Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2306(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0039/2017

Testi mressqa :

A8-0039/2017

Dibattiti :

CRE 14/02/2017 - 18

Votazzjonijiet :

PV 15/02/2017 - 7.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0038

Testi adottati
PDF 476kWORD 58k
L-Erbgħa, 15 ta' Frar 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Semestru Ewropew għall-Koordinazzjoni tal-Politika Ekonomika: Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2017
P8_TA(2017)0038A8-0039/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Frar 2017 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2017 (2016/2306(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikoli 121(2), 126, 136, u l-Protokoll Nru 12 dwar il-proċedura ta' defiċit eċċessiv,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti Nazzjonali fl-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1175/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet tal-budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta' Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1174/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar miżuri ta' infurzar biex jikkoreġu żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fiż-żona tal-euro(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1177/2011 tat-8 ta' Novembru 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1173/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro(7),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b'diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom(8),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2016 dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2016,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Marzu 2016 rigward ir-Rapport dwar is-Sostenibbiltà Fiskali 2015,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17 u t-18 ta' Marzu 2016,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro tad-9 ta' Settembru 2016 dwar prinċipji komuni biex tittejjeb l-allokazzjoni tal-infiq,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali 2015 tal-BĊE,

–  wara li kkunsidra t-Tbassir Ekonomiku Ewropew tal-ħarifa 2016, maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea fid-9 ta' Novembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Jannar 2015 bit-titolu "L-aħjar użu tal-flessibbiltà fir-regoli eżistenti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir" (COM(2015)0012),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Novembru 2016 bit-titolu "Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2017" (COM(2016)0725),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Novembru 2016 dwar ir-rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (COM(2016)0726),

–  wara li kkunsidra rapport mill-Kummissjoni tas-16 ta' Novembru 2016 bit-titolu "Lejn pożizzjoni fiskali pożittiva għaż-żona tal-euro" (COM(2016)0727),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Novembru 2016 bit-titolu "Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija 2017" (COM(2016)0728),

–  wara li kkunsidra d-dibattitu mal-parlamenti nazzjonali fil-kuntest tal-edizzjoni tal-2017 tal-Ġimgħa Parlamentari Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Rapport bit-titolu "Nikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa" ("Ir-Rapport tal-Ħames Presidenti"),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Ottubru 2015 "Dwar passi lejn l-Ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja" (COM(2015)0600),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ġunju 2015 dwar ir-rieżami tal-qafas ta' governanza ekonomika: analiżi u sfidi(9);

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali 2015 tal-Osservatorju Ewropew tar-Ristrutturar tal-Eurofound,

–  wara li kkunsidra l-Komunikat tal-Mexxejja tal-G20 adottat fis-Summit ta' Hangzhou tal-4 u l-5 ta' Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni magħmula mill-President tal-BĊE fl-34 laqgħa tal-Kumitat Monetarju u Finanzjarju Internazzjonali fis-7 ta' Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra l-ftehim tal-COP 21 adottat waqt il-Konferenza ta' Pariġi dwar il-Klima fit-12 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar is-Semestru Ewropew 2016 u fid-dawl tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2017 (12 ta' Ottubru 2016),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali 2015/2016 dwar l-SMEs Ewropej,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tas-26 ta' Awwissu 2016 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi tranżazzjonijiet kummerċjali (COM(2016)0534),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits, tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A8-0039/2017),

A.  billi l-ekonomija tal-Unjoni Ewropea qed tirkupra bil-mod il-mod u qed tikber b'pass moderat, għalkemm mhux b'mod uniformi fl-Istati Membri kollha;

B.  billi, skont il-projezzjonijiet tal-Kummissjoni, it-tkabbir reali tal-PDG fl-2016 mistenni jkun ta' 1,8 % għall-UE u ta' 1,7 % għaż-żona tal-euro, u fl-2017 ta' 1,6 % u 1,7 % rispettivament, filwaqt li d-dejn tal-gvern fl-2016 mistenni jkun ta' 86,0 % fl-UE u 91,6 % fiż-żona tal-euro; billi d-defiċit taż-żona tal-euro mistenni jkun ta' 1,7 % tal-PDG fl-2016 u ta' 1,5 % fl-2017 u fl-2018;

C.  billi l-infiq tal-konsumaturi huwa l-motivatur ewlieni attwali tat-tkabbir u fl-2017 mistenni jibqa' l-istess; billi, madankollu, l-Ewropa għadha qed tiffaċċja diskrepanza importanti fl-investiment, li għadu ferm taħt il-livelli ta' qabel il-kriżi;

D.  billi r-rata ta' impjieg fl-UE qed tiżdied, għalkemm b'pass insuffiċjenti u mhux b'mod uniformi, u b'hekk il-qgħad fiż-żona tal-euro naqas għal 10,1 % fl-2016, iżda mhux biżżejjed biex il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-qgħad fit-tul jitnaqqsu b'mod sinifikanti;

E.  billi dan l-irkupru fis-swieq tax-xogħol u fit-tkabbir ivarja minn Stat Membru għal ieħor u għadu fraġli, u billi hemm il-ħtieġa li titrawwem konverġenza 'l fuq fl-UE;

F.  billi t-tkabbir ekonomiku sa ċertu punt serraħ fuq politiki monetarji mhux konvenzjonali, li mhumiex għal dejjem; billi dan jappoġġja l-appell għal approċċ ta' politika fuq tliet pilastri: investiment li jiffavorixxi t-tkabbir, riformi strutturali sostenibbli u finanzi pubbliċi responsabbli permezz ta' implimentazzjoni konsistenti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (SGP) fl-Istati Membri kollha, b'rispett sħiħ tal-klawsoli ta' flessibbiltà eżistenti tiegħu;

G.  billi xi Stati Membri għad għandhom dejn pubbliku u privat għoli ħafna, aktar minn 60 % tas-soll tal-PDG kif stabbilit fl-SGP;

H.  billi mill-valutazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-abbozzi ta' pjanijiet baġitarji (DBPs) għall-2017 tal-Istati Membri taż-żona tal-euro, jirriżulta li l-ebda DBP għall-2017 ma kien f'xi nonkonformità partikolarment serja mar-rekwiżiti tal-SGP, iżda li f'bosta każijiet, madankollu, l-aġġustamenti fiskali ppjanati ma jissodisfawx, jew jirriskjaw li ma jissodisfawx, ir-rekwiżiti tal-SGP;

I.  billi mill-valutazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-abbozzi ta' pjanijiet baġitarji għall-2017 tal-Istati Membri taż-żona tal-euro jirriżulta li disa' Stati Membri huma konformi mar-rekwiżiti skont l-SGP;

J.  billi s-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri tal-UE hija kwistjoni ta' tħassib għall-ġustizzja interġenerazzjonali;

K.  billi d-daqs tad-dejn tal-gvern jista' jiġi affettwat minn responsabbiltajiet kemm kontinġenti kif ukoll impliċiti;

L.  billi xi Stati Membri jirreġistraw eċċessi għoljin ħafna fil-kont kurrenti u l-iżbilanċi makroekonomiċi Ewropej għadhom kbar;

M.  billi l-UE teħtieġ sforzi ta' investiment pubbliku u privat addizzjonali importanti, b'mod partikolari fl-edukazzjoni, ir-riċerka, l-ICT u l-innovazzjoni, kif ukoll impjiegi, negozji u kumpaniji ġodda, sabiex twettaq il-potenzjal ta' tkabbir tagħha u tnaqqas id-diskrepanza attwali fl-investiment, li għadu taħt il-livelli ta' qabel il-kriżi; billi dan jirrikjedi, b'mod partikolari, titjib fl-ambjent regolatorju;

N.  billi l-livell għoli ta' self improduttiv għadu sfida serja f'numru ta' Stati Membri; billi t-tkabbir tal-kreditu qed jirkupra gradwalment iżda għadu taħt il-livelli ta' qabel il-kriżi;

O.  billi sabiex jitjieb il-livell insuffiċjenti ta' kompetittività globali tal-UE u jiżdied it-tkabbir ekonomiku tagħha, huma meħtieġa implimentazzjoni aħjar tat-taħlita ta' politika l-ġdida, riformi strutturali intelliġenti fl-Istati Membri, u l-ikkompletar tas-suq uniku;

P.  billi l-ekonomiji b'sistemi aktar punittivi għall-falliment jirrinunzjaw għat-tkabbir potenzjali fil-valur miżjud u l-impjiegi u dan jitlob li jkun hemm l-implimentazzjoni sħiħa tal-prinċipju li jirrigwarda t-tieni opportunità tal-"Att dwar in-Negozji ż-Żgħar" mill-Istati Membri kollha;

Q.  billi l-kompetittività Ewropea tiddependi ħafna wkoll fuq l-elementi li ma għandhomx x'jaqsmu mal-prezzijiet u li jirrelataw mal-innovazzjoni, it-teknoloġija u l-kapaċitajiet organizzattivi, pjuttost milli fuq il-prezzijiet, l-ispejjeż u l-pagi biss;

R.  billi d-direttiva dwar il-ħlas tard 2011/7/UE ġiet imfassla biex tgħin lill-kumpaniji li qegħdin jiffaċċjaw spejjeż għoljin jew anke fallimenti minħabba l-ħlasijiet tard minn kumpaniji privati u pubbliċi; billi l-evalwazzjoni ex post esterna żvelat li l-entitajiet pubbliċi f'aktar minn nofs l-Istati Membri kollha għadhom mhumiex jirrispettaw il-limitu ta' ħlas ta' 30 ġurnata impost mil-liġi; billi r-rapport identifika li l-Istati Membri taħt il-programmi ta' aġġustament għandhom diffikultajiet biex japplikaw id-direttiva meta l-ħlas fil-pront tal-fatturi attwali jrid jiġi bbilanċjat mal-ħlas lura tad-dejn akkumulat;

1.  Jilqa' l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2017 tal-Kummissjoni li jafferma mill-ġdid l-istrateġija ta' trianglu virtuż ta' investiment privat u pubbliku, riformi strutturali soċjalment ibbilanċjati u finanzi pubbliċi responsabbli, u jitlob implimentazzjoni aħjar ta' din it-taħlita ta' politika; jaqbel li meħtieġ progress aktar mgħaġġel fl-adozzjoni tar-riformi, bi qbil mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi, sabiex jinkisbu riżultati b'rabta mat-tkabbir u l-impjiegi, ħalli jiġi appoġġjat l-irkupru ekonomiku; jiddeplora, għalhekk, ir-rata baxxa ħafna tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi, li minn 11 % fl-2012 naqset għal 4 % biss fl-2015; jenfasizza li l-Istati Membri se jkollhom bżonn iżidu l-isforzi tagħhom biex jirriformaw jekk jixtiequ jirritornaw lura għat-tkabbir u joħolqu l-impjiegi; jappoġġja l-prijorità tal-Kummissjoni li tingħata spinta lill-impjiegi, lit-tkabbir u lill-investiment għall-Unjoni;

2.  Josserva d-dipendenza eċċessiva attwali fuq il-politika monetarja tal-Bank Ċentrali Ewropew u jinnota li l-politika monetarja waħidha mhijiex biżżejjed biex tistimula t-tkabbir fin-nuqqas ta' investimenti u riformi strutturali sostenibbli;

3.  Jaqbel mal-Kummissjoni li ż-żona tal-euro teħtieġ tiddependi dejjem aktar fuq id-domanda domestika; iqis li domanda domestika aktar b'saħħitha tkun aħjar għat-tkabbir sostenibbli taż-żona tal-euro;

4.  Jinnota li t-tkabbir fl-2016 qed ikompli b'pass pożittiv moderat u qabeż il-livell ta' qabel il-kriżi, iżda li t-tkabbir modest irid jitqies mill-perspettiva ta' politika monetarja straordinarja, u li dan għadu dgħajjef u mhux uniformi bejn l-Istati Membri; jinnota bi tħassib li r-rati ta' tkabbir tal-PDG u tal-produttività għadhom ma laħqux il-potenzjal sħiħ, u għalhekk ma hemm l-ebda lok għal kompjaċenza, u li dan l-irkupru moderat jirrikjedi sforzi bla waqfien sabiex tinkiseb reżiljenza akbar permezz ta' livell ogħla ta' tkabbir u impjiegi;

5.  Jinnota li r-referendum fir-Renju Unit ħoloq inċertezzi għall-ekonomija Ewropea u għas-swieq finanzjarji; jinnota li l-eżitu tal-elezzjoni presidenzjali reċenti fl-Istati Uniti tal-Amerka ħoloq inċertezza politika li mistennija taffettwa l-ekonomija Ewropea, mhux l-inqas fir-rigward tar-relazzjonijiet kummerċjali internazzjonali;

6.  Jinnota bi tħassib ir-reazzjonijiet negattivi kontra l-globalizzazzjoni u ż-żieda fil-protezzjoniżmu;

7.  Josserva li filwaqt li l-qgħad, bħala medja, qiegħed jonqos b'mod gradwali, u r-rati ta' attività qed jiżdiedu, l-isfidi strutturali għadhom jippersistu f'ħafna Stati Membri; jinnota, madankollu, li r-rati ta' qgħad fit-tul u fost iż-żgħażagħ għadhom għoljin; jenfasizza li fl-Istati Membri kkonċernati huma meħtieġa riformi tas-suq tax-xogħol inklużivi, b'rispett sħiħ tad-djalogu soċjali, sabiex jiġu indirizzati dawn in-nuqqasijiet strutturali;

8.  Jenfasizza li r-rata tal-investiment fl-UE, u fiż-żona tal-euro, għadha ferm taħt il-livelli ta' qabel il-kriżi; jemmen li din id-"diskrepanza fl-investiment" trid tiġi aġġustata permezz ta' investimenti privati u pubbliċi, u jenfasizza li l-investiment immirat biss jista' jġib miegħu riżultati viżibbli fi żmien qasir u fuq skala xierqa; jaqbel mal-Kummissjoni li l-ambjent bi spiża ta' finanzjament baxxa jiffavorixxi l-frontloading tal-investimenti, b'mod partikolari fl-infrastruttura;

Investiment

9.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-aċċess għall-finanzi u t-tisħiħ tas-suq uniku huma kruċjali biex in-negozji jkunu innovattivi u jikbru; jenfasizza li r-rekwiżiti l-ġodda ta' kapital u ta' likwidità, minkejja li huma meħtieġa biex tittejjeb ir-reżiljenza tas-settur bankarju, m'għandhomx ixekklu l-kapaċità tal-banek li jsellfu lill-ekonomija reali; jemmen li jenħtieġ li jsiru aktar sforzi biex tingħata spinta lill-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, iżżid l-isforzi tagħha biex ittejjeb l-ambjent finanzjarju;

10.  Jenfasizza li l-investimenti pubbliċi fil-kapital uman u fl-infrastruttura huma ta' importanza assoluta; iqis li hemm bżonn qawwi li jiġi ffaċilitat l-investiment f'oqsma bħall-edukazzjoni, l-innovazzjoni u r-riċerka u l-iżvilupp, li huma fatturi kruċjali għal ekonomija Ewropea aktar kompetittiva;

11.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni biex testendi t-tul, u tirdoppja l-ammont, tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS); jenfasizza li l-kopertura ġeografika u settorjali trid tittejjeb b'mod sinifikanti biex l-objettivi stabbiliti f'dan ir-regolament jinkisbu; jenfasizza li l-FEIS għandu wkoll jattira finanzjament għal proġetti b'dimensjoni transfruntiera, ibbilanċjat madwar l-Unjoni; jenfasizza l-importanza ta' koordinazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni u ċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investiment;

12.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jħaffu u jimmassimizzaw l-użu tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FEIS) sabiex jisfruttaw il-motivaturi kollha tat-tkabbir intern, u jippromwovu konverġenza 'l fuq;

13.  Jinnota li sistema finanzjarja kredibbli u l-istituzzjonijiet tagħha huma kruċjali biex jiġu attirati l-investiment u t-tkabbir fl-ekonomija Ewropea; jenfasizza li s-sikurezza u l-istabbiltà fis-sistema finanzjarja attwali żdiedu meta mqabbla mal-livell ta' qabel il-kriżi; jinnota, madankollu, li ċerti sfidi urġenti għadhom ma ġewx indirizzati, bħall-istokk ta' self improduttiv akkumulat matul il-kriżi finanzjarja;

14.  Jenfasizza li Unjoni tas-Swieq Kapitali li tiffunzjona kompletament tista', fuq perjodu ta' żmien itwal, tipprovdi finanzjament alternattiv għall-SMEs, filwaqt li tikkomplementa dak tas-settur bankarju, u toħloq sorsi aktar diversifikati ta' finanzjament għall-ekonomija b'mod ġenerali; jistieden lill-Kummissjoni tħaffef il-ħidma tagħha fuq l-Unjoni tas-Swieq Kapitali biex tinħoloq allokazzjoni aktar effiċjenti tal-kapital madwar l-UE kollha, tittejjeb il-profondità tas-swieq kapitali tal-UE, tiżdied id-diversifikazzjoni għall-investituri, jiġi stimulat l-investiment fit-tul u jsir użu sħiħ mill-istrumenti finanzjarji innovattivi tal-UE mfassla biex jappoġġjaw l-aċċess tal-SMEs għas-swieq kapitali; jenfasizza li l-ikkompletar tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali m'għandux idgħajjef il-kisbiet li saru s'issa, iżda għandu jistinka biex ikun ta' benefiċċju aħħari għaċ-ċittadini Ewropej;

15.  Jenfasizza li hemm bżonn ta' żieda fil-finanzjament tal-investimenti; jitlob sistema finanzjarja li tiffunzjona tajjeb, fejn iż-żieda fl-istabbiltà u l-istituzzjonijiet transfruntiera eżistenti jistgħu jiffaċilitaw il-likwidità u l-ġenerazzjoni tas-suq, b'mod speċjali għall-SMEs; jinnota wkoll, f'dan ir-rigward, li kumpaniji b'rata għolja ta' tkabbir għandhom diffikultajiet bl-aċċess għall-finanzi; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika u timplimenta proġetti li jappoġġjaw u jattiraw investiment ibbażat fuq is-suq għal tali kumpaniji; jenfasizza li r-riformi li jirrigwardaw l-istruttura bankarja ma jridux ifixklu l-ġenerazzjoni ta' likwidità;

16.  Iħeġġeġ l-ikkompletar bir-reqqa u pass pass tal-Unjoni Bankarja u l-iżvilupp tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, bl-għan li tiżdied ir-reżiljenza fis-settur bankarju, billi jingħata kontribut għall-istabbiltà finanzjarja, jinħoloq ambjent stabbli għall-investiment u t-tkabbir, u tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq finanzjarju taż-żona tal-euro; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-prinċipju tar-responsabbiltà, u jissottolinja li l-periklu morali jrid jiġi evitat, b'mod partikolari sabiex jiġu protetti ċ-ċittadini; iħeġġeġ ir-rispett tar-regoli komuni eżistenti;

17.  Jenfasizza li l-investiment pubbliku u privat huwa kruċjali biex tkun tista' sseħħ it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari u b'livell baxx ta' karbonju; ifakkar fl-impenji tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari fil-Ftehim ta' Pariġi, biex jiġi ffinanzjat l-użu tat-teknoloġiji nodfa, it-tkabbir fl-iskala tal-enerġiji rinnovabbli u l-effiċjenza fl-enerġija, u t-tnaqqis ġenerali tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra;

18.  Jenfasizza li investiment affidabbli jeżiġi ambjent regolatorju stabbli li jippermetti redditu fuq l-investiment; iqis li regoli prevedibbli, amministrazzjonijiet pubbliċi effiċjenti u trasparenti, sistemi ġuridiċi effikaċi, kundizzjonijiet ekwi u tnaqqis fil-piż amministrattiv huma fatturi kruċjali biex jiġi attirat l-investiment; jenfasizza li 40 % tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi għall-2016 jindirizzaw ostakoli għall-investiment, li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jgħinu biex jitneħħew; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tieħu l-azzjoni meħtieġa abbażi tas-"Sejħa għal Evidenza: Qafas Regolatorju tal-UE għal servizzi finanzjarji", bl-għan li tnaqqas il-burokrazija żejda, tissimplifika r-regolamentazzjoni u ssaħħaħ l-ambjent finanzjarju;

19.  Jirrikonoxxi l-potenzjal mhux sfruttat għat-tkabbir tal-produttività u l-investiment li jista' jiġi sfruttat jekk ir-regoli tas-suq uniku jkunu infurzati bis-sħiħ, u jekk is-swieq tal-prodotti u s-servizzi jkunu integrati aħjar; ifakkar l-importanza tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż biex jindikaw l-oqsma ewlenin għal azzjonijiet fl-Istati Membri;

20.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-benefiċċji tal-kummerċ mhumiex dejjem rikonoxxuti fid-dibattitu pubbliku, u jenfasizza li l-kummerċ internazzjonali jista' jkun sors sinifikanti ta' impjiegi għall-Ewropej u kontribut kruċjali għat-tkabbir; itenni li aktar minn 30 miljun impjieg issa huma appoġġjati minn esportazzjonijiet mill-UE; jissottolinja li l-ftehimiet ta' kummerċ internazzjonali m'għandhomx idgħajfu l-istandards regolatorji, soċjali u ambjentali Ewropej, iżda pjuttost isaħħu l-istandards globali;

21.  Jinnota bi tħassib li s-sehem tal-UE tal-flussi tal-investiment dirett barrani globali naqas b'mod sinifikanti minn mindu bdiet il-kriżi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi biex itejbu l-ambjent tan-negozju għall-investimenti, fost oħrajn billi jimplimentaw u jinfurzaw bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni tas-Suq Uniku tal-UE; jaqbel li progress aktar mgħaġġel fl-adozzjoni tar-riformi strutturali sostenibbli, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, huwa bżonnjuż biex itejjeb il-kompetittività tal-UE, jippromwovi ambjent favorevoli għan-negozji (speċjalment l-SMEs) u l-investiment, u jikseb tkabbir u impjiegi, kif ukoll irawwem konverġenza 'l fuq bejn l-Istati Membri;

22.  Jinsisti fuq il-bżonn li jitħarsu l-kapaċitajiet ta' investiment fit-tul tal-istituzzjonijiet finanzjarji, il-profittabbiltà ta' tfaddil b'riskju baxx, u ta' prodotti tal-pensjoni fit-tul, sabiex ma tiġix ipperikolata s-sostenibbiltà tad-dispożizzjonijiet tat-tfaddil u tal-pensjonijiet taċ-ċittadini Ewropej;

23.  Jenfasizza li hemm bżonn li riformi strutturali sostenibbli jiġu kkumplimentati minn investiment fit-tul fl-edukazzjoni, ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-kapital uman, l-aktar fl-edukazzjoni u t-taħriġ maħsuba biex jipprovdu għarfien u ħiliet ġodda; jemmen li s-sħubiji bejn dawk li jfasslu l-politika, il-leġiżlaturi, ir-riċerkaturi, il-produtturi u l-innovaturi jistgħu jitqiesu wkoll bħala għodda biex jippromwovu l-investiment, jiksbu tkabbir intelliġenti u sostenibbli, u jikkumplimentaw programmi ta' investiment;

Riformi strutturali

24.  Jaqbel li r-riformi strutturali sostenibbli fis-swieq tal-prodotti u s-servizzi, kif ukoll fis-swieq tax-xogħol, tas-saħħa, tal-akkomodazzjoni u tal-pensjoni, għadhom prijorità fl-Istati Membri biex b'mod effiċjenti jiġi appoġġjat l-irkupru, jiġi indirizzat il-livell għoli ta' qgħad, tingħata spinta lill-kompetittività, lill-kompetizzjoni ġusta u lill-potenzjal ta' tkabbir, u biex titjieb l-effiċjenza tas-sistemi tar-riċerka u l-innovazzjoni, mingħajr ma jiddgħajfu d-drittijiet tal-ħaddiema, il-ħarsien tal-konsumatur jew l-istandards ambjentali;

25.  Iqis li swieq tax-xogħol li jaħdmu sew u li huma produttivi, flimkien ma' livell adegwat ta' protezzjoni soċjali u djalogu, urew li huma aktar veloċi biex jirkupraw mill-kriżi ekonomika; jistieden lill-Istati Membri jnaqqsu s-segmentazzjoni tas-swieq tax-xogħol, iżidu l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u jtejbu l-ħiliet, anke permezz ta' enfasi aktar qawwija fuq it-taħriġ u t-tagħlim matul il-ħajja biex jissaħħu l-impjegabbiltà u l-produttività; josserva li xi Stati Membri għad għandhom bżonn konsiderevoli ta' riforma sabiex jagħmlu s-swieq tax-xogħol tagħhom aktar reżiljenti u inklużivi;

26.  Jissottolinja l-importanza tat-tnedija jew it-tkomplija tal-implimentazzjoni tar-riformi strutturali koerenti u sostenibbli għall-istabbiltà fuq perjodu ta' żmien medju u twil; jenfasizza li l-UE u l-Istati Membri tagħha ma jistgħux jikkompetu fuq il-kriterju tal-kostijiet ġenerali jew lavorattivi biss, iżda għandhom bżonn jinvestu aktar fir-riċerka, l-innovazzjoni u l-iżvilupp, l-edukazzjoni u l-ħiliet, u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak Ewropew;

27.  Jinsab imħasseb dwar l-effetti tal-iżviluppi demografiċi fuq il-finanzi pubbliċi u t-tkabbir sostenibbli, ikkundizzjonati minn, fost oħrajn, rati baxxi tat-twelid, soċjetajiet li qed jixjieħu u emigrazzjoni; jirrimarka b'mod partikolari l-impatt ta' popolazzjonijiet li qed jixjieħu fuq is-sistemi tal-pensjonijiet u tal-kura tas-saħħa fl-UE; jinnota li, minħabba strutturi demografiċi differenti, l-effetti ta' dawn l-iżviluppi se jvarja bejn l-Istati Membri, imma jwissi li l-ispejjeż ta' finanzjament diġà prevedibbli se jkollhom impatt sinifikanti fuq il-finanzi pubbliċi;

28.  Ifakkar li fattur importanti għall-iżgurar tas-sostenibbiltà tas-sistemi tal-pensjonijiet huwa li tinkiseb u tinżamm rata għolja ta' impjiegi; jirrimarka wkoll, f'dan il-kuntest, l-importanza li jintużaw aħjar il-ħiliet tal-migranti sabiex ikun hemm adattament għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol;

29.  Jinnota li l-Istati Membri bħalissa jonfqu bejn 5-11 % tal-PDG rispettiv tagħhom fuq il-kura tas-saħħa, sehem li huwa mistenni li jiżdied b'mod konsiderevoli fid-deċennji li ġejjin minħabba t-tibdil demografiku; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiffoka l-isforzi fuq infiq kosteffettiv fuq kura tas-saħħa ta' kwalità għolja, u fuq l-aċċess universali għaliha, permezz tal-kooperazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki fil-livell tal-UE u billi tindirizza s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-kura tas-saħħa ta' kwalità f'rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika regolarment valutazzjonijiet tas-sostenibbiltà fiskali għal kull Stat Membru, filwaqt li tqis il-fatturi kollha speċifiċi għal kull pajjiż, bħal pereżempju l-iżviluppi demografiċi, u l-obbligi kontinġenti, l-obbligi impliċiti u obbligi oħra li ma jidhrux fil-baġit li jaffettwaw is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi; jirrakkomanda li dawn ir-rapporti jkunu parti mir-rapporti annwali tal-pajjiżi; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tiżviluppa indikatur biex tivvaluta l-effett tal-finanzi pubbliċi u tal-baġits annwali fuq il-ġenerazzjonijiet futuri, billi tqis ir-responsabbiltajiet futuri u l-obbligi baġitarji impliċiti; jaqbel li l-piż amministrattiv għal dawn il-valutazzjonijiet għandu jinżamm limitat;

31.  Jilqa' l-fatt li, fuq medja, il-qgħad fost iż-żgħażagħ qed jonqos, minkejja li għadu għoli ħafna; jinnota li għad hemm differenzi kbar fost l-Istati Membri li jitolbu riformi kontinwi biex jiffaċilitaw id-dħul taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol, sabiex b'hekk tiġi żgurata ġustizzja interġenerazzjonali; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u jitlob li jkun hemm finanzjament tal-UE kontinwu għal dan il-programm kruċjali; jaqbel mal-Kummissjoni li hemm bżonn ta' aktar azzjoni mill-Istati Membri biex jiġġieldu l-qgħad fost iż-żgħażagħ, b'mod partikolari billi jtejbu l-effettività tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ;

32.  Jenfasizza l-importanza tal-iżviluppi tal-pagi responsabbli u favur it-tkabbir, li jipprovdu standard tajjeb ta' għajxien, f'konformità mal-produttività, filwaqt li jittieħed kont tal-kompetittività, u l-importanza ta' djalogu soċjali effettiv għal ekonomija soċjali tas-suq li tiffunzjona tajjeb;

33.  Jaqbel li t-tassazzjoni għandha tappoġġja l-investimenti u l-ħolqien tal-impjiegi; jappella għal riformi fit-tassazzjoni maħsuba biex jindirizzaw il-piż għoli tat-taxxa fuq ix-xogħol fl-Ewropa, itejbu l-ġbir tat-taxxa, jiġġieldu l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa, u jagħmlu s-sistemi tat-taxxa aktar sempliċi, aktar ġusti u aktar effiċjenti; jenfasizza l-bżonn ta' koordinazzjoni aħjar tal-prattiki amministrattivi fil-qasam tat-tassazzjoni; jitlob li jkun hemm aktar trasparenza fost l-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni korporattiva;

Responsabbiltà fiskali u l-istruttura tal-finanzi pubbliċi

34.  Jinnota li l-Kummissjoni tqis li s-sostenibbiltà fiskali għadha prijorità, u li l-isfidi naqsu minn meta l-kriżi laħqet l-ogħla livell tagħha, u jistgħu ma jirrappreżentawx riskji maġġuri għaż-żona tal-euro kollha fi żmien qasir;

35.  Jinnota wkoll li l-Kummissjoni tqis li għad hemm sfidi, u li l-wirt li ntiret mill-kriżi, kif ukoll nuqqasijiet strutturali, għadhom hemm u jridu jiġu indirizzati sabiex jiġu evitati r-riskji fit-tul;

36.  Jenfasizza l-fatt li l-Istati Membri kollha huma obbligati jikkonformaw mal-SGP, b'rispett sħiħ tal-klawsoli ta' flessibbiltà eżistenti tiegħu; jirrimarka wkoll, f'dan ir-rigward, l-importanza tat-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza (TSKG), u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq valutazzjoni komprensiva tal-esperjenza tagħha fl-implimentazzjoni tat-Trattat, bħala bażi sabiex jittieħdu l-passi neċessarji f'konformità mat-TUE u t-TFUE, bl-għan li s-sustanza ta' dan it-Trattat tiġi inkorporata fil-qafas legali tal-UE;

37.  Jinnota li filwaqt li sitt Stati Membri għadhom taħt il-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv (EDP), hemm tnaqqis tal-livell tad-defiċit pubbliku medju, li huwa mistenni li baqa' taħt it-2 % fl-2016 u li jkompli jonqos fis-snin li ġejjin, u li żewġ Stati Membri biss huma mistennija li jibqgħu taħt l-EDP fl-2017; jinnota li, f'bosta każijiet, iż-żieda kbira fid-dejn fil-passat reċenti hija wkoll ir-riżultat ta' rikapitalizzazzjoni tal-banek u tkabbir baxx; jenfasizza li meta r-rati tal-imgħax jerġgħu jibdew jogħlew, jistgħu jiżdiedu diffikultajiet fit-titjib tal-finanzi pubbliċi;

38.  Jenfasizza r-rwol tal-Kummissjoni bħala l-gwardjan tat-trattati; jenfasizza l-ħtieġa għal evalwazzjoni oġġettiva u trasparenti tal-applikazzjoni u l-infurzar ta' leġiżlazzjoni miftiehma b'mod komuni;

39.  Jinsisti li m'għandu jkun hemm l-ebda trattament differenti bejn l-Istati Membri; jinnota li politika fiskali li tirrispetta u ssegwi l-liġi tal-Unjoni biss tista' twassal għal kredibbiltà u fiduċja bejn l-Istati Membri, u sservi bħala pedament għat-tlestija tal-UEM u għall-fiduċja tas-swieq finanzjarji;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill ikunu kemm jista' jkun speċifiċi meta jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet fiskali mill-aspett preventiv u korrettiv tal-SGP sabiex tiżdied it-trasparenza u l-infurzabbiltà tar-rakkomandazzjonijiet; jenfasizza l-bżonn li tiġi inkluża fir-rakkomandazzjonijiet, mill-aspett preventiv, kemm id-data fil-mira tal-objettiv ta' terminu medju speċifiku għall-pajjiż kif ukoll l-aġġustament fiskali meħtieġ biex jintlaħaq jew jinżamm;

41.  Iqis li l-iżbilanċi makroekonomiċi fl-Istati Membri għandhom jiġu indirizzati skont il-proċedura ta' Żbilanċ Makroekonomiku (MIP) permezz ta' sforzi li jinvolvi l-Istati Membri kollha u li jkunu bbażati fuq riformi u investimenti rilevanti; jenfasizza li kull Stat Membru jrid iwettaq ir-responsabbiltajiet individwali tiegħu f'dan il-kuntest; jinnota li l-eċċessi għolja fil-kontijiet kurrenti jimplikaw il-possibbiltà ta' domanda domestika akbar; jenfasizza li l-livelli għoljin ta' dejn pubbliku u privat jirrappreżentaw dgħufija sinifikanti u li jinħtieġu politiki fiskali responsabbli u tkabbir ogħla biex dawn jitnaqqsu aktar malajr;

42.  Jinnota li, filwaqt li l-finanzi pubbliċi tjiebu tul dawn l-aħħar snin, wara l-valutazzjoni tad-DBPs għall-2017, tmien Stati Membri huma meqjusa li jinsabu f'riskju ta' nuqqas ta' konformità; iqis li l-perkorsi ta' aġġustament fiskali maqbula jeħtieġ li jiġu rrispettati;

43.  Jilqa' t-tnaqqis medju tad-defiċit u tad-dejn pubbliku, imma jaqbel li l-kwadri aggregati jaħbu differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri; jenfasizza li l-kwadri aggregati għandhom dejjem jitqiesu flimkien mal-eżami tal-baġits individwali, u jissottolinja l-ħtieġa ta' politiki fiskali sodi b'antiċipazzjoni taż-żieda fir-rati tal-imgħax; iqis li jenħtieġ li tintlaħaq konverġenza 'l fuq, b'mod partikolari bejn l-Istati Membri taż-żona tal-euro;

Pożizzjoni fiskali għaż-żona tal-euro

44.  Jinnota li skont it-tbassir ekonomiku tal-ħarifa 2016 tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali fiż-żona tal-euro mxiet minn waħda restrittiva għal dik newtrali fl-2015 u hi mistennija li tkun moderatament espansjonarja matul il-perjodu previst ta' tbassir; jieħi nota, barra minn hekk, tal-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-fatt li t-twettiq sħiħ tar-rekwiżiti fiskali li hemm fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tal-Kunsill iwassal, f'livell aggregat, għal orjentament fiskali moderatament restrittiv għaż-żona tal-euro b'mod ġenerali fl-2017 u fl-2018, kif ukoll tas-sejħiet tal-Kummissjoni għal orjentament fiskali pożittiv u espansjonarju filwaqt li tirrikonoxxi r-restrizzjonijiet ekonomiċi u legali f'dan ir-rigward;

45.  Iqis il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-orjentament fiskali pożittiv bħala żvilupp importanti; jilqa' l-intenzjoni tal-komunikazzjoni li tikkontribwixxi biex itejjeb il-koordinament tal-politiki ekonomiċi fiż-żona tal-euro u biex tenfasizza l-opportunitajiet tal-istimulu fiskali fl-Istati Membri li jħallu spazju għal dan il-għan; jenfasizza li r-rekwiżiti fiskali huma bbażati fuq regoli fiskali maqbula b'mod komuni; ifakkar li l-Istati Membri huma obbligati jikkonformaw mal-SGP, indipendentement mir-rakkomandazzjonijiet aggregati; jinnota li hemm fehmiet diverġenti rigward il-potenzjal, u l-livell, ta' objettiv ta' orjentament fiskali aggregat; jilqa' l-ħidma li għaddejja tal-Bord Fiskali Ewropew indipendenti dwar din il-kwistjoni;

46.  Hu tal-fehma li t-titjib tal-istruttura tal-baġits pubbliċi hi waħda mil-lievi ewlenin biex tiżgura l-konformità mar-regoli fiskali tal-UE u biex tippermetti l-finanzjament ta' nfiq indispendabbli, il-bini ta' riżorsi għal ħtiġijiet imprevisti u l-investimenti li jsaħħu t-tkabbir u, fl-aħħar nett, il-finanzjament tal-infiq inqas essenzjali, kif ukoll biex tikkontribwixxi għal użu aktar effiċjenti u responsabbli tal-fondi pubbliċi; ifakkar li l-kompożizzjoni tal-baġits nazzjonali hija deċiża fil-livell nazzjonali, filwaqt li jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż;

47.  Jinnota li qed isir b'mod regolari dibattitu dwar l-allokazzjoni intelliġenti tal-infiq pubbliku u tal-prijoritajiet ta' politika relatati mal-baġit tal-UE, u li tali valutazzjoni kritika hija indispensabbli wkoll sabiex il-baġits nazzjonali jtejbu l-kwalità tal-baġits pubbliċi għal perjodu ta' żmien medju u twil u biex jevitaw it-tnaqqis baġitarju lineari;

48.  Jilqa' r-rieżami li għadu għaddej tal-infiq pubbliku, u jinkoraġġixxi l-Istati Membri jivvalutaw b'mod kritiku l-kwalità u l-kompożizzjoni tal-baġits tagħhom; jappoġġja l-isforzi maħsuba biex jitjiebu l-kwalità u l-effiċjenza tan-nefqa pubblika; inkluż billi l-infiq mhux produttiv jiġi orjentat lejn investiment li jsaħħaħ it-tkabbir;

49.  Jemmen li l-baġit tal-UE jista' jgħin biex itaffi l-pressjoni fuq il-baġits nazzjonali billi jserraħ fuq ir-riżorsi proprji minflok ma jiddependi b'mod estensiv fuq il-kontribuzzjonijiet nazzjonali;

50.  Jilqa' d-diskussjonijiet tematiċi li saru u l-istandards tal-aħjar prattiki adottati mill-Grupp tal-Euro, bħal dawk dwar ir-rieżami tal-infiq, matul iċ-Ċiklu tas-Semestru 2016; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Grupp tal-euro jaraw li dawn ikunu aktar effettivi u trasparenti;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jifformulaw rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż b'mod li l-progress jista' jitkejjel, partikolarment f'każijiet fejn ir-rakkomandazzjoni ta' politika b'mod repetut timmira l-istess qasam ta' politika u/jew fejn in-natura tar-riforma tirrikjedi implimentazzjoni lil hinn minn ċiklu wieħed tas-Semestru;

Koordinazzjoni tal-politiki nazzjonali u r-responsabbiltà demokratika

52.  Jenfasizza l-importanza li l-parlamenti nazzjonali jiddibattu r-rapporti tal-pajjiżi, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, il-programmi nazzjonali ta' riforma u l-programmi ta' stabbiltà u li jaġixxu fuqhom b'mod aktar attiv minn qabel;

53.  Jemmen li implimentazzjoni aħjar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż teħtieġ prijoritajiet artikolati b'mod ċar fil-livell Ewropew u dibattitu pubbliku ġenwin fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, li jwassal għal sjieda akbar; jistieden lill-Istati Membri jinvolvu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali b'mod strutturat, fid-dawl tal-impatt u l-isfidi li nħassu fl-Istati Membri anke fil-livell sottonazzjonali, sabiex itejbu l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż;

54.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tniedi negozjati dwar ftehim interistituzzjonali rigward il-governanza ekonomika; jinsisti li dan il-FII għandu jiżgura li, fi ħdan il-qafas tat-Trattati, l-istruttura tas-Semestru Ewropew tippermetti skrutinju parlamentari sinifikanti u regolari tal-proċess, b'mod partikolari fir-rigward tal-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir u tar-rakkomandazzjonijiet għaż-żona tal-euro;

Il-kontribuzzjonijiet settorjali għar-Rapport tas-SAT 2017

Il-Baġits

55.  Jikkunsidra li, jekk ikun hemm sinerġija akbar bejn l-istrumenti eżistenti u jekk tiġi introdotta rabta bejn il-baġits tal-Istati Membri, il-baġit tal-UE jista' jipprovdi valur miżjud għall-investiment u għar-riformi strutturali fl-Istati Membri; jemmen, għaldaqstant, li l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (SAT), bħala dokument ta' politika importanti li jistipula l-kontenut bażiku għall-programmi nazzjonali ta' riforma, rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u pjanijiet ta' implimentazzjoni, għandu jservi bħala linja gwida għall-Istati Membri u għat-tħejjija tal-baġits nazzjonali, bl-għan li jiġu introdotti soluzzjonijiet konġunti li jkunu viżibbli fil-baġits nazzjonali u marbuta mal-baġit tal-UE;

56.  Ifakkar li t-titjib tas-sistemi għall-ġbir tal-VAT u d-dazji doganali għandu jkun fost l-ogħla prijorità għall-Istati Membri kollha; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni biex tiġi stabbilita lista sewda tal-UE tar-rifuġji fiskali, li għandha tkun infurzata permezz ta' sanzjonijiet kriminali sabiex jiġu indirizzati l-kumpaniji multinazzjonali li jevadu t-taxxi;

L-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

57.  Jenfasizza li użu mtejjeb u aktar effiċjenti tar-riżorsi, li jnaqqas id-dipendenza enerġetika fuq sorsi barranin u jintroduċi produzzjoni sostenibbli, abbażi ta' rekwiżiti ta' disinn aħjar għall-prodotti u xejriet tal-konsum aktar sostenibbli, jimplika l-promozzjoni tal-intraprenditorija u l-ħolqien tal-impjiegi, l-implimentazzjoni ta' miri internazzjonali u tal-objettivi ambjentali tal-Unjoni kif ukoll id-diversifikazzjoni tas-sorsi ta' dħul, f'kuntest ta' responsabbiltà fiskali u kompetittività ekonomika; iqis li s-Semestru Ewropew għandu jinkorpora wkoll rappurtar dwar l-effiċjenza tal-enerġija u l-interkonnettività enerġetika abbażi ta' miri stabbiliti fil-livell tal-UE;

o
o   o

58.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-parlamenti nazzjonali u lill-Bank Ċentrali Ewropew.

(1) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 12.
(2) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 41.
(3) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 8.
(4) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 33.
(5) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.
(6) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 1.
(7) ĠU L 140, 27.5.2013, p. 11.
(8) ĠU L 140, 27.5.2013, p. 1.
(9) ĠU C 407, 4.11.2016, p. 86.

Avviż legali