Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2313(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0026/2017

Testi mressqa :

A8-0026/2017

Dibattiti :

PV 14/02/2017 - 17
CRE 14/02/2017 - 17

Votazzjonijiet :

PV 15/02/2017 - 7.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0037

Testi adottati
PDF 408kWORD 65k
L-Erbgħa, 15 ta' Frar 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Rapport dwar il-Bożnija-Ħerzegovina 2016
P8_TA(2017)0037A8-0026/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Frar 2017 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni 2016 dwar il-Bożnija-Ħerzegovina (2016/2313(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll dwar l-Adattament tal-FSA bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra, sabiex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea, li ġie inizjalat fit-18 ta' Lulju 2016, u ffirmat fil-15 ta' Diċembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-applikazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina biex tissieħeb mal-Unjoni Ewropea fil-15 ta' Frar 2016,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19-20 ta' Ġunju 2003 dwar il-Balkani tal-Punent u l-anness tagħhom bit-titolu "L-Aġenda ta' Thessaloniki għall-Balkani tal-Punent: lejn integrazzjoni Ewropea",

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Settembru 2016 dwar l-applikazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina għal sħubija fl-UE,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-UE tat-13 ta' Diċembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-ewwel laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE–Bożnija-Ħerzegovina li saret f'Sarajevo fil-5‑6 ta' Novembru 2015 u l-ewwel laqgħat tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u tal-Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Bożnija-Ħerzegovina u l-UE li saru fil-11 u fis-17 ta' Diċembru 2015, rispettivament,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Finali tal-President tas-Summit ta' Pariġi dwar il-Balkani tal-Punent tal-4 ta' Lulju 2016, u r-Rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili għas-Summit ta' Pariġi tal-2016,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-1 ta' Awwissu 2016 mill-Viċi President/Rappreżentant Għoli (VP/RGħ) u mill-Kummissarju għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir rigward il-ftehim tal-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina dwar il-miżuri essenzjali biex il-pajjiż ikompli fi triqtu lejn l-UE,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tas-17 ta' Settembru 2016 mill-VP/RGħ u mill-Kummissarju għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir b'segwitu għad-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Bożnija-Ħerzegovina fir-rigward ta' Jum ir-Repubblika Srpska,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Novembru 2016 bit-titolu "Komunikazzjoni dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE 2016" (COM(2016)0715), akkumpanjata mid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni bit-titolu "Rapport 2016 dwar il-Bożnija-Ħerzegovina" (SWD(2016)0365),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bit-titolu "Assistenza ta' qabel l-adeżjoni mogħtija mill-UE għat-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva fil-Balkani tal-Punent: Metaawditu"(1),

–  wara li kkunsidra l-Ħamsin Rapport lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU mir-Rappreżentant Għoli għall-Implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Paċi dwar il-Bożnija-Ħerzegovina(2),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Novembru 2016 f'isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha mill-Eċċellenza Tiegħu s-Sur João Vale de Almeida, il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għan-Nazzjonijiet Uniti, waqt id-Dibattitu tal-Kunsill tas-Sigurtà dwar "Is-sitwazzjoni fil-Bożnija-Ħerzegovina",

–  wara li kkunsidra l-Aġenda ta' Riforma għall-Bożnija-Ħerzegovina 2015-2018 li ġiet adottata f'Lulju 2015, u l-Mekkaniżmu ta' Koordinament adottat mill-Kunsill tal-Ministri tal-Bożnija-Ħerzegovina u mill-gvernijiet tal-Federazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina u r-Repubblika Srpska fit-23 ta' Awwissu 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-pajjiż,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0026/2017),

A.  billi l-UE għadha impenjata favur il-perspettiva tal-Bożnija-Ħerzegovina lejn l-UE, u l-integrità territorjali, is-sovranità u l-unità tagħha; billi sar progress fit-triq lejn l-integrazzjoni mal-UE; billi l-Kunsill talab lill-Kummissjoni tħejji l-opinjoni tagħha dwar l-applikazzjoni mill-Bożnija-Ħerzegovina għas-sħubija;

B.  billi fid-9 ta' Diċembru 2016 f'Sarajevo, il-Kummissarju għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir bagħat il-kwestjonarju lill-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina;

C.  billi s-sospensjoni tal-Miżuri Kummerċjali Awtonomi se titneħħa ladarba l-Protokoll dwar l-Adattament tal-FSA jkun ġie ffirmat u jkun qed jiġi applikat b'mod provviżorju;

D.  billi, bl-Aġenda ta' Riforma għall-Bożnija-Ħerzegovina 2013-2018, l-awtoritajiet fil-livelli kollha għarfu l-ħtieġa urġenti li jinbeda proċess ta' riabilitazzjoni u modernizzazzjoni tal-ekonomija bl-għan li jinħolqu impjiegi ġodda u jitrawwem tkabbir ekonomiku sostenibbli, effiċjenti, soċjalment ġust u stabbli; billi l-Bożnija-Ħerzegovina wriet l-impenn u r-rieda li tidħol għar-riformi soċjoekonomiċi ulterjuri li huma meħtieġa biex titnaqqas ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, li għadha għolja wisq;

E.  billi ġudikatura indipendenti, funzjonali u stabbli hija importanti sabiex tiggarantixxi l-istat tad-dritt u l-progress fit-triq lejn l-adeżjoni mal-UE;

F.  billi għad fadal sfidi fir-rigward tas-sostenibbiltà tal-proċess ta' rikonċiljazzjoni; billi l-progress fil-proċess ta' adeżjoni mal-UE se jiffaċilita rikonċiljazzjoni ulterjuri;

G.  billi l-Bożnija-Ħerzegovina għadha ma implimentatx id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-kawżi Sejdić-Finci, Zornić u Pilav;

H.  billi l-korruzzjoni, inkluż fl-ogħla livell, għadha mifruxa;

I.  billi għad hemm 74 000 persuna spostati internament u għadd sinifikanti ta' rifuġjati mill-Bożnija-Ħerzegovina fil-pajjiżi ġirien, madwar l-Ewropa kollha u madwar id-dinja, kif ukoll 6 808 persuni neqsin;

J.  billi l-edukazzjoni hija essenzjali biex toħloq u tippromwovi soċjetà tolleranti u inklużiva, kif ukoll trawwem fehim kulturali, reliġjuż u etniku fil-pajjiż;

K.  billi l-Bożnija-Ħerzegovina hija pajjiż firmatarju għall-Konvenzjoni dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali f'Kuntest Transkonfinali (Espoo, 1991);

L.  billi l-pajjiżi kandidati (potenzjali) jiġi ġġudikati fuq il-merti tagħhom stess, u billi r-rapidità u l-kwalità tar-riformi meħtieġa jiddeterminaw il-kalendarju għall-adeżjoni;

1.  Jilqa' l-kunsiderazzjoni mill-Kunsill tal-applikazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina għas-sħubija mal-UE u r-radda tal-kwestjonarju, u jistenna bil-ħerqa l-opinjoni tal-Kummissjoni dwar il-merti tal-applikazzjoni għas-sħubija; jappella lill-awtoritajiet kompetenti tal-Bożnija-Ħerzegovina fil-livelli kollha biex jimpenjaw ruħhom b'mod attiv favur dan il-proċess, u biex jikkooperaw u jikkoordinaw meta jipparteċipaw fil-proċess tal-Opinjoni tal-Kummissjoni billi jipprovdu sett uniku u koerenti ta' tweġibiet għall-mistoqsijiet tal-Kummissjoni; jinxika li dan l-eżerċizzju se jservi wkoll bħala prova tal-funzjonalità tal-istat; itenni li l-proċess ta' adeżjoni mal-UE huwa wieħed inklużiv u jinvolvi lill-partijiet ikkonċernati kollha;

2.  Japprezza u jilqa' r-rwol importanti li tiżvolġi l-Presidenza tripartitika fil-ħolqien tal-inċentiv għall-atturi istituzzjonali l-oħra kollha fil-livelli kollha biex jinvolvu rwieħhom fi sforzi sabiex iwettqu r-rwoli rispettivi tagħhom fil-proċess kumplessiv tal-approssimazzjoni tal-pajjiż lejn l-UE;

3.  Jilqa' l-progress li sar fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Aġenda ta' Riforma 2015-2018, kif ukoll id-determinazzjoni tal-pajjiż li jkompli b'riformi istituzzjonali u soċjoekonomiċi ulterjuri; ifakkar li l-approċċ imġedded tal-UE lejn il-Bożnija-Ħerzegovina tqanqal mis-sitwazzjoni soċjoekonomika diffiċli u ż-żieda fin-nuqqas ta' sodisfazzjon fost iċ-ċittadini; jinnota li s-sitwazzjoni tjiebet kemmxejn, iżda jisħaq li hemm bżonn ta' implimentazzjoni armonizzata u effikaċi tal-Aġenda ta' Riforma bi qbil mal-pjan ta' azzjoni sabiex tinkiseb bidla reali madwar il-pajjiż u jsir titjib tanġibbli fil-ħajja taċ-ċittadini kollha tal-Bożnija-Ħerzegovina;

4.  Jappella biex jinżamm il-momentum tar-riforma sabiex il-Bożnija-Ħerzegovina tiġi ttrasformata fi stat effikaċi, inklużiv u funzjonali għalkollox, ibbażat fuq l-istat tad-dritt, u li jiggarantixxi l-ugwaljanza u r-rappreżentanza demokratika tal-popli u ċ-ċittadini kostitwenti kollha tiegħu; jiddispjaċih li l-isforzi ta' riforma komuni spiss għadhom jiġu mxekkla mill-firdiet etniċi u politiċi, ikkawżati mit-tendenzi diżintegrattivi b'għeruq fil-fond li jrażżnu l-iżvilupp demokratiku normali, u permezz tal-politiċizzazzjoni ulterjuri tal-amministrazzjonijiet pubbliċi; jisħaq ukoll li l-kandidatura tal-Bożnija-Ħerzegovina għas-sħubija mal-UE mhijiex se tirnexxi sakemm jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet istituzzjonali xierqa; iħeġġeġ lill-mexxejja politiċi kollha jaħdmu fuq l-introduzzjoni tal-bidliet meħtieġa, inkluża r-riforma tal-liġi elettorali, filwaqt li jqisu wkoll il-prinċipji espressi fir-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, inklużi l-prinċipji tal-federaliżmu, id-deċentralizzazzjoni u r-rappreżentanza leġittima, sabiex jiggarantixxu li ċ-ċittadini kollha jkunu jistgħu joħorġu bħala kandidati, ikunu eliġibbli biex jiġu eletti u jservu fil-livelli politiċi kollha, fuq bażi ndaqs; jikkunsidra li huwa essenzjali li jinżamm il-kunsens dwar l-integrazzjoni mal-UE u li jsir progress b'mod ikkoordinat fir-rigward tal-istat tad-dritt, inklużi l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, ir-riforma tal-ġudikatura u l-amministrazzjoni pubblika; jirrileva bl-istess mod il-ħtieġa li l-attenzjoni tkompli tiġi ffokata fuq ir-riformi soċjali u ekonomiċi, li jkun tajjeb li jibqgħu prijorità;

5.  Jilqa' l-ftehim dwar it-twaqqif ta' mekkaniżmu ta' koordinament rigward il-kwistjonijiet relatati mal-UE li huwa mmirat biex itejjeb il-funzjonalità u l-effiċjenza fil-proċess ta' adeżjoni, anke fir-rigward tal-assistenza finanzjarja mill-UE, u biex jippermetti interazzjoni aħjar mal-UE; jappella biex jiġi implimentat malajr; jappella, barra minn hekk, favur kooperazzjoni u komunikazzjoni effikaċi bejn il-livelli kollha tal-gvern u mal-UE b'mod li jiġu ffaċilitati l-allinjament u l-implimentazzjoni tal-acquis u jiġu pprovduti tweġibiet sodisfaċenti għall-mistoqsijiet tal-Kummissjoni fil-proċess tal-Opinjoni kollu kemm hu; iqis li huwa inaċċettabbli li l-Gvern tar-Repubblika Srpska qed jipprova jistabbilixxi kanali paralleli ta' komunikazzjoni billi jadotta dispożizzjonijiet dwar ir-rappurtar dirett lill-Kummissjoni; japella biex ir-rwol u l-kapaċitajiet tad-Direttorat għall-Integrazzjoni Ewropea jkomplu jissaħħu bil-ħsieb li dan jassumi l-funzjonijiet ta' koordinament kollha tiegħu fi ħdan l-implimentazzjoni tal-FSA u, kumplessivament, fil-proċess ta' adeżjoni;

6.  Jesprimi sodisfazzjon dwar l-iffirmar tal-Protokoll dwar l-adattament tal-FSA li beda jiġi applikat b'mod provviżorju mill-1 ta' Frar 2017, u li reġa' daħħal awtomatikament il-miżuri kummerċjali awtonomi li kienu ilhom sospiżi mill-1 ta' Jannar 2016; jistenna bil-ħerqa r-ratifikazzjoni rapida u mingħajr intoppi tal-Protokoll;

7.  Jiddispjaċih li r-Regoli ta' Proċedura tal-Kumitat Parlamentari ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għadhom ma ġewx adottati, minħabba t-tentattivi biex fihom jiġi introdott imblokkar etniku li l-konsegwenza tagħhom hija li l-Bożnija-Ħerzegovina baqgħet l-uniku pajjiż tat-tkabbir fejn korp ta' dan it-tip ma setax jiġi kkostitwit kif suppost; iħeġġeġ lill-korpi li jippresjedu l-Parlament tal-Bożnija-Ħerzegovina biex, mingħajr dewmien, isibu soluzzjoni sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-qafas istituzzjonali u ġuridiku tal-UE u jipprovdu sorveljanza parlamentari sinifikanti tal-proċess ta' adeżjoni; ifakkar li l-FSA jirrikjedi li jiġu adottati r-Regoli ta' Proċedura u, jekk dan ma jsirx, ikun qed isir ksur dirett tal-implimentazzjoni tal-FSA;

8.  Jilqa' xi titjib li sar għal-leġislazzjoni elettorali bi qbil mar-rakkomandazzjonijiet tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem fl-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE-ODIHR); jinnota li l-elezzjonijiet lokali tat-2 ta' Ottubru 2016 ġeneralment tmexxew b'mod ordnat; jiddispjaċih li, wara sitt snin, iċ-ċittadini ta' Mostar għadhom ma jistgħux jeżerċitaw id-drittijiet demokratiċi tagħhom li jeleġġu r-rappreżentanti lokali tagħhom minħabba li għad hemm nuqqas ta' qbil bejn il-mexxejja politiċi; iħeġġeġ biex is-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali dwar Mostar tiġi implimentata malajr billi jiġu emendati l-leġiżlazzjoni elettorali u l-Istatut tal-belt; jikkundanna b'qawwa l-vjolenza inaċċettabbli kontra l-uffiċjali elettorali fi Stolac u jappella lill-awtoritajiet kompetenti biex isolvu s-sitwazzjoni billi jirrispettaw l-istat tad-dritt, inkluż billi jinvestigaw l-atti ta' vjolenza u l-irregolaritajiet elettorali kollha, kif ukoll billi jħarrku lil min wettaqhom; jinnota li l-elezzjonijiet fi Stolac tħassru mill-Kummissjoni Elettorali Ċentrali tal-Bożnija-Ħerzegovina u jappella biex l-elezzjonijiet ġodda jsiru skont standards demokratiċi, b'mod paċifiku u f'atmosfera ta' tolleranza;

9.  Jiddispjaċih li l-impenn politiku imħabbar favur il-ġlieda kontra l-korruzzjoni ma ssarrafx f'riżultati tanġibbli; jissottolinja n-nuqqas storiku ta' każijiet ta' profil għoli, kif ukoll id-dgħufija u l-inadegwatezza tal-qafas ġuridiku u istituzzjonali biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni sistemika, bħal fir-rigward tal-finanzjament tal-partiti politiċi, l-akkwist pubbliku, il-kunflitti ta' interess, u d-dikjarazzjonijiet tal-assi; jirrikonoxxi l-progress li sar fl-adozzjoni ta' pjanijiet ta' azzjoni kontra l-korruzzjoni u fit-twaqqif tal-korpi għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni fid-diversi livelli ta' governanza, u jappella biex dawn id-deċiżjonijiet jiġu implimentati b'mod konsistenti u malajr; jinnota bi tħassib li l-frammentazzjoni u l-kooperazzjoni dgħajfa bejn l-aġenziji jxekklu l-effikaċja tal-miżuri kontra l-korruzzjoni; jappella għal aktar speċjalizzazzjoni professjonali fi ħdan il-pulizija u l-ġudikatura permezz tal-kanali xierqa ta' koordinament; jisħaq fuq il-bżonn li jibda jsir b'mod konsistenti skrutinju effikaċi tal-finanzjament tal-partiti politiċi u tal-kampanji elettorali, li jiġu żviluppati proċeduri ta' impjieg trasparenti fis-settur pubbliku aktar estensiv, kif ukoll li tiġi eliminata l-korruzzjoni fiċ-ċiklu tal-akkwist pubbliku;

10.  Jisħaq li r-riżultati taċ-ċensiment tal-2013 huma bażi importanti sabiex jiġi pprovdut rispons adegwat għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni u huma essenzjali għal ippjanar soċjoekonomiku effikaċi; jilqa' l-valutazzjoni finali li għamlet l-Operazzjoni Internazzjonali ta' Monitoraġġ li kkonkludiet li ċ-ċensiment fil-Bożnija-Ħerzegovina kumplessivament twettaq f'konformità mal-istandards internazzjonali; jiddispjaċih li r-Repubblika Srpska rrifjutat li tirrikonoxxi l-leġittimità tar-riżultati taċ-ċensiment, u li l-awtoritajiet tar-Repubblika Srpska ppubblikaw riżultati għalihom, li huma differenti minn dawk ikkonfermati mill-Aġenzija għall-Istatistika tal-Bożnija-Ħerzegovina; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-Repubblika Srpska jerġgħu jikkunsidraw l-approċċ tagħhom; jappella lill-aġenziji tal-istatistika fil-Bożnija-Ħerzegovina biex jagħmlu progress sinifikanti f'dan il-qasam kruċjali, u jallinjaw l-istatistika u l-metodoloġiji tagħhom mal-istandards tal-Eurostat;

11.  Ifakkar li amministrazzjoni pubblika professjonali, effikaċi u meritokratika hija s-sinsla tal-proċess ta' integrazzjoni għal kwalunkwe pajjiż li jkollu l-aspirazzjoni li jsir membru tal-UE; jinsab imħasseb dwar il-frammentazzjoni u l-politiċizzazzjoni li għadhom jeżistu fl-amministrazzjoni pubblika, li jxekklu r-riformi istituzzjonali u leġiżlattivi, u jrendu ineffiċjenti u għalja l-prestazzjoni tas-servizzi pubbliċi għaċ-ċittadini; jappella, bħala kwistjoni ta' urġenza, għal approċċ aktar armonizzat lejn l-iżvilupp tal-politiki u l-koordinament bejn il-livelli kollha tal-gvern, id-depolitiċizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika u tas-settur pubbliku, ippjanar aħjar fuq żmien medju u strateġija ċara dwar il-ġestjoni finanzjarja pubblika;

12.  Itenni t-tħassib tiegħu dwar il-frammentazzjoni f'erba' ordinamenti ġuridiċi differenti li għadha teżisti; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi indirizzat malajr kwalunkwe nuqqas pendenti tal-ġudikatura, li jissaħħu l-effiċjenza u l-indipendenza ġudizzjarji, anke permezz tad-depolitiċizzazzjoni tal-ġudikatura, li tiġi miġġieda l-korruzzjoni fil-ġudikatura u li jiġu implimentati proċeduri adegwati għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet tal-qrati; iħeġġeġ biex il-pjan ta' azzjoni għall-implimentazzjoni tar-riforma tas-settur tal-ġustizzja 2014–2018 jiġi adottat rapidament; jappella għal implimentazzjoni sħiħa tal-liġijiet dwar il-protezzjoni tat-tfal u għal aċċess effikaċi għall-ġustizzja min-naħa tat-tfal; jilqa' l-adozzjoni tal-liġi dwar l-għajnuna legali mingħajr ħlas fil-livell statali, u l-introduzzjoni mill-Kunsill Ġudizzjarju u ta' Prosekuzzjoni Għoli ta' linji gwida dwar il-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess, l-abbozzar ta' pjanijiet dwar l-integrità u l-miżuri dixxiplinari;

13.  Jappella biex tiġi msaħħa l-effiċjenza globali tal-ġudikatura, biex jiżdiedu t-trasparenza u l-oġġettività tal-proċess għall-għażla ta' mħallfin u prosekuturi ġodda, kif ukoll biex jissaħħu l-mekkaniżmi ta' responsabbiltà u integrità fil-ġudikatura; jissottolinja l-ħtieġa li jissaħħu l-mekkaniżmi għall-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess u għall-istabbiliment tal-mekkaniżmi għat-trasparenza tar-rapporti finanzjarji u d-dikjarazzjonijiet tal-assi fil-ġudikatura; jinnota r-rwol importanti tad-Djalogu Strutturat dwar il-Ġustizzja biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fil-ġudikatura tal-Bożnija-Ħerzegovina; jappella għal soluzzjoni leġiżlattiva li kieku tippermetti li jinżamm rendikont tal-effiċjenza tat-trattament tal-kawżi fit-territorju kollu tal-Bożnija Ħerzegovina;

14.  Jiddispjaċih li għadd kbir ta' deċiżjonijiet mill-qrati kostituzzjonali mhumiex qed jiġu implimentati, inkluża d-deċiżjoni rigward ir-rispett tad-drittijiet demokratiċi bażiċi taċ-ċittadini ta' Mostar li jivvotaw fl-elezzjonijiet lokali; jappella biex dawn id-deċiżjonijiet kollha jiġu implimentati minnufih; jirrileva, b'mod partikolari, id-deċiżjoni tal-qorti kostituzzjonali dwar Jum ir-Repubblika Srpska, li ġiet ikkontestata fir-referendum li sar fil-25 ta' Settembru 2016; jikkunsidra li dan huwa ksur serju tal-Ftehim ta' Paċi ta' Dayton u attakk fuq il-ġudikatura u l-istat tad-dritt; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' djalogu aktar milli inizjattivi unilaterali; jenfasizza li r-retorika u l-azzjonijiet nazzjonalistiċi u populisti huma ostakli serji għall-iżvilupp u li r-rispett għall-istat tad-dritt u għall-qafas kostituzzjonali tal-pajjiż huwa tal-ogħla importanza sabiex isir progress fit-triq lejn l-UE u għaż-żamma tal-paċi u l-istabbiltà fil-Bożnija-Ħerzegovina;

15.  Jikkundanna b'qawwa l-Liġi dwar l-Ordni fir-Repubblika Srpska li għadha fis-seħħ u li ddgħajjef id-drittijiet demokratiċi fundamentali tal-libertà tal-għaqda, il-libertà tal-assoċjazzjoni u l-libertà tal-media, kif ukoll id-dispożizzjoni dwar il-piena tal-mewt fir-Repubblika Srpska; iħeġġeġ għal implimentazzjoni sħiħa tal-Att dwar il-Libertà tal-Aċċess għall-Informazzjoni; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jimplimentaw malajr il-Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-Ċiberkriminalità, fir-rigward tal-kriminalizzazzjoni tal-atti ta' natura razzista u ksenofoba mwettqa permezz ta' sistemi ta' kompjuter;

16.  Iħeġġeġ lill-mexxejja fuq kull naħa joqogħdu lura minn retorika diviżiva, nazzjonalista u seċessjonista li tippolarizza lis-soċjetà, kif ukoll minn azzjonijiet li jirrappreżentaw sfida għall-koeżjoni, is-sovranità u l-integrità tal-pajjiż; iħeġġeġ minflok biex dawn jinvolvu rwieħhom bis-serjetà f'riformi li jtejbu s-sitwazzjoni soċjoekonomika taċ-ċittadini kollha tal-Bożnija-Ħerzegovina, joħolqu stat demokratiku, inklużiv u funzjonali u jqarrbu lill-pajjiż lejn l-UE;

17.  Jenfasizza l-importanza tad-deċiżjoni reċenti tal-Qorti Kostituzzjonali dwar il-prinċipju ta' status kostitwenti u l-ugwaljanza bejn it-tliet popli kostituttivi biex jeleġġu lir-rappreżentanti politiċi leġittimi tagħhom stess abbażi ta' rappreżentanza leġittima u proporzjonali fil-Kamra tal-Popli tal-Parlament tal-Federazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina;

18.  Jinnota l-kooperazzjoni sodisfaċenti fir-rigward tal-kawżi dwar delitti tal-gwerra li kien hemm mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja u jħeġġeġ għal aktar kooperazzjoni reġjonali fir-rigward tal-ipproċessar tal-kawżi dwar delitti tal-gwerra; jesprimi tħassib dwar il-fatt li, meta jiġu proċessati l-kawżi dwar delitti tal-gwerra, jiġu applikati standards legali differenti; jilqa' l-fatt li l-kawżi arretrati dwar delitti tal-gwerra domestiċi qed jiġu indirizzati u li nkiseb xi progress ulterjuri rigward il-prosekuzzjoni b'suċċess tad-delitti tal-gwerra li jinvolvu l-vjolenza sesswali; jilqa' b'sodisfazzjon il-ftehim bejn id-Delegazzjoni tal-UE u l-Ministeru għall-Finanzi u t-Teżor tal-Bożnija-Ħerzegovina biex jiġu ffinanzjati l-attivitajiet tal-uffiċċji tal-prosekuturi u l-qrati fil-Bożnija-Ħerzegovina fir-rigward tal-ipproċessar ta' delitti tal-gwerra;

19.  Jikkundanna b'qawwa d-deċiżjoni tal-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Srpska f'Ottubru 2016 li tesprimi apprezzament lill-ex mexxejja tar-Repubblika Srpska li ġew ikkundannati għal delitti tal-gwerra; jappella biex, bħala kwistjoni ta' urġenza, jiġu promossi r-rispett għall-vittmi tad-delitti tal-gwerra u r-rikonċiljazzjoni; ifakkar lill-mexxejja u l-istituzzjonijiet politiċi kollha fil-Bożnija-Ħerzegovina dwar ir-responsabbiltà tagħhom li jivvalutaw b'mod oġġettiv l-avvenimenti fi żmien ta' gwerra fl-interess tal-verità u r-rikonċiljazzjoni, u li jevitaw l-użu ħażin tal-ġudikatura għal skopijiet politiċi;

20.  Ifaħħar il-progress li sar fir-rigward tal-prosekuzzjoni tad-delitti tal-gwerra li jinvolvu vjolenza sesswali u jħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti jqawwu ulterjorment l-aċċess għall-ġustizzja għall-vittmi ta' vjolenza sesswali relatata mal-kunflitti, anke billi jqiegħdu għad-dispożizzjoni għajnuna legali bla ħlas, isaħħu s-servizzi psikosoċjali u tas-saħħa, kif ukoll jagħtu kumpens u segwitu aħjar; jappella għal garanziji li d-drittijiet għal riparazzjoni ta' dawn il-vittmi jiġu rikonoxxuti b'mod konsistenti;

21.  Jinnota li sar xi progress fir-rigward tar-rifuġjati u l-persuni spostati internament, li ġew spostati bħala riżultat tal-gwerra fil-Bożnija, f'termini tal-impussessar mill-ġdid tal-proprjetà u d-drittijiet ta' okkupanza, kif ukoll tar-rikostruzzjoni tad-djar; jappella lill-awtoritajiet kompetenti biex jiffaċilitaw ir-ritorn sostenibbli tagħhom, l-aċċess għall-kura tas-saħħa, l-impjiegi, il-protezzjoni soċjali u l-edukazzjoni, u biex jiddedikaw attenzjoni ulterjuri għall-kumpens għal ħsara lil proprjetà li ma tistax tintradd;

22.  Jinsab imħasseb dwar l-għadd dejjem għoli ta' persuni neqsin bħala riżultat tal-gwerra; jappella lill-awtoritajiet kompetenti biex jindirizzaw b'aktar qawwa l-kwistjoni tad-destin mhux magħruf tagħhom, anke billi jintensifikaw il-kooperazzjoni bejn iż-żewġ entitajiet; jisħaq li r-riżoluzzjoni ta' din il-kwistjoni hija tal-ogħla importanza għar-rikonċiljazzjoni u l-istabbiltà fir-reġjun ;

23.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-istat tas-sistema tas-saħħa fil-Bożnija-Ħerzegovina, waħda mis-sistemi l-aktar soġġetti għall-korruzzjoni fil-pajjiż; jappella lill-awtoritajiet biex joqgħodu għassa ħalli jipprevjenu d-diskriminazzjoni fl-aċċess għall-kura medika;

24.  Jinnota li sar xi progress fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata; jinsab imħasseb, madankollu, dwar in-nuqqas ta' approċċ konsistenti fl-indirizzar tal-kriminalità organizzata minħabba l-pjanijiet ta' azzjoni numerużi mid-diversi aġenziji tal-infurzar tal-liġi fil-livelli differenti; jirrileva l-ħtieġa li l-qafas għall-kooperazzjoni bejn l-aġenziji jissaħħaħ ulterjorment; jilqa' l-investigazzjonijiet konġunti, iżda jappella għal aktar operazzjonijiet ikkoordinati u skambju aħjar ta' informazzjoni; jappella għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-korpi tal-infurzar tal-liġi, anke fir-rigward tal-ġlieda kontra t-terroriżmu; jappella lill-awtoritajiet kompetenti biex jieħdu miżuri biex jiġġieldu l-finanzjament tat-terroriżmu u l-ħasil tal-flus, u biex isaħħu l-kapaċità għat-twettiq ta' investigazzjonijiet finanzjarji; jilqa' l-iffirmar tal-ftehim ta' kooperazzjoni operattiva u strateġika mal-Europol, li għandu l-għan li jiġġieled kontra l-kriminalità transkonfinali permezz ta', inter alia, skambju ta' informazzjoni u ppjanar konġunt tal-attivitajiet operattivi; iħeġġeġ biex jiġi konkluż ftehim ta' kooperazzjoni mal-Eurojust ukoll;

25.  Jissottolinja l-ħtieġa li tittejjeb il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin; jappella lill-entità Federali biex tagħmel tibdil rapidu għall-kodiċi kriminali li jipprojbixxi l-forom kollha ta' traffikar tal-bnedmin, li 80 % tal-vittmi tiegħu huma nisa u bniet;

26.  Jappella biex jissaħħu l-mekkaniżmi għall-ġbir, il-kondiviżjoni u l-analiżi tad-data dwar il-migrazzjoni, peress li l-istatistika turi xejra li qed tikber ta' persuni li qed jaslu fil-Bożnija-Ħerzegovina minn pajjiżi b'riskju migratorju għoli; jappella lill-awtoritajiet kompetenti biex jipproċessaw lir-rifuġjati u l-migranti kollha li japplikaw għall-asil jew li jgħaddu mit-territorju tagħhom bi qbil mad-dritt internazzjonali u tal-UE, kif ukoll biex jiżviluppaw ulterjorment il-qafas regolatorju dwar il-migrazzjoni u l-asil, isaħħu l-koordinament interistituzzjonali u jibnu l-kapaċitajiet meħtieġa; jappella lill-Kummissjoni biex tkompli taħdem rigward il-kwistjonijiet relatati mal-migrazzjoni flimkien mal-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent b'mod li tiżgura l-konformita man-normi u l-istandards Ewropej u internazzjonali;

27.  Jindika li l-polarizzazzjoni tal-pajjiż, flimkien mad-deterjorament tas-sitwazzjoni soċjoekonomika, speċjalment għaż-żgħażagħ, qed iżżid il-periklu li jinfirex ir-radikaliżmu; jappella, bħala kwistjoni ta' urġenza, biex tingħata spinta lill-isforzi għall-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u għal miżuri ulterjuri li jidentifikaw, jimpedixxu u jisfrattaw il-fluss ta' ġellieda barranin, kif ukoll il-kanali ta' flus mhux traċċabbli maħsuba għal radikalizzazzjoni ulterjuri, anke permezz ta' kooperazzjoni mill-qrib mas-servizzi rilevanti tal-Istati Membri u l-pajjiżi fir-reġjun, kif ukoll billi jiġu inforzati l-liġijiet rilevanti; jappella għal koordinament aħjar bejn is-servizzi tas-sigurtà u tal-intelligence u l-pulizija; iħeġġeġ biex il-każijiet ta' diskors ta' mibegħda u t-trażmissjoni ta' ideoloġiji estremisti permezz tal-media soċjali jiġu riżolti u sanzjonati b'mod deċiż; jappella għall-introduzzjoni rapida ta' programmi dwar id-deradikalizzazzjoni u l-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni taż-żgħażagħ f'kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili permezz ta' edukazzjoni komprensiva dwar id-drittijiet tal-bniedem b'mod li jikkontribwixxu għad-dekostruzzjoni tan-narrattivi dwar ir-radikalizzazzjoni u jibnu l-koeżjoni soċjali fost it-tfal u ż-żgħażagħ; jinkoraġġixxi, f'dan ir-rigward, aktar parteċipazzjoni min-naħa taż-żgħażagħ fil-proċess politiku demokratiku; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti jiġġieldu kontra l-estremiżmu reliġjuż; jinnota bi tħassib l-eżistenza ta' komunitajiet radikalizzati madwar il-pajjiż u jirrileva r-rwol importanti tal-mexxejja reliġjużi, tal-għalliema u kumplessivament tas-sistema edukattiva f'dan ir-rigward; jisħaq ulterjorment fuq il-ħtieġa li jiġu pprovduti għodod għar-riintegrazzjoni u r-riabilitazzjoni fis-soċjetà u t-titjib u t-tisħiħ tal-għodod ta' deradikalizzazzjoni;

28.  Jinnota l-impenn attiv tal-Kumitat Parlamentari Konġunt għas-Sigurtà u d-Difiża fl-iżgurar tal-kontroll demokratiku fuq il-forzi armati tal-Bożnija-Ħerzegovina; jinnota bi tħassib li hemm ħażniet kbar ta' armi tan-nar u munizzjon mhux irreġistrati li qed jinżammu illegalment mill-popolazzjoni u jħeġġeġ favur il-qerda totali ta' dawn l-armamenti; jinsab ugwalment imħasseb dwar il-preżenza ta' ħażniet kbar ta' munizzjon u armi li qed jinżammu b'mod inadegwat taħt ir-responsabbiltà tal-forzi armati; jissottolinja l-importanza li jiġi indirizzat it-traffikar tal-armi u jappella għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Bożnija-Ħerzegovina għal dan l-għan; iħeġġeġ favur approċċ komprensiv biex jiġu indirizzati l-isfidi li għad fadal biex jitneħħew il-mini kollha mill-pajjiż sal-2019;

29.  Iqis li huwa essenzjali li tissaħħaħ il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid tad-deċiżjonijiet u li ċ-ċittadini, inklużi ż-żgħażagħ, jiġu involuti b'mod aktar effikaċi fil-proċess ta' adeżjoni mal-UE; itenni l-appelli tiegħu biex jiġu implimentati mekkaniżmi ta' konsultazzjoni pubblika trasparenti u inklużivi mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) fil-livelli governattivi kollha, kif ukoll biex jiġu introdotti proċeduri trasparenti u mhux diskriminatorji għall-allokazzjoni ta' finanzjament pubbliku lill-OSĊ; jinnota li s-soċjetà ċivili hija frammentata, istituzzjonalment u finanzjarjament dgħajfa, u li dan għandu impatt fuq is-sostenibbiltà u l-indipendenza tagħha; jappella għal appoġġ ulterjuri min-naħa tal-UE, mekkaniżmi ta' kooperazzjoni aħjar bejn il-gvern u l-OSĊ, inkluż l-iżvilupp ta' qafas strateġiku għall-kooperazzjoni, kif ukoll involviment aktar konkret tal-OSĊ fil-qasam ċivili fil-proċess ta' adeżjoni mal-UE; jikkundanna l-kampanji ta' malafama ripetuti u l-attakki vjolenti fuq ir-rappreżentanti tal-OSĊ u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

30.  Jissottolinja l-ħtieġa għal titjib sostanzjali fl-oqfsa strateġiċi, ġuridiċi, istituzzjonali u politiċi fir-rigward tal-osservanza tad-drittijiet tal-bniedem; jappella għall-adozzjoni ta' strateġija għall-pajjiż kollu dwar id-drittijiet tal-bniedem u n-nondiskriminazzjoni u għal miżuri ulterjuri biex jiżguraw l-implimentazzjoni effikaċi tal-istrumenti internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem li ġew iffirmati u rratifikati mill-Bożnija-Ħerzegovina; jappella għall-adozzjoni rapida tal-liġi dwar ir-riforma tal-Ombudsman tal-Bożnija-Ħerzegovina; jappella biex, meta tiġi adottata l-liġi, jiġu segwiti r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Internazzjonali ta' Koordinazzjoni u l-Kummissjoni ta' Venezja; jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-Uffiċċju tal-Ombudsman mhux qed jiffunzjona kif suppost, prinċipalment minħabba nuqqas ta' riżorsi umani adegwati u restrizzjonijiet finanzjarji serji; jappella lill-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina fil-livell federali u fir-Repubblika Srpska biex jiffaċilitaw il-ħidma tal-Ombudsman għad-Drittijiet tal-Bniedem;

31.  Jinsab imħasseb dwar id-diskriminazzjoni kontinwa kontra l-persuni b'diżabbiltà fl-oqsma tal-impjiegi, l-edukazzjoni u l-aċċess għall-kura tas-saħħa; jappella biex jiġi adottat pjan ta' azzjoni nazzjonali uniku dwar id-drittijiet tal-persuni b'diżabbiltà; jappella għall-iżvilupp ta' strateġija komprensiva u integrata dwar l-inklużjoni soċjali u r-rappreżentanza tal-komunità tar-Rom; jappella biex l-assistenza soċjali tiġi mmirata aħjar b'mod li tilħaq lill-popolazzjonijiet l-aktar vulnerabbli; jilqa' l-fatt li xi gvernijiet u parlamenti bdew jiddiskutu d-drittijiet tal-persuni LGBTI u jfasslu miżuri speċifiċi għall-protezzjoni tagħhom; jappella biex jiġu ggarantiti s-sikurezza u d-dritt ta' għaqda tal-gruppi ta' persuni LGBTI; jilqa' l-bidliet għal-liġi kontra d-diskriminazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina li estendew il-motivazzjonijiet elenkati għal diskriminazzjoni biex jinkludu l-età, id-diżabbiltà, l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru; jappella biex din tiġi infurzata kif suppost; jilqa' l-introduzzjoni tal-projbizzjoni tar-reati ta' mibegħda f'emendi għall-Kodiċi Kriminali tal-Bożnija-Ħerzegovina; jinkoraġġixxi l-inklużjoni ta' korsijiet dwar ir-reati ta' mibegħda fil-kurrikuli u l-programmi ta' taħriġ għall-uffiċjali tal-pulizija, il-prosekuturi u l-imħallfin, u jappella biex tittejjeb il-kooperazzjoni bejn il-pulizija u l-korpi ġudizzjarji fil-prosekuzzjoni tal-kawżi dwar reati ta' mibegħda; iħeġġeġ għal darba oħra r-revoka tad-dispożizzjoni dwar il-piena tal-mewt fil-kostituzzjoni tal-entità tar-Repubblika Srpska;

32.  Jappella favur sforzi biex jissaħħu sistemi ulterjuri għall-protezzjoni tat-tfal b'mod li jipprevjenu u jindirizzaw il-vjolenza kontra t-tfal u l-abbuż, it-traskurar u l-isfruttament tat-tfal; jirrakkomanda li tiżdied l-allokazzjoni tar-riżorsi għall-prevenzjoni u li jissaħħaħ ulterjorment il-koordinament bejn il-komunitajiet u l-gvern fil-protezzjoni tat-tfal; jappella biex jiġi implimentat il-Pjan ta' Azzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina dwar it-Tfal 2015-2018;

33.  Jinnota li l-qafas ġuridiku għall-protezzjoni tal-minoranzi fil-biċċa l-kbira qiegħed fis-seħħ u huwa konformi mal-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali; jilqa l-attivazzjoni mill-ġdid tal-entità Federali, il-Kunsill tal-Minoranzi Nazzjonali fil-Bożnija-Ħerzegovina; jinsab imħasseb dwar il-fatt li minħabba li għad hemm nuqqas ta' koordinament bejn l-istat u l-entitajiet, il-liġijiet eżistenti mhumiex qed jiġu implimentati u l-pjattaforma strateġika fil-livell statali dwar il-minoranzi nazzjonali għadha ma ġietx adottata; jiddispjaċih li l-minoranzi nazzjonali għad għandhom livell baxx ta' preżenza u parteċipazzjoni fid-dibattiti politiċi u pubbliċi u fil-media;

34.  Jappella għal sforzi ulterjuri biex tiġi promossa l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja politika u pubblika u fl-impjiegi, biex tittejjeb is-sitwazzjoni soċjoekonomika tagħhom u jissaħħu d-drittijiet tan-nisa b'mod ġenerali; jinnota li d-dispożizzjonijiet legali li jistitwixxu l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel ġeneralment qegħdin fis-seħħ, imma li l-implimentazzjoni tagħhom tibqa' waħda ineffikaċi; jinnota bi tħassib li għad fadal diskriminazzjoni relatata mal-maternità fl-impjiegi u li l-entitajiet u l-kantuni m'għandhomx l-ebda leġiżlazzjoni armonizzata rigward il-maternità u l-liv tal-ġenituri; jirrileva barra minn hekk li l-miżuri attivi eżistenti fis-suq tax-xogħol li huma mmirati biex isostnu l-impjieg tal-gruppi vulnerabbli u qiegħda fuq żmien twil, bħall-persuni b'diżabbiltà, mhumiex qed jiġu implimentati b'mod effikaċi; jissottolinja l-importanza li tissaħħaħ ir-rata tal-bniet li jispiċċaw l-iskola primarja u sekondarja, b'mod partikolari dawk mill-komunità tar-Rom;

35.  Jirrileva l-importanza li l-leġiżlazzjoni dwar il-prevenzjoni tal-vjolenza abbażi ta' ġeneru u l-protezzjoni minnha tiġi implimentata b'mod effikaċi, bi qbil mal-konvenzjonijiet internazzjonali li jittrattaw il-prevenzjoni tal-vjolenza domestika u l-protezzjoni minnha li ffirmat u rratifikat il-Bożnija-Ħerzegovina; jilqa' l-impenn li ħadu l-awtoritajiet kompetenti li jimplimentaw il-Konvenzjoni ta' Istanbul tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika; jappella biex il-leġiżlazzjoni u l-politiki pubbliċi jiġu armonizzati ma' din il-konvenzjoni; jappella biex in-nisa superstiti tal-vjolenza jiġu informati rigward il-forom ta' appoġġ u assistenza disponibbli u biex jiġu stabbiliti ċentri ta' kriżi għall-vittmi ta' stupru jew forom oħra ta' vjolenza sesswali; jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-vjolenza abbażi ta' ġeneru ma tiġix reġistrata b'mod sistematiku;

36.  Jiddeplora l-fatt li l-Bożnija-Ħerzegovina għadha fi ksur tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem peress li ma implimentatx id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, fil-kawżi Sejdić-Finci, Zornić u Pilav; jappella bis-sħiħ u bħala kwistjoni ta' urġenza biex isir progress f'dan ir-rigward b'mod li tiġi promossa l-perspettiva tal-pajjiż lejn l-UE; jisħaq li l-implimentazzjoni ta' dawn id-deċiżjonijiet kieku tikkontribwixxi biex tiġi stabbilita soċjetà demokratika li tiffunzjona tajjeb fejn ikunu ggarantiti drittijiet indaqs għal kulħadd; itenni li jekk dawn id-deċiżjonijiet ma jiġux implimentati, tkun qed tiġi permessa d-diskriminazzjoni manifesta taċ-ċittadini fil-Bożnija-Ħerzegovina u tinħoloq sitwazzjoni ta' inkompatibbiltà mal-valuri tal-UE;

37.  Jinsab imħasseb dwar il-każijiet ta' pressjoni politika u l-intimidazzjoni tal-ġurnalisti, inklużi attakki fiżiċi u verbali, anke dawk imwettqa minn uffiċjali ta' livell għoli jew ex uffiċjali, kif ukoll dwar in-nuqqas ta' trasparenza fis-sjieda tal-media; jinsab ukoll imħasseb dwar l-użu ta' kawżi ċivili ta' libell kontra l-mezzi tax-xandir u l-ġurnalisti li jikkritikaw; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu investigati l-attakki kontra l-ġurnalisti u li jiġi żgurat is-segwitu ġudizzjarju xieraq; jappella lill-awtoritajiet biex jikkundannaw b'mod inekwivoku l-attakki kollha kontra l-ġurnalisti u l-mezzi tax-xandir, u biex jiżguraw li l-każijiet ta' dan it-tip jiġu kompletament investigati u li min ikun responsabbli jitressaq quddiem il-ġustizzja; jappella għall-miżuri ulterjuri meħtieġa biex jiggarantixxu r-rispett sħiħ tal-libertà tal-espressjoni, tal-istampa u tal-aċċess għall-informazzjoni, kemm fuq l-internet u kemm le; jappella lill-awtoritajiet tal-Bożnja-Ħerzegovina biex jieħdu miżuri urġenti biex isalvaw lill-media tas-servizz pubbliku mill-kollass; jappella lill-awtoritajiet kompetenti biex jiżguraw l-indipendenza u l-istabbiltà finanzjarja tat-tliet xandara tas-servizz pubbliku, kif ukoll l-indipendenza politika, operattiva u finanzjarja, flimkien mat-trasparenza tal-Awtorità Regolatorja tal-Komunikazzjonijiet; jappella lill-awtoritajiet kompetenti biex jiggarantixxu l-pluraliżmu medjatiku u jiżguraw xandir fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Bożnija-Ħerzegovina; jappella biex it-tranżizzjoni diġitali tiġi ffinalizzata u biex titwaqqaf strateġija dwar il-broadband;

38.  Għadu mħasseb minħabba t-tkomplija tal-frammentazzjoni, is-segregazzjoni, l-ineffiċjenza u l-kumplessità fis-sistema edukattiva; jappella biex jiġi adottat kurrikulu bażiku komuni għall-pajjiż kollu li jkun jikkontribwixxi għall-koeżjoni tal-pajjiż; jappella biex ikun hemm koordinament aħjar bejn il-livelli differenti tal-governanza edukattiva, b'mod li tiġi promossa sistema edukattiva inklużiva u nondiskriminatorja u titrawwem il-kooperazzjoni trasversalment bejn linji kulturali, reliġjużi u etniċi; jappella lill-awtoritajiet biex jippromwovu l-prinċipji tat-tolleranza, id-djalogu u l-fehim interkulturali bejn il-gruppi etniċi differenti; iħeġġeġ favur l-adozzjoni ta' miżuri konkreti biex itejbu l-effiċjenza tas-sistema edukattiva u jeliminaw il-prattiki ta' segregazzjoni, filwaqt li jiggarantixxu d-dritt għal opportunitajiet indaqs għall-edukazzjoni fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Bożnija-Ħerzegovina; għadu mħasseb dwar il-proporzjon għoli ta' dawk li jitilqu mill-edukazzjoni u mit-taħriġ qabel iż-żmien, u r-rati persistentement għoljin ta' studenti Rom li ma jkomplux bl-iskola; jiddispjaċih li għaddej bil-mod il-progress biex jiġu indirizzati u riżolti l-kwistjonijiet ta' "żewġt iskejjel taħt saqaf wieħed", skejjel monoetniċi u forom oħra ta' segregazzjoni u diskriminazzjoni fl-iskejjel;

39.  Jilqa' l-miżuri biex jimmodernizzaw il-leġiżlazzjoni dwar ix-xogħol, itejbu l-ambjent tan-negozju u jindirizzaw id-dgħufijiet fis-settur finanzjarju fi ħdan il-qafas tal-Aġenda ta' Riforma; jinnota b'mod pożittiv ukoll iż-żieda fl-impjiegi rreġistrati u l-passi li ttieħdu biex jissaħħaħ il-koordinament tal-politika ekonomika; jilqa' l-programm fuq tliet snin tal-Faċilità ta' Fond Estiża miftiehem mal-FMI, li huwa mistenni li jkompli jtejjeb il-klima kummerċjali, inaqqas id-daqs tal-gvern u jissalvagwardja lis-settur finanzjarju; għadu jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' żona ekonomika unika magħquda li jxekkel l-ambjent tan-negozju, l-investiment dirett barrani u l-impriżi ta' daqs żgħir u medju; jappella biex dawn il-kwistjonijiet jiġu indirizzati permezz ta' politiki industrijali u dwar l-impriżi ta' daqs żgħir u medju li jkunu armonizzati u kkoordinati fil-livell tal-pajjiż kollu kemm hu; jappella biex, bħala kwistjoni ta' urġenza, l-awtoritajiet kompetenti jfasslu miżuri kkoordinati bil-ħsieb li jsaħħu l-istat tad-dritt, jissemplifikaw il-proċeduri għall-infurzar tal-kuntratti u jiġġieldu kontra l-korruzzjoni fl-ekonomija;

40.  Jilqa' l-fatt li l-qgħad naqas ħarira; jibqa' mħasseb, madankollu, dwar il-fatt li, fil-biċċa l-kbira tiegħu, il-qgħad għadu ta' natura strutturali u li l-qgħad fost iż-żgħażagħ għadu għoli, u dan jirriżulta fl-eżodu ta' ħafna mħuħ; jinkoraġġixxi lill-Bożnija-Ħerzegovina tieħu sehem attiv fid-diversi programmi mfassla għaż-żgħażagħ fir-reġjun, bħal dawk fil-qafas tal-Aġenda Pożittiva għaż-Żgħażagħ fil-Balkani tal-Punent jew l-Uffiċċju Reġjonali għall-Kooperazzjoni rigward iż-Żgħażagħ; jappella lill-awtoritajiet kompetenti biex iqawwu ulterjorment lil-liġijiet eżistenti u jintroduċu politiki attivi tas-suq tax-xogħol immirati b'mod partikolari lejn iż-żgħażagħ, in-nisa, il-gruppi vulnerabbli, inklużi r-Rom, u dawk qiegħda fuq żmien twil, kif ukoll biex isaħħu l-kapaċitajiet tas-servizzi tal-impjiegi;

41.  Jiddispjaċih li l-liġijiet dwar ix-xogħol fiż-żewġ entitajiet ġew adottati permezz tal-proċedura urġenti u mingħajr id-djalogu xieraq mas-sħab soċjali; jinnota li d-drittijiet tax-xogħol u tat-trade unions għadhom limitati u jisħaq fuq l-importanza li dawn il-liġijiet ikomplu jissaħħu u jiġu armonizzati madwar il-pajjiż; ifakkar li l-Bożnija-Ħerzegovina ffirmat għadd ta' Konvenzjonijiet tal-ILO, li inter alia jirrikonoxxu l-prinċipji tad-djalogu soċjali u l-importanza ta' kooperazzjoni mas-sħab soċjali; jisħaq fuq l-importanza li l-liġijiet dwar is-saħħa u s-sikurezza jkomplu jissaħħu u jiġu armonizzati madwar il-pajjiż; jirrileva wkoll il-ħtieġa li s-sistemi frammentati għall-protezzjoni soċjali jiġu riformati u armonizzati, li tiġi promossa l-koeżjoni soċjali u li tiġi żgurata l-protezzjoni soċjali għal min huwa l-aktar vulnerabbli;

42.  Jinnota li nkiseb xi progress fl-allinjament ulterjuri tal-politiki u l-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni ambjentali; jappella favur sforzi sinifikanti fir-rigward tal-implimentazzjoni u l-infurzar adegwati u sistematiċi tal-leġiżlazzjoni eżistenti; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi adottata strateġija għall-pajjiż kollu dwar l-approssimazzjoni tal-acquis ambjentali, li jissaħħaħ il-qafas ġuridiku, u li jitqawwew il-kapaċitajiet amministrattivi u ta' monitoraġġ; jinidika li l-leġiżlazzjoni li tirregola l-aċċess għall-informazzjoni ambjentali u l-parteċipazzjoni pubblika fil-proċessi deċiżjonali trid issir konformi mal-acquis; jappella, bħala kwistjoni ta' urġenza, biex fil-qasam tal-protezzjoni tan-natura jkun hemm allinjament mal-acquis tal-UE; jissottolinja li l-ippjanar u l-bini tal-impjanti u l-proġetti idroelettriċi jridu jkunu konformi mal-leġiżlazzjoni ambjentali internazzjonali u tal-UE; iħeġġeġ biex il-proġetti idroelettriċi ma jitwettqux f'ambjenti naturali protetti u ma jagħmlux ħsara lin-natura; jisħaq fuq il-ħtieġa għal parteċipazzjoni pubblika fil-proġetti rilevanti u għal konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili dwarhom; jesprimi tħassib dwar in-nuqqas ta' progress fir-riżoluzzjoni tal-problema ta' tniġġis ambjentali eċċessiv u transkonfinali kkawżat mill-operazzjonijiet tar-raffinerija f'Bosanski Brod;

43.  Jirrileva li l-proġetti prijoritarji maqbula tal-UE għall-interkonnessjoni tat-trażmissjoni tal-elettriku u tal-gass mal-pajjiżi ġirien qed jiddewmu minħabba n-nuqqas ta' qbil politiku rigward strateġija dwar l-enerġija għall-pajjiż kollu kemm hu; iħeġġeb biex, f'dan ir-rigward, jiġu adottati strateġija dwar l-enerġija għall-pajjiż kollu kemm hu, kif ukoll qafas ġuridiku għall-gass, bi qbil mat-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija, sabiex ikunu jistgħu jitneħħew is-sanzjonijiet tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija; iħeġġeġ biex tiġi mgħoddija liġi dwar il-gass naturali bil-ħsieb li tiżdied is-sigurtà tal-provvista; iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jiżguraw l-allinjament mal-istandards u l-objettivi politiċi tal-UE u dawk internazzjonali fl-oqsma tal-enerġija u tat-tibdil fil-klima;

44.  Jinnota d-defiċjenzi infrastrutturali tal-pajjiż u jargumenta li għandu jitkompla l-investiment fil-proġetti għat-titjib tal-konnessjonijiet tat-trasport kemm fil-Bożnija-Ħerzegovina u kemm mal-pajjiżi ġirien; jinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni sħiħa tal-Bożnija-Ħerzegovina fl-implimentazzjoni tal-aġenda tal-UE dwar il-konnettività; ifaħħar l-adozzjoni tal-Istrateġija Qafas dwar it-Trasport għall-pajjiż kollu kemm hu għall-perjodu 2015-2030 f'Lulju 2016; jissottolinja li din tippermetti li l-Bożnija-Ħerzegovina jkollha aċċess għall-finanzjament mill-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni II; jappella lill-awtoritajiet biex jallinjaw il-qafas ġuridiku dwar it-trasport mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE, joħolqu ktajjen ta' trasport funzjonali, ineħħu l-punti ta' konġestjoni fil-kuritur Vc, kif ukoll josservaw ir-regoli dwar il-preżentazzjoni ta' offerti fi proċeduri ta' akkwist u l-prinċipju ta' trasparenza fl-għażla tal-kuntratturi, b'mod li jipprevjenu l-abbuż u l-korruzzjoni;

45.  Jilqa' r-rwol kostruttiv u proattiv li għad għandha l-Bożnija-Ħerzegovina fil-promozzjoni tal-kooperazzjoni bilaterali u reġjonali; jappella favur sforzi ulterjuri għar-riżoluzzjoni tal-kwistjonijiet bilaterali pendenti, inklużi d-demarkazzjoni tal-fruntieri mas-Serbja u l-Kroazja u l-każijiet ta' tniġġis transkonfinali; ifaħħar lill-Bożnija-Ħerzegovina talli kompliet iżżid ir-rata tal-allinjament tagħha mad-dikjarazzjonijiet u d-deċiżjonijiet rilevanti tal-UE skont il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) minn 62 % għal 77 %; jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni mill-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina li ma jappoġġawx il-miżuri restrittivi tal-UE kontra r-Russja, wara li din tal-aħħar għaqqdet magħha lill-Krimea illegalment; ifakkar lill-Bożnija-Ħerzegovina dwar il-ħtieġa għal politika barranija unifikata u li l-allinjament tal-politika barranija huwa parti essenzjali mis-sħubija mal-UE; jikkunsidra li huwa importanti li l-politika barranija tal-Bożnija-Ħerzegovina tiġi koordinata mal-politika barranija tal-UE u li l-UE tibqa' attivament involuta fiż-żamma tas-sikurezza u s-sigurtà fil-Bożnija-Ħerzegovina; Jilqa' l-preżenza kontinwa tal-Operazzjoni Althea, li għad kapaċi tikkontribwixxi għall-kapaċità ta' deterrenza tal-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina jekk is-sitwazzjoni tkun tirrikjedi dan, filwaqt li tiffoka fuq il-bini tal-kapaċitajiet u t-taħriġ. jilqa' ugwalment il-fatt li, f'Novembru 2016, il-mandat tal-EUFOR ittawwal għal sena oħra mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

46.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-VP/RGħ, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Presidenza tal-Bożnija-Ħerzegovina, lill-Kunsill tal-Ministri tal-Bożnija-Ħerzegovina, lill-Assemblea Parlamentari tal-Bożnija-Ħerzegovina u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Federazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina u lill-entitajiet tar-Repubblika Srpska u tad-Distrett ta' Brčko u lill-gvernijiet tal-għaxar kantuni.

(1) QEA 2016 Nru. 21.
(2) S/2016/911.

Avviż legali