Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2145(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0006/2017

Testi mressqa :

A8-0006/2017

Dibattiti :

PV 15/02/2017 - 16
CRE 15/02/2017 - 16

Votazzjonijiet :

PV 16/02/2017 - 6.10

Testi adottati :

P8_TA(2017)0052

Testi adottati
PDF 433kWORD 71k
Il-Ħamis, 16 ta' Frar 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing
P8_TA(2017)0052A8-0006/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Frar 2017 dwar l-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing (2016/2145(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ April 2016 bit-titolu "Inizjattiva Cloud Ewropea – Il-bini ta' dejta kompetittiva u ekonomija tal-għarfien fl-Ewropa" (COM(2016)0178) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha (SWD(2016)0106),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Mejju 2015 bit-titolu "Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa" (COM(2015)0192) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha (SWD(2015)0100),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2014 bit-titolu "Lejn ekonomija ta' suċċess immexxija mid-dejta" (COM(2014)0442),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2012 bit-titolu "Industrija Ewropea Aktar B'saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku" (COM(2012)0582),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Settembru 2012 bit-titolu "L-isfruttar tal-potenzjal tal-Cloud Computing fl-Ewropa" (COM(2012)0529),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Frar 2012 bit-titolu "Informatika ta' Prestazzjoni Għolja: post l-Ewropa f'Tellieqa Globali" (COM(2012)0045),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-27 ta' Mejju 2016 dwar it-tranżizzjoni lejn sistema tax-Xjenza Miftuħa,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-29 ta' Mejju 2015 dwar riċerka miftuħa, intensiva fid-data u organizzata f'netwerk, bħala mutur għal innovazzjoni aktar veloċi u mifruxa,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 dwar Aġenda Diġitali ġdida għall-Ewropa: 2015.eu(1),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2015/2240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 li tistabbilixxi programm dwar soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà u oqfsa komuni għall-amministrazzjonijiet pubbliċi, in-negozji u ċ-ċittadini Ewropej (Programm ISA²) bħala mezz għall-modernizzazzjoni tas-settur pubbliku(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/37/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li temenda d-Direttiva 2003/98/KE dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku(3) (id-Direttiva PSI),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2016 bit-titolu "Lejn ekonomija ta' suċċess immexxija mid-data"(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 bit-titolu "Lejn Att dwar is-Suq Uniku Diġitali"(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2014 bit-titolu "Ir-riindustrijalizzazzjoni tal-Ewropa biex jiġu promossi l-kompetittività u s-sostenibbiltà"(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Diċembru 2013 dwar l-isfruttar tal-potenzjal tal-Cloud Computing fl-Ewropa(7),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-16 ta' Jannar 2013 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "L-isfruttar tal-potenzjal tal-Cloud Computing fl-Ewropa." (TEN/494),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew bit-titolu "Inizjattiva tal-Cloud Ewropea – Il-bini ta' ekonomija ta' data u għarfien kompetittiva fl-Ewropa" (2016 TEN/952 EESC-2016),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing u l-Prijoritajiet għall-Istandardizzazzjoni tal-ICT għas-Suq Uniku Diġitali 2016" (SEDEC-VI-012),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ġunju 2016 bit-titolu "Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa: Naħdmu flimkien biex insaħħu l-kapital uman, l-impjegabbiltà u l-kompetittività" (COM(2016)0381),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data)(8),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta' sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni(9) (NIS Directive),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Settembru 2016 għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (COM(2016)0590),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Mejju 2016 bit-titolu "Il-Pjattaformi Online u s-Suq Uniku Diġitali Opportunitajiet u Sfidi għall-Ewropa" (COM(2016)0288),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Diċembru 2015 bit-titolu "Għal qafas aktar modern u Ewropew dwar id-drittijiet tal-awtur" (COM(2015)0626),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 2016 bit-titolu "L-istandards tal-ICT bħala l-Pedament tas-Suq Uniku Diġitali" (COM(2016)0176),

–  wara li kkunsidra r-rapport "Open Innovation, Open Science, Open to the World – A vision for Europe" ("Innovazzjoni Miftuħa, Xjenza Miftuħa, Miftuħin għad-Dinja – Viżjoni għall-Ewropa") ippubblikat mid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (RTD) f'Mejju 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0006/2017),

A.  billi l-kapaċità attwali tal-cloud computing disponibbli fl-UE mhijiex biżżejjed u għalhekk id-data prodotta mir-riċerka u mill-industrija tal-UE spiss qed tiġi pproċessata x'imkien ieħor, filwaqt li twassal biex ir-riċerkaturi u l-innovaturi tal-UE qed ifittxu postijiet oħra barra mill-UE, fejn il-kapaċità għolja tad-data u tal-informatika hi aktar disponibbli b'mod immedjat;

B.  billi n-nuqqas ta' struttura ċara ta' inċentivi sabiex isir skambju ta' data, in-nuqqas ta' interoperabbiltà ta' sistemi ta' data xjentifika u l-frammentazzjoni ta' infrastrutturi tad-data xjentifika fost id-dixxiplini u l-fruntieri jxekklu l-potenzjal sħiħ ta' xjenza mmexxija mid-data;

C.  billi l-UE għadha lura fl-iżvilupp tal-informatika ta' prestazzjoni għolja (HPC) bħala riżultat tan-nuqqas ta' investiment tagħha fl-istabbiliment ta' sistema kompleta tal-HPC, meta pajjiżi bħall-Istati Uniti tal-Amerka, iċ-Ċina, il-Ġappun u r-Russja qed jinvestu serjament f'dawn is-sistemi, u b'hekk qed jagħmluhom prijorità strateġika, bi programmi nazzjonali li qed jiżviluppawhom;

D.  billi l-potenzjal sħiħ tal-cloud computing għall-Ewropa jista' jintlaħaq biss meta d-data tkun tista' tiċċirkola liberament fl-Unjoni kollha b'regoli ċari, u meta flussi ta' data internazzjonali li jiżvolġu rwol dejjem aktar importanti fl-ekonomija Ewropea u globali;

E.  billi l-kapaċità li biha tiġi analizzata u sfruttata l-big data qed tbiddel il-mod li bih issir ir-riċerka xjentifika;

F.  billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Inizjattiva Cloud Ewropea – Il-bini ta' dejta kompettitiva u ekonomija tal-għarfien fl-Ewropa" tirrikonoxxi l-potenzjal trasformattiv tax-xjenza miftuħa u tal-cloud computing bħala parti mill-ekonomija diġitali tal-Ewropa;

G.  billi l-politiki ta' aċċess għan-netwerking, il-ħżin tad-data u l-informatika huma differenti bejn l-Istati Membri u b'hekk joħolqu nuqqas ta' kollaborazzjoni bejn il-partijiet u jtellfu ċ-ċirkolazzjoni tal-għarfien;

H.  billi r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, id-Direttiva tal-NIS u l-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali jistgħu jipprovdu l-bażi għal ekonomija Ewropea kompetittiva u ta' suċċess li hija miftuħa għall-parteċipanti kollha tas-suq li jimxu mar-regoli;

I.  billi d-data hija l-materja prima tal-ekonomija diġitali, u billi l-użu tad-data hu essenzjali għad-diġitalizzazzjoni tax-xjenza u l-industrija Ewropea, għall-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda u l-ħolqien ta' impjiegi ġodda;

J.  billi r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data adottat reċentement jipprevedi salvagwardji b'saħħithom għall-protezzjoni tad-data personali, u billi jenħtieġ ikun żgurat approċċ armonizzat lejn l-implimentazzjoni tiegħu;

K.  billi l-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali tal-Kummissjoni għall-2015 wegħdet li tindirizza r-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tad-data kif ukoll ir-restrizzjonijiet mhux ġustifikati fuq il-post fejn tinħażen jew tiġi pproċessata d-data;

L.  billi hu meħtieġ li l-Kummissjoni tressaq proposti konkreti biex tneħħi restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tad-data jekk trid toħloq u twassal l-aħjar Suq Uniku Diġitali possibbli;

M.  billi l-applikazzjoni u l-iżvilupp tas-servizzi tal-cloud qed jiffaċċjaw sfidi minħabba d-disponibbiltà insuffiċjenti ta' infrastruttura u ta' netwerks b'veloċità għolja meħtieġa fl-Ewropa;

N.  billi l-għan li jkunu ffaċilitati u appoġġjati l-implimentazzjoni u s-sostenibbiltà fuq terminu twil tal-infrastrutturi tar-riċerka u tad-data, inklużi ċ-Ċentri tal-Informatika ta' Prestazzjoni Għolja ta' klassi dinjija u netwerks oħra ta' infrastruttura tar-riċerka, permezz ta' kooperazzjoni intensiva u skambju ta' riżultati, se jgħinu l-isforzi biex jirrispondu għall-isfidi l-kbar li qed jiġu ffaċċjati fix-xjenza, l-industrija u s-soċjetà;

O.  billi l-volum tad-data qed jikber b'rata bla preċedent, b'16-il triljun gigabyte ta' data li mistennija tkun disponibbli sal-2020, li jikkorrispondi ma' rata ta' tkabbir annwali ta' 236 % f'ġenerazzjoni ta' data;

P.  billi ekonomija mmexxija mid-data tiddependi fuq ekosistema tal-ICT usa', inkluż internet tal-oġġetti (IoT) għall-forniment ta' netwerks tal-broadband b'veloċità għolja għat-trasport u cloud computing għall-ipproċessar tad-data kif ukoll xjenzati u impjegati kwalifikati;

Q.  billi l-kooperazzjoni fost ix-xjenzati Ewropej, l-użu u l-iskambju tad-data, dejjem skont l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data, u l-użu ta' soluzzjonijiet teknoloġiċi ġodda, inkluż il-cloud computing u d-diġitalizzazzjoni tax-xjenza Ewropea, huma essenzjali għall-iżvilupp tas-Suq Uniku Diġitali; billi l-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa (EOSC) se jkollu effetti pożittivi fuq l-iżvilupp xjentifiku fl-Ewropa; u billi l-EOSC jrid jiġi żviluppat u użat b'rispett dovut tad-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (KDF);

Ġenerali

1.  Jilqa' l-EOSC bħala mudell li fuqu jintuża cloud fis-setturi privati u pubbliċi; jilqa' l-pjan tal-Kummissjoni biex testendi l-bażi tal-utenti għall-industrija u l-gvernijiet malajr kemm jista' jkun;

2.  Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Inizjattiva Cloud Ewropea – Il-bini ta' dejta kompetittiva u ekonomija tal-għarfien fl-Ewropa", u jemmen li dan hu l-ewwel pass fit-twaqqif ta' bażi xierqa għal azzjonijiet miftuħa u kompetittivi Ewropej fil-qasam tal-cloud computing u tal-informatika ta' prestazzjoni għolja;

3.  Jilqa' l-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing tal-Kummissjoni bħala parti mill-implimentazzjoni tal-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali (DSM) u tal-Pakkett dwar id-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea, fejn trawwem it-tkabbir tal-ekonomija diġitali Ewropea, tikkontribwixxi għall-kompetittività tan-negozji u s-servizzi Ewropej u ssaħħaħ il-pożizzjonament tagħhom fis-suq globali; jistieden lill-Kummissjoni biex, permezz ta' miżuri definiti b'mod ċar, tiżgura li din l-inizjattiva hija xierqa biex tilħaq l-iskop tagħha, tħares 'il barra, valida għall-futur u ma toħloqx ostakli sproporzjonati jew mhux ġustifikati;

4.  Jissottolinja l-importanza li l-Unjoni Ewropea ssir ċentru għar-riċerka globali, takkwista massa kritika u toħloq raggruppamenti ta' eċċellenza; jenfasizza li, sabiex l-Unjoni tattira riċerka dinjija ewlenija, huma meħtieġa kemm il-kapaċità f'termini ta' riżorsi kif ukoll ambjent attraenti; jenfasizza, barra minn hekk, li sabiex l-UE ssir l-aktar ekonomija kompetittiva bbażata fuq l-għarfien fid-dinja, hu ta' importanza kbira li jkun hemm ftuħ għal riċerkaturi internazzjonali u b'hekk tattira investimenti internazzjonali;

5.  Jenfasizza li jeħtieġ li tkun aċċelerata l-ħidma fuq l-istandardizzazzjoni fil-cloud computing; jenfasizza li standards u interoperabbiltà aħjar se jippermettu komunikazzjoni bejn id-diversi sistemi bbażati fuq il-cloud u se jevitaw l-effetti tal-lock-in tal-bejjiegħa għal prodotti u servizzi tal-cloud; jistieden lill-Kummissjoni tikkoopera mill-qrib mal-fornituri kummerċjali tal-cloud fl-iżvilupp ta' standards miftuħa għal dan il-qasam;

6.  Jenfasizza li l-valur miżjud ta' din l-inizjattiva Ewropea hu bbażat fuq il-kondiviżjoni ta' data miftuħa u fuq l-iżvilupp ta' ambjent miftuħ u fdat għall-komunità biex jinħażnu, jkunu kondiviżi u użati mill-ġdid id-data u r-riżultati xjentifiċi;

7.  Jenfasizza li l-ħolqien ta' aktar kuxjenza dwar il-benefiċċji tal-cloud computing hu kruċjali, minħabba li t-talba għas-servizzi tal-cloud għadha wisq baxxa fl-Ewropa; jirrimarka li l-cloud computing se jwassal għal tkabbir ekonomiku bħala riżultat tal-kosteffettività u l-iskalabbiltà tiegħu; itenni li l-SMEs huma l-mutur l-aktar importanti tal-Ewropa għat-tkabbir u l-impjiegi; jissottolinja li l-benefiċċji tal-cloud jistgħu partikolarment ikunu sostanzjali għall-SMEs minħabba li ta' spiss ma jkollhomx ir-riżorsi biex jinvestu f'sistemi fiżikament estensivi tal-IT fuq il-post;

8.  Jilqa' l-approċċ ta' Xjenza Miftuħa u r-rwol li dan l-approċċ għandu fil-ħolqien ta' ekonomija tal-għarfien Ewropea, u fil-promozzjoni ulterjuri tal-kwalità tar-riċerka u tal-iżvilupp tagħha fl-Unjoni Ewropea; jenfasizza li, attwalment, il-valur tad-data tar-riċerka miġbura mhuwiex sfruttat bis-sħiħ mill-industrija b'mod ottimali, speċjalment mill-SMEs, minħabba n-nuqqas ta' flussi transfruntiera liberi tad-data u aċċess għal pjattaforma jew portal uniċi, u jinnota li l-Kummissjoni għandha l-għan li tagħmel id-data xjentifika kollha prodotta mill-Programm Orizzont 2020 miftuħa b'mod awtomatiku;

9.  Jenfasizza li l-EOSC għandu jkun akkumpanjat minn strateġija ta' sigurtà ċibernetika komprensiva, peress li l-komunità xjentifika għandha l-ħtieġa ta' infrastruttura tad-data affidabbli li tista' tintuża mingħajr mar-riċerka tiġi esposta għal telf ta' data, korruzzjoni jew intrużjoni; jistieden lill-Kummissjoni tqis il-kwistjonijiet tas-sigurtà ċibernetika mill-ewwel fażi tal-inizjattivi kollha tagħha;

10.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tmexxi bl-eżempju u tara li d-data tar-riċerka kollha ffinanzjata mill-programmi Ewropej – bħal Orizzont 2020, il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE) u oħrajn – u r-riżultati tagħha jkunu miftuħa b'mod awtomatiku, abbażi tal-prinċipji ta' traċċabbiltà, aċċessibbiltà, interoperabbiltà u użu mill-ġdid (il-prinċipji FAIR);

11.  Jinsab imħasseb dwar id-diskrepanza fil-finanzjament ta' EUR 4,7 biljun tal-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing; jitlob lill-Kummissjoni tidentifika mekkaniżmi ta' finanzjament xierqa għall-EOSC u l-Infrastruttura tad-Data Ewropea (EDI); jitlob, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tipprovdi biżżejjed riżorsi għal dan il-qasam ta' politika f'Orizzont 2020 u fil-proposta tagħha għad-Disa' Programm ta' Qafas;

12.  Jirrakkomanda lill-Kummissjoni tiżgura li l-EOSC jibbenefika lir-reġjuni kollha tal-Unjoni, filwaqt li jesplora l-użu tal-fondi ta' żvilupp reġjonali għat-twessigħ tal-inizjattiva;

13.  Jenfasizza li fil-preżent 12 % biss tal-finanzjament impenjat taħt il-FEIS imur għal azzjonijiet relatati mas-settur diġitali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta passi mmirati li jistgħu verament isaħħu l-involviment tal-fondi tal-UE kollha, b'mod partikolari l-FEIS, fi proġetti relatati mas-Suq Uniku Diġitali, inklużi inizjattivi ta' kondiviżjoni tad-data, aċċessibbiltà diġitali, infrastruttura u konnettività diġitali madwar l-Unjoni kollha, u biex talloka aktar riżorsi għat-tisħiħ tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni Ewropej, inkluż, fost affarijiet oħra, fil-qasam ta' teknoloġiji li jtejbu l-privatezza u s-sigurtà ta' sorsi miftuħa; jemmen li din l-inizjattiva għandha tiġi żviluppata f'sinerġija ma' programmi oħra ta' Orizzont 2020, inkluż dwar il-cloud computing privat u s-servizzi elettroniċi tal-gvern;

14.  Jemmen li s-settur privat għandu jkun involut fil-bażi tal-utent tal-EOSC mill-bidu, pereżempju permezz ta' offerta ta' softwer bħala servizz (SaaS); jirrimarka li n-negozju Ewropew huwa mistenni jikkontribwixxi għat-tnaqqis fid-distakk finanzjarju ta' EUR 4,7 biljun tal-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing; jinnota li huwa improbabbli li l-intrapriżi se jinvestu fil-programm jekk mhumiex se jkunu kapaċi jgawdu mill-benefiċċji tiegħu wkoll;

15.  Jenfasizza li infrastruttura ta' superkomputerizzazzjoni tal-ogħla livell hija kruċjali għall-kompetittività tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni twettaq id-disponibbiltà ta' kompjuters fuq skala exa operazzjonali fl-UE sas-sena 2022;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni tinċentiva l-parteċipazzjoni tal-SMEs u l-industriji Ewropej fil-manifattura ta' ħardwer u softwer tal-EDI, tagħti spinta lill-ekonomija tal-UE u tippromwovi t-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni taħdem mal-Istati Membri, u ma' dawk li jiffinanzjaw ir-riċerka, fid-disinn u l-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali għal governanza u finanzjament, filwaqt li tiżgura li riżorsi xierqa huma allokati għal din l-inizjattiva, u biex tiffaċilita l-koordinazzjoni ta' sforzi nazzjonali, filwaqt li tiġi evitata d-duplikazzjoni mhux meħtieġa u l-infiq;

18.  Jaqbel li l-interoperabbiltà u l-portabbiltà tad-data huma essenzjali biex jiġu indirizzati sfidi soċjetali kbar li jirrikjedu kondiviżjoni effiċjenti tad-data u approċċ multidixxiplinarju u b'diversi atturi; jinnota li l-pjan ta' azzjoni previst fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing (COM(2016)0178) huwa għodda meħtieġa biex titnaqqas il-frammentazzjoni u biex jiġi żgurat l-użu ta' data tar-riċerka skont il-prinċipju FAIR;

19.  Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta pjan ta' azzjoni, ibbażat fuq il-prinċipji ta' trasparenza u divulgazzjoni sħiħa, b'pakketti ta' ħidma u skedi ta' żmien ċari, li jiddefinixxu r-riżultati li għandhom jinkisbu, is-sorsi ta' finanzjament u l-partijiet interessati involuti matul il-proċess kollu;

20.  Jappoġġja l-EOSC bħala parti mill-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing li se toħloq ambjent virtwali fejn ix-xjentisti u l-professjonisti mir-reġjuni kollha jistgħu jaħżnu, jikkondividu, jiġġestixxu, janalizzaw u jużaw mill-ġdid id-data tar-riċerka tagħhom, inkluża data tar-riċerka ffinanzjata minn fondi pubbliċi, b'mod interdixxiplinari u transfruntier, sabiex b'hekk jingħata kontribut biex titneħħa l-frammentazzjoni tas-Suq Uniku; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tapplika approċċ komprensiv b'rabta max-xjenza miftuħa li jkun inklużiv fir-rigward tal-komunità tax-xjenza miftuħa u tax-xjentisti indipendenti, jipprovdi aktar ċarezza dwar id-definizzjonijiet użati fil-komunikazzjoni u, b'mod partikolari, joħloq distinzjoni ċara bejn l-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing u l-EUSC, u f'konformità ma' dan, jaġġorna l-leġiżlazzjoni biex jiffaċilita l-użu mill-ġdid tar-riżultati tar-riċerka;

21.  Jemmen li l-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing tiżgura investimenti fl-oqsma tax-xjenza u r-riċerka sabiex jinħolqu l-inċentivi u l-għodda biex jaqsmu u jużaw id-data bl-aktar mod wiesa' possibbli, ibbażata fuq il-bini ta' cloud u infrastruttura tad-data sodi fl-Unjoni Ewropea;

22.  Jenfasizza li l-SMEs huma fil-qalba tal-ekonomija tal-UE, u li hemm bżonn ta' aktar azzjonijiet sabiex tiġi promossa l-kompetittività globali tal-SMEs u n-negozji ġodda bil-għan li jinħoloq l-aħjar ambjent possibbli, b'data ta' kwalità għolja, analitika tad-data, servizzi siguri u kosteffiċjenza mistennija għall-użu ta' żviluppi teknoloġiċi ġodda promettenti;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi bażi ekonomikament vijabbli għal Cloud Ewropea, u biex tieħu passi ċari biex jinkoraġixxu lill-SMEs joffru soluzzjonijiet kompetittivi għall-ipproċessar ta' data u ħżin f'faċilitajiet ibbażati fl-Istati Membri;

24.  Ifakkar fir-riżultati pożittivi miksuba mill-istrutturi pan-Ewropej eżistenti u d-data miftuħa disponibbli fil-faċilitajiet nazzjonali tal-ħżin tad-data; jirrikonoxxi li għad hemm ħafna ostakli fis-Suq Uniku li mhux qed jippermettu l-użu sħiħ ta' din l-inizjattiva; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jeżaminaw il-potenzjal tad-data diġà disponibbli, u jiżguraw strateġija koerenti dwar id-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta' din id-data madwar l-Istati Membri; jinnota li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jridu jesploraw il-ħtieġa ta' investimenti ulterjuri f'infrastruttura fiżika transfruntiera b'enfasi speċjali fuq il-kombinament ta' HPC, networks tal-broadband b'veloċità għolja u faċilitajiet ta' ħżin ta' data tal-massa sabiex tinħoloq ekonomija ta' suċċess immexxija mid-data Ewropea b'saħħitha; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza sħubijiet globali mmexxija mill-industrija u sħubijiet internazzjonali oħra b'rabta ma' din il-kwistjoni;

25.  Jinnota li l-użu tas-servizzi tal-cloud fost l-SMEs Ewropej jeħtieġ li jiġi inkoraġġit aktar; jinnota li fornituri tal-Cloud Ewropea jeħtieġu aktar appoġġ koordinat fil-parteċipazzjoni fid-dinja diġitali, fit-twessigħ tal-fiduċja min-naħa tal-utent u fit-tqajjim tal-kuxjenza dwar il-benefiċċji tal-adozzjoni tal-cloud computing;

26.  Jenfasizza li l-aċċess għall-internet bil-broadband għan-negozji u ċ-ċittadini huwa element indispensabbli ta' data kompetittiva u ekonomija tal-għarfien fl-UE; jemmen, f'dan ir-rigward, li l-iżvilupp tal-cloud għandu jmur id f'id ma' inizjattivi li jżidu l-aċċess għall-internet bil-broadband għan-negozji u ċ-ċittadini, speċjalment f'żoni rurali;

27.  Jinnota li l-azzjonijiet ta' edukazzjoni diġitali bejn il-ġenerazzjonijiet, inkluż il-ħiliet ċibernetiċi, huma kritiċi għall-iżvilupp tal-cloud sabiex jiġu indirizzati u tittieħed azzjoni fuq l-ogħla diskrepanzi fil-ħiliet tekniċi u f'dak li għandu x'jaqsam mal-effikaċja biex jinkisbu l-għanijiet diġitali; jilqa' l-proposti ppreżentati fi ħdan il-qafas tal-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa tal-Kummissjoni adottata reċentament, u jissottolinja l-ħtieġa għal riżorsi finanzjarji xierqa;

28.  Jemmen li negozji ġodda tal-cloud qed joħorġu b'soluzzjonijiet speċjalizzati biex jagħmlu l-cloud computing aktar rapidu, eħfef u aktar affidabbli, flessibbli u sigur;

29.  Jenfasizza li l-HPC, li hija importanti għal żvilupp tal-cloud, għandha tiġi ttrattata bħala parti integrali mill-Infrastruttura Ewropea tad-Data matul l-ekosistema kollha, u li l-benefiċċji għandhom jiġu promossi b'mod wiesa';

30.  Jinnota li l-involviment ta' istituzzjonijiet akkademiċi u ta' riċerka, u ta' partijiet interessati oħra, għandu jiġi mħeġġeġ bil-ħsieb li jinżammu u jiġu appoġġjati l-infrastrutturi integrati tad-data xjentifika u l-HPC;

31.  Jinnota li, bis-servizzi eżistenti, u dawk li se jkunu offruti fil-futur mis-settur privat u mill-pajjiżi barra mill-UE, l-EOSC jeħtieġ jipprovdi kemm inċentivi kif ukoll servizzi ġodda li jkissru d-drawwa li ilha teżisti li jkun hemm dipendenza fuq prattiki ta' riċerka eżistenti;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li jkun hemm enfasi fuq it-tkabbir Ewropew orjentat lejn il-futur biex tinbena industrija tal-cloud kompetittiva fl-UE; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li d-domanda tas-suq għal soluzzjonijiet cloud qed tkompli tiżdied, u li l-adozzjoni tal-cloud tiġi inkoraġġuta fl-industriji vertikali bħall-finanzi, it-tassazzjoni u s-sigurtà soċjali, il-manifattura, il-banek, is-saħħa, il-midja u d-divertiment, u l-agrikultura;

33.  Jemmen li r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Datajipprovdi qafas għall-protezzjoni tad-data personali; jinnota, madankollu, li l-frammentazzjoni tal-implimentazzjoni tiegħu fl-Istati Membri se tagħmilha aktar diffiċli għar-riċerkaturi li jwettqu xogħolhom u jikkondividu s-sejbiet tagħhom, li min-naħa tagħhom se jimminaw l-isforzi biex jistabbilixxu l-kooperazzjoni bejn ir-riċerkaturi permessi permezz tal-cloud computing; jitlob, għalhekk, għall-implimentazzjoni u l-infurzar xierqa ta’ dak ir-Regolament;

34.  Jenfasizza li s-soluzzjonijiet taħt l-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing għandhom jiġu żviluppati filwaqt li jitqiesu d-drittijiet fundamentali minquxa fil-KDF, b'mod partikolari d-drittijiet tal-protezzjoni tad-data, il-privatezza, il-libertà u s-sigurtà;

35.  Jinnota li l-ekonomija tad-data għadha fl-aktar stadji bikrija tagħha, li l-mudelli tan-negozju għadhom qed jiżviluppaw u li dawk li jeżistu diġà qegħdin jiġu mfixkla u fil-proċess ta' evoluzzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li kwalunkwe leġiżlazzjoni f'dan il-qasam se tkun f'konformità mal-"prinċipju tal-innovazzjoni" teknoloġikament newtrali u mhux se timponi ostakli serji għall-innovazzjoni, id-diġitalizzazzjoni tal-industrija jew l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda bħall-IoT u l-intelliġenza artifiċjali (AI) fl-UE;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni taħdem mal-Istati Membri, u mal-partijiet interessati kollha, biex jipparteċipaw fl-identifikazzjoni tal-azzjonijiet ta' implimentazzjoni meħtieġa biex jiġi massimizzat il-potenzjal offrut mill-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing; jemmen li l-innovazzjoni miftuħa u x-xjenza miftuħa jinvolvu ħafna aktar atturi fil-proċess tal-innovazzjoni, mir-riċerkaturi għall-imprendituri, l-utenti, il-gvernijiet u s-soċjetà ċivili;

Il-cloud miftuħa tax-xjenza

37.  Jinnota s-sottorappreżentanza ta' partijiet interessati ewlenin fid-diskussjonijiet u fi proġetti pilota fuq skala kbira; iqis li, filwaqt li jiġu evitati piżijiet amministrattivi, l-involviment attiv ta' partijiet interessati pubbliċi u privati, u tas-soċjetà ċivili fil-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-Unjoni jrid ikun prekundizzjoni għall-iskambju effikaċi tal-informazzjoni; jenfasizza li l-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing għandha tkun ta' benefiċċju u tissodisfa l-ħtiġijiet mhux biss tal-komunità xjentifika, iżda wkoll tal-industrija, inklużi l-SMEs u n-negozji l-ġodda, tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u tal-konsumaturi;

38.  Jenfasizza li l-iżvilupp tal-EOSC għandu jsir b'attenzjoni xierqa għad-drittijiet fundamentali minquxa fil-KDF, b'attenzjoni partikolari għad-drittijiet ta' protezzjoni tad-data, il-privatezza, il-libertà u s-sigurtà, u li huwa jrid jirrispetta l-prinċipji tal-privatezza fid-disinn u b'mod awtomatiku, u l-prinċipji tal-proporzjonalità, in-neċessità, il-minimizzazzjoni tad-data u l-limitazzjoni tal-fini; jirrikonoxxi li l-applikazzjoni ta' salvagwardji addizzjonali, bħall-psewdonimizzazzjoni, l-anonimizzazzjoni jew il-kriptografija, inkluż il-kriptaġġ, tista' tnaqqas ir-riskji u ssaħħaħ il-protezzjoni għas-suġġetti tad-data meta d-data personali tintuża f'applikazzjonijiet tad-data kbar jew mill-cloud computing; ifakkar li l-anonimizzazzjoni tikkostitwixxi proċess irreversibbli, u jitlob lill-Kummissjoni tħejji linji gwida dwar kif għandha tiġi anonimizzata d-data; itenni l-ħtieġa għal protezzjoni speċjali għal data sensittiva f'konformità ma' leġiżlazzjoni eżistenti; jenfasizza li l-prinċipji msemmija hawn fuq, flimkien ma' standards għolja ta' kwalità, affidabbiltà u kunfidenzjalità, huma meħtieġa biex tiġi żgurata l-fiduċja tal-konsumaturi fl-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing;

39.  Jenfasizza li l-Inizjattiva Cloud Miftuħa tax-Xjenza għandha twassal għal cloud affidabbli għal kulħadd: ix-xjentisti, in-negozji u s-servizzi pubbliċi;

40.  Jinnota li hemm ħtieġa li titrawwem pjattaforma kollaborattiva miftuħa, affidabbli għall-ġestjoni, l-analiżi, l-iskambju, l-użu mill-ġdid u l-preservazzjoni tad-data tar-riċerka li fuqha s-servizzi innovattivi jistgħu jiġu żviluppati u mwassla taħt ċerti termini u kundizzjonijiet;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jesploraw oqfsa xierqa ta' governanza u finanzjament, iqisu biżżejjed l-inizjattivi eżistenti, is-sostenibbiltà tagħhom u l-abbiltà tagħhom li jrawmu kundizzjonijiet ekwi madwar l-Ewropa kollha; jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw jintegraw il-programmi ta' finanzjament nazzjonali tagħhom mal-programmi ta' finanzjament tal-UE;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-firxa sħiħa ta' sorsi finanzjarji għall-istabbiliment tal-EOSC u ssaħħaħ strumenti eżistenti biex tiżgura żvilupp iktar rapidu, b'enfasi partikolari fuq l-aħjar prattiki;

43.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li r-riċerka u d-data xjentifika kollha prodotta mill-programm Orizzont 2020 tkun miftuħa b'mod awtomatiku, u jitlob lill-Istati Membri jadattaw il-programmi ta' riċerka nazzjonali tagħhom f'dan is-sens;

44.  Jifhem li l-EOSC se jippromwovi x-xjenza diġitali billi jintegra l-IT bħala servizz lis-settur tar-riċerka pubblika fl-UE; jappella għal "mudell federali tal-cloud tax-xjenza" li jiġbor flimkien l-organizzazzjonijiet tar-riċerka pubblika, il-partijiet interessati, l-SMEs, in-negozji l-ġodda u l-infrastrutturi elettroniċi b'fornituri kummerċjali sabiex tinbena pjattaforma komuni li toffri firxa ta' servizzi lill-komunitajiet ta' riċerka tal-UE;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, b'kooperazzjoni ma' partijiet interessati oħra, jistabbilixxu pjan direzzjonali biex, malajr kemm jista' jkun, jagħtu skeda ta' żmien ċara għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet previsti fl-EOSC;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta bir-reqqa l-ħtiġijiet tar-riċerkaturi pubbliċi Ewropej sabiex tidentifika lakuni possibbli fil-provvista tal-infrastruttura cloud fl-UE; jemmen li, jekk jiġu identifikati lakuni, il-Kummissjoni għandha tistieden lill-fornituri Ewropej tal-infrastruttura cloud jikkondividu l-pjanijiet direzzjonali ta' żvilupp b'tali mod li jivvalutaw jekk l-investimenti privati huma biżżejjed biex jindirizzaw tali lakuni, jew jekk hux meħtieġ aktar finanzjament pubbliku biex jingħalqu;

47.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li r-riċerka u d-data xjentifika kollha prodotta mill-programm Orizzont 2020 għandha tibbenefika lin-negozji Ewropej u l-pubbliku; huwa favur bidla fl-istrutturi tal-inċentivi għall-akkademiċi, l-industrija u s-servizzi pubbliċi biex jiskambjaw id-data tagħhom u t-titjib tal-ġestjoni tad-data, it-taħriġ, il-ħiliet fl-inġinerija u l-litteriżmu;

48.  Jilqa' l-fatt li l-Inizjattiva tal-Cloud tiffoka fuq il-bini ta' netwerks fuq medda ta' frekwenza għolja, faċilitajiet ta' ħżin fuq skala kbira, informatika ta' prestazzjoni għolja u ekosistema Ewropea tal-big data;

49.  Jenfasizza li l-iżvilupp tal-5G, kif ukoll ir-regoli tal-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, għandhom jagħmlu l-EOSC aktar attraenti billi joffru internet ta' kwalità għolja u infrastruttura ġdida u ta' kwalità għolja;

50.  Japprova l-ambizzjoni tal-Kummissjoni li l-Unjoni tkun kapaċi tiġġestixxi ammonti kbar ta' data, b'infrastrutturi mħaddma minn servizzi li jużaw data f'ħin reali minn sensuri jew applikazzjonijiet li jgħaqqdu d-data minn sorsi differenti; jinnota li l-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing għandha l-għan li tiżgura ħidma aħjar u aktar armonizzata fuq l-iżvilupp tal-infrastruttura;

51.  Jappoġġja l-iżvilupp ulterjuri tan-netwerk GÉANT bil-għan li dan isir l-iktar netwerk internazzjonali avvanzat u ż-żamma tar-rwol tat-tmexxija tal-UE fir-riċerka;

52.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkoordinaw ma' partijiet interessati sabiex titnaqqas il-frammentazzjoni tal-infrastrutturi diġitali billi jistabbilixxu pjan direzzjonali għal azzjonijiet u għal struttura b'saħħitha ta' governanza li tinvolvi finanzjaturi, xerrejja u utenti, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi l-prinċipji tax-xjenza miftuħa għall-ġestjoni u l-iskambju ta' data mingħajr ma tixxekkel l-innovazzjoni u mingħajr ma jkun hemm ksur tal-privatezza u tal-propjetà intellettwali fl-era diġitali;

53.  Jenfasizza l-importanza li t-twaqqif tal-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing ikun ibbażat fuq l-elementi kostitwenti tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, b'mod partikolari l-karti tal-identità elettroniċi u l-firem elettroniċi, bil-għan li tissaħħaħ il-fiduċja tal-utenti fil-komunikazzjonijiet elettroniċi siguri, interoperabbli u mingħajr xkiel madwar l-Unjoni;

54.  Jistieden lill-Kummissjoni talloka aktar riżorsi lejn it-tisħiħ tar-riċerka, l-iżvilupp, l-innovazzjoni u t-taħriġ Ewropej fil-qasam tal-cloud computing, filwaqt li jenfasizza l-ħtieġa għal infrastruttura u proċessi li jissalvagwardjaw id-data miftuħa u l-privatezza tal-utenti;

55.  Jinsisti li l-istandards għandhom jippermettu l-portabbiltà faċli u sħiħa, u grad għoli ta' interoperabbiltà, bejn is-servizzi tal-cloud;

56.  Jemmen b'mod qawwi li l-inizjattiva Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa għandha tistrieħ fuq standards miftuħa biex tiżgura interoperabbiltà u komunikazzjoni bla xkiel, u biex jiġi evitat lock-in;

57.  Jenfasizza li l-użu ta' standards miftuħa u ta' softwer mingħajr ħlas u minn sors miftuħ huwa partikolarment importanti biex tiġi żgurata t-trasparenza meħtieġa dwar kif data personali u tipi oħra ta' data sensittiva fil-fatt qed jiġu mħarsa;

58.  Jinnota li l-ekonomija Ewropea qed isserraħ dejjem iktar fuq is-setgħa ta' superkompjuters biex toħloq soluzzjonijiet innovattivi, tnaqqas l-ispejjeż u tnaqqas iż-żmien fejn prodotti u servizzi jiġu kkumerċjalizzati; jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni biex toħloq sistema ta' superkompjuter fuq skala exa bbażata fuq teknoloġija tal-ħardwer Ewropea;

59.  Jemmen li l-Ewropa teħtieġ ekosistema HPC sħiħa biex jinkisbu superkompjuters tal-ogħla kwalità, tiżgura sistema tal-provvista HPC u tipprovdi servizzi HPC għall-industrija u l-SMEs għal simulazzjoni, viżwalizzazzjoni u prototipi; iqis li huwa ta' importanza fundamentali għall-UE li tikklassifika fost l-ewwel setgħat tas-superkomputerizzazzjoni fid-dinja sal-2022;

60.  Jemmen li l-Pjattaforma Ewropea għat-Teknoloġija u s-Sħubija Pubblika-Privata kuntrattwali (cPPP) dwar l-HPC huma kruċjali għad-definizzjoni tal-prijoritajiet tar-riċerka tal-UE fl-iżvilupp ta' teknoloġija Ewropea fis-setturi kollha tas-soluzzjoni tal-HPC fil-katina tal-provvista;

61.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni, f'konformità mal-Quantum Manifesto, biex tniedi inizjattiva fuq skala ewlenija ta' EUR 1 biljun fit-teknoloġija quantum;

62.  Ifakkar lill-Kummissjoni li l-industrija tas-servizzi tal-cloud diġà investiet biljuni ta' euro fil-bini ta' infrastruttura mill-aqwa fl-Ewropa; jirrimarka li x-xjenzati u r-riċerkaturi tal-UE llum jistgħu jużaw infrastruttura cloud li toffrilhom l-abbiltà li jesperimentaw u jinnovaw malajr billi jaċċessaw varjetà wiesgħa ta' servizzi, iħallsu biss għal dak li jużaw, biex b'hekk inaqqsu d-dewmien għax-xjenza; jinnota li l-appoġġ kritiku tal-UE għar-riċerka u l-iżvilupp m'għandux jinħela fuq id-duplikazzjoni ta' riżorsi eżistenti, iżda minflok fuq l-inkoraġġiment ta' riżultati rivoluzzjonarji f'oqsma ġodda xjentifiċi li jistgħu jagħtu spinta lit-tkabbir u lill-kompetittività;

63.  Jenfasizza li l-komunità xjentifika għandha bżonn ta' sors miftuħ, sikur u sigur ta' infrastruttura ta' kapaċità għolja bil-għan li tiġi avvanzata r-riċerka u jiġu evitati ksur tas-sigurtà potenzjali, attakki ċibernetiċi jew użu ħażin tad-data personali, speċjalment meta jinġabru, jinħażnu u jiġu pproċessati ammonti kbar ta' data; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw u jinċentivaw l-iżvilupp tat-teknoloġija meħtieġa, inklużi t-teknoloġiji ta' kriptografija, filwaqt li jitqies l-approċċ tas-"sigurtà bid-disinn"; jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni – fost l-awtoritajiet pubbliċi, l-industrija Ewropea (inklużi l-SMEs u n-negozji l-ġodda), ir-riċerkaturi u l-akkademiċi fil-qasam tal-ammonti kbar ta' data u ċ-ċibersigurtà – mill-istadji bikrija tal-proċess ta' riċerka u innovazzjoni, sabiex jippermetti l-ħolqien ta' soluzzjonijiet Ewropej innovattivi u affidabbli u opportunitajiet tas-suq, filwaqt li jiġi żgurat livell adegwat ta' sigurtà;

64.  Jemmen li l-iżvilupp ta' standards ċari għall-interoperabbiltà cloud, il-portabbiltà tad-data u l-ftehimiet dwar il-livell ta' servizz żgur se jiżguraw ċertezza u trasparenza kemm għall-fornituri tal-cloud kif ukoll għall-utenti aħħarin;

65.  Jenfasizza li l-affidabbiltà, is-sigurtà u l-protezzjoni tad-data personali huma meħtieġa biex tiġi żgurata l-fiduċja tal-konsumatur, b'din il-fiduċja tkun bażi għal kompetittività b'saħħitha;

66.  Jinnota li l-industrija għandha taqdi rwol ewlieni fl-iżvilupp ta' standards aċċettati b'mod wiesa' adatti għall-era diġitali, u li tali standards jistgħu jagħtu lill-fornituri tal-cloud il-kunfidenza biex jibqgħu jinnovaw, u lill-utenti l-kunfidenza biex jadottaw aktar is-servizzi tal-cloud fil-livell tal-Unjoni;

67.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu rwol ta' tmexxija fil-promozzjoni ta' interoperabbiltà intersettorjali, translingwistika u transfruntiera u ta' standards cloud, u fl-appoġġ ta' servizzi tal-cloud li jirrispettaw il-privatezza, affidabbli, siguri u effiċjenti fl-enerġija bħala parti integrali ta' strateġija komuni li tiffoka fuq il-massimizzazzjoni tal-opportunitajiet għall-iżvilupp ta' standards li għandhom il-kapaċità li jsiru standards dinjija;

68.  Jinnota li huwa meħtieġ pjan ta' azzjoni dwar l-interoperabbiltà tad-data biex tiġi sfruttata l-kwantità għolja ta' data li x-xjentisti Ewropej jipproduċu u biex jittejjeb l-użu mill-ġdid ta' din id-data fix-xjenza u l-industrija; jistieden lill-Kummissjoni taħdem ma' partijiet interessati xjentifiċi ewlenin biex jipproduċu sistemi effikaċi li jagħmlu d-data – inkluża meta-data, speċifikazzjonijiet komuni u identifikaturi tal-oġġett tad-data – li tista' tinstab, aċċessibbli, interoperabbli u li tista' tintuża mill-ġdid (FAIR);

69.  Jinnota li l-UE qiegħda tonqos milli tinvesti fl-ekosistema HPC tagħha sal-istess punt bħal kif qed isir f'reġjuni oħra tad-dinja, u dan mhuwiex f'konformità mal-potenzjal ekonomiku u ta' għarfien tagħha;

70.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-interoperabbiltà, u tevita sitwazzjonijiet ta' lock-in tal-bejjiegħa, billi tħeġġeġ fornituri diversi tal-cloud fl-Ewropa biex joffru għażla ta' servizzi tal-infrastruttura kompetittivi, interoperabbli u portabbli;

71.  Jitlob għal miżuri biex tiġi ppreservata sistema ta' standardizzazzjoni ta' kwalità għolja li tista' tattira l-aħjar kontribuzzjonijiet fit-teknoloġija; jitlob lill-Kummissjoni tadotta politiki li jneħħu l-ostakli eċċessivi fis-setturi innovattivi sabiex tinċentivizza investimenti fir-riċerka u fl-iżvilupp, u fl-istandardizzazzjoni madwar l-Unjoni kollha;

72.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timmassimizza l-isforzi tagħha biex ikun evitat il-lock-in tal-bejjiegħa fuq is-suq diġitali mill-bidu, speċjalment f'oqsma emerġenti bħall-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing;

73.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-interoperabbiltà u tal-istandards biex tingħata spinta lill-kompetittività fis-settur tal-ICT; jitlob lill-Kummissjoni tidentifika lakuni fl-istandards EOSC, inkluż fir-rigward tal-SMEs, in-negozji l-ġodda u s-setturi Ewropej ewlenin; jappoġġja l-iżvilupp ta' standards immexxija mis-suq, volontarji, newtrali mil-lat tat-teknoloġija, trasparenti, kompatibbli b'mod globali u rilevanti għas-suq;

74.  Iqis li l-programm ISA2 joffri opportunità li jiġu żviluppati standards ta' interoperabbiltà għall-ġestjoni tal-big data fi ħdan l-amministrazzjonijiet pubbliċi u fit-trattattivi tagħhom man-negozji u ċ-ċittadini;

75.  Jirrikonoxxi li l-istandards għandhom jirriflettu l-ħtiġijiet reali tal-industrija u ta' partijiet ikkonċernati oħra; jenfasizza li huwa essenzjali li jiġu żviluppati standards komuni ta' livell għoli u li jintlaħaq qbil dwarhom sabiex jiġi żgurat użu effiċjenti u l-kondiviżjoni tad-data lil hinn mill-fruntieri nazzjonali, l-istituzzjonijiet u d-dixxiplini individwali; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika, fejn xieraq, l-aħjar skemi ta' ċertifikazzjoni fl-Istati Membri, bil-għan li jiġu stabbiliti, bl-involviment ta' partijiet interessati rilevanti, sett ta' standards immexxija mid-domanda, pan-Ewropej li jiffaċilita l-iskambju tad-data u li huwa bbażat fuq standards miftuħa u globali kull meta ġġustifikat; jenfasizza li l-azzjonijiet meħuda fir-rigward tal-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing jridu jiżguraw li l-ħtiġijiet tas-Suq Uniku jittieħdu inkonsiderazzjoni u li dan is-suq jibqa' aċċessibbli b'mod globali u jkun risponsiv għall-evoluzzjoni teknoloġika;

76.  Jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tneħħi l-ostakli, speċjalment dawk tekniċi u ġuridiċi, għall-moviment liberu tad-data u tas-servizzi tad-data, li tneħħi wkoll ir-rekwiżiti sproporzjonati tal-lokalizzazzjoni tad-data, u li tippromwovi l-interoperabbiltà tad-data billi torbot l-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing mal-Inizjattiva dwar il-Fluss Liberu tad-Data; iqis li, sabiex tinkiseb soċjetà diġitali, il-fluss liberu tad-data jrid jitqies bħala l-ħames libertà fi ħdan is-Suq Uniku; jinnota li qafas ġuridiku ċar, kompetenzi u riżorsi suffiċjenti relatati mal-ġestjoni ta' big data, kif ukoll ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali rilevanti huma prerekwiżiti biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-cloud computing; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkoopera mal-partijiet interessati, speċjalment mal-industrija, biex jiġu identifikati l-opportunitajiet ta' taħriġ fil-qasam tal-big data u tal-kodifikazzjoni anki fl-ambitu tal-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet, u toħloq inċentivi għall-partijiet interessati, b'mod partikolari l-SMEs u n-negozji l-ġodda, biex jużaw, jiftħu u jikkondividu data fis-Suq Uniku;

77.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni, f'konformità mal-Quantum Manifesto biex tniedi inizjattiva fuq skala ewlenija ta' EUR 1 biljun fit-teknoloġija quantum; jenfasizza, madankollu, li sabiex jitħaffef l-iżvilupp tagħhom u l-prodotti kummerċjali jitressqu lejn l-utenti pubbliċi u privati, konsultazzjoni mal-partijiet interessati li hija trasparenti u miftuħa hi kruċjali;

Il-kondiviżjoni tad-data miftuħa, il-kondiviżjoni tad-data tar-riċerka

78.  Jilqa' l-fatt li l-iżvilupp tal-EOSC se jippermetti lir-riċerkaturi u lill-professjonisti tax-xjenza dwar post fejn jaħżnu, jikkondividu, jużaw u jużaw mill-ġdid id-data, u jista' jistabbilixxi l-pedament għal innovazzjoni mmexxija mid-data fl-UE; jenfasizza li l-benefiċċji ta' kondiviżjoni tad-data ġew rikonoxxuti b'mod wiesa';

79.  Jinnota li d-data saret essenzjali għat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell lokali, nazzjonali u globali; jinnota li l-kondiviżjoni tad-data għandha wkoll benefiċċji importanti għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, u l-ftuħ tad-data tal-gvern isaħħaħ id-demokrazija u joħloq opportunitajiet kummerċjali ġodda;

80.  Jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni, flimkien ma' dawk tar-riċerkaturi u l-akkademiċi tal-industrija Ewropea, biex jiżviluppaw is-Sħubija Pubblika-Privata (PPP) tal-Valur tal-Big Data, f'sinerġija mas-cPPP dwar l-HPC li ssaħħaħ il-bini tal-komunità madwar id-data u l-HPC u tistabbilixxi l-bażi għal ekonomija ta' suċċess immexxija mid-data fl-UE; jappoġġja l-PPP taċ-ċibersigurtà li trawwem kooperazzjoni bejn atturi pubbliċi u privati fi stadji bikrija tal-proċess ta' riċerka u innovazzjoni sabiex ikun jistgħu jiġu aċċessati soluzzjonijiet Ewropej innovattivi u affidabbli;

81.  Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tikkoordina mill-qrib, u kemm jista' jkun malajr, mas-sħab tal-industrija, speċjalment l-SMEs u n-negozji l-ġodda, sabiex tiggarantixxi li r-rekwiżiti tan-negozji u tal-industrija huma indirizzati u integrati b'mod adegwat fl-istadju aktar tard tal-inizjattiva;

82.  Jinkoraġġixxi l-amministrazzjonijiet pubbliċi jikkunsidraw servizzi tal-cloud li huma sikuri, affidabbli u siguri billi jipprovdu qafas ġuridiku ċar u billi jaħdmu aktar biex jiżviluppaw skemi ta' ċertifikazzjoni speċifiċi għall-cloud; jinnota li n-negozji u l-konsumaturi għandhom bżonn li jħossuhom kunfidenti fl-adozzjoni ta' teknoloġiji ġodda;

83.  Jemmen li l-amministrazzjonijiet pubbliċi għandu jkollhom aċċess miftuħ għal data pubblika tal-gvern b'mod awtomatiku; jitlob li jsir progress f'li jiġi determinat il-grad u l-pass tar-rilaxx tal-informazzjoni bħala data miftuħa, fl-identifikazzjoni ta' settijiet ta' data ewlenin li jsiru disponibbli u fil-promozzjoni tal-użu mill-ġdid tad-data miftuħa f'forma miftuħa;

84.  Jinnota li t-tkabbir enormi fit-teknoloġiji diġitali huwa l-mutur ewlieni għall-ġenerazzjoni ta' flussi massivi ta' data mhux ipproċessata f'ambjenti cloud, u li dan il-ġbir enormi ta' flussi ta' data mhux ipproċessata f'sistemi ta' big data żied il-kumplessità komputazzjonali u l-konsum tar-riżorsi f'sistemi tal-estrazzjoni ta' data cloud-enabled; jinnota, barra minn hekk, li l-kunċett ta' kondiviżjoni tad-data ibbażat fuq mudell, jippermetti pproċessar tad-data lokali viċin is-sorsi tad-data u jittrasforma l-flussi ta' data mhux ipproċessata f'mudelli ta' għarfien azzjonabbli; ifakkar li dawn il-mudelli ta' għarfien għandhom utilità doppja f'dak li jikkonċerna d-disponibbiltà tal-mudelli ta' għarfien għal azzjonijiet immedjati kif ukoll għal kondiviżjoni ta' data parteċipatorja f'ambjenti cloud;

85.  Japprova l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Mejju 2016 dwar it-tranżizzjoni lejn sistema ta' xjenza miftuħa, b'mod partikolari l-konklużjoni li l-prinċipju sottostanti għall-aħjar użu mill-ġdid tad-data tar-riċerka għandu jkun "miftuħ kemm jista' jkun, magħluq kif meħtieġ";

Estrazzjoni ta' test u ta' data

86.  Jenfasizza li d-disponibbiltà sħiħa tad-data pubblika fi ħdan l-EOSC mhix se tkun biżżejjed biex jitneħħew l-ostakli kollha bbażati fuq id-data tar-riċerka;

87.  Jinnota li l-inizjattiva għandha bżonn tkun ikkumplimentata minn qafas modern tad-drittijiet tal-awtur li għandu jippermetti t-tneħħija tal-frammentazzjoni u n-nuqqas ta' interoperabbiltà mill-proċess Ewropew tad-data tar-riċerka;

88.  Jemmen li l-inizjattiva għandha tippreserva l-bilanċ bejn id-drittijiet tar-riċerkaturi u dawk tad-detenturi tad-drittijiet u atturi oħra fil-qasam xjentifiku, bil-garanzija tar-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-awturi u l-pubblikaturi, filwaqt li fl-istess ħin tiġi appoġġjata riċerka innovattiva fl-Ewropa;

89.  Jemmen li d-data tar-riċerka tista' tiġi kondiviża fi ħdan l-EOSC mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-awtur li huma proprjetà tar-riċerkaturi jew tal-istituzzjonijiet ta' riċerka, billi jiġu stabbiliti mudelli ta' liċenzjar meta meħtieġ; jemmen li l-aħjar prattiki f'dan ir-rigward qed jiġu stabbiliti fi ħdan il-proġett pilota dwar l-aċċess miftuħ għad-data tar-riċerka (Open Research Data Pilot) ta' Orizzont 2020;

90.  Jemmen li d-Direttiva Database 96/9/KE, li jeħtieġ li tiġi rieżaminata, tillimita l-użu ta' data mingħajr evidenza li toħloq valur ekonomiku jew xjentifiku miżjud;

Il-protezzjoni tad-data, id-drittijiet fundamentali u s-sigurtà tad-data

91.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu azzjoni biex tippromwovi l-armonizzazzjoni ulterjuri tal-liġijiet fl-Istati Membri biex tevita konfużjoni u frammentazzjoni ġurisdizzjonali, u biex tiżgura li jkun hemm trasparenza fis-suq uniku diġitali;

92.  Jemmen li l-Unjoni Ewropea qiegħda fuq quddiem nett fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza, u tirrakkomanda livell għoli ta' protezzjoni tad-data madwar id-dinja;

93.  Jenfasizza li huwa meħtieġ approċċ ikkoordinat li għandu jittieħed mill-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data, dawk li jfasslu l-politika u l-industrija, għall-benefiċċju tal-organizzazzjonijiet f'din it-tranżizzjoni billi jipprovdu għodod ta' konformità u interpretazzjoni u applikazzjoni uniformi tal-obbligi, u billi jqajmu kuxjenza dwar il-kwistjonijiet ewlenin għaċ-ċittadini u n-negozji;

94.  Jenfasizza li l-UE hija importatur u esportatur dinji ta' servizzi diġitali, u li teħtieġ cloud computing b'saħħtu u ekonomija mmexxija mid-data qawwija biex tkun kompetittiva; jistieden lill-Kummissjoni tieħu rwol ta' tmexxija fl-isforzi tagħha lejn il-ħolqien ta' standards aċċettati b'mod globali u uniformi tal-protezzjoni tad-data personali;

95.  Jemmen li l-flussi tad-data globali huma indispensabbli għall-kummerċ internazzjonali u t-tkabbir ekonomiku, u li l-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar il-fluss liberu tad-data għandha tippermetti lill-kumpaniji li joperaw fl-Ewropa – u b'mod partikolari fis-settur dejjem jikber tal-cloud computing – biex ikunu minn ta' quddiem fit-tellieqa globali tal-innovazzjoni; jenfasizza li l-inizjattiva għandha wkoll l-għan li tneħħi kwalunkwe restrizzjoni arbitrarja dwar fejn il-kumpaniji għandhom isibu l-infrastruttura jew jaħżnu d-data, peress li tali restrizzjonijiet ixekklu l-iżvilupp tal-ekonomija tal-Ewropa;

96.  Jemmen li l-leġiżlazzjoni attwali tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data, b'mod partikolari r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data adottat reċentement u d-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data (id-Direttiva (UE) 2016/680)(10), tipprovdi salvagwardji b'saħħithom għall-protezzjoni tad-data personali, inkluża dik miġbura, aggregata u psewdonimizzata għal skopijiet ta' riċerka xjentifika u data sensittiva relatata mas-saħħa, flimkien ma' kundizzjonijiet speċifiċi rigward il-pubblikazzjoni u l-iżvelar tagħha, id-dritt tas-suġġetti tad-data li joġġezzjonaw għall-ipproċessar ulterjuri, u regoli dwar l-aċċess għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fil-kuntest ta' investigazzjonijiet kriminali; jistieden lill-Kummissjoni tqis dawn is-salvagwardji għall-iżvilupp tal-EOSC u l-implimentazzjoni ta' regoli li jirregolaw l-aċċess għal data maħżuna fih; jirrikonoxxi li approċċ armonizzat fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, inklużi l-linji gwida, l-għodod tal-konformità u l-kampanji ta' sensibilizzazzjoni għaċ-ċittadini, riċerkaturi u negozji, huwa kruċjali, speċjalment għall-iżvilupp tal-EOSC u l-faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni fir-riċerka, inkluż permezz ta' informatika ta' prestazzjoni għolja;

97.  Iqis li l-fluss liberu tad-data huwa ta' benefiċċju għall-ekonomija diġitali u l-iżvilupp tax-xjenza u r-riċerka; jenfasizza li l-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar il-fluss liberu tad-data għandha tippermetti lis-settur Ewropew tal-cloud computing li dejjem jikber li jkun minn ta' quddiem fit-tellieqa globali għall-innovazzjoni, inkluż għal finijiet ta' xjenza u innovazzjoni; ifakkar li kwalunkwe trasferiment ta' data personali lejn l-infrastrutturi tal-cloud jew reċipjenti oħra li jinsabu 'l barra mill-Unjoni għandu jirrispetta r-regoli għat-trasferimenti previst fir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, u li l-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar il-fluss liberu tad-data għandha tkun f'konformità ma' dawn id-dispożizzjonijiet; jenfasizza li l-inizjattiva għandha timmira wkoll li tnaqqas ir-restrizzjonijiet fir-rigward tal-post fejn il-kumpaniji għandhom infrastruttura jew jaħżnu data, peress li dawn ixekklu l-iżvilupp tal-ekonomija tal-Ewropa u jipprevjenu lil xjenzati milli jgawdu l-benefiċċji sħaħ ta' xjenza mmexxija mid-data, filwaqt li jinżammu restrizzjonijiet skont il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data sabiex jiġu evitati abbużi possibbli fil-futur fir-rigward tal-EOSC;

98.  Jemmen bis-sħiħ li l-Unjoni għandha tkun fuq quddiem fir-rigward tas-sigurtà u l-protezzjoni tad-data personali, inkluża data sensittiva, u għandha tippromwovi livell għoli ta' protezzjoni tad-data u ta' sigurtà tad-data madwar id-dinja; jemmen li l-qafas tal-protezzjoni tad-data tal-UE, flimkien ma' strateġija ta' ċibersigurtà inklużiva li tiżgura infrastrutturi affidabbli tad-data li huma protetti kontra t-telf tad-data, interferenza jew attakki, jistgħu jirrappreżentaw vantaġġ kompetittiv għal kumpaniji Ewropej fir-rigward tal-privatezza; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-EOSC jippreserva l-indipendenza u l-oġġettività xjentifika tar-riċerka, kif ukoll jipproteġi x-xogħol tal-komunità xjentifika fi ħdan l-Unjoni;

99.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li t-tħassib dwar id-drittijiet fundamentali, il-privatezza, il-protezzjoni tad-data, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-informazzjoni sensittiva jiġu ttrattati b'konformità stretta mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data u mad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data (95/46/KE); jenfasizza li t-theddid għas-sigurtà tal-infrastruttura tal-cloud computing saru aktar internazzjonali, mifruxa u kumplessi, qed ixekklu l-użu aktar intensiv tagħha, u jirrikjedu kooperazzjoni Ewropea; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri biex, f'konsultazzjoni mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA), jikkooperaw sabiex tiġi stabbilita infrastruttura diġitali sikura u affidabbli u jinkisbu livelli għolja ta' ċibersigurtà b'konformità mad-Direttiva dwar l-NIS;

100.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li din l-inizjattiva tkun adattata għall-iskop tagħha, tħares 'il barra, valida għall-futur u teknoloġikament newtrali, u jenfasizza l-fatt li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jridu jieħdu rwol ta' tmexxija fis-suq u mill-industrija tal-cloud computing innifisha sabiex jilħqu d-domandi attwali u futuri tas-settur bl-aħjar mod, u biex jixprunaw l-innovazzjoni f'teknoloġiji bbażati fuq il-cloud;

101.  Jinnota l-potenzjal tal-big data biex toħloq innovazzjoni teknoloġika u tibni l-ekonomija tal-għarfien; jinnota li t-tnaqqis tal-ostakli u l-kondiviżjoni tal-għarfien se jagħti spinta lill-kompetittività tan-negozji filwaqt li jkun ta' benefiċċju wkoll għall-awtoritajiet lokali u reġjonali; jenfasizza l-importanza li tiġi ffaċilitata l-portabbiltà tad-data;

102.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu ma' inizjattivi li jiffissaw standards u li huma mmexxija mill-industrija biex jiżguraw li s-suq uniku jibqa' aċċessibbli għall-pajjiżi terzi u risponsiv għall-evoluzzjoni teknoloġika, jevita ostakli li se jxekklu l-innovazzjoni u l-kompetittività fl-Ewropa; jinnota li l-iffissar ta' standards f'dak li jirrigwardja l-privatezza u s-sigurtà tad-data huwa relatat mill-qrib mal-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni, u li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom rwol ewlieni x'jaqdu;

103.  Jisħaq li jrid ikun hemm kunsiderazzjoni tal-inizjattivi eżistenti biex tiġi evitata d-duplikazzjoni li tista' xxekkel il-ftuħ, il-kompetizzjoni u t-tkabbir, u li standards xprunati mis-suq, pan-Ewropej għall-kondiviżjoni tad-data jridu jkunu f'konformità mal-istandards internazzjonali;

104.  Jenfasizza l-bżonn li jinstab bilanċ bejn it-tħassib leġittimu dwar il-protezzjoni tad-data u l-bżonn li jiġi żgurat "fluss liberu tad-data" mhux sfruttat; jisħaq dwar il-ħtieġa li regoli eżistenti dwar il-protezzjoni tad-data jiġu rrispettati f'suq miftuħ tal-big data;

105.  Jappoġġja l-proposta li tagħmel id-data tar-riċerka miftuħa l-opzjoni awtomatika għal proġetti ġodda ta' Orizzont 2020, peress li d-data tar-riċerka ffinanzjata pubblikament hija ġid pubbliku, prodott fl-interess pubbliku u għandha tkun disponibbli b'mod miftuħ, b'kemm jista' jkun ftit restrizzjonijiet u mingħajr dewmien u b'mod responsabbli;

106.  Jinnota li l-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing tiffoka fuq setturi potenzjalment sensittivi ta' R&D u e-Portals tal-gvern; itenni li l-aħjar mod li bih tiġi ttrattata ċ-ċibersigurtà għas-servizzi tal-cloud huwa permezz tal-qafas tad-Direttiva dwar l-NIS;

107.  Jinnota l-importanza li tiġi ffaċilitata l-interoperabbiltà ta' tagħmir differenti fi ħdan in-netwerks, l-għoti ta' garanzija ta' sigurtà u l-promozzjoni ta' ktajjen tal-forniment tal-komponenti, kollha kemm huma importanti għall-kummerċjalizzazzoni tat-teknoloġija;

o
o   o

108.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 81 E, 15.3.2011, p. 45.
(2) ĠU L 318, 4.12.2015, p. 1.
(3) ĠU L 175, 27.6.2013, p. 1.
(4) Testi adottati, P8_TA(2016)0089.
(5) Testi adottati, P8_TA(2016)0009.
(6) ĠU C 482, 23.12.2016, p. 89.
(7) ĠU C 468, 15.12.2016, p. 19.
(8) ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.
(9) ĠU L 194, 19.7.2016, p. 1.
(10) ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89.

Avviż legali