Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2094(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0020/2017

Testi mressqa :

A8-0020/2017

Dibattiti :

PV 13/02/2017 - 12
CRE 13/02/2017 - 12

Votazzjonijiet :

PV 14/02/2017 - 8.8
CRE 14/02/2017 - 8.8

Testi adottati :

P8_TA(2017)0026

Testi adottati
PDF 585kWORD 79k
It-Tlieta, 14 ta' Frar 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Reviżjoni tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp
P8_TA(2017)0026A8-0020/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Frar 2017 dwar ir-reviżjoni tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp (2016/2094(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp ta' Diċembru 2005(1),

–  wara li kkunsidra s-Sħubija ta' Busan dwar Kooperazzjoni Effettiva għall-Iżvilupp(2) u l-Pożizzjoni Komuni tal-UE għat-tieni Laqgħa ta' Livell Għoli tas-Sħubija Globali dwar Kooperazzjoni Effettiva għall-Iżvilupp (GPEDC) li saret f'Nairobi (mit-28 ta' Novembru sal-1 ta' Diċembru 2016)(3),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' eżitu tar-Raba' Forum ta' Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna ta' Diċembru 2011, li vara l- GPEDC,

–  wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 bit-titolu "Transforming our World: The 2030 Agenda for Sustainable Development" (Nittrasformaw id-Dinja tagħna: L-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli), adottata fis-Summit tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tal-25 ta' Settembru 2015 fi New York(4),

–  wara li kkunsidra l-Aġenda ta' Azzjoni ta' Addis Ababa dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp(5),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Dili tal-10 ta' April 2010, dwar il-bini tal-paċi u l-bini tal-istati, kif ukoll "Il-Patt il-Ġdid favur l-Involviment fi Stati Fraġli" varat fit-30 ta' Novembru 2011,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi (COP 21) skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, adottat fit-12 ta' Diċembru 2015(6),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Inżidu l-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla" (COM(2011)0637),

–  wara li kkunsidra s-Summit Umanitarju Dinji li sar bejn it-23 u l-24 ta' Mejju 2016 f'Istanbul u l-Impenji għal Azzjoni tiegħu(7),

–  wara li kkunsidra l-Aġenda Urbana Ġdida adottata fil-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Housing u l-Iżvilupp Urban Sostenibbli (Habitat III) li saret mis-17 sal-20 ta' Ottubru 2016 f'Quito, l-Ekwador(8),

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' progress tal-2014 tal-OECD/UNDP bit-titolu "Making Development Cooperation More Effective" (Lejn Kooperazzjoni għall-Iżvilupp Aktar Effikaċi)(9),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, li jiddikjara li "l-politika ta' koperazzjoni għall-iżvilupp ta' l-Unjoni u dik ta' l-Istati Membri għandhom jikkomplementaw u jsaħħu lil xulxin", u li jiddefinixxi t-tnaqqis u l-qerda tal-faqar bħala l-għan ewlieni tal-politika tal-iżvilupp tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Ottubru 2012 dwar l-għeruq tad-demokrazija u tal-iżvilupp sostenibbli: l-involviment tal-Ewropa mas-soċjetà ċivili fir-relazzjonijiet esterni,

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar il-Komplementarjetà u t-Tqassim tax-Xogħol fil-Politika dwar l-Iżvilupp(10),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-UE tad-19 ta' Mejju 2014 dwar approċċ għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp ibbażat fuq id-drittijiet, li jħaddan id-drittijiet tal-bniedem kollha(11),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea ppubblikata f'Ġunju 2016(12),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD), iffirmata u ratifikata mill-UE fl-2011, u l-Osservazzjonijiet Konklużivi tan-NU dwar l-implimentazzjoni tas-CRPD,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Kummerċ għal Kulħadd: Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment'' (COM(2015)0497),

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2020 u l-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija (2015-2019),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dawk tas-17 ta' Novembru 2005 dwar il-proposta għal Dikjarazzjoni Konġunta tal-Kunsill, tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni dwar il-Politika Ewropea għall-Iżvilupp "Il-Kunsens Ewropew"(13), tal-5 ta' Lulju 2011 dwar żieda fl-impatt tal-politika tal-iżvilupp tal-UE(14), tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-koordinazzjoni tad-donaturi tal-UE dwar l-għajnuna għall-iżvilupp(15), tal-25 ta' Novembru 2014 dwar l-UE u l-qafas tal-iżvilupp globali wara l-2015(16), tad-19 ta' Mejju 2015 dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp(17), tat-8 ta' Lulju 2015 dwar l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa bħala sfidi għall-governanza, il-protezzjoni soċjali u l-iżvilupp fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw(18), tal-14 ta' April 2016 dwar is-settur privat u l-iżvilupp(19), tat-12 ta' Mejju 2016 dwar is-segwitu u r-rieżami tal-Aġenda 2030(20), tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar ir-Rapport 2015 tal-UE dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp(21) u tat-22 ta' Novembru 2016 dwar it-titjib tal-effikaċja tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp(22),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma Konġunt tal-Persunal dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Emanċipazzjoni tan-Nisa: Nittrasformaw il-Ħajjiet tal-Bniet u n-Nisa permezz tar-Relazzjonijiet Esterni tal-UE 2016-2020 (SWD(2015)0182) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2015 li japprovaw il-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi korrispondenti,

–  wara li kkunsidra l-qafas il-ġdid għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Emanċipazzjoni tan-Nisa: Nittrasformaw il-Ħajjiet tal-Bniet u n-Nisa permezz tar-Relazzjonijiet Esterni tal-UE (2016-2020),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2016 dwar strateġija futura ġdida progressiva u innovattiva dwar il-kummerċ u l-investiment(23),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-erba' prinċipji fundamentali tiegħu ta' nondiskriminazzjoni (Artikolu 2), l-aħjar interessi tat-tfal (Artikolu 3), is-sopravivenza, l-iżvilupp u l-protezzjoni (Artikolu 6) u l-parteċipazzjoni (Artikolu 12),

–  wara li kkunsidra r-rapport li jmiss tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Kumitat għall-Iżvilupp tiegħu dwar l-indirizzar tal-movimenti tar-rifuġjati u tal-migranti: ir-rwol tal-azzjoni esterna tal-UE (2015/2342(INI)), u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Novembru 2016 dwar iż-żieda fl-effikaċja tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp(24),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A8-0020/2017),

A.  billi reviżjoni tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp hija f'waqtha u neċessarja meta jiġi kkunsidrat il-qafas estern mibdul, inkluża l-adozzjoni tal-Aġenda 2030 u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), il-Ftehim ta' Pariġi COP 21 dwar it-tibdil fil-klima, il-Qafas ta' Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri, l-Aġenda ta' Azzjoni ta' Addis Ababa dwar il-finanzjament għall-iżvilupp u s-Sħubija Globali dwar Kooperazzjoni Effettiva għall-Iżvilupp, sfidi globali ġodda jew li qed jiżdiedu bħat-tibdil fil-klima, il-kuntest tal-migrazzjoni, pajjiżi li qed jiżviluppaw aktar diversifikati bi ħtiġijiet ta' żvilupp differenti u speċifiċi, donaturi emerġenti u atturi globali ġodda, spazju li qed jonqos għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u bidliet interni fl-UE, fosthom dawk li jirriżultaw mit-Trattat ta' Lisbona, mill-Aġenda għall-Bidla u mill-Istrateġija Globali tal-UE għall-Politika Estera u ta' Sigurtà;

B.  billi l-Aġenda 2030 universali u l-SDGs interrelatati għandhom l-għan li jiksbu żvilupp sostenibbli fil-limiti tal-pjaneta, filwaqt li jibnu sħubijiet li jqiegħdu lin-nies fiċ-ċentru, jipprovdulhom riżorsi vitali bħall-ikel, l-ilma u s-sanità, il-kura tas-saħħa, l-enerġija, l-edukazzjoni u opportunitajiet ta' impjieg, u jippromwovu l-paċi, il-ġustizzja u l-prosperità għal kulħadd; billi l-azzjonijiet iridu jittieħdu skont il-prinċipji ta' sjieda tal-pajjiż, ta' sħubijiet ta' żvilupp inklużivi, ta' enfasi fuq ir-riżultati, ta' trasparenza u r-responsabbiltà; billi approċċ ibbażat fuq id-drittijiet huwa prerekwiżit għall-iżvilupp sostenibbli f'konformità mar-riżoluzzjoni 41/128 tan-NU, fejn id-dritt għall-iżvilupp huwa definit bħala dritt tal-bniedem inaljenabbli;

C.  billi l-Artikolu 208 tat-TFUE jiddikjara li "l-politika ta' koperazzjoni għall-iżvilupp ta' l-Unjoni u dik ta' l-Istati Membri għandhom jikkomplementaw u jsaħħu lil xulxin";

D.  billi t-tibdil fil-klima huwa fenomenu li jrid jiġi ttrattat b'mod urġenti, peress li jolqot ferm aktar lill-foqra u lill-pajjiżi l-aktar vulnerabbli;

E.  billi tliet kwarti tal-foqra fid-dinja jgħixu f'Pajjiżi b'Introjtu Medju (MICs); billi l-MICs mhumiex grupp omoġenju iżda għandhom ħtiġijiet u sfidi varjati ħafna, u għalhekk il-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE trid tkun differenzjata biżżejjed;

F.  billi l-approċċ ta' koerenza tal-politiki għall-iżvilupp previst fit-Trattati jesiġi li l-UE tqis l-objettivi dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp meta taġixxi f'oqsma politiċi oħra li x'aktarx li jaffettwaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw; billi oqsma ta' politika marbuta mill-qrib bħall-kummerċ, is-sigurtà, il-migrazzjoni, l-għajnuna umanitarja u l-iżvilupp għalhekk iridu jiġu fformulati u implimentati b'mod li jsaħħu lil xulxin;

G.  billi l-migrazzjoni saret kwistjoni dejjem aktar urġenti, b'aktar minn 65 miljun ruħ ikunu vittmi ta' spostament forzat madwar id-dinja; billi l-maġġoranza l-kbira tar-rifuġjati jgħixu f'pajjiżi li qed jiżviluppaw; billi l-fraġilità tal-istati, l-instabbiltà u l-gwerer, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, il-faqar estrem u n-nuqqas ta' prospetti huma fost il-kawżi ewlenin li jwasslu lin-nies jitilqu minn djarhom; billi miljuni ta' nies emigraw jew ħarbu lejn l-UE fis-snin riċenti;

H.  billi xi proposti riċenti mill-Kummissjoni għandhom it-tendenza li jqisu l-politika tal-iżvilupp mill-perspettiva l-ġdida tal-ġestjoni tal-migrazzjoni, sabiex jiġu ssodisfati l-prijoritajiet tal-UE li sikwit ikunu għall-perjodu qasir; billi m'għandu jkun hemm l-ebda kundizzjonalità bejn l-għajnuna għall-iżvilupp u l-kooperazzjoni minn pajjiżi benefiċjarji dwar kwistjonijiet ta' migrazzjoni; billi fondi bħall-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE għall-Afrika u l-Pjan ta' Investiment Estern tal-UE ġew stabbiliti bl-għan li jkun hemm reazzjoni għall-kriżijiet migratorji riċenti fl-UE; billi l-politika ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE jrid ikollha bħala l-objettiv primarju tagħha t-tnaqqis u, eventwalment, il-qerda tal-faqar u għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipji ta' effikaċja tal-iżvilupp;

I.  billi s-saħħa u l-edukazzjoni huma kruċjali għall-iżvilupp sostenibbli; billi l-investiment biex jiġi ggarantit aċċess universali f'dawn l-oqsma għalhekk jidher b'mod prominenti fl-Aġenda 2030 u fl-SDGs u għandu jkollu riżorsi adegwati sabiex ikollu effetti konsegwenzjali għal setturi oħra;

J.  billi l-SMEs u l-mikrointrapriżi huma s-sinsla tal-ekonomiji madwar id-dinja, huma parti fundamentali mill-ekonomija tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u, flimkien mas-setturi pubbliċi li jaħdmu tajjeb, huma fattur ewlieni biex jiżdied it-tkabbir ekonomiku, soċjali u kulturali; billi l-SMEs spiss jiffaċċjaw aċċess ristrett għall-kapital, b'mod partikolari f'pajjiżi li qed jiżviluppaw;

K.  billi llum aktar minn nofs il-popolazzjoni dinjija hija urbana, u billi huwa mbassar li dan il-proporzjon jilħaq żewġ terzi sal-2050, b'madwar 90 % tat-tkabbir urban iseħħ fl-Afrika u fl-Asja; billi din it-tendenza ssaħħaħ il-ħtieġa għal żvilupp urban sostenibbli; billi s-sigurtà urbana qed issir sfida dejjem akbar f'ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw;

L.  billi l-oċeani għandhom rwol vitali għall-bijodiversità, is-sigurtà tal-ikel, l-enerġija, l-impjiegi u t-tkabbir, iżda billi r-riżorsi tal-baħar huma mhedda mit-tibdil fil-klima u minn sfruttament żejjed u ġestjoni insostenibbli;

M.  billi d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti qed ifaqqru l-ekosistemi u huma kontributuri importanti għat-tibdil fil-klima;

N.  billi l-politika tal-iżvilupp tal-UE tikkomplementa b'mod importanti l-politika tal-iżvilupp tal-Istati Membri li għandha tiffoka fuq oqsma ta' vantaġġ komparattiv u fuq modi li bihom ir-rwol dinji tal-UE bħala organizzazzjoni jista' jiżviluppa aktar l-objettivi tal-politika tal-iżvilupp tagħha;

O.  billi l-politika tal-iżvilupp hija aspett kruċjali tal-politika esterna tal-UE; billi l-Unjoni hija l-akbar donatur għall-iżvilupp fid-dinja u, flimkien mal-Istati Membri tagħha, tipprovdi aktar minn nofs l-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp f'livell dinji;

P.  billi l-inugwaljanzi fil-ġid u fl-introjtu qed jikbru madwar id-dinja; billi din it-tendenza għandha r-riskju li timmina l-koeżjoni soċjali u li żżid id-diskriminazzjoni, l-instabbiltà politika u l-inkwiet politiku; billi l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi hija għalhekk kruċjali għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u tirrappreżenta strateġija vijabbli biex eventwalment tingħeleb id-dipendenza mill-għajnuna barranija;

1.  Jenfasizza l-importanza tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp billi jipprovdi pożizzjoni konġunta u koerenti kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak tal-Istati Membri dwar l-objettivi, il-valuri, il-prinċipji u l-aspetti ewlenin tal-politika tal-iżvilupp, anke fl-implimentazzjoni tagħha; jemmen li l-acquis tal-Kunsens, u b'mod partikolari l-approċċ olistiku tiegħu u l-objettiv primarju ċar tal-ġlieda kontra l-faqar, u eventwalment il-qerda tal-faqar, irid jiġi ssalvagwardjat fir-reviżjoni tiegħu; jemmen, barra minn hekk, li l-indirizzar tal-inugwaljanzi, kif rikonoxxut fl-SDGs, irid ikun mira wkoll; ifakkar li l-politiki tal-iżvilupp fil-livell tal-Istati Membri u tal-UE għandhom isaħħu u jikkomplementaw lil xulxin;

2.  Iwissi kontra t-twessigħ tal-kriterji tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) bl-għan li jkopru spejjeż għajr dawk marbuta direttament mal-objettivi msemmija preċedentement; jenfasizza li kwalunkwe riforma tal-ODA irid ikollha l-għan li żżid l-impatt tal-iżvilupp;

3.  Jirrikonoxxi l-importanza ta' strateġija Ewropea esterna ċara, li tirrikjedi l-koerenza politika, b'mod partikolari dwar il-paċi u s-sigurtà, il-migrazzjoni, il-kummerċ, l-ambjent u t-tibdil fil-klima, l-għajnuna umanitarja u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp; itenni, madankollu, li l-objettivi tal-iżvilupp huma għanijiet fihom infushom; ifakkar fl-obbligu previst fit-Trattat minqux fl-Artikolu 208 tat-TFUE biex jittieħdu "in kunsiderazzjoni l-objettivi ta' koperazzjoni għall-iżvilupp fl-implimentazzjoni tal-politika li x'aktarx tolqot lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw"; jissottolinja bil-qawwa li l-Parlament jista' jaċċetta biss kunċett qawwi ta' politika tal-iżvilupp imsejjes fl-obbligi tat-TFUE b'enfasi ewlenija fuq il-ġlieda kontra l-faqar; ifakkar fil-prinċipji tal-azzjoni esterna tal-UE skont l-Artikolu 21(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, jiġifieri d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u tas-solidarjetà, u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u tad-dritt internazzjonali;

4.  F'konformità mat-Trattat ta' Lisbona, jiddeskrivi l-kooperazzjoni għall-iżvilupp kif ġej: ġlieda għad-DINJITÀ permezz tal-qerda tal-FAQAR;

L-objettivi, il-valuri u l-prinċipji tal-iżvilupp tal-UE

5.  Jitlob li l-SDGs, l-Aġenda 2030 u d-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-iżvilupp sostenibbli jiġu inklużi fil-politiki interni u esterni kollha tal-UE u li jitpoġġew fil-qalba tal-Kunsens, filwaqt li jirrikonoxxi l-interkonnessjonijiet importanti bejn l-għanijiet u l-miri tiegħu; jitlob li l-ġlieda kontra l-faqar, u eventwalment il-qerda tal-faqar, jibqgħu l-għan ġenerali u primarju tal-politika tal-iżvilupp tal-UE, b'enfasi partikolari fuq il-gruppi l-aktar emarġinati u bl-għan li ħadd ma jibqa' lura; jisħaq l-importanza li jiddefinixxi l-povertà skont id-definizzjoni tal-Kunsens u l-Aġenda għal Bidla u fi ħdan il-qafas tat-Trattat ta’ Lisbona;

6.  Jenfasizza n-natura universali u trasformattiva tal-Aġenda 2030; jissottolinja, għalhekk, li pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw għandhom responsabbiltà kondiviża biex jintlaħqu l-SDGs, u li l-istrateġija tal-UE dwar l-SDGs trid tikkonsisti minn ġabra koerenti ta' politiki u impenji kemm interni kif ukoll esterni b'sett sħiħ ta' għodod tal-politika tal-iżvilupp;

7.  Jinsisti li l-politika tal-iżvilupp trid tirrifletti b'mod aktar konsistenti l-attenzjoni tal-Unjoni fuq l-istati fraġli, il-qgħad fost iż-żgħażagħ, in-nisa u l-bniet vittmi tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u ta' prattiki dannużi u dawk f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt, u jfakkar fl-impenn tal-UE li talloka tal-anqas 20 % tal-ODA tagħha għall-inklużjoni soċjali u l-iżvilupp tal-bniedem;

8.  Jenfasizza li l-edukazzjoni hija fundamentali għall-iżvilupp ta' soċjetajiet li jistgħu jsostnu lilhom infushom; jitlob lill-UE tistabbilixxi rabtiet bejn l-edukazzjoni ta' kwalità, it-taħriġ tekniku u vokazzjonali u l-kooperazzjoni mal-industrija bħala prekundizzjoni essenzjali għall-impjegabbiltà taż-żgħażagħ u l-aċċess għal impjiegi kwalifikati; jemmen li l-indirizzar b'mod partikolari tal-kwistjoni tal-aċċess għall-edukazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza u ta' kriżi huwa kruċjali kemm għall-iżvilupp kif ukoll għall-protezzjoni tat-tfal;

9.  Jenfasizza li fatturi sistemiċi, inklużi l-inugwaljanza bejn is-sessi, l-ostakli politiċi u l-iżbilanċi tal-poter, għandhom impatt fuq is-saħħa u li l-iżgurar ta' aċċess ekwu għal servizzi tal-kura tas-saħħa ta' kwalità pprovduti minn persunal tal-kura tas-saħħa mħarreġ, ikkwalifikat u kompetenti huwa kruċjali; jissottolinja li l-Kunsens il-ġdid għandu għalhekk jippromwovi l-investiment fi, u l-emanċipazzjoni ta', ħaddiema tal-kura tas-saħħa tal-ewwel linja, li għandhom rwol kruċjali biex jiġi garantit l-għoti ta' servizzi tal-kura tas-saħħa f'żoni remoti, foqra u li mhumiex moqdija sew, u f'żoni ta' kunflitt; jenfasizza li l-promozzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp ta' teknoloġiji tas-saħħa ġodda biex jiġu indirizzati theddidiet ġodda għas-saħħa bħall-epidemiji u r-reżistenza għall-antimikrobiċi hija kruċjali għall-ilħuq tal-SDGs;

10.  Jitlob li jkun hemm impenn kontinwu qawwi tal-UE għall-governanza globali bbażata fuq ir-regoli kif ukoll il-promozzjoni tagħha, u b'mod partikolari l-Isħubija Globali għall-Iżvilupp Sostenibbli;

11.  Jenfasizza li l-ġlieda kontra l-inugwaljanzi fil-pajjiżi u bejniethom, id-diskriminazzjoni, b'mod partikolari abbażi tal-ġeneru, l-inġustizzja u l-kunflitt, il-promozzjoni tal-paċi, id-demokrazija parteċipattiva, il-governanza tajba, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, is-soċjetajiet inklużivi u t-tkabbir sostenibbli u l-indirizzar tal-adattament għat-tibdil fil-klima u l-isfidi ta' mitigazzjoni jridu jkunu objettivi trasversali tal-politika tal-iżvilupp tal-UE; jitlob li l-Aġenda 2030 tiġi implimentata kollha kemm hi u b'mod ikkoordinat u koerenti mal-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima, anke fir-rigward tal-ħtieġa urġenti li jitnaqqas id-distakk bejn dak li huwa meħtieġ biex jiġi limitat it-tisħin dinji u biex tiżdied il-ħidma fuq l-adattament u l-finanzjament għalih; ifakkar fl-impenn tal-UE li talloka 20 % tal-baġit tagħha għall-2014-2020 (madwar EUR 180 biljun) għal sforzi biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima, anke permezz tal-politiki esterni u ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tagħha;

12.  Jenfasizza li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tista' tirriżulta mill-inklużjoni, il-fiduċja u l-innovazzjoni msejsa fuq ir-rispett mis-sħab kollha għall-użu ta' strateġiji nazzjonali u oqfsa tar-riżultati tal-pajjiżi;

13.  Jirrikonoxxi r-rwol speċjali tad-dimensjoni tal-governanza tajba tal-iżvilupp sostenibbli; jitlob lill-UE ssaħħaħ il-bilanċ bejn l-oqsma ekonomiċi, soċjali u ambjentali billi tappoġġja strateġiji nazzjonali komprensivi ta' żvilupp sostenibbli u billi tappoġġja l-mekkaniżmi u l-proċessi tajbin ta' governanza tajba, b'enfasi partikolari fuq il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili; jenfasizza l-importanza ta' riformi ta' deċentralizzazzjoni amministrattiva u fiskali bħala mezz biex tiġi promossa l-governanza tajba fil-livell lokali skont il-prinċipju ta' sussidjarjetà;

14.  Jitlob li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE tħeġġeġ lill-pajjiżi sħab "jigglokalizzaw" l-SDGs, f'konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili nazzjonali u lokali, sabiex dawn jissarrfu f'miri nazzjonali u sottonazzjonali kuntestwalment rilevanti integrati fl-istrateġiji, il-programmi u l-baġits ta' żvilupp nazzjonali; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jinkoraġġixxu lill-pajjiżi sħab tagħhom biex jinkludu l-ilħna tal-komunitajiet emarġinati fil-monitoraġġ tal-SDGs u jippromwovu mekkaniżmi konkreti biex dan ikun possibbli, f'konformità mal-aġenda "ħadd ma jibqa' lura";

15.  Jitlob li l-politika tal-iżvilupp tal-UE tkompli tagħti prijorità lill-appoġġ lill-pajjiżi l-inqas żviluppati u lil dawk b'introjtu baxx (LDCs u LICs) kif ukoll lill-istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw (SIDS) filwaqt li tindirizza l-ħtiġijiet differenti u speċifiċi tal-pajjiżi b'introjtu medju (MICs), fejn jgħixu l-maġġoranza tal-fqar fid-dinja, skont l-Aġenda ta' Azzjoni ta' Addis Ababa u b'rispett sħiħ għall-prinċipju ta' differenzjazzjoni; jappella għall-integrazzjoni ta' approċċ territorjali għall-iżvilupp sabiex tingħata s-setgħa lill-gvernijiet lokali u reġjonali u biex jiġu indirizzati aħjar l-inugwaljanzi fi ħdan il-pajjiżi;

16.  Jenfasizza l-importanza tal-prinċipju ta' sjieda demokratika, li jagħti lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw ir-responsabbiltà primarja għall-iżvilupp tagħhom stess iżda li jippermetti wkoll li l-parlamenti nazzjonali u l-partiti politiċi, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati oħra jiżvolġu bis-sħiħ ir-rwoli rispettivi tagħhom flimkien mal-gvernijiet nazzjonali u jipparteċipaw attivament fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet; jissottolinja, f'dan il-kuntest, l-importanza li titjieb ir-responsabbiltà 'l fuq u 'l isfel bl-għan li jkun hemm rispons aħjar għall-ħtiġijiet lokali u li titrawwem is-sjieda demokratika taċ-ċittadini;

17.  Jitlob li l-UE tkompli u ssaħħaħ l-appoġġ tagħha għall-bini tal-kapaċità lokali u reġjonali u għal proċessi ta' deċentralizzazzjoni sabiex il-gvernijiet lokali u reġjonali jingħataw is-setgħa u jsiru aktar trasparenti u responsabbli sabiex ikunu jistgħu jissodisfaw aħjar il-ħtiġijiet u t-talbiet taċ-ċittadini tagħhom;

18.  Jappella, f'konformità mal-prinċipju ta' sħubija, għal responsabbiltà kondiviża għall-azzjonijiet konġunti kollha, filwaqt li jiġi promoss l-ogħla livell possibbli ta' trasparenza; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jippromwovu rwol imsaħħaħ għall-parlamenti nazzjonali, il-gvernijiet lokali u reġjonali u s-soċjetà ċivili fis-sorveljanza politika u baġitarja u l-iskrutinju demokratiku; jitlob li l-korruzzjoni u l-impunità jiġu miġġielda b'mod konġunt bil-mezzi kollha u fil-livelli kollha tal-politika;

19.  Jitlob li d-djalogu politiku bejn l-UE u l-pajjiżi/ir-reġjuni sħab ikun aspett ċentrali ta' kull kooperazzjoni tal-UE għall-iżvilupp u li tali djalogi jiffukaw fuq valuri komuni u kif dawn għandhom jiġu promossi; jitlob li jkun hemm aktar involviment parlamentari u tas-soċjetà ċivili fid-djalogi politiċi;

20.  Jissottolinja l-importanza ta' demokrazija pluralistika u inklużiva, u jitlob lill-UE biex tippromwovi kundizzjonijiet ekwi għall-partiti politiċi u soċjetà ċivili dinamika fl-azzjonijiet kollha tagħha, anke permezz tal-bini ta' kapaċità u permezz tad-djalogu mal-pajjiżi sħab biex jitħalla biżżejjed spazju għas-soċjetà ċivili b'mekkaniżmi xprunati miċ-ċittadini, ta' monitoraġġ parteċipattiv u ta' responsabbiltà fil-livell sottonazzjonali, nazzjonali u reġjonali u biex tiżgura l-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (CSOs) fid-disinn, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ, ir-rieżami u r-responsabbiltà tal-politiki tal-iżvilupp; jitlob li l-UE tirrikonoxxi li l-konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili tkun fattur kruċjali għas-suċċess fis-setturi tal-programmazzjoni kollha, sabiex tinkiseb governanza inklużiva;

21.  Jirrikonoxxi r-rwol tas-soċjetà ċivili biex titqajjem sensibilizzazzjoni fost il-pubbliku biex jiġu indirizzati l-SDGs fil-livell nazzjonali u globali permezz ta' edukazzjoni u sensibilizzazzjoni globali taċ-ċittadini;

22.  Jitlob li l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u l-emanċipazzjoni u d-drittijiet tan-nisa u l-bniet ikunu mira kemm individwali kif ukoll trasversali fil-politika tal-iżvilupp tal-UE skont il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sesssi u l-Aġenda 2030, kif iddikjarat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 2015 dwar id-drittijiet indaqs tan-nisa u tal-irġiel fil-qafas tal-iżvilupp; jitlob li tittieħed azzjoni speċifika xprunata mill-politika biex jiġu indirizzati l-isfidi f'dan il-qasam; jitlob li jsiru aktar sforzi mill-UE sabiex jiġi promoss ir-rwol importanti tan-nisa u taż-żgħażagħ bħala aġenti tal-iżvilupp u l-bidla; jissottolinja, f'dan ir-rigward, li l-ugwaljanza bejn is-sessi tinkludi l-bniet u s-subien u n-nisa u l-irġiel ta' kull età u li l-programmi għandhom jinkoraġġixxu l-koparteċipazzjoni ugwali u l-promozzjoni ta' drittijiet u servizzi, partikolarment fil-każ ta' aċċess għall-edukazzjoni u għall-kura tas-saħħa u dik riproduttiva, mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq l-identità tal-ġeneru jew l-orjentazzjoni sesswali;

23.  Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġu promossi, protetti u ssalvagwardjati d-drittijiet tal-bniedem kollha; jenfasizza li d-difiża tad-drittijiet tan-nisa u l-bniet, kif ukoll is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, u l-eliminazzjoni tal-forom kollha ta' vjolenza u diskriminazzjoni sesswali u abbażi tal-ġeneru, inklużi l-prattiki dannużi kontra t-tfal, iż-żwieġ bikri u sfurzat u l-mutilazzjoni ġenitali femminili, huma essenzjali għat-twettiq tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi ggarantit l-aċċess universali għal informazzjoni u edukazzjoni għall-but ta' kulħadd, komprensivi u ta' kwalità għolja dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva u dwar servizzi ta' ppjanar tal-familja; jappella għal aktar azzjonijiet sabiex jitħaffu l-isforzi biex jinkisbu l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-emanċipazzjoni tan-nisa billi jiġu approfonditi s-sħubijiet bejn diversi partijiet ikkonċernati, tissaħħaħ il-kapaċità għal ibbaġitjar u ppjanar abbażi tal-ġeneru u tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tan-nisa;

24.  Jappella għal strateġiji speċifiċi tal-UE dwar l-iżvilupp biex jindirizzaw, jipproteġu u jappoġġjaw aħjar il-gruppi vulnerabbli u emarġinati bħan-nisa u t-tfal, il-persuni LGBTI, l-anzjani, il-persuni b'diżabilità, il-produtturi żgħar, il-kooperattivi, il-minoranzi lingwistiċi u etniċi u l-popli indiġeni, sabiex joffrulhom l-istess opportunitajiet u drittijiet bħal kulħadd, skont il-prinċipju li ħadd ma jaqa' lura;

25.  Itenni l-impenn tal-UE li tinvesti fl-iżvilupp tat-tfal u taż-żgħażagħ billi ttejjeb ir-rappurtar dwar kooperazzjoni għall-iżvilupp u riżorsi domestiċi ffukati fuq it-tfal, u li ssaħħaħ il-kapaċità taż-żgħażagħ biex jipparteċipaw f'eżerċizzji ta' responsabbiltà;

26.  Jitlob li jingħata appoġġ lil pajjiżi fraġli u milquta minn kunflitti biex ikollhom aċċess għar-riżorsi u s-sħubijiet meħtieġa biex jinkisbu prijoritajiet tal-iżvilupp, u li jiġi promoss it-tagħlim bejn il-pari bejn dawn il-pajjiżi kif ukoll li jissaħħaħ l-impenn bejn is-sħab favur l-iżvilupp, il-bini tal-paċi, is-sigurtà u l-isforzi umanitarji;

27.  Jissottolinja l-importanza kontinwa tal-objettivi stabbiliti fil-kapitolu dwar l-iżvilupp tal-bniedem tal-Kunsens Ewropew attwali; jenfasizza l-ħtieġa li dawn l-objettivi jintrabtu mal-SDGs u li t-tisħiħ tas-sistema tal-kura tas-saħħa orizzontali (għajr l-appoġġ għall-programmi vertikali għal mard speċifiku) jitqiegħed fiċ-ċentru tal-programmazzjoni tal-iżvilupp tas-saħħa, li jsaħħaħ ukoll ir-reżiljenza fil-każ ta' kriżijiet tas-saħħa bħat-tifqigħa tal-Ebola fil-Punent tal-Afrika tal-2013-2014, kif ukoll li jiġi żgurat id-dritt fundamentali għall-kura tas-saħħa universali, kif previst fl-Artikolu 25 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (UDHR) u mill-Kostituzzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO); ifakkar li l-Artikolu 168 tat-TFUE jiddikjara li livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem irid ikun żgurat fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni; jappella, f'dan ir-rigward, għal innovazzjoni u żvilupp aktar koerenti tal-politika tal-mediċini li tiggarantixxi aċċess għall-mediċini għal kulħadd;

28.  Jissuġġerixxi, fid-dawl tat-tkabbir demografiku, b'mod partikolari fl-Afrika u fl-LDCs, u filwaqt li jitqies il-fatt li mill-21 pajjiż bl-ogħla rati ta' fertilità, 19 minnhom jinsabu fl-Afrika, li n-Niġerja hija l-pajjiż bl-aktar popolazzjoni li qiegħda tikber malajr fid-dinja, u li sal-2050 aktar minn nofs it-tkabbir tal-popolazzjoni globali huwa mistenni li jseħħ fl-Afrika u din hija problema għall-iżvilupp sostenibbli, li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE għandha tqiegħed aktar enfasi fuq programmi li jindirizzaw din il-kwistjoni;

29.  Jilqa' l-fatt li s-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni saret qasam ta' prijorità għall-qafas tal-iżvilupp globali l-ġdid, u jilqa' l-inklużjoni ta' għan individwali għall-eliminazzjoni tal-ġuħ, il-kisba tas-sigurtà tal-ikel u t-titjib tan-nutrizzjoni, u l-promozzjoni ta' agrikoltura sostenibbli; jirrikonoxxi li l-ġuħ u l-faqar mhumiex aċċidenti, iżda r-riżultat ta' inġustizzja u inugwaljanza soċjali u ekonomiċi fil-livelli kollha; itenni li l-Kunsens għandu jenfasizza l-appoġġ kontinwu tal-UE għal approċċi integrati u transsettorjali li jsaħħu l-kapaċità għal produzzjoni tal-ikel lokali diversifikata u għandu jinkludi interventi speċifiċi għan-nutrizzjoni u sensittivi għan-nutrizzjoni li jindirizzaw espliċitament l-inugwaljanza bejn is-sessi;

30.  Jinsisti fuq il-ħtieġa ta' mekkaniżmi ta' responsabbiltà fir-rigward tal-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-SDGs u l-objettivi ODA/GNI ta' 0,7 %; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jippreżentaw skeda ta' żmien dwar kif dawn l-għanijiet u l-objettivi għandhom jintlaħqu gradwalment, b'rappurtar annwali lill-Parlament Ewropew;

31.  Jissottolinja l-ħtieġa ta' approċċi multisettorjali u integrati biex tinbena r-reżiljenza b'mod effikaċi, li jimplika li ssir ħidma favur l-azzjoni umanitarja, it-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri, il-protezzjoni soċjali, l-adattament għat-tibdil fil-klima, il-ġestjoni tar-riżorsi naturali, il-mitigazzjoni tal-kunflitti u azzjonijiet oħra ta' żvilupp; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jippromwovu governanza inklużiva li tindirizza l-ixpruni tal-emarġinazzjoni u l-inugwaljanza abbażi tal-vulnerabbiltà; jirrikonoxxi li l-popolazzjonijiet vulnerabbli jridu jingħataw is-setgħa li jġestixxu r-riskju u li jkollhom aċċess għal proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet li jkollhom impatt fuq il-futur tagħhom;

32.  Jenfasizza r-rwol li tiżvolġi l-kultura fl-iżvilupp uman, soċjali u ekonomiku sostenibbli, u jinsisti li d-dimensjoni kulturali titqies bħala aspett fundamentali tal-politiki ta' solidarjetà, kooperazzjoni u għajnuna għall-iżvilupp tal-UE; jappella għall-promozzjoni tad-diversità kulturali u l-appoġġ għall-politiki kulturali u li jitqiesu ċ-ċirkustanzi lokali meta dan ikun jista' jgħin biex jintlaħaq l-objettiv tal-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli;

33.  Jirrimarka li huwa previst li l-popolazzjoni urbana tiżdied bi 2,5 biljun ruħ sal-2050, bi kważi 90 % taż-żieda tkun ikkonċentrata fl-Asja u fl-Afrika; jirrikonoxxi l-problemi li jirriżultaw mit-tkabbir enormi ta' megabliet u l-isfidi li dan il-fenomenu jġib miegħu għas-sostenibbiltà soċjetali u ambjentali; jappella għal żvilupp reġjonali bbilanċjat u jfakkar li attività ekonomika msaħħa fiż-żoni rurali u fil-bliet iżgħar tnaqqas il-pressjoni biex in-nies jemigraw lejn megaċentri urbani, biex b'hekk jittaffu l-problemi ta' urbanizzazzjoni u migrazzjoni inkontrollati;

Differenzjazzjoni

34.  Jissottolinja li, biex strateġija għall-iżvilupp tkun effikaċi, l-UE trid tippromwovi ridistribuzzjoni ġusta tal-ġid lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw permezz tal-baġits nazzjonali, jiġifieri kemm fil-pajjiżi kif ukoll bejniethom; jenfasizza li l-għajnuna Ewropea għall-iżvilupp għandha l-ewwel u qabel kollox tiddifferenzja bejn is-sitwazzjonijiet u l-ħtiġijiet għall-iżvilupp tal-pajjiżi individwali, u mhux abbażi ta' indikaturi mikroekonomiċi waħedhom jew ta' kunsiderazzjonijiet politiċi;

35.  Jenfasizza li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE għandha tiġi implimentata biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet l-aktar importanti u biex jinkiseb l-akbar impatt possibbli kemm fi żmien qasir kif ukoll fit-tul; jenfasizza l-ħtieġa ta' strateġiji dwar l-iżvilupp mfassla apposta, iddisinjati lokalment u b'sjieda lokali, biex jitqiesu l-isfidi speċifiċi li jiffaċċjaw pajjiżi individwali jew gruppi ta' pajjiżi bħall-SIDS, l-istati fraġli u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw imdawrin bl-art (LLDCs);

36.  Jitlob li jiġu żviluppati strateġiji speċifiċi għall-kooperazzjoni mal-MICs, sabiex jiġi kkonsolidat il-progress tagħhom u jiġu miġġielda l-inugwaljanza, l-esklużjoni, id-diskriminazzjoni u l-faqar, speċjalment permezz tal-promozzjoni ta' sistemi tat-taxxa ġusti u progressivi, filwaqt li jissottolinja li l-MICs mhumiex grupp omoġenju u għalhekk kull wieħed minnhom għandu ħtiġijiet speċifiċi li għandhom jiġu ssodisfati permezz ta' politiki mfassla apposta; jissottolinja l-ħtieġa li l-għajnuna finanzjarja lill-MICs titwaqqaf responsabbilment u gradwalment u li ssir enfasi fuq forom oħra ta' kooperazzjoni, bħall-assistenza teknika, il-kondiviżjoni tal-għarfien espert u l-għarfien industrijali, is-sħubijiet pubbliċi-pubbliċi li jistgħu jappoġġjaw beni pubbliċi globali bħax-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni, l-iskambju tal-aħjar prattiki u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni reġjonali, Nofsinhar-Nofsinhar u triangolari; jenfasizza l-importanza ta' sorsi alternattivi ta' finanzjament, bħall-mobilizzazzjoni tad-dħul domestiku, self mhux aġevolanti jew inqas aġevolanti, kooperazzjoni fi kwistjonijiet tekniċi, tat-tassazzjoni, f'dawk relatati mal-kummerċ u mar-riċerka, u sħubijiet pubbliċi-privati;

Effikaċja u finanzjament tal-iżvilupp

Effikaċja tal-iżvilupp

37.  Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkunu fuq quddiem fost l-atturi tal-iżvilupp u jerġgħu jimpenjaw ruħhom favur l-implimentazzjoni sħiħa tal-prinċipji ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp effikaċi, il-prijoritizzazzjoni tal-mekkaniżmi, l-għodod u l-istrumenti li jippermettu li aktar riżorsi jaslu għand il-benefiċjarji finali, jiġifieri s-sjieda tal-pajjiż tal-prijoritajiet tal-iżvilupp, l-allinjament ma' strateġiji u sistemi ta' żvilupp nazzjonali tal-pajjiżi sħab, enfasi fuq ir-riżultati, it-trasparenza, ir-responsabbiltà kondiviża u l-inklużività demokratika tal-partijiet ikkonċernati kollha; jenfasizza l-importanza li jissaħħu l-isforzi tal-UE biex il-kooperazzjoni għall-iżvilupp issir kemm jista' jkun effikaċi, bl-intenzjoni li jingħata kontribut biex jintlaħqu l-għanijiet u l-miri ambizzjużi stabbiliti fl-Aġenda 2030 u li jsir l-aħjar użu possibbli mir-riżorsi pubbliċi u privati għall-iżvilupp; jitlob li ssir referenza ċara għall-prinċipji tal-effikaċja tal-iżvilupp fil-Kunsens għall-Iżvilupp il-ġdid tal-UE;

38.  Itenni l-importanza li jiżdiedu l-fehim u l-involviment attiv taċ-ċittadini Ewropej f'dibattiti ewlenin dwar l-iżvilupp u fit-tentattivi biex jinqered il-faqar globali u biex jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli; jenfasizza, għal dan l-għan, li l-edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni mhux formali rigward l-iżvilupp, anke permezz tat-tkomplija u l-espansjoni tal-programm Edukazzjoni u Sensibilizzazzjoni għall-Iżvilupp (DEAR), iridu jibqgħu partijiet integrali tal-politiki tal-iżvilupp tal-UE u l-Istati Membri;

39.  Jemmen li s-simplifikazzjoni tal-finanzjament u tal-proċeduri burokratiċi tista' tgħin fit-titjib tal-effikaċja; jitlob li ssir riforma tal-UE biex titħaffef l-implimentazzjoni (kif diġà indirizzat fil-paragrafu 122 tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp 2005), li tindirizza l-ħtieġa li jiġu riveduti l-proċeduri ta' għażla billi tingħata aktar attenzjoni lill-applikant: identità, kompetenzi, esperjenzi, prestazzjoni u affidabbiltà fil-qasam (mhux biss fuq rekwiżiti formali ta' eliġibbiltà);

40.  Itenni l-importanza tal-bini ta' kapaċità biex tittejjeb il-kapaċità taċ-ċittadini, l-organizzazzjonijiet, il-gvernijiet u s-soċjetajiet biex jiżvolġu r-rwoli rispettivi tagħhom b'mod sħiħ fit-tfassil, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta' strateġiji dwar l-iżvilupp sostenibbli;

41.  Jilqa' l-progress li sar, iżda jitlob li jsiru sforzi ulterjuri mill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jintensifikaw u jwessgħu l-kamp ta' applikazzjoni ta' programmazzjoni konġunta u l-implimentazzjoni konġunta sabiex jinġabru r-riżorsi, titjieb id-diviżjoni tax-xogħol fil-pajjiż, jitnaqqsu l-ispejjeż tat-tranżazzjoni, jiġu evitati t-trikkib u l-frammentazzjoni tal-għajnuna, jittejjeb il-profil tal-UE fil-livell lokali u jiġu promossi s-sjieda tal-pajjiż tal-istrateġiji dwar l-iżvilupp u l-allinjament mal-prijoritajiet tal-pajjiżi sħab; jenfasizza kemm huwa importanti li l-proċess ta' programmazzjoni konġunta jitwettaq minn partijiet ikkonċernati Ewropej u jinfetaħ għal donaturi oħra biss meta s-sitwazzjoni lokali tiġġustifika dan, iżda mingħajr ma jitnaqqas il-livell ta' sjieda Ewropea tal-proċess; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom ma' donaturi u organizzazzjonijiet oħra bħal donaturi emerġenti, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, filantropi privati, istituzzjonijiet finanzjarji u kumpaniji tas-settur privat; jinnota bi tħassib li, sa nofs l-2015, ħames Stati Membri biss tal-UE kienu ppubblikaw il-pjanijiet ta' implimentazzjoni ta' Busan; iħeġġeġ lill-Istati Membri jippubblikaw il-pjanijiet ta' implimentazzjoni tagħhom u jirrappurtaw annwalment dwar l-isforzi tagħhom rigward l-effikaċja tal-iżvilupp;

42.  Ifakkar fit-talba tiegħu(25) għall-kodifikazzjoni u t-tisħiħ tal-mekkaniżmi u l-prattiki biex jiġu żgurati komplementarjetà aħjar u koordinament effikaċi tal-għajnuna għall-iżvilupp fost l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE, waqt li jiġu pprovduti regoli ċari u inforzabbli għall-iżgurar ta' sjieda interna demokratika, armonizzazzjoni, allinjament mal-istrateġiji u s-sistemi tal-pajjiżi speċifiċi, prevedibbiltà tal-fondi, trasparenza u responsabbiltà reċiproka;

43.  Jissottolinja li l-effikaċja tal-iżvilupp għandha tkun wieħed mill-ixpruni ewlenin tal-politika tal-iżvilupp il-ġdida tal-UE; ifakkar li dan jiddependi mhux biss minn donaturi tal-għajnuna iżda anke mill-eżistenza ta' istituzzjonijiet effettivi u reattivi, politiki sodi, l-istat tad-dritt, governanza demokratika inklużiva u salvagwardji kontra l-korruzzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u flussi finanzjarji illeċiti f'livell internazzjonali;

44.  Jirrikonoxxi r-rwol tal-gvernijiet lokali u reġjonali fl-iżvilupp, u b'mod partikolari l-kooperazzjoni deċentralizzata bejn il-gvernijiet lokali u reġjonali Ewropej u tal-pajjiżi sħab bħala mezz effikaċi għat-tisħiħ reċiproku tal-kapaċità, u l-implimentazzjoni tal-SDGs fil-livell lokali;

Finanzjament għall-iżvilupp

45.  Itenni li l-ODA għandha tibqa' s-sinsla tal-politika tal-iżvilupp tal-UE; ifakkar fl-impenn tal-UE li tintlaħaq il-mira tal-ODA ta' 0,7 % tal-ING sal-2030; jenfasizza l-importanza ta' pajjiżi oħra, dawk li qegħdin jiżviluppaw u dawk b'ekonomiji emerġenti, kif ukoll iż-żieda fl-għoti tal-ODA tagħhom; jissottolinja r-rwol importanti tal-ODA bħala katalizzatur għall-bidla u lieva għall-mobilizzazzjoni ta' riżorsi oħra; ifakkar fl-impenn tal-UE favur il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi għall-azzjoni klimatika fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, favur l-għoti tas-sehem tagħha għall-ilħuq tal-mira tal-pajjiżi żviluppati li jimmobilizzaw USD 100 biljun fis-sena u favur iż-żamma ta' rduppjar tal-fondi għall-bijodiversità għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

46.  Jitlob li jkun hemm kriterji oġġettivi u trasparenti għall-allokazzjoni tar-riżorsi tal-għajnuna għall-iżvilupp fil-livell tal-Istati Membri, kif ukoll f'dak tal-UE; jitlob li dawn il-kriterji jkunu msejsa fuq il-ħtiġijiet, il-valutazzjonijiet tal-impatt u fuq il-prestazzjoni politika, soċjali u ekonomika, bl-għan li l-fondi jintużaw bl-aktar mod effikaċi; jenfasizza, madankollu, li tali allokazzjoni m'għandha qatt tkun soġġetta għall-prestazzjoni f'oqsma li mhumiex marbuta b'mod dirett mal-objettivi tal-iżvilupp; jenfasizza li l-prestazzjoni tajba lejn miri mifthiema b'mod reċiproku għandha tiġi mħeġġa u ppremjata; jenfasizza l-importanza ta' data diżaggregata fil-livell territorjali biex jiġi vvalutat aħjar l-impatt tal-ODA;

47.  Jirrikonoxxi li l-appoġġ baġitarju ġenerali jippromwovi s-sjieda nazzjonali, l-allinjament mal-istrateġiji dwar l-iżvilupp nazzjonali tal-pajjiżi sħab, enfasi fuq ir-riżultati, it-trasparenza u r-responsabbiltà reċiproka, iżda jissottolinja li dan għandu jkun ikkunsidrat biss meta u fejn il-kundizzjonijiet ikunu tajbin u jkunu fis-seħħ sistemi ta' kontroll effikaċi; jirrimarka li l-appoġġ baġitarju huwa l-aħjar mezz biex jitrawwem djalogu politiku ġenwin li jwassal għal aktar emanċipazzjoni u sjieda;

48.  Jemmen li l-indirizzar tal-SDGs se jeħtieġ finanzjament u azzjoni għall-iżvilupp li jmorru lil hinn mill-ODA u l-politiki pubbliċi; jenfasizza l-ħtieġa ta' finanzjament domestiku u internazzjonali, kif ukoll dak privat u pubbliku, u l-ħtieġa ta' politiki li jorbtu azzjoni pubblika u privata favur l-iżvilupp u li jwasslu għal ambjent li jippromwovi t-tkabbir u t-tqassim ġust tiegħu permezz tal-baġits nazzjonali;

49.  Ifakkar li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiffaċċjaw restrizzjonijiet kbar fiż-żieda tad-dħul mit-taxxi u huma partikolarment affettwati mill-evażjoni tat-taxxa korporattiva u l-flussi finanzjarji illeċiti; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jsaħħu l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp (PCD) f'dan il-qasam, jinvestigaw l-impatt konsegwenzjali fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw tal-arranġamenti u l-liġijiet tat-taxxa tagħhom stess u jesprimu ruħhom favur rappreżentanza aħjar tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-fora internazzjonali mwaqqfa biex jiġu rriformati l-politiki tat-taxxa globali;

50.  Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw lill-pajjiżi b'introjtu baxx u medju fil-ħolqien ta' sistemi tat-taxxa ġusti, progressivi, trasparenti u effiċjenti, kif ukoll mezzi oħra ta' mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi, sabiex jiżdiedu l-prevedibbiltà u l-istabbiltà ta' tali finanzjament u titnaqqas id-dipendenza mill-għajnuna; jitlob li jkun hemm appoġġ bħal dan f'oqsma bħall-amministrazzjoni tat-taxxa u l-ġestjoni finanzjarja pubblika, is-sistemi ta' ridistribuzzjoni ġusti, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u l-ġlieda kontra l-ipprezzar ħażin tat-trasferimenti, l-evażjoni tat-taxxa u forom oħra ta' flussi finanzjarji illeċiti; jenfasizza l-importanza tad-deċentralizzazzjoni fiskali u l-ħtieġa ta' bini tal-kapaċità b'appoġġ għall-gvernijiet sottonazzjonali fit-tfassil ta' sistemi lokali tat-taxxa u l-ġbir tat-taxxa;

51.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jistabbilixxu rappurtar obbligatorju pajjiż b'pajjiż dwar il-kumpaniji multinazzjonali, flimkien mal-pubblikazzjoni obbligatorja ta' data komprensiva u komparabbli dwar l-attivitajiet tal-kumpaniji sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u r-responsabbiltà; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jqisu l-effett konsegwenzjali fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw tal-politiki, l-arranġamenti u l-liġijiet tat-taxxa tagħhom stess, u jwettqu r-riformi meħtieġa biex jiżguraw li l-kumpaniji Ewropej li jagħmlu l-profitti f'pajjiżi li qed jiżviluppaw iħallsu s-sehem ġust tagħhom tat-taxxa f'dawk il-pajjiżi;

52.  Jissottolinja l-ħtieġa tat-taħlit u s-sħubijiet pubbliċi-privati sabiex jiġi mobilizzat finanzjament lil hinn mill-ODA u biex jiġu segwiti b'mod effikaċi l-prinċipji tal-effikaċja tal-iżvilupp, iżda jissottolinja wkoll il-ħtieġa li dawn ikunu bbażati fuq kriterji trasparenti, biex jintwerew b'mod ċar l-addizzjonalità u l-impatt pożittiv fuq l-iżvilupp tagħhom, sabiex ma jitnaqqarx l-aċċess universali għal servizzi pubbliċi essenzjali ta' kwalità, u l-ħtieġa li l-pagamenti kollha jkunu trasparenti; jissottolinja li l-proġetti ffinanzjati jridu jirrispettaw b'mod vinkolanti l-objettivi nazzjonali tal-iżvilupp, id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali miftiehma f'livell internazzjonali, il-ħtiġijiet u d-drittijiet tal-popolazzjonijiet lokali, kif ukoll il-prinċipji tal-effikaċja tal-iżvilupp; jirrikonoxxi, f'dan ir-rigward, li l-użu tradizzjonali tal-art, pereżempju mis-sidien ta' azjendi żgħar u r-raħħala, normalment mhuwiex dokumentat, iżda jeħtieġ li jiġi rispettat u protett; itenni li l-intrapriżi involuti fis-sħubijiet tal-iżvilupp għandhom jirrispettaw il-prinċipji ta' responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR), il-Prinċipji Gwida tan-NU u l-Linji Gwida tal-OECD matul l-operazzjonijiet tagħhom, u għandhom jippromwovu prattiki kummerċjali etiċi; jinnota li l-politiki u l-programmi għall-iżvilupp irendu dividend doppju meta l-effikaċja għall-iżvilupp tiġi ssodisfata; jappella lill-atturi kollha tal-iżvilupp biex jallinjaw bis-sħiħ l-azzjonijiet kollha tagħhom ma' dawn il-prinċipji;

53.  Jitlob lill-UE tippromwovi l-investimenti li jiġġeneraw impjiegi deċenti skont l-istandards tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u l-Aġenda 2030; jissottolinja, f'dan ir-rigward, il-valur tad-djalogu soċjali u l-ħtieġa ta' trasparenza u responsabbiltà tas-settur privat fil-każ ta' sħubijiet pubbliċi-privati u meta l-flus għall-iżvilupp jintużaw għall-finanzjament imħallat;

54.  Jenfasizza li l-fondi għall-iżvilupp użati għall-Pjan ta' Investiment Estern (PIE) propost, kif ukoll għall-fondi fiduċjarji eżistenti, iridu jikkonformaw mal-objettivi tal-iżvilupp kompatibbli mal-ODA u mal-SDGs il-ġodda; jitlob li jiġu stabbiliti mekkaniżmi li jippermettu lill-Parlament jaqdi r-rwol tiegħu ta' sorveljanza meta l-fondi tal-UE għall-iżvilupp jintużaw barra mill-proċeduri normali tal-baġit tal-UE, b'mod partikolari billi jingħata l-istatus ta' osservatur fuq il-PIE, il-fond fiduċjajru u bordijiet strateġiċi oħra li jiddeċiedu dwar il-prijoritajiet u l-kamp ta' applikazzjoni tal-programmi u l-proġetti;

55.  Jirrikonoxxi r-rwol tal-intrapriżi, mikro, żgħar u medji, tal-kooperattivi, il-mudelli kummerċjali inklużivi u l-istituti tar-riċerka bħala muturi tat-tkabbir, l-impjieg u l-innovazzjoni lokali, li jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-SDGs; jitlob li jiġi promoss ambjent li jippermetti l-investiment, l-industrijalizzazzjoni, l-attività kummerċjali, ix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni sabiex jiġi stimolat u jitħaffef l-iżvilupp ekonomiku u uman domestiku, kif ukoll li jiġu promossi programmi ta' taħriġ u djalogi pubbliċi-privati regolari; jirrikonoxxi r-rwol tal-BEI skont il-PIE tal-UE u jenfasizza li l-inizjattivi tiegħu għandhom jiffukaw b'mod partikolari fuq iż-żgħażagħ u n-nisa, u għandhom – f'konformità mal-prinċipji ta' effikaċja tal-iżvilupp – jikkontribwixxu għall-investiment f'setturi soċjalment importanti bħall-ilma, is-saħħa u l-edukazzjoni, kif ukoll fl-appoġġ tal-intraprenditorija u s-settur privat lokali; jitlob lill-BEI jiddedika aktar riżorsi għall-mikrofinanzjament b'perspettiva qawwija ta' ugwaljanza bejn is-sessi; jistieden lill-BEI, barra minn hekk, biex jaħdem flimkien mal-Bank Afrikan tal-Iżvilupp (AfDB) biex jiffinanzja investimenti fit-tul għall-benefiċċju tal-iżvilupp sostenibbli u jistieden lil banek tal-iżvilupp oħra jipproponu faċilità ta' mikrokreditu biex jissussidjaw self sostenibbli għall-farms tal-familja;

56.  Iqis li huwa indispensabbli li l-Kunsens il-ġdid jagħmel referenza għal impenn qawwi tal-UE li tqiegħed fis-seħħ qafas internazzjonali legalment vinkolanti biex iżomm lill-kumpaniji responsabbli għall-prattika ħażina tagħhom fil-pajjiżi fejn joperaw, minħabba li dawn għandhom impatt fuq l-oqsma kollha tas-soċjetà – mill-benefiċċji mix-xogħol tat-tfal għan-nuqqas ta' paga li tiggarantixxi l-għajxien, mit-tixrid taż-żejt għad-deforestazzjoni massiva, u mill-fastidju tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem għall-ħtif tal-art;

57.  Jitlob lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha jippromwovu miżuri vinkolanti biex jiżguraw li l-korporazzjonijiet multinazzjonali jħallsu t-taxxi fil-pajjiżi li fihom il-valur jiġi estratt jew maħluq u biex jippromwovu rappurtar obbligatorju pajjiż b'pajjiż mis-settur privat, u b'hekk jissaħħu l-kapaċitajiet nazzjonali tal-mobilizzazzjoni tar-riżorsi; jitlob analiżi tar-riperkussjonijiet biex jiġu studjati prattiki possibbli ta' trasferiment tal-profitti;

58.  Jappella għal approċċ ibbażat fuq il-ħtiġijiet tal-bniedem għas-sostenibbiltà tad-dejn permezz ta' sett vinkolanti ta' standards biex jiġu definiti s-self u t-teħid ta' self responsabbli, l-awditi tad-dejn u mekkaniżmu ġust ta' ristrutturazzjoni tad-dejn, li għandu jivvaluta l-leġittimità u s-sostenibbiltà tal-piż tad-dejn tal-pajjiżi;

Koerenza tal-politiki għall-iżvilupp

59.  Jappella għal dibattitu madwar l-UE dwar il-PCD sabiex tiġi ċċarata r-rabta bejn il-PCD u l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp sostenibbli (PCSD); jenfasizza l-importanza fundamentali tal-applikazzjoni tal-prinċipji PCD fil-politiki kollha tal-UE; jenfasizza li l-PCD għandha tkun element ewlieni tal-istrateġija tal-UE biex jintlaħqu l-SDGs; itenni l-ħtieġa ta' aktar sforzi mill-istituzzjonijiet u l-Istati Membri tal-UE biex jitqiesu l-objettivi tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp fil-politiki interni u esterni kollha li x'aktarx jaffettwaw il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, biex jinstabu mekkaniżmi effikaċi u biex jintużaw l-aħjar prattiki eżistenti fil-livell tal-Istati Membri biex tiġi implimentata u evalwata l-PCD, biex jiġi żgurat li l-PCD tiġi implimentata b'approċċ sensittiv għall-ugwaljanza bejn is-sessi u biex jiġu involuti l-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, f'dan il-proċess;

60.  Jipproponi li għandha tiġi stabbilita sistema ta' arbitraġġ, taħt l-awtorità tal-President tal-Kummissjoni, biex isseħħ il-PCD, u li, f'każ ta' diverġenzi bejn id-diversi politiki tal-Unjoni, il-President tal-Kummissjoni għandu jerfa' bis-sħiħ ir-responsabbiltà politika tiegħu għall-approċċ ġenerali u għandu jkollu l-kompitu li jiddeċiedi bejniethom abbażi tal-impenji tal-Unjoni fir-rigward tal-PCD; huwa tal-fehma li, ladarba l-problemi jkunu ġew identifikati, tista' tingħata kunsiderazzjoni lir-riforma tal-proċeduri ta' teħid ta' deċiżjonijiet fis-servizzi tal-Kummissjoni u fil-qafas tal-kooperazzjoni interdipartimentali;

61.  Jappella għal djalogu msaħħaħ bejn l-UE u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw fir-rigward tal-promozzjoni u l-implimentazzjoni tal-PCD mill-UE; jemmen li l-feedback mis-sħab tal-UE dwar il-progress tal-PCD jista' jkollu rwol fundamentali fil-kisba ta' evalwazzjoni eżatta tal-impatt tagħha;

62.  Itenni t-talba tiegħu biex jiġu żviluppati proċessi ta' governanza li jippromwovu l-PCD fil-livell globali u biex l-UE tkun minn ta' quddiem fil-promozzjoni tal-kunċett tal-PCD fix-xena internazzjonali;

Kummerċ u żvilupp

63.  Jissottolinja l-importanza ta' kummerċ regolat b'mod ġust u xieraq fil-promozzjoni tal-integrazzjoni reġjonali, li jikkontribwixxi għat-tkabbir sostenibbli u għall-ġlieda kontra l-faqar; jenfasizza li l-politika kummerċjali tal-UE għandha tkun parti mill-aġenda għall-iżvilupp sostenibbli u għandha tirrifletti l-objettivi tal-politika tal-iżvilupp tal-UE;

64.  Jissottolinja li l-preferenzi kummerċjali unilaterali għall-benefiċċju tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li mhumiex pajjiżi l-inqas żviluppati għadhom jeżistu sabiex jiffavorixxu l-iżvilupp; iqis ukoll li l-Kunsens il-ġdid għandu jkun fih referenza għall-impenn tal-UE favur il-promozzjoni ta' skemi ta' kummerċ ġust u etiku mal-produtturi żgħar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

65.  Jilqa' r-rikonoxximent tal-kontribut qawwi tal-kummerċ ġust għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 tan-NU; jitlob lill-UE timplimenta u tiżviluppa aktar l-impenn tagħha li tappoġġja l-użu tal-iskemi ta' kummerċ ġust fl-UE u fil-pajjiżi sħab sabiex jiġu promossi l-konsum u x-xejriet ta' produzzjoni sostenibbli permezz tal-politiki kummerċjali tagħha;

66.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tappoġġja aktar lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-bini ta' kapaċità kummerċjali, fl-infrastruttura u fl-iżvilupp tas-settur privat domestiku, sabiex ikunu jistgħu jżidu l-valur tal-produzzjoni, kif ukoll jiddiversifikawha, u jżidu l-kummerċ tagħhom;

67.  Itenni li ambjent b'saħħtu, inkluża klima stabbli, huwa indispensabbli biex jinqered il-faqar; jappoġġja l-isforzi tal-UE fiż-żieda tat-trasparenza u r-responsabbiltà fil-ġestjoni tar-riżorsi naturali u fl-estrazzjoni u l-kummerċ tar-riżorsi naturali, biex jiġu promossi l-konsum u l-produzzjoni sostenibbli u biex jiġi evitat il-kummerċ illegali f'setturi bħall-minerali, l-injam u l-organiżmi selvaġġi; jemmen bis-sħiħ li jinħtieġu aktar sforzi globali sabiex jiġu żviluppati oqfsa regolatorji għall-ktajjen tal-provvista u responsabbiltà akbar tas-settur privat sabiex jiġu żgurati ġestjoni u kummerċ sostenibbli tar-riżorsi naturali u sabiex il-pajjiżi għonja fir-riżorsi u l-popolazzjonijiet tagħhom li jipproteġu d-drittijiet tal-komunitajiet lokali u indiġeni jkunu jistgħu jibbenefikaw aktar minn tali kummerċ u mill-ġestjoni sostenibbli tal-bijodiversità u l-ekosistemi; jilqa' l-progress li sar minn meta ġie stabbilit il-Patt dwar is-Sostenibbiltà tal-Bangladesh, u jistieden lill-Kummissjoni tespandi tali oqfsa għal setturi oħra; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex issaħħaħ ir-responsabbiltà soċjali korporattiva u inizjattivi ta' diliġenza dovuta li jikkomplementaw ir-regolament eżistenti tal-UE dwar l-injam, fl-ambitu tal-proposta għal regolament tal-UE dwar il-minerali ta' kunflitt, billi testendihom għal setturi oħra;

68.  Iqis li huwa ta' dispjaċir li għad m'hemmx qafas regolatorju dwar il-mod li bih il-korporazzjonijiet jikkonformaw mad-drittijiet tal-bniedem u l-obbligi fir-rigward tal-istandards soċjali u ambjentali, li jippermetti lil ċerti stati u kumpaniji jevitawhom b'impunità; jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jimpenjaw ruħhom b'mod attiv fil-ħidma tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u tal-Programm Ambjentali tan-NU fuq trattat internazzjonali li jżomm il-korporazzjonijiet transnazzjonali responsabbli għall-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u l-ksur ta' standards ambjentali;

69.  Jafferma mill-ġdid l-importanza ta' azzjonijiet koordinati u aċċellerati biex jindirizzaw il-malnutrizzjoni sabiex titwettaq l-Aġenda 2030 u jintlaħaq l-SDG 2 dwar il-qerda tal-ġuħ;

70.  Ifakkar li l-foresti għandhom rwol kruċjali fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, il-konservazzjoni tal-bijodiversità u t-taffija tal-faqar, u jitlob lill-UE biex tikkontribwixxi għat-twaqqif u t-treġġigħ lura tad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, u biex tippromwovi l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

Sigurtà u żvilupp

71.  Itenni r-rabta diretta bejn is-sigurtà u l-iżvilupp, iżda jissottolinja l-ħtieġa li tiġi segwita strettament ir-riforma riċenti tal-ODA dwar l-użu ta' strumenti ta' żvilupp għall-politika tas-sigurtà bl-applikazzjoni ta' objettiv ċar ta' qerda tal-faqar u promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli; jenfasizza li l-objettiv ta' soċjetajiet paċifiċi u inklużivi b'aċċess għall-ġustizzja għal kulħadd għandu jissarraf f'azzjoni esterna tal-UE li, bl-appoġġ għall-partijiet ikkonċernati lokali kollha li jistgħu jgħinu biex dan iseħħ, jibni r-reżiljenza, jippromwovi s-sigurtà tal-bniedem, isaħħaħ l-istat tad-dritt, idaħħal mill-ġdid il-fiduċja u jittratta l-isfidi kumplessi rigward in-nuqqas ta' sigurtà, il-fraġilità u t-tranżizzjoni demokratika;

72.  Jemmen li jeħtieġ li jitrawmu sinerġiji bejn il-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) u l-istrumenti għall-iżvilupp sabiex jinstab il-bilanċ tajjeb bejn il-prevenzjoni tal-kunflitti, ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti u r-riabilitazzjoni u l-iżvilupp ta' wara l-kunflitti; jenfasizza li għal dan l-għan, il-programmi u l-miżuri tal-politika esterna għandhom ikunu komprensivi, imfassla speċifikament għas-sitwazzjoni tal-pajjiżi u, meta jiġu ffinanzjati b'mezzi intiżi għall-politika tal-iżvilupp, jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi ewlenin tal-iżvilupp kif definiti skont l-ODA; jissottolinja li l-kompiti ewlenin tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp jibqgħu dawk li tappoġġja l-pajjiżi fl-isforzi tagħhom biex joħolqu stati stabbli u paċifiċi li jirrispettaw il-governanza tajba, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, u li tfittex li tistabbilixxi ekonomiji tas-suq li jitħaddmu b'mod sostenibbli bl-għan li jġibu prosperità lin-nies u li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet bażiċi kollha tal-bniedem; jenfasizza l-ħtieġa li jiżdied il-finazjament limitat ħafna tal-PSDK f'dan il-kuntest sabiex ikun jista' jintuża b'mod usa', inter alia, għall-benefiċċju tal-iżvilupp skont il-PCD;

Migrazzjoni u żvilupp

73.  Jenfasizza r-rwol ċentrali tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp fl-indirizzar tal-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni u l-ispostament forzati, bħall-fraġilità tal-istati, il-kunflitti, in-nuqqas ta' sigurtà u l-emarġinazzjoni, il-faqar, l-inugwaljanza u d-diskriminazzjoni, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, l-aċċess limitat għas-servizzi bażiċi bħas-saħħa u l-edukazzjoni, u t-tibdil fil-klima; jidentifika l-għanijiet u l-objettivi li ġejjin bħala prekundizzjonijiet għal stati stabbli u reżiljenti li jkunu inqas suxxettibbli għal sitwazzjonijiet li jistgħu eventwalment jirriżultaw f'migrazzjoni forzata: il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-dinjità tal-popli, il-bini tad-demokrazija, il-governanza tajba u l-istat tad-dritt, l-inklużjoni u l-koeżjoni soċjali, l-opportunitajiet ekonomiċi b'impjiegi deċenti u permezz ta' negozji ffukati fuq in-nies u spazju politiku għas-soċjetà ċivili; jitlob li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tiffoka fuq dawn l-għanijiet u l-objettivi sabiex titrawwem ir-reżiljenza, u jitlob għajnuna għall-iżvilupp marbuta mal-migrazzjoni f'każijiet ta' emerġenza sabiex tiġi stabbilizzata s-sitwazzjoni, jinżamm il-funzjonament tal-istati u biex il-persuni spostati jkunu jistgħu jgħixu b'dinjità;

74.  Ifakkar, kif enfasizzat mill-Aġenda 2030 tan-NU, il-kontribut pożittiv tal-migranti għall-iżvilupp sostenibbli, inklużi r-rimessi, li l-ispejjeż tat-trasferiment tagħhom għandhom jitnaqqsu aktar; jissottolinja li reazzjoni magħquda għal sfidi u kriżijiet relatati mal-migrazzjoni b'mod sinifikanti tirrikjedi approċċ aktar koordinat, sistematiku u strutturat, filwaqt li jitqabblu l-interessi tal-pajjiżi tal-oriġini u tad-destinazzjoni; jenfasizza li mod effikaċi biex għadd kbir ta' rifuġjati u ta' persuni li jfittxu l-asil jiġu megħjuna huwa billi jittejbu l-kundizzjonijiet u jiġu offruti kemm l-għajnuna umanitarja kif ukoll dik għall-iżvilupp; fl-istess ħin jopponi kull tentattiv biex l-għajnuna tintrabat mal-kontrolli fil-fruntieri, il-ġestjoni tal-flussi migratorji jew il-ftehimiet ta' riammissjoni;

75.  Jenfasizza li l-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu għall-migranti jirrikjedu soluzzjonijiet imfassla apposta għall-iżvilupp, li huma adattati għas-sitwazzjonijiet politiċi u soċjoekonomiċi rispettivi tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa li tali kooperazzjoni tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem u d-dinjità għal kulħadd, il-governanza tajba, il-paċi u l-bini tad-demokrazija u li għandha tkun ibbażata fuq interessi komuni u valuri kondiviżi u r-rispett għad-dritt internazzjonali;

76.  Jissottolinja l-ħtieġa ta' skrutinju parlamentari mill-qrib u ta' monitoraġġ tal-ftehimiet marbuta mal-ġestjoni tal-migrazzjoni u ta' użu marbut mal-migrazzjoni ta' fondi għall-iżvilupp; jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni mill-qrib u tal-istabbiliment ta' prattika tajba ta' skambju ta' informazzjoni bejn l-istituzzjonijiet, b'mod partikolari fil-qasam tal-migrazzjoni u s-sigurtà; ifakkar fit-tħassib tiegħu dwar l-użu li qed jiżdied ta' fondi fiduċjarji, bħat-trasparenza limitata, in-nuqqas ta' konsultazzjoni u s-sjieda reġjonali;

77.  Jirrimarka, meta jitqiesu l-miżuri politiċi riċenti Ewropej biex jiġu miġġielda l-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni forzata, li l-politika tal-iżvilupp Ewropea trid taqa' fi ħdan id-definizzjoni tal-OECD-DAC u trid tkun ibbażata fuq il-ħtiġijiet tal-iżvilupp u d-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza wkoll li l-għajnuna għall-iżvilupp m'għandhiex tiddependi fuq il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet tal-migrazzjoni bħall-ġestjoni tal-fruntieri jew il-ftehimiet ta' riammissjoni;

Għajnuna umanitarja

78.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' rabtiet aktar mill-qrib bejn l-għajnuna umanitarju u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp, sabiex jiġu indirizzati l-lakuni fil-finanzjament, jiġu evitati t-trikkib u l-ħolqien ta' sistemi paralleli, u jinħolqu kundizzjonijiet għall-iżvilupp sostenibbli b'reżiljenza u għodod inkorporati għall-prevenzjoni u t-titjib fit-tħejjija tal-kriżijiet; jitlob lill-UE tonora l-impenn tagħha li, sal-2020, talloka mill-inqas 25 % tal-għajnuna umanitarja tagħha għall-atturi lokali u nazzjonali b'mod kemm jista' jkun dirett, kif miftiehem fil-Grand Bargain;

79.  Ifakkar il-prinċipji fundamentali tal-għajnuna umanitarja: l-umanità, in-newtralità, l-indipendenza u l-imparzjalità; jilqa' t-tenaċja tal-Kummissjoni biex il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp ma jingħaqadx mal-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja;

80.  Jenfasizza l-importanza li jissaħħu l-għajnuna internazzjonali, il-koordinazzjoni u r-riżorsi għal rispons f'emerġenza, l-irkupru u l-kostruzzjoni mill-ġdid f'sitwazzjonijiet wara diżastru;

81.  Jilqa' l-impenn li jiġu appoġġjati kemm il-promozzjoni tat-teknoloġiji tal-ICT fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw kif ukoll li jinħolqu ambjenti favorevoli għall-ekonomija diġitali, billi tittejjeb il-konnettività libera, miftuħa u sigura; ifakkar li s-satelliti jistgħu jipprovdu soluzzjonijiet kosteffikaċi biex jiġu konnessi l-assi u n-nies f'żoni remoti, u jħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex iqisu dan fil-ħidma tagħhom f'dan il-qasam;

Beni u sfidi pubbliċi globali

82.  Jemmen bis-sħiħ li l-preżenza globali tal-UE u tal-Istati Membri tagħha tqegħidhom f'pożizzjoni partikolarment tajba biex ikomplu jaqdu rwol internazzjonali ewlieni fl-indirizzar tal-beni u l-isfidi pubbliċi globali (GPGC), li huma dejjem aktar taħt stress u qed jaffettwaw lill-foqra b'mod sproporzjonat; jitlob li l-beni u l-isfidi ambjentali globali jiġu integrati fil-Kunsens kollu, fosthom l-iżvilupp tal-bniedem, l-ambjent, inklużi t-tibdil fil-klima u l-aċċess għall-ilma, in-nuqqas ta' sigurtà u l-fraġilità tal-istati, il-migrazzjoni, is-servizzi tal-enerġija bi prezzijiet raġonevoli, is-sigurtà tal-ikel u l-qerda tal-malnutrizzjoni u tal-ġuħ;

83.  Ifakkar li l-farms fuq skala żgħira u dawk immexxija mill-familji, li huma l-iżjed mudell agrikolu komuni fid-dinja, għandhom rwol fundamentali fit-twettiq tal-SDGs: jikkontribwixxu b'mod sostanzjali għas-sigurtà tal-ikel, għall-ġlieda kontra l-erożjoni tal-ħamrija u t-telf tal-bijodiversità, u għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, filwaqt li joħolqu l-impjiegi; jenfasizza li l-UE għandha tippromwovi, minn naħa waħda, il-ħolqien ta' organizzazzjonijiet tal-bdiewa, inklużi l-kooperattivi, u min-naħa l-oħra, l-agrikoltura sostenibbli li tiffoka fuq il-prattiki agroekoloġiċi, produttività aħjar tal-farms tal-familji, id-drittijiet tar-raħħala u tal-użu tal-art u s-sistemi taż-żrieragħ informali bħala mezz kif jiġu żgurati s-sigurtà tal-ikel, il-forniment tas-swieq lokali u reġjonali, introjtu ġust u ħajja diċenti għall-bdiewa;

84.  Ifakkar li s-"settur privat" mhuwiex sett omoġenju ta' atturi; jenfasizza għalhekk li, f'dak li għandu x'jaqsam mas-settur privat, il-politika tal-iżvilupp tal-UE u tal-Istati Membri għandha tinkludi strateġiji differenzjati biex jinvolvu d-diversi tipi ta' atturi tas-settur privat, inklużi l-atturi tas-settur privat immexxija mill-produtturi, l-intrapriżi mikro, żgħar u medji, il-kooperattivi, l-intrapriżi soċjali u dawk fl-ekonomija solidali;

85.  Itenni li l-iżgurar tal-aċċess għal enerġija bi prezzijiet raġonevoli, affidabbli, sostenibbli u moderna għal kulħadd sal-2030 (SDG 7) huwa kruċjali sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet bażiċi tal-bniedem, inkluż l-aċċess għall-ilma nadif, is-sanità, il-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni, u huwa essenzjali għall-appoġġ tal-ħolqien tan-negozju lokali u kull tip ta' attività ekonomika, kif ukoll xprun ewlieni tal-progress fil-qasam tal-iżvilupp;

86.  Jenfasizza li ż-żieda fil-produttività tal-azjendi agrikoli żgħar u l-kisba ta' agrikoltura u sistemi tal-ikel sostenibbli u reżiljenti għall-klima għandhom rwol fundamentali fit-twettiq tal-SDG 2, u l-kunċett ta' konsum u produzzjoni sostenibbli fl-SDG 12, li jmur lil hinn mill-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari u jindirizza l-impatti ambjentali, soċjali u fuq id-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li l-UE għalhekk għandha tiffoka fuq il-promozzjoni ta' produzzjoni tal-ikel sostenibbli u prattiki agrikoli reżiljenti li jżidu l-produttività u l-produzzjoni; jirrikonoxxi l-ħtiġijiet speċifiċi tal-bdiewa nisa fir-rigward tas-sigurtà tal-ikel;

87.  Jenfasizza l-importanza li titkompla l-ħidma sabiex jitjieb l-aċċess għall-ilma, is-sanità u l-iġjene bħala kwistjonijiet trasversali li jaffettwaw l-ilħuq ta' miri oħra fl-aġenda wara l-2015, inklużi s-saħħa, l-edukazzjoni u l-ugwaljanza bejn is-sessi;

88.  Jitlob lill-UE tippromwovi inizjattivi globali bl-għan li tindirizza l-isfidi marbuta ma' urbanizzazzjoni li qed tiżdied b'rata mgħaġġla u li toħloq bliet aktar inklużivi, reżiljenti u sostenibbli; jilqa', f'dan il-kuntest, l-adozzjoni riċenti tal-Aġenda Urbana Ġdida mill-Konferenza tan-NU dwar il-Housing u l-Iżvilupp Urban Sostenibbli (Habitat III), li għandha l-għan li tesplora modi aħjar ta' ppjanar, tfassil, finanzjament, żvilupp, governanza u ġestjoni tal-bliet sabiex jgħinu fil-ġlieda kontra l-faqar u l-ġuħ, it-titjieb fis-saħħa u l-ħarsien tal-ambjent;

89.  Jappella għal aktar sforzi tal-UE biex jiġu protetti l-oċeani u r-riżorsi tal-baħar; jilqa', f'dan il-kuntest, l-inizjattivi riċenti tal-Kummissjoni biex ittejjeb il-governanza internazzjonali tal-oċeani sabiex tippromwovi ġestjoni aħjar u biex ittaffi l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq l-ibħra u l-ekosistemi;

90.  Jenfasizza l-importanza li jiġu indirizzati r-rabtiet mal-produttività mtejba tal-agrikoltura u s-sajd sostenibbli għat-tnaqqis fit-telf u l-ħela tal-ikel, il-ġestjoni trasparenti tar-riżorsi naturali u l-adattament għat-tibdil fil-klima;

Politika tal-iżvilupp tal-UE

91.  Itenni l-vantaġġi komparattivi offruti mill-azzjoni tal-UE għall-iżvilupp, inklużi l-preżenza globali tagħha, il-flessibbiltà offruta mill-firxa tagħha ta' strumenti u ta' metodi ta' għoti, ir-rwol tagħha fil-koerenza u l-koordinazzjoni tal-politika kif ukoll l-impenn tagħha lejhom, l-approċċ tagħha msejjes fuq id-drittijiet u d-demokrazija, l-iskala tagħha f'termini tal-provvediment ta' massa kritika fl-għotjiet u l-appoġġ konsistenti tagħha lis-soċjetà ċivili;

92.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-vantaġġi komparattivi tal-UE jissarrfu f'azzjoni ffukata fuq ċertu numru ta' oqsma ta' politika, inklużi, iżda mhux limitati għal, id-demokrazija, il-governanza tajba u d-drittijiet tal-bniedem, il-beni u l-isfidi pubbliċi globali, il-kummerċ u l-integrazzjoni reġjonali, u l-indirizzar tal-kawżi ewlenin tan-nuqqas ta' sigurtà u l-migrazzjoni forzata; jissottolinja li tali konċentrazzjoni jeħtieġ li tiġi adattata għall-ħtiġijiet u l-prijoritajiet ta' pajjiżi u reġjuni individwali li qed jiżviluppaw skont il-prinċipji tas-sjieda u s-sħubija;

93.  Ifakkar fir-rwol dejjem jikber tal-isport fl-iżvilupp u l-paċi permezz tal-promozzjoni tat-tolleranza u ta' kultura ta' rispett reċiproku, kif ukoll il-kontribut li l-isport jagħti lill-emanċipazzjoni tan-nisa u ż-żgħażagħ, l-individwi u l-komunitajiet, u kif ukoll lis-saħħa, l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali;

94.  Jissottolinja l-importanza ta' sistema kollettiva komprensiva, trasparenti u f'waqtha ta' responsabbiltà għall-monitoraġġ u r-rieżami tal-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 u tal-Kunsnes mill-UE u l-Istati Membri tagħha, jenfasizza li rappurtar annwali dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-impenji kollha favur il-politika tal-iżvilupp, fosthom dawk dwar l-effikaċja, il-PCD u l-impenji tal-ODA, għadu meħtieġ għar-responsabbiltà u s-sorveljanza parlamentari; jiddispjaċih dwar il-lakuni fir-rappurtar riċenti u mistennija; jilqa' l-pjanijiet tal-Kummissjoni biex twettaq valutazzjoni ta' nofs it-terminu dwar l-implimentazzjoni tal-Kunsens;

o
o   o

95.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.

(1)ĠU C 46, 24.2.2006, p. 1.
(2) http://www.oecd.org/dac/effectiveness/49650173.pdf
(3) http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-14684-2016-INIT/mt/pdf
(4) http://www.un.org/ga/search/view_doc.asp?symbol=A/RES/70/1&Lang=E
(5) http://www.un.org/esa/ffd/wp-content/uploads/2015/08/AAAA_Outcome.pdf
(6) https://unfccc.int/resource/docs/2015/cop21/eng/l09r01.pdf
(7) https://www.worldhumanitariansummit.org/
(8) https://habitat3.org/the-new-urban-agenda/
(9) http://effectivecooperation.org/wp-content/uploads/2016/05/4314021e.pdf
(10) Konklużjonijiet tal-Kunsill, 15.5.2007.
(11) Konklużjonijiet tal-Kunsill, 19.5.2014.
(12) Dokument tal-Kunsill 10715/16.
(13) ĠU C 280 E, 18.11.2006, p. 484.
(14) ĠU C 33 E, 5.2.2013, p. 77.
(15) .ĠU C 468, 15.12.2016, p. 73.
(16) Testi adottati, P8_TA(2014)0059.
(17) Testi adottati, P8_TA(2015)0196.
(18) Testi adottati, P8_TA(2015)0265.
(19) Testi adottati, P8_TA(2016)0137.
(20) Testi adottati, P8_TA(2016)0224.
(21) Testi adottati, P8_TA(2016)0246.
(22) Testi adottati, P8_TA(2016)0437.
(23) Testi adottati, P8_TA(2016)0299.
(24) Testi adottati, P8_TA(2016)0437.
(25) Ir-riżoluzzjoni tal-11 ta’ Diċembru 2013.

Avviż legali