Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2077(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0011/2017

Testi mressqa :

A8-0011/2017

Dibattiti :

PV 13/03/2017 - 16
CRE 13/03/2017 - 16

Votazzjonijiet :

PV 14/03/2017 - 6.13
CRE 14/03/2017 - 6.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0077

Testi adottati
PDF 384kWORD 59k
It-Tlieta, 14 ta' Marzu 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Standards Minimi għall-Protezzjoni tal-Fniek tat-Trobbija
P8_TA(2017)0077A8-0011/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2017 dwar l-istandards minimi għall-protezzjoni tal-fniek tat-trobbija (2016/2077(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 13 u 43 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2008/120/KE tat-18 ta’ Diċembru 2008 li tistabbilixxi standards minimi għall-protezzjoni tal-majjali,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2008/119/KE tat-18 ta' Diċembru 2008 li tistabbilixxi standards minimi għall-protezzjoni tal-għoġġiela,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 1999/74/KE tad-19 ta' Lulju 1999 li tistabbilixxi standards minimi għall-ħarsien ta' tiġieġ li jbid,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2007/43/KE tat-28 ta' Ġunju 2007 li tistabbilixxi regoli minimi għall-protezzjoni tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 98/58/KE tal-20 ta' Lulju 1998 dwar il-ħarsien ta' annimali miżmuma għal skopijiet ta' biedja,

–  wara li kkunsidra l-Ewrobarometru Speċjali 442, bit-titolu "Attitudes of Europeans towards Animal Welfare" ("L-Attitudnijiet tal-Ewropej lejn it-Trattament Xieraq tal-annimali", ippubblikat f'Marzu 2016,

–  wara li kkunsidra s-"Scientific Opinion Concerning the Welfare of Animals during Transport" ("Opinjoni Xjentifika Dwar il-Benessri tal-Annimali waqt it-Trasport") tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), tat-12 ta' Jannar 2011,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni xjentifika tal-EFSA dwar "The impact of the current housing and husbandry systems on the health and welfare of farmed domestic rabbits" ("L-impatt tas-sistemi ta' akkomodazzjoni u ta' trobbija attwali fuq is-saħħa u t-trattament xieraq tal-fniek domestiċi mrobbija f'azjendi tal-biedja") tal-11 ta' Ottubru 2005,

–  wara li kkunsidra l-Kapitolu 7,5 tal-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri, intitolat "Slaughter of animals" ("Il-qtil tal-annimali"), tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE),

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Rakkomandazzjonijiet għat-Trattament Xieraq tal-Fniek (Code of Recommendations for the Welfare of Rabbits) tal-Gvern tar-Renju Unit,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A8-0011/2017),

A.  billi l-fenek hu r-raba' l-aktar annimal imrobbi f'azjendi tal-biedja fid-dinja u t-tieni l-aktar speċi mrobbija f'azjendi tal-biedja fl-UE mil-lat ta' numri;

B.  billi l-produtturi Ewropej huma meħtieġa jissodisfaw standards għolja tas-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali li mhumiex dejjem obbligatorji f'pajjiżi terzi li jesportaw annimali għall-qatla lejn l-UE;

C.  billi l-konsumaturi qed isiru dejjem aktar attenti għall-kundizzjonijiet li fihom jitrabbew l-annimali;

D.  billi l-biedja tal-fniek intlaqtet ħażin ħafna mit-tnaqqis fil-konsum tal-laħam fl-Unjoni Ewropea u l-kriżi ekonomika fil-biedja u billi l-prezzijiet tal-bejgħ naqsu b'madwar 20 % fi tliet snin, filwaqt li l-ispejjeż tal-produzzjoni baqgħu kostanti;

E.  billi jenħtieġ li jittieħed kont tal-kontribuzzjoni nutrittiva magħmula mil-laħam tal-fenek u r-rwol li taqdi l-produzzjoni tiegħu fin-negozji mmexxija mill-familja, li jirrappreżentaw sehem sinifikanti ta' impjiegi għan-nisa f'ħafna żoni rurali fejn hemm ftit possibilitajiet ta' diversifikazzjoni tal-bhejjem;

F.  billi jenħtieġ li jittieħed kont daqstant ieħor tal-benessri tal-bdiewa kif ukoll tat-trattament xieraq tal-annimali;

G.  billi l-biċċa l-kbira tal-fniek jitrabbew għall-produzzjoni tal-laħam, fejn jinqatlu aktar minn 340 miljun fenek għal-laħam kull sena; billi t-trobbija tal-fniek f'azjendi tal-biedja tirrappreżenta inqas minn 1 % tal-produzzjoni finali tal-bhejjem tal-UE;

H.  billi s-settur tat-trobbija tal-fniek għal skopijiet ta' biedja fl-UE qed jiffaċċja tnaqqis kostanti u l-figuri għall-2016 jindikaw tnaqqis ta' 4,7 % fil-produzzjoni minħabba x-xejra tal-konsumaturi ta' tnaqqis fil-konsum tal-laħam tal-fenek; billi s-settur tal-biedja tal-fniek jopera fil-kundizzjonijiet tas-suq globali u ma jibbenefikax minn għajnuna diretta jew minn interventi tas-suq taħt il-Pilastru I tal-Politika Agrikola Komuni;

I.  billi l-UE għandha bilanċ kummerċjali negattiv maċ-Ċina fir-rigward tal-laħam tal-fenek; billi 99 % tal-importazzjonijiet tal-laħam tal-fenek għal ġol-UE joriġinaw miċ-Ċina; billi l-produtturi Ċiniżi se jisbqu lill-bdiewa tal-UE fil-kompetizzjoni, b'implikazzjonijiet negattivi għat-trattament xieraq tal-annimali, jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni;

J.  billi huwa kemm importanti kif ukoll meħtieġ li tintlaħaq u tinżamm il-produzzjoni profittabbli tal-fniek bl-għan li tkun tista' tkompli tgħin biex jiġu ppreservati n-nisġa u l-impjieg rurali, partikolarment għan-nisa, f'żoni fejn tipi oħra ta' produzzjoni mhumiex possibbli, kif ukoll biex tkompli toffri lill-konsumaturi ikel varjat u ta' kwalità għolja;

K.  billi l-Unjoni Ewropea hija l-produttur ewlieni fost il-produtturi tal-fniek fid-dinja, qabel l-Asja u b'mod partikolari ċ-Ċina, li, bil-produzzjoni tagħha ta' 417 000 tunnellata karkassi, hija l-akbar esportatriċi;

L.  billi l-bdiewa tal-fniek u s-settur kollu kemm hu għandhom interess li jiżguraw li t-trobbija tal-fniek f'konformità mal-mudell ta' produzzjoni Ewropew tkompli żżomm l-ogħla standards fid-dinja fir-rigward tas-sikurezza tal-ikel, is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali u r-rispett għall-ambjent;

M.  billi l-biedja tal-fniek Ewropea hija bbażata fuq il-koeżistenza ta' sistemi differenti ta' produzzjoni, u billi l-biedja tal-fniek hija mod importanti ta' kif jiġi diversifikat l-introjtu ta' ħafna azjendi agrikoli żgħar fit-territorju kollu;

N.  billi, b'konsum medju ta' 1,70 kg għal kull abitant, il-laħam tal-fenek huwa wieħed mill-inqas laħmijiet ikkunsmati fl-Unjoni (bejn 1 % u 2 % tal-laħam kollu kkunsmat);

O.  billi hemm tħassib serju dwar in-nuqqas ta' trattament xieraq, il-livelli għolja ta' tensjoni u r-rati għolja ta' mortalità u morbidità fost il-fniek tat-trobbija fl-Ewropa, kif diġà ġie konkluż mill-EFSA fl-2005; billi l-akkomodazzjoni, l-għalf, il-ġenetika, l-aspetti tas-saħħa u l-ottimizzazzjoni tal-istat emozzjonali tal-fniek miżmuma għal skopijiet ta' biedja huma mistoqsijiet vitali għall-partijiet ikkonċernati involuti fit-trobbija tal-fniek għal skopijiet tal-biedja, speċjalment fir-rigward tas-sostenn tas-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali;

P.  billi, minħabba d-domestikazzjoni tagħhom, il-maġġoranza tal-fniek fl-UE normalment jinżammu f'gaġeġ, ħaġa li tista' – u dan spiss hu minnu – tvarja minn pajjiż għal ieħor f'dawk li huma l-ispeċifikazzjonijiet tagħhom;

Q.  billi l-fenek, bħal speċijiet oħra li jikkoeżistu mal-bnedmin, iżomm l-elementi tal-imġiba naturali tiegħu, u jeħtieġ, għalhekk, li ssir aktar riċerka dwar miżuri u kundizzjonijiet li jistgħu jiġu implimentati waqt it-trobbija biex jiġi żgurat li l-fniek huma kapaċi jżommu l-imġiba naturali tagħhom kemm jista' jkun, kemm-il darba dan ikollu impatt pożittiv fuq is-saħħa tagħhom stess;

R.  billi, għall-iskopijiet ta' biedja intensiva, jintużaw razez tal-fenek li jikbru malajr u minn kmieni – magħrufa qabel bħala “fniek tal-laħam” – b'mod partikolari ibridi kummerċjali li huma użati fl-azjendi tat-trobbija industrijali tal-annimali għall-produzzjoni tal-laħam tal-annimali;

S.  billi sistemi ta' produzzjoni organika fejn il-fniek tas-simna jinżammu fi mqawel għall-gruppi b'aċċess għal żona żgħira ta' mergħa u aktar spazju b'mod ġenerali huma alternattiva possibbli għat-trobbija fil-gaġeġ, għalkemm sistemi ta' akkomodazzjoni fi gruppi bħal dawn jistgħu joħolqu problemi fir-rigward tal-interazzjonijiet soċjali negattivi u aggressività fost l-annimali, li jikkawżaw leżjonijiet li jaffettwaw is-saħħa u l-benessri tal-annimali u żieda fil-mard trażmess permezz tar-rotta mill-ippurgar għall-ħalq;

T.  billi xi regoli nazzjonali dwar il-produzzjoni organika jirrakkomandaw li l-fniek jitrabbew f'imqawel għall-gruppi mgħammra b'aċċess għal żona żgħira ta' mergħa fil-qiegħ tal-maqjel;

U.  billi, bħal fil-każ ta' speċijiet oħra bħat-tjur, tista' titwettaq riċerka dwar sistemi ta' produzzjoni alternattivi, inklużi sistemi ta' produzzjoni organika li jistgħu joffru lill-konsumaturi firxa akbar ta' prodotti tal-ikel u li sal-lum ġew żviluppati biss b'mod limitat;

V.  billi, fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, għandha ssir aktar riċerka dwar l-isfidi u l-opportunitajiet tas-sistemi ta' akkomodazzjoni fi gruppi;

W.  billi l-livell baxx tas-sinifikat ekonomiku tas-settur fl-UE jirrappreżenta diżinċentiv qawwi għar-riċerka u l-innovazzjoni mmirati lejn it-titjib tas-saħħa u t-trattament xieraq tal-fniek;

X.  billi hemm standards minimi tal-UE għall-protezzjoni tal-ħnieżer(1), tal-għoġġiela(2), tat-tiġieġ tal-bajd(3) u tat-tiġieġ tas-simna(4), kif ukoll id-Direttiva ġenerali tal-Kunsill għall-protezzjoni tal-annimali miżmuma għal skopijiet ta' biedja(5), iżda ma hemm l-ebda leġiżlazzjoni speċifika tal-UE dwar standards minimi għall-protezzjoni tal-fniek imrobbija f'azjendi tal-biedja; billi għadd dejjem jikber ta' konsumaturi u ċittadini madwar l-UE qed jitlob regolamentazzjoni u trattament xieraq aħjar għall-fniek tat-trobbija;

Y.  billi l-projbizzjoni ta' gaġeġ konvenzjonali għat-tiġieġ li jbid skont id-Direttiva 1999/74/KE issa tinsab fis-seħħ u fil-parti l-kbira ġiet trasposta b'suċċess fl-Istati Membri;

Z.  billi xi Stati Membri għandhom leġiżlazzjoni nazzjonali u rekwiżiti ġuridiċi għat-trobbija tal-fniek għal skopijiet ta' biedja u żviluppaw gwidi tal-aħjar prattika f'kollaborazzjoni mas-settur; billi fl-2012 l-Awstrija pprojbixxiet iż-żamma tal-fniek f'gaġeġ għall-produzzjoni tal-laħam u l-Belġju għandu leġiżlazzjoni fis-seħħ li għandha l-għan li gradwalment tneħħi l-gaġeġ u minflokhom iddaħħal is-sistemi ta' parks sal-2025;

AA.  billi l-Istrateġija tal-UE għall-Benessri tal-Annimali argumentat li jenħtieġ li l-leġiżlazzjoni eżistenti tiġi implimentata bis-sħiħ qabel ma tiddaħħal aktar leġiżlazzjoni, u li l-iżvilupp ta' gwidi tal-aħjar prattika għandu jiġi mħeġġeġ;

AB.  billi, meta wieħed iqis id-domanda għal tranżizzjoni lejn sistemi ta' produzzjoni alternattivi u meta wieħed iqis il-piż ekonomiku modest tat-trobbija tal-fniek għal skopijiet ta' biedja fis-settur Ewropew tal-produzzjoni tal-annimali, jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jitħeġġu jidħlu għal aktar riċerka fl-oqsma tas-saħħa, il-benessri, it-trobbija, l-akkomodazzjoni, in-nutrizzjoni, l-imġiba u l-isturdar tal-fniek;

AC.  billi l-Opinjoni Xjentifika tal-EFSA tal-2005 dwar l-akkomodazzjoni u s-sistemi ta' trobbija tal-fniek imrobbija għal skopijiet ta' biedja rakkomandat żidiet fid-daqs tal-gaġeġ, densitajiet massimi aktar baxxi tal-istokk ta' annimali li qed jikbru u interventi terapewtiċi, inkluż l-użu ta' addittivi biex jitnaqqas il-mard;

AD.  billi skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri tal-OIE dwar il-qatla tal-annimali, inklużi metodi ta' sturdament u rekwiżiti ta' għarfien għall-operaturi, tapplika għal-fniek;

AE.  billi l-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 98/58/KE dwar il-benessri tal-annimali tirrikjedi li jenħtieġ li jittieħdu "l-passi raġonevoli kollha" sabiex jiġi żgurat il-benessri tal-annimali, u l-Artikolu 4 jiddefinixxi l-istandards għaż-żamma tal-annimali f'termini tal-"esperjenza u l-għarfien xjentifiku stabbiliti", li jinkludu l-istandards stabbiliti mill-EFSA u l-OIE;

Kummenti ġenerali

1.  Jinnota li l-fniek fl-UE normalment jitrabbew f'gaġeġ konvenzjonali mhux arrikkiti, ambjent bla interess li jkollu biss ħawt għax-xorb u alimentatur għall-għalf u li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet tal-biedja ottimali skont l-aħħar sejbiet xjentifiċi; jinnota wkoll li l-fniek xi drabi jiġu mgħalfa esklużivament il-gerbub, mingħajr aċċess għal materjal fibruż, u li l-għeluq u d-djuq ta' gaġeġ tal-wajer bla interess jista' jwassal għal imġiba anormali;

2.  Jinnota li jeħtieġ li ssir riċerka xjentifika ulterjuri dwar is-sistemi ta' akkomodazzjoni ta' kwalità li jistgħu jippromwovu s-saħħa u jillimitaw ir-riskju li l-annimali jistgħu jimirdu jew jiġu infettati;

3.  Jirrikonoxxi li l-alternattivi għat-trobbija tal-fniek f'azjendi tal-biedja fil-gaġeġ qegħdin jiġu implimentati b'suċċess, bħalma hi t-trobbija tal-fniek f'azjendi tal-biedja f'parks jew sistemi ta' kaxxi, bil-ħaxix bħala l-għalf prinċipali, li jtejbu l-kumdità u t-trattament xieraq tal-fniek imrobbija f'azjendi tal-biedja; iqis li jenħtieġ li jiġu żviluppati, imtejba u mħeġġa sistemi alternattivi filwaqt li jiġi rikonoxxut li d-domanda għal-laħam tal-fenek minn tali sistemi tista', sa ċertu punt, tiġi limitata mill-impatt tal-ispejjeż addizzjonali tal-produzzjoni fuq il-prezz mitlub lill-konsumatur;

4.  Jinkoraġġixxi l-użu ta' sistemi ta' parks kollettivi għall-fniek minħabba li dawn jippermettu spazju għall-għajxien aktar ġeneruż, peress li jippermettu mġiba soċjali lokomotiva; jirrimarka li l-użu ta' sistemi ta' parks kollettivi itejjeb it-trattament xieraq tal-fniek tat-trobbija billi jippermettulhom eżistenza li tixbah aktar mill-qrib l-istat naturali tagħhom; jenfasizza li s-saħħa tal-annimali tiddependi wkoll minn żewġ prattiki tal-biedja importanti, jiġifieri l-kundizzjonijiet ambjentali tal-bini u l-iżvilupp ta' prattiki adegwati ta' trobbija, bijosigurtà u ġestjoni;

5.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jidħlu għal riċerka ulterjuri għall-fini li jinstabu l-aħjar sistemi possibbli ta' akkomodazzjoni biex itejbu l-benessri tal-annimali f'tipi differenti ta' biedja, u hekk jagħmluha possibbli biex jiġu implimentati titjibiet fil-farms filwaqt li fl-istess ħin tiġi garantita s-sostenibilità tagħhom;

6.  Jisħaq fuq il-fatt li l-laħam tal-fenek kollu li jinsab fis-suq tal-UE jrid jaderixxu ma' standards għolja tas-sikurezza tal-ikel u standards tal-kwalità u kriterji tat-trattament xieraq tal-annimali, inklużi l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi; jenfasizza l-perikli tal-kompetizzjoni inġusta minn pajjiżi terzi jekk ma jiġux applikati għall-importazzjonijiet standards u kriterji ekwivalenti;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippreservaw il-kwalità u s-sikurezza tal-importazzjonijiet tal-laħam tal-fenek billi jwettqu kontrolli u spezzjonijiet bir-reqqa meta dawn l-importazzjonijiet jidħlu fl-Unjoni;

8.  Jilqa' l-istabbiliment ta' pjattaforma Ewropea dwar il-benessri tal-annimali u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiskambjaw u jitfgħu dawl fuq kodiċijiet ta' prattika fir-rigward tat-trobbija tal-fniek;

It-tnissil tal-fniek

9.  Jenfasizza li t-trobbija tal-fniek fl-UE hija intensifikata bil-kbir, għalkemm il-kundizzjonijiet li fihom jiġu mrobbija u miżmuma l-fniek ivarjaw, u dan minħabba d-differenzi fl-għanijiet tat-trobbija tal-fniek u fil-ħtiġijiet tal-konsumatur bejn is-swieq u l-Istati Membri;

10.  Jirrimarka li d-daqs tal-gaġeġ ivarja skont l-età u l-piż tal-annimali u li dan jinfluwenza l-movimenti tagħhom bħal pereżempju meta jistiraw, joqogħdu bilqiegħda u bilwieqfa b'widnejhom imwaqqfa (qagħda tipika ta' “għassa” li hija tipika tal-ispeċi), jippinnaw, iduru bil-kumdità u joqomsu; jenfasizza li dan in-nuqqas ta' eżerċizzju jista' jwassal ukoll biex l-għadam jiddgħajjef, jiżviluppaw mġiba sterjotipika u leżjonijiet tal-parti r-ratba tal-qiegħ tas-sieq;

11.  Jenfasizza li s-sistemi tal-akkomodazzjoni ttejbu biż-żmien biex issa jinkorporaw arranġamenti ġodda bħalma huma partijiet fejn il-fniek jistgħu jserrħu saqajhom, bl-għan li jitnaqqsu l-leżjonijiet u jittejjeb it-trattament xieraq tal-annimali; jirrimarka, madankollu, li xi wħud mill-mudelli aktar qodma ta' gaġeġ użati jista' jagħti l-każ li jkollhom disinn li ma jkunx adattat skont l-istandards moderni;

12.  Jinnota bi tħassib li hemm rata intrinsikament għolja ta' mard u mortalità fost il-fniek tat-trobbija minħabba fatturi bħal pereżempju rati ogħla ta' infezzjonijiet parassitiċi (koċċidjosi, pinworms, eċċ.) u suxxettibilità għal mard infettiv bħalma huma l-HDV u l-missomatożi;

13.  Jirrimarka li fl-2005 l-EFSA kkonkludiet li r-rati ta' mortalità u ta' morbidità tal-fniek imrobbija f'azjendi tal-biedja dehru li kienu konsiderevolment ogħla milli fil-każ ta' speċijiet oħra ta' annimali mrobbija f'azjendi tal-biedja minħabba infezzjonijiet enteriċi u respiratorji u problemi riproduttivi; jinnota wkoll li l-istess rapport tal-EFSA wissa dwar ir-riskji ogħla għas-saħħa tal-fniek li jirriżultaw mill-produzzjoni fuq l-art meta mqabbel mal-produzzjoni fil-gaġeġ, speċifikament minħabba tal-koċċidjożi u infezzjonijiet parassitiċi;

14.  Jilqa' l-progress li sar minn bosta produtturi billi daħħlu titjibiet fid-disinn tas-sistemi tal-akkomodazzjoni f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-EFSA; jesprimi t-tħassib tiegħu, madankollu, dwar l-iskarsezza tal-ammont ta' trattament u ta' riċerka mmirati biex jindirizzaw il-mard fost il-fniek tat-trobbija;

It-trobbija tal-fniek

15.  Jesprimi t-tħassib tiegħu li l-fniek imrobbija u msemmna għall-produzzjoni tal-laħam fl-UE u li huma miżmuma f'gaġeġ antikwati li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti moderni tal-biedja qed jingħataw spazju għal kull fenek li huwa ta' inqas mill-firxa ta' żewġ folji ordinarji ta' karta A4;

16.  Jirrimarka li l-fniek huma annimali bil-wisq sensittivi u jistgħu jbatu minn firxa wiesgħa ta' problemi ta' trattament xieraq u mard ikkawżat minn kundizzjonijiet ta' trobbija mhux xierqa, inklużi viruses fatali, mard respiratorju u ħokkijiet muġugħa minħabba li jkunu bilqegħda fuq art tal-gaġġa magħmula mill-gożwajer;

17.  Jirrimarka li ftit hemm għodod terapewtiċi disponibbli għall-bdiewa li jrabbu l-fniek u għall-veterinarji biex jindirizzaw b'mod determinat il-problemi tas-saħħa li jinqalgħu, u li hemm il-ħtieġa li jsiru aktar sforzi biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta' riċerka u investiment f'mediċini għat-trattament ta' użi minuri u ta' speċijiet minuri;

18.  Jinnota wkoll li n-nutrizzjoni għandha impatt qawwi fuq il-benessri tal-annimali u fuq is-saħħa tal-annimali, u għalhekk iqis li l-fniek għandu jkollhom aċċess permanenti għal dieta bilanċjata b'dożi fibrużi xierqa;

19.  Jinnota, madankollu, li r-riskji tas-saħħa huma limitati grazzi għar-regoli tas-saħħa stretti ħafna tal-UE u jisħaq li taħt il-leġiżlazzjoni li hemm fis-seħħ (Direttiva 98/58/KE) l-annimali morda jenħtieġ li immedjatament jirċievu kura medika, li tkun akkumpanjata minn iżolament tal-annimal matul il-konvalexxenza tiegħu jew li tiġi segwita b'ewtanasja jekk ikun meħtieġ;

20.  Jirrikonoxxi l-importanza li jiġu pprovduti korsijiet ta' taħriġ għall-persuni involuti fl-aspetti kollha tat-trattament tal-annimali fit-trobbija tal-fniek f'azjendi tal-biedja, u gwidi ta' prattika tajba bbażati fuq analiżijiet tekniċi u xjentifiċi affidabbli, bl-għan li l-prestazzjoni u l-fehim tagħhom tar-rekwiżiti rilevanti tat-trattament xieraq tal-annimali jittejbu u b'hekk tiġi evitata t-tbatija bla bżonn tal-annimali;

21.  Jenfasizza li l-fniek miftuma għat-tismin u l-fniek nisa miżmuma f'sistemi alternattivi ta' parks kollettivi, li tipikament jipprovdu 750 cm² għal kull għal kull fenek tal-laħam u 800 cm² għal kull fenka, jibbenefikaw minn aktar spazju biex jiċċaqilqu, biex jinteraġixxu soċjalment u biex jilagħbu, u li l-pjattaformi fis-sistemi ta' parks kollettivi jippermettu lill-fniek jevitaw lill-aggressuri billi jwarrbu min-nofs, b'akkomodazzjoni separata għall-fniek nisa meta jkunu qed ireddgħu boton;

22.  Jirrikonoxxi li sistemi bħal dawn se jikkawżaw lill-azjendi tal-biedja jġarrbu spejjeż, ħaġa li teħtieġ li titqies billi tiġi pprovduta assistenza finanzjarja lil dawk il-bdiewa li jagħżlu din is-sistema għat-trobbija tal-fniek; jistieden lill-Kummissjoni biex fil-baġits tal-UE futuri tappoġġja s-settur tat-trobbija tal-fniek f'azjendi tal-biedja; jinnota li hemm disponibbli appoġġ finanzjarju taħt programmi ta' żvilupp rurali biex jingħata appoġġ lil dawk il-bdiewa li japplikaw il-miżuri ta' trattament xieraq tal-annimali li jtejbu l-benessri tal-fniek;

23.  Jirrimarka li kwalunkwe miżura obbligatorja mibdija se jkollha tiġi sostnuta mill-baġit meħtieġ biex jingħata appoġġ lil dawk li jrabbu l-fniek; isostni wkoll li għandha tiġi inkluża intestatura speċifika bl-għan li jiġi promoss il-konsum tal-laħam tal-fenek;

24.  Jenfasizza li jekk issir aktar riċerka dwar l-akkomodazzjoni tal-fniek nisa fi grupp din tkun ta' ġid għall-benessri tagħhom, b'mod partikolari fir-rigward taż-żmien li matulu l-fniek nisa jridu jinżammu f'akkomodazzjoni separata u meta sussegwentement iridu jerġgħu jiddaħħlu fil-grupp;

25.  Jagħti parir li l-fniek irġiel li għandhom aktar minn 12-il ġimgħa li jinżammu għat-tnissil jenħtieġ li dejjem jinżammu għalihom fi kwalunkwe sistema, minħabba problemi ta' aggressjoni;

It-trasport u l-qatla

26.  Ifakkar li t-trasport huwa esperjenza ta' tensjoni estrema għall-fniek; jenfasizza li l-fniek għandhom jiġu mitmugħa u misqija qabel it-trasport fuq distanza twila u jingħataw biżżejjed ikel, ilma u spazju fit-tranżitu, u li l-ħinijiet tat-trasport għandhom ikunu limitati kemm jista' jkun, minħabba s-sensittività tal-ispeċi; jenfasizza li hemm varjetà enormi ta' fatturi ta' tensjoni li jaffettwaw it-trattament xieraq tal-annimali bħalma huma s-sħana, il-ġuħ, id-deżidratazzjoni, l-uġigħ u t-trawma, il-kesħa, dardir mill-moviment fit-trasport u l-biża';

27.  Jenfasizza li t-trattament xieraq tal-fniek tat-trobbija matul it-trasport u l-qatla jiddependi wkoll mill-attitudnijiet u mill-proċeduri tat-trattament użati mill-bdiewa, mit-trasportaturi u mill-persunal tal-biċċerija, kif ukoll mill-loġistika tat-trasport; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE, speċjalment ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport;

28.  Jenfasizza li l-fniek għandhom jiġu sturduti kompletament qabel il-qatla, biex jiġi żgurat li ma jgħaddu minn l-ebda tbatija, uġigħ jew tensjoni. ifakkar li l-qatla għandha titwettaq mingħajr ir-riskju li l-annimal sturdut jerġa' jiġi f'sensih f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1099/2009 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla; ifakkar li l-iżvilupp ta' riċerka prattika dwar it-tekniki tal-isturdament użati fuq speċijiet oħra jagħmilha possibbli li jiġu stabbiliti metodi elettriċi jew metodi oħra ta' sturdament, bħalma hu l-isturdament b'taħlita ta' gassijiet, li jkunu jixirqu lill-karatteristiċi speċifiċi ta' fniek, li jistgħu jkunu kummerċjalment vijabbli kif ukoll aktar kompassjonanti;

Ir-reżistenza antimokrobika

29.  Jirrikonoxxi l-isforzi tal-produtturi Ewropej biex inaqqsu l-użu tal-antibijotiċi fit-trobbija tal-fniek fl-azjendi tal-biedja; jenfasizza li l-użu mifrux ħafna tal-antibijotiċi fit-trobbija tal-fniek fl-azjendi tal-biedja, speċjalment fit-tipi ta' biedja intensiva, jista' jwassal għal żieda fir-reżistenza antimikrobika;

30.  Jinnota li d-dipendenza qawwija mill-antibijotiċi tista' twassal għal żieda fir-reżistenza antimikrobika, sitwazzjoni li tagħmilha vitali li nersqu lejn l-użu aktar responsabbli tal-antibijotiċi; huwa tal-fehma li t-trobbija tal-fniek fl-azjendi tal-biedja hija parti minn din is-sitwazzjoni flimkien ma' setturi oħra tal-produzzjoni tal-annimali u li għandha wkoll tagħmel sforz sinifikanti biex tippromwovi l-użu responsabbli tal-antibijotiċi sabiex tinżamm l-effikaċja u tiġi prevenuta r-reżistenza antimikrobika;

31.  Jenfasizza li sabiex jilħqu u jżommu standards għolja ta' iġjene fis-sistemi kollha tal-biedja, l-aktar permezz tal-iżvilupp ta' miżuri preventivi u kontrolli mmirati, l-Istati Membri għandhom jitħeġġu jeliminaw gradwalment l-użu tal-gaġeġ konvenzjonali madwar l-UE kollha, filwaqt li jippromwovu sistemi ta' biedja arrikkiti li jkunu ekonomikament vijabbli;

32.  Jenfasizza li l-antibijotiċi jridu jintużaw biss għal skopijiet ta' kura u għandhom jiġu segwiti mill-perjodu tal-irtirar ix-xieraq qabel il-qatla skont ir-Regolament (KE) Nru 470/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-limiti ta' residwi ta' sustanzi farmakoloġikament attivi fl-oġġetti tal-ikel li joriġinaw mill-annimali, sabiex jiġi garantit li l-laħam tal-fenek huwa sikur;

33.  Jenfasizza li tnaqqis fl-użu tal-antibijotiċi, u l-impatt pożittiv li dan se jkollu fuq is-saħħa pubblika, jista' jirnexxi biss jekk issir enfasi aktar qawwija fuq il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-azjendi tal-biedja li jrabbu l-fniek;

Konklużjonijiet

34.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-għadd għoli ta' fniek li qed jiġu mrobbija f'azjendi tal-biedja u maqtula fl-UE u l-implikazzjonijiet severi fuq it-trattament xieraq tal-annimali min-naħa tas-sistemi li qed jintużaw attwalment għaż-żamma tal-fniek, tfassal pjan direzzjonali favur standards minimi li jkunu finanzjarjament sostenibbli għall-protezzjoni tal-fniek tat-trobbija; jenfasizza li dan il-pjan direzzjonali jenħtieġ li jkun fih l-istadji importanti li jistgħu jitkejlu b'rappurtar regolari, u, f'ordni kronoloġika, għandu jikkonsisti, bħala minimu, f'dawn li ġejjin:

   l-abbozzar ta' linji gwida li jkun fihom prattiki tajbin u li l-istabbiliment ta' regoli dwar it-trattament xieraq tal-annimali għall-fniek f'kooperazzjoni ma' dawk kollha involuti fil-produzzjoni u partijiet ikkonċernati oħra fis-settur tat-trobbija tal-fniek,
   Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, b'kont meħud tal-miżuri nazzjonali eżistenti, li jinkludi, fejn ikun xieraq, proposti għal approċċ komuni tal-UE, b'mod partikolari fir-rigward tas-saħħa, it-trattament xieraq u l-akkomodazzjoni tal-fniek;
   fuq perjodu ta' żmien xieraq, proposta leġiżlattiva dwar l-istandards minimi għall-protezzjoni tal-fniek tat-trobbija;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni tuża l-evidenza u s-sejbiet xjentifiċi bħala bażi meta tkun qed tipproponi miżuri għar-rekwiżiti ta' akkomodazzjoni għall-fniek nisa tat-tnissil u għall-fniek imrobbija għall-produzzjoni tal-laħam, filwaqt li tingħata kunsiderazzjoni xierqa lill-ħtiġijiet bijoloġiċi tal-annimali u lill-imġiba tagħhom speċifika għall-ispeċi fir-rigward ta' dawn ir-rekwiżiti ta' akkomodazzjoni;

36.  Jemmen li r-rekwiżiti fl-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 98/58/KE li jittieħdu l-"passi raġonevoli kollha” għat-trattament xieraq tal-annimali u li jiddefinixxu l-istandards, skont "l-esperjenza stabbilita u l-għerf xjentifiku" għandhom jintużaw biex jiġu infurzati r-rakkomandazzjonijiet xjentifiċi dwar it-trattament xieraq tal-fniek stabbiliti mill-EFSA u mill-OIE;

37.  Jirrimarka li għandu jinżamm bilanċ bejn id-diversi aspetti li għandhom jiġu kkunsidrati, fir-rigward tal-benessri u s-saħħa tal-annimali, is-sitwazzjoni finanzjarja u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-bdiewa, is-sostenibilità tal-produzzjoni, l-impatt ambjentali u l-protezzjoni tal-konsumatur; jirrimarka wkoll li għandhom jitqiesu l-ħtiġijiet tal-konsumaturi ta’ laħam tal-fenek affordabbli u ta' kwalità għolja;

38.  Jenfasizza li l-għan tal-PAK huwa li jiġu fornuti prodotti agrikoli u tal-ikel lill-konsumaturi madwar l-UE kollha filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet u x-xewqat tagħhom ta' prodotti agrikoli u tal-ikel li jkunu tajba għas-saħħa u ta' kwalità għolja bi prezzijiet affordabbli;

39.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lis-settur joħolqu sistemi ċari ta' tikkettar tal-produzzjoni u jagħmlu użu ta' skemi ta' tikkettar kif stipulati fil-Kapitolu V tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, biex jiżguraw trasparenza akbar tas-suq, jinżammu l-istandards tal-kwalità u jħarsu s-saħħa tal-konsumaturi, u b'hekk jippermettu lill-konsumaturi jagħmlu għażliet ta' xiri infurmati u trasparenti, filwaqt li jenfasizzaw il-provenjenza tal-prodott u jipproteġu lill-prodott minn kompetizzjoni inġusta;

40.  Jenfasizza li r-regoli eżistenti kollha għandhom jiġu armonizzati fil-livell tal-UE; jenfasizza li l-iskambju ta' informazzjoni għall-fini tat-tfassil ta' gwidi ta' prattika tajba u l-appoġġ għall-gwidi nazzjonali huma kruċjali għal dan il-proċess;

41.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jġibu d-dispożizzjonijiet tagħhom konformi mad-dispożizzjonijiet eżistenti dwar it-trattament xieraq tal-fniek stabbiliti mill-Awstrija, il-Belġju, il-Ġermanja u r-Renju Unit, fl-interessi ta' kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni;

42.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' aktar riċerka xjentifika dwar it-trobbija tal-fniek f'azjendi tal-biedja, b'kont meħud tad-domanda għal tranżizzjoni lejn sistemi ta' produzzjoni alternattivi; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jagħtu appoġġ baġitarju apposta u jwettqu riċerka fir-rigward ta' dawn li ġejjin:

   is-saħħa tal-fniek tat-trobbija,
   it-trattament xieraq tal-fniek tat-trobbija,
   l-akkomodazzjoni għall-fniek tat-trobbija,
   it-tgħammir tal-fniek tat-trobbija, inkluż it-tgħammir tal-fniek minn linji ġenetiċi li għandhom temperamenti aktar kalmi,
   it-trobbija tal-fniek tat-trobbija,
   l-imġiba tal-fniek tat-trobbija,
   in-nutrizzjoni għall-fniek tat-trobbija,
   il-mard, il-morbidità u l-mortalità speċifiċi għall-ispeċi tal-fniek tat-trobbija,
   il-prodotti mediċinali, vaċċini u trattamenti xierqa għall-fniek tat-trobbija, filwaqt li jitqiesu l-problemi li dejjem qed jiżdiedu tar-reżistenza antimikrobika,
   il-metodi xierqa ta' sturdament, li juru kompassjoni, speċifiċi għall-ispeċi għall-fniek tat-trobbija;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu data dwar il-produzzjoni u l-kummerċ tal-laħam tal-fenek u jinkludu l-laħam tal-fenek fl-Osservatorju tas-Suq Ewropew tal-Laħam;

o
o   o

44.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/120/KE tat-18 ta' Diċembru 2008 li tistabbilixxi standards minimi għall-protezzjoni tal-majjali. (ĠU L 47, 18.2.2009, p. 5).
(2) Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/119/KE tat-18 ta' Diċembru 2008 li tistabbilixxi standards minimi għall-protezzjoni tal-għoġġiela (ĠU L 10, 11.1.2009, p. 7).
(3) Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/74/KE tad-19 ta' Lulju 1999 li tistabilixxi standards minimi għall-ħarsien ta' tiġieġ li jbid (ĠU L 203, 3.8.1999, p. 53).
(4) Id-Direttiva tal-Kunsill 2007/43/KE tat-28 ta' Ġunju 2007 li tistabbilixxi regoli minimi għall-protezzjoni tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam (ĠU L 182, 12.7.2007, p. 19).
(5) Id-Direttiva tal-Kunsill 98/58/KE tal-20 ta' Lulju 1998 dwar il-ħarsien ta' annimali miżmuma għal skopijiet ta' biedja (ĠU L 221, 8.8.1998, p. 23).

Avviż legali