Indiċi 
Testi adottati
Il-Ħamis, 6 ta' Ottubru 2016 - StrasburguVerżjoni finali
Ir-Rwanda, il-każ ta' Victoire Ingabire
 Is-Sudan
 It-Tajlandja, b'mod partikolari s-sitwazzjoni ta' Andy Hall
 L-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju: IFRS 9
 Sitwazzjoni fis-Sirja
 Konferenza tan-NU 2016 dwar it-Tibdil fil-Klima f'Marrakech, il-Marokk (COP22)
 L-implimentazzjoni tar-Regolament dwar Materjali li jiġu f'Kuntatt mal-Ikel
 Rapport Annwali 2014 dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni
 L-introduzzjoni fis-suq ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11
 L-introduzzjoni fis-suq ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat 1507
 It-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810
 L-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti ta’ qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810
 L-introduzzjoni fis-suq ta' qoton ġenetikament modifikat 281-24-236 × 3006-210-23 × MON 88913

Ir-Rwanda, il-każ ta' Victoire Ingabire
PDF 274kWORD 53k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar ir-Rwanda, il-każ ta' Victoire Ingabire (2016/2910(RSP))
P8_TA(2016)0378RC-B8-1061/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Mejju 2013 dwar ir-Rwanda: il-każ ta' Victoire Ingabire(1),

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli (ACHPR),

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza,

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji u l-Linji gwida dwar id-Dritt għal Proċess Ġust u għall-Assistenza Legali fl-Afrika,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, li ġie ratifikat mir-Rwanda fl-1975,

–  wara li kkunsidra l-eżitu tal-Eżami Perjodiku Universali 2015 tar-Rwanda u l-osservazzjoni konklużiva 2016 tal-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli Federica Mogherini f'isem l-UE dwar ir-rieżami kostituzzjonali fir-Rwanda, tat-3 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija lokali konġunta tal-UE tat-18 ta' Diċembru 2015 dwar ir-referendum dwar abbozz ta' Kostituzzjoni fir-Rwanda,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tas-16 ta' Marzu 2016 tal-Forzi Demokratiċi Magħquda dwar l-appell tal-priġuniera politika Victoire Ingabire Umuhoza,

–  wara li kkunsidra r-rapport 2015 ta' Freedom House dwar ir-Rwanda,

–  wara li kkunsidra r-rapport dwar il-pajjiż ta' Amnesty International "Rwanda 2015/2016",

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' Amnesty International bit-titolu "Justice in jeopardy: The first instance trial of Victoire Ingabire" tal-2013,

–  wara li kkunsidra t-tweġiba tal-Viċi President/Rappreżentant Għoli, Catherine Ashton tal-4 ta’ Frar 2013 għal mistoqsija bil-miktub E-010366/2012 dwar Victoire Ingabire,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija ta' Human Rights Watch bit-titolu "Rwanda: Opposition Activist Missing" tad-29 ta' Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport 2014 dwar ir-Rwanda tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet għal-libertà ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-Rwanda hija fost il-ftit pajjiżi Afrikani li qegħdin minn ta' quddiem fl-ilħuq tal-MDGs, speċjalment rigward kwistjonijiet bħall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, it-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa, l-edukazzjoni primarja universali, il-mortalità materna u tat-tfal, il-prevalenza tal-HIV u s-sostenibbiltà ambjentali;

B.  billi tkabbir ekonomiku qawwi kien akkumpanjat minn titjib sostanzjali fl-istandards tal-għajxien, evidenzjat minn tnaqqis ta' żewġ terzi fil-mortalità tat-tfal u l-kisba ta' reġistrazzjoni kważi universali fl-iskola primarja;

C.  billi saru sforzi ekonomiċi u politiċi sabiex tittejjeb l-ekonomija tal-pajjiż u ssir aktar industrijalizzata u orjentata lejn is-servizzi;

D.  billi fit-30 ta' Ottubru 2012 Victoire Ingabire, President tal-Forzi Demokratiċi Magħquda (UDF), ingħatat sentenza ta' tmien snin ħabs għal konfoffa biex issir ħsara lill-awtoritajiet bl-użu tat-terroriżmu, u talli ppruvat tnaqqas il-gravità tal-ġenoċidju tal-1994, abbażi ta' relazzjonijiet mal-Forzi Demokratiċi għal-Liberazzjoni tar-Rwanda (FDLR);

E.  billi, f'Settembru 2016, delegazzjoni mill-Parlament Ewropew ma ngħatatx aċċess għall-kap tal-oppożizzjoni Victoire Ingabire li qiegħda l-ħabs; billi għalkemm l-enfasi taż-żjara kienet fuq ir-rwol tan-nisa fis-soċjetà u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tagħhom, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u l-Kooperazzjoni qies li ma kien hemm "ebda raġuni speċjali biex is-Sinjura Victoire Ingabire, priġuniera li hija soġġetta għal-linji gwida u r-regoli nazzjonali dwar id-detenzjoni, tirċievi żjara tal-Membri tal-Parlament tal-UE fuq missjoni uffiċjali";

F.  billi l-missjoni nnutat li għad fadal sfidi importanti f'dan ir-rigward, bħall-aċċess għall-edukazzjoni fiż-żoni rurali, drittijiet għall-proprjetà aktar ekwi u aċċess aħjar għal xogħol mhux fil-farms, u billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari fir-rigward tal-parteċipazzjoni politika u l-libertà ta' espressjoni fir-Rwanda, għadha preokkupanti, filwaqt li s-soċjetà ċivili indipendenti għadha dgħajfa ħafna;

G.  billi ħafna organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem iddenunzjaw il-proċess fil-Qorti tal-Prim'Istanza ta' Victoire Ingabire, billi ġew osservati irregolaritajiet serji u ġiet ittrattata inġustament; billi fir-rapport tagħha Amnesty International tindika l-istqarrijiet pubbliċi preġudizzjali li saru mill-President tar-Rwanda qabel ma beda l-proċess tagħha, u dipendenza fuq konfessjonijiet minn detenuti f'Camp Kami fejn huwa allegat li tintuża t-tortura; billi, wara li xehdu fl-2012 kontra Victoire Ingabire fil-Qorti Għolja tar-Rwanda, erba' xhieda tal-prosekuzzjoni u koakkużati qalu lill-Qorti Suprema fl-2013 li x-xhieda tagħhom kienet ġiet iffalsifikata;

H.  billi fit-13 ta' Settembru 2012, Victoire Ingabire Umuhoza ġiet innominata, flimkien ma' żewġ personalitajiet politiċi Rwandiżi oħra, Bernard Ntaganda u Deogratias Mushyayidi, għall-Premju Sakharov 2012 tal-Parlament Ewropew għal-Libertà tal-Ħsieb;

I.  billi fl-2015 is-Sinjura Ingabire appellat quddiem il-Qorti Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, u akkużat lill-Gvern tar-Rwanda li kiser id-drittijiet tagħha; billi f'Marzu 2015 ir-Rwanda rtirat mill-ġurisdizzjoni tal-Qorti Afrikana, u ddikjarat li l-qrati tar-Rwanda kienu kapaċi jittrattaw il-każijiet lokali kollha; billi, fid-29 ta' Frar 2016, il-Gvern tar-Rwanda rtira d-dikjarazzjoni tiegħu li tippermetti lil individwi jressqu lmenti direttament mal-Qorti Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, ftit jiem biss qabel l-imħallfin kellhom jisimgħu kawża mressqa kontra l-Gvern tar-Rwanda minn Victoire Ingabire;

J.  billi, skont FDU-Inkingi, il-partit ta' Victoire Ingabire, il-kundizzjonijiet ta' detenzjoni tas-Sinjura Ingabire ddeterjoraw b'mod sinifikanti minn April 2016; billi qed tiġi mċaħħda minn ikliet esterni u għal dieti speċjali u ċ-ċertifikat mediku tagħha ġie invalidat;

K.  billi, fost affarijiet oħra, FDU-Inkingi ma rnexxilux jirreġistra legalment bħala partit politiku u diversi membri tiegħu ġew mhedda, arrestati u detenuti;

L.  billi diversi membri tal-partit tal-oppożizzjoni qed jinżammu l-ħabs; billi Illuminée Iragena, infermiera u attivista politika b'rabta ma' FDU-Inkingi, ilha nieqsa għal dawn l-aħħar ħames xhur u hemm preokkupazzjoni dwar is-sikurezza tagħha; billi Léonille Gasengayire, it-teżorier ta' FDU-Inkingi, ġiet arrestata fit-23 ta' Awwissu 2016 u ġiet akkużata b'inċitament għall-irvelli pubbliċi;

M.  billi r-Rwanda hija kklassifikata fil-161 post minn 180 fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa 2016; billi l-libertà tal-istampa kompliet tiddeterjora hekk kif ġurnalisti indipendenti sikwit ġew iffastidjati, mhedda u arrestati; billi ġurnalisti eżiljati u barranin qed jiġu soġġetti dejjem aktar għal intimidazzjoni illegali, vjolenza u għajbien sfurzat talli jikkritikaw lil uffiċjali fir-rappurtar tagħhom;

N.  billi, f'Ottubru 2014, il-gvern issospenda b'mod indefinit is-servizz tar-radju tal-British Broadcasting Corporation (BBC) bil-lingwa Kinyarwanda wara x-xandir ta' dokumentarju televiżiv kontroversjali tal-BBC dwar il-ġenoċidju tar-Rwanda tal-1994;

O.  billi l-konsolidazzjoni tad-demokrazija – li tinkludi l-iżgurar tal-indipendenza tal-ġudikatura u l-parteċipazzjoni tal-partiti tal-oppożizzjoni – hija kruċjali, partikolarment fid-dawl tal-elezzjonijiet presidenzjali li għandhom isiru fl-2017;

P.  billi n-nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja Rwandiża waqt il-proċess kriminali ta' Victoire Ingabire ppreġudikaw il-kapaċità tagħha li tieħu ħsieb każijiet politiċi ta' livell għoli;

Q.  billi r-Rwanda għandha rwol ewlieni fir-reġjun tal-Lagi l-Kbar u jista' jkollha rwol kruċjali fil-proċess ta' stabbilizzazzjoni, inkluż permezz tal-ġlieda kontra l-kummerċ illegali fil-minerali u f'riżorsi naturali oħra; billi r-rapport tal-2015 tal-Grupp ta' Esperti tan-NU dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK) jirrakkomanda li l-Gvern tar-Rwanda jinvestiga u jipproċedi kontra dawk involuti fil-kummerċ illegali fil-landa, it-tantalju u t-tungstenu, kif ukoll fil-laundering ta' minerali mir-RDK fir-Rwanda;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-proċessi politikament motivati, il-proċedimenti fil-konfront tar-rivali politiċi u l-preġudizzju tal-eżitu tal-proċess; iħeġġeġ lill-Gvern tar-Rwanda jestendi l-kisbiet ekonomiċi u soċjali tiegħu għall-qasam tad-drittijiet tal-bniedem sabiex jersaq tassew lejn demokrazija moderna u inklużiva; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Rwandiżi jiżguraw li l-proċess tal-appell ta' Victoire Ingabire jkun ġust u jilħaq l-istandards previsti fil-leġiżlazzjoni Rwandiża u internazzjonali; jenfasizza li l-proċessi u l-akkużi kontra l-persuni akkużati ma jistgħux ikunu bbażati fuq liġijiet vagi, impreċiżi u li jintużaw ħażin, bħalma qed jiġri fil-każ ta' Victoire Ingabire;

2.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar iċ-ċaħda tal-appell u l-kundanna għal 15-il sena priġunerija min-naħa tal-Qorti Suprema tar-Rwanda fil-konfront ta' Victoire Ingabire u dwar id-deterjorament tal-kundizzjonijiet tagħha fil-ħabs; jemmen li l-proċess tal-appell imwettaq fir-Rwanda, inkluż id-dritt tas-Sinjura Ingabire għall-preżunzjoni tal-innoċenza, ma laħaqx l-istandards internazzjonali;

3.  Jenfasizza li l-irtirar tar-Rwanda mill-ġurisdizzjoni tal-Qorti Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli (ACHPR) f'Marzu 2016, ftit jiem biss qabel is-seduta tal-appell fil-każ tas-Sinjura Ingabire, huwa ċirkostanzjali u għandu l-għan li jillimita l-aċċess dirett għall-Qorti min-naħa tal-individwi u l-NGOs;

4.  Ifakkar lill-awtoritajiet Rwandiżi li l-UE qajmet it-tħassib tagħha dwar ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt għal proċess ġust fil-qafas tad-djalogu politiku uffiċjali mar-Rwanda skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Cotonou; jitlob rieżami immedjat u imparzjali tal-każ tas-Sinjura Ingabire, abbażi tal-fatti, f'konformità mal-liġi u mingħajr ebda restrizzjonijiet, influwenzi mhux xierqa, pressjoni jew theddid; jitlob li d-drittijiet ta' Victoire Ingabire, fosthom l-aċċess għar-rappreżentanza legali kif ukoll għal ikel u trattament adegwati, jiġu rispettati fil-ħabs;

5.  Jikkundanna kull att ta' intimidazzjoni, l-arresti, id-detenzjonijiet u l-proċedimenti fil-konfront tal-mexxejja, il-membri u l-attivisti tal-partiti tal-oppożizzjoni, kif ukoll ġurnalisti u persuni oħrajn perċepiti bħala kritiċi tal-Gvern tar-Rwanda, sempliċement għaliex esprimew l-opinjonijiet tagħhom; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Rwandiżi, f'dan ir-rigward, iwettqu rieżami u aġġustament tal-leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex jiggarantixxu l-libertà ta' espressjoni, b'mod partikolari l-Artikoli 463 u 451 tal-Kodiċi Kriminali, li jirrestrinġu l-libertà ta' espressjoni;

6.  Jistieden lill-Gvern tar-Rwanda juri l-volontà tiegħu li jinvestiga allegazzjonijiet ta' abbużi fil-konfront ta' ġurnalisti u attivisti tal-oppożizzjoni u li jġib iċ-ċentri ta' detenzjoni militari tiegħu f'konformità mal-liġijiet tar-Rwanda u mal-istandards internazzjonali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Rwandiżi jeħilsu minnufih lill-individwi u l-attivisti l-oħra kollha detenuti jew li nstabu ħatja sempliċement għaliex eżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika, u jiżguraw is-separazzjoni tas-setgħat leġiżlattivi, amministrattivi u ġudizzjarji, b'mod partikolari l-indipendenza tal-ġudikatura;

7.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Rwandiżi jżidu l-isforzi tagħhom biex jinvestigaw il-każijiet ta' Illuminée Iragena, John Ndabarasa, Léonille Gasangayire u individwi oħrajn li hemm il-biża' li ġew imġiegħla jgħibu, jiżvelaw fejn qegħdin u jeħilsuhom jew jipproċedu kontrihom, jekk jinsabu arrestati, kif ukoll jiżguraw l-imparzjalità tal-proċessi ta' rivali jew kritiċi reali jew suspettati tal-gvern, inklużi dawk ta' Frank Rusagara, Joel Mutabazi, Kizito Mihigo u dawk akkużati magħhom;

8.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Rwandiżi jiżguraw elezzjonijiet paċifiċi, kredibbli u trasparenti fl-2017 u jistieden lill-gvern jaħdem mal-oppożizzjoni fil-perjodu li jwassal għal dawn l-elezzjonijiet; jesprimi l-appoġġ tiegħu għal missjoni ta' osservazzjoni elettorali tal-UE fuq perjodu twil għall-elezzjonijiet presidenzjali tal-2017, b'enfasi fuq l-ispazju politiku u l-libertajiet fundamentali;

9.  Ifakkar lill-awtoritajiet Rwandiżi li d-demokrazija tissejjes fuq gvernijiet pluralisti, oppożizzjoni funzjonanti, midja u ġudikatura indipendenti, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u r-rispett tad-dritt ta' espressjoni u ta' għaqda; jistieden lir-Rwanda, f'dan ir-rigward, tiftaħ l-ispazju politiku tagħha, tilħaq dawn l-istandards u ttejjeb ir-rendiment tagħha fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jistenna li r-Rwanda timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet għal-libertà ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni (2014);

10.  Jistieden lill-awtoritajiet Rwandiżi biex, b'urġenza, jipproċedu bir-rieżami tad-dikjarazzjoni li tippermetti lill-individwi u l-NGOs iressqu lmenti quddiem il-Qorti Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli u jerġgħu jistabbilixxuha u jintroduċuha mill-ġdid;

11.  Jistieden lill-UE u lis-sħab internazzjonali tagħha jkomplu jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-poplu tar-Rwanda fil-ħidma tagħhom biex jikkonsolidaw il-paċi u l-istabbiltà fil-pajjiż u fir-reġjun kollu kemm hu;

12.  Jitlob lill-Kummissjoni tkompli tevalwa l-appoġġ tal-UE għall-istituzzjonijiet governattivi Rwandiżi fuq bażi regolari, sabiex ikun żgurat li dan l-appoġġ jippromwovi bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem, il-libertà ta' espressjoni u assoċjazzjoni, il-pluraliżmu politiku u s-soċjetà ċivili indipendenti;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli Federica Mogherini, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lill-Komunità tal-Afrika tal-Lvant, lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE, lill-Istati Membri tal-UE, lill-avukati difensuri ta' Victoire Ingabire u lill-President tar-Rwanda.

(1) ĠU C 55, 12.2.2016, p. 127.


Is-Sudan
PDF 277kWORD 55k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar is-Sudan (2016/2911(RSP))
P8_TA(2016)0379RC-B8-1062/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sudan;

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tat-8 ta' Awwissu 2016 mill-UE, ir-rappreżentanti tat-Trojka (in-Norveġja, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti) u l-Ġermanja li tilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li s-"Sejħa tas-Sudan" iffirmat il-Pjan Direzzjonali tal-Grupp ta' Implimentazzjoni ta' Livell Għoli tal-Unjoni Afrikana dwar is-Sudan (AUHIP),

–  wara li kkunsidra r-"Rapport tal-Espert Indipendenti dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sudan" tat-28 ta' Lulju 2016 u r-"Rapport tar-Rapporteur Speċjali dwar l-impatt negattiv tal-miżuri koerċittivi unilaterali fuq it-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem, fil-missjoni tiegħu lejn is-Sudan" tal-4 ta' Awwissu 2016,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-27 ta' Ġunju 2016 mill-Kelliem tal-Viċi President / Rappreżentant Għoli (VP/RGħ) dwar it-tħabbira mill-Gvern Sudaniż ta' waqfien mill-ġlied unilaterali ta' erba' xhur,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2296 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar is-Sudan, adottata fis-7728 laqgħa tiegħu fid-29 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra l-komunikat tat-13 ta' Ġunju 2016 tal-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana dwar is-sitwazzjoni fid-Darfur,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 5 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Artikolu 7 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li t-tnejn jistipulaw li l-ebda persuna m'għandha tkun soġġetta għal tortura jew għal trattament jew kastig krudili, inuman jew degradanti,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-9 ta' April 2015 mir-Rappreżentant Għoli f'isem l-Unjoni Ewropea dwar in-nuqqas ta' ambjent favorevoli għall-elezzjonijiet Sudaniżi f'April 2015,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-"Sejħa tas-Sudan" dwar "L-istabbiliment ta' Stat ta' Ċittadinanza u Demokrazija",

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) tat-18 ta' Diċembru 1979,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-kunflitt fid-Darfur ilu għaddej 13-il sena u ħalla aktar minn 300 000 ruħ mejta, filwaqt li l-forzi tal-Gvern Sudaniż għadhom qed ikomplu jattakkaw liċ-ċivili, speċjalment f'Jebel Marra; billi l-ibbumbardjar indiskriminat kontinwu taċ-ċivili, inklużi attakki illegali mill-forzi Sudaniżi fuq irħula fil-Kordofan tan-Nofsinhar, fil-Blue Nile u fid-Darfur ħalla ħafna vittmi u qered l-infrastruttura ċivili;

B.  billi l-Att dwar is-Sigurtà Nazzjonali tal-2010 ta lill-gvern Sudaniż setgħat enormi li b'mod regolari jżomm lid-detenuti f'reklużjoni, mingħajr ma jiġu mixlija u għal perjodi twal, waqt li xi organizzazzjonijiet ġew magħluqa bil-forza u attakkati;

C.  billi, skont l-Eżami Perjodiku Universali tan-NU tal-21 ta' Settembru 2016, is-Sudan afferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jaderixxi mal-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti u l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tal-Persuni kollha mill-Għajbien Sfurzat;

D.  billi l-ksur u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem qegħdin jeskalaw fid-Darfur, b'mod partikolari fil-Kordofan tan-Nofsinhar u fil-Blue Nile, inklużi dawk li jinvolvu qtil extraġudizzjarju, l-użu eċċessiv tal-forza, il-ħtif ta' ċivili, atti ta' vjolenza sesswali u abbażi ta' sess kontra n-nisa, ksur u abbużi kontra t-tfal, u arresti u detenzjonijiet arbitrarji;

E.  billi l-ispazju ċiviku għal partiti politiċi tal-oppożizzjoni, is-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem huwa ristrett fis-Sudan; billi huwa rrappurtat li s-Servizz tal-Intelligence u s-Sigurtà Nazzjonali (NISS) kostantement jagħti fastidju, jattakka u jħarrek lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, lill-attivisti studenti u lid-dissidenti politiċi talli jwettqu l-attivitajiet leġittimi tagħhom; billi s'issa din is-sena għadd kbir ta' attivisti tas-soċjetà ċivili ġew arrestati b'mod arbitrarju, inklużi erba' rappreżentanti tas-soċjetà ċivili Sudaniża interċettati minn uffiċjali tas-sigurtà fl-Ajruport Internazzjonali ta' Khartoum fi triqithom lejn laqgħa ta' livell għoli dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' uffiċjali diplomatiċi li saret f'Ġinevra fl-31 ta' Marzu 2016;

F.  billi l-gruppi tad-drittijiet tal-bniedem żvelaw evidenza kredibbli ta' attakki b'armi kimiċi fuq ċivili mill-forzi tal-Gvern Sudaniż, waqt li persuni mir-reġjuni ta' Jebel Marra fid-Darfur żvelaw l-effetti tal-waħx tal-attakki b'armi kimiċi suspettati, li l-aktar wieħed reċenti minnhom sar fid-9 ta' Settembru 2016 fir-raħal ta' Gamarah; billi ġew irrappurtati wkoll attakki mill-Forzi ta' Appoġġ Rapidu (RSF), li hija unità militari Sudaniża komposta minn membri ta' exmilizja Sudaniża favur il-gvern taħt il-kmand tal-NISS;

G.  billi fid-29 ta' Frar 2016 l-NISS attakka brutalment iċ-Ċentru għat-Taħriġ u l-Iżvilupp tal-Bniedem ta' Khartoum (Centre for Training and Human Development (TRACKS)), organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili. Wara dan l-attakk, id-direttur Khalfálah Alafif Muktar u l-attivisti Arwa Ahmed Elrabie, Al-Hassan Kheiry, Imani-Leyla Raye, Abu Hureira Abdelrahman u Al-Baqir Al-Afif Mukhtar, Midhat Afifadeen u Mustafa Adam ġew arrestati u akkużati b'konfoffa kriminali u gwerra kontra l-Istat, akkużi li jġorru l-piena tal-mewt; billi huwa rrappurtat li d-direttur jinsab f'kundizzjoni ħażin tas-saħħa u ż-żjarat tal-qraba mhumiex permessi;

H.  billi l-awtoritajiet Sudaniżi jimponu restrizzjonijiet severi fuq il-libertà tar-reliġjon; billi t-theddidiet kontra mexxejja tal-knisja u l-intimidazzjoni tal-komunitajiet Insara komplew b'pass mgħaġġel f'dawn l-aħħar snin; billi l-ħaddiem Ċek tal-organizzazzjoni Christian Aid Petr Jašek, il-pastors Sudaniżi Hassan Abduraheem Kodi Taour, Kuwa Shamal u l-istudent gradwat mid-Darfur Abdulmonem Abdumawla Issa Abdumawla diġà ilhom disa' xhur detenuti mill-NISS u qegħdin jiffaċċjaw proċess fuq akkużi li tefgħu dawl fuq it-tbatija allegata tal-Insara fiż-żoni meqruda bil-gwerra tas-Sudan; billi f'dawn l-aħħar snin kien hemm żieda fl-għadd ta' proċessi fuq akkużi ta' apostasija u sussegwentement fl-għadd ta' sentenzi tal-mewt;

I.  billi l-Forzi ta' Appoġġ Rapidu (RSF) reċentement kienu mmobilizzati tul il-fruntiera tat-Tramuntana tas-Sudan sabiex jikkumbattu l-fluss ta' migranti irregolari; billi fil-31 ta' Awwissu 2016, il-Kmandant tal-RSF iddikjara li l-forzi tiegħu kienu qed jippatuljaw il-fruntiera mal-Eġittu u l-Libja, u fl-istess waqt qal li s-Sudan kien qed jiġġieled il-migrazzjoni illegali f'isem l-UE; billi d-Delegazzjoni tal-UE fis-Sudan ċaħdet dan l-appoġġ fis-6 ta' Settembru 2016;

J.  billi fl-24 ta' Awwissu 2016, 48 Sudaniż li potenzjalment kienu se jfittxu asil ġew iddeportati mill-Italja lejn is-Sudan; billi f'Mejju 2016 l-awtoritajiet Sudaniżi ddeportaw aktar minn 400 Eritrean li kienu ġew arrestati fi triqthom lejn il-Libja;

K.  billi l-awtoritajiet Sudaniżi jikkundannaw b'mod sproporzjonat lin-nisa u l-bniet għal delitti mhux definiti b'mod ċar; billi n-nisa jħabbtu wiċċhom ma' diskriminazzjoni sistemika u l-impożizzjoni ta' kastigi korporali u swat għall-ksur ta' kodiċijiet tal-ilbies definiti b'mod vag;

L.  billi l-kofirmatarji tas-"Sejħa tas-Sudan" (li jinkludu rappreżentanti tal-partiti tal-oppożizzjoni politika u armata, fosthom il-Partit tal-Umma Nazzjonali, il-Forzi ta' Konsensus Nazzjonali u l-Front Rivoluzzjonarju tas-Sudan) huma impenjati li jaħdmu lejn tmiem il-kunflitti li għaddejjin f'reġjuni differenti tas-Sudan u favur riformi ġuridiċi, istituzzjonali u ekonomiċi;

M.  billi żewġ mandati ta' arrest għall-President al-Bashir kienu maħruġa fl-2009 u fl-2010 mill-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI), li akkużatu b'responsabbiltà għal delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u atti ta' ġenoċidju; billi minkejja li s-Sudan mhuwiex Stat parti għall-Istatut ta' Ruma, ir-Riżoluzzjoni 1593 tal-Kunsill (2005) tas-Sigurtà tan-NU titolbu jikkoopera mal-QKI, u s-Sudan għaldaqstant jeħtieġlu jikkonforma mal-mandat ta' arrest tal-QKI;

N.  billi f'Ġunju 2008, fil-laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UE fi ħdan il-Kunsill Affarijiet Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni kkonkludew "li l-Kunsill jinsab lest li jikkunsidra miżuri kontra individwi responsabbli għal nuqqas ta' kooperazzjoni mal-Qorti Kriminali Internazzjonali";

O.  billi l-UE bħalissa qiegħda timplimenta proġett dwar "ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni" mas-Sudan;

1.  Jikkundanna l-użu ta' armi kimiċi kontra ċivili fiż-żona ta' Jebel Marra tad-Darfur mill-Gvern Sudaniż u jenfasizza li dan huwa ksur serju tan-normi internazzjonali u kif ukoll delitt tal-gwerra; ifakkar li s-Sudan huwa parti għall-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi u jitlob li ssir investigazzjoni internazzjonali mmexxija mill-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi dwar dawn l-allegazzjonijiet ; ifakkar lill-awtoritajiet Sudaniżi dwar ir-responsabbiltà tagħhom li jħarsu d-drittijiet tal-bniedem;

2.  Jibqa' mħasseb ħafna dwar il-qtil illegali, il-ħtif, il-vjolenza abbażi ta' sess u l-vjolenza sesswali li għaddejjin fiż-żoni ta' kunflitt, b'mod partikolari fid-Darfur, il-Kordofan tan-Nofsinhar u l-Blue Nile, kif ukoll l-emerġenza umanitarja serja relatata kkawżata mill-ispostamenti interni kbar; jitlob li jintemm immedjatament il-bumbardament taċ-ċivili mill-ajru mill-forzi Sudaniżi;

3.  Jikkundanna l-arrest arbitrarju u d-detenzjoni ta' attivisti u d-detenzjoni li għadha għaddejja ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u ġurnalisti fis-Sudan; iħeġġeġ lill-Gvern tas-Sudan jiggarantixxi l-eżerċizzju paċifiku tal-libertajiet tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni u tal-għaqda; jissottolinja li d-Djalogu Nazzjonali jirnexxi biss jekk jitwettaq f'atmosfera fejn il-libertajiet tal-espressjoni, tal-midja, tal-assoċjazzjoni u tal-għaqda jkunu ggarantiti;

4.  Jistieden lill-Unjoni Afrikana u lill-Gvern Sudaniż biex minnufih jinvestigaw l-allegazzjonijiet kollha ta' tortura, trattament ħażin, detenzjoni arbitrarja u użu eċċessiv tal-forza u biex dawk responsabbli jwieġbu għal għemilhom fi proċessi ġusti, bla rikors għall-piena tal-mewt; jistieden lill-Gvern tas-Sudan jippubblika moratorju immedjat fuq l-eżekuzzjonijiet kollha bil-għan li jabolixxi l-piena tal-mewt u l-forom kollha ta' kastigi korporali;

5.  Jesprimi tħassib partikolari dwar ir-restrizzjonijiet tal-aċċess li għadhom qed jiġu imposti fuq l-aġenziji u l-organizzazzjonijiet umanitarji internazzjonali; jitlob li l-Gvern Sudaniż jagħmel kull sforz possibbli biex itejjeb l-aċċess minn aġenziji umanitarji internazzjonali għal dawk kollha li qed ifittxu l-għajnuna umanitarja skont l-impenji tiegħu matul l-eżami perjodiku universali; iħeġġeġ lill-Gvern tas-Sudan jimpenja ruħu b'mod kostruttiv ma' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex mingħajr dewmien jippromwovi sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem fis-Sudan;

6.  Itenni li l-libertà ta' reliġjon, kuxjenza jew twemmin hija dritt tal-bniedem universali li jeħtieġ li jitħares kullimkien u għal kulħadd; jitlob li l-Gvern Sudaniż jirrevoka kwalunkwe dispożizzjoni ġuridika li tippenalizza jew tiddiskrimina kontra individwi minħabba t-twemmin reliġjuż tagħhom, speċjalment fil-każ tal-apostasija u speċjalment fir-rigward tal-ħaddiem Ċek tal-organizzazzjoni Christian Aid Petr Jašek, il-pastors Sudaniżi Hassan Abduraheem Kodi Taour, Kuwa Shamal u l-istudent gradwat mid-Darfur Abdulmonem Abdumawla Issa Abdumawla;

7.  Jesprimi t-tħassib tiegħu fir-rigward taż-żieda fir-ripressjoni mill-NISS fuq iċ-ċittadini li huma attivisti tas-soċjetà ċivili u jistieden lis-Sudan biex jeħles lill-priġunieri immedjatament u mingħajr kundizzjoni u biex iwaqqaf minnufih id-detenzjonijiet arbitrarji, biex iwaqqa' l-akkużi kollha li jirriżultaw minn attivitajiet paċifiċi tagħhom u biex l-NGOs, bħall-persunal ta' TRACK, l-affiljati tagħha u l-istudenti attivisti, jitħallew iwettqu xogħolhom mingħajr biża ta' rappreżalji;

8.  Jinnota l-aċċettazzjoni tas-Sudan tar-rakkomandazzjonijiet biex jirratifika l-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti u biex isaħħaħ l-isforzi għall-prevenzjoni tat-tortura u t-trattament inuman; jitlob, madankollu, lill-Gvern Sudaniż iwettaq eżami urġenti tal-Att tiegħu dwar is-Sigurtà Nazzjonali, li jippermetti d-detenzjoni ta' suspettati sa erba' xhur u nofs mingħajr ebda forma ta' stħarriġ ġudizzjarju, u jirriforma s-sistema ġuridika tiegħu bi qbil ma' standards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

9.  Jistieden lill-Gvern tas-Sudan iħassar l-immunitajiet estensivi li stipula fil-leġiżlazzjoni Sudaniża, jippubblika s-sejbiet tat-tliet kummissjonijiet ta' inkjesta statali, u pubblikament jirrikonoxxi l-iskala tal-qtil matul ir-ripressjoni tad-dimostranti kontra l-awsterità f'Settembru 2013 u jipprovdi ġustizzja lill-vittmi tagħha;

10.  Ifakkar fil-konklużjonijiet tal-GAERC ta' Ġunju 2008 li jindirizzaw in-nuqqas kontinwu tal-Gvern tas-Sudan li jikkoopera mal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) u jirrimarka li l-Gvern tas-Sudan għandu l-obbligu, u l-kapaċità, li jikkoopera u li kwalunkwe mandat ta' arrest maħruġ mill-QKI għandu jkun irrispettat; iħeġġeġ lill-Omar al-Bashir jikkonforma mad-dritt internazzjonali u jidher quddiem il-QKI għal delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u l-ġenoċidju;

11.  Jistieden lill-Istati Membri tal-Unjoni Afrikana, u b'mod partikolari dawk il-pajjiżi li ospitaw lill-President Bashir (ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, iċ-Chad, l-Afrika t'Isfel, l-Uganda u l-Djibouti), biex jikkonformaw mal-Istatut ta' Ruma u d-deċiżjonijiet tal-Qorti Kriminali Internazzjonali;

12.  Jistieden lill-UE tieħu passi biex timponi sanzjonijiet punittivi mmirati kontra dawk responsabbli għat-tkomplija tad-delitti tal-gwerra u għan-nuqqas ta' kooperazzjoni mal-Qorti Kriminali Internazzjonali; jitlob lis-SEAE jfassal lista ta' individwi għal sanzjonijiet bħal dawn mingħajr dewmien;

13.  Jinnota li l-Gvern tas-Sudan iffirma l-Pjan Direzzjonali miftiehem fis-16 ta' Marzu 2016, u sussegwentement iċċara l-impenji tiegħu rigward l-inklużjoni ta' partijiet ikkonċernati rilevanti oħra fid-Djalogu Nazzjonali u dwar it-tkomplija ta' ħarsien ta' kwalunkwe deċiżjoni milħuqa bejn il-firmatarji mill-oppożizzjoni u l-Mekkaniżmu 7+7, il-kumitat ta' tmexxija tad-Djalogu Nazzjonali; jinsisti dwar il-ħtieġa li l-partijiet kollha jirrispettaw l-impenji tagħhom u jitlob għal djalogu kontinwu lejn l-istabbiliment ta' waqfien mill-ġlied definit; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu l-impenn tagħhom għall-appoġġ tal-isforzi tal-Unjoni Afrikana biex iwasslu l-paċi lis-Sudan u lill-poplu Sudaniż fit-tranżizzjoni tagħhom għal demokrazija riformata internament;

14.  Jistieden lill-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti / Unjoni Afrikana fid-Darfur (UNAMID) tistabbilixxi preżenza permanenti ġewwa Jebel Marra; jistieden lill-UNAMID biex tinvestiga mingħajr dewmien u pubblikament tirrapporta dwar l-allegazzjonijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt internazzjonali minn membri tal-forzi tal-Gvern Sudaniż u l-forzi tal-oppożizzjoni f'Jebel Marra;

15.  Jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jissorveljaw mill-qrib l-għajnuna tal-UE għall-iżvilupp fis-Sudan sabiex jiġi evitat kwalunkwe appoġġ dirett jew indirett lill-milizji lokali, u biex jiġi żgurat li l-forzi tal-RSF li qed jagħmlu pattulja mal-fruntieri tas-Sudan mal-Eġittu u mal-Libja, ma jgħidux li qed jiġġieldu l-immigrazzjoni illegali f'isem l-UE;

16.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kkonċernati sabiex b'hekk jiżguraw trasparenza sħiħa dwar il-proġett "ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni" mas-Sudan, inklużi l-attivitajiet kollha ppjanati u l-benefiċjarji tal-UE u l-finanzjament nazzjonali, u biex iħejju rapport komprensiv dwar iż-żjara ta' delegazzjoni teknika tal-UE lejn is-Sudan f'Mejju 2016;

17.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżguraw li l-Parlament jinżamm infurmat bis-sħiħ dwar id-djalogu stabbilit taħt il-Proċess ta' Khartoum u li l-attivitajiet iffinanzjati permezz tal-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika, b'mod partikolari dawk li jimmiraw li jibnu l-kapaċitajiet tal-Gvern tas-Sudan, jitwettqu f'konformità sħiħa mal-ftehimiet eżistenti, biex jiżguraw li l-aderenza mal-obbligi u mal-liġijietinternazzjonali hija kompletament trasparenti għaċ-ċittadini u s-soċjetà ċivili fl-UE u fis-Sudan;

18.  Jinnota bi tħassib il-ksur kontinwu u frekwenti tad-drittijiet tan-nisa fis-Sudan, u b'mod partikolari l-Artikolu 152 tal-Kodiċi Kriminali, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Sudaniżi jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa malajr kemm jista' jkun;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvern tas-Sudan, lill-Unjoni Afrikana, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE u lill-Parlament Pan-Afrikan (PAP), u lill-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi.


It-Tajlandja, b'mod partikolari s-sitwazzjoni ta' Andy Hall
PDF 269kWORD 52k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar it-Tajlandja, b'mod partikolari s-sitwazzjoni ta' Andy Hall (2016/2912(RSP))
P8_TA(2016)0380RC-B8-1068/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Tajlandja, b'mod partikolari dawk tal-20 ta' Mejju 2010(1), tas-6 ta' Frar 2014(2), tal-21 ta' Mejju 2015(3) u tat-8 ta' Ottubru 2015(4),

–  wara li kkunsidra t-tweġiba tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, tad-19 ta' Novembru 2015, f'isem il-Kummissjoni, dwar is-sitwazzjoni tas-Sur Andy Hall,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet maħruġa mid-Delegazzjoni tal-UE fit-Tajlandja, bi ftehim mal-Kapijiet tal-Missjoni tal-UE fit-Tajlandja tal-14 ta' Novembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-20 ta' Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' Maurizio Bussi, Direttur Nazzjonali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol għat-Tajlanda, il-Kambodja u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Laos tal-21 ta' Settembru 2016 dwar il-kundanna tal-attivist tad-drittijiet tax-xogħol, Andy Hall, fit-Tajlandja,

–  wara li kkunsidra l-Eżami Perjodiku Universali tat-Tajlandja li tressaq quddiem il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu, tal-11 ta' Mejju 2016,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Diċembru 1948,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-2014 dwar il-Migrazzjoni fit-Tajlandja mfassal mill-Grupp ta' Ħidma Tematiku tan-NU dwar il-Migrazzjoni,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1998 u r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU A/RES/70/161 tas-17 ta’ Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966, li t-Tajlandja hija Stat firmatarju tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-1984,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja tat-18 ta' Novembru 2012,

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi d-difensur tad-drittijiet tal-ħaddiema, is-Sur Andy Hall, li huwa ċittadin tal-UE, fl-20 ta' Settembru 2016 ingħata sentenza sospiża ta' tliet snin priġunerija u multa ta' THB 150 000 wara li kkontribwixxa għal rapport maħruġ mill-NGO Finlandiża, Finnwatch, li żvela ksur tad-drittijiet tal-ħaddiema f'impjant Tajlandiż tal-ipproċessar tal-ananas, Natural Fruit Company Ltd;

B.  billi Andy Hall kien formalment akkużat b'diffamazzjoni kriminali u bi kriminalità tal-informatika fir-rigward tal-pubblikazzjoni online tar-rapport, u billi ż-żewġ kawżi kriminali tas-Sur Hall tħallew jiġu pproċessati mis-sistema ġudizzjajra Tajlandiża;

C.  billi għadd ta' każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-ħaddiema mwettqa mill-kumpanija kienu ġew identifikati mill-Ministeru Tajlandiż għax-Xogħol u minn impjegati ta' Natural Fruit Company Ltd matul udjenzi ġudizzjarji preċedenti;

D.  billi, fit-18 ta' Settembru 2015, il-Qorti Prakanong ta' Bangkok, f'deċiżjoni favur is-Sur Hall, ikkonfermat iċ-ċaħda tal-proċedimenti l-oħra ta' diffamazzjoni kriminali miġjuba kontrih, li ġew appellati minn Natural Company Ltd u mill-Avukat Ġenerali Tajlandiż u li bħalissa jinstabu pendenti quddiem il-Qorti Suprema; billi ż-żewġ proċedimenti ċivili ġew sospiżi sakemm jiġu riżolti ż-żewġ proċedimenti kriminali;

E.  billi, skont rapporti fil-midja internazzjonali u Tajlandiża, il-Migrant Worker Rights Network (MWRN), organizzazzjoni li s-Sur Hall huwa l-konsulent tagħha, kif ukoll is-Sur Hall innifsu flimkien ma' 14-il ħaddiem ta' razzett tat-tiġieġ mill-Myanmar/Burma, qegħdin jiffaċċaw theddid ta' kawżi simili ta' diffamazzjoni kriminali u ta' kriminalità tal-informatika minn fornitur Tajlandiż tat-tiġieġ lejn is-suq Ewropew;

F.  billi, fit-28 ta' Settembru 2016, l-awtoritajiet Tajlandiżi ostakolaw il-preżentazzjoni u t-tnedija fil-pubbliku, minn għadd ta' esperti u riċerkaturi barranin tad-drittijiet tal-bniedem, tal-aħħar rapport ta' riċerka ta' Amnesty International, li jiddokumenta tortura jew abbuż regolari tal-avversarji politiċi, tal-ħaddiema migranti, tar-ribelli suspettati u ta' persuni oħrajn fil-bażijiet militari, fl-għases tal-pulizija u fil-faċilitajiet ta' detenzjoni;

G.  billi l-użu sproporzjonat tal-liġijiet dwar id-diffamazzjoni kriminali, li jġorru magħhom pieni ta' priġunerija, kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jirrapportaw allegat ksur tad-drittijiet tal-bniedem, jillimita l-libertà tal-espressjoni bi ksur tal-obbligi tat-Tajlandja skont il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li hija Stat firmatarju tiegħu;

H.  billi hemm kważi erba' miljun barrani jgħixu fit-Tajlandja, li 2,7 miljun minnhom ġejjin mill-Kambodja, mil-Laos jew mill-Myanmar/Burma; billi l-permessi tax-xogħol ilhom jinħarġu lill-migranti minn dawn il-pajjiżi sa mill-2001, iżda billi għad hemm aktar minn miljun ħaddiem migrant mhux reġistrat fil-pajjiż;

I.  billi, skont il-Human Rights Watch, fid-dikjarazzjoni tagħha tat-18 ta' Settembru 2016, id-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol tal-ħaddiema migranti fit-Tajlandja mill-Myanmar/Burma, mill-Kambodja, u mil-Laos li jaħdmu fit-Tajlanda ilhom jiġu miksura b'impunità matul is-snin, u l-ħaddiema migranti ta' spiss jirċievu ftit li xejn jew l-ebda protezzjoni mil-liġijiet Tajlandiżi tax-xogħol, minkejja dikjarazzjonijiet min-naħa tal-gvern li l-ħaddiema migranti kollha legalment reġistrati se jingħataw protezzjoni taħt dawn il-liġijiet;

J.  billi t-Tajlandja bdiet timplimenta Memorandum ta' Qbil dwar il-kooperazzjoni fl-impjieg ta' ħaddiema mal-Kambodja u l-Laos fl-2006, u mal-Myanmar/Burma fl-2009; billi, skont is-sistema tal-Memorandum ta' Qbil, il-ħaddiema jistgħu jiksbu offerti ta' impjieg u dokumenti ta' vvjaġġar qabel jemigraw lejn it-Tajlandja, iżda 5 % biss tal-ħaddiema minn dawn il-pajjiżi għaddew mill-proċess tal-Memorandum ta' Qbil;

1.  Jilqa' l-impenn qawwi tal-UE lejn il-poplu Tajlandiż, li miegħu l-UE għandha rabtiet politiċi, ekonomiċi u kulturali b'saħħithom u dejjiema;

2.  Jiddispjaċih dwar il-verdett ta' ħtija kontra Andy Hall, u jesprimi tħassib dwar il-proċess ġudizzjarju u dwar kif dan jista' jaffettwa l-libertà tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jagħmlu xogħolhom;

3.  Jistieden lill-Gvern Tajlandiż biex jieħu l-miżuri kollha meħtieġa ħalli jiżgura li d-drittijiet – inkluż id-dritt ta' proċess ġust – tas-Sur Hall u ta' difensuri oħra tad-drittijiet tal-bniedem jiġu rispettati u protetti, kif ukoll biex joħloq ambjent favorevoli għat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem, u b'mod partikolari, jiżgura li l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem ma jiġux kriminalizzati;

4.  Jistieden lill-awtoritajiet Tajlandiżi biex jiżguraw li l-liġijiet tal-pajjiż dwar id-diffamazzjoni jkunu konformi mal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li t-Tajlandja hija Stat firmatarju tiegħu, u biex jirrevedu l-Att dwar il-Kriminalità tal-Informatika, li d-diċitura attwali tiegħu hija vaga ħafna;

5.  Jifraħ lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għall-ħidma tiegħu fil-każ ta' Andy Hall, u jħeġġu jkompli jsegwi s-sitwazzjoni mill-qrib; jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tqajjem il-kwistjoni mal-Gvern Tajlandiż matul il-Laqgħa Ministerjali li jmiss tal-ASEAN-UE f'Bangkok;

6.  Jistieden lill-Gvern Tajlandiż u lill-istituzzjonijiet tal-Istat jikkonformaw mal-kostituzzjoni u l-obbligi internazzjonali tat-Tajlandja fir-rigward tal-indipendenza tal-ġudikatura, id-dritt għal proċess dovut tal-liġi u proċess ġust u d-drittijiet għal-libertà ta' espressjoni, assoċjazzjoni u għaqda paċifika;

7.  Jirrikonoxxi l-progress li għamel il-Gvern Tajlandiż fir-rigward tal-ġlieda kontra l-isfruttament tal-ħaddiema u l-protezzjoni tal-ħaddiema nazzjonali u migranti, kif evidenzjat, b'mod partikolari, minn sistema rinfurzata ta' spezzjoni tax-xogħol, leġiżlazzjoni li tkopri l-aġenziji tax-xogħol, miżuri li jimpedixxu l-jasar tad-dejn u t-traffikar tal-bnedmin, politika ta' sanzjonijiet aktar b'saħħitha dwar l-abbużi fil-qasam tax-xogħol, ir-ratifika tal-Konvenzjoni Nru 187 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u l-iffirmar f'Marzu 2016 tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu;

8.  Jistieden lill-awtoritajiet Tajlandiżi jadottaw u jimplimentaw, fil-liġi u fil-prattika, politika ta' immigrazzjoni li tkun olistika u li jkollha perspettiva fit-tul għall-ħaddiema migranti b'livell baxx ta' ħiliet skont il-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem u fl-istess ħin iqisu l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol; jissuġġerixxi, f'dan il-kuntest, li, bħala l-ewwel pass, jiġi rivedut l-Att dwar ir-Relazzjonijiet tax-Xogħol, bl-għan li jiġi żgurat li l-ħaddiema migranti jgawdu l-istess dritt għal-libertà ta' assoċjazzjoni bħaċ-ċittadini Tajlandiżi;

9.  Jappella għall-protezzjoni tal-ħaddiema migranti permezz ta' inċentivi aktar b'saħħithom għal dawk li jħaddmu sabiex jiġu involuti fil-proċess ta' regolarizzazzjoni, filwaqt li jingħataw multi għolja jew pieni oħra kontra dawk li jħaddmu li ma jinvolvux ruħhom fil-proċess ta' regolarizzazzjoni jew li jkunu fi ksur tal-liġi tax-xogħol;

10.  Jitlob lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lid-Delegazzjoni tal-UE f'Bangkok, kif ukoll lid-delegazzjonijiet tal-Istati Membri, biex ikomplu jimmonitorjaw is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-Tajlandja, u jkomplu bl-involviment tagħhom mal-gvern u s-soċjetà ċivili u jużaw kwalunkwe strument disponibbli biex jiżguraw ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u għall-istat tad-dritt fit-Tajlandja;

11.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżguraw li kumpaniji stabbiliti fit-territorji tagħhom li jagħmlu negozju fit-Tajlandja jirrispettaw l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, permezz ta' monitoraġġ u rapportar trasparenti, b'kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili, u jilqa' l-appoġġ li l-grupp kummerċjali Finlandiż, S Group, ta lil Andy Hall;

12.  Jemmen bil-qawwi li l-kumpaniji għandhom jinżammu responsabbli għal kwalunkwe ħsara ambjentali u għal kwalunkwe abbuż tad-drittijiet tal-bniedem li jkunu responsabbli għalihom, u li l-UE u l-Istati Membri għandhom jiddefendu dan bħala prinċipju bażiku;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, lill-Gvern u lill-Parlament tat-Tajlandja, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja.

(1) ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 152.
(2) Testi adottati, P7_TA(2014)0107.
(3) ĠU C 353, 27.9.2016, p. 52.
(4) Testi adottati, P8_TA(2015)0343.


L-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju: IFRS 9
PDF 269kWORD 53k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju: IFRS 9 (2016/2898(RSP))
P8_TA(2016)0381B8-1060/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabilità(1),

–  wara li kkunsidra l-abbozz finali ta' Regolament tal-Kummissjoni (UE) .../... li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skond ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-Istandard Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju 9,

–  wara li kkunsidra l-Istandard Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjajru (IFRS) 9 dwar l-Istrumenti Finanzjarji maħruġ fl-24 ta' Lulju 2014 mill-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IASB), il-parir ta' approvazzjoni tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju (EFRAG) dwar l-IFRS 9(2), il-valutazzjoni tal-EFRAG tal-IFRS 9 abbażi tal-prinċipju ta' stampa veritiera u ġusta u l-ittri ta' osservazzjonijiet mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u mill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) dwar l-approvazzjoni tal-IFRS 9,

–  wara li kkunsidra l-emendi għall-IFRS 4 maħruġa fit-12 ta' Settembru 2016 mill-IASB bit-titolu, "Applikazzjoni tal-IFRS 9 dwar l-Istrumenti Finanzjarji mal-IFRS 4 dwar il-Kuntratti ta' Assigurazzjoni",

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' Ottubru 2013 minn Philippe Maystadt bit-titolu "Should IFRS standards be more European?",

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Mexxejja tal-G20 tat-2 ta' April 2009,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar is-Sorveljanza Finanzjarja fl-UE, ippresedut minn Jacques de Larosière, tal-25 ta' Frar 2009,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar l-evalwazzjoni tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) u dwar l-attivitajiet tal-Fondazzjoni tal-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS), tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju (EFRAG) u tal-Bord tas-Sorveljanza tal-Interess Pubbliku (PIOB)(3),

–  wara li kkunsidra l-ittra tat-8 ta' Jannar 2016 mill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tiegħu lill-President tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) rigward "L-implikazzjonijiet tal-istabbiltà finanzjarja tal-introduzzjoni tal-IFRS 9 – Talba għal analiżi" u l-ittra ta' tweġiba tad-29 ta' Frar 2016,

–  wara li kkunsidra l-ittra tas-16 ta' Ġunju 2016 mill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tiegħu lill-Kummissarju għall-Istabbiltà Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji, u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali rigward l-approvazzjoni tal-IFRS 9 u l-ittra ta' tweġiba tal-15 ta' Lulju 2016,

–  wara li kkunsidra l-istudji għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tiegħu dwar l-IFRS 9 ("IFRS Endorsement Criteria in Relation to IFRS 9", "The Significance of IFRS 9 for Financial Stability and Supervisory Rules", "Impairments of Greek Government Bonds under IAS 39 and IFRS 9: A Case Study" u "Expected-Loss-Based Accounting for the Impairment of Financial Instruments: the FASB and IASB IFRS 9 Approaches"),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju: IFRS 9 (O-000115/2016 – B8-0721/2016),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-kriżi finanzjarja globali qiegħdet ir-rwol żvolt mill-istandards internazzjonali tar-rappurtar finanzjarju (IFRS) fl-istabbiltà finanzjarja u t-tkabbir finanzjarju, b'mod partikolari r-regoli rigward ir-rikonoxximent tat-telf imġarrab fis-sistema bankarja, fl-aġendi tal-G20 u tal-UE; billi l-G20 u r-rapport de Larosière enfasizzaw kwistjonijiet ewlenin fir-rigward tal-istandards tal-kontabilità qabel il-kriżi, inklużi l-proċikliċità relatata mal-prinċipju tal-valur tas-suq u r-rikonoxximent tal-profitti u t-telf, is-sottovalutazzjoni tal-akkumulazzjoni tar-riskju matul perjodi ta' rkupru ċikliċi u n-nuqqas ta' metodoloġija komuni u trasparenti għall-valwazzjoni tal-assi illikwidi u danneġġati;

B.  billi l-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IASB) ħareġ l-IFRS 9 – Strumenti Finanzjarji bħala rispons essenzjali għal xi aspetti tal-kriżi finanzjarja u għall-impatt tagħha fuq is-settur bankarju; billi l-IFRS 9 se jidħol fis-seħħ mill-1 ta' Jannar 2018 u jissostitwixxi l-IAS 39;

C.  billi l-EFRAG ħareġ parir ta' approvazzjoni pożittiv dwar l-IFRS 9 b'għadd ta' osservazzjonijiet li jirrigwardaw l-użu ta' "valur ġust" f'kundizzjonijiet tas-suq diffiċli, in-nuqqas ta' bażi kunċettwali fir-rigward tal-approċċ ta' proviżjonament għat-telf ta' 12-il xahar u d-dispożizzjonijiet insodisfaċenti relatati mal-investiment fit-tul; billi, minħabba d-dati differenti ta' dħul fis-seħħ tal-IFRS 9 u l-istandard ta' assigurazzjoni ġejjieni ġdid IFRS 17, il-parir esprima riżerva dwar l-applikabilità tal-istandard għas-settur tal-assigurazzjoni;

D.  billi l-kontroversja u d-dibattitu dwar l-impatt tal-kontabilità abbażi tal-valur ġust fuq l-investiment fit-tul huma aċċentwati min-nuqqas ta' valutazzjoni tal-impatt kwantitattiva dwar is-suġġett;

E.  billi r-rikonoxximent ta' qligħ mhux realizzat skont il-kontabilità abbażi tal-valur ġust jista' jitqies ksur tad-Direttiva dwar il-Manteniment tal-Kapital u tad-Direttiva dwar il-Kontabilità; billi l-Kummissjoni attwalment qed tqabbel il-prattiki tal-Istati Membri fir-rigward tad-distribuzzjoni tad-dividendi;

F.  billi l-prinċipju tal-prudenza jrid ikun il-prinċipju ta' gwida ewlieni għal kwalunkwe standard ta' kontabilità;

G.  billi jidher li l-istandard il-ġdid huwa daqstant jekk mhux iżjed kumpless mill-predeċessur tiegħu IAS 39; billi l-mira inizjali kienet li titnaqqas il-kumplessità;

H.  billi l-istandard tal-assigurazzjoni il-ġdid li jmiss IFRS 17, li jissostitwixxi l-IFRS 4, x'aktarx li jidħol fis-seħħ wara l-2020; billi tqajmu preokkupazzjonijiet dwar il-fatt li d-dati ta' dħul fis-seħħ tal-IFRS 9 u l-IFRS 17 ma jikkoinċidux; billi l-IASB ħareġ l-emendi finali għall-IFRS 4 f'Settembru 2016, u dawn offrew żewġ soluzzjonijiet fakultattivi: l-approċċ tas-sovrappożizzjoni u eżenzjoni temporanja fil-livell tal-entità ta' rappurtar;

I.  billi l-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tiegħu skrutinizza l-IFRS 9 – Strumenti Finanzjarji billi mexxa smigħ pubbliku, ikkummissjona erba' studji dwar l-IFRS 9 u organizza attivitajiet ta' skrutinju fil-kumitat u l-attivitajiet tat-Team Permanenti tal-IFRS tiegħu;

1.  Jinnota li l-IFRS 9 – Strumenti Finanzjarji jikkostitwixxi wieħed mir-risponsi ewlenin tal-IASB għall-kriżi finanzjarja; jinnota li diġà qed isiru sforzi ta' implimentazzjoni;

2.  Jirrikonoxxi li l-IFRS 9 jikkostitwixxi titjib fuq l-IAS 39 sakemm il-bidla minn mudell ta' indeboliment ibbażat fuq it-"telf imġarrab" għal mudell ibbażat fuq it-"telf mistenni" tindirizza l-problema ta' "ftit wisq, tard wisq" fil-proċedura ta' rikonoxximent tat-telf fuq is-self; jinnota, madankollu, li l-IFRS 9 jirrikjedi ammont notevoli ta' ġudizzju fil-proċess ta' kontabilità; jissottolinja li hemm differenzi enormi ta' opinjoni u ftit gwida konkreta mill-awdituri f'dan ir-rigward; jitlob, għalhekk, li tiġi żviluppata gwida mill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej b'kollaborazzjoni mal-Kummissjoni u l-EFRAG biex jiġi evitat kull abbuż tad-diskrezzjoni tal-maniġment;

3.  Filwaqt li ma jopponix ir-regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament(KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skond ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Istandard Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju 9, ifakkar fit-talbiet li saru rigward l-IFRS 9 fir-riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq tas-7 ta' Ġunju 2016;

4.  Ifakkar li l-approċċ tar-regolamentazzjoni aħjar jirrikjedi valutazzjoni tal-impatt; jinnota n-nuqqas ta' valutazzjoni tal-impatt kwantitattiva xierqa għall-IFRS 9 li huwa dovut, parzjalment, għal nuqqas ta' data affidabbli; jissottolinja l-ħtieġa li jinkiseb għarfien aħjar tal-impatt tal-IFRS 9 fuq is-settur bankarju, is-settur tal-assigurazzjoni u s-swieq finanzjarji inġenerali, iżda anke fuq is-settur finanzjarju kollu kemm hu; itenni, għalhekk, it-talba tiegħu lill-IASB u lill-EFRAG biex isaħħu l-kapaċità tagħhom ta' analiżi tal-impatt, partikolarment fil-qasam tal-makroekonomija;

5.  Itenni t-talba tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tiegħu lill-BERS għal analiżi tal-implikazzjonijiet tal-istabbiltà finanzjarja tal-introduzzjoni tal-IFRS 9; ifakkar fl-impenn tal-BERS li jirrispondi għal din it-talba matul l-2017; jilqa' l-fatt li l-BERS stabbilixxa task force ġdida dwar l-IFRS 9; ifakkar fir-rakkomandazzjonijiet Maystadt rigward l-espansjoni tal-kriterju tal-"ġid pubbliku", i.e. li l-istandards tal-kontabilità la għandhom jipperikolaw l-istabbiltà finanzjarja fl-UE u lanqas għandhom ixekklu l-iżvilupp ekonomiku tal-UE;

6.  Jinnota l-importanza li nifhmu bis-sħiħ l-interazzjoni tal-IFRS 9 ma' rekwiżiti regolatorji oħra; jilqa' l-valutazzjoni tal-EBA li għaddejja tal-impatt tal-IFRS 9 fuq il-banek fl-UE, bl-għan li jinkiseb għarfien aħjar tal-effett tiegħu fuq il-fondi proprji regolatorji, l-interazzjoni tiegħu ma' rekwiżiti prudenzjali oħra u l-mod li bih l-istituzzjonijiet qed iħejju għall-applikazzjoni tal-IFRS 9; jinnota li l-banek li jużaw l-Approċċ Standardizzat probabbilment ikunu milquta l-aktar serjament minn tnaqqis fil-kapital tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni biex, sa tmiem l-2017, tipproponi passi adegwati fil-qafas prudenzjali, pereżempju l-introduzzjoni, fir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital ta' reġim ta' introduzzjoni gradwali li jimmitiga l-impatt tal-mudell ta' indeboliment il-ġdid għal perjodu ta' tliet snin, jew sakemm tiġi stabbilita soluzzjoni internazzjonali adegwata, u jiġi evitat xi impatt mhux mixtieq għalgħarrieda fuq il-proporzjon kapitali u s-self tal-banek;

7.  Jinnota li d-dati ta' dħul fis-seħħ tal-IFRS 9 u l-istandard tal-assigurazzjoni l-ġdid li jmiss IFRS 17 ma jikkoinċidux; jinnota li l-IASB ħareġ emendi għall-IFRS 4 li jindirizzaw uħud mill-preokkupazzjonijiet, partikolarment b'rabta mal-użu tal-approċċ ta' differiment fakultattiv; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza b'reqqa din il-kwistjoni b'manjiera sodisfaċenti u adegwata, bl-appoġġ tal-EFRAG, filwaqt li tiżgura kundizzjonijiet ekwi xierqa fi ħdan l-UE;

8.  Jissottolinja l-importanza ta' investiment fit-tul għat-tkabbir ekonomiku; huwa preokkupat li t-trattament kontabbli taħt l-IFRS 9 ta' ċerti strumenti finanzjarji miżmuma direttament jew indirettament bħala investimenti fit-tul, b'mod partikolari ekwità, jista' jkun kuntrarju għall-mira ġenerali tal-promozzjoni tal-investiment fit-tul; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-IFRS 9 jaqdi l-istrateġija tal-UE ta' investiment fit-tul u jnaqqas il-proċikliċità u l-inċentivi għal teħid ta' riskju eċċessiv; jistieden lill-Kummissjoni biex, sa mhux aktar tard minn Diċembru 2017, tippreżenta evalwazzjoni;

9.  Jilqa' l-inizjattiva attwali tal-Kummissjoni li tqabbel il-prattiki tal-Istati Membri fir-rigward tad-distribuzzjoni tad-dividendi; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-konformità tal-IFRS 9 mad-Direttiva dwar il-Manteniment tal-Kapital u mad-Direttiva dwar il-Kontabilità u tikkoopera, kull meta jkun meħtieġ, mal-IASB u mal-entitajiet nazzjonali u ta' pajjiżi terzi li jistabbilixxu l-istandards biex tikseb l-appoġġ għal modifiki jew, fin-nuqqas ta' tali appoġġ, tipprevedi bidliet xierqa fid-dritt tal-UE;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, flimkien mal-Aġenziji Superviżorji Ewropej (ESAs), il-BĊE, il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) u l-EFRAG, tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-IFRS 9 fl-UE, tħejji valutazzjoni tal-impatt ex post sa mhux aktar tard minn Ġunju 2019 u tippreżenta din il-valutazzjoni lill-Parlament Ewropew u taġixxi b'konformità mal-fehmiet tiegħu;

11.  Jistieden lill-IASB jwettaq rieżami wara l-implimentazzjoni (PIR) tal-IFRS 9 sabiex jidentifika u jivvaluta l-effetti mhux intiżi tal-istandard, b'mod partikolari fuq l-investiment fit-tul;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.
(2) http://www.efrag.org/Assets/Download?assetUrl=%2Fsites%2Fwebpublishing%2FSiteAssets%2FEndorsement%2520Advice%2520on%2520IFRS%25209.pdf.
(3) Testi adottati, P8_TA(2016)0248.


Sitwazzjoni fis-Sirja
PDF 247kWORD 48k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar is-Sirja (2016/2894(RSP))
P8_TA(2016)0382B8-1089/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-ostilitajiet fis-Sirja ħraxu drastikament, b'mod partikolari f'Aleppo, li ġarrbet bumbardament qawwi mill-ajru, fost l-oħrajn b'attakki fuq faċilitajiet mediċi; billi s-sitwazzjoni marret għall-agħar b'mod drammatiku u rapidu, minkejja l-isforzi tal-komunità internazzjonali biex tistabbilixxi waqfien mill-ġlied;

B.  billi l-Unjoni Ewropea hija fost il-kontributuri ewlenin ta' għajnuna umanitarja għan-nies li qed jaħarbu l-vjolenza u l-ħerba storiċi fis-Sirja; billi n-nuqqas ta' għaqda internazzjonali jagħmilha ferm aktar diffiċli li tintlaħaq soluzzjoni nnegozjata għall-gwerra fis-Sirja;

C.  billi l-UE għandha tissokta bl-isforzi tagħha u, kollettivament, permezz tar-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni, taqdi rwol aktar qawwi fil-medjazzjoni ta' ftehim ta' paċi għas-Sirja;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-attakki kollha fuq iċ-ċivili u fuq l-infrastruttura ċivili; il-kontinwazzjoni tal-assedji kollha fis-Sirja u n-nuqqas ta' aċċess umanitarju għall-poplu Sirjan fil-bżonn; jesprimi t-tħassib mill-akbar tiegħu dwar it-tbatija umana fl-inħawi assedjati ta' Aleppo u fis-Sirja kollha, tbatija li taffettwa lil ħafna nisa u tfal li ma għandhomx aċċess għall-provvisti umanitarji essenzjali u li jinsabu fi bżonn estrem ta' ikel, ilma nadif u provvisti mediċi;

2.  Jiddeplora bis-sħiħ u inkundizzjonatament l-attakki reċenti fuq konvoj tal-għajnuna umanitarja u fuq maħżen tan-Nofs Qamar l-Aħmar ħdejn Aleppo bħala ksur gravi u allarmanti tad-dritt umanitarju internazzjonali u bħala delitt tal-gwerra possibbli; jagħti ġieħ lill-ħaddiema umanitarji li tilfu ħajjithom fl-isforz biex jassistu lill-poplu ta' Aleppo u fis-Sirja kollha u jesprimi l-kondoljanzi l-aktar sinċieri tiegħu lill-familji u lill-ħbieb tal-vittmi; jitlob li dawk ħatja wettqu delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità jbatu l-konsegwenzi u jinżammu responsabbli;

3.  Jistieden lill-partijiet kollha fil-kunflitt, u b'mod speċjali lir-Russja u lir-reġim ta' Assad, biex itemmu l-attakki kollha fuq iċ-ċivili u fuq l-infrastruttura ċivili, inklużi l-infrastruttura tal-ilma u dik tal-elettriku, jieħdu passi immedjati u kredibbli għall-waqfien tal-ostilitajiet, itemmu l-assedji kollha u jippermettu lill-organizzazzjonijiet umanitarji aċċess rapidu, sikur u bla xkiel, b'tali mod li jkunu jistgħu jilħqu lin-nies kollha fil-bżonn;

4.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva umanitarja ta' emerġenza għal Aleppo, li, minbarra li timmobilizza fondi għal bżonnijiet umanitarji urġenti, għandha l-għan li tiżgura l-evakwazzjoni medika tal-midruba u l-morda mil-Lvant ta' Aleppo, b'attenzjoni partikolari għan-nisa, it-tfal u l-anzjani; iħeġġeġ lill-partijiet kollha sabiex jagħtu b'urġenza l-awtorizzazzjonijiet kollha meħtieġa biex ikunu jistgħu jsiru kunsenji ta' għajnuna umanitarja u evakwazzjonijiet mediċi;

5.  Iħeġġeġ lill-parteċipanti kollha fil-Grupp Internazzjonali ta' Appoġġ għas-Sirja biex jissuktaw in-negozjati bil-għan li jiffaċilitaw tregwa stabbli u jintensifikaw il-ħidma biex tinstab soluzzjoni politika dejjiema fis-Sirja; jappoġġja bis-sħiħ l-isforzi tal-Mibgħut Speċjali tan-NU, Staffan de Mistura, f'dan ir-rigward;

6.  Jitlob li r-RGħ/VP iġġedded l-isforzi lejn strateġija komuni tal-UE rigward is-Sirja, li jkollha l-għan li tiffaċilita soluzzjoni politika fis-Sirja, u tinkludi għodod ta' monitoraġġ u infurzar sabiex issaħħaħ ir-rispett għall-ftehimiet u għall-obbligi stabbiliti fil-qafas tal-Grupp Internazzjonali ta' Appoġġ għas-Sirja;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lin-Nazzjonijiet Uniti, lill-membri tal-Grupp Internazzjonali ta' Appoġġ għas-Sirja, u lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt fis-Sirja.


Konferenza tan-NU 2016 dwar it-Tibdil fil-Klima f'Marrakech, il-Marokk (COP22)
PDF 426kWORD 67k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi u l-Konferenza 2016 tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima f'Marrakexx, il-Marokk (COP 22) (2016/2814(RSP))
P8_TA(2016)0383B8-1043/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Protokoll ta' Kjoto tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi, id-Deċiżjoni 1/CP.21, u l-21 Konferenza tal-Partijiet (COP 21) tal-UNFCCC u l-11-il Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP 11) li saru f'Pariġi, Franza, mit-30 ta' Novembru sal-11 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra t-18-il Konferenza tal-Partijiet (COP 18) tal-UNFCCC u t-8 Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP 8) li saru f'Doha, il-Qatar, mis-26 ta' Novembru sat-8 ta' Diċembru 2012, u l-adozzjoni ta' emenda għall-Protokoll li jistabbilixxi t-tieni perjodu ta' impenn skont il-Protokoll ta' Kjoto li jibda fl-1 ta' Jannar 2013 u jispiċċa fl-31 ta' Diċembru 2020,

–  wara li kkunsidra li l-Ftehim ta' Pariġi nfetaħ għall-iffirmar fit-22 ta' April 2016 fi ħdan is-sede tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) ta' New York u li se jibqa' miftuħ sal-21 ta' April 2017, li l-180 Stat li ffirmaw il-Ftehim ta' Pariġi u li, fis-7 ta' Settembru 2016, 27 Stat li jirrappreżentaw total ta' 39,08 % tal-emissjonijiet ta' gassijiet globali b'effett ta' serra ddepożitaw l-istrumenti tar-ratifika tagħhom,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Ottubru 2015 intitolata "lejn ftehim internazzjonali ġdid dwar il-klima f'Pariġi"(1),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Marzu 2016 intitolata "Wara Pariġi: valutazzjoni tal-implikazzjonijiet tal-Ftehim ta' Pariġi" (COM(2016)0110),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' April 2013 intitolata "Strateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima" (COM(2013)0216) u d-dokumenti ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanjawha,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 u tal-24 ta' Ottubru 2014,

–  wara li kkunsidra li l-kontributi maħsuba determinati fil-livell nazzjonali tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, imressqa fis-6 ta' Marzu 2015 lill-UNFCC mil-Latvja u mill-Kummissjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-ħames Rapport ta' Valutazzjoni tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) u r-Rapport ta' Sinteżi tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Rapport ta' Sinteżi tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP) ta' Novembru 2014 intitolat "The Emissions Gap Report 2014" (Rapport tal-2014 dwar id-distakk f'termini ta' emissjonijiet) u l-"Adaptation Gap Report 2014" (Rapport tal-2014 dwar id-distakk f'termini ta' adattament) tal-UNEP;

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Mexxejja adottata fis-Summit tal-G7 li sar fi Schloss Elmau, fil-Ġermanja, mis-7 sat-8 ta' Ġunju 2015, intitolata "Think ahead. Act together" (Naħsbu fil-futur. Naġixxu flimkien), li fiha tennew il-ħsieb tagħhom li jonoraw l-impenn li ħadu biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra minn 40 għal 70 % sal-2050 meta mqabbel mal-2010, u dan it-tnaqqis jeħtieġ ikun eqreb lejn is-70 % milli l-40 %;

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Mexxejja adottata fis-Summit tal-G7 li sar f'Ise-Shima, fil-Ġappun, fis-26 u s-27 ta' Mejju 2016, li tappella lill-Partijiet kollha jistinkaw sabiex il-Ftehim ta' Pariġi jidħol fis-seħħ fl-2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' Frar 2016 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku intitolat "Too late, too sudden: Transition to a low-carbon economy and systemic risk" (Tard wisq, wisq f'daqqa: tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju u riskju sistemiku),

–  wara li kkunsidra l-enċiklika "Laudato Si'";

–  wara li kkunsidra l-"10 key messages on Climate Change" (10 messaġġi ewlenin dwar it-Tibdil fil-Klima) tal-Grupp Internazzjonali dwar ir-Riżorsi ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Ftehim ta' Pariġi jidħol fis-seħħ fit-tletin jum wara d-data li fiha tal-anqas 55 Parti tal-Konvenzjoni, li b'kollox jikkostitwixxu tal-anqas 55 % tal-emissjonijiet totali globali tal-gassijiet b'effett ta' serra, ikunu ddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta' ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni man-NU;

B.  billi l-perkors għat-tnaqqis rappreżentat mill-proposti tal-Kummissjoni għall-qafas tal-klima tal-2030 mhuwiex konformi mal-għanijiet maqbula fil-Ftehim ta' Pariġi; billi, bħala l-ewwel pass, l-għanijiet għandhom jerġgħu jiġu aġġustati aktar lejn l-ogħla limitu tal-medda attwali tal-2050, jiġifieri 95 % sal-2050;

C.  billi l-isforzi li jittaffa t-tisħin globali m'għandhomx jitqiesu bħala ostakolu għall-kisba tat-tkabbir ekonomiku, iżda, anzi, għandhom jitqiesu bħala forza ewlenija fit-twettiq tat-tkabbir ekonomiku u l-impjieg ġodda u sostenibbli;

D.  billi t-tibdil fil-klima jista' jżid il-kompetizzjoni għar-riżorsi, bħall-ikel, l-ilma, il-mergħat, jista' jiggrava d-diffikultajiet ekonomiċi u l-instabbiltà politika, u aktarx jista' jsir l-akbar mutur ta' spostamenti tal-popolazzjonijiet, kemm fi ħdan kif ukoll bejn il-fruntieri nazzjonali fil-ġejjieni mhux daqshekk imbiegħed; billi l-kwistjoni tal-migrazzjoni marbuta mat-tibdil fil-klima għandhom għalhekk titpoġġa fuq nett fl-aġenda internazzjonali;

E.  billi l-aktar effetti gravi tat-tibdil fil-klima se jinħassu fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, partikolarment il-pajjiżi l-inqas żviluppati u l-Istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw, li ma għandhomx biżżejjed riżorsi biex jippreparaw ruħhom u jadattaw għat-tibdil li għaddej; billi skont l-IPCC, l-Afrika hija partikolarment vulnerabbli għall-isfida maħluqa mit-tibdil fil-klima u, għaldaqstant, partikolarment esposta għall-istress idriku, għall-fenomeni meteoroloġiċi estremament vjolenti u għall-insigurtà alimentari kaġun tan-nixfa u tad-deżertifikazzjoni;

F.  billi fis-6 ta' Marzu 2015, l-UE u l-Istati Membri tagħha ppreżentaw il-kontribut maħsub determinat fil-livell nazzjonali tagħhom lill-UNFCCC, li jimpenjahom favur objettiv vinkolanti ta' tnaqqis minimu ta' 40 % fl-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra sal-2030 fl-Unjoni, meta mqabbla mal-livelli tas-snin disgħin, kif stabbilit fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2014 dwar il-qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija għall-2030;

Azzjoni klimatika fuq bażi xjentifika solida

1.  Ifakkar li, skont il-provi xjentifiċi ppreżentati fir-Rapport ta' Valutazzjoni tal-IPCC tal-2014, it-tisħin tas-sistema klimatika huwa inekwivoku, it-tibdil fil-klima qiegħed tabilħaqq iseħħ u l-attivitajiet tal-bniedem kienu l-kaġun dominanti tat-tisħin li ġie osservat minn-nofs is-seklu XX; jinsab imħasseb li l-impatti mifruxa u sostanzjali tat-tibdil fil-klima huma diġà evidenti fis-sistemi naturali u umani fil-kontinenti kollha u fl-oċeani;

2.  Jieħu nota tal-konklużjonijiet tas-segretarjat tal-UNFCCC, skont liema, jekk l-emissjonijiet globali ta' gassijiet b'effett ta' serra se jibqgħu fil-livell attwali tagħhom, fil-ħames snin li ġejjin se jispiċċa l-baġit tal-karbonju li fadal stabbilit biex jillimita ż-żieda medja tat-temperatura globali għal mhux aktar minn 1,5 °C; jisħaq li l-pajjiżi kollha għandhom jaċċeleraw it-tranżizzjoni lejn emissjonijiet żero netti ta' gassijiet b'effett ta' serra u reżiljenza klimatika kif miftiehem fil-Ftehim ta' Pariġi sabiex jiġu evitati l-agħar impatti tat-tisħin globali;

3.  Iħeġġeġ lill-pajjiżi żviluppati, partikolarment lil dawk tal-UE, inaqqsu drastikament l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra, lil hinn mill-impenji attwali, bil-għan li jiġi evitat, kemm jista' jkun, okkorrenza fuq skala kbira tal-emissjonijiet negattivi, billi għadu ma ntweriex li t-teknoloġiji fil-qasam jaħdmu sewwa u b'mod soċjalment aċċettabbli, kosteffikaċi u bla periklu;

In-natura urġenti tar-ratifika u tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi

4.  Jilqa' pożittivament il-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima bħala kisba storika għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u għall-multilateraliżmu; iqis li jirrappreżenta ftehim ambizzjuż, ibbilanċjat, ekwu u ġuridikament vinkolanti, u li l-adozzjoni tiegħu flimkien mal-fatt li 187 Parti ħabbru, qabel it-tmiem tal-COP 21, il-kontributi maħsuba determinati fil-livell nazzjonali, jimmarkaw żvolta deċiżiva fit-triq ta' azzjoni globali, komprensiva u kollettiva u ladarba jkunu implimentati, dan il-ftehim u dawn il-kontributi se jaċċeleraw b'mod definittiv u irreversibbli t-tranżizzjoni lejn ekonomija globali reżiljenti għat-tibdil fil-klima u klimatikament newtrali;

5.  Jilqa' b'entużjażmu l-impenn min-naħa tal-pajjiżi kollha biex jillimitaw iż-żieda tat-temperatura medja globali sew taħt iż-2 °C meta mqabbel mal-livelli preindustrijali u jkomplu bl-isforzi maħsuba biex jillimitaw din iż-żieda għal 1,5 °C, kif ukoll l-għan li jinlaħaq bilanċ bejn l-emissjonijiet antropoġeniċi mill-għejun u l-assorbiment mill-bjar tal-gassijiet b'effett ta' serra ("emissjonijiet żero netti") matul it-tieni nofs ta' dan is-seklu, fuq il-bażi tal-prinċipju ta' ekwità;

6.  Ifakkar li l-limitazzjoni taż-żieda tat-temperatura globali għal sew anqas minn 2 °C ma tiggarantixxix li jiġu evitati impatti klimatiċi negattivi sinifikanti; jirrikonoxxi li jeħtieġ li jiġi żviluppat fehim ċar tal-implikazzjonijiet politiċi speċifiċi sabiex iż-żieda tat-temperatura globali tiġi limitata għal medja ta' 1,5 °C; japprezza għalhekk it-tħeijja ta' rapport speċjali tal-IPCCfl-2018 għal dan l-iskop; jenfasizza l-kontribut potenzjali tal-bjar tal-karbonju għan-newtralità tal-emissjonijiet ma għandux ikun sopravalutat;

7.  Ifakkar li bil-għan li tkun limitata ż-żieda tat-temperatura medja globali taħt iż-2 °C, filwaqt li jitkomplew l-isforzi maħsuba biex jillimitaw din iż-żieda għal 1,5 °C, jeħtieġ li d-dekarbonizzazzjoni ssir fi stadju bikri u li l-emissjonijiet globali ta' gassijiet b'effett ta' serra jilħqu l-livell massimu tagħhom mill-aktar fis possibbli; ifakkar li l-emissjonijiet globali għandhom jiġu eliminati b'mod gradwali sal-2050 jew ftit wara; jistieden lill-partijiet kollha f'pożizzjoni li jagħmlu dan jimplimentaw l-objettivi u l-istrateġiji ta' dekarbonizzazzjoni nazzjonali tagħhom billi jagħtu prijorità lill-eliminazzjoni gradwali tal-emissjonijiet mill-faħam, li huwa l-aktar sors niġġies tal-enerġija u jistieden lill-UE sabiex taħdem mas-sħab internazzjonali tagħha għal dan l-għan, filwaqt li turi eżempji ta' prattika tajba;

8.  Jenfasizza li l-Ftehim ta' Pariġi, ġuridikament vinkolanti, u l-perkors lejn id-dekarbonizzazzjoni traċċat se joffru gwida affidabbli biex jittieħdu d-deċiżjonijiet, jevitaw intrappolament li jqum il-flus li jwassal għal investimenti f'attivitajiet b'emissjonijiet għoljin tal-karbonju, joffru ċertezza u prevedibbiltà lill-impriżi u lill-investituri u jinkoraġġixxu t-tranżizzjoni tal-investimenti mill-fjuwils fossili lejn investimenti b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju;

9.  Jenfasizza li anki fin-nuqqas ta' provi xjentifiċi ta' xi jfisser il-limitazzjoni tat-tisħin globali għal 1,5 °C għal kull settur u reġjun, huwa ċar li l-isforzi attwali mill-pajjiżi mhumiex biżżejjed sabiex jintlaħqu dawn il-limiti sikuri għall-aktar pajjiżi vulnerabbli; iħeġġeġ lill-pajjiżi kollha, speċjalment lill-pajjiżi żviluppati, sabiex flimkien jintensifikaw l-isforzi u jgħollu l-kontributi determinati fil-livell nazzjonali tagħhom fil-kuntest tad-djalogu ta' faċilitazzjoni fl-2018; jistieden lill-UE timpenja ruħha favur aktar tnaqqis fl-emissjonijiet fil-kontribut determinat fil-livell nazzjonali tagħha għall-2030 f'dak il-kuntest; ifakkar li azzjoni fil-livell tal-Unjoni Ewropea biss mhijiex se tkun biżżejjed u, għaldaqstant, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jintensifikaw l-attivitajiet tagħhom maħsuba biex jinkoraġġixxu lis-sħab l-oħra jagħmlu l-istess;

10.  Jilqa' pożittivament l-impenn meħud fil-Ftehim ta' Pariġi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għal żero netti matul it-tieni nofs tas-seklu; jagħraf li dan ifisser li ħafna mis-setturi fl-UE jridu jiksbu emissjonijiet żero ferm qabel; jissottolinja li l-UE jeħtiġilha teżerċita pressjoni fuq il-Partijiet li mhumiex fuq perkors konformi mal-Ftehim ta' Pariġi;

11.  Iħeġġeġ id-dħul fis-seħħ bikri tal-Ftehim ta' Pariġi u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw ir-ratifika bikrija u rapida sabiex ma jkunx hemm dewmien fid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tirrapporta b'mod regolari lill-Parlament u lill-kumitati responsabbli dwar l-fażijiet milħuqa fil-proċess ta' ratifika, u speċjalment dwar ir-raġunijiet għal kwalunkwe ostakolu potenzjali li qiegħda tħabbat wiċċha miegħu; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li għadd ta' Stati Membri diġà bdew, u wħud minnhom diġà kkompletaw, il-proċeduri ta' ratifika nazzjonali tagħhom;

12.  Jiddispjaċih, madankollu, li s-somma tal-kontributi maħsuba determinati fil-livell nazzjonali kollha lanqas iqarrbu lid-dinja lejn l-għan taż-2 °C; jirrimarka hija meħtieġa aktar ambizzjoni u jappella għal azzjoni miftiehma mill-UE u minn min hu għajn ewlenija ta' emissjonijiet iqarrbu l-kontributi maħsuba determinati fil-livell nazzjonali f'konformità mal-impenji tal-Ftehim ta' Pariġi; jenfasizza l-urġenza u l-importanza kritika li l-Partijiet kollha, inkluża l-UE, isaħħu l-impenji ta' tnaqqis tal-emissjonijiet tagħhom fl-kontributi determinati fil-livell nazzjonali tagħhom kull ħames snin skont il-mekkaniżmu ta' ambizzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi; iqis li l-kontributi determinati fil-livell nazzjonali huma strumenti ewlenin fl-ippjanar tal-iżvilupp nazzjonali f'sinerġija mal-Għanijiet ta' Żvilupp; Sostenibbli;

13.  Jisħaq fuq l-importanza li l-UE turi l-adeżjoni tagħha mal-Ftehim ta' Pariġi, partikolarment billi tirrivedi l-għanijiet tagħha fit-terminu medju u twil u l-istrumenti politiċi tagħha, u li tibda dan il-proċess mill-aktar fis possibbli biex tippermetti li jsir dibattitu komprensiv li fih il-Parlament għandu jiżvolġi rwol ċentrali fi sħubija mar-rappreżentanti tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, tas-soċjetà ċivili u tad-dinja tan-negożju; jistieden lill-Kummissjoni tħejji strateġija għal emissjonijiet żero sa nofs is-seklu għall-UE, li toffri perkors kosteffikaċi lejn l-ilħuq tal-għan ta' emissjonijiet żero netti adottat fil-Ftehim ta' Pariġi;

Il-COP 22 f'Marrakexx

14.  Jemmen li n-negozjati għandhom jagħmlu progress fir-rigward tal-elementi importanti tal-Ftehim ta' Pariġi, partikolarment qafas ta' trasparenza msaħħa, id-dettalji tal-bilanċ globali, gwida ulterjuri fil-qasam tal-kontributi maħsuba determinati fil-livell nazzjonali, fehim tad-differenzjazzjoni, tat-telf u tad-danni, il-finanzjament tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet, governanza inklużiva f'bosta livelli kif ukoll mekkaniżmu maħsub biex jaġevola l-implimentazzjoni u l-promozzjoni tal-konformità; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jirrispettaw l-impenji maqbula fi ħdan il-qafas tal-Ftehim ta' Pariġi, speċjalment rigward il-kontribut tal-UE għall-mitigazzjoni u għall-adattament kif ukoll l-appoġġ tagħha fil-qasam tal-finanzi, tat-trasferiment ta' teknoloġiji u tal-bini ta' kapaċitajiet, minkejja kwalunkwe bidla fl-istatus tal-Istati Membri tal-UE;

15.  Jisħaq li ma hemmx żmien x'jinħela fl-isforzi konġunti tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u sabiex jiġi onorat il-Ftehim ta' Pariġi; jenfasizza li l-UE għandha kemm il-kapaċità kif ukoll ir-responsabbiltà li tmexxi bl-eżempju u tibda minnufih l-ħidma ta' allinjament tal-objettivi tal-klima u tal-enerġija tagħha bil-għan internazzjonali maqbul ta' limitazzjoni taż-żieda fit-temperatura medja tal-pjaneta għal inqas minn 2 °C, filwaqt li tkompli bl-isforzi sabiex tillimita dik iż-żieda għal 1,5 °C;

16.  Jinkoraġġixxi lill-UE u l-Istati Membri jkomplu bl-involviment attiv tagħhom fl-hekk imsejħa Koalizzjoni b'Ambizzjoni Għolja u jimpenjaw ruħhom biex iħaffu l-progress tan-negozjati u jsostnu l-Presidenza Marokkina fl-attenzjoni tagħha lejn il-kontribut tal-enerġiji rinnovabbli u l-miżuri ta' adattament fil-ġlieda globali kontra t-tibdil fil-klima;

17.  Jenfasizza l-ħtieġa li jinbdew diskussjonijiet dwar il-forma tad-"djalogu ta' faċilitazzjoni" tal-2018 li se jkun opportunità importanti sabiex jingħalaq id-distakk persistenti fir-rigward tal-mitigazzjoni minħabba l-kontributi maħsuba determinati fil-livell nazzjonali attwali; jemmen li l-UE għandha tiżvolġi rwol proattiv f'dan l-ewwel djalogu ta' faċilitazzjoni sabiex jittieħed bilanċ tal-ambizzjoni kollettiva u l-progress fl-implimentazzjoni tal-impenji; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jressqu ferm qabel id-djalogu ta' faċilitazzjoni aktar tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta' serra li jmorru lil hinn mill-impenji attwali fl-ambitu tal-Ftehim ta' Pariġi u jikkontribwixxu b'mod adegwat sabiex jingħalaq id-distakk fir-rigward tal-mitigazzjoni skont il-kapaċitajiet tal-UE;

18.  Ifakkar li t-tisħiħ tal-azzjoni ta' mitigazzjoni fil-perjodu ta' qabel l-2020 huwa prerekwiżit assolut sabiex jintlaħqu l-għanijiet fit-tul tal-Ftehim ta' Pariġi u element importanti għall-valutazzjoni tas-suċċess tas-COP 22 ta' Marrakexx;

Ambizzjonijiet ta' qabel l-2020 u l-Protokoll ta' Kjoto

19.  Josserva li l-UE qiegħda issa fit-triq it-tajba biex tmur lil hinn mill-objettivi tagħha ffissati fl-2020 għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra u tilħaq l-objettiv tagħha ffissat fl-2020 f'dawk li huma enerġiji rinnovabbli u li sar titjib sinifikanti f'dak li għandu x'jaqsam mal-intensità enerġetika bis-saħħa ta' binjiet, prodotti, proċessi industrijali u vetturi aktar effiċjenti, filwaqt li l-ekonomija Ewropea kibret f'termini reali b'45 % mill-1990; jenfasizza, madankollu, il-bżonn ta' aktar ambizzjoni u azzjoni ħalli jinżammu biżżejjed inċentivi għat-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra meħtieġ biex jintlaħaq l-objettivi tal-2050 fir-rigward tal-klima u tal-enerġija tal-UE; jissottolinja li ma sarx biżżejjed progress fit-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra fis-setturi tat-trasport u tal-agrikoltura fir-rigward tal-objettivi tal-2020 u li jridu jiżdiedu l-isforzi fid-dawl tal-kontributi ta' dawn is-setturi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet sal-2030;

20.  Jenfasizza li l-objettivi 20/20/20 għall-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra, għall-enerġija rinnovabbli u għall-iffrankar tal-enerġija żvolġew rwol fundamentali biex dan il-progress jingħata spinta u biex jiġu sostnuti l-impjiegi ta' aktar minn 4,2 miljun persuna f'diversi ekoindustriji, bi tkabbir kontinwu rreġistrat matul il-kriżi ekonomika;

21.  Jiċċara li, għalkemm it-tieni perjodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kjoto huwa limitat fil-portata tiegħu, għandu jitqies bħala pass intermedju importanti ħafna, u jistieden għalhekk lill-Partijiet, inklużi l-Istati Membri tal-UE, ilestu l-proċess ta' ratifika mill-aktar fis possibbli; josserva li l-Parlament għamel il-parti tiegħu billi ta l-approvazzjoni tiegħu u japprezza il-fatt li l-Istati Membri diġà lestew il-proċessi interni tagħhom;

Sforz komprensiv fis-setturi kollha

22.  Jilqa' pożittivament l-iżvilupp globali ta' skema għan-negozjar ta' emissjonijiet, inklużi 17-il skema għan-negozjar ta' emissjonijiet operanti fl-erba' kontinenti, li jammontaw għal 40 % tal-PDG globali u jgħinu biex jonqsu l-emissjonijiet globali b'manjiera kosteffikaċi; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tippromwovi rabtiet bejn l-iskema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet u skemi analogi oħrajn bil-għan li jinħolqu mekkaniżmi internazzjonali tas-suq tal-karbonju biex tiżdied l-ambizzjoni fil-qasam tal-klima u kontemporanjament jgħinu biex jonqos ir-riskju tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju bis-saħħa tal-introduzzjoni ta' kundizzjonijiet ta' parità; jitlob sabiex isiru sforzi importanti ħalli kull Stat Membru li jibdel l-istatus jibqa' fl-iskema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi salvagwardji li jiżguraw li r-rabtiet bejn l-iskema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet jagħtu kontributi ta' mitigazzjoni permanenti u ma jtellifx l-objettiv tal-UE tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra;

23.  Jenfasizza li, f'konformità mal-konklużjonijiet tal-IPCC, l-emissjonijiet mill-art (użu agrikolu, għat-trobbija tal-bhejjem, għall-foresti u użu ieħor) għandhom potenzjal kosteffikaċi sinifikanti għall-mitigazzjoni u għat-tisħiħ tar-reżiljenza, u li, għaldaqstant, l-azzjoni tal-UE u l-kooperazzjoni internazzjonali jeħtieġu li jissaħħu biex issir stima u ottimizzazzjoni aħjar tal-potenzjal tal-qbid tal-karbonju tal-emissjonijiet mill-art u sabiex jiġi żgurat sekwestru sikur u durevoli tas-CO2; josserva l-opportunitajiet partikolari assoċjati mal-agroforestrija f'dan ir-rigward; jindika l-ftehim importanti li ntlaħaq fil-bidu tal-leġislatura dwar it-tibdil indirett fl-użu tal-art (ILUC), u jittama li f'dik l-okkażjoni l-kontribut tal-Parlament għan-negozjati jkun jista' jifforma l-bażi għal soluzzjoni ambizzjuża matul ir-reviżjoni imminenti tar-regoli;

24.  Josserva li d-deforestazzjoni u d-degrad forestali huma responsabbli mill-20 % tal-emissjonijiet globali tal-gassijiet b'effett ta' serra, u jenfasizza r-rwol tal-foresti u tal-ġestjoni sostenibbli attiva tagħhom fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-ħtieġa li jissaħħu l-kapaċitajiet adattivi u r-reżistenza tal-foresti għat-tibdil fil-klima; jenfasizza l-ħtieġa għal sforzi ta' mitigazzjoni ffukati fuq is-settur tal-foresti tropikali (REDD+); jisħaq li mingħajr dawn l-isforzi ta' mitigazzjoni x'aktarx ikun impossibbli li jintlaħaq l-għan li t-tisħin globali jiġi limitat għal inqas minn 2 °C; jistieden barra minn hekk lill-UE ssaħħaħ il-finanzjament internazzjonali għat-tnaqqis tad-deforestazzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

25.  Jenfasizza l-importanza li d-drittijiet tal-bniedem jinżammu fil-qalba tal-azzjoni klimatika, u jinsisti li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw li n-negozjati dwar il-miżuri ta' adattament jirrikonoxxu l-bżonn tar-rispett, tal-protezzjoni u tal-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, li jinkludu, fost oħrajn, il-parità tal-ġeneru, il-parteċipazzjoni sħiħa u ndaqs tan-nisa u l-promozzjoni attiva ta' tranżizzjoni ġusta tal-forza tax-xogħol b'hekk jinħolqu xogħol dinjituż u impjiegi ta' kwalità għal kulħadd;

26.  Jitlob li l-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF) jiddaħħlu fil-qafas tal-UE għall-klima u għall-enerġija għall-2030, billi huwa neċessarju li dawk l-emissjonijiet jitqiesu b'mod separat sabiex jiġi evitat li l-bir tal-LULUCF tal-UE jintuża sabiex jitnaqqas l-isforz ta' mitigazzjoni f'setturi oħrajn;

27.  Ifakkar li t-trasport huwa t-tieni l-akbar settur ta' emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra; jiddispjaċih li t-trasport bl-ajru u marittimu internazzjonali ma jissemmewx fil-Ftehim ta' Pariġi; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi stabbilita firxa ta' politiki bil-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet minn dan is-settur; itenni l-ħtieġa li l-Partijiet tal-UNFCCC jaġixxu biex jirregolaw u jillimitaw b'mod effikaċi l-emissjonijiet mit-trasport bl-ajur u marittimu internazzjonali, f'konformità mal-ħtiġijiet u mal-urġenza tas-sitwazzjoni; jappella lill-Partijiet kollha biex jaħdmu permezz tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) u l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) biex jiżviluppaw qafas ta' politika globali li tippermetti risposta effikaċi, u jieħdu miżuri biex jiffissaw objettivi adegwati qabel tmiem l-2016 biex jinkiseb it-tnaqqis neċessarju fid-dawl tal-objettiv taż-żamma taż-żieda tat-temperatura sew anqas minn 2 °C;

28.  Ifakkar li l-gassijiet b'effett ta' serra mill-avjazzjoni ġew inkorporati fl-iskema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet fl-1 ta' Jannar 2012, li obbliga lill-operaturi kollha tal-inġenji tal-ajru fl-ambitu tal-iskema jiksbu kwoti ta' emissjonijiet tal-karbonju; josserva l-adozzjoni ta' żewġ Deċiżjonijiet li "jwaqqfu l-arloġġ" fl-2013 u l-2014, li temporanjament naqqsu l-kamp ta' applikazzjoni tal-iskema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet billi eskludew lit-titjiriet internazzjonali sabiex taw lill-ICAO żmien biex tiżviluppa Miżura Globali Bbażata fuq is-Suq (GMBM) bil-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-avjazzjoni internazzjonali, u josserva li din l-eżenzjoni se tiskadi mill-2017 'il quddiem;

29.  Jappella biex matul id-39 Assemblea tal-ICAO li għaddejja bħalissa, tkun stabbilita GMBM ġusta u robusta li għandha tiġi implimentata fil-livell internazzjonali mill-2020 'il quddiem; jesprimi d-diżappunt kbir tiegħu bil-proposta attwali diskussa fi ħdan l-ICAO u jfakkar li kwalunkwe emenda tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-inklużjoni tal-avjazzjoni fl-iskema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet tista' titqies biss jekk il-GMBM tkun ambizzjuża u li fi kwalunkwe każ it-titjiriet intra-Ewropej se jkomplu jkunu koperti mill-iskema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet;

30.  Jevidenzja t-twissija mill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) li jekk ma jkunx magħruf fil-pront kemm huwa importanti li jiġu kkontrollati l-emissjonijiet, dan jista' jwassal għal implimentazzjoni għaġġelija ta' restrizzjonijiet fuq il-kwantità fuq l-użu ta' sorsi tal-enerġija intensivi fil-karbonju u li l-ispejjeż tat-tranżizzjoni se jkunu għoljin b'mod korrispondenti, b'effetti potenzjali fuq l-attività ekonomika u l-istituzzjonijiet finanzjarji; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tivvaluta r-riskji sistemiċi potenzjali assoċjati ma' tranżizzjoni għaġġelija, u, meta jkun hemm bżonn, tipproponi rekwiżiti dwar it-trasparenza fis-suq finanzjarju u politiki għall-mitigazzjoni tar-riskji sistemiċi kemm jista' jkun;

31.  Jisħaq fuq ir-rwol ċentrali li se tiżvolġi l-ekonomija ċirkolari favur soċjetà kkaratterizzata minn emissjonijiet baxxi ta' karbonju; josserva li l-azzjonijiet li jagħmlu enfasi biss fuq it-tnaqqis tal-emissjonijiet bla ma jqisu l-kontribut tal-użu tal-enerġija rinnovabbli u użu effiċjenti tar-riżorsi mhumiex se jilħqu t-tir tagħhom; iqis li, fid-dawl tal-impatt fuq l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra tal-isfruttament tal-materja prima u tal-ġestjoni tal-iskart, it-tranżizzjoni lejn mudell tal-ekonomija ċirkolari globali jeħtiġilha tiġi indirizzata kif xieraq mis-COP 22;

32.  Jenfasizza l-importanza ta' approċċ olistiku u sistematiku għat-tfassil u għat-twettiq tal-politiki biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra u jindika b'mod partikolari d-diżakkoppjament tat-tkabbir ekonomiku u l-benessri tal-bniedem mill-konsum tar-riżorsi, peress li l-effiċjenza fir-riżorsi tnaqqas kemm l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra kif ukoll pressjonijiet oħra fuq l-ambjent u fuq ir-riżorsi filwaqt li, fl-istess ħin, tiffaċilita t-tkabbir sostenibbli, filwaqt li politika ffokata biss fuq it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra mhijiex se tiggarantixxi simultanjament l-effiċjenza fir-riżorsi; jissottolinja l-fatt li l-użu effiċjenti tar-riżorsi jiffaċilita l-profitt ekonomiku u ambjentali; jisħaq li l-ekonomija ċirkolari u għalhekk il-ġestjoni adegwata tar-riżorsi naturali jistgħu jikkostitwixxu strument essenzjali fil-kwistjoni tal-klima; jiddikjara, pereżempju, li l-estrazzjoni, l-ipproċessar, it-trasport, it-trasformazzjoni, l-użu u l-eliminazzjoni tar-riżorsi jirrappreżentaw direttament proporzjon kbir tal-użu tal-enerġija; jiddikjara li ż-żieda fil-produttività tar-riżorsi permezz ta' titjib fl-effiċjenza u t-tnaqqis tal-ħela ta' riżorsi permezz tal-użu mill-ġdid, ir-riproċessar u r-riċiklaġġ tgħin ukoll sabiex iġib tnaqqis kbir fil-konsum tar-riżorsi u, fl-istess ħin, fl-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra; jinnota f'dan ir-rigward il-ħidma tal-Grupp Internazzjonali ta' Esperti dwar ir-Riżorsi;

It-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2

33.  Jilqa' b'sodisfazzjon d-Dikjarazzjoni tal-Mexxejja adottata fis-Summit tal-G7 f'Ise-Shima, fil-Ġappun fis-26-27 ta' Mejju 2016, li jisħaq l-importanza tal-mitigazzjoni tal-emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu b'ħajja qasira, inklużi l-karbonju iswed, l-idrofluworokarburi (HFCs) u l-metan, biex tgħin sabiex titbaxxa r-rata ta' tisħin fuq perjodu qasir;

34.  Jappella għall-adozzjoni ta' programm ambizzjuż tal-eliminazzjonigradwali globali tal-HFCs fl-2016 skont il-Protokoll ta' Montreal; ifakkar li l-UE adottat leġiżlazzjoni ambizzjuża biex telimina gradwalment l-HFCs b'79 % sal-2030 peress li l-alternattivi li jirrispettaw il-klima huma disponibbli b'mod mifrux u l-potenzjal tagħhom għandu jiġi sfruttat b'mod sħiħ; jinnota li l-eliminazzjoni gradwali tal-użu tal-HFCs tirrappreżenta objettiv li faċli tinkiseb għal azzjonijiet ta' mitigazzjoni ġewwa u barra l-UE;

L-industrija u l-kompetittività

35.  Jissottolinja l-fatt li l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima hija prijorità u għandha tkun eżegwita fid-dinja kollha filwaqt li tiġi żgurata s-sigurtà tal-enerġija u l-iżvilupp ta' tkabbir ekonomiku u ta' impjiegi sostenibbli;

36.  Jisħaq fuq il-fatt li investimenti relatati mal-klima jeħtieġu qafas ġuridiku stabbli u prevedibbli u sinjali politiċi ċari;

37.  Jilqa' l-fatt li ċ-Ċina u l-kompetituri l-kbar l-oħrajn tal-industriji intensivi fl-enerġija tal-UE qegħdin jintroduċu mekkaniżmi ta' negozjar ta' kwoti tal-karbonju jew mekkaniżmi oħrajn ta' pprezzar; iqis li sakemm jintlaħqu kundizzjonijiet ta' parità, l-UE għandha żżomm miżuri adegwati u proporzjonati sabiex tkun żgurata l-kompetittività tal-industrija tagħha, u, fejn hemm bżonn, tiġi evitata rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, b'kunsiderazzjoni għall-fatt li l-enerġija, l-industrija u l-politiki dwar il-klima jimxu id f'id;

38.  Jissottolinja l-importanza li jsir użu aħjar tal-programmi u tal-istrumenti eżistenti, bħal Orizzont 2020, li jkunu miftuħa għall-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi, speċjalment fl-oqsma tal-enerġija, tat-tibdil fil-klima u tal-iżvilupp sostenibbli kif ukoll l-importanza tal-integrazzjoni tas-sostenibilità fi programmi rilevanti;

Politika enerġetika

39.  Jistieden lill-UE tinsisti mal-komunità internazzjonali biex jiġu adottati mingħajr dewmien miżuri konkreti, inkluż kalendarju għall-eliminazzjoni gradwali ta' sussidji li jagħmlu ħsara ambjentali jew ekonomika, inklużi dawk fuq fjuwils fossili;

40.  Jisħaq fuq il-fatt li objettiv aktar ambizzjuż għall-effiċjenza enerġetika fl-Unjoni Ewropea jista' jgħin biex jintlaħaq għan ambizzjuż dwar il-klima u fl-istess ħin jitnaqqas ir-riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju;

41.  Jisħaq fuq l-importanza tal-effiċjenza enerġetika u tal-enerġija rinnovabbli biex jitnaqqsu l-emissjonijiet kif ukoll għall-iffrankar ekonomiku, is-sigurtà tal-enerġija u biex jiġi evitat u mtaffi l-faqar enerġetiku sabiex b'hekk jiġu protetti u megħjuna familji foqra u vulnerabbli; jappella għal promozzjoni globali ta' miżuri ta' effiċjenza enerġetika u l-iżvilupp ta' sorsi rinnovabbli (eż. billi jiġu stimolati l-awtoproduzzjoni u l-konsum ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli) u jfakkar li l-effiċjenza enerġetika u s-sorsi rinnovabbli huma tnejn mill-għanijiet ewlenin tal-Unjoni tal-Enerġija tal-UE;

Ir-riċerka, l-innovazzjoni u t-teknoloġiji diġitali

42.  Jissottolinja l-fatt li r-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tat-tibdil fil-klima u l-politiki ta' adattament, kif ukoll it-teknoloġiji b'livell baxx ta' emissjonijiet u effiċjenti fir-riżorsi huma kruċjali għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima b'mod kosteffikaċi, inaqqsu d-dipendenza mill-fjuwils fossili u għandhom jippromwovu l-użu ta' materja prima sekondarja; jappella, għalhekk, għal impenji globali biex tingħata spinta u attenzjoni għall-investiment f'dan il-qasam;

43.  Ifakkar li r-riċerka, l-innovazzjoni u l-kompetittività huma wieħed mill-ħames pilastri tal-Istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija tal-UE; jinnota li l-UE hija determinata li tibqa' minn ta' quddiem nett fid-dinja f'dawn l-oqsma u li fl-istess ħin tiżviluppa kooperazzjoni xjentifika mill-qrib mas-sħab internazzjonali; jisħaq l-importanza tal-bini u ż-żamma ta' kapaċità ta' innovazzjoni b'saħħitha kemm fil-pajjiżi żviluppati kif ukoll f'dawk emerġenti għall-varar ta' teknoloġiji tal-enerġija nodfa u sostenibbli;

44.  Ifakkar fir-rwol katalitiku li t-teknoloġiji diġitali jista' jkollhom fit-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija; jissottolinja l-importanza li jiġu żviluppati tekonoloġiji tal-ħżin tal-enerġija li se jikkontribwixxu għad-dekarbonizzazzjoni tal-enerġija għat-tisħin u għat-tkessiħ tas-settur tad-djar;

45.  Jissottolinja l-importanza li jiżdied l-ammont ta' ħaddiema kkwalifikati attivi fl-industrija kif ukoll il-promozzjoni tal-għarfien u tal-aqwa prassi biex jiġi stimulat il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità, filwaqt li tkun sostnuta t-tranżizzjoni tal-forza tax-xogħol fejn meħtieġ;

46.  Jappella għal użu aħjar tat-teknoloġiji bħas-satelliti spazjali, għall-ġabra preċiża ta' data dwar l-emissjonijiet, it-temperaturi u t-tibdil fil-klima; jindika b'mod partikolari l-kontribut tal-programm Copernicus; jitlob ukoll kooperazzjoni trasparenti u kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn il-pajjiżi kif ukoll data miftuħa għall-komunità xjentifika;

Ir-rwol tal-atturi mhux statali

47.  Jenfasizza l-azzjoni meħuda minn firxa dejjem usa' ta' atturi mhux statali biex jeliminaw il-karbonju u jsiru aktar reżiljenti għat-tibdil fil-klima; jenfasizza, għaldaqstant, l-importanza ta' djalogu strutturat u kostruttiv bejn il-gvernijiet, il-komunità tan-negozju, inklużi l-impriżi żgħar u ta' daqs medju, il-bliet, ir-reġjuni, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, is-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet akkademiċi u li jiġi żgurat l-involviment tagħhom fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni ta' azzjonijiet klimatiċi sabiex tiġi mobilizzata azzjoni globali b'saħħitha lejn emissjonijiet baxxi ta' karbonju u soċjetajiet reżiljenti; jilqa' l-ħolqien tal-"Aġenda għall-Azzjoni Klimatika Globali" li tibni fuq l-"Aġenda ta' Azzjoni Lima-Pariġi" li tinvolvi sebgħin inizjattiva ta' partijiet interessati f'setturi differenti;

48.  Jenfasizza li ż-Żona tal-Atturi Mhux Statali għall-Azzjoni Klimatika (NAZCA) għandha tkun integrata bis-sħiħ fil-qafas tal-UNFCCC; josserva li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma l-ikbar kontributuri għall-"Aġenda tal-Azzjoni Lima-Pariġi" u għaż-żona NAZCA u diġà wrew l-impenn tagħhom li jwettqu l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi fir-rigward kemm tal-mitigazzjoni kif ukoll tal-adattament, sabiex jiżguraw il-koordinament orizzontali u l-integrazzjoni tal-politika dwar it-tibdil fil-klima, l-awtonomizzazzjoni tal-komunitajiet lokali u ċ-ċittadini, il-promozzjoni tal-proċessi ta' bidla fis-soċjetà u l-innovazzjoni speċjalment permezz ta' inizjattivi bħall-Patt Globali tas-Sindki u l-Memorandum ta' Qbil Under 2;

49.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jaħdmu mal-atturi kollha tas-soċjetà ċivili (l-istituzzjonijiet, is-settur privat, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-komunitajiet lokali) biex jiżviluppaw inizjattivi ta' tnaqqis f'setturi ewlenin (l-enerġija, it-teknoloġija, l-ibliet, it-trasport), kif ukoll inizjattivi dwar adattament u reżiljenza bi tweġiba għal kwistjonijiet ta' adattament, partikolarment rigward l-aċċess għall-ilma, għas-sigurtà alimentari u għall-prevenzjoni tar-riskji; jistieden lill-gvernijiet kollha u lill-atturi kollha tas-soċjetà ċivili jappoġġaw u jsaħħu din l-aġenda tal-azzjoni;

50.  Iqis li huwa importanti li jiġi żgurat li l-lobbying leġittimu li sar matul in-negozjati tal-COP22 futura jkun ikkaratterizzat mill-ikbar trasparenza u li l-partijiet interessati kollha uffiċjalment rikonoxxuti jgawdu minn aċċess ugwali għall-informazzjoni kollha meħtieġa;

51.  Ifakkar lill-Partijiet u lin-Nazzjonijiet Uniti stess li l-azzjoni individwali hija importanti daqs l-azzjoni tal-gvernijiet u l-istituzzjonijiet; jitlob għalhekk għal spinta ikbar biex jiġu organizzati kampanji u azzjonijiet ta' sensibilizzazzjoni u ta' informazzjoni lill-pubbliku dwar il-ġesti żgħar u kbar li jistgħu jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima fil-pajjiżi żviluppati u fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

Ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima bis-saħħa tal-adattament

52.  Jenfasizza li l-azzjoni ta' adattament hija neċessità inevitabbli għall-pajjiżi kollha jekk iridu jnaqqsu l-effetti negattivi u jisfruttaw bis-sħiħ l-opportunitajiet tat-tkabbir u tal-iżvilupp sostenibbli reżiljenti għall-klima; jappella biex ikun hemm objettivi ta' adattament fit-tul biex jiġi stabbilit kif suppost; ifakkar li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari l-pajjiżi l-anqas żviluppati u l-istati gżejjer iż-żgħar li qed jiżviluppaw, huma l-anqas li kkontribwew għat-tibdil fil-klima, iżda huma l-aktar vulnerabbli għall-effetti negattivi tiegħu u huma l-anqas kapaċi li jadattaw;

53.  Jappella lill-Kummissjoni sabiex tirrevedi l-Istrateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima, adottata fl-2013; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tipproponi strumenti ġuridikament vinkolanti jekk l-azzjoni li tkun qiegħda tittieħed fl-Istati Membri titqies li ma tkunx biżżejjed;

54.  Jissottolinja l-konsegwenzi negattivi serji – u sikwit irreversibbli – ta' nuqqas ta' azzjoni, filwaqt li jfakkar li t-tibdil fil-klima jaffettwa lir-reġjuni kollha tad-dinja b'modi differenti, iżda lkoll dannużi ħafna, li jirriżultaw fi flussi migratorji u mwiet kif ukoll telf mil-lat ekonomiku, ekoloġiku u soċjali; jisħaq li spinta politika u finanzjarja globali u konġunta għal innovazzjoni f'enerġija nadifa u rinnovabbli hija kruċjali biex nilħqu l-għanijiet tagħna dwar il-klima u sabiex jiġi ffaċilitat it-tkabbir;

55.  Jappella għal rikonoxximent serju tal-kwistjoni tar-rifuġjati minħabba l-klima u l-ambitu tagħha, li tirriżulta minn diżastri tal-klima kkawżati mit-tisħin globali; jinnota bi tħassib li, bejn l-2008 u l-2013, 166 miljun ruħ kellhom iħallu djarhom minħabba għargħar, maltempati tar-riħ, terremoti jew diżastri oħrajn; jiġbed attenzjoni partikolari għall-fatt li l-iżviluppi relatati mal-klima f'partijiet tal-Afrika u tal-Lvant Nofsani jistgħu jikkontribwixxu għal instabbiltà politika, diffikultà ekonomika u intensifikazzjoni tal-kriżi tar-rifuġjati fil-Mediterran;

56.  Jilqa' l-isforzi tal-Mekkaniżmu Internazzjonali ta' Varsavja għal Telf u Ħsara, li huwa soġġett għal reviżjoni matul il-COP 22 (Novembru–Diċembru 2016); jitlob lill-Mekkaniżmu jkompli jtejjeb il-fehim u l-għarfien espert dwar kif l-impatti tat-tibdil fil-klima qed jolqtu l-proċessi tal-migrazzjoni, tal-ispostament u tal-mobilità tal-bniedem, u biex tippromwovi l-applikazzjoni ta' tali fehim u għarfien espert;

57.  Jistieden lill-UE u lill-pajjiżi l-oħrajn kollha sabiex jindirizzaw id-dimensjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-impatti soċjali tat-tibdil fil-klima, jiżguraw il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u s-solidarjetà u jagħtu appoġġ lill-pajjiżi ifqar b'kapaċitajiet magħsura minħabba l-impatti tat-tibdil fil-klima;

L-appoġġ għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw

58.  Jenfasizza l-importanza tar-rwol li jaqdu l-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-kisba tal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi u l-bżonn li dawk il-pajjiżi jiġu megħjuna jimplimentaw il-pjanijiet klimatiċi tagħhom, b'mod li jisfruttaw bis-sħiħ is-sinerġiji mal-objettivi ta' żvilupp sostenibbli relattivi tal-klima tal-miżuri implimentati u mal-Pjan ta' Azzjoni ta' Addis Ababa u l-Aġenda 2030;

59.  Jisħaq dwar il-ħtieġa li jiġi promoss aċċess universali għall-enerġija sostenibbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari fl-Afrika, permezz tal-użu aħjar tal-enerġija rinnovabbli; ifakkar li l-Afrika għandha riżorsi naturali enormi li jistgħu jissalvagwardjaw is-sigurtà tal-enerġija tagħha; jisħaq li jekk, maż-żmien, jiġu stabbiliti b'suċċess interkonnessjonijiet tal-elettriku, parti mill-enerġija tal-Ewropa tista' tiġi mill-Afrika;

60.  Jenfasizza li l-UE għandha l-esperjenza, il-kapaċità u d-dimensjoni globali li jkollha rwol ta' tmexxija fil-bini ta' infrastruttura iktar intelliġenti, iktar ekoloġika u iktar reżiljenti meħtieġa biex titwassal it-tranżizzjoni globali mħeġġa minn Pariġi; jistieden lill-UE tappoġġa l-isforzi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fit-tranżizzjoni lejn soċjetajiet ikkaratterizzati minn livelli baxxi ta' karbonju li jkunu aktar inklużivi, soċjalment u ambjentalment sostenibbli, prosperi u sikuri;

Il-finanzjament għall-klima

61.  Jinnota li jinħtieġu aktar sforzi biex jiżguraw il-mobilizzazzjoni ta' finanzjament għall-klima sabiex jintlaħaq l-għan ta' USD 100 biljun sal-2020; jilqa' l-kontinwazzjoni tiegħu sal-2025; iħeġġeġ lill-UE u lill-partijiet kollha li huma f'pożizzjoni li jagħmlu dan, jissodisfaw l-obbligi tagħhom li jipprovdu finanzi għall-klima sabiex isostnu sforzi ikbar għat-tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta' serra u l-adattament għall-impatti tat-tibdil fil-klima fid-dawl tal-kobor u l-urġenza tal-isfida; jirrikonoxxi li t-tnaqqis tal-impatti klimatiċi perikolużi se jeħtieġ investiment sostanzjalment ikbar b'użu baxx ta' karbonju u reżiljenti għall-klima u sforzi sabiex jiġu eliminati b'mod gradwali s-sussidji għall-fjuwils fossili; jissottolinja l-importanza tal-inċentivazzjoni ta' flussi finanzjarji usa' permezz tal-ipprezzar tal-karbonju u s-sħubijiet pubbliċi-privati;

62.  Jappella biex l-impenji konkreti tal-UE u tal-komunità internazzjonali joffru sorsi addizzjonali ta' finanzjament għall-klima, inkluż l-introduzzjoni ta' taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji, jitwarrbu xi kwoti ta' emissjonijiet tal-iskema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet fil-perjodu 2021-2030 u l-allokazzjoni ta' dħul minn miżuri internazzjonali u tal-UE dwar l-emissjonijiet mit-trasport bl-ajru u marittumu għall-finanzjament internazzjonali għall-klima u l-Fond Ekoloġiku għall-Klima maħsub, fost ħwejjeġ oħra, għal proġetti ta' innovazzjoni teknoloġika;

63.  Jilqa' l-impenn tal-Ftehim ta' Pariġi sabiex il-flussi finanzjarji kollha jkunu konsistenti mal-iżvilupp b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra u reżiljenti għall-klima; iqis li dan jirrikjedi li l-UE tindirizza b'mod urġenti l-flussi finanzjarji għall-fjuwils fossili u l-infrastruttura li tuża ħafna karbonju;

64.  Jistenna bil-ħerqa d-djalogu ta' faċilitazzjoni biex jiġu identifikati opportunitajiet biex jissaħħu r-riżorsi finanzjarji u appoġġ għat-tisħiħ tal-mitigazzjoni mill-Partijiet kollha; jirrikonoxxi r-responsabilità tal-Partijiet, donaturi u destinatarji kollha, li jikkooperaw biex iżidu l-appoġġ u jagħmluh aktar aċċessibbli u effikaċi;

65.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni sħiħa tal-konsegwenzi possibbli tal-Ftehim ta' Pariġi għall-baġit tal-UE u tiżviluppa mekkaniżmu ta' finanzjament awtomatiku ddedikat tal-UE li jipprovdi appoġġ addizzjonali u adegwat għas-sehem ġust tal-UE fl-ilħuq tal-għan internazzjonali ta' finanzjament ta' USD 100 biljun għall-klima;

66.  Jappella għall-ipprezzar tal-karbonju wiesa' bħala strument applikabbli globalment għall-ġestjoni tal-emissjonijiet u l-allokazzjoni ta' dħul ta' kwoti tal-emissjonijiet għal investimenti relatati mal-klima, kif ukoll id-dħul mill-ipprezzar tal-karbonju tal-fjuwils tat-trasport internazzjonali; jitlob, barra minn hekk, għal użu parzjali tas-sussidji tal-biedja biex ikunu garantiti l-investimenti għall-produzzjoni u l-użu tal-enerġija rinnovabbli fl-azjendi agrikoli; jenfasizza l-importanza tal-mobilizzazzjoni ta' kapital mis-settur privat u tal-ftuħ tal-investiment meħtieġ fit-teknoloġiji b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju; jappella għal impenn ambizzjuż min-naħa tal-gvernijiet u tal-istituzzonijiet finanzjarji pubbliċi u privati, fosthom il-banek, il-fondi tal-pensjonijiet u l-kumpaniji tal-assigurazzjoni, favur l-allinjament tal-prattiki ta' self u ta' investimenti mal-objettiv "inqas minn 2 °C" u ċ-ċessjoni mill-fjuwils fossili, inkluża l-eliminazzjoni gradwali tal-krediti għall-esportazzjoni għall-investimenti fil-qasam tal-fjuwils fossili; jappella għal garanziji pubbliċi speċifiċi favur l-investimenti ekoloġiċi, it-tikketti ta' kwalità u l-vantaġġi fiskali għall-fondi tal-investimenti ekoloġiċi u għall-ħruġ ta' bonds ekoloġiċi;

67.  Jenfasizza l-importanza li jiġu kondiviżi prattiki dwar l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' sostenibbiltà fis-setturi finanzjarji, kemm fuq livell internazzjonali, kif ukoll fuq livell Ewropew, u jitlob li tiġi kkunsidrata sistema ta' tikkettar ta' prodotti finanzjarji, imwettqa permezz ta' evalwazzjoni u rapport dwar l-espożizzjoni tagħhom għar-riskji b'rabta mal-klima kif ukoll il-kontribut tagħhom favur tranżizzjoni għall-użu baxx tal-karbonju, sabiex l-investituri jkunu jistgħu jingħataw informazzjoni affidabbli u konċiża dwar kwistjonijiet extrafinanzjarji;

Diplomazija klimatika

68.  Jilqa' l-attenzjoni kontinwata tal-UE dwar id-diplomazija klimatika, li hija essenzjali biex tgħolli l-profil tal-azzjoni klimatika fil-pajjiżi sħab u l-opinjoni pubblika globali; jenfasizza l-fatt li l-UE, l-Istati Membri tagħha u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) għandhom kapaċità enormi ta' politika barranija u għandhom juru sens ta' tmexxija fil-fora dwar il-klima; jenfasizza li l-azzjoni ambizzjuża u urġenti favur il-klima, u l-implimentazzjoni tal-impenji tal-COP21 iridu jibqgħu waħda mill-prijoritajiet tal-UE fid-djalogi bilaterali u bireġjonali ta' livell għoli ma' pajjiżi sħab, il-G7, il-G20, fin-NU u f'fora internazzjonali oħra;

69.  Jappella lill-UE tiffoka l-isforzi ta' diplomazija klimatika tagħha biex tiżgura li tinbena arkitettura b'saħħitha tal-Ftehim ta' Pariġi;

Il-Parlament Ewropew

70.  Jintrabat li jirratifika l-Ftehim ta' Pariġi mill-aktar fis, juża r-rwol internazzjonali tiegħu u l-parteċipazzjoni tiegħu f'netwerks parlamentari internazzjonali sabiex ifittex konsistentement li jsir progress fir-ratifika u fl-implimentazzjoni b'ħeffa tal-Ftehim ta' Pariġi;

71.  Jemmen, peress li se jkollu bżonn jagħti l-approvazzjoni tiegħu għal kull ftehim internazzjonali, li jeħtieġ li l-Parlament jiġi integrat sew fid-delegazzjoni tal-UE; jistenna għalhekk li jitħalla jattendi l-laqgħat ta' koordinament tal-UE f'Marrakexx u sabiex jiġi garantit aċċess għad-dokumenti preparatorji kollha hekk kif jinfetħu n-negozjati;

o
o   o

72.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lis-Segretarjat tal-UNFCCC, bit-talba li r-riżoluzzjoni tkun iċċirkolata lill-Partijiet Kontraenti kollha li mhumiex membri tal-UE.

(1) Testi adottati, P8_TA(2015)0359.


L-implimentazzjoni tar-Regolament dwar Materjali li jiġu f'Kuntatt mal-Ikel
PDF 402kWORD 63k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1935/2004 dwar Materjali li jiġu f'Kuntatt mal-Ikel (2015/2259(INI))
P8_TA(2016)0384A8-0237/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1935/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 2004 dwar materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f'kuntatt mal-ikel u li jħassar id-Direttivi 80/590/KEE u 89/109/KEE(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2023/2006 tat-22 ta' Diċembru 2006 dwar prassi tajba ta' manifattura għal materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f'kuntatt mal-ikel(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 10/2011 tal-14 ta' Jannar 2011 dwar il-materjali u oġġetti tal-plastik maħsuba li jiġu f'kuntatt mal-ikel(3),

–  wara li kkunsidra l-Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea dwar "Materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel - ir-Regolament (KE) Nru 1935/2004" ta' Mejju 2016 li saret mis-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew(4),

–  wara li kkunsidra l-proċedimenti tas-sessjoni ta' ħidma dwar "Materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel - Kif niżguraw is-sikurezza tal-ikel u l-innovazzjoni teknoloġika fil-futur?", li ġiet organizzata fis-26 ta' Jannar 2016 fil-Parlament Ewropew(5),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-istat ta' żvilupp xjentifiku u regolatorju fil-qasam tat-tossiċità ta' taħlitiet kimiċi(6),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill dwar l-effetti tal-kombinazzjoni tas-sustanzi kimiċi – Taħlitiet kimiċi (COM(2012)0252),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet adottati mill-Kunsill tal-Ministri tal-Ambjent fit-22 ta' Diċembru 2009 dwar l-effetti ta' kombinazzjoni ta' sustanzi kimiċi(7),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 dwar Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 "Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna"(8) li, fost affarijiet oħra, tirrikonoxxi l-ħtieġa li l-UE tindirizza l-effetti ta' kombinazzjonijiet ta' sustanzi kimiċi u t-tħassib rigward is-sikurezza relatata ma' sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali fil-leġiżlazzjoni rilevanti kollha tal-Unjoni,

–  wara li kkunsidra valutazzjoni tal-istat tal-iżvilupp xjentifiku tas-sustanzi kimiċi li jfixklu s-sistema endokrinali mħejjija fl-2012 għall-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP) u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO)(9),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni(10) ("ir-Regolament REACH"),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0237/2016),

A.  billi r-Regolament (KE) Nru 1935/2004 ("ir-Regolament Qafas") jistabbilixxi r-rekwiżiti ta' sikurezza ġenerali għall-materjali u l-oġġetti kollha maħsuba biex, direttament jew indirettament, jiġu f'kuntatt mal-ikel sabiex jiġi żgurat li ma jkunx hemm migrazzjoni ta' sustanzi fl-ikel fi kwantitajiet kbar biżżejjed biex jipperikolaw is-saħħa tal-bniedem jew biex jiġġeneraw bidla inaċċettabbli fil-kompożizzjoni tal-ikel jew deterjorament fil-proprjetajiet organolettiċi tiegħu;

B.  billi l-Anness I għar-Regolament Qafas jelenka 17-il grupp ta' materjali u ta' oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel u li jistgħu jkunu koperti b'miżuri speċifiċi;

C.  billi, minn dawn is-17 ta' hawn fuq, erba' materjali biss huma soġġetti għal miżuri speċifiċi tal-UE: il-plastik (inkluż il-plastik riċiklat), iċ-ċeramika, iċ-ċelluloża riġenerata, u l-materjali attivi u intelliġenti;

D.  billi hemm ħtieġa qawwija li ċerti miżuri speċifiċi tal-UE jiġu riveduti, b'mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill 84/500/KEE dwar iċ-ċeramika;

E.  billi, fir-rigward tat-13-il materjal l-ieħor elenkat fl-Anness I, l-Istati Membri għad għandhom il-possibbiltà li jadottaw dispożizzjonijiet nazzjonali;

F.  billi ħafna Stati Membri diġà introduċew jew qegħdin attwalment jaħdmu fuq miżuri differenti għall-bqija tal-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel; billi, fir-rigward ta' dawk il-miżuri nazzjonali, il-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku ma jaħdimx, u għaldaqstant ma jistgħux jiġu ggarantiti l-funzjonament effikaċi tas-suq intern, kif ukoll livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa, kif previsti mir-Regolament Qafas u mit-Trattati;

G.  billi l-materjali li mhumiex regolati minn miżuri speċifiċi tal-UE jistgħu jkunu ta' riskju għas-saħħa pubblika u jagħtu lok għal telf ta' fiduċja min-naħa tal-konsumatur, inċertezza tad-dritt u żieda fl-ispejjeż ta' konformità għall-operaturi – li spiss jiġu mgħoddija fuq il-konsumatur aktar 'il quddiem fil-katina ta' provvista – biex b'hekk jixxekklu l-kompetittività u l-innovazzoni; billi, skont il-Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea ta' Mejju 2016 li saret mis-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS), hemm kunsens estensiv fost il-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha li n-nuqqas ta' miżuri uniformi hu ta' detriment għas-saħħa pubblika u l-protezzjoni tal-ambjent, kif ukoll għall-funzjonament bla intoppi tas-suq intern;

H.  billi l-prinċipji ta' "Regolamentazzjoni aħjar" m'għandhom idewmu l-ebda miżura li l-għan tagħha jkun li tevita jew tnaqqas konsegwenzi potenzjalment serji jew irriversibbli għas-saħħa tal-bniedem u/jew l-ambjent, skont l-obbligu impost mill-prinċipju ta' prekawzjoni stabbilit fit-Trattati tal-UE;

I.  billi s-sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali u s-sustanzi ġenotossiċi fil-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel huma partikolarment problematiċi kemm għas-saħħa pubblika, kif ukoll għall-ambjent; billi dawn il-proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali jew ġenotossiċi attwalment ma jistgħux jitbassru b'mod affidabbli mill-kompożizzjoni kimika, u għaldaqstant it-testijiet bijoloġiċi għandhom jitħeġġu bħala miżura premonitorja fakultattiva biex tiġi żgurata s-sikurezza tal-materjali u l-oġġetti kimikament kumplessi li jiġu f'kuntatt mal-ikel; billi għandha titħeġġeġ ir-riċerka dwar l-iżvilupp kemm ta' testijiet analitiċi, kif ukoll ta' testijiet tossikoloġiċi biex jiġu żgurati valutazzjonijiet robusti u kosteffikaċi tas-sikurezza tal-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel għall-benefiċċju tal-konsumatur, l-ambjent u l-manifatturi;

J.  billi anke l-mikroorganiżmi dannużi (patoġeniċi jew b'riżultat ta' tħassir) li jistgħu jkunu preżenti bħala kontaminaturi tal-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel, u l-bijoċidi li konsegwentement jistgħu jintużaw biex jitnaqqas l-għadd tagħhom, jikkostitwixxu riskju għas-saħħa pubblika;

K.  billi xi ikel ikun f'kuntatt għal perjodi twal ma' firxa wiesgħa ta' materjali ta' imballaġġ;

L.  billi koordinament aktar effikaċi tad-dispożizzjonijiet kollha li jkollhom effett fuq l-użu tal-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel jista' jgħin biex is-saħħa tal-konsumatur titħares aħjar u jitnaqqas l-impatt ta' dawn il-materjali u l-oġġetti u, b'mod partikolari, tal-materjali ta' imballaġġ fuq l-ambjent;

M.  billi, jekk ikun hemm koordinament aktar effikaċi tad-dispożizzjonijiet kollha li jaffettwaw lill-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel, inkluż ir-Regolament REACH, l-ekonomija ċirkolari ssir aktar effikaċi;

N.  billi l-miżuri speċifiċi għandhom jiġu bbażati fuq evidenza xjentifika; billi, mill-perspettiva xjentifika, għad fadal diversi elementi mhux magħrufa u għalhekk hemm bżonn ta' aktar riċerka;

O.  billi, skont l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), in-nanoteknoloġija u n-nanomaterjali jikkostitwixxu żvilupp teknoloġiku ġdid u s-settur tal-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel hu wieħed minn dawk ikkaratterizzati mill-użu ta' nanomaterjali; billi l-proprjetajiet speċifiċi tan-nanomaterjali jistgħu jaffettwaw il-profili tossikokinetiċi u tossikoloġiċi tagħhom, iżda l-informazzjoni disponibbli fir-rigward ta' dawn l-aspetti hija limitata; billi jeżistu wkoll inċertezzi li jirriżultaw mid-diffikultà biex jiġu kkaratterizzati, identifikati u mkejla n-nanomaterjali fl-ikel u fil-matriċijiet bijoloġiċi, u mid-disponibilità limitata ta' data dwar it-tossiċità u l-metodi ta' ttestjar;

P.  billi l-valutazzjonijiet tar-riskji għall-ambjent u għas-saħħa fil-livell tal-UE huma attwalment limitati għall-valutazzjoni ta' sustanzi individwali u jinjoraw il-kundizzjonijiet fil-ħajja reali ta' esponiment ikkombinat u kumulattiv minn rotot u tipi ta' prodotti differenti, magħrufa wkoll bħala "l-effett ta' cocktail" jew "l-effett tat-taħlita";

Q.  billi skont rakkomandazzjoni tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO)/id-WHO (2009)(11), il-valutazzjonijiet tal-esponiment għandhom ikopru l-popolazzjoni ġenerali, kif ukoll il-gruppi kritiċi li jkunu vulnerabbli jew li hu mistenni li jkollhom livell ogħla ta' esponiment milli jkollha l-popolazzjoni ġenerali (pereżempju t-trabi, it-tfal);

R.  billi t-traċċabilità tal-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel għandha tiġi żgurata f'kull stadju tal-katina ta' provvista b'mod li jiġu ffaċilitati l-monitoraġġ, l-irtirar ta' prodotti difettużi, l-għoti ta' informazzjoni lill-konsumatur u l-attribuzzjoni tar-responsabilità;

S.  billi t-tikkettar hu għodda diretta u effikaċi ħafna biex il-konsumatur jiġi informat dwar il-karatteristiċi ta' prodott;

T.  billi approċċ orizzontali għas-sustanzi fis-setturi ekonomiċi kollha jipprovdi konsistenza fil-leġiżlazzjoni u prevedibilità għall-intrapriżi;

U.  billi l-iżvilupp ta' metodi ta' ttestjar uniformi fil-livell tal-UE għall-materjali u l-oġġetti kollha li jiġu f'kuntatt mal-ikel, kieku jikkontribwixxi għal livell ogħla ta' protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa madwar l-UE;

V.  billi l-introduzzjoni ta' verifika tas-sikurezza għall-oġġetti premanifatturati li jiġu f'kuntatt mal-ikel tista' tkun mod kif jiġu ssupplimentati ċerti miżuri speċifiċi;

L-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel: suċċessi u lakuni

1.  Jirrikononxxi li r-Regolament Qafas jikkostitwixxi bażi legali solida, li l-objettivi tagħha għadhom rilevanti;

2.  Jissottolinja li, filwaqt li prinċipalment l-attenzjoni għandha tiġi ffokata fuq l-adozzjoni ta' miżuri speċifiċi għal dawk it-13-il grupp ta' materjali li għadhom mhumiex regolati fil-livell tal-UE, il-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha jindikaw li jeżistu nuqqasijiet fl-implimentazzjoni u fl-infurzar tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ;

3.  Jistenna bil-ħerqa r-rieżami li se jsir miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati mill-Istati Membri fir-rigward tal-materjali mhux armonizzati; jappella lill-Kummissjoni biex tuża dan ir-rieżami bħala punt ta' tluq biex tfassal il-miżuri meħtieġa;

4.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, meta tkun qed tfassal il-miżuri rikjesti, tqis il-Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea li saret mill-EPRS u l-miżuri nazzjonali li huma diġà fis-seħħ jew li qed jitħejjew;

5.  Jindika li, minħabba l-prevalenza tal-materjali msemmija fis-suq tal-UE u r-riskju li jikkostitwixxu għas-saħħa tal-bniedem u sabiex jiġi ppreżervat is-suq uniku kemm għall-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel u kemm għall-prodotti alimentari, il-Kummissjoni għandha minnufih tagħti prijorità lit-tfassil ta' miżuri speċifiċi tal-UE għall-karta u l-kartun, il-verniċ u l-kisi, il-metalli u l-ligi, u l-linka għall-istampar u l-adeżivi;

6.  Jissottolinja li hemm bżonn tingħata attenzjoni speċjali lil dawk il-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel – sew jekk jiġu f'kuntatt mal-ikel b'mod dirett u sew jekk b'mod indirett – li jkollhom riskju akbar ta' migrazzjoni, bħall-materjali li jitqiegħdu fihom likwidi u ikel b'kontenut għoli ta' xaħam, kif ukoll lill-materjali li jkunu f'kuntatt mal-ikel għal perjodu twil ta' żmien;

7.  Hu tal-opinjoni li l-adozzjoni ta' miżuri speċifiċi ulterjuri fil-livell tal-UE kieku tinkoraġġixxi lill-operaturi kummerċjali jiżviluppaw materjali u oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel riċiklati, li jistgħu jerġgħu jintużaw, u li ma jkunux perikolużi, biex b'hekk jikkontribwixxu għall-isforzi tal-UE biex tistabbilixxi ekonomija ċirkolari aktar effikaċi; jindika li waħda mill-kundizzjonijiet ta' bażi għal dan tkun traċċabilità aħjar u l-eliminazzjoni gradwali tas-sustanzi li jistgħu jikkostitwixxu theddida għas-saħħa pubblika fil-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel;

8.  Jissottolinja, f'dan il-kuntest, li l-użu ta' materjali u oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel magħmula minn prodotti riċiklati u l-użu mill-ġdid ta' materjali u oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel m'għandhomx iwasslu għal għadd ogħla ta' kontaminaturi u/jew residwi fil-prodott finali;

9.  Jinsab konvint li, fid-dawl tal-fatt li l-UE qed tiffoka fuq it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari, għandhom jiġu żviluppati sinerġiji aħjar bejn ir-Regolament Qafas dwar il-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel u l-ekonomija ċirkolari, li għandhom jinkludu miżuri speċifiċi fil-livell tal-UE għall-karta u l-kartun riċiklati; jinnota li hemm limitu għall-għadd ta' drabi li l-prodotti tal-karta u l-kartun riċiklati jistgħu jerġgħu jintużaw, u għaldaqstant hi rikjesta provvista regolari ta' fibri tal-injam friski;

10.  Jappoġġa, minħabba r-riskju ta' migrazzjoni taż-żjut minerali fl-ikel mill-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel magħmulin mill-karta u mill-kartun, sakemm jiġu adottati miżuri speċifiċi u possibilment projbizzjoni taż-żjut minerali fil-linka, riċerka ulterjuri intenzjonata għall-prevenzjoni ta' tali migrazzjoni;

11.  Jappoġġa ż-żieda fl-objettivi ta' riċiklaġġ u użu mill-ġdid għall-materjali kollha fil-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva li temenda d-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (COM(2015)0596); ifakkar lill-Kummissjoni, madankollu, li jeħtieġ li l-objettivi għar-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid jiġu akkumpanjati minn miżuri ta' kontroll adegwati biex tiġi żgurata s-sikurezza tal-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel;

12.  Jenfasizza l-qagħda diffiċli li jsibu ruħhom fiha l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju fil-katina tal-produzzjoni, peress li, fin-nuqqas ta' dispożizzjonijiet leġiżlattivi rilevanti, mhumiex f'qagħda li jirċievu jew jgħaddu informazzjoni li kieku tiggarantixxi s-sikurezza tal-prodotti tagħhom;

13.  Jikkunsidra li hu fundamentali li, meta jiġu proposti rekwiżiti ta' sikurezza speċifiċi għall-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel, l-Istati Membri jinvolvu lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha fil-proċess;

14.  Jirrikonoxxi li l-paradigma attwali għall-evalwazzjoni tas-sikurezza tal-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel mhix suffiċjenti, peress li r-rwol tal-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel fil-kontaminazzjoni tal-ikel hu ġeneralment sottovalutat u hemm nuqqas ta' informazzjoni dwar l-esponiment uman;

Valutazzjoni tar-riskji

15.  Jinsab konxju tar-rwol importanti li tiżvolġi l-EFSA fil-valutazzjoni tar-riskji ta' sustanzi biex jintużaw fil-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel li huma regolati minn miżuri speċifiċi; jirrikonoxxi l-ispejjeż involuti fil-valutazzjoni tar-riskji ta' sustanza partikolari u r-riżorsi limitati tal-EFSA; jappella lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex iżżid il-livell ta' finanzjament għall-EFSA fid-dawl tax-xogħol addizzjonali involut minħabba l-ħtieġa dejjem akbar ta' valutazzjonijiet tar-riskji kif deskritt fid-dettall hawn taħt;

16.  Jappella lill-EFSA u lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) biex jikkooperaw u jikkoordinaw ħidmiethom b'mod aktar strett fi sforz biex jisfruttaw b'mod effikaċi r-riżorsi disponibbli sabiex iwettqu valutazzjonijiet komprensivi;

17.  Jirrikonoxxi li, sabiex ir-riskji tal-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel jiġu vvalutati kif xieraq, hemm bżonn li jitqiesu kemm is-sustanzi użati fil-manifattura u fl-ipproċessar tagħhom, kif ukoll is-sustanzi li jiġu miżjuda b'mod mhux intenzjonat, inklużi impuritajiet mis-sustanzi miżjuda b'mod intenzjonat u sustanzi oħra li jirriżultaw minn reazzjonijiet kimiċi; jirrikonoxxi li, għal dan l-għan, jeħtieġ li s-sustanzi inizjali jiġu indikati b'mod ċar lill-EFSA u lill-awtoritajiet rilevanti fl-Istati Membri; jisħaq, għaldaqstant, fuq l-importanza ta' kooperazzjoni bejn il-korpi xjentifiċi/il-laboratorji, u jilqa' l-intenzjoni tal-EFSA li tiffoka aktar fuq il-materjali u l-oġġetti lesti u l-proċess tal-manifattura milli fuq is-sustanzi użati;

18.  Jenfasizza l-importanza li ssir riċerka xjentifika ulterjuri dwar is-sustanzi li jiġu miżjuda b'mod mhux intenzjonat peress li, b'differenza għas-sustanzi perikolużi magħrufa, l-identità u l-istruttura tagħhom, speċjalment fil-plastik, spiss ma jkunux magħrufa;

19.  Jappella lill-Kummissjoni biex teżamina mill-ġdid l-evidenza għal dan li ġej: (i) is-suppożizzjonijiet attwali li saru rigward il-migrazzjoni ta' sustanzi minn ġol-barrieri funzjonali; (ii) il-limitu minimu ta' 10 ppb fuq il-konċentrazzjoni ta' sustanzi migranti fl-ikel li qed jintuża minn xi kumpaniji u awtoritajiet kompetenti biex jiddeċiedu għal liema sustanzi kimiċi għandhom jagħmlu valutazzjoni tar-riskji; (iii) il-livell ta' kemm il-barrieri funzjonali jsiru inqas effikaċi fuq perjodi twal ta' ħżin, peress li jista' jkun li dawn iservu biss biex il-migrazzjoni tiġri aktar bil-mod; (iv) is-suppożizzjonijiet attwali dwar kemm id-daqs molekulari jaffettwa l-assorbiment kimiku mill-intestini;

20.  Jappella lill-EFSA u lill-Kummissjoni biex jestendu l-kunċett ta' gruppi vulnerabbli għan-nisa tqal u dawk li jkunu qed ireddgħu, u biex jinkludu l-effetti potenzjali tal-esponiment għal dożi baxxi u r-risponsi għal dożi mhux monotoniċi fil-kriterji ta' valutazzjoni tar-riskji;

21.  Jiddispjaċih li l-EFSA, fil-proċedura attwali tagħha għall-valutazzjoni tar-riskji, ma tqisx l-hekk imsejjaħ "effett ta' cocktail" jew l-effett ta' esponimenti konkorrenti u kumulattivi multipli mill-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel u sorsi oħra, li jistgħu joħolqu effetti negattivi anke jekk il-livelli tas-sustanzi individwali fit-taħlita jkunu baxxi, u jeżorta lill-EFSA biex, fil-ġejjieni, dan tagħmlu; iħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni biex tikkunsidra dan l-effett, anke fuq perjodi twal ta' żmien, meta tkun qed tiddetermina l-limiti għall-migrazzjoni li huma kkunsidrati bħala sikuri għas-saħħa tal-bniedem;

22.  Jappella biex issir riċerka xjentifika ulterjuri dwar l-interazzjoni bejn is-sustanzi kimiċi differenti;

23.  Jiddispjaċih ulterjorment li l-EFSA għadha ma tqisx il-possibilità li, fil-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel, ikun hemm mikroorganiżmi ta' ħsara; iħeġġeġ lill-Bord dwar Perikoli Bijoloġiċi (BIOHAZ) tal-EFSA jeżamina l-kwistjoni tal-mikroorganiżmi fil-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel billi titħejja opinjoni tal-EFSA dwar is-suġġett;

24.  Jindika li l-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel huma inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 528/2012(12) (ir-Regolament dwar il-Prodotti Bijoċidali) peress li l-bijoċidi jistgħu jkunu preżenti fil-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel sabiex iżommu s-superfiċi tagħhom ħielsa minn kontaminazzjoni mikrobjali (diżinfettanti) u sabiex ikollhom effett preżervattiv fuq l-ikel (preżervattivi); jinnota, madankollu, li t-tipi differenti ta' bijoċidi fil-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel huma regolati permezz ta' oqfsa ġuridiċi differenti u li, skont it-tip tal-bijoċida, il-valutazzjoni tar-riskji jkollha titwettaq mill-ECHA jew mill-EFSA, jew mit-tnejn li huma;

25.  Jappella lill-Kummissjoni biex tiżgura l-koerenza bejn ir-regolamenti dwar il-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel u l-prodotti bijoċidali u biex tiċċara r-rwoli tal-ECHA u tal-EFSA f'dan ir-rigward; jappella ulterjorment lill-Kummissjoni biex taħdem fuq approċċ armonizzat u kkonsolidat għall-valutazzjoni u l-awtorizzazzjoni kumplessivi tas-sustanzi li jintużaw bħala bijoċidi fil-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel, bil-għan li jiġu evitati elementi duplikati, l-inċertezza tad-dritt jew id-duplikazzjoni tax-xogħol;

26.  Jappella lill-EFSA biex tikkunsidra l-fatt li s-siti ta' produzzjoni tal-ikel kienu identifikati mill-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji Emerġenti għas-Saħħa u dawk Identifikati Reċentement (SCENIHR) fl-2009 bħala wieħed mill-postijiet kritiċi fejn jiġi promoss l-iżvilupp ta' batterji reżistenti kemm għall-antibijotiċi u kemm għall-bijoċidi; jindika, għaldaqstant, li l-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel u li jkun fihom il-bijoċidi jistgħu jikkontribwixxu wkoll biex jitfaċċaw batterji reżistenti għall-antibijotiċi fil-bniedem;

27.  Jissottolinja li l-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel huma sors importanti ta' esponiment uman għal sustanzi kimiċi ta' tħassib, inkluż l-komposti perfluworurati u s-sustanzi kimiċi li jfixklu s-sistema endokrinali bħall-ftalati u l-bisfenoli, li ġew assoċjati ma' mard kroniku, kif ukoll ma' problemi riproduttivi, taqlib metaboliku, allerġiji u problemi fl-iżvilupp newroloġiku; jinnota li l-migrazzjoni ta' tali sustanzi kimiċi hi ta' tħassib partikolari fil-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel minħabba l-potenzjal tagħhom li jikkawżaw ħsara anke f'dożi estremament żgħar;

28.  Jinnota bi tħassib ż-żieda fl-effett fuq is-saħħa li s-sustanzi li jintużaw fil-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel jista' jkollhom fuq it-trabi u t-tfal żgħar;

29.  Jappella lill-Kummissjoni biex telimina l-lakuna li teżisti fir-rigward tal-valutazzjonijiet tas-sikurezza bejn il-leġiżlazzjoni REACH u dik dwar il-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel, billi tiżgura li l-kumpaniji jipproduċu valutazzjonijiet tas-sikurezza fir-rigward tal-aspetti tal-esponiment għas-sustanzi kimiċi li jintużaw fil-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel fuq is-saħħa tal-bniedem matul il-produzzjoni, l-użu u d-distribuzzjoni; jikkunsidra li dan għandu jiġi ċċarat fir-Regolament (KE) Nru 1935/2004;

30.  Jappella lill-Kummissjoni biex tiżgura koordinament aħjar u approċċ aktar koerenti bejn il-leġiżlazzjoni REACH u dik dwar il-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel, b'mod partikolari fir-rigward tas-sustanzi kklassifikati bħala karċinoġeni, mutaġeni jew tossiċi għar-riproduzzjoni (CMR) (kategoriji 1A, 1B u 2) jew bħala sustanza ta' tħassib serju ħafna (SVHC) taħt ir-Regolament REACH, u tiżgura li s-sustanzi ta' ħsara li jiġu eliminati gradwalment taħt ir-Regolament REACH jiġu wkoll eliminati gradwalment mill-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel; jisħaq fuq il-fatt li, sabiex tiżgura l-esklużjoni ta' kwalunkwe periklu għas-saħħa pubblika, jeħtieġ li l-Kummissjoni perjodikament tinforma u taġġorna lill-Parlament u lill-Kunsill jekk ċerti sustanzi ta' tħassib (bħall-SVHC, is-CMR, is-sustanzi kimiċi bijoakkumulattivi jew ċerti kategoriji ta' sustanzi kimiċi li jfixklu s-sistema endokrinali) li jkunu pprojbiti jew ikunu ġew eliminati gradwalment taħt ir-Regolament REACH jew taħt kwalunkwe leġiżlazzjoni oħra jkunu għadhom qed jintużaw fil-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel; jappella lill-Kummissjoni biex tikkunsidra li tidentifika l-Bisfenol A (BPA) bħala waħda mis-sustanzi kklassifikati bħala SVHC;

31.  Jinnota l-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni nhar il-15 ta' Ġunju 2016 tal-kriterji xjentifiċi biex jiġu stabbiliti l-proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali tas-sustanzi attivi li jintużaw fil-prodotti bijoċidali u l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti; jissottolinja, madankollu, il-ħtieġa ta' kriterji orizzontali għall-prodotti kollha, inklużi l-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel, u jappella lill-Kummissjoni biex tippreżenta kriterji ta' dan it-tip mingħajr dewmien; jappella biex dawn il-kriterji, ladarba jidħlu fis-seħħ, jiġu kkunsidrati fil-proċedura ta' valutazzjoni tar-riskji fir-rigward tal-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel;

32.  Jinnota l-fatt li, b'segwitu għall-opinjoni reċenti tal-EFSA, il-Kummissjoni fl-aħħar ħabbret il-pjan tagħha li tintroduċi limitu fuq il-migrazzjoni ta' 0,05 mg/kg fir-rigward tal-BPA għall-imballaġġ u l-kontenituri magħmula mill-plastik, kif ukoll għall-verniċ u l-kisi li jintużaw fil-kontenituri tal-metall; madankollu, meta jikkunsidra li għadd ta' evalwazzjonijiet mill-ġdid tal-EFSA matul l-aħħar għaxar snin ma indirizzawx b'mod effettiv l-oqsma kollha ta' tħassib tas-saħħa u li l-EFSA se terġa' tevalwa mill-ġdid(13) ir-riskji tal-BPA fl-2017, wara l-pubblikazzjoni ta' rapport li jqajjem tħassib li doża ta' kuljum li hija kkunsidrata tollerabbli (TDI) ma tipproteġix feti jew trabi mill-effetti tal-BPA fuq is-sistema immunitarja u li jirrakkomanda lill-konsumaturi li jnaqqsu l-esponiment tagħhom għall-BPA mill-ikel u sorsi oħra, jitlob għal projbizzjoni tal-BPA fl-FCMs kollha;

33.  Jirrikonoxxi, abbażi tar-Rapport Xjentifiku u Politiku tal-2015 taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni, il-kwistjoni tal-migrazzjoni ta' metalli tqal fl-ikel; jifhem li l-Kummissjoni qed teżamina mill-ġdid il-limiti fuq iċ-ċomb u l-kadmju fid-Direttiva tal-Kunsill 84/500/KEE dwar iċ-ċeramika; iħeġġeġ b'qawwa lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta leġiżlattiva li tintroduċi limiti aktar baxxi fuq ir-rilaxx tal-kadmju u ċ-ċomb, u jiddispjaċih li r-reviżjoni tad-Direttiva 84/500/KEE għadha ma ġietx diskussa fil-Parlament u l-Kunsill;

34.  Jappoġġa l-inizjattivi ta' riċerka u innovazzjoni intenzjonati biex jiġu żviluppati sustanzi ġodda biex jintużaw fil-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel, u li ġiet ipprovata s-sikurezza tagħhom fir-rigward tas-saħħa tal-bniedem; jisħaq fuq il-fatt li, madankollu, għalissa kwalunkwe alternattiva aktar sikura ma għandhiex tinkludi l-Bisfenol S (BPS) bħala sostitut għall-BPA peress li l-BPS jista' jkollu profil tossikoloġiku simili għal dak tal-BPA(14);

35.  Jappoġġa, b'mod partikolari, riċerka ulterjuri dwar in-nanomaterjali, peress li għad hemm inċertezza xjentifika rigward l-effetti u l-kapaċità ta' migrazzjoni ta' dawn il-materjali u l-effett tagħhom fuq is-saħħa tal-bniedem; jemmen għalhekk, li n-nanomaterjali għandhom jiġu soġġetti għal awtorizzazzjoni biex jintużaw mhux biss fil-materjali tal-plastik, iżda anke fil-materjali u l-oġġetti kollha li jiġu f'kuntatt mal-ikel, u m'għandhomx jiġu vvalutati biss fil-forma voluminuża (mhux nano) tagħhom;

36.  Jindika li l-ostakli għas-suq, u b'mod partikolari t-talbiet għal awtorizzazzjonijiet taħt regoli nazzjonali differenti, jirriżultaw biex jintilfu l-opportunitajiet biex is-sikurezza tal-ikel tittejjeb permezz tal-innovazzjoni;

Traċċabilità

37.  Jemmen li dikjarazzjoni ta' konformità tista' tkun għodda effikaċi biex jiġi żgurat li l-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel ikunu konformi mar-regoli rilevanti, u jirrakkomanda li l-materjali u l-oġġetti kollha li jiġu f'kuntatt mal-ikel, kemm jekk ikunu armonizzati u kemm jekk le, jiġu akkumpanjati minn dikjarazzjoni ta' konformità, hekk kif jiġri attwalment fir-rigward tal-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel li għalihom ġew adottati miżuri speċifiċi; jemmen li l-kundizzjonijiet tal-użu għandhom jiġu riflessi aħjar fid-dikjarazzjonijiet ta' konformità rilevanti;

38.  Jiddispjaċih, madankollu, li, anke meta jkunu obbligatorji, id-dikjarazzjonijiet ta' konformità mhux dejjem ikunu disponibbli għall-finijiet tal-infurzar u li, meta jkunu disponibbli, il-kwalità tad-dikjarazzjonijiet ta' konformità ma tkunx għolja biżżejjed biex tiżgura li jkunu sors affidabbli ta' dokumentazzjoni dwar il-konformità;

39.  Jappella biex jitqawwew it-traċċabilità u l-konformità tal-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel li jkunu ġew importati minn pajjiżi terzi permezz ta' rekwiżit biex id-dokumenti ta' identifikazzjoni u d-dikjarazzjonijiet ta' konformità li jiġu pprovduti jkunu adegwati u kompluti; jinsisti li l-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel li jkunu ġew importati jridu jikkonformaw mal-istandards tal-UE, biex b'hekk tiġi ssalvagwardjata s-saħħa pubblika u tiġi żgurata l-kompetizzjoni ġusta;

40.  Jappella lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-obbligu ta' tikkettar li jindika l-preżenza intenzjonali ta' nanomaterjali fil-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel u biex tistabbilixxi l-obbligu ta' tikkettar li jindika l-kompożizzjoni tal-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel li jintużaw għall-prodotti organiċi u l-prodotti maħsuba għall-gruppi kritiċi;

Konformità, infurzar u kontrolli

41.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-livell ta' infurzar tal-leġiżlazzjoni dwar il-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel ivarja ħafna madwar l-UE; jevidenzja l-importanza li jiġu żviluppati linji gwida tal-UE għall-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel, li kieku jiffaċilitaw implimentazzjoni armonizzata u uniformi, kif ukoll infurzar aħjar fl-Istati Membri; jissottolinja, għal dan il-għan, l-importanza li d-data tiġi kkondiviża bejn l-Istati Membri; jemmen li l-għażliet politiċi mhux leġiżlattivi ta' tip ieħor, bħall-esperjenza ta' awtovalutazzjoni min-naħa tal-industrija, għandhom jissuplimentaw il-miżuri biex jittejjeb l-infurzar tar-Regolament Qafas dwar il-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel;

42.  Hu tal-fehma li armonizzazzjoni ulterjuri tal-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel tista' tgħin biex jitwassal livell uniformament għoli ta' protezzjoni għas-saħħa pubblika;

43.  Jirrakkomanda li jiġu introdotti standards uniformi tal-UE fir-rigward tat-testijiet analitiċi ta' kategoriji partikolari ta' materjali u oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel sabiex jiġi żgurat li l-kumpaniji u l-awtoritajiet kompetenti madwar l-UE jkunu jistgħu jwettqu t-testijiet bl-istess metodu; jinnota li l-introduzzjoni ta' metodi uniformi għat-testijiet kieku tiggarantixxi li l-materjali u l-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel jiġu ttrattati l-istess fis-suq intern kollu kemm hu, biex b'hekk jiġu żgurati standards ta' monitoraġġ aħjar u livelli ta' protezzjoni aktar għolja;

44.  Jisħaq fuq il-fatt li kull Stat Membru hu responsabbli biex iwettaq il-kontrolli tal-kumpaniji li jipproduċu jew jimportaw materjali u oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel; jiddispjaċih, madankollu, li ċerti Stati Membri ma jimponux ir-rekwiżit li l-kumpaniji jirreġistraw l-attività kummerċjali tagħhom, biex b'hekk jippermettu li tali kumpaniji jevitaw il-kontrolli ta' konformità; jappella lill-Kummissjoni biex tiżgura li dawk l-Istati Membri li dan għadhom ma għamluhx, jimponu obbligu fuq il-kumpaniji kollha li jipproduċu jew jimportaw materjali u oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel biex jirreġistraw uffiċjalment l-attività kummerċjali tagħhom bi qbil mar-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 882/2004; jirrikonoxxi li, f'diversi Stati Membri, jeżistu mekkaniżmi ta' reġistrazzjoni xierqa li jistgħu jservu ta' eżempji tal-aħjar prattika;

45.  Jappella lill-Istati Membri biex iżidu l-frekwenza u l-effiċjenza tal-kontrolli uffiċjali, abbażi tar-riskju ta' nonkonformità, kif ukoll tar-riskji involuti għas-saħħa, waqt li jqisu l-kwantità ta' ikel ikkonċernat, il-konsumatur intenzjonat u ż-żmien kemm l-ikel ikun dam f'kuntatt mal-materjal jew l-oġġett li jiġu f'kuntatt mal-ikel, kif ukoll it-tip ta' materjal jew oġġett li jiġu f'kuntatt mal-ikel, it-temperatura u kwalunkwe fattur rilevanti ieħor;

46.  Jinsisti fuq il-ħtieġa li l-Istati Membri jiżguraw li jkollhom il-persunal u t-tagħmir meħtieġ biex iwettqu kontrolli uniformi, robusti u sistematiċi, kif ukoll li jimplimentaw sistema ta' pieni dissważivi għall-każijiet ta' nonkonformità, bi qbil mar-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 882/2004;

47.  Jappella biex ikun hemm kooperazzjoni u koordinament aktar effikaċi bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fir-rigward tas-sistema ta' twissija bikrija għall-ikel u l-għalf, sabiex ir-riskji għas-saħħa pubblika jkunu jistgħu jiġu ttrattati malajr u b'mod effikaċi;

48.  Jappella lill-Kummissjoni biex tistudja ulterjorment l-approċċ abbażi ta' verifiki tas-sikurezza għall-oġġetti mmanifatturati minn qabel li jiġu f'kuntatt mal-ikel jew proċeduri oħra ta' approvazzjoni għall-oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel;

49.  Jilqa' l-pjattaforma tal-Kummissjoni "Taħriġ Imtejjeb għal Iżjed Sikurezza fl-Ikel"; jappella biex l-attivitajiet tagħha jiġu estiżi;

o
o   o

50.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 338, 13.11.2004, p. 4.
(2) ĠU L 384, 29.12.2006, p. 75.
(3) ĠU L 12, 15.1.2011, p. 1.
(4) PE 581.411.
(5) PE 578.967.
(6) Kortenkamp 2009. http://ec.europa.eu/environment/chemicals/effects/pdf/report_mixture_toxicity.pdf
(7) http://register.consilium.europa.eu/doc/srv?l=MT&f=ST%2017820%202009%20INIT
(8) Is-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 171).http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:32013D1386
(9) http://www.who.int/ceh/publications/endocrine/en/
(10) ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.
(11) L-iżviluppi reċenti fil-valutazzjoni tar-riskji tas-sustanzi kimiċi fl-ikel u l-impatt potenzjali tagħhom fuq il-valutazzjoni tas-sikurezza tas-sustanzi li jintużaw fil-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel - Il-Ġurnal tal-EFSA 2016; 14(1):4357 (28 p.) https://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/4357
(12) ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1
(13)https://www.efsa.europa.eu/en/press/news/160426a?utm_content=hl&utm_source=EFSA+Newsletters&utm_campaign=3bd764133f-HL_20160428&utm_medium=email&utm_term=0_7ea646dd1d-3bd764133f-63626997
(14) Kumitat għall-Analiżi Soċjoekonomika (SEAC), Opinjoni dwar dossier tal-Anness XV li jipproponi restrizzjonijiet fuq il-Bisfenol A. p. 13. http://www.echa.europa.eu/documents/10162/13641/bisphenol_a_seac_draft_opinion_en.pdf


Rapport Annwali 2014 dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni
PDF 279kWORD 54k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE: Rapport Annwali 2014 (2015/2326(INI))
P8_TA(2016)0385A8-0262/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-32 rapport annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE (2014) (COM(2015)0329),

–  wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni intitolat "Rapport ta' Evalwazzjoni tal-Proġett "EU Pilot"" (COM(2010)0070),

–  wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni intitolat "It-Tieni Rapport ta' Evalwazzjoni dwar l-EU Pilot" (COM(2011)0930),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Marzu 2002 dwar ir-relazzjonijiet mal-kwelerant fil-qasam tal-ksur tad-dritt Komunitarju (COM(2002)0141),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' April 2012 intitolata "L-aġġornament tal-immaniġġjar tar-relazzjonijiet mal-kwerelant rigward l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni" (COM(2012)0154),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali dwar tfassil aħjar tal-liġijiet bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, u l-Kummissjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Settembru 2015 dwar it-30 u l-31 rapport annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-Dritt tal-UE (2012-2013)(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 52 u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A8-0262/2016),

A.  billi l-Artikolu 17 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jiddefinixxi r-rwol fundamentali tal-Kummissjoni bħala "gwardjan tat-Trattati";

B.  billi, skont l-Artikolu 6(1) TUE, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-"Karta") għandha l-istess valur legali tat-Trattati, u hija intiża għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji tal-Unjoni u l-Istati Membri meta jkunu qed jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni (l-Artikolu 51(1) tal-Karta);

C.  billi, skont l-Artikolu 258 (1) u (2) TFUE, il-Kummissjoni għandha tagħti opinjoni motivata lil Stat Membru meta tqis li dan ikun naqas li jwettaq xi obbligu tiegħu fl-ambitu ta' dawn it-Trattati, u tista' tressaq il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Istat Membru kkonċernat ma jikkonformax mal-opinjoni fi żmien skadenza stabbilita mill-Kummissjoni;

D.  billi l-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea jipprevedi l-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar il-proċeduri ta' ksur kollha bbażati fuq ittri ta' avviż formali, iżda ma jkoprix il-proċedura informali tal-EU Pilot li tippreċedi l-ftuħ tal-proċedimenti ta' ksur formali;

E.  billi l-Kummissjoni invokat l-Artikolu 4(3) tat-TUE u l-prinċipju ta' kooperazzjoni sinċiera bejn l-Unjoni u l-Istati Membri sabiex tinforza l-obbligi tagħha biex teżerċita diskrezzjoni fir-rigward tal-Istati Membri matul il-proċeduri tal-EU Pilot;

F.  billi l-proċeduri tal-EU Pilot huma maħsuba għal kooperazzjoni eqreb u aktar koerenti bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex ikun hemm rimedju għall-ksur tad-dritt tal-UE fi stadju bikri sabiex, kulfejn ikun possibbli, tiġi evitata l-ħtieġa li jsiru proċedimenti ta' ksur formali;

G.  billi fl-2014 il-Kummissjoni rċeviet 3 715-il ilment li rrapporta dwar possibilitajiet ta' ksur tal-leġiżlazzjoni tal-UE, u l-Istati Membri li kontra tagħhom tressqu l-aktar ilmenti kienu Spanja (553), l-Italja (475) u l-Ġermanja (276);

H.  billi fl-2014 il-Kummissjoni nediet 893 proċedura ġdida ta' ksur, u l-Istati Membri li kellhom l-ikbar għadd ta' każijiet miftuħa kienu l-Greċja (89), l-Italja (89) u Spanja (86);

I.  billi l-Artikolu 41 tal-Karta jiddefinixxi d-dritt għal amministrazzjoni tajba bħala dritt ta' kull persuna li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b'mod imparzjali, ġust u fi żmien debitu min-naħa tal-istituzzjonijiet, u l-Artikolu 298 tat-TFUE jistipula li, fit-twettiq tal-missjonijiet tagħhom, l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni għandu jkollhom l-appoġġ ta' amministrazzjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti;

1.  Ifakkar li l-Kummissjoni, skont l-Artikolu 17 tat-TUE, għandha tissorvelja l-applikazzjoni tad-Dritt tal-Unjoni inkluża l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (Artikolu 6(1) TUE), li d-dispożizzjonijiet tagħha huma intiżi għall-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u għall-Istati Membri meta jkunu qed jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni;

2.  Jirrikonoxxi li r-responsabbiltà primarja għall-implimentazzjoni u l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-UE hija tal-Istati Membri, iżda jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li dan ma jeżonerax lill-istituzzjonijiet tal-UE mid-dmir tagħhom li jirrispettaw id-dritt primarju tal-UE meta jkunu qed jistabbilixxu d-dritt sekondarju tal-UE;

3.  Jisħaq fuq ir-rwol essenzjali tal-Kummissjoni li tissorvelja l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE u tissottometti r-rapport annwali tagħha lill-Parlament u lill-Kunsill; jistieden lill-Kummissjoni tkompli fir-rwol attiv tagħha fl-iżvilupp ta' diversi għodod biex jittejbu l-implimentazzjoni, l-infurzar u l-konformità tad-dritt tal-UE fl-Istati Membri, u tipprovdi data, flimkien ma' dik dwar l-implimentazzjoni tad-direttivi tal-UE, dwar l-implimentazzjoni tar-regolamenti tal-UE fir-rapport annwali tagħha li jmiss;

4.  Jirrikonoxxi li r-responsabbiltà primarja għall-implimentazzjoni u l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-UE hija tal-Istati Membri, jenfasizza li l-Istati Membri, meta jimplimentaw id-dritt tal-UE, iridu jirrispettaw bis-sħiħ il-valuri u d-drittijiet fundamentali li jinsabu fit-Trattati u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE; ifakkar li l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE hija tal-Kummissjoni; jappella ripetutament, għal dan l-għan, lill-Istati Membri biex jirrikorru sistematikament għat-tabelli ta' korrelazzjoni, iżda jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li dan ma jeżonerax lill-istituzzjonijiet tal-UE mid-dmir tagħhom li jirrispettaw id-dritt primarju tal-UE meta jkunu qed jistabbilixxu d-dritt sekondarju tal-UE; huwa mfakkar fil-bżonn li jagħmel użu mir-rapporti ta' implimentazzjoni tiegħu rigward il-leġiżlazzjonijiet settorjali;

5.  Jirrikonoxxi li l-Parlament għandu wkoll rwol kruċjali f'dan ir-rigward billi jeżerċita kontroll politiku fuq l-azzjonijiet ta' infurzar tal-Kummissjoni, iwettaq skrutinju tar-rapporti annwali dwar il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE u jadotta riżoluzzjonijiet parlamentari rilevanti; jissuġġerixxi li huwa jista' jikkontribwixxi ulterjorment għat-traspożizzjoni f'waqtha u preċiża tal-leġiżlazzjoni tal-UE billi jikkondividi l-għarfien espert li kiseb fil-proċess deċiżjonali leġiżlattiv permezz ta' kollegamenti prestabbiliti mal-parlamenti nazzjonali;

6.  Jinnota li t-traspożizzjoni f'waqtha u korretta tad-dritt tal-UE fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u qafas leġiżlattiv nazzjonali ċar għandhom ikunu prijorità għall-Istati Membri bl-għan li jiġi evitat ksur tad-dritt tal-UE filwaqt li l-individwi u n-negozji jingħataw il-benefiċċji maħsuba li saru possibbli minħabba l-applikazzjoni effiċjenti u effikaċi tad-dritt tal-UE;

7.  Jenfasizza r-rwol importanti tas-sħab soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati oħra fil-ħolqien ta' leġiżlazzjoni u fil-monitoraġġ u fir-rappurtar ta' nuqqasijiet fit-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE mill-Istati Membri; jinnota r-rikonoxximent tal-Kummissjoni tar-rwol tal-partijiet ikkonċernati bit-tnedija ta' strumenti ġodda fl-2014 li jiffaċilitaw dan il-proċess; jinkoraġġixxi lill-partijiet ikkonċernati jibqgħu attenti f'dan ir-rigward fil-futur;

8.  Jirrikonoxxi l-impatt ta' applikazzjoni effikaċi tad-dritt tal-UE fuq it-tisħiħ tal-kredibilità tal-istituzzjonijiet tal-UE; japprezza l-importanza mogħtija fir-rapport annwali tal-Kummissjoni lill-petizzjonijiet imressqa minn ċittadini, negozji u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, dritt fundamentali stabbilit fit-Trattat ta' Lisbona, li jikkostitwixxi element importanti taċ-ċittadinanza Ewropea u mezz sekondarju importanti ta' monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE, u ta' identifikazzjoni ta' lakuni possibbli f'dan id-dritt permezz tal-espressjoni diretta taċ-ċittadini tal-fehmiet u l-esperjenzi tagħhom, flimkien mal-elezzjonijiet u r-referenda li jibqgħu l-mezzi primarji tagħhom għall-espressjoni demokratika;

9.  Iqis li l-iskadenzi mhux realistiċi għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni jistgħu jwasslu għal nuqqas ta' kapaċità min-naħa tal-Istati Membri biex jikkonformaw, ħaġa li tapprova b'mod taċitu l-applikazzjoni tardiva; jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej jiftehmu skadenzi aktar realistiċi għall-implimentazzjoni tar-regolamenti u d-direttivi, b'kont meħud kif xieraq tal-perjodi neċessarji għal skrutinju u konsultazzjoni; jemmen li l-Kummissjoni għandha tagħti rapporti, rieżamijiet u reviżjonijiet leġiżlattivi dwar id-dati miftiehma mill-koleġiżlaturi u kif stipulat fil-leġiżlazzjoni rilevanti;

10.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Ftehim Interistituzzjonali il-ġdid dwar tfassil aħjar ta' liġijiet fih dispożizzjonijiet li għandhom l-għan li jtejbu l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE u jinkoraġġixxu kooperazzjoni aktar strutturata f'dan ir-rigward; jappoġġja l-appell, espress fil-ftehim, għal identifikazzjoni aħjar ta' miżuri nazzjonali li mhumiex strettament relatati mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni (prattika magħrufa bħala "gold plating"); jenfasizza l-importanza tat-tisħiħ tat-traspożizzjoni, u l-bżonn għall-Istati Membri li jipprovdu notifika ta' miżuri nazzjonali li jikkumplimentaw id-direttivi Ewropew, u jindikawhom b'mod ċar; jenfasizza li l-Istati Membri, meta japplikaw il-leġiżlazzjoni tal-UE, għandhom jevitaw li jżidu piżijiet mhux meħtieġa mal-leġiżlazzjoni tal-UE, peress li dan iwassal għal kunċett żbaljat tal-attività leġiżlattiva tal-UE u jżid xettiċiżmu mhux ġustifikat dwar l-UE fost iċ-ċittadini; jirrimarka, madankollu, li dan bl-ebda mod ma jaffettwa l-prerogattiva tal-Istati Membri li jadottaw standards soċjali u ambjentali ogħla fil-livell nazzjonali minn dawk miftiehma fil-livell tal-UE:

11.  Jenfasizza li l-Parlament għandu jaqdi rwol aktar b'saħħtu fl-analiżi dwar kif il-pajjiżi ta' adeżjoni u l-pajjiżi bi ftehim ta' assoċjazzjoni mal-Unjoni Ewropea qed jikkonformaw mad-dritt tal-UE; jipproponi f'dan ir-rigward li dawk il-pajjiżi jiġu provduti b'għajnuna xierqa, fil-forma ta' kooperazzjoni kontinwa mal-parlamenti nazzjonali tagħhom fil-qasam tal-osservanza u l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE;

12.  Jissuġġerixxi li l-Parlament għandu jabbozza rapporti xierqa u mhux sempliċement riżoluzzjonijiet dwar il-pajjiżi kandidati kollha bi tweġiba għar-rapporti ta' progress annwali maħruġa mill-Kummissjoni, sabiex tingħata l-possibbiltà li l-kumitati kkonċernati kollha jagħtu l-opinjonijiet rilevanti. jemmen li l-Kummissjoni għandha tkompli toħroġ rapporti ta' progress għall-Pajjiżi Ewropej tal-Viċinat kollha li ffirmaw ftehimiet ta' assoċjazzjoni biex il-Parlament jipproċedi b'valutazzjoni serja u sistematika tal-progress li sar minn dawk il-pajjiżi għall-implimentazzjoni tal-acquis tal-UE relatata mal-aġenda ta' assoċjazzjoni;

13.  Jilqa' b'sodisfazzjon it-32 "rapport annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE" tal-Kummissjoni, u jinnota li l-ambjent, it-trasport u s-suq intern u s-servizzi kienu fl-2013 l-oqsma ta' politika li fihom l-aktar każijiet ta' ksur fl-2014 baqgħu pendenti; jinnota wkoll li fl-2014, l-ambjent, is-saħħa u l-protezzjoni tal-konsumatur, il-mobbiltà u t-trasport kienu mill-ġdid l-oqsma ta' politika li kellhom l-ogħla numri ta' proċedimenti ta' ksur ġodda; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fl-interess li tiġi żgurata t-trasparenza interistituzzjonali, tagħti lill-Parlament aċċess aħjar għal każijiet li jinvolvu ksur tad-dritt tal-UE;

14.  Jinnota li skont ir-Rapport Annwali, "[l]-għadd ta' proċeduri ta' ksur formali [...] naqas f'dawn l-aħħar ħames snin" u li, skont il-Kummissjoni, dan jirrifletti l-effikaċja tad-djalogu strutturat mal-Istati Membri permezz tal-EU Pilot; iqis, madankollu, li t-tnaqqis fis-snin riċenti u t-tnaqqis mistenni li jseħħ fis-snin li ġejjin huma prinċipalment ikkawżati mit-tnaqqis kontinwu fin-numru ta' proposti leġiżlattivi ġodda mill-Kummissjoni; jinnota li l-Kummissjoni ma twettaq l-ebda proċedura tal-EU Pilot meta d-direttivi jkunu ġew trasposti tard;

15.  Ifakkar li din l-evalwazzjoni ex post m'għandhiex teżonera lill-Kummissjoni mid-dmir li twettaq monitoraġġ effikaċi u f'waqtu tal-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE, u jinnota li l-Parlament jista' jgħin fir-reviżjoni tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni permezz tal-iskrutinju tiegħu fuq il-Kummissjoni;

16.  Jirrimarka li ż-żieda fin-numru ta' fajls ġodda tal-EU Pilot tul il-perjodu eżaminat u t-tnaqqis fin-numru ta' każijiet ta' ksur pendenti juru, skont ir-rapport annwali, li s-sistema tal-EU Pilot uriet kemm hija utli u kellha impatt pożittiv fuq infurzar aktar effiċjenti tad-dritt tal-UE; itenni, madankollu, li l-infurzar tad-dritt tal-UE la hija trasparenti biżżejjed u lanqas hija soġġetta għal kontroll reali min-naħa tal-persuni li jilmentaw u l-partijiet interessati, u jiddispjaċih li, minkejja t-talbiet imtennija tiegħu, il-Parlament għad ma għandux aċċess adegwat għall-informazzjoni dwar il-proċedura tal-EU Pilot u l-każijiet pendenti; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tiżgura trasparenza akbar fir-rigward tal-informazzjoni dwar il-proċedura tal-EU Pilot, u dwar każijiet pendenti;

17.  Huwa tal-fehma li l-penalitajiet finanzjarji għal nuqqas ta' konformità mad-dritt tal-UE għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi, jikkunsidraw nuqqas ripetut fl-istess qasam u li d-drittijiet ġuridiċi tal-Istati Membri għandhom jiġu rrispettati;

18.  Jirrimarka li, f'Unjoni Ewropea msejsa fuq l-istat tad-dritt u fuq iċ-ċertezza u l-prevedibbiltà tal-liġijiet, iċ-ċittadini tal-UE jeħtiġilhom, bi dritt, ikunu l-ewwel li jsiru jafu, b'mod ċar, aċċessibbli, trasparenti u f'waqtu (permezz tal-internet u ta' mezzi oħrajn) jekk hemmx liġijiet nazzjonali li ġew adottati permezz tat-traspożizzjoni tal-liġijiet tal-UE, u jekk iva, liema huma, kif ukoll liema awtoritajiet nazzjonali għandhom ir-responsabbiltà li jiżguraw l-implimentazzjoni korretta tagħhom;

19.  Jappella lill-Kummissjoni toħloq kollegamenti bejn il-portali, il-punti ta' aċċess u s-siti ta' informazzjoni fuq l-internet differenti kollha f'portal uniku li jipprovdi liċ-ċittadini b'aċċess faċli għall-formoli għall-ilmenti fuq l-internet u għal informazzjoni faċilment komprensibbli għall-utenti rigward il-proċeduri ta' ksur; jappella, barra minn hekk, lill-Kummissjoni biex, fir-rapport ta' monitoraġġ tagħha li jmiss, tinkludi informazzjoni aktar dettaljata rigward l-użu ta' dawn il-portali;

20.  Jirrimarka li kooperazzjoni sinċiera bejn il-Kummissjoni u l-Parlament hija obbligu impost fuqhom it-tnejn; jitlob, għaldaqstant, li l-Ftehim Qafas dwar ir-Relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea jiġi rivedut sabiex l-informazzjoni dwar proċeduri tal-EU Pilot ikunu jistgħu jingħataw fil-forma ta' dokument (kunfidenzjali) mill-kumitat parlamentari responsabbli għall-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni;

21.  Ifakkar li, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2013(2), il-Parlament talab l-adozzjoni ta' regolament tal-UE dwar liġi Ewropea tal-proċedura amministrattiva, fis-sens tal-Artikolu 298 TFUE, iżda li, minkejja l-fatt li r-riżoluzzjoni ġiet adottata b'maġġoranza kbira ħafna (572 favur, 16 kontra, 12-il astensjoni), it-talba tal-Parlament ma ġietx segwita minn proposta tal-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni biex terġa' teżamina r-riżoluzzjoni tal-Parlament bil-għan li titressaq proposta għal att leġiżlattiv fir-rigward tal-liġi ta' proċedura leġiżlattiva;

22.  Jiddeplora, b'mod aktar speċifiku, il-fatt li ma kien hemm l-ebda segwitu għas-sejħa tiegħu għal regoli vinkolanti fil-forma ta' regolament li jistabbilixxi l-aspetti varji tal-proċedura tal-ksur u l-proċedura ta' qabel dan – inkluż in-notifiki, il-limiti ta' żmien obbligatorji, id-dritt tas-smigħ, l-obbligu li jingħataw ir-raġunijiet, u d-dritt ta' kull persuna li jkollha aċċess għall-fajl tagħha – sabiex jissaħħu d-drittijiet taċ-ċittadini u tiġi ggarantita t-trasparenza;

23.  Ifakkar, f'dan il-kuntest, li l-Kumitat għall-Affarijiet Legali stabbilixxa Grupp ta' Ħidma ġdid dwar id-dritt amministrattiv li ddeċida li jħejji abbozz ta' regolament dwar il-proċedura amministrattiva tal-amministrazzjoni tal-Unjoni bħala "sors ta' ispirazzjoni" għall-Kummissjoni, mhux biex jikkontesta d-dritt ta' inizjattiva tal-Kummissjoni, iżda biex jintwera li tali regolament ikun utli u fattibbli li jiġi promulgat;

24.  Jemmen li l-iskop ta' dan l-abbozz ta' regolament mhuwiex li jissostitwixxi l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE, iżda pjuttost li jikkompleta dan meta lakuni jew problemi jinqalgħu rigward l-interpretazzjoni, u biex ikun hemm aktar aċċessibbiltà, ċarezza u koerenza tal-interpretazzjoni tar-regoli eżistenti, għall-benefiċċju taċ-ċittadini u n-negozji u tal-amministrazzjoni u l-uffiċjali tagħha;

25.  Jitlob, għalhekk, għal darb' oħra lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva dwar liġi Ewropea tal-proċedura amministrattiva, filwaqt li tqis il-passi li ttieħdu s'issa mill-Parlament f'dan il-qasam;

26.  Ifakkar li l-istituzzjonijiet tal-UE, anki meta jaġixxu bħala membri ta' gruppi ta' kredituri internazzjonali ('trojkas'), huma marbuta mit-Trattati u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel il-konformità mad-dritt tal-UE prijorità politika reali li trid tiġi segwita b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-Parlament, li għandu d-dmir (a) li jżomm lill-Kummissjoni politikament responsabbli u (b), bħala koleġiżlatur, li jiżgura li huwa stess ikun informat għal kollox sabiex itejjeb b'mod kostanti l-ħidma leġiżlattiva tiegħu;

28.  Jappoġġja l-ħolqien ta' proċess fi ħdan il-Parlament għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE fl-Istati Membri li huwa kapaċi janalizza l-kwistjoni ta' nuqqas ta' konformità b'mod li huwa speċifiku għal kull pajjiż u jikkunsidra l-fatt li l-kumitati permanenti rilevanti fil-Parlament jimmonitoraw l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE fi ħdan l-oqsma rispettivi tagħhom ta' kompetenza;

29.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-parlamenti nazzjonali.

(1) Testi adottati, P8_TA(2015)0322.
(2) ĠU C 440, 30.12.2015, p. 17.


L-introduzzjoni fis-suq ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11
PDF 279kWORD 53k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 (SYN-BTØ11-1) (D046173/01 – 2016/2919(RSP))
P8_TA(2016)0386B8-1083/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 (SYN-BTØ11-1) (D046173/01),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 18(1) tagħha,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel tad-19 ta' Mejju 2005(2),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni li taġġorna l-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tar-riskji u r-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskji dwar il-qamħirrum ġenetikament modifikat u reżistenti għall-insetti MON 810, maħruġa fis-6 ta' Diċembru 2012 mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel(3),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni xjentifika li tissupplimenta l-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tar-riskji ambjentali u r-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskji fir-rigward tal-kultivazzjoni tal-qamħirrum ġenetikament modifikat u reżistenti għall-insetti Bt11 u MON 810, adottata fis-6 ta' Diċembru 2012 mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel(4),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni xjentifika li taġġorna r-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskji biex tillimita l-esponiment għall-polline minn qamħirrum Bt għal-Lepidoptera li mhumiex fil-mira u li huma ta' tħassib għall-konservazzjoni fil-ħabitats protetti, maħruġa mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel fit-28 ta' Mejju 2015(5),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq għall-kultivazzjoni, skont id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta' prodott tal-qamħirrum (Zea mays L., Linja 1507) ġenetikament modifikat għar-reżistenza għal ċerti organiżmi ta' ħsara lepidopterani(7),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni mressqa mill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi notifika (Referenza C/F/96/05.10) dwar l-introduzzjoni fis-suq ta' qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 ġiet sottomessa fl-1996 minn Syngenta Seeds SAS (li qabel kienet Novartis Seeds) (minn hawn 'il quddiem "in-notifikatur") lill-awtorità kompetenti fi Franza skont id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE(8); billi fl-2003 ġiet sottomessa notifika aġġornata skont id-Direttiva 2001/18/KE;

B.  billi l-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 għandu l-proteina Cry1Ab, li hija proteina Bt (li toriġina mill-Bacillus thuringiensis subsp. Kurstaki) u tipprovdi reżistenza għall-European corn borer (Ostrinia nubilalis) u l-Mediterranean corn borer (Sesamia nonagrioides), u l-proteina Pat, li tipprovdi t-tolleranza għall-erbiċida glufosinat tal-ammonju;

C.  billi l-glufosinat huwa klassifikat bħala tossiku għar-riproduzzjoni u għalhekk jaqa' taħt il-kriterji ta' esklużjoni stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009; billi fil-każ ta' sustanzi li diġà ġew approvati, il-kriterji ta' esklużjoni japplikaw meta jkun meħtieġ li l-approvazzjoni tiġġedded; billi l-approvazzjoni tal-glufosinat tiskadi fl-2017; billi l-użu tal-glufosinat għalhekk fil-prinċipju għandu jieqaf fl-2017;

D.  billi, skont l-Artikolu 26c(2) tad-Direttiva 2001/18/KE, il-kultivazzjoni tal-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 hija pprojbita fit-territorji li ġejjin: il-Vallonja (il-Belġju); il-Bulgarija; id-Danimarka; il-Ġermanja (ħlief għal finijiet ta' riċerka); il-Greċja; Franza; il-Kroazja; l-Italja; Ċipru; il-Latvja; il-Litwanja; il-Lussemburgu; l-Ungerija; Malta; in-Netherlands; l-Awstrija; il-Polonja; is-Slovenja; l-Irlanda ta' Fuq (ir-Renju Unit); l-Iskozja (ir-Renju Unit); Wales (ir-Renju Unit);

E.  billi, skont l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), l-evidenza tindika li madwar 95 sa 99 % tal-polline rilaxxat jiġi depożitat f'madwar 50 metru mis-sors tal-polline, għalkemm movimenti vertikali tar-riħ jew buffuri tar-riħ matul it-tixrid tal-polline jistgħu jgħollu lill-polline 'l fuq fl-atmosfera u jferrxuh fuq distanzi kbar sa diversi kilometri;

F.  billi, f'opinjoni tal-2005, l-EFSA qieset li l-qamħirrum m'għandux speċijiet selvaġġi marbutin miegħu b'parentela li huma kompatibbli miegħu għall-inkroċjar fl-Ewropa, u b'hekk kienet tal-fehma li ma kien antiċipat l-ebda effett ambjentali mhux mistenni b'riżultat tal-istabbiliment u t-tixrid;

G.  billi t-teosintes, l-antenati tal-qamħirrum ikkultivat, ilhom jeżistu fi Spanja sa mill-2009; billi l-popolazzjonijiet tat-teosinte jaf jibdew jirċievu DNA transġeniku li jkun ġej mill-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810, li huwa kkultivat fi Spanja f'xi wħud mir-reġjuni fejn it-teosinte qed jinfirex ħafna; billi jista' jseħħ fluss ġenetiku lejn it-teosinte, li iġiegħlu jipproduċi t-tossina Bt, u dan jista' jsaħħaħ l-ibridi tal-qamħirrum u t-teosinte meta mqabbla mal-pjanti tat-teosinte indiġeni; billi dan huwa xenarju li jġorr miegħu riskji kbar għall-bdiewa u għall-ambjent;

H.  billi l-awtoritajiet kompetenti Spanjoli infurmaw lill-Kummissjoni dwar il-preżenza tat-teosinte fl-għelieqi tal-qamħirrum Spanjoli, inkluża preżenza limitata ħafna fl-għelieqi tal-qamħirrum ġenetikament modifikat; billi l-informazzjoni disponibbli tindika li t-teosinte nstab wkoll fi Franza;

I.  billi, fit-13 ta' Lulju 2016, il-Kummissjoni talbet lill-EFSA biex, sa tmiem Settembru 2016, tivvaluta jekk, abbażi tal-letteratura xjentifika eżistenti u kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra, tfaċċatx evidenza ġdida li tbiddel il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-opinjonijiet xjentifiċi tal-EFSA dwar il-kultivazzjoni tal-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810, Bt11, 1507 u GA21;

J.  billi, fil-punt 24 tal-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, fir-rigward tal-mortalità lokali, l-EFSA qieset żewġ livelli ta' mortalità lokali "aċċettabbli" (0,5 % u 1 %); billi, madankollu, fl-opinjoni xjentifika tagħha adottata fit-28 ta' Mejju 2015 li taġġorna r-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskji biex tillimita l-esponiment għall-polline minn qamħirrum Bt għal-Lepidoptera li mhumiex fil-mira u li huma ta' tħassib għall-konservazzjoni fil-ħabitats protetti, l-EFSA tgħid b'mod ċar li "kwalunkwe livell ta' protezzjoni speċifiku utilizzat hawnhekk bħala spjegazzjoni mill-Bord tal-EFSA dwar l-OĠM huwa maħsub bħala eżempju biss" u li "kwalunkwe soll applikat irid, neċessarjament, ikun arbitrarju u għandu jkun soġġett għal emendi skont l-għanijiet ta' protezzjoni fis-seħħ fl-Unjoni";

K.  billi fl-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għażlet livell ta' mortalità lokali taħt iż-0,5 % u fl-Anness tiegħu pprevediet distanzi ta' iżolament arbitrarji ta' mill-inqas 5 metri bejn għalqa tal-qamħirrum Bt11 u ħabitat protett kif definit fl-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2004/35/KE, minkejja li l-EFSA fil-fatt tikkonferma b'mod ċar li l-impożizzjoni ta' distanza ta' iżolament ta' 20 metru madwar ħabitat protett mill-eqreb għalqa ta' qamħirrum Bt11/MON 810, li hija erba' darbiet akbar mid-distanza proposta mill-Kummissjoni, tkun mistennija tnaqqas il-mortalità lokali anke ta' larvi lepidopterani sensittivi ħafna – u mhux fil-mira – għal livell aktar baxx minn 0,5 %;

L.  billi, fl-opinjoni xjentifika tagħha adottata fit-28 ta' Mejju 2015 li taġġorna r-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskji biex tillimita l-esponiment ta' Lepidoptera li mhumiex fil-mira u li huma ta' tħassib għall-konservazzjoni fil-ħabitats protetti, l-EFSA tgħid li "fil-preżent m'hemmx biżżejjed data disponibbli biex il-mortalità larvali relatata mal-Bt titqiegħed fil-kuntest tal-mortalità globali";

1.  Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jmur lil hinn mis-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fid-Direttiva 2001/18/KE;

2.  Iqis li l-valutazzjoni tar-riskji tal-kultivazzjoni mwettqa mill-EFSA hija inkompleta u r-rakkomandazzjonijiet tal-ġestjoni tar-riskji proposti mill-Kummissjoni huma inadegwati;

3.  Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni mhuwiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni, peress li mhuwiex kompatibbli mal-objettiv tad-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li, skont il-prinċipju ta' prekawzjoni, huwa li tapprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri, u li tipproteġi s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent meta jitwettaq rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' organiżmi ġenetikament modifikati għal kwalunkwe fini ieħor ħlief l-introduzzjoni fis-suq fi ħdan il-Komunità u l-introduzzjoni fis-suq ta' organiżmi ġenetikament modifikati bħala prodotti jew fi prodotti fi ħdan il-Komunità;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 106, 17.4.2001, p. 1.
(2) Opinjoni tal-Bord Xjentifiku dwar Organiżmi Ġenetikament Modifikati fuq talba tal-Kummissjoni rigward in-notifika (Referenza C/F/96/05.10) għall-introduzzjoni fis-suq ta' qamħirrum ġenetikament modifikat li huwa reżistenti għall-insetti 1507, għall-importazzjoni, għall-għalf u għall-ipproċessar industrijali u għall-kultivazzjoni skont il-Parti C tad-Direttiva 2001/18/KE minn Pioneer Hi-Bred International/Mycogen Seeds, Il-Ġurnal tal-EFSA (2005) 213, 1-33.
(3) Il-Bord tal-EFSA dwar Organiżmi Ġenetikament Modifikati (OĠM), Opinjoni Xjentifika li taġġorna l-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tar-riskji u r-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskji fir-rigward tal-qamħirrum reżistenti għall-insetti u ġenetikament modifikat MON 810, Il-Ġurnal tal-EFSA 2012, 10(12):3017. [98 pp.] doi:10.2903/j.efsa.2012.3017.
(4) Il-Bord tal-EFSA dwar Organiżmi Ġenetikament Modifikati (OĠM), Opinjoni Xjentifika li tissupplimenta l-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tar-riskju ambjentali u r-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskji fir-rigward tal-kultivazzjoni tal-qamħirrum reżistenti għall-insetti u ġenetikament modifikat Bt11 u MON 810, Il-Ġurnal tal-EFSA 2012;10(12):3016. [32 pp.], doi:10.2903/j.efsa.2012.3016.
(5) Il-Bord tal-EFSA dwar Organiżmi Ġenetikament Modifikati, (GMO); Opinjoni Xjentifika li taġġorna r-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskji biex tillimita l-esponiment għall-polline minn qamħirrum Bt għal-Lepidoptera li mhumiex fil-mira u li huma ta' tħassib għall-konservazzjoni fil-ħabitats protetti, Il-Ġurnal tal-EFSA 2015;13(7):4127 [31 pp.], doi:10.2903/j.efsa.2015.4127.
(6) ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.
(7) Testi adottati, P7_TA(2014)0036.
(8) Id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE tat-23 ta' April 1990 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' organiżmi modifikati ġenetikament (ĠU L 117, 8.5.1990, p. 15).


L-introduzzjoni fis-suq ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat 1507
PDF 277kWORD 53k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 (DAS-Ø15Ø7-1) (D046172/00 – 2016/2920(RSP))
P8_TA(2016)0387B8-1085/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 (DAS-Ø15Ø7-1) (D046172/00),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 18(1) tagħha,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni xjentifika tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), aġġornata l-aħħar fl-24 ta' Frar 2012 li taġġorna l-evalwazzjoni tal-valutazzjoni tar-riskju ambjentali u r-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskji fir-rigward tal-qamħirrum ġenetikament modifikat u reżistenti għall-insetti 1507, għall-kultivazzjoni(2),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni xjentifika tal-EFSA tat-18 ta' Ottubru 2012 li tissupplimenta l-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tar-riskju ambjentali u r-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskji fir-rigward tal-qamħirrum reżistenti għall-insetti u ġenetikament modifikat 1507, għall-kultivazzjoni(3),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni xjentifika tal-EFSA tas-6 ta' Diċembru 2012 li taġġorna l-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tar-riskji u r-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskji fir-rigward tal-qamħirrum reżistenti għall-insetti u ġenetikament modifikat MON 810(4),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni xjentifika tal-EFSA tas-6 ta' Diċembru 2012 li tissupplimenta l-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tar-riskju ambjentali u r-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskji fir-rigward tal-kultivazzjoni tal-qamħirrum reżistenti għall-insetti u ġenetikament modifikat Bt11 u MON 810(5),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni xjentifika tal-EFSA tat-28 ta' Mejju 2015 li taġġorna r-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskji biex tillimita l-esponiment għat-trab tad-dakra minn qamħirrum Bt għal-Lepidoptera li mhumiex fil-mira u li huma ta' tħassib għall-konservazzjoni fil-ħabitats protetti(6),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq għall-kultivazzjoni, skont id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta' prodott tal-qamħirrum (Zea mays L., il-linja 1507) ġenetikament modifikat għar-reżistenza għal ċerti organiżmi ta' ħsara lepidopterani(8),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fl-2001, Pioneer Overseas Corporation u Dow AgroSciences Europe Ltd, ippreżentaw notifika (Referenza C/ES/01/01) dwar it-tqegħid fis-suq ta' qamħirrun modifikat ġenetikament 1507 lill-awtorità kompetenti ta' Spanja skont id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE(9); billi fl-2003 tressqet notifika aġġornata skont id-Direttiva 2001/18/KE;

B.  billi l-qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 jesprimi l-proteina Cry1F, li hija proteina Bt (derivata mill-Bacillus thuringiensis subsp. Kurstaki) li tagħti reżistenza għall-European corn borer (Ostrinia nubilalis) u kontra ċerti organiżmi ta' ħsara lepidopterani, bħall-pink borer (Sesamia spp.), l-armyworm tal-ħarifa (Spodoptera frugiperda), ix-xagħat iswed (Agrotis ipsilon) u s-south-western corn borer (Diatraea grandiosella), u l-proteina PAT, li tagħti tolleranza għall-erbiċida glufosinat tal-ammonju;

C.  billi l-glufosinat huwa klassifikat bħala tossiku għar-riproduzzjoni u għalhekk jaqa' taħt il-kriterji ta' esklużjoni spjegati fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009; billi, fil-każ tas-sustanzi li diġà ġew approvati, il-kriterji ta' esklużjoni japplikaw meta jkun metħieġ li l-approvazzjoni tiġġedded; billi l-approvazzjoni tal-glufosinat tiskadi fl-2017; billi l-użu tal-glufosinat, għalhekk, fil-prinċipju għandu jieqaf fl-2017;

D.  billi, skont l-Artikolu 26c(2) tad-Direttiva 2001/18/KE, il-kultivazzjoni tal-qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 hija pprojbita fit-territorji li ġejjin: il-Vallonja (il-Belġju); il-Bulgarija; id-Danimarka; il-Ġermanja (ħlief għal finijiet ta' riċerka); il-Greċja; Franza; il-Kroazja; l-Italja; Ċipru; il-Latvja; il-Litwanja; il-Lussemburgu; l-Ungerija; Malta; in-Netherlands; l-Awstrija; il-Polonja; is-Slovenja; l-Irlanda ta' Fuq (ir-Renju Unit); l-Iskozja (ir-Renju Unit); u Wales (ir-Renju Unit);

E.  billi, skont l-EFSA, l-evidenza tindika li madwar 95-99 % tat-trab tad-dakra rilaxxat jiġi ddepożitat sa madwar 50 metru bogħod mis-sors tat-trab tad-dakra, għalkemm il-movimenti vertikali tar-riħ jew il-buffuri waqt it-tixrid tat-trab tad-dakra jista' jgħolli 'l fuq fl-atmosfera lit-trab tad-dakra u jxerrdu fuq distanzi sinifikanti ta' diversi kilometri;

F.  billi l-possibilità ta' evoluzzjoni ta' reżistenza għall-proteina Cry1F fl-organiżmi ta' ħsara lepidopteri fil-mira hija identifikata mill-Bord tal-OĠM tal-EFSA bħala tħassib assoċjat mal-kultivazzjoni tal-qamħirrum 1507, billi l-evoluzzjoni ta' reżistenza tista' twassal għal prattiki mibdula għall-kontroll tal-organiżmi ta' ħsara li jistgħu jikkawżaw effetti ambjentali negattivi;

G.  billi t-teosintes, l-antenati tal-qamħirrum ikkultivat, ilhom jeżistu fi Spanja mill-2009; billi l-popolazzjonijiet tat-teosinte jaf jibdew jirċievu DNA transġeniku li jkun ġej mill-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810, li huwa kkultivat fi Spanja f'xi wħud mir-reġjuni fejn it-teosinte qed jinfirex ħafna; billi jista' jseħħ fluss ġenetiku lejn it-teosinte, li jwassal għall-produzzjoni tat-tossina Bt, u għat-tisħiħ tal-ibridi tal-qamħirrum u t-teosinte meta mqabbel mal-pjanti tat-teosinte indiġeni; billi dan huwa xenarju li jġorr miegħu riskji kbar għall-bdiewa u għall-ambjent;

H.  billi l-awtoritajiet kompetenti Spanjoli infurmaw lill-Kummissjoni bil-preżenza tat-teosinte fl-għelieqi tal-qamħirrum Spanjoli, inkluża l-preżenza limitata ħafna fl-għelieqi tal-qamħirrum ġenetikament modifikat; billi l-informazzjoni disponibbli tindika, barra minn hekk, li t-teosinte nstabet fi Franza wkoll;

I.  billi, fit-13 ta' Lulju 2016, il-Kummissjoni talbet lill-EFSA biex, sa tmiem Settembru 2016, tivvaluta jekk, abbażi tal-letteratura xjentifika eżistenti jew kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra, toħroġx evidenza ġdida li tbiddel il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-opinjonijiet xjentifiċi tal-EFSA dwar il-kultivazzjoni tal-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810, Bt11, 1507 u GA21;

J.  billi fil-punt 24 tal-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-EFSA qieset żewġ livelli ta' mortalità lokali "aċċettabbli" (0.5 % u 1 %); billi, madankollu, fl-opinjoni xjentifika tagħha tat-28 ta' Mejju 2015 u li taġġorna r-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskji biex tillimita l-esponiment ta' Lepidoptera mhux fil-mira – u ta' tħassib għall-konservazzjoni f'ħabitats protetti – għat-trab tad-dakra tal-qamħirrum Bt, l-EFSA fil-fatt tenfasizza b'mod ċar li "kwalunkwe livell ta' protezzjoni speċifiku utilizzat hawnhekk bħala spjegazzjoni mill-Bord tal-EFSA dwar l-OĠM huwa maħsub bħala eżempju biss" u li "kwalunkwe soll applikat jeħtieġ, neċessarjament, ikun arbitrarju u għandu jkun soġġett għal emendi skont l-objettivi ta' protezzjoni fis-seħħ fl-UE";

K.  billi fl-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għażlet il-livell ta' mortalità lokali ta' taħt 0.5 % u, fl-Anness tiegħu, tipprevedi distanzi ta' iżolament arbitrarji ta' mill-inqas 20 metru bejn għalqa tal-qamħirrum 1507 u ħabitat protett kif definit fl-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2004/35/KE, minkejja l-fatt li l-EFSA tgħid b'mod ċar, kif ikkonfermat, li l-impożizzjoni ta' distanza ta' iżolament ta' 30 metru madwar ħabitat protett mill-eqreb għalqa tal-qamħirrum 1507 tkun mistennija li tnaqqas il-mortalità lokali – anki ta' larvi lepidopterani sensittivi ħafna u mhux fil-mira – għal livell aktar baxx minn 0.5 %, li hija aktar mid-distanza proposta mill-Kummissjoni;

L.  billi fl-opinjoni xjentifika tagħha tat-28 ta' Mejju 2015 u li taġġorna r-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskji biex tillimita l-esponiment ta' Lepidoptera mhux fil-mira u ta' tħassib għall-konservazzjoni f'ħabitats protetti, l-EFSA tgħid li "fil-preżent m'hemmx biżżejjed data disponibbli biex il-mortalità larvali relatata mal-Bt titqiegħed fil-kuntest tal-mortalità globali";

1.  Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jisboq is-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fid-Direttiva 2001/18/KE;

2.  Iqis bħala mhux kompluta l-valutazzjoni tar-riskju tal-kultivazzjoni mwettqa mill-EFSA, u bħala inadegwati r-rakkomandazzjonijiet tal-ġestjoni tar-riskju proposti mill-Kummissjoni;

3.  Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni mhuwiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni, u li mhuwiex kompatibbli mal-objettivi tad-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li skont il-prinċipju ta' prekawzjoni, hija biex tapprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri, u biex tipproteġi s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent meta jitwettaq rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' organiżmi ġenetikament modifikati għal kwalunkwe fini ieħor ħlief l-introduzzjoni fis-suq fi ħdan il-Komunità, jew l-introduzzjoni fis-suq ta' organiżmi ġenetikament modifikati bħala prodotti jew fi prodotti fi ħdan il-Komunità;

4.  Jitlob lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 106, 17.4.2001, p. 1.
(2) Il-Bord tal-EFSA dwar Organiżmi Ġenetikament Modifikati (OĠM); Opinjoni xjentifika li taġġorna l-evalwazzjoni tal-valutazzjoni tar-riskju ambjentali u r-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskji fir-rigward tal-qamħirrum ġenetikament modifikat u reżistenti għall-insetti 1507, għall-kultivazzjoni. EFSA Journal 2011; 9(11):2429. [73 pp.] doi:10.2903/j.efsa.2011.2429.
(3) Il-Bord tal-EFSA dwar Organiżmi Ġenetikament Modifikati (OĠM); Opinjoni xjentifika li tissupplimenta l-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tar-riskju ambjentali u r-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskji fir-rigward tal-qamħirrum reżistenti għall-insetti u ġenetikament modifikat 1507, għall-kultivazzjoni. EFSA Journal 2012; 10(11):2934. [36 pp.] doi:10.2903/j.efsa.2012.2934.
(4) Il-Bord tal-EFSA dwar Organiżmi Ġenetikament Modifikati (OĠM); Opinjoni xjentifika li taġġorna l-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tar-riskji u r-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskji fir-rigward tal-qamħirrum reżistenti għall-insetti u ġenetikament modifikat MON 810. EFSA Journal 2012; 10(12):3017. [98 pp.] doi:10.2903/j.efsa.2012.3017.
(5) Il-Bord tal-EFSA dwar Organiżmi Ġenetikament Modifikati (OĠM); Opinjoni xjentifika li tissupplimenta l-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tar-riskju ambjentali u r-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskji fir-rigward tal-kultivazzjoni tal-qamħirrum reżistenti għall-insetti u ġenetikament modifikat Bt11 u MON 810. EFSA Journal 2012; 10(12):3016. [32 pp.] doi:10.2903/j.efsa.2012.3016.
(6) Il-Bord tal-OĠM tal-EFSA (il-Bord tal-EFSA dwar l-Organiżmi Ġenetikament Modifikati); Opinjoni xjentifika li taġġorna r-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskji biex tillimita l-esponiment għall-polline minn qamħirrum Bt għal-Lepidoptera li mhumiex fil-mira u li huma ta' tħassib għall-konservazzjoni fil-ħabitats protetti. EFSA Journal 2015; 13(7):4127. [31 pp.] doi:10.2903/j.efsa.2015.4127.
(7) ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.
(8) Testi adottati, P7_TA(2014)0036.
(9) Id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE tat-23 ta' April 1990 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' organiżmi modifikati ġenetikament (ĠU L 117, 8.5.1990, p. 15).


It-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810
PDF 281kWORD 54k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810 (MON-ØØ81Ø-6) (D046170/00 – 2016/2921(RSP))
P8_TA(2016)0388B8-1086/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810 (MON-ØØ81Ø-6) (D046170/00),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 23(3) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni(2),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni xjentifika li taġġorna l-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tar-riskji u r-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskji fir-rigward tal-qamħirrum ġenetikament modifikat u reżistenti għall-insetti MON 810, maħruġa fis-6 ta' Diċembru 2012 mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel(3),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni xjentifika li tissupplimenta l-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tar-riskju ambjentali u r-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskji fir-rigward tal-kultivazzjoni tal-qamħirrum ġenetikament modifikat u reżistenti għall-insetti Bt11 u MON 810, adottata fis-6 ta' Diċembru 2012 mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel(4),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni li taġġorna r-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskji biex tillimita l-esponiment ta' Lepidoptera mhux fil-mira – u ta' tħassib għall-konservazzjoni f'ħabitats protetti – għat-trab tad-dakra tal-qamħirrum Bt, maħruġa fit-28 ta' Mejju 2015 mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sikurezza fl-Ikel(5),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni xjentifika dwar ir-rapport annwali tal-monitoraġġ ambjentali ta' wara l-introduzzjoni fis-suq (PMEM) fir-rigward tal-kultivazzjoni tal-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810 fl-2014 minn Monsanto Europe S.A., maħruġa fid-9 ta' Marzu 2016 mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq għall-kultivazzjoni, skont id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta' prodott tal-qamħirrum (Zea mays L., il-linja 1507) ġenetikament modifikat għar-reżistenza għal ċerti organiżmi ta' ħsara lepidopterani(7),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, f'konformità mal-Artikoli 11 u 23 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, fil-11 u t-18 ta' April 2007 Monsanto Europe S.A. ppreżentat lill-Kummissjoni tliet applikazzjonijiet għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ta' ikel, ingredjenti tal-ikel u għalf eżistenti maħduma minn qamħirrum MON 810, l-awtorizzazzjoni ta' għalf li fih u jikkonsisti f'qamħirrum MON 810 u l-awtorizzazzjoni tal-qamħirrum MON 810 fi prodotti li jikkonsistu fih jew li fihom minnu għal użi li ma jinkludux l-ikel u l-għalf, bħal kwalunkwe qamħirrum ieħor, inkluża l-kultivazzjoni; billi wara d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, dawn il-prodotti ġew notifikati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 8(1)(a) u (b) u l-Artikolu 20(1)(b) ta' dan ir-Regolament u ddaħħlu fir-Reġistru Komunitarju tal-ikel u l-għalf ġenetikament modifikati;

B.  billi fid-9 ta' Marzu 2016, Monsanto Europe S.A. bagħtet ittra lill-Kummissjoni li fiha talbet li l-parti tal-applikazzjoni li tirrigwarda l-kultivazzjoni tiġi kkunsidrata separatament mill-kumplament tal-applikazzjoni;

C.  billi l-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810, kif deskritt fl-applikazzjoni, jesprimi l-proteina Cry1Ab, li toriġina mill-Bacillus thuringiensis subsp. kurstaki u tagħti protezzjoni kontra ċerti insetti ta' ħsara lepidopterani, inklużi l-European Corn Borer (ECB) (Ostrinia nubilalis) u l-pink borers (Sesamia spp.);

D.  billi, inizjalment, l-introduzzjoni fis-suq taż-żerriegħa tal-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810 għal finijiet ta' kultivazzjoni kienet awtorizzata skont id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE(8) mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/294/KE(9); billi, fit-3 ta' Awwissu 1998, Franza tat il-kunsens tagħha lil Monsanto Europe S.A. (minn hawn 'il quddiem "Monsanto") għall-introduzzjoni fis-suq tal-prodotti tal-qamħirrum MON 810;

E.  billi, skont l-Artikolu 26c(2) tad-Direttiva 2001/18/KE, il-kultivazzjoni tal-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810 għandu jkun ipprojbit fit-territorji li ġejjin: il-Vallonja (il-Belġju); il-Bulgarija; id-Danimarka; il-Ġermanja (ħlief għal finijiet ta' riċerka); il-Greċja; Franza; il-Kroazja; l-Italja; Ċipru; il-Latvja; il-Litwanja; il-Lussemburgu; l-Ungerija; Malta; in-Netherlands; l-Awstrija; il-Polonja; is-Slovenja; l-Irlanda ta' Fuq (ir-Renju Unit); l-Iskozja (ir-Renju Unit); Wales (ir-Renju Unit);

F.  billi, skont l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), l-evidenza tindika li madwar 95 %-99 % tat-trab tad-dakra rilaxxat jiġi depożitat xi 50 metru 'l bogħod mis-sors tat-trab tad-dakra, għalkemm movimenti vertikali jew buffuri tar-riħ matul it-tixrid tat-trab tad-dakra jistgħu jgħollu t-trab tad-dakra 'l fuq fl-atmosfera u jxerrduh fuq distanzi sinifikanti, sa għadd ta' kilometri;

G.  billi l-EFSA eskludiet arbitrarjament id-dakkir inkroċjat fil-qamħirrum mill-ambitu tal-opinjonijiet xjentifiċi dwar il-qamħirrum MON 810, u b'hekk injorat ir-riskji li jista' jkun hemm għad-diversità bijoloġika;

H.  billi t-teosintes, l-antenati tal-qamħirrum ikkultivat, ilhom jeżistu fi Spanja mill-2009; billi l-popolazzjonijiet tat-teosinte jaf jibdew jirċievu DNA transġeniku li jkun ġej mill-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810, li huwa kkultivat fi Spanja f'xi wħud mir-reġjuni fejn it-teosinte qed jinfirex ħafna; billi jista' jseħħ fluss ġenetiku lejn it-teosinte, li jwassal għall-produzzjoni tat-tossina Bt u għat-tisħiħ tal-ibridi tal-qamħirrum u t-teosinte meta mqabbel mal-pjanti tat-teosinte indiġeni; billi dan hu xenarju li jġorr miegħu riskji kbar għall-bdiewa u għall-ambjent;

I.  billi l-awtoritajiet kompetenti Spanjoli infurmaw lill-Kummissjoni bil-preżenza tat-teosinte fl-għelieqi tal-qamħirrum Spanjoli, inkluża l-preżenza limitata ħafna fl-għelieqi tal-qamħirrum ġenetikament modifikat; billi l-informazzjoni disponibbli tindika, barra minn hekk, li t-teosinte nstabet fi Franza wkoll;

J.  billi, fit-13 ta' Lulju 2016, il-Kummissjoni talbet lill-EFSA biex, sa tmiem Settembru 2016, tivvaluta jekk abbażi tal-letteratura xjentifika eżistenti u kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra, ħarġitx evidenza ġdida li tbiddel il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-opinjonijiet xjentifiċi tal-EFSA dwar il-kultivazzjoni tal-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810, Bt11, 1507 u GA21;

K.  billi fil-punt 22 tal-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, fir-rigward tal-mortalità lokali, l-EFSA qieset żewġ livelli ta' mortalità lokali "aċċettabbli" (0.5 % u 1 %), iżda billi fl-opinjoni xjentifika tagħha adottata fit-28 ta' Mejju 2015 u li taġġorna r-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskji biex tillimita l-esponiment ta' Lepidoptera mhux fil-mira – u ta' tħassib għall-konservazzjoni f'ħabitats protetti – għat-trab tad-dakra tal-qamħirrum Bt, l-EFSA fil-fatt tgħid b'mod ċar li "kwalunkwe livell ta' protezzjoni speċifiku utilizzat hawnhekk bħala spjegazzjoni mill-Bord tal-EFSA dwar l-OĠM huwa maħsub bħala eżempju biss" u li "kwalunkwe soll applikat jeħtieġ, neċessarjament, ikun arbitrarju u għandu jkun soġġett għal emendi skont l-objettivi ta' protezzjoni fis-seħħ fl-UE";

L.  billi fl-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għażlet il-livell ta' mortalità lokali ta' taħt 0.5 % u fl-anness tiegħu pprevediet distanzi ta' iżolament arbitrarji ta' mill-inqas 5 metri bejn għalqa tal-qamħirrum MON 810 u ħabitat protett kif definit fl-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2004/35/KE, minkejja l-fatt li l-EFSA tgħid b'mod ċar, kif ikkonfermat, li l-impożizzjoni ta' distanza ta' iżolament ta' 20 metru madwar ħabitat protett mill-eqreb għalla tal-qamħirrum Bt11/MON 810, li huwa erba' darbiet aktar mid-distanza proposta mill-Kummissjoni, tkun mistennija tnaqqas il-mortalità lokali anke ta' larvi lepidopterani sensittivi ħafna – u mhux fil-mira – għal livell aktar baxx minn 0.5 %;

M.  billi fl-opinjoni xjentifika tagħha adottata fit-28 ta' Mejju 2015 u li taġġorna r-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskji biex tillimita l-esponiment ta' Lepidoptera mhux fil-mira u ta' tħassib għall-konservazzjoni f'ħabitats protetti, l-EFSA tgħid li "fil-preżent m'hemmx biżżejjed data disponibbli biex il-mortalità larvali relatata mal-Bt titqiegħed fil-kuntest tal-mortalità globali";

N.  billi hemm storja ta' nuqqas kontinwu ta' infurzar fir-rigward tal-monitoraġġ ambjentali ta' wara l-introduzzjoni fis-suq, hekk kif l-EFSA tirrimarka li r-rapport dwar il-PMEM tal-2014 juri nonkonformità parzjali mal-implimentazzjoni ta' rifuġji non-Bt fi Spanja kif osservat fis-snin ta' qabel, u li fl-evalwazzjoni tal-kwestjonarji tal-bdiewa u fit-twettiq tal-analiżi tal-letteratura ġew identifikati nuqqasijiet metodoloġiċi li jixbhu lil dawk misjuba f'rapporti annwali preċedenti tal-PMEM dwar il-qamħirrum MON 810;

O.  billi, ta' kull sena, il-Bord tal-EFSA dwar l-OĠM jirrepeti għalxejn ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar il-monitoraġġ ambjentali wara l-introduzzjoni fis-suq, jiġifieri l-għoti ta' informazzjoni aktar dettaljata dwar il-metodoloġija tal-kampjunar, it-tnaqqis tal-possibbiltà ta' preġudizzju fl-għażla f'dak li għandu x'jaqsam mal-kwestjonarji tal-bdiewa u l-assigurazzjoni li jiġu identifikati l-pubblikazzjonijiet xjentifiċi rilevanti kollha; billi, fir-rigward tat-titjib tal-qafas ta' kampjunar tal-istħarriġ fost il-bdiewa, kull sena l-Bord tal-OĠM jirrepeti għalxejn l-importanza ta' reġistri tal-kultivazzjoni tal-OĠM nazzjonali kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu biex id-detenturi jitħallew jikkunsidraw kif jistgħu jagħmlu l-aħjar użu mill-informazzjoni miżmuma fir-reġistri nazzjonali u biex jitrawwem djalogu ma' dawk responsabbli mill-amministrazzjoni ta' dawn ir-reġistri fl-inħawi fejn huwa kkultivat il-qamħirrum MON 810;

1.  Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jisboq is-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fir-Regolament (KE) Nru 1829/2003;

2.  Iqis li l-valutazzjoni tar-riskji tal-kultivazzjoni mwettqa mill-EFSA mhijiex kompluta, u li r-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskji proposti mill-Kummissjoni mhumiex adegwati;

3.  Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni mhijiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni, billi mhijiex kompatibbli mal-objettiv tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 li, skont il-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002, huwa li jipprovdi l-bażi biex, fir-rigward ta' ikel u għalf ġenetikament modifikati, jiżgura livell għoli ta' protezzjoni għall-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa u l-benessri tal-annimali, l-ambjent u l-interessi tal-konsumaturi, filwaqt li jiżgura l-funzjonament effikaċi tas-suq intern;

4.  Jitlob lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1.
(2) ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.
(3) Il-Bord tal-EFSA dwar Organiżmi Ġenetikament Modifikati (OĠM); Opinjoni xjentifika li taġġorna l-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tar-riskji u r-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskji fir-rigward tal-qamħirrum ġenetikament modifikat u reżistenti għall-insetti MON 810. EFSA Journal 2012; 10(12):3017 [98 pp.], doi:10.2903/j.efsa.2012.3017.
(4) Il-Bord tal-EFSA dwar Organiżmi Ġenetikament Modifikati (OĠM); Opinjoni xjentifika li tissupplimenta l-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tar-riskju ambjentali u r-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskji fir-rigward tal-kultivazzjoni tal-qamħirrum ġenetikament modifikat u reżistenti għall-insetti Bt11 u MON 810. EFSA Journal 2012; 10(12):3016 [32 pp.], doi:10.2903/j.efsa.2012.3016..
(5) Il-Bord tal-EFSA dwar Organiżmi Ġenetikament Modifikati (OĠM); Opinjoni xjentifika li taġġorna r-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskji biex tillimita l-esponiment ta' Lepidoptera mhux fil-mira – u ta' tħassib għall-konservazzjoni f'ħabitats protetti – għall-polline tal-qamħirrum Bt. EFSA Journal 2015; 13(7):4127 [31 pp.], doi:10.2903/j.efsa.2015.4127.
(6) Il-Bord tal-EFSA dwar Organiżmi Ġenetikament Modifikati (OĠM); Opinjoni xjentifika dwar ir-rapport annwali tal-monitoraġġ ambjentali ta' wara l-introduzzjoni fis-suq (PMEM) fir-rigward tal-kultivazzjoni tal-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810 fl-2014 minn Monsanto Europe S.A. EFSA Journal 2016; 14(4):4446 [26 pp.], doi:10.2903/j.efsa.2016.4446.
(7) Testi adottati, P7_TA(2014)0036.
(8) Id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE tat-23 ta' April 1990 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' organiżmi modifikati ġenetikament (ĠU L 117, 8.5.1990, p. 15).
(9) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/294/KE tat-22 ta' April 1998 rigward it-tqegħid fis-suq ta' qamħirrum modifikat ġenetikament (Zea mays L. line MON 810), skont id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (ĠU L 131, 5.5.1998, p. 32).


L-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti ta’ qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810
PDF 270kWORD 50k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti ta' qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810 (MON-ØØ81Ø-6) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (D046169/00 – 2016/2922(RSP))
P8_TA(2016)0389B8-1084/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti ta' qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810 (MON-ØØ81Ø-6) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (D046169/00),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament(1), u b'mod partikolari l-Artikoli 11(3) u 23(3) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni(2),

–  wara li kkunsidra l-votazzjoni li saret fit-8 ta' Lulju 2016 fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali msemmija fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, mingħajr ma ngħatat ebda opinjoni,

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni Xjentifika tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel tas-6 ta' Diċembru 2012(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2279 tal-4 ta' Diċembru 2015 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat NK603 × T25 (MON-ØØ6Ø3-6 × ACS-ZMØØ3-2) jew li jikkonsistu jew li jkunu prodotti minnu skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti minn, qamħirrum modifikat ġenetikament MON 87705 × MON 89788 (MON-877Ø5-6 × MON-89788-1) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu minn, jew li jkunu prodotti minn, fażola tas-sojja modifikata ġenetikament MON 87708 × MON 89788 (MON-877Ø8-9 × MON-89788-1) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mis-sojja ġenetikament modifikata FG72 (MST-FGØ72-2) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × MIR162 × MIR604 × GA21, u qamħirrun ġenetikament modifikat li jgħaqqad tnejn jew tlieta mill-events Bt11, MIR162, MIR604 u GA21, u li tħassar id-Deċiżjonijiet 2010/426/UE, 2011/893/UE, 2011/892/UE u 2011/894/UE(8),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni mressqa mill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, fil-11 u t-18 ta' April 2007, Monsanto Europe S.A. ppreżentat tliet applikazzjonijiet lill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikoli 11 u 23 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ta' ikel, ingredjenti tal-ikel u għalf eżistenti prodotti minn qamħirrum MON 810, tal-awtorizzazzjoni ta' għalf li fih u jikkonsisti minn qamħirrum MON 810 u tal-awtorizzazzjoni tal-qamħirrum MON 810 fi prodotti li jikkonsistu minnu jew li fihom minnu għal użi li ma jinkludux l-ikel u l-għalf, bħal kwalunkwe qamħirrum ieħor, inkluża l-kultivazzjoni; billi wara d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, dawn il-prodotti ġew notifikati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 8(1)(a) u (b) u l-Artikolu 20(1)(b) tar-Regolament u ddaħħlu fir-Reġistru Komunitarju tal-ikel u l-għalf ġenetikament modifikati;

B.  billi, fid-9 ta' Marzu 2016, Monsanto Europe S.A. bagħtet ittra lill-Kummissjoni li fiha talbet li l-parti tal-applikazzjoni li tirrigwarda l-kultivazzjoni tiġi kkunsidrata separatament mill-kumplament tal-applikazzjoni;

C.  billi l-qamħirrum ġenetikament modifikat MON-ØØ81Ø-6, kif deskritt fl-applikazzjoni, għandu l-proteina Cry1Ab, li toriġina mill-Bacillus thuringiensis subsp. kurstaki u tagħti protezzjoni kontra ċerti insetti ta' ħsara lepidopterani, inklużi l-European corn borer (Ostrinia nubilalis) u l-pink borers (Sesamia spp);

D.  billi l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni ġie vvutat fil-Kumitat Permanenti fit-8 ta' Lulju 2016, mingħajr ma ngħatat ebda opinjoni;

E.  billi żewġ raġunijiet importanti għal vot negattiv jew astensjoni min-naħa tal-Istati Membri kienu n-nuqqas ta' studji fuq perjodu twil dwar l-ikel u t-tossiċità u valutazzjoni tar-riskji insuffiċjenti;

F.  billi l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni ġie vvutat fil-Kumitat ta' Appell fil-15 ta' Settembru 2016 u għal darb'oħra ma rċieva ebda opinjoni, fejn 12-il Stat Membru li jirrappreżentaw 38,74 % tal-popolazzjoni tal-UE vvutaw favur, 11-il Stat Membru li jirrappreżentaw 18,01 % tal-popolazzjoni tal-UE vvutaw kontra, 4 Stati Membri li jirrappreżentaw 43,08 % tal-popolazzjoni tal-UE astjenew filwaqt li Stat Membru wieħed li jirrappreżenta 0,17 % kien assenti għall-votazzjoni;

G.  billi, fit-22 ta' April 2015, il-Kummissjoni, fil-memorandum ta' spjegazzjoni tal-proposta leġiżlattiva tagħha li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003, iddeplorat il-fatt li mindu daħal fis-seħħ ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 d-deċiżjonijiet ta' awtorizzazzjoni kienu jiġu adottati mill-Kummissjoni, f'konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli, mingħajr l-appoġġ tal-opinjonijiet tal-kumitati tal-Istati Membri, u li r-rinviju tad-dossier lill-Kummissjoni għad-deċiżjoni finali, li kien tassew l-eċċezzjoni għall-proċedura kollha, sar in-norma għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar awtorizzazzjonijiet għal ikel u għalf ġenetikament modifikat (ĠM);

H.  billi l-proposta leġiżlattiva tat-22 ta' April 2015 li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 ġiet miċħuda mill-Parlament fit-28 ta' Ottubru 2015 minħabba li, filwaqt li l-kultivazzjoni sseħħ neċessarjament fit-territorju ta' Stat Membru, il-kummerċ tal-OĠM jaqsam il-fruntieri, u dan ifisser li l-proposta tal-Kummissjoni għal projbizzjoni nazzjonali fuq "il-bejgħ u l-użu" tista' tkun impossibbli li tiġi infurzata mingħajr ma jiġu introdotti mill-ġdid il-kontrolli fuq l-importazzjonijiet fil-fruntieri; billi l-Parlament ċaħad il-proposta leġiżlattiva li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u stieden lill-Kummissjoni tirtira l-proposta tagħha u tressaq waħda ġdida;

1.  Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jmur lil hinn mis-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fir-Regolament (KE) Nru 1829/2003;

2.  Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni mhuwiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni, billi mhuwiex kompatibbli mal-objettiv tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 li, skont il-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002, huwa li jipprovdi l-bażi biex, fir-rigward ta' ikel u għalf ġenetikament modifikati, jiżgura livell għoli ta' protezzjoni għall-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa u l-benessri tal-annimali, l-ambjent u l-interessi tal-konsumaturi, filwaqt li jiżgura l-funzjonament effikaċi tas-suq intern;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva ġdida abbażi tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003, u li tqis it-tħassib nazzjonali li ta' spiss jiġi espress u li mhuwiex marbut biss ma' kwistjonijiet relatati mas-sikurezza tal-OĠM għas-saħħa jew għall-ambjent;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1.
(2) ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.
(3) Il-Bord tal-EFSA dwar Organiżmi Ġenetikament Modifikati (OĠM), Opinjoni Xjentifika li taġġorna l-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tar-riskji u r-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskji fir-rigward tal-qamħirrum reżistenti għall-insetti u ġenetikament modifikat MON 810, Il-Ġurnal tal-EFSA 2012, 10(12):3017. [98 pp.] doi:10.2903/j.efsa.2012.3017.
(4) Testi adottati, P8_TA(2015)0456.
(5) Testi adottati, P8_TA(2016)0040.
(6) Testi adottati, P8_TA(2016)0039.
(7) Testi adottati, P8_TA(2016)0038.
(8) Testi adottati, P8_TA(2016)0271.


L-introduzzjoni fis-suq ta' qoton ġenetikament modifikat 281-24-236 × 3006-210-23 × MON 88913
PDF 272kWORD 52k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn qoton ġenetikament modifikat 281-24-236 × 3006-210-23 × MON 88913 (DAS-24236-5×DAS-21Ø23-5×MON-88913-8) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (D046168/00 – 2016/2923(RSP))
P8_TA(2016)0390B8-1088/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn qotonġenetikament modifikat 281-24-236 × 3006-210-23 × MON 88913 (DAS-24236-5×DAS-21Ø23-5×MON-88913-8) skont ir-Regolament (UE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (D046168/00),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 7(3) u l-Artikolu 19(3) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni(2),

–  wara li kkunsidra l-votazzjoni li saret fit-8 ta' Lulju 2016 mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali msemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, mingħajr ma ngħatat ebda opinjoni,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) tad-9 ta' Marzu 2016(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2279 tal-4 ta' Diċembru 2015 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat NK603 × T25 (MON-ØØ6Ø3-6 × ACS-ZMØØ3-2) jew li jikkonsistu jew li jkunu prodotti minnu skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti minn, qamħirrum modifikat ġenetikament MON 87705 × MON 89788 (MON-877Ø5-6 × MON-89788-1) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu minn, jew li jkunu prodotti minn, fażola tas-sojja modifikata ġenetikament MON 87705 × MON 89788 (MON-877Ø8-9 × MON-89788-1) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mis-sojja ġenetikament modifikata FG72 (MST-FGØ72-2) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti milll-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × MIR162 × MIR604 × GA21, u qamħirrun ġenetikament modifikat li jgħaqqad tnejn jew tlieta mill-events Bt11, MIR162, MIR604 u GA21, u li tħassar id-Deċiżjonijiet 2010/426/UE, 2011/893/UE, 2011/892/UE u 2011/894/UE(8),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, fit-12 ta' Marzu 2009, Dow AgroSciences Europe ippreżentat applikazzjoni lill-awtorità kompetenti tan-Netherlands, skont l-Artikoli 5 u 17 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, għall-introduzzjoni fis-suq ta' ikel, ingredjenti tal-ikel, u għalf li għandhom fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qoton 281-24-236 x 3006-210-23 × MON 88913;

B.  billi l-qoton ġenetikament modifikat DAS-24236-5×DAS-21Ø23-5×MON-88913-8, kif deskritt fl-applikazzjoni, jesprimi l-proteina fosfinotriċinaċetiltransferażi (PAT) li tikkonferixxi t-tolleranza għall-erbiċidi tal-glufosinat tal-ammonju u sintażi modifikat tas-CP4 5-enolpiruvil-xikimat-3-fosfati (CP4EPSPS) li tagħti tolleranza lill-erbiċidi tal-glifosat u l-proteini Cry1F u Cry1Ac li jagħtu protezzjoni kontra ċerti insetti ta' ħsara lepidopterani, u billi l-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer – l-aġenzija speċjalizzata dwar il-kanċer tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa – ikklassifikat il-glifosat bħala x'aktarx karċinoġeniku għall-bniedem fl-20 ta' Marzu 2015(9);

C.  billi l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni ġiet ivvutata fil-Kumitat Permanenti fit-8 ta' Lulju 2016, mingħajr ma ngħatat ebda opinjoni;

D.  billi l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni ttieħed vot dwaru fil-Kumitat tal-Appell fil-15 ta' Settembru 2016 u għal darb'oħra ma ngħatat ebda opinjoni, bi 11-il Stat Membru li jirrappreżentaw 38.66 % tal-popolazzjoni tal-UE jivvutaw favur, 14-il Stat Membru li jirrappreżentaw 33.17 % tal-popolazzjoni tal-UE jivvutaw kontra, 2 Stati Membri li jirrappreżentaw 28 % tal-popolazzjoni tal-UE jastjenu u Stat Membru wieħed li jirrappreżenta 0.17 % tal-popolazzjoni tal-UE jkun assenti waqt il-votazzjoni;

E.  billi fit-22 ta' April 2015 il-Kummissjoni, fil-memorandum ta' spjegazzjoni tal-proposta leġiżlattiva tagħha li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003, iddeplorat il-fatt li mindu daħal fis-seħħ ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003, id-deċiżjonijiet ta' awtorizzazzjoni kienu ġew adottati mill-Kummissjoni, b'konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli, mingħajr l-appoġġ tal-opinjonijiet tal-kumitati tal-Istati Membri, u li r-ritorn tad-dossier lill-Kummissjoni għad-deċiżjoni finali, li kien tassew l-eċċezzjoni għall-proċedura kollha, kien sar in-norma għat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar awtorizzazzjonijiet għal ikel u għalf ġenetikament modifikat (ĠM);

F.  billi l-proposta leġiżlattiva tat-22 ta' April 2015 li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 ġiet miċħuda mill-Parlament fit-28 ta' Ottubru 2015(10) peress li, filwaqt li l-kultivazzjoni sseħħ neċessarjament fit-territorju ta' Stat Membru, il-kummerċ tal-OĠM jaqsam il-fruntieri, u dan ifisser li l-proposta tal-Kummissjoni għal projbizzjoni nazzjonali fuq "il-bejgħ u l-użu" tista' tkun impossibbli li tiġi infurzata mingħajr ma jiġu introdotti mill-ġdid il-kontrolli fuq l-importazzjonijiet fil-fruntieri; billi l-Parlament ċaħad il-proposta leġiżlattiva li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u stieden lill-Kummissjoni tirtira l-proposta tagħha u tressaq waħda ġdida;

1.  Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jisboq is-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fir-Regolament (UE) Nru 1829/2003;

2.  Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni mhuwiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni, billi mhuwiex kompatibbli mal-objettiv tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 li, skont il-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002, huwa li jipprovdi l-bażi biex, fir-rigward ta' ikel u għalf ġenetikament modifikati, jiżgura livell għoli ta' protezzjoni għall-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa u l-benessri tal-annimali, l-ambjent u l-interessi tal-konsumaturi, filwaqt li jiżgura l-funzjonament effikaċi tas-suq intern;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva ġdida abbażi tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003, u li tqis it-tħassib li ta' spiss jiġi espress fil-livell nazzjonali u li mhuwiex marbut biss ma' kwistjonijiet relatati mas-sikurezza tal-OĠM għas-saħħa jew għall-ambjent;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1.
(2) ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.
(3) Il-Bord tal-EFSA dwar Organiżmi Ġenetikament Modifikati (OĠM); Opinjoni xjentifika dwar applikazzjoni minn Dow Agrosciences LLC (EFSA-GMO-NL-2009-68) għall-introduzzjoni fis-suq ta' qoton 281-24-236 × 3006-210-23 × MON 88913 għall-użu ta' ikel u għalf, l-importazzjoni u l-ipproċessar skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003. EFSA Journal 2016; 14(4):4430 [21 pp.]; doi: 10.2903/j.efsa.2016.4430.
(4) Testi adottati, P8_TA(2015)0456.
(5) Testi adottati, P8_TA(2016)0040.
(6) Testi adottati, P8_TA(2016)0039.
(7) Testi adottati, P8_TA(2016)0038.
(8) Testi adottati, P8_TA(2016)0271.
(9) Il-Monografi tal-IARC, Volum 112: evalwazzjoni ta' ħames insettiċidi u erbiċidi organofosfati, 20 ta' Marzu 2015 http://www.iarc.fr/en/media-centre/iarcnews/pdf/MonographVolume112.pdf
(10) Testi adottati, P8_TA(2015)0379.

Avviż legali