Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2095(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0391/2016

Testi mressqa :

A8-0391/2016

Dibattiti :

PV 19/01/2017 - 3
CRE 19/01/2017 - 3

Votazzjonijiet :

PV 19/01/2017 - 7.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0010

Testi adottati
PDF 639kWORD 79k
Il-Ħamis, 19 ta' Jannar 2017 - Strasburgu
Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali
P8_TA(2017)0010A8-0391/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2017 dwar Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (2016/2095(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tat-TFUE, li jeħtieġ lill-UE tippromwovi livell għoli ta' impjieg, tiżgura protezzjoni soċjali adegwata, tiġġieled kontra l-esklużjoni soċjali u tiżgura livell għoli ta' edukazzjoni, taħriġ u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 151-156 tat-TFUE,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tad-9 ta' Mejju 1950, li sejħet għall-"ugwalizzazzjoni u t-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-ħaddiema",

–  wara li kkunsidra l-Karta Soċjali Ewropea, il-Protokoll Addizzjonali tagħha u l-verżjoni riveduta tiegħu, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1999, b'mod partikolari l-Parti I, il-Parti II, kif ukoll l-Artikoli 2, 4, 16 u 27 ta' dan tal-aħħar, dwar id-dritt tal-ħaddiema b'responsabbiltajiet tal-familja għal opportunitajiet indaqs u trattament ugwali,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, irratifikata mill-UE fl-2010,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li daħlet fis-seħħ fl-1990,

–  wara li kkunsidra l-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema, adottata fid-9 ta' Diċembru 1989,

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli għall-2030, li ġew adottati min-NU fl-2015 u li japplikaw għad-dinja kollha inkluż l-UE,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE tat-8 ta' Marzu 2010 li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC u li jħassar id-Direttiva 96/34/KE(1),

–  wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO),

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi Ewropew tas-Sigurtà Soċjali tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Protokoll tiegħu, strument Ewropew ewlieni minimu ta' armonizzazzjoni għas-sistemi tas-sigurtà soċjali, li jipprovdi standards minimi u li jippermetti lill-partijiet kontraenti jaqbżu dawn l-istandards,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Espert Indipendenti tan-NU dwar it-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha minn persuni anzjani,

–  wara li kkunsidra l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE, il-mekkaniżmi ta' koordinazzjoni tal-politika u l-istrumenti finanzjarji fl-oqsma tal-impjiegi, il-politika soċjali, il-politika ekonomika u monetarja, is-suq intern, il-moviment liberu ta' merkanzija, persuni, servizzi u kapital, il-Fond Soċjali Ewropew u l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25-26 ta' Marzu 2010 u tas-17 ta' Ġunju 2010, u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu "Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv" (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill u l-konklużjonijiet tal-integrazzjoni tar-Rom,

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ottubru 2008 dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol(2),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Frar 2013 bit-titolu "L-investiment fit-tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ"(3),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta' Diċembru 2015 dwar "Il-promozzjoni tal-ekonomija soċjali bħala mutur ewlieni ta' żvilupp ekonomiku u soċjali fl-Ewropa",

–  wara li kkunsidra d-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi(4),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva dwar il-Leave tal-Maternità (COM(2008)0637),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva dwar id-Dikjarazzjoni bil-Miktub(5),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva dwar ix-Xogħol għal Żmien Fiss(6),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva dwar Xogħol Temporanju permezz ta' Aġenzija(7),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva dwar ix-Xogħol Part-time(8),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali(9),

–  wara li kkunsidra l-linji gwida politiċi għall-Kummissjoni Ewropea, bit-titolu "Bidu ġdid għall-Ewropa: L-Aġenda tiegħi għall-Impjiegi, it-Tkabbir, il-Ġustizzja u t-Tibdil Demokratiku" u ppreżentati minn Jean-Claude Juncker fil-15 ta' Lulju 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport dwar it-tlestija tal-unjoni ekonomika u monetarja tal-Ewropa ("ir-Rapport tal-Ħames Presidenti") tat-22 ta' Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Marzu 2016 dwar it-tnedija ta' konsultazzjoni dwar Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (COM(2016)0127) u l-annessi tagħha,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ġunju 2016 bit-titolu "Aġenda Ewropea għall-ekonomija kollaborattiva" (COM(2016)0356),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-integrazzjoni tar-Rom (COM(2010)0133, COM(2011)0173, COM(2012)0226, COM(2013)0454, COM(2015)0299, COM(2016)0424),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Ottubru 2016 dwar il-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ tliet snin wara (COM(2016)0646),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Marzu 2014 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/104/KE dwar xogħol temporanju permezz ta' aġenzija (COM(2014)0176),

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-KESE tas-17 ta' Settembru 2015 dwar "prinċipji għal sistemi tal-benefiċċji soċjali effettivi u affidabbli"(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2016 dwar il-prijoritajiet strateġiċi għall-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2017(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2013 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar informazzjoni lill-ħaddiema u konsultazzjoni tal-ħaddiema, antiċipazzjoni u ġestjoni tar-ristrutturazzjoni(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-leave tal-maternità(13),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2014 dwar strateġija tal-UE għall-persuni mingħajr djar(14),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2015 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel wara l-2015(15),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol(16),

–  wara li kkunsidra l-Impenn Strateġiku għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi għall-2016-2019 tal-Kummissjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011-2020),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Novembru 2015 dwar it-tnaqqis tal-inugwaljanzi b'enfasi speċjali fuq il-faqar fost it-tfal(17),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2015 dwar il-Qafas Strateġiku tal-Unjoni Ewropea dwar is-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali 2014-2020(18),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' April 2016 dwar l-ilħuq tal-mira tal-ġlieda kontra l-faqar fid-dawl tal-ispejjeż li qed jiżdiedu għall-familji(19),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2016 dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, b'riferiment partikolari għall-Osservazzjonijiet Konklużivi tal-Kumitat tan-NU dwar is-CRPD(20),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2016 dwar id-dumping soċjali fl-Unjoni Ewropea(21),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2016 dwar il-ħolqien ta' kundizzjonijiet fis-suq tax-xogħol favorevoli għal bilanċ bejn il-ħajja u dik tax-xogħol(22),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Ottubru 2016 dwar il-bżonn ta' politika ta' reindustrijalizzazzjoni Ewropea fid-dawl tal-każijiet reċenti Caterpillar u Alstom(23),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Settembru 2015 dwar il-ħolqien ta' suq tax-xogħol kompetittiv tal-UE għas-seklu 21: it-tlaqqigħ tal-ħiliet u l-kwalifiki mad-domanda u l-opportunitajiet ta' impjieg, bħala mod kif nirkupraw mill-kriżi(24),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 dwar politiki dwar il-ħiliet għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ(25),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Novembru 2012 dwar il-Patt dwar l-Investiment Soċjali bħala reazzjoni għall-kriżi(26) u l-Pakkett ta' Investiment Soċjali tal-Kummissjoni tal-20 ta' Frar 2013, inkluż ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "L-investiment fit-tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċendenti tiegħu dwar ir-Rom(27),

–  wara li kkunsidra d-Dizzjunarju Ewropew dwar ir-Relazzjonijiet Industrijali tal-Eurofound,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tal-2014 dwar "Pay in Europe in the 21st century" ("Ħallas fl-Ewropa fis-seklu 21"),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tal-2016 dwar "Access to healthcare in time of crisis" ("Aċċess għall-kura tas-saħħa fi żminijiet ta' kriżi"),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tal-2015 dwar "Access to social benefits: reducing non-take-up" ("Aċċess għall-benefiċċji soċjali: jitnaqqas l-użu tas-sussidji"),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tal-2015 dwar "New forms of employment" ("Forom ġodda ta' impjieg"),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tal-2015 dwar "Inadequate housing in Europe: Costs and consequences" ("Akkomodazzjoni inadegwata fl-Ewropa: Spejjeż u konsegwenzi"),

–  wara li kkunsidra r-rapport ġenerali li jmiss dwar is-Sitt Stħarriġ Ewropew dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol tal-Eurofound 2016,

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-ILO tal-2016 dwar "Building a social pillar for European convergence" ("Il-bini ta' pilastru soċjali għall-konverġenza Ewropea"),

–  wara li kkunsidra x-xogħol imwettaq mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), u b'mod partikolari l-istħarriġ tagħha dwar il-migranti u l-minoranzi u r-rapporti dwar l-isfruttament sever tal-ħaddiema, is-sistemi għall-protezzjoni tat-tfal u d-dritt għal għajxien indipendenti għall-persuni b'diżabilità,

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-266/14 tal-10 ta’ Settembru 2015 dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol għall-ħaddiema mingħajr post tax-xogħol fiss jew abitwali,

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżi Magħquda C 8/15 P sa C 10/15 P (Ledra Advertising et al) tal-20 ta' Settembru 2016, li ssaħħaħ id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini vis-à-vis il-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew b'rabta mal-adozzjoni ta' Memoranda ta' Ftehim f'isem il-MES,

–  wara li kkunsidra l-analiżi konġunta mis-sħab soċjali Ewropej, il-BusinessEurope, iċ-CEEP, il-KETU u l-UEAPME ta' Ottubru 2007 bit-titolu "Key challenges facing European labour markets" ("L-isfidi ewlenin li qed jiffaċċjaw is-swieq tax-xogħol Ewropej") u ta' Lulju 2015 "In-depth employment analysis by the European social partners" ("Analiżi fil-fond tal-impjiegi mis-sħab soċjali Ewropej"),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni konġunta tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Kumitat għall-Protezzjoni Soċjali dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, approvata mill-Kunsill fit-13 ta' Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0391/2016),

A.  billi l-UE trid tirreaġixxi malajr u viżibilment għaż-żieda li hemm fil-frustrazzjoni u fit-tħassib fost ħafna nies dwar il-prospetti tal-ħajja inċerti, il-qgħad, l-inugwaljanzi dejjem jikbru u n-nuqqas ta' opportunitajiet, b'mod partikolari għaż-żgħażagħ; billi l-konsultazzjoni pubblika dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali mwettqa mill-Kummissjoni sa Diċembru 2016, żviluppat f'riflessjoni bir-reqqa dwar l-acquis soċjali eżistenti u diskussjoni wiesgħa fost is-sħab soċjali, il-gvernijiet nazzjonali u l-parlamenti, is-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet tal-UE dwar il-futur u l-istruttura ta' mudell soċjali Ewropew għall-futur; billi dan id-dibattitu jista' jgħin biex jiġbed l-attenzjoni lejn il-valuri bażiċi tal-UE u l-fatt li l-Ewropa għandha, f'paragun mad-dinja kollha, standards tax-xogħol u soċjali u sistemi ta' protezzjoni soċjali pjuttost avvanzati; billi d-dibattitu dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-passi meħtieġa li għandhom jittieħdu b'segwitu għalih jista' wkoll jgħin biex il-proġett Ewropew jitpoġġa fuq pedamenti iktar b'saħħithom u jtejjeb is-sens ta' sjieda fuq il-proċess tal-integrazzjoni Ewropea;

B.  billi l-UE teħtieġ li tkompli tiżviluppa mudell soċjali Ewropew li jkun integrat f'ekonomija soċjali tas-suq, jagħti s-setgħa lin-nies u jippermetti prosperità sostenibbli u produttività għolja bbażati fuq is-solidarjetà, il-ġustizzja soċjali u l-opportunitajiet indaqs, id-distribuzzjoni ġusta tal-ġid, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet, l-istat tad-dritt, in-nondiskriminazzjoni, l-ugwaljanza bejn is-sessi, is-sistemi edukattivi universali u ta' kwalità għolja, l-impjiegi ta' kwalità u s-sistemi sostenibbli ta' tkabbir rikk fl-impjiegi u inklużiv għal żmien twil, b'konformità mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli madwar id-dinja – mudell li huwa ġenwinament immirat lejn l-impjieg sħiħ, jiżgura protezzjoni soċjali adegwata u servizzi essenzjali ta' kwalità għal kulħadd, jiġġieled kontra l-inugwaljanza ekonomika, jagħti s-setgħa lin-nies f'sitwazzjonijiet vulnerabbli, jiġġieled il-faqar u l-esklużjoni soċjali, iżid il-parteċipazzjoni fil-ħajja ċivili u politika, u jtejjeb l-istandards tal-għajxien taċ-ċittadini kollha tal-UE, sabiex jintlaħqu l-objettivi u d-drittijiet stabbiliti fit-Trattati tal-UE, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Karta Soċjali Ewropea;

C.  billi l-Kummissjoni impenjat ruħha li tilħaq "klassifikazzjoni soċjali AAA" għall-UE u fir-rebbiegħa tal-2017 hija mistennija tippreżenta proposta għal Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali li se jippromwovi swieq tax-xogħol inklużivi u li jiffunzjonaw tajjeb u sistemi ta' protezzjoni soċjali fl-Istati Membri parteċipanti kif ukoll iservi bħala indikatur għal proċess imġedded ta' konverġenza 'l fuq billi (i) jaġġorna l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE, (ii) itejjeb il-qafas tal-UE għal koordinazzjoni tal-politika ekonomika u soċjali, fost l-oħrajn permezz ta' parametri referenzjarji soċjali tal-isforzi tar-riforma nazzjonali mingħajr ma jinħolqu strutturi paralleli ineffiċjenti u (iii) jiżgura appoġġ finanzjarju rilevanti fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell Ewropew; billi l-Parlament, elett direttament miċ-ċittadini Ewropej, għandu responsabilità fundamentali u rwol fid-definizzjoni u l-adozzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali;

D.  billi l-politiki ekonomiċi u soċjali huma maħsuba biex iservu lin-nies, inkluż bil-promozzjoni ta' attivitajiet ekonomiċi sostenibbli u soċjalment responsabbli fuq livell ugwali, u billi l-persuni huma wkoll l-iktar fattur importanti għall-kompetittività ta' kumpanija u l-funzjonament tajjeb tal-ekonomija kollha kemm hi;

E.  billi d-djalogu soċjali jista' jikkontribwixxi b'mod pożittiv għat-tkabbir, l-impjiegi u l-kompetittività; billi l-Unjoni hija obbligata li tirrikonoxxi u tippromwovi r-rwol tas-sħab soċjali, tiffaċilita d-djalogu bejniethom u tirrispetta l-awtonomija tagħhom, inkluż fir-rigward tal-iffissar tal-pagi, id-dritt li wieħed jinnegozja, jikkonkludi u jinforza ftehimiet kollettivi u li jieħu azzjoni kollettiva f'konformità mal-liġi u l-prassi nazzjonali; billi dan il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali għandu jħeġġeġ lis-sħab soċjali u lill-Istati Membri biex jistabbilixxu standards ogħla minn dawk maqbula fil-livell Ewropew; billi l-Kummissjoni tikkonsulta mas-sħab soċjali dwar id-direzzjoni possibbli tal-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-politika soċjali; billi jeħtieġ li jkun hemm appoġġ kontinwu għal djalogu soċjali fil-livelli kollha;

F.  billi huwa kruċjali li l-kumpaniji jġibu ruħhom b'mod soċjalment responsabbli, b'kunsiderazzjoni reali lejn is-sostenibilità u l-interessi tas-soċjetà; billi huwa siewi li l-ħaddiema jiġu involuti fit-teħid tad-deċiżjonijiet; billi l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, bħall-kooperattivi, jipprovdu eżempju tajjeb f'termini tal-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità, jappoġġjaw l-inklużjoni soċjali u jippromwovu ekonomija parteċipattiva;

G.  billi d-drittijiet soċjali fundamentali japplikaw għan-nies kollha fl-UE u l-korp eżistenti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li jirregola s-swieq tax-xogħol, tal-prodotti u tas-servizzi japplika għall-Istati Membri kollha; billi l-integrazzjoni ekonomika titlob li l-Istati Membri jkunu interdipendenti f'termini tal-kapaċità tagħhom li jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u tinżamm il-koeżjoni soċjali; billi suq uniku li jiffunzjona tajjeb jirrikjedi bażi tajba tad-drittijiet soċjali għall-ħaddiema biex tiġi evitata l-kompetizzjoni abbażi tal-kundizzjonijiet tax-xogħol; billi l-prinċipju tas-sussidjarjetà kif definit fit-Trattati jiġġustifika azzjoni fil-livell tal-Unjoni minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni proposta; billi l-kisba tal-objettivi soċjali tal-UE tiddependi wkoll fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali u s-sistemi soċjali nazzjonali żviluppati sew; billi d-differenzi reġjonali bejn il-livelli tal-pagi u s-sistemi ta' sigurtà soċjali huma sa ċertu punt inevitabbli iżda għandha tingħata attenzjoni biex ikun żgurat li dawn ma joħolqux pressjoni 'l isfel fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien; billi konverġenza soċjali u ekonomika 'l fuq hija importanti ħafna għall-funzjonament tajjeb tal-Unjoni; billi l-Unjoni ma tarmonizzax is-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali iżda tikkoordinahom, tippromwovi l-iżvilupp tagħhom u tiffaċilita l-protezzjoni effiċjenti tas-sigurtà soċjali ta' persuni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu; billi l-iżviluppi regolatorji jeħtieġ ilaħħqu mat-teknoloġija u innovazzjonijiet oħra biex jipprovdu ċertezza ġuridika u jippromwovu l-iżvilupp ekonomiku permezz ta' kompetizzjoni ġusta; billi l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali se teħtieġ azzjoni fuq bosta livelli, approċċi transettorjali u l-involviment sħiħ tal-partijiet interessati; billi dispożizzjonijiet dwar il-ħin tal-mistrieħ tal-ħaddiema għandhom iqisu, fejn applikabbli, ġurnata ta' mistrieħ komuni fil-ġimgħa rikonoxxuta mit-tradizzjoni jew mid-drawwa fil-pajjiż jew fir-reġjun;

H.  billi l-istati soċjali Ewropej jeħtieġ jiġu aġġornati u msaħħa sabiex jiġu appoġġjati tranżizzjonijiet għall-aħjar fis-suq tax-xogħol u fi ħdanu u sabiex tinżamm sigurtà ekonomika f'ħajjet in-nies; billi, hekk kif is-suq tax-xogħol isir aktar kumpless, huwa naturali li l-istat soċjali jkun jeħtieġ ukoll li jadatta l-mekkaniżmi u l-istrumenti tiegħu sabiex jimmaniġġja b'mod korrett id-diversi riskji soċjali li jirriżultaw; billi dan il-proċess ta' aġġornament għandu wkoll itejjeb l-aċċess tan-nies lejn l-istat soċjali u l-interazzjoni miegħu u jiffaċilita l-applikazzjoni tar-regoli rilevanti, inkluż għall-SMEs; billi, madankollu, ir-rwol ta' stati soċjali huwa usa' minn dak li jikkonċerna s-suq tax-xogħol; dan jinkludi wkoll, inter alia, l-operat tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali u l-investiment fl-edukazzjoni, il-kura tat-tfal, il-kura tas-saħħa, is-servizzi soċjali u servizzi essenzjali oħra; billi "investimenti soċjali" li jappoġġjaw l-iżvilupp tal-persuni mit-tfulija bikrija sal-anzjanità għandhom rwol kruċjali biex jippermettu lin-nies jipparteċipaw bis-sħiħ f'ekonomija u soċjetà tas-seklu 21; billi ser ikun meħtieġ sforz maġġuri biex tintlaħaq il-mira tat-tnaqqis tal-faqar u l-inklużjoni soċjali tal-Istrateġija Ewropa 2020; billi l-akkomodazzjoni hija kwistjoni urġenti f'ħafna Stati Membri u ħafna familji qed jonfqu proporzjon għoli tad-dħul disponibbli tagħhom fuq l-akkomodazzjoni u l-ispejjeż tal-enerġija;

I.  billi r-Rakkomandazzjoni Nru 202 tal-ILO tipprevedi li l-protezzjoni soċjali bażika għandha tinkludi għall-inqas il-garanziji tal-protezzjoni soċjali bażiċi li ġejjin: (a) aċċess għal sett ta' prodotti u servizzi definit nazzjonalment, b'mod partikolari l-kura tas-saħħa essenzjali, inkluża l-kura tal-maternità, li tissodisfa l-kriterji ta' disponibilità, aċċessibilità, aċċettabilità u kwalità; (b) sigurtà ta' dħul bażiku għat-tfal, għall-inqas f'livell minimu definit nazzjonalment, li jipprovdi aċċess għan-nutrizzjoni, l-edukazzjoni, il-kura u kwalunkwe prodott u servizz ieħor meħtieġa; (c) sigurtà ta' dħul bażiku, tal-inqas f'livell minimu definit nazzjonalment, għal persuni f'età attiva li ma jkunux f'pożizzjoni li jaqilgħu dħul suffiċjenti, b'mod partikolari f'każijiet ta' mard, qgħad, maternità u diżabilità; kif ukoll (d) sigurtà ta' dħul bażiku, tal-anqas f'livell minimu definit nazzjonalment, għal persuni anzjani; billi l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali għandu jqis din id-definizzjoni u jfittex li jiżgura li tali punti essenzjali ta' protezzjoni soċjali huma miksuba bis-sħiħ u preferibbilment maqbuża fl-Istati Membri kollha; billi l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ta kontribut siewi f'dan ir-rigward billi qabel dwar prinċipji għal sistemi soċjali effikaċi u affidabbli;

J.  billi l-Istati Membri kollha tal-UE jiffaċċjaw ċerti sfidi soċjali u tal-impjieg; billi t-twettiq tad-drittijiet soċjali jiddependi wkoll fuq politiki u strumenti li jappoġġjaw il-koeżjoni territorjali, b'mod partikolari fir-reġjuni bi żvantaġġi naturali, demografiċi jew strutturali serji u permanenti, inklużi reġjuni b'densità tal-popolazzjoni baxxa u popolazzjoni mxerrda jew reġjuni ultraperiferiċi; billi huwa meħtieġ aktar investiment strateġiku u appoġġ għall-koeżjoni f'reġjuni żvantaġġati bl-għan li dawn ikunu aktar kompetittivi, tittejjeb l-istruttura soċjoekonomika tagħhom u jiġi evitat aktar tnaqqis demografiku; billi, bil-qafas makroekonomiku attwali tagħha, iż-żona tal-euro qed tiffaċċja sfidi speċifiċi biex jintlaħqu l-għanijiet soċjali u tal-impjieg stipulati fit-Trattati; billi t-treġġigħ lura tas-sigurtà soċjoekonomika adegwata biex tpaċi din iż-żieda fil-flessibilità interna jista' jirrikjedi l-kunsiderazzjoni ta' miri soċjali, standards u/jew strumenti finanzjarji speċifiċi fil-livell taż-żona tal-euro;

K.  billi s-swieq tax-xogħol Ewropej qegħdin ħafna drabi jevolvu lejn forom "atipiċi" jew "mhux standard" ta' impjieg, bħal xogħol temporanju, xogħol part-time involontarju, xogħol każwali, xogħol staġjonali, xogħol fuq talba, impjieg dipendenti ta' min jaħdem għal rasu jew xogħol intermedjat minn pjattaformi diġitali; billi, madankollu, l-impjiegi permanenti jkomplu jagħtu l-akbar kontribut għall-espansjoni tal-impjiegi, u qed jikbru b'rata aktar mgħaġla mill-impjieg temporanju tul l-aħħar sentejn u nofs(28); billi d-domanda għax-xogħol qed issir aktar diversifikata minn qabel; billi f'xi każijiet dan jista' jkun ta' benefiċċju għall-produttività, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja, it-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol u t-tieni opportunitajiet ta' karriera għal dawk li jkollhom bżonnhom; billi, madankollu, xi forom ta' impjieg mhux standard jinvolvu insigurtà ekonomika u kundizzjonijiet ħżiena ta' xogħol imtawla, b'mod partikolari f'termini ta' dħul aktar baxx u anqas ċert, nuqqas ta' possibbiltajiet biex wieħed jiddefendi d-drittijiet tiegħu, in-nuqqas ta' assigurazzjoni soċjali u tas-saħħa, in-nuqqas ta' identità professjonali, in-nuqqas ta' prospettiva għall-karriera, u d-diffikultajiet fir-rikonċiljazzjoni tax-xogħol fuq talba mal-ħajja tal-familja; billi suq tax-xogħol dinamiku għandu jiżgura li kulħadd ikollu l-opportunità li juża l-ħiliet u l-kapaċitajiet tiegħu jew tagħha fil-ħajja tax-xogħol tagħhom, abbażi, inter alia, ta' kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin għas-saħħa u sikuri, politiki attivi tas-suq tax-xogħol u biex jiġu aġġornati l-kompetenzi matul ħajjitna permezz ta' tagħlim regolari u tul il-ħajja; billi l-ġurisprudenza rilevanti tal-QtĠ-UE tiċċara l-kunċetti ta’ "relazzjoni ta' impjieg" u "ħaddiem" għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE, mingħajr preġudizzju għad-definizzjonijiet nazzjonali ta' "ħaddiem" li huma stabbiliti għall-finijiet tad-dritt nazzjonali f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

L.  billi l-politiki attivi tas-suq tax-xogħol, ir-responsabilità individwali u l-parteċipazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja huma importanti għall-inklużjoni fis-suq tax-xogħol, anke jekk il-qgħad, f'ħafna kazijiet, jirriżulta minħabba nuqqas ta' postijiet vakanti jew ċirkostanzi oħra lil hinn mill-kontroll tal-individwu;

M.  billi l-persuni li qed isibu ruħhom f'sitwazzjonijiet vulnerabbli jew li qed isofru aktar spiss minħabba diskriminazzjoni bħan-nisa, il-minoranzi etniċi, il-persuni qiegħda fit-tul, iċ-ċittadini anzjani u l-persuni b'diżabilità jistgħu jirrikjedu miżuri addizzjonali biex tiġi promossa l-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol u biex jiġi żgurat livelli ta' għajxien deċenti matul ħajjithom kollha; billi l-UE impenjat lilha nnifisha biex tibni Ewropa mingħajr ostakli għal madwar 80 miljun persuna b'diżabilità fl-UE u l-miri tat-tnaqqis tal-faqar u tal-impjieg tal-UE mhux se jintlaħqu jekk il-persuni b'diżabilità ma jiġux integrati bis-sħiħ fl-ekonomija u fis-soċjetà; billi l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD), li ġiet ratifikata mill-UE u l-prinċipji tagħha għalhekk għandhom jiġu integrati fi ħdan il-Pilastru tad-Drittijiet Soċjali; billi l-impatt negattiv tal-kriżi fuq l-aċċess għall-kura tas-saħħa rriżulta b'dewmien, u bosta persuni sabu li ma jistgħux jaċċessaw il-kura tas-saħħa anke jekk is-servizzi jkunu koperti formalment, b'mod partikolari minħabba li huma ma jistgħux jaffordjaw kopagamenti jew jesperjenzaw listi ta' stennija;

N.  billi n-nisa għadhom iħabbtu wiċċhom ma' bosta forom ta' diskriminazzjoni fl-UE u għadhom mhumiex rappreżentati biżżejjed fl-oqsma kollha marbuta mat-teħid ta' deċiżjonijiet;

O.  billi l-ugwaljanza bejn is-sessi hija minquxa fit-Trattati tal-UE u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u hija valur ewlieni tal-UE; billi, madankollu, in-nisa għadhom mhux rappreżentati biżżejjed fis-suq tax-xogħol bħala entità sħiħa, fejn ir-rata tal-impjiegi għall-irġiel hija 75,6 %, meta mqabbla ma' 64,5 % tan-nisa, u huma rappreżentati żżejjed fix-xogħol part-time u fis-setturi l-inqas imħallsa, minbarra li jirċievu pagi fis-siegħa aktar baxxi, ħaġa li twassal għal differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa ta' 16 % u tikkontribwixxi għal differenza ta' 39 %, b'differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri; billi d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru għandu jkollha prijorità fil-proċeduri ta' reklutaġġ fl-Istati Membri, minkejja li n-nisa qabżu lill-irġiel fil-livell edukattiv milħuq;

P.  billi d-drittijiet soċjali, is-servizzi u dħul adegwat huma kwistjonijiet imqassma skont il-ġeneru, peress li aktar nisa jinsabu f'impjiegi bi dħul baxx, b'riskju ogħla tal-faqar, u jiddependu mis-servizzi soċjali, kemm pubbliċi kif ukoll privati, u għandhom ir-rwol tradizzjonali tal-persuna li tieħu ħsieb kemm lit-tfal kif ukoll lill-membri tal-familja ikbar fl-età kif ukoll għandhom ir-responsabilità primarja għall-ħtiġijiet tal-unità domestika, li jirriżultaw f'pensjonijiet aktar baxxi għan-nisa;

Q.  billi l-miri ta' Barċellona tal-2002 qegħdin 'il bogħod milli jintlaħqu, filwaqt li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tiddikjara li t-tfal għandu jkollhom dritt għall-protezzjoni u l-kura, u billi dan għandu impatt enormi fuq il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u l-faqar fost in-nisa;

R.  billi l-Ewropa tista' tmur aktar 'il bogħod biex tiżviluppa grupp ta' setturi ffukat fuq l-appoġġ tas-saħħa, l-għarfien u l-abilità tan-nies li jipparteċipaw fl-ekonomija; billi s-servizzi ffukati fuq in-nies bħas-servizzi tal-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, il-kura tat-tfal, servizzi ta' kura oħrajn kif ukoll l-isports jinkludu potenzjal ta' ħolqien tax-xogħol importanti u m'għandhomx jitqiesu bħala spiża għall-ekonomija iżda bħala fatturi li jippermettu prosperità sostenibbli;

S.  billi hemm bżonn ta' approċċ strateġiku biex l-isfidi tat-tixjiħ u t-tnaqqis tal-popolazzjoni tal-UE fl-età tax-xogħol, speċjalment f'dak li jirrigwarda n-nuqqas ta' ħiliet futuri u d-diskrepanzi fis-suq tax-xogħol tal-UE u projezzjoni tal-evoluzzjoni fil-proporzjonijiet tad-dipendenza ekonomika, b'kont meħud ukoll taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fl-UE; billi huwa importanti li jkunu promossi l-opportunitajiet tal-mobilità professjonali, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ, inklużi dawk li jsegwu t-taħriġ vokazzjonali permezz tal-apprendistat;

1.  Jistieden lill-Kummissjoni tibni fuq ir-rieżami tal-acquis soċjali u tal-politiki soċjali u tal-impjieg tal-UE kif ukoll fuq ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika tal-2016 billi tagħmel proposti għal Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (EPSR) sod li mhuwiex limitat għal dikjarazzjoni tal-prinċipji u intenzjonijiet tajba iżda li jsaħħaħ id-drittijiet soċjali permezz ta' għodod konkreti u speċifiċi (leġiżlazzjoni, mekkaniżmi tat-teħid ta' deċiżjonijiet u strumenti finanzjarji), li jwassal għal impatt pożittiv fuq il-ħajja tan-nies fuq perjodu qasir u medju u li jippermetti appoġġ għal kostruzzjoni Ewropea fis-seklu 21 billi b'mod effikaċi jirrispetta l-objettivi soċjali tat-Trattati, jappoġġja l-istati soċjali nazzjonali, isaħħaħ il-koeżjoni, is-solidarjetà u l-konverġenza 'l fuq f'riżultati ekonomiċi u soċjali, jiżgura l-iżgurar ta' protezzjoni soċjali adegwata, inaqqas l-inugwaljanza, jikseb progress li suppost ilu li sar fit-tnaqqis tal-faqar u l-esklużjoni soċjali, jiffaċilita l-isforzi ta' riforma nazzjonali permezz ta' parametri referenzjarji u jgħin biex jitjieb il-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) u tas-suq uniku tal-UE;

2.  Iqis li dan il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali għandu jgħin ukoll biex jiżgura applikazzjoni xierqa tal-istandards internazzjonali tax-xogħol u jgħin biex jaġġorna l-acquis soċjali; huwa tal-fehma li l-istandards soċjali li għandhom jiġu artikolati mill-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali għandhom japplikaw għall-pajjiżi parteċipanti kollha fis-suq uniku sabiex jinżammu kundizzjonijiet ekwi u li l-leġiżlazzjoni, il-mekkaniżmi ta' governanza u l-istrumenti finanzjarji rilevanti għall-ksib tagħhom għandhom japplikaw għall-Istati Membri kollha tal-UE; jissottolinja li l-Pilastru tad-Drittijiet Soċjali għandu jiġi kkunsidrat fil-politiki ekonomiċi tal-UE; iqis li l-limiti speċifiċi ta' sħubija fiż-żona tal-euro titlob għal miri u standards soċjali speċifiċi addizzjonali li għandhom jiġu stabbiliti u li jiġi kkunsidrat appoġġ finanzjarju rilevanti fil-livell taż-żona tal-euro filwaqt li jibqgħu miftuħa għal Stati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro fuq bażi volontarja; jiġbed l-attenzjoni lejn il-possibilità li jintuża l-mekkaniżmu ta' kooperazzjoni msaħħaħ skont l-Artikolu 20 tat-TUE, jekk ikun meħtieġ, biex jinbena Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali sod;

3.  Jenfasizza li l-EPSR għandu jipprovdi lill-persuni li jgħixu fl-UE b'mezzi aktar b'saħħithom ta' kontroll fuq ħajjithom, li jippermettulhom jgħixu ħajja dinjituża u jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom billi jnaqqsu d-diversi riskji soċjali li jirriżultaw matul ħajjithom kollha u li n-nies jingħataw is-setgħa li jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà u li jkunu kapaċi jadattaw għal tibdiliet teknoloġiċi u ekonomiċi, inkluż permezz ta' titjib tal-ħiliet u appoġġ għall-intraprenditorija; jissottolinja li l-EPSR għandu jġiegħel lis-swieq jaħdmu għal prosperità kondiviża, il-benesseri u l-iżvilupp sostenibbli fil-kuntest ta' ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna, bl-għan ta' impjieg sħiħ u progress soċjali u l-użu wkoll ta' politika industrijali fil-livell tal-UE; iqis li dan il-Pilastru għandu jagħmel dan billi jippromwovi standards soċjali rilevanti u bl-għoti tas-setgħa lill-istati soċjali nazzjonali biex tinżamm il-koeżjoni soċjali u l-ugwaljanza fl-UE kollha permezz ta' sistemi ta' protezzjoni soċjali u politiki ta' inklużjoni soċjali adegwati, aċċessibbli u finanzjarjament sostenibbli; jenfasizza li għandu jiffaċilita wkoll il-moviment ħieles tal-ħaddiema f'suq tax-xogħol Ewropew aktar profond u ġust; jenfasizza l-fatt li l-EPSR għandu jikkontribwixxi wkoll biex jiġu rispettati l-prinċipji ta' trattament ugwali, tan-nondiskriminazzjoni u tal-opportunitajiet indaqs permezz ta' politiki soċjali u tal-impjieg; jirrakkomanda li l-Pilastru għalhekk jippermetti r-realizzazzjoni effikaċi tad-drittijiet soċjali eżistenti u li għandu jistabbilixxi drittijiet ġodda fid-dawl ta' żviluppi teknoloġiċi u soċjoekonomiċi ġodda; jemmen li, b'dawn il-modi, il-Pilastru se jsaħħaħ ukoll il-leġittimità tal-UE;

Aġġornament tal-istandards tax-xogħol u soċjali eżistenti

4.  Jistieden lis-sħab soċjali u lill-Kummissjoni biex jaħdmu flimkien biex jippreżentaw proposta għal direttiva qafas dwar kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti f'kull forma ta' impjieg, l-estensjoni tal-istandards minimi eżistenti għal forom ġodda ta' relazzjonijiet ta' impjieg, ibbażati fuq evalwazzjoni bir-reqqa tal-impatt; iqis li din id-direttiva qafas għandha ttejjeb l-infurzar tad-dritt tal-UE, iżżid iċ-ċertezza ġuridika madwar is-suq uniku u tevita d-diskriminazzjoni billi tikkomplementa d-dritt tal-UE eżistenti u tiżgura sett bażiku ta' drittijiet infurzabbli għal kull ħaddiem, irrispettivament mit-tip ta' kuntratt jew relazzjoni ta' impjieg, inkluż it-trattament ugwali, il-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà, il-protezzjoni matul il-leave tal-maternità, id-dispożizzjonijiet dwar il-ħin tax-xogħol u l-ħin ta' mistrieħ, il-bilanċ bejn il-ħajja professjonali u tal-familja, l-aċċess għat-taħriġ, ir-rata ta' appoġġ għal persuni b'diżabilità, biżżejjed informazzjoni, id-drittijiet ta' konsultazzjoni u ta' parteċipazzjoni, il-libertà ta' assoċjazzjoni u rappreżentazzjoni, il-ftehim kollettiv u l-azzjoni kollettiva; jissottolinja li din id-direttiva qafas għandha tapplika għall-impjegati u l-ħaddiema kollha f'forom ta' impjieg mhux standard, mingħajr ma neċessarjament temenda d-direttivi diġà eżistenti; ifakkar li d-drittijiet tax-xogħol eżistenti huma applikati mill-Istati Membri skont id-dritt nazzjonali u tal-UE; jitlob ukoll għal implimentazzjoni u kontroll aktar effikaċi u effiċjenti tal-istandards tax-xogħol eżistenti sabiex titjieb l-eżegwibilità tad-drittijiet u jiġi indirizzat ix-xogħol mhux iddikjarat;

Kundizzjonijiet tax-xogħol

5.  Jirrikonoxxi li ċerta varjeta ta' kuntratti ta' impjieg hija utli għat-tqabbil effiċjenti bejn il-ħaddiema u l-impjegaturi; ifakkar, madankollu, ir-riskju ta' duwaliżmu fis-suq tax-xogħol u l-perikolu ta' persuni maqbuda f'kuntratti prekarji mingħajr prospett tanġibbli ta' tranżizzjonijiet pożittivi; jenfasizza l-importanza ta' kuntratti ta' impjieg għal żmien indeterminat għal sigurtà soċjoekonomika u jiġbed l-attenzjoni lejn il-benefiċċji li dawn il-kuntratti jipprovdu għall-impjegaturi madwar diversi setturi; jappoġġja wkoll il-promozzjoni ta' mudelli tan-negozju fl-ekonomija soċjali; jistieden lill-Kummissjoni twessa' d-Direttiva dwar id-Dikjarazzjoni bil-Miktub (91/533/KEE) biex tkopri l-forom kollha ta' impjieg u r-relazzjonijiet ta' impjieg; jappella biex id-direttiva qafas dwar kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti tinkludi wkoll l-istandards minimi eżistenti rilevanti li jiġu żgurati f'ċerti relazzjonijiet speċifiċi, b'mod partikolari:

   (a) kontenut xieraq tat-tagħlim u t-taħriġ u kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti għall-internships, it-traineeships u l-apprendistati sabiex jiżgura li dawn iservu bħala pass intermedjarju ġenwin fit-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għall-ħajja professjonali, kif stipulat fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Qafas ta' Kwalità għat-Traineeships, u li jkunu limitati fiż-żmien u ma għandhomx jieħdu post l-impjiegi għaż-żgħażagħ; ir-rimunerazzjoni għandha tkun proporzjonata max-xogħol provdut, il-ħiliet u l-esperjenza tal-persuna u l-ħtieġa li l-interns, it-trainees u l-apprendisti fis-suq tax-xogħol barra l-kurrikuli edukattivi jkunu jistgħu jlaħħqu mal-ħajja;
   (b) għax-xogħol intermedjat minn pjattaformi diġitali u każijiet oħra ta' impjieg dipendenti ta' min jaħdem għal rasu, distinzjoni ċara – fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, u mingħajr preġudizzju għad-dritt nazzjonali – bejn dawk li jaħdmu għal rashom b'mod ġenwin u dawk f'relazzjoni ta' impjieg, b'kont meħud tar-Rakkomandazzjoni tal-ILO Nru 198, li tgħid li t-twettiq ta' diversi indikaturi hija biżżejjed biex tistabbilixxi relazzjoni ta' impjieg; l-istatus u r-responsabbiltajiet bażiċi tal-pjattaforma, il-klijent u l-persuna li jkunu qed iwettqu x-xogħol għandhom għalhekk jiġu ċċarati; standards minimi ta' kollaborazzjoni għandhom jiġu introdotti wkoll b'informazzjoni sħiħa u komprensiva għall-fornitur ta' servizz dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom, l-intitolamenti, il-livell assoċjat ta' protezzjoni soċjali u l-identità tal-impjegatur; dawk impjegati kif ukoll dawk li jaħdmu għal rashom b'mod ġenwin jiġu reklutati permezz ta' pjattaformi online għandu jkollhom l-istess drittijiet bħal fil-bqija tal-ekonomija u jiġu protetti permezz ta' parteċipazzjoni fi skemi ta' assigurazzjoni soċjali u tas-saħħa; l-Istati Membri għandhom jiżguraw sorveljanza xierqa tat-termini u l-kundizzjonijiet tar-relazzjoni ta' impjieg jew kuntratt ta' servizz, billi jiġi evitat l-abbuż ta' pożizzjonijiet dominanti mill-pjattaformi;
   (c) limiti dwar xogħol fuq talba: kuntratti li ma jispeċifikawx il-ħinijiet tax-xogħol m'għandhomx jitħallew, minħabba l-inċertezza kbira li dawn jinvolvu;

6.  Jirrikonoxxi t-tnaqqis fis-sehem tax-xogħol tad-dħul totali fl-Ewropa matul dawn l-aħħar deċennji; jenfasizza l-ħtieġa għal aktar konverġenza soċjali 'l fuq u li d-differenza fil-pagi bejn is-sessi li tingħalaq madwar l-UE sabiex tingħata spinta lid-domanda, tippermetti tkabbir sostenibbli u inklużiv u jitnaqqsu l-inugwaljanzi; jirrikonoxxi li pagi għal għajxien diċenti huma importanti bħala mezz biex jiġi evitat il-faqar fost dawk li jaħdmu; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja b'mod attiv kopertura usa' għal ftehimiet kollettivi skont it-tradizzjonijiet u l-prattiki nazzjonali tal-Istati Membri u b'rispett għall-awtonomija tas-sħab soċjali; jirrakkomanda l-istabbiliment ta' pagi bażiċi fil-forma ta' paga minima nazzjonali, fejn applikabbli, filwaqt li jiġu rrispettati l-prattiki ta' kull Stat Membru u wara li jiġu kkonsultati s-sħab soċjali; jistieden lill-Kummissjoni biex tgħin biex jiġu skambjati l-aħjar prattiki f'dan ir-rigward;

7.  Ifakkar li d-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin għas-saħħa u sikuri jinvolvi wkoll il-protezzjoni kontra r-riskji fuq il-post tax-xogħol kif ukoll limitazzjonijiet dwar il-ħin tax-xogħol u d-dispożizzjonijiet dwar il-perjodi minimi ta' serħan u leave annwali; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni rilevanti; jistenna l-proposti tal-Kummissjoni għal miżuri konkreti, biex tirrispetta dan id-dritt b'mod effikaċi għall-ħaddiema kollha, inklużi ħaddiema staġjonali u dawk b'kuntratt, u li jinkludu wkoll miżuri li jipprevjenu l-vjolenza kontra n-nisa u l-fastidju; jinnota li miżuri bħal dawn għandhom ikunu bbażati fuq valutazzjoni tal-impatt, li tirrifletti l-għarfien attwali kollha dwar ir-riskji tas-saħħa u s-sigurtà u tqis modi ġodda ta' ħidma assoċjati mad-diġitalizzazzjoni u żviluppi teknoloġiċi oħra;

8.  Jenfasizza l-importanza tad-dritt ta' negozjar kollettiv u azzjoni kollettiva bħala dritt fundamentali minqux fil-liġi primarja tal-UE; jistenna li l-Kummissjoni ssaħħaħ l-appoġġ konkret għat-tisħiħ u r-rispett għad-djalogu soċjali fil-livelli u s-setturi kollha, b'mod partikolari fejn mhuwiex żviluppat biżżejjed, filwaqt li jittieħed kont tal-prattiki nazzjonali differenti; jirrikonoxxi l-benefiċċji li l-ħaddiema jiġu involuti fit-tmexxija tal-kumpanija, inkluż f'kumpaniji transnazzjonali, u l-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tagħhom, anke biex isir użu tajjeb minn forom ġodda ta' organizzazzjoni ta' xogħol, jiġi żgurat li x-xogħol ikun sinifikanti u ta' sodisfazzjon u jiġi antiċipat it-tibdil ekonomiku; jitlob għal monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar il-Kunsilli tax-Xogħol Ewropej u l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema u għal miżuri effikaċi li jiżguraw li r-ristrutturar tal-kumpaniji jseħħ b'mod soċjalment responsabbli;

9.  Jenfasizza l-ħtieġa għal data komprensiva, affidabbli u aġġornata regolarment dwar il-kwalità tax-xogħol u l-impjiegi li tista' tintuża għall-monitoraġġ tal-kwalità tax-xogħol u l-impjiegi matul iż-żmien u tipprovdi evidenza għat-tfassil tal-politika dwar is-suġġett; jistieden lill-Eurofound tiżviluppa aktar l-attivitajiet tagħha fir-rigward tal-monitoraġġ tal-kwalità tal-impjiegi u tal-ħajja tax-xogħol tul l-istħarriġ tagħha dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol Ewropej fuq il-bażi tal-kunċett tagħha ta' kwalità tal-impjiegi li jinkludi l-qligħ, il-prospetti, l-ambjent fiżiku, l-ambjent soċjali, l-intensità tax-xogħol, l-użu u d-diskrezzjoni tal-ħiliet, il-kwalità tal-ħin tax-xogħol; jistieden lill-Eurofound biex tiżviluppa aktar ir-riċerka tagħha dwar il-politiki, il-ftehimiet mas-sħab soċjali u l-prattiki tal-kumpaniji li jappoġġjaw kwalità aħjar tal-impjiegi u tal-ħajja tax-xogħol;

Protezzjoni soċjali adegwata u sostenibbli

10.  Jirrimarka li d-drittijiet tal-protezzjoni soċjali huma drittijiet individwali; jappoġġja provvista aktar integrata ta' benefiċċji ta' protezzjoni soċjali u servizzi soċjali ta' kwalità b'tali mod li jagħmlu l-istat soċjali aktar komprensibbli u aċċessibbli filwaqt li ma jdgħajfux il-protezzjoni soċjali; jenfasizza l-ħtieġa għal protezzjoni soċjali adegwata u investiment soċjali tul il-ħajja tan-nies, biex kulħadd ikun jista' jieħu sehem bis-sħiħ fis-soċjetà u fl-ekonomija u jiġu sostnuti standards tal-għajxien deċenti; jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li ċ-ċittadini jiġu mgħarrfa dwar id-drittijiet soċjali u l-potenzjal ta' soluzzjonijiet ta' gvern elettroniku aċċessibbli, possibbilment bl-inklużjoni ta' karta tas-sigurtà soċjali Ewropea, b'garanziji b'saħħithom għall-protezzjoni tad-data, li tista' ttejjeb il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali tal-UE u sensibilizzazzjoni individwali, u jgħin ukoll lill-ħaddiema mobbli jiċċaraw u jissalvagwardjaw il-kontribuzzjonijiet u d-drittijiet tagħhom f'pajjiżi ta' oriġini u jiffaċilitaw ix-xogħol tal-ispettorati nazzjonali tax-xogħol; jenfasizza l-importanza ta' appoġġ personalizzat, wiċċ imb'wiċċ, b'mod partikolari għall-familji esklużi u vulnerabbli;

11.  Jaqbel mal-importanza ta' aċċess universali għal kura tas-saħħa preventiva u kurattiva fil-ħin, ta' kwalità tajba u affordabbli u għal mediċini; iqis dan bħala dritt li jrid jiġi rispettat, inkluż f'żoni rurali u reġjuni transkonfinali; jenfasizza li r-residenti kollha jridu jkunu koperti minn assigurazzjoni tas-saħħa; jaqbel li ż-żieda fil-prevenzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard hija investiment soċjali ovvju li jissarraf f'ġid, anke permezz ta' tixjiħ f'saħħtu;

12.  Huwa konxju li ż-żieda fl-istennija tal-għomor u forza tax-xogħol li qed tiċkien jippreżentaw sfida għas-sostenibilità u l-adegwatezza tas-sistemi tal-pensjoni u s-solidarjetà interġenerazzjonali; jinnota li l-għeluq tad-diskrepanza fil-pensjonijiet bejn is-sessi għandu jkun ukoll prijorità f'dan ir-rigward; jerġa' jafferma li l-aħjar metodu huwa li tiżdied ir-rata ġenerali tal-impjieg permezz ta' mudelli tal-impjieg marbuta ma' kopertura tal-assigurazzjoni tal-pensjoni sħiħa u b'attenzjoni partikolari lil ġenerazzjoni żagħżugħa u dawk l-aktar esklużi mis-suq tax-xogħol; iqis li l-etajiet tal-pensjoni għandhom jirriflettu, apparti fl-istennija tal-għomor, fatturi oħra li għandhom ikunu definiti fil-livell nazzjonali, fosthom l-iżviluppi fil-produttività, il-proporzjon tad-dipendenza fuq l-ekonomija u d-differenzi fit-tbatija tax-xogħol; ifakkar fl-importanza tal-investimenti fit-tixjiħ attiv u ta' arranġamenti li jippermettu lill-persuni li jkunu laħqu l-età tal-pensjoni biex ikollhom l-għażla li jkomplu jaħdmu fil-livell ta' intensità mixtieq tagħhom filwaqt li jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-pensjoni parzjalment jekk jaħdmu inqas minn full-time;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq analiżi sostantiva tal-aħjar prattika biex tassisti lill-Istati Membri fil-kalkolu tal-pensjonijiet minimi;

14.  Jirrakkomanda li l-ħaddiema kollha għandhom ikunu koperti minn assigurazzjoni kontra l-qgħad jew ix-xogħol part-time involontarju, flimkien ma' għajnuna għat-tiftix ta' impjieg u investiment f'taħriġ (mill-ġdid) f'konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti minn kull Stat Membru flimkien mas-sħab soċjali; ifakkar li benefiċċji xierqa għall-qgħad itejbu l-proċess ta' tqabbil u għalhekk huma utli għall-produttività, filwaqt li fl-istess ħin għandhom rwol prinċipali fil-prevenzjoni u fit-tnaqqis tal-faqar; iqis li l-EPSR għandu jirrakkomanda parametri referenzjarji rakkomandati għall-iskemi ta' assigurazzjoni nazzjonali għall-qgħad, b'mod partikolari rigward il-kopertura tagħhom, ir-rekwiżiti ta' attivazzjoni, rabta bejn it-tul tal-appoġġ u l-perjodu medju nazzjonali għat-tfittxija ta' impjieg, u l-kwalità tal-appoġġ provdut miċ-ċentri tal-impjieg;

15.  Jenfasizza l-importanza ta’ skemi ta' dħul minimu adegwat għaż-żamma tad-dinjità tal-bniedem u għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, kif ukoll ir-rwol tagħhom bħala forma ta' investimenti soċjali li jippermettu lin-nies li jipparteċipaw fis-soċjetà, u li jidħlu għal taħriġ u/jew ifittxu x-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jivvalutaw skemi ta' dħul minimu fl-Unjoni Ewropea, inkluż jekk l-iskemi jippermettux li l-familji jlaħħqu ma' ħtiġijiethom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jevalwaw fuq din il-bażi l-mod u l-mezzi għall-provvista ta' dħul minimu adegwat fl-Istati Membri kollha, u biex jikkunsidraw passi ulterjuri bil-għan li jirfdu l-konverġenza soċjali fl-Unjoni Ewropea kollha kemm hi, fil-qies taċ-ċirkustanzi ekonomiċi u soċjali ta' kull Stat Membru, kif ukoll il-prattiki u t-tradizzjonijiet nazzjonali;

16.  Jinsisti li d-drittijiet tal-persuni b'diżabilità għandhom jiġu integrati fil-Pilastru Soċjali kollu b'approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem f'konformità mal-obbligi tal-UE u tal-Istati Membri tagħha skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD); iqis li d-dispożizzjonijiet għandhom jinkludu mill-inqas:

   id-dritt għal xogħol deċenti u mingħajr ostakli fi swieq tax-xogħol u swieq tax-xogħol totalment inklużivi, miftuħa u aċċessibbli;
   servizzi u sigurtà tad-dħul bażiku adattati għal ħtiġijiet individwali speċifiċi, li jippermettu livell ta' għajxien deċenti u inklużjoni soċjali;
   garanzija ta' moviment liberu u t-trasferibilità ta' servizzi bejn l-Istati Membri tal-UE;
   edukazzjoni u taħriġ inklużivi, inkluż dispożizzjonijiet għal kompetenza diġitali adegwata;
   dispożizzjonijiet speċifiċi dwar protezzjoni mill-isfruttament u x-xogħol sfurzat ta' persuni b'diżabilità, b'mod partikolari fost persuni b'diżabilità intellettwali u psikosoċjali jew persuni deprivati mill-kapaċità ġuridika tagħhom;

17.  Jinnota bi tħassib li d-disponibilità u l-affordabilità ta' kura fit-tul jibqgħu problema ewlenija madwar l-Ewropa, bil-persuni li jindukraw fil-familja b'mod informali jispiċċaw maqbuda u ma jkunux jistgħu jkomplu jsegwu l-karrieri tagħhom; jiddeplora l-abbużi frekwenti tal-persuni li jindukraw li jiġu impjegati permezz ta' aġenziji tax-xogħol jew fuq bażi informali; iqis l-aċċess għal servizzi tal-kura fit-tul ta' kwalità u affordabbli, inkluża l-kura domiċiljari u skemi ta' għajxien indipendenti, bħala dritt li għandu jintlaqa' bl-appoġġ ta' professjonisti kwalifikati b'mod adegwat impjegati taħt kundizzjonijiet deċenti; jemmen li għalhekk għandhom jiddaħħlu fis-seħħ servizzi pubbliċi u assistenza adegwati għall-familji, b'mod partikolari dawk li jgħixu fuq dħul baxx, biex tiġi evitata l-istituzzjonalizzazzjoni u r-riskju ta' faqar; itenni t-talba tiegħu għal leġiżlazzjoni dwar il-liv tal-indukraturi li tillimita l-implikazzjonijiet dwar ir-rimunerazzjoni u l-intitolamenti għall-protezzjoni soċjali meta l-ħaddiema temporanjament iridu jieħdu ħsieb qrabathom; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi pjan ta' azzjoni konkret f'dan il-qasam, inklużi miri dwar il-kura għall-persuni anzjani, persuni b'diżabilità u dipendenti oħra, simili għall-miri ta' Barċellona, b'għodod għall-monitoraġġ li għandhom ikejlu l-kwalità, l-aċċessibilità u l-affordabilità; jitlob ukoll li jkun hemm aktar kondiviżjoni u l-adozzjoni tal-aħjar prattiki f'dan il-qasam;

18.  Iqis il-faqar fost it-tfal bħala kwistjoni ewlenija li dwarha l-Ewropa għandha taġixxi fuq skala kbira; jenfasizza d-dritt għal edukazzjoni, saħħa u sistemi tas-sigurtà soċjali universali bħala kundizzjonijiet bażiċi fil-ġlieda kontra l-faqar, b'mod partikolari fost it-tfal; b'kont meħud ta' dan l-għan, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni rapida tar-rakkomandazzjoni tal-2013 dwar "'L-investiment fit-tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ", u jitlob li jittieħdu passi konkreti lejn garanzija tat-tfal fl-Istati Membri kollha, b'tali mod li kull tifel u tifla li bħalissa jgħixu fir-riskju tal-faqar ikollhom aċċess għal kura tas-saħħa, edukazzjoni u kura tat-tfal mingħajr ħlas, kif ukoll akkomodazzjoni deċenti u nutrizzjoni adatta; jindika r-rabta meħtieġa ma' programmi li joffru appoġġ u opportunitajiet għall-ġenituri biex joħorġu minn sitwazzjonijiet ta' esklużjoni soċjali u jintegraw fis-suq tax-xogħol; jirrikonoxxi li dawn il-politiki jeħtieġu finanzjament adegwat fil-livell nazzjonali u appoġġ mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej;

19.  Jistieden lill-Istati Membri jiksbu riżultati konkreti dwar id-dritt għal akkomodazzjoni adegwata billi jiżguraw l-aċċess għal djar ta' kwalità bi prezz raġonevoli ta' daqs adegwat għal kulħadd, u għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-problema ta' persuni mingħajr dar bl-għan li din tiġi eliminata b'mod gradwali; iħeġġiġhom biex jimplimentaw leġiżlazzjoni u/jew miżuri oħra kif meħtieġ sabiex jiġi żgurat li l-aċċess għall-benefiċċji tal-akkomodazzjoni soċjali jew l-akkomodazzjoni adegwata jiġu pprovduti għal dawk fil-bżonn, ovvjament, inklużi l-persuni u l-familji mingħajr dar, u li l-persuni vulnerabbli u familji fqar huma protetti kontra t-tkeċċija jew li tiġi pprovduta akkomodazzjoni alternattiva adegwata lilhom; isejjaħ għall-provvediment tal-akkomodazzjoni li tkun kombinata mas-servizzi soċjali rilevanti li jappoġġjaw l-inklużjoni soċjali u ekonomika; jitlob li jittieħdu miżuri effikaċi biex jgħinu liż-żgħażagħ bi dħul baxx irabbu l-familja tagħhom; jenfasizza l-investimenti fl-akkomodazzjoni soċjali effiċjenti fl-enerġija bħala sitwazzjoni fejn jirbaħ kulħadd fl-impjiegi, l-ambjent, it-tnaqqis fil-faqar enerġetiku u t-twettiq tad-drittijiet soċjali; jappella għal aktar użu tal-istrumenti finanzjarji Ewropej rilevanti biex jappoġġjaw it-tiġdid urban u tad-djar affordabbli, aċċessibbli u effiċjenti fl-użu tal-enerġija u biex jiġi promoss l-iżvilupp ta' akkomodazzjoni soċjali f'reġjuni fejn dan huwa baxx; jitlob li l-forom kollha ta' kriminalizzazzjoni tal-faqar, bħal miżuri li b'mod inġust jissanzjonaw lill-persuni mingħajr dar jew forom oħra ta' privazzjoni materjali, jiġu aboliti;

20.  Jappella għal miżuri adegwati, inkluż titjib leġiżlattiv, jekk wara evalwazzjoni jirriżulta li jkun meħtieġ, li jiżgura d-disponibilità u l-aċċess għal kulħadd għal servizzi soċjali aċċessibbli u ta' kwalità ta' interess ġenerali u ta' servizzi oħra ta' interess ġenerali jew servizzi essenzjali bħall-provvista tal-ilma, il-ġestjoni tal-iskart, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, il-komunikazzjonijiet elettroniċi u l-broadband b'veloċità għolja, l-enerġija, it-trasport pubbliku u s-servizzi finanzjarji; jenfasizza r-rwol importanti tal-fornituri tas-settur pubbliku mgħammra sew u b'numru tajjeb ta' persunal u tal-intrapriżi soċjali u organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' profitt f'dan il-kuntest, peress li l-objettiv primarju huwa impatt soċjali pożittiv; jiġbed l-attenzjoni wkoll għar-rwol importanti tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali billi jipprovdu dawn is-servizzi u jagħmlu s-suq tax-xogħol aktar inklużiv; jitlob li jitneħħew l-inċertezzi ġuridiċi eżistenti esperjenzati mill-awtoritajiet pubbliċi fejn jidħlu s-servizzi soċjali finanzjarji ta' interess ġenerali; jappoġġja l-użu ta' kriterji soċjali fl-akkwist pubbliku; ifakkar li ż-żoni rurali, b'mod partikolari, jeħtieġu appoġġ kontinwu biex jimmodernizzaw l-infrastruttura tagħhom u jżommu d-dinamiżmu ekonomiku; jirrimarka wkoll dwar l-importanza ta' edukazzjoni finanzjarja li tgħin biex il-familji ma jidħlux f'dejn eċċessiv u għajnuna legali u mekkaniżmi oħra li jipproteġu u jappoġġjaw lid-debituri kontra prattiki predatorji u tipprovdihom b'ċans ieħor;

Opportunitajiet indaqs u aċċess għas-suq tax-xogħol

21.  Iqis li fid-dinja dejjem iżjed diġitalizzata tagħna, il-persuni bi kwalifiki baxxi mhux biss għandhom opportunitajiet ta' xogħol imnaqqsa, imma huma wkoll aktar vulnerabbli għall-qgħad fit-tul u jesperjenzaw aktar diffikultajiet biex jaċċessaw is-servizzi u biex jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà, sitwazzjoni li mhix biss detrimentali għall-individwu imma tiswa ħafna wkoll lill-ekonomija u lis-soċjetà inġenerali; jappoġġja għalhekk il-Garanzija ta' Ħiliet bħala dritt ġdid għal kulħadd, f'kull stadju tal-ħajja, biex jiksbu l-ħiliet fundamentali għas-seklu 21, inklużi l-litteriżmu, in-numeriżmu, il-litteriżmu medjatiku u diġitali, il-ħsieb kritiku, il-ħiliet soċjali u l-kompetenzi rilevanti meħtieġa għall-ekonomija ekoloġika u ċirkulari, b'kont meħud ta' industriji emerġenti u setturi ta' tkabbir ewlenin u li jiġi żgurat l-involviment sħiħ għall-persuni f'sitwazzjonijiet żvantaġġati, inklużi dawk b'diżabilità, dawk li jfittxu l-ażil, persuni li ilhom qiegħda għal perjodu twil u l-gruppi sottorappreżentati; jenfasizza li s-sistemi edukattivi għandhom ikunu inklużivi, u għandhom jipprovdu edukazzjoni ta' kwalità tajba għall-popolazzjoni kollha, li tippermetti lin-nies li jkunu ċittadini Ewropej attivi, tippreparahom biex ikunu kapaċi jitgħallmu u jadattaw tul ħajjithom u tirrispondi għall-ħtiġijiet soċjali u tas-suq tax-xogħol; iqis li t-tlestija tal-edukazzjoni sekondarja għandha tkun obbligatorja fl-Ewropa tas-seklu 21 u li programmi rilevanti jridu jkunu disponibbli biex jagħtu liż-żgħażagħ kollha li ma jkunux komplew l-iskola primarja jew sekondarja ċans ieħor; iqis li l-Garanzija ta' Ħiliet għandha tinvolvi valutazzjoni individwalizzata tal-ħtiġijiet ta' tagħlim, offerta ta' tagħlim ta' kwalità u validazzjoni sistematika tal-ħiliet u l-kompetenzi miskuba, li tippermetti r-rikonoxximent faċli tagħhom fis-suq tax-xogħol; jindika l-ħtieġa li jiġi garantit l-aċċess wiesa' għall-broadband sabiex jiġi permess il-litteriżmu diġitali; jenfasizza l-Garanzija ta' Ħiliet bħala investiment soċjali importanti, li teħtieġ implimentazzjoni xierqa u finanzjament adegwat, anke bl-appoġġ mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej;

22.  Jinsab imħasseb dwar il-firxa ta' inċertezza soċjoekonomika u d-deterjorament tal-kundizzjonijiet tax-xogħol għal bosta ħaddiema; jirrikonoxxi li ħafna ħaddiema f'forom ta' xogħol mhux standard għandhom diffikultajiet biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom fuq ix-xogħol jew jiksbu aċċess għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali u li n-nisa u l-migranti huma affettwati b'mod sproporzjonat minn din il-problema; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni u l-infurzar tad-Direttiva dwar Xogħol għal Żmien Fiss, id-Direttiva dwar ix-Xogħol Part-Time u d-Direttiva dwar Xogħol Temporanju permezz ta' Aġenzija; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu passi għat-titjib tat-trasferibilità tad-drittijiet soċjali miksuba f'attivitajiet differenti; jenfasizza l-importanza li jiġu żgurati biżżejjed kapaċitajiet biex jipprovdu protezzjoni soċjali fil-livell ta' Stati Membri għall-persuni f'kull forma ta' impjieg, relazzjonijiet ta' impjieg standard u mhux standard kif ukoll dawk li jaħdmu għal rashom; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi rakkomandazzjoni f'dan ir-rigward; iqis, b'mod partikolari, li:

   (a) l-Istati Membri għandhom jorganizzaw l-iskemi ta' sigurtà soċjali b'tali mod li jippermettu lin-nies kollha f'kull forma ta' impjieg, relazzjonijiet ta' impjieg u impjieg indipendenti jakkumulaw drittijiet li jipprovdu sigurtà ta' dħul f'sitwazzjonijiet bħal qgħad, xogħol part-time involontarju, problemi ta' saħħa, età avvanzata jew waqfiet mill-karriera għat-trobbija tat-tfal, kuri oħra jew taħriġ ieħor;
   (b) minn mindu jidħlu għall-ewwel darba fis-suq tax-xogħol, il-persuni kollha f'kull forma ta' impjieg, relazzjonijiet ta' impjieg u impjieg indipendenti għandu jkollhom kont ta' attività personali, aċċessibbli faċilment permezz ta' kuntatti personali u mezzi elettroniċi, filwaqt li jittieħed kont tal-ħtiġijiet tal-persuni b'diżabilità, fejn jistgħu jikkonsultaw id-drittijiet soċjali akkumulati tagħhom u drittijiet soċjali oħra, inkluż għat-tagħlim tul il-ħajja, u fejn jistgħu jitgħallmu dwar it-trasferibilità tagħhom minn pajjiż għal ieħor, jekk applikabbli; tali kontijiet ta' attività personali għandhom ikunu disponibbli b'mod kosteffikaċi u għandha tkun żgurata protezzjoni tad-data adegwata;
   (c) pjattaformi diġitali u intermedjarji oħra għandu jkollhom l-obbligu li jirrapportaw ix-xogħol kollu mwettaq minnhom lill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-iżgurar ta' kontribuzzjonijiet adegwati u protezzjoni permezz ta' assigurazzjoni soċjali u tas-saħħa għall-ħaddiema kollha;

23.  Jirrimarka li tranżizzjonijiet professjonali jeħtieġu investiment adegwat, kemm fil-kapaċità istituzzjonali tas-servizzi tal-impjiegi pubbliċi kif ukoll biex jassistu fit-tfittxija individwali u titjib tal-kompetenzi fl-aktar stadju bikri possibbli; jemmen li politiki tal-impjiegi proattivi, bħat-taħriġ u l-assistenza għall-kollokament f'impjieg li jkunu għodod utli għall-integrazzjoni mill-ġdid tal-persuni qiegħda fis-suq tax-xogħol, irrispettivament mill-età; ifakkar fir-rwol utli tal-Fond Soċjali Ewropew fl-appoġġ tal-politiki dwar is-suq tax-xogħol attiv madwar l-Ewropa u tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, li jappoġġja t-taħriġ mill-ġdid u d-dħul lura fl-impjieg fil-każ ta' xokkijiet ekonomiċi reġjonali u sensji fuq skala kbira; ifakkar, barra minn hekk, ir-rwol importanti tal-iskemi tas-sigurtà soċjali fl-appoġġ għal tranżizzjonijiet siguri; jenfasizza li l-preservazzjoni u l-portabilità tal-intitolamenti soċjali akkumulati matul il-karriera u ċ-ċiklu tal-ħajja għandhom jiġu żgurati biex jiffaċilitaw it-tranżizzjonijiet fl-impjiegi u professjonali;

24.  Jenfasizza li politika tal-impjiegi proattiva timplika appoġġ pubbliku għall-iżvilupp ta' setturi b'potenzjal importanti ta' impjieg u, anke f'ħafna pajjiżi, il-ħtieġa li jikber ir-rwol tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi u jiżguraw li jkollhom kapaċità xierqa għal kuntatt dirett mal-intrapriżi, biex it-taħriġ mill-ġdid jew assistenza oħra lil dawk li qed ifittxu xogħol huma pprovduti skont il-profil ta' min qed ifittex ix-xogħol u l-ħtiġijiet tal-ekonomija lokali; jappella għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ għal dawk kollha li huma taħt it-30 sena, b'enfasi fuq il-kwalità tal-offerti u komunikazzjoni effikaċi għal kull NEET, u tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar dawk qiegħda fit-tul, inkluż permezz tal-iżvilupp ta' miżuri addizzjonali meħtieġa biex jiżguraw l-aċċessibilità ta' dawn il-politiki għall-persuni bi ħtiġijiet ta' appoġġ; jenfasizza l-ħtieġa li jitqiesu l-ħtiġijiet ta' ħaddiema avvanzati fl-età u persuni li qed ifittxu impjieg u tiġi promossa l-kooperazzjoni bejn iż-żgħażagħ u l-ħaddiema avvanzati fl-età; jenfasizza dawn il-politiki bħala riformi strutturali u investimenti soċjali importanti li jeħtieġu finanzjament adegwat kemm fuq il-livell Ewropew kif ukoll f'dak nazzjonali, inkluż mill-Fond Soċjali Ewropew, l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ u/jew strumenti oħra;

25.  Ifakkar li n-nisa huma aktar probabbli li jkunu soġġetti għal impjieg b'paga baxxa u inċerta u għal interruzzjonijiet fil-karriera tagħhom, u li dan għandu konsegwenzi għal ħajjithom kollha; iqis li huwa meħtieġ b'urġenza progress deċiżiv fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-bilanċ bejn il-ħajja tal-familja u dik tax-xogħol sabiex tiġi eliminata d-diskriminazzjoni persistenti; jistenna l-proposti tal-Kummissjoni f'dan il-qasam kif imħabbar fil-programm ta' ħidma tagħha tal-2017, b'mod partikolari fir-rigward ta' dan li ġej:

   (a) il-mekkaniżmi eżistenti biex jiżguraw trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa għandhom jissaħħu, id-distakk persistenti bejn is-sessi fil-pagi u l-pensjonijiet għandu jingħalaq, u s-segregazzjoni okkupazzjonali għandha titnaqqas; għal dan l-għan, l-implimentazzjoni u l-infurzar tad-Direttiva 2006/54/KE għandhom jiġu mmonitorjati u d-Direttiva għandha tiġi riveduta jekk ikun meħtieġ; il-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi għall-2011-2020 u l-Impenn Strateġiku għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2019 għandhom jitkomplew, anke permezz ta' rapporti annwali dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi;
   (b) hemm il-ħtieġa għal miżuri effikaċi ġodda kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f'dak nazzjonali għar-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali, privata u tal-familja, inklużi proposti leġiżlattivi rigward il-leave tal-maternità, tal-paternità, tal-ġenituri, tal-indukraturi, aċċess għal servizzi tal-kura ta' kwalità u arranġamenti għal ħinijiet tax-xogħol flessibbli; it-teħid ugwali ta' arranġamenti tal-leave bejn l-irġiel u n-nisa fil-kategoriji kollha tal-ħaddiema għandu jiġi inkoraġġut sabiex jitjieb l-aċċess tan-nisa għas-suq tax-xogħol u l-pożizzjoni tagħhom fih, jissaħħaħ ir-rwol tal-missirijiet fit-trobbija tat-tfal tagħhom u jiġi ffaċċilitat il-bilanċ bejn il-ħajja tal-familja u dik tax-xogħol; il-Kummissjoni għandha wkoll tappoġġja l-Istati Membri fil-kondiviżjoni u fl-adozzjoni ta' prattiki tajba f'dan il-qasam;

26.  Ifakkar li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE tipprojbixxi kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali; jenfasizza li kulħadd għandu jgawdi mill-istess opportunitajiet tul ħajjithom kollha, inkluż waqt li jkunu qed ifittxu impjieg u fuq il-post tax-xogħol; jenfasizza l-ħtieġa ta' implimentazzjoni tajba tad-Direttiva 2000/78/KE dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi u d-Direttiva 2000/43/KE dwar l-Ugwaljanza Razzjali; iħeġġeġ lill-Istati Membri jintensifikaw l-implimentazzjoni u lill-Kummissjoni tivvaluta l-infurzar tal-miżuri eżistenti li jiggarantixxu n-nondiskriminazzjoni u l-opportunitajiet indaqs u biex ittejjeb il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-integrazzjoni soċjali tal-gruppi li mhumiex rappreżentati biżżejjed; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi rakkomandazzjonijiet konkreti ġodda f'dan ir-rigward, jekk meħtieġa; ifakkar li d-Direttiva dwar it-Trattament Ugwali proposta fl-2008 u li għadha mhix adotta tirrappreżenta element nieqes fil-qafas leġiżlattiv dwar in-nondiskriminazzjoni; jiġbed l-attenzjoni lejn il-ġurisprudenza Ewropea u nazzjonali li tindika obbligu ta' akkomodazzjoni raġonevoli għar-raġunijiet kollha ta' diskriminazzjoni għandu jiġi stabbilit fid-dritt tal-UE u nazzjonali, sakemm dan ma jimponix piż sproporzjonat fuq l-impjegaturi u l-fornituri tas-servizz; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja l-oqsfa ġuridiċi u l-politiki tal-Istati Membri f'konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-UE sabiex tiġi żgurata l-integrazzjoni, it-trattament ugwali u l-kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti huma garantiti lill-persuni kollha bi status ta' rifuġjat; jenfasizza li għandu jiġi żgurat l-aċċess għall-ġustizzja u l-protezzjoni tal-vittmi kollha ta' sfruttament u ta' diskriminazzjoni;

Mobilità tal-ħaddiema

27.  Jenfasizza li l-moviment liberu tal-persuni huwa wieħed mill-akbar kisbiet tal-UE u li l-moviment ħieles tal-ħaddiema huwa wieħed mis-sisien tas-suq intern, li għandu rwol importanti biex tissaħħaħ il-konverġenza u l-integrazzjoni fost l-Istati Membri; jenfasizza li l-mobilità fi ħdan l-UE hija opportunità u dritt fundamentali li l-eżerċizzju tagħhom jeħtieġ li jiġi appoġġjat, inkluż permezz ta' sistema li tiffunzjona bla xkiel tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali; jappella għall-implimentazzjoni u l-infurzar adatti tar-regoli tal-UE dwar il-mobilità tal-ħaddiema u l-provvista transkonfinali tas-servizzi; jitlob, barra minn hekk, li jingħata appoġġ għall-mobilità tax-xogħol permezz ta' taħriġ lingwistiku fil-livelli kollha tal-edukazzjoni, il-komparabilità mtejba tas-sistemi edukattivi u r-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali, informazzjoni faċilment disponibbli dwar id-drittijiet u d-dmirijiet tal-ħaddiema mobbli, u miżuri li jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u kooperazzjoni effikaċi fost is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi madwar l-Ewropa; jinnota li l-mobilità m'għandhiex tkun ir-riżultat ta' opportunitajiet ta' impjieg inadegwati jew protezzjoni soċjali inadegwata f'reġjuni ta' oriġini tal-ħaddiema peress li flussi 'l barra tal-forza tax-xogħol jistgħu jxekklu l-konverġenza ekonomika; jindika, għalhekk, l-importanza tal-politika ta' koeżjoni u strumenti oħra għal żvilupp ekonomiku bbilanċjat bejn it-territorji; iqis li l-mobilità tal-ħaddiema m'għandhiex tiġi abbużata biex ixxekkel l-istandards soċjali tal-pajjiżi ospitanti permezz ta' frodi jew ċirkomvenzjoni tal-liġi; jenfasizza l-fatt li normalment, il-ħaddiema mobbli huma kontributuri netti għall-baġits pubbliċi tal-pajjiżi ospitanti; jitlob għal investimenti adegwati fis-servizzi pubbliċi f'oqsma li qed jesperjenzaw żidiet fil-popolazzjoni u jiġbed l-attenzjoni lejn l-appoġġ li l-Fond Soċjali Ewropew jista' jipprovdi f'dan ir-rigward;

28.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex iqisu l-impatt soċjali tal-mobilità fuq l-għadd dejjem jikber ta' familji transnazzjonali, pereżempju billi jipprovdu opportunitajiet ta' leave biex jieħdu ħsieb membri tal-familja f'pajjiż ieħor u jiżguraw it-trasferibilità u l-komparabilità tas-sistemi edukattivi f'termini tal-mobilità tat-tfal tal-iskola;

29.  Jistieden lill-Istati Membri jagħmluha obbligatorja għall-impjegaturi biex jipprovdu kuntratt ta' impjieg f'lingwa magħrufa miċ-ċittadini mobbli tal-UE, sabiex il-kuntratt tax-xogħol ikun jinftiehem mill-ħaddiema;

Il-bini tal-mezzi sabiex jinkisbu r-riżultati fil-prattika

30.  Jistieden lill-Kummissjoni tibni fuq ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika u fuq il-fehmiet tal-istituzzjonijiet tal-UE billi tressaq pjan direzzjonali ċar tal-miżuri konkreti għall-implimentazzjoni prattika sħiħa tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u t-twettiq sħiħ tal-objettivi soċjali tat-Trattati; jenfasizza l-fatt li, sabiex jiġu mħarsa d-drittijiet soċjali fundamentali, dispożizzjonijiet bħalma huma l-Artikoli 8, 9 u 10 tat-TFUE għandhom jiġu applikati kif xieraq, fit-tfassil tal-politika tal-UE u fl-azzjonijiet kollha tal-istituzzjonijiet tal-UE, inkluż permezz ta' valutazzjonijiet tal-impatt soċjali;

31.  Jitlob li jiġi introdott protokoll soċjali fit-Trattati meta jiġu riveduti, sabiex jissaħħu d-drittijiet soċjali fundamentali b’rabta mal-libertajiet ekonomiċi;

32.  Jistieden lill-Istati Membri jiffirmaw u jirratifikaw il-Karta Soċjali Ewropea riveduta u l-Konvenzjoni Ewropea dwar is-Sigurtà Soċjali (ETS Nru 78); jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni teżamina l-passi meħtieġa għall-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Karta riveduta u tipproponi perjodu ta' żmien għal dan l-objettiv;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi bħala parti integrali mill-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u tinkludi valutazzjonijiet tal-impatt sistematiċi abbażi tal-ġeneru bħala parti mill-valutazzjoni tal-konformità tad-drittijiet fundamentali;

34.  Jinsab imħasseb dwar l-impatt negattiv persistenti tal-kriżi ekonomika mtawla li l-Ewropa għaddiet fl-ewwel nofs ta' dan id-deċennju u li ħalliet impatt fuq xi pajjiżi u reġjuni aktar minn oħrajn; iqis li l-objettiv ta' konverġenza ekonomika u soċjali 'l fuq għandu jkun ibbażat fuq sett ta' miri, li jibni fuq l-istrateġija Ewropa 2020 u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, li għandhom jiggwidaw il-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi, tal-impjiegi u soċjali fl-UE u jipprovdu direzzjoni għaż-żona tal-euro fejn hija meħtieġa attenzjoni speċjali għall-konverġenza ekonomika u soċjali 'l fuq;

35.  Jiġbed l-attenzjoni għar-rabta reċiproka bejn il-kundizzjonijiet soċjali u l-prestazzjoni ekonomika; jappella biex il-miri tal-Ewropa 2020, it-tabella ta' valutazzjoni eżistenti tal-indikaturi ewlenin dwar l-impjiegi u l-qasam soċjali fir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi u l-Kodiċi ta' Konverġenza potenzjali ġdid jkunu mitqiesa b'mod dirett u trasparenti fil-formulazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u r-rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro, kif ukoll fl-użu tal-istrumenti tal-UE; iqis li l-istrumenti tal-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi u tal-metodu miftuħ soċjali ta' koordinazzjoni għandhom jissaħħu wkoll għal dan il-għan; iħeġġeġ rwol aktar b'saħħtu għad-djalogu makroekonomiku mas-sħab soċjali fil-formulazzjoni tat-taħlita tal-politiki ekonomiċia fil-livell Ewropew; iqis is-sorveljanza makrosoċjali bħala importanti ħafna f'li jiġi żgurat li l-iżbilanċi ekonomiċi ma jitnaqqsux għad-detriment tal-impjieg u s-sitwazzjoni soċjali u tipprevjeni t-triq għan-niżla f'termini ta' standards soċjali fl-UE; itenni t-talba tiegħu għall-aġenda Ewropea ta' riformi u investimenti li għandhom l-għan li jsaħħu l-potenzjal tat-tkabbir ibbażat fuq l-impjiegi ta' kwalità u l-produttività, sabiex jiġu promossi sistemi ta' għajnuna soċjali ġusti, robusti, effiċjenti u sostenibbli u sabiex tiġi promossa tranżizzjoni sostenibbli tal-ekonomiji tal-Istati Membri lejn effiċjenza akbar tar-riżorsi;

36.  Jikkunsidra li l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u l-indipendenza ekonomika tagħhom hija kruċjali għall-għan li tintlaħaq il-mira tal-istrateġija Ewropa 2020 ta' rata tal-impjiegi b'mod ġenerali ta' 75 % u biex tingħata spinta lill-PDG; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għalhekk, biex isaħħu l-politiki u jżidu l-investiment favur l-impjieg tan-nisa f'impjiegi ta' kwalità, b'mod partikolari fis-setturi u fil-pożizzjonijiet fejn in-nisa huma sottorappreżentati, bħal fis-setturi tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM) u tal-ekonomija ekoloġika, jew f'pożizzjonijiet maniġerjali għolja fis-setturi kollha;

37.  Jinnota li n-nisa u l-bniet jiġu milquta b'mod sproporzjonat mill-faqar u l-esklużjoni soċjali, u jitlob impetu politiku mġedded għal strateġija Ewropea ambizzjuża kontra l-faqar u impenn ġdid biex jintlaħqu l-miri Ewropej kontra l-faqar sal-2020; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiddeskrivu pjanijiet dettaljati ta' strateġija nazzjonali kontra l-faqar, u lill-Kummissjoni biex tenfasizza t-tnaqqis tal-faqar fis-Semestru Ewropew;

38.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jaħdmu lejn l-iżgurar ta' livell xieraq ta' investimenti soċjali li huma essenzjali għall-koeżjoni tas-soċjetà u jkollhom impatt pożittiv ċar fuq it-tkabbir ekonomiku fuq kemm it-terminu qasir kif ukoll it-terminu twil (pereżempju l-kura tat-tfal, l-edukazzjoni, il-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-Garanzija ta' Ħiliet); iqis li l-valutazzjoni tal-kwalità tal-infiq pubbliku għandha wkoll tirrifletti dan it-tħassib;

39.  Itenni t-talba tiegħu għal-laqgħat konġunti li għandhom isiru bejn il-formazzjonijiet tal-Kunsill EPSCO u ECOFIN bl-għan li jippromwovu politiki soċjoekonomiċi kkoordinati aħjar, kif ukoll laqgħat regolari tax-xogħol fiż-żona tal-euro u l-ministri għall-affarijiet soċjali li jservu biex itejbu l-koordinazzjoni politika fi ħdan iż-żona tal-euro u jindirizzaw kif xieraq l-iżbilanċi soċjali;

40.  Jenfasizza li l-fatt li l-fenomeni kurrenti ta' produzzjoni b'intensità għolja ta' kapital u l-kontribut importanti ta' assi mhux tanġibbli għall-ħolqien ta' valur miżjud fuq naħa, u rati għoljin ta' inugwaljanza, qgħad, iż-żieda kontinwa f'xogħol "atipiku" u t-tnaqqis fis-sehem tax-xogħol tad-dħul totali min-naħa l-oħra, jimplikaw ħtieġa li titwessa' l-bażi finanzjarja għas-sistemi tal-assistenza soċjali, bin-newtralità fiskali, sabiex tiġi provduta protezzjoni soċjali adegwata u servizzi ta' kwalità għal kulħadd; iqis li dan għandu jsir b'mod partikolari permezz ta' ċaqliq lejn sorsi oħrajn ta' dħul fiskali; iħeġġeġ lill-Istati Membri jivvalutaw il-ħtiġijiet tagħhom f'dan ir-rigward; ifakkar li l-akkumulazzjoni tad-drittijiet tas-sigurtà soċjali permezz tax-xogħol hija aspett importanti ta' xogħol deċenti u tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għal stabilità ekonomika u soċjali; jirrimarka, madankollu, li l-porzjon ta' taxxa fuq ix-xogħol jista' jitnaqqas filwaqt li jiżgura s-sostenibbiltà u l-adegwatezza tal-iskemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali; jenfasizza wkoll il-fatt li l-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa hija ta' importanza kruċjali biex jiġu żgurati livell adegwat ta' investiment pubbliku u s-sostenibbiltà tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali;

41.  Iqis li dan il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jista' jkun kredibbli biss jekk akkumpanjat minn finanzjament adegwat fil-livell nazzjonali u dak Ewropew, biex jiġi żgurat li l-Istati Membri huma kapaċi jilħqu l-objettivi miftiehma b'mod komuni; itenni l-appell tiegħu għal implimentazzjoni aċċellerata ta' programmi operazzjonali rilevanti u reviżjoni tal-QFP 2014-20 fejn meħtieġ sabiex ilaħħaq mal-ħtiġijiet li żdiedu; jitlob, b'mod partikolari, għal tisħiħ ulterjuri tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ u passi ulterjuri biex jiġi żgurat aċċess aktar faċli għall-Fond Soċjali Ewropew, il-FEG u l-FEAD kif ukoll l-użu tagħhom; iqis li dawn l-istrumenti finanzjarji għandhom jibqgħu disponibbli għall-Istati Membri kollha u jissaħħu kif meħtieġ, inkluż f'dak li għandu x'jaqsam mal-edukazzjoni u t-taħriġ, il-Garanzija ta' Ħiliet, il-faqar fost it-tfal u sfidi ġodda mhux previsti bħalma huma l-integrazzjoni tar-rifuġjati fis-suq tax-xogħol; jemmen li r-regola li talloka 20 % tal-pakketti tal-FSE nazzjonali għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali għandhom jiġu rispettati;

42.  Jitlob li jiġi pprovdut aktar appoġġ mill-UE għall-bini tal-kapaċità istituzzjonali, pereżempju fir-rigward tad-djalogu soċjali, in-netwerk Ewropew tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, l-Iskambju Elettroniku ta' Informazzjoni dwar is-Sigurtà Soċjali kif ukoll il-pjattaforma kontra x-xogħol mhux iddikjarat, li jista' jevolvi fuq medda ta' żmien itwal lejn sistema Ewropea ta' spettorati tax-xogħol; jindika, f'dan il-kuntest, l-importanza tal-Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI) u l-appoġġ tal-FSE għal bini tal-kapaċità rilevanti fil-livell nazzjonali;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Grupp BEI biex ikomplu jiżviluppaw il-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa sabiex jissaħħaħ l-investiment fl-irkupru ekonomiku, il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità, l-iżvilupp sostenibbli u l-investiment soċjali fil-kapaċitajiet attwali u futuri tal-persuni biex jidħlu fis-suq tax-xogħol;

44.  Iqis li l-impatt soċjali ta' aġġustament ekonomiku fiż-żona tal-euro jista' jittaffa u l-konverġenza ekonomika u soċjali 'l fuq tista' tiġi msaħħa permezz ta' finanzjament adegwat sabiex tiġi evitata deterjorazzjoni ulterjuri fir-rigward tal-inugwaljanzi u l-potenzjal tat-tkabbir tal-Istati Membri u biex ilaħħqu ma' xokkijiet makroekonomiċi kbar filwaqt li tiżdied il-kompetittività u l-istabbiltà tal-ekonomiji tal-Istati Membri; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lil korpi rilevanti oħra biex jindirizzaw din il-kwistjoni f'aktar diskussjonijiet;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta l-proposti tagħha dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fl-okkażjoni tal-ħruġ tal-White Paper tagħha mħabbra dwar il-futur tal-UE u tal-UEM;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Istati Membri biex ikomplu l-azzjoni esterna koerenti mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, b'mod partikolari billi jippromwovu l-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet tan-NU u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, il-konvenzjonijiet tal-ILO, il-konklużjonijiet rilevanti tal-G20, il-konvenzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tal-Ewropa u l-ftehimiet kummerċjali tal-UE u l-isħubijiet strateġiċi;

47.  Iqis li l-EPSR għandu jiġi adottat fl-2017 bħala ftehim bejn il-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni u l-Kunsill Ewropew, li jinvolvi s-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili fl-ogħla livell, u għandu jinkludi pjan direzzjonali ċar għall-implimentazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi mekkaniżmi għal involviment adegwat tal-partijiet interessati rilevanti kollha fil-livelli rilevanti kollha fl-implimentazzjoni tal-EPSR;

o
o   o

48.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 68, 18.3.2010, p. 13.
(2) ĠU L 307, 18.11.2008, p. 11.
(3) ĠU L 59, 2.3.2013, p. 5.
(4) Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16).
(5) Id-Direttiva tal-Kunsill 91/533/KEE tal-14 ta' Ottubru 1991 dwar l-obbligazzjoni ta' min iħaddem li jgħarraf lill-ħaddiema bil-kondizzjonijiet applikabbli għall-kuntratt jew għar-relazzjoni tal-impjieg (ĠU L 288, 18.10.1991, p. 32).
(6) Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU L 175, 10.7.1999, p. 43).
(7) Id-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta' aġenzija (ĠU L 327, 5.12.2008, p. 9).
(8) Id-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE tal-15 ta' Diċembru 1997 li tikkonċerna l-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC - Anness : Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time (ĠU L 14, 20.1.1998, p. 9).
(9) Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità (ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22).
(10) ĠU C 13, 15.1.2016, p. 40.
(11) Testi adottati, P8_TA(2016)0312.
(12) ĠU C 440, 30.12.2015, p. 23.
(13) ĠU C 353, 27.9.2016, p. 39.
(14) ĠU C 482, 23.12.2016, p. 141.
(15) ĠU C 407, 4.11.2016, p. 2.
(16) Testi adottati, P8_TA(2015)0351.
(17) Testi adottati, P8_TA(2015)0401.
(18) Testi adottati, P8_TA(2015)0411.
(19) Testi adottati, P8_TA(2016)0136.
(20) Testi adottati, P8_TA(2016)0318.
(21) Testi adottati, P8_TA(2016)0346.
(22) Testi adottati, P8_TA(2016)0338.
(23) Testi adottati, P8_TA(2016)0377.
(24) Testi adottati, P8_TA(2015)0321.
(25) Testi adottati, P8_TA(2016)0008.
(26) ĠU C 419, 16.12.2015, p. 5.
(27) Testi adottati, P7_TA(2010)0085, P7_TA(2010)0312, P7_TA(2011)0092, P7_TA(2013)0545, P7_TA(2013)0594, P8_TA(2015)0095.
(28) The Employment and Social Development Quarterly Review, Ħarifa 2016, Kummissjoni Ewropea.

Avviż legali - Politika tal-privatezza