Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2506(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0072/2017

Dibattiti :

PV 19/01/2017 - 4.1
CRE 19/01/2017 - 4.1

Votazzjonijiet :

PV 19/01/2017 - 7.1

Testi adottati :

P8_TA(2017)0002

Testi adottati
PDF 266kWORD 51k
Il-Ħamis, 19 ta' Jannar 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Indoneżja, b'mod partikolari l-każijiet ta' Hosea Yeimo, Ismael Alua u l-Gvernatur ta' Jakarta
P8_TA(2017)0002RC-B8-0072/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2017 dwar l-Indoneżja, b'mod partikolari l-każ ta' Hosea Yeimo u Ismael Alua u l-Gvernatur ta' Jakarta (2017/2506(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Indoneżja, b'mod partikolari dik tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Qafas dwar Sħubija Komprensiva u Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Indoneżja, min-naħa l-oħra, bl-eċċezzjoni ta' kwistjonijiet relatati mad-dħul mill-ġdid(1),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Indoneżja (FSK), li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 2014,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-23 ta' Mejju 2015 mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) Federica Mogherini dwar is-sitwazzjoni fl-Indoneżja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-27 ta' Lulju 2016 mill-kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar l-eżekuzzjonjiet ippjanati fl-Indoneżja,

–  wara li kkunsidra s-Sitt Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-Unjoni Ewropea u l-Indoneżja tat-28 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Bangkok dwar il-Promozzjoni ta' Sħubija Globali UE-ASEAN għal Għanijiet Strateġiċi Komuni tal-14 ta' Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Diċembru 1948,

–  wara li kkunsidra il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li ġie rratifikat mill-Indoneżja fl-2006,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-1987,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Indoneżja hija l-pajjiż bir-raba' l-akbar popolazzjoni fid-dinja, it-tielet l-akbar demokrazija, l-akbar pajjiż b'maġġoranza Musulmana, b'miljuni ta' aderenti ta' reliġjonijiet differenti, kif ukoll soċjetà diversa magħmula minn 255 miljun ċittadin ta' etniċitajiet, lingwi u kulturi differenti;

B.  billi l-Indoneżja hija sieħba importanti tal-UE; billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Indoneżja, li hija membru tal-G20, huma qawwija; billi l-UE u l-Indoneżja jikkondividu l-istess valuri f'dak li jirrigwarda d-drittijiet tal-bniedem, il-governanza u d-demokrazija;

C.  billi, fl-ewwel Djalogu Ministerjali Strateġiku (tat-8 ta' April 2016), il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Indoneżja u l-VP/RGħ ddikjaraw b'mod konġunt li ddeċidew li "jerfgħu r-relazzjoni bejn l-UE u l-Indoneżja għal livell ġdid ta' sħubija";

D.  billi, fid-19 ta' Diċembru 2016, Hosea Yeimo u Ismael Alua, żewġ attivisti politiċi minn Papua, ġew detenuti fuq akkużi ta' "ribelljoni" skont il-Kodiċi Kriminali tal-Indoneżja, wara li kienu ħadu sehem f'attivitajiet politiċi paċifiċi; billi Hosea Yeimo u Ismael Alua nħelsu fuq pleġġ fil-11 ta' Jannar 2017; billi l-proċedimenti legali fil-każ għadhom għaddejjin; billi, jekk jinsabu ħatja, jistgħu jingħataw sentenza ta' ħabs għal għomorhom;

E.  billi l-President Joko Widodo wiegħed il-bidla lin-nies ta' Papua, b'bidu bi "djalogu għal Papua aħjar", u impenja ruħu li jtemm l-użu ta' forza sproporzjonata u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-President żar Papua erba' darbiet mindu ġie elett fl-2014; billi reċentement ordna l-ħelsien ta' għadd kbir ta' detenuti minn Papua bħala ġest ta' paċifikazzjoni;

F.  billi l-Gvernatur ta' Jakarta, Basuki Tjahaja Purnama, magħruf aħjar bħala Ahok, għaddej minn proċess wara li xi gruppi reliġjużi akkużawh li insulta lill-Iżlam; billi minn Ottubru 2016 saru tliet dimostrazzjonijiet, organizzati minn koalizzjoni ta' gruppi Iżlamisti magħrufa bħala l-Moviment Nazzjonali għall-Ħarsien tal-Fatwa MUI (GNPF-MUI) u li tħaddan membri tal-Front Pembala Iżlam (FPI), bit-talba li Ahok jintbagħat il-ħabs;

G.  billi l-libertà tal-ħsieb, il-libertà tal-għaqda paċifika u tal-assoċjazzjoni, il-libertà tar-reliġjon, id-dritt tal-ħelsien minn arrest jew detenzjoni arbitrarja u d-dritt tal-ħelsien mit-tortura huma libertajiet u drittijiet fundamentali u inaljenabbli;

H.  billi l-Indoneżja ssuktat il-piena kapitali fl-2013, u wettqet l-eżekuzzjoni ta' għadd ta' priġunieri;

1.  Japprezza r-relazzjoni qawwija bejn l-UE u l-Indoneżja, u jtenni l-importanza ta' rabtiet politiċi, ekonomiċi u kulturali qawwija u fit-tul bejn iż-żewġ partijiet;

2.  Huwa mħasseb dwar iż-żieda fl-intolleranza fil-konfront tal-minoranzi etniċi, reliġjużi u sesswali fl-Indoneżja; jikkundanna bil-qawwa kull att ta' vjolenza, fastidju u intimidazzjoni kontra l-minoranzi, kif ukoll l-impunità għal atti ta' dan it-tip, u jikkundanna ż-żieda fl-abbuż tar-regolamenti eżistenti għal finijiet ta' diskriminazzjoni, prosekuzzjoni u detenzjoni ta' membri ta' minoranzi reliġjużi, ta' reliġjonijiet tradizzjonali, u ta' minoranzi etniċi u sesswali;

3.  Jilqa' l-ideat tal-Indoneżja dwar il-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti, kif ukoll l-esperjenza tagħha f'dan ir-rigward, ibbażata fuq il-promozzjoni ta' soċjetà tolleranti u ta' djalogi bejn ir-reliġjonijiet; jieħu nota tal-isforzi tal-Indoneżja biex issostni d-demokrazija tagħha, tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem, u tfakkar "l-għaqda fid-diversità" tagħha; jisħaq fuq il-ħtieġa li tkun żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem kollha, partikolarment dawk tal-minoranzi u tal-gruppi vulnerabbli, b'mod li jiżgura l-ħelsien mid-diskriminazzjoni fl-eżerċizzju tagħhom tal-libertajiet tar-reliġjon u tat-twemmin, tal-opinjoni, tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni u tal-għaqda paċifika;

4.  Jilqa' l-issuktar tad-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-Unjoni Ewropea u l-Indoneżja, stabbilit fl-2010; jilqa' l-kooperazzjoni mqarrba bejn l-UE u l-Indoneżja fuq firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet; jenfasizza li l-UE u l-Indoneżja qablu li jwettqu proġetti ta' kooperazzjoni konkreta f'firxa wiesgħa ta' oqsma, inkluż fl-aċċess għall-ġustizzja u fil-politika penali, fil-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti, fid-drittijiet tal-migranti, fin-negozju u d-drittijiet tal-bniedem, u fid-drittijiet tal-persuni b'diżabilitajiet, kif ukoll tal-persuni li jappartjenu għal minoranzi u għal gruppi vulnerabbli;

5.  Ifakkar li t-titjib tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Indoneżja hija prijorità tal-FSK bejn l-UE u l-Indoneżja;

6.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-istat tajjeb tar-relazzjonijiet bejn l-Indoneżja u l-pajjiżi ġirien tagħha u l-impenn attiv tagħha favur in-NU;

7.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Indoneżja biex jieħu l-miżuri kollha meħtieġa ħalli jiżgura li d-drittijiet ta' attivisti paċifiċi jkunu protetti, u biex jiżgura li jinħoloq ambjent favorevoli għat-twettiq tal-libertà tal-espressjoni u tal-libertà ta' dimostrazzjoni paċifika;

8.  Jilqa' l-ħelsien fuq pleġġ ta' Hosea Yeimo u Ismael Alua fil-11 ta' Jannar 2017; jieħu nota li l-proċedimenti legali fil-każ se jkomplu; jitlob li d-Delegazzjoni tal-UE għall-Indoneżja ssegwi dawn il-proċedimenti legali;

9.  Jitlob lill-awtoritajiet Indoneżjani jikkunsidraw li jwaqqgħu l-akkużi kontra Hosea Yeimo, Ismael Alua u priġunieri tal-kuxjenza oħra li sarulhom akkużi formali talli eżerċitaw b'mod paċifiku d-dritt tagħhom għal-libertà tal-espressjoni;

10.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Indoneżjani u lil dawk lokali f'Papua biex jimplimentaw miżuri immedjati u effikaċi sabiex jiżguraw is-sikurezza u s-sigurtà ta' attivisti politiċi paċifiċi li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom; jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw li n-nies f'Papua jkunu jistgħu liberament jesprimu l-ideat u l-opinjonijiet tagħhom mingħajr biża' ta' kastig, rappreżalji jew intimidazzjoni;

11.  Jikkundanna bil-qawwa kull att ta' vjolenza jew terrur, u jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi;

12.  Jinnota bi tħassib il-kawża kontra Ahok fuq akkużi li wettaq atti blasfemi; jenfasizza li l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon huma protetti mil-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

13.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Indoneżja biex iħassru l-Artikoli 156 u 156(a) tal-Kodiċi Kriminali tal-pajjiż, ineħħu d-dispożizzjonijiet dwar l-atti blasfemi li hemm bħalissa fl-Abbozz ta' Liġi ta' Reviżjoni tal-Kodiċi Kriminali (RUU Revisi KUHP), il-Liġi dwar l-Informazzjoni u t-Tranżazzjonijiet Elettroniċi u l-liġijiet dwar ir-ribelljoni (b'mod partikolari l-Artikoli 106 u 110 tal-Kodiċi), u biex iġibu l-liġijiet kollha f'konformità mal-obbligi tal-Indoneżja skont il-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, speċifikament dwar il-libertà tal-espressjoni, tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon u tat-twemmin, tal-ugwaljanza quddiem il-liġi, tal-ħelsien mid-diskriminazzjoni, u tad-dritt tal-espressjoni u tal-għaqda pubblika; jinnota li persuni jistgħu jingħataw pieni ta' sa ħames snin ħabs għal "diffamazzjoni";

14.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-Gvern Indoneżjan jipproteġi t-tradizzjoni Indoneżjana ta' tolleranza reliġjuża u pluraliżmu permezz tal-investigazzjoni, l-arrest u l-prosekuzzjoni ta' individwi jew gruppi li jiddiskriminaw jew iwettqu atti ta' vjolenza kontra l-komunitajiet reliġjużi;

15.  Huwa mħasseb dwar l-intensifikazzjoni tar-retorika kontra persuni LGBTI, li wasslet għal għadd kbir ta' theddidiet u ta' attakki vjolenti kontra persuni LGBTI, NGOs, attivisti u individwi; jistieden lill-gvern u lil-leġiżlaturi biex joqogħdu lura milli jirrestrinġu aktar id-drittijiet ta' persuni LGBTI, u biex jiżguraw li d-dritt tagħhom għal-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda jkun garantit;

16.  Jiddispjaċih għall-issuktar tal-piena tal-mewt; jappella lill-awtoritajiet biex jistabbilixxu moratorju fuq l-eżekuzzjonijiet kollha, bil-għan li l-piena kapitali tiġi abolita; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-każ taċ-ċittadin tal-UE Serge Atlaoui;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Indoneżja, lis-Segretarju Ġenerali tal-ASEAN, lill-Kummissjoni Intergovernattiva tal-ASEAN dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU.

(1) Testi adottati, P7_TA(2014)0141.

Avviż legali