Indiċi 
Testi adottati
Il-Ħamis, 7 ta' Lulju 2016 - StrasburguVerżjoni finali
Is-sitwazzjoni tal-persuni bl-albiniżmu fl-Afrika, b'mod partikolari fil-Malawi
 Il-Bahrain
 Il-Myanmar, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tar-Rohingya
 Il-71 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU
 Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità
 Oġġezzjoni għal att ta' implimentazzjoni: indikazzjonijiet permessi dwar is-saħħa li jsiru fuq l-ikel

Is-sitwazzjoni tal-persuni bl-albiniżmu fl-Afrika, b'mod partikolari fil-Malawi
PDF 272kWORD 89k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2016 dwar is-sitwazzjoni tal-persuni bl-albiniżmu fl-Afrika, b'mod partikolari fil-Malawi (2016/2807(RSP))
P8_TA(2016)0314RC-B8-0897/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Settembru 2008 dwar il-qtil tal-albini fit-Tanzanija(1),

–  wara li kkunsidra r-rapport tat-18 ta' Jannar 2016 tal-Espert Indipendenti tan-NU dwar it-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem mill-persuni bl-albiniżmu,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tal-UE tat-13 ta' Ġunju 2015 dwar il-Jum Internazzjonali ta' Sensibilizzazzjoni dwar l-Albiniżmu,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 69/170 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar il-Jum Internazzjonali ta' Sensibilizzazzjoni dwar l-Albiniżmu,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 263 tal-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli tal-5 ta' Novembru 2013 dwar il-prevenzjoni ta' attakki u diskriminazzjoni kontra l-persuni bl-albiniżmu,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 23/13 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar l-attakki u d-diskriminazzjoni kontra l-persuni bl-albiniżmu,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Diċembru 1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità ,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar id-Drittijiet tal-Persuni li jappartjenu għal Minoranzi Nazzjonali, Etniċi, Reliġjużi u Lingwistiċi tat-18 ta' Diċembru 1992,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-albiniżmu huwa disturb konġenitali li jaffettwa madwar wieħed f'20 000 fid-dinja kollha; billi din ir-rata hija ħafna ogħla fil-pajjiżi sub-Saħarjani, fejn it-Tanzanija, il-Malawi u l-Burundi għandhom waħda mill-ogħla konċentrazzjonijiet ta' persuni bl-albiniżmu;

B.  billi l-persuni bl-albiniżmu qed jiffaċċjaw uħud mill-aktar forom estremi ta' persekuzzjoni u ksur tad-drittijiet tal-bniedem, li jvarjaw minn diskriminazzjoni soċjetali mifruxa, abbuż verbali u esklużjoni minn servizzi pubbliċi għal qtil, ħtif, stupru u mutilazzjonijiet; billi l-osservaturi tad-drittijiet tal-bniedem fl-2015 biss irrappurtaw 448 attakk fuq l-albini fuq firxa ta' 25 pajjiż Afrikan; billi huwa probabbli ħafna li dawn iċ-ċifri huma sottovalutati peress li l-awtoritajiet ma jimmonitorjawx u ma jiddokumentawx b'mod sistematiku delitti bħal dawn jew m'għandhomx il-kapaċità u r-riżorsi biex iwettqu investigazzjonijiet bir-reqqa;

C.  billi l-akbar theddida għall-persuni bl-albiniżmu fl-Afrika tiġi mis-superstizzjonijiet mifruxa u mis-sistemi ta' twemmin qarrieqa dwar il-kundizzjoni tagħhom, inkluż il-mit li l-persuni bl-albiniżmu għandhom setgħat maġiċi, li jirriżulta f'li huma jiġu maqtula b'mod regolari minn gajjijiet kriminali u traffikanti għall-partijiet ta' ġisimhom, li huwa maħsub li jġibu l-fortuna, is-saħħa u l-ġid; billi, f'għadd ta' pajjiżi, l-oqbra tal-persuni bl-albiniżmu nfetħu u partijiet minn ġisimhom jew għadamhom ġew misruqa;

D.  billi, fil-Malawi, fejn huwa stmat li madwar 10 000 persuna jgħixu bl-albiniżmu, il-pulizija rrappurtaw 69 attakk minn Novembru 2014, li minnhom 18 kienu qtil; billi f'April 2016 erba' persuni nqatlu, inkluża tarbija ta' sentejn, li wassal biex l-awtoritajiet jiddikjaraw lill-persuni bl-albiniżmu bħala "speċi mhedda";

E.  billi l-President tal-Malawi, Peter Mutharika, pubblikament ikkundanna s-sensiela ta' attakki li saru reċentement;

F.  billi, apparti l-Malawi, l-attakki kontra l-persuni bl-albiniżmu ġew irrappurtati f'diversi pajjiżi oħra tal-Afrika tal-Lvant, b'mod partikolari fit-Tanzanija, il-Burundi, il-Kenja u l-Mozambique;

G.  billi n-nisa u t-tfal bl-albiniżmu huma partikolarment vulnerabbli għall-esklużjoni soċjali; billi n-nisa bl-albiniżmu sikwit huma fil-mira ta' vjolenza sesswali, minħabba t-twemmin mifrux li l-konġunġiment karnali ma' mara bl-albiniżmu jista' jfejjaq l-HIV/AIDS, u billi n-nisa li jwelldu trabi bl-albiniżmu jiġu mwarrba u ssir diskriminazzjoni kontrihom fuq il-post tax-xogħol; billi t-tfal jirrappreżentaw proporzjon kbir tal-vittmi ta' attakki ritwali u jiffaċċjaw riskju għoli ta' abbandun; billi l-biża' mill-attakki rriżulta f'li t-tfal tal-età tal-iskola ma jkunux jistgħu jgawdu d-dritt tagħhom għall-edukazzjoni;

H.  billi l-Gvern tat-Tanzanija impenja ruħu f'azzjoni serja u tanġibbli biex jindirizza s-seħer fil-pajjiż, inkluża s-sospensjoni tal-liċenzji tal-fejjieqa tradizzjonali u għadd kbir ta' arresti ta' tobba sħaħar; billi l-President tat-Tanzanija ħatar l-ewwel Membru tal-Parlament bl-albiniżmu fl-2008, u l-ewwel Viċi Ministru bl-albiniżmu f'Diċembru 2015;

I.  billi, minkejja ż-żieda tal-viżibilità internazzjonali u l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni ġdida fil-pajjiżi milquta, l-għadd ta' prosekuzzjonijiet u kundanni jibqa' wieħed baxx ħafna u d-delitti u t-tortura għadhom qed jitwettqu b'impunità totali f'ħafna pajjiżi Afrikani;

J.  billi fl-1 ta' Marzu 2016 fin-Nofsinhar tal-Malawi, folla ta' nies irrabjati llinċjaw u taw in-nar lil seba' allegati "kaċċaturi tal-albini"; billi l-Ispettur Ġenerali tal-Pulizija tal-Malawi ordna lill-uffiċjali tiegħu jisparaw biex joqtlu lil kull min jinqabad jaħtaf persuna bl-albiniżmu;

K.  billi d-diskriminazzjoni, il-fastidju u l-istigmatizzazzjoni tal-persuni bl-albiniżmu kkawżaw lil mijiet ta' nies jaħarbu u jfittxu rifuġju f'postijiet ta' kenn temporanji; billi din is-sitwazzjoni ġabet aktar prekarjetà u nuqqas ta' sigurtà għall-persuni bl-albiniżmu, li llimitat l-aċċess tagħhom għal servizzi bażiċi bħalma huma l-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni, l-opportunitajiet ta' impjieg tagħhom u l-parteċipazzjoni tagħhom fis-soċjetà;

L.  billi din id-diskriminazzjoni tista' twassal għal trawma tul il-ħajja kollha u problemi psikosoċjali u toħloq ħafna apprensjoni u biża' kbar fost il-komunità tal-albini; billi l-persuni bl-albiniżmu normalment ikollhom aktar diffikultajiet biex jaċċessaw kura medika xierqa, inkluża medikazzjoni preventiva għall-kanċer tal-ġilda;

M.  billi, f'Marzu 2015, in-NU ħatret l-ewwel espert indipendenti tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-persuni bl-albiniżmu u uffiċjalment iddikkjarat it-13 ta' Ġunju bħala l-Jum Internazzjonali ta' Sensibilizzazzjoni dwar l-Albiniżmu;

N.  billi f'Ġunju 2016 in-NU sponsorjat l-ewwel forum reġjonali li qatt sar għal Azzjoni dwar l-Albiniżmu fl-Afrika (Action on Albinism in Africa), li stabbilixxa pjan direzzjonali ta' miżuri speċifiċi, sempliċi u effikaċji għall-ġlieda kontra l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem kontra l-persuni bl-albiniżmu;

O.  billi l-UE wettqet kampanji ta' promozzjoni pubblika biex tiġġenera għarfien aktar mifrux dwar il-kwistjoni u appoġġjat l-impenn ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-isforzi ta' bini tal-kapaċitajiet tal-awtoritajiet lokali fil-ġlieda kontra l-qtil ta' persuni bl-albiniżmu;

1.  Ifakkar li l-persuni bl-albiniżmu għandhom id-dritt li jgħixu bħal kull persuna oħra, mingħajr l-ebda tip ta' biża', kif iddikjarat fl-Artikoli 2 u 3 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948;

2.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar id-diskriminazzjoni u l-persekuzzjoni kontinwi u mifruxa li jħabbtu wiċċhom magħhom il-persuni bl-albiniżmu fl-Afrika, b'mod partikolari wara ż-żieda reċenti fil-vjolenza fil-Malawi; jikkundanna bil-qawwa l-qtil, il-ħtif, il-mutilazzjonijiet kollha u t-trattament inuman u degradanti l-ieħor kollu li ġarrbu l-persuni bl-albiniżmu u jesprimi l-kondoljanzi u s-solidarjetà tiegħu lill-familji tal-vittmi; jikkundanna wkoll kull kummerċjar spekulattiv tal-partijiet tal-ġisem tal-persuni bl-albiniżmu;

3.  Jiddeplora s-silenzju u l-inerzja li teżisti madwar dawn il-ġrajjiet; ifakkar li r-responsabilità primarja ta' stat hija li jipproteġi ċ-ċittadini tiegħu, inklużi l-gruppi vulnerabbli, u jħeġġeġ lill-Gvern tal-Malawi u lill-awtoritajiet tal-pajjiżi kollha affettwati jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jeliminaw il-forom kollha ta' vjolenza u diskriminazzjoni kontra l-persuni bl-albiniżmu u jipproteġu d-dinjità, id-drittijiet tal-bniedem u l-benesseri tagħhom, kif ukoll dawk tal-membri tal-familja tagħhom;

4.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Malawjani jtemmu l-impunità u jfittxu, bħala kwistjoni ta' urġenza, l-appoġġ internazzjonali biex iwettqu investigazzjonijiet imparzjali u effikaċi dwar l-attakki kollha rrappurtati li saru kontra persuni bl-albiniżmu bil-għan li dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja u jinżammu responsabbli;

5.  Jilqa' d-dikjarazzjoni tal-President Mutharika li tikkundanna l-attakki u li tistieden lill-aġenziji tas-sigurtà jipprovdu l-ogħla protezzjoni għall-persuni bl-albiniżmu; iwissi, madankollu, kontra kwalunkwe eskalazzjoni u jfakkar li t-tixwix għall-mibegħda u l-vjolenza ma jistax tkun ir-risposta għad-diskriminazzjoni li hemm bħalissa kontra l-persuni bl-albiniżmu; jikkundanna, b'mod partikolari, kwalunkwe tentattiv min-naħa tan-nies li jieħdu l-liġi f'idejhom;

6.  Jistieden lill-Gvern tal-Malawi biex b'mod aktar effikaċi jissodisfa l-ħtiġijiet mediċi, psikoloġiċi u soċjali tal-persuni bl-albiniżmu billi jiggarantilhom aċċess ugwali għall-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni, bħala parti mill-politiki ta' inklużjoni;

7.  Jilqa' l-Pjan ta' Rispons Nazzjonali Malawjan ta' Marzu 2015, li għandu l-għan li jqajjem kuxjenza, iżid is-sigurtà interna, u jtejjeb il-monitoraġġ tad-drittijiet tal-bniedem, l-amministrazzjoni tal-ġustizzja u l-leġiżlazzjoni, kif ukoll li jagħti s-setgħa lill-persuni bl-albiniżmu; jistieden lill-Gvern tal-Malawi jinforza l-pjan ta' azzjoni ta' ħames punti u jitlob bi dritt li jiġu allokati aktar riżorsi għal dan il-proġett;

8.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi magħmula mill-Gvern tat-Tanzanija biex jiġġieled lid-diskriminazzjoni kontra l-persuni bl-albiniżmu u d-deċiżjoni tiegħu li jiddikjara illegali lit-tobba saħħara bil-ħsieb li jwaqqaf il-qtil tal-persuni bl-albiniżmu, filwaqt li jirrikonoxxi li huma ftit wisq il-każijiet li jitressqu quddiem il-ġustizzja; jistieden lill-Gvern tal-Malawi, għaldaqstant, jemenda l-liġijiet eżistenti sabiex jirriflettu l-gravità tar-reati li jsiru kontra l-persuni bl-albiniżmu;

9.  Jemmen li għandhom isiru aktar sforzi fl-indirizzar tal-kawżi ewlenin ta' tali diskriminazzjoni u vjolenza permezz ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni pubblika; jenfasizza r-rwol kruċjali li għandhom l-awtoritajiet lokali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-persuni bl-albiniżmu, billi jinformaw u jedukaw lill-poplu u jxejjnu l-miti u l-preġudizzji dwar l-albiniżmu;

10.  Jinsab imħasseb minħabba l-isfidi speċifiċi li jħabbtu wiċċhom magħhom in-nisa u t-tfal bl-albiniżmu, li jagħmluhom aktar esposti għall-faqar, in-nuqqas ta' sigurtà u l-iżolament; jinsisti li l-vittmi kollha għandu jkollhom aċċess għal kura medika u psikoloġika xierqa, u li għandhom jiġu stabbiliti politiki adegwati biex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fil-komunitajiet tagħhom;

11.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-pajjiżi affettwati, f'kooperazzjoni mas-sħab internazzjonali u reġjonali tagħhom, jimpenjaw ruħhom li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jipprevjenu u jindirizzaw b'mod deċiżiv il-kummerċ illegali tal-partijiet tal-ġisem tal-albini, jiftħu mill-ġdid il-każijiet ta' suspett ta' serq mill-oqbra, jintraċċaw u jidentifikaw l-għajn tad-domanda għal tali partijiet tal-ġisem, u jressqu quddiem il-ġustizzja lill-"kaċċaturi tal-albini";

12.  Jemmen li l-prosekuturi, l-investigaturi u l-persunal tal-pulizija għandhom jirċievu taħriġ speċjali mmirat biex jagħtihom l-għarfien meħtieġ biex jittrattaw każijiet li jinvolvu lill-persuni bl-albiniżmu;

13.  Jenfasizza li n-nuqqas ġenerali ta' fehim u ta' tagħrif dwar is-saħħa dwar l-albiniżmu għandu t-tendenza li jaggrava l-kundizzjoni tas-saħħa tal-persuni bl-albiniżmu; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li dawn ikollhom aċċess għall-kura tas-saħħa, b'mod partikolari fiż-żoni rurali u remoti; iqis li l-membri tal-persunal tal-qasam tas-saħħa għandhom jingħataw taħriġ fis-sensittività fir-rigward tal-albiniżmu;

14.  Jitlob li jkun hemm taħriġ imtejjeb tal-għalliema u tal-amministrazzjonijiet tal-iskejjel dwar l-albiniżmu, u li l-awtoritajiet Malawjani jiffaċilitaw l-aċċess tal-persuni bl-albiniżmu għall-edukazzjoni u għat-tgawdija tal-edukazzjoni;

15.  Jilqa' l-istabbiliment mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tal-pożizzjoni ta' Espert Indipendenti fuq it-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem mill-persuni bl-albiniżmu fl-2015, u l-varar sussegwenti min-naħa tagħha tal-ewwel forum reġjonali li qatt sar għal Azzjoni dwar l-Albiniżmu fl-Afrika (Action on Albinism in Africa) f'Dar es Salaam, li sar bejn is-17 u d-19 ta' Ġunju 2016;

16.  Jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jibqgħu jimpenjaw ruħhom mal-pajjiżi affettwati bil-għan li jappoġġjaw b'mod effikaċji l-isforzi tagħhom biex jifformulaw politiki li jindirizzaw il-bżonnijiet speċjali u d-drittijiet tal-albini, fuq il-bażi tan-nondiskriminazzjoni u tal-inklużjoni soċjali, billi jipprovdu l-assistenza finanzjarja u teknika meħtieġa;

17.  Iħeġġeġ lill-istati affettwati kollha jikkondividu l-aħjar prattiki fil-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-persuni bl-albiniżmu;

18.  Jitlob li l-UE tissorvelja mill-qrib is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni bl-albiniżmu fl-Afrika, b'mod partikolari permezz ta' rappurtar regolari u xogħol ta' segwitu mid-delegazzjonijiet tagħha, u tkompli tippromwovi titjibiet sinifikanti fil-protezzjoni u fl-integrazzjoni soċjali tagħhom;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Malawi u tat-Tanzanija, lill-Unjoni Afrikana u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

(1) ĠU C 295 E, 4.12.2009, p. 94.


Il-Bahrain
PDF 272kWORD 89k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2016 dwar il-Bahrain (2016/2808(RSP))
P8_TA(2016)0315RC-B8-0900/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bahrain, notevolment dawk tad-9 ta' Lulju 2015 dwar il-Bahrain, b'mod partikolari l-każ ta' Nabeel Rajab(1) u tal-4 ta' Frar 2016 dwar il-Bahrain: il-każ ta' Mohammed Ramadan(2),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-5 ta' Lulju 2016 mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar l-aħħar żviluppi fil-Bahrain,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Piena tal-Mewt, dwar it-Tortura, dwar il-Libertà ta' Espressjoni u dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-31 ta' Mejju 2016 mill-Kelliem tar-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, dwar il-kundanna ta' Ali Salman, is-Segretarju Ġenerali ta' Al-Wefaq fil-Bahrain,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-1 ta' Ġunju 2016 tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-dritt għal-libertà ta' opinjoni u ta' espressjoni, David Kaye, dwar il-kundanna tal-mexxej tal-oppożizzjoni Sheikh Ali Salman, id-dikjarazzjoni tas-16 ta' Ġunju 2016 mill-kelliem tas-Segretarju Ġenerali tan-NU u d-dikjarazzjoni tal-21 ta' Ġunju 2016 mill-kelliem tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem, li t-tnejn kienu dwar il-Bahrain,

–  wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku tal-UE u l-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li għandu l-għan li jqiegħed il-protezzjoni u s-sorveljanza tad-drittijiet tal-bniedem fil-qalba tal-politiki kollha tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni Bahrainja adottata fi Frar 2002, b'mod partikolari l-Kapitolu 3 tagħha, l-Artikolu 364 tal-Kodiċi Kriminali Bahraini u l-Att dwar iċ-Ċittadinanza Bahraini tal-1963,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' Novembru 2011 mill-Kummissjoni Indipendenti ta' Inkjesta tal-Bahrain (BICI),

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, il-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Karta Għarbija tad-Drittijiet tal-Bniedem, li l-Bahrain huwa pajjiż firmatarju tagħhom kollha,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948, u b'mod partikolari l-Artikolu 15 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Bahrain huwa sieħeb ewlieni tal-Unjoni Ewropea fil-Golf Persiku, anki fl-ambitu tar-relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi, tal-enerġija, u tas-sigurtà; billi huwa fl-interess reċiproku tagħna li napprofondixxu aktar is-sħubija tagħna sabiex naffrontaw aħjar l-isfidi futuri;

B.  billi f'dawn l-aħħar xhur il-Gvern tal-Bahrain intensifika l-kampanja tiegħu ta' ripressjoni u persekuzzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-oppożizzjoni politika; billi l-libertà ta' espressjoni u l-libertà ta' għaqda huma pilastri indispensabbli ta' soċjetà demokratika u pluralista; billi fil-Kostituzzjoni Bahrainja, adottata fl-2002, hemm minquxa l-libertajiet fundamentali, fosthom il-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda;

C.  billi fit-13 ta' Ġunju 2016 il-pulizija arrestat mill-ġdid lil Nabeel Rajab, difensur prominenti tad-drittijiet tal-bniedem, bl-akkużi li "xerred xnigħat foloz fi żminijiet ta' gwerra" u "insulta tal-awtoritajiet pubbliċi" fir-rigward ta' posts fuq Twitter li huwa ppubblika fl-2015, li flimkien jammontaw għal piena sa 13-il sena; billi Nabeel Rajab kien diġà skonta sentenza ta' sentejn ħabs bejn l-2012 u l-2014 b'rabta mal-eżerċizzju tiegħu tad-dritt għal-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda, u billi l-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar id-Detenzjoni Arbitrarja ddeċieda fl-2013 li kien ġie arrestat arbitrarjament;

D.  billi, wara 15-il jum f'reklużjoni, l-esperjenza tas-Sur Rajab tal-kundizzjonijiet ħżiena fil-ħabs wasslet għal deterjorament f'saħħtu u ġie ttrasferit għal sptar fis-27 ta' Ġunju 2016; billi ġie trasferit lura l-ħabs fid-29 ta' Ġunju 2016, minkejja l-problemi kontinwi tas-saħħa;

E.  billi l-Gvern tal-Bahrain sforza lil Zainab Al-Khawaja f'eżilju insegwitu ta' theddid ta' arrest mill-ġdid u detenzjoni indefinita, u impona projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fuq grupp ta' attivisti tad-drittijiet li kienu se jattendu l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU f'Ġinevra;

F.  billi s-Sur Ramadan u s-Sur Ali Moosa għadhom f'riskju ta' eżekuzzjoni imminenti;

G.  billi l-awtoritajiet tal-Bahrain qed ikomplu jużaw ir-revoka taċ-ċittadinanza bħala mezz ta' ripressjoni politika, li issa wasslet għad-denaturalizzazzjoni tal-kleriku Ayatollah Sheikh Isa Qassim; billi l-awtoritajiet Bahrainin irrevokaw iċ-ċittadinanza ta' 300 persuna, inklużi difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, politiċi, ġurnalisti, u awtoritajiet reliġjużi prinċipali, biex b'hekk il-biċċa l-kbira minnhom spiċċaw apolidi, bi ksur tal-Artikolu 15 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem;

H.  billi fl-14 ta' Ġunju 2016, l-awtoritajiet Bahrainin issospendew l-akbar grupp politiku fir-Renju, is-Soċjetà Iżlamika Nazzjonali Al-Wefaq, iffriżaw l-assi tagħha u ħadu s-sjieda tal-kwartieri ġenerali tagħha, u ressqu talba quddiem qorti għax-xoljiment rapidu tas-soċjetà politika f'Lulju 2016;

I.  billi Sheikh Ali Salman, il-kap tal-grupp tal-oppożizzjoni Al-Wefaq, ilu l-ħabs minn Lulju 2015 mingħajr proċess ġust, u s-sentenza tiegħu ġiet saħansitra estiża fl-appell f'Mejju 2016 minn erba' għal disa' snin; billi n-nuqqas ta' protezzjoni tad-drittijiet ta' persuna akkużata jikkostitwixxi ksur dirett tal-kostituzzjoni nazzjonali tal-Bahrain u tad-dritt internazzjonali; billi f'Settembru 2015 il-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar id-Detenzjoni Arbitrarja kien ikkonkluda li d-detenzjoni tiegħu kienet arbitrarja;

1.  Jesprimi tħassib serju dwar il-kampanja ta' ripressjoni kontinwa kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-oppożizzjoni politika u s-soċjetà ċivili, kif ukoll ir-restrizzjoni tad-drittijiet demokratiċi fundamentali, partikolarment il-libertajiet tal-espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda, il-pluraliżmu politiku u l-istat tad-dritt fil-Bahrain; jappella sabiex jieqfu l-atti kollha ta' vjolenza, fastidju u intimidazzjoni, anke fil-livell ġudizzjarju, kif ukoll iċ-ċensura tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-avversarji politiċi, dimostranti paċifiċi u l-atturi tas-soċjetà ċivili min-naħa tal-awtoritajiet tal-istat u l-forzi u s-servizzi tas-sigurtà;

2.  Jirrispetta s-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-Bahrain u jinkoraġġixxi djalogu kontinwu bejn il-Gvern tal-Bahrain, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tal-UE;

3.  Jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet ta' Nabeel Rajab u difensuri oħrajn tad-drittijiet tal-bniedem miżmuma l-ħabs fuq allegazzjonijiet marbuta mad-drittijiet tagħhom tal-libertà ta' espressjoni, ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni, u jitlob li jitwaqqgħu l-akkużi kollha miġjuba kontrihom; jitlob lill-awtoritajiet jiggarantixxu l-integrità fiżika u psikoloġika ta' Nabeel Rajab u jipprovdulu l-kura medika kollha meħtieġa;

4.  Jikkundanna l-impożizzjoni ta' projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fuq id-delegazzjoni ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem fi triqthom biex jattendu t-32 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU f'Ġinevra, u jitlob lill-gvern ineħħi dawn il-projbizzjonijiet; jenfasizza li mhux aċċettabbli li r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u l-mezzi tax-xandir jinżammu milli jipparteċipaw fil-ħidma ta' korpi internazzjonali, u jinsisti li l-awtoritajiet tal-Bahrain jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tal-bniedem u politiċi tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili tal-Bahrain;

5.  Ifakkar lill-Gvern tal-Bahrain fir-responsabbiltà tiegħu li jiżgura s-sigurtà u s-sikurezza taċ-ċittadini kollha, irrispettivament mill-fehmiet politiċi, l-affiljazzjoni jew it-twemmin tagħhom; jemmen li l-istabilità fit-tul u s-sigurtà fil-Bahrain jistgħu jiġu żgurati biss permezz tal-bini ta' soċjetà realment pluralista li tkun rispettuża tad-diversità, u, f'dan ir-rigward, jitlob għall-ħelsien ta' Sheikh Ali Salman u attivisti oħra li attwalment jinsabu miżmuma b'mod arbitrarju fil-ħabsijiet tal-Bahrain;

6.  Jemmen li l-espressjoni libera ta' lmenti leġittimi u paċifiċi għandha tkun permessa; jinnota bi tħassib it-trażżin min-naħa tal-Gvern tal-Bahrain tal-oppożizzjoni politika leġittima, inkluża l-estensjoni tas-sentenza ta' Sheikh Ali Salman, is-sospensjoni tas-Soċjetaà Iżlamika Nazzjonali Al-Wefaq u l-iffriżar tal-assi tagħha; jitlob li jkun hemm aktar libertajiet bażiċi għaċ-ċittadini kollha tal-Bahrain; jinsisti fuq waqfien immedjat tat-trażżin ta' opinjonijiet politiċi differenti fil-pajjiż u r-repressjoni tar-rappreżentanti ewlenin tagħhom, tkun xi tkun l-affiljazzjoni politika jew reliġjuża tagħhom;

7.  Jesprimi tħassib partikolari rigward l-abbuż tal-liġijiet kontra t-terroriżmu fil-Bahrain u, b'mod partikolari, ir-revoka taċ-ċittadinanza bħala mezz ta' pressjoni politika u kastig; jitlob bil-qawwa lill-awtoritajiet tal-Bahrain biex jirrevokaw id-deċiżjoni li jneħħu ċ-ċittadinanza ta' Ayatollah Sheikh Isa Qassim, biex jemendaw il-liġi dwar iċ-ċittadinanza tal-pajjiż u biex jerġgħu jistabbilixxu ċ-ċittadinanza tal-Bahrain lil dawk l-individwi li tteħditilhom inġustament, sabiex jikkonformaw mal-istandards internazzjonali u mad-dritt internazzjonali dwar din il-kwistjoni;

8.  Jitlob lill-awtoritajiet tal-Bahrain jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tal-Kostituzzjoni tal-2002 u jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali ggarantiti fiha, kif ukoll l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u l-istrumenti internazzjonali ratifikati mill-Bahrain; jitlob b'mod partikolari li jkun hemm implimentazzjoni effettiva tar-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-Kummissjoni Indipendenti ta' Inkjesta tal-Bahrain, l-Eżami Perjodiku Universali u l-istituzzjoni nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, sabiex jingħata lok ta' titjib fis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

9.  Ifakkar lill-awtoritajiet tal-Bahrain li l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti jipprojbixxi l-użu bħala prova fi kwalunkwe proċedura ta' kull dikjarazzjoni magħmula bħala riżultat ta' tortura; jistieden lill-awtoritajiet tal-Bahrain jirratifikaw li-Protokoll Fakultattiv tal-Konvenzjoni kontra t-Tortura;

10.  Jilqa' l-parteċipazzjoni tal-Bahrain fil-koalizzjoni internazzjonali kontra d-Daesh;

11.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-Bahrain mar lura għall-piena tal-mewt u jitlob li jerġa' jiġi introdott moratorju fuq il-piena tal-mewt;

12.  Jilqa' l-miżuri li jipproteġu lill-ħaddiema introdotti fil-Liġi tax-Xogħol tal-Bahrain tal-2012 u jemmen li dawn jistgħu iservu bħala eżempju li għandu jiġi segwit minn pajjiżi oħra fil-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf;

13.  Ifaħħar lill-Bahrain talli b'mod ġenerali jirrispetta d-dritt ta' ċittadini u residenti barranin li jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom; jistieden lill-awtoritajiet tal-Bahrain jimxu mal-kostituzzjoni tal-pajjiż, li tistipula li m'għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni fir-rigward tad-drittijiet u l-obbligi taċ-ċittadini għal raġunijiet ta' reliġjon u biex itemmu kwalunkwe diskriminazzjoni kontra l-popolazzjoni Xiita;

14.  Jinnota l-isforzi kontinwi tal-Gvern tal-Bahrain biex jirriforma l-kodiċi penali u l-proċeduri ġuridiċi tal-pajjiż, u jħeġġeġ it-tkomplija ta' dan il-proċess; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bahrain biex jirrispetta l-istandards internazzjonali dwar id-dritt għal proċess ġust; jenfasizza l-importanza tal-appoġġ mogħti lill-Bahrain, b'mod partikolari fir-rigward tas-sistema ġudizzjarja tiegħu, bil-għan li tiġi żgurata l-konformità ma' standards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; jappella għat-tisħiħ tad-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u l-Bahrain;

15.  Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-Istati Membri biex ikomplu jqajmu tħassib dwar l-attakki kontra l-libertà ta' espressjoni, l-assoċjazzjoni u l-għaqda paċifika fil-Bahrain u pajjiżi oħra tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, kemm fuq livell bilaterali kif ukoll bl-użu ta' pjattaformi multilaterali bħal-laqgħa Ministerjali li se ssir fit-18 u d-19 ta' Lulju 2016 bjen l-UE u l-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf;

16.  Jikkundanna l-ftehimiet dwar kummerċ tal-armi u teknoloġiji użati biex jinkisru d-drittijiet tal-bniedem; jitlob li jkun hemm probjizzjoni tal-gass tad-dmugħ u ta' tagħmir ta' kontra l-irvellijiet sa meta jkunu saru l-investigazzjonijiet dwar l-użu ħażin tagħhom u l-persuni konċernati jkunu ġew identifikati u mressqa quddiem il-qrati;

17.  Iħeġġeġ ħafna l-istabbiliment ta' grupp ta' ħidma dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn UE u l-Bahrain, iżda jinnota li d-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u l-Bahrain ma jistax jieħu post djalogu komprensiv bejn il-gvern, l-oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili fil-Bahrain innifsu;

18.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bahrain biex jikkoopera mar-Rapporteurs Speċjali tan-NU (b'mod partikolari fir-rigward tat-tortura, il-libertà ta' għaqda, l-indipendenza tal-imħallfin u l-avukati, u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem) u biex joħorġilhom stedina permanenti;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Renju tal-Bahrain u lill-membri tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf.

(1) Testi adottati, P8_TA(2015)0279.
(2) Testi adottati, P8_TA(2016)0044.


Il-Myanmar, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tar-Rohingya
PDF 280kWORD 95k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2016 dwar il-Myanmar, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tar-Rohingya (2016/2809(RSP))
P8_TA(2016)0316RC-B8-0910/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Myanmar/Burma u r-Rohingya, b'mod partikolari dawk tal-20 ta' April 2012(1), tat-13 ta' Settembru 2012(2), tat-22 ta' Novembru 2012(3), tat-13 ta' Ġunju 2013(4) u tal-21 ta' Mejju 2015(5), u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Mejju 2013 dwar ir-ristabbiliment tal-aċċess tal-Myanmar/Burma għal preferenzi tariffarji ġeneralizzati(6),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-20 ta' Ġunju 2016 bit-titolu "Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-Musulmani Rohingya u minoranzi oħrajn fil-Myanmar/Burma",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tal-24 ta' Marzu 2016 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar/Burma u tat-3 ta' Lulju 2015 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-Musulmani Rohingya u minoranzi oħra fil-Myanmar/Burma,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-1 ta' Ġunju 2016 bit-titolu "Elementi għal strateġija tal-UE fil-konfront tal-Myanmar/Burma: sħubija speċjali għad-demokrazija, il-paċi u l-prosperità" (JOIN(2016)0024),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2016 dwar strateġija tal-UE fil-konfront tal-Myanmar/Burma;

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward tal-Libertà ta' Espressjoni Online u Offline,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-18 ta' Mejju 2015 bit-titolu "L-UE u l-ASEAN: sħubija bi skop strateġiku" (JOIN(2015)0022),

–  wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni, f'April 2016, ta' "Valutazzjoni tal-Impatt għas-Sostenibbiltà (VIS) b'appoġġ għal ftehim ta' protezzjoni tal-investiment bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Unjoni tal-Myanmar",

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Diċembru 1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati u l-Protokoll tal-1967 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Liġi tal-Myanmar/Burma dwar id-Dritt ta' Għaqda Paċifika u ta' Proċessjoni Paċifika tal-2012 u l-emendi għaliha tal-2014, u l-Liġi ġdida tiegħu dwar id-Dritt ta' Għaqda Paċifika u ta' Proċessjoni Paċifika tal-31 ta' Mejju 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Parlamentari għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN) ta' April 2015 bit-titolu "Il-kriżi tar-Rohingya u r-riskju ta' atroċitajiet fil-Myanmar/Burma: sfida għall-ASEAN u appell għal azzjoni",

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Myanmar/Burma ħa passi sinifikanti biex jirriforma l-ekonomija u s-sistema politika tiegħu, u billi nbdew riformi estensivi sa mill-2011;

B.  billi fid-9 ta' Novembru 2015 il-Lega Nazzjonali għad-Demokrazija (NLD), taħt it-tmexxija tar-rebbieħa tal-Premju Nobel għall-Paċi u tal-Premju Sakharov, Aung San Suu Kyi, li rebħet b'mod qawwi l-elezzjonijiet, u billi Htin Aung sar l-ewwel President ċivili f'50 sena; billi minkejja l-popolarità personali tagħha s-Sa Suu Kyi ġiet prekluża mill-Presidenza bil-Kostituzzjoni tal-2008 li kienet abbozzata mill-militar, iżda issa hija de facto qed tmexxi l-Istat taħt it-titolu ta' Konsulent tal-Istat;

C.  billi r-Rohingya huma minoranza etnika u reliġjuża Musulmana li ilha deċennji ssofri oppressjoni brutali, persekuzzjoni sistematika, segregazzjoni, esklużjoni, diskriminazzjoni u ksur serju ieħor tad-drittijiet tal-bniedem;

D.  billi r-Rohingya jirrappreżentaw l-akbar perċentwal ta' Musulmani fil-Myanmar/Burma, u l-biċċa l-kbira jgħixu fl-Istat ta' Rakhine;

E.  billi madwar miljun Rohingya huma fost il-minoranzi l-aktar persegwitati fid-dinja, u ilhom uffiċjalment mingħajr Stat sa mil-Liġi tal-1982 dwar iċ-Ċittadinanza Burmiża; billi r-Rohingya mhumiex aċċettati mill-awtoritajiet tal-Myanmar/Burma u mill-pajjiżi ġirien, għalkemm xi wħud minn dawn tal-aħħar jospitaw popolazzjonijiet kbar ta' rifuġjati; billi l-ġlied kontinwu fl-Istat ta' Rakhine qed jirriżulta fi tbatija umana kontinwa u qed jimmina l-fiduċja fil-proċess tal-paċi;

F.  billi l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra'ad Al Hussein, fir-rapport tiegħu tal-20 ta' Ġunju 2016, iddeskriva l-ksur serju u kontinwu tad-drittijiet kontra r-Rohingya, inklużi l-privazzjoni arbitrarja tan-nazzjonalità, li tagħmilhom mingħajr Stat, restrizzjonijiet severi tal-libertà ta' moviment, theddid għall-ħajja u s-sigurtà, iċ-ċaħda tad-drittijiet għas-saħħa u l-edukazzjoni, ix-xogħol furzat, il-vjolenza sesswali u limitazzjonijiet fuq id-drittijiet politiċi tagħhom, "li jistgħu jitqiesu bħala delitti kontra l-umanità"; billi s-Sur Al Hussein indika li r-Rohingya huma esklużi minn bosta professjonijiet u jeħtieġu dokumenti speċjali biex ikollhom aċċess għall-isptarijiet, u dan qed wassal għal dewmien u għall-imwiet ta' trabi u ta' ommijiethom waqt il-ħlas;

G.  billi, skont il-Parlamentari għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-ASEAN, madwar 120 000 Rohingya għadhom f'aktar minn 80 kamp ta' spustament intern fl-Istat ta' Rakhine, b'aċċess limitat għall-għajnuna umanitarja, filwaqt li f'dawn l-aħħar snin aktar minn 100 000 Rohingya ieħor ħarbu bil-baħar jew bl-art, spiss vittmi ta' traffikanti tal-bnedmin, lejn pajjiżi oħra; billi bosta eluf kull sena jissograw ħajjithom biex jippruvaw jaħarbu bl-art jew bil-baħar, u bosta minnhom mietu waqt li kienu qed jaħarbu;

H.  billi l-Gvern il-ġdid wiret sitwazzjoni fejn japplikaw liġijiet u politiki mfassla biex iċaħħdu l-minoranzi mid-drittijiet fundamentali tagħhom u fejn l-impunità għal ksur serju kontra r-Rohingya ħeġġet aktar vjolenza kontrihom;

I.  billi s-Sa Suu Kyi ħabbret f'laqgħa ma' Yanghee Lee, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar/Burma, li l-Gvern ma jużax il-kelma Rohingya (kontinwazzjoni tal-politika mħaddna taħt id-dittatorjat militari), għaliex hija meqjusa ultraġġuża, kif hija l-kelma "Bengali", u minflok jissuġġerixxi li t-terminu l-ġdid ikun "il-komunità Musulmana fl-Istat ta' Rakhine"; billi l-Partit Nazzjonali Arakan (ANP), li jirrappreżenta l-estremisti Buddisti ta' Rakhine, irrifjuta t-terminu l-ġdid u akkuża lill-Gvern li aċċetta b'mod indirett li r-Rohingya huma nattivi tal-Istat ta' Rakhine, ħaġa li l-ANP ma jaċċettax, u billi f'dawn l-aħħar jiem eluf ta' persuni niżlu fit-toroq biex jipprotestaw kontra l-Gvern; billi s-Sa Suu Kyi ħadet il-karigi ta' Konsulent tal-Istat, Ministru tal-Affarijiet Barranin u Ministru għall-Uffiċċju tal-President fi gvern ċivili;

J.  billi l-Myanmar/Burma jinsab fi tranżizzjoni politika iżda, fil-prattika, għadu fortizza tal-militar, b'xi ministeri, karigi ta' mħallfin tal-Qorti u siġġijiet parlamentari riservati għal dawk maħtura mill-militar; billi l-livell ta' korruzzjoni fi ħdan l-awtoritajiet għadu meqjus bħala għoli ħafna;

K.  billi għad hemm problemi serji bil-leġiżlazzjoni tal-Myanmar/Burma, b'diversi liġijiet prinċipali li jiksru l-konvenzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-Kodiċi Penali, il-Liġi dwar l-Għaqda Paċifika u l-Proċessjoni Paċifika, il-Liġi dwar it-Telekomunikazzjoni, il-Liġi dwar il-Midja tal-Aħbarijiet u l-erba' abbozzi dwar il-protezzjoni tar-razza u tar-reliġjon;

L.  billi, f'episodju reċenti ta' vjolenza kontra l-komunità Musulmana tal-Myanmar/Burma, żewġ moskej ġew maħruqa f'inqas minn ġimgħa;

M.  billi l-popolazzjoni Rohingya (kemm ġewwa kif ukoll barra l-Istat ta' Rakhine) hija l-mira ta' propaganda vjolenti, aggressiva u diskriminatorja u ta' azzjonijiet imwettqa minn għadd ta' gruppi buddisti radikali fil-Myanmar/Burma;

N.  billi f'dawn l-aħħar snin ħafna priġunieri politiċi ġew meħlusa, iżda bosta difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti, persuni li jikkritikaw il-gvern u l-militar, u oħrajn ġew arrestati fuq il-bażi ta' dispożizzjonijiet ġenerali u fformulati b'mod vag, waqt li kienu qed jeżerċitaw id-drittijiet demokratiċi tagħhom b'mod paċifiku;

O.  billi l-Myanmar/Burma għamel sforzi evidenti biex imexxi 'l quddiem il-proċess ta' paċi, minbarra preparazzjonijiet li għamel għal konferenza nazzjonali dwar il-paċi (il-Konferenza ta' Panglong tas-Seklu 21); billi huwa essenzjali li jinżamm il-waqfien mill-ġlied nazzjonali u li jiġu inklużi l-gruppi armati etniċi kollha bil-għan li jiġu żgurati l-paċi, il-prosperità u l-għaqda fil-pajjiż;

1.  Jilqa' l-elezzjonijiet kredibbli u kompetittivi ta' Novembru 2015, u jqis pożittiv it-trasferiment paċifiku tal-poter lill-ewwel President mhux militari tal-pajjiż sa mill-1962;

2.  Jilqa' l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2016 dwar strateġija tal-UE fil-konfront tal-Myanmar/Burma; jenfasizza li l-UE għandha interess strateġiku fit-tisħiħ tar-relazzjoni tagħha mal-Myanmar/Burma; jemmen li l-Gvern il-ġdid għandu opportunità storika biex jikkonsolida d-demokrazija u jikseb il-paċi, ir-rikonċiljazzjoni nazzjonali u l-prosperità;

3.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Gvern tal-Myanmar/Burma li jqiegħed bħala prijorità ewlenija l-paċi u r-rikonċiljazzjoni nazzjonali; jenfasizza li l-ġlied irid jieqaf minnufih, u li t-tilwim jeħtieġlu jissolva permezz ta' negozjati;

4.  Jifhem li r-riformi jieħdu ż-żmien, iżda jenfasizza li l-gravità tal-persekuzzjoni kontinwa ta' ċerti minoranzi, kif dokumentat fir-rapport reċenti tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem bit-titolu "Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-Musulmani Rohingya u ta' minoranzi oħrajn fil-Myanmar/Burma", titlob rimedji immedjati, u jistieden lill-Gvern biex jaġixxi fuq ir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport, inklużi dawk li jabolixxi l-"ordnijiet lokali" diskriminatorji fl-Istat ta' Rakhine, li jneħħi l-miżuri restrittivi fir-rigward ta' trattament mediku ta' emerġenza u li jneħħi r-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' moviment;

5.  Iħeġġeġ lill-gvern u lill-awtoritajiet rilevanti tal-pajjiżi kollha fir-reġjun jirrispettaw bis-sħiħ il-prinċipju ta' non-refoulement u jipproteġu r-rifuġjati Rohingya, f'konformità mal-obbligi internazzjonali tagħhom u mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

6.  Itenni t-tħassib kbir tiegħu dwar il-qagħda tar-rifuġjati Rohingya fix-Xlokk tal-Asja u jappella biex il-mobilizzazzjoni reġjonali u internazzjonali tipprovdilhom assistenza urġenti fis-sitwazzjoni mill-aktar vulnerabbli tagħhom; jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, il-vjolenza u n-nuqqas ta' protezzjoni mill-awtoritajiet uffiċjali fil-pajjiżi destinatarji;

7.  Jenfasizza li l-UE qieset pożittivi l-isforzi tal-Gvern tal-Myanmar/Burma biex jibda jaħdem ħalli jaffronta l-isfidi li qed jiffaċċja l-Istat ta' Rakhine, inkluża s-sitwazzjoni tar-Rohingya;

8.  Jinsisti li l-awtoritajiet għandhom, bħala kwistjoni ta' urġenza, jiżguraw aċċess liberu u mingħajr xkiel għall-Istat ta' Rakhine lill-atturi umanitarji, lin-NU, lill-organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, lill-ġurnalisti u lil osservaturi internazzjonali oħrajn;

9.  Jistieden lill-Gvern tal-Myanmar/Burma biex jikkundanna b'mod ċar kull inċitament għal mibegħda razzjali jew reliġjuża, biex jieħu passi konkreti ħalli jwaqqaf din il-mibegħda minnufih, u biex jimplimenta miżuri speċifiċi u politiki li jimpedixxu d-diskriminazzjoni diretta u indiretta kontra r-Rohingya fil-futur;

10.  Itenni l-appell tal-Kunsill Ewropew għall-bini ta' istituzzjonijiet demokratiċi effikaċi, inklużi ġudikatura indipendenti u imparzjali u soċjetà ċivili b'saħħitha, kif ukoll il-promozzjoni ta' governanza tajba bil-ħsieb li l-Myanmar/Burma jsir demokrazija li jkollha rispett sħiħ għall-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali;

11.  Jistieden lill-Gvern elett jiżviluppa demokrazija miftuħa fejn id-drittijiet tal-bniedem ikunu rispettati u fejn il-persuni jkollhom garanzija ta' libertà ta' espressjoni, ta' għaqda u ta' moviment, u jkunu ħielsa minn kull forma ta' diskriminazzjoni;

12.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Myanmar/Burma jimplimenta minnufih ir-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fir-riżoluzzjoni adottata fl-31 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (UNHRC) dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar/Burma;

13.  Jistieden lill-Gvern tal-Myanmar/Burma biex iħares il-poplu Rohingya minn kull forma ta' diskriminazzjoni u biex itemm l-impunità għall-ksur kontra r-Rohingya; ifakkar fid-dikjarazzjoni, li suppost kienet ilha li waslet, tat-18 ta' Mejju 2015 mill-kelliem tal-partit tas-Sa Suu Kyi, l-NLD, li l-Gvern tal-Myanmar/Burma għandu jagħti ċ-ċittadinanza lill-minoranza Rohingya; jistieden lill-Sa Suu Kyi, rebbieħa tal-Premju Sakharov, tuża l-pożizzjonijiet ewlenin tagħha fil-Gvern tal-Myanmar/Burma biex ittejjeb is-sitwazzjoni tal-minoranza Rohingya;

14.  Jistieden lill-Gvern tal-Myanmar/Burma jirriforma l-Liġi tal-1982 dwar iċ-Ċittadinanza u biex jerġa' jistabbilixxi ċ-ċittadinanza tal-minoranza Rohingya; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Myanmar/Burma u lill-awtoritajiet tal-Istat ta' Rakhine biex jibdew minnufih jirreġistraw it-tfal mat-twelid; jitlob lill-Gvern tal-Myanmar/Burma jħassar kull disposizzjoni diskriminatorja;

15.  Jistieden lill-UE tkompli tappoġġja lill-UNHRC fl-isforzi tiegħu biex jgħin lir-rifuġjati Rohingya fin-Nofsinhar u x-Xlokk tal-Asja;

16.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw il-Pjan ta' Azzjoni Globali 2014-24 tal-UNHRC biex Tintemm l-Apolidija;

17.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Myanmar/Burma jeħles minnufih lill-priġunieri politiċi kollha u lil dawk li sfaw arrestati fuq akkużi li jiksru d-dritt u n-normi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

18.  Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tindirizza s-sitwazzjoni tar-Rohingya fl-ogħla livell politiku possibbli fil-kuntatti tagħha mal-Myanmar/Burma u ma' pajjiżi oħra membri tal-ASEAN;

19.  Jappella għall-kawtela fir-rigward tal-konklużjoni tal-ftehim ta' investiment ippjanat bejn l-UE u l-Myanmar/Burma, peress li għandu mnejn jipperikola l-iżvilupp futur soċjalment bilanċjat tal-Mjanmar/Burma dment li fil-biċċa l-kbira għad hemm nuqqas ta' leġiżlazzjoni dwar ir-responsabbiltajiet u obbligazzjonijiet ambjentali u soċjali korporattivi, id-drittijiet tax-xogħol, is-sjieda tal-art u l-miżuri kontra l-korruzzjoni, u jħeġġeġ liż-żewġ naħat jikkunsidraw dan it-tħassib;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u l-Parlament tal-Myanmar/Burma, lis-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja, lill-Kummissjoni Intergovernattiva dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-ASEAN, lir-Rapporteur Speċjali tan-NU għas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar/Burma, lill-Kummissarju Għoli għar-Rifuġjati tan-NU, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' Stati oħra fir-reġjun.

(1) ĠU C 258 E, 7.9.2013, p. 79.
(2) ĠU C 353 E, 3.12.2013, p. 145.
(3) ĠU C 419, 16.12.2015, p. 189.
(4) ĠU C 65, 19.2.2016, p. 157.
(5) Testi adottati, P8_TA(2015)0211.
(6) ĠU C 55, 12.2.2016, p. 112.


Il-71 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU
PDF 407kWORD 151k
Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2016 dwar il-71 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (2016/2020(INI))
P8_TA(2016)0317A8-0146/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta għal rakkomandazzjoni lill-Kunsill dwar il-71 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti magħmula minn Andrey Kovatchev, f'isem il-Grupp PPE (B8-1374/2015),

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikoli 21, 34 u 36 tiegħu,

–  wara li kkunsidra s-70 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 2015 dwar il-prijoritajiet tal-UE għas-70 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-konvenzjonijiet tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-protokolli fakultattivi tagħhom,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea fix-xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti(1), li tagħti d-dritt lill-UE biex tintervjeni fl-Assemblea Ġenerali tan-NU, tippreżenta proposti u emendi orali li jitressqu għall-votazzjoni fuq talba ta' Stat Membru, u teżerċita d-dritt ta' replika,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar l-10 Anniversarju tar-Riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà(2),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tat-18 ta' April 2013 dwar il-prinċipju tan-NU tar-"responsabbiltà ta' protezzjoni" (R2P)(3),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tat-2 ta' April 2014 dwar id-69 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Novembru 2015 dwar ir-rwol tal-UE fin-NU - kif jistgħu jintlaħqu aħjar l-objettivi tal-UE fil-qasam tal-politika barranija(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-21 ta' Jannar 2016 dwar il-prijoritajiet tal-UE għas-sessjonijiet tal-UNHRC fl-2016(6) u tas-17 ta' Lulju 2014 dwar id-delitt ta' aggressjoni(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2016 dwar il-qtil tal-massa sistematiku ta' minoranzi reliġjużi mill-hekk imsejjaħ 'ISIS/Da'esh'(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Marzu 2016 dwar is-sitwazzjoni tan-nisa rifuġjati u li jfittxu l-asil fl-UE(9),

–  wara li kkunsidra l-ftehim ta' Pariġi tat-12 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra d-dokumenti tat-13 ta' Ġunju 2012 "Plan of Action to enhance EU CSDP support to UN peacekeeping"(10) (Pjan ta' Azzjoni biex jissaħħaħ is-sostenn PSDK tal-UE favur l-operazzjonijiet taż-żamma tal-paċi tan-NU) u tat-23 ta' Marzu 2015 "Strengthening the UN-EU Strategic Partnership on Peacekeeping and Crisis Management: Priorities 2015-2018" (Tisħiħ tas-Sħubija Strateġika NU-UE dwar iż-Żamma tal-Paċi u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet): il-prijoritajiet 2015-2018)(11),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida ta' Oslo dwar l-użu tal-mezzi militari u tal-protezzjoni ċivili fl-ambitu ta' interventi internazzjonali f'każ ta' diżastri ta' Novembru 2007,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 1325(2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u r-riżoluzzjoni 2242 (2015) reċenti tal-Kunsill tas-Sigurtà dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà,

–  wara li kkunsidra r-Rapport ta' Evalwazzjoni tan-NU tal-15 ta' Mejju 2015 intitolat "Enforcement and Remedial Assistance Efforts for Sexual Exploitation and Abuse by the United Nations and Related Personnel in Peacekeeping Operations" (Infurzar u Sforzi Korrettivi ta' Assistenza għall-Isfruttament u l-Abbuż Sesswali min-Nazzjonijiet Uniti u Persunal Relatat fl-Operazzjonijiet taż-Żamma tal-Paċi),

–  wara li kkunsidra l-ewwel rapport tan-NU dwar ir-reżistenza antibijotika maħruġ mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) f'April 2014 li jikkwalifika lir-reżistenza antimikrobika bħala "theddida serja" għas-saħħa pubblika dinjija,

–  wara li kkunsidra r-rivelazzjonijiet reċenti dwar l-attivitajiet tad-ditta legali Mossack Fonseca b'sede fil-Panama u l-inizjattivi relatati għal kooperazzjoni internazzjonali aktar stretta għall-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 134(3) u 113 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A8-0146/2016),

A.  billi l-impenn tal-UE favur multilateraliżmu effikaċi u governanza globali tajba, bin-NU fil-qalba tiegħu, huwa parti integrali mill-politika esterna tal-UE u għandu l-għeruq tiegħu fil-konvinzjoni li sistema multilaterali bbażata fuq regoli u valuri universali, li trid tkun rispettata u difiża, hija l-aktar adatta biex jiġu indirizzati l-kriżijiet, l-isfidi u t-theddid globali;

B.  billi l-UE għandu jkollha sehem proattiv fil-bini ta' Nazzjonijiet Uniti li jistgħu jikkontribwixxu b'mod attiv għas-soluzzjonijiet globali, għall-paċi u s-sigurtà, għall-iżvilupp, għad-drittijiet tal-bniedem, għad-demokrazija u għall-ordni internazzjonali bbażat fuq l-istat tad-dritt;

C.  billi l-Istati Membri tal-UE jeħtieġu jagħmlu kull sforz biex jikkoordinaw azzjonijiethom fl-organi u fil-korpi tas-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti skont il-mandat li jinsab fl-Artikolu 34(1) tat-TUE;

D.  billi qiegħed ikun hemm deterjorament rapidu u żieda fil-kumplessità tal-kuntest ta' sigurtà fil-livell dinji u reġjonali u d-distinzjoni bejn sigurtà interna u esterna qiegħda ssir inqas ċara; billi n-NU jiżvolġu rwol fundamentali fil-garanzija ta' stabilità u sigurtà fil-livell dinji;

E.  billi huwa neċessarju li jsir rieżami bir-reqqa tal-istrumenti għal multilateraliżmu effikaċi fl-ambitu tan-NU, b'segwitu għall-bidliet f'termini ta' diffużjoni u konfigurazzjoni tal-poter f'livell dinji; billi dawn l-istrumenti jeħtieġ li jinvolvu aktar lill-partijiet interessati, kemm statali kif ukoll mhux statali, anki fil-proċessi ta' prevenzjoni tal-kunflitti u ta' ġestjoni tal-kriżijiet;

F.  billi l-UE u l-Istati Membri tagħha b'mod kollettiv huma l-akbar kontributuri finanzjarji għas-sistema tan-NU, billi jipprovdu madwar terz tal-baġit regolari tan-NU, kważi żewġ kwinti tal-baġit għaż-żamma tal-paċi tan-NU, u madwar nofs il-kontribuzzjonijiet kollha għall-fondi u l-programmi tan-NU;

G.  billi l-UE taħdem favur is-sostenibilità ambjentali, speċjalment fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima permezz tal-promozzjoni ta' miżuri u azzjonijiet internazzjonali intiżi li jippreservaw u jtejbu l-kwalità tal-ambjent u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali;

H.  billi l-UE hija waħda mill-aktar difensuri u promoturi dedikati tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertajiet fundamentali, tal-valuri u d-diversità kulturali, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt;

I.  billi l-ambjent ta' sigurtà tal-UE huwa dejjem aktar instabbli u volatili minħabba l-għadd kbir ta' sfidi, li ilhom jeżistu żmien twil jew li nibtu dan l-aħħar, fosthom il-kunflitti vjolenti, it-terroriżmu, il-kriminalità organizzata, il-flussi migratorji mingħajr preċedent u t-tibdil fil-klima, li huma impossibbli li jiġu indirizzati fil-livell nazzjonali u reġjonali, u li jeħtieġu risposti globali;

J.  billi l-isfidi l-ġodda, inklużi l-gwerra ibrida u tal-informazzjoni, it-theddid informatiku, il-bijoinġinerija, is-sistemi ta' armament awtonomi letali, in-nanoteknoloġiji, il-minjaturizzazzjoni tal-armi u l-proliferazzjoni ta' teknoloġiji b'użu doppju, jirrikjedu l-elaborazzjoni ta' ftehimiet multilaterali, li għalihom in-NU jirrappreżentaw l-organizzazzjoni l-aktar adatta;

K.  billi l-iżviluppi reċenti fil-proliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva u tal-mezzi tagħhom qegħdin jagħmlu l-kontroll tal-armamenti u d-diżarm dejjem aktar diffiċli u qegħdin jimminaw l-istabilità u s-sigurtà globali; billi n-Nazzjonijiet Uniti jirrappreżentaw struttura adatta għall-promozzjoni ta' miżuri ġodda ta' diżarm u kontroll tal-armamenti, id f'id ma' sħab li jaqsmu l-istess prinċipji;

1.  Jindirizza dawn ir-rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill:

Paċi u sigurtà

Ġlieda kontra t-terrorizmu

Nonproliferazzjoni u diżarm

Migrazzjoni

Drittijiet tal-bniedem, demokrazija u stat tad-dritt

Żvilupp

Tibdil fil-klima

L-UE u r-riforma tas-sistema tan-NU

   (a) jieħu azzjonijiet biex jiggarantixxi li l-partijiet kollha involuti direttament jew indirettament fil-kunflitti armati u l-organizzazzjonijiet tagħhom jirrispettaw bis-sħiħ l-obbligi internazzjonali u l-istandards tad-dritt internazzjonali u jimpenjaw ruħhom biex isibu soluzzjoni paċifika u diplomatika għal kwalunkwe tip ta' kunflitt; iħeġġeġ li dawn l-obbligi u l-impenji jinkludu wkoll l-obbligu li jingħata aċċess għall-għajnuna umanitarja lil min ikun fil-bżonn;
   (b) ikompli t-tentattivi ta' appoġġ multilaterali biex jinstabu soluzzjonijiet politiċi u paċifiċi dejjiema għall-kunflitti li għaddejjin fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta' Fuq; ikompli s-sostenn għall-ħidma tal-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għas-Sirja, tar-Rappreżentant Speċjali u Kap tal-Missjoni ta' Appoġġ tan-NU fil-Libja, tal-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-Jemen, tal-Koordinatur Speċjali tan-NU għall-Proċess ta' Paċi tal-Lvant Nofsani u tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għas-Saħara tal-Punent; jappella għal għajnuna umanitarja, finanzjarja u politika kontinwa min-naħa tal-komunità internazzjonali biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni umanitarja, u jaħdem favur il-waqfien immedjat tal-vjolenza; jikkundanna l-azzjonijiet unilaterali u mhux koordinati fi kwalunkwe żona ta' kriżi,
   (c) isostni t-taħditiet bejn il-partijiet Sirjani li huma ggwidati mir-riżoluzzjoni 2254 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; isostni l-ħidma tat-task forces maħluqa mill-Grupp Internazzjonali ta' Appoġġ għas-Sirja li qegħdin jissorveljaw il-konsenja tal-għajnuna umanitarja tant bżonjuża lil eluf ta' Sirjani f'żoni assedjati u f'żoni oħra diffiċli li jintlaħqu, kif ukoll il-waqfien tal-ostilitajiet approvat mir-riżoluzzjoni 2268(2016) tal-Kunsill tas-Sigurtà; jikkundanna bil-qawwa l-abbużi mifruxa tad-drittijiet tal-bniedem u l-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali fis-Sirja u jappoġġa l-ħidma tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jiddokumentaw evidenza ta' delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ksur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem; jissottolinja l-bżonn li tinstab soluzzjoni politika għall-kunflitt u jiggarantixxi l-inklużjoni tan-nisa fit-taħditiet ta' paċi; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha tan-NU jagħmlu disponibbli r-riżorsi finanzjarji u umani kollha neċessarji biex jgħinu lill-popolazzjoni lokali u lir-rifuġjati;
   (d) jaċċerta li l-Assemblea Ġenerali tan-NU tforni, b'kooperazzjoni mal-UE u mal-Istati Uniti tal-Amerka, l-istrumenti kollha biex jiġi żgurat li soluzzjoni ta' żewġ Stati abbażi tal-fruntieri tal-1967, li tipprevedi lil Ġerusalemm bħala l-kapitali taż-żewġ Stati, bi Stat ta' Iżrael sikur, bi fruntieri sikuri u rikonoxxuti, u Stat tal-Palestina indipendenti, demokratiku, kontigwu u fattibbli, li jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà, tkun waħda sostenibbli u effikaċi; jaġixxi konformement mal-konklużjonijiet tal-Proċess ta' Paċi tal-Lvant Nofsani adottati fit-18 ta' Jannar 2016, li jqisu l-espansjoni kontinwa tal-insedjamenti bħala ostaklu kostanti għall-paċi;
   (e) jissottolinja l-ħtieġa ta' azzjoni umanitarja koordinata taħt it-tmexxija tan-NU fil-Jemen; iħeġġeġ lill-partijiet kollha biex jippermettu d-dħul u t-twassil ta' ikel, mediċini, fjuwil u assistenza oħra meħtieġa b'mod urġenti permezz ta' kanali tan-NU u umanitarji internazzjonali sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet urġenti taċ-ċivili milquta mill-kriżi, b'konformità mal-prinċipji ta' imparzjalità, newtralità u indipendenza; jappella għal pawża umanitarja sabiex għajnuna li tista' ssalva l-ħajjiet titħalla tasal għand il-poplu Jemenit b'mod urġenti; jappella għal investigazzjoni imparzjali u indipendenti dwar il-ksur allegat tad-dritt internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali, inklużi l-aħħar attakki mmirati fuq infrastruttura u persunal umanitarji; jappella lill-partijiet kollha jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet taċ-ċittadini Jemeniti kollha, u jenfasizza l-importanza li titjieb is-sigurtà ta' dawk kollha li jaħdmu f'missjonijiet ta' paċi u umanitarji fil-pajjiż, inklużi ħaddiema umanitarji, tobba u ġurnalisti; jinkoraġġixxi politika ta' avviċinament bejn l-Arabja Sawdija u l-Iran ħalli jittaffew it-tensjonijiet reġjonali u biex titwitta t-triq lejn ir-riżoluzzjoni tal-kunflitt fil-Jemen u fi bnadi oħrajn;
   (f) ikompli jappella għar-rispett totali tal-fruntieri rikonoxxuti fuq livell internazzjonali u tal-integrità territorjali tal-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant u tal-Kawkasu tan-Nofsinhar, fosthom il-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna, fid-dawl tal-ksur tad-dritt internazzjonali f'dawn l-inħawi, kif ukoll għall-għażla ħielsa u sovrana tagħhom li jimxu fit-triq Ewropea; isostni u jintensifika l-isforzi diplomatiċi għal riżoluzzjoni paċifika ta' dawn il-kunflitti li għaddejjin u dawk iffriżati; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali timplimenta bis-sħiħ il-politika tan-nonrikonoxximent tal-annessjoni illegali tal-Krimea; iżid attivament il-pressjoni fuq ir-Russja, inkwantu membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, bil-għan li tinstab riżoluzzjoni tal-kunflitt fl-Ukrajna;
   (g) jappella għal aktar appoġġ għall-isforzi tal-komunità internazzjonali u l-organizzazzjonijiet reġjonali biex jiġu ġestiti l-kriżijiet tas-sigurtà fil-kontinent Afrikan, b'mod partikolari fis-Somalja, fis-Sudan, fis-Sudan t'Isfel, fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, fil-Mali, fin-Niġerja u fil-Burundi fir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar inġenerali; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri tan-NU jintensifikaw is-sostenn għar-rwol dejjem akbar u għall-kapaċitajiet proprji tal-Unjoni Afrikana fil-medjazzjoni u fil-ġestjoni tal-kriżijiet filwaqt li fl-istess ħin taġixxi f'isem il-komplementarjetà mal-azzjonijiet tal-Uffiċċju ta' Appoġġ għall-Konsolidament tal-Paċi tan-NU; isostni l-isforzi użati mill-UA, mill-Komunità tal-Afrika tal-Lvant u min-NU biex jiġi evitat l-aggravar ulterjuri tal-kriżi fil-Burundi u jaħdem favur il-promozzjoni ta' djalogu urġenti, inklużiv u ġenwin internament għall-Burundi bejn il-gvern u l-oppożizzjoni; isostni r-rikors għal inkjesta indipendenti u internazzjonali li qiegħda tinvestiga kwalunkwe ksur allegat tad-drittijiet tal-bniedem u jikkontribwixxi biex dawk responsabbli jwieġbu għal għemilhom u jitressqu quddiem il-ġustizzja;
   (h) isostni l-isforzi komprensivi li għaddejjin biex jissaħħu l-operazzjonijiet ta' paċi tan-NU u l-kapaċità tal-organizzazzjoni li tittratta l-kunflitt; jeżamina opportunitajiet ġodda u jinkoraġġixxi kooperazzjoni msaħħa bejn l-UE u n-NU fil-kuntest tar-riforma tal-viżjonijiet strateġiċi tagħhom dwar is-sigurtà, permezz, fuq naħa, tal-Istrateġija Globali tal-UE dwar il-Politika Barranija u ta' Sigurtà u, fuq in-naħa l-oħra, ir-reviżjoni tal-operazzjonijiet tal-paċi tan-NU, l-arkitettura taż-żamma tal-paċi u l-aġenda dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà tan-NU (riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà) u s-sinerġiji bejniethom; jiżgura li l-proċess ta' rieżami tal-arkitettura tan-NU għall-konsolidament tal-paċi jippromwovi l-prinċipju tar-Responsabilità ta' Protezzjoni u r-rwol tan-nisa fil-konsolidament tal-paċi;
   (i) jilqa' favorevolment l-adozzjoni u jsostni l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjoni 2242 (2015) reċenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li tpoġġi lin-nisa bħala komponent ċentrali f'kull sforz biex jiġu indirizzati l-isfidi globali, u jappella għal aktar sforzi biex tiġi integrata l-aġenda dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà fid-dimensjonijiet differenti kollha taż-żamma tal-paċi; jisħaq fuq l-importanza tal-parteċipazzjoni ndaqs, sħiħa u attiva tan-nisa fil-prevenzjoni u fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti u fin-negozjati ta' paċi kif ukoll fil-proċess tal-konsolidament tal-paċi; jiżgura li tingħata l-assistenza medika sikura kollha neċessarja lill-vittmi nisa tal-istupri tal-gwerra;
   (j) jippromwovi kultura ta' prevenzjoni fi ħdan is-sistema tan-NU bil-għan li l-kapaċità tagħha titjieb ħalli twieġeb aktar malajr għall-kriżijiet emerġenti u għat-theddid potenzjali għall-paċi u s-sigurtà, partikolarment permezz tad-diplomazija preventiva effikaċi, tat-tisħiħ tal-fiduċja u tal-isforzi ta' medjazzjoni; jistinka biex isaħħaħ is-sistemi ta' twissija bikrija u ta' komunikazzjoni bikrija u jkompli jiżviluppa l-proċeduri għall-konsultazzjoni f'każ ta' kriżi bejn in-NU, l-UE u l-organizzazzjonijiet sottoreġjonali l-oħra, li jiżvolġu rwol importanti fil-paċi u s-sigurtà internazzjonali, bil-għan li jkun hemm koordinament aħjar tar-risposti tagħhom għall-kriżijiet, u tiġi evitata duplikazzjoni bla bżonn; jikkoopera man-NU fit-tisħiħ tar-rwol u tal-kapaċità tal-organizzazzjonijiet reġjonali u sottoreġjonali fiż-żamma tal-paċi, fil-prevenzjoni tal-kunflitti, fil-ġestjoni tal-kriżijiet ċivili u militari u fir-riżoluzzjoni ta' kunflitti;
   (k) iżid is-sostenn min-naħa tal-Istati Membri favur l-operazzjonijiet ta' żamma u ta' konsolidament tal-paċi tan-NU li jinkludu komponent marbut mad-drittijiet tal-bniedem u strateġiji ta' ħruġ ċari, partikolarment billi jikkontribwixxu b'persunal u b'tagħmir, u jżid ir-rwol ta' faċilitatur tal-UE f'dan ir-rigward; jiżviluppa ulterjorment il-proċeduri għall-użu tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni tal-UE bħala sostenn għall-operazzjonijiet tan-NU, anki permezz tal-istazzjonament ta' gruppi tattiċi tal-UE jew bis-saħħa tal-inizjattivi ta' bini tal-kapaċitajiet u ta' riforma tas-settur tas-sigurtà, filwaqt li jagħti biżżejjed attenzjoni lill-kwistjonijiet bħad-drittijiet tal-bniedem, l-iżvilupp sostenibbli u l-kawżi profondi tal-migrazzjoni tal-massa;
   (l) jippromwovi definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta' sigurtà umana, biex toqrob aktar lejn l-ugwaljanza tal-ġeneru u d-drittijiet tal-bniedem, u l-prinċipju tar-responsabilità ta' protezzjoni (R2P) u jkompli jsostni l-isforzi biex tkompli l-operazzjonalizzazzjoni tal-R2P; isostni lin-NU biex ikomplu jiżvolġu rwol kritiku fl-assistenza lill-pajjiżi fl-implimentazzjoni tal-R2P, bil-għan li jiġi difiż l-istat tad-dritt kif ukoll id-dirtt umanitarju internazzjonali; jippromwovi l-Kodiċi ta' Kondotta rigward il-Kunsill tas-Sigurtà kontra l-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità jew id-delitti tal-gwerra, b'hekk l-Istati Membri tan-NU jimpenjaw ruħhom li jsostnu l-azzjoni li jieħu l-Kunsill tas-Sigurtà mmirata biex tipprevjeni jew ittemm tali delitti u ma jivvotawx kontra riżoluzzjoni korrispondenti tal-Kunsill tas-Sigurtà;
   (m) itenni l-kundanna inekwivokabbli tiegħu tat-terroriżmu u l-appoġġ sħiħ tiegħu favur azzjonijiet immirati biex jingħelbu u jinqerdu l-organizzazzjonijiet terroristiċi, b'mod partikolari, l-hekk imsejjaħ "ISIS/Daesh", li jikkostitwixxu theddida ċara għas-sigurtà reġjonali u internazzjonali, filwaqt li jitfakkar li dawn l-azzjonijiet għandhom jirrispettaw dejjem bis-sħiħ id-dritt internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; isostni l-promozzjoni tal-aspetti kollha tar-riżoluzzjoni 2178(2014) tal-Kunsill tas-Sigurtà dwar il-ġlieda kontra t-theddid rappreżentat mill-ġellieda terroristi barranin u tal-Prinċipji Gwida ta' Madrid biex jitwaqqaf il-fluss tal-ġellieda terroristi barranin;
   (n) jintensifika l-isforzi bl-iskop li jirreprimi r-reklutaġġ u jikkumbatti l-propaganda terroristika li ssir permezz tal-pjattaformi tal-midja soċjali u mix-xbieki ta' predikaturi tal-mibegħda radikalizzati; isostni politiki ta' kontroradikalizzazzjoni u deradikalizzazzjoni b'konformità mal-Pjan ta' Azzjoni tan-NU għall-Prevenzjoni tal-Estremiżmu Vjolenti;
   (o) ikompli jaħdem man-NU fil-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, inkluż l-użu tal-mekkaniżmi eżistenti maħsuba biex jidentifikaw l-individwi u l-organizzazzjonijiet terroristiċi u jsaħħu l-mekkaniżmi tal-iffriżar tal-assi fid-dinja kollha u fl-istess ħin jiddefendu l-istandards internazzjonali fil-qasam tal-proċess ġust u tal-istat tad-dritt;
   (p) iforni sostenn lit-Task Force tan-NU għall-Implimentazzjoni tal-Miżuri kontra t-Terroriżmu bil-għan li jiġu garantiti koordinament u koerenza fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Globali tan-NU kontra t-Terroriżmu, bl-użu tar-riżorsi u tal-kompetenzi ta' 25 entità tas-sistema tan-NU u tal-Interpol, filwaqt li jitfakkar dejjem li l-ġlieda kontra t-terroriżmu ma tistax tintuża bħala pretest għar-repressjoni tad-dissens intern jew għall-ksur tad-drittijiet tal-popolazzjoni;
   (q) jippromwovi azzjoni internazzjonali koordinata biex tingħeleb it-theddida dejjem akbar rappreżentata mill-apparati esplożivi improvviżati (IED), partikolarment permezz tal-fehim aktar fil-fond tar-rabta bejn il-ġlieda kontra l-apparati esplożivi improvviżati u l-ġlieda kontra t-terroriżmu, bl-użu tar-riżorsi u tal-kompetenzi tal-entitajiet tas-sistema tan-NU u tal-Interpol għal finijiet ta' eżekuzzjoni aktar effikaċi tal-liġi u ta' kooperazzjoni militari usa';
   (r) itenni, f'dan il-kuntest, in-neċessità ta' kombinazzjoni adegwata ta' sigurtà, eżekuzzjoni tal-liġi, drittijiet tal-bniedem u strumenti soċjoekonomiċi, li toffri soluzzjonijiet aktar idonei biex tiġi affrontata n-natura li qiegħda tinbidel tat-terroriżmu u tal-estremiżmu vjolenti rappreżentat minn organizzazzjonijiet bħal Daesh, al-Qaeda, Al-Shabaab, Boko Haram u oħrajn;
   (s) isostni kontribut akbar tal-UE fl-inizjattivi ta' żvilupp tal-kapaċitajiet tan-NU fil-ġlieda kontra l-ġellieda barranin u kontra l-estremiżmu vjolenti;
   (t) isostni l-isforzi tan-NU biex jipprevjenu atturi mhux statali u gruppi terroristiċi milli jiżviluppaw, jimmanifatturaw, jakkwistaw jew jittrasferixxu armi ta' qerda massiva u l-mezzi tagħhom u jikkontribwixxu għal rieżami komprensiv tar-riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà fl-2016; jinsisti fuq il-konformità sħiħa mat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (TNP), mal-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi u mal-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u fuq il-konklużjoni tal-proċess ta' ratifika tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri tan-NU jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni dwar il-projbizzjoni tal-użu, il-ħażna, il-produzzjoni u t-trasferiment ta' mini kontra l-persunal u dwar il-qerda tagħhom; jilqa' pożittivament il-ħolqien ta' grupp ta' ħidma miftuħ, bħala entità sussidjarja tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, bil-għan li jġib 'il quddiem in-negozjati multilaterali dwar id-diżarm nukleari, u li l-Istati Membri kollha tal-UE jieħdu sehem attiv fil-proċeduri tiegħu; jitlob lill-Membri tan-NU jieħdu miżuri attivi favur id-diżarm globali, u jieħdu kont dovut kemm tad-dimensjoni tas-sigurtà kif ukoll tad-dimensjonijiet umanitarji tal-armi nukleari;
   (u) iħeġġeġ lill-Istati Membri jappoġġaw, fil-71 sessjoni, ir-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar l-effetti tal-użu tal-armi u munizzjon li jkun fihom uranju mfaqqar, u jiżviluppaw pożizzjoni komuni tal-UE li tirrifletti aħjar it-talbiet ripetuti tal-Parlament għal moratorju globali prekawzjonarju u l-iżvilupp ta' kunsens globali dwar ir-riskji potenzjali għas-saħħa tal-persuni ċivili, il-piż kumpless tal-ġestjoni ta' skart radjuattiv ħwara l-kunflitt u l-ispejjeż finanzjarji assoċjati mal-użu ta' tali armi; jinkludu proġetti ta' valutazzjoni u għall-eliminazzjoni tal-uranju mfaqqar fl-istrumenti ta' finanzjament tal-UE għall-azzjoni kontra l-mini;
   (v) jippromwovi l-implimentazzjoni sħiħa tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (ATT) u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri kollha tan-NU biex jiffirmaw jew jaderixxu mat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi;
   (w) jaħdem favur azzjoni aktar effikaċi kontra d-devjazzjoni u l-kummerċ illeċitu ta' armi u munizzjon, inklużi armi ħfief u ta' kalibru żgħir, b'mod partikolari permezz tal-iżvilupp ta' sistema ta' rintraċċar tal-armi;
   (x) jippromwovi risposta politika fuq livell globali dwar l-użu ta' drones armati, li jkollha l-għan li żżomm l-użu tagħhom strettament fi ħdan il-limiti tad-dritt umanitarju internazzjonali u tad-dritt fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jippromwovi projbizzjoni tal-iżvilupp, il-produzzjoni u l-użu ta' armi kompletament awtonomi li jippermettu li jsiru attakki mingħajr intervent uman; jaċċerta li d-drittijiet tal-bniedem jiġu inklużi fid-djalogi kollha li jsiru mal-pajjiżi terzi dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu;
   (y) ikompli jsostni l-isforzi li għaddejjin min-naħa tan-NU f'dak li huwa l-eżami tal-iżvilupp ta' normi għal imġiba responsabbli u sikura fiċ-ċiberspazju, inkluż qafas multilaterali kontra ċ-ċiberattakki, bil-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni tad-dritt internazzjonali u tad-dritt fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;
   (z) jippromwovi sostenn akbar għall-ħidma tal-UNHCR fl-implimentazzjoni tal-mandat internazzjonali tiegħu għall-protezzjoni tar-rifuġjati, b'attenzjoni partikolari għall-gruppi vulnerabbli bħan-nisa u t-tfal; jevidenzja d-distakk wiesa' ta' finanzjament bejn il-ħtiġijiet baġitarji tal-UNHCR u l-fondi rċevuti u jitlob solidarjetà globali akbar; jitlob li jiżdied il-baġit ordinarju tan-NU biex jiġu ffinanzjati l-funzjonijiet prinċipali tal-UNHCR bil-għan li jiġi salvagwardjat il-funzjonament tiegħu;
   (aa) ifakkar li l-koerenza u l-koordinament imsaħħa huma meħtieġa bejn id-dimensjonijiet esterni u interni tal-politika dwar il-migrazzjoni u l-aġendi tal-iżvilupp u l-affarijiet esterni;
   (ab) jitlob li jsiru sforzi akbar biex tiġi evitata l-migrazzjoni irregolari u jiġi miġġieled id-dħul klandestin ta' persuni u t-traffikar tal-bnedmin, b'mod partikolari billi jiġu miġġielda n-netwerks kriminali permezz ta' skambju f'waqtu u effikaċi ta' informazzjoni rilevanti ta' intelligence filwaqt li jiġi rispettat id-dritt internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; itejjeb il-metodi għall-identifikazzjoni u l-protezzjoni tal-vittmi u għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi bil-għan li jiġi rintraċċat, sekwestrat u rkuprat ir-rikavat tal-attivitajiet kriminali f'dan is-settur; jinsisti fil-livell tan-NU fuq l-importanza tar-ratifika u tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Konvenzjoni tan-NU Kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali u l-Protokoll dwar id-Dħul Klandestin ta' Migranti fuq l-Art, bil-Baħar u bl-Ajru u l-Protokoll għall-Prevenzjoni, Soppressjoni u Punizzjoni tat-Traffikar ta' Persuni, speċjalment ta' Nisa u Tfal; isostni l-ħidma tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti;
   (ac) isostni l-laqgħa plenarja ta' livell għoli tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar l-indirizzar ta' movimenti kbar ta' rifuġjati u migranti, skedata għad-19 ta' Settembru 2016, u jitlob li hija tikkonċentra fuq il-kawżi profondi tal-migrazzjoni, b'attenzjoni dovuta għall-qerda tal-faqar u r-realizzazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istabilità;
   (ad) jenfasizza b'mod ċar u bis-saħħa li d-drittijiet tal-bniedem kollha miftiehma fl-ambitu tal-konvenzjonijiet tan-NU huma universali, indiviżibbli, interdipendenti u interrelatati u li r-rispett ta' dawn id-drittijiet irid jiġi infurzat; jiġbed l-attenzjoni għall-ksur u għall-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja kollha; jappella għad-difiża tal-libertajiet ta' opinjoni u ta' espressjoni; jisħaq fuq l-importanza ta' stampa ħielsa f'soċjetà sana, u r-rwol ta' kull ċittadin f'din tal-aħħar, u tad-difiża tal-libertajiet ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda;
   (ae) ikompli jiddefendi l-libertà ta' reliġjon jew twemmin; iħeġġeġ li jsiru sforzi akbar biex jitħarsu d-drittijiet tal-minoranzi reliġjużi u oħrajn; jitlob protezzjoni akbar tal-minoranzi reliġjużi kontra l-persekuzzjonijiet u l-vjolenza; jappella għar-revoka tal-liġijiet li jikkriminalizzaw il-blasfemija jew l-apostasija li jintużaw bħala pretest għall-persekuzzjoni tal-minoranzi reliġjużi u ta' dawk li ma jemmnux; isostni l-ħidma tar-Rapporteur Speċjali għal-libertà ta' reliġjon jew twemmin; iħabbrek b'mod attiv għar-rikonoxximent min-naħa tan-NU tal-ġenoċidju kontra l-minoranzi kommess mill-hekk imsejjaħ ISIS/Daesh, kif ukoll għar-riferiment għand il-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) ta' każijiet ta' suspetti ta' delitti kontra l-umanità, delitti tal-gwerra u ġenoċidju;
   (af) ikompli jippromwovi attivament l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni; iħeġġeġ lin-NU jsostnu attivament l-inizjattivi ta' integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fl-attivitajiet u fil-programmi u jkomplu jsostnu l-ħidma tal-UN Women; isostni l-miżuri intiżi li jsaħħu r-rwol ta' tmexxija u l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-livelli kollha tat-teħid tad-deċiżjonijiet; jiġġieled kontra l-vjolenza u d-diskriminazzjoni kontra individwi abbażi tal-orjentament sesswali, l-identità tal-ġeneru jew l-espressjoni tal-ġeneru tagħhom; jappella għar-revoka tal-leġiżlazzjoni fl-Istati Membri tan-NU li hija fi ksur tad-drittijiet tal-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI); jilqa' favorevolment l-ewwel laqgħa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar id-drittijiet tal-LGBTI fl-2015; jappella lill-Istati Membri tan-NU jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-forom kontemporanji ta' razziżmu, diskriminazzjoni razzjali, ksenofobija u intolleranza relatata;
   (ag) jippromwovi d-drittijiet tat-tfal, partikolarment billi jikkontribwixxi biex jiġi żgurat li t-tfal ikollhom aċċess għall-ilma, għas-sanità, għall-kura tas-saħħa u għall-edukazzjoni, anki f'żoni ta' kunflitt u fil-kampijiet tar-rifuġjati, u biex jiġi eliminat it-tħaddim tat-tfal, it-tortura, it-traffikar, iż-żwieġ ta' minorenni u l-isfruttament sesswali; isostni u jsaħħaħ l-isforzi internazzjonali, bis-saħħa tan-NU, sabiex jieqaf l-użu tat-tfal fil-kunflitti armati, kif ukoll sabiex jiġi affrontat b'mod aktar effikaċi l-impatt tas-sitwazzjonijiet ta' kunflitt u postkunflitt fuq in-nisa u l-bniet; isostni approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem rigward id-diżabilità f'sitwazzjonijiet ta' riskju u emerġenza, f'konformità mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità;
   (ah) iħeġġeġ lill-Istati kollha, inklużi l-Istati Membri tal-UE, jirratifikaw malajr il-protokoll fakultattiv tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali li jistabbilixxi l-mekkaniżmi ta' lment u inkjesta;
   (ai) jikkontribwixxi għall-eżitu pożittiv tal-ħidma tal-Grupp ta' Ħidma Intergovernattiv dwar il-kumpaniji transnazzjonali u l-impriżi l-oħra fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem; isostni aktar l-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem min-naħa tal-Istati Membri tan-NU; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri tan-NU jiżviluppaw u jimplimentaw pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali; isostni l-Proġett ta' Responsabilità u Rimedju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem immirat biex isaħħaħ ir-rimedji fid-dritt nazzjonali, partikolarment fil-każijiet ta' abbużi maġġuri tad-drittijiet tal-bniedem fis-settur tal-impriżi; jistieden lill-Istati Membri tan-NU jqajmu l-kwistjoni tad-drittijiet tal-bniedem mal-entitajiet sportivi internazzjonali u nazzjonali;
   (aj) ikompli jiddefendi t-tolleranza żero rigward il-piena tal-mewt u jkompli jaħdem favur l-abolizzjoni universali tagħha, u jwitti t-triq għall-adozzjoni tar-riżoluzzjoni li jmiss tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar moratorju fuq l-użu tal-piena tal-mewt; jiddenunzja ż-żieda fis-sentenzi ta' mewt li ngħataw għal delitti relatati mad-drogi u jappella għall-esklużjoni tal-użu tal-piena kapitali għal tali delitti;
   (ak) ifakkar fl-obbligu tal-Assemblea Ġenerali, meta teleġġi l-membri tal-Kunsill tan-NU tad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHRC), li tqis ir-rispett tal-promozzjoni u tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tal-istat tad-dritt u tad-demokrazija min-naħa tal-kandidati; jappella għall-istabbiliment ta' kriterji ċari bbażati fuq ir-riżultati fl-ambitu tad-drittijiet tal-bniedem biex kandidat isir membru tal-UNHRC, u, fl-okkażjoni tal-għaxar anniversarju tal-UNHRC, jappella għal valutazzjoni tal-metodi ta' ħidma tal-Kunsill u tal-impatt tiegħu;
   (al) isaħħaħ il-ħidma tal-QKI fir-rwol tagħha biex tintemm l-impunità għal min jikkommetti l-aktar delitti gravi li jolqtu l-komunità internazzjonali, li tagħmel ġustizzja mal-vittmi ta' delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ta' ġenoċidju; jagħti sostenn politiku, diplomatiku, finanzjarju u loġistiku għall-operat ta' kuljum tal-QKI; jistieden lill-Istati Membri tan-NU jaderixxu mal-Qorti billi jirratifikaw l-Istatut ta' Ruma u jinkoraġġixxi r-ratifika tal-emendi ta' Kampala; irawwem kooperazzjoni b'saħħitha mal-Qorti min-naħa tan-NU u l-organi u l-aġenziji tagħhom kif ukoll l-espansjoni tar-relazzjoni tagħha mal-Kunsill tas-Sigurtà; jappella għal riferiment, min-naħa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, tas-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea quddiem l-QKI;
   (am) jimpenja ruħu f'dibattitu pubbliku u komprensiv mal-membri kollha tal-Assemblea Ġenerali tan-NU bil-għan li jiddiskuti dwar l-importanza tar-rispett tal-limiti kostituzzjonali tal-mandati presidenzjali fid-dinja kollha;
   (an) jistieden lin-NU jimlew il-lakuni ġuridiċi tat-terminu "rifuġjat minħabba l-klima", inkluża l-eventwali definizzjoni internazzjonali;
   (ao) jaħdem favur l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tal-Aġenda tal-2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli; iħabbrek għat-titjib tal-ħajja tal-ġenerazzjonijiet futuri u jinkoraġġixxi u jsostni lill-pajjiżi biex jieħdu s-sjieda u jistabbilixxu oqfsa nazzjonali biex jintlaħqu s-17-il għan; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri tan-NU jonoraw l-impenji tagħhom fir-rigward tal-infiq għall-għajnuna għall-iżvilupp u jappella għall-adozzjoni ta' qafas sod ta' indikaturi u l-użu tad-data statistika biex timmonitorja l-progress u tiżgura l-obbligu ta' rendikont ta' kulħadd; jinsisti li l-Forum Politiku ta' Livell Għoli dwar l-Iżvilupp Sostenibbli jmissu jsir l-korp deċiżjonali ewlieni kompetenti għall-garanzija ta' segwitu u rieżami tal-implimentazzjoni tal-SDGs u jippreżenta pożizzjoni komuni tal-UE dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 qabel il-Forum Politiku ta' Livell Għoli fl-2016;
   (ap) jiġi żgurat li l-acquis tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing fir-rigward tal-aċċess għall-edukazzjoni u għas-saħħa bħala dritt bażiku uman ma jiġix imminat; jissaħħaħ l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva, peress li din tikkontribwixxi għal tnaqqis tal-mortalità materna u tat-trabi; jiġi promoss l-ippjanar tal-familja, is-saħħa materna, l-aċċess faċli għall-kontraċezzjoni u l-aċċess għall-firxa kollha ta' servizzi tas-saħħa sesswali u riproduuttiva bħala elementi importanti biex jiġu salvati l-ħajjiet tan-nisa u jgħinuhom jibnu ħajjithom mill-ġdid jekk ikunu sfaw vittmi ta' stupru; li dawn il-politiki jitqiegħdu fil-qalba tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp ma' pajjiżi terzi;
   (aq) jinsisti fuq il-bżonn li tissaħħaħ il-koerenza politika għall-iżvilupp fi ħdan l-istrutturi ta' ħidma tan-NU sabiex ikun hemm integrazzjoni effikaċi tad-dimensjonijiet kollha tal-iżvilupp sostenibbli; jissottolinja l-importanza ta' sistema kummerċjali multilaterali universali, ibbażata fuq regoli, miftuħa, trasparenti, nondiskriminatorja, inklużiva u ekwa u l-ħtieġa ta' realizzazzjoni tal-konklużjoni taċ-Ċiklu ta' Doha għall-Iżvilupp tad-WTO; ifakkar li l-iżvilupp mhuwiex possibbli mingħajr il-paċi, u lanqas il-paċi mingħajr l-iżvilupp, u jisħaq fuq l-importanza tal-SDG nru 16 dwar il-paċi, il-ġustizzja u l-governanza, li għandu jkun waħda mill-prijoritajiet fil-finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp; jappella lin-NU jintegraw b'mod sistematiku l-bini tal-kapaċitajiet u tal-governanza tajba fl-istrateġiji tal-iżvilupp fit-tul tagħhom;
   (ar) jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni, min-naħa tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, tar-riżoluzzjoni storika nru 68/304 tad-9 ta' Settembru 2014, li tirrikonoxxi d-dritt sovran ta' kull Stat li jirristruttura d-dejn sovran tiegħu, li ma għandux ikun imxekkel jew ostakolat minn kwalunkwe miżura li toħroġ minn Stat ieħor u innotat bi tħassib li s-sistema finanzjarja internazzjonali ma għandhiex qafas ġuridiku b'saħħtu għar-ristrutturar ordinat u prevedibbli tad-dejn sovran u li nediet proċess għall-adozzjoni ta' qafas ġuridiku multilaterali għall-proċessi ta' ristrutturar tad-dejn sovran; jappella lis-sistema tan-NU tappoġġa dan il-proċess bis-sħiħ; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jipparteċipaw b'mod attiv f'dan il-proċess.
   (as) jiżviluppa approċċ ħafna aktar strateġiku u effiċjenti fil-konfront tal-aġenziji tan-NU, partikolarment għal dak li għandu x'jaqsam mal-programmazzjoni tal-istrumenti finanzjarji esterni bil-għan li tiġi żgurata viżibilità akbar tal-għajnuna tal-UE fil-post;
   (at) jintervjeni attivament biex titjieb il-governanza politika fl-ambitu tal-iżvilupp sostenibbli permezz tat-tisħiħ tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP), u jilqa' l-proposta biex tiġi stabbilita Qorti Kriminali Internazzjonali għar-reati ambjentali bil-għan li tiġi rispettata l-legiżlazzjoni ambjentali b'mod aktar effikaċi fid-dinja kollha;
   (au) jaħdem favur it-tisħiħ tal-kooperazzjoni fiskali internazzjonali, billi jagħti appoġġ għall-ħolqien ta' korp fiskali internazzjonali fi ħdan is-sistema tan-NU; jiġġieled l-evażjoni tat-taxxa u l-ħasil ta' flus bis-saħħa ta' skambju awtomatiku ta' informazzjoni fuq skala dinjija dwar kwisjonijiet relatati mat-taxxa u tal-ħolqien ta' lista sewda globali komuni tar-rifuġji fiskali;
   (av) iniedi pjan globali għall-ġlieda kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi, bil-għan li jiġi evitat tixrid ulterjuri ta' superbatterji reżistenti;
   (aw) jiżgura li l-UE tibqa' fuq quddiem nett fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u tkompli tikkoopera ulterjorment man-NU f'dan il-qasam; jiżgura l-implimentazzjoni rapida tad-deċiżjonijiet meħudin waqt il-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima tal-2015 f'Pariġi;
   (ax) isostni riforma komprensiva tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti fuq il-bażi ta' kunsens wiesa', bil-għan li r-realtà dinjija l-ġdida tkun riflessa aħjar u li jiġi żgurat li l-Kunsill ikun kapaċi jittratta b'mod effikaċi t-theddid għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali; jaħdem favur l-għan fit-tul li l-UE jkollha siġġu f'Kunsill tas-Sigurtà tan-NU riformat; iħeġġeġ lill-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà jastjenu milli jirrikorru għad-dritt ta' veto tagħhom f'każijiet li fihom ikunu qegħdin jiġu kommessi delitti kontra l-umanità;
   (ay) jippromwovi r-rivitalizzazzjoni tal-ħidma tal-Assemblea Ġenerali, u l-koordinament u l-koerenza mtejba tal-azzjoni tal-istituzzjonijiet kollha tan-NU, li għandha ssaħħaħ l-effiċjenza, l-effikaċja, il-leġittimità, it-trasparenza, ir-responsabilità, il-kapaċità u r-rappreżentattività tas-sistema; jappoġġa u jibni fuq aktar trasparenza fil-proċess tal-għażla tas-Segretarju Ġenerali tan-NU li jmiss, bil-preżentazzjonijiet tal-kandidati li jsiru fi ħdan l-Assemblea Ġenerali; matul l-għażla u l-ħatra tal-aħjar kandidat, jippromwovi opportunitajiet indaqs u ġusti bbażati fuq bilanċ tal-ġeneru u ġeografiku u jsostni l-għażla ta' mara bħala s-Segretarju Ġenerali li jmiss jekk il-kandidati jkollhom kwalifiki straordinarji simili;
   (az) jiżgura li, fid-dawl tar-rapport tal-2015 tan-NU u tal-akkużi reċenti ta' vjolenza sesswali fuq it-tfal kontra t-truppi Franċiżi u tan-NU fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, in-NU, l-Istati Membri tal-UE u l-organi tal-PSDK tal-UE jinvestigaw, iħarrku u jikkundannaw, mingħajr dewmien u bil-mod l-aktar qawwi possibbli, kwalunkwe membru tal-persunal tan-NU u ta' organizzazzjonijiet nazzjonali jew Ewropej li kkommetta atti ta' vjolenza sesswali;
   (ba) jistieden lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet ta' sorveljanza rispettivi tas-Segretarjat tan-Nazzjonijiet Uniti, partikolarment l-Uffiċċju tas-Servizzi ta' Sorveljanza Interna (OIOS), il-Kumitat Konsultattiv Indipendenti għall-Awditjar (IAAC) u l-Kumitat tal-Awditjar (BoA), bil-għan li tiżdied it-trasparenza u l-fehim reċiproku fil-qasam tal-finanzjament u tal-funzjonament;
   (bb) jistabbilixxi sistema effiċjenti ta' protezzjoni tal-informaturi tan-NU;
   (bc) iħejji kodiċi ta' kondotta vinkolanti li jobbliga lid-detenturi ta' kariga jżommu l-imparzjalità, kif stabbilit mil-linji gwida tan-NU għal medjazzjoni effikaċi, fid-dawl tal-każ reċenti ta' kunflitt ta' interessi tar-Rappreżentant Speċjali tan-NU fil-Libja;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kummissjoni u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

(1) A/RES/65/276 tat-3 ta' Mejju 2011.
(2) ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 56.
(3) ĠU C 45, 5.2.2016, p. 89.
(4) Testi adottati, P7_TA(2014)0259.
(5) Testi adottati, P8_TA(2015)0403.
(6) Testi adottati, P8_TA(2016)0020.
(7) Testi adottati, P8_TA(2014)0013.
(8) Testi adottati, P8_TA(2016)0051.
(9) Testi adottati, P8_TA(2016)0073.
(10) EEAS 01024/12, dokument tal-Kunsill 11216/12.
(11) EEAS 458/15, dokument tal-Kunsill 7632/15.


Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità
PDF 700kWORD 289k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2016 dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità b'riferiment partikolari għall-Osservazzjonijiet Konklużivi tal-Kumitat tan-NU dwar is-CRPD (2015/2258(INI))
P8_TA(2016)0318A8-0203/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 9, 10, 19, 168 u 216(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Artikoli 2 u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 3, 15, 21, 23 u 26 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (is-CRPD) tan-Nazzjonijiet Uniti u d-dħul fis-seħħ tagħha fl-UE fil-21 ta' Jannar 2011 skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE tas-26 ta' Novembru 2009 dwar il-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità(1),

–  wara li kkunsidra l-Osservazzjonijiet Konklużivi tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità tat-2 ta' Ottubru 2015 dwar ir-rapport inizjali tal-Unjoni Ewropea(2),

–  wara li kkunsidra l-Lista ta' kwistjonijiet adottati mill-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità tal-15 ta' Mejju 2015 b'rabta mar-rapport inizjali tal-Unjoni Ewropea(3),

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Kondotta bejn il-Kunsill, l-Istati Membri u l-Kummissjoni li jistabbilixxi arranġamenti interni għall-implimentazzjoni mill-Unjoni Ewropea kif ukoll ir-rappreżentanza tagħha relatata mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal (CRC) tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tan-NU għall-Kura Alternattiva tat-Tfal(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006(5),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol(6),

–  wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi konġunti C-335/11 u C-337/11 HK Danimarka, u fil-kawżi C-363/12 Z u C-356/12 Glatzel,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tat-28 ta' April 2015 mill-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija (2015-2019): "Inżommu d-drittijiet tal-bniedem fil-qalba tal-aġenda tal-UE"" (JOIN(2015)0016),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-2 ta' Diċembru 2015 għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri fir-rigward tar-rekwiżiti ta' aċċessibilità għall-prodotti u għas-servizzi (COM(2015)0615),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tad-19 ta' Ġunju 2015 bit-titolu "Tweġiba tal-Unjoni Ewropea għal-lista ta' kwistjonijiet b'rabta mar-rapport inizjali tal-Unjoni Ewropea dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità" (SWD(2015)0127),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-5 ta' Ġunju 2014 tal-persunal tal-Kummissjoni bit-titolu "Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD) mill-Unjoni Ewropea" (SWD(2014)0182),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Ottubru 2011 bit-titolu "Inizjattiva ta' Negozju Soċjali: Il-ħolqien ta' klima favorevoli għall-intrapriżi soċjali, il-partijiet interessati ewlenin fl-ekonomija soċjali u l-innovazzjoni" (COM(2011)0682),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Novembru 2010 bit-titolu "Strateġija Ewropea dwar id-Diżabilità 2010-2020: Impenn mill-Ġdid għal Ewropa Mingħajr Ostakoli" (COM(2010)0636),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2016 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Aspetti Soċjali u tal-Impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2016(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Settembru 2015 dwar il-ħolqien ta' suq tax-xogħol kompetittiv tal-UE għas-seklu 21: it-tlaqqigħ tal-ħiliet u l-kwalifiki mad-domanda u l-opportunitajiet ta' mpjieg, bħala mod kif nirkupraw mill-kriżi(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Settembru 2015 dwar l-intraprenditorija soċjali u l-innovazzjoni soċjali fil-ġlieda kontra l-qgħad(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2015 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea (2013-2014)(10),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2015 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida għal politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-20 ta' Mejju 2015 tal-Parlament Ewropew dwar il-Lista ta' Kwistjonijiet adottata mill-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità b'rabta mar-rapport inizjali tal-Unjoni Ewropea(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2013 dwar l-impatt tal-kriżi fuq l-aċċess għall-kura tal-gruppi vulnerabbli(13),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar il-mobilità u l-inklużjoni ta' persuni b'diżabilità u l-Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabilità 2010-2020(14),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Mejju 2009 dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol(15),

–  wara li kkunsidra l-analiżi fil-fond tas-Servizz ta' Riċerka Parlamentari Ewropew bit-titolu "L-implimentazzjoni tal-UE tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD)",

–  wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Ombudsman Ewropew għall-2014,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew li tagħlaq l-inkjesta fuq inizjattiva proprja tagħha OI/8/2014/AN dwar il-Kummissjoni,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-2015 li ġej tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali,

–  wara li kkunsidra l-istudju ta' Diċembru 2015 tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali dwar "Il-vjolenza fuq tfal b'diżabilità: leġiżlazzjoni, politiki u programmi fl-UE",

–  wara li kkunsidra l-istatistika dwar id-diżabilità tal-Eurostat tal-2014 dwar l-aċċess għas-suq tax-xogħol, l-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ, u l-faqar u l-inugwaljanzi tad-dħul,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet, il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, il-Kumitat għall-Iżvilupp, il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0203/2016),

A.  billi, bħala ċittadini sħaħ, il-persuni b'diżabilità għandhom drittijiet ugwali u huma intitolati għal dinjità indiskutibbli, trattament ugwali, għajxien indipendenti, awtonomija, appoġġ minn sistemi ta' fondi pubbliċi u parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà;

B.  billi huwa stmat li hemm madwar 80 miljun persuna b'diżabilità fl-Unjoni Ewropea, u li minn dawn madwar 46 miljun huma nisa u bniet, ammont li jirrappreżenta madwar 16 % tal-popolazzjoni totali tan-nisa fl-UE, fatt li juri li d-diżabilità fl-Unjoni Ewropea hija ogħla fost in-nisa milli fost l-irġiel; billi n-nisa b'diżabilità spiss ikunu vittmi ta' diskriminazzjoni multipla, iħabbtu wiċċhom ma' ostakli sostanzjali fit-twettiq tad-drittijiet u l-libertajiet bażiċi tagħhom bħad-dritt għall-aċċess għall-edukazzjoni u l-impjiegi, u billi dan jista' jwassal għal iżolazzjoni soċjali u trawmi psikoloġiċi; billi n-nisa jiġu wkoll affettwati b'mod sproporzjonat mid-diżabilità bħala indukraturi tal-membri tal-familja b'diżabilità;

C.  billi t-TFUE jobbliga lill-Unjoni tiġġieled kull diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabilità meta jiġu ddefiniti u implimentati l-politiki u l-attivitajiet tagħha (l-Artikolu 10) u jagħti s-setgħa li tiġi adottata leġiżlazzjoni li tindirizza tali diskriminazzjoni (l-Artikolu 19);

D.  billi l-Artikoli 21 u 26 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprojbixxu b'mod espliċitu d-diskriminazzjoni abbażi ta' diżabilità u jipprevedu l-parteċipazzjoni ugwali ta' persuni b'diżabilità fis-soċjetà;

E.  billi s-CRPD huwa l-ewwel trattat internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem irratifikat mill-UE, li ġie ffirmat mit-28 Stat Membru u rratifikat minn 27 Stat Membru; billi l-Istat Membru li għadu ma għamilx hekk għandu jiffinalizza r-riformi tiegħu bl-għan li jiġi rratifikat is-CRPD;

F.  billi din hi l-ewwel darba li l-UE ġiet immonitorjata minn korp tan-NU fit-twettiq tal-obbligi internazzjonali tagħha fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-osservazzjonijiet konklużivi tas-CRPD tan-NU ippubblikati fl-2015 rigward l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni fl-UE bagħtu messaġġ qawwi dwar l-impenn tal-UE għall-ugwaljanza u għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u pprevedew sett ta' linji gwida għal miżuri leġiżlattivi u ta' tfassil ta' politika li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-UE;

G.  billi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ssaħħaħ il-fatt li s-CRPD hija vinkolanti fuq l-UE u l-Istati Membri tagħha matul l-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE, peress li s-CRPD hija "parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea" li għandha "supremazija fuq l-istrumenti tal-leġiżlazzjoni sekondarja"(16);

H.  billi l-prinċipji tas-CRPD imorru ħafna lil hinn mid-diskriminazzjoni, billi juru t-triq lejn it-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem mill-persuni kollha b'diżabilitajiet u mill-familji tagħhom, f'soċjetà inklussiva;

I.  billi l-persuni b'diżabbiltajiet jikkostitwixxu grupp varjat, u billi n-nisa, it-tfal, in-nies aktar anzjani u l-persuni bi ħtiġijiet ta' appoġġ kumplessi jiffaċċjaw diffikultajiet addizzjonali u bosta forom ta' diskriminazzjoni;

J.  billi d-diżabilità tista' tiġi kkawżata minn degradazzjoni gradwali u xi kultant inviżibbli tal-istat tas-saħħa ta' individwu, kif inhu fil-każ ta' persuni b'mard newrodeġenerattiv jew rari, li jista' jkollu effetti negattivi fuq il-ħajja indipendenti ta' tali persuna;

K.  billi madwar 80 % tal-persuni b'diżabilità jgħixu f'pajjiżi li qed jiżviluppaw; billi l-UE tappoġġa l-promozzjoni tad-drittijiet tal-persuni b'diżabilità fil-livell internazzjonali, u hija l-akbar donatur fid-dinja tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA);

L.  billi t-tfal b'diżabilità huma 17-il darba aktar probabbli li jgħixu f'istituzzjoni minn sħabhom mingħajr diżabilità, fejn ir-riskju ta' vjolenza, negliġenza u abbuż huwa ħafna ogħla milli kieku jgħixu d-dar(17);

M.  billi t-tfal b'diżabilità għandhom id-dritt li jgħixu mal-familja tagħhom jew f'ambjent tal-familja li jkun għall-aħjar interess tagħhom; billi membri tal-familja spiss ikollhom inaqqsu jew iwaqqfu l-attivitajiet professjonali tagħhom biex jieħdu ħsieb membri tal-familja b'diżabilità;

N.  billi l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità tenfasizza l-ħtieġa li tiġi inkorporata perspettiva tal-ġeneri fl-isforzi kollha u li tiġi promossa t-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

O.  billi t-trattament ugwali u miżuri u politiki pożittivi għan-nisa b'diżabilità u l-ommijiet ta' tfal b'diżabilità huma dritt tal-bniedem fundamentali u obbligu etiku;

P.  billi n-nisa u l-bniet b'diżabilità huma esposti għal diversi dimensjonijiet ta' diskriminazzjoni fil-ħajja tagħhom ta' kuljum; din tista' tieħu diversi forom – fiżika, emozzjonali, sesswali u ekonomika – u tinkludi l-vjolenza domestika, il-vjolenza min-naħa ta' persuni li jagħtu l-kura, il-vjolenza sesswali u l-vjolenza istituzzjonali;

Q.  billi n-nisa b'diżabilità għandhom probabilità akbar li jbatu minn vjolenza domestika u attakki sesswali li allegatament idumu aktar u huma aktar intensi milli għan-nisa mingħajr diżabilità(18);

R.  billi n-nisa b'diżabilità, speċjalment il-migranti, huma f'riskju akbar ta' faqar u esklużjoni soċjali minħabba d-diskriminazzjoni multipla;

S.  billi d-diżabilità hija kawża u tista' tkun konsegwenza tal-faqar u madwar 30 % tal-popolazzjoni ta' persuni mingħajr dar għandhom diżabilità u jinsabu f'riskju li jiġu injorati(19); billi l-ħarsien soċjali pprovdut mill-istat b'mod partikolari għandu rwol sinifikanti fil-prevenzjoni tal-faqar fost il-persuni b'diżabilità u billi, skont data tal-2012, madwar 68,5 % tal-persuni b'diżabilità jgħixu fil-faqar kieku ma kienx għall-kontributi soċjali li jirċievu mill-istat(20);

T.  billi huwa imperattiv li jiġu infurzati l-liġijiet eżistenti tal-UE u l-għodod tal-politika sabiex isir użu massimu mill-implimentazzjoni tas-CRPD;

U.  billi għadd ta' Stati Membri li rratifikaw is-CRPD għad iridu jistabbilixxu jew jinnominaw il-korpi għall-implimentazzjoni u s-sorveljanza tal-Konvenzjoni skont l-Artikolu 33 tagħha; billi l-ħidma ta' dawn il-korpi diġà stabbiliti, b'mod partikolari l-monitoraġġ skont l-Artikolu 33(2), qed tixxekkel min-nuqqas ta' riżorsi finanzjarji u umani, u n-nuqqas ta' bażi legali soda għan-nomina tagħhom;

V.  billi wieħed mill-aktar pilastri fundamentali għal persuni b'diżabilità hija l-parteċipazzjoni u l-aċċess għas-suq tax-xogħol, li għadha problematika, b'58,5 % meta mqabbla mat-80,5 % tal-persuni mingħajr diżabilità, u b'hekk ħafna persuni b'diżabilità jixxekklu milli jgħixu ħajja attiva u indipendenti;

W.  billi r-rata ta' impjieg għan-nisa bla diżabilità hija 65 %, meta mqabbla ma' 44 % għan-nisa b'diżabilità; billi n-nisa b'diżabilità ta' spiss jiġu ddiskriminati meta mqabbla mal-irġiel b'diżabilità f'dak li jirrigwardja l-aċċess għall-impjiegi u l-edukazzjoni; billi r-rata għolja tal-qgħad fost il-persuni b'diżabilità għadha inaċċettabbli; billi n-nisa u l-bniet b'diżabilità jħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet ikbar biex jidħlu fis-suq tax-xogħol; billi l-ostakli għall-mobilità u d-dipendenza akbar fuq il-membri tal-familja u fuq l-indukraturi tagħhom jeħtieġ li jingħelbu sabiex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni attiva tan-nisa b'diżabilità fl-edukazzjoni, fis-suq tax-xogħol u fil-ħajja soċjali u ekonomika tal-komunità;

X.  billi l-impjieg imħallas huwa essenzjali biex il-persuni b'diżabilità jkun jista' jkollhom ħajja indipendenti u jkunu jistgħu jappoġġaw il-familji u d-djar tagħhom; billi n-nisa u l-bniet b'diżabilità spiss jitħallsu inqas milli jistħoqilhom; billi dan il-grupp ta' nies vulnerabbli hu aktar suxxettibbli li jbati mill-faqar u jinsab f'riskju akbar ta' esklużjoni soċjali;

Y.  billi l-UE, bħala parti mis-CRPD, għandha d-dmir li tiżgura l-involviment mill-qrib u l-parteċipazzjoni attiva tal-persuni b'diżabilità u tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-politiki fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni u fil-proċessi kollha ta' teħid ta' deċiżjonijiet li jikkonċernaw kwistjonijiet marbuta mal-persuni b'diżabilità;

Z.  billi l-miżuri ta' awsterità applikati mill-Istati Membri rriżultaw fi tnaqqis fis-servizzi soċjali, fl-appoġġ għall-familji u fis-servizzi bbażati fil-komunità u kkawżaw effetti negattivi sproporzjonati fuq il-livell ta' għajxien tal-persuni b'diżabilità, b'mod partikolari t-tfal b'diżabilità u l-familji tagħhom;

AA.  billi l-Kummissjoni rtirat il-proposta tagħha għad-Direttiva dwar il-Leave tal-Maternità;

AB.  billi d-Direttiva 2011/24/UE dwar id-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali ma tipprojbixxix b'mod espliċitu d-diskriminazzjoni fuq bażi ta' diżabilità;

AC.  billi, minħabba t-tibdil demografiku u soċjali, hemm domanda akbar għal ħaddiema domestiċi u indukraturi, u b'mod partikolari għal ħaddiema domestiċi u indukraturi għall-familji; billi l-indukrar tal-persuni b'diżabilità u tal-persuni dipendenti normalment isir min-nisa fil-familja, u dan spiss iwassalhom għall-esklużjoni mis-suq tax-xogħol;

AD.  billi lill-Kumitat għad-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità fl-Osservazzjonijiet Konklużivi tiegħu dwar ir-rapport inizjali tal-Unjoni Ewropea jirrakkomanda li l-Unjoni Ewropea tintegra l-perspettiva tad-diżabilità fil-politiki u l-programmi tagħha dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, kif ukoll il-perspettiva tal-ġeneri fl-istrateġiji tagħha dwar id-diżabilità, u li tiżviluppa azzjonijiet pożittivi, tistabbilixxi mekkaniżmu ta' monitoraġġ u finanzjament għall-ġbir tad-data u għar-riċerka dwar in-nisa u l-bniet b'diżabilità; billi jirrakkomanda wkoll li l-Unjoni Ewropea tipprovdi protezzjoni effettiva mill-vjolenza, l-abbuż u l-isfruttament, li l-politika dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tindirizza l-bżonnijiet tat-tfal u l-adulti b'diżabilità, inklużi tal-indukraturi tagħhom, u li jittieħdu miżuri biex jitnaqqsu r-rati għoljin ta' qgħad fost il-persuni b'diżabilità, li fil-maġġoranza tagħhom huma nisa;

AE.  billi, fir-reazzjonijiet tagħha għar-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-27 ta' Settembru 2011 dwar ''L-Ewropa, l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja – qafas politiku ġdid għat-turiżmu Ewropew"(21), li ġiet adottata mill-Kummissjoni fit-13 ta' Diċembru 2011, il-Kummissjoni rrikonoxxiet il-ħtieġa li tiġi żgurata katina mingħajr interruzzjoni ta' servizzi aċċessibbli għal kulħadd (trasport, akkomodazzjoni, kejtering u attrazzjonijiet), u, għal dan l-għan, hija bdiet timplimenta azzjonijiet biex titqajjem kuxjenza, jittejbu l-ħiliet fis-settur tat-turiżmu u fl-aħħar mill-aħħar tiżdied il-kwalità tal-faċilitajiet turistiċi għal dawk bi bżonnijiet speċjali jew b'diżabilitajiet;

AF.  billi l-bżonnijiet tal-persuni b'diżabilità, b'diversità funzjonali u b'mobilità mnaqqsa fl-oqsma tat-trasport, il-mobilità u t-turiżmu jitqabblu ma' opportunitajiet ta' innovazzjoni kummerċjali għas-servizzi tat-trasport u l-mobilità u jistgħu jwasslu għal sitwazzjonijiet fejn kulħadd jirbaħ f'li jaqdu l-persuni b'kull tip ta' diżabilità (inklużi, iżda mhux limitati għal, persuni b'mobilità mnaqqsa (PMM), nies neqsin mid-dawl, persuni torox u b'diffikultajiet ta' smigħ, persuni bl-awtiżmu u persuni b'diżabilitajiet intellettwali jew psikosoċjali) kif ukoll l-utenti l-oħra kollha ta' dawn is-servizzi, fl-ispirtu ta' "disinn għal kulħadd";

Prinċipji ġenerali u obbligi

1.  Ifakkar li l-inklużjoni sħiħa tal-persuni b'diżabilità mhix biss dritt u benefiċċju mistħoqq għall-individwi kkonċernati, imma wkoll ass għas-soċjetà b'mod ġenerali peress li din tibbenefika mill-valur u l-ħiliet differenti li dawn il-persuni jġibu magħhom;

2.  Jissottolinja li l-persuni kollha b'diżabilità għandhom id-dritt li jgħixu f'soċjetà li fiha jgawdu l-opportunitajiet indaqs flimkien mal-oħrajn, biex b'hekk tiġi żgurata l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom fis-soċjetà;

3.  Jenfasizza l-fatt li l-inklużjoni ta' persuni b'diżabilità fis-soċjetà, irrispettivament mill-istatus soċjoekonomiku, politiku jew kulturali ta' pajjiż, mhijiex biss kwistjoni ta' żvilupp iżda anke ta' drittijiet tal-bniedem;

4.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li d-diżabilitajiet qed isiru dejjem aktar komuni hekk kif il-popolazzjoni tixjieħ;

5.  Iqis li l-UE għandha tkun minn ta' quddiem nett fir-rigward tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-promozzjoni tagħhom; jilqa' l-fatt li, għall-ewwel darba, it-twettiq tal-obbligi internazzjonali tal-UE fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem ġie rieżaminat minn korp tat-trattat tan-NU; jikkunsidra li l-osservazzjonijiet konklużivi tal-Kumitat tan-NU dwar is-CRPD dwar l-implimentazzjoni tas-CRPD min-naħa tal-UE, ippubblikati fl-2015, jirrappreżentaw sinjal importanti tal-impenn tal-UE lejn l-ugwaljanza u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u joffru gwida għal azzjonijiet leġiżlattivi u politiċi fl-isfera kollha ta' kompetenza tal-UE;

6.  Jappoġġa l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat għad-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità u jenfasizza l-ħtieġa li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jintegraw il-perspettiva tan-nisa u l-bniet b'diżabilità fil-politiki, il-programmi u l-istrateġiji tagħhom dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, u l-perspettiva tal-ġeneri fl-istrateġiji tagħhom dwar id-diżabilità; jitlob, ulterjorment, li jiġu stabbiliti mekkaniżmi biex jiġi revedut regolarment il-progress li jkun sar;

7.  Jitlob lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jimplimentaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità u biex jiżguraw li l-Konvenzjoni tiġi rispettata fil-leġiżlazzjonijiet futuri kollha.

8.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jallokaw ir-riżorsi meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-obbligi tagħhom skont is-CRPD u l-Protokoll Fakultattiv tiegħu;

9.  Jiddispjaċih ħafna li ma kienx hemm biżżejjed konsultazzjoni formali mill-UE ma' organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni b'diżabilità fit-tħejjijiet tagħha għall-proċess ta' rieżami mill-Kumitat tan-NU dwar is-CRPD fl-2015 u fl-abbozz tar-rapport ta' progress tagħha; jitlob li l-organizzazzjonijiet tal-persuni b'diżabilità jieħdu sehem attiv fil-laqgħat tas-CPRD bħala parti indipendenti inkluż billi jieħdu sehem f'delegazzjonijiet uffiċjali tal-UE għal rieżamijiet futuri;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkonsolida u tagħmel proposta għal djalogu strutturat ġenwin bejn l-UE u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-persuni b'diżabilitajiet, inklużi fondi xierqa sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni sħiħa u ugwali minn persuni b'diżabilità u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom;

11.  Jenfasizza l-importanza ta' konsultazzjoni sistematika u mill-qrib bejn l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-persuni b'diżabilità, dawk li jfasslu l-politiki, in-negozji u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra fir-rigward tal-inizjattivi l-ġodda kollha, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-politiki u l-azzjonijiet relatati mal-edukazzjoni, it-taħriġ, il-kultura, l-isport u ż-żgħażagħ;

12.  Jappella għat-tisħiħ tal-entitajiet eżistenti li jaħdmu favur l-ugwaljanza sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni, il-promozzjoni u l-monitoraġġ tas-CRPD; ifakkar lill-UE u lill-Istati Membri tagħha dwar ir-rekwiżit li jimpenjaw ruħhom b'mod sinifikanti mas-soċjetà ċivili u, b'mod partikolari, ma' organizzazzjonijiet ta' persuni b'diżabilità;

13.  Jitlob lill-UE biex tirratifika l-Protokoll Fakultattiv għas-CRPD;

14.  Iħeġġeġ li jsiru reviżjoni u evalwazzjoni komprensivi u trasversali tal-leġiżlazzjoni eżistenti u futura tal-UE u tal-programmi ta' finanzjament, inklużi perjodi ta' programmar futuri, bl-għan li jkun hemm konformità sħiħa mas-CRPD billi, b'mod kostruttiv, jiġu involuti l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw persuni b'diżabilità u l-membri tal-Qafas tal-UE għas-CRPD (minn hawn 'il quddiem il-"Qafas tal-UE"), inkluż l-integrazzjoni tad-diżabilità fil-politiki u strateġiji ta' leġiżlazzjoni kollha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jintegraw id-diżabilità fil-leġiżlazzjoni, fil-politiki u fl-istrateġiji kollha;

15.  Jitlob għall-inklużjoni tad-drittijiet ta' persuni b'diżabilità fl-aġenda soċjoekonomika globali tal-UE, b'mod partikolari l-Istrateġija Ewropa 2020 u s-Semestru Ewropew; jirrakkomanda l-adozzjoni ta' Patt għad-Diżabilità biex jiġi żgurat li d-drittijiet ta' persuni b'diżabilità jiġu integrati permezz ta' inizjattivi tal-UE;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, meta tkun qed tevalwa s-sitwazzjoni soċjali tal-Istati Membri (rapporti għal kull pajjiż u rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż), tiffoka wkoll fuq il-monitoraġġ tas-sitwazzjoni ta' persuni b'diżabilità bħala parti mill-impenn komuni tal-UE favur il-bini ta' Ewropa mingħajr ostakli;

17.  Jemmen li l-istituzzjonijiet tal-UE, b'mod partikolari l-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni, għandhom jimpenjaw ruħhom biex jiżguraw li l-leġiżlazzjoni eżistenti u futura kollha tkun verifikata abbażi tad-drittijiet tal-bniedem u taderixxi għal kollox mas-CRPD;

18.  Jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi lista ta' leġiżlazzjoni bl-għan li tipproponi aġġornament tad-dikjarazzjoni ta' kompetenza fid-dawl tal-Osservazzjonijiet Konklużivi, li għandu jerġa' jsir perjodikament bil-parteċipazzjoni formali tal-organizzazzjonijiet tad-diżabilitajiet u tal-Parlament Ewropew;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis, f'dan ir-rigward, il-bżonn li jiġi żviluppat qafas tal-UE li jiggarantixxi l-implimentazzjoni effettiva tad-drittijiet tal-persuni b'diżabilità, il-promozzjoni tal-awtonomija personali tagħhom, l-aċċessibilità, l-aċċess għall-impjieg, l-inklużjoni soċjali u l-ħajja indipendenti, u l-eliminazzjoni tal-forom kollha ta' diskriminazzjoni;

20.  Jikkondividi t-tħassib tal-Kumitat tan-NU dwar is-CRPD b'rabta man-nuqqas ta' strateġija ċara min-naħa tal-Unjoni Ewropea għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità;

21.  Jistieden lill-istituzzjonijiet biex jieħdu azzjoni b'mod eżemplari fir-rigward tal-politika ta' integrazzjoni;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni tuża r-reviżjoni tal-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità biex tiżviluppa partenarjat komprensiv miftuħ għad-dimensjoni tas-sessi fl-istrateġija tal-UE tas-CRPD, inklużi għall-impenji ta' azzjoni esterna bi skeda ċara għall-implimentazzjoni, u punti ta' riferiment u indikaturi speċifiċi u preċiżi;

23.  Jiddeplora d-diskriminazzjoni u l-esklużjoni li l-persuni b'diżabilità għad iridu jħabbtu wiċċhom magħhom illum; jistieden lill-Kummissjoni timmassimizza s-sinerġiji bejn l-Istrateġija tal-UE dwar id-Diżabilità 2010 - 2020 u d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa tan-NU u l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal bl-għan li jiġi żgurat li d-drittijiet rikonoxxuti jitgawdew b'mod sostanzjali u jiġu effettivament eżerċitati, inkluż permezz tal-armonizzazzjoni u l-implimentazzjoni tal-qafas leġiżlattiv u permezz ta' azzjoni kulturali u politika;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi kjarifika dwar id-definizzjoni wiesgħa ta' diżabilità fil-livell tal-UE;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-Gwida għall-Kunsiderazzjonijiet Soċjali fl-Akkwist Pubbliku biex tenfasizza l-obbligi soċjali, iżda biex tindika wkoll l-opportunitajiet u l-benefiċċji tal-investiment f'servizzi ta' appoġġ bi kwalità għolja għal persuni b'diżabilità;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-linji gwida għall-valutazzjoni tal-impatt u timmodifikahom biex jinkludu lista aktar komprensiva ta' kwistjonijiet biex tivvaluta aħjar il-konformità mal-Konvenzjoni;

Drittijiet speċifiċi

27.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jieħdu miżuri biex jiġġieldu l-forom kollha ta' diskriminazzjoni, inklużi d-diskriminazzjoni multipla, id-diskriminazzjoni b'assoċjazzjoni u intersezzjonali abbażi tad-diżabilità, b'mod speċjali għan-nisa u t-tfal b'diżabilità, persuni anzjani u individwi li għandhom bżonnijiet ta' appoġġ kumplessi, inklużi dawk b'diżabilitajiet intellettwali u psikosoċjali u dawk li d-diżabilitajiet tagħhom jinbidlu maż-żmien;

28.  Jiddeplora bil-qawwa l-fatt li l-Kunsill għadu m'adottax il-proposta għal direttiva tal-2008 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni, irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali; itenni t-talba tiegħu lill-Kunsill biex jagħmel dan mill-aktar fis possibbli;

29.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri biex jintegraw id-drittijiet tan-nisa u t-tfal b'diżabilità, inkluż Aġenda dwar id-Drittijiet tat-Tfal, u biex jiżguraw li s-subien u l-bniet u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom jiġu kkonsultati fuq il-kwistjonijiet kollha li jaffettwaw lit-tfal, permezz ta' assistenza xierqa skont l-età u d-diżabilità tagħhom;

30.  Jenfasizza li, biex tiġi garantita l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal b'diżabilità, huwa meħtieġ li jingħata appoġġ xieraq lill-familji tagħhom billi jissaħħu u jkompli jsir xogħol fuq l-istrumenti leġiżlattivi disponibbli għall-UE, bħal pereżempju l-istrument li jipprovdi liv tal-ġenituri għal dawk il-ġenituri bi tfal b'diżabilità;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-persuni kollha b'diżabilità jkunu jistgħu jgawdu mid-dritt ta' moviment liberu li għandhom iċ-ċittadini kollha tal-UE billi fil-leġiżlazzjoni attwali u futura tinkludi l-garanzija ta' opportunitajiet indaqs, drittijiet fundamentali, aċċess ugwali għas-servizzi u għas-suq tal-impjiegi, u l-istess drittijiet u obbligi fl-aċċess għas-sigurtà soċjali bħaċ-ċittadini tal-Istat Membru li fih ikunu koperti, bi qbil mal-prinċipju ta' trattament ugwali u ta' nondiskriminazzjoni; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri, f'termini ta' ugwaljanza fl-impjiegi, jikkonformaw bis-sħiħ mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-UE dwar it-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa (tfassil mill-ġdid) (2006/54/KE);

32.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu appoġġati l-bniet u n-nisa migranti b'diżabilità sabiex dawn jiżviluppaw ħiliet li jagħtuhom opportunitajiet biex jiksbu impjieg xieraq;

33.  Jenfasizza li sabiex tinkiseb ħajja awtonoma u indipendenti għall-persuni b'diżabilità, speċjalment għan-nisa, l-assistenza (personali jew pubblika) hija mezz li jappoġġa lilhom u lill-familji tagħhom, billi jagħmilha possibbli li dawn ikollhom aċċess għal postijiet tax-xogħol u istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, u jappoġġahom f'każ ta' tqala u maternità;

34.  Itenni l-ħtieġa urġenti li tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet b'diżabilità fl-ambjenti privati u istituzzjonali, u jistieden lill-Istati Membri jipprovdu servizzi ta' appoġġ li jkunu aċċessibbli għan-nisa u l-bniet b'kull tip ta' diżabilità; jirrakkomanda li l-UE ssir parti mill-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul) bħala pass ulterjuri fil-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet b'diżabilità;

35.  Ifakkar fl-importanza tad-dritt fundamentali li l-persuni b'diżabilità jipparteċipaw fil-proċessi ta' politika u fit-teħid ta' deċiżjonijiet dwar id-diżabilità fil-livelli kollha, kif enfasizzat mis-CRPD; jenfasizza li n-nisa u l-bniet b'diżabilità, inklużi dawk minn gruppi emarġinati u dawk vulnerabbli li jħabbtu wiċċhom ma' diskriminazzjoni multipla, għandhom jiġu abilitati u mogħtija s-setgħa biex jipparteċipaw fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet sabiex ikun żgurat li l-interessi u d-drittijiet tagħhom jiġu espressi, appoġġati u protetti, filwaqt li tiġi żgurata perspettiva tal-ġeneru ġenwina fil-livell lokali; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu servizzi u faċilitajiet adattati adegwatament li jsaħħu l-pożizzjoni tagħhom fl-involiment u l-parteċipazzjoni attiva tagħhom, u biex jinvestu f'teknoloġiji assistivi u adattabbli u fl-inklużjoni elettronika;

36.  Jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE jieħdu miżuri effikaċi sabiex isaħħu l-ħajjiet tan-nisa b'diżabilità skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tan-NU dwar is-CRPD fir-rigward tar-rieżami tal-implimentazzjoni tas-CRPD min-naħa tal-UE;

37.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li t-trobbija tat-tfal b'diżabilità hija kompitu li jaqa' prinċipalment fuq in-nisa;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jqajmu kuxjenza dwar is-CRPD u jiġġieldu kontra l-preġudizzji u jippromwovu fehim aħjar tal-persuni kollha b'diżabilità sabiex id-deċiżjonijiet jittieħdu abbażi tal-ħtiġijiet reali tagħhom;

39.  Jappoġġa l-inizjattivi mmirati sabiex jagħmlu lis-soċjetà konxja tad-diffikultajiet li jġarrbu l-persuni b'diżabilità u li huma mmirati wkoll sabiex jagħmlu lill-persuni b'diżabilità aktar konxji tal-potenzjal tagħhom u tal-kontributi li jistgħu jagħmlu, fost affarijiet oħra, permezz ta' programmi edukattivi speċifiċi fl-iskejjel; jenfasizza li l-importanza tas-CRPD fundamentalment tinsab f'li tinġieb bidla fl-attitudnijiet kulturali billi jiġi rikonoxxut li huma l-ostakli fl-ambjent soċjali u dak ekonomiku li fil-fatt iġibu lin-nies fi stat ta' diżabilità aktar milli d-diżabilità fil-persuna;

40.  Jitlob lill-awtoritajiet rilevanti fl-Istati Membri biex iħejju strateġiji ta' sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet ta' persuni b'diżabilità, jiffaċilitaw it-taħriġ tal-persunal fit-trasport u t-turiżmu f'sensibilizzazzjoni u b'rabta mal-ugwaljanza tad-diżabilità, u jinkoraġġixxu l-kollaborazzjoni u l-iskambju ta' prattiki tajba fost organizzazzjonijiet Ewropej li jaħdmu fil-qasam tad-diżabilità u korpi pubbliċi u privati responsabbli mit-trasport; iħeġġeġ li l-materjal ta' taħriġ ikun disponibbli wkoll f'formati aċċessibbli;

41.  Jenfasizza li l-impjegati tal-kumpaniji tal-ajru għandhom jingħataw taħriġ rigoruż sabiex il-linji tal-ajru jkunu jistgħu jipprovdu servizzi adegwati għal persuni b'diżabilità; jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni partikolari biex ikun żgurat li l-persunal ikun jista' juża s-siġġijiet tar-roti mingħajr ma jagħmlilhom ħsara;

42.  Jilqa' l-proposta għal Att Ewropew dwar l-Aċċessibilità(22) u huwa impenjat li jiġi adottat malajr bil-ħsieb li tiġi żgurata l-aċċessibilità ta' prodotti u servizzi, inkluż il-bini li fih huma pprovduti dawn is-servizzi, flimkien ma' mekkaniżmi ta' infurzar u lmenti nazzjonali effettivi u aċċessibbli; ifakkar li huwa meħtieġ approċċ komprensiv għall-aċċessibilità u għal miżuri biex jiġi ggarantit li dawk b'kwalunkwe forma ta' diżabililtà jgawdu minn dan id-dritt skont l-Artikolu 9 tas-CRPD;

43.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi adottat l-Att Ewropew dwar l-Aċċessibilità, li huwa strumentali biex jindirizza l-kwistjonijiet kollha relatati mal-aċċessibilità tal-PMM fl-oqsma tat-trasport, il-mobilità u t-turiżmu, u jiġi żgurat li s-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri bl-ajru, bix-xarabank, bil-ferrovija u fuq l-ilma, speċjalment fir-rigward tal-possibilità ta' aċċess fuq l-istazzjonijiet pubbliċi kollha u ferroviji taħt l-art u l-ferroviji, websajts, servizzi bbażati fuq apparat mobbli, Smart Ticketing u informazzjoni f'ħin reali, u t-terminals self-service, magni tal-biljetti u magni tar-reġistrazzjoni użati għall-forniment ta' servizzi tat-trasport tal-passiġġieri jkunu kompletament aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità;

44.  Jirrikonoxxi li n-negozji ż-żgħar u ta' daqs medju se jibbenefikaw meta jikkonformaw ma' rekwiżiti standard tal-UE, minflok ma jkollhom jadattaw għal regoli nazzjonali diverġenti; jiddispjaċih, madankollu, li prodotti u servizzi turistiċi tat-turiżmu ta' natura transkonfinali ma jaqgħux taħt il-proposta għal Att Ewropew dwar l-Aċċessibilità; jenfasizza li ma ttiħdux aktar azzjonijiet fil-livell tal-UE fir-rigward tal-faċilitajiet u s-servizzi tat-turiżmu sabiex gradwalment tiġi armonizzata klassifikazzjoni tal-lukandi, filwaqt li jitqiesu l-kriterji tal-aċċessibilità;

45.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu aktar biex jippromwovu r-riċerka u l-iżvilupp, b'mod partikolari fir-rigward tal-aċċessibilità ta' teknoloġiji ġodda u innovattivi għall-persuni b'diżabilità;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni, meta tipprepara atti leġiżlattivi futuri f'oqsma rilevanti, pereżempju fl-aġenda diġitali, tqis il-fatt li l-aċċessibilità hija importanti fl-ambjent fiżiku hekk kif inhi fl-ICT;

47.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri, meta japplikaw il-prinċipju tal-aċċessibilità, jiżguraw l-applikazzjoni tad-"diżinn universali" għall-proġetti ta' bini eżistenti u ġodda, postijiet tax-xogħol u, b'mod partikolari, bini pubbliku, pereżempju l-bini tal-iskejjel iffinanzjati minn fondi pubbliċi;

48.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jaħdmu mal-Parlament biex jaslu, b'mod ċar u effettiv, għal direttiva dwar l-aċċessibilità tas-siti web tal-entitajiet tas-settur pubbliku, b'ambitu wiesa' u mekkaniżmu b'saħħtu ta' infurzar skont il-proposta għal Att Ewropew dwar l-Aċċessibilità u s-CRPD, sabiex tiżgura li 80 miljun persuna b'diżabilitajiet u 150 miljun anzjan fl-UE jgawdu minn aċċess ugwali għal siti web u servizzi pubbliċi online;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, jiżguraw li n-numru ta' emerġenza 112, disponibbli fl-UE kollha, ikun aċċessibbli bis-sħiħ, bl-użu tal-aktar teknoloġija moderna u affidabbli fil-livell nazzjonali u fir-roaming, b'mod partikolari għal ċittadini torox u b'diffikultajiet ta' smigħ, u b'hekk jiġu evitati mwiet u korrimenti bla bżonn; jenfasizza l-ħtieġa għall-implimentazzjoni ta' miżuri fil-livell nazzjonali, inter alia biex tiġi żgurata l-kompatibilità madwar l-Istati Membri, inklużi punti ta' emerġenza aċċessibbli fil-livell nazzjonali;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li s-servizzi tas-saħħa elettroniċi u mobbli, l-applikazzjonijiet u t-tagħmir, inklużi n-numru ta' emerġenza 112, li jrid ikun jista' jintuża faċilment kullimkien madwar l-Ewropa, u s-sistema ta' lokalizzazzjoni ta' emerġenza avvanzata (AML), ikunu kompletament aċċessibbli għall-pazjenti b'diżabilità u l-persuni li jindukrawhom, u biex jisfruttaw ulterjorment il-potenzjal tat-telemediċina biex jitjiebu l-aċċess u l-kura f'dan il-kuntest;

51.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiżdiedu l-appoġġ u dispożizzjonijiet speċifiċi għal persuni b'diżabilità f'xenarji umanitarji, b'mod partikolari t-tfal, u jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi investimenti u finanzjament ta' appoġġ għall-persuni b'diżabilità f'każijiet ta' emerġenza, inkluż data diżaggregata skont is-sess u l-età;

52.  Jissottolinja l-fatt li l-kunflitti li għaddejjin u d-diżastri naturali huma wkoll fatturi li jikkontribwixxu għat-tkattir kontinwu tal-għadd ta' persuni b'diżabilità;

53.  Jappoġġa r-rakkomandazzjonijiet tal-esperti fis-CRPD biex l-UE tkun aktar aċċessibbli u inklussiva sabiex jinkiseb approċċ għad-diżabilità bbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem f'sitwazzjonijiet ta' riskju u emerġenza, inkluż permezz tal-implimentazzjoni tal-Qafas ta' Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju tad-Diżastri 2015-2030; iħeġġeġ bil-qawwa l-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni b'diżabilità, li jsofru minn diskriminazzjoni doppja, fil-politiki tal-UE tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati; jenfasizza li dawn il-miżuri għandhom jipprovdu tweġiba xierqa għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-persuni b'diżabilità u jqisu l-ħtieġa għal miżuri ta' akkomodazzjoni raġonevoli bbażati fuq il-bżonnijiet; jinkoraġġixxi aktar integrazzjoni tal-ħtiġijiet tal-persuni b'diżabilità fir-rispons umanitarju mogħti mill-Istati Membri u mill-UE;

54.  Jitlob li l-UE tieħu r-riedni fil-promozzjoni tad-drittijiet ta' persuni b'diżabilitajiet fl-implimentazzjoni tal-Qafas ta' Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri u fl-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli mal-pajjiżi sħab tagħha, mal-organizzazzjonijiet reġjonali u fil-livell globali;

55.  Jistieden lill-Kummissjoni tadotta pjan ta' implimentazzjoni f'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Frar 2015 dwar il-ġestjoni tad-diżastri li tkun inklussiva fil-konfront ta' persuni b'diżabilità u tal-Qafas ta' Sendai;

56.  Itenni l-importanza tal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-integrazzjoni tal-ġestjoni tad-diżastri li tinkludi l-persuni b'diżabilità fil-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili u fl-Istati Membri; jitlob għal żieda ta' sensibilizzazzjoni, u l-għoti ta' informazzjoni, għall-persuni b'diżabilità u s-servizzi ta' emerġenza u tal-protezzjoni ċivili dwar l-inizjattivi għat-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri u biex jingħata appoġġ psikoloġiku lil persuni b'diżabilità fil-fażi ta' rkupru mid-diżastri;

57.  Jissottolinja l-importanza li jingħata appoġġ speċjali lil persuni b'diżabilitajiet f'sitwazzjonijiet ta' wara l-emerġenza;

58.  Jirrikonoxxi li l-membri vulnerabbli tas-soċjetà jkomplu jiġu emarġinati jekk ikollhom diżabilità, u jisħaq li l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri tal-UE għandhom itejbu l-isforzi tagħhom biex jakkomodaw bis-sħiħ il-forniment ta' drittijiet u servizzi għall-persuni kollha b'diżabilità, inklużi l-persuni mingħajr stat, in-nies mingħajr saqaf fuq rashom, ir-rifuġjati u l-persuni li jfittxu asil u persuni li jappartjenu għal minoranzi; jenfasizza l-bżonn li tiġi integrata d-diżabilità fil-politiki tal-migrazzjoni u tar-refuġjati tal-UE;

59.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, f'konformità mal-Artikolu 11 tas-CRPD, biex meta jagħmlu proposti għall-kwistjoni tar-refuġjati, għal finanzjament jew għal miżuri oħra ta' appoġġ, jipprevedu kura speċjali għall-persuni b'diżabilità;

60.  Jenfasizza li l-UE għandha tieħu miżuri xierqa biex tiżgura li l-persuni kollha b'diżabilità li jkunu ċċaħħdu mill-kapaċità ġuridika tagħhom ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet kollha mħaddna fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u fil-leġiżlazzjoni tal-UE, inkluż l-aċċess għall-ġustizzja, għal prodotti u servizzi, u għall-operazzjonijiet bankarji, l-impjiegi, u l-kura tas-saħħa, kif ukoll id-dritt tal-vot u d-drittijiet tal-konsumatur;

61.  Jirrikonoxxi li s-CRPD uriet li hija strument pożittiv u ewlieni għall-promozzjoni tar-riforma tal-liġi u tirrikjedi lill-Istati Membri jerġgħu jeżaminaw kif il-persuni b'diżabilità huma perċepiti; jiddispjaċih, madankollu, dwar l-isfidi diffiċli li persuni b'diżabilità għadhom iħabbtu wiċċhom magħhom f'oqsma strateġiċi bħall-ġustizzja kriminali u l-parteċipazzjoni politika; iqis li l-aċċess sħiħ u komplut għas-sistema politika mill-persuni kollha b'diżabilitajiet huwa prijorità; jirrikonoxxi li dan l-aċċess għandu jkun aktar minn sempliċiment aċċess fiżiku biex wieħed ikun jista' jivvota, u li għandu jinkludi firxa wiesgħa ta' inizjattivi biex il-proċess demokratiku jinfetaħ għaċ-ċittadini kollha; huwa tal-opinjoni li dan għandu jinkludi materjal elettorali f'verżjonijiet Braille u li jinqraw faċilment, assistenza kompluta lill-persuni b'diżabilità tul il-proċeduri ta' votazzjoni, il-promozzjoni ta' votazzjoni bil-posta u bi prokura meta possibbli, u t-tneħħija tal-ostakli għal dawk iċ-ċittadini b'diżabilità li jixtiequ jikkandidaw irwieħhom għall-elezzjoni, kif ukoll l-indirizzar tar-regoli eżistenti dwar il-kapaċità ġuridika u l-impatt tagħhom fuq l-abilità tal-individwi biex jipparteċipaw bis-sħiħ fil-proċess demokratiku; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2012/29/UE li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità u tad-Direttiva 2010/64/UE dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali u d-Direttiva 2012/13/UE dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċedimenti kriminali, u b'mod partikolari d-Direttiva 2013/48/UE dwar id-dritt ta' aċċess għas-servizzi ta' avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta' mandat ta' arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma' partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà, jiġu implimentati sew u bis-sħiħ, speċjalment fil-każ ta' persuni b'diżabilità;

62.  Jiddeplora b'mod qawwi l-fatt li bosta Stati għadhom jiċħdu jew jillimitaw il-kapaċità ġuridika ta' persuni b'diffikultajiet intellettwali billi jirrikorru għall-qrati; jistieden lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom b'mod pożittiv fil-kwistjoni tal-kapaċità legali billi jxaqilbu lejn inklużjoni b'appoġġ aktar milli lejn esklużjoni awtomatika;

63.  Jinsab imħasseb dwar id-diffikultajiet li l-persuni b'diżabilitajiet għadhom qed iħabbtu wiċċhom magħhom fl-aċċess għall-ġustizzja; ifakkar li d-dritt għall-aċċess għall-ġustizzja huwa dritt fundamentali u element essenzjali tal-istat tad-dritt; jistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjoni sabiex jipprovdu akkomodazzjoni proċedurali sħiħa u biex jaġġustaw proċeduri għal dawn il-persuni; iqis li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra li tinkludi programmi ta' taħriġ speċifiku dwar is-CRPD fil-Programm tal-UE fil-qasam tal-Ġustizzja għall-2014-2020; jissuġġerixxi li l-qrati tal-UE għandhom japplikaw ir-regoli u l-istruzzjonijiet interni tagħhom b'mod li jiffaċilità l-aċċess għall-ġustizzja għal persuni b'diżabilitajiet, u li r-Rakkomandazzjonijiet Ġenerali tal-Kumitat dwar is-CRPD għandhom ukoll jitqiesu fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja;

64.  Jirrikonoxxi d-diversi modi li bihom il-Konvenzjoni tal-Aja dwar il-Protezzjoni Internazzjonali tal-Adulti tista' tikkontribwixxi fl-implimentazzjoni u s-sostenn tal-obbligi internazzjonali tal-partijiet involuti fis-CRPD; jiddispjaċih, b'rabta ma' dan, għall-fatt li l-Kummissjoni naqset milli tagħti segwitu għar-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-18 ta' Diċembru 2008 b'rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Kummissjoni dwar l-implikazzjonijiet transfruntiera tal-protezzjoni legali tal-adulti(23);

65.  Jissottolinja l-vjolenza, l-intimidazzjoni u l-abbuż sesswali fl-iskola, fid-dar jew fl-istituzzjonijiet, li għalihom huma aktar vulnerabbli t-tfal b'diżabilità; iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri jintervjenu b'mod aktar effikaċi u jiġġieldu kontra l-vjolenza fuq tfal b'diżabilità permezz ta' miżuri speċifiċi u ta' servizzi ta' appoġġ aċċessibbli;

66.  Jistieden lill-Kummissjoni tadotta miżuri effettivi għall-prevenzjoni tal-vjolenza kontra t-tfal b'diżabilità, liema miżuri jimmiraw għall-familji, il-komunitajiet, il-professjonisti u l-istituzzjonijiet; jinnota li l-iskejjel jaqdu rwol kruċjali fil-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u jenfasizza l-ħtieġa ta' mekkaniżmi xierqa li jippermettu l-inklużjoni fl-iskejjel regolari u li jiżguraw li l-edukaturi u l-għalliema jiġu mħejjija u mħarrġa kif għandu jkun biex jagħrfu u jirreaġixxu għall-vjolenza kontra t-tfal b'diżabilità;

67.  Jitlob ukoll lill-Istati Membri jiżguraw li t-trattament involontarju u r-reklużjoni ma jkunux permessi mid-dritt b'konformità mal-istandards internazzjonali l-iktar riċenti;

68.  Iħeġġeġ li l-prinċipju tal-moviment liberu taċ-ċittadini b'diżabilità fi ħdan l-UE jiġi garantit permezz tat-tneħħija tal-ostakli kollha għal din il-libertà li għadhom fostna;

69.  Jenfasizza li l-libertà tal-moviment taċ-ċittadini Ewropej għandha tiġi garantita għall-persuni b'diżabilità, ħaġa li tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw ir-rikonoxximent reċiproku tas-sitwazzjoni u tad-drittijiet soċjali tagħhom (l-Artikolu 18 tas-CRPD);

70.  Jiddispjaċih li l-Kunsill m'aċċettax l-inklużjoni tad-dokumenti relatati mad-diżabilità fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament dwar il-promozzjoni tal-moviment liberu taċ-ċittadini u tan-negozji permezz tas-simplifikazzjoni tal-aċċettazzjoni ta' ċerti dokumenti pubbliċi fl-UE;

71.  Jilqa' l-proġett pilota Karta Ewropea tad-Diżabilità; jiddispjaċih li l-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fil-proġett tal-Karta Ewropea tad-Diżabilità kienet waħda limitata, proġett li, permezz ta' miżuri prattiċi, jiffaċilita l-mobilità u r-rikonoxximent reċiproku tad-drittijiet taċ-ċittadini b'diżabilità fl-Istati Membri;

72.  Jenfasizza li biex jiġi ggarantit ir-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-persuni b'diżabilità huwa meħtieġ li tingħatalhom il-libertà li jagħżlu kif jgħixu u kif l-aħjar jużaw il-potenzjal tagħhom, billi, pereżempju, jagħmlu aktar użu minn arranġamenti bħalma huma l-persuni li jagħtu l-kura;

73.  Jiddeplora bis-sħiħ il-kundizzjonijiet diżastrużi li fihom tqiegħdu persuni b'diżabilità f'xi Stati Membri, u jistieden lill-Istati Membri jagħmlu dak kollu li hu possibbli biex jikkonformaw mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Artikolu 3 tagħha, li jipprojbixxi trattament inuman u degradanti;

74.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jieħdu ħsieb b'mod aħjar il-ħtiġijiet ta' persuni b'diżabilità, u jqisu dawn il-ħtiġijiet b'mod konsistenti meta jirrevedu r-regolamenti tal-UE, bħal dawk dwar id-drittijiet tal-passiġġieri b'modi differenti ta' trasport (ir-Regolamenti (KE) Nru 1107/2006 u (KE) Nru 261/2004 dwar it-trasport bl-ajru, ir-Regolament (KE) Nru 1371/2007 dwar it-trasport ferrovjarju, ir-Regolament (UE) Nru 1177/2010 dwar it-trasport bil-baħar jew minn passaġġi fuq l-ilma interni u r-Regolament (UE) Nru 181/2011 dwar it-trasport b'xarabank u b'kowċ), u meta jfasslu leġiżlazzjoni, pereżempju dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fil-kuntest tal-ivvjaġġar b'iktar minn mezz wieħed tat-trasport; jenfasizza li l-UE impenjat ruħha favur Ewropa mingħajr ostakoli fl-2010 fl-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010-2020;

75.  Jistieden lill-UE ssaħħaħ il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri u tarmonizza l-ħidma tal-korpi nazzjonali għall-infurzar, u jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex tiġi implimentata l-leġiżlazzjoni tal-UE maħsuba biex ittejjeb l-aċċessibilità tat-trasport fil-livell lokali, reġjonali u statali għal skopijiet ta' trasport u turiżmu (inklużi karozzi tal-linja u taksis, it-trasport pubbliku urban u t-trasport bil-ferrovija, bl-ajru u bil-baħar, inklużi wkoll stazzjonijiet, ajruporti u portijiet) u biex jiġu indirizzati l-ostakli għal Ewropa mingħajr ostakoli, pereżempju billi jissaħħu l-kompetenzi tal-korpi ta' infurzar rilevanti taħt il-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri sabiex tkun żgurata l-effikaċja u drittijiet ugwali għall-passiġġieri b'diżabilità kollha madwar l-UE, inkluż fir-rigward tal-aċċessibilità u l-istandardizzazzjoni, l-armonizzazzjoni, ir-rekwiżiti tekniċi, u l-inċentivi għall-kumpaniji;

76.  Jistieden lill-Kummissjoni tiċċara r-responsabilitajiet ta' kull wieħed mill-atturi involuti fl-għoti ta' kura għall-PMM, b'mod partikolari fir-rigward ta' trasferimenti bejn mezzi differenti tat-trasport, u tipprovdi lill-Parlament b'informazzjoni dwar il-parteċipazzjoni ta' assoċjazzjonijiet għall-persuni b'diżabilità u r-rwol tagħhom fl-implimentazzjoni tar-regolamenti dwar id-drittijiet tal-passiġġieri;

77.  Jenfasizza li l-aċċessibilità bla xkiel għas-servizzi tat-trasport, il-vetturi, l-infrastruttura u ċ-ċentri ta' konnessjoni intermodali, b'mod partikolari f'żoni rurali, hija essenzjali biex ikunu żgurati sistemi ta' mobilità ħielsa mid-diskriminazzjoni integrata; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-persuni b'diżabilità għandu jkollhom aċċess għall-prodotti u s-servizzi u li jeħtieġ li jsir sforz ulterjuri sabiex is-servizzi turistiċi u dawk tat-trasport, il-vetturi u l-infrastruttura jkunu aċċessibbli; jinnota li l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa toffri l-possibilità li jiġu ffinanzjati miżuri fiż-żoni urbani u miżuri biex tittejjeb l-aċċessibilità għall-persuni b'xi tip ta' diżabilità, finanzjament li jista' jammonta għal massimu ta' 10 % tal-ispejjeż tal-adattament;

78.  Jistieden lill-Kummissjoni, fir-rapport annwali tagħha dwar l-implimentazzjoni tal-fondi TEN-T, biex tippubblika l-progress li sar dwar il-miżuri u l-ammont ta' għajnuna mogħtija għall-adattament tal-infrastruttura għan-nies b'diżabilità taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u tipi oħra ta' finanzjament tal-UE; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tieħu azzjoni sabiex tippromwovi involviment akbar fi proġetti mmirati lejn l-adattament ta' infrastruttura għal persuni b'diżabilità, inkluż, fost affarijiet oħra, sessjonijiet ta' informazzjoni u disseminazzjoni għal żviluppaturi potenzjali;

79.  Jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza ta' miżuri ta' finanzjament f'żoni urbani, fejn in-nies għandhom jaqilbu bejn il-modi differenti tat-trasport b'mod aktar frekwenti u fejn persuni b'xi tip ta' problemi ta' mobilità jħabbtu wiċċhom l-iktar ma' diffikultajiet;

80.  Jenfasizza li formati konsistentement aċċessibbli għandhom ikunu fuq nett fl-aġenda tal-politiki tas-suq ta' mobilità diġitalizzata, u għandhom jiffaċilitaw l-aċċess għall-persuni kollha bi kwalunkwe tip ta' diżabilità bl-użu ta' lingwi, formati u teknoloġiji aċċessibbli u xierqa għal tipi differenti ta' diżabilità, inklużi l-lingwi tas-sinjali, il-Braille, is-sistemi ta' komunikazzjoni awmentattivi u alternattivi u mezzi aċċessibbli oħra, modalitajiet u formati ta' komunikazzjoni tal-għażla tagħhom, inklużi lingwi jew ritratti, sottotitoli u messaġġi testwali personali li jinqraw faċilment, għal informazzjoni dwar l-ivvjaġġar, l-ibbukkjar u l-ħruġ ta' biljetti, filwaqt li jintuża aktar minn mezz sensorju wieħed; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, fir-rigward ta' faċilitajiet ta' trasport u servizzi xierqa, tistabbilixxi mekkaniżmi ta' monitoraġġ u ta' kontroll li jiżguraw li l-aċċessibilità u l-apparat ta' assistenza għal persuni b'diżabilità jiġu offruti wkoll fis-servizzi tat-trasport pubbliku fl-Istati Membri kollha;

81.  Jenfasizza li l-persuni b'diżabilità għandhom ikunu jistgħu jiksbu informazzjoni dwar servizzi multimodali u transkonfinali li jipprovdu trasport bieb sa bieb b'tali mod li jkunu jistgħu jagħżlu bejn l-aktar servizz sostenibbli, l-irħas wieħed jew l-aktar wieħed rapidu, u jibbukkjaw u jħallsu għal dawn is-servizzi online;

82.  Jitlob li l-informazzjoni dwar l-ivvjaġġar f'ħin reali tkun disponibbli sabiex, qabel ma jitilqu fuq vjaġġ, il-persuni b'diżabilità jkunu jistgħu jiksbu informazzjoni dwar interruzzjonijiet jew arranġamenti alternattivi tal-ivvjaġġar;

83.  Jenfasizza li l-persuni b'disabilità jeħtieġ li jkollhom aċċess għall-informazzjoni u l-komunikazzjoni f'formati u teknoloġiji aċċessibbli li jkunu adattati għat-tipi differenti ta' diżabilità, inklużi l-lingwi bis-sinjali, il-Braille, il-komunikazzjoni awmentattiva u alternattiva u mezzi, modi u formati oħra aċċessibbli ta' komunikazzjoni tal-għażla tagħhom, inklużi l-formati li jinqraw faċilment u l-użu ta' sottotitoli; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri meħtieġa biex tinforza l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-aċċess għall-informazzjoni u l-komunikazzjoni; iħeġġeġ lill-Kunsill jadotta mingħajr aktar dewmien id-Deċiżjoni dwar il-konklużjoni tat-Trattat ta' Marrakexx biex jiġi ffaċilitat l-Aċċess għal Xogħlijiet Ippubblikati għal Persuni Għomja, b'Diżabbiltà fil-Vista jew li għandhom Diffikultà Jaqraw Materjal Stampat; jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri konsistenti u effikaċi f'konformità mad-dispożizzjonijiet tiegħu;

84.  Ifakkar li l-indipendenza, l-integrazzjoni u l-aċċess għal sistema ta' edukazzjoni u taħriġ inklużiva, għal ħajja ċivika u kulturali, għad-divertiment u l-isport huma drittijiet iggarantiti mill-Artikoli 19, 24 u 30 tas-CRPD; ifakkar li dawn id-drittijiet huma protetti taħt id-dritt tal-UE, b'mod partikolari fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' diżabilità u fuq il-bażi tal-prinċipju ta' parteċipazzjoni sħiħa u effikaċi, inkluża l-parteċipazzjoni demokratika u l-inklużjoni fis-soċjetà tal-persuni b'diżabilità (Artikolu 3 tas-CRPD); jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu, għaldaqstant, il-miżuri li għandhom l-għan li jiżguraw li l-persuni b'diżabilità jkollhom aċċess effikaċi u ugwali mhux biss għall-oqsma ewlenin bħalma huma l-edukazzjoni inklużiva ta' kwalità, il-kultura u l-isport, iżda wkoll għal attivitajiet extrakurrikulari, bħalma huma t-teatru, il-lingwi u l-arti; jitlob lill-Kummissjoni tinkludi indikaturi speċifiċi għad-diżabilità fl-istrateġija Ewropa 2020 meta tkun qed issegwi l-miri dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ.

85.  Ifakkar fl-abbozz ta' Kumment Ġenerali tal-Kumitat tas-CRPD tan-NU dwar l-Artikolu 24 (id-"Dritt għal Edukazzjoni Inklużiva"), li jagħti d-dettalji tal-kontenut normattiv tiegħu, l-obbligi tal-istati, ir-relazzjoni tiegħu ma' dispożizzjonijiet oħra tal-Konvenzjoni, u l-implimentazzjoni tiegħu fil-livell nazzjonali;

86.  Ifakkar li l-programmi mmirati lejn iż-żgħażagħ għandhom jagħtu attenzjoni speċjali liż-żgħażagħ b'diżabilità;

87.  Jinnota li l-istrateġiji rigward iż-żgħażagħ wara l-2018 għandhom jintegraw il-ħtiġijiet taż-żgħażagħ b'diżabilità;

88.  Ifakkar li l-persuni b'diżabilità huma spiss esklużi jew m'għandhomx aċċess effikaċi għas-servizzi ta' edukazzjoni u taħriġ fejn proċessi edukattivi mfassla apposta li jqisu l-livell tagħhom ta' diżabilità huma meħtieġa biex jgħinuhom jilħqu l-potenzjal soċjali, ekonomiku u edukattiv sħiħ tagħhom; jenfasizza li għandhom jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiġi żgurat li l-istudenti kollha li għandhom diżabilità jirċievu l-akkomodazzjoni raġonevoli meħtieġa biex igawdu d-dritt tagħhom għal edukazzjoni ta' kwalità li tkun inklużiva; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-gvernijiet reġjonali u lokali devoluti responsabbli jsaħħu l-programmi ta' taħriġ u l-opportunitajiet ta' żvilupp professjonali kontinwu għall-partijiet interessati rilevanti kollha involuti f'ambjenti ta' tagħlim mhux formali u informali, kif ukoll l-aċċess tagħhom għall-infrastrutturi tal-ICT sabiex jappoġġaw il-ħidma tagħhom ma' studenti b'diżabilità u jiġġieldu l-preġudizzju kontra l-persuni b'diżabilità, b'mod partikolari l-persuni b'diżabilitajiet psikosoċjali u intellettwali;

89.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw miżuri effikaċi sabiex jindirizzaw is-segregazzjoni u r-rifjut ta' studenti b'diżabilità fl-iskejjel u fl-ambjenti tat-tagħlim u jagħtuhom aċċess għal akkomodazzjoni raġonevoli u l-appoġġ li jeħtieġu, sabiex dawk li qed jirċievu t-tagħlim jiġu ffaċilitati biex jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom; jenfasizza l-fatt li l-opportunitajiet indaqs jistgħu jintlaħqu biss jekk id-dritt għal edukazzjoni u taħriġ inklużivi jingħata fil-livelli u t-tipi kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż it-tagħlim tul il-ħajja, u għalhekk ir-rikonoxximent tal-kwalifiki għall-persuni b'diżabilità jiġi garantit, b'mod partikolari dawk akkwistati bis-saħħa ta' ambjenti tat-tagħlim li jagħtu appoġġ fejn il-persuni b'diżabilità jistgħu speċifikament jitgħallmu kompetenzi u ħiliet li jippermettulhom jegħlbu d-diżabilità; jiġbed l-attenzjoni lejn in-nuqqasijiet tekniċi u finanzjarji tal-programmi ta' edukazzjoni speċjali, b'mod partikolari fl-Istati Membri milquta mill-kriżi, u jistieden lill-Kummissjoni teżamina kif is-sitwazzjoni tista' tittejjeb;

90.  Jinnota l-progress li nkiseb fir-regolamentazzjoni tal-programmi ta' skambju tal-istudenti, b'mod partikolari l-programm Erasmus+, permezz tal-inklużjoni ta' appoġġ finanzjarju addizzjonali għall-mobilità tal-istudenti u l-persunal b'diżabilità u jinsisti li huwa meħtieġ li jkomplu jsiru dispożizzjonijiet speċifiċi fl-aspetti kollha tal-programm; jirrikonoxxi l-fatt li fil-prattika l-istudenti b'diżabilità għadhom iħabbtu wiċċhom ma' għadd kbir ta' ostakli (f'dak li jikkonċerna l-attitudnijiet, il-komunikazzjoni, l-arkitettura, l-informazzjoni, eċċ.); jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-impenn tagħhom favur il-parteċipazzjoni tal-persuni b'diżabilità fil-programmi ta' skambju tal-UE u jtejbu l-viżibilità u t-trasparenza tal-opportunitajiet ta' mobilità; jistieden barra minn hekk lill-Kummissjoni tippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattiki rigward l-aċċess għall-programmi ta' skambju għall-istudenti u l-għalliema b'diżabilità;

91.  Jitlob li s-sistemi edukattivi jżommu lura milli joħolqu ambjenti li jagħtu lil min qed jitgħallem tikketti bħalma huma r-raggruppament tal-istudenti u t-tqassim tal-istudenti skont ċerti kriterji, peress li dan jista' jaffettwa b'mod negattiv lill-istudenti b'diżabilità b'mod speċjali dawk li għandhom diffikultà biex jitgħallmu;

92.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludi komponent speċifiku għad-diżabilità fl-evalwazzjoni tagħha tad-Direttiva dwar il-Kura tas-Saħħa Transkonfinali, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jkomplu jimplimentaw dik id-Direttiva, anki mill-perspettiva tal-ħtiġijiet tal-persuni b'diżabilità u d-dritt tagħhom li jkunu jafu, u jużaw b'mod effikaċi, fuq bażi ugwali mal-oħrajn, id-dispożizzjonijiet u l-istrumenti tad-Direttiva, li l-għarfien dwarhom hija baxxa anke fost il-pubbliku ġenerali;

93.  Jenfasizza l-korrelazzjoni qawwija bejn id-diżabilità, li taffettwa aktar minn 15 % tal-popolazzjoni tal-UE, u l-problemi tas-saħħa, b'diffikultajiet u ostakli persistenti għall-aċċess li jwasslu għall-għoti ta' servizzi tal-kura tas-saħħa lill-persuni b'diżabilità li ma jkunux adegwati jew li ma jintlaħqux, inkluż meta d-diżabilità tirriżulta minn reazzjoni avversa għal mediċina; jinnota li n-nuqqas ta' aċċess għal servizzi tas-saħħa ta' kwalità għandu effett negattiv fuq il-kapaċità ta' dawk b'diżabilità li jgħixu b'mod indipendenti u inklużiv u fuq bażi ugwali ma' ħaddieħor;

94.  Jinnota bi tħassib li l-persuni b'diżabilità jirrappurtaw rati sinifikament ogħla ta' għoti inadegwat jew ċaħda tal-kura, u każijiet ta' trattament furzat jew ħażin, li jindikaw in-nuqqas ta' taħriġ tal-professjonisti fil-qasam tal-kura tas-saħħa dwar il-ħtiġijiet ta' kura tas-saħħa tal-persuni b'diżabilità; jistieden lill-Istati Membri jinvestu fit-taħriġ tal-professjonisti li jikkuraw u jassistu lill-persuni b'diżabilità;

95.  Jenfasizza li l-għoti tal-kunsens infurmat mill-persuni b'diżabilità għandu jiġi żgurat fl-atti mediċi kollha li jeħtieġu dan, u li għal dan il-għan għandhom ikunu disponibbli l-mezzi meħtieġa kollha biex tiġi żgurata l-aċċessibilità għall-informazzjoni għal dawn il-persuni, kif ukoll li dawn jifhmu l-informazzjoni rilevanti; jenfasizza li l-kunsens tagħhom irid jingħata personalment, minn qabel u b'għarfien sħiħ tal-fatti, bil-mekkaniżmi kollha meħtieġa biex jiġi żgurat li dawn il-prinċipji jiġu rrispettati, u li miżuri xierqa simili għandhom jittieħdu wkoll fir-rigward tal-persuni b'diżabilità psikosoċjali;

96.  Jistieden lill-Kummissjoni tintegra approċċi orjentati lejn id-diżabilità fl-istrumenti u l-politiki tagħha b'rabta mas-saħħa sabiex tikkontribwixxi għal riżultati ta' saħħa mtejba għal nies b'diżabilità fl-Istati Membri, permezz ta' aċċessibilità fiżika, ambjentali u sensorjali, kwalità u affordabilità aħjar, u filwaqt li jkunu qed jiġu żviluppati l-istrumenti u l-politiki fuq dawn il-linji, twettaq konsultazzjonijiet bir-reqqa ma' persuni b'diżabilità;

97.  Itenni li d-drittijiet riproduttivi huma fost il-libertajiet fundamentali garantiti skont id-Dikjarazzjoni ta' Vjenna u l-Programm ta' Azzjoni u s-CPRD, li jinkludu: id-dritt għall-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, id-dritt għaż-żwieġ u t-trobbija ta' familja; id-dritt għal kura komprensiva tas-saħħa riproduttiva inklużi l-ippjanar tal-familja u s-servizzi tas-saħħa materna, l-edukazzjoni, u l-informazzjoni; id-dritt li jingħata kunsens infurmat għall-proċeduri mediċi kollha inklużi l-isterilizzazzjoni u l-abort; u d-dritt li persuna tkun ħielsa mill-abbuż u l-isfruttament sesswali;

98.  Jitlob lill-Kummissjoni tadotta miżuri biex tiżgura li l-kura tas-saħħa u s-servizzi kollha pprovduti lil nisa b'diżabilità, inklużi s-servizzi u l-kura kollha tas-saħħa riproduttiva u s-saħħa mentali, ikunu aċċessibbli u bbażati fuq il-kunsens liberu u informat tal-individwu kkonċernat;

99.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw linji gwida biex jiżguraw li l-edukazzjoni, l-informazzjoni, il-kura tas-saħħa u s-servizzi kollha relatati mas-saħħa sesswali u riproduttiva jkunu disponibbli għan-nisa u l-bniet b'diżabilità f'formati aċċessibbli u adattati skont l-età, inklużi l-lingwi tas-sinjali, il-Braille, il-komunikazzjoni bis-sens tal-mess, it-tipa kbira, u modi, mezzi u formati alternattivi oħra ta' komunikazzjoni;

100.  Jikkonferma mill-ġdid il-fehma tiegħu li għandha tiġi indirizzata l-ħtieġa li jiġi provdut appoġġ speċjalizzat, inkluża assistenza għall-indukrar tat-tfal, lil nisa u rġiel b'diżabilità, flimkien mal-familji tagħhom, sabiex dawn ikunu jistgħu jgawdu bis-sħiħ il-maternità u l-paternità;

101.  Jenfasizza li l-iskemi tal-assigurazzjoni tas-saħħa m'għandhomx jiddiskriminaw kontra l-persuni b'diżabilità;

102.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa gwida madwar l-UE kollha għall-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali dwar l-għoti ta' informazzjoni aċċessibbli għall-pazjenti kollha dwar il-kura fi Stati Membri oħrajn, filwaqt li żżomm quddiem għajnejha r-rwol partikolari tal-organizzazzjonijiet tal-pazjenti;

103.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tassisti lill-Istati Membri u lill-membri tan-Netwerk Ewropew ta' Referenza sabiex jestendu r-riżorsi u l-kompetenzi tan-netwerk għal forom ta' diżabilità li, minkejja li mhux neċessarjament ikunu rari, jirrikjedu wkoll kura tas-saħħa speċjalizzata ħafna li tingħata minn timijiet ta' kura tas-saħħa multidixxiplinari u konċentrazzjoni ta' għarfien u riżorsi permezz ta' dan il-qafas;

104.  Isostni li l-prodotti u s-servizzi jridu jsiru iktar aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità; jinnota li l-ostakli ekonomiċi u dawk marbuta mar-relazzjoni kostijiet-benefiċċji qed jipprevjenu l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-aċċessibilità; jemmen li l-involviment ikbar ta' persuni b'diżabilità fl-iżvilupp ta' prodotti u servizzi relatati mas-saħħa se jikkontribwixxi biex jiġu żgurati sikurezza u aċċessibilità ikbar;

105.  Jenfasizza li l-persuni b'diżabilità fiżika jħabbtu wiċċhom ma' problemi wkoll fir-rigward tas-suq tal-mobilità diġitalizzata, u jitlob għall-faċilitazzjoni tal-aċċess għall-persuni kollha bi kwalunkwe tip ta' diżabilità f'lingwi, formati u teknoloġiji aċċessibbli u xierqa għal tipi differenti ta' diżabilità, inklużi l-lingwi tas-sinjali, il-Braille, is-sistemi ta' komunikazzjoni awmentattivi u alternattivi u mezzi, modalitajiet u formati ta' komunikazzjoni aċċessibbli oħra tal-għażla tagħhom, inklużi formati, sottotitoli u messaġġi testwali personali li jinqraw faċilment, b'mod partikolari fir-rigward tal-informazzjoni dwar is-saħħa, filwaqt li jintuża aktar minn mezz sensorju wieħed;

106.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel sforzi kontinwi biex tagħti spinta lill-prevenzjoni u l-promozzjoni tas-saħħa sabiex tindirizza l-inugwaljanzi gravi fis-saħħa u fl-aċċess li jaffettwaw lill-persuni b'diżabilità l-iktar vulnerabbli;

107.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw il-klassifikazzjoni ta' mard li jikkawża diżabilità tal-memorja bħala diżabilità;

108.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu rikonoxximent xieraq lir-rwol fundamentali tal-familjari li jieħdu ħsieb il-persuni b'diżabilità u jiżguraw li anki huma jkollhom aċċess xieraq għas-servizzi tas-saħħa fid-dawl tal-impatt li l-kura ta' persuni b'diżabilità tħalli fuq is-saħħa fiżika u mentali u l-benessri tagħhom stess;

109.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw li d-drittijiet u s-servizzi marbuta mal-impjiegi, inkluż akkomodazzjoni raġonevoli fil-kuntest tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi, ikunu portabbli u konformi mal-libertà ta' moviment għall-persuni b'diżabilità, kif deskritt fit-Trattati; jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw inċentivi għal min iħaddem u politiki attivi tas-suq tax-xogħol biex jappoġġaw l-impjieg ta' persuni b'diżabilità; jirrikonoxxi l-potenzjal kemm tal-ekonomija soċjali kif ukoll tal-ekonomija diġitali emerġenti biex jipprovdu impjieg għall-persuni b'diżabilità;

110.  Jinsab imħasseb dwar ir-rati għolja ta' qgħad fost il-persuni b'diżabilità, b'mod speċjali fost in-nisa b'diżabilità, meta mqabbla ma' gruppi oħra tal-popolazzjoni fl-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Istati Membri jrawmu u jiżguraw qafas ta' politika għall-parteċipazzjoni tan-nisa b'diżabilità fis-suq tax-xogħol, inklużi dawk b'diżabilità u kundizzjonijiet kroniċi moħbija jew diffikultajiet ta' tagħlim;

111.  Huwa mħasseb li d-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi ma tirrikonoxxix espliċitament iċ-ċaħda ta' akkomodazzjoni raġonevoli għal persuni b'diżabilità bħala forma ta' diskriminazzjoni; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi tagħrif dwar is-sitwazzjoni attwali rigward it-tipi ta' lmenti li waslu, u tqis f'dan ir-rigward jekk hix meħtieġa reviżjoni tad-Direttiva;

112.  Jenfasizza l-benefiċċji li wieħed imur lil hinn mill-kuntest ta' mpjieg f'workshops protetti u li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ta' impjieg għal persuni b'diżabilità li jinkluduhom fis-suq tax-xogħol miftuħ; jisħaq fuq l-importanza li jiġu kondiviżi l-aħjar prattiki bejn l-awtoritajiet pubbliċi, l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-persuni b'diżabilità, il-fornituri ta' servizzi ta' sostenn, l-impjegaturi b'esperjenza u atturi rilevanti oħrajn;

113.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu aktar l-impjieg ta' persuni b'diżabilità permezz ta' intrapriżi soċjali u ekonomiċi bbażati fuq is-solidarjetà biex b'hekk jgħinu l-persuni b'diżabilità jidħlu fis-suq tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni f'dan ir-rigward tippromwovi aktar is-suq tal-investimenti soċjali emerġenti ġdid permezz tal-għodod li nħolqu bħala parti mill-Inizjattiva ta' Negozju Soċjali, u tinforma lill-Parlament dwar ir-riżultati ta' reviżjoni ta' nofs it-terminu tagħha;

114.  Jindika li, biex jiġi evitat li l-persuni b'diżabilità jingħataw sensja, huwa essenzjali li dawn ikunu jistgħu jagħmlu xogħolhom skont leġiżlazzjoni speċifika; jirrakkomanda, barra minn hekk, li jiġu implimentati kontrolli xierqa, flimkien ma' kooperazzjoni xierqa maċ-ċentri tal-impjiegi u mal-kumpaniji bil-għan li tiġi eliminata l-emarġinazzjoni tal-persuni b'diżabilità mid-dinja tax-xogħol u sabiex jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal tagħhom;

115.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw oqfsa ta' kwalità tajba għat-traineeships, u jħeġġu u jiżviluppaw opportunitajiet għal apprendistati u taħriġ għal persuni b'diżabilità, filwaqt li jiżguraw aċċessibilità u akkomodazzjoni raġonevoli biex jiġi żgurat ħarsien soċjali u tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tal-persuni b'diżabilità fis-suq tax-xogħol;

116.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri urġenti biex jipprevjenu u jreġġgħu lura l-effetti negattivi li l-miżuri ta' awsterità kellhom fuq il-protezzjoni soċjali tal-persuni b'diżabilità;

117.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri effikaċi sabiex jipprevjenu jew itaffu l-faqar, il-vulnerabilità u l-esklużjoni soċjali fost il-persuni b'diżabilità u l-familji tagħhom, b'kunsiderazzjoni speċjali għat-tfal u l-anzjani b'diżabilità, fil-kuntest ta' Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali;

118.  Jistieden lill-Istati Membri jżommu lura milli jnaqqsu l-benefiċċji relatati mad-diżabilità, is-servizzi bbażati fil-komunità, is-servizzi tas-saħħa, il-programmi ta' taħriġ u ta' edukazzjoni li jdgħajfu lis-CRPD u jżidu ulterjorment il-livell ta' faqar u ta' esklużjoni soċjali;

119.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għal darb'oħra bil-għan li jiġġieldu l-esklużjoni soċjali tal-persuni b'diżabilità u l-familji tagħhom, biex jippromwovu, fuq il-bażi ta' regoli komuni, miżuri kontra l-faqar li jinsabu fih ħafna familji b'persuni b'diżabilità, b'referenza għal indikaturi ċari li fuqhom għandha tiġi bbażata l-kura meħtieġa;

120.  Jissottolinja li l-Artikolu 7 u l-Artikolu 96(7) tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (UE) Nru 1303/2013 jirrikjedu li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jiżguraw li l-opportunitajiet indaqs, in-nondiskriminazzjoni u l-inklużjoni tal-persuni b'diżabilità jitqiesu u jiġu promossi fl-implimentazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (Fondi SIE) b'mod ġenerali u fil-Programmi Operattivi b'mod partikolari; jitlob approċċ integrat sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet speċifiċi tal-persuni b'diżabilità; jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni twettaq monitoraġġ mill-qrib tal-applikazzjoni tal-kondizzjonalitajiet ex ante ġenerali rigward il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u d-diżabilità; jisħaq fuq il-fatt li l-evalwazzjoni ex ante tagħhom għandha tevalwa l-adegwatezza tal-miżuri ppjanati għall-promozzjoni tal-opportunitajiet ugwali għan-nisa u għall-irġiel u l-integrazzjoni tal-persuni b'diżabilità, b'mod partikolari fir-rigward tal-aċċessibilità tal-finanzjament;

121.  Iħeġġeġ lil dawk li jfasslu l-politika fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE jiżguraw monitoraġġ effiċjenti tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet immirati kontra n-nondiskriminazzjoni, kif ukoll l-aċċessibilità u l-użu tal-finanzjament SIE sabiex jiġi appoġġat l-aċċess ugwali għas-servizzi kollha, inkluż l-internet, għall-persuni b'diżabilità, u arranġamenti ta' għajxien ugwali u suffiċjenti fil-komunitajiet lokali fiż-żoni kollha (eż. żoni rurali u skarsament popolati u żoni urbani), kif ukoll għall-istituzzjonijiet li jieħdu ħsiebhom; jinnota, madankollu, li l-politiki soċjali u l-finanzjament tagħhom għadhom primarjament ir-responsabilità tal-Istati Membri;

122.  Jistieden lill-Kummissjoni ssegwi mill-qrib jekk il-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni u l-leġiżlazzjoni relatata humiex qed jiġu rrispettati meta jintużaw il-Fondi SIE; jissottolinja li l-korpi responsabbli għall-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u n-nondiskriminazzjoni, inklużi l-organizzazzjonijiet tal-persuni b'diżabilità, jeħtieġ li jiġu involuti fis-sħubija tul il-fażi tal-programmazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Programmi Operattivi, biex jiġi żgurat li l-interessi u l-preokkupazzjonijiet tal-persuni b'diżabilità jitqiesu b'mod effikaċi; jinsisti li l-użu tal-Fondi SIE għandu jirrispetta l-istandards minimi fir-rigward tal-aċċessibilità, il-mobilità u l-akkomodazzjoni għall-persuni b'diżabilità, u jinnota li dan jinvolvi kompitu importanti u diffiċli, speċjalment għall-awtoritajiet lokali u reġjonali;

123.  Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu aħjar mill-fondi strutturali, b'mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew u l-Programm Ewropa Kreattiva, filwaqt li jinvolvu kemm jista' jkun organizzazzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali li jirrappreżentaw lill-persuni b'diżabilità; jisħaq, barra minn hekk, fuq l-importanza li tiġi garantita aċċessibilità sħiħa lill-persuni b'diżabilità għas-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni u t-taħriġ, Erasmus+, il-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-inizjattivi tal-EURES;

124.  Jistieden lill-Istati Membri jxerrdu l-prinċipju skont liema l-awtoritajiet kontraenti tal-FSIE jistgħu jeskludu l-applikanti talli jkunu naqsu milli jissodisfaw l-impenn għall-aċċessibilità tal-persuni b'diżabilità;

125.  Jilqa' l-kondizzjonalitajiet ex ante dwar l-inklużjoni soċjali u l-prijorità ta' investiment tagħha dwar "tranżizzjoni minn servizzi bbażati fl-istituzzjoni għal servizzi bbażati fil-komunità" fir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni dwar il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (Fondi SIE); jistieden lill-Istati Membri jużaw il-fondi għad-deistituzzjonalizzazzjoni u bħala għodda għall-implimentazzjoni tas-CRPD;

126.  Jinsab imħasseb li l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej qed jintużaw ħażin biex titrawwem l-istituzzjonalizzazzjoni, u jistieden lill-Istati Membri u l-Kummissjoni jsaħħu l-monitoraġġ tagħhom f'konformità mas-CRPD u b'konsultazzjoni ma' organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-persuni b'diżabilità; jemmen li l-prinċipji ta' trasparenza għandhom jirregolaw il-proċedura sħiħa mill-allokazzjoni tal-fondi sal-użu reali tagħhom;

127.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa, fosthom permezz tal-Fondi SIE u fondi rilevanti oħra tal-UE, jiżviluppaw servizzi ta' appoġġ ta' kwalità għolja u bi prezz aċċessibbli f'komunitajiet lokali għal subien u bniet b'diżabilità u l-familji tagħhom, inklużi persuni li jeħtieġu sostenn ta' livell għoli, irawmu d-deistituzzjonalizzazzjoni u jipprevjenu l-istituzzjonalizzazzjoni, u jippromwovu l-komunitajiet inklużivi u l-aċċess għal edukazzjoni ta' kwalità inklużiva għall-bniet u s-subien b'diżabilità;

128.  Jemmen li l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jikkunsidraw jiftħu flussi ta' finanzjament futuri u eżistenti għall-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw b'mod attiv lill-persuni b'diżabilità;

129.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli taħdem lejn l-inklużjoni tal-persuni b'diżabilità permezz tal-għoti ta' appoġġ finanzjarju għal firxa ta' proġetti u organizzazzjonijiet li joriġinaw fil-komunitajiet lokali;

130.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jinvolvu b'mod attiv il-persuni b'diżabilità fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, anke permezz tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, b'konformità mal-Artikolu 4(3) tas-CRPD; iħeġġeġ, barra minn hekk, biex l-opinjonijiet espressi minn persuni b'diżabilità jitqiesu kif xieraq tul proċessi bħal dawn;

131.  Itenni l-importanza li l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati jkunu disponibbli għall-persuni b'diżabilitajiet; jieħu nota tal-konklużjoni tat-Trattat ta' Marrakexx immirat biex jiffaċilita l-aċċess għal xogħlijiet ippubblikati minn persuni għomja jew b'vista batuta, u jtenni l-konvinzjoni tiegħu li l-UE għandha l-kompetenza li tikkonkludi dan it-trattat mingħajr ma r-ratifika tkun tiddependi minn reviżjoni tal-qafas ġuridiku tal-UE jew miż-żmien ta' sentenza mill-Qorti tal-Ġustizzja; jisħaq ukoll, f'dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa li l-Parlament, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jaħdmu flimkien biex jiżguraw ir-ratifika rapida tat-Trattat ta' Marrakexx;

132.  Jenfasizza wkoll li kwalunkwe bidla leġiżlattiva fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati għandha tipprovdi l-aċċess tal-persuni b'diżabilitajiet għal xogħlijiet u servizzi protetti minn dawk id-drittijiet fi kwalunkwe format; ifakkar li l-Kummissjoni hija mistennija tippreżenta proposti leġiżlattivi dwar l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati bil-għan li tiżgura li persuni b'diżabilitajiet differenti jkollhom aċċess għax-xogħlijiet u s-servizzi protetti minn dawk id-drittijiet;

133.  Jinsisti fuq l-importanza ta' sistemi diġitali għall-persuni b'diżabilità bħala għodda biex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni tagħhom fl-aspetti kollha tas-soċjetà, u jirrakkomanda li jkompli jiġi investigat l-użu tat-teknoloġiji megħjuna kuntestwalment fl-edukazzjoni; jirrikonoxxi l-fatt li għadd sproporzjonat ta' persuni b'diżabilità mhumiex attwalment online, u li huma esklużi mill-iżviluppi diġitali u bħala konsegwenza, qed jitilfu informazzjoni, opportunitajiet, akkwist ta' ħiliet ġodda, u aċċess għal servizzi importanti; jistieden għalhekk lil-leġiżlaturi fil-livell nazzjonali u tal-UE jinkludu dispożizzjonijiet dwar l-aċċessibilità meta jkunu qed jimplimentaw leġiżlazzjoni tas-suq uniku diġitali, jintegraw il-kwistjoni tal-aċċessibilità tal-kontenut diġitali fil-politiki rilevanti kollha, jagħtu bidu għal programmi ta' taħriġ għall-"Promoturi Diġitali" fi ħdan il-komunitajiet biex iħeġġu aktar persuni b'diżabilità jmorru online, u jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiġġieldu kontra ċ-ċiberkriminalità u l-bullying ċibernetiku; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ma jikkostitwixxux ostaklu mhux raġonevoli jew diskriminatorju għall-aċċess mill-persuni b'diżabilità għall-materjali kulturali u jikkunsidraw eċċezzjoni obbligatorja għad-drittijiet tal-awtur fil-każijiet ta' użu, għall-benefiċċju ta' persuni b'diżabilità, li huwa direttament relatat mad-diżabilità u ta' natura mhux kummerċjali, sa fejn ikun meħtieġ mid-diżabilità speċifika; jitlob li fil-politiki kollha tal-UE jiġi applikat approċċ trasversali għad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni b'diżabilità;

134.  Ifakkar li l-isport huwa strument estremament importanti fil-kuntest tal-inklużjoni soċjali peress li jipprovdi opportunitajiet għall-interazzjoni u l-kisba ta' ħiliet soċjali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, skont l-Artikolu 30 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità tan-NU, ivaraw programmi speċifiċi mmirati biex jagħmlu l-attivitajiet sportivi u l-avvenimenti sportivi aktar aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità; jinnota li d-dritt li jkollhom aċċess sħiħ għall-avvenimenti kulturali jew għall-attivitajiet rikreattivi huwa dritt bażiku u jistieden għalhekk lill-Kummissjoni ttejjeb l-aċċessibilità għal tali avvenimenti, postijiet fejn isiru l-avvenimenti, oġġetti u servizzi, inkluż fil-qasam awdjoviżiv; jilqa' l-inizjattivi li jittieħdu biex xogħlijiet awdjoviżivi u xogħlijiet oħra jingħataw sottotitoli adattati jew deskrizzjoni bl-awdjo sabiex isiru aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità;

135.  Huwa tal-fehma li għall-persuni b'diżabilità għandhom jiġu żviluppati strumenti diġitali sabiex jgħinu fl-integrazzjoni tal-persuni sportivi b'diżabilità, kif ukoll pjattaformi għat-telexogħol u l-użu konġunt ta' postijiet u spazji tax-xogħol ("hot-desking" u "co-working"); jemmen, barra minn hekk, li t-tagħlim ta' kwalità u l-infrastruttura għall-isports fl-iskejjel għandhom jiġu adattati għall-ħtiġijiet tat-tfal b'diżabilità, u li f'kull Stat Membru għandu jiġi stabbilit qafas strateġiku ta' politika nazzjonali u reġjonali għat-tagħlim tul il-ħajja, li jinkludi miżuri konkreti għall-iżvilupp tal-ħiliet għall-persuni b'diżabilità;

136.  Ifakkar li s-sottoprogramm MEDIA ta' Ewropa Kreattiva għandu jagħti attenzjoni speċjali lill-proġetti li jinkludu l-kwistjoni tad-diżabilitajiet, u li l-qawwa edukattiva tal-films u tal-festivals f'dan ir-rigward għandha tiġi enfasizzata;

137.  Jisħaq li l-aċċessibilità hija essenzjali jekk irridu li l-persuni b'diżabilità jieħdu vantaġġ sħiħ minn dak li qed joffri t-turiżmu Ewropew;

138.  Jenfasizza li servizzi turistiċi għandhom iqisu l-bżonnijiet speċjali tal-persuni b'diżabilità, bħalma huma l-aċċess faċli għall-informazzjoni u l-komunikazzjoni, u għal faċilitajiet bħal kmamar, kmamar tal-banju, toilets u żoni oħra interni;

139.  Jafferma li l-prinċipju tat-"turiżmu għal kulħadd" għandu jkun il-punt ta' riferiment għal kwalunkwe azzjoni marbuta mat-turiżmu fuq livell lokali, reġjonali, nazzjonali u f'dak Ewropew; jenfasizza li l-fornituri tas-servizzi tat-turiżmu għandhom jieħdu ħsieb il-ħtiġijiet tal-persuni b'diżabilità billi jippromwovu l-adattament ta' faċilitajiet u persunal għall-attivitajiet ta' taħriġ.

Obbligi speċifiċi

140.  Jitlob għall-iżvilupp ta' indikaturi bbażati fuq id-drittijiet tal-bniedem, u jistieden lill-Istati Membri jipprovdu data diżaggregata komparabbli kwantitattiva u kwalitattiva abbażi ta' diversi fatturi, inklużi l-ġeneru, l-età, l-istat professjonali u d-diżabilità, għall-attivitajiet kollha fl-UE; Jistieden lill-Kummissjoni tiffinanzja r-riċerka u l-ġbir tad-data rilevanti, pereżempju dwar l-aċċessibilità għas-servizzi tal-kura tas-saħħa u t-turiżmu, il-vjolenza, l-abbuż u l-isfruttament tal-persuni kollha bi kwalunkwe tip ta' diżabilità fil-komunità u fl-istituzzjonijiet;

141.  Jistieden lill-Kummissjoni tarmonizza l-ġbir tad-data dwar id-diżabilità permezz ta' stħarriġ soċjali tal-UE f'konformità mal-Artikolu 31 tas-CRPD, sabiex tidentifika u tirreklama l-iżviluppi fis-settur; jenfasizza li tali ġbir ta' data għandu juża metodoloġiji li huma inklużivi tal-persuni kollha b'diżabilità, inklużi dawk b'diżabilitajiet aktar gravi u dawk li jgħixu f'istituzzjonijiet; id-data kollha miġbura għandha tkun soġġetta għall-inizjattivi stretti tad-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tad-data inklużi, iżda mhux limitati għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u d-Direttiva Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Data; jisħaq li tali stħarriġiet għandhom ikunu speċifiċi u mmirati kemm jista' jkun u għandhom jiġu segwiti minn studji u sessjonijiet ta' ħidma xierqa li jirriżultaw f'forom xierqa u effikaċi ta' azzjoni;

142.  Jistieden lill-Kummissjoni tintegra b'mod sistematiku d-drittijiet tal-persuni b'diżabilità fil-politiki u l-programmi ta' kooperazzjoni internazzjonali tal-UE kollha;

143.  Jenfasizza l-importanza li jinkisbu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG) kollha relatati mad-diżabilità, b'mod partikolari rigward l-Għan 4 dwar l-iżgurar ta' edukazzjoni inklużiva, ta' kwalità ġusta u l-ħtieġa li jiżdiedu n-numru ta' skejjel b'aċċess għal infrastruttura u materjali adattati għall-istudenti b'diżabilità u l-investiment fil-kompetenzi tal-għalliema għall-edukazzjoni inklużiva u l-parteċipazzjoni tat-tfal fl-iskola u fil-komunità;

144.  Jenfasizza l-impenn li ħadd ma jitħalla barra u r-referenzi għad-diżabilitajiet fl-SDG, speċifikament fit-taqsimiet dwar l-edukazzjoni, it-tkabbir u l-impjiegi, l-inugwaljanza u l-aċċessibilità għal insedjamenti umani, u rigward il-ġbir tad-data u l-monitoraġġ tal-SDG, u jirrakkomanda li l-UE tkun minn ta' quddiem fl-implimentazzjoni tal-SDG inklużivi fir-rigward tad-diżabilità; jissottolinja, barra minn hekk, ir-referenzi tal-Qafas ta' Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri (DRR);

145.  Jirrakkomanda li l-UE tassumi rwol ta' tmexxija dwar l-inklużjoni tad-diżabilità fl-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u tistabbilixxi pjan ta' ħidma u rieżami ta' nofs it-terminu tal-pjan ta' ħidma sabiex tiggarantixxi mekkaniżmu ta' monitoraġġ u valutazzjoni u tiżgura r-responsabilità tal-UE;

146.  Jistieden lill-Kummissjoni tabbozza pjan ta' implimentazzjoni għall-SDG u għad-DRR f'konformità mas-CRPD; jissottolinja li pjan bħal dan għandu jagħti kontribut importanti għad-definizzjoni ta' indikaturi fl-oqsma relatati mad-diżabilità u mal-inklużjoni soċjoekonomika; jenfasizza li l-faqar, il-protezzjoni soċjali, il-kopertura tas-saħħa, il-vjolenza kontra n-nisa, is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, l-aċċess għall-ilma, is-sanitazzjoni u l-enerġija, ir-reżiljenza għad-diżastri u r-reġistrazzjoni tat-twelid jistħoqqilhom attenzjoni partikolari fid-definizzjoni ta' indikaturi tal-SDG;

147.  Jisħaq fuq il-fatt li l-politiki u l-programmi kollha tal-UE, kemm esternament u internament, iridu jikkonformaw mas-CRPD u jistabbilixxu miżuri speċifiċi li jiggarantixxu li d-drittijiet tal-persuni b'diżabilità jiġu integrati fl-oqsma kollha, inklużi l-politiki u l-programmi umanitarji u ta' żvilupp; jitlob li l-UE, għal dan il-għan, tadotta politika armonizzata dwar żvilupp inklużiv tad-diżabilità u tistabbilixxi approċċ sistematiku u istituzzjonalizzat biex tallinja d-drittijiet tal-persuni b'diżabilità fil-politiki u l-programmi ta' kooperazzjoni internazzjonali tal-UE kollha;

148.  Jirrakkomanda li d-delegazzjonijiet u l-aġenziji tal-UE juru biżżejjed fehim tal-istrateġiji tal-UE dwar id-diżabilità u jaħdmu b'mod inklużiv u aċċessibbli; jissuġġerixxi l-ħolqien ta' "punt fokali" għas-CRPD fis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna; jitlob l-introduzzjoni urġenti ta' perspettiva dwar id-diżabilità fil-korsijiet kollha ta' taħriġ dwar id-drittijiet tal-bniedem stabbiliti fil-qafas tal-missjonijiet tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK);

149.  Jitlob li l-UE, barra minn hekk:

   timplimenta aktar proġetti ta' żvilupp li jiffokaw speċifikament fuq il-persuni b'diżabilità;
   tistabbilixxi mekkaniżmu biex tibni l-kapaċità u tiskambja l-prattiki tajba fost il-bosta istituzzjonijiet tal-UE u bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha dwar l-għajnuna umanitarja inklużiva u aċċessibbli għal persuni b'diżabilità;
   timplimenta punti fokali għal kwistjonijiet ta' diżabilità fid-delegazzjonijiet tal-UE, bil-ħatra ta' uffiċjali ta' kollegament imħarrġa li jistgħu joffru l-benefiċċji tal-għarfien espert u l-professjonaliżmu tagħhom lill-persuni b'diżabilità;
   tindirizza kwistjonijiet dwar id-diżabilità fi djalogi ma' pajjiżi sħab, tappoġġa l-kooperazzjoni strateġika mal-NGOs dwar id-diżabilità tal-pajjiżi sħab u timpenja ruħha f'dik il-kooperazzjoni;
   tagħmel rieżami tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) u tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) fil-kuntest tas-CRPD;
   tinkludi referenza għall-integrazzjoni tal-kwistjonijiet dwar id-diżabilità fil-politiki tal-UE fil-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp il-ġdid li possibbilment jiġi adottat;
   tikkunsidra l-allokazzjoni ta' fondi pprovduti għall-politiki u l-programmi ta' kooperazzjoni internazzjonali kollha tal-UE għall-programmi nazzjonali għall-persuni b'diżabilità;
   tipprovdi kura rapida, xierqa u komprensiva lit-tfal li aktarx ikunu f'riskju, minħabba l-importanza ta' intervent bikri;

150.  Jilqa' l-Objettiv 12 il-ġdid fil-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015-2019; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità titqajjem b'mod sistematiku fid-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' pajjiżi terzi; jistieden lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem imexxi u jimmonitorja l-progress f'dan il-qasam, speċjalment fir-rigward ta' sforzi ta' standardizzazzjoni f'termini ta' aċċessibilità;

151.  Jappoġġa l-inklużjoni effikaċi tal-persuni b'diżabilità fis-soċjetà, speċjalment f'komunitajiet lokali, u l-finanzjament ta' servizzi għal persuni li jgħixu għal rashom permezz ta' programmi taħt l-istrumenti finanzjarji tal-azzjoni esterna; jitlob li jsir użu aktar razzjonalizzat tal-Fondi Strutturali tal-UE; Jitlob għall-valutazzjoni ta' nofs it-terminu tal-istrumenti ta’ finanzjament estern sabiex jiġi vvalutat kif dawn ikkontribwixxew b'mod effikaċi għall-inklużjoni tal-persuni b'diżabilità fis-soċjetajiet tagħhom, kif tneħħew l-ostakli, u kif tħeġġet l-aċċessibilità; jitlob, barra minn hekk, li kwalunkwe nefqa fi programmi tal-UE li jappoġġaw l-istitutjonalizzazzjoni jevitaw is-segregazzjoni ta' persuni b'diżabilità; jitlob għat-tisħiħ u l-monitoraġġ tal-infiq b'konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet tad-diżabilità;

152.  Jissuġġerixxi li l-persuni kollha impjegati mill-UE fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni u fiċ-ċentri tal-akkoljenza għall-asil tagħha għandhom jirċievu taħriġ speċifiku rilevanti għall-bżonnijiet tal-persuni b'diżabilità biex jiġi żgurat li l-ħtiġijiet tagħhom jiġu ssodisfati;

153.  Jilqa' l-irtirar tal-Kummissjoni mill-qafas ta' monitoraġġ indipendenti (il-Qafas tal-UE); jinsab impenjat li jsib l-aktar struttura xierqa għall-Qafas tal-UE b'tali mod li jkun f'konformità sħiħa mas-CRPD u l-Prinċipji ta' Pariġi, u jħeġġeġ li l-Kodiċi ta' Kondotta bejn il-Kunsill, l-Istati Membri u l-Kummissjoni li jistabbilixxi l-arranġamenti interni għall-implimentazzjoni mill-Unjoni Ewropea u r-rappreżentazzjoni tagħha b'rabta mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità jiġi rivedut u emendat b'tali mod li jinvolvi l-Parlament Ewropew ukoll;

154.  Jisħaq fuq il-ħtieġa għal kooperazzjoni politika msaħħa fi ħdan il-qafas, inklużi r-riżorsi finanzjarji u umani biex jiġi żgurat li jista' jissodisfa l-obbligi tiegħu u jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tas-CRPD.

155.  Jagħti l-ikbar importanza lill-Artikolu 33 tas-CRPD ("Implimentazzjoni u monitoraġġ nazzjonali") u lill-Osservazzjonijiet Finali 76 u 77 tal-Kumitat NU CRPD, u għaldaqstant jilqa' l-approvazzjoni mogħtija mill-Kumitat NU CRPD għall-preżenza tal-Parlament fil-Qafas tal-UE;

156.  Jistieden lill-awtoritajiet baġitarji jallokaw riżorsi adegwati sabiex il-Qafas tal-UE jkun jista' jwettaq il-funzjonijiet tiegħu b'mod indipendenti;

157.  Ifakkar li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet jipprevedi protezzjoni attiva għaċ-ċittadini Ewropej (persuni fiżiċi jew ġuridiċi) skont l-Artikolu 227 tat-TFUE, sabiex dawn ikunu jistgħu jressqu lment kontra ksur tad-drittijiet tagħhom min-naħa tal-awtoritajiet Ewropej, nazzjonali u lokali, inklużi dawk derivati mill-applikazzjoni tal-politiki Ewropej li għandhom l-għan li jimplimentaw is-CRPD, fl-ambitu tad-Dikjarazzjoni dwar id-delimitazzjoni tal-kompetenzi annessa mal-Att Finali li jadotta t-Trattat;

158.  Jenfasizza l-fatt li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet huwa rikonoxxut bħala wieħed mill-istrumenti istituzzjonali tal-UE (flimkien mal-Ombudsman, maħtur biex jiddefendi liċ-ċittadini f'każ ta' amministrazzjoni ħażina) li kapaċi jaqdu r-rwol ta' protezzjoni fil-Qafas tal-UE, f'konformità mal-prinċipji dwar il-funzjonament tal-istituzzjonijiet nazzjonali stabbiliti għall-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem ("il-Prinċipji ta' Pariġi"), adottati mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fir-Riżoluzzjoni 48/134 tagħha tal-1993;

159.  Jirrimarka li, sabiex iwettaq ir-rwol ta' protezzjoni, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet iqiegħed dmirijietu għas-servizz ta' qafas ta' sorveljanza indipendenti fir-rigward tal-investigazzjonijiet preliminari ta' ksur tad-dritt tal-UE li jimplimenta lis-CRPD, it-trażmissjoni ta' petizzjonijiet lil kumitati Parlamentari oħra biex ikunu jistgħu jinvestigaw jew jieħdu l-azzjoni korrispondenti, u żjarat fuq il-post biex tinġabar informazzjoni u jiġi stabbilit kuntatt mal-awtoritajiet nazzjonali;

160.  Ifakkar li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet jirċievi għadd konsiderevoli ta' petizzjonijiet mingħand persuni b'diżabilità kull sena, u dan juri r-realtà ta' miljuni ta' persuni madwar l-Ewropa li jħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet ta' kuljum fir-rigward tal-aċċess għax-xogħol u l-impjieg, l-edukazzjoni u t-trasport jew il-parteċipazzjoni fil-ħajja politika, pubblika u kulturali; jisħaq fuq l-importanza tal-Artikolu 29 tas-CRPD dwar il-parteċipazzjoni mingħajr diskriminazzjoni tal-persuni b'diżabilità fil-ħajja politika u pubblika;

161.  Ifakkar li sikwit, il-petizzjonijiet li ngħataw l-aktar attenzjoni kienu appoġġati minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jirrappreżentaw lill-persuni b'diżabilità, u għaldaqstant jeħtieġ li jiġi promoss u mxandar fil-pubbliku r-rwol ta' protezzjoni u l-effikaċja tal-petizzjonijiet imsejsa fuq il-ksur ta' dawn id-drittijiet; ifaħħar ir-rwol ta' dawn l-organizzazzjonijiet f'dak li jikkonċerna l-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-persuni b'diżabilità;

162.  Jieħu nota tal-petizzjonijiet li jiddeskrivu każijiet f'xi Stati Membri ta' atti li jixirqilhom kundanna f'dak li jikkonċerna l-iżgurar tas-sussistenza tal-persuni b'diżabilità, mhux biss fir-rigward tan-nuqqas ta' ħlas tas-sussidji mogħtija bil-liġi, iżda wkoll każijiet bħal fil-Petizzjoni 1062/2014 fejn l-awtoritajiet allegatament ħadu deċiżjonijiet amministrattivi arbitrarji sabiex inaqqsu l-allokazzjonijiet mogħtija preċedentement fuq il-bażi ta' valutazzjonijiet mediċi dubjużi li jnaqqsu b'mod effikaċi l-grad ta' diżabilità; jitlob lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali kkonċernati jkunu aktar sensittivi għall-implikazzjonijiet ta' tali azzjonijiet fuq ħajjet l-individwi affettwati u l-familji tagħhom, u jitlob li l-Kummissjoni timmonitorja bir-reqqa d-diversi politiki u miżuri relatati dwar id-diżabilitajiet li huma implimentati fl-Istati Membri differenti;

163.  Jinnota li xi Stati Membri li rratifikaw is-CRPD għadhom iridu jistabbilixxu jew jinnominaw il-korpi għall-implimentazzjoni u s-sorveljanza tal-Konvenzjoni, kif mitlub skont l-Artikolu 33; jinnota li l-ħidma ta' dawk il-korpi diġà stabbiliti, b'mod partikolari l-oqfsa ta' sorveljanza stabbiliti skont l-Artikolu 33(2), hija imxekkla minn nuqqas ta' riżorsi finanzjarji u umani u min-nuqqas għalkollox ta' bażi ġuridika solida għan-nomina tagħhom;

164.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jallokaw lill-oqfsa ta' sorveljanza stabbiliti skont l-Artikolu 33(2) riżorsi finanzjarji u umani suffiċjenti u stabbli biex jaqdu l-funzjonijiet tagħhom; iqis li huma għandhom ukoll jiggarantixxu l-indipendenza tal-oqfsa ta' sorveljanza billi jiżguraw li l-kompożizzjoni u l-funzjonament tagħhom iqisu il-Prinċipji ta' Pariġi dwar il-funzjonament tal-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, kif meħtieġ skont l-Artikolu 33(2) – dan ikun appoġġat bit-twaqqif ta' bażi ġuridika formali, li tistabbilixxi b'mod ċar ir-rwol u l-kamp ta' applikazzjoni tal-oqfsa; iħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri li għad iridu jaħtru korpi skont l-Artikolu 33 jagħmlu dan mill-iktar fis possibbli u jagħtuhom ir-riżorsi u l-mandati sabiex ikunu jistgħu jimplimentaw u jissorveljaw l-obbligi tagħhom skont il-CRPD b'mod effikaċi;

165.  Jenfasizza li n-netwerk CRPD jeħtieġ li jissaħħaħ biex jikkoordina b'mod adegwat l-implimentazzjoni interna, iżda anki interistituzzjonali tas-CRPD, filwaqt li jinvolvi b'mod attiv u jikkonsulta mill-qrib lill-persuni b'diżabilità u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom fl-attivitajiet u l-laqgħat tiegħu;

166.  Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi kollha tal-UE biex jiġu stabbiliti punti fokali, u jenfasizza l-ħtieġa ta' mekkaniżmu ta' koordinazzjoni interistituzzjonali orizzontali fid-Direttorati Ġenerali u l-istituzzjonijiet tal-UE; jitlob li l-arranġamenti meħtieġa jagħmlu parti minn strateġija dwar l-implimentazzjoni tas-CRPD;

167.  Jitlob li jissaħħaħ il-koordinament interistituzzjonali bejn il-mekkaniżmi ta' implimentazzjoni tal-istituzzjonijiet differenti tal-UE;

Il-konformità tal-istituzzjonijiet tal-UE mal-Konvenzjoni (bħala amministrazzjonijiet pubbliċi)

168.  Iqis li huwa importanti li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet jorganizza avvenimenti mmirati li jiffokaw fuq il-petizzjonijiet relatati mad-diżabilitajiet, u jenfasizza r-rwol importanti tad-djalogu b'kontribut minn diversi partijiet konċernati, inklużi kumitati rilevanti oħra tal-Parlament Ewropew, membri tal-Qafas tal-UE għall-Konvenzjoni tas-CRPD, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jirrappreżentaw lill-persuni b'diżabilità u l-akkademiċi;

169.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li s-seduta pubblika "Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni b'diżabilità, mill-perspettiva tal-petizzjonijiet mibgħuta", li ġiet organizzata mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fil-15 ta' Ottubru 2015, laħqet standards għolja ta' aċċessibilità, u jirrakkomanda li fil-futur, il-laqgħat kollha tal-kumitati tal-Parlament ikunu aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità;

170.  Jilqa' l-użu tal-Braille fil-komunikazzjoni mal-petizzjonanti, u jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE jużaw il-lingwa tas-sinjali, formati faċli biex jinqraw u l-Braille fil-komunikazzjoni tagħhom maċ-ċittadini sabiex iżommu u jsaħħu l-isforzi għall-inklużjoni taċ-ċittadini fil-ħidma tal-istituzzjonijiet u fil-proġett Ewropew;

171.  Jitlob lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE jiggarantixxu li l-opportunitajiet ta' parteċipazzjoni fil-proċeduri ta' konsultazzjoni pubblika jiġu rreklamati b'mod effikaċi u wiesa' permezz ta' komunikazzjonijiet li jkunu aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità li jużaw lingwi bħall-Braille u verżjonijiet Easy Read;

172.  Jitlob lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet jiżguraw li l-opportunitajiet ta' parteċipazzjoni fil-proċessi ta' konsultazzjoni jiġu pubbliċizzati b'mod ċar u wiesa' bl-użu ta' komunikazzjonijiet aċċessibbli, li jkun jista' jingħata input f'formati oħra bħall-Braille u verżjonijiet Easy Read, u li s-seduti ta' smigħ pubbliku u l-laqgħat li fihom jiġu diskussi l-liġijiet u l-politiki proposti għandhom isiru aċċessibbli għalkollox għal persuni b'diżabilità, inklużi dawk b'diżabilitajiet intellettwali u relatati mat-tagħlim;

173.  Jissottolinja l-ħtieġa li tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni effikaċi u l-libertà ta' espressjoni tal-persuni b'diżabilitajiet f'avvenimenti pubbliċi u laqgħat organizzati mill-istituzzjonijiet jew miżmuma fl-istabbilimenti tagħhom, bil-provvediment ta' didaskaliji u interpretazzjoni bil-lingwa tas-sinjali, dokumenti bi stampar tal-Braille u formati li huma faċli biex jinqraw;

174.  Jistieden lill-Bord tal-Gvernaturi tal-Iskejjel Ewropej, inkluża l-Kummissjoni, biex jiżguraw edukazzjoni ta' kwalità inklużiva fl-Iskejjel Ewropej skont ir-rekwiżiti tas-CRPD fir-rigward ta' valutazzjonijiet multidixxiplinari, l-inklużjoni ta' tfal b'diżabilitajiet, u l-għoti ta' akkomodazzjoni raġonevoli, filwaqt li jiġu ggarantiti l-parteċipazzjoni inklużiva ta' ġenituri b'diżabilitajiet;

175.  Jistieden lill-istituzzjonijiet biex jappoġġaw u jippromwovu l-ħidma tal-Aġenzija Ewropea għall-Bżonnijiet Speċjali u l-Edukazzjoni Inklużiva;

176.  Jitlob lill-UE biex tirrevedi r-regoli tal-Iskema Konġunta tal-Assigurazzjoni għall-Mard, is-sistema tal-pensjonijiet u l-miżuri tas-sigurtà soċjali u l-protezzjoni soċjali relatati mad-diżabilitajiet, bil-għan li tiżgura n-nondiskriminazzjoni u opportunitajiet indaqs għall-persuni b'diżabilitajiet, fost l-oħrajn billi jiġu rikonoxxuti l-bżonnijiet tas-saħħa relatati mad-diżabilità bħala ħaġa distinta minn marda u biex tippromwovi l-ħajja u x-xogħol indipendenti permezz tar-rimborż sħiħ tal-ispejjeż addizzjonali tat-tagħmir jew tas-servizz li huwa meħtieġ għax-xogħol (pereżempju printer tal-Braille, hearing aids, interpretu tal-lingwa tas-sinjali, servizzi ta' didaskalija, eċċ);

177.  Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi jiżguraw li r-regolamenti tal-persunal jiġu implimentati b'mod sħiħ u effikaċi f'konformità mas-CRPD, u li r-regoli interni u d-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni jiġu żviluppati f'konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet tas-CRPD bħala parti minn proċess miftuħ u inklużiv tal-persuni b'diżabilità, sabiex jiġu indirizzati l-Osservazzjonijiet Konklużivi;

178.  Jitlob li l-persuni b'diżabilità - jew persuni li għandhom qraba dipendenti b'diżabilità - li huma fis-servizz tal-istituzzjonijiet Ewropej jingħataw akkomodazzjoni adegwata u raġonevoli bbażata fuq il-ħtiġijiet tagħhom u kompatibbli mas-CRPD, b'attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet tal-ġenituri b'diżabilità;

179.  Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet jadottaw politiki komprensivi ta' reklutaġġ, żamma u promozzjoni, inklużi miżuri pożittivi temporanji, biex iżidu b'mod attiv u sostanzjali l-għadd ta' uffiċjali jew persunal u trainees b'diżabilitajiet, inklużi persuni b'diżabilitajiet psikosoċjali u intellettwali f'konformità mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78/KE;

180.  Jirrakkomanda li jitfasslu moduli ta' taħriġ komprensiv tas-CRPD għall-persunal, f'konsultazzjoni ma' organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-persuni b'diżabilità, li jiffokaw fuq il-persunal f'kuntatt mal-pubbliku, il-ġestjoni u l-akkwist pubbliku;

181.  Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jagħmlu aċċessibbli l-kontenut fuq l-internet u l-apps tagħhom, inklużi l-intranets tagħhom u d-dokumenti u l-kontenut awdjoviżiv essenzjali kollha, filwaqt li jiżguraw ugwalment l-aċċessibilità fiżika tal-bini tagħhom;

182.  Jistieden lill-Kummissjoni taħdem mill-qrib ma' istituzzjonijiet, korpi u aġenziji oħra tal-UE, kif ukoll mal-Istati Membri, biex tikkoordina s-segwitu effikaċi u sistematiku tal-osservazzjonijiet konklużivi, possibbilment permezz ta' strateġija dwar l-implimentazzjoni tas-CRPD;

183.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jiżguraw il-konsultazzjoni u l-involviment sistematiku u strutturat tal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lil persuni b'diżabilitajiet meta jimplimentaw l-osservazzjonijiet finali rispettivi tagħhom;

184.  Fir-rigward tal-Artikolu 35 tas-CRPD, li jobbliga lil dawk l-Istati Membri li jkunu ffirmaw il-Konvenzjoni jissottomettu rapport inizjali u rapporti sussegwenti dwar l-implimentazzjoni tagħhom tal-Konvenzjoni, iqis li tali rapporti għandhom jitressqu kull erba' snin u li għandhom jitħejjew bil-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-persuni b'diżabilità.

o
o   o

185.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 23, 27.1.2010, p. 35.
(2) CRPD/C/EU/CO/1.
(3) CRPD/C/EU/Q/1.
(4) A/RES/64/142.
(5) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.
(6) ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.
(7) Testi adottati, P8_TA(2016)0059.
(8) Testi adottati, P8_TA(2015)0321.
(9) Testi adottati, P8_TA(2015)0320.
(10) Testi adottati, P8_TA(2015)0286.
(11) Testi adottati, P8_TA(2015)0261.
(12) Testi adottati, P8_TA(2015)0208.
(13) ĠU C 75, 26.2.2016, p. 130.
(14) ĠU C 131 E, 8.5.2013, p. 9.
(15) ĠU C 212 E, 5.8.2010, p. 23.
(16) QtĠ, il-Kawżi Magħquda C-335/11 u C-337/11 tal-11 ta' April 2013, HK Danmark, paragrafi 29-30; QtĠ, Kawża C-363/12 Z, 18 ta' Marzu 2014, paragrafu 73; QtĠ, Kawża C-356/12 Glatzel, 22 ta' Mejju 2014, paragrafu 68.
(17) Rapport tal-FRA: Vjolenza kontra t-tfal b'diżabilità: leġiżlazzjoni, politiki u programmi fl-UE (http://fra.europa.eu/sites/default/files/fra_uploads/fra-2015-violence-against-children-with-disabilities_en.pdf)
(18) Rapport tal-FRA, Vjolenza kontra n-nisa: stħarriġ mal-UE kollha. Riżultati ewlenin: http://fra.europa.eu/sites/default/files/fra-2014-vaw-survey-main-results-apr14_en.pdf
(19) Van Straaten et al. (2015). Ħtiġijiet ta' kura rrappurtati minn persuni Netherlandiżi mingħajr dar li għandhom jew m'għandhomx diżabilità intellettwali ssuspettata: studju ta' segwitu ta' 1,5 sena. F': Health Soc Care Community 2015 Ottubru 1. Epub, 2015 Ottubru 1.
(20) EU-SILC 2012.
(21) ĠU C 56E, 26.2.2013, p. 41.
(22) COM(2015)0615.
(23) ĠU C 45 E, 23.2.2010, p. 71.


Oġġezzjoni għal att ta' implimentazzjoni: indikazzjonijiet permessi dwar is-saħħa li jsiru fuq l-ikel
PDF 270kWORD 81k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2016 dwar l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (UE) Nru 432/2012 li jistabbilixxi lista ta' indikazzjonijiet permessi dwar is-saħħa li jsiru fuq l-ikel, barra dawk li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal ( D44599/02 – 2016/2708(RPS))
P8_TA(2016)0319B8-0842/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (D D44599/02),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel(1), u partikolarment l-Artikolu 13(3) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni mogħtija tat-12 ta' April 2016 mill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 25(1) tar-regolament imsemmi hawn fuq,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 5a(3)(b), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni(2),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2), (3) u (4)(c) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 jesiġi li l-Kummissjoni tistabbilixxi, sad-19 ta' Jannar 2009, profili nutrittivi speċifiċi li l-ikel jew ċerti kategoriji ta' ikel għandhom jikkonformaw magħhom biex iġibu indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa, u l-kundizzjonijiet għall-użu ta' indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa għal ikel jew kategoriji ta' ikel fir-rigward tal-profili nutrittivi;

B.  billi, skont l-Artikolu 2(5) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, “indikazzjoni dwar is-saħħa” tfisser kwalunkwe indikazzjoni li tiddikjara, tissuġġerixxi jew timplika li teżisti relazzjoni bejn kategorija ta' ikel, oġġett tal-ikel jew wieħed mill-kostitwenti tiegħu u s-saħħa;

C.  billi hemm tħassib leġittimu li l-indikazzjonijiet li l-kafeina tgħin biex tiżdied il-viġilanza u li l-kafeina tgħin biex tittejjeb il-konċentrazzjoni ma jurux rabta bejn il-konsum tal-kafeina u s-"saħħa";

D.  billi l-Kummissjoni għadha ma stabbilietx dawn il-profili nutrittivi;

E.  billi bott ta' 250 ml ta' xarba enerġetika jista' jkun fih sa 27 g ta' zokkor u 80 mg ta' kafeina;

F.  billi l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tirrakkomanda li l-adulti u t-tfal ma jirċevux aktar minn 10 % tad-doża tal-enerġija tagħhom ta' kuljum miz-zokkor liberu u li tnaqqis ulterjuri għal anqas minn 5 % (bejn wieħed u ieħor 25 g) fil-ġurnata jġib benefiċċji tas-saħħa addizzjonali(3);

G.  billi l-EFSA sabet evidenza li konsum għoli ta’ zokkor fil-forma ta’ xarbiet miżjuda z-zokkor għall-ħlewwa jista’ jikkontribwixxi għal żieda fil-piż;

H.  billi l-użu tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa proposti x'aktarx li se jiffavorixxi l-konsum tax-xarbiet enerġetiċi u, b'konsegwenza, jista' ġustament ikun mistenni li d-doża ta’ kuljum taz-zokkor u tal-kafeina taqbeż il-valur ta' konsum massimu rakkomandat ta’ kuljum;

I.  billi l-Artikolu 3(c) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 jipprojbixxi l-użu ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa li jinkoraġġixxu l-konsum eċċessiv ta’ oġġett tal-ikel;

J.  billi, skont l-abbozz ta' Regolament tal-Kummissjoni, l-indikazzjonijiet li l-kafeina tgħin sabiex tiżdied il-luċidità mentali u li l-kafeina tgħin biex ittejjeb il-konċentrazzjoni m'għandhomx jintużaw għal ikel immirat lejn it-tfal u l-adolexxenti;

K.  billi l-adolexxenti huma l-ikbar grupp ta' konsumaturi ta' xarbiet enerġetiċi;

L.  billi 68 % tal-adolexxenti u 18 % tat-tfal jikkunsmaw xarbiet enerġetiċi regolarment;

M.  billi l-Kodiċi ta' Prattika volontarju tal-industrija tax-xorb enerġetiku għall-Kummerċjalizzazzjoni u t-Tikkettar ta’ Xorb Enerġetiku jistipula biss li x-xorb enerġetiku ma jiġix ikkummerċjalizzat bit-tfal taħt l-età ta' 12-il sena(4)fil-mira tiegħu;

N.  billi fil-prattika huwa diffiċli biex wieħed jikkontrolla li x-xarbiet enerġetiċi li jkollhom fuqhom indikazzjonijiet dwar is-saħħa mhumiex qed jinbiegħu lit-tfal, irrispettivament minn jekk huma mmirati lejn it-tfal jew l-adolexxenti, u b’hekk il-kundizzjonijiet tal-użu marbuta mal-indikazzjonijiet proposti jiġu mingħajr effett; billi fi kwalunkwe każ xejn ma jipprevjeni l-kummerċjalizzazzjoni ta’ xarbiet bħal dawn għall-adolexxenti;

O.  billi, kif iddikjarat fl-Artikolu 3(a) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, l-użu ta' indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa ma għandux ikun ambigwu jew qarrieqi;

P.  billi l-kundizzjoni jew ir-restrizzjoni li l-indikazzjonijiet proposti m’għandhomx jintużaw għall-oġġetti tal-ikel immirati għat-tfal u l-adolexxenti jagħmilhom ambigwi fir-rigward tal-effetti avversi potenzjali ta’ dak l-ikel fuq is-saħħa tal-bniedem;

Q.  billi l-Kummissjoni fl-imgħoddi (kif ikkonfermat mill-Qorti Ġenerali dwar id-destrosju) irrifjutat li tawtorizza indikazzjonijiet dwar is-saħħa li kienu jibagħtu messaġġ kontradittorju u ambigwu lill-konsumaturi, anki jekk kellhom jiġu awtorizzati suġġett għal kundizzjonijiet speċifiċi tal-użu u/jew kienu akkumpanjati minn messaġġi jew twissijiet addizzjonali(5);

R.  billi fl-Opinjoni Xjentifika tagħha dwar is-sikurezza tal-kafeina, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel ikkonkludiet li ma kienx hemm biżżejjed informazzjoni fuq xiex tibbaża livell sikur tal-konsum tal-kafeina għat-tfal iżda li komsum li jikkorrispondi għal 3 mg għal kull kg ta' piż tal-ġisem kuljum probabbilment ma tagħtix lok għal tħassib dwar is-sikurezza għat-tfal u l-adoloxxenti(6);

S.  billi, kif imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, "l-użu ta' stqarrijiet dwar vantaġġ nutrittiv u għas-saħħa ma għandux [...] iħeġġeġ jew jittollera l-konsum eċċessiv ta' xi ikel";

T.  billi 25 % tal-konsumaturi adolexxenti ta' xorb enerġetiku jixorbu tliet bottijiet jew aktar f'sessjoni waħda u l-indikazzjonijiet proposti jista' jkun li jinkoraġġixxu l-konsum ta’ kwantitajiet jerġa' akbar ta’ tali xarbiet enerġetiċi;

U.  billi t-tikketta ta’ twissija proposta (kundizzjonijiet tal-użu) ma tipprovdi l-ebda twissija rigward il-konsum massimu għal kull doża unika, iżda tirreferi biss għall-konsum massimu ta' kuljum;

V.  billi x-xarbiet enerġetiċi ġew konnessi ma' wġigħ ta' ras, problemi tal-irqad u problemi fl-imġiba fit-tfal u l-adolexxenti li jikkunsmawhom b'mod regolari;

1.  Jopponi l-adozzjoni tal-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni;

2.  Iqis li dan l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni mhux kompatibbli mal-għan u l-kontenut tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' regolament tagħha;

4.  Jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw li jintroduċu regoli fuq il-kummerċjalizzazzjoni ta' xarbiet b’kontenut għoli ta’ kafeina jew ikel miżjud il-kafeina xarbiet b’kontenut għoli ta’ kafeina jew ikel miżjud il-kafeina għat-tfal u l-adoloxxenti;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 404, 30.12.2006, p. 9.
(2) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.
(3) http://apps.who.int/iris/bitstream/10665/149782/1/9789241549028_eng.pdf?ua=1
(4) http://www.energydrinkseurope.org/wp-content/uploads/2015/01/FINAL_EDE-Code-of-Practice_clean_250914.pdf
(5) Ara s-sentenza Dextro Energy tas-16 ta’ Marzu 2016, T-100/15, EU:T:2016:150, punt 74.
(6) http://www.efsa.europa.eu/sites/default/files/consultation/150115.pdf

Avviż legali