkompletahom;

41.  Iqis li l-volatilità tal-prezzijiet tista' wkoll tiġi ġestita fil-livell nazzjonali, u jistieden lill-Istati Membri biex iqisu l-volatilità tas-suq fir-regoli fiskali tagħhom billi jippermettu lill-bdiewa joħolqu mekkaniżmi ta' forniment individwali li jistgħu ikunu mingħajr taxxa;

42.  Iqis li l-bdiewa huma fost l-aktar atturi vulnerabbli ekonomikament fis-swieq, b'mod partikolari dawk li investew fl-iżvilupp tal-impriżi tagħhom;

43.  Iqis, barra minn hekk, li għandhom jiġu stabbiliti għodod tal-PAK, bħall-assistenza effettiva f'termini ta' likwidità jew l-iskema ta' tfaddil ta' prekawzjoni, sabiex jipprevjenu t-telf tal-impetu għall-investiment;

44.  Jenfasizza l-fatt li l-azjendi agrikoli jistgħu biss jinnovaw jekk l-ispejjeż kapitali huma baxxi u jekk ikun hemm grad ta' likwidità disponibbli; jenfasizza f'dan ir-rigward li dħul stabbli jikkostitwixxi waħda mill-prekundizzjonijiet li jippermettu lill-bdiewa jiksbu aċċess għal self;

45.  Jinnota li r-rwol u l-azzjonijiet tas-settur bankarju għandhom impatt kbir fuq il-produtturi u li ż-żieda fil-livelli ta' dejn tal-azjendi agrikoli żżid piżijiet addizzjonali għas-settur fi żminijiet ta' volatilità;

46.  Jenfasizza l-importanza li l-bdiewa jiġu infurmati aħjar dwar ir-rwol ewlieni tal-Bank Ewropew tal-Investiment fl-appoġġ u l-iżvilupp tal-ekonomija rurali u dwar kif jistgħu jibbenefikaw minn strumenti finanzjarji innovattivi;

47.  Iqis li għandha tkun disponibbli informazzjoni aħjar dwar il-modernizzazzjoni, is-sostenibilità u l-kompetittività tal-azjendi għall-bdiewa u l-organizzazzjonijiet tal-bdiewa, filwaqt li fl-istess ħin jiġu provduti korsijiet ta' taħriġ dwar il-ġestjoni tar-riskju, id-dejta tas-suq, il-marġini u l-volatilità;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali u l-gruppi agrikoli, tadotta pjan ta' sensibilizzazzjoni dwar l-għodod tal-ġestjoni tar-riskju disponibbli fil-qafas tat-tieni Pilastru u fl-OKS unika;

49.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali jsaħħu l-aspetti msemmija hawn fuq fil-programmi tagħhom ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali;

50.  Jemmen li wieħed mill-modi biex jiġu stabbilizzati s-swieq u titnaqqas il-volatilità tal-prezzijiet huwa li jiġi żgurat bilanċ aħjar bejn il-provvista u d-domanda;

Osservatorji tas-suq u tal-prezzijiet agrikoli

51.  Iqis li s-swieq agrikoli għandhom ikunu trasparenti, u dan jista' jinkiseb prinċipalment billi l-pubblikazzjoni ta' informazzjoni eżistenti dwar il-prezzijiet u l-ispejjeż tkun aktar f'waqtha, faċilment aċċessibbli u utli għall-partijiet interessati kollha fil-katina ta' provvista, mill-produzzjoni sad-distribuzzjoni, biex b'hekk jiġu limitati l-ispekulazzjoni fil-prezzijiet u l-volatilità tal-prezzijiet;

52.  Jinnota, madanakollu, li t-trasparenza tal-prezzijiet fiha nnifisha ma tgħinx biex ittejjeb ir-reżiljenza tal-bdiewa kontra l-volatilità tal-prezzijiet jew biex issolvi difetti strutturali f'organizzazzjoni tas-suq bħall-iżbilanċi bejn il-provvista u d-domanda;

53.  Iħeġġeġ il-ħolqien ta' mappa Ewropea b'informazzjoni f'ħin reali dwar id-disponibilità ta' prodotti agrikoli;

54.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-estensjoni ta' strumenti addizzjonali ta' monitoraġġ tas-suq f'setturi oħra;

55.  Jenfasizza l-vantaġġ importanti għall-bdiewa li jkunu konxji mill-formazzjoni u ċ-ċaqliq tal-prezzijiet, kif ukoll mit-tendenzi tal-provvista, meta jinnegozjaw kuntratti mal-partijiet interessati l-oħrajn kollha;

56.  Jirrakkomanda l-istabbiliment ta' osservatorji tal-prezzijiet agrikoli Ewropej li jkopru l-katina kollha, mill-prezz tal-produttur sal-prezz finali tal-bejgħ, sabiex tiġi provduta analiżi kontinwa u segment b'segment ta' swieq agrikoli;

57.  Jirrakkomanda l-involviment ta' atturi ekonomiċi meta data aġġornata u rilevanti dwar il-movimenti u l-previżjonijiet fuq medda qasira u medja ta' żmien issir disponibbli f'intervalli ta' kull xahar jew kull xahrejn korrispondenti għall-ħtiġijiet speċifiċi tas-settur rilevanti;

58.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi r-riżorsi meħtieġa biex l-osservatorji ikunu jistgħu jagħmlu rakkomandazzjonijiet, u mhux biss sempliċement jimmonitorjaw it-tfixkil;

Għodod ta' prevenzjoni u ta' ġestjoni tal-kriżijiet

59.  Huwa tal-fehma li l-għodod tradizzjonali tal-PAK għall-ġestjoni tal-kriżijiet (intervent pubbliku u ħżin privat) mhumiex effettivi biżżejjed f'ekonomija globalizzata;

60.  Jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni tiżviluppa għodod kombinabbli u/jew kumplimentari fis-settur pubbliku u f'dak privat, flimkien ma' mekkaniżmu ta' twissija bikrija speċifiku u vinkolanti sabiex tiżgura l-funzjonament xieraq tas-swieq u tikkontrobatti l-kriżijiet tas-suq;

61.  Iqis li l-Kummissjoni għandha tuża l-għodod kollha li diġà għandha għad-dispożizzjoni tagħha fl-OKS unika biex tiġġieled il-kriżijiet;

62.  Jiddispjaċih dwar l-użu baxx tar-riżerva ta' kriżi, prinċipalment dovut għar-regoli baġitarji, b'mod partikolari r-regola tal-annwalità, u għas-setgħa diskrezzjonali li tgawdi l-Kummissjoni meta tiġi biex jirrilaxxa l-fondi mir-riżerva;

63.  Jitlob, għalhekk, biex ir-riżerva ta' kriżi tiġi kostitwita barra l-baġit tal-PAK, u biex din isservi bħala sors ta' finanzjament għal għodod għall-ġestjoni ta' kriżijiet;

64.  Iħares lejn miżuri kontroċikliċi bħala għodod ta' prevenzjoni u ta' ġestjoni tal-kriżijiet, flimkien ma' għodod ta' ġestjoni tar-riskju, li permezz tagħhom l-UE tista' tintervjeni fi swieq agrikoli f'każijiet ta' kriżijiet ta' forza maġġuri, sabiex jiġi evitat tnaqqis sostanzjali fil-prezzijiet;

65.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq studju dwar kif għandhom jiġu żviluppati mekkaniżmi biex jevitaw u jiġġieldu l-kriżijiet dovuti għall-volatilità tal-prezzijiet bl-użu ta' għajnuniet kontroċikliċi, u tipprovdi għal aktar flessibilità fil-baġit annwali, fil-limiti tal-pakkett finanzjarju pluriennali, sabiex jitqiesu l-għajnuniet kontroċikliċi;

o
o   o

66.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Avviż legali