Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2086(INL)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0370/2016

Testi mressqa :

A8-0370/2016

Dibattiti :

PV 02/02/2017 - 4
CRE 02/02/2017 - 4

Votazzjonijiet :

PV 02/02/2017 - 7.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0013

Testi adottati
PDF 581kWORD 63k
Il-Ħamis, 2 ta' Frar 2017 - Brussell Verżjoni finali
Aspetti transfruntiera tal-adozzjonijiet
P8_TA(2017)0013A8-0370/2016
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Frar 2017 li jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-aspetti transfruntiera tal-adozzjonijiet (2015/2086(INL))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 67(4) u 81(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-20 ta' Novembru 1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal, u b'mod partikolari l-Artikoli 7, 21 u 35 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tal-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal dwar il-Bejgħ tat-Tfal, il-Prostituzzjoni tat-Tfal u l-Pornografija tat-Tfal, tal-25 ta' Mejju 2000,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Konsulari tal-24 ta' April 1963,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' The Hague tad-29 ta' Mejju 1993 dwar il-Protezzjoni tal-Ulied u l-Kooperazzjoni f'Adozzjonijiet bejn Pajjiż u ieħor,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' analiżi tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa, dwar l-Adozzjoni u t-Tfal: perspettiva tad-drittijiet tal-bniedem, ippubblikat fit-28 ta' April 2011,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 46 u 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A8-0370/2016),

Standards minimi komuni għall-adozzjonijiet

A.  billi fil-qasam tal-adozzjoni, huwa essenzjali li kwalunkwe deċiżjoni jenħtieġ li tittieħed f'konformità mal-prinċipju tal-aħjar interessi tat-tfal, in-nondiskriminazzjoni, u b'rispett għad-drittijiet fundamentali tiegħu jew tagħha;

B.  billi l-iskop tal-adozzjoni mhuwiex li tagħti lill-adulti d-dritt għal tifel, iżda li tagħti lit-tfal ambjent stabbli, ta' mħabba u indokrar biex fih jikbru u jiżviluppaw b'mod armonjuż;

C.  billi l-proċedura ta' adozzjoni tikkonċerna tfal li fil-mument meta tkun tressqet l-applikazzjoni għall-adozzjoni jkunu għadhom ma għalqux it-18-il sena jew l-età maġġuri fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom;

D.  billi jenħtieġ li jinstab bilanċ tajjeb bejn id-dritt tat-tfal adottati li jkunu jafu l-identità vera tagħhom u d-dritt tal-ġenituri bijoloġiċi li jipproteġu l-identità tagħhom;

E.  billi jenħtieġ li l-awtoritajiet rilevanti ma jqisux iċ-ċirkostanzi ekonomiċi tal-ġenituri bijoloġiċi bħala l-unika bażi u ġustifikazzjoni għaċ-ċħid tal-awtorità tal-ġenituri u l-għoti tat-tfal għall-adozzjoni;

F.  billi l-proċedimenti tal-adozzjoni jenħtieġ li ma jinbdewx qabel ma tkun finali kwalunkwe deċiżjoni ta' ċħid tal-awtorità tal-ġenituri fir-rigward tal-ġenituri bijoloġiċi, u qabel ma huma jkunu ġew mogħtija l-opportunità li jeżawrixxu l-possibilitajiet legali kollha ta' appell kontra d-deċiżjoni ta' ċħid tal-awtorità tal-ġenituri; billi r-rikonoxximent tal-ordni ta' adozzjoni meħud fin-nuqqas ta' dawn il-garanziji proċedurali jista' jiġi miċħud minn Stati Membri oħra;

G.  billi effiċjenza u trasparenza akbar jippermettu li jsir titjib tal-proċeduri ta' adozzjoni domestika u jistgħu jagħmlu l-adozzjonijiet internazzjonali aktar faċli, li jista' jżid l-għadd ta' tfal li jiġu adottati; billi, f'dan ir-rigward, konformità mal-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li l-Istati Membri kollha rratifikaw, jenħtieġ li tkun l-ewwel punt ta' riferiment għall-proċeduri, il-miżuri u l-istrateġiji kollha fir-rigward tal-adozzjonijiet f'kuntest transfruntier, filwaqt li jiġu rrispettati l-aħjar interessi tat-tfal;

H.  billi jenħtieġ li ssir aktar ħidma b'mod determinat sabiex jiġi evitat li ġenituri prospettivi interessati fl-adozzjoni jiġu sfruttati minn organizzazzjonijiet intermedjarji bla skruplu, u billi l-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-kriminalità u l-korruzzjoni fl-UE, għalhekk, jeħtieġ li tiġi intensifikata f'dan il-qasam ukoll;

I.  billi t-tqegħid ta' aħwa fl-istess familja adottiva jenħtieġ li jiġi mħeġġeġ kemm jista' jkun, bl-għan li nevitawlhom it-trawma addizzjonali li tirriżulta mill-firda tagħhom;

Adozzjonijiet bejn pajjiż u ieħor taħt il-Konvenzjoni ta' The Hague tal-1993

J.  billi l-Konvenzjoni ta' The Hague tad-29 ta' Mejju 1993 dwar il-Protezzjoni tal-Ulied u l-Kooperazzjoni f'Adozzjonijiet bejn Pajjiż u ieħor (il-Konvenzjoni ta' The Hague), li l-Istati Membri kollha rratifikaw, tipprovdi sistema ta' kooperazzjoni amministrattiva u rikonoxximent tal-adozzjonijiet bejn pajjiż u ieħor, jiġifieri adozzjonijiet fejn l-adottanti u t-tifel jew tfal ma jkollhomx ir-residenza abitwali tagħhom fl-istess pajjiż;

K.  billi l-Konvenzjoni ta' The Hague tistipula li r-rikonoxximent tal-adozzjonijiet bejn pajjiż u ieħor huwa awtomatiku fl-istati firmatarji kollha, mingħajr il-ħtieġa ta' kwalunkwe proċedura speċifika biex ir-rikonoxximent ikun effettiv;

L.  billi, skont il-Konvenzjoni ta' The Hague, ir-rikonoxximent jista' jiġi rifjutat biss jekk l-adozzjoni tmur manifestament kontra l-ordni pubbliku tal-istat ikkonċernat, filwaqt li jitqiesu l-aħjar interessi tat-tfal;

Il-kooperazzjoni fil-ġustizzja ċivili fil-qasam tal-adozzjoni

M.  billi t-taħriġ ġudizzjarju fl-aktar sens wiesa' huwa kruċjali għall-fiduċja reċiproka fl-oqsma kollha tal-liġi, inkluż dak tal-adozzjoni; billi l-programmi eżistenti tal-UE li jkopru t-taħriġ ġudizzjarju u l-appoġġ għan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew għaldaqstant jenħtieġ li jinkludu enfasi akbar fuq qrati speċjalizzati, bħal qrati tal-familja u qrati tal-minorenni;

N.  billi ċ-ċittadini jenħtieġ li jingħataw aċċess aħjar għal informazzjoni komprensiva dwar l-aspetti legali u proċedurali tal-adozzjoni interna fl-Istati Membri, billi l-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika jista' jitwessa' f'dan ir-rigward;

O.  billi l-kooperazzjoni fi ħdan in-Netwerk Ewropew ta' Ombudspersons għat-Tfal ġiet stabbilita fl-1997, u l-ombudsperson tal-Ewropa dwar kwistjonijiet relatati mat-tfal jenħtieġ li jiġu mħeġġa jikkooperaw u jikkoordinaw aktar mill-qrib f'dak il-forum; billi l-isforzi li jagħmlu dan jistgħu jinkludu li jiġu involuti fl-iskemi eżistenti ta' taħriġ ġudizzjarju ffinanzjati mill-UE;

P.  billi jenħtieġ li titwettaq analiżi fil-fond, peress li hemm bżonn li jsir aktar għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar transfruntier tat-tfal għall-finijiet ta' adozzjoni u biex tittejjeb l-implimentazzjoni xierqa u effiċjenti tar-regoli u l-linji gwida eżistenti għall-ġlieda kontra t-traffikar tat-tfal; billi l-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-kriminalità u l-korruzzjoni fl-UE, għalhekk, jeħtieġ li tiġi intensifikata f'dan il-qasam għall-prevenzjoni tal-ħtif, il-bejgħ jew it-traffikar tat-tfal;

Rikonoxximent transfruntier ta' digrieti ta' adozzjoni interna

Q.  billi l-prinċipju ta' fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri huwa ta' importanza fundamentali fid-dritt tal-Unjoni, peress li hija tippermetti li tinħoloq u tinżamm żona mingħajr fruntieri interni; billi l-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku, li huwa bbażat fuq il-fiduċja reċiproka, jobbliga lill-Istati Membri jagħtu effett lil sentenza jew deċiżjoni li toriġina minn Stat Membru ieħor;

R.  billi, minkejja r-regoli internazzjonali li jeżistu f'dan il-qasam, l-opinjonijiet għadhom ivarjaw fl-Istati Membri f'dak li għandu x'jaqsam mal-prinċipji li jenħtieġ li jirregolaw il-proċess tal-adozzjoni, l-istess bħalma jeżistu differenzi fir-rigward tal-proċeduri ta' adozzjoni u l-effetti legali tal-proċess ta' adozzjoni;

S.  billi l-Unjoni Ewropea għandha l-kompetenza biex tieħu miżuri bl-għan li titjieb il-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri mingħajr ma taffettwa l-liġi nazzjonali tal-familja, inkluż fil-qasam tal-adozzjonijiet;

T.  billi l-eżenzjonijiet għall-ordni pubbliku jservu biex jissalvagwardjaw l-identità tal-Istati Membri, li hija riflessa fil-liġi sostantiva tal-familja tal-Istati Membri;

U.  billi attwalment m'hemm ebda dispożizzjoni Ewropea għar-rikonoxximent – kemm jekk awtomatiku jew le – ta' digrieti ta' adozzjoni interna, jiġifieri dwar adozzjonijiet li jsiru fi ħdan Stat Membru uniku;

V.  billi n-nuqqas ta' tali dispożizzjonijiet jikkawża problemi sinifikanti għal familji Ewropej li jmorru joqogħdu fi Stat Membru ieħor wara li jkunu adottaw tifel, peress li l-adozzjoni jaf ma tiġix rikonoxxuta, u dan ifisser li l-ġenituri jista' jkollhom diffikultà biex jeżerċitaw legalment l-awtorità tal-ġenituri, kif ukoll li jiltaqgħu ma' diffikultajiet finanzjarji fir-rigward tat-tariffi differenti applikabbli f'dan il-qasam;

W.  billi n-nuqqas ta' tali dispożizzjonijiet ipoġġi f'riskju d-dritt tat-tfal għal familja stabbli u permanenti;

X.  billi attwalment, meta jmorru joqogħdu fi Stat Membru ieħor, il-ġenituri jaf jiġu obbligati jgħaddu minn proċeduri ta' rikonoxximent nazzjonali speċifiċi, jew saħansitra jerġgħu jadottaw it-tifel u dan joħloq inċertezzi ġuridiċi sinifikanti;

Y.  billi s-sitwazzjoni attwali tista' toħloq problemi u żżomm lil familji milli jeżerċitaw il-moviment liberu b'mod sħiħ;

Z.  billi jista' jkun hemm ħtieġa li s-sitwazzjoni ġenerali tiġi rieżaminata u vvalutata permezz ta' konsultazzjoni fost l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri;

AA.  billi r-Regolament Brussell II ma jindirizzax il-kwistjoni tar-rikonoxximent ta' digrieti ta' adozzjoni, peress li jkopri b'mod esklużiv ir-responsabilità tal-ġenituri;

AB.  billi għaldaqstant huwa ta' importanza kbira li tiġi adottata leġiżlazzjoni li tipprevedi r-rikonoxximent awtomatiku fi Stat Membru ta' digriet ta' adozzjoni interna mogħti fi Stat Membru ieħor, dment li jiġi żgurat ir-rispett sħiħ għad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-ordni pubbliku u għall-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità;

AC.  billi tali leġiżlazzjoni tikkomplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003(1) (Brussell IIa) dwar kwistjonijiet ta' ġurisdizzjoni u ta' responsabilità tal-ġenituri u timla l-lakuna eżistenti dwar ir-rikonoxximent tal-adozzjonijiet kif previst skont il-liġi internazzjonali (il-Konvenzjoni ta' The Hague);

Standards minimi komuni għall-adozzjonijiet

1.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Istati Membri biex jieħdu d-deċiżjonijiet kollha fi kwistjonijiet ta' adozzjoni waqt li jqisu l-aħjar interessi tat-tfal u r-rispett għad-drittijiet fundamentali tagħhom, u waqt li dejjem jikkunsidraw iċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ partikolari;

2.  Jenfasizza li t-tfal li jkunu ġew proposti għall-adozzjoni jenħtieġ li ma jitqisux bħala proprjetà ta' stat iżda bħala individwi, bi drittijiet fundamentali rikonoxxuti internazzjonalment;

3.  Jissottolinja li kull każ ta' adozzjoni huwa differenti u irid jiġi valutat fuq il-merti individwali tiegħu;

4.  Iqis li f'każijiet ta' adozzjoni b'aspetti transfruntiera t-tradizzjonijiet kulturali u lingwistiċi tat-tfal jenħtieġ li jiġu kkunsidrati u rrispettati kemm jista' jkun;

5.  Iqis li fil-kuntest ta' proċedimenti ta' adozzjoni, it-tfal jenħtieġ li dejjem jingħataw l-opportunità li jinstemgħu mingħajr pressjoni, u li jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar il-proċess ta' adozzjoni, filwaqt li jitqiesu l-età u l-maturità tagħhom; iqis, għalhekk, li huwa ta' importanza kbira li, fejn ikun possibbli u rrispettivament mill-età, il-kunsens tat-tfal għall-adozzjoni jenħtieġ li jitfittex; f'dan ir-rigward, jitlob li tingħata attenzjoni speċjali lit-tfal żgħar u lit-trabi, li ma jistgħux jinstemgħu;

6.  Iqis li jenħtieġ li l-ebda deċiżjoni dwar l-adozzjoni ma tittieħed qabel ma l-ġenituri bijoloġiċi jkunu nstemgħu u, fejn applikabbli, eżawrew ir-rimedji legali kollha li jikkonċernaw l-awtorità tal-ġenituri tagħhom u qabel ma ċ-ċħid tal-awtorità tal-ġenituri mill-ġenituri bijoloġiċi jkun finali; jistieden għalhekk lill-awtoritajiet fl-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għall-benesseri tat-tifel jew tifla waqt li jkunu qed jiġu eżawriti r-rimedji legali, u matul il-proċedimenti ġudizzjarji kollha relatati mal-adozzjoni, filwaqt li jipprovdu lit-tifel jew tifla bil-protezzjoni u l-kura li jkunu meħtieġa għall-iżvilupp armonjuż tiegħu jew tagħha;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra studju komparattiv li janalizza l-ilmenti dwar adozzjonijiet mhux kunsenswali b'aspetti transfruntiera;

8.  Jenfasizza li jenħtieġ li l-awtoritajiet rilevanti l-ewwel dejjem jikkunsidraw il-possibilità ta' tqegħid tat-tfal ma' qraba, anke meta dawn il-qraba jgħixu f'pajjiż ieħor, jekk it-tfal ikollhom relazzjonijiet ma' dawk il-membri tal-familja u wara li ssir valutazzjoni individwali tal-ħtiġijiet tat-tfal, qabel ma t-tfal jingħataw biex jiġu adottati minn persuni stranġieri; iqis li jenħtieġ li r-residenza abitwali tal-membri tal-familja li jixtiequ jieħdu r-responsabilità tat-tfal ma tiġix meqjusa li tkun fattur deċiżiv;

9.  Jitlob it-trattament indaqs ta' ġenituri ta' ċittadinanzi differenti matul il-proċeduri relatati mar-responsabilità tal-ġenituri u l-adozzjoni; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-ugwaljanza tad-drittijiet proċedurali tal-qraba li jkunu involuti fil-proċeduri ta' adozzjoni u li jkunu ċittadini ta' Stat Membru ieħor, inkluż il-forniment ta' assistenza legali, tal-informazzjoni puntwali rigward is-seduti ta' smigħ, id-dritt għal interpretu u l-forniment tad-dokumenti kollha rilevanti għall-kawża b'ilsien pajjiżhom;

10.  Jenfasizza li fejn tifel li jkun qed jiġi kkunsidrat għall-adozzjoni jkun ċittadin ta' Stat Membru ieħor, l-awtoritajiet konsulari ta' dak l-Istat Membru u l-familja tiegħu residenti f'dak l-Istat Membru jenħtieġ li jiġu infurmati u kkonsultati qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni;

11.  Barra minn hekk jistieden lill-Istati Membri biex jagħtu attenzjoni partikolari ħafna lill-minorenni mhux akkumpanjati li jkunu applikaw għal status ta' rifuġjati jew li jkollhom status ta' rifuġjati, filwaqt li jiżguraw li dawn jirċievu l-protezzjoni, l-assistenza u l-kura li l-Istati Membri huma meħtieġa li jipprovdu bis-saħħa tal-obbligi internazzjonali tagħhom, preferibbilment billi jpoġġuhom f'familji ta' akkoljenza waqt il-perjodu interim;

12.  Jenfasizza l-importanza li jkunu garantiti kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati għall-assistenti soċjali biex ikunu jistgħu jwettqu kif jixraq il-valutazzjoni tagħhom ta' każijiet individwali, mingħajr kwalunkwe tip ta' pressjoni finanzjarja jew ġuridika u li jitqiesu b'mod sħiħ l-aħjar interessi tat-tfal filwaqt li jiġu kkunsidrati l-perspettivi kollha għal żmien qasir, medju u twil;

Adozzjonijiet bejn pajjiż u ieħor taħt il-Konvenzjoni ta' The Hague tal-1993

13.  Jinnota s-suċċessi u l-importanza tal-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta' The Hague, u tħeġġeġ lill-pajjiżi kollha biex jiffirmawha, jirratifikawha jew jaderixxu magħha;

14.  Jiddeplora l-fatt li sikwit ikun hemm problemi rigward il-ħruġ ta' ċertifikati ta' adozzjoni; jistieden, għaldaqstant, lill-awtoritajiet tal-Istati Membri jiżguraw li l-proċeduri u s-salvagwardji stabbiliti mill-Konvenzjoni ta' The Hague jiġu dejjem segwiti sabiex jiġi żgurat li r-rikonoxximent ikun awtomatiku; jistieden lill-Istati Membri ma joħolqux ostakli burokratiċi bla bżonn għar-rikonoxximent tal-adozzjonijiet fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta' The Hague li jistgħu itawwlu l-proċedura u jagħmluha aktar għalja;

15.  Jirrimarka li jistgħu jsiru sforzi ulterjuri sabiex jiġu rrispettati u skrupolożament infurzati d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' The Hague, peress li xi Stati Membri jeħtieġu proċeduri amministrattivi addizzjonali jew jimponu tariffi sproporzjonati b'rabta mar-rikonoxximent ta' adozzjonijiet, pereżempju sabiex jiġu stabbiliti jew emendati l-atti ta' stat ċivili jew biex tinkiseb iċ-ċittadinanza, għalkemm dan imur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ The Hague;

16.  Jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw il-proċeduri li jikkonċernaw ir-rekwiżiti ta' counselling u ta' kunsens stabbiliti fl-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta' The Hague;

Il-kooperazzjoni fil-ġustizzja ċivili fil-qasam tal-adozzjoni

17.  Jistieden lill-Istati Membri jintensifikaw il-kooperazzjoni tagħhom fil-qasam tal-adozzjoni, inklużi kemm l-aspetti legali kif ukoll l-aspetti soċjali, u jitlob għal kooperazzjoni akbar bejn l-awtoritajiet responsabbli għal valutazzjonijiet ta' segwitu fejn meħtieġ; f'dan ir-rigward, jitlob ukoll lill-UE biex iżżomm approċċ konsistenti mad-drittijiet tat-tfal fil-firxa kollha tal-politiki interni u esterni tagħha;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi netwerk Ewropew effettiv ta' mħallfin u awtoritajiet speċjalizzati fl-adozzjoni sabiex jiġi faċilitat l-iskambju ta' informazzjoni u prattika tajba, li huwa partikolarment utli meta l-adozzjoni tinvolvi element barrani; jemmen li huwa estremament importanti li jiġu ffaċilitati l-koordinazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattika man-netwerks Ewropej attwali ta' taħriġ ġudizzjarju, bil-għan li jintlaħaq l-akbar grad possibbli ta' konsistenza mal-iskemi li diġà qed jiġu ffinanzjati mill-UE; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi finanzjament għat-taħriġ speċjalizzat tal-imħallfin li jaħdmu fil-qasam tal-adozzjonijiet transfruntiera;

19.  Jemmen li opportunitajiet ta' taħriġ u ta' laqgħat għal imħallfin li jaħdmu fil-qasam ta' adozzjoni transfruntiera jistgħu jgħinu biex jidentifikaw bi preċiżjoni s-soluzzjonijiet legali mistennija u meħtieġa fil-qasam tar-rikonoxximent ta' adozzjonijiet interni; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tipprovdi fondi għal tali taħriġ u opportunitajiet għal-laqgħat fl-istadju tal-abbozzar ta’ proposta għar-Regolament;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika, fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika, informazzjoni legali u proċedurali rilevanti dwar il-liġi u l-prattika tal-adozzjoni fl-Istati Membri kollha;

21.  Jieħu nota tal-attivitajiet tan-Netwerk Ewropew ta' Ombudspersons għat-Tfal u jqis li din il-kooperazzjoni jenħtieġ li tiġi żviluppata u msaħħa ulterjorment;

22.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' kooperazzjoni mill-qrib, permezz ta' awtoritajiet Ewropej bħalma hi l-Europol, għall-prevenzjoni tal-ħtif, il-bejgħ u t-traffikar transfruntier tat-tfal għal finijiet ta' adozzjoni; jinnota li sistemi nazzjonali affidabbli tar-reġistrazzjoni tat-twelid jistgħu jipprevjenu t-traffikar tat-tfal għal finijiet ta' adozzjoni; jitlob, f'dan ir-rigward, koordinazzjoni mtejba fil-qasam sensittiv tal-adozzjoni tat-tfal minn pajjiżi terzi;

Rikonoxximent transfruntier ta' digrieti ta' adozzjoni interna

23.  Jiddikjara li hemm ħtieġa ċara ta' leġiżlazzjoni Ewropea li tipprevedi r-rikonoxximent transfruntier awtomatiku ta' digrieti ta' adozzjoni interna;

24.  Jitlob lill-Kummissjoni biex sal-31 ta' Lulju 2017 tissottometti, abbażi tal-Artikoli 67 u 81 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, proposta għal att dwar ir-rikonoxximent transfruntier ta' digrieti ta' adozzjoni, b'segwitu għar-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fl-Anness mehmuż, flimkien mal-liġijiet internazzjonali eżistenti f'dan il-qasam;

25.  Jikkonferma li r-rakkomandazzjonijiet annessi ma' din il-mozzjoni għal riżoluzzjoni jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità;

26.  Iqis li l-proposta mitluba m'għandhiex implikazzjonijiet finanzjarji negattivi, peress li l-għan aħħari, ir-rikonoxximent awtomatiku ta' digrieti ta' adozzjoni, se jġib miegħu tnaqqis fl-ispejjeż;

o
o   o

27.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rakkomandazzjonijiet dettaljati li jinsabu fl-Annessi lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, kif ukoll lill-Parlamenti u lill-Gvernijiet tal-Istati Membri.

(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta' Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU L 338, 23.12.2003, p. 1).


ANNESS GĦALL-MOZZJONI GĦAR-RIŻOLUZZJONI:

RAKKOMANDAZZJONIJIET DETTALJATI GĦAL REGOLAMENT TAL-KUNSILL DWAR IR-RIKONOXXIMENT TRANSFRUNTIER TA' DIGRIETI TA' ADOZZJONI

A.   PRINĊIPJI U OBJETTIVI TAL-PROPOSTA MITLUBA

1.  Fl-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għal moviment liberu, għadd li dejjem qed jiżdied ta' ċittadini tal-Unjoni kull sena jiddeċiedu li jmorru jgħixu fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni. Dan joħloq għadd ta' diffikultajiet fir-rigward tar-rikonoxximent u r-riżoluzzjoni legali tas-sitwazzjoni personali u tal-liġi tal-familja ta' individwi mobbli. L-Unjoni Ewropea tat bidu għall-indirizzar ta' dawn is-sitwazzjonijiet problematiċi, pereżempju billi adottat ir-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal Kunsill(1), u billi stabbiliet kooperazzjoni msaħħa rigward ir-rikonoxximent ta' ċerti aspetti ta' reġimi ta' proprjetà matrimonjali u l-effetti patrimonjali ta' sħubijiet reġistrati.

2.  Il-Konvenzjoni ta' The Hague tad-29 ta' Mejju 1993 dwar il-Protezzjoni tal-Ulied u l-Kooperazzjoni f'Adozzjonijiet bejn Pajjiż u ieħor (il-Konvenzjoni ta' The Hague) hija fis-seħħ fl-Istati Membri kollha. Hija tikkonċerna l-proċedura ta' adozzjonijiet bejn il-fruntieri, u timponi r-rikonoxximent awtomatiku ta' tali adozzjonijiet. Madankollu, il-Konvenzjoni ta’ The Hague ma tkoprix is-sitwazzjoni ta' familji bi tfal adottati skont proċedura purament nazzjonali li mbagħad imorru joqgħodu fi Stat Membru ieħor. Dan jista' jwassal għal diffikultajiet legali sinifikanti jekk ir-relazzjoni legali bejn il-ġenitur(i) u t-tfal adottati ma tiġix awtomatikament rikonoxxuta. Jaf ikunu meħtieġa proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji addizzjonali, u f'każijiet estremi, ir-rikonoxximent jaf jiġi miċħud għalkollox.

3.  Huwa għaldaqstant meħtieġ, sabiex jiġu mħarsa d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta' tali ċittadini tal-Unjoni, li jiġi adottat regolament li jipprevedi r-rikonoxximent transfruntier awtomatiku ta' digrieti ta' adozzjoni. Il-bażi ġuridika xierqa għal tali proposta huwa l-Artikolu 67(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonċerna r-rikonoxximent reċiproku ta' sentenzi u deċiżjonijiet, u l-Artikolu 81(3) tat-Trattat, li jikkonċerna miżuri fil-qasam tal-liġi tal-familja. Ir-regolament għandu jiġi adottat mill-Kunsill wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew.

4.  Ir-regolament propost jipprevedi r-rikonoxximent awtomatiku ta' digrieti ta' adozzjoni li jsiru fi Stat Membru skont kwalunkwe proċedura oħra għajr skont il-qafas tal-Konvenzjoni ta' The Hague. Peress li familji Ewropej jista' wkoll ikollhom konnessjonijiet ma' pajjiż terz jew ikunu għexu f'pajjiż terz fil-passat, ir-regolament jipprevedi wkoll li, ladarba Stat Membru jkun irrikonoxxa digriet ta' adozzjoni mogħti f'pajjiż terz skont ir-regoli proċedurali nazzjonali rilevanti tiegħu, dak id-digriet ta' adozzjoni għandu jkun rikonoxxut fl-Istati Membri l-oħra kollha.

5.  Madankollu, sabiex tiġi evitata għażla opportunistika tal-ġurisdizzjoni jew l-applikazzjoni ta' liġijiet nazzjonali mhux xierqa, dan ir-rikonoxximent awtomatiku huwa soġġett, l-ewwel nett, għall-kundizzjoni li r-rikonoxximent ma jridx ikun manifestament kontra l-ordni pubbliku tal-Istat Membru li jirrikonoxxi, filwaqt li jiġi enfasizzat li tali ċaħdiet qatt ma jistgħu jwasslu għal diskriminazzjoni de facto pprojbita mill-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u, it-tieni nett, li l-Istat Membru li jkun ħa d-deċiżjoni tal-adozzjoni kellu l-ġurisdizzjoni biex jagħmel dan skont l-Artikolu 4 tal-proposta mitluba fil-Parti B (il-proposta). Huwa biss l-Istat Membru tar-residenza abitwali tal-ġenitur jew ġenituri jew tat-tfal li jista' jkollu dik il-ġurisdizzjoni. Madankollu, meta d-deċiżjoni tal-adozzjoni tkun ittieħdet f'pajjiż terz, il-ġurisdizzjoni għar-rikonoxximent inizjali fl-Unjoni ta' dik l-adozzjoni tista' wkoll tkun tal-Istat Membru tan-nazzjonalità tal-ġenituri jew tat-tfal. Dan sabiex jiġi garantit aċċess għall-ġustizzja għal familji Ewropej residenti barra.

6.  Huma meħtieġa proċeduri speċifiċi sabiex jittieħdu deċiżjonijiet dwar kwalunkwe oġġezzjoni għal rikonoxximent f'każijiet speċifiċi. Dawn id-dispożizzjonijiet huma simili għal dawk misjuba f'atti oħra tal-Unjoni fil-qasam tal-ġustizzja ċivili.

7.  Jenħtieġ li jinħoloq Ċertifikat Ewropew tal-Adozzjoni sabiex titħaffef kwalunkwe inkjesta amministrattiva dwar ir-rikonoxximent awtomatiku. Il-mudell għaċ-ċertifikat għandu jiġi adottat bħala att delegat tal-Kummissjoni.

8.  Il-proposta tikkonċerna biss ir-relazzjoni individwali bejn il-ġenituri u l-ulied. Hi ma tobbligax lill-Istati Membri jirrikonoxxu kwalunkwe relazzjoni legali partikolari bejn il-ġenituri ta' tifel adottat, peress li l-liġijiet nazzjonali relatati mal-koppji jvarjaw b'mod konsiderevoli.

9.  Fl-aħħar nett, il-proposta fiha d-dispożizzjonijiet finali u tranżitorji li normalment jinsabu fi strumenti tal-ġustizzja ċivili. Ir-rikonoxximent awtomatiku tal-adozzjonijiet japplika biss għal deċiżjonijiet tal-adozzjoni meħuda mid-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-regolament u, minn din id-data wkoll, għal kwalunkwe digriet ta' adozzjoni aktar bikri jekk it-tfal adottati jkunu għadhom taħt l-età.

10.  Il-proposta tikkonforma mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, peress li l-Istati Membri ma jistgħux jaġixxu waħedhom biex jiġi stabbilit qafas legali għar-rikonoxximent transfruntier tad-digrieti ta' adozzjoni u l-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa assolutament meħtieġ biex tiġi żgurata l-istabilità tas-sitwazzjoni legali tat-tfal adottati. Dan ma jaffettwax il-liġi tal-familja tal-Istati Membri.

B.   TEST TAL-PROPOSTA MITLUBA

Regolament tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent transfruntier tad-digrieti ta' adozzjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 67(4) u l-Artikolu 81(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra t-talba tal-Parlament Ewropew lill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)  L-Unjoni għandha l-għan li żżomm u tiżviluppa spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja li fih jiġi żgurat il-moviment liberu tal-persuni. Għall-istabbiliment gradwali ta' tali spazju, huwa meħtieġ li l-Unjoni tadotta miżuri relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili li jkollhom implikazzjonijiet transfruntiera, anke fil-qasam tal-liġi tal-familja.

(2)  Skont l-Artikoli 67 u 81 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), dawn il-miżuri għandhom jinkludu miżuri li għandhom l-għan li jiżguraw ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet f'każijiet ġudizzjarji u extraġudizzjarji.

(3)  Sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu tal-familji li jkunu adottaw tifel, huwa meħtieġ u xieraq li r-regoli li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent tad-digrieti ta' adozzjoni jkunu regolati minn strument legali tal-Unjoni li jkun vinkolanti u direttament applikabbli.

(4)  Dan ir-Regolament jenħtieġ li joħloq qafas legali ċar u komprensiv fil-qasam tar-rikonoxximent transfruntier tad-digrieti ta' adozzjoni, jagħti lill-familji riżultati xierqa f'termini ta' ċertezza legali, prevedibilità u flessibilità, u jipprevjeni li tirriżulta sitwazzjoni fejn digriet ta' adozzjoni mogħti legalment fi Stat Membru ma jiġix rikonoxxut fi Stat Membru ieħor.

(5)  Dan ir-Regolament jenħtieġ li jkopri r-rikonoxximent ta' digrieti ta' adozzjoni mogħtija fi Stat Membru jew rikonoxxuti minnu. Madankollu, dan ma jkoprix ir-rikonoxximent tal-adozzjonijiet bejn pajjiż u ieħor magħmula skont il-Konvenzjoni ta' The Hague tad-29 ta' Mejju 1993 dwar il-Protezzjoni tal-Ulied u l-Kooperazzjoni f'Adozzjonijiet bejn Pajjiż u ieħor, peress li dik il-Konvenzjoni diġà tipprevedi r-rikonoxximent awtomatiku ta' tali adozzjonijiet. Dan ir-Regolament għaldaqstant jenħtieġ li japplika biss għar-rikonoxximent tal-adozzjonijiet interni, u għall-adozzjonijiet internazzjonali li ma jkunux saru skont dik il-Konvenzjoni.

(6)  Irid ikun hemm konnessjoni bejn l-adozzjoni u t-territorju tal-Istat Membru li jkun għamel jew irrikonoxxa d-digriet ta' adozzjoni. Għaldaqstant, ir-rikonoxximent jenħtieġ li jkun soġġett għall-konformità mar-regoli komuni ta' ġurisdizzjoni.

(7)  Ir-regoli ta' ġurisdizzjoni jenħtieġ li jkunu prevedibbli ħafna u jenħtieġ li jkunu stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq ir-residenza abitwali tal-ġenituri li jadottaw, jew ir-residenza abitwali ta' wieħed minn dawk il-ġenituri jew tat-tfal. Ġurisdizzjoni jenħtieġ li tkun limitata għal din ir-raġuni, ħlief f'sitwazzjonijiet li jinvolvu pajjiżi terzi, fejn l-Istat Membru taċ-ċittadinanza jista' jkun fattur ta' konnessjoni.

(8)  Billi l-adozzjoni ġeneralment tikkonċerna minuri, mhuwiex xieraq li tingħata lill-ġenituri jew lit-tfal kwalunkwe flessibilità fl-għażla tal-awtoritajiet li se jiddeċiedu dwar l-adozzjoni.

(9)  Il-fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Unjoni tiġġustifika l-prinċipju li d-digrieti ta' adozzjoni mogħtija jew rikonoxxuti fi Stat Membru jenħtieġ li jiġu rikonoxxuti fl-Istati Membri kollha mingħajr il-ħtieġa ta' kwalunkwe proċedura speċjali. Bħala riżultat, digriet ta' adozzjoni mogħti fi Stat Membru jenħtieġ li jiġi ttrattat bħallikieku kien mogħti fl-Istat Membru indirizzat.

(10)  Ir-rikonoxximent awtomatiku fl-Istat Membru indirizzat ta' digriet ta' adozzjoni mogħti fi Stat Membru ieħor jenħtieġ li ma jipperikolax l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża. Għaldaqstant, kwalunkwe parti interessata jenħtieġ li tkun tista' tapplika għaċ-ċaħda tar-rikonoxximent ta' digriet ta' adozzjoni jekk tqis li waħda mir-raġunijiet għaċ-ċaħda ta' rikonoxximent hi preżenti.

(11)  Ir-rikonoxximent tad-digrieti ta' adozzjoni interna jenħtieġ li jkun awtomatiku sakemm l-Istat Membru fejn l-adozzjoni tkun saret ma jkollux ġurisdizzjoni jew jekk tali rikonoxximent imur manifestament kontra l-ordni pubbliku tal-Istat Membru li jirrikonoxxi, kif interpretat f'konformità mal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(12)  Dan ir-Regolament jenħtieġ li ma jaffettwax il-liġi sostantiva tal-familja, inkluża l-liġi dwar l-adozzjoni, tal-Istati Membri. Barra minn hekk, kwalunkwe rikonoxximent ta' ordni ta' adozzjoni skont dan ir-Regolament jenħtieġ li ma timplikax rikonoxximent ta' kwalunkwe relazzjoni legali bejn il-ġenituri adottivi bħala konsegwenza tar-rikonoxximent tad-digriet ta' adozzjoni mingħajr, madankollu, ma tiġix prekondizzjonata d-deċiżjoni possibbli dwar ir-rikonoxximent tad-digriet ta' adozzjoni.

(13)  Kwalunkwe kwistjoni proċedurali mhux indirizzata f'dan ir-Regolament jenħtieġ li tiġi ttrattata b'konformità mal-liġi nazzjonali.

(14)  Meta digriet ta' adozzjoni jimplika relazzjoni legali li ma tkunx magħrufa fil-liġi tal-Istat Membru indirizzat, dik ir-relazzjoni legali, inkluż kwalunkwe dritt jew obbligu li joħroġ minnha, jenħtieġ li, sa fejn ikun possibbli, tiġi adattata għal waħda li, skont il-liġi ta' dak l-Istat Membru, ikollha effetti ekwivalenti marbutin magħha u li ssegwi għanijiet simili. Kull Stat Membru għandu jiddetermina kif u minn min jenħtieġ li jsir l-adattament.

(15)  Sabiex jiġi faċilitat ir-rikonoxximent awtomatiku previst f'dan ir-regolament, jenħtieġ li jitfassal mudell għat-trażmissjoni ta' digrieti ta' adozzjoni, iċ-Ċertifikat Ewropew ta' Adozzjoni. Għal dak l-iskop, is-setgħa li tadotta atti f'konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-istabbiliment u l-emendar ta' dak iċ-ċertifikat mudell. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjoni xierqa matul il-ħidma ta' tħejjija tagħha, anke fil-livell tal-esperti. Il-Kummissjoni, hi u tħejji u tfassal l-atti delegati, jenħtieġ li tiżgura trażmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa ta' dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(16)  Peress li l-objettiv ta' dan ir-Regolament ma jistax jintlaħaq suffiċjentement mill-Istati Membri u jista' jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Skont il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

(17)  Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward taż-żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja mehmuż mat-TUE u mat-TFUE, [ir-Renju Unit u l-Irlanda ppreżentaw avviż dwar ix-xewqa tagħhom li jieħdu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament]/[mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 tal-Protokoll, ir-Renju Unit u l-Irlanda mhux se jieħdu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhumiex se jkunu marbutin bih jew inkella soġġetti għall-applikazzjoni tiegħu].

(18)  Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex se tieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u għalhekk mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni

1.  Dan ir-Regolament għandu japplika għar-rikonoxximent ta' digrieti ta' adozzjoni.

2.  Dan ir-Regolament ma japplikax għal, u ma jaffettwax:

(a)  il-liġijiet tal-Istati Membri dwar id-dritt għall-adozzjoni jew dwar kwistjonijiet oħra tal-liġi tal-familja;

(b)  adozzjonijiet bejn pajjiż u ieħor skont il-Konvenzjoni ta' The Hague tad-29 ta' Mejju 1993 dwar il-Protezzjoni tal-Ulied u l-Kooperazzjoni f'Adozzjonijiet bejn Pajjiż u ieħor (il-Konvenzjoni ta' The Hague),

3.  Xejn f'dan ir-Regolament ma jeħtieġ li Stat Membru:

(a)  jirrikonoxxi l-eżistenza ta' kwalunkwe relazzjoni legali bejn il-ġenituri ta' tifel adottat b'konsegwenza tar-rikonoxximent ta' digriet ta' adozzjoni;

(b)  jagħti digrieti ta' adozzjoni f'ċirkustanzi fejn il-liġi nazzjonali rilevanti ma tippermettix dan.

Artikolu 2

Definizzjoni

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, "digriet ta' adozzjoni" tfisser sentenza jew deċiżjoni li toħloq jew tirrikonoxxi relazzjoni legali permanenti ta' ġenitur-wild, bejn tfal li ma jkunux għadhom laħqu l-età maġġuri u ġenitur jew ġenituri ġodda li mhumiex il-ġenituri bijoloġiċi ta' dawk it-tfal, tkun liema tkun din ir-relazzjoni legali msemmija fil-liġi nazzjonali.

Artikolu 3

Rikonoxximent awtomatiku tad-digrieti ta' adozzjoni

1.  Digriet ta' adozzjoni mogħti fi Stat Membru għandu jiġi rikonoxxut fl-Istati Membri l-oħra mingħajr ma tkun meħtieġa kwalunkwe proċedura speċjali, sakemm l-Istat Membru li joħroġ id-digriet ikollu ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 4.

2.  Kwalunkwe parti interessata tista', f'konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 7, tapplika għal deċiżjoni li m'hemm l-ebda raġuni għal ċaħda ta' rikonoxximent kif imsemmi fl-Artikolu 6.

3.  Jekk ir-riżultat tal-proċedimenti f'qorti ta' Stat Membru jiddependi mid-determinazzjoni ta' kwistjoni inċidentali ta' ċaħda ta' rikonoxximent, dik il-qorti għandu jkollha ġurisdizzjoni fuq dik il-kwistjoni.

Artikolu 4

Ġurisdizzjoni għal digrieti ta' adozzjoni

1.  L-awtoritajiet ta' Stat Membru jistgħu biss joħorġu digriet ta' adozzjoni jekk il-ġenitur jew ġenituri jew it-tifel adottat ikunu abitwalment residenti f'dak l-Istat Membru.

2.  Meta d-digriet ta' adozzjoni jkun sar fir-rigward ta' minuri mill-awtoritajiet ta' pajjiż terz, l-awtoritajiet ta' Stat Membru jistgħu wkoll joħorġu tali digriet, jew jiddeċiedu dwar ir-rikonoxximent ta' digriet mogħti minn pajjiż terz skont il-proċeduri stabbiliti mil-liġi nazzjonali, jekk il-ġenitur/i adottivi jew it-tifel adottat ma jkunux abitwalment residenti f'dak l-Istat Membru, iżda jkunu ċittadini tal-istess Stat Membru.

Artikolu 5

Id-dokumentazzjoni meħtieġa għar-rikonoxximent

Parti li tkun tixtieq tinvoka, fi Stat Membru wieħed, digriet ta' adozzjoni mogħti fi Stat Membru ieħor għandha tippreżenta:

(a)  kopja tad-digriet ta' adozzjoni li tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa biex tiġi stabbilita l-awtentiċità tagħha; and

(b)  iċ-Ċertifikat Ewropew ta' Adozzjoni maħruġ skont l-Artikolu 11.

Artikolu 6

Ċaħda ta' rikonoxximent

Fuq talba ta' kwalunkwe parti interessata, ir-rikonoxximent ta' digriet ta' adozzjoni mogħti fi Stat Membru jista' jiġi miċħud biss:

(a)  jekk tali rikonoxximent imur manifestament kontra l-ordni pubbliku (ordre public) fl-Istat Membru indirizzat;

(b)  jekk l-Istat Membru minn fejn ikun inħareġ id-digriet ikollu ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 4.

Artikolu 7

Talba għal ċaħda ta' rikonoxximent

1.  Fuq talba ta' kwalunkwe parti interessata kif definit mil-liġi nazzjonali, ir-rikonoxximent ta' digriet ta' adozzjoni għandu jiġi miċħud jekk jinstab li teżisti xi waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 6.

2.  It-talba għal ċaħda ta' rikonoxximent għandha tiġi ppreżentata lill-qorti li l-Istat Membru kkonċernat ikun għarraf biha lill-Kummissjoni skont il-punt (a) tal-Artikolu 13 bħala l-qorti li quddiemha għandha tiġi ppreżentata t-talba.

3.  Il-proċedura għal ċaħda ta' rikonoxximent, sakemm ma tkunx koperta minn dan ir-Regolament, għandha tiġi regolata bil-liġi tal-Istat Membru indirizzat.

4.  L-applikant għandu jipprovdi lill-qorti b'kopja tad-digriet u, fejn meħtieġ, traduzzjoni jew traskrizzjoni tiegħu.

5.  Il-qorti tista' ma teħtieġx il-preżentazzjoni tad-dokumenti msemmija fil-paragrafu 4 jekk dawn ikunu diġà fil-pussess tagħha jew jekk tqis li ma jkunx raġonevoli li teħtieġ lir-rikorrent jipprovdihom. F'dan l-aħħar każ, il-qorti tista' teħtieġ lill-parti l-oħra tipprovdi dawk id-dokumenti.

6.  Il-parti li titlob ċaħda ta' rikonoxximent ta' digriet ta' adozzjoni mogħti fi Stat Membru ieħor m'għandhiex tkun meħtieġa jkollha indirizz postali fl-Istat Membru indirizzat. Dik il-parti lanqas m'għandha tkun meħtieġa jkollha rappreżentant awtorizzat fl-Istat Membru indirizzat sakemm tali rappreżentant ma jkunx obbligatorju irrispettivament miċ-ċittadinanza jew id-domiċilju tal-partijiet.

7.  Il-qorti għandha tiddeċiedi dwar it-talba għal ċaħda ta' rikonoxximent mingħajr dewmien.

Artikolu 8

Appelli kontra d-deċiżjoni dwar talba għal ċaħda ta' rikonoxximent

1.  Id-deċiżjoni dwar it-talba għal ċaħda ta' rikonoxximent tista' tiġi appellata minn kwalunkwe waħda mill-partijiet.

2.  L-appell għandu jiġi ppreżentat fil-qorti li l-Istat Membru kkonċernat ikun għarraf lill-Kummissjoni skont il-punt (b) tal-Artikolu 13 bħala l-qorti li quddiemha għandu jiġu ppreżentat tali appell.

3.  Id-deċiżjoni mogħtija fl-appell tista' tiġi kkontestata biss permezz ta' appell fejn l-Istat Membru kkonċernat ikun għarraf lill-Kummissjoni bil-qrati li quddiemhom kwalunkwe appell ulterjuri għandu jiġi ppreżentat, skont il-punt (c) tal-Artikolu 13.

Artikolu 9

Appelli fl-Istat Membru ta' oriġini tad-digriet ta' adozzjoni

Il-qorti li quddiemha tkun ġiet ippreżentata talba għal ċaħda ta' rikonoxximent jew il-qorti li tisma' appell imressaq skont l-Artikoli 8(2) jew (3) tista' tissospendi l-proċedimenti jekk ikun tressaq appell ordinarju kontra d-digriet ta' adozzjoni fl-Istat Membru tal-oriġini jew jekk iż-żmien għal tali appell ma jkunx għadu ġie preskritt. F'dan l-aħħar każ, il-qorti tista' tispeċifika ż-żmien li fih għandu jitressaq dan l-appell.

Artikolu 10

Ebda reviżjoni dwar il-mertu

Taħt l-ebda ċirkostanza, ma jista' jiġi rivedut digriet ta' adozzjoni jew sentenza mogħtija fi Stat Membru fir-rigward tal-mertu tiegħu/tagħha fl-Istat Membru indirizzat.

Artikolu 11

Ċertifikat Ewropew ta' Adozzjoni

L-awtoritajiet tal-Istat Membru li jkun ħareġ id-digriet ta' adozzjoni għandhom, fuq talba ta' kwalunkwe parti interessata, joħorġu Ċertifikat Ewropew ta' Adozzjoni multilingwi li jkun konformi mal-mudell stabbilit skont l-Artikolu 15.

Artikolu 12

L-adattament tad-digriet ta' adozzjoni

1.  Jekk deċiżjoni jew sentenza jkun fiha miżura jew digriet li ma jkunux magħrufa fil-liġi tal-Istat Membru indirizzat, dik il-miżura jew digriet għandhom, sa fejn ikun possibbli, jiġu adattati għall-miżura jew digriet magħrufa fil-liġi ta' dak l-Istat Membru li jkollha effetti ekwivalenti marbutin magħha u li ssegwi għanijiet u interessi simili. Tali adattament m'għandux jirriżulta f'effetti li jmorru lil hinn minn dawk previsti fil-liġi tal-Istat Membru ta' oriġini.

2.  Kwalunkwe parti tista' tikkontesta l-adattament tal-miżura jew id-digriet quddiem qorti.

Artikolu 13

Informazzjoni li għandha tingħata mill-Istati Membri

1.  Sal-1 ta' Lulju 2018, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bid-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom, jekk ikun hemm, dwar:

(a)  il-qrati li quddiemhom għandha tiġi ppreżentata t-talba għaċ-ċaħda ta' rikonoxximent skont l-Artikolu 7(2);

(b)  il-qrati li quddiemhom għandu jiġi ppreżentat appell kontra t-talba taċ-ċaħda ta' rikonoxximent skont l-Artikolu 8(2); u

(c)  il-qrati li quddiemhom għandu jiġi ppreżentat kwalunkwe appell ulterjuri skont l-Artikolu 8(3);

2.  Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli għall-pubbliku l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, kif ukoll kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti dwar il-proċeduri ta' adozzjonijiet u r-rikonoxximent tagħhom fl-Istati Membri, permezz ta' kwalunkwe mezz xieraq, partikolarment permezz tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika.

Artikolu 14

Legalizzazzjoni u formalità simili

L-ebda legalizzazzjoni jew formalità simili oħra m'għandha tkun meħtieġa għal dokumenti maħruġa fi Stat Membru taħt dan ir-Regolament.

Artikolu 15

Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 16 li jikkonċerna l-istabbiliment u l-emendar tal-mudell taċ-Ċertifikat Ewropew ta' Adozzjoni multilingwi msemmi fl-Artikolu 11.

Artikolu 16

Eżerċitar tad-delega

1.  Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.  Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 15 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' żmien indeterminat mill-1 ta' Lulju 2018.

3.  Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 15 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata hemmhekk. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li huwa diġà fis-seħħ.

4.  Att delegat adottat skont l-Artikolu 15 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Kunsill ikun infurma lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Kunsill.

5.  Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew dwar l-adozzjoni tal-atti delegati, dwar kwalunkwe oġġezzjoni magħmula fir-rigward ta’ dawn l-atti, jew dwar ir-revoka tad-delega tas-setgħat mill-Kunsill.

Artikolu 17

Dispożizzjonijiet tranżitorji

Dan ir-Regolament għandu japplika biss għal digrieti ta' adozzjoni maħruġa fl-1 ta' Jannar 2019 jew wara.

Madankollu, id-digrieti ta' adozzjoni li saru qabel l-1 ta' Jannar 2019 għandhom ukoll ikunu rikonoxxuti mid-data fil-każ li l-wild inkwistjoni ma jkunx għadu laħaq l-età maġġuri f'dik id-data.

Artikolu 18

Relazzjoni ma' konvenzjonijiet internazzjonali eżistenti

1.  Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal digrieti ta' adozzjoni mogħtija skont il-Konvenzjoni ta' The Hague.

2.  Mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri skont l-Artikolu 351 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-applikazzjoni ta' konvenzjonijiet internazzjonali li Stat Membru wieħed jew aktar li jkunu parti fihom fiż-żmien meta dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ u li jistabbilixxu regoli dwar ir-rikonoxximent tal-adozzjonijiet.

3.  Madankollu, dan ir-Regolament għandu, bħal bejn Stati Membri, ikollu preċedenza fuq konvenzjonijiet konklużi esklużivament bejn żewġ Stati Membri jew aktar sa fejn dawn il-konvenzjonijiet jikkonċernaw materji regolati minn dan ir-Regolament.

Artikolu 19

Klawsola ta' reviżjoni

1.  Sal-31 ta' Diċembru 2024, u kull ħames snin minn hemm 'il quddiem, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, fejn ikun il-każ, bi proposti għall-adattament ta' dan ir-Regolament.

2.  Għal dan l-għan, l-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni bl-informazzjoni rilevanti dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament mill-qrati tagħhom.

Artikolu 20

Dħul fis-seħħ u data tal-applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2019, bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 13, 15 u 16, li għandhom japplikaw mill-1 ta' Lulju 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell, ....

Għall-Kunsill

Il-President

(1) Ir-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 107).

Avviż legali