Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2295(IMM)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0047/2017

Testi mressqa :

A8-0047/2017

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 02/03/2017 - 6.1

Testi adottati :

P8_TA(2017)0056

Testi adottati
PDF 256kWORD 51k
Il-Ħamis, 2 ta' Marzu 2017 - Brussell
Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Marine Le Pen
P8_TA(2017)0056A8-0047/2017

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Marzu 2017 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Marine Le Pen (2016/2295(IMM))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta’ Marine Le Pen, imressqa fil-5 ta' Ottubru 2016 minn Jean-Jaques URVOAS, Għassies tas-Siġilli fil-Ministeru tal-Ġustizzja Franċiż, b'rabta mal-proċediment ta' investigazzjoni fil-konfront tal-Onor. Marine Le Pen pendenti quddiem il-Qorti Distrettwali ta' Nanterre minħabba li xandret immaġini Iżlamistiċi ta' natura vjolenti fuq il-kont Twitter tagħha,

–  wara li sema' lill-Onor. Jean-François Jalkh, li jirrappreżenta lil Marine Le Pen skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,

–  wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta' Mejju 1964, tal-10 ta' Lulju 1986, tal-15 u tal-21 ta' Ottubru 2008, tad-19 ta' Marzu 2010, tas-6 ta' Settembru 2011 u tas-17 ta' Jannar 2013(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Franċiża,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2) u 6(1) u l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0047/2017),

A.  billi l-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi talbu li titneħħa l-immunità ta’ Marine Le Pen, Membru tal-Parlament Ewropew u President tal-Front Nazzjonali (FN), fil-kuntest ta' proċediment għat-tixrid permezz tal-kont Twitter tagħha, ta' immaġini ta' natura vjolenti li jirrappreżentaw l-eżekuzzjonijiet ta' tliet ostaġġi tal-grupp terroristiku Daesh flimkien mal-kumment "Araw x'inhu d-Daesh" fis-16 ta' Diċembru 2015, wara intervista fuq l-istazzjon tar-radju RMC li fiha l-progress tal-FN kien ġie mqabbel mal- attivitajiet tal-grupp terroristiku Daesh;

B.  billi jirriżulta, mill-prattika tal-Parlament Ewropew, li l-immunità ta' Membru ta' din il-Kamra tista' titneħħa meta opinjonijiet espressi u/jew immaġini li huma suġġett ta’ azzjoni legali ma jkollhomx rabta ċara jew diretta mal-qadi ta' dmirijiet parlamentari, mill-Membru Parlamentari li kontra tiegħu ikunu qed jitressqu l-proċedimenti, u ma jikkostitwixxux opinjonijiet espressi jew votazzjonijiet mitfugħin fil-kuntest ta' dawk il-funzjonijiet, fit-tifsira tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea u fis-sens tal-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Franċiża;

C.  billi, barra minn hekk, l-Artikolu 9 ta’ dak il-Protokoll jiddikjara li l-Membri tal-Parlament Ewropew "igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament tagħhom";

D.  billi t-tixrid ta' immaġini ta' natura vjolenti u li kapaċi jippreġudikaw id-dinjità tal-bniedem huwa reat kriminali previst u sanzjonat mill-Artikoli 227-24, 227-29 u 227-31 tal-Kodiċi Kriminali tar-Repubblika Franċiża;

E.  billi l-Artikolu 6–1 tal-Liġi Franċiża Nru 2004-575 tal-21 ta' Ġunju 2004 dwar il-fiduċja fl-ekonomija diġitali, li jittrasponi d-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern ("Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku"), jirreferi għall-attivitajiet ta' fornituri ta' servizzi ta' kumpaniji ta' informazzjoni u mhux għall-attivitajiet ta' natura individwali;

F.  billi, minkejja li l-immaġini ppubblikati minn Marine Le Pen huma aċċessibbli għal kulħadd fil-magna tat-tiftix Google u ġew mifruxa sew fuq l-internet wara t-tixrid inizjali tagħhom, jibqa’ l-fatt li in-natura vjolenti tagħhom xorta għada tista’ tippreġudika d-dinjità tal-bniedem;

G.  billi t-tneħħija tat-tliet ritratti ntalbet mill-familja tal-ostaġġ James Foley fis-17 ta' Diċembru 2015, jiġifieri wara l-intervent tal-awtoritajiet ġudizzjarji, u li, wara din it-talba, Marine Le Pen neħħiet biss ir-ritratt ta' James Foley;

H.  billi ż-żmien li ħadu l-proċedimenti ġudizzjari kontra Marine Le Pen huwa simili għaż-żmien tipiku ta' proċedimenti relatati mal-istampa u mezzi oħra ta' komunikazzjoni u li, għalhekk, m'hemmx bażi biex wieħed jissuspetta każ ta' fumus persecutionis, jiġifieri sitwazzjoni fejn ikun hemm elementi ta’ provi ta’ intenzjoni ta’ ħsara fir-rigward tal-attivita’ politika ta’ Membru;

I.  billi l-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Franċiża jistipula li l-ebda Membru tal-Parlament ma jista' jiġi suġġett, f'materji kriminali, għall-arrest jew għal kwalunkwe miżura oħra li tinvolvi ċ-ċaħda jew ir-restrizzjoni tal-libertà mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Parlament;

J.  billi l-Parlament Ewropew la huwa responsabbli li jieħu pożizzjoni dwar il-ħtija jew le tal-Membru tal-Parlament Ewropew u lanqas dwar l-opportunità jew le li jkunu persegwiti kriminalment l-atti li ġew lilha attribwiti;

1.  Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta’ Marine Le Pen;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika Franċiża u lil Marine Le Pen.

(1) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Mejju 1964, Wagner vs Fohrmann u Krier, 101/63, ECLI:EU:C:1964:28; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Wybot vs Faure et., 149/85, ECLI:EU:C:1986:310; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs Il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs Il-Parlament, T-42/06, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI: EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs Il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23.

Avviż legali - Politika tal-privatezza