Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2348(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0384/2016

Testi mressqa :

A8-0384/2016

Dibattiti :

PV 18/01/2017 - 22

Votazzjonijiet :

PV 19/01/2017 - 7.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0009

Testi adottati
PDF 416kWORD 62k
Il-Ħamis, 19 ta' Jannar 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-loġistika fl-UE u t-trasport multimodali fil-kurituri l-ġodda tat-TEN-T
P8_TA(2017)0009A8-0384/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2017 dwar il-loġistika fl-UE u t-trasport multimodali fil-kurituri l-ġodda tat-TEN-T (2015/2348(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 dwar l-Implimentazzjoni tal-White Paper dwar it-Trasport tal-2011: it-teħid tal-kont u t-triq 'il quddiem lejn mobbiltà sostenibbli(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Diċembru 2015 dwar il-mobilità urbana sostenibbli(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Settembru 2008 dwar it-trasport tal-merkanzija fl-Ewropa(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Settembru 2007 dwar il-loġistika tat-trasport tal-merkanzija fl-Ewropa - il-qofol ghal mobbiltá sostenibbli(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1315/2013(5) u r-Regolament (UE) Nru 1316/2013(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 913/2010(7),

–  wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni bl-isem "Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti" (COM(2011)0144),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "L-aċċelerazzjoni tat-tranżizzjoni tal-Ewropa lejn ekonomija b'livell baxx ta' karbonju" (COM(2016)0500),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "Strateġija Ewropea għal mobbiltà b'emissjonijiet baxxi" (COM(2016)0501),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "It-tisħiħ tal-Investiment Ewropew għall-impjiegi u t-tkabbir: lejn it-tieni fażi tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi u Pjan Ġdid ta' Investiment Estern għall-Ewropa' COM(2016)0581,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Frar 2016 bit-titolu "Strateġija tal-UE għall-gass naturali likwifikat u l-ħażna tal-gass" (COM(2016)0049),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Rotterdam tal-20 ta' Ġunju 2016 dwar l-Implimentazzjoni tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T)(8),

–  wara li kkunsidra d-dokumenti ta' analiżi mħejjija mill-Koordinaturi Ewropej dwar il-kurituri tat-TEN-T għall-Ġranet ta' Rotterdam 2016 dwar it-TEN-T(9),

–  wara li kkunsidra l-Pjanijiet ta' Ħidma tal-Kurituri, imfassla mill-Koordinaturi Ewropej tat-TEN-T,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 08/2016 tal-Qorti tal-Awdituri: It-trasport ferrovjarju tal-merkanzija fl-UE: għadu mhux fit-triq it-tajba(10),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0384/2016),

A.  billi trasport u loġistika effiċjenti u moderni huma essenzjali għall-funzjonament effettiv tas-suq intern tal-UE u huma importanti biex jiġu żgurati l-kompetittività, il-ħolqien ta' negozji u opportunitajiet ta' impjieg ġodda, il-protezzjoni tal-ambjent u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima billi jitnaqqsu l-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju fit-trasport;

B.  billi t-tielet għan tal-White Paper tal-Kummissjoni dwar it-trasport jimmira li sal-2030 jitressaq 30 % tat-trasport tal-merkanzija fuq it-triq fuq aktar minn 300 km lejn modi aktar sostenibbli, bħat-trasport bil-ferrovija jew fuq l-ilma, u aktar minn 50 % sal-2050, u jirrikjedi wkoll l-iżvilupp ta' infrastruttura xierqa; billi l-politika Ewropea dwar it-Trasport u t-TEN-T jistgħu jagħtu kontribut importanti biex jintlaħqu l-miri klimatiċi tal-Unjoni u l-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi tal-COP 21;

C.  filwaqt li politika ta' loġistika tal-UE li tħares 'il quddiem għandha tistinka biex tgħin is-settur tal-loġistika jżomm il-kompetittività globali u l-kontribut tiegħu għat-tkabbir tal-ekonomija tal-UE fid-dawl tat-tendenzi ekonomiċi, soċjali u teknoloġiċi u r-rabtiet kummerċjali madwar id-dinja;

D.  billi l-politika dwar it-TEN-T għandha l-għan li tippermetti trasport effiċjenti, intelliġenti u sostenibbli, u billi loġistika orjentata lejn il-futur u soluzzjonijiet tat-trasport multimodali jitolbu b'mod partikolari għall-kooperazzjoni transettorjali;

E.  billi rabtiet ta' trasport multimodali bejn portijiet, ajruporti, pjattaformi multimodali u l-kurituri tat-TEN-T ewlenin u taqsimiet oħra għandhom jingħataw prijorità biex imexxu 'l quddiem l-ekonomija tal-UE u l-ħolqien tal-impjiegi;

F.  billi tal-kurituri tat-TEN-T ewlenin jistimulaw sinerġiji permezz ta' enfasi msaħħa fuq terminals u nodi urbani kif ukoll permezz tal-integrazzjoni ta' sistemi ta' trasport li jużaw fjuwils nodfa u intelliġenti, u billi l-funzjoni ta' aċċess tal-komplementarjetà tan-netwerk komprensiv hija wkoll vitali;

G.  billi għad hemm differenzi konsiderevoli bejn l-Istati Membri fil-livelli ta' effiċjenza u effettività tat-trasport, peress li dawn jirriflettu s-saħħa ekonomika tagħhom, ir-rwol tal-industrija fil-pajjiżi, u l-kundizzjonijiet ġeografiċi, il-kwalità tal-infrastruttura u d-densità tal-popolazzjoni tagħhom;

H.  billi d-droni tat-trasport jippreżentaw possibilitajiet ġodda għat-trasport tal-merkanzija fil-katina loġistika, iżda billi, sabiex jilħqu l-potenzjal tagħhom, jenħtieġu bażi legali armonizzata u koordinazzjoni bla xkiel ma' mezzi tradizzjonali ta' trasport biex tiġi garantita l-kompetittività Ewropea fil-futur;

I.  billi l-livell attwali ta' implimentazzjoni tal-kurituri ta' prijorità miftiehma fin-netwerk Ewropew tat-trasport jistgħu jkunu ta' benefiċċju konsiderevoli għall-ekonomiji tal-pajjiżi li ġew affettwati ħafna mill-kriżi ekonomika;

J.  billi fit-trasport tal-merkanzija ġew identifikati problemi konnessi ma' vultaġġi differenti fil-konnessjonijiet transfruntiera;

K.  billi r-Regolament tat-trasport attwalment huwa marbut mal-mod ta' trasport u jaqa' taħt il-kompetenza ta' diversi korpi internazzjonali (pereżempju l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO));

Loġistika tal-UE u l-ħtieġa ta' miżuri addizzjonali fil-programm TEN-T

1.  Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat il-moviment liberu ta' persuni, oġġetti u servizzi, inkluż permezz ta' sistema tat-trasport effiċjenti u sostenibbli tal-merkanzija, għall-iżvilupp tas-suq intern, il-prosperità u l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-UE;

2.  Iqis li sistema uniformi tal-UE għall-infrastruttura tista' twassal il-benefiċċji tagħha għas-settur tal-loġistika, u b'hekk anki għall-iżvilupp reġjonali u t-tkabbir, unikament jekk tiġi implimentata u tkun konsistenti mal-leġiżlazzjoni tal-UE u mal-politika tat-TEN-T diġà adottati; iħeġġeġ lill-Istati Membri jittrasponu l-leġiżlazzjoni b'mod korrett fil-liġi nazzjonali mingħajr ma jxekklu l-iskambju ħieles tal-merkanzija; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex japplikaw u jirrispettaw il-leġiżlazzjoni Ewropea u biex iżommu lura milli jintroduċu ostakli ġodda; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ttella' quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-Istati Membri li jdewmu jew ibiddlu l-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE, u biex issaħħaħ l-azzjoni tal-atturi relevanti l-oħra kollha sabiex jiġi evitat tali dewmien jew tibdil;

3.  Huwa mħasseb dwar l-impatt negattiv fuq is-settur tal-loġistika, u b'hekk ukoll fuq l-iżvilupp reġjonali u t-tkabbir ekonomiku, tal-għeluq ta' fruntieri interni fil-qasam umanitarju u l-kriżi tal-migranti u t-theddida terroristika fl-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jipprevjenu danni kollaterali fuq il-flussi tal-merkanzija kemm jista' jkun meta jipproponu miżuri ta' dan it-tip; jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni dixxiplinarja kontra l-Istati Membri li jimpedixxu l-moviment ħieles billi deliberatament jipprevjenu l-flussi tal-merkanzija;

4.  Jenfasizza li l-loġistika għandha rwol ewlieni, mhux rikonoxxut biżżejjed, sabiex jiġu żgurati operazzjonijiet effiċjenti u sostenibbli tat-trasport tal-merkanzija fl-UE; jenfasizza l-bżonn li titfassal strateġija mġedda tal-UE għal-loġistika tat-trasport tal-merkanzija,

   filwaqt li jittieħed kont tal-politika tal-infrastruttura l-ġdida tat-TEN-T,
   bl-għan li jitnaqqsu ulterjorment l-ostakoli regolatorji, operazzjonali u tekniċi,
   iddisinjata biex ikun żgurat l-aqwa użu tar-riżorsi, u
   immirata lejn l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta' teknoloġiji ġodda u soluzzjonijiet innovattivi li se jsaħħu l-prestazzjoni tas-settur u jħaffu l-bidla lejn sistema ta' trasport sigura u b'livell baxx ta' karbonju,
   bl-għan li jiżdiedu l-konnettività u l-iżvilupp tal-infrastruttura f'żoni fejn huma nieqsa;
   tippromwovi u tappoġġja l-industrija tal-provvista ferrovjarja Ewropea kif ukoll tagħti spinta lil politika Ewropea ta' riindustrijalizzazzjoni ferrovjarja, bil-perspettiva vantaġġjuża li l-loġistika tal-UE ssir aktar sostenibbli u li tinkiseb pożizzjoni ta' kompetizzjoni mtejba għall-prodotti ferrovjarji fis-suq globali,
   filwaqt li jitqiesu mill-bidu d-drones bħala mezz ta' trasport futur,
   li tippromwovi l-iżvilupp kontinwu ta' riċerka akkademika u edukazzjoni fil-qasam tat-trasport u l-loġistika, u
   li tippreżenta studju xjentifiku indipendenti li jagħti dettalji dwar sa liema punt il-merkanzija bit-triq tista' tiġi trasferita lejn it-trasport ferrovjarju u l-passaġġi navigabbli tal-ilma interni sal-2030 u sal-2050, l-ispejjeż assoċjati ma' dan, u l-punt sa liema danni ambjentali bħat-tniġġis mill-istorbju u tal-arja jistgħu jiġu evitati,

5.  Jenfasizza li l-implimentazzjoni tan-netwerk tat-TEN-T, b'enfasi partikolari fuq konnessjonjiet transfruntiera u fi ħdan il-perjodi ta' żmien stipulati u kkompletati sal-2030, se tnaqqas il-konġestjoni, ittejjeb l-interoperabilità bejn il-modi differenti ta' trasport u tikkontribwixxi biex tipprovdi l-integrazzjoni multimodali tat-trasport tal-merkanzija fl-UE; ifakkar li l-ippjanar nazzjonali tan-netwerk komprensiv, bi qbil man-netwerk ewlieni, jeħtieġ li jiġi attwat sabiex jiġi integrat ma' infrastrutturi nazzjonali, reġjonali u lokali, integrazzjoni li għandha titlesta sa mhux aktar tard mill-2050;

6.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-enfasi msaħħa, fi ħdan l-approċċ tal-kurituri tan-netwerk ewlieni, li tittejjeb il-kwalità tan-nodi tat-trasport u l-konnessjonijiet tal-aħħar mil tagħhom, biex jiġu identifikati u megħluba l-ostakoli għall-interoperabilità, biex jittejbu u jiġu innovati s-soluzzjonijiet tal-ICT u biex timtela' kwalunkwe lakuna oħra (fiżika, teknika jew organizzattiva) li tista' xxekkel servizzi tal-loġistika tal-merkanzija mingħajr xkiel;

7.  Ifakkar, f'dan il-kuntest, l-importanza ta' nodi urbani – fejn parti kbira tal-mezzi tat-trasport (portijiet, loġistika tal-ajruporti, hubs, terminals, eċċ.) jinsabu u fejn it-trasbord u d-distribuzzjoni tal-aħħar mil – peress li huma essenzjali għall-katini loġistiċi kollha, u jeħtieġu iktar attenzjoni biex tiġi żgurata loġistika tal-ibliet mingħajr xkiel; jenfasizza l-importanza ta' investimenti f'dawn in-nodi urbani, kif ukoll tal-promozzjoni ta' konnessjonijiet ferrovjarji ma' impjanti industrijali u interkonnettività mtejba tal-ferroviji mal-portijiet marittimi, portijiet interni u l-hubs interni; jitlob lill-Kummissjoni tagħti prijorità lil dawn l-investimenti fir-reviżjoni tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) tal-2017;

8.  Jinnota li n-nuqqas ta' armonizzazzjoni effiċjenti u ta' implimentazzjoni fil-ħin min-naħa tal-Istati Membri, u ta' kooperazzjoni politika ġusta bejn l-Istati Membri ġirien, jista' jxekkel proġetti transfruntiera; jilqa' l-interess dejjem jikber tal-istituzzjonijiet tal-UE li jappoġġjaw l-infrastruttura transfruntiera u t-tagħmir, b'mod partikolari l-konnessjonijiet reġjonali transfruntiera tal-ferrovija ta' importanza sinifikanti u l-valur miżjud tal-UE; jenfasizza li n-nuqqas ta' konnessjonijiet fl-infrastruttura ferrovjarja f'reġjuni transfruntiera għandhom jiġu indirizzati sabiex jippermettu trasport ferrovjarju effiċjenti u ta' suċċess; jistieden lill-Kummissjoni, il-Koordinaturi Ewropej u l-partijiet interessati l-oħra involuti biex jagħtu l-istess importanza lil proġetti fuq skala żgħira u lil proġetti akbar tat-TEN-T u lil benefiċċji fuq perjodu qasir, medju u fit-tul li jistgħu jiġu ġġenerati permezz ta' proġetti bħal dawn; jinkoraġġixxi lill-atturi biex jagħtu spinta lir-rebħiet fuq perjodu ta' żmien qasir; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tiffaċilita u tiżgura l-inklużjoni tagħhom fil-finanzjament tas-CEF;

9.  Iqis li, filwaqt li n-netwerk komprensiv huwa prinċipalment ir-responsabilità tal-Istati Membri, sabiex ma tiġix eskluża l-konnettività ta' ċerti reġjuni tal-UE, iż-żewġ saffi tat-TEN-T huma kruċjali għal-loġistika tal-UE, billi tiġi pprovduta l-kapillarità lin-netwerk ewlieni, u titwettaq id-distribuzzjoni tal-aħħar mil; huwa tal-fehma li n-netwerks reġjonali m'għandhomx jitħallew barra l-perspettiva Ewropea, inkluż f'termini ta' miżuri ta' finanzjament u miżuri regolatorji, b'mod partikolari dawk il-miżuri li huma marbuta mal-aċċess għan-netwerk tal-ferroviji, l-allokazzjoni tas-slots u t-tariffi; jenfasizza li nuqqas ta' konnessjonijiet fl-infrastruttura ferrovjarja f'reġjuni transfruntiera għandhom jiġu indirizzati sabiex ikun jista' jsir trasport ferrovjarju transfruntier effiċjenti u ta' suċċess;

10.  Jindika r-rwol prinċipali tal-multimodalità fil-loġistika tal-merkanzija, u jitlob għalhekk għal involviment akbar ta' pjattaformi multimodali fl-ippjanar tal-Istati Membri u fl-iżvilupp ulterjuri ta' rotot;

11.  Jinnota li d-distribuzzjoni ta' numru kbir ta' nodi u traffiku tal-merkanzija fin-netwerk TEN-T issegwi żoni b'densità għolja ta' popolazzjoni u netwerks densi, inklużi żoni transfruntiera li jaqsmu bejniethom il-volum tat-traffiku tal-passiġġieri; iqis li hija meħtieġa l-ottimizzazzjoni tal-mod kif l-infrastruttura tal-merkanzija għandha tkun iffurmata fit-TEN-T, b'mod partikolari f'żoni ta' konġestjoni kbira, fi sforz biex jiġu inklużi strateġiji loġistiċi urbani innovattivi; jistieden lill-Kummissjoni biex, f'koordinazzjoni mal-Koordinaturi Ewropej, tevalwa l-progress fl-implimentazzjoni tal-proġetti u biex tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħtu r-riżultati; jistieden barra minn hekk lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid il-metodoloġija u l-kriterji biex jiġi stabbilit netwerk tal-merkanzija u biex jiġi żgurat, b'mod partikolari, li l-investimenti jsiru f'rotot alternattivi għat-trasport tal-merkanzija b'nodi, terminals, ajruporti u portijiet b'inqas konġestjoni, b'kont meħud ukoll tal-protezzjoni ambjentali u t-tnaqqis tal-istorbju;

12.  Jiddispjaċih li l-pjanijiet ta' infrastruttura nazzjonali tal-Istati Membri huma spiss wisq deċiżi mingħajr referenza għall-objettivi tat-TEN-T; iħeġġeġ lill-Kummissjoni teżamina r-raġunijiet għal dan in-nuqqas ta' kooperazzjoni u biex iżżid il-koordinazzjoni bejn iż-żewġ livelli ta' ppjanar, u jissuġġerixxi ż-żieda mas-Semestru Ewropew ta' kapitolu dwar is-superviżjoni tal-koerenza u l-effikaċja ċari tiegħu, b'miżuri korrettivi xierqa; jistieden lill-Kummissjoni tipprijoritizza l-proġetti tal-Istati Membri li huma skont it-TEN-T u tikkonċentra l-isforzi fuq dawk b'valur miżjud Ewropew akbar, u timmonitorja proġetti tat-trasport transfruntier; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiddeċiedu dwar il-pjanijiet ta' infrastruttura nazzjonali tagħhom skont l-objettivi tat-TEN-T;

13.  Jinnota li l-Istati Membri li qed jesperjenzaw diffikultajiet ekonomiċi u baġitarji mhumiex kapaċi jikkofinanzjaw proġetti tat-trasport tal-merkanzija bħala riżultat ta' interpretazzjoni stretta tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (PST); huwa favur l-użu ottimali ta' skemi ta' finanzjament pubbliku u privat, anke fid-dawl ta' taħlita tas-CEF 2020 mal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi u strumenti finanzjarji oħra; huwa tal-fehma li l-proġetti mwettqa fil-qafas tas-CEF m'għandhomx jiġu kkunsidrati fil-kalkoli tad-dejn pubbliku; jistieden lill-Kummissjoni tipproduċi studju dwar jekk miżura bħal din hijiex mezz xieraq biex jizdiedu l-investimenti f'infrastruttura tat-trasport tal-merkanzija;

14.  Iqis li sistema effiċjenti tal-loġistika tal-UE teħtieġ aktar koordinazzjoni lil hinn minn konnettività fiżika u netwerk operazzjonali tat-TEN-T; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel il-loġistika parti integrali mill-kurituri tan-netwerk ewlieni, biex iżżid il-koordinazzjoni tagħha ma' awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali u, f'dan il-kuntest, biex tiffoka wkoll fuq l-interkonnettività bejn il-kurituri diversi u n-netwerks tat-trasport tal-merkanzija reġjonali u urbani; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-isfera ta' azzjoni tal-koordinaturi Ewropej tat-TEN-T biex iħarsu lil hinn mill-iskop ġeografiku tal-kurituri taħt ir-responsabilità rispettiva tagħhom, u jkopru kwistjonijiet dwar il-politika orizzontali bħall-multimodalità u l-loġistika effikaċi tat-trasport tal-merkanzija; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa din il-ħidma dwar il-loġistika u l-multimodalità fil-kurituri kull sentejn;

15.  Jikkunsidra li manutenzjoni fqira tan-netwerk tista' taffettwa s-sostenibilità u l-prestazzjoni tal-infrastrutturi TEN-T; jenfasizza li l-infrastruttura tat-trasport teħtieġ mhux biss li tiġi rinnovata u modernizzata, iżda wkoll li ssirilha manutenzjoni fuq bażi regolari; jinnota bi tħassib li n-nuqqas persistenti ta' attenzjoni mill-maniġers tal-infrastruttura u l-Istati Membri għall-manutenzjoni qed inaqqas il-kompetittività tal-linji (restrizzjonijiet tal-veloċità, affidabilità, sigurtà), b'mod partikolari fil-każ tal-ferrovija, u dan xi drabi wassal għal għeluq ta' linji; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, flimkien mal-BEI, jistudjaw skemi ta' finanzjament ġodda biex jiffaċilitaw investimenti fil-manutenzjoni tan-netwerk;

16.  Jitlob lill-Kummissjoni tirrapporta b'mod regolari lill-Parlament dwar il-konklużjonijiet u l-miżuri meħuda fi ħdan il-Forum tat-Trasport u l-Loġistika Diġitali sabiex tkompli tiġi appoġġjata d-diġitalizzazzjoni tat-trasport tal-merkanzija u l-loġistika; jitlob li dan il-Forum jitkompla sakemm dan jibqa' utli;

17.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi ggarantit li l-infrastruttura ppjanata tissodisfa l-ħtiġijiet effettivi għal loġistika sostenibbli u li din ma tkunx piż insostenibbli fuq l-ambjent; Jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-protezzjoni tal-bijodiversità u l-kisba tal-objettivi ta' konservazzjoni tal-UE, jeħtieġ li jiġu integrati ħafna aħjar fl-ippjanar u l-implimentazzjoni tat-TEN-T;

Simplifikazzjoni mtejba u qafas ġdid għad-diġitalizzazzjoni 

18.  Jenfasizza l-urġenza ta' simplifikazzjoni akbar ta' dokumenti u ta' proċeduri amministrattivi u doganali għall-mezzi kollha tat-trasport u bejn l-istadji differenti fil-ktajjen tal-loġistika; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, taħt il-programmi ta' "regolamentazzjoni aħjar", janalizzaw il-leġiżlazzjoni tal-UE inutli marbuta mat-trasport u l-mobilità, biex jissorveljaw ir-regoli nazzjonali, reġjonali u lokali li jistgħu jkunu f'kontradizzjoni mad-dritt tal-UE u, fejn każijiet bħal dawn jinstabu, jarmonizzaw dawn ir-regoli mal-leġiżlazzjoni tal-UE malajr kemm jista' jkun; jitlob li jitħejja rapport ta' progress annwali mill-Kummissjoni dwar dan is-settur;

19.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, sal-aħħar tal-2017, tipproponi qafas diġitali għall-iskambju elettroniku ta' informazzjoni u l-ġestjoni tat-trasport fit-trasport multimodali (merkanzija elettronika) bl-għan li tiffaċilita fluss ta' informazzjoni simplifikat u mingħajr karti u bla xkiel, trasparenti, sikur u affidabbli bejn l-intrapriżi, il-konsumaturi u l-awtoritajiet, li jibni fuq servizzi stabbiliti (bħal SafeSeaNet, RFD, e-Manifest, RIS, TAF, ITS); jistieden lill-Kummissjoni tiżgura applikazzjoni armonizzata ta' dokumenti tat-trasport elettroniku, sistemi ta' kontra l-frodi u sigurtà ċibernetika;

20.  Jistieden lill-Istati Membri jaċċettaw dokumenti tat-trasport elettroniċi b'mod ġenerali, u jirratifikaw u japplikaw il-protokoll e-CMR mingħajr dewmien;

21.  Jenfasizza l-importanza tal-innovazzjoni fl-użu ta' teknoloġiji ġodda, bħad-diġitalizzazzjoni (eż. ittri tat-trasport tal-merkanzija diġitali), aċċess għad-data u l-iskambju tad-data, filwaqt li jinżamm livell għoli ta' sigurtà ċibernetika u l-protezzjoni tad-data, li jippermetti soluzzjonijiet aktar effiċjenti tat-trasport u tal-loġistika, sakemm ikunu garantiti l-interoperabbiltà u l-aċċess ugwali u nondiskriminatorju; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti biex tiżgura l-integrazzjoni, l-aċċessibilità u l-protezzjoni ta' data bħala bażi għal-loġistika u t-trasport ta' merkanzija;

22.  Jitlob, bl-għan li jiġi żgurat trattament nondiskriminatorju tal-iskambju ta' informazzjoni diġitali, li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżviluppaw sistema ta' investiment biex jipprovdu taħriġ inizjali u taħriġ ta' aġġornament kontinwu fuq il-pjattaformi użati għall-iskambju tad-data;

23.  Jenfasizza r-rwol li jista' jkollhom ir-riċerka u l-innovazzjoni fl-iżvilupp ta' loġistika sostenibbli mill-perspettiva ambjentali u l-loġistika diġitalizzata u li jiġu żgurati interoperabilità u interkonnettività akbar tas-sistemi u s-servizzi tal-IT;

24.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati ulterjorment is-sistemi ta' informazzjoni u ta' komunikazzjoni, li jużaw bis-sħiħ il-potenzjal tas-sistemi Ewropej ta' navigazzjoni bis-satellita Galileo u EGNOS u sistemi relatati ta' ġestjoni u informazzjoni dwar it-traffiku fil-mezzi kollha tat-trasport u l-loġistika, billi jiġi pprovdut aċċess għall-għodod finanzjarji kollha disponibbli biex jitħeġġeġ l-investiment privat;

25.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-proċeduri amministrattivi jkollhom l-għan li jħaffu l-implimentazzjoni tal-kurituri TEN-T; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li r-regoli dwar il-PST, l-għajnuna mill-Istat, kif ukoll is-swieq finanzjarji ma jxekklux l-investimenti;

Nistrutturaw u ninvestu fis-Sistema Ewropea tat-Trasport bil-loġistika fil-mira tagħna

26.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat biżżejjed finanzjament mill-UE għall-implimentazzjoni tat-TEN-T lil hinn mill-QFP attwali; jistenna li l-Kummissjoni tippreżenta r-reviżjoni ta' nofs it-terminu tas-CEF fl-2017, fejn tipproponi simplifikazzjoni ta' miżuri u riżorsi għall-implimentazzjoni tal-proġetti ta' prijorità fi żmien xieraq; jinsisti dwar il-prinċipju "tużah jew titilfu", li bih fondi tas-CEF li ma jintużawx jiġu magħmula disponibbli għal sejħiet għal proposti imminenti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tivvaluta proposta għal sejħa speċifika dwar il-loġistika fl-2017, inkluż it-trasport u t-trasport tal-merkanzija multimodali kif ukoll soluzzjonijiet ta' cargo f'nodi urbani, inkluż trasport innovattiv u alternattiv (jiġifieri droni, vetturi tal-cargo li jaħdmu bi fjuwils alternattivi, rota, eċċ.);

27.  Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu l-investimenti meħtieġa biex jiffinalizzaw il-konnessjonijiet tal-kurituri ewlenin tal-UE;

28.  Ifakkar fl-importanza tan-nodi urbani matul il-katina loġistika kollha, fejn isseħħ parti importanti tat-trasbord u d-distribuzzjoni tal-aħħar mil; jistieden lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-promoturi tal-proġetti biex ipoġġu enfasi fuq il-kurituri tan-netwerk ewlieni TEN-T dwar l-iżvilupp koordinat ta' proġetti li jippromwovu l-multimodalità fil-loġistika tal-merkanzija, b'mod partikolari l-hubs terminali, pjattaformi loġistiċi u nodi urbani, abbażi tad-domanda tat-trasport attwali u futura u prijoritizzati sew fir-rigward tal-impatt lokali, transfruntier u tul il-kurituri;

29.  Iqis li l-affidabilità, il-frekwenza, il-flessibilità, l-orjentazzjoni lejn il-klijent, il-ħin tat-trasport u l-prezz huma fatturi prinċipali kkunsidrati mill-ispedituri fl-għażla bejn id-diversi metodi ta' trasport disponibbli;

30.  Iqis li sistema effiċjenti tal-loġistika trid ukoll tkun orjentata lejn teknoloġiji tal-ġejjieni li jipprovdu mezzi mgħaġġla, favur l-ambjent u effiċjenti tat-trasport tal-merkanzija; jenfasizza l-potenzjal u r-rwol dejjem jikber tal-awtomazzjoni u t-trasport awtonimu għal-loġistika, inklużi vetturi awtomatizzati, droni u robots ikkontrollati mill-bogħod;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra bis-sħiħ l-awtomatizzazzjoni u l-impatt tagħha fl-istrateġija loġistika tagħha, filwaqt li tiżgura l-integrazzjoni bla xkiel u effiċjenti fit-TEN-T u tappoġġja r-riċerka u l-investiment fl-iżvilupp ta' dawn it-teknoloġiji ewlenin;

32.  Jenfasizza l-potenzjal tat-trasport awtomatizzat u awtonomu, kif ukoll tal-inġenji tal-ajru kkontrollati mill-bogħod (droni) għal-loġistika; jitlob li jittieħdu miżuri biex jiżguraw li, meta jintużaw sistemi tal-ITS fin-netwerk, il-vetturi u sistemi awtomatizzati jinteraġixxu mingħajr xkiel ma' vetturi konvenzjonali u utenti vulnerabbli; huwa tal-fehma li l-iżvilupp futur u l-użu mifrux ta' robots ikkontrollati mill-bogħod u inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (droni) jipprevedi mezzi ġodda, veloċi, ambjentali u effiċjenti tat-trasport tal-merkanzija; jistieden lill-Kummissjoni tfassal strateġija ġdida li tiggarantixxi li d-droni jistgħu jiġu integrati fil-programm TEN-T b'mod effiċjenti, u tipproduċi manwal ta' gwida dwar il-kwistjoni għall-Istati Membri;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis l-impatt li t-tixrid ta' prattiki "just-in-time" qed ikollu fuq l-ambjent, minħabba l-fatt li jżidu t-traffiku tal-vetturi;

34.  Jenfasizza l-ħtieġa, speċjalment fid-dawl tat-tranżizzjoni gradwali lejn ekonomija ċirkolari, li l-operazzjonijiet loġistiċi distributtivi jew inversi jiġu integrati bil-għan li jitnaqqsu l-volumi tal-moviment ta' vetturi b'mod ġenerali;

Integrazzjoni urġenti u aktar effiċjenti tal-modi tat-trasport

35.  Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm konċentrazzjoni ta' sforzi kbar fuq ir-rivitalizzazzjoni tal-ferroviji u t-tisħiħ ta' passaġġi fuq l-ilma interni bħala prijorità għall-istrateġija tat-trasport sostenibbli tal-UE; jirrikonoxxi li l-linji tal-ferroviji, b'mod partikolari, kienu qed jitilfu s-sehem mis-suq tagħhom b'mod kostanti sa mill-bidu tal-kriżi ekonomika, u għalhekk jemmen li l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jipproponu inizjattivi ġodda u nondiskriminatorji mmirati lejn l-iżvilupp ta' dan is-settur fl-Ewropa kollha;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel is-servizzi ferrovjarji tal-merkanzija aktar kompetittivi permezz ta' netwerks ferrovjarji kompletament interoperabbli u interkonnessi, u billi tiggarantixxi aċċess ugwali lill-kumpaniji, u tagħmel l-istess għall-passaġġi interni navigabbli, it-trasport fuq ix-xmajjar, bil-baħar u bl-ajru, u tippermetti li kull metodu ta' trasport jopera fuq termini ugwali, u jħeġġiġha tippromwovi t-trasport multimodali u intermodali;

37.  Iqis is-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS) bħala proġett Ewropew ta' suċċess għall-promozzjoni tal-merkanzija fis-settur ferrovjarju, u jilqa' l-isforzi biex tiġi aċċelerata l-implimentazzjoni tagħha billi jiġu stabbiliti tapep għal kull kuritur; hu konxju dwar ir-restrizzjonijiet li jaffettwaw l-iffinanzjar ta' proġetti multinazzjonali u b'diversi livelli (ERTMS); jistieden lill-Kummissjoni u ċ-Ċentru ta' Konsulenza Ewropew għall-Investiment biex jipproponu soluzzjonijiet ta' finanzjament speċifiku sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzjament tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) għall-applikazzjoni tal-ERTMS favur kemm l-infrastruttura kif ukoll l-installazzjonijiet lokomottivi;

38.  Jikkunsidra li l-ostakli u r-restrizzjonijiet għall-interoperabilità ser jonqsu b'mod sinifikanti permezz tal-applikazzjoni mill-Istati Membri kollha tad-Direttiva dwar l-Interoperabilità; jenfasizza li, barra minn hekk, miżuri mhux vinkolanti, bħal vetturi ferrovjarji interoperabbli (vaguni baxxi, magni b'wesgħat differenti, eċċ.) jistgħu wkoll jikkontribwixxi biex ittaffu r-restrizzjonijiet tal-interoperabilità; iħeġġeġ lil Shift 2Rail biex janalizza s-suq tal-UE, kif ukoll l-iżviluppi futuri, u biex jinċentiva d-disponibbiltà ta' soluzzjonijiet ta' infrastruttura b'diversi modi ta' operazzjoni u tal-vetturi ferrovjarji biex jiġi appoġġjat it-trasport multimodali u kkombinat;

39.  Jindika li hemm bżonn li jissaħħaħ it-trasport ikkombinat u jiġu mmodernizzati r-regoli attwali tal-UE, inklużi dawk dwar il-kabotaġġ intra-Komunitarju u d-dokumenti tat-trasport, sabiex ikunu ċari, komprensibbli u li jistgħu jiġu implimentati mill-awtoritajiet; jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tirrevedi d-Direttiva tal-Kunsill 92/106/KEE, u jħeġġiġha tressaq ir-reviżjoni mingħajr dewmien;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, mingħajr ma tiġi kompromessa s-sikurezza ġenerali, jintroduċu miżuri u inċentivi aktar b'saħħithom u effettivi sabiex jinkoraġġixxu kumpaniji ferrovjarji jindirizzaw il-ħsejjes tal-ferroviji tal-merkanzija, meta jitqiesu l-effetti negattivi tat-tniġġis akustiku fuq is-saħħa, speċjalment billi kważi seba' miljun ruħ fl-UE huma esposti għal livelli ta' ħsejjes ferrovjarji ogħla mil-livell limitu tal-esponiment eċċessiv, b'mod partikolari fiż-żoni urbani; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tintroduċi limiti ta' emissjonijiet tal-ħsejjes tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija;

41.  Iqis li l-bidla lejn ferroviji u trasport fuq l-ilma għandha tiġi inċentivata, peress li dawn inaqqsu l-konġestjoni u jniġġsu inqas mit-traffiku fit-toroq;

42.  Jinnota li l-passaġġi fuq l-ilma interni jrid ikollhom rwol dejjem ikbar f'li jservu lill-portijiet bħala ċentri loġistiċi, b'mod partikolari bit-trasferiment ta' oġġetti lejn iż-żoni interni u b'konnessjonijiet bejn l-ibħra Ewropej;

43.  Jilqa' l-ewwel passi biex jiġu introdotti standards tal-fjuwils għal vetturi kummerċjali tqal (HCVs) u limiti tas-CO2 kif ukoll mira tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett serra għas-settur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq fuq il-bażi tal-Ftehimiet ta' Pariġi; huwa tal-opinjoni li miżuri li jeħtieġu reviżjoni tal-infrastruttura u standards operattivi tan-netwerk TEN-T għandhom jiġu kkunsidrati biss meta l-alternattivi bħat-tnaqqis "tal-vjaġġi lura bla tagħbija", użu aħjar u d-disponibilità ta' karburanti alternattivi, loġistika aħjar u sistemi ta' motopropulsjoni, ma jkunux jistgħu jiksbu gwadanji b'effiċjenza ikbar u b'inqas impatt fuq l-infrastruttura u l-ambjent;

44.  Jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta l-fattibilità tal-istabbiliment ta' metodu standard uniku għall-kejl tal-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra tul il-katina tal-provvista għas-soluzzjonijiet tat-trasport modali kollha;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-iżvilupp ta' modi tat-trasport elettriċi u li jaħdmu permezz ta' soluzzjonijiet alternattivi u l-infrastruttura meħtieġa tul in-netwerk kollu tat-TEN-T, u, b'mod speċjali fiċ-ċentri tal-ibliet, biex jissaħħaħ l-iżvilupp ta' skemi innovattivi tat-trasport, li jinvolvu, pereżempju, l-użu ta' vetturi elettriċi u sorsi tal-enerġija li jiġġeddu, u l-iżvilupp ta' fjuwils alternattivi u l-infrastruttura meħtieġa; jenfasizza li l-użu ta' vetturi kummerċjali elettriċi ħfief fil-loġistika taċ-ċirkwit lokali jnaqqas l-emissjonijiet CO2 b'mod ġenerali, kif ukoll u b'mod partikolari, emissjonijiet lokali ta' sustanzi li jniġġsu u ta' ħsejjes, u b'hekk jingħata kontribut pożittiv għall-kwalità tal-arja fiż-żoni urbani; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa ta' infrastrutturi ta' ċċarġjar f'hubs loġistiċi;

46.  Iqis li hemm bżonn ta' aktar miżuri biex it-trasport bit-triq isir aktar effiċjenti u favur l-ambjent fil-katina tal-loġistika; jipproponi t-tħaffif tar-restrizzjonijiet tat-traffiku u l-iżgurar tal-kontinwità u ta' loġistika effiċjenti bis-sħiħ fil-kurituri tan-netwerk ewlieni għal HCVs li jaħdmu fuq fjuwils alternattivi nodfa b'mod konformi mal-ogħla standards dwar l-emissjonijiet, l-istorbju, is-sikurezza u l-istandards soċjali; jinsisti li l-kurituri tan-netwerk ewlieni għandhom jiġu pprovduti b'mod estensiv mill-inqas b'pompi tal-fjuwil alternattiv u parkeġġi sikuri għat-trakkijiet, inkluż il-faċilitajiet meħtieġa li jippermettu li sewwieqa professjonisti jqattgħu l-ħinijiet ta' mistrieħ tagħhom f'kondizzjonijiet deċenti;

47.  Iqis li l-użu ta' sistemi ta' propulsjoni iktar nodfa fit-trasport tal-merkanzija għandu jissaħħaħ permezz ta' użu kkoordinat u urġenti ta' infrastruttura tal-fjuwils alternattivi fil-kurituri tat-TEN-T, f'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE;

48.  Jenfasizza l-importanza li jitjiebu l-għoti ta' informazzjoni u l-aċċess għalih rigward is-servizzi multimodali u loġistiċi tal-UE, b'mod partikolari lill-SMEs li għandhom aċċess limitat għal din l-informazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni biex, f'kooperazzjoni ma' operaturi ta' netwerks u mal-Istati Membri, tiffaċilita l-iskambju ta' ftehimiet, għodod, konvenzjonijiet, leġiżlazzjoni u l-aħjar prattiki attwali fil-qasam tat-trasport multimodali fl-UE, u biex tipprovdi manwal, li għandu jkun disponibbli fuq l-internet, sabiex tassisti lill-operaturi ekonomiċi;

49.  Jinnota li d-diġitalizzazzjoni tas-servizzi għandha rwol fl-inkoraġġiment ta' soluzzjonijiet ta' trasport li jirrispettaw aktar l-ambjent; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tiffaċilita, anke permezz ta' approċċ leġiżlattiv koerenti fil-livell tal-UE, l-aċċess għad-data u l-qsim ta' data fir-rigward tal-flussi tat-traffiku tul il-kurituri u l-użu ta' trasport multimodali, speċjalment għall-SMEs, u biex tiżgura involviment akbar ta' operaturi u awtoritajiet pubbliċi lokali f'dan is-settur, sabiex tittejjeb il-ġestjoni tal-katina ta' provvista u jsir użu aktar effiċjenti tar-riżorsi u l-infrastruttura, inkluż bil-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki; jissottolinja l-fatt li l-aċċess għal data bħal din dwar il-fluss tat-traffiku minn atturi bħall-fornituri tas-servizzi ta' mapep u navigazzjoni diġitali huwa fundamentali biex jiġu promossi t-trasport intermodali, rotot aktar effiċjenti, sewqan awtomatizzat u sistemi ta' trasport intelliġenti, kif ukoll il-"platooning" (raggruppament ta' vetturi varji) fit-trasport tal-merkanzija bit-triq, u fl-istess ħin dan tal-aħħar jippermetti użu aħjar tas-slipstreaming biex b'hekk jitnaqqsu l-emissjonijiet u tiżdied il-kapaċità tat-toroq;

50.  Jirrakkomanda li t-tagħmir ta' interlocks tal-alkoħol – b'marġini ta' tolleranza ta' kejl żgħira u b'bażi xjentifika – għat-tipi ġodda kollha ta' vetturi għat-trasport tal-merkanzija jsir obbligatorju;

Taħriġ u kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar biex jiġbdu professjonisti ġodda

51.  Jinnota li l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien tal-ħaddiema fil-katina tal-loġistika ddeterjoraw b'mod sostanzjali f'dawn l-aħħar snin, u għalhekk dan is-settur sar inqas attraenti għal ġenerazzjonijiet ġodda, b'mod partikolari għall-ħaddiema mobbli;

52.  Jinnota bi tħassib li s-settur tal-loġistika qed jiffaċċja nuqqas ta' forza tax-xogħol, li l-iżvilupp teknoloġiku ser joħloq sfidi ulterjuri fis-snin li ġejjin u li l-addattament bil-mod tal-ħaddiema għal teknoloġiji ġodda, inklużi teknoloġiji diġitali, jista' jdgħajjef ir-rendiment tas-settur; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika l-ħtiġijiet ta' taħriġ u tagħlim fil-livell tal-UE, kif ukoll biex jiġu identifikati l-kondizzjonijiet tax-xogħol, l-ispejjeż u l-ostakli li jiskoraġġixxu lill-ħaddiema milli jidħlu fis-settur tat-trasport, u biex tipproponi b'urġenza miżuri biex tagħmlu aktar attraenti għaż-żgħażagħ u għall-ġenerazzjonijiet futuri; iqis li din hija opportunità biex jiżdied il-proporzjon tan-nisa, inkluż permezz ta' miżuri ta' diskriminazzjoni pożittiva, u ta' dawk li jidħlu ġodda fis-suq tax-xogħol tat-trasport, inklużi ċittadini minn pajjiżi terzi; jemmen, barra minn hekk, li investiment strateġiku fit-taħriġ u kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar għandhom jinkludu inizjattivi għall-iżvilupp tal-għarfien fi ħdan is-settur pubbliku, sabiex jiġu inklużi kwistjonijiet ta' merkanzija b'mod aħjar fl-ippjanar soċjali, u l-iżvilupp ta' lokalitajiet ta' dimostrazzjoni u ttestjar, f'oqsma fejn ir-riċerka u l-innovazzjoni fir-rigward tat-trasport tal-merkanzija u l-loġistika jistgħu jiġu applikati u ttestjati f'kundizzjonijiet reali;

53.  Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-possibilità ta' investiment finanzjarju f'taħriġ vokazzjonali u doppju fis-settur tat-trasport;

54.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu biżżejjed spazju ta' parkeġġ sikur fil-kurituri tat-TEN-T biex jiġu evitati kwistjonijiet ta' sigurtà akbar għall-ħaddiema tat-trasport mobbli;

55.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iqisu r-rakkomandazzjonijiet reċenti tal-Parlament dwar l-aspetti soċjoekonomiċi fis-settur tat-trasport u dwar il-ġlieda kontra prattiki inġusti fis-suq tax-xogħol; jinnota li l-leġiżlazzjoni dwar il-kundizzjonijiet soċjali u tax-xogħol għandha tirrispetta d-drittijiet fundamentali kollha tal-UE u m'għandhiex tirrestrinġi l-kompetizzjoni ġusta jew toħloq piż amministrattiv addizzjonali;

Informazzjoni statistika aħjar dwar il-loġistika meħtieġa

56.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' statistika aħjar dwar it-trasport u l-prestazzjoni intermodali għas-settur tal-loġistika, sabiex jiġu faċilitati l-previżjoni u r-rieżami tal-politika u l-miżuri ta' investiment, kif ukoll tiġi provduta informazzjoni ta' valur għall-operaturi; jistieden lill-Kummissjoni taħdem mal-partijiet ikkonċernati sabiex toħloq qafas għall-UE kollha għal data statistika dwar it-trasport u l-loġistika multimodali, inkluż l-iżvilupp ta' indikaturi ġodda li jirriflettu aħjar it-tendenzi reali tal-merkanzija;

o
o   o

57.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P8_TA(2015)0310.
(2) Testi adottati, P8_TA(2015)0423.
(3) ĠU C 295 E, 4.12.2009, p. 79.
(4) ĠU C 187 E, 24.7.2008, p. 154.
(5) ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1.
(6) ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129.
(7) ĠU L 276, 20.10.2010, p. 22.
(8) https://english.eu2016.nl/documents/publications/2016/06/20/ministerial-declaration-on-implementing-ten-t.
(9) http://ec.europa.eu/transport/themes/infrastructure/news/doc/2016-06-20-ten-t-days-2016/issues-papers.pdf.
(10) http://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/SR16_08/SR_RAIL_FREIGHT_EN.pdf.

Avviż legali