Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2344(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0038/2017

Testi mressqa :

A8-0038/2017

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

Testi adottati :

P8_TA(2017)0050

Testi adottati
PDF 430kWORD 53k
Il-Ħamis, 16 ta' Frar 2017 - Strasburgu
Kapaċità baġitarja għaż-żona tal-euro
P8_TA(2017)0050A8-0038/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Frar 2017 dwar il-kapaċità baġitarja għaż-żona tal-euro (2015/2344(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għall-Baġits u tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji skont l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u tal-Kumitat għall-Kontroll Baġitarju (A8-0038/2017),

A.  billi l-klima politika attwali u l-isfidi ekonomiċi u politiċi eżistenti f'dinja globalizzata jeħtieġu deċiżjonijiet u azzjonijiet konsegwenti u determinati min-naħa tal-UE f'ċerti oqsma bħalma huma s-sigurtà interna u esterna, il-ħarsien tal-fruntieri u l-politika migratorja, l-istabbilizzazzjoni tal-viċinat tagħna, it-tkabbir u l-impjiegi, b'mod partikolari l-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima tal-2015;

B.  billi, wara bidu ta' suċċess għall-euro, iż-żona tal-euro wriet nuqqas ta' konverġenza, kooperazzjoni politika u sens ta' appartenenza;

C.  billi d-diversi kriżijiet u sfidi globali jirrikjedu li ż-żona tal-euro tagħmel qabża kwalitattiva fl-integrazzjoni mill-aktar fis possibbli;

D.  billi sħubija f'żona b'munita komuni tirrikjedi għodod komuni u solidarjetà fil-livell Ewropew u obbligi u responsabbiltajiet min-naħa ta' kull Stat Membru parteċipanti;

E.  billi jeħtieġ li terġa' titrawwem il-fiduċja fiż-żona tal-euro;

F.  billi jenħtieġ pjan direzzjonali definit sew li jirrifletti approċċ komprensiv biex jiġu realizzati l-benefiċċji kollha tal-munita komuni filwaqt li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tagħha u jintlaħqu l-għanijiet ta' stabbiltà u livell massimu ta' impjiegi;

G.  billi dan jinkludi t-tlestija miftiehma tal-Unjoni Bankarja, qafas fiskali msaħħaħ b'kapaċità li jassorbi x-xokkijiet u inċentivi għal riformi strutturali favorevoli għat-tkabbir li jikkomplementaw il-miżuri tal-politika monetarja attwali;

H.  billi kapaċità fiskali u l-kodiċi ta' konverġenza relatat huma elementi fundamentali f'din l-operazzjoni, li tista' tkun ta' suċċess biss jekk ikun hemm rabta mill-qrib bejn ir-responsabbiltà u s-solidarjetà;

I.  billi l-istabbiliment ta' kapaċità fiskali għaż-żona tal-euro jikkostitwixxi biss parti waħda mill-istampa kollha, li jeħtieġ li jimxi id f'id ma' spirtu Ewropew ċar ta' rifondazzjoni fost il-membri tagħha u dawk li se jissieħbu fiż-żona tal-euro;

1.  Jadotta l-pjan direzzjonali li ġej:

i. Prinċipji ġenerali

It-trasferiment tas-sovranità fuq il-politika monetarja jeħtieġ mekkaniżmi ta' aġġustament alternattivi bħall-implimentazzjoni ta' riformi strutturali li jsaħħu t-tkabbir, is-suq uniku, l-Unjoni Bankarja, l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, biex joħloq settur finanzjarju aktar sikur u kapaċità fiskali biex ikunu jistgħu jiġu ttrattati x-xokkijiet makroekonomiċi u tiżdied il-kompetittività u l-istabbiltà tal-ekonomiji tal-Istati Membri sabiex iż-żona tal-euro ssir żona monetarja ottimali.

Il-konverġenza, il-governanza tajba u l-kundizzjonalità infurzati permezz ta' istituzzjonijiet li jinżammu demokratikament responsabbli fil-livell taż-żona tal-euro u/jew f'dak nazzjonali huma fundamentali, b'mod partikolari fil-prevenzjoni tat-trasferimenti permanenti, il-periklu morali u l-kondiviżjoni tar-riskju pubbliku mhux sostenibbli.

Hekk kif jiżdiedu l-kobor u l-kredibbiltà tal-kapaċità fiskali, dan se jikkontribwixxi biex terġa' titrawwem il-fiduċja tas-suq finanzjarju fis-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fiż-żona tal-euro, li jagħmilha possibbli, fil-prinċipju, li l-kontribwenti jiġu protetti aħjar u li jitnaqqas ir-riskju pubbliku u privat.

Il-kapaċità fiskali għandha tinkludi l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES) u kapaċità baġitarja addizzjonali speċifika għaż-żona tal-euro. Il-kapaċità baġitarja għandha tinħoloq b'żieda għall-MES u mingħajr preġudizzju għalih.

Bħala l-ewwel pass, il-kapaċità baġitarja speċifika taż-żona tal-euro jenħtieġ li tkun parti mill-baġit tal-Unjoni, lil hinn mil-limiti massimi attwali tal-qafas finanzjarju pluriennali, u jenħtieġ li tkun iffinanzjata mill-membri taż-żona tal-euro u minn membri parteċipanti oħra permezz ta' sors ta' dħul li għandu jintlaħaq qbil dwaru bejn l-Istati Membri parteċipanti u jitqies bħala dħul assenjat u garanziji; ladarba tkun fi stat stabbli, il-kapaċità fiskali tista' tiġi ffinanzjata permezz tar-riżorsi proprji, skont ir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport Monti dwar il-finanzjament futur tal-UE.

Il-MES, filwaqt li jkompli jaqdi dmirijietu, jenħtieġ li jiġi żviluppat ulterjorment u trasformat f'Fond Monetarju Ewropew (FME), mgħammar b'kapaċità adegwata ta' self u teħid ta' self u b'mandat definit b'mod ċar, biex jassorbi xokkijiet asimmetriċi u simmetriċi.

ii. It-tliet pilastri tal-kapaċità fiskali għall-konverġenza u l-istabbilizzazzjoni taż-żona tal-euro

Il-kapaċità fiskali jenħtieġ li tissodisfa tliet funzjonijiet differenti:

   l-ewwel nett, il-konverġenza ekonomika u soċjali fiż-żona tal-euro jenħtieġ li tiġi inċentivata biex tħeġġeġ riformi strutturali, timmodernizza l-ekonomiji u ttejjeb il-kompetittività ta' kull Stat Membru u r-reżiljenza taż-żona tal-euro, biex b'hekk tikkontribwixxi wkoll għall-kapaċità tal-Istati Membri li jassorbu xokkijiet asimmetriċi u simmetriċi;
   it-tieni, li d-differenzi fiċ-ċikli ekonomiċi tal-Istati Membri taż-żona tal-euro li ġejjin minn differenzi strutturali jew vulnerabbiltà ekonomika ġenerali joħolqu neċessità li naffrontaw ix-xokkijiet asimmetriċi (sitwazzjonijiet li fihom event ekonomiku jaffettwa ekonomija partikolari aktar minn oħra, pereżempju meta d-domanda tikkollassa fi Stat Membru speċifiku u mhux fl-oħrajn wara xokk estern lil hinn mill-influwenza ta' Stat Membru);
   it-tielet, xokkijiet simmetriċi (sitwazzjonijiet meta event ekonomiku jaffettwa l-ekonomiji kollha bl-istess mod, pereżempju l-varjazzjoni fil-prezzijiet taż-żejt għall-pajjiżi fiż-żona tal-euro) jenħtieġ li jiġu indirizzati biex tiżdied ir-reżiljenza taż-żona tal-euro kollha kemm hi.

Fid-dawl ta' dawn l-objettivi, ikun meħtieġ li jitqies liema funzjonijiet jistgħu jinkisbu fi ħdan il-qafas ġuridiku eżistenti tal-Unjoni u liema se jeħtieġu aġġustament jew tibdil fit-Trattat.

L-ewwel pilastru: il-kodiċi ta' konverġenza

Is-sitwazzjoni ekonomika attwali teħtieġ strateġija ta' investiment parallela ma' konsolidazzjoni fiskali u responsabbiltà permezz ta' konformità mal-qafas tal-governanza ekonomika.

Minbarra l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, il-kodiċi ta' konverġenza, adottat skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u b'kont meħud tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, jenħtieġ li jiffoka, fuq perjodu ta' ħames snin, fuq kriterji ta' konverġenza rigward it-tassazzjoni, is-suq tax-xogħol, l-investiment, il-produttività, il-koeżjoni soċjali, il-kapaċitajiet ta' amministrazzjoni pubblika u ta' governanza tajba fil-qafas tat-Trattati eżistenti.

Fil-qafas tal-governanza ekonomika, il-konformità mal-kodiċi ta' konverġenza jenħtieġ li tkun kundizzjoni għal parteċipazzjoni sħiħa fil-kapaċità fiskali, u jenħtieġ li kull Stat Membru jressaq proposti dwar kif jistgħu jinkisbu l-kriterji tal-kodiċi ta' konverġenza.

Kapaċità fiskali taż-żona tal-euro jenħtieġ li tkun ikkomplementata minn strateġija fit-tul għas-sostenibbiltà tad-dejn u t-tnaqqis tad-dejn u tisħiħ tat-tkabbir u l-investiment fil-pajjiżi taż-żona tal-euro, li jnaqqas l-ispejjeż globali ta' finanzjament mill-ġdid u l-proporzjonijiet ta' dejn/PDG.

It-tieni pilastru: assorbiment tax-xokkijiet asimmetriċi

Fid-dawl tal-integrazzjoni b'saħħitha tal-Istati Membri taż-żona tal-euro, xokkijiet asimmetriċi b'impatt fuq l-istabbiltà taż-żona tal-euro kollha kemm hi ma jistgħux jiġu esklużi għalkollox minkejja l-isforzi kollha fil-qasam tal-koordinazzjoni tal-politika, il-konverġenza u r-riformi strutturali sostenibbli tal-Istati Membri.

L-istabbilizzazzjoni pprovduta permezz tal-MES/FME jenħtieġ li tkun ikkomplementata minn mekkaniżmi awtomatiċi għall-assorbiment tax-xokkijiet.

L-istabbilizzazzjoni trid tinċentiva l-prattiki tajbin u tevita l-periklu morali.

Sistema bħal din jeħtieġ tinkludi regoli ċari dwar l-iskadenzi għall-ħlasijiet u r-rimborżi li jista' jkun hemm, u jeħtieġ tiġi definita b'mod ċar f'termini ta' daqs u mekkaniżmi ta' finanzjament, filwaqt li tkun newtrali f'termini ta' baġit fuq ċiklu itwal.

It-tielet pilastru: assorbiment tax-xokkijiet simmetriċi

Ix-xokkijiet simmetriċi li jista' jkun hemm fil-futur jistgħu jiddestabbilizzaw iż-żona tal-euro kollha kemm hi, billi ż-żona monetarja għadha mhijiex mgħammra bl-istrumenti meħtieġa biex issib tarf ta' kriżi oħra tal-istess kobor bħal dik preċedenti.

F'każ ta' xokkijiet simmetriċi kkawżati minn nuqqas ta' domanda interna, il-politika monetarja waħedha ma tistax terġa' tqajjem l-ekonomija, partikolarment f'kuntest ta' rati ta' mgħax qrib iż-żero. Il-baġit taż-żona tal-euro jenħtieġ li jkun kbir biżżejjed biex jindirizza dawn ix-xokkijiet simmetriċi billi jiffinanzja investiment immirat lejn l-aggregazzjoni tad-domanda u livell massimu ta' impjiegi f'konformità mal-Artikolu 3 tat-TUE.

iii. Governanza, responsabbiltà demokratika u kontroll

Fil-governanza ekonomika għaż-żona tal-euro jenħtieġ li jintuża l-metodu Komunitarju.

Jenħtieġ li l-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali jeżerċitaw rwol aktar b'saħħtu fil-qafas il-ġdid tal-governanza ekonomika sabiex tiżdied ir-responsabbiltà demokratika. Dan jinkludi żieda fis-sens ta' appartenenza nazzjonali fir-rigward tas-semestru Ewropew u riforma tal-konferenza interparlamentari prevista fl-Artikolu 13 tal-Patt Fiskali biex tingħata aktar sustanza, sabiex tiġi żviluppata opinjoni parlamentari u pubblika aktar b'saħħitha. Biex jitjieb is-sens ta' appartenenza, jenħtieġ li l-parlamenti nazzjonali jiskrutinizzaw il-gvernijiet nazzjonali, bħalma l-Parlament Ewropew jenħtieġ li jiskrutinizza l-eżekuttivi Ewropej.

Jista' jkun hemm fużjoni tal-pożizzjonijiet tal-President tal-Grupp tal-Euro u tal-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, u f'dan il-każ jenħtieġ li l-President tal-Kummissjoni jaħtar lil dan il-Kummissarju bħala Viċi President tal-Kummissjoni.

Jenħtieġ li dan il-ministru responsabbli mill-finanzi, megħjun minn teżorerija fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea, ikun kompletament responsabbli demokratikament u mgħammar bil-mezzi u l-kapaċitajiet kollha meħtieġa biex japplika u jinforza l-qafas ta' governanza ekonomika eżistenti u jottimizza l-iżvilupp taż-żona tal-euro f'kooperazzjoni mal-ministri tal-finanzi tal-Istati Membri taż-żona tal-euro.

Jenħtieġ li l-Parlament Ewropew jagħmel rieżami tar-regoli u l-organizzazzjoni tiegħu biex jiżgura r-responsabbiltà demokratika sħiħa tal-kapaċità fiskali fil-konfront tal-Membri tal-PE mill-Istati Membri parteċipanti;

2.  Jistieden:

   lill-Kunsill Ewropew jistabbilixxi linji gwida, kif deskritt hawn fuq, mhux aktar tard mil-laqgħa tal-UE f'Ruma (Marzu 2017), inkluż qafas għall-istabbilizzazzjoni sostenibbli fit-tul taż-żona tal-euro;
   lill-Kummissjoni tressaq White Paper b'kapitolu ewlieni ambizzjuż dwar iż-żona tal-euro u l-proposti leġiżlattivi rispettivi fl-2017 billi jintużaw il-mezzi kollha fi ħdan it-Trattati eżistenti, inklużi l-kodiċi ta' konverġenza, il-baġit taż-żona tal-euro u l-istabbilizzaturi awtomatiċi, u tistabbilixxi kalendarju preċiż għall-implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri;

3.  Jiddikjara d-disponibbiltà tiegħu li jiffinalizza l-miżuri leġiżlattivi kollha li ma jeħtiġux bidliet fit-Trattati sa tmiem il-mandat attwali tal-Kummissjoni u tal-Parlament Ewropew u li jħejji għat-tibdil neċessarju fit-Trattati li se jkun meħtieġ fuq perjodu medju u fit-tul sabiex ikun hemm żona tal-euro sostenibbli;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Grupp tal-Euro, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lid-Direttur Maniġerjali tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

Avviż legali - Politika tal-privatezza