Indiċi 
Testi adottati
It-Tlieta, 13 ta' Settembru 2016 - StrasburguVerżjoni finali
Politika ta' Koeżjoni u Strateġiji ta' Riċerka u Innovazzjoni għall-Ispeċjalizzazzjoni Intelliġenti (RIS3)
 Kooperazzjoni Territorjali Ewropea - l-aħjar prattiki u miżuri innovattivi
 Rapport interim dwar l-inkjesta dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku
 Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' István Ujhelyi
 Talba għall-ħarsien tal-privileġġi u l-immunitajiet ta' Rosario Crocetta
 Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Sotirios Zarianopoulos
 Ftehim bejn l-UE u ċ-Ċina rigward l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja ***
 Ftehim bejn l-UE u l-Urugway rigward l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja ***
 Il-ħatra proposta ta' Membru tal-Qorti tal-Awdituri – Lazaros Stavrou
 Il-Ħatra ta' membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri - João Alexandre Tavares Gonçalves de Figueiredo
 Il-ħatra proposta ta' Membru tal-Qorti tal-Awdituri – Leo Brincat
 Statistika relatata mal-kummerċ estern ma' pajjiżi li mhumiex membri fir-rigward tal-għoti ta' setgħat delegati u ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni għall-adozzjoni ta' ċerti miżuri ***II
 L-istatistika Ewropea tal-prezzijiet tal-gass naturali u tal-elettriku ***I
 Lejn Disinn Ġdid tas-Suq tal-Enerġija
 Strateġija tal-UE dwar it-Tisħin u t-Tkessiħ
 Nsaħħu l-kompetittività tal-SMEs
 Strateġija tal-UE għar-reġjun Alpin
 Il-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika: l-implikazzjonijiet għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja
 Il-ħolqien ta' Kundizzjonijiet fis-Suq tax-Xogħol Favorevoli għal Bilanċ bejn il-Ħajja tal-Familja u dik tax-Xogħol

Politika ta' Koeżjoni u Strateġiji ta' Riċerka u Innovazzjoni għall-Ispeċjalizzazzjoni Intelliġenti (RIS3)
PDF 400kWORD 60k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2016 dwar il-Politika ta' Koeżjoni u l-Istrateġiji ta' Riċerka u Innovazzjoni għall-Ispeċjalizzazzjoni Intelliġenti (RIS3) (2015/2278(INI))
P8_TA(2016)0320A8-0159/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 4, 162 u 174-178 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (minn hawn 'il quddiem "ir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni")(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment għall-mira tat-tkabbir u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1302/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1082/2006 dwar raggruppament Ewropew ta' kooperazzjoni territorjali (REKT) fir-rigward tal-kjarifika, is-simplifikazzjoni u t-titjib għat-twaqqif u l-funzjonament ta' tali raggruppamenti(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1300/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Jannar 2014 dwar speċjalizzazzjoni intelliġenti: eċċellenza fin-netwerking għal Politika ta' Koeżjoni soda(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 dwar "Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi: il-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni"(9),

–  wara li kkunsidra l-ktejjeb tal-Kummissjoni tat-22 ta' Frar 2016 intitolat "il-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa: linji gwida ġodda dwar kif jistgħu jingħaqdu l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej mal-FEIS";

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ġunju 2014 intitolata "Ir-riċerka u l-innovazzjoni bħala sorsi ta' tkabbir imġedded" (COM(2014)0339),

–  wara li kkunsidra s-sitt rapport tal-Kummissjoni dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, intitolat l-"Investiment għall-impjiegi u t-tkabbir", tat-23 ta' Lulju 2014,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2014 intitolata "Pjan ta' Investiment għall-Ewropa" (COM(2014)0903),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Diċembru 2015 intitolata "Ninvestu f'impjiegi u tkabbir - nimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej" (COM(2015)0639),

–  wara li kkunsidra l-gwida ppubblikata mill-Kummissjoni fl-2014 intitolata "Enabling synergies between European Structural and Investment Funds, Horizon 2020 and other research, innovation and competitiveness-related Union programmes" ("Niffaċilitaw sinerġiji bejn il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, Orizzont 2020 u programmi oħrajn tal-Unjoni għar-riċerka, l-innovazzjoni u relatati mal-kompetittività"),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2010 intitolata "Politika Reġjonali li tikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti fl-Ewropa 2020" (COM(2010)0553),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Settembru 2013 intitolata "Kejl tar-riżultati tal-innovazzjoni fl-Ewropa: lejn indikatur ġdid" (COM(2013)0624),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-4 ta’ Mejju 2012 intitolata "Tixjiħ attiv: Innovazzjoni, saħħa intelliġenti, ħajja aħjar"(10),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-30 ta' Mejju 2013 intitolata "L-eliminazzjoni tad-distakk fl-innovazzjoni"(11),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tas-7 ta' Ottubru 2014 intitolata "Miżuri biex jiġi appoġġjat il-ħolqien ta' ekosistemi ta' start ups tat-teknoloġija avvanzata"(12),

–  Wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li ġie ppubblikat fl-2014 li fih gwida għal min ifassal il-politika u għall-korpi ta' implimentazzjoni dwar "Enabling synergies between European Structural and Investment Funds, Horizon 2020 and other research, innovation and competitiveness-related Union programmes" ("Niffaċilitaw sinerġiji bejn il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, Orizzont 2020 u programmi oħrajn tal-Unjoni għar-riċerka, l-innovazzjoni u relatati mal-kompetittività") (SWD(2014)0205),

–  wara li kkunsidra l-proġett pilota "Il-Politika ta' Koeżjoni u s-sinerġiji mal-fondi ta' riċerka u żvilupp: it-'triq lejn l-eċċellenza'",

–  wara li kkunsidra l-Azzjoni Preparatorja tal-Parlament Ewropew fir-Reġjun tal-Maċedonja tal-Lvant u Traċja (REMTh),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A8-0159/2016),

A.  billi f'dan iż-żmien ta' kriżi ekonomika, finanzjarja u soċjali, l-UE jeħtiġilha tintensifika l-isforzi tagħha biex toħloq tkabbir ekonomiku intelliġenti, sostenibbli u inklużiv;

B.  billi t-tisħiħ tar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni (RŻI) huwa wieħed mill-prijoritajiet ta' investiment tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) għall-2014-2020; billi l-appoġġ għall-innovazzjoni jvarja ħafna fl-UE u fl-Istati Membri, speċjalment għall-isfruttament tal-għarfien u tat-teknoloġija fil-promozzjoni tal-innovazzjoni;

C.  billi għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, l-Istati Membri għandhom l-obbligu, għall-ewwel darba, jiżviluppaw strateġiji nazzjonali u/jew reġjonali ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti billi jinvolvu l-awtoritajiet maniġerjali nazzjonali jew reġjonali u l-partijiet interessati, bħal istituzzjonijiet ta' edukazzjoni ogħla, l-industrija kif ukoll is-sħab soċjali fi proċess ta' skoperta intraprenditorjali;

D.  billi l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti tgħaqqad u tlaqqa' flimkien politiki differenti, inklużi dawk għall-intraprenditorija, l-edukazzjoni u l-innovazzjoni, sabiex ir-reġjuni jidentifikaw u jagħżlu oqsma ta' prijorità għall-iżvilupp tagħhom u għall-investimenti relatati billi jiffokaw fuq is-saħħiet u l-vantaġġi komparattivi tagħhom;

E.  billi r-RIS3 għandha tgħin lill-ekonomija Ewropea ssir aktar kompetittiva, tiżviluppa aktar valur miżjud f'dak li jirrigwarda l-innovazzjoni, toħloq aktar impjiegi u impjiegi ta' kwalità aħjar, u twassal għal firxa wiesgħa ta' esperjenzi ġodda; billi dawn għandhom jikkontribwixxu għat-tixrid ta' prattiki tajbin u għall-iżvilupp ta' spirtu intraprenditorjali ġdid, flimkien ma' suq diġitali uniku li jaħdem sew u speċjalizzazzjoni intelliġenti li tista' twassal għal ħiliet, għarfien, innovazzjoni u impjiegi ġodda, sabiex ir-riżultati tar-riċerka jiġu sfruttati aħjar flimkien mal-forom kollha ta' innovazzjoni;

F.  billi l-iżvilupp tal-istrateġija RIS3 tinvolvi proċess ta' żvilupp ta' mekkaniżmi ta' governanza multiparteċipattiva li jidentifikaw l-oqsma bl-akbar potenzjal strateġiku fil-post, l-istabbiliment ta' prijoritajiet strateġiċi u t-tfassil ta' servizzi effiċjenti ta' appoġġ għall-intrapriżi sabiex jiġi mmassimizzat il-potenzjal ta' żvilupp ibbażat fuq l-għarfien ta' kull reġjun;

G.   billi r-RIS3 tikkontribwixxi għall-użu effiċjenti tal-fondi tal-UE, u taffettwa lill-Istati Membri u r-reġjuni kollha tal-Unjoni, u biex jiġi sfruttat il-potenzjal tar-reġjuni kollha, u b'hekk tgħin lill-UE tiġġieled id-diskrepanzi fl-innovazzjoni tagħha, kemm internament kif ukoll esternament, sabiex issir aktar kompetittiva fuq livell globali;

H.   billi l-iżvilupp b'suċċess u f'waqtu tar-RIS3 fl-Istati Membri jiddependi ħafna fuq li dawn isaħħu l-kapaċità amminsitrattiva għall-programmazzjoni, baġitjar, implimentazzjoni u evalwazzjoni fi ħdan il-qafas tal-politika bl-għan li jissaħħaħ l-investiment privat fl-RŻI; billi dan l-iżvilupp irid iqis il-fatt li l-valutazzjonijiet inizjali tal-istrateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti taw stampa mħallta, b'mod partikolari fir-rigward tal-għażla tal-prijoritajiet, li ħafna drabi tiġi meqjusa bħala ġenerika żżejjed jew mhux konnessa biżżejjed ma' strutturi ekonomiċi u ta' innovazzjoni reġjonali, li jfisser li l-istrateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti jridu jittejbu f'dan ir-rigward;

I.  billi l-pjattaforma RIS3 tassisti skambji minn isfel għal fuq u bejn il-pari u t-trasferiment ta' għarfien fost ir-reġjuni parteċipanti; billi jeħtieġ li dan il-proċess jingħata prijorità fir-rigward tad-disinn u tal-prattiki futuri ta' inizjattivi ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti;

Ir-rwol ċentrali tar-RIS3 fil-kontribut għal politika ta' koeżjoni għall-miri tal-istrateġija Ewropa 2020

1.  Jenfasizza li l-istrateġiji għall-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti jappoġġjaw il-konċentrazzjoni tematika u l-ipprogrammar strateġiku tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (il-Fondi SIE) u jwasslu għal aktar orjentazzjoni lejn il-prestazzjoni fuq il-post, u b'hekk jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-miri ta' Ewropa 2020; jenfasizza li l-għan ta' dawn l-istrateġiji hu li joħloqu tkabbir sostenibbli bbażat fuq l-għarfien, żvilupp bilanċjat u impjiegi ta' kwalità għolja fir-reġjuni kollha, mhux biss f'zoni żviluppati iżda wkoll f'reġjuni fi transizzjoni kif ukoll f'reġjuni anqas żviluppati, reġjuni rurali u ġżejjer;

2.  Jitlob li d-dispożizzjonijiet ex ante l-ġodda ta' kondizzjonalità għall-attribuzzjoni tal-Fondi SIE jiġu osservati b'mod sħiħ sabiex l-istrateġiji għall-speċjalizzazzjoni intelliġenti jaħdmu;

3.  Jistieden lill-atturi kollha involuti biex jiżviluppaw ir-RIS3 fuq il-bażi ta' analiżi tal-kapaċitajiet, assi u kompetenzi eżistenti f'kull reġjun, u jiffokaw fuq l-iskoperta intraprenditorjali sabiex isibu niċeċ ġodda jew vantaġġi komparattivi għall-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti, jevitaw l-ispeċjalizzazzjoni żejda furzata u artifiċjali, u jtejbu sħubija aktar qawwija bejn is-settur pubbliku u dak privat, filwaqt li dejjem jevitaw konflitti ta' interess possibbli bejn is-settur privat u dak pubbliku;

4.  Jappoġġja definizzjoni wiesgħa tal-innovazzjoni bħala t-trasformazzjoni ta' idea fi prodott jew servizz ġdid jew imtejjeb introdott fis-suq, f'fi proċess operattiv ġdid jew imtejjeb użat fl-industrija u l-kummerċ, jew f'approċċ ġdid lejn servizz soċjali;

5.  Jitlob lir-reġjuni biex ifasslu skemi għal servizzi ta' appoġġ innovattivi bl-għan li jikkomplementaw jew jissostitwixxu s-servizzi ta' appoġġ eżistenti, sabiex reġjun ikun jista' jilħaq il-potenzjal kompetittiv tiegħu kollu, jgħin lill-impriżi jassorbu għarfien u teknoloġiji ġodda sabiex jibqgħu kompetittivi, u jiżgura li r-riċerka u l-innovazzjoni jiksbu massa kritika ta' riżorsi;

6.  Jitlob lill-Kummissjoni tallinja r-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa biex jippermetti li l-kundizzjonijiet tas-Siġill ta' Eċċellenza jiġu offruti mill-Fondi ESI;

7.  Jitlob lill-awtoritajiet nazzjonali jinvestu fl-għarfien reġjonali u l-big data mining sabiex ikunu jistgħu juru l-vantaġġ kompetittiv uniku tagħhom, kif ukoll biex jifhmu x-xejriet relatati mal-impriżi reġjonali fil-katina ta' valur globali;

8.  Huwa tal-opinjoni li l-Pjattaforma S3, stabbilita mid-DĠ REGIO tal-Kummissjoni u li tinsab fiċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka f'Sevilja, għandha rwol ewlieni x'taqdi fil-konsulenza li tingħata lir-reġjuni u fl-istabbiliment ta' parametri referenzjarji dwar l-istrateġiji ta' innovazzjoni tagħhom, li tgħin lir-reġjuni li qegħdin lura u ttejjeb il-governanza f'diversi livelli u s-sinerġiji bejn ir-reġjuni, billi tipprovdi informazzjoni, metodoloġiji, għarfien espert u pariri għal dawk li jfasslu l-politika nazzjonali u reġjonali; jenfasizza li din il-pjattaforma għandha tagħmel sforz kontinwu sabiex taġġorna l-bażi tad-data tagħha, filwaqt li tqis il-ħtiġijiet, l-ispeċifiċitajiet u l-prijoritajiet lokali tar-reġjuni u l-bliet;

9.  Huwa tal-fehma li l-Pjattaforma S3 f'Sevilja għandha tagħti attenzjoni partikolari lil dawk ir-reġjuni li għadhom lura u, b'mod partikolari, għandha tgħinhom isawru u jorjentaw l-istrateġiji tagħhom;

10.  Jemmen li reġjuni iżgħar għandhom aktar problemi biex jiżviluppaw u jimplimentaw l-istrateġiji, u jitlob li jiġu żviluppati proposti biex jiżdied l-appoġġ għal dawn ir-reġjuni bil-għan li jittejbu l-implimentazzjoni tal-istrateġiji S3 u l-iskambju tal-aħjar prattiki;

11.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-enfasi tal-Kummissjoni fuq reġjuni li għadhom lura f'forma ta' proġett pilota reċenti dwar l-Azzjoni Preparatorja tal-Parlament Ewropew fir-Reġjun tal-Maċedonja tal-Lvant u Traċja, li se jitwessa' biex iħaddan reġjuni minn tmien Stati Membri sal-aħħar tal-2017;

12.  Jilqa' l-kontinwazzjoni tal-Pjattaforma Monitor tal-Innovazzjoni Reġjonali Plus, stabbilita mid-DĠ Growth tal-Kummissjoni għall-ħolqien ta' Osservatorju tar-Riċerka u l-Innovazzjoni stabbilit mid-DĠ RTD u d-differenti ċentri ta' għarfien relatati mal-politika f'DĠ JRC (KE), li jipprovdu data komprensiva, indikaturi u linji gwida għall-partijiet interessati nazzjonali u reġjonali tal-S3;

13.  Jistenna bil-ħerqa dettalji dwar il-Kunsill Ewropew għall-Innovazzjoni (EIC), bl-għan li jinħoloq "one-stop-shop" għall-innovaturi u, għalhekk, pont bejn il-kisbiet tax-xjenza u l-bżonnijiet tal-impriżi u l-awtoritajiet pubbliċi fl-Ewropa;

14.  Ifakkar li l-finanzjament pubbliku jibqa' mutur b'saħħtu tal-innovazzjoni; jistieden lill-awtoritajiet kkonċernati biex ikunu prudenti fir-rigward li ssir enfasi akbar fuq l-istrumenti finanzjarji, peress li l-innovazzjoni m'għandhiex tkun iffokata biss fuq l-għotjiet, iżda għandha tkun kapaċi wkoll tidentifika mezzi alternattivi ta' finanzjament, bħalma huma self u garanziji u biex jinstab bilanċ bejn l-għotjiet u l-mezzi alternattivi ta' finanzjament (finanzjament pubbliku u privat);

Governanza f'diversi livelli u l-kapaċità tagħha

15.  Jiddispjaċih li xi Stati Membri ddeċidew li jagħżlu r-RIS3 nazzjonali mingħajr ma taw iċ-ċans lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jiżviluppaw il-fehmiet tagħhom, u b'hekk dgħajfu l-proċess ta' skoperta intraprenditorjali minn isfel għal fuq li r-RIS3 għandu jħaddan; jenfasizza l-importanza ta' approċċ reġjonali, peress li l-implimentazzjoni tar-RIS3 tista' tirnexxi biss jekk tkun ibbażata fuq l-assi lokali u reġjonali; jistieden lill-Istati Membri kkonċernati jikkunsidraw mill-ġdid li jissostitwixxu r-RIS3 nazzjonali b'dawk reġjonali sabiex ma jitilfux opportunitajiet ta' tkabbir, u jitlob koordinazzjoni aħjar bejn l-istrateġiji nazzjonali u reġjonali tal-S3 kull fejn ikun xieraq, sabiex jiġu adattati, jekk ikun meħtieġ, għall-ħtiġijiet u r-rekwiżiti futuri għall-iżvilupp sostenibbli, b'mod partikolari fis-setturi tal-ikel u tal-enerġija; jiddispjaċih li l-prinċipju ta' sħubija stipulat fl-Artikolu 5 tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni mhux dejjem ġie rrispettat; jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw il-prinċipju ta' sħubija fl-istadji kollha tal-preparazzjoni u tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija u tal-Programmi Operattivi;

16.  Huwa tal-fehma li l-kwalità tal-kooperazzjoni bejn il-gvernijiet u l-partijiet interessati rilevanti fir-reġjun għandha influwenza sinifikanti fuq is-suċċess tal-istrateġija RIS 3 u se tnaqqas b'mod sinifikanti r-riskju li jittieħdu għażliet ħżiena fl-iffissar tal-prijoritajiet; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza li jiġu kkonsultati n-negozji, partikolarment l-SMEs, peress li l-"viżjoni ta' innovazzjoni" se tirnexxi biss jekk in-negozji jkollhom ukoll il-potenzjal korrispondenti li jimplimentawha;

17.  Jenfasizza l-importanza ta' koordinazzjoni aħjar bejn il-livelli kollha ta' governanza biex titrawwem viżjoni ta' approċċ minn isfel għal fuq fl-istrateġiji reġjonali, inklużi l-awtoritajiet u l-partijiet interessati kollha tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti, kif ukoll l-esperti, is-soċjetà ċivili u l-utenti finali, sabiex jitwarrbu l-mentalitajiet tad-dipartimentaliżmu; jirrimarka li n-nuqqas milli jiġu adattati r-regolamenti rilevanti tal-Istati Membri qed joħloq ostakoli għall-implimentazzjoni tal-investimenti fir-riċerka u fl-innovazzjoni;

18.  Jirrimarka r-rwol limitat tas-soċjetà ċivili fl-istrateġiji RIS3, u jitlob tisħiħ tal-parteċipazzjoni tagħha permezz ta' pjattaformi u sħubijiet kollaborattivi, billi din tista' tgħin biex jitfasslu aħjar l-istrateġiji, tissaħħaħ il-kooperazzjoni mas-soċjetà u twassal għal governanza aħjar;

19.  Jenfasizza l-importanza ta' koordinazzjoni mill-qrib matul il-fażijietkollha ta' implimentazzjoni bejn il-programmi operattivi u r-RIS3;

20.  Jitlob li jkun hemm djalogu u kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-istituzzjonijiet tal-UE (il-PE u l-Kunsill) kif ukoll fil-livell eżekuttiv (il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali ta' implimentazzjoni), sabiex jinkiseb qafas favorevoli għar-riċerka u l-innovazzjoni u t-tisħiħ mill-ġdid tal-implimentazzjoni tar-RIS3 fil-kuntest tar-reviżjoni li jmiss tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-korpi l-oħra kkonċernati biex jipprovdu assistenza ulterjuri lil dawk l-Istati Membri li għandhom bżonnha għall-implimentazzjoni tal-istrateġija RIS 3;

22.  Jappella għal sforzi kontinwi biex titħeġġeġ bidla fil-mentalità u l-promozzjoni ta' approċċi ta' politika innovattivi biex jingħataw spinta l-kollaborazzjonijiet intrareġjonali, interreġjonali, extrareġjonali, transkonfinali u transnazzjonali, inkluż permezz ta' tal-makroreġjuni, permezz ta' għodod eżistenti bħall-INTERREG, sabiex ikompli jingħata spinta l-valur miżjud Ewropew f'dawn l-istrateġiji;

23.  Ifakkar fl-importanza li tiġi enfasizzata l-innovazzjoni soċjali, peress li dan jista' jgħin biex jiġu stabbiliti mudelli u kulturi ġodda tan-negozju u b'hekk jinħoloq ambjent xieraq għall-implimentazzjoni tal-ekonomija ċirkolari;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta komunikazzjoni integrata dwar il-valur miżjud tal-istrateġiji RIS3 u l-implimentazzjoni tagħhom fil-programmi operattivi, li għandhom jiġu segwiti minn proposti għal azzjoni ulterjuri fis-7 Rapport ta' Koeżjoni;

25.  Jiddispjaċih għan-nuqqas ta' kooperazzjoni interreġjonali fuq il-bażi tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti; jinnota li l-Qafas Strateġiku Komuni joffri l-possibbiltà li jintużaw sa 15 % tal-fondi skont ir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni (il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd) għal tali kooperazzjoni barra r-reġjun lokali; jenfasizza li fir-rapport dwar l-Artikolu 16.3 "Ninvestu f'impjiegi u tkabbir - nimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej", jirriżulta li s'issa dawn il-possibbiltajiet ma ntużawx biżżejjed; jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali biex jagħmlu użu akbar mill-possibbiltajiet offruti;

26.  Jitlob li jiġu żviluppati mekkaniżmi ta' flessibbiltà u ta' koordinazzjoni biex jorbtu r-riżultati tal-proċess tar-RIS3 mal-implimentazzjoni ta' Orizzont 2020 u ta' programmi oħra; iħeġġeġ lir-reġjuni biex jinvolvu ruħhom f'forom ta' kooperazzjoni transnazzjonali bħalma huma l-inizjattiva Vanguard, is-Siġill ta' Eċċellenza, pjattaforma għall-iskambju tal-għarfien, il-Pjattaformi S3, it-triq lejn l-eċċellenza, u l-iskemi ta' innovazzjoni reġjonali għaċ-ċentri ta' kolokazzjoni tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT); jitlob li jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta' sħubijiet bejn raggruppamenti strateġiċi, bl-għan li tingħata spinta lill-investiment u jittejjeb il-koordinament, jinħolqu sinerġiji u jiġu promossi skambji ta' fehmiet sabiex jiġu evitati d-duplikazzjoni u l-infiq ineffiċjenti tar-riżorsi pubbliċi;

27.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali u Ewropej ikomplu jissorveljaw id-"distakk fl-innovazzjoni", mhux biss fost l-Istati Membri tal-UE u fost ir-reġjuni NUTS 2, iżda, ukoll u dejjem iżjed, fi ħdan l-Istati Membri individwali;

28.  Jemmen li l-proċeduri għandhom jiġu ssimplifikati u l-ostakoli fil-proċess amministrattiv tal-istrateġiji għandhom jitnaqqsu;

29.  Jistieden lill-awtoritajiet rilevanti jissimplifikaw il-proċeduri f'kull livell u jnaqqsu l-ostakoli fil-proċess amministrattiv tal-istrateġiji; jinkoraġġixxi l-investiment fil-kapital uman, inkluż permezz ta' sħubijiet interreġjonali tal-UE, bl-għan li jissaħħu l-kapaċitajiet amministrattivi u ta' ġestjoni, jiġi implimentat u mmonitorjat b'suċċess il-proċess RIS3, filwaqt li jiġi evitat il-ħolqien ta' piżijiet addizzjonali ta' amministrazzjoni; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jagħtu prijorità lir-riċerka u l-innovazzjoni fir-reġjuni li għandhom tali potenzjal iżda fejn l-investiment f'dan il-qasam huwa skars;

30.  Iħeġġeġ lir-reġjuni u lill-Istati Membri jintensifikaw l-użu tal-baġit disponibbli għall-assistenza teknika biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effikaċi u effiċjenti tar-RIS3;

31.  Ifakkar li l-istrateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti għandhom ikunu wkoll strumenti b'saħħithom sabiex jiġu indirizzati l-aspetti soċjali, ambjentali, tal-isfidi relatati mal-klima u l-enerġija u jippromwovu l-effett konsegwenzjali tal-għarfien u d-diversifikazzjoni teknoloġika;

Sinerġiji aħjar għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi

32.  Jikkritika n-nuqqas ta' sinerġiji bejn il-Fondi SIE u l-istrumenti ta' finanzjament l-oħra tal-UE, ħaġa li tfixkel il-koordinament, il-koerenza u l-integrazzjoni tal-għoti ta' fondi mill-UE u tnaqqas ir-riżultati u l-impatt tagħhom; isejjaħ għal aktar attenzjoni u riċerka dwar kif tista' tintlaħaq strateġija mtejba għal sinerġiji u jiġu kkunsidrati il-kombinazzjoni, il-komplementarjetà u l-potenzjal tal-istrumenti ta' finanzjament b'tali mod li jiġi żgurat l-użu sħiħ ta' garanziji tal-UE għall-finanzjament ta' pjattaformi ta' investiment;

33.  Jenfasizza l-ħtieġa li jitkomplew u jiġu approfonditi l-approċċi ta' spirali tripli u kwadrupli għal speċjalizzazzjoni intelliġenti fil-livell reġjonali, li jinvolvu l-amministrazzjonijiet pubbliċi, l-universitajiet, in-negozji u ċ-ċittadini; jenfasizza li r-rwol ta' dawn l-aħħar żewġ settijiet ta' parteċipanti (jiġifieri, l-edukazzjoni għolja u l-istituzzjonijiet ta' riċerka u l-organizzazzjonijiet taċ-ċittadini) għandu jissaħħaħ f'termini ta' programmazzjoni tal-UE u ta' tipi ta' finanzjament;

34.  Jitlob aktar appoġġ għall-SMEs u l-istart-ups, peress li l-maġġoranza l-kbira ta' dawn jinsabu fuq quddiem nett tal-innovazzjoni radikali, kif ukoll li jikkontribwixxu b'mod sinifikattiv għall-identifikazzjoni tat-talent lokali f'varjetà ta' oqsma u li jimpjegaw liż-żgħażagħ;

35.  Iħeġġeġ sforzi kontinwi fit-tfittxija ta' indikaturi affidabbli għall-monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-innovazzjoni, fil-livelli kollha ta' governanza, billi jkunu mobilizzati u kkoordinati aħjar ir-riżorsi tal-Eurostat u DĠs oħra rilevanti tal-Kummissjoni, kont meħud ukoll tal-kisbiet tal-OCED, l-EPSON u atturi oħra f'dan il-qasam bħalma huma l-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika;

36.  Jenfasizza li l-użu kkoordinat u komplementari tal-Fondi SIE ma' Orizzont 2020 u fondi tal-FEIS, f'konformità mal-linji gwida dwar il-kumplimentarjetajiet bejn il-FEIS u l-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi maħruġ mill-Kummissjoni f'Frar 2016, jipprovdi għażliet eċċellenti għall-promozzjoni tal-innovazzjoni fil-livelli reġjonali, nazzjonali u tal-UE billi jsaħħaħ l-attrattività tal-investiment fir-riċerka u fl-innovazzjoni sabiex jattira l-kapital privat biex dan jikkomplementa l-finanzjament pubbliku; jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jagħmlu l-aħjar użu mill-possibbiltajiet biex jgħaqqdu dawn l-għodod;

37.  Jitlob li tinkiseb l-informazzjoni neċessarja għal sinerġiji bejn il-politiki u l-istrumenti varji disponibbli fir-RIS3, bħalma huma l-Politika ta' Koeżjoni għall-2014-2020, il-Pjattaforma ta' Speċjalizzazzjoni Intelliġenti, l-Osservatorju Ewropew tar-Raggruppamenti, is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni, il-Forum Strateġiku Ewropew, it-Teknoloġiji Abilitanti Essenzjali u l-infrastrutturi tar-riċerka;

38.  Jinkoraġġixxi lir-reġjuni, meta jkunu qed jimplimentaw ir-RIS3 tagħhom, isaħħu l-mentalità ta' innovazzjoni miftuħa u l-ekosistema ta' kollaborazzjoni fuq il-bażi tal-mudell spiral kwadruplu;

39.  Jenfasizza l-importanza li l-edukazzjoni u r-riċerka jitfasslu skont il-ħtiġijiet reali tas-suq, fi sforz biex jiġi żgurat li l-innovazzjonijiet ġodda jilqgħu d-domanda u jwasslu għal tkabbir ekonomiku;

Bliet intelliġenti bħala katalisti għar-RIS3

40.  Itenni li ż-żoni urbani tal-UE għandhom rwol ewlieni fit-twettiq tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-Unjoni billi jaġixxu bħala ċentri ta' diversi atturi u setturi, li jgħaqqdu flimkien l-isfidi u l-opportunitajiet ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużivi, u billi jkunu minn ta' quddiem fl-approċċ ta' politika integrata u bbażata fuq il-post; jenfasizza l-importanza ta' żoni urbani biex jikkatalizzaw ir-riżorsi umani, il-potenzjal għall-infrastruttura u l-investiment għall-iżvilupp ta' ragruppamenti ta' innovazzjoni;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tqis ir-RIS3 u programmi oħra ta' innovazzjoni, speċjalment fir-rigward ta' investimenti territorjali integrati, meta tkun qed tiżviluppa l-Aġenda Urbana Ewropea sabiex jinħolqu sinerġiji u rabtiet b'saħħithom għal użu effiċjenti tar-riżorsi;

42.  Jenfasizza l-importanza li tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni innovattiva transsettorjali, ta' spiral triplu u transkonfinali relatata mal-isfidi Ewropej biex ir-reġjuni u l-bliet isiru aktar intelliġenti, aktar ekoloġiċi u aktar pjaċevoli biex tgħix u taħdem fihom;

43.  Jenfasizza l-ħtieġa għal aktar żvilupp u l-estensjoni fl-Ewropa kollha tal-kunċett ta' "bliet intelliġenti u konnessi"; jilqa' l-intenzjoni tal-Presidenza Netherlandiża tal-UE biex toħloq approċċ minn isfel għal fuq, li jagħti s-setgħa lill-bliet, f'koordinazzjoni mal-awtoritajiet reġjonali, biex jiżviluppaw l-Aġenda Urbana tal-UE u biex jevolvu minn bliet intelliġenti għal bliet eċċellenti; jappoġġja, f'dan il-kuntest, il-preparazzjoni tal-"Patt ta' Amsterdam", li jiffoka fuq it-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi, fuq it-trawwim ta' konnessjonijiet bejn il-partijiet kollha, iċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet soċjali, u fuq il-promozzjoni ta' żvilupp sostenibbli u soċjalment inklużiv;

44.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-promozzjoni ta' kooperazzjoni bejn il-bliet differenti u skemi ta' skambju tal-għarfien fil-qasam tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti u tal-innovazzjoni, bħall-programm "Bliet Intelliġenti Miftuħa u Aġili" appoġġjat mill-Kummissjoni;

45.  Jappoġġja l-inizjattivi tal-Kummissjoni u tal-Kunsill favur l-Aġenda Urbana tal-UE fil-kuntest tal-Patt ta' Amsterdam; jistieden lill-Kummissjoni trawwem koerenza bejn il-politiki urbani u reġjonali; jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposti li jallinjaw l-inizjattivi u l-metodoloġija ta' "Bliet Intelliġenti" mar-RIS3 fis-7 Rapport ta' Koeżjoni;

Monitoraġġ u evalwazzjoni

46.  Jinnota li, għalkemm il-biċċa l-kbira tar-reġjuni adottaw ir-RIS3, numru konsiderevoli minnhom għad għandhom bżonn jaħdmu fuq il-konformità mar-rekwiżiti ta' kondizzjonalità ex ante, filwaqt li l-isfidi ewlenin huma l-mekkaniżmu ta' monitoraġġ, il-qafas baġitarju u l-miżuri biex jiġi stimolat l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni;

47.  Ifakkar lil min jieħu d-deċiżjonijiet fil-livelli lokali u reġjonali dwar l-importanza tal-impenn tagħhom li jużaw ir-RIS3 bħala strument ta' trasformazzjoni ekonomika fi ħdan ir-reġjun tagħhom stess, u b'hekk jinfluwenzaw il-politika tal-UE;

48.  Jilqa' l-enfasi ta' dawn l-istrateġiji reġjonali fuq l-enerġija, is-saħħa, it-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, il-materjali avvanzati, l-ikel, is-servizzi, it-turiżmu, l-innovazzjoni sostenibbli u t-trasport, il-bijoekonomija, is-sistemi ta' manifattura, u fl-industriji kulturali u kreattivi, kif ukoll speċjalizzazzjonijiet oħra u b'mod partikolari fis-setturi kompetittivi minn reġjun partikolari; jiddispjaċih, madankollu, dwar in-nuqqas ta' granularità f'ħafna strateġiji, u jitlob li l-proċess ta' prijoritizzazzjoni jiġi rfinat, biex b'hekk jiġi evitat ir-riskju li l-istrateġiji kollha jiffokaw fuq l-istess suġġetti; jitlob li jiġu żviluppati strateġiji mhux biss fil-każ tat-teknoloġija għolja iżda wkoll fil-każ tat-teknoloġija baxxa u l-innovazzjoni soċjali, u jinkoraġġixxi lill-partijiet interessati kollha jfittxu l-kollegamenti bejn is-setturi, peress li dawn il-kollegamenti jistgħu jrawmu l-innovazzjoni;

49.  Jemmen li l-promozzjoni ta' osservatorji nazzjonali għall-istrateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti tista' tgħin biex jinbnew sistemi ta' indikaturi għall-monitoraġġ tar-RIS3, speċjalment fir-rigward tal-metodoloġija u t-taħriġ;

50.  Josserva li xi RIS3 mhumiex dokumentati sew fir-rigward li tiġi murija n-natura unika tal-vantaġġi kompetittivi tar-reġjun ikkonċernat, filwaqt li oħrajn ma jipprovdux evidenza rigward il-kapaċità tal-partijiet interessati biex jappoġġjaw l-intrapriżi fl-innovazzjoni jew tar-riċerkaturi li jfornu r-riċerka applikata jew isibu applikazzjonijiet kummerċjali għar-riżultati; jinnota wkoll li xi reġjuni għandhom firxa wiesgħa ta' strateġiji u li l-indikaturi ta' monitoraġġ huma simplistiċi; iħeġġeġ, għalhekk, żieda fil-kapaċità tal-awtoritajiet pubbliċi biex jiġbru u jivvalutaw l-informazzjoni rilevanti li jirċievu, kif ukoll jixprunaw sforzi kkoordinati mir-reġjuni u mill-awtoritajiet ċentrali biex jiġu identifikati u standardizzati minn bażijiet ta' data eżistenti u tagħmilhom aċċessibbli għall-partijiet interessati;

51.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jużaw għodod eżistenti bħalma hu l-Istħarriġ Komunitarju dwar l-Innovazzjoni (CIS) biex iwettqu monitoraġġ perjodiku (annwali u ta' nofs it-terminu) – kemm kwantittativ kif ukoll kwalittativ – dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġiji, u biex jinvolvu l-partijiet interessati kollha, inkluża s-soċjetà ċivili, fil-proċess; jinnota li kemm ir-reġjuni, kif ukoll l-Istati Membri, jiffaċċjaw problemi simili f'termini ta' evalwazzjoni tal-monitoraġġ, u jistieden lir-reġjuni jippubblikaw rapporti regolari dwar l-ilħuq tal-għanijiet tagħhom, sabiex tanalizza aħjar l-impatt tar-RIS3 u jiġu garantiti t-trasparenza u l-aċċess pubbliku għal informazzjoni dwar il-monitoraġġ; huwa konxju, madankollu, li jridu jgħaddu ħafna snin biex l-istrateġiji jagħtu l-frott tagħhom, u li l-monitoraġġ bikri għandu għaldaqstant jitfassal fir-rispett ta' aspettattivi raġonevoli;

52.  Iħeġġeġ lir-reġjuni u lill-Istati Membri jkunu proattivi fl-implimentazzjoni f'waqtha tal-pjanijiet ta' azzjoni, minħabba li d-data magħżula għall-konformità mal-kondizzjonalità ex ante hi Diċembru 2016; jitlobhom jistabbilixxu u jimplimentaw il-mekkaniżmu ta' monitoraġġ tagħhom f'reviżjoni kontinwa tar-RIS3, iffokat fuq l-ispeċifikar ta' niċeċ ta' investiment fejn l-atturi ta' innovazzjoni reġjonali jistgħu jiksbu jew iżommu vantaġġ kompetittiv;

53.  Huwa tal-opinjoni li l-parteċipazzjoni konġunta fil-monitoraġġ u fl-evalwazzjoni ta' strumenti rilevanti fi ħdan ir-RIS3, kif ukoll l-allinjament ta' monitoraġġ u evalwazzjoni għar-rappurtar ta' strumenti differenti, jistgħu ikunu ta' għajnuna kbira f'dan il-qasam; jistieden, għalhekk, lill-partijiet interessati kollha u lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet sabiex jinħolqu sinerġiji u jiġu żviluppati arranġamenti li jiġbru u jikkonsolidaw id-data minn politiki u strumenti speċifiċi inklużi fir-RIS3;

54.  Ifakkar li "strateġija fuq il-karta" tatjba mhux se iġġenera r-riżultati mistennija mingħajr l-implimentazzjoni ta' servizzi ta' appoġġ għall-intrapriżi;

Lezzjonijiet prinċipali u l-futur tar-RIS3

55.  Jiddispjaċih li r-RIS3 spiss jirrikonoxxu l-ħtieġa li jgħinu lill-intrapriżi jisfruttaw il-forom kollha ta' innovazzjoni, iżda mbagħad jappoġġjaw biss l-innovazzjoni bbażata fuq l-għarfien teknoloġiku; jissuġġerixxi f'dan ir-rigward li r-RIS3 għandha tikkunsidra wkoll l-innovazzjoni f'oqsma oħra, bħas-servizzi u s-settur kreattiv, u jfakkar fl-importanza ta' kull tip ta' sistemi ta' innovazzjoni u ta' istituzzjonijiet irrispettivament mid-daqs tagħhom, kif ukoll tar-rabta tagħhom mar-raggruppamenti lokali u reġjonali;

56.  Jirrimarka li r-RIS3 jridu jiġu implimentati sew jekk għandhom jittrattaw id-distakk fl-innovazzjoni u jżidu l-impjiegi u t-tkabbir fl-Ewropa; jenfasizza li, għal dan l-għan, huwa essenzjali li jiġu promossi strateġiji minn isfel għal fuq u li jissaħħaħ l-iskrutinju fir-rigward tal-potenzjal tar-RIS3 fil-livelli kollha ta' governanza; iqis, f'dan ir-rigward, li l-Istati Membri għandhom jinvolvu l-uffiċċju/i nazzjonali tal-istatistika tagħhom sabiex jgħinu lir-reġjuni jiżviluppaw mekkaniżmi ta' evalwazzjoni u monitoraġġ;

57.  Jemmen li l-approċċ parteċipattiv fl-istrateġiji irid jiġi inkluż fil-proċessi kollha, inkluż il-proċess ta' monitoraġġ u evalwazzjoni, peress li dan se jwessa' l-ambitu għal kooperazzjoni biex jintlaħqu l-miri tar-RIS3;

58.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri biex ma jinsewx li dan l-istrument għandu jkun vijabbli, operattiv u effikaċi sabiex ma jkunx ta' piż burokratiku għall-benefiċjarji;

59.  Jistieden lill-Kummissjoni tinsisti li ssir reviżjoni tal-istrateġiji fl-2017 sabiex jissaħħu l-effiċjenza u l-effettività tagħhom, u biex jipprovdu informazzjoni dwar il-kontribut tagħhom għall-politiki futuri ta' koeżjoni u tal-innovazzjoni wara l-2020, b'kont meħud tal-esperjenza miksuba mill-ewwel snin tal-implimentazzjoni tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tniedi konsultazzjoni pubblika u torganizza konferenza madwar l-Ewropa qabel is-7 Rapport ta' Koeżjoni, mal-Parlament, mal-Kumitat tar-Reġjuni u ma' partijiet interessati oħra;

60.  Jirrikonoxxi li l-istrateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti jistgħu jkunu strumenti b'saħħithom biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-enerġija, tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tas-sigurtà tal-enerġija;

61.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tappoġġja r-rwol tal-Pjattaforma S3, li tgħin biex tiżdied il-granularità tal-istrateġiji, u li tibqa' ffokata fuq l-importanza tal-ingranaġġ ta' investimenti privati;

62.  Jitlob lid-DĠ REGIO u lill-Pjattaforma S3 jabbozzaw, u jxerrdu estensivament, dokument ta' politika dwar l-aħħar esperjenza tar-RIS3, iffokat fuq l-oqsma li ġejjin: 1) l-analiżi SWOT tal-esperjenza; 2) it-tagħlimiet li ħadu r-reġjuni u l-iżvantaġġi ewlenin osservati għal kull wieħed mis-sitt passi deskritti fil-gwida tar-RIS3; 3) ir-rakkomandazzjonijiet u l-mudelli standardizzati għal titjib kontinwu tar-RIS3 biex jitfasslu aħjar l-istrateġiji wara l-2020; u 4) il-kapaċità umana meħtieġa biex titfassal u tiġi implimentata RIS3; iqis li n-netwerks reġjonali kkonċernati mir-riċerka u l-innovazzjoni għandhom jitħeġġu u jiġu appoġġjati b'azzjonijiet biex jippromwovu s-suċċessi u l-lezzjonijiet mitgħallma, sabiex jinkorporaw il-ħsieb rilevanti tar-reġjuni fil-livelli kollha;

o
o   o

63.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 289.
(3) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 470.
(4) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 259.
(5) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 303.
(6) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 281.
(7) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487.
(8) Testi adottati, P7_TA(2014)0002.
(9) Testi adottati, P8_TA(2015)0308.
(10) ĠU C 225, 27.7.2012, p. 46.
(11) ĠU C 218, 30.7.2013, p. 12.
(12) ĠU C 415, 20.11.2014, p. 5.


Kooperazzjoni Territorjali Ewropea - l-aħjar prattiki u miżuri innovattivi
PDF 415kWORD 61k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2016 dwar il-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea - l-aħjar prattiki u miżuri innovattivi (2015/2280(INI))
P8_TA(2016)0321A8-0202/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari t-Titolu XVIII tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006(1) (minn hawn 'il quddiem "ir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni"),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1302/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1082/2006 dwar raggruppament Ewropew ta' kooperazzjoni territorjali (REKT) fir-rigward tal-kjarifika, is-simplifikazzjoni u t-titjib tal-istabbiliment u l-funzjonament ta' tali raggruppamenti(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 236/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi regoli u proċeduri komuni għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II)(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument Ewropew tal-Viċinat(7),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(8),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(9),

–  wara li kkunsidra l-"Aġenda Territorjali tal-Unjoni Ewropea 2020: Lejn Ewropa Inklużiva, Intelliġenti u Sostenibbli ta' Diversi Reġjuni", li ġiet maqbula fil-Laqgħa Ministerjali Informali tal-Ministri responsabbli għall-Ippjanar Spazjali u l-Iżvilupp Territorjali li ltaqgħu f'Gödöllö, fl-Ungerija, fid-19 ta' Mejju 2011,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Jannar 2014 dwar l-istat ta' tħejjija tal-Istati Membri tal-UE għal bidu effikaċi u f'waqtu tal-perjodu l-ġdid ta' Programmazzjoni tal-Politika ta' Koeżjoni(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Novembru 2014 dwar dewmien fil-ftuħ tal-politika ta' koeżjoni 2014-2020(11),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2014 intitolata "Pjan ta' Investiment għall-Ewropa" (COM(2014)0903),

–  wara li kkunsidra s-Sitt Rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika, Soċjali u Territorjali (COM(2014)0473),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 dwar "Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi: il-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni"(12),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu "Ewropa 2020 - Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Ottubru 2015 dwar il-politika ta' koeżjoni u r-rieżami tal-istrateġija Ewropa 2020(13),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2015 dwar "Lejn simplifikazzjoni u orjentament tal-prestazzjoni fil-politika ta' koeżjoni 2014-2020"(14),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investiment u l-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 – il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi(15),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni li jikkonċerna l-valur miżjud tal-istrateġiji makroreġjonali (COM(2013)0468) u l-konklużjonijet relevanti tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013,

–  wara li kkunsidra l-istudju tad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni (Dipartiment Tematiku B – Politiki Strutturali u ta' Koeżjoni) tiegħu ta' Jannar 2015 bit-titolu "Rwol ġdid tal-Makroreġjuni fil-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea",

–  wara li kkunsidra l-istudju tad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni (Dipartiment Tematiku B: Politiki Strutturali u ta' Koeżjoni) tiegħu ta' Lulju 2015 bit-titolu "Raggruppament Ewropew ta' Kooperazzjoni Territorjali bħala strument għall-promozzjoni u t-titjib tal-kooperazzjoni territorjali fl-Ewropa",

–  wara li kkunsidra l-fuljett tal-Kummissjoni tat-22 ta' Frar 2016 intitolat "Pjan ta' Investiment għall-Ewropa: linji gwida ġodda dwar kif jistgħu jingħaqdu l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej mal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS)",

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni maħruġa f'Mejju 2015 intitolata "Strumenti Finanzjarji li jappoġġaw l-iżvilupp territorjali",

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Diċembru 2015 bit-titolu "Ninvestu f'impjiegi u tkabbir – nimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (SIE)" (COM(2015)0639),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-2 ta' Settembru 2015 bit-titolu "25 sena tal-Interreg: Impetu ġdid għall-kooperazzjoni transkonfinali",

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni maħruġa f'Diċembru 2015 intitolata "Viżjoni territorjali għall-2050: x'inhu l-ġejjieni?",

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tas-17 ta' Diċembru 2015 bit-titolu "It-tisħiħ tal-kooperazzjoni transkonfinali: il-ħtieġa għal qafas regolatorju aħjar",

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' sfond imħejji mill-Presidenza Lussemburgiża tal-Kunsill, "Ħarsa lura lejn 25 sena tal-Interreg u tħejjija tal-futur tal-Kooperazzjoni Territorjali",

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar "25 sena tal-Interreg: il-kontribut tagħha għall-għanijiet tal-Politika ta' Koeżjoni",

–  wara li kkunsidra l-inizjattiva tal-Presidenza Lussemburgiża dwar dispożizzjonijiet legali speċifiċi għar-reġjuni tal-fruntiera bl-għan li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet u l-isfidi f'dawn iż-żoni, bit-titolu "Tool for the attribution and application of specific provisions in cross-border regions" (Għodda legali għall-attribuzzjoni u l-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet speċifiċi għat-titjib tal-koperazzjoni transfruntiera)(16),'

–  wara li kkunsidra l-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni mal-UE kollha dwar l-ostakli li fadal għall-kooperazzjoni transfruntiera, imnedija fil-21 ta' Settembru 2015 fl-okkażjoni tal-Jum il-Kooperazzjoni Ewropea(17),

–  wara li kkunsidra r-riżultati tal-ewwel stħarriġ tal-Ewrobarometru mwettaq mill-Kummissjoni fl-2015 sabiex jiġu identifikati u rrappreżentati l-attitudnijiet taċ-ċittadini li jgħixu f'żoni tal-fruntiera bil-ħsieb li jwasslu għal interventi aktar immirati tal-UE(18),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-OECD tal-2013 bit-titolu "Regions and Innovation: collaborating across borders" (Reġjuni u Innovazzjoni: il-kollaborazzjoni bejn il-fruntieri),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "Rapport ta' Monitoraġġ tar-REKT 2014 - L-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020"(19),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A8-0202/2016),

A.  billi madwar 38 % tal-popolazzjoni tal-Ewropa tgħix f'reġjuni tal-fruntiera u billi l-UE qed taffaċċja l-akbar kriżi ekonomika, finanzjarja u soċjali li partikolarment tpoġġi fi żvantaġġ lin-nisa fl-oqsma kollha; billi l-UE trid tinkludi l-ugwaljanza bejn is-sessi bħala element ewlieni fil-politiki kollha u l-prattiki li jirrigwardaw il-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (ETC);

B.  billi l-objettiv globali tal-ETC hu li tnaqqas l-influwenza tal-fruntieri nazzjonali sabiex jitnaqqsu d-diskrepanzi bejn ir-reġjuni, li tneħħi l-ostakli li għad fadal għall-investiment u li jkun hemm ħidma kooperattiva bejn il-fruntieri, it-tisħiħ tal-koeżjoni, u l-promozzjoni tal-armonija ekonomika, soċjali, kulturali u territorjali għall-iżvilupp tal-Unjoni b'mod wiesa';

C.  billi l-ETC hi parti integrali tal-politika ta' koeżjoni, peress li ssaħħaħ il-koeżjoni territorjali tal-Unjoni;

D.  billi l-Istati Membri għandhom il-possibilità li jagħmlu użu mill-ETC sabiex jirrispondu għall-isfidi li jirriżultaw mill-kriżi tal-migrazzjoni;

E.  billi s'issa għad hemm numru baxx ta' ċittadini Ewropej li jużaw il-potenzjal sħiħ tas-suq intern tal-UE u l-libertà ta' moviment;

F.  billi skont il-prinċipji ta' ġestjoni kondiviża, governanza u sħubija f'diversi livelli, il-programmi tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea ġew żviluppati permezz ta' proċess kollettiv li jiġbor flimkien firxa wiesa' ta' korpi Ewropej, nazzjonali, reġjonali u atturi lokali sabiex jiġu indirizzati sfidi komuni transfruntiera u jiġi ffaċilitat l-iskambju tal-aħjar prattika;

G.  billi hemm il-ħtieġa għal riflessjoni konġunta dwar l-istruttura tal-ETC għal wara l-2020;

Il-valur miżjud Ewropew tal-ETC, l-aħjar prattiki u l-kontribut għall-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020

1.  Jinnota li l-ETC saret wieħed miż-żewġ għanijiet ugwalment importanti tal-Politika ta' Koeżjoni għall-2014-2020, b'regolament tagħha stess; jissottolinja, madankollu, li l-baġit tal-ETC ta' EUR 10,1 biljun jirrappreżenta 2.8 % tal-baġit tal-politika ta' koeżjoni, u dan ma jikkorrispondix għall-isfidi l-kbar li l-ETC trid tiffaċċa, u ma jirriflettix il-livell għoli tal-valur miżjud Ewropew tiegħu; ifakkar, f'dan ir-rigward, id-diżappunt tal-Parlament dwar l-eżitu tan-negozjati dwar il-QFP 2014–2020 dwar it-tnaqqis fl-approprjazzjonijiet għall-ETC; jemmen li żieda fil-baġit għall-ETC fil-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss għandha żżid il-valur miżjud tal-politika ta' koeżjoni; jappella għal rispett ikbar tal-Artikolu 174 tat-TFUE dwar il-koeżjoni territorjali, b'mod partikolari fir-rigward ta' żoni rurali u ta' żoni milquta minn tranżizzjoni industrijali, u ta' reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti, bħar-reġjuni l-aktar imbiegħda, ir-reġjuni tat-Tramuntana mbiegħda b'densità ta' popolazzjoni baxxa, u reġjuni gżejjer, transfruntiera u muntanjużi; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari liż-żoni l-aktar żvantaġġati, f'termini ta' ġeografija u demografija, meta timplimenta l-politika ta' koeżjoni;

2.  Jinnota li, f'konformità mal-għanijiet tal-Ewropa 2020, l-ETC issawret mill-ġdid bil-għan li jinkiseb impatt akbar billi jkun hemm enfasi fuq il-konċentrazzjoni tematika u orjentazzjoni lejn ir-riżultati, mingħajr ebda preġudizzju għal approċċ territorjali sensittiv li tippermetti li jitkomplew il-prijoritajiet reġjonali tal-UE; jemmen li tinħtieġ aktar attenzjoni għall-ispeċifiċitajiet tal-ETC; jappella, għalhekk, għal evalwazzjoni aħjar tal-programmi tal-ETC sabiex jintwera l-impatt tagħhom kif ukoll il-valur miżjud;

3.  Jirrikonoxxi li kooperazzjoni transfruntiera (CBC) hi strument ewlieni għall-iżvilupp tar-reġjuni tal-fruntiera, li huma kkunsidrati bħala laboratorji reali tal-integrazzjoni Ewropea; jissottolinja li matul il-perjodi 2000-2006 u 2007-2013, il-kooperazzjoni transfruntiera kienet ikkaratterizzata minn orjentazzjoni ċara lejn prijoritajiet iffokati b'mod aktar strateġiku u fuq l-aħjar prattiki miksuba fl-oqsma tal-konnettività u aċċessibilità aħjar, l-għarfien u t-trasferiment tal-innovazzjoni, it-tisħiħ tal-identità reġjonali, l-indirizzar tal-isfidi ambjentali, it-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali, il-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, l-impjieg u l-mobilità tas-suq tax-xogħol, kif ukoll il-protezzjoni ċivili, u l-ħolqien u l-ikkonsolidar ta' sħubijiet ġodda u dawk attwali;

4.  Jirrikonoxxi li l-kooperazzjoni transnazzjonali għenet f'termini ta' appoġġ għar-riċerka, l-innovazzjoni u l-ekonomija tal-għarfien, l-adattament għat-tibdil fil-klima, u l-promozzjoni ta' trasport u mobilità sostenibbli permezz ta' approċċi transnazzjonali, u kkontribwixxiet għat-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali; jenfasizza l-importanza partikolari ta' approċċ territorjali integrat u ta' kooperazzjoni transnazzjonali għall-ħarsien tal-ambjent, speċjalment fl-oqsma tal-ilma, il-bijodiversità u l-enerġija;

5.  Jirrikonoxxi li l-kooperazzjoni interreġjonali ippermettiet lill-bliet u lir-reġjuni jikkooperaw dwar varjetà ta' kwistjonijiet u temi, li jinvolvu l-iskambju ta' esperjenzi u prattiki tajba, u li dan tejjeb l-effikaċja ta' ħafna politiki reġjonali u lokali; jikkunsidra li għandhom jiġu indirizzati l-iżbilanċi sinifikanti fl-iżvilupp bejn iż-żoni rurali u dawk urbani u l-problemi tar-reġjuni metropolitani;

6.  Jemmen li kooperazzjoni transfruntiera u transnazzjonali effiċjenti jagħmlu żona ġeografika aktar attraenti għal kumpaniji kummerċjali, bl-użu tal-potenzjal lokali, reġjonali u transfruntiera, kif ukoll il-kapital uman, bl-aktar mod effettiv possibbli sabiex jiġu indirizzati aħjar il-ħtiġijiet u l-aspettattivi tal-kumpaniji kummerċjali, iżda wkoll biex tiġi evitata r-rilokazzjoni tal-kumpaniji f'pajjiżi terzi, id-depopolazzjoni tar-reġjuni tal-UE u ż-żieda fil-qgħad;

7.  Jinsab konvint li l-ETC toffri valur miżjud sinifikanti, b'kontribuzzjoni għall-paċi, għall-istabilità u l-integrazzjoni reġjonali fil-qafas tat-tkabbir u tal-politika tal-viċinat, kif ukoll madwar id-dinja permezz tat-tixrid tal-aħjar prattiki; jemmen li l-kooperazzjoni transfruntiera tista' ġġib valur miżjud għall-ġestjoni tal-kriżi tal-migrazzjoni;

8.  Jinnota li għall-perjodu bejn l-2014 u l-2020 madwar 41 % tal-baġit tal-FEŻR tal-ETC(20) se jiġi investit f'miżuri għat-titjib tal-ambjent, filwaqt li 27 % se jiġu investiti fit-tisħiħ tar-riċerka intelliġenti, inkluż fir-riċerka u l-innovazzjoni, u 13 % se jmorru għall-promozzjoni tat-tkabbir inklussiv permezz ta' attivitajiet marbuta mal-impjieg, l-edukazzjoni u t-taħriġ, u 33 programm ġenerali se jkollhom l-għan li jtejbu l-konnettività bejn il-fruntieri; jinnota wkoll li EUR 790 miljun se jiġu allokati għat-tisħiħ tal-kapaċità permezz tal-ħolqien jew it-tisħiħ ta' strutturi ta' kooperazzjoni u għat-titjib tal-effiċjenza tas-servizzi pubbliċi;

9.  Jissottolinja li l-kunċett ta' orjentazzjoni lejn ir-riżultati jeħtieġ li l-programmi Interreg jiżguraw kooperazzjoni ta' kwalità għolja fil-livell ta' proġett u l-adozzjoni ta' tip ta' valutazzjoni ġdida, b'kunsiderazzjoni tan-natura speċifika ta' kull programm u jagħtu kontribut biex jitnaqqas il-piż amministrattiv għar-riċevituri u għall-awtoritajiet ta' ġestjoni; jappella lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet ta' ġestjoni biex jaħdmu flimkien u jiskambjaw informazzjoni u prattiki tajba sabiex iwettqu valutazzjonijiet u jippubblikaw linji gwida dwar kif l-orjentazzjoni lejn ir-riżultati tista' tiġi adattata għal speċifiċitajiet tal-ETC; jirrikonoxxi li l-valur miżjud totali tal-programmi tal-ETC ma jistax jiġi evalwat biss permezz ta' indikaturi kwantitattivi, u jappella lill-Kummissjoni tistabbilixxi indikaturi aktar kwalitattivi sabiex jiġu riflessi aħjar ir-riżultati miksuba mill-kooperazzjoni territorjali;

10.  Jinnota bi tħassib id-dewmien fl-adozzjoni tal-programmi Interreg, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimmobilizzaw l-isforzi tagħhom għal implimentazzjoni effiċjenti u ta' suċċess tagħhom u t-tneħħija tal-ostakli għall-kooperazzjoni transfruntiera, sabiex jiġu evitati kwistjonijiet kritiċi li diġà kienu enfasizzati fil-perjodu ta' programmazzjoni 2007–2013; jappella lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex taċċellera l-implimentazzjoni tal-programmi tal-ETC;

11.  Jiddeplora n-nuqqas ta' data u evidenza transfruntiera affidabbli dwar l-effikaċja tal-kooperazzjoni transfruntiera fir-rigward tar-rappurtar dwar il-qafas ta' prestazzjoni; jappella, għaldaqstant, lill-Kummissjoni, lill-Eurostat u lill-awtoritajiet ta' ġestjoni jikkooperaw biex jistabbilixxu kriterji ta' evalwazzjoni komuni u biex jikkoordinaw b'mod konġunt bażi ta' data unika u biex jiġu stabbiliti metodoloġiji għall-forniment u l-użu u l-iskambju ta' data affidabbli bejn il-fruntieri; jinnota li l-isfidi eżistenti għall-implimentazzjoni ta' approċċi territorjali integrati joriġinaw mill-grad varjabbli ħafna ta' għoti ta' setgħa lill-awtoritajiet reġjonali u lokali tal-Istati Membri;

12.  Jappella lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Awtoritajiet Maniġerjali biex jistabbilixxu sistemi ta' monitoraġġ u pjanijiet ta' evalwazzjoni strutturati xierqa, sabiex jevalwaw aħjar il-kisbiet tar-riżultati f'termini tal-għanijiet tal-Ewropa 2020 u tal-integrazzjoni territorjali;

Kontribut għall-koeżjoni territorjali

13.  Jenfasizza li l-ETC għandha kontribut sinifikanti għat-tisħiħ tal-għan tal-UE ta' koeżjoni territorjali permezz tal-integrazzjoni ta' diversi politiki settorjali fuq skala territorjali; jilqa' l-istudju min-Netwerk Ewropew għall-Osservazzjoni tal-Iżvilupp u l-Koeżjoni Territorjali (ESPON) bit-titolu "ET2050: Territorial Scenarios and Visions for Europe" (Xenarji Territorjali u Viżjonijiet għall-Ewropa), li jista' jservi bħala qafas ta' referenza għal aktar diskussjonijiet dwar it-tħejjija tal-Politika ta' Koeżjoni ta' wara l-2020;

14.  Ifakkar fl-importanza ta' Investiment Territorjali Integrat (ITI) u l-Iżvilupp Lokali mmexxi mill-Komunità (CLLD), li ma jiġux implimentati b'mod wiesa' biżżejjed fil-programmi Interreg 2014-2020, u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu użu akbar minnhom, u jenfasizza li dan se jirrikjedi parteċipazzjoni aktar b'saħħitha ta' entitajiet reġjonali u lokali; jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipproponu programmi ta' informazzjoni u ta' tagħrif għall-benefiċjarji;

15.  Huwa tal-fehma li l-istrumenti ta' żvilupp territorjali ġodda, bħalma huma l-istrumenti l-ITI u s-CLLD, jistgħu jwasslu għal investimenti f'infrastruttura soċjali, tas-saħħa u tal-edukazzjoni, ir-riġenerazzjoni ta' żoni urbani deprivati, il-ħolqien tal-impjiegi, u miżuri oħra mmirati lejn it-tnaqqis tal-iżolament tal-migranti u l-appoġġ għall-inklużjoni tagħhom;

16.  Jirrakkomanda li ssir enfasi speċjali fuq proġetti li jfittxu li jadattaw il-lokalitajiet u r-reġjuni għas-sitwazzjoni demografika ġdida u li jikkuntrastaw l-inugwaljanzi li jirriżultaw minnha, partikolarment permezz: 1) tal-adattament ta' infrastruttura soċjali u ta' mobilità għall-bidla demografika u l-flussi migratorji; 2) tal-ħolqien ta' prodotti u servizzi speċifiċi mmirati lejn il-popolazzjoni li qed tixjieħ; 3) tal-appoġġ għal opportunitajiet ta' impjieg għal persuni ikbar fl-età, in-nisa u l-migranti li jikkontribwixxu għall-inklużjoni soċjali; 4) tat-titjib tal-konnessjonijiet diġitali u l-ħolqien ta' pjattaformi li jippermettu u jistimolaw il-parteċipazzjoni ta' ċittadini tal-iktar reġjuni iżolati u l-interazzjoni tagħhom mad-diversi servizzi amministrattivi, soċjali u politiċi tal-awtoritajiet fil-livelli kollha (lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej);

17.  Jindika r-rwol tal-ETC f'reġjuni gżejjer, reġjuni mbiegħda, reġjuni b'popolazzjoni baxxa u reġjuni muntanjużi u żoni rurali, bħala għodda importanti għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni u tal-integrazzjoni reġjonali tagħhom; jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lill-użu tal-fondi f'dawn ir-reġjuni, inklużi f'dawk li jmissu ma' pajjiżi terzi, bl-għan li tittejjeb l-implimentazzjoni tal-proġetti transfruntiera ffinanzjati mill-ETC;

18.  Jindika n-natura komplementari tal-ETC u tal-istrateġiji makroreġjonali fl-indirizzar tal-isfidi komuni f'żoni funzjonali akbar, kif ukoll ir-rwol pożittiv li jista' jkollhom l-istrateġiji makroreġjonali biex jgħinu fl-indirizzar tal-isfidi komuni li jiffaċċjaw il-makroreġjuni;

19.  Iqis li għandu jkun hemm koordinazzjoni, sinerġija u komplementarjetà aħjar bejn it-taqsimiet transfruntiera u transnazzjonali bil-ħsieb li titjieb il-kooperazzjoni u l-integrazzjoni ta' territorji strateġiċi usa'; jappella għal kooperazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet maniġerjali u l-atturi tal-istrateġiji makroreġjonali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkabbar il-kooperazzjoni, kif ukoll issaħħaħ ir-rabtiet u l-konsistenza tal-programmi tal-ETC mal-programmi nazzjonali u reġjonali fil-fażi ta' żvilupp, bil-għan li tiżdied il-komplementarjetà u jiġi evitat l-irduppjar żejjed;

20.  Jinnota li xi reġjuni qed jiffaċċjaw sfidi serji fejn tidħol il-migrazzjoni, u jinkoraġġixxi l-użu ta' programmi Interreg u l-implimentazzjoni urġenti tagħhom sabiex jiġu indirizzati, fost affarijiet oħra, l-isfidi li jitrattaw il-kriżi tar-refuġjati u l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali fiż-żoni tal-fruntiera, inklużi pajjiżi terzi partikolarment permezz ta' strateġiji makroreġjonali;

Appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni

21.  Jenfasizza l-kisbiet fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni, bħalma huma proġetti ta' riċerka konġunti, il-kooperazzjoni bejn l-istituti ta' riċerka u l-kumpaniji, l-istabbiliment ta' universitajiet fruntiera internazzjonali, ċentri ta' riċerka transfruntiera, istituti ta' taħriġ transfruntiera, il-ħolqien ta' raggruppamenti transfruntiera u netwerks ta' kumpaniji, inkubaturi transfruntiera u servizzi ta' konsulenza għal SMEs, markar ta' teknoloġija avvanzata biex jiġu attirati investituri barranin, eċċ; jinnota r-rwol importanti li l-programmi Interreg għandhom fit-titjib tal-kompetittività u l-potenzjal ta' innovazzjoni tar-reġjuni, billi jitrawmu sinerġiji bejn l-istrateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti, il-kollaborazzjoni bejn ir-raggruppamenti u l-iżvilupp ta' netwerks ta' innovazzjoni; jappella lill-Kummissjoni tressaq ħarsa ġenerali komprensiva ta' kooperazzjoni territorjali fil-FEŻR u l-FSE abbażi tal-Qafas Strateġiku Komuni (Anness I tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni (Regolament (UE) Nru 1303/2013));

22.  Huwa konxju li l-investimenti għat-tisħiħ ta' tkabbir intelliġenti, inklużi r-riċerka u l-innovazzjoni jirrappreżentaw 27 % tal-allokazzjoni tal-FEŻR għall-programmi tas-CBC għall-2014-2020(21); jinnota wkoll li 35 % tal-baġit tal-programmi transnazzjonali jmur għall-appoġġ għal tkabbir intelliġenti bit-tisħiħ tar-riċerka u tal-innovazzjoni;

23.  Jenfasizza l-ħtieġa li jinħolqu approċċi ta' politika ta' innovazzjoni transfruntiera, bħal programmi ta' riċerka u ta' mobilità konġunti, infrastrutturi ta' riċerka konġunti, sħubijiet u netwerks ta' kooperazzjoni; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-leġiżlazzjoni differenti fost l-Istati Membri qed ixxekkel l-isforzi konġunti għall-estensjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni lil hinn mill-fruntieri;

24.  Iħeġġeġ li jkun hemm sinerġiji u kumplimentarjetà bejn programmi u fondi, inklużi l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE), Orizzont 2020, il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), eċċ., u fondi oħra tal-UE għandu jkollhom l-għan li jimmassimizzaw il-kwantità, il-kwalità u l-impatt tal-investimenti fir-riċerka u l-innovazzjoni; jirrakkomanda li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jisfruttaw bis-sħiħ il-possibbiltajiet li jintegraw dawn il-Fondi ta' appoġġ tal-SMEs u proġetti ta' riċerka u żvilupp, inkluż proġetti transfruntiera, fejn xieraq; jappella lill-SMEs biex jisfruttaw bis-sħiħ l-opportunitajiet offruti minn dawn il-fondi biex jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni ta' dawk il-programmi tal-ETC;

25.  Iħeġġeġ l-adozzjoni ta' strateġiji ta' innovazzjoni transfruntiera, filwaqt li jiġu stabbiliti kumplimentaritajiet ma' Strateġiji ta' Speċjalizzazzjoni Intelliġenti, li diġà jeżistu, kif ukoll ma' programmi u strateġiji oħra attwali; iħeġġeġ sabiex jiġi vvalutat il-potenzjal ta' sinerġiji transfruntiera u l-mobilizzazzjoni ta' sorsi differenti ta' finanzjament;

26.  Iqis li l-istrumenti finanzjarji jeħtieġ li jkunu parti integrali mill-programmi tal-ETC permezz ta' għotjiet komplementari bl-għan li jingħata appoġġ lill-aċċess għall-finanzjament mill-SMEs, lir-riċerka u lill-innovazzjoni; iqis li użu akbar ta' strumenti finanzjarji jista' jattira aktar investiment lejn proġetti Interreg, joħloq impjiegi ġodda u jippermetti li jinkisbu riżultati aħjar; ifakkar l-importanza fundamentali ta' appoġġ tekniku u ta' inizjattivi adattati ta' taħriġ biex jinkisbu l-benefiċċji kollha tal-użu ta' strumenti finanzjarji, anke f'reġjuni inqas żviluppati;

Governanza u koordinazzjoni tal-politika

27.  Ifakkar li s-Sitt Rapport ta' Koeżjoni ma tax attenzjoni biżżejjed lill-ETC, peress li din ilha objettiv tal-politika ta' koeżjoni sa mill-perjodu ta' programmazzjoni 2007–2013; ifakkar dwar il-potenzjal tar-Raggruppament Ewropew ta' Kooperazzjoni Territorjali (REKT), mhux biss bħala strument li jappoġġa u jippromwovi l-kooperazzjoni territorjali Ewropea u l-ġestjoni ta' proġetti transfruntiera, iżda wkoll bħala mezz li jikkontribwixxi għal żvilupp territorjali integrat u komprensiv kif ukoll pjattaforma flessibbli għall-governanza f'diversi livelli;

28.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-Regolament REKT simplifikat (Regolament (UE) Nru 1302/2013), u jistieden lill-Istati Membri biex jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jiffaċilitaw il-ħolqien ta' REKT; jirrimarka, madankollu, li dan ir-Regolament mhuwiex biżżejjed biex jingħelbu l-ostakli legali kollha eżistenti għall-kooperazzjoni transfruntiera; jilqa', għalhekk, l-inizjattiva tal-Presidenza Lussemburgiża, li pproponiet strument legali speċifiku għar-reġjuni tal-fruntiera, li jagħti lill-Istati Membri l-opportunità li jaqblu fuq dispożizzjonijiet legali speċifiċi; jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li twettaq, sa tmiem l-2016, analiżi tal-ostakli għall-kooperazzjoni transfruntiera bl-għan li jinstabu soluzzjonijiet u eżempji ta' prattiki tajba; jappella lill-Kummissjoni tinkludi studju dwar il-bżonnijiet tar-reġjuni tal-fruntiera f'din l-analiżi; jistenna b'interess ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika mal-UE kollha tal-Kummissjoni dwar l-ostakli li fadal għall-kooperazzjoni transfruntiera, li tnediet fil-21 ta' Settembru 2015; jappella lill-Kummissjoni sabiex fl-analiżi tagħha tikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament u r-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika;

29.  Iqis li l-programmi Interreg għandhom, waqt li jirrispettaw il-prijoritajiet tal-programm u l-loġika tal-intervent li ntlaħaq ftehim dwarhom u b'komplementarjetà ma' fondi oħra adegwati, jappoġġaw reazzjonijiet fi kwistjonijiet ta' migrazzjoni u asil u jrawmu l-integrazzjoni effettiva tal-politiki; jappella li jittieħed vantaġġ mit-trasparenza tal-Kummissjoni biex jiġu eżaminati u approvati t-tibdiliet għall-programmi operazzjonali 2014-2020, meta jkunu mitluba mill-Istati Membri kkonċernati u biss bl-għan li jiġu ttrattati l-ħtiġijiet ta' kriżijiet tar-refuġjati;

30.  Iqis l-użu usa' ta' strumenti finanzjarji (SF) bħala mekkaniżmi flessibbli biex jintużaw flimkien mal-għotjiet; jenfasizza li l-istrumenti finanzjarji, jekk jiġu implimentati b'mod effettiv, jistgħu jżidu b'mod sinifikanti l-impatt tal-finanzjament; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa għal regoli ċari, konsistenti u ffukati dwar l-SF biex tingħata għajnuna lis-simplifikazzjoni tat-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-proċess għall-maniġers tal-fondi u għar-riċevituri; jiġbed l-attenzjoni għall-opportunità li jibbenefikaw minn għarfien espert speċifiku u għarfien permezz tal-istrumenti ta' inġinerija finanzjarja u ta' assistenza teknika mill-BEI;

31.  Jissottolinja li matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, ma saritx valutazzjoni biżżejjed tal-komplementarjetajiet bejn il-programmi Interreg u programmi oħra ffinanzjati mill-UE; jitlob li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta' koordinazzjoni xierqa li jiżguraw koordinazzjoni, komplementarjetà u sinerġija effikaċi bejn il-Fondi SIE u strumenti ta' finanzjament oħra tal-Unjoni u nazzjonali, bħal Orizzont 2020, kif ukoll mal-FSIE u mal-BEI;

32.  Jinkoraġġixxi l-inklużjoni ta' evalwazzjonijiet kontinwi fil-pjanijiet ta' evalwazzjoni tal-Awtoritajiet Maniġerjali li jiffokaw fuq il-valutazzjoni speċifika tal-effikaċja tas-sinerġiji bejn il-programmi;

33.  Jenfasizza l-importanza li qiegħda dejjem tiżdied ta' swieq transfruntiera tax-xogħol b'dinamiċi kbar għall-ħolqien tal-ġid u tal-impjiegi; jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-opportunitajiet ipprovduti permezz tal-programmi Interreg biex jiffaċilitaw il-mobilità transfruntiera tal-forza tax-xogħol, inkluż permezz tal-promozzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs, billi jiġi aġġustat, jekk ikun meħtieġ, il-qafas regolatorju amministrattiv u soċjali, kif ukoll billi jiġi msaħħaħ id-djalogu bejn il-livelli kollha ta' governanza;

34.  Iqis li huwa kruċjali li jiżdiedu s-sinerġiji u l-komplementarjetà bejn il-programmi tal-ETC u s-servizzi tal-EURES, peress li dawn għandhom rwol partikolarment importanti xi jwettqu fir-reġjuni transfruntiera b'livelli sinfikanti ta' vjaġġar transfruntier; jappella lill-Istati Membri u lir-reġjuni biex jisfruttaw bis-sħiħ l-opportunitajiet li joffru s-servizzi tal-EURES għall-impjiegi u l-mobilità tax-xogħol fl-UE kollha;

35.  Huwa konvint li l-prinċipju tal-governanza fuq diversi livelli, il-prinċipju tas-sħubija u l-implimentazzjoni effettiva tal-Kodiċi ta' Kondotta Ewropew huma partikolarment sinifikanti għall-iżvilupp ta' programmi Interreg;

Simplifikazzjoni

36.  Jenfasizza li, irrispettivament mill-eżistenza ta' regolament separat għall-ETC, l-implimentazzjoni ta' programmi ta' kooperazzjoni territorjali għandha tiġi ssimplifikata aktar, u jappella lill-Grupp ta' Livell Għoli dwar is-simplifikazzjoni biex jikkunsidra miżuri ta' simplifikazzjoni u ta' tnaqqis tal-piż amministrattiv fuq il-benefiċjarji qabel il-proposta leġiżlattiva dwar l-ETC u l-ipprogrammar tal-programmi Interreg għall-perjodu wara l-2020;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi azzjonijiet speċifiċi biex tissimplifika r-regoli dwar ir-rappurtar, l-awditjar u l-għajnuna mill-Istat u biex tarmonizza l-proċeduri; iħeġġeġ it-tfassil ta' rekwiżiti standard għall-programmi Interreg kollha fuq bażi ta' taqsima b'taqsima;

38.  Jistieden lill-Istati Membri jissimplifikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom u jevitaw ir-regolamentazzjoni żejda; iħeġġeġ l-implimentazzjoni tal-koeżjoni elettronika u l-allinjament tal-proċeduri amministrattivi;

39.  Jenfasizza li l-arranġamenti għall-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u tal-partijiet interessati privati għandhom jiġu mwessa' u ssimplifikati, filwaqt li titqies il-ħtieġa għat-trasparenza u r-responsabilità; jirrakkomanda li l-istabbiliment ta' sħubijiet bejn is-settur pubbliku u dak privat jista' joffri għadd ta' benefiċċji potenzjali imma jinvolvi riskju ta' konflitt ta' interessi li għandhom jiġu indirizzati b'mod adegwat permezz ta' għodod kemm ta' liġijiet vinkolanti kif ukoll dawk ta' liġijiet mhux vinkolanti; jappella lill-Kummissjoni tipprovdi gwida f'waqtha, konsistenti u ċara dwar l-applikazzjoni tal-istrumenti finanzjarji fil-programmi tal-ETC;

40.  Jenfasizza li s-simplifikazzjonijiet kollha tal-programmi tat-tkabbir u l-impjiegi għandhom japplikaw ukoll għall-programmi Interreg;

41.  Jenfasizza l-importanza tal-ħolqien ta' mekkaniżmi għall-monitoraġġ tal-benefiċjarji fl-ambitu tal-miżuri ta' simplifikazzjoni;

42.  Iqis li għandha tingħata prijorità biex jingħaqdu flimkien il-forzi lokali kollha u biex titrawwem il-fiduċja reċiproka fost l-atturi lil hinn mill-fruntieri, u li l-istrumenti finanzjarji jkunu jistgħu jipprovdu għajnuna siewja ħafna għal dawn l-isforzi;

Rakkomandazzjonijiet futuri

43.  Iqis li l-ETC wriet l-effettività tagħha, u li l-potenzjal tagħha għandu jiġi żviluppat aktar; jenfasizza l-potenzjal tagħha lil hinn mill-politika reġjonali, f'oqsma bħas-suq uniku, l-aġenda diġitali, l-impjiegi, il-mobilità, l-enerġija, ir-riċerka, l-edukazzjoni, il-kultura, is-saħħa u l-ambjent, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkunsidraw il-preservazzjoni tal-ETC bħala strument importanti, jagħtuha rwol aktar distint fi ħdan il-politika ta' koeżjoni ta' wara l-2020 u jżidu l-baġit tagħha b'mod sinifikanti;

44.  Iqis li għandha tinżamm il-filosofija bażika ta' kooperazzjoni u l-istruttura attwali tal-ETC, inkluża l-konformità mal-prinċipju benefiku ewlieni, filwaqt li jsir enfasi fuq il-komponent transfruntier; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-iżvilupp possibbli ta' sett ta' kriterji armonizzati, ibbażati fuq l-esperjenza tal-istorja ta' 25 sena tagħha, abbażi mhux biss tad-daqs tal-popolazzjoni iżda wkoll tal-ispeċifiċitajiet soċjoekonomiċi u territorjali;

45.  Jisħaq dwar l-importanza tal-kooperazzjoni transfruntiera fil-fruntieri esterni tal-UE skont l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni u l-Istrument Ewropew ta' Viċinat; jappella lill-Istati Membri jiżguraw li l-prattiki tajbin li jippermettu li jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-benefiċjarji ta' programmi Interreg u li dan ikun jista' jiġi applikat ukoll għal programmi implimentati fil-fruntieri esterni tal-UE;

46.  Ifakkar il-potenzjal għal kooperazzjoni popolari fost iċ-ċittadini offruti mill-hekk imsejħa "il-Fond għall-Proġetti Żgħar", fir-rigward ta' ammonti għal proġetti żgħar u mikro għall-promozzjoni l-impenn ċivili, b'attenzjoni partikolari għal proġetti żgħar ta' kooperazzjoni transfruntiera bejn żoni viċini tal-fruntiera; jappella biex il-finanzjament ta' tali proġetti jkunu mħeġġa, filwaqt li jfakkar li dan jirrikjedi sforzi addizzjonali f'termini ta' simplifikazzjoni u flessibilità;

47.  Iħeġġeġ l-istabbiliment konġunt tal-istrateġiji għaż-żoni tal-fruntiera sabiex jissaħħaħ l-iżvilupp territorjali integrat u sostenibbli, inkluża l-implimentazzjoni u t-tixrid ta' approċċi integrati u l-armonizzazzjoni tal-proċeduri amministrattivi u tad-dispożizzjonijiet legali transfruntiera; jinnota l-importanza tal-promozzjoni għal żvilupp territorjali bilanċjat fi ħdan ir-reġjuni;

48.  Huwa tal-fehma li għandha tingħata aktar attenzjoni lill-promozzjoni tal-kooperazzjoni transfruntiera bejn iż-żoni muntanjużi tal-fruntiera, bi prijorità liż-żoni rurali;

49.  Jenfasizza li l-kooperazzjoni kulturali għandha tkun waħda mill-objettivi tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea; jikkunsidra, għalhekk, li jeħtieġ li titħeġġeġ aktar il-kooperazzjoni kulturali u edukattiva bejn żoni transfruntiera li jikkondividu wirt kulturali u lingwistiku uniku;

50.  Jappella biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkollhom rwol akbar u b'mod aktar sinifikanti meta jipproponu, jimmaniġġjaw u jevalwaw ETC, speċjalment fir-rigward tal-kooperazzjoni transfruntiera, b'kont meħud li ċerti reġjuni diġà għandhom dawn is-setgħat;

51.  Jappella lill-Kummissjoni tikkunsidra r-rwol tal-istrumenti finanzjarji fl-ikkumplimentar tal-għotjiet; iqis li huwa essenzjali li ssir ħidma aktar mill-qrib mal-BEI fl-appoġġ tal-SMEs u fl-immobilizzar tal-kompetenzi finanzjarji u tekniċi kemm tal-Kummissjoni kif ukoll tal-BEI bħala katalisti għall-investimenti; jappella lill-Kummissjoni u lill-BEI biex l-istrumenti finanzjarji jsiru aktar koerenti mal-objettivi tal-kooperazzjoni territorjali;

52.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Awtoritajiet Maniġerjali biex jikkunsidraw il-proposta tal-Presidenza Lussemburgiża għall-ħolqien ta' strument legali ġdid għall-Politika ta' Koeżjoni ta' wara l-2020, wara r-riżultati tal-evalwazzjonijiet ex-post, l-implimentazzjoni tal-programmi tal-2014–2020 u valutazzjoni tal-impatt xierqa;

53.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex fl-2016 iniedu dibattitu strutturat b'diversi partijiet interessati fil-livell tal-UE dwar il-ġejjieni tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea ta' wara l-2020, bil-ħsieb li titħejja l-politika ta' koeżjoni ta' wara l-2020; jenfasizza li d-dibattitu għandu, l-ewwel u qabel kollox, ikopri kwistjonijiet relatati mal-istruttura tal-ETC u mal-proċedura għall-allokazzjoni ta' baġits tal-programm, u wkoll il-ħidma dwar mekkaniżmi ġodda biex jiżguraw applikazzjoni iktar wiesgħa tal-kunċett ta' orjentazzjoni lejn ir-riżultati; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex taħdem flimkien mal-Kumitat tar-Reġjuni u mal-partijiet interessati tas-soċjetà ċivili rilevanti u mal-partijiet interessati reġjonali;

54.  Jappella għal viżjoni territorjali tal-UE bbażata fuq il-Green Paper dwar il-koeżjoni territorjali (COM(2008)0616), u jinnota li l-White Paper futura dwar il-koeżjoni territorjali tista' tkun importanti wkoll għall-perjodu ta' pprogrammar li jmiss wara l-2020;

Sensibilizzazzjoni tal-pubbliku u viżibilità

55.  Jiddeplora l-livell ta' għarfien pubbliku baxx fir-rigward ta' programmi tal-ETC u nuqqas ta' viżibilità tagħhom, u jappella li jkun hemm komunikazzjoni aktar effettiva tal-għanijiet tagħhom, il-possibbiltajiet li joffru u l-mezzi li bihom il-proġetti jistgħu jitwettqu u, a posteriori, il-kisbiet tal-proġetti li tlestew; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Awtoritajiet Maniġerjali biex jistabbilixxu mekkaniżmi u pjattaformi ta' kooperazzjoni istituzzjonalizzata usa' sabiex tiġi żgurata viżibilità u sensibilizzazzjoni akbar; jappella lill-Kummissjoni biex tidentifika u xxerred il-kisbiet tal-programmi tal-ETC u tal-proġetti s'issa;

56.  Jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu r-rwol li jista' jaqdi r-REKT, bħala strument għal aktar effiċjenza fil-kisba tal-ħtiġijiet lokali fir-reġjuni transfruntiera;

57.  Jirrikonoxxi r-rwol importanti mwettaq mill-atturi fuq il-post u l-appoġġ għat-tħejjija tal-proġett, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet ta' ġestjoni biex jissaħħu l-istrumenti ta' promozzjoni bħal punti ta' kuntatt reġjonali;

58.  Jinnota li kooperazzjoni tajba bejn il-Kummissjoni Ewropea, il-BEI u l-awtoritajiet lokali u reġjonali hija essenzjali biex ikun żgurat l-użu b'suċċess tal-istrumenti finanzjarji għall-iżvilupp territorjali u għall-politika ta' koeżjoni kollha; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa li tiġi intensifikata l-kondiviżjoni tal-esperjenza u tal-għarfien bejn il-KE u l-BEI, fuq naħa, u l-awtoritajiet lokali u reġjonali fuq naħa oħra;

59.  Jirrikonoxxi l-importanza tar-rwol imwettaq mill-animazzjoni territorjali (qasam), fit-tixrid ta' informazzjoni u s-sensibilizzazzjoni fil-livell lokali u fl-appoġġ tal-proġetti, u għalhekk jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet ta' ġestjoni biex isaħħu l-għodod utli bħall-punti ta' kuntatt territorjali;

60.  Jitlob koordinazzjoni aħjar bejn il-Kummissjoni, l-Awtoritajiet Maniġerjali u l-partijiet interessati kollha bil-ħsieb li ssir analiżi kritika tal-kisbiet ta' proġetti tematiċi, li tenfasizza kemm l-istejjer ta' suċċess u d-diskrepanzi u biex jingħataw rakkomandazzjonijiet għal wara l-2020, filwaqt li fl-istess ħin tiġi żgurata t-trasparenza u l-qrubija maċ-ċittadini;

o
o   o

61.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 289.
(3) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 259.
(4) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 303.
(5) ĠU L 77, 15.3.2014, p. 95.
(6) ĠU L 77, 15.3.2014, p. 11.
(7) ĠU L 77, 15.3.2014, p. 27.
(8) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(9) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1
(10) Testi adottati, P7_TA(2014)0015.
(11) Testi adottati, P8_TA(2014)0068.
(12) Testi adottati, P8_TA(2015)0308.
(13) Testi adottati, P8_TA(2015)0384.
(14) Testi adottati, P8_TA(2015)0419.
(15) ĠU L 169, 1.7.2015, p. 1.
(16) http://www.dat.public.lu/eu-presidency/Events/Informal-Ministerial-Meetings-on-Territorial-Cohesion-and-Urban-Policy-_26-27-November-2015_-Luxembourg-City_/Material/IMM-Territorial-_LU-Presidency_---Input-Paper-Action-3.pdf
(17) Stqarrija tal-Istampa tal-Kummissjoni Nru. IP/15/5686.
(18) Ewrobarometru Flash 422 - Kooperazzjoni transfruntiera fl-UE.
(19) http://cor.europa.eu/en/documentation/studies/Documents/EGTC_MonitoringReport_2014.pdf
(20) Anness I (Kooperazzjoni Territorjali Ewropea/Interreg) għall-komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Ninvestu f'impjiegi u tkabbir – nimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej".
(21) Anness I (Kooperazzjoni Territorjali Ewropea/Interreg) għall-komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Ninvestu f'impjiegi u tkabbir – nimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej".


Rapport interim dwar l-inkjesta dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku
PDF 253kWORD 49k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2016 dwar l-inkjesta dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku (2016/2090(INI))
P8_TA(2016)0322A8-0246/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 226 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 95/167/KE, Euratom, KEFA tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tad-19 ta' April 1995 dwar id-dispożizzjonijiet dettaljati li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta' inkjesta tal-Parlament Ewropew(1),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu (UE) 2016/34 tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar it-twaqqif ta' Kumitat ta' Inkjesta dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku, is-setgħat, id-daqs numeriku u t-tul tal-mandat tiegħu(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 198 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport interim tal-Kumitat ta' Inkjesta dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku (A8-0246/2016),

A.  billi l-Artikolu 226 tat-TFUE jipprovdi bażi ġuridika għat-twaqqif ta' Kumitat ta' Inkjesta temporanju min-naħa tal-Parlament Ewropew biex jinvestiga l-allegati kontravenzjonijiet jew amministrazzjoni ħażina fl-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, mingħajr preġudizzju għall-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali jew tal-Unjoni, u billi dan jikkostitwixxi element importanti tas-setgħat superviżorji tal-Parlament;

B.  billi, abbażi ta' proposta tal-Konferenza tal-Presidenti, fis-17 ta' Diċembru 2015 il-Parlament iddeċieda li jwaqqaf Kumitat ta' Inkjesta biex jinvestiga l-allegati fallimenti fl-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku, u li l-Kumitat kien se jagħmel kull rakkomandazzjoni li jqis meħtieġa f'dik il-kwistjoni;

C.  billi l-Kumitat ta' Inkjesta jopera skont pjan ta' ħidma li jinkludi:

   programm ta' seduti ta' smigħ ta' xhieda u esperti bil-għan li tinġabar evidenza orali rilevanti;
   talbiet għal evidenza bil-miktub mix-xhieda u l-esperti mistiedna għas-seduti ta' smigħ;
   talbiet għal dokumenti bil-għan li tinġabar evidenza rilevanti bil-miktub mill-Kummissjoni, mill-awtoritajiet tal-Istati Membri u minn atturi rilevanti oħrajn;
   żewġ missjonijiet biex tinġabar informazzjoni fuq il-post;
   dokumenti ta' tgħarrif u studji kkummissjonati skont il-baġit għall-għarfien espert;
   opinjoni formali bil-miktub mis-Servizz Legali tal-Parlament fir-rigward ta' stedina lil mistednin li jistgħu jkunu soġġetti għal proċedimenti ġuridiċi biex jixhdu;

D.  billi l-Kumitat ta' Inkjesta bagħat diversi kwestjonarji lill-Istati Membri, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u lil korpi oħrajn, u ħareġ sejħa pubblika għal evidenza fuq is-sit web tiegħu;

E.  billi r-riżultati tal-investigazzjoni li għadha għaddejja jistgħu jġibu valur miżjud lill-qafas ta' approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni;

F.  billi fid-deċiżjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2015, il-Parlament talab lill-Kumitat ta' Inkjesta jippreżenta rapport interim fi żmien sitt xhur mill-bidu tal-ħidma tiegħu;

G.  billi n-natura ta' Kumitat ta' Inkjesta żżommu milli jressaq kwalunkwe konklużjoni finali li toħroġ mill-investigazzjonijiet tiegħu qabel ma l-Kumitat iqis li l-mandat tiegħu jkun tlesta; billi, għalhekk, ikun prematur li l-Kumitat jippreżenta kwalunkwe osservazzjoni dwar id-diversi aspetti tal-mandat tiegħu f'dan ir-rapport interim;

H.  billi l-evidenza orali u bil-miktub ippreżentata u eżaminata mill-Kumitat sal-lum tikkonferma l-bżonn li jiġu investigati aktar il-punti kollha msemmija fil-mandat tiegħu;

1.  Iħeġġeġ lill-Kumitat ta' Inkjesta jkompli bix-xogħol tiegħu u jimplimenta b'mod sħiħ il-mandat mogħti lilu mill-Parlament fid-Deċiżjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2015, u jappoġġja l-azzjonijiet u l-inizjattivi kollha li jwasslu għat-twettiq ta' dan il-mandat;

2.  Jitlob lill-Konferenza tal-Presidenti u lill-Bureau jappoġġjaw il-miżuri kollha meħtieġa sabiex il-Kumitat ta' Inkjesta jkun jista' jwettaq il-mandat tiegħu, b'mod partikolari rigward l-awtorizzazzjoni ta' seduti u laqgħat straordinarji, ir-rimborż tal-ispejjeż tal-esperti u tax-xhieda, il-missjonijiet u mezzi tekniċi oħra li huma debitament ġustifikati;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura appoġġ fil-ħin u trasparenza sħiħa fl-assistenza mogħtija lill-Kumitat ta' Inkjesta fil-ħidma tiegħu, b'rispett sħiħ għall-prinċipju ta' kooperazzjoni leali, u tipprovdi kull appoġġ tekniku u politiku, b'mod partikolari permezz ta' sottomissjoni aktar rapida tad-dokumentazzjoni mitluba; jistenna kooperazzjoni sħiħa mill-Kummissarji u d-Direttorati Ġenerali rilevanti attwali kif ukoll minn dawk li kienu responsabbli matul il-mandati preċedenti; jitlob lill-Istati Membri, b'rispett sħiħ għall-prinċipju ta' kooperazzjoni leali, sabiex jagħtu lill-Kumitat ta' Inkjesta l-appoġġ tekniku u politiku meħtieġ, b'mod partikolari billi jippermettu lill-Kummissjoni tippreżenta aktar malajr id-dokumenti li jkunu ntalbu u, jekk is-sottomissjoni tad-dokumenti teħtieġ il-kunsens tal-Istati Membri, iħaffu l-proċeduri interni tagħhom għall-għoti ta' dan il-kunsens;

4.  Jitlob li l-gvernijiet, il-parlamenti u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jassistu lill-Kumitat ta' Inkjesta fil-kompiti tiegħu b'rispett sħiħ għall-prinċipju ta' kooperazzjoni leali stabbilit fid-dritt tal-Unjoni;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 113, 19.5.1995, p. 2.
(2) ĠU L 10, 15.1.2016, p. 13.


Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' István Ujhelyi
PDF 336kWORD 49k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2016 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' István Ujhelyi (2015/2237(IMM))
P8_TA(2016)0323A8-0229/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' István Ujhelyi, ifformulata mill-Qorti Ċentrali tad-Distrett ta' Pest (l-Ungerija) fid-deċiżjoni tagħha tas-26 ta' Novembru 2014 b'rabta mal-proċedimenti kriminali pendenti quddiem dik il-qorti, li ġiet imressqa mir-Rappreżentant Permanenti tal-Ungerija fil-15 ta' Lulju 2015, u mħabbra fis-seduta plenarja fis-7 ta' Settembru 2015,

–  wara li sema' lil István Ujhelyi fit-28 ta' Jannar 2016, skont l-Artikolu 9(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,

–  wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta' Mejju 1964, fl-10 ta' Lulju 1986, fil-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011 u fis-17 ta' Jannar 2013(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 4(2) tal-Liġi Fundamentali tal-Ungerija,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 10(2) tal-Att Ungeriż LVII tal-2004 dwar l-Istatus tal-Membri Ungeriżi tal-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 74(3) u 79(2) tal-Att Ungeriż XXXVI tal-2012 dwar l-Assemblea Nazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2), 6(1), u 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0229/2016),

A.  billi l-Qorti Ċentrali tad-Distrett ta' Pest talbet it-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Membri tal-Parlament Ewropew, István Ujhelyi, b'rabta mal-proċedimenti quddiemha;

B.  billi t-talba tal-qorti tirrigwarda proċedimenti kriminali għar-reat ta' diffamazzjoni b'rabta mad-dikjarazzjonijiet magħmula minn István Ujhelyi fil-25 ta' April 2014 dwar individwu fl-Ungerija;

C.  billi, skont l-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7, Membri tal-Parlament Ewropew m'għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta' investigazzjoni, detenzjoni jew proċedimenti legali, fir-rigward ta' opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta' dmirijiethom;

D.  billi, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-Membri tiegħu għandhom igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lid-deputati tal-parlament tagħhom;

E.  billi skont l-Artikolu 4(2) tal-Liġi Fundamentali tal-Ungerija, il-Membri tal-Parlament huma intitolati għal immunità u remunerazzjoni bil-għan li tiġi promossa l-indipendenza tagħhom;

F.  billi skont l-Artikolu 10(1) tal-Att Ungeriż LVII tal-2004 dwar l-Istatus tal-Membri Ungeriżi tal-Parlament Ewropew, tali Membru għandu jkollu l-istess grad ta' immunità bħal dak li jgawdu minnu l-Membri tal-Parlament Ungeriż;

G.  billi skont l-Artikolu 74(3) tal-Att Ungeriż XXXVI tal-2012 dwar l-Assemblea Nazzjonali, talba għat-tneħħija tal-immunità għandha titressaq lill-Ispiker mill-prosekutur ġenerali qabel it-tressiq tal-akkuża jew mill-qorti wara t-tressiq tal-akkuża;

H.  billi skont l-Artikolu 79(2) tal-Att Ungeriż XXXVI tal-2012 dwar l-Assemblea Nazzjonali, persuna rreġistrata bħala kandidata fl-elezzjoni tal-Membri għandha tgawdi mill-istess immunità, u għalhekk id-dikjarazzjonijiet magħmula fil-25 ta' April 2014 jistgħu jkunu koperti mill-immunità assoluta tal-Parlament Ungeriż, bid-differenza li kull tneħħija ta' immunità għandha tiġi determinata mill-Kumitat Elettorali Nazzjonali u kull talba għat-tneħħija ta' immunità tiġi ppreżentata lill-President tal-Kumitat Elettorali Nazzjonali;

I.  billi d-dikjarazzjonijiet inkwistjoni saru fil-25 ta' April 2014, fi żmien meta István Ujhelyi ma kienx Membru tal-Parlament Ewropew, iżda membru tal-Parlament Nazzjonali;

J.  billi l-akkużi kontra István Ujhelyi ma jikkonċernawx opinjoni espressa jew vot mixħut minnu fil-qadi ta' dmirijietu bħala membru tal-Parlament Ewropew u billi l-immunità assoluta prevista fl-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 mhijiex għalhekk applikabbli;

1.  Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' István Ujhelyi;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtoritajiet kompetenti fl-Ungerija.

(1) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Mejju 1964, Wagner vs Fohrmann u Krier, 101/63, ECLI:EU:C:1964:28; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Wybot vs Faure et., 149/85, ECLI:EU:C:1986:310; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs Il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs Il-Parlament, T-42/06, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI: EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs Il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23.


Talba għall-ħarsien tal-privileġġi u l-immunitajiet ta' Rosario Crocetta
PDF 254kWORD 49k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2016 dwar it-talba għall-ħarsien tal-privileġġi u l-immunitajiet ta' Rosario Crocetta (2016/2015(IMM))
P8_TA(2016)0324A8-0230/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-talba ta' Rosario Crocetta tas-7 ta' Jannar 2016, imħabbra fis-seduta plenarja fil-21 ta' Jannar 2016, fid-dawl tal-ħarsien tal-privileġġi u l-immunitajiet tiegħu fil-qafas tal-proċediment kriminali pendenti quddiem it-Tielet Awla Kriminali tal-Qorti ta' Palermo, l-Italja (Nru 20445/2012 RGNR),

–  wara li sema' lil Rosario Crocetta, skont l-Artikolu 9(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,

–  wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta' Mejju 1964, fl-10 ta' Lulju 1986, fil-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011 u fis-17 ta' Jannar 2013(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 595 tal-Kodiċi Kriminali Taljan,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 5(2), l-Artikolu 7 u l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0230/2016),

A.  billi eks Membru tal-Parlament Ewropew, Rosario Crocetta, talab il-ħarsien tal-immunità parlamentari tiegħu b'rabta ma' proċedimenti kriminali pendenti quddiem it-Tielet Awla Kriminali tal-Qorti ta' Palermo; billi, skont l-avviż notifikat mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, is-Sur Crocetta allegatament għamel dikjarazzjonijiet diffamatorji, u dan l-aġir huwa punibbli abbażi tal-Artikolu 595 tal-Kodiċi kriminali Taljan;

B.  billi, skont l-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7, Membri tal-Parlament Ewropew m'għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta' investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta' opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta' dmirijiethom; Immunità bħal din għandha tiġi kkunsidrata, sa fejn hija intiża sabiex tipproteġi l-espressjoni libera u l-indipendenza tal-Membri tal-Parlament Ewropew, bħala immunità assoluta li ma tippermettix li jitressqu proċeduri legali kontrihom minħabba opinjoni espressa jew vot mitfugħ fil-qadi ta' dmirijiethom bħala Membri Parlamentari(2);

C.  billi l-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li, sabiex wieħed igawdi mill-immunità, opinjoni għandha tkun espressa minn Membru tal-Parlament Ewropew fil-qadi ta' dmirijietu, u dan jimplika r-rekwiżit ta' rabta bejn l-opinjoni espressa u d-dmirijiet parlamentari; billi din ir-rabta għandha tkun diretta u ovvja(3);

D.  billi Rosario Crocetta kien Membru tal-Parlament Ewropew meta għamel id-dikjarazzjonijiet inkwistjoni;

E.  billi r-rekord parlamentari tas-Sur Crocetta juri li dejjem kien attiv ħafna fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-impatt tagħha fuq l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha; billi huwa ffoka wkoll fuq l-influwenza ta' korruzzjoni sistematika fuq il-politika u l-ekonomija, speċjalment fir-rigward tal-akkwist pubbliku fil-qasam tal-politika ambjentali;

F.  billi l-fatti tal-każ, kif jidhru fid-dokumenti pprovduti lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali u fis-seduta quddiem dan tal-aħħar, jindikaw li d-dikjarazzjonijiet tas-Sur Crocetta għandhom rabta diretta u ovvja mad-dmirijiet parlamentari tiegħu;

G.  billi Rosario Crocetta jista' għalhekk jitqies li kien qed jaġixxi fil-qadi ta' dmirijietu bħala Membru tal-Parlament Ewropew;

1.  Jiddeċiedi li jħares l-privileġġi u l-immunitajiet ta' Rosario Crocetta;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika Taljana u lil Rosario Crocetta.

(1) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Mejju 1964, Wagner vs Fohrmann u Krier, 101/63, ECLI:EU:C:1964:28; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Wybot vs Faure et., 149/85, ECLI:EU:C:1986:310; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/05, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI: EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23.
(2) Kawżi Magħquda C-200/07 u C-201/07 Marra, iċċitati iktar 'il fuq, punti 27.
(3) Kawża C-163/10, Patriciello, iċċitata iktar 'il fuq, punti 33 u 35.


Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Sotirios Zarianopoulos
PDF 252kWORD 49k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2016 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Sotirios Zarianopoulos (2016/2083(IMM))
P8_TA(2016)0325A8-0233/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Sotirios Zarianopoulos, trażmessa bid-data tat-28 ta' Marzu 2016 mill-Prosekutur Pubbliku fil-Qorti Suprema Griega fir-rigward tal-proċeduri previsti mill-Prosekutur għal reati ta' Tessaloniki (fajl ABM A2015/1606), u mħabbra fis-seduta plenarja fis-27 ta' April 2016,

–  wara li kkunsidra li Sotirios Zarianopoulos rrinunzja għad-dritt għal smigħ, skont l-Artikolu 9(5) tar-Regoli ta' Proċedura,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,

–  wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta' Mejju 1964, fl-10 ta' Lulju 1986, fil-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011 u fis-17 ta' Jannar 2013(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Ellenika,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2) u 6(1) u l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0233/2016),

A.  billi l-Prosekutur tal-Qorti Suprema Griega talab it-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Sotirios Zarianopoulos, Membru tal-Parlament Ewropew, b'rabta mal-proċediment dwar allegazzjoni ta' ksur;

B.  billi, barra dan, l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-Membri tal-Parlament Ewropew igawdu fit-territorju tal-Istat tagħhom stess l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament ta' dak l-istat;

C.  billi skont l-Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Ellenika, l-ebda membru ma jista', matul il-leġiżlatura, jiġi mħarrek, arrestat, miżmum priġunier jew ristrett b'xi mod ieħor mingħajr il-permess tal-Kamra tad-Deputati;

D.  billi l-awtoritajiet Griegi qed jippjanaw li jibdew proċedimenti kontra Sotirios Zarianopoulos għal nuqqas ta' twettiq tal-obbligi legali b'kompliċità;

E.  billi l-proċedimenti proposti jikkonċernaw l-għoti fl-2011 mill-Kunsill muniċipali ta' Tessaloniki ta' awtorizzazzjonijiet allegatament illegali ta' okkupazzjoni ta' dominju pubbliku għall-iskopijiet ta' installazzjoni ta' art imtarrġa fuq passaġġi pedonali u billi Sotirios Zarianopoulos huwa mfittex fil-kwalità tiegħu ta' eks membru ta' dan il-kunsill muniċipali;

F.  billi l-proċedimenti ppjanati huma manifestament bla ebda rabta mal-istatus ta' Membru tal-Parlament Ewropew ta' Sotirios Zarianopoulos, iżda pjuttost b'rabta mal-mandat tiegħu preċedenti ta' membru tal-kunsill muniċipali ta' Tessaloniki;

G.  billi l-proċedimenti ma jittrattawx xi opinjoni espressa jew vot mill-Membru fit-twettiq tad-doveri tiegħu bħala Membru tal-Parlament Ewropew, skont il-finijiet tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 li jikkonċerna l-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea;

H.  billi m'hemm ebda raġuni li wieħed jassumi li l-proċedimenti ppjanati huma ispirati mill-intenzjoni li jsir dannu lill-attività politika tal-Membru (fumus persecutionis), speċjalment peress li hija tapplika għall-membri kollha tal-kunsill muniċipali ta' dak iż-żmien;

1.  Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Sotirios Zarianopoulos;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtoritajiet Griegi.

(1) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Mejju 1964, Wagner vs Fohrmann u Krier, 101/63, ECLI:EU:C:1964:28; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Wybot vs Faure et.al., 149/85, ECLI:EU:C:1986:310; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/05, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI: EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23.


Ftehim bejn l-UE u ċ-Ċina rigward l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja ***
PDF 252kWORD 47k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina skont l-Artikolu XXIV: 6 u l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) 1994 rigward il-modifika tal-konċessjonijiet fl-iskeda tar-Repubblika tal-Kroazja fil-kuntest tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea (15561/2015 – C8-0158/2016 – 2015/0298(NLE))
P8_TA(2016)0326A8-0231/2016

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (15561/2015),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina skont l-Artikolu XXIV: 6 u l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) 1994 rigward il-modifika ta' konċessjonijiet fl-iskeda tar-Repubblika tal-Kroazja fil-kuntest tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea (15562/2015),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 207(4), l-ewwel paragrafu, u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(v), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0158/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet paragrafi, l-Artikolu 99(2) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8-0231/2016),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.


Ftehim bejn l-UE u l-Urugway rigward l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja ***
PDF 254kWORD 47k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj skont l-Artikolu XXIV:6 u l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) 1994 fir-rigward tal-modifika ta' konċessjonijiet fl-iskeda tar-Repubblika tal-Kroazja fil-kuntest tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea (06870/2016 – C8-0235/2016 – 2016/0058(NLE))
P8_TA(2016)0327A8-0241/2016

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (06870/2016),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj skont l-Artikolu XXIV:6 u l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) 1994 fir-rigward tal-modifika tal-konċessjonijiet fl-Iskeda tar-Repubblika tal-Kroazja fil-kuntest tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea (06871/2016),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(v), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0235/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet subparagrafi, l-Artikolu 99(2) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8-0241/2016),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj.


Il-ħatra proposta ta' Membru tal-Qorti tal-Awdituri – Lazaros Stavrou
PDF 242kWORD 47k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2016 dwar il-ħatra proposta ta' Lazaros Stavrou Lazarou bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri (C8-0190/2016 – 2016/0807(NLE))
P8_TA(2016)0328A8-0258/2016

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 286(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0190/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 121 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0258/2016),

A.  billi l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament evalwa l-kwalifiki tal-kandidat propost, b'mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 286(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

B.  billi, waqt il-laqgħa tiegħu tal-5 ta' Settembru 2016, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit sema' lill-kandidat propost mill-Kunsill għall-kariga ta' Membru tal-Qorti tal-Awdituri;

1.  Jagħti opinjoni favorevoli dwar il-proposta tal-Kunsill għall-ħatra ta' Lazaros Stavrou bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Qorti tal-Awdituri kif ukoll lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni Ewropea u lill-istituzzjonijiet tal-awditjar tal-Istati Membri.


Il-Ħatra ta' membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri - João Alexandre Tavares Gonçalves de Figueiredo
PDF 312kWORD 48k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2016 dwar il-ħatra proposta ta' João Alexandre Tavares Gonçalves de Figueiredo bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri (C8-0260/2016 – 2016/0809(NLE))
P8_TA(2016)0329A8-0259/2016

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 286(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0260/2016),

–  wara li kkunsidra r-Regola 121 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0259/2016),

A.  billi l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tiegħu evalwa l-kwalifiki tal-kandidat propost, b'mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 286(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

B.  billi waqt il-laqgħa tiegħu tal-5 ta' Settembru 2016, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit sema' lill-kandidat propost mill-Kunsill għall-kariga ta' Membru tal-Qorti tal-Awdituri;

1.  Jagħti opinjoni favorevoli dwar il-proposta tal-Kunsill għall-ħatra ta' João Alexandre Tavares Gonçalves de Figueiredo bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Qorti tal-Awdituri kif ukoll lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni Ewropea u lill-istituzzjonijiet tal-verifika tal-Istati Membri.


Il-ħatra proposta ta' Membru tal-Qorti tal-Awdituri – Leo Brincat
PDF 241kWORD 47k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2016 dwar il-ħatra proposta ta' Leo Brincat bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri (C8-0185/2016 – 2016/0806(NLE))
P8_TA(2016)0330A8-0257/2016

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 286(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0185/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 121 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0257/2016),

A.  billi l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament evalwa l-kwalifiki tal-kandidat propost, b'mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 286(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

B.  billi, waqt il-laqgħa tiegħu tal-5 ta' Settembru 2016, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit sema' lill-kandidat propost mill-Kunsill għall-kariga ta' Membru tal-Qorti tal-Awdituri;

1.  Jagħti opinjoni negattiva dwar il-proposta tal-Kunsill għall-ħatra ta' Leo Brincat bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri u jitlob lill-Kunsill biex jirtira l-proposta tiegħu u biex jippreżenta waħda ġdida lill-Parlament;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Qorti tal-Awdituri kif ukoll lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni Ewropea u lill-istituzzjonijiet tal-awditjar tal-Istati Membri.


Statistika relatata mal-kummerċ estern ma' pajjiżi li mhumiex membri fir-rigward tal-għoti ta' setgħat delegati u ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni għall-adozzjoni ta' ċerti miżuri ***II
PDF 326kWORD 47k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2016 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb li jiġi adottat regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 471/2009 dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma' pajjiżi li mhumiex membri fir-rigward tal-għoti ta' setgħat delegati u ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni għall-adozzjoni ta' ċerti miżuri (08536/1/2016 – C8-0226/2016 – 2013/0279(COD))
P8_TA(2016)0331A8-0240/2016

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tieni qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (08536/1/2016 – C8-0226/2016),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari(1) dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2013)0579),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 76 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8-0240/2016),

1.  Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari;

2.  Jinnota li l-att qed jiġi adottat b'konformità mal-pożizzjoni tal-Kunsill;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma l-att, flimkien mal-President tal-Kunsill, skont l-Artikolu 297(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali tiegħu biex jiffirma l-att, wara li jkun ġie vverifikat li l-proċeduri ntemmu kif imiss, u biex, bi qbil mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, jipproċedi għall-pubblikazzjoni tal-att f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1) Testi adottati, 12.3.2014, P7_TA(2014)0226.


L-istatistika Ewropea tal-prezzijiet tal-gass naturali u tal-elettriku ***I
PDF 337kWORD 49k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Settembru 2016 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika Ewropea tal-prezzijiet tal-gass naturali u tal-elettriku li jħassar id-Direttiva 2008/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkonċerna l-proċedura Komunitarja sabiex tittejjeb it-trasparenza ta' prezzijiet tal-gass u tal-elettriku imposti fuq konsumaturi industrijali (COM(2015)0496 – C8-0357/2015 – 2015/0239(COD))
P8_TA(2016)0332A8-0184/2016

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2015)0496),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 338(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0357/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-22 ta' Ġunju 2016, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A8-0184/2016),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-13 ta’ Settembru 2016 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2016/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika Ewropea tal-prezzijiet tal-gass naturali u tal-elettriku u li jħassar id-Direttiva 2008/92/KE

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel mal-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) 2016/1952.)


Lejn Disinn Ġdid tas-Suq tal-Enerġija
PDF 463kWORD 68k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2016 dwar Lejn Disinn Ġdid tas-Suq tal-Enerġija (2015/2322(INI))
P8_TA(2016)0333A8-0214/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikoli 114 u 194 tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi ta' Diċembru 2015 magħmul fil-21 Konferenza tal-Partijiet (COP 21) għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Diċembru 2011 bit-titolu "Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050" (COM(2011)0885),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Novembru 2013 bit-titolu "Delivering the internal electricity market and making the most of public intervention" (Inwasslu s-suq intern tal-elettriku u niġbdu l-akbar profitt mill-intervent pubbliku) (C(2013)7243) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bit-titolu "Generation Adequacy in the internal electricity market – guidance on public interventions" (Adegwatezza tal-Ġenerazzjoni fis-suq intern tal-elettriku – gwida dwar interventi pubbliċi) (SWD(2013)0438),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' April 2014 bit-titolu "Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014-2020"(1),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Diċembru 2014 bit-titolu "Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2015 – Bidu ġdid" (COM(2014)0910),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Lulju 2015 bit-titolu "Inwasslu Patt Ġdid għall-konsumaturi tal-enerġija" (COM(2015)0339),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Frar 2015 bit-titolu "Pakkett dwar l-Unjoni tal-Enerġija – Qafas Strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b'Politika dwar il-Bidla fil-Klima li tħares 'il quddiem" (COM(2015)0080),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Frar 2015 bit-titolu "Il-ksib tal-mira ta' 10 % għall-interkonnessjoni elettrika – Inlestu l-grilja elettrika tal-Ewropa għall-2020” (COM(2015)0082),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Lulju 2015 bit-titolu "Tnedija tal-proċess ta' konsultazzjoni pubblika dwar disinn ġdid tas-suq tal-enerġija" (COM(2015)0340),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23/24 ta' Ottubru 2014 dwar il-Qafas ta' Politika tal-Klima u l-Enerġija fil-perjodu ta' bejn l-2020 u l-2030,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2015 dwar l-Unjoni tal-Enerġija,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2015 dwar l-Unjoni tal-Enerġija,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 li jistabbilixxi Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija(2),

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-netwerks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009(4),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2005 dwar prattiki kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar il-Prattiċi Kummerċjali Żleali),(5)

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 256/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar in-notifika lill-Kummissjoni ta' proġetti ta' investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fl-Unjoni Ewropea, li jissostitwixxi r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 617/2010 u jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 736/96(6),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/89/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Jannar 2006 dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà fil-provvista tal-elettriku u tal-investiment fl-infrastruttura(7),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(8),

–  wara li kkunsidra t-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2008 dwar Karta Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Konsumaturi tal-Enerġija"(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2013 dwar il-pjan direzzjonali għall-Enerġija 2050, futur bl-enerġija(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2014 dwar il-konsegwenzi lokali u reġjonali tal-iżvilupp ta' grids intelliġenti(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Ottubru 2015 bit-titolu "Lejn ftehim internazzjonali ġdid dwar il-klima f'Pariġi"(12),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE(13),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE(14),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Settembru 2013 bit-titolu "Lejn suq intern tal-enerġija effiċjenti"(15);

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2015 bit-titolu "Lejn Unjoni Ewropea tal-Enerġija"(16),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2015 dwar il-ksib tal-mira ta' 10 % għall-interkonnessjoni elettrika – Inlestu l-grilja elettrika tal-Ewropa għall-2020(17),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A8-0214/2016),

A.  billi l-pjanijiet tal-Kummissjoni f'dak li jirrigwarda s-suq tal-elettriku għandhom iwasslu għal trasformazzjoni reali tas-suq, jikkontribwixxu għall-effiċjenza, is-sigurtà tal-provvista, l-iżvilupp ta' sorsi rinnovabbli u l-interkonnetturi, u jiżguraw it-tlestija tas-suq intern tal-enerġija Ewropew;

B.  billi l-integrazzjoni tas-swieq tal-enerġija, flimkien mal-integrazzjoni tal-atturi kollha fis-suq, inklużi l-prosumaturi, se tikkontribwixxi għall-kisba tal-għan tat-Trattat ta' enerġija sikura, bi prezzijiet raġonevoli, effiċjenti u sostenibbli;

C.  billi, sabiex jintlaħqu l-miri tal-klima u l-enerġija, is-sistema tal-enerġija tal-ġejjieni se tirrekjedi aktar flessibilità, li jeħtieġ investiment fl-erba' soluzzjonijiet tal-flessibilità – produzzjoni flessibbli, l-iżvilupp ta' netwerks, il-flessibilità tad-domanda u l-ħżin;

D.  billi iktar minn nofs l-elettriku kollu fl-UE huwa ġġenerat mingħajr ma jipproduċi gassijiet b'effett ta' serra;

E.  billi l-integrazzjoni tas-swieq tal-elettriku għandha tkun konformi mal-Artikolu 194 tat-TFUE, li jgħid li l-politika Ewropea tal-enerġija għandha tiżgura l-funzjonament tas-suq tal-enerġija u s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, u tippromwovi l-iffrankar fl-effiċjenza enerġetika, l-iżvilupp ta' enerġija rinnovabbli u l-interkonnessjoni tan-netwerks tal-enerġija; billi d-definizzjoni tat-taħlita tal-enerġija tal-Istati Membri u l-kundizzjonijiet li jirregolaw l-użu tar-riżorsi tal-enerġija tagħhom tibqa' kompetenza nazzjonali;

F.  billi l-esperjenzi pożittivi ta' kooperazzjoni multilaterali jservu bħala mudelli għal responsabilità akbar tas-suq reġjonali (p.e. l-inizjattivi reġjonali ta' koordinazzjoni tas-sigurtà (RSCIs) bħal Coreso u t-Transmission System Operator Security Cooperation (TSC) (kooperazzjoni fis-sikurezza tal-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni), il-Forum tal-Enerġija Pentalaterali, il-High Level Group for South-West Europe on interconnections (Grupp ta' Livell Għoli għal-Lbiċ tal-Ewropa dwar l-interkonnessjonijiet, tal-Pjan ta’ Interkonnessjoni tas-Suq tal-Enerġija tal-Baltiku (BEMIP), is-swieq Nordiċi ta' riżerva u tal-ibbilanċjar multinazzjonali, u l-akkoppjament tas-swieq fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant; billi t-tfassil tagħhom jinkludi regoli li jiżguraw li tiġi allokata kapaċità biżżejjed bil-quddiem biex jingħataw sinjali ta' investiment fir-rigward ta' impjanti li jniġġsu inqas;

G.  billi għadd ta' Stati Membri qed jantiċipaw kapaċità inadegwata tal-ġenerazzjoni, li se joħloq theddida ta' qtugħ fl-enerġija fil-futur qrib sakemm ma jiġux installati mekkaniżmi ta' sostenn meħtieġa,

H.  billi s-swieq ta' kapaċità nazzjonali jagħmluha iktar diffiċli biex is-swieq tal-elettriku jiġu integrati u jmorru kontra l-objettivi tal-politika komuni dwar l-enerġija, u għandhom jintużaw biss bħala l-aħħar rimedju, ladarba l-għażliet l-oħra kollha jkunu ġew ikkunsidrati, inkluża interkonnettività akbar ma' pajjiżi ġirien, miżuri ta' reazzjoni min-naħa tad-domanda u forom oħra ta' integrazzjoni tas-swieq reġjonali;

I.  billi l-Ewropa ħadet l-impenn li tikseb b'suċċess it-tranżizzjoni tal-enerġija u b'mod speċjali li tiffaċilita l-integrazzjoni ta' sorsi rinnovabbli tal-enerġija, li jimplika ħtiġijiet ġodda għal flessibilità u l-implimentazzjoni ta' skemi tas-suq iddedikati għas-sigurtà tal-provvista;

J.  billi l-objettiv tas-sigurtà tal-enerġija ddefinit mit-Trattati se jkun essenzjali għall-konsolidazzjoni tal-Unjoni tal-Enerġija, u billi strumenti adattati biex jiżgurawha għandhom għalhekk jiġu ppreżervati;

K.  billi biex l-investiment pubbliku ikun kemm jista' jkun effiċjenti billi jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex jinkiseb suq enerġetiku sikur, sostenibbli u kompetittiv, huwa kruċjali li l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi jiġi kkombinat ma' sorsi speċifiċi oħra ta' finanzjament tal-enerġija, bħall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa;

L.  billi kooperazzjoni aktar qawwija fil-livell reġjonali hija indispensabbli, u għandha sservi ta' katalist għal integrazzjoni tas-suq aktar profonda fil-livell Ewropew;

M.  billi t-taxxi tal-enerġija, l-ispejjeż tat-tassazzjoni għolja, ir-regolazzjoni tal-prezzijiet indiskriminata, il-konċentrazzjoni għolja tas-suq, il-piż amministrattiv, is-sussidji, nuqqas ta' kooperazzjoni transfruntiera u l-interkonnetturi f'ċerti reġjuni, u l-ġestjoni tad-domanda mhux sfruttata biżżejjed qed ifixklu l-funzjonament tas-suq intern fl-elettriku u b'hekk iwasslu sabiex l-integrazzjoni sħiħa tas-suq ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli tieħu iktar fit-tul;

N.  billi l-operaturi kollha tas-suq għandhom jikkontribwixxu għall-ibbilanċjar tas-sistema, sabiex jiżguraw l-ogħla livell ta' sigurtà fil-provvista tal-elettriku bi spejjeż raġonevoli għas-soċjetà u l-ekonomija;

O.  billi żieda fuq terminu medju fil-livell ta' interkonnessjoni bejn ċerti Stati Membri – sa 15 % soġġett għal analiżi tal-benefiċċji fil-konfront tal-ispejjeż – li jindirizza l-ostakli eżistenti b'mod immirat, tista' ttejjeb is-sigurtà tal-provvista u ttemm il-gżejjer tal-enerġija; jenfasizza li, minbarra l-mira kwantitattiva, aċċess miftuħ u d-disponibbiltà tal-interkonnetturi huma wkoll imperattivi biex jingħelbu l-ostakli li fadal għall-funzjonament tas-suq Ewropew tal-elettriku;

P.  billi s-sehem li qed jikber ta' sorsi tal-enerġija rinnovabbli varjabbli fit-taħlita tal-elettriku jeħtieġ riżerva stabbli minn sorsi tal-enerġija flessibbli u sostenibbli, u teknoloġiji flessibbli bħal ħżin u ġestjoni tad-domanda;

Q.  billi l-ħżin tal-enerġija huwa għodda ewlenija biex jinkisbu aktar flessibilità u effiċjenza għas-swieq tal-enerġija, iżda billi għad ma hemm ebda mekkaniżmu regolatorju stabbilit li jagħmilha possibbli li tiġi sfruttata sistema effiċjenti ta' ħżin;

R.  billi l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (AIE) riċentement ressqet rakkomandazzjonijiet sinifikanti fl-istudju tagħha "Re-Powering Markets" (Nagħtu Enerġija mill-ġdid lis-Swieq"(18);

S.  billi suq Ewropew tal-enerġija, jekk iddisinjat tajjeb u implimentat b'mod xieraq, għandu l-potenzjal li jagħti spinta sostanzjali lis-sigurtà u lill-indipendenza tal-enerġija Ewropea, b'mod partikolari fil-konfront ta' fornituri ewlenin li l-Unjoni hija dipendenti fuqhom;

T.  billi sabiex jinħoloq suq tal-enerġija ġenwin hija urġenti l-ħtieġa li jitneħħew il-gżejjer tal-enerġija li għadhom jeżistu fl-UE;

1.  Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq tal-15 ta' Lulju 2015 dwar disinn ġdid tas-suq tal-enerġija, u jappoġġja l-fehma li s-suq tal-elettriku ttrasformat, flimkien mal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti, għandu jsaħħaħ il-kooperazzjoni reġjonali għad-dimensjonijiet kollha tal-provvista u domanda tal-enerġija, u għandu jiffoka fuq swieq aħjar, aktar deċentralizzati u aktar flessibbli, sabiex tiġi żgurata sistema regolata tajjeb u bbażata fuq is-suq, li tkun kapaċi tilħaq l-għanijiet kollha tal-enerġija u l-klima tal-UE stabbiliti għall-2030;

2.  Iqis li l-elementi innovattivi li nneċessitaw disinn ġdid tas-suq tal-enerġija huma:

   żieda fil-preżenza ta' sorsi rinnovabbli b'remunerazzjoni mmotivata mis-suq;
   integrazzjoni aktar b'saħħitha ta' swieq nazzjonali permezz tal-iżvilupp ta' interkonnessjonijiet
   l-iżvilupp ta' grilji intelliġenti u teknoloġiji ta' ġenerazzjoni deċentralizzata ġdida, li se tippermetti lill-konsumaturi jkollhom rwol aktar attiv kemm bħala konsumaturi u bħala produtturi, u se jsaħħaħ il-ġestjoni min-naħa tad-domanda;

3.  Jilqa' l-fatt li l-istrateġija l-ġdida għall-Unjoni tal-Enerġija hija mfassla b'tali mod li l-UE tkun minn ta' quddiem nett fl-enerġiji rinnovabbli, u jinnota li l-ilħuq ta' dan l-objettiv se jkun jeħtieġ bidla fundamentali fis-sistema tal-elettriku tal-Ewropa;

4.  Jilqa' l-fatt li l-istrateġija l-ġdida tal-Unjoni tal-Enerġija ġġib magħha benefiċċji ġodda għall-konsumaturi tal-enerġija, toffrilhom firxa ferm usa' ta' għażliet ta' parteċipazzjoni fis-swieq tal-enerġija u tiżgura protezzjoni aħjar tal-konsumaturi;

5.  Jitlob li l-qafas regolatorju eżistenti għas-swieq Ewropej jiġi aġġustat b'mod li jippermetti sehem ikbar tal-enerġiji rinnovabbli u li jingħalqu l-lakuni regolatorji transfruntieri eżistenti; jenfasizza li disinn ġdid tas-suq tal-elettriku bħala parti minn sistema tal-enerġija dejjem aktar deċentralizzata għandu jkun ibbażat fuq prinċipji tas-suq, li jistimulaw l-investiment, jiżguraw li l-SMEs ikollhom aċċess għas-suq tal-enerġija u jilliberaw provvista tal-elettriku sostenibbli u effiċjenti permezz ta' sistema tal-enerġija stabbli, integrata u intelliġenti; iqis li dan il-qafas għandu jippromwovi u jippremja soluzzjonijiet flessibbli ta' ħżin, teknoloġija ta' ġestjoni fuq in-naħa tad-domanda, ġenerazzjoni flessibbli, iktar interkonnessjonijiet u integrazzjoni akbar tas-suq, li se jgħinu biex jippromwovu sehem akbar ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli u jintegrawhom fis-suq; jenfasizza li s-sigurtà tal-provvista u d-dekarbonizzazzjoni se jeħtieġu kombinazzjoni ta' swieq likwidi fuq terminu qasir (ġurnata bil-quddiem u l-istess ġurnata) u sinjali tal-prezz fuq terminu twil;

6.  Iqis l-implimentazzjoni sħiħa tat-Tielet Pakkett tal-Enerġija fl-Istati Membri kollha bħala wieħed mill-passi l-aktar importanti lejn suq Ewropew tal-enerġija; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għalhekk, tiżgura l-implimentazzjoni tal-qafas regolatorju attwali;

7.  Jitlob li d-disinn il-ġdid tas-suq tal-elettriku jħaddan approċċ olistiku orjentat lejn il-futur billi jirrikonoxxi l-importanza li qed tiżdied tal-hekk imsejħa prosumaturi fil-produzzjoni deċentralizzata tal-elettriku permezz tas-sorsi rinnovabbli; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, tiggwida proċess parteċipattiv immirat lejn il-kisba ta' fehim prattiku komuni tad-definizzjoni ta' prosumaturi fil-livell tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi kapitolu ġdid dwar il-prosumaturi fid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli riveduta biex tindirizza l-ostakli prinċipali u tagħti spinta lill-investiment fl-awtoġenerazzjoni u l-awtokonsum ta' sorsi rinnovabbli;

8.  Jemmen li l-aħjar mod biex nimxu lejn suq tal-elettriku integrat madwar l-UE huwa huwa li jiġi ddeterminat b'mod strateġiku l-livell meħtieġ ta' integrazzjoni li għandu jintlaħaq, sabiex terġa' tinkiseb il-fiduċja fost l-atturi tas-suq u, speċjalment, tiġi żgurata implimentazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni eżistenti;

9.  Jistieden lill-Istati Membri biex ikunu iktar proattivi fit-tfassil ta' suq intern Ewropew tal-elettriku flessibbli u deċentralizzat, biex tissaħħaħ il-koordinazzjoni bejn l-istrateġiji ta' tranżizzjoni nazzjonali u biex jiġi evitat l-imminar tal-għanijiet tal-Artikoli 114 u 194 tat-TFUE permezz ta' swieq tal-kapaċità u mekkaniżmi stabbiliti b'mod permanenti;

10.  Jemmen li suq intern Ewropew tal-elettriku msaħħaħ huwa possibbli, fuq il-bażi ta' indikazzjonijiet ta' prezzijiet aktar b'saħħithom fis-suq bl-ingrossa permezz ta' prezzijiet li effettivament jirriflettu l-iskarsezza u l-eċċess fil-provvisti, inklużi ż-żidiet f'daqqa fil-prezzijiet, li, flimkien ma' miżuri oħra, ikollhom rwol ta' sinjali ta' investiment għal servizzi ġodda tal-kapaċità u l-flessibilità; ifakkar li t-tranżizzjoni għal ipprezzar li jirrifletti l-iskarsezza jimplika mobilizzazzjoni mtejba tal-ġestjoni tad-domanda u l-ħżin, flimkien ma' monitoraġġ u kontroll tas-suq effettivi li jindirizzaw ir-riskju ta' abbuż ta' poter mis-suq, b'mod partikolari biex jiġu protetti l-konsumaturi; jemmen li l-involviment tal-konsumatur huwa wieħed mill-aktar objettivi importanti fil-kisba tal-effiċjenza enerġetika, u li jekk il-prezzijiet li jirriflettu l-iskarsezza reali tal-provvista fil-fatt iwasslux għal investiment adegwat fil-kapaċità ta' produzzjoni tal-elettriku għandu jiġi evalwat fuq bażi regolari;

11.  Jenfasizza li s-suq intern tal-elettriku tal-UE huwa influwenzat ukoll mill-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi b'sistemi legali u regolatorji fundamentalment differenti, inkluż fir-rigward tar-rekwiżiti ta' sikurezza u sigurtà nukleari, u ta' tibdil ambjentali u fil-klima. jistieden lill-Kummissjoni tqis dan kif xieraq meta taħdem fuq disinn ġdid tas-suq tal-enerġija, sabiex tiżgura kundizzjonijiet ugwali bejn il-produtturi tal-enerġija fil-pajjiżi tal-UE u mhux tal-UE u tipprovdi lill-konsumaturi Ewropej b'enerġija sikura, sostenibbli u bi prezzijiet raġonevoli;

12.  Iqis li investimenti fil-qasam tal-enerġija jeħtieġu qafas fit-tul, stabbli u prevedibbli, u li l-isfida li trid tiffaċċja l-UE se tkun li tnissel fiduċja fir-riżultat tar-regoli l-ġodda;

13.  Jitlob li jkun hemm perjodi ta' tranżizzjoni xierqa, b'analiżi dettaljata tal-benefiċċji fil-konfront tal-ispejjeż, għall-proposti kollha li qed jiġu diskussi;

14.  Jenfasizza l-importanza ta' analiżi komuni dwar l-adegwatezza tas-sistema fil-livell reġjonali, iffaċilitata mill-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) u n-Netwerk Ewropew tal-Operaturi tas-Sistema tat-Trażmissjoni (ENTSO-E), u jitlob li l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni (TSOs) tas-swieq tal-viċin ifasslu metodoloġija komuni, approvata mill-Kummissjoni, għal dak il-għan; jenfasizza l-potenzjal enormi ta' kooperazzjoni reġjonali msaħħa;

15.  Jisħaq fuq l-importanza ta' ppjanar ikkoordinat fit-tul għall-iżvilupp effiċjenti tal-infrastruttura tat-trażmissjoni u s-swieq tal-elettriku fl-Ewropa; jenfasizza f'dan ir-rigward il-ħtieġa ta' kooperazzjoni reġjonali aħjar u jinnota s-suċċess tal-approċċi tas-suq reġjonali eżistenti bħan-Nord Pool;

16.  Jenfasizza d-dritt tal-Istati Membri li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-użu tar-riżorsi tal-enerġija tagħhom fit-taħlita tagħhom tal-enerġija nazzjonali suġġetti għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jistipulaw li l-politika Ewropea tal-enerġija għandha tiżgura l-funzjonament tas-suq tal-enerġija, tiżgura s-sigurtà tal-provvista ta' enerġija, tippromwovi l-effiċjenza u l-iffrankar tal-enerġija u l-iżvilupp ta' forom ta' enerġija rinnovabbli u tippromwovi l-interkonnessjoni ta' netwerks tal-enerġija; jenfasizza li l-kooperazzjoni reġjonali tippermetti ffrankar tal-ispejjeż u benefiċċji għas-sistema tal-enerġija Ewropea u għandha tkun ibbażata fuq metodoloġija tas-sistema reġjonali standard trasparenti għall-valutazzjoni tal-ħtiġijiet fit-tul tagħhom, u biex jintlaħaq qbil dwar l-azzjoni li trid tittieħed f'każ ta' kriżi tal-elettriku, b'mod partikolari meta tali kriżi jkollha effetti transfruntiera; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tipproponi qafas rivedut għal dan il-għan; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tirrifletti dan fil-proposta leġiżlattiva tagħha;

17.  Ifakkar li dawk l-Istati Membri li jagħżlu li jużaw l-enerġija nukleari għandhom jagħmlu dan f'konformità mal-istandards tas-sikurezza tal-UE, ir-regolamenti interni tal-enerġija tas-suq intern u r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat;

18.  Jinnota li l-iffrankar mill-effiċjenza tal-enerġija u r-reazzjoni min-naħa tad-domanda, il-kapaċità ta' ħżin tal-enerġija u l-espansjoni tan-netwerk, b'mod partikolari permezz ta' grilji intelliġenti, l-użu effiċjenti tal-interkonnessjonijiet u l-espansjoni u l-iżvilupp ulterjuri ta' netwerks nazzjonali, huma indispensabbli bl-għan li jitlesta s-suq intern tal-elettriku b'sehem dejjem akbar tal-enerġiji rinnovabbli, u jfakkar fil-prinċipju "l-effiċjenza l-ewwel", fejn l-ewwel nett jeħtieġ li tigi kkunsidrata n-naħa tad-domanda tal-investiment qabel l-investiment fin-netwerk u l-forniment; iqis li huwa deplorevoli l-fatt li għad hemm lakuni kbar fl-interkonnessjoni ġewwa wħud mill-Istati Membri u bejniethom, li jwassal għal konġestjonijiet fin-netwerk u jxekkel b'mod sinifikanti s-sigurtà operazzjonali u l-kummerċ transfruntier tal-enerġija; jiddispjaċih dwar il-prattika ta' limitazzjoni tal-kapaċitajiet ta' trażmissjoni sabiex tiġi bbilanċjata l-produzzjoni nazzjonali u bħala mezz kif jiġu ttrattati konġestjonijiet interni; jitlob li l-objettivi ta' interkonnessjoni tal-elettriku jkunu differenzjati skont ir-reġjun, u dan jirrifletti l-flussi reali tas-suq, ikunu soġġetti għal analiżi rilevanti tal-benefiċċju fil-konfront tal-ispejjeż u li jkunu bbażati fuq il-pjan tan-netwerk tal-ENTSO-E ta' għaxar snin, sakemm jiġu sodisfatti l-objettivi minimi stabbiliti tal-UE; iqis li, għal dan l-għan, huwa importanti ħafna wkoll li jittieħdu miżuri biex jikkumbattu l-flussi taċ-ċikli mhux koordinati, speċjalment fir-reġjun tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant; jenfasizza li, ladarba mibnija, id-disponibiltà tal-kapaċità transfruntiera hija ugwalment importanti, meta jitqies il-livell dejjem jonqos tal-kapaċità mill-Istati Membri;

19.  Jinnota li għandhom jiġu żviluppati approċċi ġodda bil-ħsieb li jegħlbu l-konġestjonijiet u jiksbu grilja intelliġenti ta' distribuzzjoni li tippermetti l-integrazzjoni u provvista bla xkiel ta' servizzi minn ġeneraturi deċentralizzati, prosumaturi u konsumaturi;

20.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-miri ta' interoperabilità reġjonali tal-UE; jirrikonoxxi, madankollu, li użu subottimali tal-infrastruttura eżistenti jhedded il-vitalità ta' tali miri; jenfasizza li użu ottimali tal-infrastruttura eżistenti huwa kruċjali għal suq Ewropew tal-enerġija, u għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni tindirizza din il-kwistjoni fi kwalunkwe proposta li jmiss għal leġiżlazzjoni;

21.  Jitlob implimentazzjoni u infurzar ottimizzati tal-qafas leġiżlattiv għas-suq intern tal-elettriku u jistieden lill-Kummissjoni u lill-ACER jindirizzaw ulterjorment kwistjonijiet fis-swieq tal-operaturi meta prattiki attwali ma jkunux konsistenti mar-Regolament (KE) Nru 714/2009; jistieden lill-ACER iżżid is-sorveljanza regolatorja ta' trażżin tal-kapaċità eżistenti tal-interkonnettur;

22.  Jinnota li titjib immirat u ambizzjuż tan-netwerk strutturali u t-tneħħija ta' konġestjonijiet tan-netwerk strutturali huma prekundizzjonijiet importanti għall-ikkompletar tas-suq intern tal-enerġija, u b'hekk tissaħħaħ il-kompetizzjoni; huwa tal-fehma li konfigurazzjoni taż-żoni tal-prezzijiet għandha tiġi diskussa bil-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati rilevanti kollha u filwaqt li jitqiesu l-kompetenzi tal-ACER kif ukoll ir-rieżami taż-żona tal-offerti tal-ENTSO-E; jenfasizza li d-diviżjoni ta' żoni tal-offerti bħala l-aħħar alternattiva jista' jkun approċċ raġonevoli tal-ekonomija tas-suq bil-ħsieb li jiġu riflessi n-nuqqasijiet tal-elettriku reali f'ċerti reġjuni; huwa tal-fehma li fin-netwerks tal-elettriku strettament integrati l-allokazzjoni ta' żoni tal-prezzijiet għandha tiġi deċiża flimkien mal-pajjiżi ġirien kollha kkonċernati, sabiex issir prevenzjoni tal-użu ineffiċjenti tan-netwerks u t-tnaqqis fil-kapaċitajiet transfruntiera, li huwa inkompatibbli mas-suq intern;

23.  Jifhem li minħabba l-prezz baxx tal-enerġija fis-swieq tal-operaturi u l-impatt tiegħu fuq l-investiment u l-ħtieġa li jiġu żviluppati mekkaniżmi biex il-kapaċità tal-produzzjoni tiġi adattata għall-flessibilità meħtieġa biex twieġeb għan-naħa tad-domanda, bosta Stati Membri, fin-nuqqas ta' approċċ Ewropew u minħabba komponenti speċifiċi tas-suq tal-konsum tagħhom, kellhom jiżviluppaw mekkaniżmi ta' kapaċità;

24.  Huwa xettiku dwar mekkaniżmi u swieq ta' kapaċità purament nazzjonali u mhux ibbażati fuq is-suq, li huma inkompatibbli mal-prinċipji ta' suq tal-enerġija intern u li jwasslu għal tgħawwiġ fis-suq, sussidji indiretti għal teknoloġiji maturi u spejjeż kbar għall-konsumaturi finali; jenfasizza, għalhekk, li kull mekkaniżmu ta' kapaċità fl-UE għandu jitfassal mill-perspettiva tal-kooperazzjoni transfruntiera wara t-tlestija ta' studji approfondit dwar in-neċessità tiegħu, u għandu jkun konformi mar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-Istat; jemmen li integrazzjoni aħjar tal-produzzjoni nazzjonali tal-enerġija fis-sistema tal-enerġija tal-UE u r-rinfurzar tal-interkonnessjonijiet jistgħu jnaqqsu l-bżonn ta' mekkaniżmi ta' kapaċità u l-ispiża tagħhom;

25.  jitlob li mekkaniżmi ta' kapaċità transfruntiera jiġu awtorizzati biss meta l-kriterji li ġejjin, inter alia, huma sodisfatti:

   (a) il-ħtieġa tagħhom tkun ikkonfermata permezz ta' analiżi dettaljata tal-adegwatezza reġjonali tal-produzzjoni u s-sitwazzjoni tal-provvista, inklużi l-interkonnessjonijiet, il-ħżin, ir-rispons għad-domanda u r-riżorsi ta' ġenerazzjoni transfruntiera, fuq il-bażi ta' metodoloġija standardizzata u trasparenti madwar l-UE li tidentifika riskju ċar ta' forniment bla waqfien;
   (b) ma jkun hemm ebda miżura alternattiva possibbli li tiswa inqas u li tkun inqas invażiva fis-suq, bħall-integrazzjoni sħiħa tas-suq reġjonali mingħajr restrizzjoni ta' skambji transfruntiera, flimkien ma' riżervi strateġiċi/tan-netwerk immirati;
   (c) id-disinn tagħhom huwa bbażat fuq is-suq u huwa tali li dawn ma jkunux diskriminatorji fir-rigward tal-użu ta' teknoloġiji għall-ħżin tal-elettriku, ir-rispons tad-domanda aggregata, sorsi stabbli ta' enerġija rinnovabbli u parteċipazzjoni minn impriżi fi Stati Membri oħra, sabiex ma jkun hemm l-ebda sussidju trasversali transfruntier jew diskriminazzjoni kontra l-industrija jew klijenti oħra, u jiġi żgurat li tiġi remunerata biss il-kapaċità strettament meħtieġa għas-sigurtà tal-provvista;
   (d) it-tfassil tagħhom jinkludi regoli li jiżguraw li tiġi allokata kapaċità biżżejjed bil-quddiem biex jingħataw sinjali ta' investiment adegwat fir-rigward ta' impjanti li jniġġsu inqas;
   (e) sostenibilità u regoli dwar il-kwalità tal-arja jiġu inkorporati sabiex jiġu eliminati t-teknoloġiji li l-aktar iniġġsu (tista' tingħata kunsiderazzjoni għal standard ta' emissjonijiet f'dan ir-rigward);

26.  Jenfasizza li, minbarra d-disinn il-ġdid tas-suq tal-enerġija, ir-reviżjonijiet li jmiss tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli u d-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika huma kruċjali biex jiġu sfruttati l-opportunitajiet offruti mill-ħżin tal-enerġija;

27.  Jemmen li l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet tal-ħżin tal-elettriku ġodda u eżistenti se jkun element indispensabbli tat-tranżizzjoni tal-enerġija, u li regoli ġodda tad-disinn tas-suq għandhom jgħinu biex jiġi stabbilit qafas ta' appoġġ għat-teknoloġiji varji involuti;

28.  Iqis li l-ħżin tal-enerġija għandu bosta benefiċċji, b'mod partikolari billi jippermetti rispons min-naħa tad-domanda, jassisti fl-ibbilanċjar tal-grilja u jipprovdi mezz biex tinħażen ġenerazzjoni żejda tal-enerġija rinnovabbli; jitlob ir-reviżjoni tal-qafas regolatorju eżistenti biex tiġi promossa l-introduzzjoni ta' sistemi tal-ħżin tal-enerġija u għażliet oħra ta' flessibilità, li jippermettu sehem akbar ta' sorsi tal-enerġija rinnovabbli (RES) intermittenti - kemm jekk ċentralizzati jew iddistribwiti - bi spejjeż marġinali aktar baxxi biex jiddaħħlu fis-sistema tal-enerġija; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi stabbilita kaategorija tal-assi separata għas-sistemi tal-ħżin tal-elettriku jew l-enerġija fil-qafas regolatorju eżistenti minħabba n-natura doppja - ġenerazzjoni u domanda - tas-sistemi tal-ħżin tal-enerġija;

29.  Għaldaqstant jitlob li disinn ġdid tas-suq jindirizza ostakli tekniċi u prattiki diskriminatorji fil-kodiċijiet tan-netwerk għall-ħżin tal-enerġija u biex it-tariffi u t-taxxi jiġu applikati b'mod ġust, bl-evitar ta' spejjeż doppji għall-kariku u l-iskariku tal-enerġija u b'riżultat ta' suq li jippremja sorsi flessibbli b'reazzjoni rapida; jissuġġerixxi li jekk u meta l-għażliet tal-ħżin isiru aktar abbundanti u bi prezzijiet raġonevoli, il-bażi loġika għas-swieq tal-kapaċità tisparixxi malajr;

30.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi promoss l-użu ta' sistemi tal-ħżin tal-enerġija u li jinħolqu kundizzjonijiet ugwali li bihom il-ħżin tal-enerġija jkun jista' jikkompeti ma' għażliet oħra tal-flessibilità, fuq il-bażi ta' disinn teknoloġikament newtrali tas-suq tal-enerġija;

31.  Jitlob għalhekk disinn teknoloġikament newtrali tas-suq tal-enerġija biex jingħataw soluzzjonijiet varji għall-ħżin tal-enerġija bbażati fuq sorsi ta' enerġija rinnovabbli, bħal batteriji tal-joni tal-litju, pompi tas-sħana jew ċelluli tal-fjuwil bl-idroġenu, il-possibiltà li tiġi komplementata l-kapaċità tal-ġenerazzjoni RES; jitlob ukoll għall-istabbiliment ta' mekkaniżmi ddefiniti b'mod ċar sabiex jittieħed vantaġġ mill-produzzjoni eċċessiva u mit-tnaqqis;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni tiċċara l-pożizzjoni tal-ħżin f'passi differenti tal-katina tal-elettriku, u tippermetti lill-operaturi tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni jinvestu, jużaw u jisfruttaw servizzi tal-ħżin tal-enerġija għall-finijiet tal-ibbilanċjar tal-grilja u servizzi anċillari oħra.

33.  Jinnota ż-żieda fil-firxa tal-enerġija u servizzi anċillari li l-ħżin tal-enerġija jista' jipprovdi fil-futur; jitlob, għalhekk, definizzjoni tal-ħżin tal-elettriku li tkopri n-natura doppja tiegħu (użu u rilaxx tal-elettriku), għat-tneħħija tal-ostakli regolatorji għall-ħżin tal-elettriku;

34.  Jitlob li ssir reviżjoni tal-qafas regolatorju attwali, sabiex jiġi promoss l-użu tas-sistemi tal-ħżin tal-enerġija u għażliet ta' flessibilità oħrajn, bil-għan li sehem akbar ta' sorsi tal-enerġija intermittenti rinnovabbli jiġi applikat fis-sistema tal-enerġija bi spejjeż marġinali baxxi fuq bażi ċentralizzata jew deċentralizzata;

35.  Jitlob li tiġi inkluża definizzjoni tal-ħżin tal-enerġija fis-sistema tal-elettriku fil-qafas regolatorju eżistenti;

36.  Jitlob li tiġi stabbilita kategorija separata għas-sistemi tal-ħżin tal-elettriku fil-qafas reġolatorju attwali, flimkien mal-ġenerazzjoni, it-tħaddim tal-grilja u l-konsum;

37.  Jenfasizza li l-interkonnessjonijiet tal-gass u l-koordinament tal-miżuri ta' emerġenza nazzjonali jirrappreżentaw metodi li bihom l-Istati Membri jistgħu jikkooperaw f'każ ta' interruzzjonijiet serji fil-provvista tal-gass;

38.  Jinnota li kompetizzjoni transfruntiera tista' ġġib magħha benefiċċji għall-konsumaturi permezz tal-preżenza ta' bosta fornituri tal-enerġija f'suq deċentralizzat, li jwassal għall-ħolqien ta' kumpaniji ġodda tas-servizzi tal-enerġija innovattivi;

39.  Jitlob aktar żvilupp tas-suq ta' enerġija biss (energy-only market), fejn l-ispejjeż u l-benefiċċji jiġu kondiviżi b'mod ġust mill-utenti u l-produtturi tal-enerġija, fuq il-bażi ta' applikazzjoni konsistenti tal-leġiżlazzjoni eżistenti, it-titjib immirat tal-infrastruttura tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni, kooperazzjoni reġjonali akbar, interkonnessjoni aħjar, effiċjenza enerġetika, skemi ta' rispons għad-domanda u l-ħżin, li jistgħu jibagħtu l-aħjar sinjali fit-tul biex is-sistema tal-elettriku tinżamm b'mod sikur u jiġu żviluppati sorsi ta' enerġija rinnovabbli, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi partikolari tas-swieq tal-elettriku ta' reġjuni li huma iżolati mis-sistema nazzjonali tal-elettriku, u b'hekk issir promozzjoni tad-diversifikazzjoni tal-enerġija u titħeġġeġ kompetizzjoni akbar sabiex tiżdied is-sigurtà tal-provvista;

40.  Jenfasizza li l-effiċjenza enerġetika hija prinċipju ewlieni tal-istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija, peress li dan huwa mod effettiv biex jitnaqqsu l-emissjonijiet, jiġi ġġenerat it-tfaddil għall-konsumaturi u titnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili;

41.  Jirrikonoxxi li l-flessibilità u l-kapaċità tal-enerġija huma attwalment essenzjali u għandhom jiġu evalwati kif xieraq bħala parti minn disinn tas-suq b'validità għall-futur, meta jitqies li huma elementi komplementarji;

42.  Jenfasizza li suq tal-elettriku Ewropew għandu jkun immexxi mill-eżiġenzi tas-suq stess; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-iffissar tal-prezzijiet dinamiku għandu funzjoni ta' sinjal u ta' gwida u huwa bla dubju fattur importanti fl-effiċjenza, u għalhekk biex jiġi żgurat suq tal-elettriku li jiffunzjona sew;

43.  Jinnota li l-prezzijiet tal-elettriku li jvarjaw bil-ħin jistgħu jwasslu għal flessibilità min-naħa tad-domanda, li jista' jgħin biex jiġu bbilanċjati l-provvista u d-domanda u jillivella l-patterns ta' produzzjoni rinnovabbli varjabbli; jenfasizza l-importanza, f'dan ir-rigward, ta' prezzijiet tal-elettriku li jirriflettu l-ispejjeż attwali tal-elettriku;

44.  Jinnota li l-aspettattiva ta' żidiet drastiċi fi prezzijiet futuri tista' toffri inċentivi għall-produtturi u l-investituri biex jinvestu f'soluzzjonijiet flessibbli bħall-ħżin tal-enerġija, l-effiċjenza enerġetika, il-ġestjoni tan-naħa tad-domanda, il-kapaċità tal-produzzjoni tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, u l-impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-gass moderni u b'effiċjenza kbira, u impjanti bi ħżin mill-ippumpjar; iħeġġeġ li jkun hemm restrizzjonijiet fir-rigward tal-interventi fis-suq tal-operaturi, anki fl-eventwalità ta' żidiet drastiċi fil-prezzijiet; jitlob li kwalunkwe pjan ta' tneħħija gradwali ta' prezzijiet regolati għall-konsumaturi, li huma taħt l-ispiża tal-produzzjoni, iqisu l-bżonnijiet tal-konsumaturi vulnerabbli f'riskju ta' faqar tal-enerġija;

45.  Jenfasizza li l-integrazzjoni sħiħa tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fis-suq tal-elettriku hija essenzjali; jitlob li jsiru sforzi għall-inkoraġġiment u l-massimizzazzjoni tal-parteċipazzjoni tagħhom fis-servizzi tal-ibbilanċajr, u jqis li it-tqassir tal-ħinijiet tal-għeluq, l-allinjament tal-intervalli tan-negozju mal-perjodu ta' saldu żbilanċjat u l-permess tas-sottomissjoni ta' offerti aggregati minn ġeneraturi lokalizzati fi Stati Membri differenti jikkontribwixxu b'mod sinifikanti biex jinkiseb dan il-għan;

46.  Jitlob it-tkomplija tal-integrazzjoni tas-suq intern u tas-servizzi tal-ibbilanċjar u ta' riżerva, bit-tisħiħ tal-likwidità u l-kummerċ transfruntier fl-iskedi ta' żmien kollha tas-suq; iħeġġeġ biex jitħaffu l-għanijiet ambizzjużi tal-Mudell fil-Mira rigward is-swieq tal-istess jum u tal-ibbilanċjar, inizjalment bl-armonizzazzjoni tal-ħinijiet tal-għeluq u l-ibbilanċjar tal-prodotti tal-enerġija;

47.  Jistieden lill-Kummissjoni tissottometti proposti li jippermettu strumenti li jtaffu r-riskju tad-dħul fuq 20 sa 30 sena, sabiex l-investimenti f'ġenerazzjoni ġdida b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju jkunu fil-fatt immexxija mis-suq, bħal koinvestimenti b'kondiviżjoni kuntrattwali tar-riskji bejn konsumaturi kbar u produtturi tal-elettriku jew suq għal kuntratti fit-tul ibbażati fuq l-ipprezzar tal-ispiża medja;

48.  Jitlob li l-provvista tal-elettriku u s-servizzi tas-sistema jiġu allokati fuq bażi ta' suq ħieles; isostni li proċedura miftuħa bħal din, kemm jekk hija organizzata fuq bażi nazzjonali jew transfruntiera, għandha tkun teknoloġikament newtrali u tippermetti wkoll il-parteċipazzjoni tal-operaturi tal-ħżin tal-enerġija;

49.  Jappoġġja ż-żieda fis-sehem ta' sorsi rinnovabbli fl-UE; Jenfasizza l-importanza ta' skemi stabbli u effettivi fil-konfront tal-ispejjeż ta' sostenn għall-enerġija rinnovabbli għall-investiment fit-tul li jibqgħu reattivi u adattabbli fl-immedjat u li jkunu mfassla skont il-bżonnijiet u ċ-ċirkustanzi nazzjonali, u li jippermettu t-tneħħija gradwali tas-sussidji għal teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli maturi; jilqa' l-fatt li għadd ta' teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli rapidament qed isiru kompetittivi fl-ispejjeż magħmula fil-konfront ta' forom konvenzjonali ta' ġenerazzjoni; jinnota li għandha tingħata attenzjoni biex jiġi żgurat li l-iskemi ta' appoġġ ikunu mfassla sew u li kwalunkwe impatt fuq l-industriji intensivi fl-użu tal-enerġija fir-riskju ta' rilaxx tal-emissjonijiet tal-karbonju jinżammu għal minimu;

50.  Jenfasizza l-importanza tat-teknoloġiji diġitali sabiex jintbagħtu sinjali tal-prezzijiet li jippermettu li r-rispons għad-domanda jaħdem bħala sors għall-flessibilità; jitlob għalhekk strateġija ambizzjuża fir-rigward tad-diġitalizzazzjoni fis-settur tal-enerġija, mill-użu ta' grilji intelliġenti u arloġġi intelliġenti sal-iżvilupp ta' applikazzjonijiet għall-mobiles, pjattaformi online u hubs tad-data;

51.  Jinnota li taħt il-qafas tal-2020 l-Istati Membri għandhom jissodisfaw objettivi speċifiċi kwantitattivi għas-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum finali tal-enerġija, indipendentement mis-sitwazzjoni tas-suq, u għalhekk jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni tal-enerġiji rinnovabbli, permezz ta' politiki li jiffokaw fuq il-kompetizzjoni u l-effiċjenza fil-konfront tal-ispejjeż, filwaqt li jiġi rikonoxxut li jeżistu bosta teknoloġiji differenti ta' enerġija rinnovabbli li jinsabu fi stadji differenti ta' maturità u li għandhom karatteristiċi differenti u għalhekk ma jistgħux jiġu ttrattati b'approċċ ta' universalità; ifakkar fir-rwol importanti tal-Iskema għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) tal-UE f'dan ir-rigward, u jqis il-promozzjoni tal-investiment bħala aktar kompatibbli mas-suq minn tariffi fissi feed-in u trattament preferenzjali ġenerali;

52.  Jinsisti li, biż-żieda fil-maturità teknika u l-użu fuq skala wiesgħa tal-enerġija rinnovabbli, ir-regoli ta' promozzjoni għandhom ikunu mmirati lejn is-sitwazzjoni fis-suq, bħal primjums feed-in, sabiex l-ispejjeż għall-konsumaturi tal-enerġija jinżammu f'limiti raġonevoli;

53.  Iwissi kontra t-taħlita tal-objettivi tal-politika dwar il-provvista mal-objettivi tal-politika tal-klima; jitlob li l-ETS tissaħħaħ b'mod konsistenti, kif ukoll li s-suq jiġi mfassal mill-ġdid biex ikun aktar flessibbli, sabiex, fil-futur, il-prezzijiet tas-CO2 u l-prezzijiet tal-fjuwil ikunu jistgħu jappoġġaw aktar l-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli;

54.  Ifakkar li, mill-2016, il-linji gwida tal-Istat tal-2014 jirrikjedu ġeneraturi RES kbar ħafna biex jassumu responsabiltajiet ta' bbilanċjar, li huma definiti bħala obbligu fuq il-produtturi biex jikkumpensaw għal devjazzjonijiet fuq żmien qasir mill-impenji tagħhom ta' konsenja preċedenti f'każijiet fejn jeżisti suq likwidu tal-istess ġurnata; jenfasizza li f'każ ta' tluq mill-iskeda mħabbra mill-operatur, għandu jintalab prezz ta' kumpens xieraq tal-enerġija; ifakkar fid-dispożizzjonijiet eżistenti tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, li jagħtu prijorità ta' aċċess u rilaxx għal sorsi ta' enerġija rinnovabbli; jissuġġerixxi li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu evalwati u riveduti ladarba jiġi implimentat is-suq tal-elettriku rridisinnjat, li jiżgura kundizzjonijiet aktar ugwali u li jqis aktar il-karatteristiċi tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli;

55.  Jitlob, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà, azzjoni koordinata mill-Istati Membri, li jibdew fil-livell reġjonali, b'rabta mal-espansjoni ulterjuri tal-enerġiji rinnovabbli, biex tingħata spinta lill-effiċjenza ekonomika tas-suq tal-enerġija bl-għan li jintlaħqu l-għanijiet komuni Ewropej u tissaħħaħ l-istabilità tal-grilja; iqis li Stat Membru m'għandux jieħu deċiżjoni unilaterali li jkollha impatt sostanzjali fuq l-istati ġirien mingħajr diskussjoni usa' u kooperazzjoni fil-livell reġjonali jew tal-UE; ifakkar li s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli ħafna drabi jkollhom komponent lokali b'saħħtu; jitlob lill-Kummissjoni taħdem lejn qafas Ewropew aktar konverġenti għall-promozzjoni tal-enerġiji rinovabbli;

56.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jqisu l-qafas regolatorju li jinkoraġġixxi lill-utenti finali jduru għall-awtoproduzzjoni u l-ħżin tal-enerġija lokali;

57.  Huwa konvint li, flimkien mas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli, is-sorsi tal-enerġija sikuri u sostenibbli kollha, li jservu l-objettiv ta' dekarbonizzazzjoni gradwali f'konformità mal-ftehim globali riċenti tal-COP 21, għandhom ikomplu bir-rwol tagħhom fil-produzzjoni tal-enerġija;

58.  Jiġbed l-attenzjoni lejn l-importanza ta' koordinament fil-livell tal-UE fid-definizzjoni tar-reġimi għall-għoti tal-użu tal-enerġija idroelettrika u għall-ftuħ tas-settur għall-kompetizzjoni, bil-għan li jiġu evitati distorsjonijiet fis-swieq u jiġi promoss l-użu effiċjenti tar-riżorsi;

59.  Jinnota li r-riorganizzazzjoni tas-suq tal-elettriku twieġeb għall-aspettattivi tal-konsumaturi billi jingħataw benefiċċji reali ġejjin mill-użu ta' teknoloġiji ġodda, b'mod partikolari fir-rigward tal-enerġija rinnovabbli b'emissjonijiet ta' dijossidu tal-karbonju baxx, li jirriżultaw f'interdipendenza fost l-Istati Membri f'dak li għandu x'jaqsam mas-sigurtà tal-enerġija;

60.  Jissottolinja li fin-nuqqas ta' sistema tal-grilja elettrika kompletament interkonnessa b'possibiltajiet adegwati ta' ħżin, il-ġenerazzjoni konvenzjonali tat-tagħbija bażika tibqa' essenzjali għaż-żamma tas-sigurtà tal-provvista;

61.  Jenfasizza li għandha tingħata aktar attenzjoni lir-responsabiltà lokali u reġjonali li għandhom l-operaturi tan-netwerk ta' distribuzzjoni għall-Unjoni tal-Enerġija, minħabba li x-xenarju tal-enerġija qed isir dejjem aktar deċentralizzat, 90 % tal-enerġiji rinnovabbli huma konnessi mal-grilja tad-distribuzzjoni u d-DSOs huma inkorporati lokalment; ifakkar fl-importanza għall-Istati Membri kollha li jimplimentaw ir-rekwiżiti tat-Tielet Pakkett tal-Enerġija fir-rigward tas-separazzjoni tas-sistemi tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni, b'mod speċjali fid-dawl tar-rwol akbar tad-DSOs fl-aċċess għad-data u l-ġestjoni tad-data; jenfasizza li għandha tingħata aktar attenzjoni lill-interfaċċja TSO-DSO: iqis li l-implimentazzjoni ta' mudelli tan-negozju xierqa, infrastrutturi ddedikati u sostenn armonizzat jistgħu jwasslu għal bidu effettiv tar-rispons min-naħa tad-domanda f'kull Stat Membru u bejn il-fruntieri;

62.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu l-mekkaniżmi legali u amministrattivi neċessarji sabiex jippromwovu l-involviment tal-komunitajiet lokali fil-ġenerazzjoni tal-elettriku, billi jagħmluhom parteċipanti fil-proġetti ta' ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli fuq skala żgħira;

63.  Jenfasizza li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet l-enerġiji rinnovabbli jiddaħħlu fis-sistema fil-livell tas-sistemi ta' distribuzzjoni, u għalhekk jistieden lid-DSOs jassumu rwol akbar bħala faċilitaturi u biex ikunu involuti aktar mill-qrib fit-tfassil tal-qafas regolatorju Ewropew u fil-korpi rilevanti meta wieħed jiġi biex ifassal linji gwida dwar kwistjonijiet li jikkonċernawhom, bħall-ġesjoni min-naħa tad-domanda, il-flessibbiltà u l-ħżin, u għal kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn id-DSOs u t-TSOs fil-livell Ewropew;

64.  Jitlob miżuri li jinċentivaw l-investiment meħtieġ f'teknoloġiji ta' grilji intelliġenti u fis-sistemi ta' distribuzzjoni, bl-għan li jiġu integrati aħjar kwantitajiet dejjem akbar ta' sorsi rinnovabbli u li wieħed ikun ippreparat aħjar għad-diġitalizzazzjoni; iqis, f'dan ir-rigward, li d-DSOs iridu jingħataw rwol akbar fil-ġbir u l-qsim tad-data, u li l-protezzjoni tad-data għandha tkun iggarantita fiċ-ċirkostanzi kollha, b'kont meħud tal-esperjenza miksuba f'pajjiżi b'introduzzjoni sħiħa ta' arloġġi tad-dawl intelliġenti;

65.  Jenfasizza l-importanza tal-approċċ reġjonali fil-bini tal-infrastruttura tal-elettriku nieqsa li hija kruċjali għas-sigurtà ta' provvista tal-elettriku sostenibbli, bil-ħsieb li jiġi eliminat il-punt ta' konġestjoni fin-netwerk (tal-enerġija) u t-tlestija tas-suq intern tal-enerġija.

66.  Iqis id-DSOs bħala faċilitaturi newtrali tas-suq li jirċievu data minn sorsi varji, li mbagħad jistgħu jagħmlu disponibbli b'mod mhux diskriminatorju lil partijiet terzi awtorizzati bil-kunsens tal-konsumatur, biex b'hekk ikun żgurat li l-konsumaturi jibqgħu fil-kontroll tad-data tagħhom; iqis li d-DSOs jagħtu spinta lill-iżvilupp tas-suq u għandhom rwol dejjem aktar importanti bħala ġesturi attivi tas-sistema, faċilitaturi teknoloġiċi, ġesturi ta' data u innovaturi; iqis li huma meħtieġa regoli ċari biex jiġi żgurat li d-DSOs jaġixxu bħala faċilitaturi tas-suq newtrali; jinnota li d-DSOs, fost parteċipanti l-oħra tas-suq, jistgħu jappoġġaw ukoll lill-awtoritajiet lokali billi jipprovdulhom data li tippermetti t-tranżizzjoni tal-enerġija fi ħdan it-territorju tagħhom;

67.  Jenfasizza l-ħtieġa li jitħaffef il-proċess ta' ħruġ ta' liċenzji għall-proġetti fis-settur tal-infrastruttura tal-enerġija fil-livelli kollha tat-teħid ta' deċiżjonijiet;

68.  Huwa tal-fehma li jagħmel sens li tissaħħaħ il-kooperazzjoni fi ħdan ir-reġjuni u bejniethom, taħt il-koordinament tal-ACER u bil-kooperazzjoni tal-ENTSO-E, b'mod partikolari fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-impatti transfruntiera, mingħajr ma l-Istati Membri jirrinunzjaw għar-responsabilità tagħhom fis-sigurtà tal-provvista; jenfasizza li l-kooperazzjoni u l-interkonnetturi transfruntiera huma kruċjali biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista;

69.  Jilqa' l-ħidma tal-ACER u jitlob li l-Aġenzija tingħata riżorsi finanzjarji u riżorsi umani suffiċjenti biex twettaq il-kompiti u r-responsabilitajiet attwali u futuri tagħha u biex tkun tista' tippjana b'mod strateġiku fi żmien medju li wieħed jista' jorbot fuqu;

70.  Jinnota l-importanza ta' monitoraġġ tas-suq effettiv, imparzjali u kontinwu tas-swieq tal-enerġija Ewropej bħala għodda ewlenija biex jiġi żgurat suq intern tal-enerġija reali kkaratterizzat minn kompetizzjoni ħielsa, sinjali tal-prezzijiet xierqa u sigurtà tal-provvista; jissottolinja l-importanza tal-ACER f'dan ir-rigward, u jistenna bil-ħerqa l-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar setgħat ġodda u msaħħa għall-ACER dwar kwistjonijiet transfruntiera;

71.  Jitlob li l-ACER tappoġġa u tikkoordina l-isforzi lejn kooperazzjoni reġjonali akbar rigward is-sigurtà u l-adegwatezza tas-sistema; huwa tal-fehma li t-trasferiment ta' kompetenzi għal kwistjonijiet tas-sigurtà tal-provvista lil korpi sopranazzjonali għandu jseħħ biss jekk jippermetti gwadann ċar għas-sistema tal-elettriku kollha u jkun akkumpanjat minn responsabilità suffiċjenti;

72.  Jitlob li l-ACER tingħata setgħa ta' teħid ta' deċiżjonijiet fir-rigward tal-koordinazzjoni ta' kooperazzjoni reġjonali akbar rigward kwistjonijiet transfruntiera u interreġjonali, b'mod partikolari fil-kuntest tal-RSCIs, bl-għan li tiġi ottimizzata l-ġestjoni tar-riżorsi tal-enerġija; jitlob li tali koordinazzjoni takkomoda l-ispeċifiċitajiet nazzjonali, li tkun ibbażata fuq l-ispejjeż u tapplika kriterji tas-suq, u jitlob l-iżvilupp ta' għodod adegwati biex jimmonitorjaw is-suq tal-enerġija b'mod effettiv bil-ħsieb li tissawwar l-Unjoni tal-Enerġija mingħajr il-ħtieġa tal-ħolqien ta' awtorità ġdida enormi;

73.  Jinnota li l-proposti tal-Kummissjoni dwar id-disinn ta' suq tal-enerġija ġdid huma limitati għas-settur tal-enerġija; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-opportunità li tirrieżamina d-disinn tas-suq tal-gass naturali sabiex jiġu indirizzati l-isfidi fis-settur tal-gass (p.e. it-tibdil fid-domanda tal-UE għall-gass, attivitajiet imblukkati, sistemi ta' pprezzar, aktar integrazzjoni tas-suq u r-rwoli rispettivi tal-ACER u n-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni tal-Gass (ENTSO-G);

74.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

(1) ĠU C 200, 28.6.2014, p. 1.
(2) ĠU L 211, 14.8.2009, p. 1.
(3) ĠU L 211, 14.8.2009, p. 15.
(4) ĠU L 115, 25.4.2013, p. 39.
(5) ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22.
(6) ĠU L 84, 20.3.2014, p. 61.
(7) ĠU L 33, 4.2.2006, p. 22.
(8) ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64.
(9) ĠU C 286 E, 27.11.2009, p. 24.
(10) ĠU C 36, 29.1.2016, p. 62.
(11) Testi adottati, P7_TA(2014)0065
(12) Testi adottati, P8_TA(2015)0359
(13) ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16.
(14) ĠU L 211, 14.8.2009, p. 55.
(15) ĠU C 93, 9.3.2016, p. 8.
(16) Testi adottati, P8_TA(2015)0444.
(17) Testi adottati, P8_TA(2015)0445.
(18) http://www.iea.org/publications/freepublications/publication/REPOWERINGMARKETS.pdf


Strateġija tal-UE dwar it-Tisħin u t-Tkessiħ
PDF 361kWORD 75k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2016 dwar Strateġija tal-UE dwar it-Tisħin u t-Tkessiħ (2016/2058(INI))
P8_TA(2016)0334A8-0232/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 194 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi li ntlaħaq f'Diċembru 2015 fil-21 Konferenza tal-Partijiet (COP 21) għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Diċembru 2011 bit-titolu "Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050" (COM(2011)0885),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Strateġija tal-UE dwar it-Tisħin u t-Tkessiħ" (COM(2016)0051),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Frar 2015 bit-titolu "Qafas Strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b'Politika dwar it-Tibdil fil-Klima li tħares 'il quddiem" (COM(2015)0080),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 u l-24 ta' Ottubru 2014 dwar il-qafas għall-politika dwar il-klima u l-enerġija sal-2030,

–  wara li kkunsidra t-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fl-2050", COM(2011)0112),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Frar 2014 dwar qafas għall-politika tal-klima u tal-enerġija fl-2030(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi: lejn ekonomija ċirkolari(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2015 bit-titolu "Lejn Unjoni Ewropea tal-Enerġija"(4),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8–0232/2016),

A.  billi kważi 50 % tad-domanda finali għall-enerġija tal-UE hija użata għat-tisħin u t-tkessiħ, li minnha 80 % tintuża fil-bini; billi s-settur tat-tisħin u t-tkessiħ għandu jirrifletti l-Ftehim ta' Pariġi tal-2015 dwar it-Tibdil fil-Klima (COP 21); billi settur tat-tisħin u t-tkessiħ kompatibbli mal-għanijiet tal-enerġija u l-klima tal-UE jeħtieġ li jkun ibbażat 100 % fuq is-sorsi rinnovabbli sal-2050, li jista' jinkiseb biss billi nnaqqsu l-konsum tagħna tal-enerġija u nużaw bis-sħiħ il-prinċipju "l-effiċjenza fl-enerġija: l-ewwel karburant";

B.  billi kull żieda ta' 1 % fi ffrankar tal-enerġija tnaqqas l-importazzjonijiet tal-gass bi 2.6 %(5);

C.  billi għandu jsir sforz akbar kemm biex titnaqqas id-domanda għat-tisħin tal-bini kif ukoll biex id-domanda li jifdal ma sserraħx fuq il-ħruq tal-fjuwils fossili impurtati f'bojlers individwali iżda jsiru għażliet ta' tisħin u tkessiħ sostenibbli skont l-objettivi tal-UE 2050;

D.  billi l-binjiet jirrappreżentaw sehem kbir ħafna mit-total tal-konsum finali tal-enerġija, u billi livell ogħla ta' effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-bini u programmi ta' rispons għad-domanda jistgħu jaqdu rwol kruċjali biex jibbilanċjaw id-domanda għall-enerġija u biex jissodisfaw l-ogħla domanda, u jwasslu sabiex titnaqqas il-kapaċità żejda u jitnaqqsu l-ispejjeż tal-ġenerazzjoni, dawk operazzjonali u tat-trasport;

E.  billi s-sehem tas-sorsi tal-enerġiji rinnovabbli qed jiżdied bil-mod (u kien jammonta għal 18 % tal-provvista tal-enerġija primarja fl-2012), iżda għad hemm potenzjal kbir ħafna fil-livelli kollha, u billi s-sehem tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, u tal-enerġija tas-sħana rkuprata fit-tisħin u t-tkessiħ fl-Istati Membri għandu jiżdied;

F.  billi s-suq tal-UE tat-tisħin u t-tkessiħ huwa fframmentat minħabba n-natura lokali tiegħu, u t-teknoloġiji u l-atturi ekonomiċi differenti involuti; billi d-dimensjonijiet lokali u reġjonali huma essenzjali biex jiġu stabbiliti l-aħjar politiki għat-tisħin u t-tkessiħ, fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni ta' infrastruttura għat-tisħin u t-tkessiħ u fil-konsultazzjoni mal-konsumaturi biex jitneħħew l-ostakoli u sabiex it-tisħin u t-tkessiħ isiru iktar effiċjenti u sostenibbli;

G.  billi l-bijomassa tirrappreżenta 89 % tat-total tal-konsum tat-tisħin rinnovabbli tal-UE u 15 % tat-total tal-konsum tat-tisħin tal-UE u għandha potenzjal kbir biex tkompli tagħti aktar soluzzjonijiet sinifikanti u kosteffikaċi għal-domanda tat-tisħin li qed tikber;

H.  billi t-tisħin u t-tkessiħ huwa eżempju eċċellenti tal-bżonn ta' approċċ olistiku u bbażati fuq sistemi integrati għal soluzzjonijiet tal-enerġija, li jinkludu approċċi orizzontali għad-disinn tas-sistema tal-enerġija u għal-ekonomija usa';

I.  billi s-sehem ta' 75 % tal-enerġija primarja mill-fjuwils fossili fit-tisħin u t-tkessiħ għadu għoli ferm u jirrapreżenta ostaklu ewlieni għad-dekarbonizzazzjoni, u b'hekk jaċċellera t-tibdil fil-klima u jikkawża ħsara sinifikanti lill-ambjent; billi s-settur tat-tisħin u t-tkessiħ għandu jikkontribwixxi bis-sħiħ għall-objettivi tal-UE dwar il-klima u l-enerġija, u s-sussidji għall-użu tal-fjuwils fossili f'dan is-settur għandhom jitneħħew gradwalment, b'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-22 ta’ Mejju 2013, skont il-kundizzjonijiet lokali;

J.  billi huwa stmat li l-ammont ta' sħana prodotta mill-proċessi industrijali u proċessi kummerċjali oħra, li mbagħad tiġi moħlija fl-atmosfera jew fl-ilma (minflok li tintuża b'xi mod produttiv) huwa biżżejjed biex ikopri l-ħtiġijiet tat-tisħin kollha tal-UE f'binjiet residenzjali u terzjarji;

K.  billi s-settur tal-binji jemetti madwar 13 % tal-emissjonijiet kollha tas-CO2 fl-UE;

L.  billi l-użu ta' sistemi progressivi u effiċjenti ta' tisħin jew ta' tkessiħ fil-binjiet għandu jimxi id f'id ma' proċess komplut ta' iżolazzjoni termali b'mod omoġenju, u b'hekk inaqqas id-domanda għall-enerġija u l-ispejjeż għall-konsumaturi u jagħti kontribut biex jittaffa l-faqar enerġetiku kif ukoll biex jinħolqu impjiegi kwalifikati fil-livell lokali;

M.  billi l-miżuri għall-iżvilupp ta' strateġija komprensiva u integrata għat-tisħin u t-tkessiħ fl-Unjoni tal-Enerġija, jekk ikunu implimentati b'mod korrett, joffru opportunitajiet sinifikanti għan-negozji u l-konsumaturi fl-UE, f'termini tat-tnaqqis tal-ispejjeż tal-enerġija globali għall-industrija, jagħtu spinta lill-kompetittività u permezz tagħhom il-konsumaturi jkunu jistgħu jiffrankaw;

N.  billi l-oqfsa regolatorji tal-UE jservu biex jenfasizzaw l-objettivi wesgħin, iżda huwa essenzjali li jkun hemm progress reali fit-trasformazzjoni tat-tisħin u t-tkessiħ bħala parti minn riforma usa' tas-sistema tal-enerġija;

O.  billi l-għan tal-ottimizzazzjoni tar-rwol tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, partikolarment tal-elettriku, fil-grilja tal-enerġija globali permezz ta' integrazzjoni aħjar mal-applikazzjonijiet tat-tisħin u t-tkessiħ u t-trasport, jikkontribwixxi għad-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija, inaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjoni tal-enerġija, inaqqas il-kontijiet tal-enerġija għall-familji u jsaħħaħ il-kompetittività tal-industrija tal-UE;

P.  billi l-aktar mod effettiv sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet konġunti huwa li jingħataw is-setgħa u l-appoġġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, flimkien mal-partijiet interessati rilevanti kollha, biex ikun applikat approċċ ibbażat fuq sistemi kompletament integrati għall-ippjanar urban, l-iżvilupp tal-infrastruttura, il-bini u r-rinnovazzjoni tal-istokk tal-binjiet u l-iżvilupp industrijali ġdid, sabiex jiġi massimizzat il-potenzjal tal-kollegamenti, tal-effiċjenzi u ta' benefiċċji reċiproċi oħra;

Q.  billi l-effiċjenza fl-enerġija tal-binjiet tiddependi wkoll fuq l-użu ta' sistemi tal-enerġija adegwati; billi l-prinċipji ta' "l-ewwel l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija" u ta' "l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija bħala l-ewwel fjuwil" għandhom jiġu rispettati fis-settur tat-tisħin u t-tkessiħ;

R.  billi objettivi ambizzjużi għal rinnovazzjoni profonda tal-istokk tal-binjiet eżistenti joħolqu miljuni ta' impjiegi Ewropej, speċjalment fl-SMEs, iżidu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u jkollhom rwol vitali sabiex jiżguraw li l-konsum tal-enerġija għat-tisħin u t-tkessiħ ikun minimizzat;

S.  billi l-arkitettura, l-ippjanar urban, id-densità tad-domanda tal-flussi ta' sħana u d-diversità taż-żoni klimatiċi Ewropej u t-tipi ta' binjiet għandhom jitqiesu fl-ippjanar ta' binjiet pubbliċi u residenzjali effiċjenti fl-użu tal-enerġija u b'emissjonijiet baxxi;

T.  billi hemm potenzjal enormi mhux sfruttat għall-użu tas-sħana residwa u tas-sistemi ta' tisħin distrettwali, peress li s-sħana żejda disponibbli fl-Ewropa hija ogħla mid-domanda totali għal sħana fil-binjiet Ewropej kollha, u l-fatt li 50 % tat-total tad-domanda għat-tisħin tal-UE jista' jiġi pprovdut permezz tat-tisħin distrettwali;

U.  billi proporzjon sinifikanti tal-popolazzjoni Ewropea tgħix f'żoni, speċjalment fil-bliet, fejn l-istandards tal-kwalità tal-arja ma jiġux irrispettati;

V.  billi t-tisħin u t-tkessiħ huma mistennija li jibqgħu l-akbar għejun tad-domanda għall-enerġija fl-Ewropa, u billi l-gass naturali u l-LPG huma użati ħafna biex tintlaħaq din id-domanda u l-użu tagħhom jista' jkun ottimizzat permezz tal-ħżin tal-enerġija b'effiċjenza għolja; billi d-dipendenza kontinwa fuq il-fjuwil fossili tmur kontra l-obbligi tal-UE dwar il-klima u l-enerġija u l-għanijiet ta' dekarbonizzazzjoni;

W.  billi bħalissa hemm differenzi kbar fl-ispiża annwali fuq l-enerġija għal skopijiet ta' tisħin bejn id-diversi żoni klimatiċi fl-Ewropa, b'medja ta' 60 sa 90 kWh/m2 fil-pajjiżi Ewropej tan-Nofsinhar u 175 sa 235 kWh/m2 fl-Ewropa Ċentrali u tat-Tramuntana;

X.  billi l-użu ta' soluzzjonijiet ta' tisħin u tkessiħ effiċjenti għandu potenzjal sinifikanti biex jistimula l-iżvilupp tas-setturi industrijali u tas-servizzi Ewropej, partikolarment fis-settur tal-enerġija rinnovabbli, u l-ħolqien ta' valur miżjud ogħla fir-reġjuni remoti u rurali;

Y.  billi l-enerġija saret assi soċjali, li l-aċċess għaliha irid ikun garantit; billi, madankollu, mhux iċ-ċittadini kollha jista' jkollhom aċċess għall-enerġija, minħabba li hemm iktar minn 25 miljun persuna fl-Ewropa li għandhom diffikultajiet serji biex jagħmlu dan;

Z.  billi l-politiki dwar l-effiċjenza fl-enerġija għandhom jiffokaw fuq l-aktar modi kosteffettivi biex itejbu r-rendiment tal-bini billi jnaqqsu d-domanda għat-tisħin u/jew jikkollegaw il-binjiet ma' alternattivi b'effiċjenza għolja;

AA.  billi l-livell baxx ta' għarfien fost il-konsumaturi dwar in-nuqqas ta' effikaċja tas-sistemi ta' tisħin huwa wieħed mill-fatturi li għandhom l-akbar impatt fuq il-kontijiet tal-enerġija;

AB.  billi d-djar li jkollhom iżolazzjoni termali tajba huma ta' benefiċċju kemm għall-ambjent kif ukoll għall-utent, li jgawdi minn kontijiet irħas tal-enerġija;

AC.  billi 72 % tad-domanda għat-tisħin u għat-tkessiħ minn djar għal familja b'persuna waħda qed tiġi kkunsmata f'żoni urbani jew intermedji;

AD.  billi soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura, bħall-veġetazzjoni tat-triq iddisinjata sew, soqfa u ħitan ekoloġiċi li jipprovdu iżolazzjoni u dell għall-bini, inaqqsu d-domanda għall-enerġija billi jillimitaw il-ħtieġa għat-tisħin u għat-tkessiħ.

AE.  billi 85 % tal-enerġija kkunsmata fil-bini hija użata għat-tisħin ta' spazju u għall-produzzjoni ta' ilma sħun u 45 % tat-tisħin u tat-tkessiħ fl-UE jintuża fis-settur residenzjali;

AF.  billi l-industrija, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali, għandha rwol importanti x'taqdi f'użu aħjar tat-tisħin u t-tkessiħ residwi;

AG.  billi, bħala medja, l-Ewropej jonfqu 6 % tan-nefqa fuq il-konsum tagħhom fuq it-tisħin u t-tkessiħ u 11 % ma jistgħux jaffordjaw li jżommu d-djar tagħhom sħan biżżejjed fix-xitwa;

AH.  billi s-settur tat-tkessiħ għad irid jiġi analizzat b'mod aktar bir-reqqa, kif ukoll jiġi kkunsidrat aktar, fl-istrateġija tal-Kummissjoni u fil-politiki tal-Istati Membri;

AI.  billi huwa importanti li jiġu promossi studji dwar l-iffrankar tal-enerġija f'binjiet storiċi sabiex jiġi ottimizzat ir-rendiment tal-enerġija, fejn ikun possibbli, filwaqt li jiġi żgurat li l-wirt kulturali jkun imħares u salvagwardjat;

1.  Jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Strateġija tal-UE dwar it-Tisħin u t-Tkessiħ” bħala pass importanti biex jingħata approċċ olistiku li jittrasforma t-tisħin u t-tkessiħ fl-Unjoni Ewropea, u li jidentifika oqsma prijoritarji ta' azzjoni; japprova bis-sħiħ l-ambizzjoni tal-Kummissjoni li tirrikonoxxi u tisfrutta s-sinerġiji bejn is-setturi tal-elettriku u tat-tisħin, bil-għan li tikseb settur effiċjenti li jżid is-sigurtà tal-enerġija u jiffaċilita l-kisba kosteffettiva tal-miri tal-klima u tal-enerġija tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra s-setturi tat-tisħin u t-tkessiħ bħala parti mit-tfassil tas-suq Ewropew tal-enerġija;

2.  Jirrimarka l-ħtieġa li jittieħdu flimkien miżuri speċifiċi għat-tisħin u t-tkessiħ meta tiġi riveduta d-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija (2012/27/UE), id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (2009/28/KE) u d-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija (2010/31/UE);

3.  Iqis li l-Istrateġija dwar it-tisħin u t-tkessiħ għandha tikkunsidra dawn iż-żewġ neċessitajiet b'mod indaqs, billi tqis li l-Ewropa għandha żoni klimatiċi differenti u li l-ħtiġijiet f'termini ta' użu tal-enerġija jvarjaw skont il-każ;

4.  Jenfasizza li l-istrateġija dwar it-tisħin u t-tkessiħ għandha tagħti prijorità lil soluzzjonijiet sostenibbli u kosteffiċjenti li jippermettu lill-Istati Membri jilħqu l-miri tal-politika dwar il-klima u l-enerġija tal-UE; jinnota li s-setturi tat-tisħin u t-tkessiħ tal-Istati Membri jvarjaw ħafna minħabba d-differenzi fit-taħlitiet tal-enerġija tagħhom, fil-kundizzjonijiet tal-klima, fl-effiċjenza tal-istokk tal-bini u l-intensità tal-industrija, u jenfasizza, għalhekk, li għandha tiġi żgurata l-flessibbiltà fl-għażla ta' strateġija ta' soluzzjonijiet adegwati;

5.  Jappella biex jiġu żviluppati fil-livell nazzjonali strateġiji sostenibbli għat-tisħin u t-tkessiħ li jagħtu attenzjoni speċjali lis-sħana u l-enerġija kkombinati, lill-koġenerazzjoni, lit-tisħin u t-tkessiħ distrettwali, ibbażati preferibbilment fuq sorsi tal-enerġija rinnovabbli, kif dikjarat fl-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija;

6.  Jinnota li effiċjenza għolja fl-enerġija, iżolazzjoni termali ta' prestazzjoni għolja u l-użu ta' sorsi tal-enerġija rinnovabbli u ta' sħana rkuprata huma prijoritajiet fundamentali għal-istrateġija tal-UE dwar it-tisħin u t-tkessiħ; iqis, għalhekk, li l-prinċipju "l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel" għandu jkun irrispettat, billi l-effiċjenza fl-enerġija tirrappreżenta waħda mill-ogħla rati ta' redditu finanzjarju kif ukoll waħda mill-aktar rapidi disponibbli u hija parti essenzjali tal-istrateġija biex tinkiseb tranżizzjoni b'suċċess lejn settur tat-tisħin u tat-tkessiħ sikur, reżiljenti u intelliġenti;

7.  Jinnota li sistema ta' enerġija aktar deċentralizzata u flessibbli, b'sorsi ta' enerġija u ta' sħana mqiegħda eqreb lejn il-punt tal-konsum, tista' tiffaċilita l-ġenerazzjoni deċentralizzata tal-enerġija u b'hekk tagħti s-setgħa lill-konsumaturi u l-komunitajiet biex ikunu aktar involuti fis-suq tal-enerġija u jikkontrollaw l-użu tagħhom tal-enerġija, kif ukoll tippermettilhom isiru parteċipanti attivi fir-rispons għad-domanda; huwa tal-fehma li aktar ma tkun qasira l-katina li permezz tagħha l-enerġija primarja tiġi konvertita f'forom oħrajn biex tiġġenera sħana li tista' tintuża, aktar tkun effiċjenti l-enerġija tas-sistema tal-enerġija ġenerali; jirrikonoxxi, barra minn hekk, li tali approċċ inaqqas it-telf mit-trażmissjoni u d-distribuzzjoni, ittejjeb ir-reżiljenza tal-infrastruttura tal-enerġija, u simultanjament jipprovdi opportunitajiet ta' negozju lokali għall-SMEs;

8.  Jenfasizza l-komplementarjetajiet bejn il-leġislazzjoni dwar l-ekodisinn u dik dwar it-tikkettar tal-enerġija, fuq naħa waħda, u d-Direttivi dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija u dwar ir-Rendiment tal-Bini, min-naħa l-oħra, sabiex jitnaqqas il-konsum tat-tisħin u tat-tkessiħ; iqis li l-apparat domestiku (magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ, dishwashers, eċċ) għandhom ikunu l-aktar effiċjenti possibbli u jiġu ddisinjati b'tali mod li jkunu jistgħu jużaw il-provvista tal-ilma sħun fil-post fejn huma installati; jemmen, għalhekk, li l-politiki ta' rekwiżiti dwar l-ekodisinn u dwar it-tikketti tal-enerġija għandhom jiġu riveduti u mtejba regolarment, sabiex jinkiseb iffrankar addizzjonali tal-enerġija u titjieb il-kompetittività, permezz ta' prodotti aktar innovattivi u spejjeż tal-enerġija mnaqqsa;

9.  Ifakkar li t-tisħin u t-tkessiħ jikkostitwixxu l-akbar sehem tad-domanda għall-enerġija tal-UE; jenfasizza l-importanza tar-rispett tal-prinċipju tan-newtralità teknoloġika bejn is-sorsi rinnovabbli attwalment disponibbli u l-inċentivi bbażati fuq is-suq u fuq l-istat fit-tranżizzjoni lejn provvista tal-enerġija sikura u b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju għas-settur tat-tisħin u t-tkessiħ;

10.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' qafas favorevoli għall-kerrejja u dawk li jgħixu f'bini b'ħafna abitazzjonijiet, biex huma jkunu jistgħu jibbenefikaw ukoll mill-awtoġenerazzjoni u l-konsum ta' tisħin u tkessiħ rinnovabbli u minn miżuri ta' effiċjenza fl-enerġija, u b'hekk jiġu indirizzati l-isfidi ta' inċentivi maqsuma u regoli tal-kera li xi drabi jistgħu jkunu restrittivi;

11.  Jenfasizza r-rwol fundamentali tat-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli, inkluż l-użu ta' bijomassa sostenibbli, ta' enerġija aerotermali, ġeotermali u solari, u taċ-ċelloli fotovoltajċi f'kombinazzjoni ma' batteriji elettriċi, biex isaħħnu l-ilma u jipprovdu tisħin u tkessiħ fil-bini, konġuntament ma' faċilitajiet ta' ħżin termali li jistgħu jintużaw biex jikkumpensaw fuq bażi ta' kuljum jew fuq livell staġjonali; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu inċentivi għall-promozzjoni u l-użu ta' dawn it-teknoloġiji; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod sħiħ id-direttivi attwali dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija u dwar ir-Rendiment tal-Bini, inklużi r-rekwiżiti tal-nZEB (Nearly Zero Energy Buildings - Binjiet b'Konsum tal-Enerġija Kważi Żero) u l-istrateġiji ta' rinnovazzjoni fit-tul, b'kont meħud tal-ħtieġa li jiġi mmobilizzat biżżejjed investiment għall-modernizzazzjoni tal-istokkijiet tal-bini tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta viżjoni għall-UE kollha tal-istokk ta' nZEB sal-2050;

12.  Iqis li l-kwistjonijiet dwar is-sigurtà tal-enerġija fl-UE fil-parti l-kbira jikkonċernaw is-sigurtà tal-provvista tat-tisħin; iqis, għalhekk, li d-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija hija ta' importanza kbira u jistieden lill-Kummissjoni tesplora modi biex tkompli tappoġġja u taċċellera aktar l-użu ta' teknoloġiji tat-tisħin rinnovabbli;

13.  Iqis li l-użu ta' riżorsi ta' mmappjar għal finijiet ta' tisħin, soluzzjonijiet arkitettoniċi xierqa, l-aħjar prattiki għall-ġestjoni tal-faċilitajiet u prinċipji tad-disinn urban, inklużi soluzzjonijiet tan-netwerk fil-livell urban bħat-tisħin u t-tkessiħ urban, fl-ippjanar ta' żoni residenzjali u kummerċjali sħaħ għandu jkun il-bażi għal kostruzzjoni effiċjenti fl-enerġija u b'emissjonijiet baxxi fid-diversi żoni klimatiċi fl-Ewropa; jenfasizza li bini mibni b'materjal b'iżolazzjoni tajba għandu livell għoli ta' kapaċità ta' ħażna termali, li jirriżulta f'iffrankar sinifikanti għat-tisħin u għat-tkessiħ;

14.  Jenfasizza li d-domanda għall-enerġija fis-settur tal-bini hija responsabbli għal madwar 40 % tal-konsum tal-enerġija fl-UE u terz tal-użu tal-gass naturali, u tista' titnaqqas b'sa tliet kwarti jekk ir-rinnovazzjoni tal-bini titħaffef; jenfasizza li 85 % ta' dan il-konsum tal-enerġija jintuża għat-tisħin u l-ilma sħun domestiku, u li għaldaqstant, il-modernizzazzjoni ta' sistemi tat-tisħin qodma u ineffiċjenti, użu akbar tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli, użu aħjar ta' "sħana residwa" permezz ta' sistemi tat-tisħin distrettwali effiċjenti ħafna, u rinnovazzjoni fil-fond tal-bini permezz ta' iżolazzjoni termali mtejba, għadhom ferm importanti għal approċċ iktar sigur u sostenibbli għall-provvista tas-sħana; jirrakkomanda li jitkomplew jiżdiedu l-standards tal-effiċjenza tal-enerġija għall-bini, bil-kunsiderazzjoni u l-inkoraġġiment tal-innovazzjoni teknika, partikolarment biex tkun żgurata l-omoġeneità tal-iżolazzjoni; jirrakkomanda wkoll li jitkomkla l-appoġġ għall-kostruzzjoni ta' nZEB;

15.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji fit-tul tat-tisħin u t-tkessiħ ibbażati fuq approċċ integrat, immappjar armonizzat u l-valutazzjoni magħmula skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija; jenfasizza li l-istrateġija għandha tidentifika l-oqsma ta' prijorità għal intervent u tippermetti l-ottimizzazzjoni tal-ippjanar urban tal-enerġija; jistieden lill-Kummissjoni tassisti lill-Istati Membri f'dan l-eżerċizzju billi telabora gwida ġenerali għal strateġiji nazzjonali dwar it-tisħin u t-tkessiħ;

16.  Jiġbed l-attenzjoni lejn l-effett ekonomiku ta' rinnovazzjoni u tal-iżolazzjoni tal-bini, li sikwit jirriżulta fi spejjeż tat-tisħin u t-tkessiħ sa 50 % anqas, u jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi kofinanzjament adegwat għal inizjattivi mmirati lejn ir-rinnovazzjoni tad-djar u l-blokki ta' appartamenti pubbliċi b'livelli baxxi ta' effiċjenza tal-enerġija;

17.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiżviluppa ġabra ta' miżuri sabiex tiffaċilita r-rinovazzjoni f'binjiet b'ħafna appartamenti; iqis li għandhom ikunu żviluppati għodod armonizzati u komprensivi anki fl-ippjanar tal-enerġija tal-ibliet li jippermettu l-identifikazzjoni tal-potenzjal lokali tat-tisħin u t-tkessiħ, rinnovazzjoni mtejba u integrata tal-bini, u l-iżvilupp ta' infrastruttura għat-tisħin u t-tkessiħ;

18.  Itenni l-importanza li jiġu żviluppati skemi tal-UE li jipprovdu inċentivi għal modifiki retroattivi effiċjenti fl-użu tal-enerġija tal-binjiet, djar pubbliċi u djar soċjali, u għall-kostruzzjoni ta' bini ekoloġiku ġdid, li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti legali minimi;

19.  Jenfasizza l-karattru lokali u l-potenzjal tat-tisħin u t-tkessiħ; jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jiffaċilitaw aktar termomodernizzazzjoni permezz tar-rinnovazzjoni tal-binjiet pubbliċi, kummerċjali u residenzjali eżistenti b'livell baxx ta' prestazzjoni tal-enerġija; jenfasizza l-importanza ta' movimenti bħall-Patt tas-Sindki, li jippermettu l-kondiviżjoni tal-għarfien u l-aħjar prattiki;

20.  Jenfasizza l-ħtieġa li jsir immappjar tal-potenzjal lokali tat-tisħin u t-tkessiħ madwar l-Ewropa, sabiex il-bliet ikunu jistgħu jidentifikaw aħjar ir-riżorsi lokalment disponibbli, li jippermettulhom jikkontribwixxu biex tiżdied l-indipendenza fl-enerġija tal-UE, tingħata spinta lit-tkabbir u l-kompetittività permezz tal-ħolqien ta' impjiegi lokali li ma jistgħux jiġu esternalizzati, u tiġi pprovduta enerġija nadifa u bi prezz affordabbli għall-konsumaturi;

21.  Jitlob lill-awtoritajiet lokali jivvalutaw il-potenzjal ta' tisħin u tkessiħ eżistenti kif ukoll il-ħtiġijiet tat-tisħin u t-tkessiħ fil-ġejjieni, filwaqt li jqisu l-potenzjal ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli disponibbli lokalment, l-enerġija termali mill-koġenerazzjoni u l-volumi tat-tisħin distrettwali;

22.  Jemmen li għandha titwaqqaf sistema ta' finanzjament attraenti għall-unitajiet domestiċi li jinsabu barra minn żoni b'sistemi ċentralizzati ta' tisħin u tkessiħ, biex jiġu promossi teknoloġiji ġodda għat-tisħin tad-djar bl-użu ta' sorsi tal-enerġija rinnovabbli;

23.  Jistieden lill-awtoritajiet lokali jindirizzaw il-problemi speċifiċi tal-bini f'inħawi rurali, li għandu t-tendenza jkun aktar antik, anqas effiċjenti fl-użu tal-enerġija, anqas ta' benefiċċju għas-saħħa, u li għandu t-tendenza li jipprovdi anqas kumdità termali;

24.  Iqis li aktar ma tkun qasira l-katina li permezz tagħha l-enerġija primarja tiġi konvertita f'forom oħra biex tiġi ġġenerata sħana li tista' tintuża, aktar ikun hemm effiċjenza fl-enerġija, u, filwaqt li jqis il-medda wiesgħa ta' kundizzjonijiet klimatiċi u oħrajn tal-Unjoni, jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi strumenti teknoloġikament newtrali li jippermettu lil kull komunità tiżviluppa soluzzjonijiet kosteffiċjenti biex tnaqqas l-intensità tal-karbonju tas-settur tat-tisħin u t-tkessiħ;

25.  Jinnota li waqt li l-oqfsa regolatorji tal-UE jservu biex jenfasizzaw objettivi wesgħin, huwa l-progress reali li huwa essenzjali sabiex jirrivoluzzjonizza t-tisħin u t-tkessiħ bħala parti minn riforma usa' tas-sistema tal-enerġija;

26.  Jenfasizza li l-għodod u l-kapaċitajiet politiċi tal-UE għadhom mhumiex żviluppati biżżejjed biex jixprunaw it-trasformazzjoni tas-settur tat-tisħin u t-tkessiħ, biex jimmassimizzaw l-użu tal-potenzjalitajiet jew biex jimplimentaw soluzzjonijiet għat-tnaqqis tad-domanda u għad-dekarbonizzazzjoni fid-daqs u bil-pass meħtieġa;

27.  Jenfasizza l-importanza ta' netwerks ta' enerġija distrettwali li joffru alternattiva għal sistemi ta' tisħin individwali li jniġġsu aktar, minħabba li dan huwa mezz partikolarment effiċjenti u kosteffettiv biex jipprovdi tisħin u tkessiħ sostenibbli, l-integrazzjoni ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli u s-sħana u l-kesħa rkuprati, u l-ħżin tal-elettriku żejjed f'ħinijiet ta' konsum baxx, biex b'hekk tingħata l-flessibbiltà lill-grilja; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi integrat sehem akbar tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, filwaqt li jitqies li aktar minn 20 % tat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali huwa diġà ġġenerat mill-enerġija rinnovabbli, f'konformità mal-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija, li jeħtieġ valutazzjonijiet komprensivi tal-potenzjal ta' tisħin u tkessiħ distrettwali effiċjenti; jappella għall-modernizzazzjoni u l-estensjoni tas-sistemi ta' tisħin distrettwali eżistenti sabiex jaqilbu għal sorsi alternattivi tal-enerġija rinnovabbli u b'effiċjenza għolja; iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi finanzjarji u fiskali biex iħeġġu l-iżvilupp u l-użu ta' tisħin u tkessiħ distrettwali, u biex jindirizzaw l-ostakoli regolatorji;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta serjament il-valutazzjonijiet komprensivi tal-Istati Membri tal-potenzjal għall-koġenerazzjoni u t-tisħin distrettwali skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija, sabiex dawn il-pjanijiet jirriflettu l-potenzjal ekonomiku reali ta' dawn is-soluzzjonijiet u jipprovdu bażi soda għal politiki konformi mal-objettivi tal-UE;

29.  Jenfasizza li fl-agglomerazzjonijiet urbani b'densità għolja huwa imperattiv li l-użu ta' sistemi individwali jew sistemi ta' tisħin/tkessiħ distrettwali ineffiċjenti u mhux sostenibbli jiġu gradwalment sostitwit minn sistemi ta' tisħin/tkessiħ distrettwali effiċjenti jew jiġu mmodernizzati bl-aktar teknoloġiji ta' tisħin/tkessiħ avvanzati, u ssir qalba għal sistemi ta' koġenerazzjoni lokali b'effiċjenza għolja u għal alternattivi rinovabbli;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi, fl-inizjattivi tagħha dwar id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli u d-disinn tas-suq, miżuri li jikkontribwixxu għal sistema tal-enerġija aktar effiċjenti u flessibbli billi tintegra aħjar is-sistemi tal-elettriku, tat-tisħin u tat-tkessiħ;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi qafas Ewropew komuni li jippromwovi u jipprovdi ċertezza legali fir-rigward tal-awtoġenerazzjoni, b'mod partikolari billi jħeġġeġ u jappoġġja kooperattivi tal-viċinat li jużaw sorsi tal-enerġija rinnovabbli;

32.  Jappella għall-iżvilupp ta' indikatur tad-domanda għall-enerġija għat-tisħin u t-tkessiħ għall-binjiet fil-livell nazzjonali;

33.  Jitlob approċċ strateġiku biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 tad-domandi industrijali għat-tisħin u t-tkessiħ, permezz tat-titjib tal-effiċjenza tal-proċessi, is-sostituzzjoni tal-fjuwils fossili b'sorsi sostenibbli u l-integrazzjoni tal-industriji fl-ambjent ta' enerġija termali tal-madwar;

34.  Jenfasizza l-potenzjal enormi li jitlaqqgħu flimkien il-flussi tal-enerġija u tar-riżorsi biex jiġi ffrankat l-użu tal-enerġija primarja, speċjalment fl-ambjenti industrijali, fejn, skont is-sistema ta' kaskata, is-sħana jew il-kesħa żejda minn proċess wieħed jistgħu jintużaw mill-ġdid fi proċess ieħor li jkun jirrikjedi temperaturi anqas estremi, u, fejn possibbli, għat-tisħin u t-tkessiħ tal-binjiet permezz ta' sistemi ta' tisħin distrettwali;

35.  Jinnota li l-impjanti tat-tisħin antikwati b'effiċjenza baxxa fl-enerġija għandhom b'mod urġenti jiġu sostitwiti bl-aqwa alternattivi disponibbli li huma kompatibbli bis-sħiħ mal-objettivi tal-klima u l-enerġija tal-UE, bħal impjanti ta' koġenerazzjoni li jirrispettaw aktar l-ambjent billi jużaw fjuwils sostenibbli skont il-kriterji ta' sostenibilità għall-bijomassa;

36.  Jinnota li t-tisħin u t-tkessiħ huma settur lokali ħafna, billi d-disponibbiltà u l-infrastruttura, kif ukoll id-domanda għas-sħana, jiddependu essenzjalment fuq iċ-ċirkustanzi lokali;

37.  Jaqbel mal-Kummissjoni li, kif mistqarr fl-istrateġija dwar it-tisħin u t-tkessiħ, il-potenzjal ekonomiku tal-koġenerazzjoni mhuwiex sfruttat, u jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jkomplu jippromwovu koġenerazzjoni u t-tisħin distrettwali b'effiċjenza għolja, f'konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija (COM(2015)0572);

38.  Huwa tal-fehma li jinħtieġ approċċ fil-livell tas-sistemi fir-rigward tat-tkessiħ, inkluż għall-ambjent mibni u attivitajiet oħrajn, bħar-refriġerazzjoni għat-trasport;

39.  Jesprimi l-fehma li, fiż-żona ta' klima moderata tal-Ewropa, is-sistemi li jalternaw billi jsaħħnu u jkessħu bl-użu ta' pompi tas-sħana effiċjenti jista' jkun importanti ħafna f'ċerti kundizzjonijiet, minħabba l-flessibilità tagħhom; jenfasizza li sistemi ta' tisħin ibridi, li jipprovdu s-sħana minn żewġ sorsi tal-enerġija jew aktar, jistgħu jiffaċilitaw rwol dejjem akbar tat-tisħin bl-użu ta' enerġija rinnovabbli, b'mod partikolari għal binjiet eżistenti fejn jistgħu jiġu introdotti bi ħtiġijiet limitati għal tiġdid; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu, fir-rigward tal-pompi tas-sħana, metodi ta' kalkolu allinjati b'mod adegwat, u jippromwovu l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki għall-mekkaniżmi ta' appoġġ, bil-għan li jkun ta' sostenn għal soluzzjonijiet effiċjenti, sostenibbli u b'livelli baxxi ta' emissjonijiet ta' karbonju għal ħtiġijiet termali diversi;

40.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib il-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar gassjiet fluworurati b'effett ta' serra bil-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' dawn il-gassijiet fl-atmosfera; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-użu ta' refriġeranti alternattivi jkun sikur, kosteffiċjenti u b'konformità mal-objettivi l-oħra tal-UE li jirrigwardaw l-ambjent, it-tibdil fil-klima u l-effiċjenza fl-enerġija;

41.  Huwa tal-fehma li l-Istati Membri għandhom jesploraw il-possibbiltà li jużaw is-sħana minn ilmijiet ġeotermali, minn enerġija rkuprata direttament minn proċessi industrijali u minn sorsi oħra tas-sħana b'temperatura aktar baxxa, bħas-sħana li tinsab fil-minjieri f'fond il-baħar għat-tisħin (u t-tkessiħ), li tista', bis-saħħa ta' pompi kbar ħafna tas-sħana, issaħħan bliet sħaħ permezz tan-netwerks eżistenti u ġodda tat-tisħin distrettwali, u mhux biss binjiet individwali, jekk infrastruttura xierqa tat-tisħin distrettwali tkun disponibbli jew tiġi żviluppata;

42.  Jenfasizza r-rwol tat-teknoloġiji li kapaċi jnaqqsu kemm id-domanda għall-enerġija termali kif ukoll l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, bħall-użu ta' enerġija ġeotermali b'entalpija baxxa, sistemi ta' tisħin u tkessiħ distrettwali bbażati fuq sorsi tal-enerġija rinnovabbli, impjanti fuq skala żgħira ta' triġenerazzjoni jew koġenerazzjoni tal-elettriku li jaħarqu gass naturali u/jew bijometan, jew kombinazzjonijiet tagħhom;

43.  Jesprimi l-fehma li l-faċilitajiet tal-ħżin tas-sħana li jużaw reżistenza elettrika matul is-sigħat tad-domanda kwieti (jiġifieri billi jaħżnu l-enerġija fil-forma ta' sħana), biex b'hekk itejbu l-kwalità tal-provvista tal-elettriku billi jiffaċilitaw l-integrazzjoni ta' sorsi rinnovabbli varjabbli, jistgħu jaqdu rwol importanti ħafna fit-tisħin u jgħinu jibbilanċjaw il-grilja u jnaqqsu l-produzzjoni, l-importazzjonijiet u l-prezzijiet tal-enerġija;

44.  Huwa tal-fehma li s-sħana u l-kesħa residwa miksuba permezz tal-proċessi industrijali u tal-koġenerazzjoni fil-produzzjoni tal-enerġija elettrika f'impjanti tal-enerġija konvenzjonali, minn bini residenzjali iżolati sewwa li jużaw metodi ta' rkupru, u mill-mikroġenerazzjoni, għandu jkollhom rwol ħafna akbar fit-tisħin u t-tkessiħ milli kellhom fl-imgħoddi; jenfasizza li l-isfruttament tas-sħana u l-kesħa residwa industrijali għandu jiġi rikonoxxut u mħeġġeġ permezz tar-riċerka, billi din tirrappreżenta opportunità kbira għall-investiment u l-innovazzjoni; jenfasizza li l-industriji u l-bini residenzjali u tas-servizzi fil-qrib għandhom jitħeġġew jikkooperaw u jikkondividu l-produzzjoni u l-ħtiġijiet tal-enerġija tagħhom;

45.  Jenfasizza li l-finanzjament pubbliku jew is-sjieda pubblika ta' infrastruttura tat-tisħin distrettwali m'għandhomx jikkontribwixxu għal lock-in għali tal-infrastruttura b'livell għoli ta' karbonju; jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali jwettqu skrutinju tal-appoġġ finanzjarju pubbliku għall-infrastruttura ta' tisħin distrettwali fid-dawl tal-objettiv tal-UE ta' tnaqqis ta' 80-95 % tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effettt ta' serra sal-2050 meta mqabbla mal-livelli tal-1990 u transizzjoni ordnata tal-ekonomija tal-enerġija.

46.  Huwa tal-fehma li l-integrazzjoni tal-produzzjoni, tal-konsum u tal-użu mill-ġdid tal-kesħa residwa toħloq benefiċċji ambjentali u ekonomiċi u tnaqqas id-domanda tal-enerġija primarja għall-kesħa.

47.  Jenfasizza li l-"iskart għall-enerġija" se jibqa' jkollu rwol sinifikanti fit-tisħin peress li l-alternattiva spiss hija r-rimi f'miżbla u l-użu tal-fjuwils fossili, filwaqt li jfakkar li hemm ħtieġa għal iżjed riċiklaġġ;

48.  Jistieden lill-Istati Membri jużaw il-mezzi legali u ekonomiċi biex jaċċelleraw it-tneħħija gradwali tal-fran skaduti li jaħdmu bil-fjuwils solidi li joperaw b'effiċjenza fl-enerġija ta' anqas minn 80 % u jissostitwuhom, fejn possibbli, b'sistemi effiċjenti u sostenibbli tat-tisħin fil-livell lokali (bħalma huma s-sistemi ta' tisħin distrettwali) jew fil-livell mikro (bħalma huma l-enerġija ġeotermali u s-sistemi solari);

49.  Jirrimarka li l-introduzzjoni ta' sistemi ta' tisħin intelliġenti tista' tgħin lill-konsumaturi jifhmu aħjar il-konsum tal-enerġija tagħhom u jgħinu fit-tiġdid tas-sistemi ta' tisħin ineffiċjenti, u jippromwovu l-iffrankar tal-enerġija;

50.  Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li 75 % tal-istokk tal-binjiet Ewropew eżistenti huwa binjiet ineffiċjenti fl-enerġija, u li l-estimi juru li 90 % ta' dawn il-binjiet se jkunu għadhom jintużaw sal-2050; jenfasizza għalhekk il-ħtieġa urġenti li dawn il-binjiet ikunu fil-mira ta' rinnovazzjoni profonda;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni tfassal pjan, bħala parti mill-programm "skart għall-enerġija", biex tippromwovi u tisfrutta l-kontribut potenzjali tal-użu sostenibbli tal-iskart organiku għat-tisħin u t-tkessiħ konness ma' sistemi ta' tisħin u tkessiħ distrettwali;

52.  Jenfasizza li l-bijogass jirrappreżenta sors sostenibbli għal sistemi ta' tisħin u tkessiħ, u li, għal din ir-raġuni jeħtieġ li tiġi stabbilita mira ċara fir-rigward tar-riċiklaġġ organiku sabiex jiġu inċentivati investimenti fil-ġbir u t-trattament tal-bijoskart;

53.  Jistieden lill-Istati Membri jneħħu gradwalment l-użu ta' fran skaduti għal skopijiet ta' tisħin li jiġġeneraw emissjonijiet li jibqgħu fil-baxx u jitfgħu fl-atmosfera gassijiet pirolitiċi naturali minn kombustjoni mhix kompluta, NOx, ġmied, materja partikolata u rmied li jtir imxerrdin permezz tal-konvezzjoni – fit-tisħin tal-agglomerazzjonijiet, u jippromwovu, bis-saħħa ta' inċentivi, l-użu ta' alternattivi sostenibbli – inklużi dawk rinnovabbli;

54.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex ineħħu gradwalment il-fran u l-bojlers li mhumiex effiċjenti fl-użu tal-enerġija u li jużaw żejt għat-tisħin u faħam li attwalment jintużaw f'aktar minn nofs l-istokk tal-binjiet fil-kampanja; huwa tal-fehma li l-provvista tal-enerġija għandha tiġi minn sorsi rinnovabbli u b'livelli aktar baxxi ta' karbonju;

55.  Jenfasizza li t-tisħin distrettwali bbażat fuq l-enerġija rinnovabbli jipprevjeni l-firxa ta' sistemi ta' tisħin individwali li jniġġsu aktar, li jżidu t-tniġġis tal-arja f'żoni residenzjali u li huma ferm aktar diffiċli li jiġu kkontrollati minn sistemi mifruxa ta' tisħin distrettwali; jenfasizza, madanakollu, li l-infrastruttura u l-kundizzjonijiet klimatiċi jvarjaw fl-Unjoni u li dawn is-sistemi sikwit jeħtieġ li jiġu modernizzati sabiex tiżdied l-effiċjenza tagħhom; jitlob għalhekk li ssir analiżi tal-ħtieġa li tiġi appoġġjata l-infrastruttura tat-tisħin distrettwali u ta' prattiki ta' tassazzjoni fir-rigward tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli u tat-tisħin distrettwali;

56.  Huwa tal-fehma li l-Istati Membri għandhom, bħala kwistjoni ta' urġenza, jieħdu passi lejn it-tneħħija gradwali tal-fran b'temperatura baxxa użati għall-kombustjoni ta' fjuwils solidi u skart organiku, li, waqt il-proċess ta' kombustjoni, jitfgħu fl-atmosfera varjetà ta' sustanzi dannużi; huwa tal-fehma li l-Istati Membri għandhom, meta jkun possibbli, jinkoraġġixxu t-tneħħija gradwali ta' fireplaces qodma u ineffiċjenti li jaħarqu l-injam fi bliet b'densità ta' bini għolja, u jiffaċilitaw is-sostituzzjoni tagħhom b'alternattivi moderni, effiċjenti u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u lis-saħħa, flimkien ma' inizjattivi biex titqajjem kuxjenza dwar ir-riskji potenzjali għas-saħħa u l-aħjar prattiki rigward in-nar bl-injam;

57.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħlqu l-lakuna regolatorja li tirriżulta mid-Direttiva dwar l-Ekodisinn u d-Direttiva dwar l-Impjanti tal-Kombustjoni Medji li twassal għal rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' installazzjonijiet ta' anqas minn 1 MW li jaqgħu barra mill-ambitu tad-Direttivi;

58.  Huwa tal-fehma li l-ħtieġa li qed tikber għat-tkessiħ teħtieġ kunsiderazzjoni ulterjuri ta' din il-kwistjoni, inkluż approċċ integrat għall-katina sħiħa tat-tkessiħ – mid-domanda għal tkessiħ industrijali minn temperaturi għoljin għal tkessiħ fl-unitajiet domestiċi u l-ħtiġijiet tat-tkessiħ fl-industrija tal-ikel;

59.  Jinnota li d-disponibbiltà ta' data ta' kwalità hija prekundizzjoni biex il-konsumaturi u l-awtoritajiet ikunu jistgħu jagħmlu għażliet razzjonali dwar l-effiċjenza fl-enerġija u s-soluzzjonijiet ta' tisħin; jenfasizza l-importanza li l-possibbiltajiet li toffri d-diġitalizzazzjoni jiġu estiżi għas-settur tat-tisħin u t-tkessiħ; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa definizzjoni u metodoloġija ta' kalkolu, għat-tkessiħ rinnovabbli;

60.  Iqis li l-iskambjaturi tas-sħana li jkun effiċjenti fl-użu tal-ilma jista' jkollhom rwol fundamentali fit-tkessiħ fil-proċessi industrijali, billi jittrasferixxu s-sħana għal korpi ta' ilma naturali lokalizzati viċin is-siti fejn jinħażnu l-prodotti, li t-temperatura tagħhom ma taqbiżx is-6 ºC matul is-sena kollha (tkessiħ bla ħlas);

61.  Huwa tal-fehma li ċ-ċelloli fissi tal-fjuwil ta' potenza għolja jistgħu, fil-futur qrib, ikunu alternattiva li tirrispetta l-ambjent għall-faħam bħala fjuwil solidu;

62.  Iqis li l-gass miksub mill-elettriku għandu potenzjal qawwi għall-futur bħala mod ta' ħżin u trażmissjoni ta' enerġija rinnovabbli u biex din l-enerġija tintuża għal skopijiet ta' ġenerazzjoni tas-sħana ċentrali u lokali; josserva li l-użu tal-gass miksub mill-elettriku huwa mod effiċjenti ta' kif tintuża l-enerġija rinnovabbli għall-ġenerazzjoni tas-sħana, b'mod partikulari fil-konurbazzjonijiet, bis-saħħa tal-possibbiltà li tintuża l-infrastruttura eżistenti; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, jippromwovu proġetti ta' riċerka u proġetti pilota dwar il-gass bl-elettriku;

63.  Jemmen li l-istrateġija tal-Unjoni Ewropea dwar it-tisħin u t-tkessiħ innovattivi teħtieġ riċerka intensiva li tipprovdi bażi għall-ħolqien ta' industriji li jagħmlu tagħmir li jirrispetta l-ambjent li jservi dan l-iskop;

64.  Jenfasizza l-benefiċċji tar-riċerka u l-innovazzjoni teknoloġika għall-industrija Ewropea, li jsaħħu l-vantaġġ kompetittiv u l-vijabbiltà kummerċjali tagħha, kif ukoll jikkontribwixxu lejn l-għanijiet tal-enerġija u tal-klima tal-UE; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa ta' aktar riċerka, żvilupp u innovazzjoni fil-qasam tal-effiċjenza fl-enerġija u fit-teknoloġiji tat-tisħin u t-tkessiħ b'enerġija rinnovabbli (RHC), bl-għan li jitnaqqsu l-ispejjeż, titjieb il-prestazzjoni u jiżdied l-użu u l-integrazzjoni fis-sistema tal-enerġija; jistieden lill-Kummissjoni taħdem flimkien mal-partijiet interessati tas-settur biex il-pjanijiet direzzjonali għat-teknoloġiji RHC jinżammu aġġornati u sabiex ikun hemm koordinazzjoni, traċċar u identifikazzjoni tan-nuqqasijiet fl-iżvilupp tat-Teknoloġiji RHC;

65.  Huwa tal-fehma li, fid-dawl tal-ħtieġa urġenti li jinkisbu riżultati rapidi u effettivi fil-proċess ta' termomodernizzazzjoni tas-settur termali tal-UE, l-UE għandha tiffoka fuq ir-riċerka biex iżżid l-użu tal-aħjar teknoloġiji disponibbli fil-mument;

66.  Huwa tal-fehma li r-riċerka taħt il-Programm Qafas Orizzont 2020 għandha tkopri l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet sostenibbli tat-tisħin u t-tkessiħ, teknoloġiji ta' valorizzazzjoni tas-sħana u l-kesħa żejda, materjali ġodda b'konduttività termali massima (skambjaturi tas-sħana), konduttività minima – jiġifieri reżistenza termali massima (iżolazzjoni termali), u rati massimi ta' akkumulazzjoni tas-sħana (ħażniet ta' sħana);

67.  Huwa tal-fehma li għandu jsir progress taħt il-Programm Qafas Orizzont 2020 dwar is-sistemi u l-materjali għat-tisħin u t-tkessiħ sostenibbli u effiċjenti, bħas-soluzzjonijiet ta' ġenerazzjoni rinnovabbli u ħażna fuq skala żgħira, is-sistemi tat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali, il-koġenerazzjoni u l-materjali iżolanti, kif ukoll materjali innovattivi bħall-ħġieġ tat-twieqi strutturali li jħalli li jidħlu minn barra livelli għoljin ta' radjazzjoni short-wave (dawl tax-xemx) u jħalli li toħroġ biss minimu ta' radjazzjoni long-wave termali, li inkella taħrab 'il barra;

68.  Jenfasizza l-importanza ta' riċerka xjentifika estensiva dwar l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet teknoloġiċi innovattivi ddisinjati biex joħolqu tagħmir u sistemi sħaħ ta' tisħin u ta' tkessiħ li jkunu effiċjenti fl-enerġija u bbażati fuq l-enerġija rinnovabbli;

69.  Jitlob li jsir rieżami tal-leġiżlazzjoni eżistenti li jiffoka fuq is-salvagwardja tan-newtralità tat-teknoloġija u l-kosteffiċjenza sabiex jiġi żgurat li ma tippromwovix jew ma tiskreditax teknoloġija askapitu ta' oħra – l-enerġija rinnovabbli prodotta fuq il-post, bħal permezz tal-pannelli solari residenzjali, jew qrib bini pereżempju, għandha titqies meta tiġi kkalkolata l-prestazzjoni enerġetika tal-bini, irrispettivament mis-sors;

70.  Jenfasizza l-importanza li ssir għaqda bejn it-teknoloġiji l-aktar avvanzati u l-ġestjoni tal-enerġija intelliġenti, pereżempju permezz tal-awtomatizzazzjoni domestika u sistemi ta' kontroll intelliġenti tat-tisħin, speċjalment f'dinja konnessa fejn l-apparat jista' faċilment jadatta għall-kundizzjonijiet tat-temp u s-sinjali tal-prezzijiet tal-elettriku u jikkontribwixxu għall-istabbiltà tal-grilja billi jassorbu parti mid-domanda; jistieden lill-Kummissjoni tintegra b'mod aħjar it-teknoloġiji intelliġenti fl-inizjattivi rilevanti tal-Unjoni tal-Enerġija sabiex tiżgura l-interkonnettività tat-tagħmir intelliġenti, id-djar konnessi u l-bini intelliġenti ma' grilji intelliġenti; huwa tal-fehma li dawn is-soluzzjonijiet għandhom jiġu promossi meta jkun qed jiġi rinnovat l-istokk tal-binjiet eżistenti peress li jgħinu lill-konsumaturi jifhmu aħjar it-tendenzi ta' konsum tagħhom, u b'konsegwenza jaġġustaw l-operat tas-sistema ta' tisħin tagħhom;

71.  Jenfasizza li s-settur tal-bini għandu potenzjal kbir fit-tnaqqis tad-domanda għall-enerġija u fl-emissjonijiet tas-CO2; jenfasizza li jinħtieġu sforzi ulterjuri biex tiżdied ir-rata ta' rinnovazzjoni tal-bini; jinnota li inċentivi finanzjarji attraenti, id-disponibbiltà ta' esperti b'livell għoli ta' kompetenza f'bosta livelli, u l-iskambju u l-promozzjoni tal-aħjar prattiki huma meħtieġa biex dan jinkiseb;

72.  Jistieden lill-Kummissjoni tidentifika u tneħħi l-ostakli li fadal għall-miżuri ta' effiċjenza fl-enerġija, b'mod partikolari r-rinnovazzjonijiet mill-unitajiet domestiċi, u tiżviluppa suq ġenwin fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija sabiex trawwem it-trasferiment tal-aħjar prattiki u tiżgura d-disponibbiltà tal-prodotti u s-soluzzjonijiet madwar l-UE bl-għan li jinbena suq uniku reali fil-prodotti u s-servizzi tal-effiċjenza fl-enerġija; jenfasizza l-ħolqien tal-impjiegi u l-potenzjal ta' tkabbir ekonomiku mhux biss tal-introduzzjoni inizjali ta' tali prodotti u servizzi iżda wkoll tal-manutenzjoni kontinwa u t-tħaddim ta' kuljum ta' sistema tal-enerġija integrata li tinkludi t-tisħin u t-tkessiħ;

73.  Jemmen li l-industrija teħtieġ sinjali ċari minn dawk li jfasslu l-politika sabiex tagħmel l-investimenti meħtieġa fil-kisba tal-objettivi tal-enerġija tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa ta' miri vinkolanti ambizzjużi u qafas regolatorju li jippromwovi l-innovazzjoni mingħajr ma jinħolqu piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa, sabiex jiġu promossi bl-aħjar mod soluzzjonijiet tat-tisħin u t-tkessiħ li jkunu kosteffiċjenti u ambjentalment sostenibbli;

74.  Jemmen li l-investiment fl-effiċjenza fl-Enerġija fil-bini għandu jimxi id f'id mal-investiment fit-teknoloġiji tat-tisħin u t-tkessiħ b'enerġija rinnovabbli (RHC); iqis is-sinerġiji li jeżistu bejn l-effiċjenza fl-enerġija fil-bini u t-teknoloġiji RHC jippreżentaw opportunità sinifikanti fil-mixja lejn ekonomija b'livell baxx ta' karbonju; jilqa' l-isforzi fil-livell nazzjonali biex jiżdied l-għadd ta' nZEBs;

75.  Jirrakkomanda li jitfasslu sistemi individwali ta' tiġdid termali għal siti b'wirt arkitettoniku, b'enfasi doppja fuq l-investimenti fil-qafas tal-bini flimkien mal-ottimizzazzjoni tal-kontroll tal-bini u s-sistemi ta' awtomazzjoni u l-provvista ta' tisħin u tkessiħ effiċjenti, filwaqt li tingħata attenzjoni sabiex l-istil arkitettoniku uniku tal-binjiet ikkonċernati ma jiġix ipperikolat;

76.  Jinnota li d-disinn arkitettoniku ta' bini intelliġenti għandu jieħu approċċ olistiku biex jiżgura kumdità termali (tkessiħ) permezz tal-forma u l-massa tal-binjiet, l-adattament tal-ispazji u l-aġġustament ta' parametri bħall-ammont ta' dawl tax-xemx u l-intensità tal-ventilazzjoni u l-irkupru, filwaqt li fl-istess ħin ikun hemm spejjeż operattivi baxxi;

77.  Jenfasizza l-importanza ta' awditjar standardizzat tal-enerġija termali, u tal-kosteffikaċja tar-rimedjar tal-problemi bl-iżolazzjoni industrijali biex tiġi ffrankata l-enerġija u jitnaqqsu l-emissjonijiet. jirrimarka li l-ispejjeż tal-enerġija industrijali jistgħu jkomplu jitnaqqsu permezz ta' investimenti f'teknoloġiji sostenibbli eżistenti u ppruvati.

78.  Jenfasizza li l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej huma għodda importanti għall-immodernizzar tas-sistema tal-enerġija; huwa tal-fehma li r-restrizzjonijiet li kien hemm fis-seħħ s'issa fuq il-finanzjament tal-FEŻR għall-prijorità tat-tranżizzjoni lejn livell baxx tal-karbonju ma kinux effettivi; iqis li, għall-perjodu ta' programmazzjoni ta' wara l-2020, il-perċentwal tal-baġit allokat għal din il-prijorità għandu jiżdied;

79.  Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat l-aċċess għall-finanzi, kemm għal żmien qasir kif ukoll fit-tul, għal investimenti fi proġetti ta' kull daqs relatati mal-immodernizzar tas-settur tat-tisħin u t-tkessiħ, inkluż għat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali, l-aġġornar tal-infrastruttura rilevanti tal-grilja, il-modernizzazzjoni tas-sistemi ta' tisħin, inkluża l-qalba għal sorsi rinnovabbli, u żieda fir-rata tar-rinnovazzjoni tal-bini; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tiżviluppa mekkaniżmu finanzjarju fit-tul robust u innovattiv; jenfasizza r-rwol li l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (EFSI) u fondi Ewropej oħra applikabbli, bħal dawk disponibbli mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) jew permezz tas-sistema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (ETS), jista' jkollu f'termini ta' għajnuna finanzjarja u teknika, jiżgura li l-proġetti jkunu attraenti għall-investituri billi joffru kundizzjonijiet regolatorji stabbli, partikolarment billi tiġi minimizzata l-burokrazija u jiġi mħaddan proċess espedjenti ta' applikazzjoni u approvazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ id-dispożizzjonijiet attwali dwar it-tisħin u t-tkessiħ għall-perjodu ta' programmazzjoni ta' wara l-2020 għal fondi Ewropej kollha applikabbli, u telimina l-ostakli li jxekklu lill-awtoritajiet lokali milli jallokaw riżorsi utli lir-rinnovazzjoni tal-binjiet pubbliċi; jappoġġja l-inizjattiva "finanzjament intelliġenti għall-binjiet intelliġenti", li tippromwovi użu akbar tal-effiċjenza fl-enerġija flimkien ma' sorsi ta' enerġija rinnovabbli fis-settur tal-bini; jemmen li l-modernizzazzjoni u l-iżolazzjoni termali tal-binjiet għandhom jieħdu prijorità fuq miżuri oħra f'termini ta' aċċess għall-finanzjament minħabba l-potenzjal enormi tagħhom għall-ħolqien tal-impjiegi;

80.  Itenni l-ħtieġa li l-Fondi Strutturali jintużaw għal firxa usa' ta' titjib tal-bini u tas-sistema tal-bini, speċjalment fil-forma ta' self preferenzjali lil sidien tal-binjiet privati li jiffaċilita rieda ħafna aktar b'saħħitha għal tiġdid ferm meħtieġ fuq binjiet eżistenti, speċjalment fil-partijiet anqas żviluppati tal-UE;

81.  Jenfasizza li biex jiġi stimulat titjib fis-settur tat-tisħin u t-tkessiħ, il-Kummissjoni għandha tuża bis-sħiħ "il-kondizzjonalitajiet ex ante" previsti bl-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, u tiżgura li l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE b'miżuri rilevanti dwar it-tisħin u t-tkessiħ tiġi trasposta u implimentata b'mod adegwat;

82.  Iqis li l-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat għal teknoloġiji effiċjenti – li huma indispensabbli għat-triq tas-settur tat-tisħin u t-tkessiħ lejn id-dekarbonizzazzjoni, speċjalment billi huma soluzzjonijiet ibbażati fuq il-komunità – għandhom iqisu l-ħtieġa ta' appoġġ pubbliku xieraq;

83.  Huwa tal-fehma li inizjattivi bħalma huma l-faċilità ELENA (Assistenza Ewropea għall-Enerġija Lokali), il-Bliet u l-Komunitajiet Intelliġenti, u l-Patt il-ġdid integrat tas-Sindki dwar il-Klima u l-Enerġija jistgħu jappoġġjaw lill-operaturi lokali u reġjonali fir-rinnovazzjoni tas-sistemi tal-enerġija fil-binjiet;

84.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-baġit tal-UE jintuża b'konformità mal-għanijiet ta' dekarbonizzazzjoni u ta' effiċjenza fl-enerġija;

85.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri maħsuba sabiex jinċentivizzaw titjib fl-effiċjenza fl-enerġija u l-użu usa' ta' sorsi tal-enerġija rinnovabbli (RES) f'unitajiet domestiċi b'introjtu baxx u vulnerabbli; jistieden lill-Kummissjoni talloka sehem akbar tal-fondi tal-UE għall-effiċjenza fl-enerġija u għal programmi RES f'unitajiet domestiċi vulnerabbli u foqra fl-enerġija, u tipprovdi gwida lill-Istati Membri dwar miżuri speċifiċi dwar il-faqar enerġetiku;

86.  Iqis li ċ-ċittadini għandhom jingħataw informazzjoni aħjar dwar il-konsum tal-enerġija tad-djar rispettivi tagħhom, u dwar l-iffrankar tal-enerġija possibbli u l-benefiċċji tal-aġġornamenti bbażata fuq sorsi ta' enerġija rinnovabbli tas-sistemi tat-tisħin tagħhom, inkluża l-possibbiltà li jipproduċu u jikkunsmaw l-enerġija rinnovabbli tagħhom stess għat-tisħin u t-tkessiħ;

87.  Huwa tal-fehma li l-Istati Membri għandhom jiżguraw – permezz ta', fost l-oħrajn, kampanji ta' informazzjoni, one-stop shops, skemi ta' xiri kollettiv (għajnuna sabiex il-konsumaturi jingħaqdu flimkien biex jixtru bi prezzijiet imraħħsa) u l-aggregazzjoni ta' proġetti individwali (li bosta proġetti żgħar jinġiebu flimkien fi cluster akbar biex ikunu jistgħu jsibu investimenti b'rati aħjar) – li l-konsumaturi jkunu konxji bis-sħiħ tal-benefiċċji ekonomiċi u teknoloġiċi tas-sistemi aktar sostenibbli tat-tisħin u tat-tkessiħ, u ta' titjib fl-effiċjenza fl-enerġija, u għandhom aċċess għalihom, sabiex ikunu jistgħu jagħmlu l-aħjar għażliet possibbli skont iċ-ċirkustanzi individwali tagħhom, u li jibbenefikaw mit-titjib ekonomiku, ta' saħħa u tal-kwalità tal-ħajja disponibbli; jinnota li l-unitajiet domestiċi f'postijiet remoti u iżolati jistgħu jirrikjedu attenzjoni partikolari u soluzzjonijiet uniċi; jenfasizza l-potenzjal tal-"prosumaturi" sabiex jiġu stabbiliti sistemi li jipprovdu tisħin u tkessiħ b'enerġija rinnovabbli; jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni kontinwa, tat-taħriġ, iċ-ċertifikazzjoni u s-superviżjoni ta' installaturi u l-periti, billi dawn huma l-ewwel punt ta' kuntatt għall-konsumaturi fid-djar;

88.  Iqis li t-taħriġ kontinwu tal-esperti li jivvalutaw il-kundizzjoni termali tal-bini u l-effiċjenza tal-mod kif jissaħnu (jitkessħu) huwa essenzjali; jemmen li qed jinħass il-bżonn ta' gruppi ta' servizz li jkunu jinsabu f'postijiet ottimali u jkunu aċċessibbli għall-utenti aħħarin;

89.  Jenfasizza l-importanza li l-konsumaturi jingħataw il-libertà li jagħżlu minn għadd ta' teknoloġiji tat-tisħin b'effiċjenza għolja u li jużaw enerġija minn sorsi rinnovabbli li jissodisfaw bl-aħjar mod il-ħtiġijiet ta' tisħin personali tagħhom;

90.  Jenfasizza li għalhekk jeħtieġ li l-konsumaturi, permezz ta' informazzjoni u inċentivi, ikunu jistgħu jħaffu l-modernizzazzjoni tas-sistemi qodma u ineffiċjenti tat-tisħin tagħhom sabiex jiksbu żidiet kbar fl-effiċjenza tal-enerġija, li diġà jistgħu jinkisbu permezz tal-użu tat-teknoloġiji eżistenti, inklużi sistemi tat-tisħin rinnovabbli; jiġbed l-attenzjoni għan-nuqqas ta' għarfien fost il-konsumaturi dwar il-prestazzjoni sikwit baxxa tas-sistemi tat-tisħin tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti li jgħinu biex tiżdied il-kuxjenza dwar sistemi eżistenti ta' tisħin u ta' tkessiħ, u li jżidu r-rata ta' modernizzazzjoni tagħhom, fil-kuntest tar-reviżjoni li jmiss tad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija; u tikkunsidra li tintroduċi sistema ta' tikkettar tal-enerġija għal sistemi tat-tisħin installati;

91.  Jenfasizza r-rwol attiv li l-konsumaturi jista' jkollhom fit-triq lejn sistema Ewropea sostenibbli ta' tisħin u tkessiħ; huwa tal-fehma li riżultat effiċjenti tar-regolament il-ġdid dwar it-"tikkettar enerġetiku", fejn l-iskali tat-tikketti l-ġodda jħarsu 'l quddiem u jenfasizzaw id-differenzi f'termini ta' effiċjenza fl-enerġija tal-prodotti differenti li għandhom jiġu enfasizzati, jista' jagħmilha aktar faċli għall-konsumaturi biex jindirizzaw l-għażliet tagħhom f'termini ta' ffrankar tal-enerġija, u biex inaqqsu l-kontijiet tagħhom;

92.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri ifasslu strateġiji speċifiċi sabiex jindirizzaw il-problema dejjem tikber tal-faqar enerġetiku sabiex jgħinu lill-konsumaturi kollha, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli, itejbu l-kundizzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-abitazzjoni u s-sistemi tat-tisħin u t-tkessiħ, fuq bażi individwali jew kollettiva, irrispettivament jekk dawn ikunux is-sidien tad-dar jew l-inkwilini;

93.  Jenfasizza l-ħtieġa li jinkiseb livell għoli ta' indipendenza enerġetika permezz tal-użu prijoritarju tar-riżorsi lokali;

94.  Jappella sabiex is-sħana residwa minn intrapriżi industrijali eżistenti tintuża għat-tisħin domestiku;

95.  Huwa tal-fehma li s-soluzzjoni għall-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku hija li jitnaqqsu l-ispejjeż tat-tisħin ġenerali għall-unitajiet domestiċi individwali billi jiġi żgurat li jkun hemm żieda sinifikanti fl-effiċjenza tal-enerġija fit-tliet stadji ewlenin tal-użu tal-enerġija: waqt il-konverżjoni minn enerġija primarja għal enerġija utli, matul it-trasport ulterjuri ta' dik l-enerġija u, b'mod partikolari, waqt l-użu mill-utent aħħari; jistieden lill-Istati Membri jagħtu prijorità reali lill-miżuri dwar l-effiċjenza fl-enerġija u l-qalba lejn tisħin u tkessiħ minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli;

96.  Iqis li huwa importanti li jiġi żgurat li sehem tal-finanzjament tal-effiċjenza fl-enerġija jiġi ddedikat għat-titjib ta' unitajiet domestiċi b'faqar enerġetiku jew għal dawk li jgħixu fiż-żoni l-iktar żvantaġġati, billi, pereżempju, jiġu megħjuna jinvestu f'tagħmir tat-tisħin u t-tkessiħ iktar effiċjenti fl-enerġija;

97.  Jemmen li skont id-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu pjanijiet ta' rinnovazzjoni tal-bini bil-ħsieb li jagħmlu l-binjiet effiċjenti fl-enerġija, mhux l-anqas billi joffru inċentivi għar-rinnovazzjoni tal-binijiet li jkunu proprjetà ta' individwi privati, u li tali pjanijiet għandhom jinkludu wkoll miżuri speċifiċi għall-gruppi l-aktar vulnerabbli biex jiġu mgħejuna jiġġieldu l-faqar enerġetiku;

98.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, meta tkun qed timplimenta d-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija, tiżviluppa taħriġ għall-professjonisti fl-oqsma tal-ippjanar u l-awditjar tal-effiċjenza fl-enerġija, u tgħin lil individwi privati, u b'mod partikolari lill-gruppi l-aktar vulnerabbli, iwettqu attivitajiet ta' dan it-tip;

99.  Jissottolinja li filwaqt li proporzjon kbir tal-binjiet Ewropej illum jaħlu l-enerġija minħabba l-kwalità ħażina tal-iżolament tagħhom u s-sistemi ta' tisħin qodma u ineffiċjenti tagħhom, il-faqar enerġetiku jaffettwa kważi 11 % tal-popolazzjoni tal-UE;

100.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali, fid-dawl tal-possibbiltà ta' kriżijiet futuri fil-provvista tal-gass, biex jintegraw bis-sħiħ il-produzzjoni tal-bijogass mill-ipproċessar tad-demel fl-implimentazzjoni tal-ekonomija ċirkolari.

101.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P7_TA(2014)0094.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104.
(3) Testi adottati, P8_TA(2015)0266.
(4) Testi adottati, P8_TA(2015)0444.
(5) "L-Effiċjenza Enerġetika u l-kontribut tas-sigurtà tal-enerġija u l-Qafas 2030 għall-politika dwar il-klima u l-enerġija", Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea (2014) (COM(2014)0520).


Nsaħħu l-kompetittività tal-SMEs
PDF 364kWORD 61k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2016 dwar l-implimentazzjoni tal-objettiv tematiku "nsaħħu l-kompetittività tal-SMEs" (Artikolu 9(3) tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni) (2015/2282(INI))
P8_TA(2016)0335A8-0162/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 9(3) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-objettiv tematiku dwar it-tisħiħ tal-kompetittività tal-SMEs,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 dwar strumenti finanzjarji sostnuti mill-Fondi SIE,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-15 ta' April 2014 dwar proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fi Programm ta' Riċerka u Żvilupp immexxi b'mod konġunt minn diversi Stati Membri, li għandu l-għan li jappoġġja lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju li jwettqu attivitajiet ta’ riċerka(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Frar 2013 dwar it-titjib tal-aċċess għall-finanzi għall-SMEs(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Mejju 2015 dwar opportunitajiet ta' tkabbir ekoloġiku għall-SMEs(3),

–   wara li kkunsidra l-programm COSME għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju,

–  wara li kkunsidra l-Istħarriġ tal-Ewrobarometru dwar l-SMEs, l-effiċjenza fir-riżorsi u s-swieq ekoloġiċi (Flash Eurobarometer 381), u l-Istħarriġ tal-Ewrobarometru dwar ir-rwol ta' appoġġ pubbliku għall-kummerċjalizzazzjoni tal-innovazzjonijiet (Flash Eurobarometer 394),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Diċembru 2008 dwar il-passi favur it-titjib tal-ambjent għall-SMEs fl-Ewropea – l-Att dwar l-impriżi ż-Żgħar(4),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Ġunju 2008 bit-titolu "Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir": "Att dwar in-Negozji ż-Żgħar" għall-Ewropa (COM(2008)0394),

–  wara li kkunsidra l-Karta Ewropea għall-Intrapriżi ż-Żgħar, adottata mill-Kunsill Ewropew waqt il-laqgħa tiegħu f'Feira fid-19 u l-20 ta' Ġunju 2000,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2011 dwar l-prattiċi rigward ir-reviżjoni tal-istrumenti tal-UE biex jappoġġjaw lill-SMEs fil-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss(5),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Intrapriżi Żgħar u ta' Daqs Medju (SMEs): kompetittività u opportunitajiet kummerċjali(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Jannar 2014 dwar speċjalizzazzjoni intelliġenti: eċċellenza fin-netwerking għal Politika ta' Koeżjoni soda(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 dwar "Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi: il-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni"(8),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta' Mejju 2003 dwar id-definizzjoni tal-mikrointrapriżi u tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs)(9),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ġunju 2014 intitolata "Ir-riċerka u l-innovazzjoni bħala sorsi ta' tkabbir imġedded" (COM(2014)0339),

–  wara li kkunsidra s-sitt rapport tal-Kummissjoni tat-23 ta' Lulju 2014 dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali bit-titlu, "Investment for jobs and growth",

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2014 intitolata "Pjan ta' Investiment għall-Ewropa" (COM(2014)0903),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2011, bit-titolu "Industrial Policy: Reinforcing competitiveness ("Il-Politika Industrijali: It-tisħiħ tal-kompetittività") (COM(2011)0642),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Novembru 2011 bit-titolu "Negozju Żgħir, Dinja Kbira – sħubija ġdida li tgħin lill-SMEs jaħtfu l-opportunitajiet globali" (COM(2011)0702),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni tat-23 ta' Novembru 2011 bit-titolu "L-imminimizzar tal-piż regolatorju għall-SMEs – L-adattament tar-regolamentazzjoni tal-UE għall-bżonnijiet tal-intrapriżi mikro" (COM(2011)0803),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Frar 2011 bit-titolu "Reviżjoni tal-"Att dwar in-Negozji ż-Żgħar" għall-Ewropa" (COM(2011)0078),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2010 dwar "Politika Reġjonali li tikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti fl-Ewropa 2020" (COM(2010)0553),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu "Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Diċembru 2015 bit-titolu "Ninvestu f'impjiegi u tkabbir – nimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (COM(2015)0639),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-30 ta' Mejju 2013 intitolata "L-eliminazzjoni tad-distakk fl-innovazzjoni"(10),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tas-7 ta' Ottubru 2014 intitolata "Miżuri biex jiġi appoġġjat il-ħolqien ta' ekosistemi ta' start ups tat-teknoloġija avvanzata"(11),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A8-0162/2016),

A.  billi l-politika ta' koeżjoni tirrappreżenta għodda ewlenija għall-investiment fit-tkabbir u l-impjiegi fl-UE, b'baġit ta' aktar minn EUR 350 biljun sal-2020; billi r-riżultati tanġibbli tal-investiment tal-politika ta' koeżjoni jistgħu jgħinu fit-tfassil tat-tkabbir attwali u futur tar-reġjuni fi ħdan l-Istati Membri;

B.  billi, bħala konsegwenza tal-kriżi ekonomika u finanzjarja, il-livelli tal-faqar u l-esklużjoni soċjali żdiedu f'ħafna Stati Membri, kif ukoll il-qgħad fit-tul, il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-inugwaljanzi soċjali, u l-SMEs għalhekk jistgħu jkollhom rwol rilevanti u importanti għall-irkupru tal-Ewropa;

C.  billi t-23 miljun intrapriża żgħira u ta' daqs medju (SMEs) fl-UE, li jirrappreżentaw madwar 99 % tan-negozji kollha, jagħtu kontribut fundamentali għat-tkabbir ekonomiku, il-koeżjoni soċjali, l-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi ta' livell għoli, u jipprovdu iktar minn 100 miljun impjieg li jiġġeneraw 2 minn kull 3 impjiegi fis-settur privat, u jżommu d-doppju tar-rata ta' tkabbir tal-impjiegi ta' intrapriżi pjuttost kbar; billi 13 % tal-SMEs Ewropej biss huma involuti f'attivitajiet kummerċjali u investimenti fis-swieq globali;

D.  billi l-SMEs Ewropej huma varjati ħafna u jinkludu għadd vast ta' mikrointrapriżi bbażati fil-livell lokali, li ta' spiss joperaw fis-setturi tradizzjonali, u għadd dejjem jikber ta’ start-ups ġodda u intrapriżi innovattivi li qed jikbru b'rata mgħaġla, kif ukoll intrapriżi tal-ekonomija soċjali ffokati fuq miri u gruppi speċifiċi; billi dawn il-mudelli kummerċjali għandhom problemi differenti u, għaldaqstant, ħtiġijiet differenti; billi s-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea, nazzjonali u reġjonali hija kruċjali biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-kreditu għall-SMEs;

E.  billi l-SMEs huma estremament adattabbli għat-tibdil u kapaċi sew iżommu l-pass mal-progress teknoloġiku;

F.  billi l-mikrokreditu, intiż fil-parti l-kbira għal mikroimprendituri u persuni żvantaġġjati li jixtiequ jidħlu f'impjieg għal rashom, huwa kruċjali biex jingħelbu ostakli fl-aċċess għal servizzi bankarji tradizzjonali u billi JASMINE (Azzjoni Konġunta għas-Sostenn tal-Istituzzjonijiet Mikrofinanzjarji fl-Ewropa) u l-assi tal-Mikrofinanzjament u l-Intraprenditorija Soċjali ta’ EaSI jistgħu jipprovdu appoġġ validu biex jitjieb l-aċċess għall-finanzi, inkluż għall-intrapriżi soċjali;

G.  billi l-Politika ta' Koeżjoni fil-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 ipprovdiet EUR 70 biljun ta' appoġġ għall-SMEs, u ħolqot aktar minn 263 000 impjieg tal-SME, u għenet lill-SMEs jiġu mmodernizzati permezz ta' aktar użu tal-ICT, ħiliet ta' aċċess, innovazzjoni jew l-immodernizzar ta’ prattiki tax-xogħol;

H.  billi l-Politika ta' Koeżjoni fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 ser tagħti appoġġ ulterjuri lill-SMEs billi tiġi rduppjata l-għajnuna 2007-2013 għal EUR 140 biljun;

I.  billi l-objettiv tematiku bl-isem "It-titjib tal-kompetittività tal-SMEs" (TO 3) huwa wieħed mill-objettivi tematiċi bl-ogħla persentaġġ ta' finanzjament globali (13.9 %) u huwa ta' importanza primarja sabiex jinkisbu l-objettivi tal-politika ta' koeżjoni u l-Istrateġija Ewropa 2020;

J.  billi l-SMEs li jkunu eliġibbli għal fondi SIE, li joperaw f'ambjent kompetittiv u jħabbtu wiċċhom ma' firxa wiesgħa ta' restrizzjonijiet, inklużi l-limitazzjonijiet tal-likwidità, qed ikunu partikolarment affettwati mill-komplessità u l-instabilità tar-regoli u minħabba l-burokrazija involuta, b'mod partikolari l-fatt li l-ispejjeż amministrattivi huma għalkollox sproporzjonati għall-fondi allokati, iż-żmien li jittieħed biex jiġu pproċessati l-applikazzjonijiet ta' finanzjament u l-ħtieġa li jiġu avvanzati l-fondi;

K.  billi l-introduzzjoni ta' konċentrazzjoni tematika fil-politika ta' koeżjoni għall-perjodu 2014-2020 ipprovdiet għodda effettiva għat-tfassil ta' programmi operattivi b'konċentrazzjoni aħjar fuq il-prijoritajiet ta' investiment, sabiex ikun hemm riżorsi suffiċjenti biex isiru impatti reali;

L.  billi l-ftehimiet ta' sħubija u l-programmi operattivi previsti fl-Artikoli 14, 16 u 29 tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni huma għodod strateġiċi li jiggwidaw l-investimenti fl-Istati Membri u fir-reġjuni;

M.  billi l-SMEs se jiżguraw li l-produzzjoni industrijali tirrappreżenta sehem ta' mill-inqas 20 % tal-PDG tal-Istati Membri sal-2020;

N.  billi perċentwal żgħir biss tal-SMEs Ewropej bħalissa huma kapaċi jidentifikaw u jisfruttaw l-opportunitajiet offruti mill-kummerċ internazzjonali, il-ftehimiet kummerċjali u l-katini ta' valur globali, u 13 % biss tal-SMEs Ewropej kienu attivi fil-livell internazzjonali barra l-UE matul l-aħħar tliet snin;

O.  billi l-proċess ta' internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs għandu jserraħ fuq ir-responsabilità soċjali korporattiva, fuq ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ħaddiema u fuq l-ogħla livell possibbli ta' protezzjoni tal-ambjent, sabiex jiġu żgurati l-kompetizzjoni ġusta u żieda fl-impjiegi ta' kwalità;

1.  Jinnota li, permezz ta' konċentrazzjoni tematika, il-programmi operattivi ġew immirati aħjar lejn għadd limitat ta' objettivi strateġiċi, b'mod partikolari f'termini tat-tisħiħ tat-tkabbir u l-potenzjal ta' ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità għolja għall-SMEs, inklużi l-mikrointrapriżi; iqis li l-SMEs huma l-ixprun ewlieni tal-ekonomija Ewropea u huma kruċjali għas-suċċess tal-Politika ta' Koeżjoni, iżda li ta' spiss jiffaċċjaw sfidi multipli minħabba d-daqs tagħhom; jirrakkomanda, għalhekk, li jkompli jissaħħaħ l-appoġġ mill-Fondi SIE diretti lejn SMEs;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw il-valur miżjud ta' proġetti tal-SMEs għall-iżvilupp u l-innovazzjoni f'setturi tradizzjonali, peress li dan mhux biss jistimola l-ħolqien tal-impjiegi, iżda jżomm ukoll l-ispeċifiċitajiet lokali u reġjonali tan-negozju, filwaqt li jirrispetta l-prinċipju ta' sussidjarjetà; jenfasizza l-ħtieġa li jitqies ukoll il-kuntest ta' setturi bħal dawn u biex ma jiġix disturbat il-bilanċ delikat bejn t-tekniki ta' produzzjoni bbażati fuq l-għarfien tradizzjonali u l-innovazzjoni; jirrimarka li xi SMEs għandhom rwol importanti fis-settur tas-servizzi, li bħalissa għaddej minn bidla sinifikanti bħala riżultat tad-diġitalizzazzjoni, u għalhekk iqis li n-nuqqas ta' kompetenzi fir-rigward ta' ħiliet tal-ICT għandu jiġi ttrattat billi ssir enfasi aktar qawwija fuq it-taħriġ u l-edukazzjoni elevanti;

3.  Jenfasizza li jeżisti bżonn ġenerali ta' mekkaniżmi li jgħinu biex jiġi ssimplifikat l-ambjent tan-negozju u jitħaffef il-proċess ta' twaqqif ta' negozji ġodda permezz ta' REFIT biex tiġi appoġġjata l-kompetittività tal-SMEs u l-assorbiment tal-Fondi SIE; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jiġu sodisfatti l-kundizzjonalitajiet ex ante;

4.  Jitlob lill-Kummissjoni tqis il-prinċipji tal-pakkett dwar l-ekonomija ċirkolari fl-implimentazzjoni ta' TO 3, sabiex jiġi promoss tkabbir ekonomiku aktar sostenibbli u jiġu ġġenerati impjiegi ġodda ta' kwalità għolja għall-SMEs, b'attenzjoni speċjali għall-promozzjoni ta' impjiegi ħodor; jemmen, f'dan ir-rigward, li huwa importanti li jitkomplew l-isforzi għall-promozzjoni tal-kompetittività ekoloġika tal-SMEs permezz tat-titjib tal-aċċess għall-finanzjament, l-għoti ta' iżjed informazzjoni, is-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni, it-tnaqqis tal-burokrazija, il-promozzjoni tal-koeżjoni elettronika u t-tisħiħ ta' kultura ta' negozji ekoloġiċi; jinnota, barra minn hekk, li katina tal-valur iktar ekoloġika, li tinvolvi manifattura mill-ġdid, tiswija, manutenzjoni, riċiklaġġ u disinn ekoloġiku, tista' tipprovdi opportunitajiet kummerċjali konsiderevoli għal bosta SMEs, sakemm tibdil fl-imġiba ekonomika u l-ostakli leġiżlattivi, istituzzjonali u tekniċi jitneħħew jew jitnaqqsu;

5.  Jirrimarka li l-problemi li qed jaffaċċjaw l-SMEs huma parzjalment ikkawżati mill-fatt li l-politiki ta' awsterità implimentati mill-Istati Membri ħonqu d-domanda;

6.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali jqisu l-użu tal-opportunitajiet tal-istrumenti finanzjarju; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata t-trasparenza, ir-responsabilità u l-iskrutinju ta' strumenti finanzjarji bħal dawn u tal-programm ta' Inizjattiva tal-SMEs immirati biex jagħtu appoġġ finanzjarju lill-SMEs; jenfasizza li l-istrumenti finanzjarji għandhom jintużaw dejjem b'mod konsistenti mal-objettivi tal-politika ta' koeżjoni, u li għandu jingħata appoġġ tekniku u amministrattiv xieraq;

7.  Jitlob li l-aċċess għall-kreditu jkun simplifikat u inqas regolat , billi jitqiesu l-karatteristiċi partikolari ta' mikrointrapriżi u start ups ġodda u tar-reġjuni fejn joperaw; jiddispjaċih li l-investituri u l-banek ħafna drabi jsibuha bi tqila li jiffinanzjaw negozji fil-fażijiet tal-bidu u tal-espansjoni bikrija tagħhom u li ħafna SMEs, speċjalment impriżi żgħar li għadhom jibdew, sabuha diffiċli biex jiksbu aċċess għal finanzjament estern; jitlob lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali, għalhekk, biex jagħtu attenzjoni partikulari għat-titjib tal-aċċess għall-finanzi għal mikrointrapriżi u negozji ġodda li jkunu jixtiequ javvanzaw; jirrimarka l-ħtieġa li r-rati tal-imgħax isiru ugwali għall-finanzjament tal-SMEs b'rati ta' mgħax għal kumpaniji akbar;

8.  Iqis li n-negozji ż-żgħar Ewropej għandhom it-tendenza li jistrieħu fuq sorsi ta' finanzjament bħall-banek, u mhumiex kompletament konxji mill-eżistenza ta' sorsi addizzjonali ta' finanzjament, jew tal-għażliet finanzjarji tagħhom; jinnota lil-Kummissjoni, fid-dawl tal-frammentazzjoni tas-swieq, ipproponiet sensiela ta' inizjattivi, bħalma huma l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, li huma mmirati lejn id-diversifikazzjoni tas-sorsi ta' finanzjament, il-faċilitazzjoni tal-moviment liberu tal-kapital u titjib fl-aċċess għall-finanzi, b'mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-SMEs;

9.  Jinnota n-nuqqas ta' evidenza dwar l-eżiti u r-riżultati miksuba permezz ta' strumenti finanzjarji u r-rabta deboli bejn dawn l-istrumenti finanzjarji u l-għanijiet u l-prijoritajiet globali tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tkompli ttejjeb il-provvediment ta' għotjiet minflok primarjament il-promozzjoni tal-użu ta' strumenti finanzjarji;

10.  Jinnota li fil-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 bosta ostakli, bħalma huma l-effetti tal-kriżi ekonomika, il-ġestjoni kumplessa tal-fondi strutturali u l-piżijiet amministrattivi, kif ukoll l-aċċess limitat għall-finanzjament għall-SMEs u l-kumplessità tal-implimentazzjoni ta' skemi ta' appoġġ, wassal għal assorbiment insuffiċjenti ta' fondi bħal dawn mill-SMEs; iwissi li r-raġunijiet sottostanti għar-rata baxxa ta' assorbiment jeħtieġ li jiġu indirizzati sabiex tiġi evitata kull eventwalità li l-problemi jirrepetu ruħhom fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, u li l-burokrazija eċċessiva żammet lill-SMEs milli japplikaw għall-fondi disponibbli; jiddispjaċih dwar in-natura wisq ġenerali u inkompleta tal-istudji eżistenti dwar l-effiċjenza u l-impatt reali tal-Fondi SIE fuq l-SMEs u jitlob lill-Kummissjoni biex tħejji rapidament evalwazzjoni ta' din il-kwistjoni, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, u tressaqha quddiem il-Parlament; jenfasizza li kapaċità amministrattiva fqira tista' tfixkel implimentazzjoni b'suċċess u f'waqtha ta' TO 3;

11.  Jinnota l-fatt li l-Kummissjoni qed tagħti aktar attenzjoni lill-governanza tajba u servizzi pubbliċi ta' kwalità għolja; ifakkar fl-importanza li l-SMEs ikollhom struttura tal-akkwist pubbliku trasparenti, konsistenti u innovattiva; iħeġġeġ, għalhekk, li l-ostakoli li jaffaċċjaw l-SMEs meta jitfgħu offerti għall-kuntratti jitneħħew sa fejn hu possibbli, billi jiġu eliminati piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa, filwaqt li jiġi evitat il-ħolqien ta' rekwiżiti addizzjonali fil-livell nazzjonali u bl-implimentazzjoni tal-qafas leġiżlattiv attwali bil-ħsieb li jiġu riżolti t-tilwimiet dwar l-akkwist pubbliku malajr kemm jista' jkun; jilqa' d-Direttiva 2014/24/UE u d-Dokument Ewropew Uniku għall-Akkwist (ESPD), li għandu jnaqqas b'mod konsiderevoli l-piż amministrattiv għall-kumpaniji, b'mod partikolari l-SMEs; jenfasizza l-ħtieġa li titkompla l-applikazzjoni stretta ta' miżuri kontra l-iżbalji u kontra l-frodi mingħajr ma jiżdied il-piż amministrattiv, u biex jiġu simplifikati l-proċeduri amministrattivi sabiex jiġu evitati l-iżbalji; jistieden lill-awtoritajiet aġġudikanti li jixtiequ jirraggruppaw kuntratti flimkien sabiex joqogħdu attenti li ma jeskludux lill-SMEs mill-proċess minħabba l-iskala enormi tal-lott finali, peress li l-kuntratti l-kbar jistgħu jinvolvu aktar kriterji ingombranti;

12.  Itenni t-talba tiegħu biex jitjiebu t-trasparenza u l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet kollha rilevanti, reġjonali u lokali, il-partijiet interessati tas-soċjetà ċivili, l-intraprendituri u partijiet oħra interessati, speċjalment fil-proċess tad-definizzjoni tar-rekwiżiti f'sejħiet għal proposti ta' proġetti sabiex ikunu mmirati aħjar il-ħtiġiet tal-benefiċjarji finali; jenfasizza, għaldaqstant, il-ħtieġa tal-applikazzjoni sħiħa u r-rispett tal-prinċipju ta' sħubija wkoll fl-istadji ta' tfassil, tħejjija u implimentazzjoni tal-ftehimiet ta' sħubija u l-programmi operattivi, kif dettaljat fir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni u l-Kodiċi ta' Kondotta dwar is-Sħubija; jinnota bi tħassib li ħafna organizzazzjonijiet tal-SMEs fl-Istati Membri mhumiex tassew involuti u ħafna drabi jiġu informati mingħajr ma jiġu kkonsultati kif xieraq; jinkoraġġixxi l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw setturi tal-ekonomija orjentati lejn il-futur, sostenibbli u ekoinnovattivi li jinvolvi ruħhom fis-sħubija u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtuhom is-setgħa permezz tal-użu ta' assistenza teknika u bini ta' kapaċitajiet;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li jkun hemm aktar koordinazzjoni u konsistenza fost il-politiki ta' investiment kollha tal-UE mmirati lejn l-SMEs; jinnota li t-tisħiħ tas-sinerġija bejn il-Fondi SIE u politiki oħra u strumenti finanzjarji mmirati lejn l-SMEs se jimmassimizzaw l-impatt tal-investimenti; jilqa' l-pjan biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-Fondi SIE permezz tal-introduzzjoni ta' "siġill ta' eċċellenza" għal proġetti li ġew ivvalutati bħala "eċċellenti" iżda li mhumiex iffinanzjati permezz ta' Orizzont 2020; iħeġġeġ lill-Istati Membri, fi sħubija mal-partijiet interessati ekonomiċi u soċjali rilevanti, sabiex joħolqu jew one-stop-shop fil-livell reġjonali, biex b'hekk jiġu promossi dawk diġà eżistenti, jew pjattaforma kkonsolidata għad-diversi strumenti ta' finanzjament tal-UE mmirati lejn l-SMEs, kif ukoll għal appoġġ amministrattiv għall-preparazzjoni u l-implimentazzjoni tal-proġetti;

14.  Jenfasizza r-rwol li jista' jkollhom l-Investimenti Territorjali Integrati (ITI), l-Iżvilupp Lokali mmexxi mill-Komunità (CLLD), l-istrateġiji makroreġjonali u l-kooperazzjoni territorjali Ewropea b'mod ġenerali fl-implimentazzjoni b'suċċess tal-objettivi ta' TO 3, minħabba li xi proġetti jistgħu jinvolvu żoni transkonfinali, inklużi bosta reġjuni u pajjiżi, u huma kapaċi jiżviluppaw prattiki innovattivi bbażati fuq il-post;

15.  Jinnota li skont l-ewwel evalwazzjoni rilaxxata mill-Kummissjoni l-ammonti allokati għall-appoġġ għall-SMEs żdiedu sostanzjalment meta mqabbel ma' perjodi ta' programmazzjoni preċedenti; jenfasizza li l-Fondi SIE, u b'mod partikolari programmi operattivi li għandhom l-għan li jappoġġjaw ir-riċerka u l-iżvilupp, jistgħu jgħinu lill-SMEs iżidu l-kapaċità tagħhom li jippreżentaw applikazzjonijiet għall-privattivi fl-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi, billi jipprovdu skemi ta' finanzjament vijabbli u faċli għall-utent;

16.  Jiddispjaċih dwar id-dewmien fl-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni matul il-perjodu ta' programmazzjoni attwali; jenfasizza n-natura urġenti ta' aċċess għal finanzi minn SMEs u li, għalkemm il-programmi operattivi kollha issa ġew approvati, l-implimentazzjoni nnifisha għadha fi stadju bikri ħafna; jinnota li d-dewmien joħloq lakuni fl-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa miżuri biex taċċelera t-tneħħija ta' tali dewmien;

17.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex timmonitorja u tinkoraġġixxi l-aċċelerazzjoni tal-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni, b'mod partikolari t-twaqqif ta' proġetti bi tkabbir sostenibbli u l-potenzjal tal-ħolqien tal-impjiegi ta' kwalità, filwaqt li tiffoka wkoll fuq proġetti mnedija f'żoni rurali sabiex jinħolqu servizzi ġodda u tiġi evitata d-depopolazzjoni rurali; jistieden lill-Kummissjoni, fid-determinazzjoni tal-kriterji tal-eliġibilità, biex tqis il-valur miżjud f'termini ekonomiċi u soċjali u l-impatt ambjentali tal-proġetti;

18.  Jenfasizza r-rwol tal-Parlament fis-superviżjoni ta' implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni orjentata lejn ir-riżultati; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika u tnaqqas, fl-aktar stadju bikri possibbli, l-ostakoli li jipprevjenu l-użu effiċjenti ta' fondi għall-SMEs u l-istart ups, sabiex tidentifika sinerġiji potenzjali bejn il-Fondi SIE, u bejn il-Fondi SIE u fondi oħra rilevanti għall-SMEs, u tipprovdi rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal azzjoni u gwida mmirati lejn aktar simplifikazzjoni, monitoraġġ u valutazzjoni tal-użu ta' tali strumenti finanzjarji; jinnota li hemm diffikultajiet akbar f'dan il-qasam, speċjalment fir-reġjuni l-aktar imbiegħda u f'dawk l-oqsma fejn il-kwalità fqira tal-infrastruttura ewlenija twassal għal ammonti baxxi ta' investiment privat;

19.  Jenfasizza l-ħtieġa tad-djalogu strutturat bejn il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Fond Ewropew tal-Investiment biex jittejjeb u jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-SMEs għal sorsi ta' finanzjament diversifikati;

20.  Jenfasizza li l-ostakli ewlenin li qed jipprevjenu l-SMEs milli jkollhom aċċess fuq skala wiesgħa għall-Fondi SIE jinkludu l-piż amministrattiv, numru kbir ta' skemi ta' għajnuna, il-kumplessità tar-regoli u l-proċeduri, id-dewmien fl-introduzzjoni ta' atti eżekuttivi u r-riskju ta' regolamentazzjoni żejda; jitlob lill-Grupp ta' Livell Għoli dwar is-Simplifikazzjoni, għalhekk, iwassal proposti konkreti, b'kunsiderazzjoni wkoll tal-Istrateġija għal Regolamentazzjoni Aħjar, sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv u jiġu ssimplifikati l-proċeduri fil-ġestjoni tal-Fondi SIE mill-SMEs, b'enfasi speċjali fuq ir-rekwiżiti relatati mal-awditu, il-flessibilità tal-ġestjoni, il-valutazzjoni tar-riskju u l-valutazzjoni intermedjarja, is-sistema ta' kontroll u l-koerenza mar-regoli tal-kompetizzjoni u politiki oħra tal-UE; jitlob li tali miżuri ta' simplifikazzjoni jirrispettaw ir-regoli tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar (SBA) ta' "darba biss" u ta' "Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir", u jiġu maħsuba u implimentat f'livelli differenti b'kooperazzjoni ma' rappreżentanti ta' kategoriji differenti ta' SMEs; jistieden lill-Grupp ta’ Livell Għoli (HLG) biex jikkomunika r-riżultati tal-attivitajiet tiegħu lill-Kumitat tal-Parlament għall-Iżvilupp Reġjonali fuq bażi kontinwa u jistieden lill-Kummissjoni tikkonsulta r-rappreżentanti tal-Istati Membri dwar il-kwistjonijiet li jiġu ttrattati mill-HLG;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi kundizzjonijiet għall-għajnuna mill-Istat fil-livell nazzjonali u reġjonali li m'għandhomx jiddiskriminaw kontra l-SMEs u li għandhom ikunu f'konformità mal-appoġġ tal-Politika ta' Koeżjoni għall-intrapriżi, u biex jagħmlu użu sħiħ tal-iskemi ta' għajnuna bbażati fuq Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa, sabiex jonqos il-piż amministrattiv għall-amministrazzjonijiet u l-benefiċjarji u jiżdied l-assorbiment tal-fondi SIE, filwaqt li tiġi ċarata r-rabta bejn ir-regoli dwar il-Fondi SIE għall-SMEs u r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat;

22.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ lill-Istati Membri jiskambjaw dejta, għarfien u l-aħjar prattiki f'dan ir-rigward, filwaqt li jiżguraw rappurtar xieraq u timmotivahom biex jappoġġjaw proġetti b'potenzjal għoli tal-ħolqien tal-impjiegi;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsibu soluzzjoni dejjiema b'mod urġenti għall-pagamenti pendenti relatati mal-politika reġjonali u biex japplikaw b'mod xieraq id-Direttiva dwar il-Ħlasijiet Tard, sabiex jiġi żgurat li l-SMEs, bħala sħab fil-proġett, ma jiġux skoraġġiti milli jipparteċipaw fi programmi ta' appoġġ u proġetti matul il-perjodu attwali ta' programmazzjoni minħabba dewmien fil-ħlas; jinnota wkoll li konformità akbar ma' din id-Direttiva tirrikjedi, inter alia, li l-awtoritajiet pubbliċi jagħmlu pagamenti fi żmien 30 ġurnata għall-oġġetti u s-servizzi li jakkwistaw, tikkontribwixxi għall-ħolqien tal-kundizzjonijiet għall-istabilizzazzjoni u t-tkabbir tal-SMEs;

24.  Jenfasizza li l-istrateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti, għalkemm mhux formalment meħtieġa bħala kundizzjonalitajiet ex ante f'TO 3, huma għodda kruċjali fil-garanzija tal-innovazzjoni u l-adattabilità ta' objettivi tematiċi, u jenfasizza, fl-istess ħin, li dawn l-istrateġiji għandhom jimmiraw mhux biss lejn ix-xjenza u l-innovazzjoni immexxija mit-teknoloġija iżda wkoll bażi l-innovazzjoni mhux ibbażata fuq ix-xjenza; jitlob lill-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament dwar ir-riżultati ta' strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti ddedikati lill-SMEs fil-livell nazzjonali u/jew reġjonali; jenfasizza l-koerenza tal-istrateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti adottati minn kull reġjun bl-ekonomija territorjali relatata, u l-isfida tal-implimentazzjoni tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti f'żoni mhux urbani li jista' ma jkolljomx biżżejjed infrastruttura ta' appoġġ; jilqa' il-kundizzjonalità ex ante relatata mal-SBA f'TO 3 u jistieden lill-Istati Membri jwettqu l-azzjoni meħtieġa u jħaffu l-kisba tal-miri stabbiliti fl-SBA; jappoġġja l-Premju Reġjun Intraprenditorjali Ewropew (EER), bl-għan li jiġu identifikati u ppremjati r-reġjuni tal-UE li għandhom strateġiji intraprenditorjali straordinarji u orjentati lejn il-ġejjieni bl-applikazzjoni ta' għaxar prinċipji tal-SBA;

25.  Jitlob lill-awtoritajiet ta' ġestjoni biex jikkunsidraw il-karatteristiċi u l-kompetenzi speċifiċi ta' territorji individwali, b'enfasi fuq dawk li jbatu minn nuqqas ta' żvilupp, id-depopolazzjoni u rati għoljin ta' qgħad, biex jiġu promossi kemm is-setturi ekonomiċi tradizzjonali kif ukoll dawk innovattivi; jistieden lill-Kummissjoni tfassal programmi speċifiċi li jinkorporaw l-elementi rilevanti kollha ta' tkabbir sostenibbli, intelliġenti u inklużiv għall-SMEs; ifakkar fl-eżistenza tad-disparità bejn is-sessi, kif identifikata fl-SBA, u jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-parteċipazzjoni baxxa kontinwa tan-nisa biex jibdew u jmexxu negozju; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkoraġġixxu l-implimentazzjoni ta' strateġiji speċifiċi biex jappoġġjaw l-intraprenditorija taż-żgħażagħ u nisa fil-kuntest tat-tkabbir ekoloġiku, bħala mod kif jiġu rrikonċiljati t-tkabbir ekonomiku u tal-impjiegi, l-inklużjoni soċjali u l-professjonaliżmu mas-sostenibilità ambjentali;

26.  Jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi pjattaforma parteċipattiva fi ħdan il-baġits eżistenti għad-disseminazzjoni ta' riżultati ta' proġetti tal-SMEs, inklużi eżempji ta' prattika tajba wkoll imwettqa fil-qafas tal-FEŻR matul l-perjodi ta' programmazzjoni 2000-2006 u 2007-2013;

27.  Jinnota li s-"Smart Guide to innovation services" imfassla mill-Kummissjoni tenfasizza l-importanza ta' strateġiji ta' appoġġ pubbliku, żviluppata b'konsultazzjoni ma' atturi soċjali u ekonomiċi fil-livell reġjonali, billi tipprovdi lill-SMEs b'ambjent favorevoli u tgħinhom iżommu pożizzjoni kompetittiva f'katini ta' valur mondjali;

28.  Jenfasizza l-isfidi u l-opportunitajiet li jaffaċċjaw l-SMEs biex jadattaw u jkunu konformi ma' deċiżjonijiet reċenti meħuda fil-konferenza COP21;

29.  Iqis li l-appoġġ u l-inċentivi xierqa għall-azzjoni ta' SMEs jistgħu iwasslu għal-opportunitajiet innovattivi għall-integrazzjoni tar-refuġjati u l-migranti;

30.  Jenfasizza li peress li l-SMEs huma s-sors ewlieni ta' impjiegi fl-UE, it-twaqqif ta' intrapriżi għandu jiġi ffaċilitat permezz tal-promozzjoni ta' ħiliet intraprenditorjali u l-introduzzjoni ta' intraprenditorija fil-kurrikuli tal-iskejjel, kif identifikati fl-SBA, u li, speċjalment fi skemi ta' mikrokreditu, taħriġ adegwat u appoġġ kummerċjali huma kruċjali u taħriġ speċjali huwa meħtieġ biex iħejji liż-żgħażagħ għal ekonomija ekoloġika;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-awtoritajiet ta' ġestjoni, jistimulaw il-ħolqien ta' ekosistema magħmula minn universitajiet, ċentri tar-riċerka, atturi ekonomiċi u soċjali u istituzzjonijiet pubbliċi biex jiżviluppaw ħiliet intraprenditorjali, filwaqt li jinkoraġġixxu lill-awtoritajiet ta' ġestjoni biex jimpenjaw il-fondi disponibbli għal assistenza teknika, inklużi l-użi innovattivi tal-ICT mill-SMEs; jinnota wkoll, f'dan ir-rigward, li l-assistenza teknika prevista fl-objettiv tematiku 11 għandha tibbenefika lis-sħab kollha msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni rigward is-Sħubija; jitlob, għalhekk, li jiġi żgurat aċċess mill-organizzazzjonijiet tal-SMEs territorjali għad-dispożizzjonijiet ta' TO 11 u l-miżuri tal-bini tal-kapaċitajiet;

32.  Jenfasizza li madwar 25 % biss tal-SMEs ibbażati fl-UE jwettqu attivitajiet ta' esportazzjoni fl-UE u li l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs hija proċess li jitlob appoġġ ukoll fil-livell lokali; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni biex tagħmel użu akbar tal-Fondi SIE biex tgħin lill-SMEs jaħtfu l-opportunitajiet offruti, u tindirizza l-isfidi, mill-kummerċ internazzjonali, filwaqt li tappoġġjahom sabiex jindirizzaw l-ispejjeż tal-aġġustament u l-impatti negattivi ta' żieda fil-kompetizzjoni internazzjonali;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni, fit-tħejjija tal-politika ta' koeżjoni għall-perjodu wara l-2020, iżżid il-finanzjament għat-tisħiħ tal-kompetittività tal-SMEs;

34.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P7_TA(2014)0364.
(2) ĠU C 24, 22.1.2016, p. 2.
(3) Testi adottati, P8_TA(2015)0198.
(4) ĠU C 21 E, 28.1.2010, p. 1.
(5) ĠU C 188 E, 28.6.2012, p. 7.
(6) ĠU C 68 E, 7.3.2014, p. 40.
(7) Testi adottati, P7_TA(2014)0002.
(8) Testi adottati, P8_TA(2015)0308.
(9) ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36
(10) ĠU C 218, 30.7.2013, p. 12.
(11) ĠU C 415, 20.11.2014, p. 5.


Strateġija tal-UE għar-reġjun Alpin
PDF 401kWORD 63k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2016 dwar Strateġija tal-UE għar-reġjun Alpin (2015/2324(INI))
P8_TA(2016)0336A8-0226/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 192, 265(5) u 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Lulju 2015 dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun ta-Alpi (COM(2015)0366) u l-pjan ta' azzjoni li jakkumpanjaha u d-dokument analitiku ta' sostenn (SWD(2015)0147),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006(1) (minn issa 'l quddiem "ir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni" jew is-CPR),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1302/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1082/2006 dwar raggruppament Ewropew ta' kooperazzjoni territorjali (REKT) fir-rigward tal-kjarifika, is-simplifikazzjoni u t-titjib għat-twaqqif u l-funzjonament ta' tali raggruppamenti(3),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 u l-20 ta' Diċembru 2013 dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tal-Alpi,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Strateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tal-Alpi(4),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-3 ta' Diċembru 2014 dwar strateġija makroreġjonali tal-Alpi għall-Unjoni Ewropea(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2012 dwar l-evoluzzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali tal-UE: Prassi attwali u prospettivi futuri, b'mod partikolari fil-Mediterran(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Mejju 2013 dwar l-istrateġija makroreġjonali għall-Alpi(7),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-20 ta' Mejju 2014 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-governanza tal-istrateġiji makroreġjonali (COM(2014)0284),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Jannar 2011 bit-titolu "Regional policy contributing to sustainable growth in Europe 2020" (Il-politika reġjonali li tikkontribwixxi għat-tkabbir sostenibbli fl-Ewropa 2020) (COM(2011)0017),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/52/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li temenda d-Direttiva 2011/92/UE dwar il-valutazzjoni tal-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2001 dwar l-evalwazzjoni tal-effetti ta' ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent,

–  wara li kkunsira d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas-17 ta' Frar 2005 dwar il-konklużjoni, f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta' deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (Konvenzjoni ta' Aarhus),

–  wara li kkunsidra l-konferenza ta' varar dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tal-Alpi li saret fi Brdo (is-Slovenja) fil-25 u s-26 ta' Jannar 2016,

–  wara li kkunsidra l-konferenza għall-partijiet interessati dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tal-Alpi li saret f'Innsbruck fis-17 ta' Settembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-konferenza għall-partijiet interessati dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tal-Alpi li saret f'Milan fl-1 u t-2 ta' Diċembru 2014,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill 96/191/KE tas-26 ta' Frar 1996 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni fuq il-protezzjoni tal-Alpi (Konvenzjoni Alpina),

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' sinteżi tal-Kummissjoni dwar il-konsultazzjoni pubblika dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tal-Alpi,

–  wara li kkunsidra l-espressjoni tal-fehmiet tal-partijiet interessati li jinsabu fir-"Riżoluzzjoni Politika lejn Strateġija Ewropea għar-Reġjun tal-Alpi", adottata fi Grenoble fit-18 ta' Ottubru 2013,

–  wara li kkunsidra l-istudju bit-titolu "Rwol Ġdid tal-Makroreġjuni fil-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea", ippubblikat f'Jannar 2015 mid-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tal-Parlament Ewropew (Dipartiment B): Politiki Strutturali u ta' Koeżjoni),

–  wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tal-1 ta' April 2009 bit-titolu 'L-adattament għat-tibdil fil-klima: Lejn Qafas Ewropew għall-azzjoni' (COM(2009)0147),

–  wara li kkunsidra t-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Unjoni tal-Innovazzjoni għall-2015,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "L-Infrastruttura Ekoloġika (IE) – Insaħħu l-Kapital Naturali tal-Ewropa (COM(2013) 0249),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' gwida tal-Kummissjoni tal-2014 bit-titlu "Enabling synergies between European Structural and Investment Funds, Horizon 2020 and other research, innovation and competitiveness-related Union programmes" ("Niffaċilitaw sinerġiji bejn il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, Orizzont 2020 u programmi oħrajn tal-Unjoni għar-riċerka, l-innovazzjoni u relatati mal-kompetittività"),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2014 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment bit-titolu "Pjan ta' Investiment għall-Ewropa (COM(2014)0903).

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A8-0226/2016),

A.  billi, biex jiġi promoss żvilupp armonjuż ġenerali, huwa meħtieġ li tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali madwar l-UE;

B.  billi l-istrateġiji makroreġjonali huma l-għodda fundamentali attwali biex jingħata kontribut għall-objettiv ta' koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; billi dawn l-istrateġiji huma appoġġjati taħt il-prinċipju ta' "Tliet Le", jiġifieri l-ebda leġiżlazzjoni ġdida, l-ebda finanzjament ġdid u l-ebda istituzzjoni ġdida;

C.  billi l-istrateġija makroreġjonali għall-Alpi tista' tiffaċilita r-rinversament tat-tendenza ta' tnaqqis ekonomiku permezz tal-investiment fir-riċerka, l-innovazzjoni u l-appoġġ għan-negozju, billi tqis il-karatteristiċi u l-assi uniċi tar-reġjun;

D.  billi l-għan ta' strateġiji makroreġjonali għandu jkun li jintlaħqu aħjar l-għanijiet komuni ta' reġjuni differenti permezz ta' approċċ ikkoordinat u volontarju, mingħajr il-ħolqien ta' regolamentazzjoni addizzjonali;

E.  billi t-tibdil fil-klima qed iseħħ b'rata aktar mgħaġġla fiż-żona Alpina mill-medja dinjija u qiegħed iwassal dejjem aktar għal diżastri naturali bħal valangi u għargħar;

F.  billi l-istrateġija makroreġjonali għandha l-għan li tidentifika r-riżorsi u tisfrutta l-potenzjal kondiviż tar-reġjuni għall-iżvilupp;

G.  billi l-istrateġiji makroreġjonali jirrappreżentaw mudell ta' governanza fuq diversi livelli li fih l-involviment tal-partijiet interessati li jirrappreżentaw il-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali huwa kruċjali għas-suċċess tal-istrateġiji; billi kooperazzjoni reċiproka bejn id-diversi makroreġjuni għandha tiġi mħeġġa biex ittejjeb il-koerenza tal-politiki tagħhom skont l-għanijiet Ewropej;

H.  billi strateġiji makroreġjonali jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' strateġiji transfruntiera u proġetti internazzjonali għall-ħolqien ta' netwerks ta' kooperazzjoni li jibbenefikaw lir-reġjun kollu kemm hu;

I.  billi l-identitajiet reġjonali u l-wirt kulturali, b'mod partikolari l-kulturi u d-drawwiet popolari, tar-reġjun tal-Alpi jistħoqqilhom protezzjoni speċjali;

J.  billi l-approċċ b'saħħtu minn isfel għal fuq adottat mir-reġjuni taż-żona tal-Alpi wassal għall-iżvilupp tal-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tal-Alpi (EUSALP), li għandha l-għan li tindirizza b'mod effettiv l-isfidi li huma komuni għar-reġjun kollu tal-Alpi;

K.  billi r-reġjun Alpin għandu rwol importanti fl-iżvilupp ekonomiku tal-Istati Membri u jipprovdi għadd ta' servizzi tal-ekosistema f'żoni urbani u periurbani kontigwi;

L.  billi l-istrateġija makro għar-reġjun tal-Alpi ser taffettwa l80 miljun ruħ li jgħixu fi 48 reġjun f'seba' pajjiżi, li ħamsa minnhom huma Stati Membri tal-UE (l-Awstrija, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, u s-Slovenja) u tnejn mhumiex membri tal-UE (il-Liechtenstein u l-Iżvizzera);

M.  billi l-istrateġija tal-UE għar-reġjun tal-Alpi għandha tirrikonċilja s-sostenibbiltà ambjentali u l-iżvilupp ekonomiku, f'żona ta' ambjent naturali li hija wkoll destinazzjoni ewlenija għat-turisti;

N.  billi d-depopolazzjoni hija l-problema ewlenija ta' xi nħawi Alpini u l-parti l-kbira tal-abitanti tar-reġjun tal-Alpi ma jistgħux jirnexxilhom jgħixu biss mit-turiżmu Alpin, u għalhekk jeħtieġ li jkomplu jiġu żviluppati aktar l-agrikoltura, il-forestrija u industriji u s-servizzi oħra li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent;

O.  billi jeżistu differenzi konsiderevoli bejn ir-reġjuni inklużi fl-istrateġija, u għalhekk, il-koordinazzjoni ta' politiki u setturi hija meħtieġa bejn reġjuni differenti (orizzontalment) kif ukoll fi ħdan ir-reġjuni individwali (vertikalment);

P.  billi r-reġjun Alpin għandu karatteristiċi ġeografiċi u naturali uniċi, u jikkostitwixxi makroreġjun interkonness u reġjun ta' tranżitu li għandu potenzjal sostanzjali għall-iżvilupp; billi, madankollu, huma meħtieġa soluzzjonijiet speċifiċi għal sfidi li jirriżultaw minn kwistjonijiet marbuta mal-ambjent, id-demografija, it-trasport, it-turiżmu u oħrajn marbuta mal-enerġija, l-istaġjonalità u l-multiattività, u ppjanar territorjali kkoordinat jista' jipproduċi riżultati aħjar u valur miżjud għall-koeżjoni territorjali f'żoni Alpini u peri-Alpini;

Q.  billi r-reġjun Alpin huwa t-'torri tal-ilma' tal-Ewropa u l-Alpi jipprovdu biżżejjed ilma biex jipprovdu sa 90 % tal-bżonnijiet taż-żoni muntanjużi fis-sajf; billi titqies l-importanza tar-riżorsi akwatiċi fil-produzzjoni idrawlika, l-irrigazzjoni tal-artijiet agrikoli, il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, iż-żamma tal-bijodiversità u tal-pajsaġġ u l-provvista tal-ilma għax-xorb; billi l-preservazzjoni tal-kwalità tal-ilmijiet u l-flussi tax-xmajjar fl-Alpi u s-sejba ta' bilanċ xieraq bejn l-interessi tal-popolazzjonijiet lokali u l-ħtiġijiet ambjentali huma essenzjali;

R.  billi r-reġjun Alpin jaqsmuh ħafna fruntieri, u l-indirizzar ta' dawn il-fruntieri huwa prerekwiżit għall-kooperazzjoni f'din iż-żona, għall-moviment liberu ta' persuni, ta' servizzi, ta' merkanzija u ta' kapital u b'hekk għall-interazzjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali; billi l-istrateġija għar-reġjun tal-Alpi tipprovdi wkoll opportunità biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni transfruntiera, jinħolqu konnessjonijiet u netwerks li jgħaqqdu lin-nies u l-attivitajiet ekonomiċi, u b'hekk jiġu żmantellati l-fruntieri u l-ostakli li dawn joħolqu;

S.  billi fil-komunikazzjoni tagħha dwar l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Alpi, il-Kummissjoni tirreferi kemm għall-ħtieġa li jitnaqqas l-impatt tat-trasport fl-Alpi, sabiex jiġi ppreservat il-wirt ambjentali tal-Alpi, u għall-importanza tal-implimentazzjoni ta' strateġija biex jiġi pprovdut ambjent ta' għajxien aktar b'saħħtu u ippreservat aħjar għan-nies lokali;

T.  billi l-moviment liberu tal-persuni huwa dritt fundamentali u prerekwiżit — partikolarment f'żoni tal-fruntieri — biex jintlaħqu l-għanijiet ta' koeżjoni ekonomika, soċjali, territorjali u ambjentali, kompetittività b'saħħitha u sostenibbli u aċċess ekwu għall-impjieg;

U.  billi t-territorju EUSALP jinkludi ż-żoni muntanjużi fil-qalba tiegħu u ż-żoni peri-Alpini, inklużi ż-żoni metropolitani, li huma marbuta ma' xulxin permezz ta' interazzjonijiet mill-qrib u relazzjonijiet funzjonali, li kollha jinfluwenzaw l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali;

V.  billi dan ir-reġjun b'ekosistemi ppreservati u s-servizzi tiegħu jistgħu jipprovdu bażi għal bosta attivitajiet ekonomiċi, b'enfasi fuq il-biedja, il-forestrija, it-turiżmu, l-enerġija, filwaqt li jitqiesu l-wirt kulturali u naturali tar-reġjun;

W.  billi l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-reġjun tal-Alpi, bħala l-ewwel strateġija makroreġjonali relatata ma' żona tal-muntanji, tista' sservi ta' mudell u ispirazzjoni għal żoni oħra tal-muntanji fl-Ewropa;

X.  billi strateġiji makroreġjonali tal-UE preċedenti wrew is-suċċess ta' arranġament ta' kooperazzjoni ta' dan it-tip u pprovdew esperjenza utli għat-tfassil ta' strateġiji makroreġjonali ġodda;

Kunsiderazzjonijiet ġenerali u governanza

1.  Jilqa' l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tal-Alpi u l-Pjan ta' Azzjoni li jakkumpanjaha; jemmen li dan huwa pass 'il quddiem għall-iżvilupp tar-reġjun f'konformità mal-objettiv ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv tal-Ewropa 2020; jinnota li l-Istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni jista' jkollhom rwol sinifikanti fl-isforzi biex tiġi miġġielda d-depopolazzjoni tar-reġjun, speċjalment it-tluq taż-żgħażagħ;

2.  Jenfasizza l-esperjenza siewja ħafna miksuba fl-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni Alpina, li tibbilanċja l-interessi ekonomiċi, soċjali u ambjentali; jistieden lill-pajjiżi parteċipanti jirrispettaw il-ftehimiet milħuqa u jżommu livell għoli ta' impenn għall-iżvilupp sostenibbli u l-protezzjoni tal-Alpi;

3.  Jilqa' l-fatt li l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE) joffru riżorsi potenzjalment sinifikati u firxa wiesgħa ta' għodod u għażliet għall-Istrateġija; jappella għal sinerġiji akbar biex jippromwovu l-koordinazzjoni u l-komplementarjetajiet bejn il-FSIE u fondi u strumenti oħra rilevanti għall-pilastri tal-Istrateġija, b'mod partikolari Orizzont 2020, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-programm LIFE, il-programm COSME għall-SMEs, il-Programm Interreg għall-Ispazju tal-Alpi u l-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS), li għalihom il-Kummissjoni għandha tinvestiga l-valur miżjud possibbli ta' sejħiet speċifiċi ffokati fuq l-isfidi partikolari tar-reġjun Alpin;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-entitajiet nazzjonali, reġjonali u lokali li huma responsabbli għat-tħejjija, il-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-programmi tal-FSIE biex jisħqu fuq l-importanza ta' proġetti u azzjonijiet makroreġjonali; jistenna koattività miżjuda permezz tal-koordinazzjoni ta' politiki, programmi u strateġiji tal-UE li għandhom rwol fl-Alpi, u jistieden lill-Kummissjoni tanalizza mill-qrib l-applikazzjoni prattika tal-programmi inkwistjoni sabiex tevita d-dupplikazzjoni u timmassimizza l-komplementarità u l-valur miżjud; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tiżgura li tiffaċilita l-aċċess għad-dokumenti rilevanti, kemm għaċ-ċittadini Ewropej kif ukoll għall-istituzzjonijiet tal-Istati Membri, bl-għan li jkun hemm trasparenza sħiħa rigward il-proċedura li għandha tiġi segwita;

5.  Itenni l-importanza tal-prinċipju tat-"Tliet Le", peress li l-makroreġjuni huma oqfsa li jibnu fuq il-valur miżjud tal-inizjattivi ta' kooperazzjoni u s-sinerġiji bejn id-diversi strumenti ta' finanzjament tal-UE;

6.  Jistieden lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u r-reġjuni parteċipanti jallinjaw il-politiki nazzjonali u reġjonali tagħhom u l-arranġamenti ta' finanzjament tagħhom, kull fejn ikun possibbli, mal-azzjonijiet u l-objettivi tal-istrateġija tal-UE għar-reġjun tal-Alpi (EUSALP), u jadattaw il-programmi operattivi adottati sabiex jiġi żgurat li proġetti futuri fil-qafas tal-istrateġija tal-EUSALP jiġu implimentati fil-pront u li l-awtoritajiet ta' ġestjoni jikkunsidraw il-prijoritajiet tal-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Alpi waqt l-implimentazzjoni tal-programmi operazzjonali (eż. permezz ta' sejħiet apposta, punti bonus jew allokazzjoni tal-baġit); jitlob li jittejjeb l-approċċ makroreġjonali, qabel ir-riforma ta' wara l-2020 tal-politika ta' koeżjoni, u jenfasizza l-importanza ta' proġetti u miżuri makroreġjonali integrati;

7.  Jistieden lill-BEI biex, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, jeżamina l-possibilità li titwaqqaf pjattaforma ta' investiment għar-reġjun tal-Alpi li tippermetti l-mobilizzar ta' fondi minn sorsi pubbliċi u privati; isejjaħ għall-ħolqien ta' pipeline ta' proġetti għar-reġjun li jattira l-investituri; f'dan il-kuntest, iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-BEI u lill-pajjiżi parteċipanti jisfruttaw bis-sħiħ il-possibbiltajiet disponibbli taħt il-FEIS sabiex jiffinanzjaw proġetti fir-reġjun bl-għan li jiksbu żvilupp sostenibbli u tkabbir ekonomiku u biex jiġu stimulati l-impjiegi fil-livell makroreġjonali;

8.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' kampanji ta' informazzjoni xierqa dwar l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Alpi, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li l-istrateġija tibbenefika minn livell suffiċjenti ta' viżibbiltà u li dawn l-objettivi u riżultati jiġu kkomunikati b'mod adegwat fil-livelli kollha, inkluż fil-livell transfruntier u f'dak internazzjonali; jitlob li jiġu promossi l-koordinazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali tal-UE, speċjalment fil-qasam tal-ġestjoni tal-wirt naturali u kulturali bl-għan li jinħolqu opportunitajiet turistiċi sostenibbli;

9.  Jitlob għat-twaqqif fil-livell makroreġjonali ta' struttura ta' implimentazzjoni ta' sostenn għall-korpi ta' tmexxija tal-EUSALP, b'kooperazzjoni u ftehim mal-Kummissjoni, l-Istati Membri u r-reġjuni; barra minn hekk jilqa' r-rappreżentanza tal-Parlament fil-korpi tat-tmexxija tagħha, u jemmen li l-Parlament għandu jiġi involut fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-istrateġija;

10.  Isejjaħ għal rwol attiv għall-Kummissjoni fil-fażi ta' implimentazzjoni tal-EUSALP; jemmen li għandha tkun involuta, flimkien mal-Istati Membri u r-reġjuni, fuq bażi ta' ġestjoni kondiviża u f'konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, fl-istadji kollha tal-ippjanar u l-implimentazzjoni ta' proġetti li jaqgħu taħt din l-istrateġija, mhux l-anqas sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni effettiva tal-partijiet ikkonċernati lokali u reġjonali mill-awtoritajiet pubbliċi, l-imsieħba ekonomiċi u soċjali u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lis-soċjetà ċivili fir-rigward tal-makroreġjun u l-koordinazzjoni xierqa ma' strateġiji oħra appoġġjati mill-UE u arranġamenti ta' finanzjament;

11.  Jitlob li l-implimentazzjoni tal-EUSALP tiġi vvalutata mill-Kummissjoni, bi kriterji objettivi u indikaturi li jistgħu jitkejlu;

12.  Jappoġġja l-ippjanar strateġiku fost kemm iż-żoni urbani u kemm dawk rurali tar-reġjun tal-Alpi, bl-għan li jkun promoss in-netwerking u jkun hemm miri komuni f'qafas politiku koerenti, ikkoordinat u integrat (pereżempju. b'referenza għall-enerġiji rinnovabbli, il-benesseri, il-loġistika, u l-innovazzjoni tan-negozju u dik soċjali); iħeġġeġ il-ġbir flimkien tal-aħjar prattiki dwar, pereżempju, it-turiżmu sostenibbli fost ir-reġjuni, kif ukoll ma' strateġiji makroreġjonali oħra eżistenti;

13.  Jinsisti li għall-proċeduri ta' teħid ta' deċiżjonijiet, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, fi sħubija mas-soċjetà ċivili lokali u reġjonali, għandu jkollhom rwol ewlieni fi ħdan il-korpi ta' ġestjoni u fil-korpi operazzjonali, tekniċi u ta' implimentazzjoni tal-Istrateġija, fir-rispett sħiħ tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-governanza f'diversi livelli;

14.  Iqis li l-investimenti għandhom jiġu direzzjonati lejn aċċess ugwali u effettiv għall-kura tas-saħħa u lejn unitajiet tal-ewwel għajnuna u assistenza ta' emerġenza għall-popolazzjoni kollha tar-reġjun, speċjalment fiż-żoni rurali, sabiex tiġi pprevenuta d-depopolazzjoni;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta, kull sentejn, rapport dwar l-implimentazzjoni tal-EUSALP lill-Parlament u lill-Kunsill, fuq il-bażi ta' kriterji oġġettivi u indikaturi li jistgħu jitkejlu, bl-għan li jiġi vvalutat il-funzjonament u l-valur miżjud tagħha f'termini ta' tkabbir u impjiegi, tnaqqis tad-disparitajiet u żvilupp sostenibbli;

16.  Jistieden lill-pajjiżi parteċipanti jkomplu bl-isforzi tagħhom biex jiddiversifikaw is-sorsi tal-provvista tal-enerġija, filwaqt li jqisu l-ambjent; jenfasizza l-ħtieġa ta' sostenibilità, kompetittività u modernizzazzjoni fir-rigward tal-infrastruttura tal-idroenerġija eżistenti, li ġiet żviluppata fi stadju bikri ħafna, filwaqt li jitqies l-impatt li l-infrastrutturi tal-idroenerġija jista' jkollhom fuq l-ambjent u fuq il-kundizzjonijiet ġeoloġiċi, kif ukoll il-promozzjoni ta' infrastrutturi żgħar (mini, mikro u piko); jenfasizza li l-ġestjoni integrata u l-protezzjoni tar-riżorsi tal-ilma hija wieħed mill-elementi ewlenin għall-iżvilupp sostenibbli tal-Alpi u li, għalhekk, il-popolazzjoni lokali għandha tkun tista' timpenja ruħha favur l-idroenerġija u tuża l-valur miżjud li din tiġġenera; jistieden lill-pajjiżi parteċipanti jikkontribwixxu għal netwerks li jiffunzjonaw tajjeb fil-makroreġjun, biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista u jiġu stabbiliti strutturi għall-iskambju tal-aħjar prattiki dwar il-kooperazzjoni transfruntiera;

17.  Jenfasizza l-ħtieġa li tkompli tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali sabiex jiġi segwit mudell ta' tkabbir li jista' jiżgura t-tkabbir sostenibbli, l-inklużjoni soċjali u l-protezzjoni soċjali għal kulħadd, partikolarment fiż-żoni tal-fruntieri; f'dan il-kuntest, jenfasizza l-importanza li jiġu stabbiliti prijoritajiet u jittieħdu miżuri kontra kull forma ta' diskriminazzjoni;

18.  Ifakkar li l-prinċipju tal-aċċess universali għas-servizzi pubbliċi għandu jkun garantit fit-territorji kollha tal-UE, b'mod partikolari fl-oqsma tal-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, is-servizzi soċjali u l-mobilità, u b'attenzjoni partikolari għall-bżonnijiet tal-persuni b'diżabilità; jenfasizza l-ħtieġa li l-pajjiżi parteċipanti jħeġġu soluzzjonijiet alternattivi u innovattivi għar-reġjun tal-Alpi fl-għoti ta' servizzi pubbliċi, inklużi soluzzjonijiet imfassla apposta adattati għall-bżonnijiet lokali u reġjonali; f'dan il-kuntest, jistieden lill-pajjiżi parteċipanti jħejju inċentivi għall-iżvilupp ta' sħubijiet pubbliċi-privati; ifakkar, madankollu, fil-prinċipji ta' affordabilità u aċċessibilità ta' servizzi pubbliċi ta' kwalità għal kulħadd;

19.  Jinsab imħasseb dwar id-degradazzjoni tal-ekosistemi u r-riskju ta' diżastri naturali f'ċerti partijiet tar-reġjun tal-Alpi; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu applikati strateġiji ta' ġestjoni sħiħa tar-riskju tad-diżastri naturali u ta' adattament għat-tibdil fil-klima; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati u implimentati pjanijiet ta' kontinġenza komuni b'rispons għal tniġġis transfruntier; jappella għat-twaqqif ta' timijiet ta' reazzjoni rapida għal żoni turistiċi milquta minn diżastri naturali bħal valangi tat-tajn, żerżiq tal-art minn ġnub l-għoljiet u għargħar; f'dan il-kuntest, jinnota l-ħtieġa li jiġi promoss aħjar il-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili;

L-Impjiegi, it-tkabbir ekonomiku u l-innovazzjoni

20.  Jirrikonoxxi li r-reġjun tal-Alpi għandu wirt ambjentali li jeħtieġ li jiġi ppreservat, bir-riżerva vasta tagħhom ta' pajsaġġi naturali, kif ukoll il-varjetà straordinarja ta' ekosistemi, li jvarjaw minn reġjuni muntanjużi għal pjanuri u anki għall-kosta tal-Mediterran, biex b'hekk jippermettu żona ekonomika u bijosfera bbażati fuq il-koeżistenza bejn in-natura u l-bniedem; jenfasizza għalhekk il-ħtieġa ta' kooperazzjoni sinerġistika attiva bejn il-biedja u attivitajiet ekonomiċi oħra f'żoni protetti (is-siti Natura 2000, parks nazzjonali, eċċ.), sabiex jiġu żviluppati prodotti tat-turiżmu, kif ukoll l-importanza li jiġu ppreservati u protetti l-ħabitats uniċi tar-reġjuni muntanjużi;

21.  Jenfasizza l-opportunitajiet li nfetħu mill-istrateġija għall-iżvilupp tas-suq tax-xogħol tiegħu, li għandu/jesperjenza livelli kbar differenti ta' vjaġġar transfruntier; iqis li ż-żieda tal-kwalifiki tal-forza tax-xogħol u l-ħolqien ta' impjiegi ġodda fl-ekonomija ekoloġika għandhom jagħmlu parti mill-prijoritajiet ta' investiment tal-Istrateġija għar-reġjun tal-Alpi; jenfasizza, madankollu, li l-SMEs, li spiss huma negozji tal-familja, bħalma huma l-intrapriżi tal-biedja żgħar u intrapriżi żgħar tal-ipproċessar, fl-agrikoltura, it-turiżmu, il-kummerċ, is-snajja' u l-manifattura, jiffurmaw il-qalba tal-attività ekonomika b'mod integrat u sostenibbli tar-reġjun tal-Alpi, u b'hekk jikkostitwixxu s-sinsla tal-ambjent tal-ħajja, dak kulturali u dak naturali fl-Alpi u sors importanti ta' impjiegi; jenfasizza l-ħtieġa ta' aktar diversifikazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi u tal-opportunitajiet ta' impjieg fir-reġjun tal-Alpi;

22.  Jenfasizza l-ħtieġa li tingħata prijorità lill-investiment fl-infrastrutturi diġitali u l-importanza li jiġi żgurat aċċess rapidu u effiċjenti għal internet b'veloċità għolja, u, b'hekk, għal servizzi diġitali u onlajn, bħall-kummerċ elettroniku u l-użu ta' kanali tas-suq diġitali u t-teleworking, kif ukoll opportunitajiet oħra għall-persuni li jgħixu f'żoni remoti minn ċentri urbani kbar, filwaqt li fejn ikun possibbli jiġu promossi alternattivi għall-ivvjaġġar fiżiku;

23.  Iqis li l-innovazzjoni u l-użu ta' teknoloġiji ġodda f'oqsma ewlenin tal-ekonomija, immexxija minn strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti u ffinanzjati minn sorsi eżistenti ta' finanzjament tal-UE (eż. il-FEŻR, il-FSE, COSME, Orizzont 2020 u Erasmus +), jistgħu jgħinu biex jiġu ġġenerati impjiegi ta' kwalità f'setturi strateġiċi, bħax-xjenzi tal-ħajja, l-enerġija, il-bijoekonomija, il-prodotti ekoloġiċi, materjali ġodda jew servizzi elettroniċi; ifakkar fl-importanza li jiġi żgurat appoġġ qawwi għall-SMEs, li jistgħu jgħinu biex ireġġgħu lura t-tendenza ta' depopolazzjoni attwali osservata f'ċerti oqsma u territorji tar-reġjun tal-Alpi;

24.  Jistieden lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u r-reġjuni tal-Alpi jingħaqdu flimkien mal-Kummissjoni biex jistudjaw il-fattibilità tat-twettiq, għall-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss, ta' programm konġunt (ibbażat fuq l-Artikolu 185 tat-TFUE) biex titrawwem l-integrazzjoni tal-attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni fiż-żona Alpina, fil-kuntest ta' ktajjen tal-valur Ewropej stretti inkorporati fi strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti;

25.  Iħeġġeġ ir-raggruppament u l-kooperazzjoni bejn l-intrapriżi pubbliċi u privati, l-unversitajiet, l-istituti tar-riċerka u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra bl-għan li tiġi promossa l-innovazzjoni u jkun possibbli li wieħed jibbenefika mis-sinerġiji bejn iż-żoni tal-Alpi u dawk peri-Alpini; iqis li l-azzjonijiet maħsuba għandhom ikunu bbażati fuq l-Istrateġiji ta' Riċerka u Innovazzjoni nazzjonali u reġjonali għall-Ispeċjalizzazzjoni Reġjonali Intelliġenti bil-għan li jiġi żgurat investiment aktar effiċjenti u effettiv;

26.  Jagħraf kemm huwa importanti għas-suċċess tal-istrateġija tal-EUSALP li jiġu żviluppati proġetti għall-assoċjazzjonijiet, l-istituzzjonijiet, il-mikrointrapriżi u l-SMEs li jaħdmu fis-setturi kulturali u kreattivi, minħabba l-influwenza li għandhom fuq l-investimenti, it-tkabbir, l-innovazzjoni u l-impjiegi u wkoll minħabba li dawn għandhom rwol ċentrali fil-preservazzjoni u l-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika;

27.  Jenfasizza li strateġija makroreġjonali għall-Alpi għandha mhux biss tipprovdi opportunitajiet biex jitħarsu, jiġu sostnuti u, fejn meħtieġ, adattati l-forom ta' attività ekonomika, bħall-agrikoltura, il-forestrija u attivitajiet ekonomiċi bbażati fuq l-artiġjanat, kif ukoll li jitrawmu l-innovazzjoni u l-iżvilupp ta' inizjattivi ġodda f'dan il-qasam, pereżempju permezz tal-istrument InnovFin tal-UE; jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li l-SMEs jingħataw aċċess aktar faċli għal sorsi ta' sostenn u finanzjament, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu r-rwol tagħhom fil-ħolqien tal-impjiegi;

28.  Jisħaq li l-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni, fuq kollox il-kooperazzjoni transfruntiera, hija essenzjali għall-iżvilupp ulterjuri tat-turiżmu fir-reġjun usa'; iħeġġeġ il-formulazzjoni ta' strateġiji tat-turiżmu bbażati fuq il-wirt naturali u kulturali eżistenti, is-sostenibbiltà u l-innovazzjoni; jenfasizza d-dimensjoni soċjali, kulturali u ekonomika tad-diversi tradizzjonijiet u drawwiet Alpini, li għandhom jiġu inkoraġġuti u sostnuti fid-diversità tagħhom;

29.  Jinnota li l-ġestjoni u l-introduzzjoni mill-ġdid tat-tjur tal-priża u tal-karnivori fir-reġjuni Alpini qed jitwettqu fuq il-livelli nazzjonali u lokali, filwaqt li dawn l-ispeċijiet ma jagħrfux il-fruntieri amministrattivi, u li l-migrazzjoni hija fin-natura tagħha fenomenu transfruntier; madankollu, sabiex jiġu evitati konflitti marbuta ma' din l-introduzzjoni mill-ġdid, jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-koordinazzjoni bejn id-diversi awtoritajiet filwaqt li jsir skambju ta' informazzjoni, u li l-aħjar prattiki jeħtieġ li jissaħħu sabiex jittejbu l-ġestjoni u l-ħarsien tal-bhejjem tal-farms u tal-mergħat, bħala parti mill-istrateġija tal-Alpi, fir-rigward tal-Pjattaforma tal-Konvenzjoni Alpina dwar il-Karnivori Kbar, Annimali Ungulati Slavaġ u s-Soċjetà ;

30.  Jappoġġja d-diversifikazzjoni tal-provvista tat-turiżmu permezz tal-iżvilupp ta' opportunitajiet ġodda ta' turiżmu adattati għall-bżonnijiet reġjonali u l-isfruttar tar-riżorsi reġjonali, bħal pereżempju theme parks u rotot turistiċi, it-turiżmu marbut mal-ikel u l-inbid, it-turiżmu kulturali, tas-saħħa u edukattiv u t-turiżmu u sportiv, sabiex jittawwal l-istaġun turistiku, filwaqt li titnaqqas il-pressjoni fuq l-infrastruttura u tintlaħaq rata ta' okkupazzjoni matul is-sena kollha fiċ-ċiklu turistiku, kif ukoll turiżmu agrikolu mmirat biex jattira lill-viżitaturi lejn attivitajiet rurali u marbuta mal-organiżmi slavaġ f'lukandi barra mill-postijiet tas-soltu, u t-tisħiħ tal-kompetittività u s-sostenibbiltà tad-destinazzjonijiet turistiċi; jappoġġja l-promozzjoni ta' attivitajiet turistiċi ġodda li jkunu aktar adatti għat-tibdil fil-klima u l-ħarsien ambjentali; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jiġu appoġġjati u li tissaħħaħ il-koordinazzjoni ta' servizzi ta' salvataġġ tal-muntanji;

31.  Jappoġġja miżuri li jgħinu biex tittaffa l-pressjoni fuq l-infrastruttura tat-trasport permezz tat-tqassim tal-vaganzi tal-iskejjel u l-perjodi ta' vaganza, id-disinn ta' pedaġġ tat-toroq intelliġenti, u l-provvista ta' inċentivi minn fornituri tat-turiżmu matul l-eqqel ħinijiet ta' vvjaġġar u meta l-aktar li jkun hemm traffiku;

32.  Ifakkar fl-importanza ekonomika li jiġi promoss l-iżvilupp ta' attivitajiet turistiċi li jirrispettaw l-ambjent u li jkunu sostenibbli fir-reġjun tal-Alpi kollu, inkluż fil-bliet ta' mal-lagi u fil-bliet termali; iħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri jużaw ir-rota flimkien ma' vjaġġar bil-ferrovija jew servizzi ta' trasport intermodali; jindika, fuq il-bażi tal-aħjar prattika, pjattaformi tat-turiżmu maħluqa bħala proġetti ffinanzjati parzjalment mill-UE;

33.  Jinnota li l-istess persuna hija ħafna drabi meħtieġa li twettaq attivitajiet differenti matul iċ-ċiklu tas-sena, xi kultant fuq bażi transfruntiera; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jħeġġu l-kooperazzjoni bejn il-korpi li jipprovdu taħriġ professjonali inizjali u kontinwu waqt is-servizz; jenfasizza l-benefiċċji li jista' jġib miegħu programm Erasmus+ dedikat għall-apprendistati transfruntiera;

Il-mobbiltà u l-konnettività

34.  Jisħaq fuq l-importanza li tittejjeb il-konnettività tat-trasport u tal-enerġija fost il-pajjiżi parteċipanti, inkluż it-trasport lokali, reġjonali u transfruntier u l-konnessjonijiet intermodali maż-żoni interni (inklużi l-konurbazzjonijiet kbar), sabiex jissaħħaħ l-iżvilupp tar-reġjun, tittejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-abitanti tiegħu u jiġu attirati residenti ġodda, filwaqt li fl-istess ħin jiġi valutat jekk in-netwerks eżistenti jistgħux jiġu rinnovati jew estiżi bl-għan ġenerali ta' implimentazzjoni aħjar tan-netwerks tat-TEN-T; jenfasizza l-importanza tal-bini ta' infrastruttura 'intelliġenti'; jemmen li l-infrastrutturi mibnija ġodda għandhom isiru "kurituri teknoloġiċi" li fihom għandha tinbena l-infrastruttura kollha separata, jiġifieri kejbils tal-elettriku, linji tat-telefon, linji tal-broadband u ultra-wideband, pipelines tal-gass, netwerks tal-fibra ottika, pajpijiet tal-ilma, eċċ.;

35.  Jitlob li jkun hemm approċċ olistiku għat-tfassil u l-implimentazzjoni futuri tat-trasport Alpin u l-politika ambjentali; f'dan il-kuntest, jenfasizza l-ħtieġa li tingħata prijorità lit-trasferimenti modali bl-għan li tinkiseb bidla mit-trasport bit-triq għat-trasport bil-ferrovija, b'mod partikolari għall-merkanzija, u jitlob lill-Kummissjoni tappoġġja din it-tranżizzjoni; f'dan il-kuntest ukoll, jitlob li d-dħul iġġenerat mit-trasport bit-triq jintuża biex jagħti spinta lill-implimentazzjoni u l-iżvilupp effiċjenti u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent lit-trasport ferrovjarju ta' passiġġieri u ta' merkanzija u biex jitnaqqas l-istorbju u t-tniġġis ambjentali, u jinnota proġetti potenzjali f'oqsma bħall-ġestjoni tat-traffiku, l-innovazzjoni teknoloġika, l-interoperabbiltà, eċċ.; barra minn hekk jitlob għal estensjoni tal-infrastruttura eżistenti, inklużi sistemi interoperabbli u intermodali ta' kwalità, fir-reġjun Alpin; jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata l-aċċessibbiltà u l-konnettività għall-abitanti kollha tar-reġjun;

36.  Jenfasizza l-importanza li jiġu konnessi r-rotot tat-trasport ma' partijiet oħra tal-Ewropa u r-relevanza tal-interkonnessjonijiet mal-kurituri tan-Netwerk trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T), filwaqt li jsir l-aħjar użu tal-infrastruttura eżistenti; jinnota li ż-żoni muntanjużi għadhom ostaklu għat-tqarrib bejn iċ-ċittadini tal-UE u li l-UE wegħdet li żżid il-finanzjament għal infrastruttura tat-trasport transfruntier; jistieden, għaldaqstant, lill-pajjiżi parteċipanti jiffokaw l-isforzi tagħhom fuq l-implimentazzjoni u l-ippjanar ta' proġetti kumplementari li huma sostenibbli u inklużivi, filwaqt li joħolqu konnessjonijiet u jiżviluppaw in-netwerk TEN-T attwali;

37.  Jiġbed l-attenzjoni għan-nuqqas ta' konnessjonijiet effiċjenti u li ma jniġġsux fi ħdan żoni muntanjużi u bejn żoni muntanjużi u peri-muntanjużi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw konnessjonijiet b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju, nodfa u aħjar, b'mod partikolari għan-netwerks ferrovjarji, b'mod partikolari fil-livell reġjonali u lokali, sabiex tittejjeb il-koeżjoni u l-kwalità tal-ħajja f'dawn iż-żoni; jinkoraġġixxi u jippromwovi l-issetiljar fir-reġjun tal-Alpi;

38.  Jistieden lill-pajjiżi li jipparteċipaw fl-istrateġija makroreġjonali jqisu l-kondizzjonijiet speċifiċi tal-ħaddiema transfruntiera u jiżviluppaw ftehimiet transfruntiera tal-ħaddiema għall-makroreġjun Alpin;

39.  Jappoġġja l-iżvilupp ta' forom innovattivi ta' trasport lokali fuq talba, inkluż informazzjoni dwar it-trasport intelliġenti, il-ġestjoni tat-traffiku u t-telematika u l-multimodalità, ukoll minħabba l-potenzjal ta' skambju interreġjonali ta' attivitajiet f'dan il-qasam;

40.  Jisħaq fuq in-nuqqas ta' konnessjonijiet diġitali effettivi fi ħdan iż-żoni muntanjużi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw konnessjonijiet aħjar fil-livell reġjonali u lokali sabiex itejbu l-kwalità tal-ħajja u jippromwovu l-iżvilupp ta' attivitaiet ġodda u l-ħolqien ta' opportunitajiet ta' impjieg f'dawn l-oqsma, u jħeġġu r-risistemazzjoni;

41.  Jenfasizza l-importanza ta' investiment pubbliku fiż-żoni muntanjużi sabiex jiġi indirizzat b'mod determinat il-falliment tas-suq biex tiġi pprovduta konnettività diġitali f'dawn l-oqsma: jenfasizza l-importanza ta' kopertura kompluta u universali bl-internet broadband, inkluż fir-reġjuni muntanjużi, sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà fit-tul taż-żoni abitati remoti u tar-reġjuni ekonomiċi; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi soluzzjonijiet konkreti għal din il-kwistjoni;

L-ambjent, il-bijodiversità, it-tibdil fil-klima u l-enerġija

42.  Jisħaq fuq l-importanza tal-protezzjoni u t-titjib tal-bijodiversità fir-reġjun tal-Alpi; jitlob li jsiru sforzi konġunti biex jiġu introdotti miżuri innovattivi għall-preservazzjoni u ż-żamma tiegħu, waqt li jitlob eżami dettaljat tar-rwol tal-predaturi kbar u l-introduzzjoni possibbli ta' miżuri ta' aġġustament, u wkoll f'konformità sħiħa mal-acquis tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-ambjent u l-bijodiversità, il-ħamrija u l-ilma; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li jittieħdu l-miżuri kollha possibbli biex tiġi evitata d-dupplikazzjoni ta' inizjattivi leġiżlattivi li diġà jeżistu ;

43.  Jinnota li l-makroreġjun Alpin joffri opportunitajiet kbar f'termini ta' soluzzjonijiet innovattivi li jistgħu jittrasformawh f'laboratorju tal-ittestjar uniku għall-ekonomija ċirkolari; se jippreżenta, fil-proċedura baġitarja tal-2017, proġett pilota biex jiġi esplorat il-potenzjal ta' dan il-qasam għall-iżvilupp ta' strateġiji speċifiċi relatati mal-ekonomija ċirkolari, pereżempju fl-oqsma tal-produzzjoni, il-konsum u l-immaniġġjar tal-iskart;

44.  Jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni tal-awtoġenerazzjoni tal-enerġija, it-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-appoġġ għall-iżvilupp sorsi rinnovabbli tal-enerġija l-aktar effiċjenti fir-reġjun, mill-enerġija ġġenerata mill-ilma għal dik solari, mir-riħ u dik ġeotermali, u wkoll li jiġi promoss l-iżvilupp ta' forom ta' enerġija rinnovabbli speċifiċi għall-Alpi; jinnota l-impatt fuq il-kwalità tal-arja mill-użu ta' tipi differenti ta' kombustjoni fis-settur tat-tisħin; jappoġġja l-użu sostenibbli tal-injam tal-foresti mingħajr ma titnaqqas iż-żona eżistenti tal-foresti, li huwa importanti għall-bilanċ fi ħdan l-ekosistemi tal-muntanji u għall-protezzjoni kontra l-valangi, iż-żerżiq minn ġnub l-għoljiet u l-għargħar;

45.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġu żviluppati strateġiji ġodda sabiex jiġġieldu lit-tniġġis tal-arja, li qed iqajjem tħassib dwar is-saħħa pubblika, kif ukoll it-tibdil fil-klima, partikolarment fiż-żoni l-aktar industrijalizzati u popolati tal-makroreġjun, filwaqt li jiġu identifikati wkoll sorsi eżistenti ta' tniġġis u jiġu sorveljati mill-qrib l-emissjonijiet tat-tniġġis; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jintroduċu politiki tat-trasport sostenibbli f'konformità mal-miri COP21 ta' Pariġi, u jagħtu appoġġ għall-preservazzjoni u l-manutenzjoni tas-servizzi tal-ekosistema madwar il-makroreġjun kollu tal-Alpi;

46.  Jenfasizza l-importanza ta' infrastruttura tat-trasport tal-enerġija, u jappoġġja s-sistemi intelliġenti ta' distribuzzjoni, ħżin u trażmissjoni tal-enerġija, kif ukoll l-investiment fl-infrastruttura tal-enerġija, kemm għall-produzzjoni kif ukoll għat-trasport tal-elettriku u l-gass, skont in-Netwerk TEN-E u fl-implimentazzjoni ta' proġetti konkreti msemmija fil-lista ta' proġetti ta' interess għall-Komunità tal-Enerġija (PECIs); jenfasizza l-importanza li jiġu sfruttati sorsi ta' enerġija lokali, b'mod partikolari dawk rinnovabbli, sabiex titnaqqas id-dipendenza mill-importazzjonijiet; jitlob li jkun hemm promozzjoni ta' produzzjoni tal-enerġija deċentralizzata/awtoġenerata, u titjib tal-effiċjenza tal-enerġija fis-setturi kollha;

47.  Iħeġġeġ lill-pajjiżi parteċipanti jingħaqdu flimkien biex jimplimentaw l-ippjanar spazjali u l-ġestjoni territorjali integrata, li jinvolvu diversi partijiet ikkonċernati (l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, il-komunità tar-riċerka, NGOs, eċċ.) mir-reġjun;

48.  Isejjaħ għal tisħiħ ulterjuri tal-kollobarazzjoni u l-ħidma li saret fil-qafas tas-Servizz ta' Sorveljanza tal-Glaċieri tad-dinja, b'ħarsa lejn id-deċiżjonijiet tal-konferenza COP21 f'Pariġi u l-istrateġija li għandha tiġi segwita wara;

49.  Jinsab imħasseb dwar it-tibdil fil-klima u ż-żieda fit-temperaturi hija theddida serja għas-sopravivenza tal-ispeċijiet li jgħixu fil-għoli, filwaqt li t-tidwib tal-glaċieri huwa kawża ulterjuri ta' tħassib peress li dan għandu impatt kbir fuq ir-riżervi tal-ilma ta' taħt l-art; jitlob li jsir pjan transnazzjonali wiesa' kontra t-tidwib tal-glaċieri u sabiex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima madwar l-Alpi;

50.  Isejjaħ lill-pajjiżi parteċipanti biex ikomplu bl-isforzi tagħhom sabiex jiddiversifikaw is-sorsi tal-provvista tel-enerġija u jiżviluppaw is-sorsi rinnovabbli disponibbli, bħall-enerġija mix-xemx u mir-riħ, fi ħdan it-taħlita tal-produzzjoni tal-enerġija; jenfasizza s-sostenibilità u l-kompetittività tal-impjanti idroelettriċi; jistieden lill-pajjiżi parteċipanti jikkontribwixxu għat-twaqqif ta' netwerks tal-infrastruttura tal-elettriku li jiffunzjonaw tajjeb fil-makroreġjun;

51.  Jenfasizza li d-diversifikazzjoni tas-sorsi għall-provvista tal-enerġija mhux biss ser ittejjeb is-sigurtà tal-enerġija tal-makroreġjun, iżda ser iġġib ukoll aktar kompetizzjoni, b'benefiċċji importanti għall-iżvilupp ekonomiku tar-reġjun;

o
o   o

52.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u lil parlamenti nazzjonali u reġjonali tal-pajjiżi parteċipanti tal-EUSALP (Franza, l-Italja, l-Iżvizzera, il-Liechtenstein, l-Awstrija, il-Ġermanja u s-Slovenja).

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 259.
(3) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 303.
(4) ĠU C 32, 28.1.2016, p. 12.
(5) ĠU C 19, 21.1.2015, p. 32.
(6) ĠU C 349 E, 29.11.2013, p. 1.
(7) ĠU C 55, 12.2.2016, p. 117.


Il-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika: l-implikazzjonijiet għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja
PDF 394kWORD 61k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2016 dwar il-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika: l-implikazzjonijiet għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja (2015/2341(INI))
P8_TA(2016)0337A8-0221/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 41(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza għall-istabbiltà u li jindirizza l-għeruq ta' dak li jikkawża l-migrazzjoni irregolari u l-ispostament tal-persuni fl-Afrika (Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE għall-Afrika), stabbilit fis-Summit tal-Belt Valletta dwar il-Migrazzjoni, li ġie organizzat fil-11 u t-12 ta' Novembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni konġunt adottat fis-Summit tal-Belt Valletta,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000(1), l-emendi suċċessivi tiegħu u l-Anness IC tiegħu (il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-perjodu 2014-2020) li jikkorrispondi għall-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ),

–  wara li kkunsidra l-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-perjodu 2014-2020, li jikkostitwixxi l-baġit tal-UE, u l-intestatura baġitarja 4 li tinsab fih (''Ewropa Globali''),

–  wara li kkunsidra l-Aġenda għall-Iżvilupp Sostenibbli 2030, adottata fis-Summit tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fi New York fl-2015,

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma Konġunt tal-Persunal dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-emanċipazzjoni tan-nisa: nittrasformaw il-ħajjiet tal-bniet u n-nisa permezz tar-relazzjonijiet esterni tal-UE 2016-2020 (SWD(2015)0182) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2015 li japprovaw il-Pjan ta' Azzjoni tas-Sessi korrispondenti,

–  wara li kkunsidra l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Pekin (1995) u l-Programm ta' Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (ICPD) (1994) u l-eżiti tal-konferenzi ta' rieżami tagħhom,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0221/2016),

A.  billi l-għan ewlieni tal-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE (EUTF) għall-Afrika, iffirmat mill-President tal-Kummissjoni Ewropea flimkien ma' 25 Stat Membru tal-UE, kif ukoll in-Norveġja u l-Iżvizzera, u mniedi fis-Summit tal-Belt Valletta dwar il-Migrazzjoni fit-12 ta' Novembru 2015 mis-sħab Ewropej u Afrikani, huwa li jgħin sabiex titrawwem l-istabbiltà fir-reġjuni u jikkontribwixxi għal ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni; billi, aktar speċifikament, l-EUTF għandu l-għan jindirizza l-kawżi bażiċi tad-destabilizzazzjoni, iċ-ċaqliq sfurzat tal-popolazzjoni u l-migrazzjoni irregolari billi jippromwovi l-opportunitajiet ekonomiċi, l-opportunitajiet indaqs, is-sigurtà u l-iżvilupp;

B.  billi l-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp jibqa' l-qafas dottrinali għall-politika tal-UE dwar l-iżvilupp, u l-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja jafferma mill-ġdid il-prinċipji fundamentali tal-għajnuna umanitarja; billi fl-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli l-ġdida u fl-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli Nru 16 dwar il-paċi u l-ġustizzja, il-paċi ġiet rikonoxxuta bħala komponent essenzjali għall-iżvilupp; billi l-UE u s-sħab tagħha fil-qasam umanitarju għandhom ikunu kapaċi jiżguraw assistenza u protezzjoni bbażati fuq il-ħtiġijiet u fuq ir-rispett għall-prinċipji tan-newtralità, l-imparzjalità, l-umanità u l-indipendenza ta' azzjoni umanitarja, kif stabbilit fid-dritt internazzjonali u b'mod partikolari fid-dritt umanitarju internazzjonali;

C.  billi l-Afrika għadha tesperjenza rati għoljin ħafna ta' tkabbir fil-popolazzjoni u biss tnaqqis kajman fir-rata ta' fertilità, sitwazzjoni li fil-futur qrib se twassal għal żieda qawwija fil-popolazzjoni żagħżugħa fl-età tax-xogħol u ġġib magħha ħafna benefiċċji soċjali u ekonomiċi potenzjali; billi huwa essenzjali li ż-żgħażagħ jingħataw l-edukazzjoni u l-ħiliet li jeħtieġu biex jilħqu l-potenzjal tagħhom u li jinħolqu opportunitajiet ta' impjiegi biex jitrawmu l-istabbiltà, it-tkabbir ekonomiku sostenibbli, il-koeżjoni soċjali u l-iżvilupp fir-reġjun;

D.  billi l-EUTF huwa maħsub sabiex ikun għodda ta' żvilupp li jiġbor flimkien riżorsi minn donaturi differenti sabiex ikun hemm rispons rapidu, flessibbli, komplementari, trasparenti u kollettiv mill-UE għad-dimensjonijiet differenti ta' sitwazzjoni ta' emerġenza;

E.  billi 1,5 biljun persuna jgħixu f'reġjuni fraġli u milquta minn kunflitti u fi stati fraġli madwar id-dinja, u billi qegħdin jiżdiedu l-ispazji mhux iggvernati bil-konsegwenza li bosta persuni jispiċċaw fil-faqar, f'anarkija, korruzzjoni u vjolenza bla rażan; billi l-EUTF inħoloq sabiex jassisti 23 pajjiż fi tliet reġjuni Afrikani (il-Qarn tal-Afrika; is-Saħel u l-baċir tal-Lag Chad; u l-Afrika ta' Fuq) li fosthom jinkludu wħud mill-aktar pajjiżi fraġli tal-Afrika, huma affettwati mill-migrazzjoni bħala pajjiżi ta' oriġini, tranżitu jew ta' destinazzjoni, jekk mhux it-tlieta li huma, u se jiksbu l-akbar benefiċċju minn din il-forma ta' assistenza finanzjarja tal-UE; billi l-ġirien tal-pajjiżi Afrikani eliġibbli jistgħu jibbenefikaw ukoll, fuq bażi ta' każ b'każ, mill-proġetti EUTF li jkollhom dimensjoni reġjonali, bil-għan li jiġu indirizzati l-flussi migratorji reġjonali u l-isfidi transkonfinali relatati;

F.  billi l-EUTF għandu l-għan li jittratta l-kawżi bażiċi tal-migrazzjoni irregolari u l-ispostamenti fil-pajjiżi ta' oriġini, tranżitu u ta' destinazzjoni, permezz ta' ħames setturi prijoritarji, jiġifieri: 1) il-benefiċċji tal-migrazzjoni b'rabta mal-iżvilupp; 2) il-migrazzjoni legali u l-mobbiltà; 3) il-protezzjoni u l-asil; 3) il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari; u 5) ir-ritorn, ir-riammissjoni u l-integrazzjoni mill-ġdid;

G.  billi l-kontribuzzjoni tal-UE tammonta għal EUR 1.8 biljun, filwaqt li l-Kummissjoni tista' tiġbor ukoll fondi addizzjonali mill-Istati Membri tal-UE u donaturi oħrajn għal ammont ekwivalenti; billi l-EUTF għandu jservi biex jikkumplimenta l-għajnuna eżistenti tal-UE lir-reġjuni koperti għall-ammont ta' aktar minn EUR 10 biljuni sal-2020, bil-għan li jappoġġa tkabbir ekonomiku inklużiv u sostenibbli;

H.  billi fl-2014 inħolqu żewġ EUTFs, jiġifieri l-Fond Fiduċjarju ta' Bekou li kien jiffoka fuq l-istabbilizzazzjoni u r-rikostruzzjoni tar-Repubblika Ċentru-Afrikana, li kellu riżultati pożittivi, kif ukoll il-Fond Madad li jittratta r-rispons għall-kriżi Sirjana;

I.  billi r-rapport tal-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Popolazzjoni (UNFPA) - Ir-Rapport Globali tal-ICPD lil hinn mill-2014, ippubblikat fit-12 ta' Frar 2014, enfasizza li l-protezzjoni tan-nisa u tal-adolexxenti milquta mill-vjolenza trid tkun prijorità fl-aġenda internazzjonali tal-iżvilupp;

J.  billi l-fondi fiduċjarji huma parti minn reazzjoni ad hoc, u għalhekk jiżvelaw l-iskarsezza tar-riżorsi u l-flessibbiltà limitata li jikkaratterizzaw il-qafas finanzjarju tal-UE, iżda huma vitali biex jiżguraw reazzjoni rapida u komprensiva għall-kriżijiet umanitarji, inklużi kriżijiet fit-tul;

K.  billi l-UE ser tkompli bl-isforzi għall-implimentazzjoni effettiva tar-Riżoluzzjoni Nru 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u riżoluzzjonijiet sussegwenti tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà;

Allokazzjoni finanzjarja u l-aspetti baġitarji

1.  Ifakkar li l-allokazzjoni finanzjarja hija kkaratterizzata minn tliet fażijiet ewlenin: il-wegħda, l-impenn u l-azzjoni/il-ħlas; jinnota, madankollu, li hemm bżonn li wieħed jitgħallem minn EUTFs preċedenti; jiddispjaċih dwar il-fatt li sal-lum il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri baqgħu baxxi wisq, fejn jammontaw biss għal frazzjoni żgħira tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni u għalhekk huma 'l bogħod milli jilħqu l-impenn uffiċjali, hekk kif f'April 2016 kienu jammontaw biss għal EUR 81.71 miljun (jew 4.5 % minn EUR 1.8 biljun ipproġettati); jinsisti li l-wegħdiet u l-impenji jridu jissarrfu f'azzjoni; ifakkar lill-Kunsill u lill-Kummissjoni li għajnuna effikaċi hija kkaratterizzata minn finanzjament prevedibbli u f'waqtu, u jappella sabiex jitħaffef l-iżborż ta' dan il-finanzjament;

2.  Jilqa' l-intenzjoni li l-fondi jiġu żburżati aktar malajr u b'mod aktar flessibbli f'sitwazzjoni ta' emerġenza, u li jinġabru flimkien diversi sorsi ta' finanzjament biex il-kriżi tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati tiġi indirizzata fil-ħafna dimensjonijiet tagħha; jikkritika l-fatt li l-Kummissjoni ddevjat l-approprjazzjonijiet mill-objettivi u l-prinċipji tal-atti bażiċi biex tmexxihom mill-EUTF, billi dan jikkostitwixxi ksur tar-regoli finanzjarji u barra minn hekk iqiegħed f'riskju s-suċċess fit-tul tal-politiki tal-Unjoni; jitlob għalhekk biex jintużaw approprjazzjonijiet ġodda kill fejn possibbli u li tkun żgurata trasparenza sħiħa dwar l-oriġini u d-destinazzjoni tal-fondi;

3.  Jinnota li fil-qasam tal-azzjoni esterna, l-EUTFs huma maħsuba primarjament biex jippermettu rispons rapidu għal kriżi speċifika ta' emerġenza jew ta' wara emerġenza billi jistimulaw il-kontribut tal-Istati Membri tal-UE u donaturi oħra filwaqt li tiżdied il-viżibilità globali tal-isforzi Ewropej; jenfasizza, madankollu, li l-Istati Membri ma jistgħux jinjoraw l-impenn tagħhom sabiex tintlaħaq il-mira ta' 0.7 % tad-dħul nazzjonali gross (GNI) għall-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA); jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw b'mod xieraq l-impenji tagħhom fir-rigward kemm tal-objettiv ta' 0.7 % tal-ODA kif ukoll il-kontribuzzjoni tagħhom għall-EUTF għall-Afrika;

4.  Jenfasizza l-instabbiltà tal-kontribuzzjonijiet volontarjiu jħeġġeġ lill-Istati Membri jonoraw l-impenji tagħhom u jikkontribwixxu malajr u b'mod effettiv biex tintlaħaq il-kontribuzzjoni tal-Unjoni sabiex l-EUTF ikun jista' jiżviluppa l-potenzjal sħiħ tiegħu aktar milli jiġi pprovdut il-minimu meħtieġ sabiex jinkisbu drittijiet tal-vot fuq il-Bord Strateġiku;

5.  Jiddeplora l-fatt li l-fondi fiduċjarji jwasslu biex tiġi evitata l-awtorità baġitarja u tiġi mminata l-unità tal-baġit; jinnota li l-fatt li dan l-istrument ad hoc ġie stabbilit juri li l-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020 (QFP) huwa iżgħar milli suppost; jirrimarka li l-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri jirrappreżentaw 85 % tal-baġit tal-Unjoni; iqis li t-twaqqif tal-EUTF de facto huwa ekwivalenti għal reviżjoni tal-limiti massimi tal-QFP attwali, billi jiżdiedu l-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri; jenfasizza, għalhekk, li l-ħolqien ta' strumenti ta' finanzjament barra mill-baġit tal-UE għandu jibqa' l-eċċezzjoni; jiddeplora l-fatt li l-Parlament mhuwiex rappreżentat fuq il-Bord Strateġiku, minkejja l-fatt li fondi sostanzjali ġejjin mill-baġit tal-Unjoni; jitlob li l-awtorità baġitarja tiġi mistiedna tipparteċipa fil-Bord Strateġiku;

6.  Jinnota li l-allokazzjoni finanzjarja tal-UE għall-EUTF għall-Afrika tiġi prinċipalment mill-11-il FEŻ; jenfasizza li l-EUTF ġie stabbilit minħabba li l-baġit tal-UE u l-QFP huma nieqsa mir-riżorsi u l-flessibbiltà meħtieġa biex jindirizzaw minnufih u b'mod komprensiv id-dimensjonijiet differenti ta' kriżijiet bħal dawn; jitlob lill-UE biex taqbel li ssib soluzzjoni aktar olistika għall-finanzjament ta' emerġenza fil-qafas tar-reviżjoni ta' din is-sena tal-QFP 2014-2020 u r-reviżjoni tal-istrumenti ta'finanzjament estern fl-2016, bil-ħsieb li tiżdied l-effettività u r-reattività tal-assistenza umanitarja u l-għajnuna għall-iżvilupp disponibbli taħt il-baġit tal-UE;

7.  Jitlob b'mod partikolari, reviżjoni adegwata tal-limitu massimu biex tippermetti l-inklużjoni tal-mekkaniżmi ta' kriżi fil-QFP sabiex terġa' tiġi stabbilita l-unità tal-baġit; iqis li reviżjoni tal-QFP tipprovdi livell akbar ta' ċertezza baġitarja, demokratika u ġuridika; jenfasizza, barra minn hekk, il-bżonn li jiġu rieżaminati r-regoli finanzjarji bil-ħsieb li tiġi ffaċilitata l-ġestjoni tal-fondi baġitarji tal-UE u biex jinkisbu, bħala parti minn approċċ integrat, sinerġiji akbar bejn il-baġit tal-Unjoni, il-FEŻ u kooperazzjoni bilaterali sabiex jiżdied l-impatt tal-finanzjament għall-iżvilupp u titwitta t-triq lejn il-baġitizzazzjoni tal-FEŻ, filwaqt li jinżamm il-livell tar-riżorsi kif previst mill-2021; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu passi immedjati biex ittejjeb l-involviment tal-awtorità baġitarja u tallinja aħjar il-fondi fiduċjarji u mekkaniżmi oħra man-norma baġitarja, b'mod partikolari billi dawn jiġu jidhru fil-baġit tal-Unjoni;

8.  Josserva li l-Parlament, bħala fergħa waħda tal-awtorità baġitarja, wera responsabbiltà billi qabel li jirrilaxxa fondi ta' emerġenza; jiddeplora l-fatt, madankollu, li bħala riżultat tal-proliferazzjoni tal-istrumenti ta' emerġenza, il-metodu Komunitarju qed jiġi abbandunat; jagħti assigurazzjoni tal-intenzjoni tiegħu li jissalvagwardja l-prinċipji fundamentali tal-baġit tal-Unjoni, b'mod partikolari l-unità baġitarja u l-kodeċiżjoni; iqis li dak li huwa verament kruċjali hu rieżami tal-kapaċità tal-Unjoni li tirrispondi għal kriżijiet fuq skala kbira, b'mod partikolari dak li jirrigwarda l-implikazzjonijiet baġitarji tagħhom; jissuġġetta l-approvazzjoni tiegħu ta' proposti futuri dwar strumenti ta' kriżi għall-inkorporazzjoni ta' dawk l-implikazzjonijiet fir-rieżami ta' nofs il-perjodu tal-QFP, li huwa ppjanat li jsir qabel tmiem l-2016;

9.  Josserva li nġabar finanzjament ulterjuri minn strumenti finanzjarji oħrajn taħt il-baġit tal-UE, bħall-Istrument ta' Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI), ta' EUR 125 miljun, l-Istrument ta' Finanzjament għall-Għajnuna Umanitarja, ta' EUR 50 miljun, u l-Istrument Ewropew ta' Viċinat (ENI) ta' EUR 200 miljun;

10.  Jinnota li mill-kontribuzzjoni totali tal-UE ta' EUR 1.8 biljun, EUR 1 biljun mir-riżerva tal-FEŻ biss huwa riżorsa addizzjonali; jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-finanzjament tal-EUTF jista' jiġi implimentat b'detriment għal objettivi oħra tal-iżvilupp; ifakkar li l-għodda EUTF għandha tkun komplementari għal strumenti diġà eżistenti, u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura trasparenza u rendikont dwar l-użu u l-ammont ta' linji baġitarji attwali li jikkontribwixxu għall-EUTF;

11.  Jenfasizza bil-qawwa li l-fondi mis-sorsi tal-FEŻ u tal-ODA għandhom ikunu ddedikati għall-iżvilupp ekonomiku, uman u soċjali tal-pajjiż ospitanti, b'enfasi partikolari fuq l-isfidi tal-iżvilupp identifikati fid-deċiżjoni dwar il-Fond Fiduċjarju; jenfasizza li l-iżvilupp mhuwiex possibbli mingħajr is-sigurtà; jikkundanna kwalunkwe użu ta' fondi tal-FEŻ u tal-ODA għall-ġestjoni tal-migrazzjoni u l-kontroll ta' kwalunkwe azzjoni oħra mingħajr objettivi ta' żvilupp;

Il-finanzjament tal-pajjiżi l-anqas żviluppati

12.  Jenfasizza li l-użu tal-FEŻ biex jiġi ffinanzjat l-EUTF għall-Afrika jista' jkollu impatt fuq il-pajjiżi Afrikani benefiċjarji tal-għajnuna li mhumiex koperti mill-Fond Fiduċjarju, u b'mod partikolari fuq il-pajjiżi l-inqas żviluppati (LDCs);

13.  Jiddispjaċih ħafna dwar il-fatt li, minkejja l-importanza kontinwa tal-ODA għal-LDCs, il-livelli diġà baxxi tal-għajnuna għall-iżvilupp lil-LDCs naqsu għat-tieni sena konsekuttiva fl-2014 u l-proporzjon tal-għajnuna allokata lil dawk il-pajjiżi tinsab fl-aktar livell baxx tagħha f'għaxar snin; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri għaldaqstant, biex jiżguraw li l-għajnuna ma tiġix iddevjata mill-aktar pajjiżi fqar sabiex tkopri l-ispiża tal-kriżijiet attwali;

Ir-rwol tas-soċjetà ċivili, l-NGOs, l-awtoritajiet lokali u l-organizzazzjonijiet internazzjonali

14.  Iqis li l-EUTF għall-Afrika għandu jikkontribwixxi għall-iżvilupp f'pajjiżi ta' tranżitu u ta' oriġini tal-migranti, it-tisħiħ u t-titjib tas-servizzi pubbliċi lokali (servizzi soċjali, is-saħħa, l-edukazzjoni, in-nutrizzjoni, il-kultura), il-parteċipazzjoni politika u l-governanza, speċjalment permezz ta' proġetti bbażati fuq il-komunità; iqis li l-Fond għandu jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' impjiegi f'setturi lokali, filwaqt li jiġu rrispettati d-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent; jemmen, f'dan il-qafas, li l-awtoritajiet tal-gvern lokali għandhom jiġu kkonsultati bħala sħab sħaħ sakemm ikun hemm garanziji kompluti ta' effiċjenza u governanza tajba skont il-prinċipji tal-effikaċja tal-għajnuna, u li dawn għandhom ikunu wkoll l-atturi ewlenin responsabbli mis-servizzi pubbliċi mogħtija fil-livell lokali; jemmen li s-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet nongovernattivi (NGOs), l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-komunitajiet tad-dijaspora għandu jkollhom rwol kumplimentari u rwol ċentrali fl-indirizzar tal-kawżi bażiċi tal-migrazzjoni u t-titjib fis-servizzi lokali;

15.  Ifakkar li l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-NGOs huma sħab naturali għal politika ta' żvilupp effettiva, u li djalogu kontinwu mal-awtoritajiet nazzjonali u l-komunitajiet lokali huwa essenzjali sabiex jiġu definiti strateġiji u prijoritajiet komuni u jippermetti approċċ ibbażat fuq l-evidenza fl-implimentazzjoni tal-Fond, b’mod partikolari fi stati li ma jurux biżżejjed garanziji ta' governanza tajba u trasparenza; jitlob rispett għall-prinċipju ta' sussidjarjetà u sjieda anke f'dan il-qasam ta' azzjoni; jenfasizza li l-entitajiet tal-gvern lokali, is-soċjetà ċivili lokali, l-NGOs u l-organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom ikunu involuti sew fil-fażijiet ta' ppjanar, implimentazzjoni u evalwazzjoni tal-EUTF; jistieden lill-Kummissjoni tiċċara u tifformalizza l-proċeduri ta' konsultazzjoni ma' dawn il-partijiet interessati sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni effettiva tagħhom fid-diskussjonijiet li għaddejjin fi ħdan il-Kumitati Operazzjonali, bi kriterji ta' eliġibbiltà ċari u trasparenti;

16.  Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat bilanċ aħjar ta' finanzjament għall-gvernijiet tal-pajjiżi benefiċjarji u speċjalment għal atturi affidabbli tas-soċjetà ċivili, li għandhom it-tendenza jkunu aktar konxji tad-dgħufijiet tas-soċjetà li għandhom bżonn ta' appoġġ;

17.  Ifakkar fl-importanza li fir-rigward tar-reżiljenza jkun hemm approċċ imfassal madwar il-persuni u l-komunità, u jemmen bis-sħiħ li l-EUTF għandu jiffoka mhux biss fuq l-iżvilupp ekonomiku iżda wkoll fuq proġetti popolari speċifikament immirati biex titjieb il-kwalità, l-ekwità u l-aċċessibbiltà universali tas-servizzi bażiċi kif ukoll taħriġ għall-iżvilupp ta' kompetenzi lokali, u biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta' komunitajiet vulnerabbli, inklużi l-minoranzi;

Trasparenza u ċarezza biex jintlaħqu aħjar l-objettivi

18.  Jirrikonoxxi l-kumplessità u n-natura multidimensjonali tal-kriżi attwali tar-rifuġjati; iwissi, madankollu, kontra r-riskju serju ta' użu ħażin tal-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE, b'mod partikolari f'pajjiżi milquta minn kunflitti fejn kwistjonijiet b'rabta mas-sigurtà, il-migrazzjoni u l-iżvilupp huma marbuta mill-qrib; jenfasizza li l-proġetti koperti mill-EUTF, li nħolqu permezz ta' sorsi li fil-prinċipju huma ddedikati l-aktar għal skopijiet ta' żvilupp, għandu jkollhom objettivi tal-iżvilupp; jenfasizza li proġetti mmirati lejn it-tisħiħ tal-kapaċità tas-sigurtà f'pajjiżi partikolari għandhom ikunu mfasslin b'tali mod li r-riżultati finali tagħhom ikunu ffukati fuq it-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll l-istabbiltà tal-pajjiżi benefiċjarji;

19.  Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet inkarigati direttament bil-ġestjoni tal-Fond Fiduċjarju, li r-riżorsi kollha li ġejjin mill-FEŻ jew fondi oħra għall-iżvilupp għandhom jintużaw esklużivament għal azzjonijiet direttament iddedikati għall-għajnuna għall-iżvilupp; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi espliċitament assigurazzjoni fir-rigward ta' tali użu u tiżgura rappurtar regolari u komprensiv dwar l-użu ta' dawn il-fondi;

20.  Jenfasizza li l-baġit tal-UE ma jistax jintuża direttament għall-finanzjament ta' operazzjonijiet militari jew tad-difiża (l-Artikolu 41(2) tat-TUE), iżda li m'hemmx esklużjoni espliċita għal operazzjonijiet taż-żamma tal-paċi b'objettivi tal-iżvilupp; ifakkar barra minn hekk li l-Artikoli 209 u 212 tat-TFUE ma jeskludux espliċitament il-finanzjament tal-bini tal-kapaċità fis-settur tas-sigurtà;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni, il-Bord Strateġiku u l-Kumitat Operattiv jiffukaw primarjament fuq il-bini tal-kapaċità, l-istabbiltà u l-paċi, ir-reżiljenza, il-benessri u l-għoti tas-setgħa lill-popolazzjonijiet lokali, il-promozzjoni, il-protezzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, il-ħolqien ta' opportunitajiet ta' impjieg u taħriġ, b'mod partikolari għan-nisa u ż-żgħażagħ;

22.  Jenfasizza bil-qawwa li l-għan aħħari tal-politika għall-iżvilupp tal-UE, kif minqux fl-Artikolu 208 tat-TFUE, għandu jkun it-tnaqqis u l-qerda tal-faqar; jiddeplora f'dan ir-rigward il-fatt li filwaqt li l-kontribuzzjoni tal-UE għall-EUTF għandha ssir l-aktar permezz ta' riżorsi mill-ODA, dan il-mekkaniżmu ta' finanzjament mhux se jkun iffukat esklussivament fuq objettivi orjentati lejn l-iżvilupp; jenfasizza li għandha ssir distinzjoni ċara, trasparenti u li tista' tiġi kkomunikata fi ħdan l-EUTF bejn il-pakketti ta' finanzjament għall-attivitajiet ta' żvilupp min-naħa, u dawk l-attivitajiet relatati mal-ġestjoni tal-migrazzjoni, il-kontroll tal-fruntieri u l-attivitajiet l-oħrajn kollha min-naħa l-oħra; jenfasizza li t-tnaqqir tal-ODA sabiex jintużaw anqas fondi għall-ġlieda kontra l-faqar estrem jista' jfixkel il-progress sinifikanti li jkun sar fl-iżvilupp internazzjonali u jhedded l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) adottati reċentement;

Koerenza tal-politika tal-UE u l-impenn għad-drittijiet tal-bniedem

23.  Jitlob lill-UE turi koerenza akbar meta taġixxi fil-qasam tal-kooperazzjoni internazzjonali għall-iżvilupp, minn żewġ perspettivi: l-UE u l-Istati Membri għandhom, min-naħa, jaġixxu skont l-impenji tagħhom u, min-naħa l-oħra, juru koerenza ġenerali fil-politiki u l-istrumenti esterni tagħhom għar-reġjun Afrikan, b'mod partikolari fir-rigward tal-ispirtu ta' koġestjoni tal-Ftehim ta' Cotonou bejn l-UE u l-AKP; iqis, meta tikkunsidra l-perspettiva aħħarija, li l-EUTF għandu jirrifletti l-prinċipju ta' koerenza politika għall-iżvilupp sostenibbli u l-komplementarjetà bejn il-partijiet interessati kollha tal-iżvilupp, u għandu jevita kwalunkwe kontradizzjoni bejn l-għanijiet ta' żvilupp u l-politiki ta' sigurtà, umanitarji u dwar il-migrazzjoni; jittama li l-pakkett ta' regolamentazzjoni aħjar se jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp sostenibbli billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-iżvilupp u d-drittijiet tal-bniedem fil-valutazzjonijiet tal-impatt kollha tiegħu;

24.  Ifakkar li r-regoli u l-kriterji li jirregolaw l-għajnuna għall-iżvilupp għall-proġetti ffinanzjati mill-EUTF għandhom ikunu stabbiliti abbażi ta' valuri kondiviżi u interessi komuni, b'mod partikolari fir-rigward tar-rispett u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza f'dan ir-rigward li l-politika tal-UE dwar il-kooperazzjoni fis-sigurtà, il-ġestjoni tal-migrazzjoni u t-traffikar tal-bnedmin u d-dħul klandestin ta' persuni għandhom jinkludu dispożizzjonijiet speċifiċi mmirati biex jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, b'attenzjoni partikolari fuq id-drittijiet tan-nisa, id-drittijiet ta' persuni LGBTI, is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, id-drittijiet tat-tfal u d-drittijiet tal-minoranzi u gruppi oħra partikolarment vulnerabbli; jindika li l-UE għandha tħeġġeġ sforzi għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' reliġjon jew twemmin personali, il-ġeneru, ir-razza jew l-oriġini etnika, id-diżabilità u l-orjentazzjoni sesswali;

25.  Jinnota li l-fondi fiduċjarji għandhom jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi fit-tul li tiġi żgurata l-paċi u tissaħħaħ il-governanza fil-pajjiżi benefiċjarji; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi vvalutat sistematikament u bir-reqqa l-impatt tal-azzjonijiet iffinanzjati taħt l-EUTF għall-Afrika dwar it-twassil ta' għajnuna umanitarja; jenfasizza li l-EUTF m'għandux jimmina l-kooperazzjoni għall-iżvilupp fuq perjodu twil tal-UE; jenfasizza li s-sjieda u komplementarjetà ta' proġetti fuq perjodu qasir u twil għandhom jiġu żgurati, issalvagwardjati u allinjati mal-istrateġiji eżistenti tal-UE reġjonali u nazzjonali għas-Saħel, il-Golf tal-Guinea, il-Qarn tal-Afrika u l-Afrika ta' Fuq; jenfasizza li hemm bżonn li ssir valutazzjoni komprensiva skont il-pajjiż u s-settur biex ikun hemm allokazzjoni tajba tal-fondi, kif ukoll biex jinħolqu sħubijiet mill-qrib ma' firxa wiesgħa ta' atturi tas-soċjetà ċivili; jilqa' l-komponent ta' riċerka integrat fl-EUTF bħala opportunità potenzjali biex jinħolqu opportunitajiet ta' żvilupp u sinerġiji bejn l-UE u l-pajjiżi kkonċernati;

Objettivi u segwitu

26.  Jistieden lill-Kummissjoni biex b'mod sistematiku kif qed jintużaw il-fondi tal-EUTF u kif jiġu allokati, u żżid is-setgħa ta' skrutinju tal-Parlament fuq l-EUTF; jistieden b'mod partikolari lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jikkomunikaw fuq bażi regolari l-azzjonijiet speċifiċi meħuda kemm mill-UE kif ukoll mill-Istati Afrikani meta jintużaw dawn il-fondi u r-riżultati miksuba;

27.  Jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' koordinazzjoni fost l-atturi kollha involuti fil-ġestjoni tal-EUTF (u b'mod partikolari bejn id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp (DĠ DEVCO) u d-dipartiment tagħha għall-Protezzjoni Ċivili u l-Operazzjonijiet tal-Għajnuna Umanitarja Ewropej (ECHO), u n-nuqqas ta' linji gwida ċari dwar kif jista' jkun żgurat finanzjament; jiddeplora n-nuqqas ta' ċarezza u trasparenza rigward il-kriterji ta' finanzjament u l-volum ta' fondi disponibbli għas-soċjetà ċivili taħt l-EUTF; ifakkar fil-ħtieġa li jkun hemm komunikazzjoni aħjar bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-Parlament fl-ipprogrammar u l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet tal-EUTF b'mod ġenerali, fl-interessi tal-ippjanar ulterjuri ta' Fondi Fiduċjarji oħra addizzjonali; ifakkar li l-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni partikolari biex tiżgura li l-azzjonijiet tagħha jkunu konsistenti u koordinati mal-Programmi ta' Żvilupp Reġjonali (PŻR), sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi u jiġi żgurat li l-enfasi prinċipali tkun fuq l-iżvilupp, u mhux fuq il-kontroll tal-fruntieri u s-sigurtà għad-detriment ta' migranti; jistieden lill-Kummissjoni, għall-istess raġuni kif ukoll sabiex jiġi massimizzat l-impatt u l-effettività tal-għajnuna globali, tkompli bi djalogu effettiv man-NU fil-kuntest tal-EUTF; jistieden ukoll lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-isforzi tagħha bil-għan li jkun hemm valutazzjoni tal-impatt aktar sistematika tal-politiki tagħha u l-finanzjament, inkluż l-EUTF, speċjalment rigward l-effetti tagħhom fuq l-iżvilupp sostenibbli, id-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza bejn is-sessi, u biex tintegra r-riżultati ta' dawn il-valutazzjonijiet fil-politiki tagħha u l-ipprogrammar;

28.  Jenfasizza n-nuqqas ta' involviment tal-Parlament sa issa fl-istabbiliment tal-EUTF, u jinsisti dwar il-ħtieġa li tiġi garantita, permezz ta' rappurtar dettaljat u regolari mill-Kummissjoni, l-iskrutinju tal-Parlament dwar kif qed jiġi implimentat il-Fond;

29.  Jemmen li, fid-dawl tal-flessibbiltà straordinarja u r-rapidità xierqa għal Fond Fiduċjarju, għandu jsir rappurtar perjodiku lill-Parlament tal-anqas darba kull sitt xhur; jenfasizza bil-qawwa l-ħtieġa għal monitoraġġ, evalwazzjoni u awditjar tal-prestazzjoni trasparenti;

30.  Jemmen li t-trasparenza, il-komunikazzjoni u l-viżibbiltà fir-rigward tal-proġetti żviluppati fil-qafas tal-EUTF huma tal-akbar importanza għall-komunikazzjoni tar-riżultati u għall-involviment u s-sensibilizzazzjoni tal-atturi privati Ewropej, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-NGOs u s-soċjetà ċivili sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet għal involviment aktar wiesa' u tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni mill-Istati Membri;

31.  Jenfasizza l-ħtieġa għal monitoraġġ bir-reqqa tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar id-distribuzzjoni mill-ġdid, is-sostituzzjoni fil-pajjiżi tal-oriġini, u l-impenji finanzjarji tal-Istati Membri, b'attenzjoni partikolari għad-drittijiet tal-bniedem;

32.  Ifakkar li l-politiki ta' migrazzjoni tal-UE għandhom jiffukaw primarjament fuq l-indirizzar tal-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni, jenfasizza li l-politiki ta' migrazzjoni tal-UE għandhom jaħdmu biex jgħinu fil-ħolqien tal-paċi u l-istabbiltà u jrawmu l-iżvilupp ekonomiku, f'konformità mal-għanijiet Nri 3, 4 u 5, il-mira Nru 7 tal-għan Nru 10, u l-għan Nru 16 tal-SDGs Agenda 2030 u billi ssir ħidma aktar mill-qrib ma' pajjiżi terzi sabiex titjieb il-kooperazzjoni dwar inċentivi għar-ritorn u l-integrazzjoni mill-ġdid fil-pajjiżi ta' oriġini tal-migranti, inklużi l-migranti, b'ħiliet għolja, ir-ritorn volontarju u r-riammissjoni, b'mod li jtejjeb l-opportunitajiet tagħhom;

33.  Jisħaq fuq il-fatt li l-instabilità u n-nuqqas ta' sigurtà fiżika għandhom huma kawżi prominenti ta' spostament furzat, u għalhekk jappoġġa approċċ sensittiv għall-kunflitt fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Fond li jipprijoritizza l-prevenzjoni tal-kunflitti, il-bini tal-istat, il-governanza tajba u l-promozzjoni tal-istat tad-dritt; jemmen li l-EUTF huwa opportunità kbira għall-UE, li jippermettilha ssaħħaħ il-kooperazzjoni u d-djalogu politiku tagħha mas-sħab Afrikani tagħha, b'mod partikolari rigward l-implimentazzjoni effettiva ta' ftehimiet ta' ritorn u ta' riammissjoni, u biex tibni fuq strateġiji komuni għall-ġestjoni ta' flussi migratorji; jiġbed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa li jinqasmu r-responsabbiltajiet bejn l-UE u s-sħab Afrikani tagħha, f'konformità mal-konklużjonijiet tas-Summit tal-Belt Valletta f'Novembru 2015; iqis, madankollu, li l-għajnuna għall-iżvilupp m'għandhiex tintuża biex jitwaqqfu l-flussi ta' migranti u ta' dawk li jfittxu l-asil, u li l-proġetti li jaqgħu taħt l-EUTF m'għandhomx iservu bħala skuża biex jipprevjenu t-tluq jew l-issikkar tal-fruntieri bejn il-pajjiżi, filwaqt li jiġu injorati l-fatturi li jwasslu biex in-nies jaħarbu minn djarhom; jesprimi tħassib serju dwar l-impatt li l-EUTF jista' jkollu fuq id-drittijiet tal-bniedem, jekk il-kontroll tal-flussi migratorji jinvolvi kooperazzjoni ma' pajjiżi li jwettqu ksur sistematiku u/jew serju tad-drittijiet fundamentali; jitlob lill-Kummissjonisabiex l-Fond jaqdi l-iskop tiegħu, jiġifieri li jgħin lil dawk fil-bżonn u mhux li jiffinanzja lill-gvernijiet li huma responsabbli mill-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob li jittejjeb ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem tal-migranti fi proġetti ffinanzjati mill-UE;

34.  Jenfasizza li huwa importanti li nifhmu l-kawżi u l-konsegwenzi tal-migrazzjoni internazzjonali mill-perspettiva tal-ġeneru, inkluż il-proċess involut ta' teħid ta' deċiżjonijiet u l-mekkaniżmi li jwasslu għall-migrazzjoni; ifakkar li n-nisa u l-bniet, bħala rifuġjati u migranti, huma partikolarment vulnerabbli meta jsibu ruħhom f'sitwazzjonijiet fejn is-sikurezza tagħhom ma tistax tiġi żgurata u fejn dawn jistgħu jkunu suġġetti għal vjolenza jew sfruttament sesswali; jenfasizza li l-EUTF għandu jikkontribwixxi għall-protezzjoni, l-appoġġ u/jew l-assistenza fir-rigward ta' migranti vulnerabbli, rifuġjati u vittmi tat-traffikar, u li għandha tingħata attenzjoni speċjali lin-nisa u t-tfal;

35.  Jinnota li l-EUTF għall-Afrika nħoloq b'segwitu għas-Summit tal-Belt Valletta tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern Afrikani u Ewropej dwar kwistjonijiet ta' migrazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament Ewropew b'ħarsa ġenerali tal-azzjonijiet konkreti li segwew dan is-summit, notevolment fil-qasam tal-iżvilupp, il-ġlieda kontra t-traffikanti u l-iffirmar ta' ftehimiet ta' ritorn, riammissjoni u integrazzjoni mill-ġdid; jistieden lill-Kunsill jagħti l-mandati meħtieġa lill-Kummissjoni biex tikkonkludi tali ftehimiet mal-pajjiżi li jikkonċernahom l-EUTF;

o
o   o

36.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / lir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP/UE u lill-President tal-Parlament Pan-Afrikan.

(1) ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3


Il-ħolqien ta' Kundizzjonijiet fis-Suq tax-Xogħol Favorevoli għal Bilanċ bejn il-Ħajja tal-Familja u dik tax-Xogħol
PDF 494kWORD 82k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2016 dwar il-ħolqien ta' kundizzjonijiet fis-suq tax-xogħol favorevoli għal bilanċ bejn il-ħajja u dik tax-xogħol (2016/2017(INI))
P8_TA(2016)0338A8-0253/2016

Il-Parlament Ewropew,

—  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

—  wara li kkunsidra l-Artikoli 8, 10, 153,(1)(i) u 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

—  wara li kkunsidra l-Artikoli 7, 9, 23, 24 u 33(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

—  wara li kkunsidra l-Karta Soċjali Ewropea tat-3 ta' Mejju 1996, b'mod partikolari l-Parti I u l-Parti II, l-Artikoli 2, 4, 16 u 27, dwar id-dritt tal-ħaddiema li għandhom responsabbiltajiet tal-familja għal opportunitajiet indaqs u trattament ugwali,

—  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu(1) (id-Direttiva dwar il-Leave tal-Maternità),

—  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva dwar il-Leave tal-Maternità (COM(2008)0637),

—  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu adottata fl-ewwel qari fl-20 ta' Ottubru 2010 bil-ħsieb li tiġi adottata d-Direttiva 2011/.../EU tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE dwar l-introduzzjoni ta' miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu u dwar l-introduzzjoni ta' miżuri ta' appoġġ għall-ħaddiema sabiex jilħqu bilanċ bejn il-ħajja professjonali u dik familjari(2), li biha jitlob, fost oħrajn, perjodu ta' ġimagħtejn liv tal-paternità,

—  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE tat-8 ta' Marzu 2010 li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC u li tħassar id-Direttiva 96/34/KE(3),

—  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2013/62/UE tas-17 ta' Diċembru 2013 li temenda d-Direttiva 2010/18/UE li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC, wara l-emenda tal-istatus tal-Majott fir-rigward tal-Unjoni Ewropea(4),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2010 dwar l-applikazzjoni tal-principju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE(5),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol(6),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol(7),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE tal-15 ta' Diċembru 1997 li tikkonċerna l-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC(8),

—  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2016 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Aspetti Soċjali u tal-Impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2016(9),

—  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-liv tal-maternità(10),

—  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta' valur ugwali(11),

—  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2013 dwar l-eliminazzjoni tal-istereotipi tas-sessi fl-UE(12),

—  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2015 dwar il-progress fl-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea fl-2013(13),

—  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2015 dwar l-istrateġija tal-UE għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel wara l-2015(14),

—  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol(15),

—  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-Istrateġija l-Ġdida għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri fl-Ewropa wara l-2015(16),

—  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2016 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE tat-8 ta' Marzu 2010 li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC u li tħassar id-Direttiva 96/34/KE(17),

—  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Ġunju 2011 dwar il-kura u l-edukazzjoni bikrija tat-tfal: nagħtu lil uliedna l-aqwa bidu għad-dinja ta' għada(18),

—  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Ġunju 2015 dwar Opportunitajiet għal Dħul Indaqs għan-nisa u l-irġiel: Intemmu d-differenza bejn is-sessi fil-pensjonijiet,

—  wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-ugwaljanza bejn is-sessi għall-perjodu 2011-2020 adottat mill-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-i7 ta' Marzu 2011(19),

—  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Barċellona tal-15 u s-16 ta' Marzu 2002,

—  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Grupp ta' Tliet Presidenzi tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi tas-7 ta' Diċembru 2015 min-Netherlands, is-Slovakkja u Malta,

—  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 intitolata 'Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2010)2020),

—  wara li kkunsidra l-inizjattiva tal-Kummissjoni 'Pjan direzzjonali: Bidu ġdid biex jiġu indirizzati l-isfidi li jiffaċċjaw il-familji ta' bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tax-xogħol' (Diċembru 2015), kif ukoll il-konsultazzjoni pubblika u tal-partijiet konċernati,

—  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu 'Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni tal-2016: Mhux il-waqt li kollox jibqa' l-istess' (COM(2015)0610),

—  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu 'Tnedija ta' konsultazzjoni dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali' (COM(2016)0127),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu 'Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni – inkluża l-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew 2014-2020' (COM(2013)0083) u r-Rakkomandazzjoni tagħha 2013/112/EU tal-20 ta' Frar 2013 bit-titolu 'L-Investiment fit-Tfal: Niksru ċ-Ċiklu tal-Iżvantaġġ',

—  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu 'Bilanċ aħjar bejn xogħol u ħajja: appoġġ akbar għar-rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali, privata u tal-familja' (COM(2008)0635),

—  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Frar 2011 dwar Il-Kura u l-Edukazzjoni Bikrija tat-Tfal: Nagħtu lil uliedna l-aqwa bidu għad-dinja ta' għada (COM(2011)0066),

—  wara li kkunsidra r-rapport ta' progress tal-Kummissjoni dwar l-objettivi ta' Barċellona tad-29 ta' Mejju 2013 bit-titolu 'L-iżvilupp tas-servizzi ta' akkoljenza tat-tfal żgħar fl-Ewropa għal tkabbir sostenibbli u inklusiv', (COM(2013)0322),

—  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bit-titolu 'The Strategic engagement for gender equality 2016–2019' (L-impenn strateġiku għall-ugwaljanza bejn is-sessi), b'mod partikolari il-Kapitolu 3.1. 'Increasing female labour-market participation and the equal economic independence of women and men' (Inżidu l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tal-impjiegi u l-indipendenza ekonomika ugwali tan-nisa u l-irġiel),

—  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-2015 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea (SWD(2016)0054), u b'mod partikolari l-kapitolu dwar l-indipendenza ekonomika ugwali, p. 10–15,

—  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bit-titolu 'Employment and Social Developments in Europe 2015' (L-impjiegi u l-iżviluppi soċjali fl-Ewropa 2015), tal-21 ta' Jannar 2016, b'mod partikolari l-Kapitolu III.2 'social protection' (Il-protezzjoni soċjali),

—  wara li kkunsidra l-istudji tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound) bit-titolu 'Working time and work-life balance in a life course perspective' (Il-ħinijiet tax-xogħol u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata f'perspettiva tul il-ħajja) (2013), 'Caring for children and dependants: Effect on careers of young workers' (L-indukrar tat-tfal u l-persuni dipendenti – L-effett fuq il-karrieri ta' ħaddiema żgħażagħ) (2013), u 'Working and caring: Reconciliation measures in times of demographic change' (Naħdmu u nindukraw – Miżuri ta' rikonċiljazzjoni fi żminijiet ta' tibdil demografiku) (2015) u s-sitt Stħarriġ Ewropew dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol (2016),

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol dwar "Working time development in the 21st century" (Ħin tax-xogħol għall-iżvilupp fis-seklu 21) tal-2015,

—  wara li kkunsidra l-istudju tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol bit-titolu "Promoting parental and paternity leave among fathers" (Il-promozzjoni tal-liv tal-ġenituri u tal-paternità fost il-missirijiet),

—  wara li kkunsidra r-rapport tan-Netwerk Ewropew għall-Korpi Nazzjonali tal-Ugwaljanza (EQUINET) bit-titolu "Equality bodies promoting a better work-life balance for all" (Korpi tal-Ugwaljanza li jippromwovu bilanċ aħjar bejn il-ħajja privata u x-xogħol għal kulħadd) tat-8 ta' Lulju 2014,

—  wara li kkunsidra l-Indiċi dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-2015 tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi u r-rapport tiegħu tal-2015 bit-titolu "Reconciliation of work, family and private life in the European Union: Policy review" (Ir-rikonċiljazzjoni tax-xogħol, il-familja u l-ħajja privata fl-Unjoni Ewropea: Reviżjoni tal-politika),

—  wara li kkunsidra l-istudju mis-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew ta' Mejju 2015 bit-titolu "Gender equality in employment and occupation – Directive 2006/54/EC, European Implementation Assessment" (L-ugwaljanza bejn is-sessi fl-impjieg u fix-xogħol – id-Direttiva 2006/54/KE, Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea),

—  wara li kkunsidra l-istudju tad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tal-Unjoni tal-Parlament bit-titolu "Maternity, paternity and parental Leave: Data Related to Duration and Compensation Rates in the European Union" (Il-Liv tal-Maternità, tal-Paternità u tal-Ġenituri: Data Relatata mad-Durata u r-Rati ta' Kumpens fl-Unjoni Ewropea),

—  wara li kkunsidra l-istudju tad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tal-Parlament Ewropew bit-titolu "Costs and benefits of maternity and paternity leave" (L-ispejjeż u l-benefiċċji tal-liv tal-maternità u l-paternità),

—  wara li kkunsidra l-istudju tad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tal-Unjoni tal-Parlament bit-titolu "Discrimination Generated by the Intersection of Gender and Disability" (Diskriminazzjoni Ġġenerata mill-Intersezzjoni tas-Sessi u d-Diżabilità),

—  wara li kkunsidra l-istudju tad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tal-Unjoni tal-Parlament ta' Marzu 2016 bit-titolu 'Differences in Men's and Women's Work, Care and Leisure Time' (Id-differenzi bejn ix-xogħol, l-indukrar u l-ħin ta' rikreazzjoni tan-nisa u tal-irġiel),

—  wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-Eurocarers 2014, "Enabling Carers to Care" (Nippermettu lill-Indukraturi Jindukraw),

—  wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għas-saħħa u l-benessri mentali tal-2008 u l-prijorità tiegħu "Mental health in workplace settings" (Is-saħħa mentali fuq il-postijiet tax-xogħol),

—  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni 156 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar ir-Responsabilitajiet tal-Familja (1981) u r-Rakkomandazzjoni 165 tal-ILO dwar il-Ħaddiema li jkollhom Responsabilitajiet Familjari (1981),

—  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-ILO dwar ix-Xogħol Part-Time tal-1994, il-Konvenzjoni tal-ILO dwar ix-Xogħol mid-Dar tal-1996, il-Konvenzjoni tal-ILO dwar il-Protezzjoni tal-Maternità tal-2000 u l-Konvenzjoni tal-ILO dwar il-Ħaddiema Domestiċi tal-2011,

—  wara li kkunsidra r-rapport tal-ILO dwar "Maternity and paternity at work: law and practice across the world" (2014) ((Il-Maternità u l-Paternità fuq il-post tax-xogħol: leġiżlazzjoni u prattika fid-dinja kollha),

—  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet Miftiehma tal-24 ta' Marzu 2016 tal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Istatus tan-Nisa, is-60 sessjoni, b'mod partikolari il-punti (e) sa (g),

—  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma Konġunt tal-ILO u l-UNICEF tat-8 ta' Lulju 2013 bit-titolu "Supporting workers with family responsibilities: connecting child development and the decent work agenda" (L-appoġġ tal-ħaddiema b'responsabbiltajiet tal-familja: nikkollegaw l-iżvilupp tat-tfal u l-aġenda tax-xogħol deċenti),

—  wara li kkunsidra l-Indiċi tal-Ħajja Aħjar tal-2015 tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi,

—  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-deliberazzjonijet konġunti tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi skont l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura,

—  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0253/2016),

A.  billi skont l-aħħar dejta tal-Eurostat, ir-rata tat-twelid fl-UE naqset f'dawn l-aħħar għexieren ta' snin, u l-UE qed tiffaċċja sfidi demografiċi bla preċedent(20) li għalihom l-Istati Membri għandhom jirrispondu; billi l-politiki favur il-familji huma importanti sabiex jiskattaw xejriet demografiċi pożittivi, għaliex l-insigurtà tal-impjieg u l-kundizzjonijiet ta' xogħol diffiċli jista' jkollhom impatt negattiv fuq l-ippjanar tal-familja;

B.  billi fl-2014, 5.1 miljun tifel u tifla twieldu fl-UE-28, li jikkorrispondi għal rata ta' twelid ta' 10.1 ; billi, b'paragun, din ir-rata kienet 10.6 fis-sena 2000, 12.8 fl-1985 u 16.4 fl-1970; billi l-UE qed tiffaċċja sfida demografika serja minħabba r-rati tat-twelid li qegħdin dejjem jonqsu f'ħafna mill-Istati Membri, li gradwalment qed jittrasformaw l-Unjoni f'soċjetà ġerontokratika u jirrappreżentaw theddida serja għat-tkabbir u l-iżvilupp soċjali u ekonomiku;

C.  billi l-kunċett tradizzjonali tar-rwoli tan-nisa u l-irġiel u tal-familja nukleari qed iħabbat wiċċu ma' aktar sfidi hekk kif in-numru ta' familji b'ġenitur wieħed, familji bbażati fuq unjoni bejn persuni tal-istess sess, ommijiet adolexxenti, eċċ qed jiżdiedu fl-UE; billi nuqqas ta' rikonoxximent ta' din id-diversità jwassal għal aktar diskriminazzjoni u jolqot b'mod negattiv in-nies li qed jgħixu fl-UE u l-familji tagħhom;

D.  billi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa hija prinċipju fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 21 u 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprojbixxu kwalunkwe diskriminazzjoni abbażi ta' sess u jirrikjedu li tiġi żgurata ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fl-oqsma kollha, inkluż fl-ilħuq ta' bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

E.  billi l-pjan direzzjonali ppreżentat mill-Kummissjoni huwa punt tat-tluq; billi din l-opportunità jeħtieġ tiftaħ proċess ta' riorganizzazzjoni tas-sitwazzjoni tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tan-nisa u l-irġiel fl-Ewropa, u trid tikkontribwixxi b'mod sinifikanti biex jintlaħqu livelli ogħla ta' ugwaljanza bejn is-sessi;

F.  billi politiki ta' rikonċiljazzjoni mfassla u implimentati tajjeb għandhom jitqiesu bħala titjib essenzjali tal-ambjent tax-xogħol, li jippermetti kundizzjonijiet ta' xogħol tajba u l-benesseri soċjali u professjonali; billi fl-istess ħin, bilanċ tajjeb bejn ix-xogħol u l-ħajja privata jippromwovi t-tkabbir ekonomiku, il-kompetittività, il-parteċipazzjoni globali tas-suq tax-xogħol, l-ugwaljanza bejn is-sessi, it-tnaqqis tar-riskju tal-faqar u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet, jindirizza l-isfidi ta' soċjetà li qed tixjieħ u tinfluwenza b'mod pożittiv ir-rati tat-twelid fl-UE; billi l-politiki li għandhom jiġu implimentati biex jinkisbu dawn l-objettivi għandhom ikunu moderni, iffokati fuq it-titjib tal-aċċess għan-nisa tas-suq tax-xogħol u qsim indaqs tal-kompiti domestiċi u tal-indukrar bejn in-nisa u l-irġiel, u għandhom ikunu bbażati fuq l-istabbiliment ta' qafas tal-politika koerenti appoġġat minn ftehimiet kollettivi li jippermettu bbilanċjar aħjar bejn l-indukrar, il-ħajja professjonali u dik privata;

G.  billi l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata jiddependi fil-parti l-kbira fuq l-arranġamenti tal-ħin ta' xogħol fuq il-post tax-xogħol; billi tqajmu dubji dwar jekk għadd akbar ta' sigħat ta' xogħol u sigħat ta' xogħol itwal humiex ta' benefiċċju għall-ekonomija f'termini ta' żieda fil-produttività; billi proporzjon sinifikanti ta' ħaddiema fl-UE għandhom sigħat ta' xogħol atipiċi, fosthom jaħdmu fi tmiem il-ġimgħa u fi btajjel pubbliċi u jagħmlu xogħol bix-xift u xogħol bil-lejl, u kważi nofs il-ħaddiema ħadmu fil-ħin liberu tagħhom fl-2015; billi riċerki reċenti jindikaw li l-arranġamenti tal-ħin tax-xogħol jinbidlu regolarment għal 31 % tal-impjegati, spiss b'avviż fi żmien qasir(21); billi dan jista' jqajjem tħasseb dwar is-saħħa u s-sigurtà, b'żieda għola ta' riskju ta' inċidenti fuq il-post tax-xogħol u livell iktar baxx ta' saħħa fuq perjodu ta' żmien twil, u jista' jagħmilha diffiċli biex il-ħaddiema jibbilanċjaw ix-xogħol ma' dmirijiet lejn it-tfal u dipendenti oħrajn; billli xi setturi huma milquta b'mod aktar gravi, bħas-servizzi ta' bejgħ bl-imnut, fejn il-biċċa l-kbira tal-impjegati huma nisa;

H.  billi l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom iniedu miżuri speċifiċi li jrawmumudelli adattabbli u effettivi tal- prestazzjoni tal-impjiegi , kemm fis-settur pubbliku kif ukoll dak privat, li jippermettu lill-ħaddiema jiksbu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

I.  billi fl-2015, ir-rata ta' impjieg għall-irġiel kienet ta' 75,9 % fl-UE-28, imqabbla mal-64,3 % għan-nisa(22), minkejja l-fatt li n-nisa għandhom livell ta' edukazzjoni aħjar; billi n-numru ta' nisa fil-forza tax-xogħol hija saħansitra iktar baxxa meta jitqiesu r-rati ta' impjieg f'ekwivalenti ta' full-time, peress li s-sehem ta' impjiegi part-time fost in-nisa huwa kbir ħafna f'xi Stati Membri; billi fl-2013, l-irġiel qattgħu 47 siegħa fil-ġimgħa fuq xogħol imħallas, meta mqabbel ma' 34 siegħa għan-nisa; billi meta ngħoddu flimkienis-sigħat ta' xogħol imħallas u xogħol mhux imħallas fid-dar, in-nisa żgħażagħ bħala medja ħadmu 64 siegħa, meta mqabbel ma' 53 siegħa fil-każ tal-irġiel żgħażagħ(23); billi t-telf fil-PDG per capita li huwa attribwibbli għad-disparitajiet bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol ġie stmat li jilħaq sa 10 % fl-Ewropa;

J.  billi, fil-kuntest attwali tal-politiki soċjoekonomiċi, ta' impjieg u ta' ugwaljanza fil-livell tal-UE, l-istrateġija Ewropa 2020 u li l-miri stabbiliti qabel qegħdin 'il bogħod ħafna milli jintlaħqu; billi mingħajr politiki proattivi mfassla u implimentati biex jgħinu n-nisa jidħlu fis-suq tax-xogħol, speċjalment politiki li jippromwovu bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, kwalunkwe mira stabbilita fil-livell tal-UE fil-fatt ma tistax tintlaħaq;

K.  billi s-swieq tax-xogħol Ewropej huma segregati skont il-ġeneru(24); billi l-Kummissjoni irrikonoxxiet dan fil-Komunikazzjoni tagħha tat-8 ta' Marzu 2016 dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (COM(2016)0127, Anness I), fejn qalet li "in-nisa għadhom sottorappreżentati fl-impieg, rrappreżentati żżejjed fix-xogħol part-time u dak b'paga baxxa, u jirċievu pagi fis-siegħa aktar baxxi anke meta jwettqu xogħol ekwivalenti, minkejja li għaddew lill-irġiel fil-ksib edukattiv";

L.  billi l-faqar u l-inugwaljanzi li dejjem qed jikbru marru għall-agħar bil-politiki makroekonomiċi implimentati mill-UE u l-miżuri ta' awsterità imposti b'rispons għall-kriżi ekonomika;

M.  billi l-ġlieda favur il-bilanċ bejn il-ħajja privata u dik tax-xogħol hija partikolarment diffiċli għall-ġenituri waħedhom, li l-maġġoranza tagħhom huma nisa; billi fit-28 Stat Membru tal-UE mhux inqas minn 34 % tal-ommijiet waħedhom huma f'riskju ta' faqar, u t-tfal li ġejjin minn dawk il-familji huma sproporzjonatament f'riskju ikbar ta' trażmissjoni tal-faqar minn ġenerazzjoni għall-oħra;

N.  billi r-riperkussjonijiet dannużi tal-femminizzazzjoni tal-faqar għandhom l-ikbar impatt fuq it-tfal imrobbija minn ommijiet waħedhom li qed jesperjenzaw diffikultajiet serji biex jibbilanċjaw ir-rwol tagħhom bħala l-unika persuna li ġġib il-flus lejn id-darmar-responsabbiltajiet tagħhom bħala ġenituri;

O.  billi l-ugwaljanza bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol hija ta' benefiċċju mhux biss għan-nisa iżda wkoll għall-ekonomija u għas-soċjetà kollha kemm hi, peress li hi assi ekonomiku ewlieni li tippromwovi t-tkabbir ekonomiku sostenibbli u inklużiv u tnaqqas l-inugwaljanza okkupazzjonali, kif ukoll l-effiċjenza u l-fluwidità fis-suq tax-xogħol; billi d-dħul u d-dħul mill-ġdid tan-nisa fil-ħajja tax-xogħol iwasslu għal żieda fid-dħul tal-familja, fil-konsum, fil-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u fil-volum ta' taxxi li jinġabru; billi n-nisa għadhom iħabbtu wiċċhom ma' diskriminazzjoni fl-aċċess u fiż-żamma tal-impjieg, kif ukoll ċaħda tad-drittijiet tax-xogħol minħabba, b'mod partikolari, it-tqala u l-maternità;

P.  billi d-differenzi bejn il-pagi tan-nisa u tal-irġiel jilħqu s-16.3 %, u billi l-forom atipiċi u inċerti tal-kuntratti tax-xogħol ukoll jolqtu lin-nisa aktar mill-irġiel;

Q.  billi l-inugwaljanza fis-suq tax-xogħol għandha konsegwenzi u impatti tul il-ħajja kollha fuq id-drittijiet tan-nisa, bħall-pensjonijiet, kif jixhed id-39 % differenza fil-pensjonijiet bejn is-sessi fl-UE, li tirrappreżenta aktar mid-doppju tad-differenza ta' 16 % fil-pagi bejn is-sessi ;

R.  billi fost il-kategoriji professjonali differenti, huma partikolarment in-nisa li jaħdmu għal rashom u l-imprendituri nisa li qed ikollhom diffikultà akbar biex jiksbu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; billi, spiss ħafna, in-nisa li jkollhom il-ħsieb li jiftħu negozju jkollhom diffikultà biex jiksbu aċċess għall-kreditu, għaliex l-intermedjarji finanzjarji joqogħdu lura milli jagħtu s-self, minħabba li jqisu li l-imprendituri nisa huma aktar esposti għar-riskju u għandhom inqas probabbiltà li jkabbru n-negozji tagħhom;

S.  billi l-isterjotipi mgħoddija b'mod wiesa' mis-soċjetà iħallu lin-nisa fi rwol subordinat; billi dawn l-isterjotipi jibdew jiżviluppaw matul it-tfulija u huma riflessi fl-għażliet edukattivi u ta' taħriġ u jibqgħu għaddejjin fis-suq tax-xogħol; billi n-nisa huma ta' spiss limitati għall-impjiegi "tan-nisa" u ta' spiss mhumiex mitħallsa biżżejjed; billi dawn it-taqsimiet tas-suq tax-xogħol jirriproduċu sterjotipi li jimponu ammont kbir ħafna ta' indukrar li jrid isir prinċipalment minn nisa, u dan iwassal biex in-nisa jqattgħu bejn id-doppju u għaxar darbiet aktar ħin mill-irġiel fuq l-indukrar mhux imħallas(25); billi l-istereotipi tas-sessi u d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sessi għandhom implikazzjonijiet negattivi għall-indipendenza u l-prospetti personali, soċjali u ekonomiċi tan-nisa, u jwasslu għal konċentrazzjonijiet ogħla ta' nisa li jaħdmu part-time, interruzzjonijiet tal-karriera u riskju ogħla ta' faqar u esklużjoni soċjali, partikolarment għall-ommijiet waħedhom, u għalhekk jolqtu l-awtonomija tan-nisa;

T.  billi t-tipi ta' liv relatat mal-familja għadhom ikunu bażi ta' diskriminazzjoni u stigmatizzazzjoni kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel, minkejja l-qafas tal-politika u l-leġiżlazzjoni eżistenti fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, u dan jolqot b'mod partikolari lin-nisa li jaħdmu bħala indukraturi ewlenin li jużaw il-liv relatat mal-familja;

U.  billi d-differenzi bejn l-għadd ta' irġiel u ta' nisa li jieħdu l-liv tal-ġenituri jixhed diskriminazzjoni bbażata fuq is-sessi; billi r-rata ta' missirijiet li jieħdu liv tal-ġenituri fl-Istati Membri għadha baxxa, (10 % biss tal-missirijiet jieħdu għall-inqas jum wieħed ta' liv), u 97 % tan-nisa jużaw il-liv tal-ġenituri li hu disponibbli għaż-żewġ ġenituri; billi d-data disponibbli tikkonferma li t-tipi ta' liv tal-familja li ma jitħallsux jew li jitħallsu b'mod inadegwat jirriżultaw f'rati ta' parteċipazzjoni baxxi; billi l-liv tal-ġenituri li hu parzjalment jew kollu kemm hu mhux trasferibbli u li jkun imħallas sew jappoġġa użu aktar ibbilanċjat miż-żewġ ġenituri, u jgħin biex titnaqqas id-diskriminazzjoni kontra n-nisa fis-suq tax-xogħol; billi huma biss ftit Stati Membri li jħeġġu lill-missirijiet sabiex jagħmlu l-aħjar użu mil-liv tal-paternità jew tal-ġenituri, u dan iwassal biex l-irġiel ikunu mċaħħda mill-opportunità li jipparteċipaw b'mod indaqs fl-indukrar tat-tfal u fil-ħin li jqattgħu magħhom;

V.  billi huwa vitali li jiġu introdotti miżuri għall-promozzjoni tal-aċċess tal-liv min-naħa tal-missirijiet, b'mod partikolari għaliex il-missirijiet li jieħdu l-liv tal-familja jibnu relazzjoni aħjar ma' wliedhom u għandhom aktar probabbiltà li jkollhom rwol attiv fil-kompiti futuri relatati mal-indukrar tat-tfal;

W.  billi l-istudji tal-Eurofound urew aspetti li jinfluwenzaw ir-rati ta' teħid tal-liv tal-ġenituri min-naħa tal-missirijiet, jiġifieri: il-livell ta' kumpens, il-flessibbiltà tas-sistema tal-liv, id-disponibbiltà ta' informazzjoni, id-disponibbiltà u l-flessibbiltà tal-faċilitajiet tal-indukrar tat-tfal u l-biża' ta' esklużjoni mis-suq tax-xogħol minħabba l-fatt li wieħed jieħu l-liv;

X.  billi d-disponibbiltà ta', u aċċess għal, edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal (ECEC) li jkunu adegwati u ta' kwalità, indukrar għal persuni dipendenti oħra u servizzi soċjali ta' kwalità għolja huma wieħed mill-fatturi prinċipali li jinfluwenzaw il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol; billi hemm nuqqas ta' infrastruttura suffiċjenti li toffri kura tat-tfal ta' kwalità u aċċessibbli għal-livelli kollha ta' dħul; billi għal 27 % tal-Ewropej, il-kwalità baxxa tal-indukrar tat-tfal tagħmilha diffiċli biex jaċċessaw dawn is-servizzi(26); billi l-kisba ta' servizzi ta' kwalità jfisser investiment f'taħriġ tal-ħaddiema li jindukraw it-tfal(27); billi huma biss 11-il Stat Membru li laħqu l-ewwel mira ta' Barċellona (indukrar tat-tfal disponibbli għal mill-inqas 90 % tat-tfal bejn l-età ta' 3 snin u l-età skolastika obbligatorja) u 10 Stati Membri biss laħqu t-tieni mira (mill-anqas 33 % tat-tfal taħt l-età ta' 3 snin)19(28);

Y.  billi l-edukazzjoni u l-indukrar fit-tfulija bikrija u l-esperjenzi tat-tfal bejn u it-twelid u l-età ta' 3 snin għandhom impatt deċiżiv fuq l-iżvilupp konjittiv tagħhom, peress li jiżviluppaw kapaċitajiet essenzjali fl-ewwel ħames snin;

Z.  billi l-politiki ta' bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għandhom ukoll jippermettu lilll-ġenituri jwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom lejn uliedhom, filwaqt li jiżguraw il-mezzi finanzjarji, il-ħin u l-appoġġ meħtieġ għall-ommijiet u l-missirijiet;

AA.  billi l-Ewropa hija kontinent bl-ikbar numru ta' ċittadini anzjani u proċess ta' tixjiħ li se jibqa' għaddej matul id-deċennji li ġejjin; billi ħafna Stati Membri huma nieqsa minn biżżejjed faċilitajiet ta' indukrar għal żmien twil biex jindirizzaw iż-żieda fil-bżonnijiet ta' indukrar u l-istaġnar jew it-tnaqqis fl-indikatur ta' snin ta' ħajja b'livell tajjev ta' saħħa; billi l-biċċa l-kbira tal-impjiegi maħluqa fl-indukrar formali fid-dar lill-qraba anzjani huma mħallsa ħażin u jeħtieġu kwalifiki baxxi(29).

AB.  billi fl-UE, 80 % tal-bżonnijiet ta' indukrar huma pprovduti minn indukraturi informali; billli madwar 3.3 miljun Ewropew li għandhom bejn 15 u 34 sena kellhom jieqfu mix-xogħol full-time tagħhom minħabba nuqqas ta' faċilitajiet għat-tfal dipendenti jew qraba anzjani;

AC.  billi l-ICT u t-teknoloġiji emerġenti biddlu l-ambjenti tax-xogħol u tal-impjiegi, il-kulturi organizzattivi u l-istrutturi fis-setturi kollha; billi dawk li jfasslu l-politika jridu jżommu ruħhom aġġornati mal-iżviluppi teknoloġiċi, sabiex jiżguraw li l-istandards soċjali u l-ugwaljanza bejn is-sessi jimxu 'l quddiem minflok imorru lura f'dawn iċ-ċirkostanzi l-ġodda;

AD.  billi l-kombinazzjoni tal-indukrar u x-xogħol imħallas għandha impatt importanti fuq is-sostenibbiltà tax-xogħol u r-rati ta' impjiegi, b'mod partikolari għan-nisa li matul ħajjithom jista' jkollhom responsabbiltajiet ta' indukrar ta' wlied uliedhom u/jew ta' ġenituri anzjani (30);

AE.  billi f'xi sistemi legali fl-UE ma teżistix l-individwalizzazzjoni tas-sistemi tat-taxxa u ta' sigurtà soċjali, u n-nisa jingħataw biss drittijiet derivati permezz tar-relazzjoni tagħhom mal-irġiel, inkluż l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa u tal-pensjonijiet; billi l-Istati Membri li jimponu d-dipendenza tal-mara miżżewġa/omm qegħdin jimponu diskriminazzjoni diretta kontra n-nisa, u jiċħdu d-drittijiet ta' ċittadinanza sħiħa lin-nisa permezz tal-mod selettiv li bih jitwasslu s-servizzi tal-istat;

AF.  billi huma meħtieġa politiki mmirati lejn is-suq tax-xogħol u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata sabiex jitqiesu l-ostakoli intersezzjonali li jħabbtu wiċċhom magħhom nisa vulnerabbli bħan-nisa b'diżabilità, nisa żgħażagħ, nisa migranti u refuġjati, nisa minn sfondi ta' minoranza etnika u nisa LGBTI f'termini ta' bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u s-sigurtà tal-impjiegi;

AG.  billi l-fatt li l-ħaddiema jingħataw ħin frank għall-iżvilupp personali u tat-taħriġ fil-kuntest tat-tagħlim tul il-ħajja mingħajr ma ssir diskriminazzjoni kontrihom, jibbenefika l-benessri tagħhom kif ukoll il-kontribut tagħhom għall-ekonomija b'aktar ħiliet u produttività ogħla(31);

AH.  billi l-implimentazzjoni ta' politiki dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata minnha nnifisha mhux se tipproduċi benefiċċji għall-ħaddiema sakemm ma tiġix akkumpanjata minn politiki biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-ħajja, flimkien ma' politiki biex jitrawmu u jiġu promossi, fost l-oħrajn, l-attivitajiet kulturali, rikreattivi u sportivi;

Prinċipji ġenerali

1.  Jirrimarka li l-bilanċ bejn il-ħajja professjonali, privata u tal-familja huwa kunċett wiesa' li jinkludi politiki ġenerali kollha ta' natura leġiżlattiva u mhux leġiżlattiva immirati lejn il-promozzjoni bilanċ xieraq u proporzjonat bejn id-diversi aspetti ta' ħajjet in-nies; iqis li l-kisba ta' bilanċ ġenwin bejn ix-xogħol u l-ħajja privata jeħtieġ politiki robusti, trasversali, strutturali u komprensivi, inklużi inċentivi u miżuri effikaċi għar-rikonċiljazzjoni tax-xogħol, l-indukrar u l-ħin imqatta' mal-familja u l-ħbieb, u l-ħin għar-rekreazzjoni u l-iżvilupp personali; jinnota li fuq kollox tenħtieġ bidla kulturali fis-soċjetà, li titratta l-isterjotipi tas-sessi sabiex ix-xogħol u l-kura jinqasmu b'mod iktar ugwali bejn l-irġiel u n-nisa;

2.  Jenfasizza li l-bilanċ bejn il-ħajja professjonali, privata u tal-familja jeħtieġ jiġi garantit bħala dritt fundamentali għal kulħadd, fl-ispirtu tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, permezz ta' miżuri li jkunu disponibbli għal kulħadd, li jmorru lil hinn minn ommijiet, missirijiet żgħażagħ u indokraturi; jappella għall-introduzzjoni ta' qafas li jiżgura dan id-dritt bħala l-għan bażiku tas-sistemi soċjali u jappella lill-UE u lill-Istati Membri biex jippromwovu, kemm fis-settur pubbliku u privat, mudelli tal-benesseri kummerċjali li jirrispettaw id-dritt għal bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; iqis li dan id-dritt għandu jiġi integrat fl-attivitajiet tal-UE li jista' jkollhom impatt dirett jew indirett fuq din il-kwistjoni;

3.  Jirrimarka li l-UE qed tiffaċċja bidliet demografiċi bla preċedent: iż-żieda fil-medja tat-tul tal-ħajja, rati iktar baxxi ta' twelid, bidliet fl-istrutturi familjari flimkien ma' forom ġodda ta' bini ta' relazzjonijiet u (ko)abitazzjoni, ġenituri f'età avvanzata u migrazzjoni, li jippreżentaw sfidi ġodda għall-UE; jinsab imħasseb li l-kriżi ekonomika u finanzjarja kellha impatt negattiv fuq il-finanzi pubbliċi meħtieġa għal politiki ta' bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u biex tiġi ggarantita d-disponibilità u l-aċċess għal servizzi ta' interess ġenerali ta' kwalità bi prezz li jintlaħaq; jappella, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimplimentaw politiki pożittivi u inċentivi għall-appoġġ tat-tiġdid demografiku, iż-żamma tas-sistemi ta' sigurtà soċjali u l-promozzjoni tal-benesseri u l-iżvilupp tal-persuni u tas-soċjetà kollha kemm hi;

4.  Jenfasizza li r-rata tat-twelid li qed tonqos fl-UE ggravat minħabba l-kriżi, peress li l-qgħad, opportunitajiet ta' impjieg prekarji u l-inċertezza rigward il-futur u diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol qed iwasslu biex iż-żgħażagħ, b'mod partikolari n-nisa żgħażagħ professjonali, jitilfu l-interess li jkollhom it-tfal bil-għan li jibqgħu attivi f'suq tax-xogħol dejjem aktar kompettitiv; f'dan il-kuntest, jistieden lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali biex jippromwovu ambjenti tax-xogħol favur il-familja, pjanijiet ta' rikonċiljazzjoni, programmi għar-ritorn lura għax-xogħol, kanali ta' komunikazzjoni bejn l-impjegati u min iħaddem, u inċentivi għan-negozji u għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom, b'mod partikolari biex jiżguraw li n-nies mhux qed ikunu penalizzati ekonomikament minħabba li jkollhom it-tfal u li l-aspirazzjonijiet leġittimi ta' karriera ma jmorrux kontra l-pjanijiet familjari; jenfasizza barra minn hekk li l-liv tal-maternità, tal-paternità u tal-ġenituri jistgħu jiġu applikati effettivament b'benefiċċji għas-soċjetà u l-ekonomija jekk jiġu applikati flimkien ma' strumenti oħra ta' politika, inkluż il-forniment ta' ndukrar tat-tfal ta' kwalità u bi prezz li jintlaħaq;

5.  Jilqa' l-approċċ tal-Kummissjoni lejn il-politiki dwar il-bilanċ bejn x-xogħol u l-ħajja privata bħala kruċjali fl-indirizzar tal-isfidi soċjoekonomiċi; jistieden lis-sħab soċjali Ewropej joħorġu bi ftehim dwar pakkett komprensiv ta' miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi dwar ir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali, privata u tal-familja; jistieden lill-Kummissjoni, biex filwaqt li tirrispetta l-prinċipji tas-sussidjarjetà tippreżenta proposta għal pakkett bħal dan bħala parti mill-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2017 fil-kuntest tal-pilastru Ewropew tad-drittijiet soċjali mħabbar jekk ma jkunx possibbli li jintlaħaq ftehim bejn is-sħab soċjali; jenfasizza li l-proposti leġiżlattivi għandhom jinkludu l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel bħala bażi legali; jistieden lill-Kummissjoni taħdem f'kooperazzjoni mas-sħab soċjali lejn pilastru tad-drittijiet soċjali, li jwassal għal investiment soċjali reali li jenfasizza primarjament l-investiment fin-nies;

6.  Jilqa' t-tnedija min-naħa tal-Kummissjoni ta' konsultazzjoni pubblika dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali biex tiġbor il-fehmiet u rispons dwar numru ta' prinċipji essenzjali biex jiġu appoġġjati swieq tax-xogħol u sistemi ta' assistenza soċjali li jiffunzjonaw tajjeb u ġusti fiż-żona tal-euro;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw politiki u miżuri li jirrikonoxxu d-diversità li qed tiżdied tar-relazzjonijiet tal-familja, inkluż is-sħubiji ċivili u l-arranġamenti tat-trobbija tat-tfal mill-ġenituri u min-nanniet, kif ukoll id-diversità tas-soċjetà kollha kemm hi, b'mod partikolari biex jiggarantixxu li t-tfal ma jiġux iddiskriminati minħabba l-istatus maritali tal-ġenituri jew il-kostituzzjoni tal-familja tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jirrikonoxxu dokumenti legali b'mod reċiproku bil-għan li jiġi ggarantit il-moviment liberu mingħajr diskriminazzjoni;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw u jimplimentaw politiki u jipprovdu miżuri li jappoġġaw lil dawk li huma l-aktar żvantaġġjati jew esklużi minn leġislazzjoni u politiki eżistenti, bħal familji b'ġenitur wieħed, koppji mhux miżżewġin, koppji tal-istess sess, migranti, persuni li jaħdmu għal rashom jew l-hekk imsejħa 'konjuġi ta' għajnuna', u l-familji li membru wieħed jew aktar tagħhom għandhom diżabilità;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-leġiżlazzjoni u l-politiki dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata jqisu l-Konvenzjoni tal-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità u l-Osservazzjonijiet Konklużivi tal-Kumitat CRPD tan-NU tal-2015 lill-UE;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-benesseri u l-aħjar interessi tat-tfal ikunu wieħed mill-kunsiderazzjonijiet ewlenin fl-iżvilupp, fil-monitoraġġ u fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimplimentaw bis-sħiħ ir-Rakkomandazzjoni dwar l-Investiment fit-Tfal(32) u jissorveljaw mill-qrib il-progress tagħha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw u jintroduċu inizjattivi, bħal Garanzija għat-Tfal, li tqiegħed lit-tfal fil-qalba ta' politiki għat-tnaqqis tal-faqar eżistenti sabiex it-tfal kollha jista' jkollhom aċċess għal kura tas-saħħa mingħajr ħlas, edukazzjoni mingħajr ħlas, kura tat-tfal, djar diċenti u nutrizzjoni adegwata bħala parti minn pjan integrat Ewropew għall-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal;

11.  Iqis li l-faqar fost it-tfal huwa marbut mal-faqar tal-ġenituri, u għalhekk jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni dwar il-Faqar u l-Benesseri tat-Tfal u jużaw il-qafas ta' monitoraġġ ibbażat fuq l-indikaturi msemmi fiha;

12.  Jenfasizza l-importanza li jiġi inkorporat approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja fil-politiki dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u fl-istrateġiji korporattivi bil-għan li jkun żgurat li kulħadd jiġi appoġġjat fi żminijiet differenti matul il-ħajja tagħhom u jkun jista' jipparteċipa b'mod attiv fis-suq tax-xogħol bi drittijiet tax-xogħol u fis-soċjetà b'mod ġenerali;

13.  Jenfasizza li bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u ugwaljanza aktar imsaħħa bejn is-sessi huma essenzjali għall-appoġġ tal-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, b'mod partikolari l-indukraturi nisa u l-ommijiet waħedhom, u għall-kisba tal-għan tal-emanċipazzjoni tan-nisa; jenfasizza li t-trasformazzjoni u l-adattament tas-suq tax-xogħol huma essenzjali għall-emanċipazzjoni ekonomiku tan-nisa sabiex jitqiesu ċ-ċikli tal-ħajja tan-nisa;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw politiki ta' trasformazzjoni u biex jinvestu f'kampanji ta' sensibilizzazzjoni biex jingħelbu l-isterjotipi tas-sessi u jippromwovu sehem aktar ugwali tal-attivitajiet ta' indukraru x-xogħol domestiku, li jiffokaw wkoll fuq id-dritt u l-ħtieġa li l-irġiel jerfgħu responsabbiltajiet tal-indukrar mingħajr ma jiġu stigmatizzati u ppenalizzati; iqis li għandha ssir enfasi fuq in-negozji u dawn għandhom jingħataw appoġġ fl-isforzi tagħhom biex jippromwovu l-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol u biex jiġġieldu d-diskriminazzjoni;

15.  Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni u t-tkeċċija illegali relatata mal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, li jaffettwa b'mod partikolari l-ħaddiema nisa u biex jiżguraw l-aċċess għall-ġustizzja u l-azzjoni legali, inkluż billi jżidu l-ammont ta' informazzjoni offruta dwar id-drittijiet tal-ħaddiema u l-assistenza legali, jekk meħtieġa; jistieden f'dan il-kuntest lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jipproponu politiki għat-titjib tal-infurzar tal-miżuri kontra d-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol, inkluż iż-żieda fis-sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet legali rigward it-trattament indaqs permezz tat-twettiq ta' kampanji ta' informazzjoni, it-treġġigħ lura tal-oneru tal-provi(33) u l-għoti tas-setgħa lil korpi ta' ugwaljanza nazzjonali biex iwettqu investigazzjonijiet formali fuq inizjattiva tagħhom stess ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza u tingħata għajnuna lill-vittmi potenzjali ta' diskriminazzjoni;

16.  Jenfasizza li n-nuqqas ta' data komprensiva, affidabbli u aġġornata regolarment dwar l-ugwaljanza jagħmilha iżjed diffiċli biex tiġi pprovata l-eżistenza ta' diskriminazzjoni, b'mod partikolari diskriminazzjoni indiretta; jappella lill-Istati Membri jiġbru data dwar l-ugwaljanza b'mod sistematiku u jagħmluha disponibbli, bl-involviment tal-korpi ta' ugwaljanza nazzjonali u tal-qrati, inkluż bil-ħsieb li ssir analiżi u monitoraġġ ta' din id-data għar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi; jistieden lill-Kummissjoni tieħu inizjattivi biex tippromwovi aktar dan il-ġbir ta' data permezz ta' Rakkomandazzjoni lill-Istati Membri, u billi l-Eurostat jiġi inkarigat bl-iżvilupp tal-konsultazzjonijiet li għandhom l-għan li jintegraw id-diżaggregazzjoni tad-data abbażi tar-raġunijiet kollha ta' diskriminazzjoni fl-indikaturi tal-Istħarriġ Soċjali Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli tikkoopera mal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) biex ittejjeb il-kwantità u l-kwalità ta' data diżaggregata skont is-sess b'mod sistematiku;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrevedi b'mod regolari l-progress miksub f'oqsma kritiċi ta' tħassib kif inhu identifikat fil-Pjattaforma ta' Beijing għall-Azzjoni li għalihom diġà ġew żviluppati indikaturi mill-EIGE, filwaqt li jitqiesu l-eżiti ta' dawn ir-reviżjonijiet fil-valutazzjoni tagħha dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-UE;

18.  Jinnota r-rwol importanti tal-korpi ta' ugwaljanza nazzjonali fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi 2000/78/KE, li jikkontribwixxu biex titqajjem kuxjenza u għall-ġbir tad-data, iżommu kuntatt mas-sħab soċjali u ma' partijiet ikkonċernati oħrajn, jindirizzaw in-nuqqas ta' rapportar u jagħmlu l-proċessi tal-ilment aktar aċċessibbli; jistieden lill-Istati Membri jsaħħu r-rwol, il-kapaċitajiet u l-indipendenza tal-korpi ta' ugwaljanza, inkluż l-Equinet, fosthom permezz tal-għoti ta' finanzjament adegwat; jitlob b'mod partikolari għat-tisħiħ tal-organizzazzjonijiet previsti fid-Direttiva dwar it-Trattament Ugwali 2006/54/KE, li tiggarantixxi aċċess għall-ġustizzja u azzjoni legali;

19.  Iqis li hu meħtieġ li jiġi pprovdut taħriġ xieraq fuq il-leġiżlazzjoni ta' nondiskriminazzjoni fl-impjieg u l-ġurisprudenza għall-impjegati ta' awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali u korpi ta' infurzar tal-liġi u għall-ispetturi tax-xogħol; jemmen li taħriġ bħal dan huwa wkoll ta' importanza kritika għall-imħallfin, il-prosekuturi, l-avukati u l-forza tal-pulizija;

20.  Jistieden lill-Istati Membri biex flimkien mal-Kummissjoni jiggarantixxu li d-drittijiet għal allokazzjonijiet soċjali mogħtija mill-politiki pubbliċi jkunu aċċessibbli bl-istess mod għan-nisa u għall-irġiel, sabiex jiġi żgurat li kulħadd ikun jista' jgawdi d-drittijiet tiegħu u biex ikunu jibbilanċjaw ix-xogħol u l-ħajja tal-familja;

Li n-nisa u l-irġiel jaqilgħu u jindukraw indaqs

21.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu eliminati l-inugwaljanzi bejn is-sessi fix-xogħol imħallas u mhux imħallas u li tiġi promossa l-kondiviżjoni ugwali tar-responsabbiltajiet u l-ispejjeż tal-indukrar għat-tfal u dipendenti bejn in-nisa u l-irġiel, iżda wkoll fis-soċjetà inġenerali, inkluż billi jiġi żgurat aċċess universali għal servizzi ta' interess ġenerali; jindika, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa ta' proposti speċifiċi biex jintlaħaq bilanċ aħjar bejn il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja privata;

22.  Jiddeplora l-persistenza tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa, li tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju fundamentali ta' paga ugwali għal xogħol ugwali għall-ħaddiema nisa u rġiel stabbilita fl-Artikolu 157 tat-TFUE, li tolqot b'mod partikolarilin-nisa li għandhom u li qed irabbu t-tfal; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri, f'kooperazzjoni mas-sħab soċjali u mal-organizzazzjonijiet tal-ugwaljanza bejn is-sessi, biex jistabbilixxu u jimplimentaw politiki li jeliminaw id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa; jistieden lill-Istati Membri jwettqu ppjanar dwar il-pagi fuq bażi regolari biex jikkomplementaw dawn l-isforzi;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni, f'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Ġunju 2016 dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, biex issaħħaħ l-istatus tal-impenn strateġiku tagħha dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u biex tintegra perspettiva tas-sessi fl-Istrateġija Ewropa 2020 sabiex tiżgura li l-ħidma dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi ma ssirx inqas prijorità; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għalhekk, tadotta Strateġija għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi għal wara l-2015 b'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi għall-perjodu 2011-2020;

24.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw politiki proattivi u investiment xieraq immirati u mfassla b'mod li jkunu ta' appoġġ għan-nisa u l-irġiel li jidħlu, jirritornaw, jibqgħu u javvanzaw fis-suq tax-xogħol wara perjodi ta' liv relatat mal-familja u l-indukrar, b'impjieg sostenibbli u ta' kwalità, b'konformità mal-Artikolu 27 tal-Karta Soċjali Ewropea; jenfasizza b'mod partikolari l-ħtieġa li jiġi ggarantit l-impjieg mill-ġdid, fl-istess karigajew f'karigaekwivalenti jew simili, il-protezzjoni kontra t-tkeċċija jew trattament inqas favorevoli minħabba t-tqala, applikazzjoni għal u/jew teħid ta' liv tal-familja, u perjodu ta' protezzjoni wara r-ritorn tagħhom ħalli jkunu jistgħu jaġġustaw mill-ġdid f'xogħolhom;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvolvu lis-sħab soċjali u lis-soċjetà ċivili fil-politiki dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi; jenfasizza l-importanza ta' finanzjament adegwat għal dawn il-politiki, ta' ftehimiet kollettivi u ta' negozjar kollettiv fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fuq il-post tax-xogħol, u ta' riċerka u skambji ta' prattiki tajbin;

26.  Jikkunsidra li l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u l-indipendenza ekonomika tagħhom hija kruċjali biex tintlaħaq il-mira tal-Ewropa 2020 ta' rata tal-impjiegi inġenerali ta' 75 % u biex tingħata spinta lill-PDG; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex isaħħu l-politiki u jżidu l-investiment favur l-impjieg tan-nisa f'impjiegi ta' kwalità, b'mod partikolari fis-setturi u fil-pożizzjonijiet fejn in-nisa huma sottorappreżentati, bħax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM) u fis-setturi tal-ekonomija ekoloġika, jew f'pożizzjonijiet ta' ġestjoni għolja fis-setturi kollha;

Tipi ta' liv relatati mal-familja u mal-indukrar

27.  Jinnota li l-Kummissjoni rtirat ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Liv tal-Maternità u jitlob li din tressaq proposti ambizzjużi bi standards ta' livell għoli, f'kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali u b'konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili, sabiex jiġi żgurat bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li n-nisa jitħallsu kif ukoll koperti minn protezzjoni soċjali matul il-perijodu ta' liv tal-maternità biex jappoġġaw lill-familji u l-ġlieda kontra l-inugwaljanzi, isaħħaħ l-indipendenza soċjali u ekonomika tan-nisa u biex ikun evitat li jiġu penalizzati finanzjarjament talli jkollhom it-tfal; jenfasizza li liv tal-maternità jrid ikun akkumpanjat minn miżuri effettivi li jipproteġu d-drittijiet tan-nisa tqal u ta' ommijiet ġodda, waħedhom u li jreddgħu, li jirriflettu r-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa;

28.  Jitlob li jkun hemm koordinazzjoni mtejba dwar it-tipi differenti ta' liv fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri b'kooperazzjoni mas-sħab soċjali; jinnota li aċċess aħjar għal tipi differenti ta' liv jipprovdi lill-persuni b'perspettiva ta' liv dwar iċ-ċiklu tal-ħajja u jżid il-parteċipazzjoni fix-xogħol, l-effiċjenza ġenerali u s-sodisfazzjon fuq il-post tax-xogħol; jinnota li fejn m'hemmx dispożizzjonijiet għal-liv, jew fejn dawk eżistenti huma kkunsidrati bħala insuffiċjenti, is-sħab soċjali, jista' jkollhom rwol importanti fl-istabbiliment ta' dispożizzjonijiet ġodda jew fl-aġġornament ta' dawk attwali għal-liv tal-maternità, tal-paternità u tal-ġenituri;

29.  Jappella lill-Istati Membri jipprovdu sostituzzjoni ta' dħul u protezzjoni soċjali xierqa matul kwalunkwe liv relatat mal-familja jew mal-indukrar sabiex jiġi żgurat li l-ħaddiema bi dħul baxx ikunu jistgħu jibbenefikaw minn miżuri ta' liv, bl-istess kundizzjonijiet, bħall-oħrajn;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika rapport ta' implimentazzjoni dwar id-Direttiva dwar il-Liv tal-Ġenituri u jistieden lill-Kummissjoni u lis-sħab soċjali biex jikkunsidraw li joffru estensjoni xierqa tat-tul minimu tal-liv tal-ġenituri b'sostituzzjoni ta' dħul adegwat u bi protezzjoni soċjali minn erbgħa għal mill-inqas sitt xhur u biex tiżdied l-età tat-tfal li għalihom jista' jittieħed il-liv tal-ġenituri; jenfasizza li l-ġenituri għandhom jingħataw il-flessibilità biex jużaw il-liv fi frazzjonijiet differenti jew kollu kemm hu; jappella lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali biex jikkunsidraw mill-ġdid is-sistemi tagħhom ta' kumpens finanzjarju għal-liv tal-ġenituri bil-għan li jintlaħaq livell adegwat ta' sostituzzjoni tad-dħul li jaġixxi bħala inċentiv u jinkoraġġixxi wkoll lill-irġiel jeżerċitaw id-dritt għal-liv tal-ġenituri lil hinn minn perjodu ta' żmien minimu ggarantit mid-Direttiva; itenni li l-liv tal-ġenituri għandu jinqasam ugwalment bejn il-ġenituri u li parti sinifikanti għandha tibqa' mhux trasferibbli(34); jenfasizza li ż-żewġ ġenituri għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod rigward id-drittijiet għad-dħul u t-tul ta' żmien tal-liv;

31.  Jinnota żieda fil-vulnerabilità ta' ġenituri li jaħdmu li għandhom tfal b'diżabilità; Jistieden għalhekk, lill-Kummissjoni biex ittejjeb u ssaħħaħ id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2010/18/UE rigward il-kundizzjonijiet ta' eliġibbiltà u regoli dettaljati għall-għoti tal-liv tal-ġenituri lil dawk li għandhom it-tfal b'diżabilità jew b'mard inkapaċitanti serju jew fit-tul; jistieden lill-Istati Membri, f'dan ir-rigward, biex jestendu l-possibbiltà ta' liv tal-ġenituri għal dawn il-ġenituri wara l-età statutorja tat-tfal previst fid-Direttiva u li jingħatalhom aktar liv tal-maternità, tal-paternità (fejn jeżisti) u liv tal-ġenituri;

32.  Jemmen li l-promozzjoni tal-individwalizzazzjoni tad-dritt għal arranġamenti ta' liv, kif ukoll ir-rwol tal-missirijiet fit-trobbija ta' wliedhom billi jieħdu l-liv, huma essenzjali biex jntlaħaq il-bilanċ bejn is-sessi fir-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-ħajja privata u l-mira ta' impjieg għan-nisa u l-irġiel fl-Istrateġija Ewropa 2020;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq, sabiex tagħti lok lill-ġenituri bi tfal jew b'persuni dipendenti oħra jiksbu bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja, inizjattivi b'bażi soda u koerenti dwar:

   (1) direttiva dwar il-liv tal-paternità b'mhux anqas minn ġimagħtejn liv obbligatorju bi ħlas sħiħ;
   (2) direttiva dwar il-liv tal-indukraturi li tissupplementa l-forniment ta' indukrar professjonali, li tippermetti lill-ħaddiema jindukraw persuni dipendenti u toffri lill-indukratur rimunerazzjoni u protezzjoni soċjali xierqa; talbiet għal flessibbiltà xprunati mill-impjegati u biżżejjed inċentivi għall-irġiel sabiex ikunu jistgħu jieħdu l-liv tal-indukraturi;
   (3) standards minimi applikabbli fl-Istati Membri kollha biex jiġu indirizzati l-bżonnijiet speċifiċi ta' ġenituri u tfal adottivi u biex jiġu stabbiliti l-istess drittijiet bħal dawk tal-ġenituri naturali,

jirrikonoxxi li xi Stati Membri diġà ħadu miżuri proattivi dwar il-liv tal-paternità u l-liv tal-indukraturi;

34.  Jistieden lill-Istati Membri jintroduċu "care credits" (krediti tal-indukrar) permezz ta' leġiżlazzjoni dwar ix-xogħol u s-sigurtà soċjali kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel bħala perjodi ekwivalenti għall-akkumulazzjoni ta' drittijiet tal-pensjoni sabiex jiġu protetti dawk li jieqfu għal ftit mill-impjieg biex jipprovdu ndukrar informali u mhux imħallas lil persuna dipendenti jew membru tal-familja u biex jiġi rikonoxxut il-valur tax-xogħol ta' dawn l-indukraturigħas-soċjetà kollha kemm hi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jaqsmu l-aħjar prattiki f'dan il-qasam;

Indukrar għal persuni dipendenti

35.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod effettiv il-miri ta' Barċellona sal-2020 u japprovaw l-Qafas ta' Kwalità tal-2014 dwar l-edukazzjoni bikrija u l-indukrar tat-tfal;

36.  Ifakkar li l-investiment f'servizzi soċjali, inkluż l-infrastruttura, jiġġenera ammont ta' impjiegi konsiderevoli, li jwassal ukoll għal dħul addizzjonali sinifikanti għas-settur pubbliku f'taxxi tal-impjieg u kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali; jitlob lill-Istati Membri jinvestu fl-edukazzjoni u l-indukrar ta' kwalità fit-tfulija bikrija u servizzi ta' ndukrar għall-anzjani u dipendenti; jistedinhom jiżguraw id-disponibbiltà, prezz li jintlaħaq u aċċess universali għal dawn is-servizzi billi, pereżempju, iżidu n-nefqa pubblika fuq servizzi ta' ndukrar, inklużi skemi għal għajxien indipendenti, u billi jsir użu aħjar mill-fondi tal-UE; jitlob li r-reviżjoni tal-QFP tintuża wkoll biex jiżdied l-investiment fis-servizzi soċjali u fl-infrastruttura, b'mod partikolari bl-għajnuna tal-FSE, l-FEŻR u l-FEIS; jistieden lill-Istati Membri biex iqisu l-għoti ta' aċċess bla ħlas għal servizzi ta' ndukrar għall-familji li jgħixu fil-faqar u fl-esklużjoni soċjali; jinnota wkoll l-impatt sproporzjonat tan-nuqqas ta' investiment fi strutturi u servizzi pubbliċi tal-indukrar fuq il-ġenituri waħedhom, li l-maġġoranza kbira tagħhom huma nisa;

37.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi rikonoxxut ix-xogħol li jsir minn nies li jiddedikaw il-ħin u l-ħiliet tagħhom biex jieħdu ħsieb lill-anzjani u persuni dipendenti;

38.  Jenfasizza li l-indukrar ta' tfal b'diżabilità joħloq sfidi partikolari għall-ġenituri li jaħdmu, u dan għandu jkun rikonoxxut mis-soċjetà u appoġġjat mill-politiki pubbliċi u n-negozjar kollettiv; jistieden lill-Istati Membri biex fl-għoti ta' servizzi ta' indukrar tat-tfal ta' qabel l-iskola jagħmlu enfasi mhux biss fuq l-aċċessibbiltà iżda anki fuq il-kwalità ta' dak l-indukrar, b'mod partikolari għal tfal li ġejjin minn ambjent żvantaġġat u tfal b'diżabbilità;

39.  Jistieden lill-Istati Membri biex jappoġġaw il-politiki fiskali bħala lieva qawwija li żżid il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u t-trawwim tal-impjieg tan-nisa;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jintroduċu miri għall-indukrar tal-anzjani, persuni b'diżabilità u persuni dipendenti oħrajn, simili għall-miri ta' Barċellona, b'għodod ta' monitoraġġ li għandhom ikejlu l-kwalità, l-aċċessibbiltà u prezz li jintlaħaq; jistieden lill-Eurostat, il-Eurofound u lill-EIGE (għall-Indiċi tal-Ġeneru tiegħu), biex jiġbru data relevanti u jwettqu studji b'appoġġ għal din il-ħidma;

41.  Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu n-netwerk ta' servizzi speċjalizzati li jipprovdu l-indukrar ta' persuni anzjani, u b'mod speċifiku biex jibnu netwerks ta' servizzi fid-djar; f'dan is-sens, jenfasizza wkoll il-ħtieġa għal politiki dwar l-indukrar tal-anzjani biex dan jiġi adattat għal bżonnijiet individwali u, jekk possibbli, biex issir enfasi fuq il-post ta' ndukrar preferut tagħhom;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni biex taħdem lejn standards kwalitattivi Ewropej għas-servizzi kollha ta' ndukrar, inklużi d-disponibbiltà, l-aċċessibiltà u l-prezz li jintlaħaq tagħhom, li jappoġġjaw lill-Istati Membri fil-proċess ta' titjieb tal-istandards fil-qasam tal-indukrar; ifakkar l-oqfsa eżistenti bħalma huma l-Qafas Ewropew ta' Kwalità għal Servizzi ta' Ndukrarfit-Tul, li għandha tittieħed ispirazzjoni minnhomt; Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw politiki li jippermettu u jakkomodaw id--deistituzzjonalizzazzjoni tal-indukrar fit-tul, fejn ikun possibbli u bl-appoġġ ta' ndukrar ibbażat fil-komunità;

43.  Jirrimarka li element importanti fil-kisba ta' servizzi ta' kwalità huwa l-investiment fil-forza tax-xogħol(35); jistieden għalhekk lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali biex jippromowovu kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti u impjieg ta' kwalità għall-indukraturi, fosthom permezz ta' paga diċenti, rikonoxximent tal-istatus ta' indukraturi u l-iżvilupp ta' mogħdijiet ta' taħriġ vokazzjonali ta' kwalità għolja għall-indukraturi;

Impjiegi ta' kwalità

44.  Jiġbed l-attenzjoni dwar il-livelli għolja ta' ħaddiema foqra fl-Ewropa kollha, b'xi nies li jkollhom jaħdmu aktar u aktar fit-tul, anke li jikkombinaw diversi impjiegi, sabiex jaqilgħu paga li tiggarantixxi l-għajxien; jappella lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali jiżviluppaw qafas ta' politika għall-pagi b'miżuri effettivi kontra d-diskriminazzjoni fil-pagi u l-garanzija ta' pagi adegwati għall-ħaddiema kollha, pereżempju permezz tal-introduzzjoni ta' pagi minimi fil-livell nazzjonali li jiggarantixxu ħajja dinjituża, skont il-prattiċi nazzjonali; jappella lill-Istati Membri jappoġġaw in-negozjar kollettiv bħala fattur importanti fl-iżvilupp ta' politiki dwar il-paga;

45.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għandu jkun ibbażat fuq id-drittijiet tal-ħaddiema u s-sigurtà fis-suq tax-xogħol, u fuq id-dritt li jieħdu ħin frank mingħajr ma dan jitnaqqas minħabba żieda fil-mobbiltà u rekwiżiti ta' flessibbiltà; jenfasizza l-fatt li żieda fil-flessibbiltà tista' tirriżulta f'intensifikazzjoni tad-diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol attwalment esperjenzata min-nisa – fil-forma ta' pagi aktar baxxi, forom mhux standard ta' impjieg u responsabbiltà sproporzjonata għal kompiti domestiċi mhux imħallsa – jekk ma jitteħidx minn qabel approċċ ċar dwar l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi;

46.  Jappella lill-Eurofound jiżiluppa aktar l-attivitajiet tiegħu għall-monitoraġġ tal-kwalità tal-impjiegi permezz ta' Stħarriġ Ewropew dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol, ibbażat fuq il-kunċett ta' impjieg ta' kwalità li jinkludi: qligħ, prospetti, kwalità tal-ħin tax-xogħol, l-użu ta' ħiliet u d-diskrezzjoni, l-ambjent soċjali, ir-riskju fiżiku u l-intensità fuq ix-xogħol; jappella, barra minn hekk, lill-Eurofound biex tiżviluppa r-riċerka tagħha dwar politiki, ftehimiet tas-sħab soċjali u prattiki tal-kumpaniji li jappoġġaw l-impjiegi ta' kwalità(36); jappella lill-Eurofound ikompli jimmonitorja l-okkorenza ta' arranġamenti dwar il-ħin tax-xogħol u jipprovdi analiżi tal-politiki pubbliċi u l-ftehimiet mas-sħab soċjali f'dan il-qasam, inkluża valutazzjoni dwar kif dawn jiġu negozjati u l-appoġġ għal bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; jappella lill-Eurofound biex tiżviluppa riċerka dwar kif il-familji fejn iż-żewġ ġenituri jaħdmu jistgħu jiġġestixxul-arranġamenti tal-ħin tax-xogħol tagħhom flimkien u kif jistgħu jiġu appoġġjati bl-aħjar mod;

47.  Jenfasizza li, min-naħa waħda, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata jrid ikun ibbażat fuq id-drittijiet tal-ħaddiema u s-sigurtà fis-suq tax-xogħol, u fuq id-dritt li jieħdu ħin frank mingħajr ma dan jitnaqqas minħabba żieda fil-mobbiltà u rekwiżiti ta' flessibbiltà; jindika, min-naħa l-oħra, id-differenzi fis-sitwazzjoni personali u tal-familja ta' kull ħaddiem u għalhekk iqis li l-impjegati għandhom jingħataw il-possibilità li jużaw arranġamenti ta' xogħol flessibbli sabiex jadattaw dawn għaċ-ċirkostanzi speċifiċi tagħhom tul iċ-ċiklu tal-ħajja; iqis li tali flessibbiltà iffokata fuq l-impjegati tista' tippromwovi rati ogħla ta' impjiegi fost in-nisa; jenfasizza li l-impjegati u min iħaddem għandhom responsabbiltà kondiviża biex ifasslu u jaqblu dwar l-aktar arranġamenti xierqa; jappella lill-Kummissjoni tindirizza s-sitwazzjoni fl-Istati Membri dwar "Dritt li jitolbu arranġamenti flessibbli ta' xogħol";

48.  Jappoġġa "smart working" (xogħol intelliġenti) bħala metodu ta' organizzazzjoni ta' xogħol permezz ta' taħlita ta' flessibilità, awtonomija u kollaborazzjoni, li mhux neċessarjament jeħtieġu li l-ħaddiem ikunu preżenti fuq il-post tax-xogħol jew f'post predefinit u li tippermettilhom li jimmaniġġjaw huma stess is-sigħat tax-xogħol tagħhom, filwaqt li tkun żgurata konsistenza ma' massimu ta' sigħat ta' xogħol kuljum u kull ġimgħa stabbiliti mil-liġi u permezz ta' ftehimiet kollettivi; jenfasizza, għalhekk, il-potenzjal ta' ħidma intelliġenti biex jinkiseb bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, b'mod partikolari għall-ġenituri li jirritornaw jew li jidħlu fis-suq tax-xogħol wara l-liv tal'-maternità jew tal-ġenituri; jiċħad, madankollu, bidla minn kultura ta' preżenza ta' kultura ta' disponibbiltà permanenti; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali, biex meta jiżviluppaw politiki tax-xogħol intelliġenti, biex jiżguraw li dawn ma jimponux piż addizzjonali fuq il-ħaddiem, iżda pjuttost isaħħu l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u jżidu l-benesseri tal-ħaddiema; jenfasizza l-ħtieġa li wieħed jiffoka fuq il-kisba ta' riżultati tal-impjiegi biex jiġi evitat l-abbuż ta' dawn il-forom ġodda ta' xogħol; jappella lill-Istati Membri biex jippromwovu l-potenzjal tat-teknoloġija bħad-data diġitali, l-Internet b'veloċità għolja, teknoloġija tal-awdjo u tal-vidjo għal arranġamenti ta' telexogħol;

49.  Jenfasizza li mudelli alternattivi bħall-kooperattivi u l-mutwalitajiet għandhom potenzjal enormi biex imexxu 'l quddiem l-ugwaljanza bejn is-sessi u bilanċ tajjeb bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, b'mod partikolari fl-ambjent diġitali emerġenti tax-"xogħol intelliġenti", minħabba l-livell ogħla ta' parteċipazzjoni tal-impjegati fit-teħid tad-deċiżjonijiet; jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jistudjaw l-impatt tal-kooperattivi u l-mudelli kummerċjali alternattivi fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, speċjalment fis-setturi tat-teknoloġija, jistabbilixxu politiki biex jippromwovu u jaqsmu l-mudelli tal-aħjar prattiki;

50.  Huwa mħasseb dwar iż-żieda fl-ammont ta' xogħol part-time involontarju, b'mod partikolari fost in-nisa b'responsabbiltajiet ta' indukrar, li żżid ir-riskju tagħhom ta' faqar fost il-ħaddiema; jenfasizza li meta ħaddiem jagħżel xogħol part-time, il-kwalità tal-impjieg tiegħu u n-non-diskriminazzjoni kontrih meta mqabbel ma' ħaddiema full-time jridu jiġu garantiti f'konformità mad-Direttiva tax-Xogħol part-time(37), u jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti segwitu għall-applikazzjoni ta' din id-direttiva; jappella lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-ħaddiema li jaħdmu part-time, il-ħaddiema li qed jiffaċċjaw it-twaqqif tax-xogħol u l-ħaddiema b'distakki fil-karriera jew b'perjodi fejn ġew maħduma inqas sigħat ikollhom id-dritt ta' aċċess għal skema ta' pensjoni diċenti mingħajr ebda forma ta' diskriminazzjoni;

51.  Huwa mħasseb dwar l-abbuż ta' kuntratti ta' sigħat żero f'xi Stati Membri u l-użu abbużiv ta' kuntratti temporanji, kuntratti involontarji, irregolari, imprevedibbli u t-tul eċċessiv ta' sigħat ta' xogħol u apprendistati ta' kwalità baxxa, li jagħmel bilanċ tajjeb bejn ix-xogħol u l-ħajja privata impossibbli fuq medda twila ta' żmien; jappella, għalhekk, lill-Istati Membri u s-sħab soċjali biex jitrattaw b'mod urġenti s-sitwazzjoni ta' impjieg prekarju, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ u n-nisa;

52.  Jirrimarka li sigħat tax-xogħol eċċessivi u irregolari u perjodi ta' serħan inux suffiċjenti, in-nuqqas ta’ sigurtà tal-impjiegi u obbligi sproporzjonati ta’ prestazzjoni mitluba, jikkostitwixxu fatturi maġġuri ta' livelli ogħla ta' stress, livell baxx ta' saħħa fiżika u mentali u inċidenti u mard relatati max-xogħol; jirrimarka li l-ħinijiet tax-xogħol flessibbli u prevedibbli jinfluwenzaw b'mod pożittiv il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata(38); jappella lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali biex jiżguraw il-ħinijiet tax-xogħol u jiżguraw perjodu ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa permezz tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni relevanti kollha; ifakkar l-obbligu tal-Kummissjoni li tkompli tibni fuq l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol u biex tikkunsidra li tiftaħ proċeduri ta' ksur kontra dawk l-Istati Membri li qed jonqsu milli jikkonformaw magħha;

53.  Jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, lis-sħab soċjali u lill-partijiet ikkonċernati biex jiffokaw fuq l-organizzazzjoni innovattiva fuq il-post tax-xogħol u biex jibbilanċjaw kemm il-ħtiġijiet tax-xogħol u l-ħajja privata kif ukoll il-produttività/profittabbiltà tan-negozju; jinnota li r-rabta pożittiva bejn iż-żieda fl-impjiegi tan-nisa, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u l-kompetittività tan-negozju, f'termini ta' tnaqqis fl-assenteiżmu, il-marġini tal-potenzjal tal-produzzjoni, il-fatturat, l-attrazzjoni tat-talent, il-lealtà, ir-riallokazzjoni tar-riżorsi għall-iżvilupp ta' pjanijiet ta' assistenza soċjali, iż-żieda fl-istandard tal-għajxien u l-ħin liberu, ġiet ppruvata b'mod wiesa' mill-aħjar prattiki fl-Ewropa f'numru ta' intrapriżi kbar jew netwerks tal-SMEs;

54.  Jenfasizza li n-nisa u l-persuni LGBTI jiffaċċjaw ostakoli u sorsi ta' stress speċifiċi bbażati fuq is-sess fuq il-post tax-xogħol, inkluż fastidju, esklużjoni, diskriminazzjoni jew sterjotipi tas-sessi, li jħallu impatt negattiv fuq il-benesseri tagħhom fuq ix-xogħol, u li jheddu s-saħħa mentali tagħhom u l-kapaċità tagħhom li jagħmlu progress fil-karriera tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu aktar passi sabiex jindirizzaw dawn il-kundizzjonijiet avversi billi jiżguraw l-implimentazzjoni xierqa ta' leġiżlazzjoni rilevanti kontra d-diskriminazzjoni, kif ukoll il-programmi ta' tagħlim tul il-ħajja sensittivi lejn is-sessi, u jaħdmu ma' trejdjunjins u ma' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

55.  Jistieden lill-Istati Membri jibnu u jsaħħu korpi nazzjonali ta' spezzjoni tax-xogħol billi jipprovdulhom il-kundizzjonijiet finanzjarji u r-riżorsi finanzjarji u umani li jagħtuhom preżenza effettiva fil-post u b'hekk ikunu jistgħu jiġġieldu l-insigurtà tal-impjiegi, l-impjieg mhux regolat, u d-diskriminazzjoni fix-xogħol u fil-paga, b'mod partikolari mill-perspettiva tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa;

56.  Jappella lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva 2006/54/KE dwar it-Trattament Ugwali u jitlob lill-Kummissjoni biex tirrevedi d-Direttiva, u tippromwovi fost il-kumpaniji l-implimentazzjoni ta' pjanijiet dwar l-ugwaljanza tal-ġeneru, inklużi azzjonijiet dwar id-desegregazzjoni, l-iżvilupp ta' sistemi ta' ħlas u miżuri li jappoġġaw il-karrieri tan-nisa; jenfasizza l-importanza tar-rwol tal-korpi ta' ugwaljanza fl-assistenza lill-vittmi ta' diskriminazzjoni u biex jiġu indirizzati l-isterjotipiċi tal-ġeneru; jappella lill-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ miżuri leġiżlattivi li jiżguraw il-prinċipju ta' opportunitajiet ugwali u trattament ugwali tan-nisa u l-irġiel fuq il-post tax-xogħol;

57.  Jerġa' jtenni t-talba tiegħu lill-Kunsill biex jadotta l-Proposta għad-Direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament indaqs bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali;

58.  Jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiggarantixxu s-sigurtà soċjali, il-protezzjoni soċjali u r-remunerazzjoni fil-każ ta' liv minħabba mard sabiex ikun permess bilanċ ġenwin bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

Il-Kwalità tal-ħajja

59.  Jirrimarka li l-"kwalità tal-ħajja" hija kunċett usa' mill-"kundizzjonijiet tal-ħajja" u tirreferi għall-benesseri ġenerali tal-individwi f'soċjetà, billi tidentifika numru ta' dimensjonijiet tal-eżistenza tal-bniedem bħala essenzjali għal ħajja tal-bniedem kompluta(39);

60.  Jenfasizza li l-inugwaljanza fil-qasam tar-rikreazzjoni u l-kondiviżjoni mhux indaqs tar-responsabbiltajiet bejn in-nisa u l-irġiel jista' jkollha impatt fuq l-iżvilupp personali, it-tagħlim ta' ħiliet u lingwi ġodda, l-parteċipazzjoni soċjali, politika, kulturali u l-ħajja komunitarja tan-nisa, u b'mod speċjali fuq is-sitwazzjoni ekonomika tan-nisa;

61.  Jenfasizza li kwalunkwe forma ta' diskriminazzjoni kontra n-nisa, inkluż is-segregazzjoni tal-ġeneri, id-differenzi fil-pagi u fil-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa, l-isterjotipi dwar il-ġeneri u livelli għoljin ta' stress fil-ġestjoni tal-ħajja professjonali u dik privata qed jiġu riflessi fir-rata għolja ta' inattività fiżika tan-nisa u għandhom impatt enormi fuq is-saħħa fiżika u mentali tagħhom(40); itenni l-importanza tal-ġlieda kontra l-isterjotipi permezz tal-promozzjoni u d-difiża tal-ugwaljanza bejn is-sessi tul l-istadji kollha tal-edukazzjoni, mill-iskola primarja 'l quddiem; jappella lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali biex iwettqu u jappoġġaw kampanji ta' sensibilizzazzjoni u ta' informazzjoni kif ukoll programmi li jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi u li jiġġieldu kontra l-isterjotipi;

62.  Jenfasizza l-importanza tat-tagħlim tul il-ħajja għall-iżvilupp personali tal-ħaddiema, inkluż l-importanza li wieħed jibqa' aġġornat dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol li dejjem jinbidlu; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu t-tagħlim tul il-ħajja; jappella lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali jiżviluppaw u jimplimentaw politiki li jipprovdu għal liv għall-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll taħriġ vokazzjonali u tagħlim tul il-ħajja, inkluż fi Stati Membri terzi; jappella biex iwettqu it-tagħlim kemm ġewwa u barra mix-xogħol, inklużi opportunitajiet ta' studju mħallas, li jkunu aċċessibbli għall-ħaddiema kollha, partikolarment dawk li jinsabu f'sitwazzjonijiet żvantaġġjati, u b'enfasi fuq l-impjieg tan-nisa f'setturi fejn in-nisa huma strutturalment sottorappreżentati;

63.  Jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiġġieldu l-inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi; jappella lill-Istati Membri jippromwovu miżuri immirati biex jistabbilixxu skemi ta' introjtu minimu adegwat f'konformità mal-prattiki u t-tradizzjonijiet nazzjonali li jagħmluha possibbli li n-nies kollha jgħixu ħajja dinjituża, li jappoġġjaw il-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom fis-soċjetà u li jiżguraw l-indipendenza tul iċ-ċiklu tal-ħajja;

o
o   o

64.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 348, 28.11.1992, p. 1.
(2) ĠU C 70 E, 8.3.2012, p. 163.
(3) ĠU L 68, 18.3.2010, p. 13.
(4) ĠU L 353, 28.12.2013, p. 7.
(5) ĠU L 180, 15.7.2010, p. 1.
(6) ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.
(7) ĠU L 299, 18.11.2003, p. 9.
(8) ĠU L 14, 20.1.1998, p. 9.
(9) Testi adottati, P8_TA(2016)0059.
(10) Testi adottati, P8_TA(2015)0207.
(11) ĠU C 93, 9.3.2016, p. 110.
(12) ĠU C 36, 29.1.2016, p. 18.
(13) ĠU C 316, 30.8.2016, p. 2.
(14) Testi adottati, P8_TA(2015)0218.
(15) Testi adottati, P8_TA(2015)0351.
(16) Testi adottati, P8_TA(2016)0042.
(17) Testi adottati, P8_TA(2016)0226.
(18) ĠU C 175, 15.6.2011, p. 8.
(19) It-3073 laqgħa tal-Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur, organizzata fi Brussell fis-7 ta' Marzu 2011.
(20) Eurostat 2015 Demography Report (Rapport tal-Eurostat dwar id-Demografija għall-2015).
(21) Eurofound (2015). First findings: Sixth European Working Conditions Survey" ( L-ewwel riżultati: Is-Sitt Studju Ewropew dwar il-Kondizzjonijiet tax-Xogħol)
(22) http://appsso.eurostat.ec.europa.eu/nui/submitViewTableAction.do
(23) Eurofound (2013): Caring for children and dependants: Effect on careers of young workers (L-indukrar tat--tfal u l-persuni dipendenti: L-effetti fuq il-karrieri tal-ħaddiema żgħażagħ).
(24) Eurofound (2015): First findings: Sixth European Working Conditions Survey" ( L-ewwel riżultati: Is-Sitt Studju Ewropew dwar il-Kondizzjonijiet tax-Xogħol)
(25) Data tal-Eurostat għall-2010, Rapport tal-Kummissjoni tal-2015 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea (SWD(2016)0054).
(26) Stħarriġ Ewropew dwar il-Kwalità tal-Ħajja 2012 tal-Eurofound
(27) Eurofound (2015), Early childhood care: working conditions, training and quality of services – A systematic review (Indukrar fit-tfulija bikrija: kondizzjonijiet tax-xogħol, taħriġ u kwalità tas-servizzi - Rieżami sistematiku)
(28) Rapport ta' progress tal-Kummissjoni dwar l-objettivi ta' Barċellona tad-29 ta' Mejju 2013 bit-titolu 'L-iżvilupp tas-servizzi ta' akkoljenza tat-tfal żgħar fl-Ewropa għal tkabbir sostenibbli u inklusiv', (COM(2013)0322),
(29) Eurofound (2013), Caring for children and dependants: Effect on carers of young workers (Nindukraw it-tfal u d-dipendenti: L-effetti fuq l-indukraturi tal-ħaddiema żgħażagħ).
(30) Eurofound report, Sustainable work over the life course: Concept paper (Rapport tal-Eurofound, Xogħol sostenibbli matul il-ħajja: Dokument ta' kunċett - 2015)
(31) CEDEFOP Research Paper: Training leave Policies and practices in Europe (Liv għat-taħriġ: Politiki u prassi fl-Ewropa), 2010.
(32) Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/112/UE.
(33) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/54/KE (P8_TA(2015)0351).
(34) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Mejju 2016 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE (P8_TA(2016)0226).
(35) Eurofound (2015), Early childhood care: working conditions, training and quality of services – A systematic review (Indukrar fit-tfulija bikrija: kondizzjonijiet tax-xogħol, taħriġ u kwalità tas-servizzi - Reviżjoni sistematika)
(36) Rapport tal-Eurofound "Trends in job quality in Europe" (Xejriet fil-kwalità tax-xogħol fl-Ewropa - 2012) u r-rapport tal-Eurofound dwar "Convergence and divergence of job quality in Europe 1995-2010" (Konverġenza u diverġenza tal-kwalità tal-impjiegi fl-Ewropa 1995-2010 (2015)).
(37) Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE.
(38) Stħarriġ Ewropew dwar il-Kondizzjonijiet tax-Xogħol tal-Eurofound.
(39) It-tielet Stħarriġ Ewropew dwar il-Kwalità tal-Ħajja tal-Eurofound
(40) L-Istudju tad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tal-Unjoni tal-Parlament ta' Marzu 2016 bit-titolu 'Differences in Men's and Women's Work, Care and Leisure Time' (Id-differenzi bejn ix-xogħol, l-indukrar u l-ħin ta' rikreazzjoni tan-nisa u tal-irġiel).

Avviż legali