Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2249(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0046/2017

Testi mressqa :

A8-0046/2017

Dibattiti :

PV 13/03/2017 - 13
CRE 13/03/2017 - 13

Votazzjonijiet :

PV 14/03/2017 - 6.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0073

Testi adottati
PDF 389kWORD 80k
It-Tlieta, 14 ta' Marzu 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea fl-2014/2015
P8_TA(2017)0073A8-0046/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2017 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea 2014-2015 (2016/2249(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(3), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW), tat-18 ta' Diċembru 1979,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI(1),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing adottata mir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fil-15 ta’ Settembru 1995 u d-dokumenti ta' eżitu sussegwenti adottati fis-sessjonijiet speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Beijing +5 (2000), Beijing +10 (2005) u Beijing +15 (2010),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1949 dwar is-Soppressjoni tat-Traffikar tal-Bnedmin u l-Isfruttament tal-Prostituzzjoni ta' Oħrajn,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI(2),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE dwar l-introduzzjoni ta' miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (Direttiva dwar il-Leave tal-Maternità)(3),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol(4),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta' Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi(5),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2013/62/UE tas-17 ta' Diċembru 2013 li temenda d-Direttiva 2010/18/UE li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC, wara l-emenda tal-istatus tal-Majott fir-rigward tal-Unjoni Ewropea(6),

–  wara li kkunsidra d-direttivi tal-UE mill-1975 'il quddiem dwar aspetti tat-trattament ugwali għan-nisa u l-irġiel (id-Direttiva 2010/41/UE(7), id-Direttiva 2010/18/UE(8), id-Direttiva 2006/54/KE, id-Direttiva 2004/113/KE, id-Direttiva 92/85/KEE(9), id-Direttiva 86/613/KEE(10) u d-Direttiva 79/7/KEE(11)),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Marzu 2012 għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi ta' kumpaniji elenkati f'borża u miżuri relatati (Direttiva dwar in-nisa fuq bordijiet) (COM(2012)0614),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul), u l-Artikolu 3 tagħha li jiddefinixxi 'ġeneru' bħala "ir-rwoli, l-imġibiet, l-attivitajiet u l-attributi mibnija soċjalment li soċjetà partikolari tikkunsidra xierqa għan-nisa u l-irġiel",

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-4 ta' Marzu 2016 għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni mill-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (COM(2016)0111),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Ġunju 2016 dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi (00337/2016),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 u s-6 ta' Ġunju 2014 dwar "Preventing and combating all forms of violence against women and girls, including female genital mutilation" (Il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra kull forma ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet, inkluża l-mutilazzjoni ġenitali femminili) (09543/2014),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta' Diċembru 2015 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fil-qasam tat-teħid ta' deċiżjonijiet (14327/2015),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tat-Triju ta' Presidenzi tas-7 ta' Diċembru 2015 iffirmata min-Netherlands, is-Slovakkja u Malta,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu "EWROPA 2020 Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2015 bit-titolu "2014 Report on equality between women and men" ("Rapport dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-2014") (SWD(2015)0049),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-4 ta' Marzu 2016 bit-titolu "2015 Report on equality between women and men" ("Rapport dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-2015") (SWD(2016)0054),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-3 ta' Diċembru 2015 bit-titolu "Strategic engagement for gender equality 2016-2019" ("Impenn strateġiku għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2016-2019") (SWD(2015)0278),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-10 ta' Frar 2010 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea – 2009(12), tat-8 ta' Marzu 2011 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea – 2010(13), tat-13 ta' Marzu 2012 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea – 2011(14) u tal-10 ta' Marzu 2015 dwar il-progress dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea fl-2013(15),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Novembru 2013 bit-titolu "Lejn l-eliminazzjoni tal-mutilazzjoni ġenitali femminili" (COM(2013)0833) u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Frar 2014(16) dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Lejn l-eliminazzjoni tal-mutilazzjoni ġenitali femminili",

–  wara li kkunsidra r-riżultati tal-istħarriġ tal-Unjoni Ewropea dwar il-persuni leżbjani, gay, bisesswali u transġeneri (stħarriġ LGBT tal-UE) imwettaq mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) u ppubblikat f'Mejju 2013,

–  wara li kkunsidra r-rapport FRA bl-isem "Violence against women – an EU-wide survey. Main results" ("Il-vjolenza kontra n-nisa – stħarriġ madwar l-UE kollha. Riżultati ewlenin"), ippubblikat f'Marzu 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-FRA bit-titolu "The fundamental rights situation of intersex people" ("Is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-persuni intersesswali", ippubblikat f'Mejju 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapport tan-Netwerk Ewropew għall-Korpi tal-Ugwaljanza (EQUINET) intitolat "The Persistence of Discrimination, Harassment and Inequality for Women. The Work of Equality Bodies informing a new European Commission Strategy for Gender Equality" ("Il-Persistenza tad-Diskriminazzjoni, il-Fastidju u l-Inugwaljanza għan-Nisa. Il-Ħidma tal-Korpi tal-Ugwaljanza li tinforma Strateġija ġdida tal-Kummissjoni Ewropea għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi"), ippubblikat fl-2015,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound) bit-titolu "The gender employment gap: challenges and solutions" ("Id-diskrepanza bejn is-sessi fil-qasam tal-impjiegi: sfidi u soluzzjonijiet") (2016), "Social partners and gender equality in Europe" ("Is-sħab soċjali u l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-Ewropa") (2014), "Developments in working life in Europe: EurWORK annual review" ("Żviluppi fil-ħajja tax-xogħol fl-Ewropa: rieżami annwali ta' EurWORK" (2014 u 2015), kif ukoll is-Sitt Stħarriġ Ewropew dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol (EWCS) (2016),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-Istrateġija l-Ġdida għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri fl-Ewropa wara l-2015(17) u r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2015 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel wara l-2015(18),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2014 dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa(19),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 dwar l-emanċipazzjoni tal-bniet permezz tal-edukazzjoni fl-UE(20),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Marzu 2016 dwar is-sitwazzjoni tan-nisa rifuġjati u li jfittxu l-asil fl-UE(21),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2016 dwar il-ħaddiema domestiċi nisa u n-nisa li jaħdmu fis-settur tal-kura fl-UE(22),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Mejju 2016 dwar il-faqar: perspettiva tal-ġeneru(23),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2016 dwar il-ħolqien ta' kundizzjonijiet fis-suq tax-xogħol favorevoli għal bilanċ bejn il-ħajja tal-familja u dik tax-xogħol(24),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Settembru 2016 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol ("Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi")(25),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Marzu 2016 dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-ħidma tal-Parlament Ewropew(26),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2016 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/36/UE tal-5 ta' April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu minn perspettiva tal-ġeneru(27),

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' progress tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ġunju 2013 dwar l-objettivi ta' Barċellona intitolat "L-iżvilupp tas-servizzi ta' akkoljenza tat-tfal żgħar fl-Ewropa għal tkabbir sostenibbli u inklusiv"(28),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Frar 2013 dwar "L-Investiment fit-Tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ"(29),

–  wara li kkunsidra l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) tal-2015 tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, u r-rapport "Beijing +20: 4th Review of the Implementation of the Beijing Platform for Action in the EU Member States" (Beijing +20: ir-Raba' Rieżami tal-Implimentazzjoni tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing fl-Istati Membri tal-UE") u rapporti oħra mill-EIGE,

–  wara li kkunsidra l-istudju tan-Netwerk Ewropew tal-Esperti Legali fil-Qasam tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi u n-Nondiskriminazzjoni bit-titolu "A comparative analysis of gender equality law in Europe 2015" ("Analiżi komparattiva tal-liġi tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-Ewropa 2015") ta' Jannar 2016,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet miftiehma dwar "ir-rwol tal-irġiel u s-subien fil-kisba tal-ugwaljanza bejn is-sessi" tat-48 sessjoni tal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Istatus tan-Nisa (CWS) f'Marzu 2004(30),

–  wara li kkunsidra d-dokument bit-titolu "Transforming our World: The 2030 Agenda for Sustainable Development" ("Nittrasformaw id-Dinja Tagħna: L-aġenda tal-2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli") adottat fis-Summit tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fil-25 ta' Settembru 2015, u l-għanijiet u l-miri fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi, id-drittijiet tan-nisa u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa inklużi f'dak id-dokument,

–  wara li kkunsidra r-rapport statistiku tal-Kummissjoni ta' April 2014 bit-titolu "Single parents and employment in Europe" ("Il-ġenituri waħedhom u l-impjieg fl-Ewropa")(31),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0046/2017),

A.  billi l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-2015 tal-EIGE juri biss titjibiet marġinali: l-UE għadha biss nofs triq biex tilħaq l-istat ta' ugwaljanza bejn is-sessi, peress li l-punteġġ kumplessiv mill-2005 'l hawn żdied minn 51,3 għal 52,9 minn total possibbli ta' 100; billi jinħtieġ progress aktar mgħaġġel jekk l-UE trid tilħaq il-miri tal-Ewropa 2020;

B.  billi f'dawn l-aħħar snin xi Stati Membri raw ukoll żieda sostanzjali f'movimenti ċiviċi u politiċi għad-detriment tad-drittijiet ugwali għan-nisa u l-irġiel, u li saħansitra jikkontestaw il-ħtieġa ġenerali ta' politiki ta' ugwaljanza bejn is-sessi. billi r-reazzjoni vjolenti kontra l-ugwaljanza bejn is-sessi għandha l-għan li ssaħħaħ ir-rwoli tradizzjonali tas-sessi u tisfida l-kisbiet eżistenti u futuri fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi, id-drittijiet tan-nisa u d-drittijiet tal-persuni LGBTI;

C.  billi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija dritt fundamentali stabbilit fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; billi l-objettiv tal-Unjoni Ewropea f'dan il-qasam huwa wkoll li jiġu żgurati l-opportunitajiet indaqs u t-trattament indaqs għall-irġiel u għan-nisa u li tiġi miġġielda kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess;

D.  billi fl-2015 ir-rata ta' impjieg tan-nisa laħqet ċ-ċifra rekord ta' 64,5 %, iżda baqgħet ferm aktar baxxa minn dik tal-irġiel, li kienet ta' 75,6 %; billi, b'mod deplorabbli, in-nisa għandhom erba' darbiet iktar probabilità li jidħlu u jibqgħu f'xogħol part-time mill-irġiel, u dan mhux bil-volontà tagħhom; billi ħafna żgħażagħ jibqgħu fqar minkejja li jkunu jaħdmu, speċjalment fil-Greċja, Spanja, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru, il-Portugall u s-Slovakkja;

E.  billi r-rata tal-qgħad fost in-nisa hija sottovalutata, peress li ħafna nisa mhumiex irreġistrati bħala qiegħda, b'mod partikolari dawk li jgħixu f'żoni rurali jew remoti, dawk li jgħinu f'negozju tal-familja u ħafna minn dawk li jiddedikaw ruħhom esklussivament għall-kompiti domestiċi u għall-kura tat-tfal; billi din is-sitwazzjoni toħloq ukoll disparità f'dawk li huma aċċess għas-servizzi pubbliċi (benefiċċji, pensjonijiet, liv tal-maternità, liv tal-mard, aċċess għas-sigurtà soċjali, eċċ.);

F.  billi r-rapport tal-Eurofound dwar id-diskrepanza bejn is-sessi fil-qasam tal-impjiegi jikkalkula li d-diskrepanza bejn is-sessi fil-qasam tal-impjiegi qed tiswa lill-UE madwar EUR 370 biljun fis-sena, jew 2,8 % tal-PDG tal-UE(32);

G.  billi, f'dawk il-pajjiżi milquta mill-kriżi ekonomika u t-tnaqqis fil-baġit, in-nisa ġew affettwati b'mod sproporzjonat, b'mod partikolari n-nisa żgħażagħ, in-nisa anzjani, l-ommijiet waħedhom u n-nisa li jsofru minn diskriminazzjoni multipla, u billi dan il-fatt wassalhom biex jiftaqru u jiġu soċjalment emarġinati billi kulma jmur aktar bdew jiġu esklużi mis-suq tax-xogħol; billi t-tnaqqis fin-nefqa fil-kura pubblika u fis-servizzi tas-saħħa jwassal għat-trasferiment tar-responsabilità għall-kura mis-soċjetà lura lill-unitajiet domestiċi, u dan il-fatt jaffettwa l-aktar lin-nisa;

H.  billi l-femminizzazzjoni tal-faqar għadha tippersisti fl-UE, u billi l-proporzjonijiet għolja ħafna tal-qgħad, il-faqar u l-esklużjoni soċjali fost in-nisa huma marbuta mill-qrib mat-tnaqqis fil-baġits għas-servizzi pubbliċi bħalma huma l-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, is-servizzi soċjali u l-benefiċċji soċjali; billi dawn il-politiki jwasslu għal instabilità akbar fl-impjiegi, b'mod partikolari minħabba ż-żieda fix-xogħol part-time involontarju u fil-kuntratti temporanji;

I.  billi fl-2015 tliet kwarti mill-faċendi tad-dar u żewġ terzi tal-kura tal-ġenituri għal uliedhom twettqu minn nisa li jaħdmu, li għalhekk ġarrew b'mod predominanti piż doppju ta' responsabilitajiet; billi n-nisa ġeneralment jieħdu fuqhom responsabilità wisq aktar predominanti għall-kompiti tal-kura tal-ġenituri għal uliedhom u għall-faċendi tad-dar; billi r-rwoli u l-isterjotipi tradizzjonali tal-ġeneri għadhom qed ikollhom influwenza qawwija fuq id-distribuzzjoni tar-rwol bejn in-nisa u l-irġiel fid-dar, fuq il-post tax-xogħol u fis-soċjetà b'mod ġenerali; billi tali diviżjoni tradizzjonali tar-responsabilitajiet għandha t-tendenza li tipperpetwa l-istatus quo, u b'hekk tillimita l-opportunitajiet ta' impjieg u ta' żvilupp personali tan-nisa u tħallilhom ftit wisq ħin għall-inklużjoni soċjali u komunitarja jew għall-parteċipazzjoni ekonomika; billi l-ugwaljanza fil-qsim indaqs tax-"xogħol mingħajr ħlas", bħalma huma l-għoti tal-kura u r-responsabilitajiet domestiċi bejn in-nisa u l-irġiel, hija prekundizzjoni għall-indipendenza ekonomika tan-nisa fit-tul;

J.  billi ċerti tipi ta' liv relatat mal-familja għadhom qed ikunu bażi ta' diskriminazzjoni u stigmatizzazzjoni kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel, minkejja l-qafas ta' politika u l-leġiżlazzjoni eżistenti fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali, u billi dan jaffettwa b'mod partikolari lin-nisa li jaħdmu bħala l-indukraturi ewlenin li jużaw il-liv relatat mal-familja;

K.  billi kważi kwart mill-Istati Membri ma għandhom l-ebda dispożizzjoni tal-liġi għal-liv tal-paternità, u billi għadd minn fost dawk li għandhom tali dispożizzjonijiet jippermettu lill-irġiel jieħdu liv għal jum wieħed biss, għal jumejn biss jew għal għadd ta' jiem; billi fi tmien Stati Membri l-liv tal-ġenituri ma huwa akkumpanjat mill-ebda ħlas, filwaqt li r-rata ta' parteċipazzjoni tal-missirijiet fl-użu tal-liv tal-ġenituri hija waħda baxxa, fejn huma 10 % biss tal-missirijiet li jieħdu għall-inqas jum wieħed ta' liv u huma 97 % tan-nisa li jużaw il-liv tal-ġenituri li hu disponibbli għaż-żewġ ġenituri; billi l-promozzjoni ta' parteċipazzjoni akbar fl-użu tal-liv tal-ġenituri u tal-liv tal-paternità hija essenzjali biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn is-sessi; billi l-istudju tal-Eurofound(33) ta' stampa tal-aspetti li jinfluwenzaw ir-rata ta' parteċipazzjoni fl-użu tal-liv tal-ġenituri min-naħa tal-missirijiet, jiġifieri: il-livell ta' kumpens, il-flessibilità tas-sistema tal-liv, id-disponibilità ta' informazzjoni, id-disponibilità u l-flessibilità tal-faċilitajiet tal-indukrar tat-tfal u l-biża' ta' esklużjoni mis-suq tax-xogħol minħabba l-fatt li wieħed jieħu l-liv;

L.  billi waħda mill-prekundizzjonijiet għall-inklużjoni attiva tan-nisa fis-suq tax-xogħol hija d-disponibilità ta' faċilitajiet u servizzi, aċċessibbli u affordabbli ta' kura għat-tfal, għall-qraba anzjani u għal membri oħra dipendenti tal-familja; billi l-objettivi ta' Barċellona huma għodda eċċellenti biex tinkiseb l-ugwaljanza vera bejn is-sessi, u billi l-Istati Membri kollha għandhom jimpenjaw ruħhom biex jilħquhom mill-aktar fis possibbli; billi bħala riżultat ta' nuqqas ta' faċilitajiet u servizzi ta' kura tat-tfal ta' kwalità għolja bi prezzijiet affordabbli, l-ommijiet qed ikunu dejjem aktar mġiegħla jagħżlu bejn li jaħdmu part-time u li jċedu l-impjieg tagħhom biex jieħdu ħsieb ta' wliedhom, b'riperkussjonijiet fuq l-introjtu tal-familji u t-tfaddil tal-pensjoni;

M.  billi l-aċċess għat-taħriġ u d-dritt fundamentali tal-bniedem għall-edukazzjoni li għandhom il-bniet u n-nisa huma valuri Ewropej importanti u elementi essenzjali għat-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-bniet u tan-nisa fuq il-livell soċjali, dak kulturali u dak professjonali, kif ukoll għat-tgawdija sħiħa tad-drittijiet l-oħra kollha soċjali, ekonomiċi, kulturali u politiċi u sussegwentement għall-prevenzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet; billi edukazzjoni universali obbligatorja bla ħlas hija kundizzjoni sine qua non biex jiġu ggarantiti opportunitajiet indaqs għal kulħadd, peress li jenħtieġ li hija tkun disponibbli għat-tfal kollha, mingħajr l-ebda diskriminazzjoni u irrispettivament mill-istatus ta' residenza tagħhom; billi l-ġlieda kontra l-inugwaljanza bejn is-sessi tibda mill-età ta' qabel l-iskola u teħtieġ is-superviżjoni pedagoġika kostanti tal-kurrikuli, tal-għanijiet ta' żvilupp u tal-eżiti tat-tagħlim;

N.  billi l-ugwaljanza bejn is-sessi hija r-responsabilità tal-individwi kollha fis-soċjetà u teħtieġ il-kontribut attiv kemm tan-nisa kif ukoll tal-irġiel; billi jenħtieġ li l-awtoritajiet jimpenjaw ruħhom għall-iżvilupp ta' kampanji edukattivi indirizzati lill-irġiel u lill-ġenerazzjonijiet żgħażagħ, bl-għan li l-irġiel u s-subien jiġu involuti bħala sħab, biex b'hekk gradwalment jipprevjenu u jeliminaw kull xorta ta' vjolenza sessista u jippromwovu t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa;

O.  billi, minkejja l-fatt li n-nisa jiksbu bħala medja livell ta' edukazzjoni ogħla mill-irġiel, id-differenza medja tal-UE bejn il-pagi tal-irġiel u tan-nisa baqgħet ta' 16,1 % fl-2014, għalkemm hemm differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri;

P.  billi s-segregazzjoni orizzontali u vertikali bejn is-sessi fl-impjieg għadha fenomenu prevalenti, ikkawżat fost aspetti oħra mill-fatt li jiġi attribwit valur inqas lill-impjiegi meqjusa "femminili" milli lil dawk l-impjiegi meqjusa "maskili", mis-soqfa tal-ħġieġ persistenti, li jżommu lin-nisa milli jilħqu l-ogħla pożizzjonijiet u l-pożizzjonijiet li jitħallsu l-aktar u mir-rappreżentanza żejda tan-nisa fix-xogħol part-time, li hu mħallas inqas tajjeb mix-xogħol full-time; billi, minkejja l-fatt li n-nisa huma l-istess fil-livelli ta' gradwati bħall-irġiel jew saħansitra jisbquhom, l-impatt tal-isterjotipi tas-sessi fuq l-edukazzjoni, it-taħriġ u d-deċiżjonijiet li jsiru mill-istudenti fl-iskola jista' jinfluwenza l-għażliet tul ħajjithom kollha u sussegwentement għandu implikazzjonijiet sinifikanti għas-suq tax-xogħol; billi l-isterjotipi li s-soċjetà twassal fost ħafna nies dwar l-inkompatibilità tal-fatt li n-nisa jkollhom it-tfal u impjieg full-time iħallu lin-nisa f'pożizzjoni żvantaġġjata u jistgħu jiskoraġġixxu lin-nisa żgħażagħ milli jipproċedu b'edukazzjoni għolja jew milli jagħmlu investimenti ta' karriera;

Q.  billi l-indikatur kompost tal-ħin tax-xogħol imħallas u mingħajr ħlas tal-Istħarriġ Ewropew tal-Kundizzjonijiet tax-Xogħol tal-Eurofound juri li, b'mod ġenerali, il-ħinijiet tax-xogħol tan-nisa huma itwal meta jiġu kkalkulati s-sigħat ta' xogħol imħallsa u s-sigħat ta' xogħol mingħajr ħlas(34);

R.  billi fis-setturi relatati mal-oġġetti, is-servizzi jew l-agrikoltura, iżda mhux limitati għal dawn, hemm aċċess irregolari għal riżorsi ekonomiċi u finanzjarji bħalma huma assi, kapital, riżorsi produttivi u kreditu bejn l-irġiel u n-nisa;

S.  billi d-differenza bejn il-pensjonijiet tan-nisa u l-irġiel għadha tippersisti fl-UE u kien tammonta għal perċentwal predominanti ta' 40,2 % fl-2014; billi din hija r-riżultat tal-iżvantaġġi akkumulati min-nisa matul iż-żmien, bħalma hu n-nuqqas ta' aċċess għal ħafna riżorsi finanzjarji, bħall-benefiċċji u s-sistemi tal-pensjoni, li jiġu ma' impjieg full-time, u li għalihom ħafna nisa mhumiex eliġibbli minħabba li għandhom it-tendenza li jibqgħu f'impjieg part-time jew jiffaċċjaw interruzzjoni tax-xogħol minħabba responsabilitajiet ta' indukrar;

T.  billi xi Stati Membri fl-UE jżommu l-prattika tan-nonindividwalizzazzjoni tas-sistemi fiskali u tas-sigurtà soċjali; billi din is-sitwazzjoni tagħmel lin-nisa dipendenti minn żewġhom, għax dawn jistgħu jkunu ngħataw biss drittijiet derivati minħabba r-relazzjoni tagħhom mar-raġel;

U.  billi f'dawn l-aħħar għaxar snin il-proporzjon kumplessiv ta' nisa fil-parlamenti nazzjonali/federali żdied biss b'madwar 6 %, u laħaq id-29 % fl-2015;

V.  billi fl-2015, 6,5 % biss tal-presidenti, u 4,3 % biss tas-CEOs fl-akbar kumpaniji elenkati pubblikament fil-borża kienu nisa;

W.  billi, minkejja l-impenn tal-UE għall-ugwaljanza bejn is-sessi fit-teħid ta' deċiżjonijiet, il-bordijiet maniġerjali tal-aġenziji tal-UE huma serjament nieqsa mill-bilanċ bejn is-sessi, u juru tendenzi persistenti ta' segregazzjoni bejn is-sessi, fejn bħala medja 71 % tal-membri tal-bordijiet maniġerjali huma rġiel, u wieħed biss minn kull tliet bordijiet maniġerjali huma ppreseduti minn mara, u minn 42 Direttur Eżekuttiv fl-aġenziji tal-UE, 6 biss huma nisa;

X.  billi aktar minn nofs in-nisa vittmi ta' qtil jiġu maqtula minn sieħeb intimu, qarib jew membru tal-familja(35); billi 33 % tan-nisa fl-UE esperjenzaw vjolenza fiżika u/jew vjolenza sesswali u 55 % ġarrbu fastidju sesswali, 32 % fuq il-post tax-xogħol; billi n-nisa huma partikolarment vulnerabbli għall-vjolenza sesswali, fiżika u online, għall-bullying fuq l-internet u għall-istalking fuq l-internet;

Y.  billi l-vjolenza kontra n-nisa hija waħda mill-aktar tipi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem mifruxa madwar id-dinja, li tolqot il-livelli kollha tas-soċjetà, irrispettivament mill-età, l-edukazzjoni, l-introjtu, il-pożizzjoni soċjali u l-pajjiż ta' oriġini jew ta' residenza, u tirrappreżenta xkiel maġġuri għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel; billi l-fenomenu tal-femminiċidju mhux qed jonqos fl-Istati Membri;

Z.  billi l-istħarriġ tal-popolazzjoni dwar l-attitudnijiet lejn il-vjolenza kontra n-nisa juri prevalenza inkwetanti tat-tendenza li l-ħtija tintefa' fuq il-vittma, fatt li jista' jkun wieħed mill-effetti tal-patrijarkija; billi l-kundanna qawwija ta' mġiba bħal din mill-awtoritajiet pubbliċi u minn istituzzjonijiet oħra spiss tonqos li ssir;

AA.  billi l-modi diġitali ta' komunikazzjoni kkontribwew għall-prevalenza tad-diskors ta' mibegħda u tat-theddid kontra n-nisa, fejn naraw li 18 % tan-nisa fl-Ewropa batew sa mill-adolexxenza xi forma ta' fastidju online u li huma disa' miljuni n-nisa vittmi ta' vjolenza online fl-Ewropa; billi hemm nuqqas ta' kapaċità ta' reazzjoni min-naħa tas-sistema ġudizzjarja lejn il-vjolenza kontra n-nisa online; billi dawk li jabbużaw u dawk li jxerrdu l-mibegħda rari jiġu rappurtati, investigati, mixlija u kkundannati;

AB.  billi 23 % tan-nisa lesbjani u 35 % tal-persuni transġeneri kienu ġew attakkati jew mhedda fiżikament/sesswalment bi vjolenza fid-dar jew banda oħra (fit-triq, fuq mezzi tat-trasport pubbliku, fuq il-post tax-xogħol, eċċ.) tal-inqas darba fl-aħħar ħames snin;

AC.  billi l-istħarriġ tal-UE dwar l-LGBT juri li n-nisa leżbjani, bisesswali u transġeneri jħabbtu wiċċhom ma' riskju enormi ta' diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali tagħhom jew tal-identità tal-ġeneru tagħhom; billi d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru tinterċetta ma' diskriminazzjoni oħra fuq bażi ta' razza u etniċità, reliġjon, diżabilità, saħħa, identità tal-ġeneru, orjentament sesswali u/jew kundizzjonijiet soċjoekonomiċi;

AD.  billi l-kundizzjonijiet sejrin għall-agħar għal ċerti gruppi ta' nisa li spiss jiffaċċjaw akkumulazzjoni ta' diversi diffikultajiet u riskji u livelli għolja ta' diskriminazzjoni;

AE.  billi fl-2015 l-UE esperjenzat żieda bla preċedent fil-għadd ta' rifuġjati u persuni li jfittxu asil fit-territorju tiegħu; billi, skont l-UNHCR, in-nisa u t-tfal irrappreżentaw aktar minn nofs dawn ir-rifuġjati u persuni li jfittxu asil, u billi matul il-vjaġġ kollu tagħhom, inkluż fiċ-ċentri ta' akkoljenza ffullati fl-UE, ġew irrapportati każijiet ta' vjolenza u abbuż, inkluża vjolenza sesswali, fuq nisa u tfal rifuġjati;

AF.  billi n-nisa u l-bniet jikkostitwixxu 80 % tal-vittmi reġistrati tat-traffikar tal-bnedmin(36); billi l-identifikazzjoni tal-vittmi tibqa' sfida, u billi l-appoġġ u l-protezzjoni lill-vittmi jeħtieġ li jiġu msaħħa u l-isforzi kollha ta' kontra t-traffikar għandu jkun fihom aspett sensittiv għall-kwistjonijiet relatati mas-sessi;

AG.  billi wieħed mill-għanijiet ewlenin tat-traffikar tal-bnedmin huwa l-isfruttament sesswali, u billi n-nisa li jaqgħu vittmi ta' dan huma mġiegħla jgħixu ħajja ta' priġunerija u ta' tirannija permezz tal-vjolenza ta' kuljum, ta' natura kemm fiżika kif ukoll psikoloġika;

AH.  billi s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi huma drittijiet fundamentali tal-bniedem u huma element essenzjali tal-ugwaljanza bejn is-sessi u tal-awtodeterminazzjoni, u billi jenħtieġ li jiġu inklużi fl-Istrateġija tal-UE dwar is-Saħħa;

AI.  billi saħħet in-nisa ma għandha qatt titpoġġa f'riskju minħabba oġġezzjoni ta' kuxjenza jew twemmin personali;

AJ.  billi l-applikazzjoni tal-liġi tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-Istati Membri nstab li ġġib magħha problemi speċifiċi relatati mat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tad-direttivi rilevanti, bħalma huma nuqqasijiet sostantivi fil-leġiżlazzjoni u l-applikazzjoni inkonsistenti tagħha mill-qrati nazzjonali, iżda b'mod importanti wkoll nuqqas ġenerali ta' għarfien dwar il-prinċipji tal-ugwaljanza u l-liġi(37);

AK.  billi d-direttivi tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi b'mod partikolari m'humiex qed jiġu implimentati kif suppost f'għadd ta' Stati Membri li ma jipproteġux persuni transġeneri kontra d-diskriminazzjoni fl-oqsma tal-aċċess għall-impjiegi u l-aċċess għall-prodotti u s-servizzi;

AL.  billi l-mekkaniżmi istituzzjonali għall-ugwaljanza bejn is-sessi huma spiss emarġinati fl-istrutturi governattivi nazzjonali, maqsuma f'oqsma ta' politika differenti, u mxekkla minn mandati kumplessi u li jespandu, nieqsa minn persunal adegwat, taħriġ, data u riżorsi suffiċjenti, u ma jesperjenzawx appoġġ biżżejjed mit-tmexxija politika(38);

AM.  billi l-problema persistenti ta' nuqqas ta' data komprensiva, affidabbli u diżaggregata skont is-sessi toħloq ambigwitajiet u tgħawweġ l-istampa tas-sitwazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza sessista; billi l-ġbir ta' tali data mhux biss ikun jipprovdi stampa ċara tas-sitwazzjoni, iżda jkun jiġbed l-attenzjoni wkoll lejn kwistjonijiet ta' tħassib immedjat;

AN.  billi s-sħab soċjali għandhom rwol ewlieni x'jaqdu biex jintlaħqu l-miri tal-ugwaljanza minħabba r-rwol kritiku tagħhom fit-tiswir tal-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol u tal-kundizzjonijiet soċjali permezz tal-involviment tagħhom fit-tfassil tal-politika u ta' negozjar kollettivi f'diversi livelli, għalkemm jidher ċar li r-rwol speċifiku li huma jaqdu f'pajjiżi differenti u f'sistemi ta' relazzjonijiet industrijali differenti jiddependi ħafna mit-tradizzjonijiet nazzjonali u mill-qawwa organizzattiva(39);

AO.  billi, skont l-Ewrobarometru tal-2016, 55 % tal-Ewropej jixtiequ li l-UE tintervjeni iktar fil-qasam tat-trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa; billi l-obbligu tal-Kummissjoni li tikseb l-ugwaljanza bejn is-sessi f'konformità mat-Trattati huwa indipendenti mill-opinjoni pubblika;

1.  Jinsab profondement imħasseb dwar il-fatt li l-UE għadha biss nofs triq biex tilħaq l-istat ta' ugwaljanza bejn is-sessi, skont l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-2015 tal-EIGE; jiddispjaċih bil-qawwa għall-fatt li l-istatus u l-profil tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess qed juru sinjali ta' tnaqqis fl-importanza, qed jiġu emarġinati bħala għan politiku u qed jiġu mminati bħala qasam ta' politika, b'mod partikolari fil-kuntest ta' reazzjoni vjolenti madwar l-Ewropa kollha kontra d-drittijiet tan-nisa, tal-persuni LGBTI u tad-drittijiet sesswali u riproduttivi u jqis li hu meħtieġ li jiġu kkunsidrati r-raġunijiet li wasslu għal din it-tendenza u jiġu rieżaminati l-istrateġiji, l-għodod u l-approċċi attwali li huma promossi fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

2.  Jirrimarka li l-UE hija obbligata tiġġieled lill-esklużjoni soċjali u lid-diskriminazzjoni skont it-TUE u li t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) għandu mnaqqax fih l-impenn tal-UE għall-eliminazzjoni tan-nuqqas ta' ugwaljanza u għall-promozzjoni l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa; jenfasizza li l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn is-sessi ma jipprekludix ż-żamma jew l-adozzjoni ta' miżuri li jipprovdu benefiċċji konkreti għall-ġeneru li hu sottorappreżentat, kif stipulat fl-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni tintegra l-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-baġits u fit-tfassil tal-politiki, u fl-implimentazzjoni tal-miżuri u l-programmi tal-UE, u twettaq valutazzjonijiet tal-impatt fuq is-sessi meta tkun qed tistabbilixxi kwalunkwe politika ġdida biex ikun jista' jiġi żgurat rispons ta' politika tal-UE aktar koerenti u bbażat fuq l-evidenza quddiem l-isfidi tal-ugwaljanza bejn is-sessi; jistieden lill-Istati Membri jwettqu miżuri korrispondenti fil-livell nazzjonali;

4.  Jitlob lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni akbar tal-impatt ta' dak it-tnaqqis fl-infiq pubbliku li qed ikollu effetti negattivi fuq id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi u jitlobha tistabbilixxi miżuri biex tindirizza dan l-impatt u tieħu passi biex twaqqfu;

5.  Jiddispjaċih għall-fatt li mhemmx integrazzjoni tal-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-istrateġija Ewropa 2020, u jappella biex il-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi tiġi inkluża b'mod ġenerali u aktar qawwi fiha, u b'hekk jiġu indirizzati l-kawżi strutturali tal-faqar fost in-nisa, b'mod partikolari fil-qafas tat-tfassil tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi fil-kuntest tas-semestru Ewropew, u jappella wkoll biex fl-istħarriġ annwali dwar it-tkabbir tiġi inkluża gwida speċifika tal-politiki dwar kif jistgħu jitnaqqsu l-inugwaljanzi bejn is-sessi;

6.  Jinnota l-intersezzjonalità bejn is-sessi u raġunijiet oħra ta' diskriminazzjoni u l-impatt sproporzjonat ta' diskriminazzjoni multipla fuq in-nisa; iqis li l-faqar fost in-nisa, b'mod partikolari fost in-nisa aktar kbar fl-età, l-ommijiet waħedhom, in-nisa vittmi ta' vjolenza sessista, in-nisa b'diżabilità, in-nisa migranti, in-nisa rifuġjati u dawk li jfittxu asil, u n-nisa li jappartienu lill-minoranzi, jeħtieġ li jiġi indirizzat b'mod determinat bħala kwistjoni ta' urġenza; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jaħdmu mal-awtoritajiet reġjonali u lokali, mal-korpi tal-infurzar tal-liġi, mal-korpi nazzjonali tal-ugwaljanza u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex iżidu l-monitoraġġ tal-intersezzjonalità bejn is-sessi u r-raġunijiet differenti tad-diskriminazzjoni, u jimplimentaw strateġiji ta' inklużjoni aktar effettivi billi jagħmlu użu effiċjenti tar-riżorsi allokati lill-politiki soċjali, mhux l-inqas il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fondi Strutturali;

7.  Jappoġġja l-appell tal-Kunsill għal inizjattiva ġdida tal-Kummissjoni li tiddefinixxi strateġija għall-ugwaljanza bejn is-sessi għall-2016-2020, li tkun tinkludi lill-persuni transġeneri u intersesswali, u biex l-istatus tal-impenn strateġiku tagħha fir-rigward tal-ugwaljanza bejn is-sessi jiġi msaħħaħ, ħaġa li għandha tkun marbuta mill-qrib mal-istrateġija Ewropa 2020 u għandha tqis l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-politiki u jżidu l-investiment li jappoġġja l-impjieg tan-nisa f'impjiegi ta' kwalità fis-setturi kollha u jieħdu passi biex jiġġieldu lis-suriet ta' impjieg prekarji;

9.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jippromwovu inizjattivi, miżuri u azzjonijiet ta' assistenza u konsulenza għal dawk in-nisa li jiddeċiedu li jsiru imprendituri;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni ġġib flimkien perspettiva ta' ugwaljanza bejn is-sessi mal-politika makroekonomika u timponi miżuri innovattivi sabiex ittejjeb l-opportunitajiet ugwali tax-xogħol u r-responsabilitajiet ugwali tal-indukrar għaż-żewġ sessi;

11.  Jinnota li parteċipazzjoni ugwali min-nisa u mill-irġiel fis-suq tax-xogħol u pagi aħjar u aktar ġusti għan-nisa mhux biss iżidu l-indipendenza ekonomika tan-nisa, imma wkoll iżidu b'mod sinifikanti l-potenzjal ekonomiku tal-UE, filwaqt li jikkonsolidaw in-natura ġusta u inklussiva tagħha; jinnota li, skont it-tbassir tal-OECD, konverġenza sħiħa tar-rati ta' parteċipazzjoni tirriżulta f'żieda ta' 12,4 % tal-PDG per capita sal-2030;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimmonitorjaw u jieħdu azzjoni kontra l-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-ħaddiema, b'mod speċjali l-ħaddiema nisa, li kulma jmur aktar qed jaħdmu f'impjiegi b'pagi baxxi u qed ikunu l-vittmi ta' diskriminazzjoni, kif ukoll jadottaw politiki u jieħdu miżuri biex jidentifikaw, jipproteġu kontra, jipprovdu informazzjoni dwar u jindirizzaw b'mod determinat il-fenomenu tal-fastidju morali fuq il-post tax-xogħol, inkluż fastidju lill-ħaddiema nisa tqal jew kwalunkwe żvantaġġ esperjenzat wara li jirritornaw mil-liv tal-maternità jew meta japplikaw għal xogħol; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu data diżaggregata kemm mil-lat tas-sessi kif ukoll mil-lat tal-istat ta' ġenitur fir-rigward tad-differenzi bejn il-pagi u l-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa;

13.  Jenfasizza li l-edukazzjoni hija għodda importanti li tgħin lin-nisa jipparteċipaw b'mod sħiħ fl-iżvilupp soċjali u ekonomiku; jenfasizza li l-miżuri tat-tagħlim tul il-ħajja huma kruċjali biex jipprovdu lin-nisa l-ħiliet li jippermettulhom jirritornaw fid-dinja tax-xogħol jew itejbu l-impjieg, id-dħul u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi inizjattivi li joffru appoġġ fl-implimentazzjoni ta' programmi ta' edukazzjoni professjonali għan-nisa, filwaqt li dawn jiġu mħeġġa jattendu l-edukazzjoni ogħla fl-oqsma tax-xjenza, tat-teknoloġija u tal-informatika, jiġu żviluppati programmi ta' taħriġ dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi għall-professjonisti tal-edukazzjoni, u l-isterjotipi jinżammu milli jiġu perpetwati permezz ta' kurrikuli u materjal pedagoġiku; jistieden lill-universitajiet u lill-istituzzjonijiet tar-riċerka jadottaw politiki ta' ugwaljanza bejn is-sessi, billi jsegwu l-linji gwida żviluppati mill-EIGE, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni ("L-għodda GEAR — Gender Equality in Academia and Research" ("L-Ugwaljanza bejn is-Sessi fid-Dinja Akkademika u fir-Riċerka");

14.  Jistieden lill-Istati Membri kollha jindirizzaw b'mod determinat il-kwistjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, is-sessiżmu u l-isterjotipi tas-sessi fis-sistemi edukattivi tagħhom fil-livelli kollha u jiżguraw li l-għanijiet tas-sistemi edukattivi tagħhom jinkludu l-edukazzjoni fir-rispett għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u fid-drittijiet u l-opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel, u li l-prinċipji tagħhom ta' kwalità jkunu jinkludu l-eliminazzjoni tal-ostakoli għall-ugwaljanza ġenwina bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll il-promozzjoni tal-ugwaljanza sħiħa bejniethom;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, tressaq pakkett komprensiv ambizzjuż ta' miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata bħala parti mill-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2017, filwaqt li tqis il-pilastru Ewropew imħabbar tad-drittijiet soċjali, u inkluża r-reviżjoni eżistenti tad-Direttivi dwar il-Liv tal-Maternità 92/85/KEE u dwar id-Direttiva tal-Liv tal-Ġenituri 2010/18/UE kif ukoll il-proposti għal direttivi dwar il-liv tal-paternità u l-liv tal-indukraturi, filwaqt li tħeġġeġ l-użu ugwali tal-arranġamenti tal-liv mill-irġiel u min-nisa fost il-kategoriji kollha tal-ħaddiema;

16.  Jinnota b'apprezzament li fl-2014-2015 għadd ta’ Stati Membri biddlu l-politika u/jew il-leġiżlazzjoni tagħhom dwar il-liv tal-ġenituri, billi introduċew in-nontrasferibilità tad-dritt tal-użu tal-liv, in-natura mandatarja tal-liv tal-paternità, liv tal-paternità itwal u/jew bonus jekk il-liv jinqasam bejn il-ġenituri jew jekk jinqasam indaqs bejn il-ġenituri, ħaġa li ssaħħaħ id-drittijiet tagħhom bħala ġenituri, tiżgura grad ogħla ta’ ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u distribuzzjoni aktar xierqa tar-responsabilitajiet ta’ indukrar u dawk domestiċi, u ssaħħaħ l-opportunitajiet tan-nisa biex jipparteċipaw bis-sħiħa fis-suq tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jinkoraġġixxu lill-irġiel jaqsmu b’mod ugwali r-responsabilitajiet domestiċi u l-kura tat-tfal u ta’ persuni dipendenti oħra;

17.  Jistieden lill-Eurofound tkompli tiżviluppa l-attivitajiet tagħha għall-monitoraġġ tal-kwalità tal-impjiegi u l-ħajja tax-xogħol permezz tal-Istħarriġ Ewropew dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol, tagħha, abbażi tal-kunċett tagħha ta’ impjieg ta’ kwalità bħala li jinkludi qligħ, prospetti, kwalità tal-ħin tax-xogħol, l-użu u d-diskrezzjoni ta’ ħiliet, l-ambjent soċjali, ir-riskju fiżiku u l-intensità tax-xogħol; jistieden, barra minn hekk, lill-Eurofound tiżviluppa r-riċerka tagħha dwar dawk il-politiki, ftehimiet tas-sħab soċjali u prattiki tal-kumpaniji li jappoġġaw bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, kif ukoll tiżviluppa r-riċerka tagħha dwar kif l-unitajiet domestiċi fejn iż-żewġ sieħba jaħdmu jistgħu jimmaniġġjaw l-arranġamenti tal-ħin tax-xogħol tagħhom u kif jistgħu jiġu appoġġati bl-aħjar mod;

18.  Jistieden lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma resqux lejn l-individwalizzazzjoni tad-drittijiet fil-politika tal-ekwità soċjali biex jagħmlu dan, partikolarment fis-sistemi fiskali, sabiex jiġu eliminati l-inċentivi finanzjarji biex il-konjugi li jaqilgħu inqas jirtiraw mis-suq tax-xogħol jew imorru jaħdmu part-time;

19.  Jifraħ lill-Istati Membri li diġà laħqu ż-żewġ objettivi ta’ Barċellona; iħeġġeġ lill-Portugall, in-Netherlands, il-Lussemburgu, il-Finlandja, l-Italja, Malta u l-Estonja jilħqu l-mira l-oħra, u jistieden lill-Polonja, l-Kroazja u r-Rumanija, fejn iż-żewġ miri li huma għadhom ’il bogħod milli jintlaħqu, biex iżidu l-isforzi tagħhom sabiex jipprovdu kura tat-tfal formali sabiex jingħata kontribut biex jinstab bilanċ aħjar bejn il-ħajja privata u dik professjonali tal-ħaddiema; jirrimarka li riċerki reċenti jindikaw b'mod qawwi li l-investiment fil-kura għat-tfal u għall-anzjani se jtejjeb il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-forza tax-xogħol full-time u jippermettilhom igawdu inklużjoni lokali u soċjali akbar;

20.  Jerġa' jafferma l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jistinkaw ħalli jistabbilixxu Garanzija għat-Tfal, li tkun tiżgura li kull tifel u tifla Ewropej li jinsabu fir-riskju tal-faqar ikollhom aċċess għall-kura tas-saħħa mingħajr ħlas, edukazzjoni mingħajr ħlas, kura tat-tfal mingħajr ħlas, akkomodazzjoni deċenti u nutrizzjoni adegwata; jenfasizza li din il-politika għandha tindirizza s-sitwazzjoni tan-nisa u l-bniet, b'mod partikolari f'komunitajiet vulnerabbli u emarġinati; jinnota li l-Inizjattiva ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ għandha tinkludi perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

21.  Jiddispjaċih dwar il-persistenza tad-differenza bejn il-pagi u bejn il-pensjonijiet bejn tal-irġiel u n-nisa, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali jieħdu azzjoni urġenti biex dan id-distakk jagħlquh;

22.  Josserva li l-ewwel pass fil-ġlieda kontra d-diskrepanza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa huwa l-istabbiliment tat-trasparenza dwar il-livelli tal-pagi, u jinnota b’entużjażmu li għadd ta’ impriżi diġà bdew il-prattika li janalizzaw u jippubblikaw id-differenza bejn il-pagi tal-ħaddiema rġiel u nisa tagħhom; jistieden lil kull min iħaddem u lill-movimenti sindikalisti kollha biex jabbozzaw u jimplimentaw għodod speċifiċi operattivi għall-evalwazzjoni tax-xogħol biex ikun tista' tiġi ddeterminata paga ugwali għal xogħol ugwali u għal xogħol ta’ valur ugwali; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri jwettqu mapep tas-salarji u tal-pagi fuq bażi regolari, jippubblikaw id-data u jitolbu lill-kumpaniji biex jintroduċu mekkaniżmi interni għall-kxif ta’ differenzi fil-pagi;

23.  Jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni tqis il-prinċipju ta’ “paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali” bħala wieħed mill-oqsma ewlenin għal azzjoni; u f’dan il-kuntest jappella għal riformulazzjoni tad-Direttiva tal-2006 dwar it-Trattament Ugwali;

24.  Jikkundanna l-fatt li f’aktar minn nofs l-Istati Membri id-diskrepanza fil-pensjonijiet bejn is-sessi żdiedet; jinkoraġixxi lil Ċipru, il-Ġermanja u n-Netherlands inaqqsu d-differenza bejn il-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa, li hija ta’ kważi 50 %; jistieden lil Malta, Spanja, il-Belġju, l-Irlanda, il-Greċja, l-Italja u l-Awstrija jagħlqu d-diskrepanza fil-pensjonijiet bejn is-sessi, peress li bejn 11 % u 36 % tan-nisa f’dawk il-pajjiżi ma għandhom l-ebda aċċess għal pensjoni;

25.  Jifraħ lill-Gvern tal-Isvezja talli laħaq il-parità fir-rappreżentanza f’termini ta' ġeneru, u lis-Slovenja u Franza talli laħqu parità virtwali, u jinkoraġġixxi lill-Ungerija, is-Slovakkja u l-Greċja, li ffurmaw gvernijiet li ma fihom l-ebda mara,(40) jiżguraw li n-nisa jiġu rappreżentati biżżejjed fil-livelli kollha tat-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi u ekonomiċi; jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu l-parità bejn is-sessi f’pożizzjonijiet ta’ livell għoli fil-gvernijiet, l-istituzzjonijiet u l-korpi pubbliċi tagħhom, u fil-listi elettorali, sabiex jiġi żgurat li jkun hemm rappreżentanza ugwali fil-kunsilli lokali u fil-parlamenti reġjonali u nazzjonali, kif ukoll fil-Parlament Ewropew; jisħaq fuq il-fatt li diversi studji wrew li miżuri leġiżlattivi xierqa jistgħu jwasslu għal tibdil rapidu fil-bilanċ bejn is-sessi fl-isfera politika; jaqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni li, jekk għandhom ikunu effettivi, jenħtieġ li l-kwoti jkunu akkumpanjati minn leġiżlazzjoni dwar l-ordni tal-listi tal-kandidati u sanzjonijiet xierqa f’każ ta’ ksur;

26.  Jenfasizza li s-sottorappreżentanza ċara tan-nisa f’karigi politiċi eletti u nominati fil-livell tal-UE u fil-livell tal-Istati Membri hija żvantaġġ demokratiku li jimmina l-leġittimità tat-teħid ta’ deċiżjonijiet kemm fil-livell tal-UE u kemm fil-livell nazzjonali;

27.  Jitlob li l-istituzzjonijiet tal-UE jagħmlu dak kollu li hu possibbli fis-setgħa tagħhom biex jiggarantixxu l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-Kulleġġ tal-Kummissarji u fil-karigi ta’ livell għoli fl-istituzzjonijiet, l-aġenziji, l-istituti u l-korpi kollha tal-UE;

28.  Jinnota bi tħassib li fl-2015, il-maġġoranza tal-pajjiżi baqgħu anqas mill-medja tal-UE f'dak li jirrigwarda l-livell ta’ rappreżentanza femminili fuq il-bordijiet ta’ kumpaniji elenkati kbar meta mqabbel mal-2010; japprezza, madankollu, ix-xejra ġenerali tal-progress, b’mod partikolari fi Franza, l-Italja, ir-Renju Unit, il-Belġju u d-Danimarka;

29.  Itenni t-talba tiegħu lill-Kunsill għall-adozzjoni rapida tad-direttiva dwar il-bilanċ bejn is-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi ta’ kumpaniji elenkati fil-borża (("id-Direttiva dwar in-Nisa fuq il-Bordijiet"), bħala l-ewwel pass importanti lejn rappreżentanza indaqs fis-settur pubbliku u f’dak privat; jinnota li l-progress huwa l-aktar tanġibbli (minn 11,9 % fl-2010 għal 22,7 % fl-2015) fl-Istati Membri li fihom ġiet adottata leġiżlazzjoni vinkolanti dwar il-kwoti għall-bordijiet(41);

30.  Jiddeplora l-fatt li Stat Membru wieħed biss laħaq parità bejn is-sessi fl-ogħla postijiet fi stabbilimenti ta’ edukazzjoni għolja, filwaqt li jilqa’ l-fatt li r-rappreżentanza femminili f’dawn il-pożizzjonijiet ittejbet b’mod ġenerali;

31.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jipprevjenu u jirreaġixxu għal kull tip ta’ vjolenza kontra n-nisa u għall-vjolenza sessista u jistabbilixxu aktar strateġiji ta’ prevenzjoni, biex is-servizzi ta’ appoġġ u protezzjoni speċjalizzati jkunu disponibbli b’mod iktar wiesa’ ħalli l-vittmi kollha jkunu jistgħu jkollhom aċċess għalihom, u jiffokaw attenzjoni speċjali fuq l-aspetti tad-drittijiet tal-vittmi speċifiċi għall-ġeneri, inkluż meta dawn ikunu relatati mal-identità tal-ġeneru u mal-espressjoni tal-ġeneru tal-vittma, meta jkunu qed jirrappurtaw dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi fl-2017; jistieden lill-Kunsill jattiva l-"klawsola passerelle", billi jadotta deċiżjoni unanima sabiex mal-oqsma tal-kriminalità elenkati fl-Artikolu 83(1) TFUE tiżdied il-vjolenza sessista; jistieden lill-Kummissjoni tvara reġistru Ewropew ta’ ordnijiet Ewropej ta’ protezzjoni li jikkumplementaw il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tal-vittmi;

32.  Itenni bil-qawwa li forom ta’ vjolenza u diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, inkluż, iżda mhux limitat għal, l-istupru u l-vjolenza sesswali, il-fastidju sesswali, il-mutilazzjoni ġenitali femminili, iż-żwieġ irranġat, u l-vjolenza domestika, idgħajfu gravement id-dinjità tal-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintroduċu politiki ta’ tolleranza żero fir-rigward ta’ kull forma ta’ vjolenza, inkluża l-vjolenza domestika, fejn il-vittmi ma jkunux jixtiequ jirrappurtaw il-vjolenza minħabba li tkun imwettqa mis-sieħeb jew minn membri tal-familja tagħhom stess; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu viżibilità lis-sitwazzjoni tan-nisa b’diżabilità bħala vittmi ta’ vjolenza domestika, li spiss ma jkunux jistgħu jaħarbu mir-relazzjoni abbużiva;

33.  Jilqa’ l-progress tal-Istati Membri fl-iffirmar tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, l-ewwel strument legalment vinkolanti dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa f’livell internazzjonali; u jħeġġeġ lil dawk l-14-il Stat Membru li għadhom ma rratifikawhiex biex jagħmlu dan mingħajr dewmien; jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li saret f'Marzu 2016 dwar l-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jħaffu n-negozjati dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul u jappoġġja l-adeżjoni magħha mingħajr riżerva u fuq bażi wiesgħa; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tinkludi definizzjoni tal-vjolenza sessista f’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2012/29/UE u tippreżenta, malajr kemm jista’ jkun, strateġija Ewropea komprensiva għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza sessista, li għandu jkun fiha att leġiżlattiv vinkolanti;

34.  Ifaħħar il-prattika tal-Eurostat u tal-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali u tal-pulizija nazzjonali li jikkooperaw fl-iskambji tad-data bil-għan li jinxteħet dawl fuq il-prattika kundannabbli tal-vjolenza sessista fl-UE, u jistedinhom jagħmlu din il-prattika waħda kontinwa billi jimmonitorjaw, f’kooperazzjoni mal-EIGE, l-okkorrenza tar-reati mwettqa kontra n-nisa fuq bażi annwali;

35.  Jenfasizza r-rabtiet mill-qrib bejn l-isterjotipi u l-għadd dejjem jikber b'mod konsiderevoli ta’ każijiet ta’ fastidju kontra n-nisa u s-sessiżmu fuq l-internet u fuq il-midja soċjali, li jwasslu wkoll għal forom ġodda ta’ vjolenza kontra n-nisa u l-bniet, bħalma huma l-bullying fuq l-internet, il-fastidju fuq l-internet, l-użu ta’ immaġnijiet degradanti online u d-distribuzzjoni fuq il-midja soċjali ta’ ritratti u filmati privati mingħajr il-kunsens tal-persuni involuti; jenfasizza l-ħtieġa li dawn jiġu miġġielda minn età bikrija; jenfasizza li tali sitwazzjonijiet jistgħu jfeġġu minn nuqqas ta’ protezzjoni min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi u istituzzjonijiet oħra, li suppost joħolqu ambjent newtrali f’sens ta’ ġeneri u jiddenunzjaw is-sessiżmu;

36.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu l-miżuri legali u ġuridiċi kollha għall-ġlieda kontra l-fenomenu tal-vjolenza kontra n-nisa fuq l-internet; b’mod partikolari jappella lill-UE u lill-Istati Membri jgħaqqdu l-forzi permezz ta’ strateġija Ewropea komprensiva għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza sessista bl-għan li jinħoloq qafas li jirrikonoxxi l-forom ġodda ta’ vjolenza online bħala reat kriminali, u jiġi stabbilit appoġġ psikoloġiku għan-nisa u l-bniet li jisfaw vittmi tal-vjolenza online; jitlob għal valutazzjoni tal-impatt fuq is-sessi tal-Istrateġija taċ-Ċibersigurtà tal-UE u taċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità (Europol) sabiex dawn il-kwistjonijiet jiġu inklużi u biex il-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi tiġi adottata fil-ħidma tagħhom;

37.  Jitlob, mill-ġdid, lill-Kummissjoni tistabbilixxi ċentru Ewropew għall-monitoraġġ tal-vjolenza sessista (fuq il-mudell tal-attwali Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi), li għandu jitmexxa minn koordinatur Ewropew għall-prevenzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkludu miżuri biex jipproteġu lin-nisa u lill-persuni LGBTI mill-fastidju fuq il-post tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi d-Deċiżjoni Qafas attwali tal-UE dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta’ razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali(42), bil-għan li jiġu inklużi s-sessiżmu, l-atti kriminali ta’ preġudizzju u l-inċitament għall-mibegħda abbażi tal-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru u l-karatteristiċi tal-ġeneru;

39.  Jikkundanna l-fatt li fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE għadha sseħħ il-kirurġija ta’ “normalizzazzjoni” fuq l-organi ġenitali fuq it-trabi intersesswali , minkejja li mhijiex medikament meħtieġa; iħeġġeġ lill-Istati Membri jevitaw tali trattamenti mediċi mingħajr il-kunsens liberu u infurmat tal-persuna kkonċernata;

40.  Jinnota li f’Malta u fil-Greċja l-persuni intersesswali huma protetti kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-karatteristiċi tas-sess; jistieden lill-Istati Membri jinkludu r-raġunijiet tal-identità tal-ġeneru u tal-karatteristiċi tas-sess fi ħdan il-leġiżlazzjoni tagħhom dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi meta jkunu qed jimplimentaw id-direttivi tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi;

41.  Jenfasizza li l-forom ta' vjolenza u diskriminazzjoni bbażati fuq il-ġeneru, inklużi, iżda mhux biss, l-istupru u l-vjolenza sesswali, il-mutilazzjoni ġenitali femminili (MĠF), iż-żwieġ furzat, il-vjolenza domestika, l-hekk imsejħa delitti tal-unur u d-diskriminazzjoni bejn il-ġeneri approvata uffiċjalment mill-istat, jikkostitwixxu persekuzzjoni u għandhom jitqiesu bħala raġunijiet validi għat-tfittxija ta' asil fl-UE; jappoġġja l-ħolqien ta’ modi ta’ dħul sikuri u legali lejn l-UE; ifakkar li n-nisa u l-bniet huma partikolarment vulnerabbli għall-isfruttament mill-kuntrabandisti;

42.  Itenni l-istedina tiegħu lill-Istati Membri biex immedjatament itemmu d-detenzjoni tat-tfal, tan-nisa tqal u li qed ireddgħu u tal-vittmi superstiti ta’ stupru, vjolenza sesswali u traffikar, u biex jagħmlu disponibbli appoġġ psikoloġiku u tas-saħħa xieraq, mogħti minn professjonisti li jkunu xierqa mil-lat tal-ġeneru bħalma huma psikologi, ħaddiema soċjali, infirmiera u tobba li jkunu ġew imħarrġa b’mod xieraq għal emerġenzi bħal dawn; ifakkar li l-appoġġ f’waqtu għar-rifuġjati vittmi ta’ vjolenza bbażata fuq il-ġeneru jew l-orjentazzjoni sesswali (perċepita) jew l-identità tal-ġeneru għandu jiġi pprovdut fl-istadji kollha tal-proċess ta’ migrazzjoni, inkluża r-rilokazzjoni immedjata f’każ li s-sigurtà tagħhom ma tkunx tista’ tiġi garantita, appoġġ ta’ saħħa mentali ta’ kwalità u rikonoxximent immedjat tal-identità tal-ġeneru għad-durata tal-proċeduri tal-asil bħala miżura għall-prevenzjoni tal-vjolenza;

43.  Itenni li d-dimensjoni tal-ġeneru fil-qasam tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, li issa jikkostitwixxi waħda mill-iktar attivitajiet profitabbli ta’ kriminalità organizzata, għandha tiġi mmonitorjata b’mod konsistenti fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE ta' kontra t-traffikar, u jtenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tkompli timmonitorja dan waqt il-valutazzjoni tagħha tal-konformità mad-Direttiva u tal-implimentazzjoni tagħha min-naħa tal-Istati Membri, filwaqt li tiżgura li l-obbligi ta’ rappurtar u l-kalendarju kif deskritti fid-Direttiva jiġu rispettati;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni toffri kemm appoġġ finanzjarju kif ukoll loġistiku lill-Istati Membri involuti fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, b’mod partikolari l-Italja u l-Greċja, li, wara l-kriżi attwali tal-migranti, sabu ruħhom fuq quddiem nett biex jindirizzaw b'mod determinat din l-emerġenza;

45.  Jitlob li l-isforzi li jsiru fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-UE biex tiġi miġġielda l-persistenza tal-isterjotipi u d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess jiġu intensifikati, permezz ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni li jiffukaw fuq l-immaġini mhux sterjotipika tan-nisa u l-bniet u s-subien u l-irġiel u huma mmirati lejn il-livelli kollha tas-soċjetà; jistieden lill-Istati Membri jieħdu inizjattivi pożittivi bħalma huma strateġiji biex in-nisa jitħeġġu jagħżlu karrieri u professjonijiet li fihom mhumiex rappreżentati biżżejjed u li jħeġġu lill-irġiel jieħdu sehem ġust mill-kompiti tal-familja u dawk jdomestiċi jew li żidu l-fehim fost l-irġiel dwar kif l-vjolenza, inkluż it-traffikar għall-iskop ta’ sfruttament sesswali kummerċjalizzat, iż-żwiġijiet furzati u x-xogħol furzat, tagħmel ħsara lin-nisa, lill-irġiel u lit-tfal u timmina l-ugwaljanza bejn is-sessi, kif ukoll billi jieħdu miżuri biex titnaqqas id-domanda għan-nisa u t-tfal ittraffikati permezz ta’ kampanji ta’ informazzjoni;

46.  Itenni li n-nisa għandu jkollhom kontroll fuq is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi tagħhom; jistieden lill-Istati Membri kollha jiggarantixxu aċċess faċli lin-nisa għall-ippjanar tal-familja volontarju u għall-firxa sħiħa ta’ servizzi tas-saħħa riproduttiva u sesswali, inklużi l-kontraċezzjoni u l-abort sigur u legali; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jimpenjaw ruħhom biex iwettqu azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni pubblika bl-għan li jagħmlu lill-irġiel u lin-nisa għal kollox konxji mid-drittijiet u r-responsabilitajiet tagħhom f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kwistjonijiet sesswali u riproduttiva;

47.  Jevidenzja t-tendenza li qed tikber tal-użu eċċessiv ta’ klawżoli ta' oġġezzjoni kuxjenzjuża, li jirriżultaw f’ostakoli għall-aċċess għal servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-klawżoli ta’ oġġezzjoni kuxjenzjuża ma jżommux lill-pazjenti milli jaċċedu għal kura medika legali;

48.  Iqis li ċ-ċaħda ta’ servizzi li jsalvaw il-ħajja b’rabta mas-saħħa sesswali u riproduttiva, inkluż abort sikur, tammonta għal ksur gravi tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem;

49.  Jenfasizza l-importanza ta’ politiki attivi ta’ prevenzjoni, edukazzjoni u informazzjoni għall-adolexxenti, għaż-żgħażagħ u għall-adulti biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini tal-UE jibbenefikaw minn saħħa sesswali u riproduttiva tajba u jevitaw mard trażmess sesswalment u tqala mhux mixtieqa;

50.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-programmi komprensivi tagħhom ta' edukazzjoni sesswali u ta' edukazzjoni dwar ir-relazzjonijiet, inkluż it-tagħlim lill-bniet u lis-subien dwar relazzjonijiet ibbażati fuq il-kunsens, ir-rispett u r-reċiproċità, kif ukoll fl-attivitajiet ta’ sport u ħin liberu, fejn l-isterjotipi u l-istennijiet ibbażati fuq is-sessi jistgħu jaffettwaw l-awtostima tagħhom, is-saħħa, l-akkwist ta’ ħiliet, l-iżvilupp intellettwali, l-integrazzjoni soċjali u l-bini ta' identità tal-bniet u tas-subien;

51.  Jenfasizza l-importanza li l-irġiel jiġu inkoraġġuti jieħdu sehem b’mod sħiħ fl-azzjonijiet kollha lejn il-kisba tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u li jiġu identifikati l-kuntesti kollha li fihom għadd kbir ta’ rġiel jistgħu jintlaħqu, b’mod partikolari fl-istituzzjonijiet, l-industriji u l-assoċjazzjonijiet iddominati mill-irġiel, li l-irġiel jiġu sensitizzati għar-rwoli u r-responsabilitajiet tagħhom fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u jiġi appoġġjat il-prinċipju tas-setgħa u r-responsabilità kondiviżi bejn in-nisa u l-irġiel fuq il-post tax-xogħol, fil-komunitajiet, fl-isfera privata u fil-komunitajiet nazzjonali u internazzjonali aktar wiesgħa;

52.  Jistieden lill-Istati Membri jimmonitorjaw dawk il-każijiet fejn il-midja u l-industrija tar-reklamar jippromwovu s-sesswalizzazzjoni u l-kommodifikazzjoni tan-nisa u ta’ spiss juru sterjotipi femminili tas- żogħżija, is-sbuħija u l-attrazzjoni sesswali bħala mudell ta’ suċċess soċjali; jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni legali f’każijiet ta’ ksur tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżivi minn Stat Membru u tippromwovi prattiki tajba fl-impriżi pubbliċi u privati tal-midja permezz ta’ inċentivi; iħeġġeġ lill-midja u lill-industrija tar-reklamar jirrispettaw id-dinjità tan-nisa u jiżguraw li l-immaġini tagħhom tkun ħielsa minn sterjotipi u diskriminazzjoni u tkun konformi mad-diversità femminili eżistenti; jistieden, barra minn hekk, lill-midja u lill-industrija tar-reklamar jagħtu attenzjoni lil stili ta’ għajxien b’saħithom, mudelli ta’ familja differenti u stili ta’ għajxien differenti;

53.  Ifakkar fl-impenji li sar qbil dwarhom mill-UE fil-Pjanijiet ta’ Azzjoni UE-CELAC (Komunità ta’ Stati tal-Amerika Latina u tal-Karibew) tal-2013 u l-2015 dwar l-eradikazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa, u jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-kapitolu 7 tagħhom dwar il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jistieden lill-Istati Membri u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex jikkooperaw u jallokaw riżorsi ekonomiċi u istituzzjonali biex jiġi żgurat it-twettiq tar-rakkomandazzjonijiet dwar il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi miftiehma fil-pjanijiet ta’ azzjoni, speċjalment rigward il-qerda ta’ kull forma ta’ vjolenza, skont il-Konvenzjoni Belem de Pará, il-Konvenzjoni ta’ Istanbul u l-Konvenzjoni CEDAW;

54.  Jenfasizza l-fatt li, skont riċerka, l-impatt tat-tibdil fil-klima intwera li hu akbar għan-nisa milli għall-irġiel, billi huwa aktar probabbli li n-nisa jerfgħu l-akbar piż f’sitwazzjonijiet ta’ faqar; jemmen li n-nisa għandhom jipparteċipaw b’mod attiv fil-politika u fl-azzjoni dwar it-tibdil fil-klima;

55.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta għal Strateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli komprensiva li tkopri l-oqsma ta’ politika interni u esterni rilevanti kollha u tiżviluppa mekkaniżmi ta’ monitoraġġ, rieżami u responsabilità effettivi għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030, inkluż għall-miri u l-indikaturi tagħha dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, id-drittijiet tan-nisa u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa;

56.  Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-Istati Membri b’mod aktar effettiv, filwaqt li jenfasizza l-ħtieġa li jinbdew proċeduri ta’ ksur f’każijiet ta’ nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti;

57.  Jiddispjaċih li, minkejja d-dikjarazzjoni interistituzzjonali dwar l-iżgurar tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi mehmuża mal-Qafas Finanzjarjau Pluriennali (QFP), s'issa ma ttieħdet l-ebda miżura dwar l-ibbaġitjar għall-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi ; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li jiġi sorveljat mill-qrib kif il-prinċipji tad-dikjarazzjoni konġunta ġew implimentati fir-rigward tal-proċeduri baġitarji annwali, u jitlob li l-kumitat responsabbli jingħata rwol formali fil-proċess ta’ reviżjoni tal-QFP;

58.  Jistieden lill-gvernijiet tal-Istati Membri jiżguraw l-eżistenza u l-permanenza ta’ riżorsi xierqa għall-korpi inkarigati mit-tfassil, il-koordinazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki għall-ugwaljanza bejn is-sessi, bħala indikatur ewlieni tal-impenn tal-gvernijiet biex jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi;

59.  Jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE jintroduċu indikaturi speċifiċi dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, inkluż l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-EIGE, fis-sistema ta' monitoraġġ tal-mekkaniżmu futur tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali;

60.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija usa’ dwar l-ugwaljanza , inkluża direttiva orizzontali biex tindirizza b'mod determinat id-diskriminazzjoni, bl-għan li tiġi eliminata d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess fil-forom kollha tagħha; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Kunsill jilħaq pożizzjoni komuni malajr kemm jista' jkun dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età, il-ġeneru jew l-orjentazzjoni sesswali (COM(2008)0426), li ilha mblukkata minn mindu l-Parlament adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar dan fit-2 ta' April 2009(43); jappella lill-Kunsill, għal darba oħra, biex jinkludi l-ġeneru bħala fattur tad-diskriminazzjoni;

61.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57.
(2) ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1.
(3) ĠU C 70E, 8.3.2012, p. 162.
(4) ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.
(5) ĠU L 373, 21.12.2004, p. 37.
(6) ĠU L 353, 28.12.2013, p. 7.
(7) ĠU L 180, 15.7.2010, p. 1.
(8) ĠU L 68, 18.3.2010, p. 13.
(9) ĠU L 348, 28.11.1992, p. 1.
(10) ĠU L 359, 19.12.1986, p. 56.
(11) ĠU L 6, 10.1.1979, p. 24.
(12) ĠU C 341E, 16.12.2010, p. 35.
(13) ĠU C 199E, 7.7.2012, p. 65.
(14) ĠU C 251E, 31.8.2013, p. 1.
(15) ĠU C 316, 30.8.2016, p. 2.
(16) Testi adottati, P7_TA(2014)0105.
(17) Testi adottati, P8_TA(2016)0042.
(18) ĠU C 407, 4.11.2016, p.2.
(19) Testi adottati, P7_TA(2014)0126.
(20) Testi adottati, P8_TA(2015)0312.
(21) Testi adottati, P8_TA(2016)0073.
(22) Testi adottati, P8_TA(2016)0203.
(23) Testi adottati, P8_TA(2016)0235.
(24) Testi adottati, P8_TA(2016)0338.
(25) Testi adottati, P8_TA(2016)0360.
(26) Testi adottati, P8_TA(2016)0072.
(27) Testi adottati, P8_TA(2016)0227.
(28) ISBN 978-92-79-29898-1.
(29) ĠU L 59, 2.3.2013, p. 5.
(30) http://www.un.org/womenwatch/daw/csw/csw48/ac-men-auv.pdf
(31) ISBN 978-92-79-36171-5.
(32) Rapport tal-Eurofound (2016): "The gender employment gap: challenges and solutions" ("Id-diskrepanza bejn is-sessi fil-qasam tal-impjiegi: sfidi u soluzzjonijiet").
(33) Rapport tal-Eurofound (2015): "Promoting uptake of parental and paternity leave among fathers in the European Union" ("Il-promozzjoni tal-użu tal-liv tal-ġenituri u tal-paternità fost il-missirijiet fl-Unjoni Ewropea").
(34) Eurofound (2015): "First findings: Sixth European Working Conditions Survey" ("L-ewwel sejbiet: Is-Sitt Stħarriġ Ewropew dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol").
(35) http://ec.europa.eu/eurostat/web/crime/database
(36) Rapport tal-Eurostat "Trafficking in human beings" ("It-traffikar tal-bnedmin"), edizzjoni tal-2015.
(37) In-Netwerk Ewropew tal-Esperti Legali fil-Qasam tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi u n-Nondiskriminazzjoni: "A comparative analysis of gender equality law in Europe 2015" ("Analiżi komparattiva tal-liġi tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-Ewropa 2015").
(38) EIGE (2014): "Effectiveness of institutional mechanisms for the advancement of gender equality. Review of the implementation of the Beijing Platform for Action in the EU Member States" ("L-effettività tal-mekkaniżmi istituzzjonali għall-avvanz tal-ugwaljanza bejn is-sessi. Rieżami tal-implimentazzjoni tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing fl-Istati Membri tal-UE").
(39) Rapport tal-Eurofound (2014): "Social partners and gender equality in Europe" ("Is-sħab soċjali u l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-Ewropa").
(40) L-iżviluppi li qed iseħħu fl-2014 u fl-2015.
(41) Skeda informattiva tal-Kummissjoni Ewropea “Il-bilanċ bejn is-sessi fil-bordijiet korporattivi – l-Ewropa qed tiġġieled kontra limiti li ma jidhrux”, Ottubru 2015; Kummissjoni Ewropea, DĠ JUST, “In-nisa fit-teħid ta’ deċiżjonijiet ekonomiċi fl-UE: Rapport ta’ progress: Inizjattiva ta’ Ewropa 2020”, 2012; Aagoth Storvik u Mari Teigen, "Women on Board: The Norwegian Experience" (“In-Nisa Abbord : L-Esperjenza Norveġiża”), Ġunju 2010.
(42) ĠU L 328, 6.12.2008, p. 55.
(43) ĠU C 137 E, 27.5.2010, p. 68.

Avviż legali