Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2328(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0030/2017

Testi mressqa :

A8-0030/2017

Dibattiti :

PV 02/03/2017 - 2
CRE 02/03/2017 - 2

Votazzjonijiet :

PV 02/03/2017 - 6.7
CRE 02/03/2017 - 6.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0062

Testi adottati
PDF 389kWORD 64k
Il-Ħamis, 2 ta' Marzu 2017 - Brussell Verżjoni finali
Implimentazzjoni tal-programm Ewropa Kreattiva
P8_TA(2017)0062A8-0030/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Marzu 2017 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1295/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (2014 sa 2020) u li jirrevoka d-Deċiżjonijiet Nru 1718/2006/KE, Nru 1855/2006/KE u Nru 1041/2009/KE (2015/2328(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1295/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (2014 sa 2020) u li jirrevoka d-Deċiżjonijiet Nru 1718/2006/KE, Nru 1855/2006/KE u Nru 1041/2009/KE(1) (“ir-Regolament”),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 167 u 173 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali, adottata mill-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) fl-20 ta' Ottubru 2005,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-8 ta' Ġunju 2016 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-isem "Towards an EU strategy for international cultural relations" (Lejn strateġija tal-UE għal relazzjonijiet kulturali internazzjonali) (JOIN(2016)0029),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Settembru 2012 bl-isem "Il-promozzjoni tas-setturi kulturali u kreattivi għal tkabbir u l-impjiegi fl-UE" (COM(2012)0537),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-30 ta' Ġunju 2010 bit-titolu "L-Ewropa, l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja – qafas politiku ġdid għat-turiżmu Ewropew" (COM(2010)0352),

–  wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tas-27 ta' April 2010 bl-isem "L-esplojtazzjoni tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi" (COM(2010)0183),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 – il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi(2),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-27 ta' Mejju 2015 dwar kollegamenti kulturali u kreattivi biex jiġu stimulati l-innovazzjoni, is-sostenibilità ekonomika u l-inklużjoni soċjali,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2015 "Lejn approċċ integrat għall-wirt kulturali għall-Ewropa"(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 dwar ir-rwol tad-djalogu interkulturali, id-diversità kulturali u l-edukazzjoni fil-promozzjoni tal-valuri fundamentali tal-UE(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2015 dwar il-films Ewropej fl-era diġitali(5),

–  wara li kkunsidra l-istudju bl-isem "European capitals of culture: success strategies and long-term effects" (Il-kapitali Ewropej tal-kultura: strateġiji ta' suċċess u effetti fit-tul), imwettaq mid-Dipartiment Tematiku B: Politiki Strutturali u ta’ Koeżjoni fl-2013 fuq talba tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar il-promozzjoni tas-setturi kulturali u kreattivi Ewropej bħala sorsi ta' tkabbir ekonomiku u mpjiegi(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2011 dwar id-dimensjonijiet kulturali tal-azzjonijiet esterni tal-UE(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2011 bl-isem "L-isfruttar tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi"(8),

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura tal-UE għall-perjodu 2015-2018,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, partikolarment l-paragrafi 20 sa 24 tiegħu dwar il-valutazzjoni ex-post tal-leġislazzjoni eżistenti,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) tad-Deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta’ Diċembru 2002 dwar il-proċedura għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta’ rapporti fuq inizjattiva proprja, u l-Anness 3 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0030/2017),

A.  billi l-programm Ewropa Kreattiva għandu l-objettivi li jissalvagwardja u jippromwovi d-diversità kulturali u lingwistika Ewropea, filwaqt li minn naħa waħda jippromwovi l-wirt kulturali tal-Ewropa u min-naħa l-oħra jsaħħaħ il-kompetittività tas-setturi kulturali u kreattivi Ewropej;

B.  billi l-kultura hija fattur ewlieni fil-promozzjoni tal-integrazzjoni Ewropea;

C.  billi l-programm Ewropa Kreattiva, b'mod partikolari s-sottoprogramm tiegħu Kultura, mhumiex iffinanzjati biżżejjed u konsegwentement qed ikollhom diffikultà biex jilħqu aspettattivi għoljin;

D.  billi, skont l-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament, il-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika Ewropea u tal-patrimonju kulturali tal-Ewropa – u b'mod aktar speċifiku l-promozzjoni taċ-ċirkolazzjoni transnazzjonali ta' xogħlijiet kulturali u kreattivi – huma fost l-objettivi bażiċi tal-programm;

E.  billi, skont l-Artikolu 12 tar-Regolament il-promozzjoni taċ-ċirkolazzjoni u l-mobilità transnazzjonali – u b'mod speċifiku l-appoġġ għaċ-ċirkolazzjoni tal-letteratura Ewropea bl-għan li tiġi żgurata l-aċċessibilità l-aktar wiesgħa possibbli tagħha – huma fost il-prijoritajiet tas-sottoprogramm Kultura;

F.  billi l-istruttura ta' programm uniku tistabbilixxi vantaġġi li jwasslu għall-kisba ta' massa kritika u potenzjalment tagħti viżibilità lil oqsma li għadhom sottovalutati u li qed jiffaċċjaw l-istess sfidi fir-rigward ta' frammentazzjoni, globalizzazzjoni, nuqqas ta' data u diffikultajiet ta' aċċess għall-kreditu;

G.  billi l-istruttura tal-programm f'żewġ sottoprogrammi, li tippreserva l-partikularitajiet u l-identità tat-tnejn, u ż-żieda ta' qasam transsettorjali, huma assi biex jiġi pprovdut fehim aħjar tal-kooperazzjoni u l-iżviluppi fil-qasam kulturali, billi ssir konnessjoni mal-pajjiżi terzi;

H.  billi l-qasam transsettorjali żviluppa biss parzjalment il-mira strateġika tiegħu li jippromwovi kooperazzjoni kulturali transnazzjonali u transsettorjali;

I.  billi l-programm Ewropa Kreattiva jippermetti kooperazzjoni u azzjoni konġunta ma' pajjiżi li mhumiex qed jieħdu sehem fil-programm u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali li huma attivi fis-setturi kulturali u kreattivi bħall-UNESCO, il-Kunsill tal-Ewropa, u l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżviluppi Ekonomiċi, abbażi ta' kontribuzzjoni konġunta fil-kisba tal-objettivi tal-programmi;

J.  billi s-sistema tal-indikaturi tal-prestazzjoni prevista fl-Artikolu 18 tar-Regolament, inkluż l-indikaturi għall-objettivi ġenerali tal-programm, l-indikaturi marbuta mas-sottoprogrammi MEDIA u Kultura rispettivament, u indikaturi speċifiċi li jikkonċernaw l-istrument tal-Faċilità ta' Garanzija, s'issa għadhom ma ġewx stabbiliti jew saru operattivi;

K.  billi s-sistema attwali ta' evalwazzjoni wriet li mhix adattata għan-natura u l-ispeċifiċità tal-programm u għalhekk għandha tittejjeb;

L.  billi azzjonijiet speċifiċi, bħal pereżempju l-Kapitali Ewropej tal-Kultura, inkluż in-netwerk tiegħu, il-premji u ċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew żvelaw il-potenzjal għal żvilupp ekonomiku lokali sostenibbli u għat-turiżmu kulturali u għalhekk għandhom jissaħħu u jiġu promossi b'mod iktar proattiv;

M.  billi sejħa speċifika għal integrazzjoni tar-rifuġjati fis-soċjetà Ewropea ġiet imnedija fl-2016 fi ħdan il-Qasam Transsettorjali, biex tippromwovi u tappoġġa l-kreattività u d-djalogu interkulturali;

N.  billi ż-żona ta' finanzjament tal-"proġetti ta' kooperazzjoni" tas-sottoprogramm Kultura tieħu madwar 70 % tal-baġit tas-sottoprogramm, hija popolari ħafna fost l-operaturi kulturali u hija mmirata lejn approċċi komuni fuq bażi transfruntiera, li jippermettu formulazzjoni miftuħa ta' proġetti mhux prevedibbli, innovattivi ħafna u kreattivi, li jintlaqgħu b'mod espliċitu;

O.  billi, għalkemm ir-Regolament jipprevedi l-istabbiliment ta' ftehimiet bilaterali ma' pajjiżi terzi bl-għan li jipparteċipaw fil-programm jew f'partijiet minnu, s'issa ftit pajjiżi biss ikkumpletaw il-proċedura;

P.  billi, grazzi għal azzjoni tal-Parlament, il-kultura, l-industriji kulturali u kreattivi (CCIs) u s-settur awdjoviżiv ġew inklużi, għalkemm b'mod inadegwat, f'Erasmus +, Orizzont 2020 u l-programmi pluriennali Cosme, il-Fondi Strutturali u l-prijoritajiet tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS);

Q.  billi hemm sinerġija qawwija bejn it-tagħlim informali u s-settur kreattiv u tal-midja, peress li ħafna organizzazzjonijiet tal-arti, tal-midja u dawk kulturali jipprovdu opportunitajiet ta' edukazzjoni informali;

R.  billi l-proporzjon ta' applikanti li kellhom suċċess huwa ta' 15 % f'Kultura u ta' 44 % f'MEDIA, iżda saħansitra aktar baxx (32 %) f'dan is-sottoprogramm jekk jiġu esklużi l-iskemi awtomatiċi;

S.  billi MEDIA s'issa rreġistra total ta' 13 000 applikazzjoni, u għażel aktar minn 5 500 proġett;

T.  billi s-sistema ta' punti awtomatiċi f'MEDIA, li għandha l-għan li tiżgura kundizzjonijiet ugwali bejn l-Istati Membri, twassal għal distorsjoni tas-suq u tippenalizza lil ħafna pajjiżi b'kapaċità għolja ta' produzzjoni awdjoviżiva;

U.  billi t-tip ta' għotjiet mogħtija għal proġetti ta' kooperazzjoni fi ħdan is-sottoprogramm kultura tal-programm Ewropea Kreattiva ma jissodisfawx il-ħtiġijiet tan-netwerks, li jiddependu fuq struttura u attivitajiet operattivi, bħal fil-programm preċedenti Kultura 2007-2013;

V.  billi l-ġestjoni amministrattiva (il-proċessi ta' applikazzjoni, evalwazzjoni u rapportar) ġiet ikkritikata mill-partijiet interessati bħala li għadha piż żejjed; jenfasizza għalhekk il-bżonn ta' simplifikazzjoni tal-proċedura tal-applikazzjoni, sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-programm, u titħeġġeġ il-parteċipazzjoni fost il-benefiċjarji potenzjali;

W.  billi l-Uffiċċji tal-Ewropa Kreattiva (CEDs) huma l-intermedjarji kruċjali bejn il-Kummissjoni, l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA) u l-applikanti, u billi huma għandhom ikunu aktar infurmati dwar il-proċess attwali ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u jkunu involuti aktar mill-qrib fl-għoti ta' informazzjoni dwar proġetti u l-promozzjoni tar-riżultati tagħhom;

X.  billi l-operaturi jiddeploraw il-piż amministrattiv kbir fil-proċess tal-applikazzjoni, li jinkludi linji gwida estensivi u numru kbir ta' dokumenti li xi kultant ikun fihom informazzjoni kontradittorja;

Y.  billi r-reġistrazzjoni ta’ kumpaniji fi ħdan is-sistema tas-Servizz ta' Awtentikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea (ECAS) jidher li hija problematika; billi, madankollu, il-formola elettronika ntlaqgħet tajjeb ħafna;

1.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-baġit ta’ Ewropa Kreattiva biex iġibuha konformi kemm mal-aspettattivi taċ-ċittadini Ewropej kif ukoll mal-ambizzjonijiet ta’ kull sottoprogramm, biex b’hekk jiġi aċċettat li l-valuri ta’ produzzjoni kulturali ma jistgħux jitkejlu f’termini ta’ ċifri ekonomiċi biss u jiġu permessi aktar effiċjenza u riżultati aħjar;

2.  Jilqa' għadd ta' miżuri ta' simplifikazzjoni f'termini ta' ġestjoni ta' programm li ilhom fis-seħħ sa mill-2014;

3.  Jiddispjaċih li n-nuqqas ta' kapaċità finanzjarja, flimkien mal-ostakoli amministrattivi u regulatorji, huma uħud mill-ostakoli ewlenin għal applikanti potenzjali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-EACEA u lill-uffiċċji nazzjonali ta' Ewropa Kreattiva biex jippruvaw jindirizzaw is-sottorappreżentanza ta' operaturi kulturali fost l-organizzazzjonijiet iffinanzjati u fost ċerti setturi fis-subprogramm Kultura;

4.  Jitlob lill-Kummissjoni ttejjeb il-konsistenza tal-programm mal-politiki rilevanti kollha tal-UE u sorsi oħra ta' finanzjament;

5.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura koordinazzjoni tajba bejn id-DĠs responsabbli mill-programm Ewropa Kreattiva, kif ukoll mal-EACEA u l-Uffiċċji tal-Ewropa Kreattiva li jieħdu ħsieb il-fażijiet differenti tal-implimentazzjoni tal-programm Ewropa Kreattiva, billi jfakkar li r-rwol tal-Uffiċċji tal-Ewropa Kreattiva u l-EACEA huwa kruċjali minħabba li dan mhux biss jinvolvi rabtiet diretti mal-benefiċjarji, iżda wkoll mas-settur kulturali u kreattiv kollu;

6.  Jitlob lill-Kummissjoni taħdem kemm jista' jkun mill-qrib mal-UNESCO, il-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll mal-OECD, sabiex tiżviluppa bażi aktar b'saħħitha ta' kontribuzzjonijiet konġunti fl-insegwiment tal-objettivi tal-programm u l-evalwazzjoni tal-impatt, b'mod partikolari fid-dimensjoni internazzjonali u f’termini ta’ rispett tal-valuri tal-bniedem u dawk ekonomiċi speċifiċi tal-kultura u l-ħolqien;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni żżomm l-istruttura attwali ta’ Ewropa Kreattiva, filwaqt li teżamina u tiddefinixxi aħjar l-ispeċifiċitajiet taż-żewġ sottoprogrammi differenti, issaħħaħ il-potenzjal tal-qasam transsettorjali, u tivverifika jekk il-Fond ta’ Garanzija huwiex effettiv fl-implimentazzjoni tiegħu;

8.  Jitlob lill-Kummissjoni tilħaq bilanċ aħjar, kemm fiż-żewġ sottoprogrammi kif ukoll il-linji gwida għall-evalwaturi, bejn il-komponent artistiku u kreattiv u l-aspetti maniġerjali u innovattivi, speċjalment fil-każ tal-industriji kulturali u kreattivi;

9.  Jitlob lill-Kummissjoni tuża s-sistema tal-indikaturi tal-prestazzjoni prevista fl-Artikolu 18 tal-bażi legali tal-programm Ewropa Kreattiva, u b'hekk tinsisti fuq il-komponent artistiku u kreattiv tal-programm, li ta' spiss jiġi ssagrifikat minħabba kunsiderazzjonijiet purament ekonomiċi bħall-kapaċitajiet maniġerjali jew l-iżvilupp kwantitattiv tal-udjenza;

10.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiffissa aktar mis-sitt oqsma eżistenti ta' kompetenza għall-evalwaturi sabiex jiġu trattati b'mod iktar effettiv l-oqsma speċifiċi;

11.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-EACEA jtejbu l-proċedura ta' evalwazzjoni billi jżidu l-għadd ta' evalwaturi fl-ewwel fażi, u jipprevedu rawnd ta' deċiżjonijiet kolleġġjali de visu għall-għażla ta' kandidati minn fost dawk magħżula fit-tieni fażi; jenfasizza li jinħtieġ li jkun hemm trasparenza kbira ħafna u li r-raġunijiet għar-rifjut ta' proġetti jkunu spjegati b'mod ċar ħafna u bir-reqqa sabiex ma tiġix ipperikolata l-aċċettazzjoni tal-programm minħabba nuqqas ta' ftehim;

12.  Jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi opportunitajiet ta' taħriġ u ta' bini tal-kapaċità għal operaturi kulturali li jixtiequ jtejbu l-ħiliet tagħhom fir-rigward ta’ proċeduri tal-applikazzjoni, tal-ġestjoni globali tal-proġetti u l-implimentazzjoni tal-proġetti;

13.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-EACEA jappoġġaw aħjar lill-operaturi kulturali biex dawn isibu sħab għall-proġetti ta' kooperazzjoni permezz ta' miżuri, inklużi, iżda mhux limitati għal, taqsimiet iddedikati għat-tqabbil fi ħdan l-aktar avvenimenti kulturali Ewropej importanti, fit-titjib tal-għodod eżistenti tat-tiftix u fil-bażijiet ta' data, kif ukoll fl-organizzazzjoni ta' opportunitajiet tan-netwerking dwar temi mħabbra preċedentement;

14.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-EACEA jieħdu miżuri sabiex itejbu t-trasparenza tal-proċedura tal-kontestazzjoni għal applikazzjonijiet miċħuda, u b'hekk titnaqqas il-frustrazzjoni globali fost il-kandidati u tiżdied il-kredibilità tal-programm fit-tul;

15.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tissimplifika ulterjorment il-proċeduri ta' applikazzjoni u ta' rappurtar billi tillimita u tissimplifika l-linji gwida u dokumenti oħra, tagħmel l-iskeda tal-ħinijiet inqas riġida u tfassal mudell għall-ftehim ta' kooperazzjoni;

16.  Jitlob lill-Kummissjoni tuża l-għodod kollha disponibbli għal promozzjoni u disseminazzjoni aħjar tar-riżultati tal-proġetti implimentati, kif ukoll għal informazzjoni dwar il-valur miżjud Ewropew tal-azzjonijiet kollha mwettqa fil-programm;

17.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tevita t-tibdil jew iż-żieda ta' prijoritajiet u regoli ġodda bla ma tagħti lill-Uffiċċji tal-Ewropa Kreattiva u lill-partijiet interessati ż-żmien neċessarju biex jippreparaw għas-sejħiet li jmiss;

18.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tissimplifika ulterjorment l-aspetti finanzjarji, anke billi testendi l-istrument ta’ somom f’daqqa u billi tħeġġeġ l-użu ta’ rimborżi b’rata fissa, u tuża kriterji li ma jfixklux proġetti żgħar biex ikollhom aċċess għall-finanzjament, u biex tiżgura li l-ħlas finali tal-għotjiet isir fl-aħjar żmien possibbli, li għandhom ikunu kriterji ta' eċċellenza għax-xogħol tal-EACEA, kemm għas-sottoprogramm Kultura kif ukoll MEDIA;

19.  Jinnota li hemm differenzi nazzjonali sinifikanti fil-livelli tal-paga tal-persunal involut fil-proġetti ta' kooperazzjoni, li mbagħad iwasslu għal diskrepanzi konsiderevoli f'termini ta' poter ta' kofinanzjament bejn sħab minn Stati Membri differenti; jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni tikkunsidra alternattiva possibbli għall-evalwazzjoni tax-xogħol tal-persunal fi ħdan il-proġetti ta' kooperazzjoni abbażi ta' indikaturi oħra milli abbażi tal-grad tal-paga biss;

20.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, flimkien mal-Eurostat, tkompli tistabbilixxi kriterji speċifiċi skont in-natura speċifika tas-setturi (ħolqien, valur kulturali u artistiku, innovazzjoni, tkabbir, inklużjoni soċjali, żvilupp tal-komunità, internazzjonalizzazzjoni, titjib tal-intraprenditorija, kapaċitajiet sabiex jinħolqu effetti konsegwenzjali u kontaminazzjoni pożittiva, eċċ.) u biex tevalwa l-inklużjoni possibbli taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka f'dan il-proċess; f'dan ir-rigward jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp ta' riżorsi ta' għarfien ta' kwalità għolja dwar is-setturi, kif ukoll riċerka statistika u aċċess għal riżorsi ta' data komparabbli fil-qasam, u b'hekk ikun possibbli l-monitoraġġ effettiv u l-analiżi tal-impatt kulturali, ekonomiku u fuq is-soċjetà tal-politiki fis-setturi kulturali u kreattivi;

MEDIA

21.  Jilqa’ l-ħidma attwali tal-Kummissjoni u l-EACEA li jimmodifikaw is-sistema tal-punti awtomatiċi sabiex jippermettu kundizzjonijiet ekwi ġenwini, filwaqt li jittieħed kont, b’mod bilanċjat, tal-kriterji kollha msemmija fil-programm "Ewropa Kreattiva" (natura transnazzjonali, żvilupp tal-kooperazzjoni transnazzjonali, ekonomiji ta’ skala, massa kritika, effett ta’ lieva), kif ukoll il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni u skemi nazzjonali ta’ appoġġ eżistenti għall-industrija awdjoviżiva;

22.  Jirrikonoxxi l-fatt li MEDIA kien ibbażat sew fis-settur awdjoviżiv diversifikat u jappoġġa u b'mod effiċjenti d-diversità kulturali u l-politika industrijali;

23.  Iħeġġeġ aktar żvilupp ta' sottotitolar u dubbing sabiex tiġi faċilitata ċ-ċirkolazzjoni ta' prodotti awdjoviżivi fl-UE u barra mill-UE;

24.  Jirrakkomanda li l-patrimonju awdjoviżiv Ewropew jiġi żgurat u jsir disponibbli għal finijiet ta' studju, involviment tal-udjenza u promozzjoni ekonomika, billi jiġu diġitalizzati l-films u l-arkivji awdjoviżivi;

25.  Jenfasizza li, f’xenarju ċinematografiku internazzjonali u dejjem iżjed kompetittiv, is-settur awdjoviżiv Ewropew għad irid ikompli bil-miżuri tiegħu biex jissalvagwardja d-diversità u l-indipendenza; jenfasizza li appoġġ dirett għall-produzzjoni awdjoviżiva Ewropea huwa meħtieġ, partikolarment matul il-fażi ta’ żvilupp tal-proġett, u għandu jsir billi t-taħriġ jiġi estiż biex ikopri iktar azzjonijiet u billi tissaħħaħ il-kompetittività tas-settur;

26.  Jirrakkomanda t-tisħiħ tal-azzjonijiet għal pajjiżi fil-viċinat taħt il-programm bl-għan li tingħata spinta lill-promozzjoni tax-xogħlijiet Ewropej fuq it-territorju tagħhom u ta' proġetti kreattivi konġunti;

27.  Jirrikonoxxi li l-pjattaformi onlajn Ewropej għadhom mhumiex kompetittivi fuq livell internazzjonali minkejja l-appoġġ mogħti għad-distribuzzjoni onlajn u li l-kontenut Ewropew fuq pjattaformi eżistenti huwa diffiċli biex jinstab u jiġi aċċessat;

28.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-qsim tal-iżvilupp tal-udjenza bejn litteriżmu tal-films, b'enfasi fuq l-edukazzjoni tal-films fl-iskejjel, u inizjattivi għall-iżvilupp tal-udjenza;

29.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-Kummissjoni tippreżenta proġett Ewropew xprunat mid-data li jinvolvi lill-udjenza, li jkollu l-għan li jesplora u jsaħħaħ il-kapaċità tas-settur awdjoviżiv u tal-films tal-Ewropa billi jiġbor, janalizza u jbassar id-data dwar l-imġiba tal-udjenza bl-għan li tiżdied id-domanda għall-films Ewropej mhux nazzjonali;

30.  Jenfasizza li l-appoġġ għal produtturi indipendenti tat-televiżjoni għal serjejiet ta' finzjoni li jippruvaw jikkompetu fuq livell dinji għadu għaddej, b'mod partikolari sabiex jiġu provduti reazzjonijiet awtentikament Ewropej għad-domanda attwalment qawwija għal serjejiet ta' kwalità għolja, anke jekk l-aħjar riżultati jidher li qed jinkisbu b'dokumentarji u setturi tat-tfal;

31.  Jitlob lill-Kummissjoni żżomm l-appoġġ tagħha għan-netwerks taċ-ċinemas, bħall-Europa Cinemas, li jippromwovu l-films Ewropej fid-dinja kollha billi jgħinu b'mod finanzjarju u operattiv liċ-ċinemas li juru numru sinifikanti ta' films Ewropej u jenfasizza r-rwol kruċjali li ċ-ċinemas għandhom fis-sensibilizzazzjoni tal-udjenza u fiż-żamma tal-element soċjali tal-esperjenza taċ-ċinema;

32.  Jitlob lill-Kummissjoni tbiddel is-sistema tal-bonus għal rilaxxi simultanji fit-teatri jew permez tal-VOD (vidjow fuq talba);

33.  Jirrakkomanda li l-evalwaturi jiġu pprovduti b'sett ta' għodda li jkun iqis l-ispeċifiċità ta' kull skema ta' appoġġ nazzjonali, sabiex ikunu ggarantiti kundizzjonijiet ekwi f'MEDIA;

34.  Jitlob lill-Kummissjoni tgħolli l-livell massimu tal-finanzjament għal-logħob tal-vidjo Ewropew, sabiex jitqiesu l-ispejjeż tal-produzzjoni għoljin u li dejjem jiżdiedu tagħhom; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li jiġi rivedut il-kriterju tal-eliġibilità relatat man-natura esklussivament narrattiva ta' logħba tal-vidjo sabiex titwessa' l-firxa biex tinkludi proġetti b'potenzjal ta' distribuzzjoni transnazzjonali (logħob tal-isport, logħob sandbox, eċċ.) u biex jiġi inkorporat il-"gameplay" fil-kriterji ta' evalwazzjoni għal proġetti, sabiex tiġi riflessa ċ-ċentralità ta' dan l-aspett fis-suċċess ta' prodott;

Is-sottoprogramm Kultura

35.  Jitlob lill-Kummissjoni tibbilanċja l-piż tad-dimensjoni ekonomika bil-valur intrinsiku tal-arti u l-kultura per se, u tiffoka aktar fuq l-artisti u l-kreaturi;

36.  Jirrakkomanda li proġetti ta’ kooperazzjoni Ewropea jqisu l-innovazzjoni, il-mobilità u l-koproduzzjonijet estiżi;

37.  Jitlob lill-Kummissjoni tintroduċi miżuri possibbli biex tillimita l-isproporzjon bejn in-numru ta' benefiċjarji u n-numru ta' applikanti, inkluż, fost affarijiet oħrajn, żieda fil-baġit tas-sottoprogramm Kultura, rappreżentazzjoni aktar adegwata tas-setturi kulturali u kreattivi kollha u aktar appoġġ għal proġetti fuq skala iżgħar;

38.  Jenfasizza l-importanza tat-traduzzjoni għall-promozzjoni tad-diversità lingwistika tal-patrimonju, u jirrakkomanda li proġetti ta’ traduzzjoni litterarja jinkludu l-promozzjoni ta’ kotba u tal-qari, kif ukoll l-appoġġ tal-parteċipazzjoni f’fieri tal-kotba, inkluża l-konsiderazzjoni tal-Fiera tal-Ktieb Ewropea annwali, sabiex tiżdied iċ-ċirkolazzjoni tal-kotba, jiġu promossi skambji letterarji Ewropej u tiġi żguratra wkoll il-preżentazzjoni ta’ letteraturi nazzjonali differenti, kif ukoll aċċess għal kulħadd, inkluż għal persuni b’diżabilità;

39.  Jilqa' l-ħolqien ta' "ċentri" (proġetti tal-pjattaforma Ewropea) biex jappoġġaw u jippermettu lill-artisti u lill-ħallieqa jiskambjaw u jaħdmu flimkien;

40.  Jinsisti li netwerks kulturali Ewropej stabbli u rappreżentattivi ħafna huma fundamentali għall-viżibilità tal-attivitajiet kulturali u artistiċi fl-Ewropa u mal-pajjiżi terzi, peress li ħafna drabi dawn ikunu minn tal-ewwel biex jidħlu f'kooperazzjoni ma' oqsma, setturi jew pajjiżi ġodda; iqis li r-rwol tagħhom bħala koordinaturi tal-azzjonijiet u l-promoturi tal-kultura u l-kreattività għal oqsma artistiċi sħaħ għandu jiġi appoġġat b'għotjiet operazzjonali; jemmen f'dan ir-rigward li kriterji tal-għażla ċari u trasparenti għandhom jiġu stabbiliti minn qabel;

41.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-EACEA biex jagħtu lis-sottoprogramm Kultura opportunitajiet biex jippreżenta lilu nnifsu esternalment u biex jorganizzaw laqgħat strutturati ma' operaturi fis-settur;

42.  Jirrakkomanda li jerġa' jiġi introdott il-Premju Teatrali Ewropew u li jiġi allokat finanzjament adegwat;

43.  Jenfasizza s-suċċess u s-sinifikat tal-iskema Kapitali Ewropej tal-Kultura (ECOC), abbażi tad-dinamiki tal-bliet u r-reġjuni involuti fil-proċess, li miċ-ċertifikat u l-kontribut finanzjarju modest ħafna tal-UE żviluppat assi reali għal aktar finanzjament u attivitajiet, lilhinn sew mis-sena attwali;

44.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-estensjoni li ġejja tal-iskema ECOC lil pajjiżi kandidati u tal-EFTA mill-2020 u jirrakkomanda tixrid aħjar ta' din l-esperjenza fl-UE u lil hinn minnha;

45.  Jirrakkomanda li ċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew jingħata aktar viżibilità u jenfasizza s-sinifikat tas-siti (materjali u immaterjali) ikkonċernati fir-rigward tal-identità Ewropea u l-promozzjoni ta’ sensazzjoni komuni ta’ appartenenza għall-Ewropa, il-bini tal-UE u t-tagħlim dwar patrimonju differenti għal futur aħjar;

46.  Jirrakkomanda t-teħid ta' passi biex jiġu kkoordinati u appoġġati b'mod xieraq l-inizjattivi taħt is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018 mal-Ewropa Kreattiva, billi wieħed jibda mis-sena preparatorja 2017, anki jekk permezz ta' linja baġitarja ddedikata, u li ma jużawx riżorsi allokati għas-sottoprogramm Kultura, kif propost mill-Kummissjoni;

47.  Jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra modi biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-programm Ewropa Kreattiva fir-rigward ta' dawk ir-rifuġjati li għandhom ħiliet fl-arti;

Qasam transsettorjali

48.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa u tagħmel użu sħiħ mill-potenzjal ta' dan il-qasam biex tilħaq l-objettivi tagħha, kif stabbiliti fir-Regolament, u b'mod partikolari l-promozzjoni ta' kooperazzjoni transnazzjonali u transsettorjali;

49.  Jirrakkomanda l-introduzzjoni ta' tliet miżuri ġodda ta' appoġġ taħt il-qasam: (a) Ewropa Mundus Kreattiva għall-kooperazzjoni transnazzjonali, (b) inklużjoni soċjali u (c) proġetti innovattivi ta' kontaminazzjoni pożittiva u transsettorjali;

50.  Jitlob lill-Kummissjoni tfittex li tikseb bilanċ ġeografiku u settorjali fil-Faċilità ta’ Garanzija, tiżgura aċċess indaqs għal organizzazzjonijiet fuq skala żgira u inizjattivi popolari u proġetti mill-Istati Membri kollha, tevalwa l-impatt tagħha b’mod partikolari fuq l-intrapriżi kulturali żgħar, il-medjaturi kulturali u n-netwerks, u biex teżamina possibilitajiet fir-rigward tal-iżvilupp ta’ sinerġiji mal-FEIS u ma’ programmi oħra, b’mod partikolari l-COSME, sabiex tiżgura li l-Faċilità ta’ Garanzija tintuża bl-aktar mod effiċjenti sabiex tgħin lis-settur kulturali u kreattiv;

51.  Jistenna bil-ħerqa li jara l-ewwel riżultati tal-Faċilità ta' Garanzija Finanzjarja li ġiet imnedija fl-2016; jistenna li dan l-istrument tas-suq il-ġdid, billi jiffaċilita l-aċċess għal self għal SMEs u mikrointrapriżi, li jgħin biex il-finanzjament ta' proġetti kulturali u kreattivi, li huma setturi li jammontaw għal 4,4 % tal-PDG tal-UE u 3,8 % tal-forza tax-xogħol tagħhom, sabiex dawn jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom bħala sors promettenti ta' tkabbir u impjiegi u bħala mutur għall-kompetittività, id-diversità kulturali u l-kooperazzjoni transkonfinali; jiddispjaċih ħafna, madankollu, li l-Faċilità se tiffunzjona b'mod operattiv biss f'dawk il-pajjiżi fejn diġà hemm fis-seħħ strument simili;

52.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-azzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni u l-EACEA biex jiġi pprovdut taħriġ u jiġu bbilanċjati l-ħiliet fl-Uffiċċji tal-Ewropa Kreattiva kollha u jirrakkomanda li dawn l-isforzi jitkomplew;

53.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-EACEA jtejbu l-komunikazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni mas-CEDs dwar proċessi pendenti ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, inkluż dwar l-istrumenti finanzjarji u dwar inizjattivi transsettorjali ġodda; jirrakkomanda li l-Kummissjoni, sabiex titjieb l-implimentazzjoni tal-programm, tqis l-għarfien tas-CED 'il fuq u 'l isfel tal-proċedura ta’ għażla, u tagħmel l-għodda u d-dokumentazzjoni prodotta mis-CED disponibbli online bħala mudelli ta’ prattika tajba; jenfasizza l-bżonn ta' kollaborazzjoni aħjar bejn l-Uffiċċji tal-Ewropa Kreattiva, sabiex dawn isiru għodod ta' konsulenza aktar effettivi għall-applikanti nazzjonali tagħhom; jindika li skambju kunfidenzjali ta’ rapporti ta’ evalwazzjoni, anke dawk negattivi, jista’ jgħin biex itejjeb il-kapaċità tagħhom, u jitlob lill-Kummissjoni żżid it-trasparenza tal-evalwazzjonijiet u tal-proċeduri ta’ għażla;

Rakkomandazzjonijiet għal ġenerazzjonijiet futuri tal-programm

54.  Jirrakkomanda li l-programm Ewropa Kreattiva jitkompla, jiġi rivedut u mtejjeb matul il-perjodu 2021-2028, bħala programm li jinkludi s-setturi kulturali u kreattivi kollha, b’enfasi fuq proġetti ta’ kwalità għolja, bl-istess valur u prijoritajiet, b’żewġ sottoprogrammi u qasam transsettorjali inkluż it-taħriġ, l-iżvilupp tal-udjenzi, l-aċċess għas-swieq, l-inklużjoni soċjali, il-kooperazzjoni transsettorjali u fejn jiltaqgħu l-programmi, proġetti u t-tagħlim bejn il-pari, kif ukoll komunikazzjoni, studji, appoġġ speċifiku għas-setturi kulturali u kreattivi, faċilità ta’ garanzija, u l-appoġġ għas-CEDs;

55.  Jilqa', fid-dawl tal-influss sinifikanti ta' migranti u ta' rifuġjati fl-UE tul is-snin li għaddew, id-dimensjoni interkulturali dejjem akbar tal-programm, li wieħed jittama li twassal għal aktar proġetti li jsaħħu d-diversità kulturali u d-djalogu interkulturali u jippromwovu l-multilingwiżmu sa mill-2017; jenfasizza li dan għandu jkun appoġġat bħala komponent regolari tal-programm, peress li l-integrazzjoni kulturali hija probabbli li tibqa' sfida f'ħafna Stati Membri tal-UE għas-snin li ġejjin:

56.  Jirrakkomanda li l-bażi ġuridika għall-programm li jmiss għandha tinkludi b'mod espliċitu l-promozzjoni ta' kwalità kulturali u artistika u l-valur intrinsiku tal-kultura fost l-objettivi tal-programm u s-sottoprogrammi kif ukoll fost il-kriterji tal-għażla u tal-evalwazzjoni;

57.  Jitlob lill-Kummissjoni biex, fir-reviżjoni tas-sottoprogramm MEDIA, teżamina jekk l-appoġġ mogħti jkunx jista' jsir aktar effiċjenti billi jiġu assenjati proġetti iżgħar għall-oqsma tal-programmi tal-produzzjoni, il-festivals, iċ-ċinemas u ta' distribuzzjoni;

58.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu approċċ proattiv għad-dħul ta' pajjiżi ġodda fil-programm, bi status speċjali għal pajjiżi tal-Viċinat Ewropew tan-Nofsinhar u tal-Lvant;

59.  Jinnota li l-koproduzzjonijiet tal-films Ewropej huma kruċjali sabiex jiġi żgurat li l-prodotti tagħna huma kompetittivi biżżejjed u biex jintlaħqu l-isfidi tas-suq, u jirrakkomanda li jiġu żviluppati permezz ta' metodi u riżorsi proporzjonati, anke permezz ta' kollaborazzjoni ma' istituzzjonijiet Ewropej ewlenin fis-settur, bħal Eurimages;

60.  Jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta jekk jagħmilx sens, meta titqies il-multipliċità tal-industriji kreattivi, li toħloq osservatorju Ewropew dwar il-kultura u l-kreattività komparabbli mal-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew, bi standards komparabbli ma' dawk tal-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew, u, f'dak il-każ, jistedinha telabora kriterji kwalitattivi li jikkorrispondu għan-natura speċifika tas-setturi;

o
o   o

61.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 221.
(2) ĠU L 169, 1.7.2015, p. 1.
(3) Testi adottati, P8_TA(2015)0293.
(4) Testi adottati, P8_TA(2016)0005.
(5) ĠU C 346, 21.9.2016, p. 10.
(6) ĠU C 93, 9.3.2016, p. 95.
(7) ĠU C 377 E, 7.12.2012, p. 135.
(8) ĠU C 377 E, 7.12.2012, p. 142.

Avviż legali