Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2014(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0036/2017

Testi mressqa :

A8-0036/2017

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 14/02/2017 - 8.7

Testi adottati :

P8_TA(2017)0025

Testi adottati
PDF 438kWORD 53k
It-Tlieta, 14 ta' Frar 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni - EGF/2016/005 NL/Drenthe Overijssel Retail
P8_TA(2017)0025A8-0036/2017
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Frar 2017 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni min-Netherlands – EGF/2016/005 NL/Drenthe Overijssel Retail) (COM(2016)0742 – C8-0018/2017 – 2017/2014(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2016)0742 – C8-0018/2017),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) ("ir-Regolament dwar il-FEG"),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0036/2017),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tassistihom fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi jenħtieġ li l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-FII tat-2 ta' Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi utilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (il-"FEG");

C.  billi l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiġi introdott mill-ġdid il-kriterju tal-mobilizzazzjoni f'każ ta' kriżi, biex il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni tiġi stabbilita għal 60 % tal-istima tal-ammont totali kemm se jiġu jiswew il-miżuri proposti, biex tiżdied l-effiċjenza għat-trattament tal-applikazzjonijiet għall-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u għall-approvazzjoni, biex l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eliġibbli jiġu estiżi għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għaż-żgħażagħ, u biex jiġu ffinanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' impriżi proprji;

D.  billi n-Netherlands ippreżentat l-applikazzjoni EGF/2016/005 NL/Drenthe Overijssel Retail għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, b'segwitu għal sensji fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 47 ta' NACE Reviżjoni 2 (Negozju bl-imnut, għajr ta' vetturi bil-mutur u muturi), prinċipalment fir-reġjuni fil-livell NUTS 2 ta' Drenthe (NL13) u ta' Overijssel (NL21) u billi hu mistenni li 800 mill-1 096 ħaddiem eliġibbli għall-kontribuzzjoni mill-FEG se jieħdu sehem fil-miżuri;

E.  billi l-applikazzjoni ġiet ippreżentata skont il-kriterju ta' intervent tal-punt (b) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-FEG, li jirrikjedi li jkun hemm tal-anqas 500 sensja matul perjodu ta' referenza ta' disa' xhur f'impriżi li joperaw fl-istess settur ekonomiku definit f'Diviżjoni ta' NACE Reviżjoni 2 u li jinsabu f'żewġ reġjuni kontigwi definiti fil-livell NUTS 2 fi Stat Membru;

F.  billi kien hemm bidliet sinifikanti fl-atteġġament tal-konsumaturi, bħat-tnaqqis tal-bejgħ fil-kategorija ta' prezzijiet medji u l-popolarità dejjem tikber tax-xiri min fuq l-internet; billi anke l-iżvilupp ta' ħafna żoni kummerċjali ġodda f'ħafna bliet tan-Netherlands barra miċ-ċentri tal-bliet u l-fiduċja dejjem tonqos tal-konsumaturi(4) fl-ekonomija laqtu b'mod ħażin il-qagħda tas-settur tal-bejgħ bl-imnut konvenzjonali;

G.  billi n-Netherlands qed targumenta li s-settur finanzjarju tagħha, bħala attur fil-livell globali, huwa marbut mir-regoli internazzjonali, inklużi r-regoli għar-riżervi finanzjarji, u li, peress li qed ikollhom jirrispettaw l-istandards internazzjonali ġodda, il-banek għandhom inqas riżorsi milli kellhom qabel biex jiffinanzjaw lill-ekonomija;

H.  billi bejn l-1 ta' Awwissu 2015 u l-1 ta' Mejju 2016 ingħataw 1 096 sensja fis-settur tal-bejgħ bl-imnut fir-reġjuni ta' Drenthe u Overijssel, fin-Netherlands;

I.  billi, għalkemm is-servizzi tal-bejgħ bl-imnut u bl-ingrossa jipprovdu 11 % tal-PDG tal-Unjoni u 15 % tal-impjiegi totali fl-Unjoni, is-settur xorta waħda għadu jbati mill-kriżi;

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (b) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-FEG ġew sodisfatti, u li għalhekk in-Netherlands hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 1 818 750 skont dan ir-Regolament, li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 3 031 250;

2.  Jinnota li n-Netherlands ippreżentat l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fil-12 ta' Lulju 2016, u li l-valutazzjoni ta' din l-applikazzjoni ġiet iffinalizzata mill-Kummissjoni fid-29 ta' Novembru 2016 u ġiet innotifikata lill-Parlament fit-23 ta' Jannar 2017;

3.  Jinnota li s-settur tan-negozju bl-imnut, għajr ta' vetturi bil-mutur u muturi, kien is-suġġett ta' 6 applikazzjonijiet oħra għall-FEG, li kollha kienu bbażati fuq il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali(5);

4.  Jinnota li l-pożizzjoni finanzjarja dgħajfa tal-akbar department stores għamlithielhom impossibbli li jinvestu f'mudelli ta' ħwienet oħra sabiex jiksbu l-bidliet meħtieġa u jerġgħu jsiru kompetittivi;

5.  Jindika li, fin-Netherlands, is-suq tax-xogħol qed jirkupra bil-mod mill-kriżi u li l-effetti għadhom viżibbli f'ċerti setturi u li huwa biss dan l-aħħar li xi setturi, bħal dak tan-negozju bl-imnut, bdew ibatu tassew mill-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika u finanzjarja;

6.  Jinnota l-ħafna sensji li ngħataw fis-settur tal-bejgħ bl-imnut fin-Netherlands f'dawn l-aħħar xhur, bil-fallimenti tad-department stores ewlenin tas-settur li wasslu biex b'kollox ingħataw 27 052 sensja(6) fil-perjodu 2011-2015; jinnota b'dispjaċir li l-volum tal-prodotti mibjugħa fis-settur tal-bejgħ bl-imnut segwa din ix-xejra, u niżel minn -2 % fl-2011 għal -4 % fl-2013, bix-xiri għadu 2,7 % taħt il-livell tal-2008(7);

7.  Jenfasizza li s-settur tal-bejgħ bl-imnut jirrappreżenta sehem konsiderevoli tal-impjiegi (17-19 %) fir-reġjuni fil-livell NUTS 2 ta' Drenthe u Overeijssel; jinnota li fallew 5 200 ħanut li jbigħu bl-imnut mill-bidu tal-kriżi, imma kien biss dan l-aħħar li bdew jintlaqtu l-akbar department stores; jiddispjaċih li dan wassal biex bejn Jannar 2015 u Marzu 2016 l-għadd tal-persuni li jirċievu l-benefiċċji tal-qgħad f'dawn ir-reġjuni fis-settur tal-bejgħ bl-imnut żdied bi 3 461(8);

8.  Jiddispjaċih li l-aktar li qed jintlaqtu huma l-ħaddiema żgħażagħ: mill-benefiċjarji indirizzati, 67,1 % għandhom anqas minn 30 sena;

9.  Jisħaq fuq il-perjodu twil li l-benefiċjarji indirizzati jqattgħu mingħajr ma jaħdmu jew mingħajr ma jkunu f'edukazzjoni jew f'taħriġ, kif ukoll il-perjodu twil ta' iżjed minn sena bejn id-data meta ngħatat l-aħħar sensja (fl-1 ta' Mejju 2016) u ż-żmien meta l-Istat Membru applikant se jibda jirċievi l-għajnuna mill-FEG;

10.  Jirrikonoxxi l-fatt li n-Netherlands indikat li l-applikazzjoni, b'mod partikolari l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati, tfasslet f'konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, mas-sħab soċjali u ma' rappreżentanti tas-settur tal-bejgħ bl-imnut u tar-reġjuni kkonċernati;

11.  Jinnota li l-applikazzjoni ma tinkludi l-ebda allowance jew inċentiv minn dawk msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament dwar il-FEG; jilqa' d-deċiżjoni li l-ispejjeż tal-assistenza teknika jiġu limitati għal 4 % tal-ispejjeż totali, b'mod li jibqa' 96 % biex jintużaw għall-pakkett ta' servizzi personalizzati;

12.  Jappella lill-Kummissjoni biex teżamina metodi ġodda biex tnaqqas id-dewmien fl-għoti tal-appoġġ mill-FEG billi tnaqqas il-burokrazija marbuta mal-proċedura ta' applikazzjoni;

13.  Jinnota li s-servizzi personalizzati kofinanzjati mill-FEG għall-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja jinkludu valutazzjonijiet tal-kapaċitajiet, il-potenzjalitajiet u l-prospettivi ta' impjieg tal-parteċipanti; għajnuna għat-tfittix ta' impjieg u ġestjoni tal-każijiet; "riżerva ta' mobilità" flessibbli b'impjiegi temporanji għal min ikun qed ifittex xogħol u għall-impjegaturi; għajnuna għar-rikollokament: taħriġ u taħriġ mill-ġdid inklużi taħriġ, trawwim u għotjiet għall-promozzjoni tal-intraprenditorija;

14.  Ifakkar li, bi qbil mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, jenħtieġ li t-tfassil tal-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati jantiċipa l-perspettivi futuri tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet meħtieġa, u li jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija li hija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli;

15.  Jinnota li l-awtoritajiet Netherlandiżi pprovdew assigurazzjonijiet li l-azzjonijiet proposti mhux se jirċievu appoġġ minn strumenti finanzjarji jew fondi oħra tal-Unjoni, li kull finanzjament doppju se jiġi evitat, li dawn se jkunu komplimentari ma' azzjonjijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali u li r-rekwiżiti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-Unjoni li jirrigwardaw sensji kollettivi se jiġu rrispettati;

16.  Ifakkar fl-importanza li tittejjeb l-impjegabilità tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali ta' ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett ikkoordinat jiġi adattat mhux biss għall-bżonnijiet tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, iżda anke għall-ambjent kummerċjali nnifsu;

17.  Itenni l-fatt li l-assistenza mill-FEG ma tistax tissostitwixxi la l-azzjonijiet li jkunu r-responsabilità tal-kumpaniji bis-saħħa tad-dritt nazzjonali jew ta' ftehimiet kollettivi, u lanqas il-miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

18.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-pubbliku jkollu aċċess għad-dokumenti relatati mal-każijiet tal-FEG;

19.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(4) https://www.cbs.nl/nl-nl/nieuws/2016/11/consumentenvertrouwen-daalt-opnieuw
(5) EGF/2010/010 CZ/Unilever, COM(2011)0061; EGF/2010/016 ES/Aragón retail, COM(2010)0615; EGF/2011/004 EL/ALDI Hellas, COM(2011)0580; EGF/2014/009_EL/Sprider stores, COM(2014)0620; EGF/2014/013_EL/Odyssefs Fokas, COM(2014)0702; EGF/2015/011_GR/Supermarket Larissa, COM(2016)0210.
(6)http://www.consultancy.nl/nieuws/11992/de-25-grootste-faillissementen-van-retailketens-en-winkels
(7)Fokus fuq il-konsum, Aġenzija Ekonomika ABN-AMRO, Mathijs Deguelle u Nico Klene. Żvilupp tal-volum tas-settur tal-bejgħ bl-imnut. 24 ta' Jannar 2014. Pronjożijiet għas-settur tal-bejgħ bl-imnut, Aġenzija ABN-AMRO, Sonny Duijn, paragrafu 1. 22 ta' Jannar 2016.
(8) Ċifri mill-aġenzija UWV, April 2016.


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni min-Netherlands – EGF/2016/005 NL/Drenthe Overijssel Retail

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2017/559.)

Avviż legali