Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2247(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0019/2017

Testi mressqa :

A8-0019/2017

Dibattiti :

PV 14/02/2017 - 19
CRE 14/02/2017 - 19

Votazzjonijiet :

PV 15/02/2017 - 7.14

Testi adottati :

P8_TA(2017)0041

Testi adottati
PDF 447kWORD 68k
L-Erbgħa, 15 ta' Frar 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
L-Unjoni Bankarja - Rapport Annwali 2016
P8_TA(2017)0041A8-0019/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Frar 2017 dwar l-Unjoni Bankarja – Rapport Annwali 2016 (2016/2247(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni dwar Unjoni tas-Swieq Kapitali tat-30 ta' Settembru 2015 (COM(2015)0468),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 dwar "Analiżi u sfidi tar-Regolament tal-UE dwar is-Servizzi Finanzjarji: l-impatt u t-triq 'il quddiem lejn qafas tal-UE aktar effiċjenti u effikaċi għal Regolamentazzjoni Finanzjarja u Unjoni tas-Swieq Kapitali"(1),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Summit taż-Żona tal-Euro tad-29 ta' Ġunju 2012, li fiha l-parteċipanti saħqu l-intenzjoni tagħhom "li (j)kissru ċ-ċirku vizzjuż bejn il-banek u l-gvernijiet"(2),

–  wara li kkunsidra l-ewwel EU Shadow Banking Monitor (eżerċizzju ta' monitoraġġ tal-ibbankjar parallel fl-UE) tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku ta' Lulju 2016,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-2016 tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) dwar l-Istabbiltà Finanzjarja fid-Dinja,

–  wara li kkunsidra r-riżultati tat-testijiet tal-istress imwettqa mill-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) u ppubblikati fid-29 ta' Lulju 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżultati tal-eżerċizzju ta' monitoraġġ dwar is-CRD IV – CRR / Basel III tal-ABE, ibbażat fuq id-data ta' Diċembru 2015, ippubblikati f'Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill ECOFIN tas-17 ta' Ġunju 2016 dwar pjan direzzjonali biex titlesta l-Unjoni Bankarja,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Novembru 2015 bit-titolu "Lejn it-tlestija tal-Unjoni Bankarja" (COM(2015)0587),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu(3) (ir-Regolament dwar il-MSU),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma' awtoritajiet nazzjonali nominati(4) (ir-Regolament Qafas dwar il-MSU),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-MSU dwar il-prijoritajiet superviżorji tiegħu għall-2016,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-BĊE, ippubblikat f'Marzu 2016, dwar l-attivitajiet superviżorji 2015(5),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 29/2016 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku(6);

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-ABE ta' Lulju 2016 dwar id-dinamiċi u l-motivaturi ta' skoperturi improduttivi fis-settur bankarju tal-UE,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku dwar it-trattament regolatorju ta' skoperturi sovrani ta' Marzu 2015,

–  wara li kkunsidra l-approvazzjoni mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE fl-4 ta' Ottubru 2016 dwar il-prinċipji li jżidu t-trasparenza fl-iżvilupp tar-regolamenti tal-BĊE dwar l-istatistika Ewropea u filwaqt li jitqiesu l-prattiki ta' trasparenza tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni,

–  wara li kkunsidra l-konsultazzjoni li saret mill-BĊE dwar l-abbozz tagħha ta' gwida għall-banek ta' Settembru 2016 dwar is-self improduttiv,

–  wara li kkunsidra l-gwida tal-BĊE dwar l-opzjonijiet u d-diskrezzjonijiet disponibbli fil-liġi tal-Unjoni,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/445 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-14 ta' Marzu 2016 dwar il-mod kif jiġu eżerċitati l-opzjonijiet u d-diskrezzjonijiet disponibbli fil-liġi tal-Unjoni(7),

–  wara li kkunsidra d-diskussjonijiet li għaddejjin fil-Kumitat ta' Basel u b'mod partikolari d-dokument konsultattiv ta' Marzu 2016 bit-titolu "Reducing variation in credit risk-weighted assets – constraints on the use of internal model approaches" (It-tnaqqis tal-varjazzjoni fl-assi mwieżna għar-riskju tal-kreditu – restrizzjonijiet fuq l-użu ta' mudelli interni),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-ABE tat-3 ta' Awwissu 2016 dwar ir-rekwiżiti tal-Proporzjon ta' Ingranaġġ skont l-Artikolu 511 tar-Regolament dwar ir-Rekwiżiti Kapitali (CRR) (EBA-Op-2016-13),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill ECOFIN tat-12 ta' Lulju 2016 dwar il-finalizzazzjoni tar-riformi ta' Basel wara l-kriżi,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar ir-rwol tal-UE fil-qafas tal-istituzzjonijiet u l-korpi internazzjonali finanzjarji, monetarji u regolatorji(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Novembru 2016 dwar il-finalizzazzjoni ta' Basel III(9),

–  wara li kkunsidra l-ħidma li għaddejja mill-Kummissjoni dwar ir-rieżami tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012(10) (CRR), b'mod partikolari fir-rigward tar-rieżami tal-Pilastru 2 u t-trattament tal-opzjonijiet u d-diskrezzjonijiet fil-livell nazzjonali,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(11) (BRRD),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta' Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010(12) (ir-Regolament dwar l-SRM),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali 2015 tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni (SRB) ta' Lulju 2016,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni, mill-1 ta' Awwissu 2013, tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat għall-appoġġ ta' miżuri favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja (il-Komunikazzjoni Bankarja)(13),

–  wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1450 tat-23 ta' Mejju 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji li għandhom x'jaqsmu ma' metodoloġija għall-iffissar tar-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli(14),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni tat-28 ta' Lulju 2016 dwar valutazzjoni tar-regoli ta' remunerazzjoni skont id-Direttiva 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 575/2013 (COM(2016)0510,

–  wara li kkunsidra d-dokument dwar il-kundizzjonijiet (term sheet) tal-kapaċità totali ta' assorbiment tat-telf maħruġ mill-Bord għall-Istabilità Finanzjarja (FSB) f'Novembru 2015,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali (BĦI) Nru 558 ta' April 2016 dwar "Why bank capital matters for monetary policy" (Għaliex il-kapital bankarju huwa importanti għall-politika monetarja),

–  wara li kkunsidra r-rapport interim tal-ABE tad-19 ta' Lulju 2016 dwar l-implimentazzjoni u t-tfassil tal-qafas MREL,

–  wara li kkunsidra r-rapport analitiku supplimentari tal-Kummissjoni ta' Ottubru 2016 dwar l-effetti tal-proposta għal Skema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti (EDIS),

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-ABE tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar l-implimentazzjoni u t-tfassil tal-qafas MREL,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim dwar it-trasferiment u l-mutwalizzazzjoni tal-kontribuzzjonijiet għall-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni, u b'mod partikolari l-Artikolu 16 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Qbil tat-22 ta' Diċembru 2015 bejn il-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward tal-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar skemi ta' garanzija tad-depożiti(15) (id-DGSD),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-24 ta' Novembru 2015 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 806/2014 sabiex tiġi stabbilita Skema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti (COM(2015)0586),

–  wara li kkunsidra d-diversi linji gwida tal-ABE maħruġa fil-qafas tad-Direttiva dwar Skemi ta' Garanzija tad-Depożiti, b'mod partikolari r-rapporti finali dwar il-linji gwida fir-rigward ta' ftehimiet ta' kooperazzjoni bejn l-iskemi ta' garanzija tad-depożiti ta' Frar 2016 u dwar il-linji gwida fir-rigward tat-testijiet tal-istress tal-iskemi ta' garanzija tad-depożiti ta' Mejju 2016,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro u l-Ministri tal-ECOFIN tat-18 ta' Diċembru 2013 dwar il-garanzija ta' kontinġenza tal-SRM,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Diċembru 2015 dwar l-Unjoni Bankarja u l-arranġamenti ta' finanzjament tranżitorju għall-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti Nazzjonali fl-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0019/2017),

A.  billi t-twaqqif tal-Unjoni Bankarja (UB) huwa komponent indispensabbli ta' unjoni monetarja u sies fundamentali fil-bini ta' Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) ġenwina; billi huma meħtieġa aktar sforzi peress li l-Unjoni Bankarja tibqa' mhux kompluta sakemm din ma jkollhiex garanzija ta' kontinġenza fiskali u tielet pilastru, billi dan huwa approċċ Ewropew għall-assigurazzjoni/riassigurazzjoni tad-depożiti, li bħalissa qed jiġi diskuss fil-livell tal-kumitat; billi Unjoni Bankarja kompluta se tkun kontribut importanti biex jitkisser in-nexus tar-riskju sovran;

B.  billi l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jista' f'okkażjonijiet speċifiċi jsofri minn kunflitt ta' interess minħabba r-responsabbiltà doppja tiegħu kemm bħala awtorità politika monetarja kif ukoll bħala superviżur bankarju;

C.  billi l-proporzjonijiet kapitali u tal-likwidità tal-banek fl-UE b'mod ġenerali tjiebu b'mod kostanti f'dawn l-aħħar snin; billi, madankollu, għad hemm riskji għall-istabbiltà finanzjarja; billi s-sitwazzjoni attwali titlob kawtela fl-introduzzjoni ta' bidliet regolatorji estensivi, b'mod partikolari fir-rigward tal-ambjent finanzjarju tal-ekonomija reali;

D.  billi tindif xieraq tal-karti bilanċjali tal-bank wara l-kriżi ġie mdewwem, u dan ikompli jxekkel it-tkabbir ekonomiku;

E.  billi mhuwiex ir-rwol tal-istituzzjonijiet Ewropej li jiżguraw il-profittabbiltà tas-settur bankarju;

F.  billi l-għan tar-reġim ta' riżoluzzjoni l-ġdid li daħal fis-seħħ f'Jannar 2016 huwa sabiex ikun hemm bidla paradigmatika minn salvataġġ finanzjarju għal rikapitalizzazzjoni interna; billi l-parteċipanti fis-suq għad jeħtiġilhom jadattaw ruħhom għas-sistema l-ġdida;

G.  billi l-parteċipazzjoni fl-Unjoni Bankarja hija miftuħa għall-Istati Membri li għadhom ma adottawx l-euro;

H.  billi l-Istati Membri kollha li adottaw l-euro jiffurmaw l-Unjoni Bankarja; billi l-euro hija l-munita tal-Unjoni Ewropea; billi l-Istati Membri kollha, bl-eċċezzjoni ta' dawk li għandhom deroga, ħadu l-impenn li jissieħbu fl-euro u għalhekk li jissieħbu fl-Unjoni Bankarja;

I.  billi t-trasparenza u r-responsabbiltà tal-Kummissjoni fil-konfront tal-Parlament Ewropew huma prinċipji ewlenin; billi dan jimplika segwitu xieraq tar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament mill-Kummissjoni u valutazzjoni u monitoraġġ xieraq ta' dan is-segwitu mill-Parlament;

J.  billi x-xogħol tagħna fuq l-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU) ma għandux inaqqas il-pressjoni għat-tlestija tax-xogħol tagħna fuq l-Unjoni Bankarja, li tibqa' prerekwiżit għall-istabbiltà finanzjarja fil-pajsaġġ dipendenti fuq il-banek tal-Unjoni Ewropea;

K.  Billi data riċenti turi li l-valur stmat ta' kull self improduttiv fiż-żona tal-euro huwa ta' EUR 1 132 biljun(16);

Is-superviżjoni

1.  Jinsab imħasseb dwar il-livell għoli ta' self improduttiv, billi, skont id-data tal-BĊE, sa April 2016 il-banek fiż-żona tal-euro kellhom EUR 1 014 biljun f'self ta' dan it-tip; iqis li t-tnaqqis ta' dan il-livell huwa kruċjali; jilqa' l-isforzi li diġà qed isiru biex jitnaqqas il-livell ta' self improduttiv f'xi Stati Membri; jinnota, madankollu, li sa issa, il-kwistjoni kienet l-aktar indirizzata fil-livell nazzjonali; iqis li hemm bżonn li l-problema tiġi solvuta mill-aktar fis possibbli, iżda jirrikonoxxi li soluzzjoni definittiva se tieħu ż-żmien; iqis li kwalunkwe soluzzjoni ssuġġerita għandha tqis is-sors ta' self improduttiv, l-impatt fuq il-kapaċità tas-self tal-banek lill-ekonomija reali, u l-bżonn għall-iżvilupp ta' suq primarju u sekondarju ta' self improduttiv, possibbilment fil-forma ta' titolizzazzjoni sigura u trasparenti, li tinvolvi kemm il-livell tal-Unjoni kif ukoll dak nazzjonali; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tassisti lill-Istati Membri, fost affarijiet oħra, fl-istabbiliment ta' kumpaniji speċifiċi ddedikati għall-ġestjoni tal-assi (jew "banek ħżiena") u superviżjoni msaħħa; itenni f'dan il-kuntest, l-importanza tal-kapaċità li jbiegħu self improduttiv sabiex jiġi lliberat il-kapital, li huwa partikolarment importanti għas-self bankarju lill-SMEs; jilqa' b'sodisfazzjon il-konsultazzjoni tal-BĊE dwar abbozz ta' gwida lill-banek fuq self improduttiv bħala l-ewwel pass, iżda jemmen li jrid isir aktar progress sostanzjali; jinnota l-proposta tal-Kummissjoni dwar l-insolvenza u r-ristrutturar, inkluż ir-ristrutturar kmieni u t-tieni opportunità, fil-qafas tas-CMU; jistieden lill-Istati Membri, sakemm tiġi adottata u sabiex tiġi kkomplementata, biex ittejjeb il-leġiżlazzjoni rilevanti tagħhom, speċjalment fir-rigward tat-tul tal-proċeduri ta' rkupru, il-funzjonament tas-sistemi ġudizzjarji, u b'mod iktar ġenerali, il-qafas legali tagħhom rigward ir-ristrutturar ta' dejn, u biex jiġu implimentati riformi strutturali sostenibbli mmirati lejn l-irkupru ekonomiku sabiex jiġi indirizzat is-self improduttiv; jinnota li, skont il-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali, xi banek fiż-żona euro dgħajfu l-bażijiet kapitali tagħhom, billi jħallsu dividendi sostanzjali li xi drabi jaqbeż il-livell ta' qligħ imfaddal, matul is-snin tal-kriżi; iqis li l-pożizzjoni kapitali tal-banek tista' tissaħħaħ billi jitnaqqsu l-ħlasijiet ta' dividendi u tiżdied l-ekwità l-ġdida;

2.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha li għadhom ma adottawx l-euro biex jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jagħmlu dan, jew jissieħbu mal-UB, sabiex b'mod progressiv jallinjaw l-UB mas-suq intern kollu;

3.  Jinsab imħasseb dwar l-instabbiltà persistenti tal-pajsaġġ bankarju fl-Ewropa, kif enfasizzat inter alia fir-Rapport dwar l-Istabbiltà Finanzjarja fid-Dinja tal-FMI tal-2016 li jiddikjara li l-Ewropa anki taħt irkupru ċikliku, xorta jkollha proporzjon għoli ta' banek dgħajfa u bi sfidi; jinnota l-profittabbiltà baxxa ta' numru ta' istituzzjonijiet fiż-żona tal-euro; jirrimarka li spjegazzjonijiet għal din is-sitwazzjoni jinkludu, fost l-oħrajn, l-istokk ta' self improduttiv, l-ambjent ta' rata ta' imgħax, u kwistjonijiet possibbli min-naħa tad-domanda; jappoġġa s-sejħa li saret mill-FMI għal bidliet fundamentali kemm fil-mudelli kummerċjali tal-bank u anki fl-istruttura tas-sistema biex tiġi żgurata sistema bankarja Ewropea b'saħħitha;

4.  Iqis li hemm riskji assoċjati mad-dejn sovran; jinnota wkoll li f'ċerti Stati Membri, l-istituzzjonijiet finanzjarji investew wisq f'bonds maħruġa mill-Gvern tagħhom stess, li jwasslu għal żieda eċċessiva f'"home bias", filwaqt li wieħed mill-objettivi prinċipali tal-UB huwa li titkisser in-nexus tar-riskju sovran tal-bank; jinnota li trattament prudenzjali xieraq tad-dejn sovran jista' joħloq inċentivi għall-banek biex jimmaniġġaw aħjar l-iskoperturi sovrani tagħhom; jinnota, madankollu, li l-bonds tal-gvern għandhom rwol essenzjali bħala sors ta' kollateral likwidu ta' kwalità għolja, u fit-twettiq tal-politika monetarja, u li l-modifika tat-trattament prudenzjali tagħhom, speċjalment jekk ma huwiex previst approċċ ta' introduzzjoni gradwali, jista' jkollha effett sinifikanti kemm fuq is-settur finanzjarju kif ukoll fuq is-settur pubbliku, u li dan jeħtieġ li jiġu kkunsidrati b'attenzjoni l-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta' reviżjoni tal-qafas attwali qabel ma ssir kwalunkwe proposta; jinnota d-diversi għażliet ta' politika stipulati fir-rapport tal-Grupp ta' Ħidma ta' Livell Għoli dwar it-trattament prudenzjali ta' skoperturi sovrani diskussi fil-laqgħa informali tal-ECOFIN tat-22 ta' April 2016; iqis li l-qafas regolatorju tal-UE jenħtieġ li jkun konsistenti mal-istandard internazzjonali; jistenna, għaldaqstant b'interess kbir ir-riżultati tal-ħidma tal-FSB dwar id-dejn sovran sabiex jiggwida d-deċiżjonijiet futuri; iqis li l-qafas Ewropew jenħtieġ li jippermetti d-dixxiplina fis-suq sabiex jitwasslu politiki sostenibbli u jiġu pprovduti assi likwidi u ta' kwalità għolja għas-settur finanzjarju u obbligazzjonijiet siguri għall-gvernijiet; jenfasizza li, b'mod parallel mar-riflessjonijiet fuq id-dejn sovran, għandha sseħħ riflessjoni fuq il-konverġenza fuq firxa usa' ta' kwistjonijiet ekonomiċi, dwar regoli tal-għajnuna mill-Istat u fuq riskji bħall-kondotta ħażina, inkluża l-kriminalità finanzjarja;

5.  Iqis li huwa essenzjali għad-depożitanti, investituri u superviżuri biex jindirizzaw il-varjabbiltà eċċessiva fil-piżijiet ta' riskju applikati għal assi mwieżna għar-riskju tal-istess klassi fl-istituzzjonijiet; ifakkar li r-regoli attwali li jirregolaw l-użu tal-mudelli interni jipprovdu livell sinifikanti ta' flessibbiltà għall-banek u jżidu saff ta' riskju ta' mmudellar mill-perspettiva superviżorja; jilqa' f'dan ir-rigward il-ħidma mwettqa mill-ABE biex jiġu armonizzati preżunzjonijiet u parametri ewlenin, li d-diverġenza tagħhom ġiet identifikata bħala wieħed mill-muturi ewlenin tal-varjabilità, kif ukoll il-ħidma li saret fis-superviżjoni bankarja tal-BĊE fi ħdan ir-Reviżjoni Immirata ta' Mudelli Interni (TRIM) tal-BĊE, sabiex tiġi vvalutata u kkonfermata l-adegwatezza u x-xerqien ta' mudelli interni; jinkoraġġixxi aktar progress fuq dawn il-linji ta' ħidma; jistenna l-eżitu tal-ħidma li saret fil-livell internazzjonali sabiex jiġi standardizzat l-użu ta' mudelli interni f'każ ta' riskju operattiv u self lill-korporattivi, istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn, banek speċjalizzati tal-finanzi u l-ekwitajiet, sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid il-kredibbiltà ta' mudelli interni u li jiżguraw li dawn jiffukaw fuq l-oqsma fejn huma jagħtu valur miżjud; jilqa' wkoll l-introduzzjoni ta' proporzjon ta' ingranaġġ biex taġixxi bħala garanzija b'saħħitha, b'mod partikolari għal istituzzjonijiet globali sistemikament importanti (G-SIIs); jenfasizza l-bżonn ta' approċċ standard aktar sensittiv għar-riskji sabiex jiġi żgurat il-prinċipju tar-rispett tal-"istess riskji, l-istess regoli"; jistieden lis-superviżuri finanzjarji biex jippermettu mudelli interni ġodda fil-każ biss jekk dawn ma jwasslux għal piżijiet tar-riskju sinifikatament aktar baxxi mhux ġustifikati; itenni l-konklużjonijiet tar-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Novembru 2016 dwar il-finalizzazzjoni ta' Basel III; madankollu jfakkar li l-bidliet regolatorji ppjanati m'għandhomx jirriżultaw f'żidiet ġenerali fir-rekwiżiti kapitali, jew jippreġudikaw il-kapaċità tal-banek li jiffinanzjaw l-ekonomija reali, b'mod partikolari l-SMEs; jenfasizza li l-ħidma internazzjonali għandha tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità; ifakkar fl-importanza li ma jiġix ippenalizzat b'mod mhux xieraq il-mudell bankarju tal-UE u li tiġi evitata diskriminazzjoni bejn produtturi tal-UE u l-banek internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li jiġu kkunsidrati l-ispeċifitajiet Ewropej meta jkunu qed jiġu żviluppati standards internazzjonali ġodda f'dan il-qasam, u biex jiġi debitament ikkunsidrat il-prinċipju tal-proporzjonalità u l-eżistenza ta' mudelli bankarji differenti meta jiġi vvalutat l-impatt ta' leġiżlazzjoni futura li timplimenta standards miftiehma internazzjonalment;

6.  Jenfasizza li aċċess affidabbli għall-finanzi u l-allokazzjoni tajba tal-kapital fil-mudell ta' finanzjament ibbażat fuq il-banek tal-Ewropa jiddependi ħafna fuq karti bilanċjali robusti u kapitalizzazzjoni xierqa, li r-restawr tagħhom wara l-kriżi finanzjarja ma ġiex u mhuwiex assigurat b'mod uniformi madwar l-Unjoni, u b'hekk ixekkel it-tkabbir ekonomiku;

7.  Jenfasizza li s-settur bankarju Ewropew għandu rwol ewlieni fil-finanzjament tal-ekonomija Ewropea u li dan huwa appoġġjat minn sistema ta' superviżjoni b'saħħitha; jilqa' għalhekk l-intenzjoni tal-Kummissjoni li żżomm il-Fattur ta' Sostenn lill-SMEs fir-reviżjoni li jmiss tas-CRD/CRR u li testendih lil hinn mil-livell limitu attwali tiegħu;

8.  Jirrimarka li l-gwida pprovduta minn fora internazzjonali għandha tiġi segwita kemm jista' jkun sabiex jiġi evitat ir-riskju ta' frammentazzjoni regolatorja fejn jidħlu r-regolamentazzjoni u s-superviżjoni ta' banek kbar u attivi f'livell internazzjonali, mingħajr ma dan jipprevjeni approċċ kritiku meta jkun meħtieġ jew jipprekludu devjazzjonijiet mmirati minn standards internazzjonali meta u fejn il-karatteristiċi tas-sistema Ewropea mhumiex ikkunsidrati biżżejjed; ifakkar fil-konklużjonijiet tar-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar ir-rwol tal-UE fil-qafas tal-istituzzjonijiet u l-korpi internazzjonali finanzjarji, monetarji u regolatorji; jenfasizza, b'mod partikolari, l-importanza tar-rwol tal-Kummissjoni, il-BĊE u l-ABE f'termini ta' involviment fil-ħidma tal-BCBS u għoti lill-Parlament u lill-Kunsill b'aġġornamenti trasparenti u komprensivi dwar l-istat attwali tad-diskussjonijiet tal-BCBS; iqis li l-UE jenħtieġ li taħdem biex ikollha rappreżentazzjoni xierqa fil-BCBS, b'mod partikolari għaż-żona tal-euro; jitlob li jkun hemm iktar viżibilità ta' dan ir-rwol matul il-laqgħat tal-ECOFIN, kif ukoll responsabbiltà msaħħa lill-Kumitat tal-Parlament għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji; jenfasizza li l-BCBS u fora oħra għandhom jgħinu jippromwovu kundizzjonijiet ekwi fil-livell globali billi jtaffu – aktar milli jkabbru – id-differenzi bejn il-ġurisdizzjonijiet;

9.  Jindika r-riskji, inklużi r-riskji sistemiċi ta' settur bankarju parallel li qed jikber malajr kif muri fl-EU Shadow Banking Monitor (eżerċizzju ta' monitoraġġ tal-ibbankjar parallel fl-UE) tal-2016; jinsisti li kwalunkwe azzjoni dwar ir-regolamentazzjoni tas-settur bankarju trid tiġi akkumpanjata minn regolamentazzjoni xierqa tas-settur bankarju parallel; jitlob, għalhekk, azzjoni kkoordinata sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta u stabbiltà finanzjarja;

10.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' stampa komprensiva tal-impatt kumulattiv tal-bidliet differenti fl-ambjent regolatorju, kemm jekk jikkonċernaw is-superviżjoni, l-assorbiment tat-telf, ir-riżoluzzjoni kif ukoll l-istandards kontabilistiċi;

11.  Jenfasizza li l-opzjonijiet u d-diskrezzjonijiet nazzjonali jistgħu jxekklu l-ħolqien ta' kundizzjonijiet ekwi bejn l-Istati Membri u l-komparabbiltà tar-rapportaġġ finanzjarju mill-banek lill-pubbliku; jilqa' b'sodisfazzjon l-opportunità offruta mill-emenda ġdida li ġiet proposta lis-CRR sabiex jagħlaq jew jirrestrinġi l-użu ta' xi wħud minnhom fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġu indirizzati ostakli eżistenti u s-segmentazzjoni, u biex iżżomm dawk biss li huma strettament neċessarji minħabba d-diversità tal-mudelli bankarji; iħeġġeġ li din l-opportunità tiġi sfruttata bis-sħiħ; jilqa' b'sodisfazzjon il-gwida u r-regolament tal-BĊE li jarmonizzaw l-eżerċizzju ta' xi opzjonijiet nazzjonali u diskrezzjonijiet fi ħdan il-UB; ifakkar, madankollu, li meta jkun qed jaħdem fuq it-tnaqqis tal-opzjonijiet u d-diskrezzjonijiet, il-BĊE għandu jibqa' fi ħdan il-limiti tal-mandat tiegħu; jenfasizza li l-ħidma lejn l-approfondiment tal-ġabra unika tar-regoli hija kruċjali u jenfasizza l-ħtieġa li jiġi integrat it-trikkib u rbit flimkien attwali ta' leġiżlazzjoni eżistenti, emendata u ġdida; jistieden lill-BĊE biex jippubblika b'mod sħiħ il-Manwal ta' Superviżjoni li jistabbilixxi l-proċessi, il-proċeduri u l-metodi komuni għat-twettiq ta' proċess ta' rieżami superviżorju fiż-żona tal-euro kollha;

12.  Jenfasizza li kien hemm fenomenu tat-tagħlim naturali għall-membri kollha tal-Bord Superviżorju sa mill-ħolqien tal-MSU li jittratta varjetà ta' mudelli ta' negozju differenti u entitajiet ta' daqsijiet differenti, u li dan jeħtieġ li jiġu appoġġjati u aċċelerati;

13.  Jinnota l-kjarifiki fir-rigward tal-objettivi tal-Pilastru 2 u postu fil-ġerarkija tar-rekwiżiti kapitali proposti fl-emendi għad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital (CRD); jinnota li l-użu tal-gwida dwar il-kapital jingħad li jsib bilanċ bejn it-tħassib dwar l-istabbiltà finanzjarja u l-bżonn li jitħalla lok għal ġudizzju superviżorju u analiżi ta' każ b'każ; iħeġġeġ lill-BĊE biex jiċċara l-kriterji li jenfasizzaw il-gwida tal-Pilastru 2; ifakkar li din il-gwida ma tillimitax l-Ammont Massimu Distribwibbli (AMD), u għalhekk jenħtieġ li ma tiġix divulgata; jemmen li l-użu ta' gwida dwar il-kapital m'għandux jirriżulta fi tnaqqis li jista' jintwera tar-rekwiżiti tal-Pilastru 2; iqis li hija meħtieġa aktar konverġenza superviżorja għall-kompożizzjoni tal-fondi proprji biex jiġu koperti r-rekwiżiti u l-gwida tal-Pilastru 2; huwa sodisfatt, għalhekk, li din il-kwistjoni hija indirizzata fl-emenda proposta għas-CRD;

14.  Jenfasizza r-riskji li jirriżultaw mill-parteċipazzjoni f'assi tal-livell 3 inklużi d-derivattivi, u b'mod partikolari mid-diffikultà tal-valutazzjoni tagħhom; jinnota li dawn ir-riskji għandhom jiġu mnaqqsa u li dan jeżiġi tnaqqis progressiv ta' dawn l-assi; jistieden lill-MSU biex jagħmel din il-kwistjoni waħda mill-prijoritajiet superviżorji tiegħu u biex jorganizza fuqha, flimkien mal-ABE, test tal-istress kwantitattiv;

15.  Itenni l-bżonn li tiġi żgurata trasparenza ogħla fuq is-sett sħiħ ta' prattiki superviżorji, b'mod partikolari fiċ-ċiklu SREP; jitlob lil-BĊE biex jippubblika indikaturi u metriċi tal-prestazzjoni sabiex tintwera l-effettività superviżorja u titjieb ir-responsabbiltà esterna tiegħu; itenni t-talba tiegħu għal aktar trasparenza fir-rigward tad-deċiżjonijiet u l-ġustifikazzjonijiet tal-Pilastru 2; jistieden lill-BĊE biex jippubblika Standards Superviżorji Konġunti;

16.  Jinnota r-riskji li jirriżultaw mill-istituzzjonijiet finanzjarji li huma "kbar wisq biex ifallu", interkonnessi wisq biex ifallu u kumplessi wisq biex jiġu riżolti; jinnota li ġie maqbul sett ta' miżuri ta' politika mfassla fil-livell internazzjonali biex jiġu indirizzati dawn ir-riskji (b'mod partikolari t-TLAC, ikklirjar ċentrali tad-derivattivi, u żieda fil-proporzjon tal-kapital u tal-ingranaġġ għal banek globalment sistemiċi); huwa impenjat li jaħdem malajr fuq il-proposti leġiżlattivi korrispendenti għall-implimentazzjoni tagħhom fl-Unjoni, u b'hekk jitnaqqsu aktar ir-riskji li jirriżultaw mill-kwistjoni "kbar wisq biex ifallu"; ifakkar fil-kliem ta' Mark Carney, President tal-FSB, li l-ftehim dwar il-proposti għal standard internazzjonali komuni dwar il-kapaċità tal-assorbiment tat-telf totali għall-G-SIBs huwa kruċjali sabiex jintemmu l-banek li huma kbar wisq biex ifallu; jinnota wkoll li mekkaniżmu ta' rikapitalizzazzjoni interna effettiv u l-applikazzjoni ta' livell xieraq ta' MREL huma parti importanti mill-miżuri regolatorji biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni u biex jippermettu li l-banek globalment sistemiċi jiġu riżolti mingħajr użu ta' sussidju pubbliku u mingħajr tfixkil għas-sistema finanzjarja usa';

17.  Jenfasizza l-limitazzjonijiet tal-metodoloġija tat-test tal-istress attwali; jilqa', għalhekk, l-isforzi tal-ABE u tal-BĊE biex jiġi segwit it-titjib fil-qafas tal-ittestjar tal-istress; jemmen, madankollu, li jenħtieġ li jsir aktar biex tiġi riflessa aħjar il-possibbiltà u r-realtà ta' sitwazzjonijiet reali ta' kriżi billi, inter alia, jiġu inkorporati aħjar l-elementi dinamiċi bħall-effetti ta' kontaġju fil-metodoloġija; iqis li n-nuqqas ta' trasparenza li tikkaratterizza t-testijiet ta' stress proprji tal-BĊE jimplika inċertezza fil-prattiki superviżorji; jistieden lill-BĊE jippubblika r-riżultati tal-eżerċizzju tat-test tal-istress tiegħu biex irawwem il-fiduċja tas-suq;

18.  Iqis li meta Awtorità kompetenti nazzjonali tirrifjuta t-talba biex tqis ċirkostanzi speċifiċi fl-eżerċizzju tat-test tal-istress, dan jenħtieġ li jiġi kkomunikat lill-ABE u lill-MSU biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi;

19.  Jilqa' l-progress li sar fil-preparazzjoni biex ikun hemm delegazzjoni fil-qasam tad-deċiżjonijiet adatti u xierqa; madankollu jirrimarka li hemm bżonn ta' bidla fir-regolamenti biex tiġi permessa aktar delegazzjoni u delegazzjoni aktar faċli tat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar ċerti kwistjonijiet ta' rutina mingħand il-Bord Superviżorju għal għand l-uffiċjali rilevanti; jilqa' bidla bħal din li tikkontribwixxi biex is-superviżjoni bankarja tal-BĊE tkun aktar effiċjenti u effettiva; jistieden lill-BĊE biex jispeċifika l-kompiti u l-qafas legali għad-delegazzjoni tat-teħid tad-deċiżjonijiet;

20.  Jieħu nota tar-rapport tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar il-funzjonament tal-MSU; jieħu nota tas-sejbiet dwar il-livell insuffiċjenti ta' persunal; jistieden lill-Awtoritajiet kompetenti nazzjonali u lill-Istati Membri biex jipprovdu bis-sħiħ lill-BĊE r-riżorsi umani neċessarji u data ekonomika li tippermettilha tagħmel ix-xogħol tagħha, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam ma' spezzjonijiet fuq il-post; jistieden lill-BĊE biex jemenda r-Regolament Qafas tal-MSU sabiex jiġu fformalizzati impenji min-naħa tal-Awtoritajiet kompetenti nazzjonali u biex tiġi implimentata metodoloġija bbażata fuq ir-riskju biex jiġi ddeterminat l-għadd immirat ta' persunal u l-kompożizzjoni ta' ħiliet għal Timijiet Superviżorji Konġunti; huwa tal-fehma li aktar involviment ta' persunal tal-BĊE u inqas dipendenza fuq persunal minn Awtoritajiet kompetenti nazzjonali jtejbu l-indipendenza tas-superviżjoni, flimkien mal-użu ta' persunal minn l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru wieħed biex tiġi ssorveljata istituzzjoni minn Stat Membru ieħor, li jikkontribwixxi wkoll biex jindirizza b'mod effettiv ir-riskju ta' tolleranza superviżorja; jilqa' l-kooperazzjoni tal-BĊE mal-Parlament Ewropew fuq il-kundizzjonijiet tal-ħidma tal-persunal; jistieden lill-BĊE biex jippromwovi ambjent tax-xogħol tajjeb li jrawwem il-koeżjoni professjonali fi ħdanu; ifakkar il-kunflitt potenzjali ta' interess bejn il-kompiti ta' superviżjoni u r-responsabbiltà għall-politika monetarja, u l-ħtieġa għal separazzjoni ċara bejn iż-żewġ settijiet ta' data; jistieden lill-BĊE jwettaq analiżi ta' riskju fuq il-kunflitti ta' interess possibbli u jipprevedi linji ta' rapportar separati fejn huma kkonċernati riżorsi superviżorji speċifiċi; jemmen li, filwaqt li s-separazzjoni tal-politika monetarja u superviżorja hija prinċipju ċentrali, din jenħtieġ li ma tipprekludix li jkun hemm iffrankar tal-ispejjeż permezz tal-qsim tas-servizzi, dment li dawn is-servizzi ma jkunux kritiċi f'termini ta' tfassil tal-politika u jkunu stabbiliti garanziji xierqa; jistieden lill-BĊE biex iżomm konsultazzjonijiet pubbliċi meta jkunu qed jitfasslu miżuri kważi leġiżlattivi sabiex tiżdied l-akkontabilità tiegħu;

21.  Jenfasizza li l-ħolqien tal-MSU kien akkumpanjat minn żieda ta' influwenza għall-Unjoni Ewropa fuq l-istadju internazzjonali meta mqabbel mas-sitwazzjoni li kienet diġà eżistenti;

22.  Jenfasizza li s-separazzjoni tal-kompiti superviżorji mill-funzjonijiet tal-politika moneratarja jenħtieġ li tippermetti lill-MSU biex jieħu pożizzjoni indipendenti fuq il-kwistjonijiet kollha rilevanti, inkluż fuq l-effetti potenzjali tal-miri tar-rata tal-imgħax tal-BĊE fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-banek taħt superviżjoni;

23.  Jaqbel mal-fehma tal-QEA li mill-bidu tat-twaqqif tal-MSU ħareġ distakk fl-awditjar; huwa kkonċernat li minħabba l-limitazzjonijiet imposti mill-BĊE fuq l-aċċess tal-QEA għad-dokumenti, l-oqsma importanti mhux qed jiġu awditjati; iħeġġeġ lill-BĊE biex jikkoopera bis-sħiħ mal-QEA biex tkun tista' teżerċita l-mandat tagħha u b'hekk tittejjeb l-akkontabbiltà;

24.  Ifakkar fil-ħtieġa li, fir-regolamentazzjoni kif ukoll fl-eżerċizzju tas-superviżjoni, jintlaħaq bilanċ bejn il-bżonn ta' proporzjonalità u l-bżonn ta' approċċ konsistenti; jinnota, f'dan ir-rigward, il-bidliet proposti rigward l-obbligi ta' rapportar u remunerazzjoni fil-proposta tal-Kummissjoni li temenda d-Direttiva 2013/36/UE; jistieden lill-Kummissjoni biex tipprijoritizza l-ħidma fuq "kaxxa bankarja żgħira" u biex testendiha għal valutazzjoni tal-fattibbiltà ta' qafas regolatorju futur li jikkonsisti minn regoli prudenzjali inqas kumplessi u aktar xierqa u proporzjonali speċifiċi għal tipi differenti ta' mudell bankarju; jirrimarka li l-banek kollha jenħtieġ li jkunu soġġetti għal livell xieraq ta' superviżjoni; ifakkar li superviżjoni xierqa hija essenzjali biex jiġu ssorveljati r-riskji irrispettivament mid-daqs tal-banek; jirrispetta d-diviżjoni tar-rwoli u l-kompetenzi bejn l-SRB, l-ABE u awtoritajiet oħrajn fi ħdan is-Sistema Ewropea ta' Superviżjoni Finanzjarja, filwaqt li jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni effettiva; jara l-bżonn li tingħeleb il-proliferazzjoni ta' obbligi ta' rapportar u interpretazzjonijiet nazzjonali li jikkoinċidu ta' liġijiet Ewropej f'suq komuni; jappoġġa l-isforzi għal simplifikazzjoni li saru s'issa, bħall-idea wara l-Qafas Ewropew ta' Rapportar (ERF), u jinkoraġġixxi aktar sforzi f'din id-direzzjoni sabiex jiġi evitat rapportar doppju u spejjeż addizzjonali mhux meħtieġa tar-regolamentazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni biex tindirizza din il-kwistjoni fi żmien debitu, f'konformità mal-konklużjonijiet tiegħu mis-sejħa għal evidenza, pereżempju permezz ta' proposta għal proċedura ta' rapportar superviżorju unitarja u kkonsolidata komuni; jitlob ukoll li jkun hemm tħabbira fil-ħin ta' obbligi ta' rapportar ad hoc u permanenti sabiex jiġu żgurati kwalità għolja ta' data u sigurtà tal-ippjanar;

25.  Jenfasizza li s-sigurtà u s-solidità ta' bank ma jistgħux jiġu koperti minn valutazzjoni abbażi ta' punt fiż-żmien tal-karta bilanċjali tiegħu biss, peress li dawn jiġu żgurati permezz ta' interazzjonijiet dinamiċi bejn il-bank u s-swieq, u huma affettwati minn diversi elementi fl-ekonomija kollha kemm hi; jenfasizza għalhekk li qafas sod għall-istabbiltà u t-tkabbir finanzjarju jenħtieġ li jkun komprensiv u bilanċjat sabiex ikopri prattiki superviżorji dinamiċi u ma jiffukax biss fuq regolamentazzjoni statika li tirrigwarda, fil-biċċa l-kbira, aspetti kwantitattivi;

26.  Jiġbed l-attenzjoni għad-diviżjoni tar-responsabbiltajiet bejn il-BĊE u l-ABE; jenfasizza li l-BĊE ma jenħtieġx li jsir entità de facto li tfassal l-istandards għall-banek li mhumiex MSU;

27.  Jinnota li, fit-18 ta' Mejju 2016, il-Kunsill tal-BĊE adotta r-Regolament dwar il-ġbir ta' kreditu granulari u ta' data dwar ir-riskju tal-kreditu (AnaCredit); jistieden lill-BĊE jippermetti lill-banek ċentrali nazzjonali kemm jistgħu flessibbiltà meta jimplimentaw l-AnaCredit;

28.  Jistieden lill-BĊE biex ma jibdiex ħidma fuq kwalunkwe stadju ulterjuri ieħor f'konnessjoni mal-AnaCredit sakemm ma sseħħx konsultazzjoni pubblika, b'involviment sħiħ tal-Parlament Ewropew u jitqies b'mod partikolari l-prinċipju ta' proporzjonalità;

29.  Itenni l-importanza ta' sistemi tal-IT b'saħħithom u li jiffunzjonaw tajjeb li jikkorrispondu għall-ħtiġijiet tal-funzjonijiet superviżorji tal-MSU u t-tħassib dwar is-sigurtà; jiddispjaċih dwar rapporti reċenti ta' dgħufijiet persistenti fis-sistema tal-IT;

30.  Jilqa' l-istabbiliment ta' Bordijiet Nazzjonali tar-Riskju Sistemiku, iżda jenfasizza li l-istabbiliment tal-Unjoni Bankarja jsaħħaħ il-bżonn li jissaħħu l-politika makroprudenzjali fil-livell Ewropew sabiex jiġu indirizzati b'mod xieraq l-effetti sekondarji transfruntiera potenzjali ta' riskju sistemiku; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tipproponi superviżjoni makroprudenzjali effettiva fir-rieżami ġenerali tagħha tal-qafas makroprudenzjali fl-2017; jistieden lill-Kummissjoni tkun speċjalment ambizzjuża sabiex issaħħaħ il-kapaċità istituzzjonali u analitika tal-BERS biex jivvaluta r-riskji u l-vulnerabbiltajiet fis-settur bankarju u lil hinn minnu biex jintervjeni kif xieraq; iqis li strumenti bbażati fuq is-self (bħal LTVs u DSTIs) jenħtieġ li jiġu integrati fil-leġiżlazzjoni Ewropea sabiex tiġi żgurata l-armonizzazzjoni fl-użu ta' dawn it-tipi addizzjonali ta' strumenti makroprudenzjali; jenfasizza l-ħtieġa li titnaqqas il-kumplessità istituzzjonali u l-proċess twil fl-interazzjoni bejn il-BERS, il-BĊE/MSU u l-awtoritajiet nazzjonali, u bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u maħtura, fil-qasam tas-superviżjoni makroprudenzjali; jilqa', f'dan ir-rigward, il-progress li diġà sar fil-koordinazzjoni transfruntiera permezz tar-rakkomandazzjoni tal-BERS dwar reċiproċità volontarja; itenni t-talba tiegħu għall-kjarifika ta' rabtiet bejn il-qafas makroprudenzjali u l-għodod mikroprudenzjali eżistenti, sabiex tiġi żgurata interazzjoni effettiva ta' strumenti ta' politika makroprudenzjali u mikroprudenzjali; jesprimi tħassib dwar id-dgħufijiet fis-settur tal-proprjetà immobbli identifikati mill-BERS; jinnota li l-ABE għadha trid tipprovdi RTSs fuq il-kondizzjoni tar-rekwiżiti tal-kapital għall-iskopertura tal-ipoteki skont l-Artikolu 124(4)(b) u 164(6) CRR; jinnota li s'issa, numru żgħir biss ta' membri tal-MSU attivaw jew qed jippjanaw li jattivaw buffers ġenerali ta' riskju sistemiku u buffer kapitali kontroċikliku; jinnota li l-BĊE s'issa għadu ma eżerċitax bis-sħiħ il-poteri superviżorji makroekonomiċi tiegħu billi jrawwem l-adozzjoni ta' strumenti superviżorji makroprudenzjali mill-awtoritajiet nazzjonali;

31.  Jenfasizza li l-andament tar-referendum dwar is-sħubija tar-Renju Unit fl-UE jirrikjedi evalwazzjoni sħiħa tas-Sistema Ewropea tas-Superviżuri Finanzjarji (SESF), inkluż il-modalitajiet tal-votazzjoni fi ħdan l-ASE, b'mod partikolari tal-mekkaniżmu tal-maġġoranza doppja prevista fl-Artikolu 44(1) tar-regolament tal-ABE; jenfasizza li l-possibbilitajiet ta' negozjati wara r-referendum m'għandhomx iwasslu għal kundizzjonijiet mhux ekwi bejn l-UE u l-istituzzjonijiet finanzjarji li mhumiex fl-UE, u ma għandhomx jintużaw biex tkun promossa t-tneħħija tar-regolamentazzjoni fis-settur finanzjarju;

32.  Jilqa' x-xogħol eċċellenti tat-Timijiet Superviżorji Konġunti li huma eżempju tajjeb ta' kooperazzjoni Ewropea u bini tal-għarfien; jinnota li l-użu futur propost ta' sistema ta' rotazzjoni fl-organizzazzjoni tat-Timijiet Superviżorji Konġunti jenħtieġ li jiggarantixxi superviżjoni oġġettiva filwaqt li jitqies il-proċess twil ta' bini tal-għarfien fil-qasam kumpless ħafna tal-kompetenza;

33.  Jilqa' l-fatt li l-Unjoni Bankarja eliminat b'mod wiesa' l-kwistjoni tal-post ta' oriġini u dak ospitanti fis-superviżjoni bl-istabbiliment ta' superviżur uniku u l-iskambju mtejjeb ħafna ta' informazzjoni rilevanti bejn l-awtoritajiet superviżorji, u b'hekk hija permessa superviżjoni aktar olistika ta' gruppi bankarji transfruntiera; jenfasizza li, minħabba l-istat attwali mhux komplut tal-Unjoni Bankarja, ir-reviżjoni tas-CRR dwar ir-rinunzji tal-likwidità u l-kapital teħtieġ li tqis b'mod xieraq it-tħassib tal-protezzjoni tal-konsumatur f'pajjiżi ospitanti;

34.  Jilqa' l-inizjattiva tal-BĊE li tobbliga lill-banek taħt superviżjoni jirrapportaw ċiberattakki sinifikanti taħt servizz ta' twissija f'ħin reali kif ukoll l-ispezzjonijiet fuq il-post tal-SMU biex tiġi ssorveljata ċ-ċibersigurtà; jitlob it-twaqqif ta' qafas legali li jiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni sensittiva rilevanti għall-prevenzjoni ta' ċiberattakki bejn il-banek;

35.  Jenfasizza li r-rwol kruċjali taċ-ċibersigurtà għas-servizzi bankarji u l-ħtieġa li jiġu inċentivati l-istituzzjonijet finanzjarji biex ikunu ambizzjużi ħafna fil-ħarsien tad-data tal-konsumatur u l-garanzija taċ-ċibersigurtà;

36.  Jinnota li l-MSU ġie assenjat il-kompitu ta' superviżjoni bankarja Ewropea għall-iskop li jassigura l-konformità mar-regoli prudenzjali tal-UE u li jassigura l-istabbiltà finanzjarja, filwaqt li kompiti superviżorji oħrajn li għandhom effett kollaterali Ewropej ċari baqgħu f'idejn is-superviżuri domestiċi; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-MSU jenħtieġ li jkollu poteri ta' monitoraġġ li jikkonċernaw attivitajiet tal-Ġlieda kontra l-Ħasil tal-Flus tas-superviżuri bankarji nazzjonali; jenfasizza li l-ABE jenħtieġ li tingħata wkoll poteri addizzjonali fil-qasam tal-Ġlieda kontra l-Ħasil tal-Flus, inklużi l-poteri biex twettaq valutazzjonijiet fuq il-post mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, li tirrikjedi l-produzzjoni ta' kwalunkwe informazzjoni li hija rilevanti għall-valutazzjoni tal-konformità, li toħroġ rakkomandazzjonijiet għal azzjoni korrettiva, li tagħmel dawk ir-rakkomandazzjonijiet pubbliċi u li tieħu miżuri li huma neċessarji biex jiġi żgurat li r-rakkomandazzjonijiet huma implimentati b'mod effettiv;

37.  Itenni t-talba tiegħu lill-ABE biex tinforza u ssaħħaħ il-qafas tal-protezzjoni tal-konsumatur għas-servizzi bankarji f'konformità mal-mandat tagħha, filwaqt li tikkomplementa s-superviżjoni prudenzjali tal-MSU;

Ir-riżoluzzjoni

38.  Ifakkar fil-bżonn ta' konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat meta jkunu qed jittrattaw kriżijiet tal-banek, u li l-eċċezzjoni ta' appoġġ pubbliku straordinarju għandu jkun biss ta' natura prekawzjonarja u temporanja, u ma jistax jintuża biex jikkumpensa għat-telf li l-istituzzjoni tkun ġarrbet jew x'aktarx se ġġarrab fil-futur qarib; jitlob li tingħata definizzjoni tal-proċeduri effiċjenti bejn l-SRB u l-Kummissjoni għat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-każ ta' riżoluzzjoni, b'mod partikolari dwar il-perjodu ta' żmien; huwa tal-fehma li l-flessibbiltà inkorporata fil-qafas attwali għandha tiġi ċċarata, u jfakkar li għandha tiġi sfruttata aħjar sabiex tindirizza sitwazzjonijiet speċifiċi mingħajr ma xxekkel riżoluzzjoni ġenwina tal-banek li huma insolventi, b'mod partikolari fil-każ ta' miżuri preventivi u miżuri alternattivi li jinvolvu l-użu tal-fondi tas-SGD previsti fl-Artikolu 11(3) u (6) tad-Direttiva dwar l-Iskemi ta' Garanzija tad-Depożiti (DSGD); jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tikkunsidra mill-ġdid l-interpretazzjoni tagħha tar-regoli rilevanti ta' għajnuna mill-Istat fi sforz biex tiggarantixxi li l-miżuri ta' prevenzjoni u alternattivi pprovduti mil-leġiżlatur Ewropew fid-DGSD jistgħu realment jiġu implimentati; jinnota li sitwazzjonijiet speċifiċi ġew indirizzati b'mod differenti mingħajr ġustifikazzjoni ċara; ifakkar lill-Kummissjoni li rapport li jivvaluta l-ħtieġa kontinwa biex ir-rikapitalizzazzjonijiet prekawzjonarji u l-kondizzjonalità marbuta ma' tali miżuri jkunu permessi kellu jitlesta sal-31 ta' Diċembru 2015; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta tali rapport kemm jista' jkun malajr;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta, fid-dawl tal-esperjenza u fi ħdan il-qafas tar-rieżami tar-Regolament (UE) Nru 806/2014, jekk l-SRB u l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni nazzjonali humiex mgħammra b'poteri ta' intervent bikri suffiċjenti u bi strumenti ta' intervent bikri suffiċjenti, sabiex jiġu evitati flussi ta' ħruġ li huma ta' xkiel għall-kapital u l-kapaċità ta' assorbiment tat-telf tal-banek matul kriżi;

40.  Jenfasizza l-importanza li jiġu kkjarifikati l-kwistjonijiet prattiċi li qegħdin jaffettwaw direttament ir-riżoluzzjoni, bħad-dipendenza fuq il-fornituri tas-servizzi li jipprovdu servizzi kritiċi, bħal pereżempju fil-każ ta' servizzi tal-IT esternalizzati;

41.  Jinnota l-proposti tal-Kummissjoni li jintroduċu fil-Pilastru 1 kapaċità totali ta' assorbiment minimu ("TLAC") għal banek globali sistemikament importanti, f'konformità ma' standards internazzjonali; jieħu nota tad-differenzi bejn t-TLAC u l-MREL; jenfasizza, madankollu, li ż-żewġ standards għandhom l-istess għan, jiġifieri li jiġi żgurat li l-banek għandhom biżżejjed kapital regolatorju u obbligazzjonijiet tal-assorbiment tat-telf sabiex ir-rikapitalizzazzjoni interna tkun strument effettiv f'riżoluzzjoni mingħajr ma jikkawżaw instabbiltà finanzjarja u mingħajr ma jkunu meħtieġa fondi pubbliċi, u b'hekk tiġi evitata s-soċjalizzazzjoni tar-riskji privati; jikkonkludi, għaldaqstant, li approċċ olistiku għall-assorbiment tat-telf jista' jintlaħaq billi jiġu kkombinati t-tnejn, fuq il-bażi ta' TLAC kif traspost fil-proposta attwali tal-Kummissjoni bħala l-istandard minimu, soġġett għall-ftehim li għandu jintlaħaq mill-koleġiżlaturi; jenfasizza li għandha tingħata debita konsiderazzjoni għaż-żamma taż-żewġ kriterji tad-daqs u tal-assi mwieżna għar-riskju, u jinnota l-interkonnessjoni bejn il-kriterju tal-assi mwieżna għar-riskju sottostanti għall-istandard TLAC u l-ħidma attwali fl-UE u fil-BCBS fuq mudelli interni u fuq l-iffinalizzar tal-qafas ta' Basel III; jenfasizza li jenħtieġ li tingħata attenzjoni xierqa fil-kalibrar u/jew id-dħul gradwali tar-rekwiżiti MREL ġodda, kif ukoll għall-ħtieġa li jinħoloq suq għall-obbligazzjonijiet MREL eliġibbli; jenfasizza l-importanza taż-żamma ta' diskrezzjoni għall-awtorità tar-riżoluzzjoni meta tistabbilixxi MREL, u li tiżgura li l-banek iżommu biżżejjed dejn subordinat jew dejn li jippermetti rikapitalizzazzjoni interna; jenfasizza li jenħtieġ li d-divulgazzjoni tas-suq issir b'mod xieraq, sabiex tiġi evitata l-interpretazzjoni ħażina tal-investituri rigward ir-rekwiżiti MREL;

42.  Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li tiġi ċċarata, fil-leġiżlazzjoni, il-ġerarkija bejn is-CET1 eliġibbli għall-MREL u l-buffers kapitali; jinsisti dwar il-ħtieġa li tiġi adottata leġiżlazzjoni bil-għan li jiġu ċċarati r-responsabbiltajiet u s-setgħat, rispettivament, l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni u l-awtoritajiet kompetenti, fir-rigward ta' miżuri ta' intervent bikri li għandhom jittieħdu f'każijiet ta' ksur ta' rekwiżiti MREL; jinnota l-proposta tal-Kummissjoni għall-introduzzjoni ta' gwida MREL; itenni li jenħtieġ li l-kalibrazzjoni tal-MREL f'kull każ tkun marbuta mill-qrib u ġustifikata mill-istrateġija tar-riżoluzzjoni tal-bank partikolari;

43.  Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li tiġi ċċarata, fil-leġiżlazzjoni, li s-CET1 eliġibbli għall-MREL jiżdied mal-buffers kapitali biex jiġi evitat li jingħadd darbtejn mal-kapital;

44.  Jenfasizza li l-armonizzazzjoni tal-ġerarkija tat-talbiet fl-insolvenza tal-banek fl-Istati Membri hija kruċjali sabiex l-implimentazzjoni tal-BRRD issir aktar konsistenti u effikaċi u biex tingħata ċ-ċertezza lill-investituri transfruntiera; jilqa', għalhekk, il-proposta tal-Kummissjoni biex tmur lil hinn mill-armonizzazzjoni tal-ġerarkija tat-talbiet; jinnota li armonizzazzjoni aħjar tar-reġim ta' insolvenza regolari u tal-ġerarkija tat-talbiet se tkun essenzjali wkoll, kemm, fil-każ tal-banek, biex jiġu evitati d-diskrepanzi mar-reġim tar-riżoluzzjoni bankarja, kif ukoll, fil-każ ta' kumpaniji, biex jipprovdu ċarezza u ċertezza addizzjonali lill-investituri transkonfinali u tikkontribwixxi għall-indirizzar tal-kwistjoni ta' self improduttiv; jilqa' l-fatt li l-BRRD ġabet bidla importanti fil-ġerarkija tal-insolvenza, billi tat prijorità lid-depożiti assigurati, sabiex b'hekk dawn jiġu kklassifikati bħala superjuri għall-istrumenti kapitali kollha, għall-kapaċità ta' assorbiment tat-telf, dejn superjuri ieħor u għad-depożiti mhux assigurati; jistieden lill-SRB jippreżenta r-riżultati tal-valutazzjonijiet tar-riżolvibbiltà għall-G-SIBs u banek oħra, inkluż il-miżuri proposti biex jingħelbu l-impedimenti għal riżoluzzjoni;

45.  Jinnota l-firxa ta' alternattivi legali disponibbli biex tiġi żgurata s-subordinazzjoni ta' dejn eleġibbli għat-TLAC; jirrimarka li l-ebda waħda ma hija preferuta mill-FSB; huwa tal-fehma li l-approċċ adottat għandu, l-ewwel nett, isib bilanċ bejn il-flessibbiltà, l-effettività, iċ-ċertezza legali u l-kapaċità tas-suq biex jassorbi kwalunkwe klassi ġdida ta' dejn;

46.  Jitlob li jkun hemm riflessjoni dwar l-impatt negattiv possibbli fuq l-ekonomija reali mir-reviżjoni tar-regoli ta' Basel, l-introduzzjoni tar-rekwiżiti MREL, l-introduzzjoni tat-TLAC u l-IFRS 9; jitlob li jkun hemm soluzzjoni li l-għan tagħha jkun li ttaffi l-impatti;

47.  Ifakkar li r-reġim ġdid ta' riżoluzzjoni introdott irriżulta f'ċerti strumenti offruti lill-investituri, b'mod partikolari l-investituri fil-livell tal-konsumatur, li jinvolvu riskju ikbar ta' telf taħt ir-reġim preċedenti; Ifakkar ukoll li strumenti li jistgħu jiġu rikapitalizzati internament għandhom l-ewwel nett jinbiegħu biss lil investituri xierqa li jistgħu jassorbu telf potenzjali tagħhom stess mingħajr ma jiġu mhedda fil-pożizzjoni finanzjarja soda tagħhom; għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex trawwem l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti rilevanti, u jistieden lill-ASEs jikkontribwixxu għad-detezzjoni ta' prattiki ħżina ta' bejgħ;

48.  Iwissi li l-implimentazzjoni tar-rekwiżit tal-BRRD ta' rikonoxximent kuntrattwali għas-setgħat ta' rikapitalizzazzjoni interna fuq l-obbligazzjonijiet irregolati mil-leġiżlazzjoni mhux tal-UE hija kkumplikata; iqis din il-kwistjoni bħala ta' tħassib immedjat; jinnota d-dritt introdott permezz tal-emendi proposti BRRD għall-awtoritajiet kompetenti biex iwarrbu dan ir-rekwiżit; iqis li dan l-approċċ jippermetti għal flessibbiltà u għal valutazzjoni każ b'każ tal-obbligazzjonijiet ikkonċernati; jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni biex jiżguraw li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta' eżenzjonijiet u d-deċiżjonijiet sussegwenti reali dwar l-eżenzjonijiet ma jipperikolawx ir-riżolvibbiltà tal-banek;

49.  Jirrimarka li skambju ta' informazzjoni rapidu u effikaċi bejn l-awtoritajiet tas-superviżjoni u tar-riżoluzzjoni huwa fundamentali biex tiġi żgurata ġestjoni tal-kriżijiet bla xkiel; jilqa' l-konklużjoni tal-memorandum ta' qbil (MtQ) bejn il-BĊE u l-SRM fir-rigward tal-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni; jistieden lill-BĊE jispeċifika fil-MtQ il-proċeduri ta' komunikazzjoni bejn it-timijiet superviżorji konġunti u t-timijiet interni ta' riżoluzzjoni; jirrakkomanda li l-attendenza tal-BĊE bħala osservatur permanenti fil-Plenarja u s-Sessjonijiet Eżekuttivi tal-SRB għandha ssir b'mod għalkollox reċiproku, billi rappreżentat tal-SRB jitħalla jattendi fil-Bord Superviżorju tal-BĊE wkoll bħala osservatur permanenti;

50.  Jieħu nota tar-rwol doppju tal-membri tal-Bord tal-SRB, li fl-istess ħin huma membri ta' korp eżekuttiv bi rwoli ta' teħid ta' deċiżjonijiet u maniġers anzjani responsabbli f'dik il-kapaċità lejn il-President tal-Bord, u jqis li jenħtieġ li ssir evalwazzjoni ta' din l-istruttura qabel ma jispiċċa l-mandat attwali;

51.  Ifakkar li s-sustanza tal-Ftehim Intergovernattiv fir-rigward tal-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni (SRF) hija li fl-aħħar mill-aħħar ikun inkorporat fil-qafas legali tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni tirrifletti fuq il-modi kif dan jista' jsir; jenfasizza li l-inkorporazzjoni imminenti tal-patt fiskali fid-dritt tal-UE tista' tikkostitwixxi mudell utli;

52.  Jitlob li l-kontribuzzjonijiet ex-ante għall-SRF jiġu kkalkolati b'mod trasparenti ħafna bi sforzi biex tiġi armonizzata l-informazzjoni dwar ir-riżultati tal-kalkolu u jitjieb il-fehim dwar il-metodoloġija tal-kalkolu; jistieden lill-Kummissjoni twettaq ir-reviżjoni tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet għall-SRF prevista fil-Premessa 27 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/63 bl-akbar attenzjoni, u b'mod partikolari, teżamina l-adegwatezza tal-fattur ta' riskju sabiex jiġi żgurat li l-profil ta' riskju ta' istituzzjonijiet inqas kumplessi jitqies kif xieraq;

53.  Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-Ministri tal-Finanzi tat-8 ta' Diċembru 2015 dwar is-sistema tal-arranġamenti ta' finanzjament tranżitorju għall-SRF; jinnota, f'dan ir-rigward, li 15 minn 19-il Stat Membru taż-żona tal-euro diġà ffirmaw Ftehim dwar Faċilità ta' Self mal-SRB; ifakkar li dawn il-linji ta' kreditu individwali se jkunu disponibbli biss bħala l-aħħar rimedju; huwa tal-opinjoni li din is-soluzzjoni mhijiex suffiċjenti biex jingħeleb iċ-ċirku vizzjuż bejn il-banek u s-sovrani u jintemmu s-salvataġġi ffinanzjati mill-kontribwenti tat-taxxa; jappella għal progress rapidu fil-ħidma mill-Kunsill u l-Kummissjoni dwar garanzija ta' kontinġenza fiskali komuni għall-SRF, ir-responsabbiltà aħħarija għall-iffinanzjar li għandha tkun f'idejn is-settur bankarju u li għandha tkun fiskalment newtrali fuq terminu medju, kif miftiehem fi ħdan il-ftehim dwar l-SRF u kkonfermat mill-Kunsill Ewropew f'Ġunju 2016;

L-assigurazzjoni tad-depożiti

54.  Itenni s-sejħa tiegħu għat-tielet pilastru sabiex l-Unjoni Bankarja tiġi kkompletata; ifakkar li l-protezzjoni tad-depożiti hija ta' tħassib komuni għaċ-ċittadini kollha tal-UE; qiegħed attwalment jiddibatti l-proposta dwar l-EDIS fil-livell tal-kumitat;

55.  Jenfasizza li l-introduzzjoni tal-EDIS u d-diskussjonijiet dwar dan il-proġett m'għandhomx iwasslu għal tnaqqis fl-isforzi lejn it-titjib tal-implimentazzjoni tad-DGSD; jilqa' l-ħidma li saret dan l-aħħar mill-ABE biex tippromwovi l-konverġenza f'dan il-qasam; jilqa' l-fatt li l-Istati Membri kollha ittrasponew il-BRRD; ifakkar lill-Istati Membri kollha dwar l-obbligu li japplikaw u jimplimentaw b'mod korrett il-BRDD u d-DGSD;

56.  Ifakkar li r-rwol tal-Kummissjoni huwa li tiggarantixxi kundizzjonijiet ekwi fl-UE kollha u li jenħtieġ li tevita kwalunkwe frammentazzjoni fi ħdan is-suq intern;

o
o   o

57.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-BĊE, lill-SRB, lill-parlamenti nazzjonali u lill-awtoritajiet kompetenti kif definit fil-punt 40 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

(1) Testi adottati, P8_TA(2016)0006.
(2) http://www.consilium.europa.eu/mt/european-council/pdf/20120629-euro-area-summit-statement-mt_pdf
(3) ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.
(4) ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1.
(5) https://www.bankingsupervision.europa.eu/ecb/pub/pdf/ssmar2015.mt.pdf
(6) "Il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku - Bidu tajjeb iżda jenħtieġ aktar titjib", http://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/SR16_29/SR_SSM_MT.pdf
(7) ĠU L 78, 24.3.2016, p. 60.
(8) Testi adottati, P8_TA(2016)0108.
(9) Testi adottati, P8_TA(2016)0439.
(10) ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.
(11) ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190.
(12) ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1.
(13) ĠU C 216, 30.7.2013, p. 1.
(14) ĠU L 237, 3.9.2016, p. 1.
(15) ĠU L 173, 12.6.2014, p. 149.
(16) Il-Ħames Rapport tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir indipendenti tal-2017, tat-23 ta' Novembru 2016.

Avviż legali